DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

3 ta’ Lulju 2007 ( *1 )

Fil-kawża T-212/02,

Komun ta’ Champagne (L-Iżvizzera),

“Défense de l’appellation Champagne ASBL”, stabbilita f’Champagne (L-Iżvizzera),

Cave des viticulteurs de Bonvillars, stabbilita f’Bonvillars (L-Iżvizzera), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-Anness tad-digriet preżenti, irrappreżentati minn D. Waelbroeck u A. Vroninks, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn J. Carbery, wara minn F. Florindo Gijón u F. Ruggeri Laderchi, bħala aġenti

u

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn J. Forman u D. Maidani, wara minn Forman u F. Dintilhac, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u A. Colomb, bħala aġenti,

parti intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ta’ l-4 ta’ April 2002, dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika […] dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Żvizzera (ĠU L 114, p. 1), safejn tawtorizza l-Artikolu 5(8) tat-Titolu II ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli u talba ta’ kumpens għal danni li allegatament sostnew ir-rikorrenti minħabba l-Ftehim,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, J. Azizi u E. Cremona, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

Il-kuntest ġuridiku

1

L-inbid frizzanti prodott fir-reġjuni Franċiża ta’ Champagne jibbenefika, fil-Komunità, mid-denominazzjoni protetta “vin de qualité produit dans une reġion déterminée” (v.q.p.r.d.), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 823/87, tas-16 ta’ Marzu 1987, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali rigward l-inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi (ĠU L 84, p. 59), kif emendat, kif ukoll il-lista ta’ inbid ta’ kwalità psr, ippubblikat skond l-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament (ĠU 1999, C 46, p. 113).

2

Skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2392/89, ta’ l-24 ta’ Lulju 1989, li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta’ l-inbejjed u tal-most ta’ l-għeneb (ĠU L 232, p. 13):

“Għad-deskrizzjoni ta’ inbid importat, l-isem ta’ unità ġeografika użata għad-deskrizzjoni ta’ inbid tal-mejda jew ta’ inbid ta’ kwalità psr jew ta’ reġjun speċifiku fil-Komunità ma tistax tintuża la fil-lingwa tal-pajjiż produttur li fiha tinsab din l-unità jew dan ir-reġjun, u lanqas f’xi lingwa oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3

Skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 29(3) ta’ dan ir-Regolament:

“Derogi mill-paragrafu 2 jistgħu jingħataw meta l-isem ġeografiku ta’ inbid prodott fil-Komunità ikun identiku għal dak ta’ unità ġeografika, li tinsab f’pajjiż terz, meta f’dan il-pajjiż l-isem jintuża għall-inbid skond użanzi antiki u kostanti u taħt il-kundizzjoni li l-użu tiegħu huwa rregolat minn dan il-pajjiż.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, (ĠU L 179, p. 1), ħassar, permezz ta’ l-Artikoli 81 u 82 tiegħu, ir-Regolament Nru 823/87 u r-Regolament Nru 2392/89 b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2000. Skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1608/2000, ta’ l-24 ta’ Lulju 2000, li jipprovdi miżuri tranżitorji sakemm il-miżuri definittivi li jimplementaw ir-Regolament (KE) 1493/1999, kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 699/2002, ta’ l-24 ta’ April 2002 (ĠU L 109, p. 20), b’deroga ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1493/1999, l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 823/87 u tat-totalità tar-Regolament Nru 2392/89 ġiet madankollu estiża sal-31 ta’ Mejju 2002 sakemm saret il-finalizzazzjoni u l-adozzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tar-Regolament Nru 1493/1999.

5

Fid-29 ta’ April 2002 ġie adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002, li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni ta’ l-origini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur ta’ l-inbid (ĠU L 118, p. 1). Dan ir-Regolament, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2086/2002, tal-25 ta’ Novembru 2002 (ĠU L 321, p. 8), sar applikabbli b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2003.

6

L-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 753/2002 ħassar ir-Regolament Nru 1608/2000, madankollu l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 753/2002, kif emendat, jipprovdi li, b’deroga ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1493/1999, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 823/87 kif ukoll ir-Regolament Nru 2392/89 fit-totalità tiegħu baqgħu applikabbli sal-31 ta’ Lulju 2003.

7

Skond l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1493/1999:

“Jekk Stat Membru juża l-isem ta’ reġjun speċifikat sabiex jiddisinja nbid ta’ kwalità psr jew, fejn ikun xieraq, inbid intenzjonat għall-ipproċessar f’inbid ta’ kwalità psr, dak l-isem ma jistax jintuża biex jiddisinja prodotti fis-settur ta’ l-inbid mhux magħmula f’dak ir-reġjun u/jew prodotti mhux iddisinjati mill-isem bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-regoli relevanti Komunitarji u nazzjonali. Dan għandu japplika wkoll jekk l-Istat Membru jkun uża l-isem ta’ żona lokali amministrattiva jew parti minnha jew lokalità żgħira esklużivament biex jiddisinja nbid ta’ kwalità psr jew, fejn ikun xieraq inbid intenzjonat għall-ipproċessar f’inbid ta’ kwalità psr ta’ din ix-xorta.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet Komunitarji li jirrigwardaw tipi speċifiċi ta’ nbid ta’ kwalità psr, l-Istati Membri jistgħu, fil-każ ta’ ċerti kundizzjonijiet ta’ produzzjoni li huma għandhom jiddeterminaw, jawtorizzaw l-isem ta’ reġjun speċifikat li jrid jiġi akkumpanjat b’dettalji li jirrigwardaw il-metodu tal-manifattura jew bit-tip jew bl-isem ta’ varjetà ta’ dielja jew b’sinonimu ta’ dan.”

