KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

 JACOBS

ippreżentati fit-8 ta’ Lulju 2004 (1)

Kawża C-203/03

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika ta' l-Awstrija






1.     F’dan ir-rikors li tressaq skond l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tipprojbixxi ir-reklutaġġ ta’ nisa għal karigi speċifiċi fl-industrija minerarja u għal karigi li jinvolvu xogħol f’atmosfera ta’ pressjoni għolja hija inkompatibbli mal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva dwar Trattament Ugwali (2) (‘id-Direttiva’).

 Il-kuntest ġuridiku

 Dritt Komunitarju

2.     L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprovdi safejn hu rilevanti:

‘(1)      Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, billi ssir referenza partikolarment għall-istat maritali jew tal-familja.

(2)      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jeskludu mill-qasam ta’ l-applikazzjoni tagħha dawk l-attivitajiet ta’ xogħol u, fejn hu xieraq, it-taħriġ li jwassal għalihom, li għal liema, minħabba l-istess natura tagħhom jew il-kuntest li jsiru fihom, is-sess tal-ħaddiem jikkostitwixxi fattur determinanti.

(3)      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ħarsien tan-nisa, partikolarment fir-rigward ta’ tqala u maternità.

[…]’

3.     L-Artikolu 3 jipprovdi safejn hu rilevanti:

‘(1)      L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba s-sess fil-kondizzjonijiet, inklużi l-kriterji tal-għażla, għall-aċċess għall-impjiegi jew karigi kollha, ikun xi jkun is-settur jew il-qasam ta’ l-attività, u għall-livelli kollha tal-ġerarkija tax-xogħol.

(2)      Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li:

(a)      il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kollha li huma kuntrarji għall-prinċipju tat-trattament ugwali għandhom jitneħħew;

[…].’

4.     Bħala materja ta’ dritt Komunitarju, l-Awstrija kienet meħtieġa li timplimenta d-Direttiva sal-1 ta’ Jannar 1995, id-data ta’ l-isħubija tagħha fil-Komunità Ewropea. Madanakollu, skond il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, (3) din kienet obbligata li timplimenta d-Direttiva sal-1 ta’ Jannar 1994, id-data ta’ meta dan il-Ftehim daħal fis-seħħ.

5.     L-Artikolu 307 KE jipprovdi sa fejn hu rilevanti:

6.     "Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta' l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m'għandhomx jintlaqtu mid-disposizzjonijiet ta' dan it-Trattat.

7.     Sa fejn dawn il-ftehim ma' jkunux kompatibbli ma' dan it-Trattat, l-Istat Membru jew Stati Membri in kwistjoni għandhom jieħdu l-miżuri opportuni biex titneħħa l-inkompatibilità li tista' tinstab. …"

 Leġiżlazzjoni internazzjonali

8.     L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Nru 45 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal-21 ta’ Ġunju 1935 li tirrigwarda l-impjieg ta’ nisa f’xogħol taħt l-art f’minjieri ta’ kull tip (‘Konvenzjoni ta’ l-ILO Nru 45’) tipprovdi li:

"L-ebda mara, hi liema hi l-età tagħha, m’għandha tiġi impjegata f’xogħol taħt l-art f’xi minjiera. [traduzzjoni mhux uffiċjali]"

9.     L-Artikolu 3 jipprovdi:

"Il-liġijiet jew regolamenti nazzjonali jistgħu jeżentaw mill-projbizzjoni ta’ hawn fuq:

(a)      nisa li għandhom pożizzjoni maniġerjali li ma jwettqu l-ebda xogħol manwali;

(b)      nisa impjegati fis-servizzi tas-saħħa u tal-għajnuna soċjali;

(ċ)      nisa li, fil-kors ta’ l-istudji tagħhom, iqattgħu perijodu ta’ taħriġ fil-partijiet taħt l-art ta’ minjiera; u

(d)      kull nisa oħra li jistgħu okkażjonalment ikollhom jidħlu fil-partijiet ta’ taħt l-art ta’ minjiera għall-iskop ta’ okkupazzjoni mhux manwali. [traduzzjoni mhux uffiċjali]"

10.   L-Artikolu 7 jipprovdi:

"1.   Membru li jkun irratifika din il-Konvenzjoni jista’ jiddenunzjaha wara l-iskadenza ta’ għaxar snin mid-data ta’ meta l-Konvenzjoni tiġi l-ewwel fis-seħħ, b’att ikkomunikat lid-Direttur-Ġenerali ta’ l-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol għar-reġistrazzjoni. Din id-denunzja m’għandix tieħu effett qabel tgħaddi sena mid-data meta tiġi rreġistrata.

2.     Kull Membru li jkun irratifika din il-Konvenzjoni u li ma jkunx, fi żmien sena wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ għaxar snin imsemmi fil-paragrafu preċedenti, eżerċita d-dritt ta’ denunzja pprovdut b’dan l-Artikolu, ikun obbligat għal perijodu ieħor ta’ għaxar snin u, sussegwentement, jista’ jiddenunzja din il-Konvenzjoni mal-iskadenza ta’ kull perijodu ta’ għaxar snin skond it-termini stipulati f’dan l-Artikolu [traduzzjoni mhux uffiċjali]".

