62003J0040



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-40/03 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 49 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fid-29 ta' Jannar 2003,

Rica Foods (Free Zone) NV, stabbilita f'Oranjestad (l-Aruba), rappreżentata minn G. van der Wal, advocaat,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej , rappreżentata minn T. van Rijn, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

ir-Renju ta' l-Olanda , rappreżentat minn H. Sevenster, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

ir-Renju ta' Spanja , rappreżentat minn N. Díaz Abad u D. Miguel Muñoz Pérez, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta, R. Schintgen (Relatur), G. Arestis u J. Kluka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Diċembru 2004,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta' Frar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. Bl-appell tagħha, Rica Foods (Free Zone) NV (iktar 'il quddiem "Rica Foods") qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-14 ta' Novembru 2002, Rica Foods u Free Trade Foods vs il-Kummissjoni (T-332/00 u T-350/00, Ġabra p. II-4755, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li biha l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2081/2000, tad-29 ta' Settembru 2000, li jkompli l-applikazzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni għall-importazzjonijiet minn pajjiżi u territorji extra-Ewropej ta' prodotti tas-settur taz-zokkor ta' oriġini akkumulata EC/OCT [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 246, p. 64, iktar 'il quddiem ir-"Regolament ikkontestat").

Il-kuntest ġuridiku

L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor

2. Permezz tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 tat-13 ta' Settembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 252, p. 1), il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea pproċeda għall-kodifikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81, tat-30 ta' Ġunju 1981, li waqqaf din l-organizzazzjoni komuni (ĠU L 177, p. 4) u li ġie emendat diversi drabi. Din l-organizzazzjoni għandha l-għan li tirregola s-suq Komunitarju taz-zokkor sabiex iżżid l-impjiegi u l-livell ta' għajxien tal-produtturi Komunitarji.

3. L-għajnuna għall-produzzjoni Komunitarja mogħtija permezz ta' prezzijiet garantiti, hija limitata għall-kwoti nazzjonali ta' produzzjoni (kwoti A u B) stabbiliti mill-Kunsill, b'applikazzjoni tar-Regolament Nru 2038/1999, għal kull Stat Membru li sussegwentement iqassamhom bejn il-produtturi tiegħu. Iz-zokkor li jaqa' taħt il-kwota B (imsejjaħ "zokkor B") huwa soġġett għal taxxa fuq il-produzzjoni aktar għolja, meta mqabbel ma' dak li jaqa' taħt il-kwota A (imsejjaħ "zokkor A"). Iz-zokkor prodott li jeċċedi l-kwoti A u B huwa msejjaħ "zokkor C" u ma jistax jinbiegħ fi ħdan il-Komunità Ewropea, sakemm ma jiġix inkorporat fil-kwoti A u B ta' l-istaġun ta' wara.

4. B'eċċezzjoni ta' l-esportazzjonijiet taz-zokkor C, l-esportazzjonijiet extra-Komunitarji jibbenefikaw, bis-saħħa ta' l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 2038/1999, minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni li jikkumpensaw id-differenza bejn il-prezz fuq is-suq Komunitarju u l-prezz fuq is-suq dinji.

5. Il-kwantità ta' zokkor li tista' tibbenefika minn rifużjoni fuq l-esportazzjoni u l-ammont totali annwali tar-rifużjonijiet huma regolati mill-ftehim ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar 'il quddiem il-"ftehim WTO") li tagħhom il-Komunità hija parti, approvati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (tat-22 ta' Diċembru 1994) dwar il-konkluzjoni f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq[a] fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (94/800/KE) (ĠU L 336, p. 1). Sa l-iktar tard mis-sena tas-suq 2000/2001, il-kwantità ta' zokkor esportata b'rifużjoni u l-ammont totali tar-rifużjonijiet kellhom ikunu limitati għal 1 273 500 tunnellata u għal 499.1 miljun EUR, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 20 u ta' 36% rispettivament, meta mqabbla maċ-ċifri għas-sena tas-suq 1994/1995.

L-arranġamenti ta' assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej mal-Komunità

6. Skond l-Artikolu 3(1)(s) KE, l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCT) "biex jiżdied il-kummerċ u sabiex flimkien iġibu 'il quddiem l-iżvilupp ekonomiku u soċjali".

7. L-Antilles Olandiżi u l-Aruba jagħmlu parti mill-OCT.

8. L-assoċjazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar mal-Komunità hija regolata mir-Raba' Parti [imsejħa "Taqsima IV" fit-Trattat KE] tat-Trattat KE.

9. Numru ta' deċiżjonijiet ġew adottati abbażi ta' l-Artikolu 136 tat-Trattat KE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 187 KE), fosthom id-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/482/KEE, tal-25 ta' Lulju 1991, dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ewropea [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 263, p. 1), li, skond l-Artikolu 240(1) tagħha, hija applikabbli għal perijodu ta' għaxar snin mill-1 ta' Marzu 1990.

10. Diversi dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni ġew emendati permezz tad-Deċizjoni tal-Kunsill 97/803/KE, ta' l-24 ta' Novembru 1997, li tirrevedi, f'nofs it-terminu, tad-Deċiżjoni 91/482 [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 329, p. 50). Id-Deċiżjoni 91/482, kif emendata mid-Deċiżjoni 97/803 (iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni OCT"), ġiet prorogata sat-28 ta' Frar 2001 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/169/KE, tal-25 ta' Frar 2000 (ĠU L 55, p. 67).

11. L-Artikolu 101(1) tad-Deċiżjoni OCT jiddisponi:

"Il-prodotti li joriġinaw mill-OCT għandhom jiġu importati fil-Komunità mingħajr dazji fuq l-importazzjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12. L-Artikolu 102 ta' din l-istess Deċiżjoni jipprovdi:

"Mingħajr preġudizzju [għall-Artikolu] 108b, il-Komunità la għandha tapplika restrizzjonijiet kwantitattivi u lanqas miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għall-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-OCT." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13. L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 108(1) ta' din id-Deċiżjoni jirreferi għall-Anness II tagħha għad-definizzjoni tal-kunċett ta' prodotti li joriġinaw u tal-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva relatati miegħu. Skond l-Artikolu 1 ta' dan l-Anness, prodott huwa kkunsidrat bħala li joriġina mill-OCT, mill-Komunità jew mill-Istati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (iktar 'il quddiem l-"Istati ACP") jekk ikun ġie kompletament miksub jew suffiċjentement ipproċessat hemmhekk.