8

Id-denominazzjoni “champagne” għall-inbejjed tar-reġjun Franċiż ta’ Champagne jidher fuq il-lista ta’ inbejjed ta’ kwalità psr ippubblikata skond l-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1493/1999 (ĠU 2006, C 41, p. 1, fil-verżjoni l-iktar riċenti).

9

L-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 753/2002 jipprovdi li:

“It-tikkettjar ta’ l-inbid importat, inkluż l-inbid magħmul minn għeneb misjur iżżejjed jew masti ta’ l-għeneb fil-fermentazzjoni għal konsum uman dirett, minn pajjiż terz li huwa membru ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jista’ jġorr l-isem taż-żona ġeografika kif hemm referenza dwarha fl-Anness VII(A)(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 basta iżda li sservi sabiex tidentifika l-inbid bħala li joriġina fit-territorju ta’ pajjiż terz jew f’reġjun jew f’lokalità ta’ dak il-pajjiż terz, meta kwalità, ir-reputazzjoni jew il-karatterstika partikolari oħra tal-prodott hija essenzjalment attribwita lil dik l-oriġini ġeografika.”

10

Skond l-Artikolu 36(3):

“L-indikazzjonijiet ġeografiċi kif li hemm referenza dwarhom fil-paragrafi 1 u 2 ma jistgħux ikunu konfużi ma’ l-indikazzjoni ġeografika użata biex tidentifika l-inbid psr ta’ kwalità, l-inbid tal-mejda jew xi inbid ieħor importat inkluż fil-listi ta’ ftehim konklużi bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi.

B’dankollu, xi indikazzjonijiet ġeografiċi tal-pajjiżi terzi kif hemm referenza dwarhom fl-ewwel subparagrafu li huma indikazzjonijiet ġeografiċi li għandhom xebħ għall-inbid psr ta’ kwalità, l-inbid tal-mejda jew l-inbid importat jistgħu jintużaw suġġetti għal kundizzjonijiet prattiċi li permezz tagħhom ikunu ddifferenzjati minn xulxin, waqt li titqies il-ħtieġa sabiex ikun assigurat trattament ġust tal-prodott ikkonċernat u li l-konsumaturi ma jkunux żgwidati.

[…]

Dawn l-indikazzjonijiet, it-termini u l-kundizzjonijiet prattiċi għandhom ikunu stabbiliti fl-Anness VI.”

11

Skond l-Artikolu 36(5) tar-Regolament Nru 753/2002, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 316/2004, ta’ l-20 ta’ Frar 2004 (ĠU L 55, p. 16):

“Indikazzjoni ġeografika ta’ pajjiż terz, kif imsejjħa fil-paragrafi 1 u 2, jistgħu jiġu użati fl-ittikkettjar ta’ nbid importat anke fejn 85 % biss ta’ l-inbid in kwistjoni kien miksub minn għeneb maħsud fiż-żona tal-produzzjoni li ġġib ismu.”

12

Id-denominazzjoni “champagne” għall-inbejjed tal-komun ta’ Champagne fil-canton ta’ Vaud fl-Iżvizzera ma tidhirx fl-Anness VI intitolat “Lista ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi [omonimi] u [ta]l-kundizzjonijiet prattiċi għall-użu tagħhom kif hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 36(3)”.

Il-fatti tal-kawża prinċipali

13

Il-komun ta’ Champagne jinsab fil-canton ta’ Vaud fl-Iżvizzera, fir-reġjun ta’ l-inbid ta’ Bonvillars. Fit-territorju tal-komun ta’ Champagne huwa prodott inbid abjad mhux frizzanti mill-għeneb chasselas pur, ikkummerċjalizzat taħt id-denominazzjoni ta’ “champagne”.

14

Il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera ffirmaw, fil-21 ta’ ta’ Ġunju 1999, sebgħa ftehim, fosthom il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli (ĠU 2002, L 114, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Ftehim”).

15

L-Artikolu 5 ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim jipprovdi:

“1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi meħtieġa skond dan l-Anness biex jassiguraw protezzjoni reċiproka fuq l-ismijiet [denominazzjonijiet] imsemmija fl-Artikolu 6 u wżati għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni tal-prodotti fis-settur ta’ l-inbid fis-sens ta’ l-Artikolu 2 li joriġinaw fit-territorju tal-Partijiet. Għal dan l-għan, kull Parti għandha tintroduċi l-miżuri legali xierqa biex tassigura protezzjoni effettiva u timpedixxi indikazzjonijiet ġeografiċi u espressjonjijiet tradizzjonali milli jiġu wżati biex jiddeskrivu prodotti fis-settur ta’ l-inbid mhux koperti mill-indikazzjonijiet jew deskrizzjonijiet ikkonċernati.

2.   [Id-denominazzjonijiet] protetti tal-Partijiet għandhom ikunu riservati esklużivament għall-prodotti li joriġinaw fil-Parti li għaliha jkun japplikaw u jistgħu jintużaw biss taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġijiet u r-regoli ta’ dik il-Parti.