11.   Il-Konvenzjoni Nru. 45 ta’ l-ILO daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Mejju 1937. Setgħet għalhekk tiġi ddenunzjata fis-sena ta’ wara t-30 ta’ Mejju 1997. L-Awstrija hija parti kontraenti, li kienet irratifikat il-Konvenzjoni fl-1937.

 Leġiżlazzjoni nazzjonali

12.   L-Artikolu 16 ta’ l-Arbeitszeitordnung (liġi li tirregola l-ħin tax-xogħol) tat-30 ta’ April 1938(4) (‘il-Liġi ta’ l-1938’), li kienet fis-seħħ, skond il-Kummissjoni, sal-31 ta’ Lulju 2001, imma li, skond il-Gvern Awstrijak, ġiet imħassra b’liġi tad-19 ta’ Awwissu 1999, (5) kien jipprovdi:

13.   "(1) Ħaddiema nisa m’għandhomx jiġu impjegati f’minjieri, f’produzzjoni tal-melħ, impjanti ta’ l-ipproċessar, barrieri taħt l-art jew minjieri miftuħin, u lanqas m’għandhom jiġu impjegati fuq l-art fl-estrazzjoni (ħlief fl-ipproċessar (separazzjoni u ħasil)), trasport jew tagħbija.

14.   (2)   Barra dan ħaddiema nisa m’għandhomx jiġu impjegati f’impjanti tal-produzzjoni ta’ faħam wara d-distillazzjoni jew fit-trasport ta’ materja prima għal kull tip ta’ kostruzzjoni.

15.   (3)   Ir-Reichsarbeitsminister [Ministru tax-Xogħol] jista’ jipprojbixxi għal kollox l-impjieg ta’ ħaddiema nisa jew jissuġġetta dan għal ċerti kondizzjonijiet, għal tipi partikolari ta’ impriża jew xogħol li jinvolvu riskji partikolari għas-saħħa u għall-moralità."

16.   Mill-1 ta’ Awwissu 2001, l-impjieg ta’ nisa fl-industrija tal-minjieri taħt l-art huwa regolat bil-Verodnung des Bundesministers für Wirtschaft und Arbeit über Beschäftigungsverbote und – beschränkungen für Arbeitnehmerinnen (liġi tal-Ministru Federali ta’ l-ekonomija u tax-xogħol dwar projbizzjonijiet u restrizzjonijiet għall-impjieg tan-nisa) ta’ l-4 ta’ Ottubru 2001 (6) ("il-Liġi ta’ l-2001").

17.   L-Artikolu 2 tal-Liġi ta’ l-2001 jipprovdi:

18.   "(1) Ħaddiema nisa m’għandhomx jiġu impjegati fl-industrija tal-minjieri taħt l-art.

19.   (2)   Il-Paragrafu 1 ma japplikax għal

20.   1.     ħaddiema nisa b’responsabbiltajiet maniġerjali jew tekniċi li ma jagħmlux xogħol fiżiku ta’ strapazz;

21.   2.     ħaddiema nisa li jaħdmu f’servizz soċjali jew tas-saħħa;

22.   3.     ħaddiema nisa li jkollhom jagħmlu taħriġ vokazzjonali bħala parti mill-istudji tagħhom jew istruzzjoni komparabbli, tul iż-żmien tat-taħriġ;

23.   4.     ħaddiema nisa li huma impjegati biss b’mod okkażjonali fl-industrija ta’ l-minjieri taħt l-art f’xogħol li mhux fiżikament ta’ strapazz".

24.   L-Artikolu 4 jipprovdi:

25.   "(1) Impjegati nisa m’għandhomx jiġu impjegati f’xogħol li bit-tqandil, ġarr, imbuttar, tidwir jew b’xi mod ieħor bil-ġarr ta’ tagħbijiet jiġu esposti għal strapazz fiżiku partikolari li jinvolvi tensjoni fiżjoloġika li tkun ta’ ħsara għalihom.

26.   (2)   Fl-evalwazzjoni tax-xogħol li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, il-fatturi determinanti li għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni fir-rigward ta’ l-isforz u tat-tensjoni huma fuq kollox, il-piż, it-tip u l-forma tat-tagħbija, il-mezz u l-veloċità tat-trasport, it-tul ta’ żmien u l-frekwenza tax-xogħol u s-saħħa fiżika tal-ħaddiema nisa.

27.   (3)   Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika għal xogħol fejn il-ħaddiema nisa huma sempliċiment impjegati għal perjodi qosra jew f’kondizzjonijiet li mhumiex mistennija li jqegħdu fil-periklu l-ħajja jew is-saħħa tagħhom."

28.   L-Artikolu 8 tad-Druckluft- und Taucherarbeiten-Verordnung (Liġi dwar xogħol f’atmosfera ta’ pressjoni għolja u dwar xogħol ta' bugħaddasa) tal-25 ta’ Lulju 1973(7) (‘il-Liġi ta’ l-1973’) jipprovdi safejn hu rilevanti:

29.   "(1) F’xogħol f’atmosfera iperbarika jistgħu jiġu impjegati ħaddiema rġiel biss ta’ 21 sena jew iktar li jifilħu għalih mil-lat ta’ saħħa.