14. L-Artikolu 3(3) ta' l-imsemmi Anness II jinkludi lista ta' xogħlijiet jew ta' pproċessar ikkunsidrati bħala insuffiċjenti sabiex jattribwixxu l-karatteristika ta' l-oriġini lil prodott li jkun ġej, b'mod partikolari, mill-OCT.

15. Madankollu, l-Artikolu 6(2) ta' dan l-Anness jinkludi regoli msejħa "regoli ta' kumulu ta' oriġini EC/OCT u ACP/OCT" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa jiddisponi:

"Meta prodotti kompletament miksuba fil-Komunità jew fl-Istati ACP jinħadmu jew jiġu proċessati fl-OCT, huma jiġu kkunsidrati bħala li jkunu ġew kompletament miksuba fl-OCT." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16. Skond l-Artikolu 6(4) ta' l-imsemmi Anness, ir-regoli ta' kumulu ta' oriġini EC/OCT u ACP/OCT huma applikabbli għal "kull xogħol jew ipproċessar magħmul fl-OCT, inklużi l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 3(3)" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

17. Id-Deċiżjoni 97/803 żiedet, inter alia , fid-Deċiżjoni OCT l-Artikolu 108b li l-ewwel paragrafu tiegħu jiddisponi li "il-kumulu ta' oriġini ACP/OCT imsemmi fl-Artikolu 6 ta' l-Anness II ikun permess għal kwantità annwali ta' 3 000 tunnellata ta' zokkor" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, id-Deċiżjoni 97/803 ma llimitatx l-applikazzjoni tar-regola tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT.

18. L-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT tawtorizza lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tieħu "il-miżuri ta' protezzjoni neċessarji" meta "l-applikazzjoni ta' [din id-Deċiżjoni] ġġib magħha tfixkil gravi f'settur ta' attività ekonomika tal-Komunità jew ta' xi wieħed jew iżjed mill-Istati Membri jew tikkomprometti l-istabbiltà finanzjarja esterna tagħhom, jew [meta] jinqalgħu diffikultajiet li jistgħu jgibu magħhom id-deterjorament ta' settur ta' attività tal-Komunità jew ta' reġjun tagħha [...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond l-Artikolu 109(2) ta' l-imsemmija Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tagħżel "il-miżuri li l-inqas ifixklu l-funzjonament ta' l-assoċjazzjoni u tal-Komunità". Minbarra dan, "[d]awn il-miżuri m'għandhomx jeċċedu dak li huwa strettament indispensabbli sabiex jirrimedja d-diffikultajiet li jkunu nqalgħu" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Il-miżuri ta' protezzjoni meħuda fil-konfront ta' l-importazzjonijiet ta' zokkor u ta' taħlitiet ta' zokkor u kawkaw li jibbenefikaw mill-kumulu ta' oriġini EC/OCT

19. Abbażi ta' l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT, ġie adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2423/1999, tal-15 ta' Novembru 1999, li jintroduċi miżuri ta' protezzjoni fir-rigward taz-zokkor li jaqa' taħt il-Kodiċi NM 1701 u tat-taħlitiet ta' zokkor u kawkaw li jaqgħu taħt il-Kodiċijiet NM 18061030 u 18061090 li joriġinaw fil-pajjiżi u territorji extra-Ewropej [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 294, p. 11).

20. Permezz ta' dan ir-Regolament, applikabbli sad-29 ta' Frar 2000, il-Kummissjoni assoġġettat l-importazzjonijiet taz-zokkor li jibbenefika mill-kumulu ta' oriġini EC/OCT għal sistema ta' prezzijiet minimi u assoġġettat l-importazzjonijiet ta' taħlitiet ta' zokkor u kawkaw (iktar 'il quddiem it-"taħlitiet") li joriġinaw mill-OCT għall-proċedura ta' sorveljanza Komunitarja skond ir-regoli previsti mill-Artikolu 308d tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p. 1).

21. Ġie adottat ukoll abbażi ta' l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 465/2000, tad-29 ta' Frar 2000, li jintroduċi miżuri ta' protezzjoni għall-importazzjonijiet minn pajjiżi u territorji extra-Ewropej ta' prodotti tas-settur taz-zokkor ta' oriġini akkumulata EC/OCT [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 56, p. 39). Dan ir-Regolament illimita l-kumulu ta' oriġini EC/OCT, għall-perijodu bejn l-1 ta' Marzu 2000 u t-30 ta' Settembru 2000, għal 3 340 tunnellata ta' zokkor għall-prodotti li jaqgħu taħt il-Kodiċijiet ta' tariffa NM 1701, 1806 10 30 u 1806 10 90.

22. Fid-29 ta' Settembru 2000, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat ukoll abbażi ta' l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT.

23. Mill-ewwel, mir-raba', mill-ħames u mis-sitt premessi ta' dan ir-Regolament, jirriżulta dan li ġej:

(1) Il-Kummissjoni kkonstatat li l-importazzjonijiet ta' zokkor (Kodiċi NM 1701) u ta' taħlitiet ta' zokkor u kawkaw li jaqgħu taħt il-Kodiċijiet NM 1 806 10 30 u 1 806 10 90 li ġejjin mill-[OCT] kienu żdiedu ħafna mis-sena 1997 sas-sena 1999, b'mod partikolari dawk ta' oriġini akkumulata EC/OCT. Dawn l-importazzjonijiet żdiedu minn 0 tunnellati fl-1996 għal iktar minn 53 000 tunnellata fl-1999. Il-prodotti in kwistjoni jibbenefikaw minn eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni meta jiġu importati fil-Komunità u huma importati mingħajr limitazzjonijiet kwantitattivi konformement ma' l-Artikolu 101(1) tad-Deċiżjoni OCT.

[...]

(4) Fl-aħħar snin inqalgħu xi diffikultajiet fis-suq taz-zokkor Komunitarju. Dan is-suq huwa wieħed li jipproduċi żżejjed. Il-konsum taz-zokkor huwa kostanti fuq livell ta' madwar 12.8 miljun tunnellata fis-sena. Il-produzzjoni soġġetta għal kwota hija ta' madwar 14.3 miljun tunnellata fis-sena. Għalhekk, kull importazzjoni ta' zokkor fil-Komunità twassal għall-esportazzjoni kwantità korrispettiva ta' zokkor Komunitarju li ma jistax jinbiegħ fuq dan is-suq; rifużjonijiet għal dan iz-zokkor - fil-limitu ta' ċerti kwoti - jiġu mħallsa mill-baġit Komunitarju (sa llum madwar 520 EUR kull tunnellata). Madankollu, l-esportazzjonijiet b'rifużjoni huma limitati fil-volum tagħhom bil-ftehim dwar l-agrikoltura konkluż fil-qafas tal-Laqgħa ta' l-Urugwaj u ġew imnaqqsa minn 1 555 600 tunnellata għas-sena tas-suq 1995/1996 għal 1 273 500 tunnellata għas-sena tas-suq 2000/2001.