[…]

4.   Fil-każ ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi omonimi:

a)

fejn żewġ indikazzjonijiet protetti taħt dan l-Anness huma omonimi, għandha tingħata protezzjoni lit-tnejn li huma, sakemm il-konsumatur ma jiġix żgwidat rigward l-oriġini reali tal-prodotti fis-settur ta’ l-inbid;

[…]

5.   Fil-każ ta’ [termini] tradizzjonali [omonimi]:

a)

fejn żewġ [termini] protetti taħt dan l-Anness huma omonimi, protezzjoni għandha tingħata lit-tnejn li huma, sakemm il-konsumatur ma jkunx żgwidati rigward l-oriġini reali tal-prodotti fis-settur ta’ l-inbid;

[…]

8.   Il-protezzjoni esklużiva pprovduta fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tapplika għad-[denominazzjoni] “Champagne” fil-lista tal-Komunità fl-Appendiċi 2 għal dan. Madankollu, għal perijodu transizzjonali ta’ sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Anness, protezzjoni esklużiva ta’ din ix-xorta m’għandhiex timpedixxi l-kelma “Champagne” milli tiġi wżata biex tiddeskrivi u tippreżenta ċertu inbejjed li joriġinaw fil-canton Żvizzeru ta’ Vaud, sakemm dawn l-inbejjed ma jiġux impoġġija fis-swieq tat-territorju tal-Komunità u li l-konsumatur ma jkunx żgwidat rigward l-oriġini reali ta’ l-inbid.”

16

L-Artikolu 6 ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim jipprovdi:

“Id-denominazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu protetti:

a)

fir-rigward ta’ prodotti ta’ l-inbid li joriġinaw fil-Komunità:

it-termini li jirreferu għall-Istat Membri li l-prodott ta’ l-inbid joriġina minnu,

it-termini speċifiċi Komunitarji li jidhru fl-appendiċi 2,

l-indikazzjonijiet ġeografiċi u [t-termini] tradizzjonali li jidhru fl-appendiċi 2;

b)

f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ l-inbid li joriġinaw mill-Iżvizzera:

it-termini ‘Żvizzeru’, ‘Schweiz’, ‘Żvizzera’, ‘Svizra’ jew kull isem ieħor li jiddeskrivi lil dan il-pajjiż,

it-termini speċifiċi Żvizzeri li jidhru fl-appendiċi 2,

l-indikazzjonijiet ġeografiċi u [t-termini] tradizzjonali li jidhru fl-appendiċi 2.”

17

L-istrument ta’ ratifikazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ġie ddepożitat fis-16 ta’ Ottubru 2000, wara l-approvazzjoni tal-ftehim mill-assemblea federali tal-Konfederazzjoni Żvizzera fit-8 ta’ Ottubru 1999 kif ukoll b’votazzjoni pubblika li seħħet fil-21 ta’ Mejju 2000.

18

Permezz tad-Deċiżjoni, 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ta’ l-4 ta’ April 2002, dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Żvizzera (ĠU L 114, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-ftehim ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea.

19

Skond l-Artikolu 17(1), il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

Proċedura

20

Permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Lulju 2002, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-rikors preżenti.

21

Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 u fit-30 ta’ Ottubru 2002 rispettivament, il-Kummissjoni u l-Kunsill qajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skond l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura kontra l-preżenti rikors.

22

Fil-25 ta’ Ottubru 2002, ir-Repubblika Franċiża talbet sabiex tintervjeni fil-kwistjoni in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. B’Digriet tat-18 ta’ Novembru 2002, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ din it-talba.

23

Ir-Repubblika Franċiża ppreżentat is-sottomissjonijiet ta’ intervent tagħha, illimitati għall-ammissibbiltà, fl-20 ta’ Jannar 2003.

24

Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fit-3 ta’ Frar 2003 u l-osservazzjonijiet tagħhom fuq is-sottomissjonijiet ta’ intervent fl-24 ta’ Marzu 2003. Il-Kunsill u l-Kummissjoni rrinunzjaw milli jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq is-sottomissjonijiet ta’ intervent.

25

B’digriet tas-17 ta’ Ġunju 2003, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tgħaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu u, skond il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet bil-miktub fil-kuntest tas-sottomissjonijiet tagħhom. Din it-talba ġiet osservata fit-termini previsti.

It-talbiet tal-partijiet

26

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

tiddikjara ammissibbli l-preżenti rikors;

tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, safejn permezz tagħha l-Kunsill approva l-Artikolu 5(8) tat-Titolu II ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim;

safejn ikun hemm bżonn, tannulla din id-deċiżjoni safejn il-Kunsill u l-Kummissjoni approvaw id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Ftehim, kif ukoll il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera min-naħa l-oħra, fuq il-moviment liberu tal-persuni, il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fuq it-Trasport ta’ Merkanzija u Passiġġieri permezz tal-Linji tal-Ferroviji u tat-Triq, il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar għarfien reċiproku fir-rigward ta’ evalwazzjoni tal-konformità, il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar ċerti aspetti li jirrigwardaw il-kuntratti pubbliċi, u l-Ftehim ta’ kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Konfederazzjoni Żvizzera;

tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, irrapreżentata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, u tordnalhom jikkumpensaw lir-rikorrenti għal kull dannu sostnut minħabba l-Artikolu 5(8) tat-Titolu II ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim;

tordna lill-partijiet jipprovdu, f’terminu raġjonevoli, l-ammont ezatt ta’ danni li l-partijiet ikunu ftiehmu jew, fin-nuqqas ta’ dan tordnalhom iressqu talbiet addizzjonali li jinkludu l-ammonti eżatti, jew, fin-nuqqas ta’ dan, todna lill-Kunsill iħallas lir-rikorrenti li jkabbru l-għeneb is-somma ta’ 1108108 frank Żvizzeru (CHF) bla ħsara għall-preċiżazzjonijiet li għandhom isiru matul il-kawża;

tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

sussidjarjament tiċħdu bħala mhux fondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