30.   (2) … Fejn ir-rekwiżit tas-saħħa f’paragrafu 1 jiġi sodisfatt, anki ħaddiema nisa ta’ 21 sena jew iktar jistgħu jiġu impjegati bħala impjegati superviżjonali jew f’xogħol ieħor f’atmosfera iperbarika li ma jkunx jinvolvi xi sforz fiżiku akbar."

31.   L-Artikolu 31 jipprovdi safejn hu rilevanti:

32.   "Jistgħu jiġu impjegati bħala bugħaddasa biss dawk il-ħaddiema rġiel ta’ 21 sena jew aktar li mil-lat ta’ saħħa jifilħu għal dan ix-xogħol u li għandhom għarfien speċjalizzat u esperjenza professjonali meħtieġa għal skopijiet ta’ saħħa u sigurtà."

Proċedura

33.   B’ittra tad-29 ta’ Settembru 1998, il-Kummissjoni kitbet lill-awtoritajiet Awstrijaċi biex titlobhom informazzjoni dettaljata dwar il-projbizzjoni fuq ir-reklutaġġ ta’ nisa f’karigi speċifiċi fl-industrija tal-minjieri u f’postijiet li jinvolvu xogħol f’atmosfera ta’ pressjoni għolja.

34.   L-Awstrija kkonformat ma’ din it-talba permezz ta’ ittra datata t-2 ta’ Marzu 1999. Hija bagħtet lil Kummissjoni id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi ta’ l-1938 u tal-Liġi ta’ l-1973, għamlet referenza għad-deroga fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva u ddikjarat b’mod espliċitu li ma kellha l-ebda intenzjoni li temenda r-regoli dwar ix-xogħol ta’ nisa fil-minjieri.

35.   Billi kkunsidrat li l-projbizzjonijiet dwar l-impjieg ta’ nisa stipulati fil-Liġijiet ta’ l-1938 u ta’ l-1973 kienu inkompatibbli mad-Direttiva, il-Kummissjoni bagħtet lill-Awstrija avviż formali b'ittra tad-29 ta’ April 1999.

36.   Fir-risposta tagħha tat-2 ta’ Lulju 1999 l-Awstrija rriferiet għall-ittra tagħha preċedenti. Hija żiedet illi l-Artikolu 16 tal-Liġi ta’ l-1938 ma kienx japplika għax-xogħlijiet kollha fil-minjieri u li, barra dan, l-awtorità tal-minjieri kienet aċċettat l-introduzzjoni ta’ numru ta’ eċċezzjonijiet għal din il-liġi. L-Awstrija ddikjarat ukoll li kienet qed tippjana evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol fis-settur tal-minjieri, li tkun tkopri iż-żewġ dispożizzjonijiet in kwistjoni.

37.   Il-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta b’dik ir-risposta u bagħtet lill-Awstrija opinjoni motivata fis-7 ta’ Frar 2002. L-Awstrija rrispondiet fil-11 ta’ April 2002 fejn spjegat li l-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-projbizzjoni tar-reklutaġġ ta’ nisa fl-industrija tal-minjieri kienet ġiet emendata bil-Liġi ta’ l-2001.

38.   Wara li esprimiet il-fehma li l-projbizzjonijiet dwar l-impjieg tan-nisa stipulati fil-Liġi ta’ l-1973 u l-Liġi ta’ l-2001 kisru d-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni resqet dawn il-proċedimenti li fihom titlob dikjarazzjoni li l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva u l-Artikolu 10 KE moqri flimkien ma' l-Artikolu 249 KE.

 Ammissibilità

39.   L-Awstrija tissottometti li r-rikors mhux ammissibbli għar-rigward tal-projbizzjoni dwar l-impjieg ta’ nisa fl-industrija tal-minjieri taħt l-art. Din tikkontendi li, skond ġurisprudenza stabbilita,(8) l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ikunu bbażati fuq ilmenti identiċi u li huwa biss f'każijiet fejn il-miżuri kkontestati fil-proċedura ta’ qabel il-kawża ikunu tħallew kif kienu fl-intier tagħhom li emendi għall-leġiżlazzjoni nazzjonali addottati bejn il-ħruġ ta’ l-opinjoni motivata u r-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jaffettwawx l-ammissibilità ta’ l-azzjoni. Mhuwiex dan il-każ hawnhekk għax il-miżuri ma tħallewx kif kienu fl-intier tagħhom.