(5) Dawn id-diffikultajiet jistgħu jipprovokaw destabbilizzazzjoni qawwija fl-organizzazzjoni komuni tas-suq (CMO) taz-zokkor. Għas-sena tas-suq 2000/2001, il-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas il-kwoti tal-produtturi Komunitarji b'madwar 500 000 tunnellata [...]. Kull importazzjoni ulterjuri ta' zokkor u ta' prodotti b'konċentrazzjoni għolja ta' zokkor li ġejjin mill-OCT teħtieġ tnaqqis akbar tal-kwoti tal-produtturi Komunitarji u, għaldaqstant, garanzija ta' telf ta' qligħ ikbar għalihom.

(6) Għaldaqstant, għadhom jeżistu diffikultajiet li joħolqu l-periklu ta' deterjorament ta' settur ta' attività tal-Komunità [...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24. Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat:

"Għall-prodotti li jaqgħu taħt il-Kodiċijiet [ta' tariffa] NM 1701, 1806 10 30 u 1806 10 90, il-kumulu ta' oriġini EC/OCT imsemmi fl-Artikolu 6 ta' l-Annness II tad-[Deċiżjoni OCT] ikun permess għal kwantità ta' 4 848 tunnellati ta' zokkor għat-terminu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Għall-prodotti barra z-zokkor mhux ipproċessat, l-ammont ta' zokkor fil-prodott importat għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konformità ma' dan it-terminu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

25. Jirriżulta mit-tmien premessa ta' l-imsemmi Regolament li l-Kummissjoni imponiet din il-kwota ta' 4 848 tunnellata billi ħadet in kunsiderazzjoni "it-total ta' l-ogħla volumi annwali ta' l-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati li ġew ikkonstatati matul it-tliet snin qabel is-sena 1999, is-sena li fiha l-importazzjonijiet irreġistraw żieda esponenzjali. Sabiex tiddetermina l-kwantitajiet ta' zokkor li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni tieħu nota tal-pożiżżjoni adottata mill-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fid-digrieti tiegħu tat-12 ta' Lulju u tat-8 ta' Awwissu 2000 fil-kawżi T-94/00 R, T-110/00 R u T-159/00 R, mingħajr, madankollu, ma tqisha ġustifikata. B'hekk, sabiex tevita proċeduri bla bżonn u bl-għan waħdieni li tadotta dawn il-miżuri ta' protezzjoni, il-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni, għaz-zokkor li jaqa' taħt il-Kodiċi NM 1 701 u għas-sena 1997, iċ-ċifra totali ta' 10 372.2 tunnellata, li tikkorrispondi għall-importazzjonijiet totali, ikkonstatati minn Eurostat, ta' zokkor li ġej mill-OCT taż-żewġ oriġini akkumulati EC/OCT u ACP/OCT".

26. Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat, l-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament hija soġġetta għall-ħruġ ta' liċenzja ta' importazzjoni, li tinħareġ skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2553/97, tas-17 ta' Diċembru 1997, dwar ir-regoli għall-ħruġ tal-liċenzji ta' importazzjoni għal ċerti prodotti ta' oriġini akkumulata ACP/OCT li jaqgħu taħt il-Kodiċijiet ta' tariffa NM 1701, 1702, 1703 u 1704 (ĠU L 349, p. 26) [traduzzjoni mhux uffiċjali], li japplikaw mutatis mutandis .

27. Fl-aħħarnett, skond l-Artikolu 3 tiegħu, ir-Regolament ikkontestat huwa applikabbli mill-1 ta' Ottubru 2000 sat-28 ta' Frar 2001.

Il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

28. Permezz ta' rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-27 ta' Ottubru u fl-20 ta' Novembru 2000 rispettivament, Rica Foods u kumpannija oħra (iktar 'il quddiem, flimkien, ir-"rikorrenti"), li huma intrapriżi ta' pproċessar taz-zokkor stabbiliti fl-OCT (l-Aruba u l-Antilles Olandiżi), ressqu rikorsi li għandhom bħala għan, min-naħa l-waħda, l-annullament tar-Regolament ikkontestat u, min-naħa l-oħra, talba għal kumpens għad-danni li allegatament sofrew b'riżultat ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament (kawżi T-332/00, u T-350/00).

29. Permezz ta' digrieti tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu u tat-30 ta' April 2001, ir-Renju ta' l-Olanda ġie awtorizzat jintervjeni fil-kawża T-332/00 sabiex isostni t-talbiet ta' Rica Foods, filwaqt li r-Renju ta' Spanja ġie awtorizzat jintervjeni sabiex isostni t-talbiet tal-Kummissjoni fil-kawżi T-332/00 u T-350/00.

30. Sabiex issostni r-rikors tagħha, Rica Foods invokat, b'mod partikolari, tliet motivi bbażati fuq il-ksur ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT, fuq il-prinċipju tal-proporzjonalità u fuq l-istatus preferenzjali li minnu jibbenefikaw l-OCT bis-saħħa tat-Trattat KE, rispettivament.

31. Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza, wara li għaqqdet iż-żewġ rikorsi, ċaħdithom bħala infondati.

32. F'dak li jirrigwarda, b'mod partikolari, it-tliet motivi fuq imsemmija, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet kif ġej.

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT

33. Skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT. Fid-dawl ta' din is-setgħa, il-qorti Komunitarja għandha tillimita ruħha sabiex teżamina jekk l-eżerċizzju ta' din is-setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew b'abbuż tas-setgħa jew inkella jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji manifestament qabżux il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Novembru 2001, l-Olanda vs il-Kunsill, C-110/97, Ġabra p. I-8763, punt 61 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata) (punti 66 u 67 tas-sentenza kkontestata).

34. Fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li l-miżura ta' protezzjoni in kwistjoni kienet taqa' taħt it-tieni ipoteżi prevista mill-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT. Hija kkonfermat ukoll l-eżattezza tal-fatti msemmija mill-Kummissjoni, b'mod partikolari fir-raba' premessa tar-Regolament ikkontestat, sabiex tiġġustifika l-adozzjoni ta' din il-miżura, li skonthom, minħabba li s-suq qiegħed jipproduċi żżejjed, kull tunnellata ulterjuri importata twassal għal żieda fis-sussidji għall-esportazzjoni, li min-naħa tagħha, tkun suxxettibbli li tikser il-limiti previsti mill-ftehim WTO (punti 75 sa 86 tas-sentenza kkontestata). Hija kkunsidrat li dawn il-fatti, meħudin flimkien, jipprovaw l-eżistenza ta' diffikultajiet fis-sens ta' din id-dispożizzjoni (punti 89 sa 103 ta' din is-sentenza).

35. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tikkunsidra, fil-ħames premessa tar-Regolament ikkontestat, li ż-żidiet fl-importazzjonijiet ta' zokkor u ta' taħlitiet taħt is-sistema tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT jistgħu jipprovokaw destabbilizzazzjoni kbira fl-organizzazzjoni komuni tas-swieq taz-zokkor (punti 104 sa 141 ta' l-imsemmija sentenza).

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità

36. Ir-rikorrenti ressqu diversi argumenti.

37. Fl-ewwel lok, il-Kunsill kellu jieħu in kunsiderazzjoni, meta adotta d-Deċizjoni 91/482, il-fatt li l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' prodotti agrikoli li ġejjin mill-OCT setgħu jġibu magħhom spejjeż ulterjuri a karigu tal-baġit tal-politika agrikola komuni. Iż-żieda fl-importazzjonijiet tkun il-konsegwenza diretta tad-Deċiżjoni OCT.

38. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li l-fatt li żieda fl-importazzjonijiet kienet diġà prevedibbli fl-1991 ma kienx rilevanti sabiex jiġi determinat jekk il-miżura meħuda fi Frar 2000 kienitx tikkostitwixxi risposta xierqa u proporzjonali sabiex tirrimedja diffikultajiet fis-sens ta' l-Artikolu 109(2) tad-Deċiżjoni OCT (punt 147 tas-sentenza kkontestata).

39. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni naqset milli tirrispetta n-natura temporarja tal-miżura ta' protezzjoni in kwistjoni.

40. Dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT u ddeċidiet li r-Regolament ikkontestat, applikabbli mill-1 ta' Ottubru 2000 sat-28 ta' Frar 2001, "li llimita l-aċċess liberu fuq is-suq Komunitarju taz-zokkor li ġej mill-OCT fil-limiti kompatibbli mas-sitwazzjoni ta' dan l-istess suq, filwaqt li żamm trattament preferenzjali għal dan il-prodott b'mod koerenti ma' l-għanijiet tad-Deċiżjoni OCT [...], kien adegwat sabiex iwettaq l-għan intiż mill-Kummissjoni u ma marx lil hinn minn dak li kien meħtieġ biex jilħqu" [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punti 151 sa 153 tas-sentenza kkontestata).

41. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti allegaw li l-Kummissjoni ma indikatx, fir-Regolament ikkontestat, ir-raġunijiet 'il għala l-iffissar ta' prezz minimu, bħal dak impost permezz tar-Regolament Nru 2423/1999, ma kienx iktar ikkunsidrat xieraq sabiex jilħaq l-għan imfittex.

42. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat li r-rikorrenti ma kienux ippruvaw "li bil-fatt li llimitat l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' zokkor jew ta' taħlitiet li jibbenefikaw mill-kumulu ta' oriġini EC/OCT għal 4 848 tunnellata tul it-terminu ta' applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni adottat miżura manifestament mhux xierqa jew għamlet valutazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti li kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument ta' l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat" u kkonstatat li, f'kull każ, "ir-Regolament Nru 2423/1999 ma [kellux] l-effett li jnaqqas l-importazzjonijiet ta' zokkor taħt is-sistema tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT, li [seta'] jqiegħed fid-dubju l-effikaċja tal-miżura stabbilita f'dan ir-Regolament, jiġifieri prezz minimu għall-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat" [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punti 156 u 157 tas-sentenza kkontestata).

43. Fir-raba' lok, ir-rikorrenti sostnew li l-iffissar ta' limitu ta' 4 848 tunnellata ta' zokkor għal perijodu ta' ħames xhur kiser il-prinċipju tal-proporzjonalità fis-sens li l-importazzjonijiet magħmula fl-1999 ma ttieħdux in kunsiderazzjoni fil-kalkolu ta' din il-kwota, il-kalkolu magħmul huwa żbaljat u l-kwota ta' importazzjoni hija baxxa wisq biex tippermetti t-tħaddim bi qligħ ta' mqar fabbrika waħda ta' pproċessar taz-zokkor.

44. Dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni, li jkollha tarbitra bejn interessi diverġenti, setgħet raġonevolment, kif jirriżulta mit-tmien premessa tar-Regolament ikkontestat, tiffissa l-kwota ta' 4 848 tunnellata in kwistjoni abbażi ta' l-ogħla volumi ta' l-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati li ġew ikkonstati matul it-tliet snin qabel is-sena 1999, meħuda in kunsiderazzjoni ż-żieda esponenzjali ta' l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' zokkor u ta' taħlitiet taħt is-sistema tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT fl-1999, li pperikolat li ġġib magħha deterjorament tas-settur taz-zokkor Komunitarju (punti 164 sa 174 ta' l-imsemmija sentenza).

45. Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti sostnew li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament ikkontestat, li jiddisponi li [ma]t-"talbiet għal licenzji ta' importazzjoni għandha tiġi mehmuża kopja tal-liċenzji ta' esportazzjoni" [traduzzjoni mhux uffiċjali], jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità.

46. Dan l-argument ġie miċħud mill-Qorti tal-Prim'Istanza għar-raġuni li "din il-kundizzjoni tippermetti li tassigura li t-talbiet għal importazzjoni magħmula fil-kuntest tar-Regolament ikkontestat jirrigwardaw zokkor li effettivament jibbenefika mill-kumulu ta' oriġini EC/OCT" [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 176 tas-sentenza kkontestata).