28

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

sussidjarjament tiċħdu bħala mhux fondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

29

Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

sussidjarjament tiċħdu bħala mhux fondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

30

Skond l-Artikolu 113 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, meta tkun qiegħda tiddeċiedi fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 114(3) u (4) ta’ l-istess Regoli, f’kull mument, teżamina ex officio, wara li tisma l-partijiet, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, fosthom, skond ġuridprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibblità ta’ rikors stabbiliti fir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 tat-Trattat KE, (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I-1125, punt 23; id-Digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Marzu 1999, Biscuiterie-confiserie LOR u Confiserie du Tech vs Il-Kummissjoni, T-114/96, Ġabra p. II-913, punt 24, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Area Cova et vs Il-Kunsill, T-194/95, Ġabra p. II-2271, punt 22).

31

Barra minn hekk, skond l-Artikolu 111 tar-Regoli ta’ Proċedura, meta l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun manifestament inkompetenti li tieħu konjizzjoni ta’ rikors, jew fil-każ li tali rikors huwa manifestament inammissibbli jew manifestament nieqes minn kull bażi legali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

32

Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis ruħha suffiċjentement informata permezz tad-dokumenti provduti u l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-partijiet waqt il-proċedura bil-miktub. Peress li l-inkartament fih l-elementi neċessarji kollha sabiex tittieħed deċiżjoni u peress li l-partijiet instemgħu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi, konsegwentement, li mhemmx lok li tinfetaħ il-proċedura orali.

1. Fuq it-talbiet għal annullament

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq in-natura ta’ att li jikkawża preġudizzju ta’ l-Artikolu 5(8) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim

— L-argumenti tal-partijiet

33

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-Artikolu 5(8) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim (iktar ’il quddiem il-“klawżola champagne”) ma joħloq l-ebda dannu għar-rikorrenti. Fil-fatt, l-impossibbiltà li tintuża d-denominazzjoni “champagne” għad-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta’ l-inbejjed li uħud mir-rikorrenti jipproduċu tirriżulta mill-qari flimkien ta’ l-Artikolu 5(1) sa (3), ta’ l-Artikolu 6 kif ukoll ta’ l-appendiċi 2 ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim. Għalhekk il-klawżola champagne għandha bħala effett uniku li tistabilixxi, għall-benefiċċju ta’ ċerti inbejjed tal-canton ta’ Vaud, perijodu tranżitorju ta’ sentejn li fih l-użu tal-kelma “champagne” ikun awtorizzat taħt il-kundizzjoni li dawn l-inbejjed ma jiġux kummerċjalizzati fit-territorju tal-Komunità u li l-konsumatur ma jiġix imqarraq fir-rigward l-oriġini reali tal-prodotti.

34

Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li, peress li r-rikorrenti talbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sefejn din tapprova l-klawżola champagne, il-preżenti talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

35

Ir-rikorrenti jsostnu li, jekk huwa minnu li, b’mod ġenerali, il-protezzjoni esklużiva tad-denominazzjonijiet tal-prodotti ta’ l-inbid tirriżulta mill-Artikolu 5(1) sa (3) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim, il-klawżola champagne tipprovdi sistema iktar stretta għad-denominazzjoni “champagne”. Fil-fatt, filwaqt li għall-prodotti ta’ l-inbid l-oħra, l-eċċezzjoni ta’ omonimija tgawdi mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(4) u (5) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim, il-klawżola champagne għandha bħala effett, ladarba jispiċċa l-perijodu tranżitorju, li tipprojbixxi kull kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li jkollhom id-denominazzjoni “champagne” u għalhekk teskludi l-eventwali eċċezzjoni ta’ omonimija li setgħu jużaw l-inbejjed li joriġinaw mill-Komun ta’ Champagne.

36

Peress li l-klawżola champagne ċċaħħad lir-rikorrenti mill-possibbiltà li jinvokaw eċċezzjoni ta’ omonimija għall-benefiċċju ta’ l-inbejjed li joriġinaw mill-Komun ta’ Champagne, l-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati jkollu bħala effett, skond l-Artikolu 233 KE, li jġiegħel lill-istituzzjonijiet Komunitarji jieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza u għalhekk, iwassal għal negozjati ġodda mal-Konfederazzjoni Żvizzera skond ir-rekwiżiti fformulati mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Għalhekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-klawżola champagne taffetwa direttament is-sitwazzjoni tagħhom.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

37

Għandu jiġi osservat li r-rikors preżenti huwa intiż espliċitament għall-annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata safejn tapprova l-klawżola champagne. Huwa biss sussidjarjament u fl-ipoteżi fejn is-sebgħa ftehim settorjali approvati mill-imsemmija deċiżjoni jiffurmaw ħaġa waħda li ma tistax tiġi separata li r-rikors huwa intiż ukoll għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata safejn tapprova t-totalità tal-Ftehim kif ukoll is-sitt Ftehim settorjali l-oħra.