40.   Huwa ċertament il-każ li s-suġġett ta’ rikors magħmul taħt l-Artikolu 226 KE hu ċirkoskritt bil-proċedura ta’ qabel il-kawża prevista b’dak l-artikolu u li l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom għalhekk ikunu bbażati fuq l-istess oġġezzjonijiet. (9)

41.   Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li din il-kundizzjoni ma tistax sal-punt li teżiġi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-opinjoni motivata u fir-rikors għandhom ikunu dejjem kompletament identiċi. Fejn tkun seħħet bidla leġiżlattiva bejn dawn iż-żewġ stadji proċedurali, ikun biżżejjed li s-sistema stabbilita bil-leġiżlazzjoni kkontestata fil-proċedura ta’ qabel il-kawża tkun, ġeneralment, tħalliet bil-miżuri ġodda adottati mill-Istat Membru wara l-ħruġ ta’ l-opinjoni motivata u kkontestata fir-rikors. (10)

42.   L-emendi għal-leġiżlazzjoni Awstrijaka ma ġabux magħhom xi bidla sostanzjali sinifikattiva fil-projbizzjoni ta’ l-impjieg tan-nisa fl-industrija tal-minjieri. Il-Liġi ta’ l-1938 stabbiliet trattament differenti fir-rigward ta’ diversi tipi ta’ attivitajiet, li, fil-prattika, ammonta għal projbizzjoni wiesa’ biex jiġu impjegati n-nisa fl-industrija tal-minjieri, filwaqt li l-Liġi ta’ l-2001 stipulat projbizzjoni ġenerali waħda u pprovdiet għal numru limitat ta’ eċċezzjonijiet li laqtu attivitajiet speċifiċi ħafna, bħal, per eżempju, esperjenza professjonali miksuba fl-industrija tal-minjieri. Minn dan jirriżulta li s-sistema stabbilita bil-leġiżlazzjoni kkontestata fil-proċedura ta’ qabel il-kawża, ġiet, ġeneralment, miżmuma bil-miżuri l-ġodda adottati mill-Awstrija.

43.   Barra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li mhux neċessarju li t-termini ta’ l-opinjoni motivata u s-suġġett tal-proċedimenti ikunu eżattament l-istess jekk is-suġġett tal-proċedimenti ma ġiex estiż jew mibdul imma jkun sempliċiment ġie ristrett.(11) Fil-kawża preżenti, l-Awstrija tissottometti bħala difiża tagħha fuq il-mertu li l-Liġi ta’ l-2001 ma tipprovdix aktar għal projbizzjoni assoluta ta' impjieg għal nisa fil-minjieri imma sempliċiment tħalli xi projbizzjonijiet u restrizzjonijiet speċifiċi dwar tali impjieg. Jirriżulta għalhekk li, fil-miżura li sar bdil fil-leġiżlazzjoni, is-suġġett tar-rikors tal-Kummissjoni ġie sempliċiment ristrett.

44.   Fl-aħħar nett, nixtieq inżid li huwa impliċitu mill-argument ta’ l-Awstrija bbażat fuq l-Artikolu 307 KE(12) li l-Liġi ta’ l-2001 hija essenzjalment promulgazzjoni mill-ġdid tal-Liġi ta’ l-1938.

45.   Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, jiena nikkunsidra li l-eċċezzjoni ta' inammisibbilità hija infondata.

 Il-projbizzjoni ta’ impjieg għal nisa fl-industrija tal-minjieri taħt l-art

 Id-Direttiva

46.   Il-Kummissjoni tissottometti li l-projbizzjoni ta’ impjiegi għal nisa fl-industrija tal-minjieri taħt l-art li tinsab fl-Artikolu 2 tal-Liġi ta’ l-2001 hija kuntrarja għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fil-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-impjieg. Hija tkompli żżid li l-Awstrija impliċitament tirrikonoxxi n-natura sproporzjonata tal-projbizzjoni peress li fis-setturi l-oħra kollha l-Artikolu 4 tal-Liġi ta’ l-2001 jipprovdi għal evalwazzjoni każ każ ta’ jekk in-nisa għandhomx jitħallew jagħmlu xogħol li huwa fiżikament eżiġenti.

47.   Mhux ikkontestat li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tittratta l-irġiel u n-nisa b’mod differenti għar-rigward ta’ xogħol fl-industrija tal-minjieri. Il-mistoqsija għalhekk hija, kif tissottometti l-Awstrija, jekk trattament differenti bħal dan huwiex permess billi jaqa’ taħt id-deroga stipulata fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva.

48.   L-Awstrija tikkontendi b’mod partikolari li huwa ċar, bħala regola ġenerali u minn perspettiva bioloġika, li n-nisa m’għandhomx l-istess statura bħall-irġiel u huma fiżikament iktar debboli. Konsegwentement, xogħol ta’ strapazz fiżiku fl-industrija tal-minjieri taħt l-art jinvolvi strapazz fiżiku akbar għan-nisa u tesponihom għal riskji ta’ saħħa ikbar mill-irġiel. L-Awstrija tissottometti li dan mhuwiex il-każ fir-rigward ta’ xogħol bil-lejl li jesponi lin-nisa u l-irġiel għall-istess strapazz fiżiku. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li projbizzjonijiet fuq xogħol bil-lejl għan-nisa huma kuntrarja għad-Direttiva, li ġiet invokata mill-Kummissjoni, għaldaqstant mhix analoga.(13)

49.   L-Awstrija għalhekk tikkonkludi li hija ġġustifikata taħt l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva li żżomm il-projbizzjoni ta' impjieg għan-nisa fl-industrija tal-minjieri li, hija tikkontendi, għandha l-għan li tipproteġi lin-nisa.