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-istatus preferenzjali li minnu jibbenefikaw il-prodotti li ġejjin mill-OCT

47. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li ma jistax jiġi konkluż, mis-sempliċi adozzjoni ta' miżura ta' protezzjoni skond l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT, li nkiser l-istatus preferenzjali li minnu jibbenefikaw il-prodotti li ġejjin mill-OCT, ġaladarba din il-miżura hija waħda li telimina jew tnaqqas id-diffikultajiet li nqalgħu. Barra minn hekk, hija kkonstatat li r-Regolament ikkontestat ma jimponi ebda limitu għall-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT skond ir-regoli ta' oriġini ordinarji, li kieku tali produzzjoni kellha teżisti (punti 182 sa 190 tas-sentenza kkontestata).

L-appell

48. Rica Foods titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

- li tiddikjara l-appell tagħha ammissibbli;

- li tannulla s-sentenza kkontestata u tilqa' t-talbiet tagħha ppreżentati fl-ewwel istanza.

49. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

- li tiddikjara l-appell infondat;

- li tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

50. Il-Gvern Spanjol jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

51. Sabiex issostni l-appell tagħha, Rica Foods tqajjem ħames motivi bbażati rispettivament:

- fuq il-ksur ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT, safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni;

- fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni;

- fuq il-ksur ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT, safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljatament ikkwalifikat bħala "diffikultajiet" u "deterjorament", fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, iċ-ċirkustanzi invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżura ta' protezzjoni in kwistjoni;

- fuq il-ksur ta' l-Artikolu 109(2) tad-Deċiżjoni OCT;

- fuq il-ksur ta' l-istatus preferenzjali li minnu jibbenefikaw l-OCT.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT u relattiv għal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji

52. Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, Rica Foods tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat ħażin il-portata ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT billi, fil-punt 66 tas-sentenza kkontestata, irrikonoxxiet li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, dan il-paragrafu, li joħloq eċċezzjoni għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 101(1) ta' din l-istess Deċiżjoni, billi jipprojbixxi l-impożizzjoni ta' dazji tad-dwana fuq l-importazzjoni fil-Komunità ta' prodotti li ġejjin mill-OCT, kellu jiġi interpretat strettament.

53. F'dan ir-rigward, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta' Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs il-Kummissjoni, C-390/95 P, Ġabra p. I-769, punt 48; l-Olanda vs il-Kunsill, ċitata iktar 'il fuq, punt 61, u tat-22 ta' Novembru 2001, l-Olanda vs il-Kunsill, C-301/97, Ġabra p. I-8853, punt 73).

54. Għaldaqstant, il-qorti Komunitarja għandha tillimita ruħha li teżamina jekk l-eżerċizzju ta' din is-setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew b'abbuż tas-setgħa jew inkella jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji qabżux manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (ara s-sentenzi ċitati iktar 'il fuq Antillean Rice Mills et vs il-Kummissjoni, punt 48; l-Olanda vs il-Kunsill, C-110/97, punt 62, u l-Olanda vs il-Kunsill, C-301/97, punt 74).

55. Din il-limitazzjoni ta' l-intensità ta' l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja hija meħtieġa b'mod partikolari meta, bħal fil-każ preżenti, l-istituzzjonijiet Komunitarji jkollhom jarbitraw bejn interessi diverġenti u b'hekk jagħmlu għażliet fil-kuntest ta' l-għażliet politiċi li huma parti mir-responsabbiltajiet partikolari tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta' Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-675, punt 53).

56. Għaldaqstant, jidher li l-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT korrettament fil-punti 66 u 67 tas-sentenza kkontestata.

57. Il-karatteristika derogatorja ta' din id-dispożizzjoni, li toħroġ min-natura tagħha stess, ma tnaqqas xejn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li tgawdi l-Kummissjoni meta, fil-kuntest tar-responsabbiltajiet politiċi partikolari tagħha, ikollha tagħmel arbitraġġi diffiċli bejn interessi diverġenti.

58. Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

59. Permezz tat-tieni motiv tagħha, Rica Foods jidhrilha li s-sentenza kkontestata hija vvizzjata b'nuqqas ta' motivazzjoni safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet żbaljati jew inkomprensibbli, li skonthom:

- kull importazzjoni ulterjuri ta' zokkor li ġej mill-OCT taħt is-sistema tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT iżżid iz-zokkor żejjed fuq is-suq Komunitarju;

- din l-importazzjoni ulterjuri ġġib magħha spejjeż addizzjonali għall-baġit Komunitarju.

60. Min-naħa l-waħda, għal dak li jirrigwarda l-motivi tas-sentenza kkontestata li skonthom l-importazzjonijiet ta' zokkor ta' oriġini akkumulata EC/OCT kellhom l-effett li żiedu z-zokkor żejjed fuq is-suq Komunitarju, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tal-Ġustizzja m'hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti, u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi aċċettati mill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex isostnu dawn il-fatti. Ġaladarba dawn il-provi nkisbu b'mod regolari u l-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli tal-proċedura applikabbli fir-rigward ta' l-oneru u tal-produzzjoni tal-prova ġew osservati, hija l-Qorti tal-Prim'Istanza biss li tista' tivvaluta l-piż li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 24). Għalhekk, din il-valutazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ fejn dawn il-provi jiġu żnaturati, punt ta' dritt imressaq, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, inter alia , is-sentenzi tat-28 ta' Mejju 1998, New Holland Ford vs il-Kummissjoni, C-8/95 P, Ġabra p. I-3175, punt 26; tas-7 ta' Novembru 2002, Glencore u Compagnie Continentale vs il-Kummissjoni, C-24/01 P u C-25/01 P, Ġabra p. I-10119, punt 65, u tat-8 ta' Mejju 2003, T. Port vs il-Kummissjoni, C-122/01 P, Ġabra p. I-4261, punt 27).