38

Isegwi li, mill-inqas formalment, ir-rikorrenti, skond it-termini stess tat-talbiet tagħhom jiddentifikaw id-dispożizzjoni li tikkawżalhom dannu bħala l-klawżola champagne, u li huma qegħdim jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni biss safejn din tapprova l-imsemmija klawżola, u dan kemm jekk tiġi kkunsidrata t-talba prinċipali ta’ annullament parzjali jew inkella t-talba sussidjarja ta’ annullament totali ta’ l-imsemmija deċiżjoni. Il-kwistjoni tal-portata ta’ l-annullament mitluba hija fil-fatt deskritt mir-rikorrenti bħala li tiddependi biss fuq in-natura li ma tistax tiġi separata tas-seba’ ftehim approvati mid-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant l-identifikazzjoni tad-dispożizzjoni li r-rikorrenti jqisu li kkawżatilhom dannu ma jkollhiex impatt.

39

Skond ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss safejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att kkontestat jiġi annullat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, T-480/93 u T-483/93, Ġabra p. II-2305, punt 59; tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II-753, punt 40; tat-30 ta’ Jannar 2002, Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni, T-212/00, Ġabra p. II-347). Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T-310/00, Ġabra p. II-3253, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata), jew fi kliem ieħor ieħor, li r-rikors ikun jista’, bir-riżultat tiegħu, jipprovdi benifiċċju lill-parti li ressqitu (Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ottubru 2005, First Data et vs Il-Kummissjoni, T-28/02, Ġabra p. II-4119, punt 34).

40

Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit jekk il-klawżola champagne taffettwax, bi ħsara għalihom, id-drittijiet tar-rikorrenti, sabiex jiġi ddeterminat jekk huma għandhomx interess li jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata safejn tapprova l-imsemmija klawżola, dan l-annullament jikkostitwixxi s-suġġett tar-rikors tagħhom.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skond l-Artikolu 5(2) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim, id-denominazzjonijiet protetti ta’ parti huma rriżervati għall-prodotti li joriġinaw mill-parti li għalihom japplikaw. Id-denominazzjonijiet protetti fis-sens ta’ l-imsemmi Anness huma elenkati fl-Artikolu 6.

42

Huma previsti, f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ l-inbid li joriġinaw mill-Komunità, skond l-Artikolu 6(a) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim:

it-termini li jirriferu għall-Istat Membru li l-prodott ta’ l-inbid joriġina minnu,

it-termini speċifiċi Komunitarji li jidhru fl-appendiċi 2,

l-indikazzjonijiet ġeografiċi tradizzjonali li jidhru fl-appendiċi 2.

43

Skond l-Artikolu 6(b) ta’ dan l-istess Anness, f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ l-inbid li joriġinaw mill-Iżvizzera, huma previsti:

it-termini ‘Żvizzeru’, ‘Schweiz’, ‘Żvizzera’, ‘Svizra’ u kull isem ieħor li jirreferi għal dak il-pajjiż,

it-termini Żvizzeri speċifiċi li jidhru fl-Appendiċi 2,

l-indikazzjonijiet ġeografiċi u [t-termini] tradizzjonali li jidhru fl-Appendiċi 2.

44

Id-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata Franċiża “champagne” tidher fl-imsemmi appendiċi 2 bħala indikazzjoni ġeografika fis-sens tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(a) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim.

45

Madankollu, id-denominazzjoni “champagne” ma tidhirx fost id-denominazzjonijiet protetti għall-prodotti ta’ l-inbid li joriġinaw mill-Iżvizzera msemmija fl-appendiċi 2, u dan kemm jekk bħala indikazzjoni ġeografika Żvizzera jew inkella bħala isem tradizzjonali Żvizzeru, u barra minn hekk, l-imsemmi appendiċi ma jsemmi l-ebda mit-termini speċifiċi previsti fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 6(b) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim. Barra minn hekk, peress li ma tikkostitwix isem li jiddeskrivi l-Iżvizzera, id-denominazzjoni “champagne” għandha għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala li mhijiex denominazzjoni Żvizzera protetta fis-sens ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim.

46

Issa, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 5(4)(a) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim jipprovdi li “fejn żewġ [termini] protetti taħt dan l-Anness huma omonimi, għandha tingħata protezzjoni lit-tnejn li huma, sakemm il-konsumatur ma jiġix imqarraq fir-rigward ta’ l-oriġini reali tal-prodotti ta’ l-inbid”. Ukoll, l-Artikolu 5(5)(a) ta’ dan l-Anness jipprovdi li “fejn żewġ ismijiet protetti abbażi ta’ dan l-Anness huma omonimi, il-protezzjoni għandha tingħata lit-tnejn li huma, sakemm il-konsumatur ma jiġix imqarraq fir-rigward ta’ l-oriġini reali tal-prodotti ta’ l-inbid”.

47

Għalhekk, l-eċċezzjonijiet ta’ omonimija previsti fl-Artikolu 5(4) u (5) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim, li fir-rigward tagħha r-rikorrenti jqisu li huma mċaħħda mill-benefiċċji tagħhom minħabba l-klawżola champagne, huma intiżi biss biex japplikaw fil-preżenza ta’ żewġ indikazzjonijiet jew termini omonimi u protetti skond l-Anness 7 tal-Ftehim.