50.   Fil-fehma tiegħi din id-dispożizzjoni, kif fil-fatt huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija intiża biex tindirizza l-bżonnijiet li huma speċifiċi għan-nisa u li għalhekk ġustament jistgħu jiġu protetti f’ċerti sitwazzjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddikjarat li, billi tippermetti lill-Istati Membri biex iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li huma intiżi biex jipproteġu lin-nisa f'konnessjoni ma’ "tqala u maternità", id-Direttiva tirrikonoxxi l-leġittimità, f'termini tal-prinċipju tat-trattament ugwali, li jiġu mħarsa il-bżonnijiet tan-nisa minn żewġ aspetti. L-ewwel nett, huwa leġittimu li jiġi żgurat il-protezzjoni tal-kundizzjoni bioloġika tal-mara waqt u wara t-tqala sakemm il-funzjonijiet fiżjoloġiċi u mentali tagħha jiġu lura għan-normal wara li tkun weldet; it-tieni nett, huwa leġittimu li tiġi mħarsa r-relazzjoni speċjali bejn il-mara u t-tarbija tagħha matul iż-żmien ta’ wara t-tqala u t-twelid, billi tipprevjeni li din ir-relazzjoni tiġi disturbata bid-diversi responsabbiltajiet li jkunu jirriżultaw mill-insegwiment simultanju tax-xogħol(14).

51.   Għaldaqstant, l-Artikolu 2(3) ma jippermettix għalhekk li n-nisa jiġu esklużi minn ċertu tip ta’ xogħol għar-raġuni li huma għandhom jiġu mogħtija protezzjoni akbar mill-irġiel kontra riskji li jaffettwaw irġiel u nisa bl-istess mod u li huma distinti mill-bżonnijiet speċifiċi tan-nisa għal protezzjoni, bħal dawk li huma espressament imsemmija. (15)

52.   Kif jista' jiġi osservat, minkejja l-użu tal-kelma ‘partikolarment’ fl-Artikolu 2(3), il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx l-użu tad-deroga għal xi kwalsiasi raġuni ħlief għal kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ tqala u maternità. Għalkemm il-kelma ‘partikolarment’ tindika li sitwazzjonijiet barra minn tqala u maternità jistgħu jaqgħu fl-ambitu tad-deroga, din il-kelma tinfluwixxi fuq il-portata ta’ l-eċċezzjonijiet.(16)

53.   It-tipi ta’ sitwazzjonijiet previsti bl-Artikolu 2(3) għalhekk huma evidentement differenti minn dawk identifikati mil-liġi Awstrijaka, li teskludi n-nisa kollha minn xogħol bħal dan indipendentement mill-abbiltajiet u kundizzjonijiet fiżiċi tagħhom.

54.   Fil-fehma tiegħi huwa mingħajr effett, kif ġie enfasizzat mill-Awstrija, li l-leġiżlazzjoni tagħha tipprovdi xi eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-prinċipju ta' trattament ugwali ma jippermettix l-esklużjoni ġenerali tan-nisa minn ċertu impjieg, anki jekk huma previsti eċċezzjonijiet, fejn tali xogħol mhuwiex ipprojbit għall-irġiel.(17) F'kull każ, l-eċċezzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni Awstrijaka huma estremament ristretti fil-portata tagħhom.

55.   Għaldaqstant, jien nikkonkludi li l-projbizzjoni li jiġu impjegati n-nisa fil-minjieri ma taqax fl-ambitu tad-deroga ta’ l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva.

 Il-Konvenzjoni ta’ l-ILO

56.   L-Awstrija tissottometti li r-restrizzjonijiet għar-reklutaġġ tan-nisa huma ġġustifikati bl-obbligi internazzjonali li għandha skond il-Konvenzjoni ta’ l-ILO Numru 45 li, billi din ġiet konkluża qabel l-adeżjoni ta’ l-Awstrija għat-Trattat tal-KE, tibqa’ vinkolanti fuqha permezz ta’ l-Artikolu 307 KE.

57.   L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 KE jipprovdi li id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat bejn Stat Membru wieħed jew iktar, minn banda, u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m'għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat. L-Artikolu 307 għandu portata ġenerali u japplika għal kull ftehim internazzjonali, irrispettivament mis-suġġett tiegħu, li jista' jaffettwa l-implimentazzjoni tat-Trattat.(18)

58.   L-Awstrija tikkontendi li bħala riżultat ta’ din id-dispożizzjoni kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja(19), l-Istati Membri mhumiex obbligati japplikaw id-dritt Komunitarju fejn l-applikazzjoni tiegħu tkun inkompatibbli ma' l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn xi trattat jew konvenzjoni internazzjonali konkluża ma' Stati terzi qabel l-adeżjoni tagħhom għat-Trattat tal-KE. B'sostenn ta' l-argument tagħha li l-projbizzjoni ta’ reklutaġġ tan-nisa hija permessa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 307, l-Awstrija tirreferi b'mod partikolari għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Levy(20) u Minne(21) .