61. Issa fil-każ preżenti, jidher li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat:

- fil-punt 79 tas-sentenza kkontestata, abbażi tal-provi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-proċess, li s-suq Komunitarju taz-zokkor kien qiegħed jipproduċi żżejjed;

- fil-punt 80 ta' din is-sentenza, li l-Komunità kienet obbligata timporta ċerta kwantità ta' zokkor minn pajjiżi terzi skond il-ftehim WTO u,

- fil-punt 81 ta' l-imsemmija sentenza, li, f'dawn il-kundizzjonijiet, "jekk il-produzzjoni ta' zokkor Komunitarju ma jitnaqqasx, kull importazzjoni ult erjuri ta' zokkor taħt is-sistema ta' oriġini EC/OCT iżżid iz-zokkor żejjed fuq is-suq Komunitarju u twassal għal żieda fl-esportazzjonijiet issussidjati" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

62. Minn dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punt 82 tas-sentenza kkontestata, li "il-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkunsidra [...] li 'kull importazzjoni ta' zokkor fil-Komunità twassal għall-esportazzjoni kwantità korrispettiva ta' zokkor Komunitarju li ma jistax jinbiegħ fuq dan is-suq'" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

63. Ma jistax ma jiġix ikkonstatat li l-valutazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar iż-żieda taz-zokkor żejjed fuq is-suq Komunitarju tikkostitwixxi valutazzjoni ta' fatt li ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta' appell, billi r-rikorrenti la pprovat u lanqas biss sostniet, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Qorti tal-Prim'Istanza żnaturat il-provi prodotti quddiemha.

64. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-allegati spejjeż addizzjonali għall-baġit Komunitarju kkawżati mill-importazzjonijiet ta' zokkor ta' oriġini akkumulata EC/OCT, Rica Foods tenfasizza li r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' zokkor A u B huma totalment iffinanzjati mill-produtturi permezz ta' kontribuzzjonijiet li jgħaddu għal fuq il-konsumaturi, b'mod li l-importazzjonijiet in kwistjoni ma jkollhom ebda effett fuq il-baġit tal-Komunità.

65. F'dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li, fil-punti 99 sa 101 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza bl-ebda mod ma kkunsidrat li l-importazzjonijiet in kwistjoni kienu jikkawżaw spejjeż ulterjuri għall-baġit tal-Komunità. Fil-fatt, wara li

- fakkret, fil-punt 99 tas-sentenza kkontestata, li "id-diffikultajiet imsemmija fir-Regolament ikkontestat huma ż-żieda kbira ta' l-importazzjonijiet ta' zokkor u ta' taħlitiet, li jibbenefikaw mill-kumulu ta' oriġini EC/OCT, is-sitwazzjoni ta' produzzjoni żejda fis-suq Komunitarju taz-zokkor li tagħti lok għall-esportazzjonijiet sussidjati u l-obbligi li joħorġu mill-ftehim WTO, u

- qieset, fil-punt 100 ta' din is-sentenza, li, "fid-dawl tas-sitwazzjoni ta' produzzjoni żejda fis-suq Komunitarju, iz-zokkor importat li ġej mill-OCT sejjer jieħu post iz-zokkor Komunitarju, li, sabiex jinżamm l-ekwilibriju ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, ikollu jiġi esportat",

il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet fil-punt 101 ta' l-imsemmija sentenza li, "[a]nki jekk l-esportazzjonijiet ta' żokkor Komunitarju huma fil-parti l-kbira tagħhom iffinanzjati mill-industrija taz-zokkor Komunitarja u għaldaqstant mill-konsumatur, [...] il-ftehim WTO jillimitaw is-sussidji għall-esportazzjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar min finalment ibati l-ispiża ta' dawn is-sussidji, u li kull importazzjoni ulterjuri taggrava s-sitwazzjoni f'suq li digà jipproduċi żżejjed" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

66. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT u relattiv għall-kunċetti ta' "diffikultajiet" u ta' "deterjorament" skond it-tifsira ta' din id-dispożizzjoni

67. Permezz tat-tielet motiv tagħha, Rica Foods issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljatament ikkwalifikat bħala "diffikultajiet" u "deterjorament", skond it-tifsira ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT, il-fatti invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, jiġifieri, iż-żieda fl-importazzjonijiet fil-Komunità ta' zokkor u ta' taħlitiet ta' oriġini akkumulata EC/OCT, il-produzzjoni Komunitarja żejda fis-suq Ewropew taz-zokkor, l-obbligi li joħorġu mill-ftehim WTO u l-konsegwenzi għall-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor.

68. Fl-ewwel lok, Rica Foods issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza żnaturat il-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni meta qieset, fil-punt 89 tas-sentenza kkontestata, li din ta' l-aħħar qatt ma ppretendiet li kull waħda mid-diffikultajiet identifikati setgħet waħedha tiġġustifika l-adozzjoni ta' miżura ta' protezzjoni, iżda li, għall-kuntrarju, dawn id-diffikultajiet kienu magħquda intimament.

69. F'dan ir-rigward, qari ta' l-ewwel, ir-raba' u l-ħames premessi tar-Regolament ikkontestat jirrivela li l-Kummissjoni kkunsidrat li diversi fatturi meħuda flimkien, jiġifieri ż-żieda fl-importazzjonijiet in kwistjoni, is-sitwazzjoni ta' produzzjoni żejda fis-suq Komunitarju u l-limitazzjoni tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni li toħroġ mill-ftehim WTO, kien il-kawża ta' diffikultajiet skond it-tifsira ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tiġi kkritikata li żnaturat il-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni sabiex issostni l-miżura ta' protezzjoni in kwistjoni.

70. Fit-tieni lok, Rica Foods issostni li kien prevedibbli u saħansitra mixtieq mill-leġiżlatur Komunitarju li d-Deċiżjoni OCT tiġġenera ż-żieda ta' l-importazzjonijiet in kwistjoni. Barra minn hekk, l-allegati "diffikultajiet" u "deterjorament" invokati mill-Kummissjoni u rikonoxxuti mill-Qorti tal-Prim'Istanza kienu diġà jeżistu fil-mument ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/482 u, f'kull każ, meta din ta' l-aħħar ġiet riveduta fl-1997. Mhux biss kienet teżisti sitwazzjoni ta' produzzjoni żejda fil-kuntest ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor mill-1968, iżda produzzjonijiet u importazzjonijiet ġodda kienu ġew kemm-il darba awtorizzati minn dak iż-żmien 'il quddiem.

71. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma setgħetx tikkunsidra dawn il-fatti bħala "diffikultajiet" li jipperikolaw li jipprovokaw "deterjorament ta' settur ta' attività tal-Komunità" skond it-tifsira ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT.

72. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 91 tas-sentenza kkontestata, li l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' zokkor u ta' taħlitiet ta' oriġini akkumulata EC/OCT, irreġistraw żieda kbira ferm mill-1997, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/482, fl-1991, jew anki mar-reviżjoni ta' din ta' l-aħħar, fl-1997.

73. Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies ipprovat il-fatt li din iż-żieda kbira kienet prevedibbli fil-mument ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/482, jew saħansitra mixtieqa mill-Komunità, dan, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jimpedixxix lill-Kummissjoni milli tikkonstata li din iż-żieda, meħuda in kunsiderazzjoni l-produzzjoni Komunitarja żejda u l-obbligi li joħorġu mill-ftehim WTO, kienet tikkostitwixxi l-kawża ta' diffikultajiet skond it-tifsira ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT.

74. Bil-fatt li fil-punti 91 et seq. tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonfermat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, l-istess Qorti ma naqsitx, għalhekk, milli tirrispetta l-portata ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT.

75. Fit-tielet lok, Rica Foods issostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 106 tas-sentenza kkontestata, it-tnaqqis tal-kwoti ta' produzzjoni, li kien ġie pprovokat mill-importazzjonijiet in kwistjoni, ma kellux effett fuq id-dħul tal-produtturi Komunitarji. Fil-fatt, dan it-tnaqqis kellu biss l-effett li ħeġġeġ lill-produtturi Komunitarji sabiex ikabbru prodott ieħor li jaqa' ukoll taħt is-sistema agrikola garantita.

76. F'dan ir-rigward, anki jekk jitqies li l-possibbiltà li seta' kellhom il-produtturi Komunitarji li jduru għat-tkabbir ta' prodotti oħra setgħet tqajjem dubju fuq il-valutazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 104 sa 140 tas-sentenza kkontestata dwar l-eżistenza ta' deterjorament jew ta' periklu ta' deterjorament ta' settur ta' attività tal-Komunità, biżżejjed jiġi kkonstatat li Rica Foods ma ressqet ebda prova quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex issostni l-allegazzjonijiet tagħha, b'mod li din ta' l-aħħar kellha raġun ma tikkunsidrahomx.

77. Fl-aħħar lok, Rica Foods issostni li l-kwantitajiet ta' zokkor u ta' taħlitiet importati mill-OCT, li fl-1999 irrappreżentaw 0.32% (għaz-zokkor) u 0.102% (għat-taħlitiet) tal-produzzjoni Komunitarja, ma setgħux jippreżentaw periklu serju ta' tfixkil għall-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor. Skond Rica Foods, billi ammettiet il-kuntrarju, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkommettiet żball ta' dritt.

78. Għandu jiġi mfakkar, kif tirrileva l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 56 tas-sentenza Emesa Sugar, ċitata iktar 'il fuq, li fl-1997 kienet diġà teżisti produzzjoni Komunitarja żejda ta' zokkor tal-pitravi meta mqabbla mal-kwantità kkunsmata fil-Komunità, u li ma' din il-produzzjoni żejda wieħed irid iżid l-importazzjonijiet ta' zokkor tal-kannamieli li ġej mill-Istati ACP sabiex jissodisfaw it-talba speċifika għal dan il-prodott u l-obbligu tal-Komunità li timporta ċerta kwantità ta' zokkor minn pajjiżi terzi, skond il-ftehim WTO. Barra minn hekk, il-Komunità kienet ukoll marbuta li tissussidja l-esportazzjonijiet ta' zokkor, permezz ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u fil-limiti ta' l-imsemmija ftehim. Għaldaqstant, u kkunsidrata ż-żieda li dejjem tikber ta' l-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT mill-1997, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, kif ġustament iddeċidiet il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 93 sa 96 tas-sentenza kkontestata, li kull kwantità ulterjuri ta' dan il-prodott li tasal fuq is-suq tal-Komunità, imqar jekk din tkun minima meta mqabbla mal-produzzjoni Komunitarja, kienet iġġiegħel lill-istituzzjonijiet Komunitarji jżidu l-ammont ta' sussidji fuq l-esportazzjoni, fil-limiti fuq imsemmija, jew inaqqsu l-kwoti tal-produtturi Ewropej, u li dawn il-miżuri kuntrarji għall-għanijiet tal-politika agrikola komuni kienu jfixklu l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor, li l-ekwilibriju tagħha kien diġà prekarju.

79. Meqjusa l-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 109(2) tad-Deċiżjoni OCT

80. Permezz tar-raba' motiv tagħha, Rica Foods tikkontesta d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 142 sa 177 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju tal-proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 109(2) tad-Deċiżjoni OCT billi llimitat l-importazzjonijiet ta' zokkor u ta' taħlitiet ta' oriġini akkumulata EC/OCT għal 4 848 tunnellata.

81. Fil-fatt, kien ikun impossibbli għall-Kummissjoni li tiġġustifika, b'riferenza għall-interessi li kienet qegħda tfittex li tipproteġi, il-livell li għalih ġew limitati l-importazzjonijiet in kwistjoni, meta tali livell kien negliġibbli meta mqabbel mal-produzzjoni, ma' l-importazzjonijiet jew ma' l-esportazzjonijiet Komunitarji u insuffiċjenti ferm biex joffri lill-industrija taz-zokkor tal-OCT prospett ta' ġejjieni raġonevoli. Skond Rica Foods, billi naqset milli tirrikonoxxi n-natura arbitrarja u irraġonevoli tar-restrizzjoni kwantitattiva imposta, mingħajr konnessjoni ma' l-allegati diffikultajiet u deterjorament invokati, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma rrispettatx il-prinċipju tal-proporzjonalità.

82. F'dan ir-rigward, skond l-Artikolu 109(2) tad-Deċiżjoni OCT:

"[G]handha tingħata prijorità fl-għażla lil dawk il-miżuri li l-inqas ifixklu l-funzjonament ta' l-assoċjazzjoni u tal-Komunità. Dawn il-miżuri m'għandhomx jeċċedu dak li hu strettament indispensabbli sabiex jirrimedja d-diffikultajiet li jkunu nqalgħu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

83. Kif fakkret il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 143 tas-sentenza kkontestata, il-prinċipju tal-proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jitlob li l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta' dak li hu idoneu u neċessarju għat-twettiq ta' l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni, filwaqt li meta jkun hemm possibbiltà ta' għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenti li jinħolqu m'għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma' l-għanijiet imfittxija (sentenzi tat-13 ta' Novembru 1990, Fedesa et , C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 13; tal-5 ta' Ottubru 1994, Crispoltoni et , C-133/93, C-300/93 u C-362/93, Ġabra p. I-4863, punt 41; Antillean Rice Mills et vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, punt 52, u tat-12 ta' Lulju 2001, Jippes et , C-189/01, Ġabra p. I-5689, punt 81).