48

Issa, kif ġie espost aktar ’il fuq d-denominazzjoni “champagne” mhijiex denominazzjoni Żvizzera protetta skond l-Anness 7 tal-Ftehim.

49

Isegwi li l-impossibbiltà li r-rikorrenti jibbenefikaw minn waħda mill-eċċezzjonijiet ta’ omonimija previsti fl-Artikolu 5(4) u (5) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim tirriżulta mill-kliem stess ta’ dawn id-dispożizzjonijeit u miċ-ċirkustanza fejn id-denominazzjoni “champagne” ma tikkostitwix denominazzjoni Żvizzera protetta fis-sens ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim.

50

Għaldaqstant, ir-rikorrenti mhumiex iġġustifikati meta jallegaw li l-klawżola champagne ċċaħħadhom mill-possibbiltà li jibbenefikaw minn waħda mill-eċċezzjonijiet ta’ omonimija previsti fl-Artikolu 5(4) u (5) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim.

51

Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skond l-imsemmija klawżola:

“Il-protezzjoni esklużiva pprovduta fil-paragrafi 1 [sa] 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tapplika għad-denominazzjoni “Champagne” inkluża fil-lista tal-Komunità fl-Appendiċi 2 ta’ dan l-anness. Madankollu, għal perijodu transizzjonali ta’ sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Anness, protezzjoni esklużiva ta’ din ix-xorta m’għandhiex tipprkludi l-użu tal-kelma “Champagne” sabiex jiġu deskritti u ppreżentati ċerti inbejjed li joriġinaw fil-canton Żvizzeru ta’ Vaud, sakemm dawn l-inbejjed ma jiġux ikkummerċjalizzati fit-territorju tal-Komunità u sakemm il-konsumatur ma jiġix imqarraq fir-riġward ta’ l-oriġini reali ta’ l-inbid.”

52

Għaldaqstant l-uniku effett tal-klawżola champagne huwa li tawtorizza, għal perijodu tranżitorju ta’ sentejn, il-kummerċjalizzazzjoni barra t-territorju Komunitarju ta’ ċerti inbejjed li joriġinaw mill-Canton ta’ Vaud taħt id-denominazzjoni “champagne”. Għaldaqstant il-klawżola champagne tikkostitwixxi, adattament, favur ċerti inbejjed li joriġinaw mill-canton ta’ Vaud, tal-protezzjoni esklużiva li minnha tibbenifikaw, abbażi ta’ l-Artikolu 5(1) sa (3) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim, id-denominazzjoni “champagne” prevista fil-lista Komunitarja li tidher fl-appendiċi 2 ta’ dan l-istess Anness, kif jikkonfermew, barra minn hekk, l-ewwel sentenza ta’ l-imsemmija klawżola u l-avverbju “madankollu” li jinsab fil-bidu tat-tieni sentenza.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata safejn tapprova l-klawżola champagne mhux biss talli ma tkun ta’ l-ebda benefiċċju għar-rikorrenti, iżda tkun saħansitra ta’ dannu għalihom peress li jħassar il-perijodu tranżitorju stabbilit għall-benefiċċju tagħhom. F’dan il-każ, ir-rikorrenti m’għandhom l-ebda interess ġuridiku kontra l-klawżola champagne u, minħabba f’dan, ir-rikors tagħhom għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

54

Madankollu, għandu jiġi osservat li, lil hinn mill-kliem użat fit-talbiet tagħhom, mill-motivi żvillupati mir-rikorrenti jirriżulta li dawn jikkontestaw, essenzjalment, il-projbizzjoni, imposta fuqhom mill-Ftehim, li jikkumerċjalizzaw l-inbid prodott fil-Komun ta’ Vaud ta’ Champagne taħt id-denominazzjoni “champagne” wara l-perijodu tranżitorju ta’ sentejn previst mill-klawżola champagne.

55

Għalkemm huwa minnu, kif ġie espost aktar ’il fuq, li l-klawżola champagne ma tikkostitwix il-bażi legali ta’ din il-projbizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Ftehim, skond l-Artikolu 5(1) sa (6) ta’ l-Anness 7 tiegħu u skond l-appendiċi 2 ta’ dan l-istess Anness, jimponi effettivament fuq il-Konfederazzjoni Żvizzera li tigarantixxi l-protezzjoni esklużiva tad-denominazzjoni Komunitarja “champagne” u jeskludi kull possibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ omonimija favur inbejjed li joriġinaw mill-Komun ta’ Vaud ta’ Champagne. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-klawżola champagne tenfassizza b’mod espliċitu din is-sitwazzjoni fl-ewwel sentenza tagħha, li tipprovdi li “il-protezzjoni esklużiva pprovduta fil-paragrafi 1 [sa] 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tapplika għad-denominazzjoni “Champagne” inkluża fil-lista tal-Komunità li tinsab fl-Appendiċi 2 ta’ dan l-Anness”, b’tali mod li din tikkostitwixxi espressjoni espliċita tas-sistema li tirriżulta mill-inklużjoni tad-denominazzjoni “champagne” fl-unika lista ta’ denominazzjonijiet protetti għall-prodotti ta’ l-inbid li joriġinaw mill-Komunità.