59.   Dawn il-kawżi qajmu l-kwistjoni ta' jekk il-prinċipju ta' trattament ugwali impedixxa lil Stat Membru milli jipprojbixxi xogħol bil-lejl min-nisa f’ċirkustanzi meta konvenzjoni oħra ta’ l-ILO konkluża qabel it-Trattat kienet tirrikjedi projbizzjoni bħal din. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment li għalkemm projbizzjoni bħal din kienet kuntrarja għall-prinċipju ta' trattament ugwali, id-Direttiva ma kinitx applikabbli meta kienu ġew adottati provvedimenti nazzjonali sabiex jiġi żgurat it-twettiq mill-Istat Membru ta’ l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn xi ftehim fl-ambitu ta’ l-Artikolu 307.

60.   Madankollu l-Kummissjoni tirreferi għat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 307, li jobbliga l-Istati Membri jieħdu l-miżuri opportuni biex titneħħa kull inkompatibilità bejn xi ftehim bħal dan u t-Trattat, u tissottometti li l-Awstrija kellha għalhekk tiddenunzja l-Konvenzjoni fit-30 ta’ Mejju 1997, f'applikazzjoni ta' l-Artikolu 7.(22)

61.   Kemm Levy u Minne ġew imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari. Fl-ebda waħda minn dawn il-kawżi l-qorti nazzjonali tar-rinviju ma talbet għal gwida dwar l-effett tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 307. Din il-kwistjoni ma ġiet lanqas imqajma minn xi waħda mill-partijiet li ppreżentat l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm f’Minne il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li l-Istat Membru in kwistjoni (Il-Belġju) kien fil-fatt iddenunzja l-konvenzjoni in kwistjoni.(23)

62.   Għall-kuntrarju, f'din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mitluba tiddeċiedi li l-Awstrija kisret id-dritt Komunitarju. Jien diġà esprimejt il-fehma li l-Liġi ta’ l-2001 hija tabilħaqq kuntrarja għad-Direttiva. Sabiex jiġi deċiż jekk l-Awstrija tistax, kif hija qed tissottometti, tinvoka l-Artikolu 307 KE biex tiġġustifika l-leġiżlazzjoni tagħha, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk f'applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu ħaditx il-miżuri kollha opportuni sabiex telimina l-inkompatibilità bejn il-provvedimenti nazzjonali u l-obbligi tagħha skond id-dritt Komunitarju. Barra dan, din il-kwistjoni ġiet imqajjma mill-partijiet. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kienet sodisfatta li l-Awstrija setgħet telimina l-inkompatibilità bejn il-provvedimenti nazzjonali u d-dritt Komunitarju rilevanti, imma naqset milli tagħmel dan, l-Awstrija ma tkunx tista’ iktar tinvoka l-Artikolu 307.

63.   Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Kummissjoni vs Portugall(24) tindirizza espressament il-problema li Stat Membru jiltaqa' magħha meta l-obbligi tiegħu skond id-dritt internazzjonali u l-leġiżlazzjoni Komunitarja ikunu f’kunflitt. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm fil-kuntest ta’ l-Artikolu 307 KE l-Istati Membri għandhom għażla dwar il-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu, madankollu huma għandhom l-obbligu li jeliminaw kull inkompatibilità eżistenti bejn konvenzjoni ta’ qabel il-Komunità u t-Trattat tal-KE. Jekk Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet li jagħmlu l-aġġustament ta’ tali ftehim impossibbli, l-obbligazzjoni li jiġi ddenunżjat dan il-ftehim ma tistax għalhekk tiġi eskluża.(25)  Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, billi naqas milli jiddenunżja jew jaġġusta ftehim ma’ Stat terż li kien f'kuntrast ma’ regolament tal-Komunità, il-Portugall naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond dan ir-regolament.(26)

64.   It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 307 għalhekk ikopri, kif jissuġġerixxu t-termini tiegħu, sitwazzjonijiet fejn konvenzjoni tista’ tiġi nnegozjata mill-ġdid mill-partijiet kontraenti jew iddenunzjata unilateralment f'applikazzjoni tat-termini tagħha. Fil-rigward ta' din il-kawża, jista’ jiġi nnutat li 13-il parti kontraenti, inkluż 6 Stati Membri,(27) diġà ddenunzjaw il-Konvenzjoni ta’ l-ILO Nru 45. Il-maġġjorità ta’ dawk il-partijiet denunzjanti taw bħala raġunijiet għad-denunzja tagħhom li l-Konvenzjoni kienet inkompatibbli mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza ta' trattament bejn irġiel u nisa. Barra dan, fl-1996 l-Enti Governattiv ta’ l-ILO stieden lill-Istati li huma partijiet fil-Konvenzjoni ta’ l-ILO Nru 45 biex jirratifikaw il-Konvenzjoni ta’ l-ILO Nru 176 ta’ l-1995 dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fil-Minjieri, li tiddeskrivi bħala "il-leġiżlazzjoni aġġornata għal dan is-settur [li] fil-prattika tinkludi l-kuntest ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni Nru 45", u possibilment jiddenunzjaw din il-Konvenzjoni.(28) Il-Konvenzjoni Nru 176 tapplika indistintament kemm għall-irġiel u għan-nisa.