84. F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istħarriġ ġudizzjarju ta' l-osservanza ta' dan il-prinċipju, meta wieħed jikkunsidra s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha, b'mod partikolari, il-Kummissjoni fir-rigward ta' miżuri ta' protezzjoni, hija biss in-natura manifestament mhux idonea ta' miżura adottata f'dan il-qasam, b'riferenza għall-għan li l-istituzzjoni kompetenti tfittex li tilħaq, li, kif fakkret tajjeb il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 150 tas-sentenza kkontestata, tista' taffettwa l-legalità ta' miżura bħal dik (ara s-sentenzi ċitati iktar 'il fuq l-Olanda vs il-Kunsill, C-301/97, punt 145; Fedesa et , punt 14; Crispoltoni et , punt 42, u Jippes et , punt 82).

85. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punt 152 tas-sentenza kkontestata, li "il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tqis li fil-mument ta' l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat kienu jeżistu diffikultajiet li jġibu magħhom il-perikolu ta' deterjorament f'settur ta' attività tal-Komunità". Barra minn hekk, jirriżulta mill-punt 156 ta' l-imsemmija sentenza li r-rikorrenti "ma pprovawx li billi llimitat l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' zokkor jew ta' taħlitiet li jibbenefikaw mill-kumulu ta' oriġini EC/OCT għal 4 848 tunnellata tul it-terminu ta' applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni adottat miżura manifestament mhux xierqa jew għamlet valutazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti li kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument ta' l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

86. B'mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-ammont tal-kwota in kwistjoni, jirriżulta mit-tmien premessa tar-Regolament ikkontestat li din iċ-ċifra tirrappreżenta "it-total ta' l-ogħla volumi annwali ta' l-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati li ġew ikkonstatati matul it-tliet snin qabel is-sena 1999, is-sena li fiha l-importazzjonijiet irreġistraw żieda esponenzjali" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Wara li eżaminat, fil-punti 165 sa 166 tas-sentenza kkontestata, l-istatistiċi maħduma mill-Uffiċċju ta' l-istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat) u ċ-ċifri mressqa mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, fil-punt 168 ta' l-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment teskludi l-1999 bħala sena ta' referenza għall-kalkolu ta' din il-kwota. Valutazzjoni ta' fatt bħal dik ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta' appell f'każ fejn il-provi mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ma jkunux ġew żnaturati.

87. Il-Qorti tal-Prim'Istanza żiedet, fil-punt 173 tas-sentenza kkontestata, li "il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-interessi tal-produtturi taz-zokkor ta' l-OCT billi ma ssospendietx totalment l-importazzjonijiet ta' zokkor taħt is-sistema tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT" u li "hija ffissat il-kwota ta' 4 848 tunnellata fl-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat abbażi ta' l-ogħla livell ta' importazzjoni ta' zokkor u ta' taħlitiet matul il-perijodu 1996-1998" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

88. Għandu jiġi kkonstatat li Rica Foods ma ressqet ebda prova li turi li, billi għamlet dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret il-prinċipju tal-proporzjonalità, u dan meta wieħed iqis il-limiti ta' l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat f'kamp li fih il-Kummissjoni jkollha tagħmel arbitraġġi diffiċli bejn interessi diverġenti.

89. Għaldaqstant, ir-raba' motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-istatus preferenzjali li minnu jibbenefikaw l-OCT

90. Permezz tal-ħames motiv tagħha, Rica Foods issostni li, billi ma ħaditx in kunsiderazzjoni, fil-punti 178 sa 191 tas-sentenza kkontestata, id-differenza konsiderevoli fit-trattament introdotta permezz tal-miżura ta' protezzjoni in kwistjoni bejn, min-naħa l-waħda, l-importazzjonijiet ta' prodotti li ġejjin mill-Istati ACP u min-nazzjonijiet l-iktar favoriti, u anki minn ċerti pajjiżi terzi oħra, u, min-naħa l-oħra, l-importazzjonijiet ta' prodotti li ġejjin mill-OCT, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-istatus preferenzjali li minnu jibbenefikaw dawn ta' l-aħħar.

91. Issa jirriżulta b'mod ċar mill-qari tal-punti 178 sa 190 tas-sentenza kkontestata li l-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet in kunsiderazzjoni l-argumentazzjoni ta' Rica Foods billi esponiet ir-raġunijiet 'il għala r-Regolament ikkontestat ma wassalx sabiex iqiegħed lill-Istati ACP u lill-pajjiżi terzi f'pożizzjoni kompetittivament iktar vantaġġuża minn dik riżervata għall-OCT.

92. Fil-punt 183 tas-sentenza kkontestata, b'mod partikolari, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT jipprovdi preċizament il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tadotta miżuri ta' protezzjoni fiċ-ċirkostanzi msemmija fih. Il-fatt li l-Kummissjoni adottat tali miżura fil-konfront ta' ċerti prodotti li ġejjin mill-OCT ma jqiegħedx fid-dubju l-istatus preferenzjali li minnu jgawdu l-prodotti li ġejjin minn dawn il-pajjiżi bis-saħħa ta' l-Artikolu 101(1) tad-Deċiżjoni OCT. Miżura ta' protezzjoni hija, fil-fatt, min-natura tagħha stess, eċċezzjonali u temporanja.

93. Barra minn hekk, kif irrilevat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 185 tas-sentenza kkontestata, huma biss iz-zokkor u t-taħlitiet importati taħt is-sistema tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT li huma milquta mir-Regolament ikkontestat, u ebda limitu m'huwa impost għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT skond ir-regoli ta' oriġini ordinarji, li kieku tali produzzjoni kellha tezisti.

94. Fl-appell tagħha, Rica Foods ma indikatx il-motivi 'il għala r-raġunament segwit mill-Qorti tal-Prim'Istanza u hekk miġbur fil-qosor huwa vvizzjat bi żball ta' dritt.

95. Billi lanqas il-ħames motiv ma jista' jintlaqa', l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

96. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Rica Foods tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Konformement ma' l-Artikolu 69(4), li huwa applikabbli wkoll għall-proċedura ta' appell skond l-imsemmi Artikolu 118, ir-Renju ta' l-Olanda u r-Renju ta' Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1) L-appell huwa miċħud.

2) Rica Foods (Free Zone) NV għandha tbati l-ispejjeż.

3) Ir-Renju ta' l-Olanda u r-Renju ta' Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.