56

Isegwi li r-rikors, fil-verità, għandu jiġi kkunsidrat bħala dirett kontra s-sistema ta’ protezzjoni esklużiva tad-denominazzjoni Komunitarja “champagne” kif tirriżulta mill-Artikolu 5(1) sa (6) u mill-appendiċi 2 ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim, u li tagħha l-klawżola champagne, u b’mod partikolari l-ewwel sentenza tagħha tikkostitwixxi manifestazzjoni espliċita. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, lil hinn mill-oġġezzjonijiet leġittimi tagħhom fir-rigward tan-natura ta’ att li jikkawża preġudizzju tal-klawżola champagne, mid-dokumenti tagħhom jirriżulta li huwa b’dan il-mod li l-Kunsill u l-Kummissjoni interpretaw ir-rikors, b’tali mod li dibattitu kontradittorju ma seħħx minħabba l-impreċiżjoni tar-rikorrenti fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-att li jikkawżalhom dannu.

57

F’dawn iċ-ċirkustanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina wkoll l-ammissibbiltà tar-rikors safejn dan għandu bħala suġġett l-annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li tapprova s-sistema ta’ protezzjoni esklużiva tad-denominazzjoni Komunitarja “champagne” kif jirriżulta mill-Artikolu 5(1) sa (6) u mill-appendiċi 2 ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim”).

58

F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni skond jekk wieħed jikkunsidrax il-mod ta’ kif r-rikorrenti jiġu affetwati mid-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim, minn naħa, fit-territorju Żvizzeru jew inkella, min-naħa l-oħra, f’dak tal-Komunità.

Fuq kif ir-rikorrenti jiġu affetwati mid-deċiżjoni kkontestata fit-territorju ta’ l-Iżvizzera

— L-argumenti tal-partijiet

59

Il-Kunsill iqis li l-Konfederazzjoni Żvizzera ma tagħmilx parti tal-Komunità u li, konsegwentement, l-ebda deċiżjoni jew att tal-Komunità ma tapplika għaliha skond l-Artikolu 299(1) KE. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax twassal għall-inkorporazzjoni tal-Ftehim fl-ordinament legali Żvizzeru peress li din ma jkollha l-ebda effett.

60

Il-Kunsill ifakkar li, skond l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-liġi tat-Trattati, konkluża fi Vjenna fit-23 ta’ Mejju 1969 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), kull trattat fis-seħħ jorbot lill-partijiet u għandu jiġi eżegwit in bona fede u li, skond l-Artikolu 29 ta’ l-imsemmija Konvenzjoni, sakemm intenzjoni differenti ma tirriżultax mit-Trattat jew sakemm ma jkunx ġie stabbilit mod ieħor, Trattat jorbot lil kull parti fir-rigward tat-totalità tat-territorju tagħha. Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda s-sebgħa Ftehim iffirmati fil-21 ta’ Ġunju 1999 bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera minn naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, kull parti hija marbuta li tirrispetta u li timplementa l-imsemmija Ftehim u l-applikazzjoni tagħhom fit-territorja ta’ l-Iżvizzera jirriżulta esklużivament mill-awtoritajiet Żvizzeri.

61

F’dan ir-rigward, il-Kunsill josserva li l-Artikolu 16 tal-Ftehim jindika li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa, minn naħa, it-territorju li għalih japplika t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità, u min-naħa l-oħra, it-territorju ta’ l-Iżvizzera u li l-Anness 7 ta’ l-imsemmi Ftehim jispeċifika fl-Artikolu 5(1) tiegħu li “kull Parti għandha tistabbilixxi l-mezzi legali xierqa sabiex tassigura protezzjoni effettiva u timpedixxi li indikazzjonijiet ġeografiċi u ismijiet tradizzjonali jintużaw biex jiddeskrivu prodotti ta’ l-inbid mhux koperti mill-indikazzjonijiet jew ismijiet ikkonċernati”.

62

Minn dan il-Kunsill jikkonkludi li huwa biss abbażi tad-Deċiżjoni Żvizzera li tirratifika l-Ftehim, skond id-dispożizzjonijiet Kostituzzjonali Żvizzeri li l-imsemmi Ftehim isir japplika fit-territorju ta’ l-Iżvizzera, u dan skond il-kundizzjonijiet u skond il-modalitajiet proprji għall-ordinament legali tagħha. Huma biss l-awtoritajiet Żvizzeri li huma kompetenti u responsabbli għall-implementazzjoni tal-mezzi legali adattati sabiex japplikaw fit-territorju ta’ l-Iżvizzera d-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5 ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim eventwalment applikabbli għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Il-Kunsill jenfassizza li għalkemm il-Konfederazzjoni Żvizzera tippermetti, bħall-Komunità, sistema ta’ inkorporazzjoni tal-Ftehim internazzjonali tat-tip monista, dan l-Istat għandu madankollu regoli awtonomi sabiex jiddetermina l-miżura li fiha Ftehim li huwa parti minnu jagħti drittijiet lill-individwi, b’tali mod li l-qrati tiegħu jistgħu jaddotaw soluzzjonijiet differenti minn dawk tal-qrati Komunitarji fir-rigward ta’ l-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim konklużi mill-Komunità. Il-Kunsill jiċċita, bħala eżempju ta’ tali diverġenza, is-sentenza tat-Tribunal Federali Żvizzeru tal-25 ta’ Jannar 1979, Bosshard Partners Intertrading vs Sunlight AG.