65.   Jirriżulta li f'ċirkostanzi bħal dawk in kwistjoni, fejn l-Awstrija kellha l-opportunità li legalment tiddenunzja il-Konvenzjoni ta’ l-ILO Nru 45 fis-sena ta’ wara t-30 ta’ Mejju 1997 (29) u b’hekk tiżgura trattament ugwali għal irġiel u nisa f'applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward ta’ aċċess għal impjiegi fl-industrija tal-minjieri taħt l-art, l-Awstrija hija prekluża milli tibbaża ruħha fuq l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307 biex tiġġustifika leġiżlazzjoni nazzjonali li hija inkompatibbli mad-Direttiva.

66.   Madankollu l-Awstrija tissottometti li ma setgħetx tkun taf, fil-ħin biex tiddenunzja l-Konvenzjoni ta’ l-ILO Nru 45, li l-leġiżlazzjoni tagħha kienet kuntrarja għad-dritt Komunitarju jew li l-Kummissjoni kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni kienu kuntrarji għad-dritt Komunitarju, billi l-ewwel komunikazzjoni tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward intbagħtet f’Settembru 1998.

67.   Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Kif imsemmi hawn fuq(30) id-Direttiva saret applikabbli għall-Awstrija mad-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994 tal-Ftehim taż-ŻEE, u skond id-dritt Komunitarju l-Awstrija kienet obbligata li timplimenta d-Direttiva sa l-1 ta’ Jannar 1995. L-Awstrija kienet għalhekk obbligata skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva li tħassar ma' l-ewwel opportunità kull liġi kuntrarja għall-prinċipju tat-trattament ugwali, u d-data ta’ xi komunikazzjoni mill-Kummissjoni mhix rilevanti f’dan ir-rigward.

68.   Isegwi mis-suespost li l-Awstrija ma tistax f’dawn il-proċedimenti tibbaża ruħha fuq il-Konvenzjoni ta’ l-ILO Nru 45 sabiex tevita milli twettaq l-obbligi tagħha abbażi ta' din id-Direttiva.

 Il-projbizzjoni ta’ reklutaġġ ta’ nisa f’postijiet li jinvolvu xogħol f’atmosfera ta’ pressjoni għolja

69.   Il-Kummissjoni tissottometti li l-projbizzjoni ta’ reklutaġġ ta’ nisa f’postijiet li jinvolvu xogħol f’atmosfera ta’ pressjoni għolja u bħala bugħaddasa stipulata fl-Artikoli 8 u 31 tal-Liġi ta' l-1973 hija kuntrarja għad-dritt Komunitarju.

70.   L-Awstrija tirrispondi li din il-projbizzjoni tikkonforma ma' l-eżiġenzi tad-Direttiva u b’mod partikolari li hi ġġustifikata għall-istess raġunijiet bħall-projbizzjoni ta’ xogħol fil-minjieri, jiġifieri, minħabba n-natura eżiġenti ta’ xogħol fiżiku flimkien mal-kapaċitajiet fiżiċi ġeneralment aktar debboli tan-nisa, bħal eżempju l-kapaċità respiratorja inferjuri tagħhom.

71.   Huwa veru li, bħal fil-każ ta’ xogħol fil-minjieri, l-attivitajiet identifikati mill-liġi Awstrijaka jistgħu jinvolvu xi strapazz fiżiku fuq il-persuna li teżegwixxihom. Madankollu peress li l-Awstrija ma resqet l-ebda prova li xogħol bħal dan jagħti lok għal riskji li jaffettwaw l-irġiel u n-nisa b’mod differenti jew għal riskji li huma speċifiċi għan-nisa u li għalhekk jeħtieġu protezzjoni partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva, dan il-fatt ma jistax jiġġustifika l-esklużjoni tan-nisa kollha mill-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet. (31)

72.   Il-fatt li l-projbizzjoni ta' reklutaġġ ta' nisa f’atmosfera iperbarika għandha żewġ eċċezzjonijiet limitati (f’kuntrast mal-projbizzjoni ġenerali dwar nisa li jeżerċitaw xogħol ta’ bugħaddasa li ma tippermetti ebda eċċezzjoni) ma jagħmilhix kompatibbli mad-Direttiva. L-ewwel nett il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat espliċitament li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jippermettix l-esklużjoni ġenerali tan-nisa minn ċertu xogħol, anki f'każ ta' eċċezzjonijiet, meta xogħol bħal dan ma jkunx ipprojbit għall-irġiel.(32) It-tieni nett, f'kull każ huwa ċar li l-eċċezzjonijiet mhumiex oġġettivament ġustifikati fis-sens ta' l-Artikolu 2(3) billi dawn jippermettu lin-nisa li jeżerċitaw biss rwol ta’ sorveljanza jew xogħol f’atmosfera iperbarika li ma jinvolvix strapazz fiżiku eċċessiv fuq ġisimhom. Dawn għalhekk ma jaqgħux fil-kategorija ta’ derogi relatati ma' tqala jew maternità li huma previsti bl-Artikolu 2(3).

73.   Barra dan, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tista’ tiġi eskluża peress li ma hemm l-ebda impatt speċifiku li l-presenża ta’ ħaddiema femminili f’tali postijiet jkun għandha fuq ħaddiema oħrajn li tkun tiġġustifika l-esklużjoni tagħhom minn tali attività sempliċiment minħabba s-sess tagħhom. Konsegwentement is-sess mhux fattur determinanti għal attivitajiet bħal dawn skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(2). (33)

74.   Jien għalhekk nikkunsidra li l-projbizzjoni ta’ l-impjieg ta’ nisa f’postijiet li jinvolvu xogħol f’atmosfera ta’ pressjoni għolja mhix kompatibbli mad-Direttiva.

 Konklużjoni

75.   Jien għalhekk tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

(1)      tiddijara li r-Repubblika ta’ l-Awstrija, billi zammet l-Artikoli 8 u 31 tal-Druckluft- und Taucherarbeiten-Verordnung des Bundesministers für Wirtschaft und Arbeit über Beschäftigungsverbote und –beschrännkungen für Arbeitnehmerinnen ta’ l-4 ta’ Ottubru 2001, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 2 u 3 tal-Kunsill tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg, taħriġ u promozzjoni vokazzjonali, u kundizzjonijiet tax-xogħol;

(2)      tordna lir-Repubblika ta’ l-Awstrija tbati l-ispejjeż.


1 – Lingwa tal-kawża: L-Ingliż.


2  – Il-Kunsill tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għal irġiel u nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet ta’ xogħol, ĠU 1976 L 39, p.40.


3  – Il-Ftehim huwa anness mad-Deċiżjoni 94/1/KEFA; KE tal-Kunsill u l-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 1993, ĠU 1994 L 1, p.3. Ara partikolarment l-Artikolu 70 u l-paragrafu 18 ta’ l-Anness XVIII.


4  – Deutsches RGB1, p. 447; GB1f.d.L.Ö 231/1939.


5  – Bundesgesetz zur Bereinigung der vor 1946 kundgemachten einfachen Bundesgesetze und Verordnungen (Liġi Federali li tħassar liġijiet federali ordinarji u regolament adottati qabel l-1946 , BGBL. I, 191/1999.


6  – BGB1. II, 356/2001.


7  – BGB1. 501/1973.


8  – Kawżi Il-KummissjonivsIl-Greċja [1992] Ġabra I-5871 u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju Ġabra [1996] I-4115.


9  – Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata f’nota 8, punt 73 tas-sentenza.


10  – Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar 'il fuq f’nota 7, (punt 74),, u l-ġurisprudenza iċċitata fih.


11  – Is-sentenza tal-11 ta' Lulju 2002 Il-Kummissjoni vs Spanja Ġabra I-6407, punt 19.


12  – Ara punt 39 et seq.


13  – Kawża [1991] Ġabra I-4047, Kawża [1993] Ġabra I-4287 u Kawża Il-Kummissjoni vs Franza [1997] Ġabra I-1489.


14  – Kawża 184/83 Hofmann [1984] Ġabra 3047, punt 25 tas-sentenza.


15  – Kawża 222/84 Johnston [1986] Ġabra 1651, punt 44 tas-sentenza, u Kawża Kreil [2000] Ġabra I-69, punt 30.


16  – Il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Sir Gordon Slynn fil-Kawża 312/86, Il-Kummissjoni vs Franza [1988] Ġabra 6315, fil-paġni. 6327 u 6328.


17  – Stoeckel, iċċitata f’nota 13, punt 19 tas-sentenza.


18  – Kawża 812/79 Burgoa [1980] Ġabra 2787, paragrafu 6 tas-sentenza, u Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Portugall [2000] Ġabra I-5215, paragrafu 52.


19  – Levy, iċċitata fin-nota 13.


20  – Iċċitata iktar 'il fuq fin-nota 13.


21  – Kawża [1994] Ġabra I-371.


22  – Stipulat f’punt 8 iktar 'il fuq.


23  – Ara punt 15 tas-sentenza.


24  – Iċċitata f’nota 18.


25  – Punt 58 tas-sentenza.


26  – Punt 61 tas-sentenza.


27  – Il-Finlandja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Iżvezja u r-Renju Unit.


28  – Ara r-Rapporti ta’ l-Enti Governattiv ta’ l-ILO għall-267 Sessjoni (Novembru 1996), GB.267/LILS/WP/PRS/2. il-268 Sessjoni (Marzu 1997) GB.268/LILS/WP, il-270 Sessjoni (Novembru 1997), GB.270/15, u l-274 Sessjoni (Marzu 1999), GB.264/LILS/WP/PRS/1 (dispobibbli fuq il-website ta’ l-ILO www.ilo.org).


29  – Ara l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni, deskritt fil-punt 8 ta’ hawn fuq.


30  – Ara punt 4 iktar 'il fuq.


31  – Ara d-diskussjoni f’punti 33 sa 36 iktar 'il fuq.


32  – Stoeckel, iċċitata f’nota 13, punt 19 tas-sentenza.


33  – Ara punti 33 sa 35 hawn fuq.