63

Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza mfakkra mir-rikorrenti fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjoni ta’ Ftehim konkluż mill-Komunità ma’ pajjiżi terzi għandiex tiġi kkunsidrata bħala li għandha applikazzjoni diretta, mhijiex rilevanti għal din il-kawża safejn id-deċiżjoni kkontestata ma tapplikax għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Kunsill josserva li l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza eventwalment tannulla d-deċiżjoni kkontestata ma jwassalx għall-invalidazzjoni tal-Ftehim, skond l-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, b’tali mod li l-awtoritajiet Żvizzeri jibqgħu marbuta li josservawħ u li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Żvizzeri għall-applikazzjoni tal-Ftehim jibqgħu fis-seħħ.

64

Il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni kkontestata għandha bħala għan li tirratifika f’isem u għall-Komunità s-sebgħa Ftehim iffirmati fil-21 ta’ Ġunju 1999 mal-Konfederazzjoni Żvizzera u, għalhekk, tagħmilhom applikabbli fit-territorju tal-Komunità.

65

F’dan ir-rigward minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li Ftehim konkluż mill-Kunsill u/jew mill-Kummissjoni skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jikkostitwixxi, f’dak li jirrigwarda l-Komunità, att meħud minn waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, u li d-dispożizzjonijiet ta’ l-istess Ftehim jiffurmaw parti integrali, b’effett mid-dħul fis-seħħ tiegħu, mill-ordinament legali Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, Ġabra p. 449, punti 4 u 5, u tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel, 12/86, Ġabra p. 3719, punt 7).

66

Issa, l-atti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom, bħala prinċipju, l-istess kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat kostituttiv li fuqu huma bbażati. Għalhekk, skond l-Artikolu 299(1) tat-Trattat, att meħud minn istituzzjoni Komunitarja mhuwiex applikabbli fit-territorju ta’ Stat terz u ma jistax jaffettwa drittijiet maħluqa u eżerċitati fit-territorju ta’ dan l-Istat, skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-imsemmi Stat.

67

Id-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim għaldaqstant mhumiex applikabbli u ma jistgħu japplikaw għar-rikorrenti biss permezz ta’ l-att ta’ ratifikazzjoni adottat mill-awtoritajiet Żvizzeri li permezz tiegħu dawn jesprimu uffiċjalment il-kunsens tagħhom li jintrabtu mill-Ftehim u l-impenn tagħhom li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-applikazzjoni tiegħu fit-territorju tagħhom, skond l-Artikoli 14 u 16 tal-Ftehim.

68

Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-att ta’ ratifikazzjoni adottat f’isem u għall-Komunità, mhuwiex applikabbli fit-territorju ta’ l-Iżvizzera, u li din m’għandiex bħala għan — u ma jistax ikollha bħala effett — li tirregola l-attività tar-rikorrenti fl-Iżvizzera, u lanqas konsegwentement li toħloq xi projbizzjoni, tkun liema tkun, fil-konfront tagħhom. Għalhekk, l-annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata ma jkollu l-ebda impatt fuq is-sitwazzjoni tagħhom fit-territorju ta’ l-Iżvizzera, li tibqa rregolata mid-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet Żvizzeri biss, b’tali mod li r-rikorrenti m’għandhomx interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata.

69

Ir-Repubblika Franċiża, parti intervenjenti, issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija dik li permezz tagħha ġew konklużi f’isem il-Komunità, is-sebgħa Ftehim iffirmati fil-21 ta’ Ġunju 1999. Din kellha bħala għan li tagħmilhom applikabbli fit-territorju tal-Komunità. Issa, mill-Artikolu 299(1) KE jirriżulta li att meħud minn istituzzjoni Komunitarja huwa applikabbli biss fit-territorju ta’ l-Istati Membri tal-Komunità, u mhux fuq dak ta’ Stat terz. Għaldaqstant, dan l-att mhuwiex applikabbli fit-territorju ta’ l-Iżvizzera, b’tali mod li d-drittijiet tar-rikorrenti mhumiex affettwati mid-deċiżjoni kkontestat. Effettivament, sabiex dawn il-Ftehim isiru applikabbli fit-territorju ta’ l-Iżvizzera, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat għandhom, l-ewwel, jipproċedu għar-ratifikazzjoni tagħhom.

70

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-indikazzjonijiet ġeografiċi, l-Artikolu 5(1) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim jindika li “kull Parti għandha tistabbilixxi l-miżuri legali xierqa sabiex tassigura protezzjoni effettiva u timpedixxi li indikazzjonijiet ġeografiċi u ismijiet tradizzjonali jintużaw sabiex jiddeskrivu prodotti ta’ l-inbid mhux koperti mill-indikazzjonijiet jew ismijiet ikkonċernati”. Għalhekk, hija biss deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet Żvizzeri li jista’ jkollha bħala effett li taffettwa d-drittijiet u l-obbligi tar-rikorrenti fl-Iżvizzera.

71

Ir-rikorrenti jsostnu li, skond il-ġurisprudenza, kull att tal-Kunsill li jwassal għall-konklużjoni ta’ Ftehim internazzjonali huwa fih innifsu att li jista’ jiġi kkontestat skond l-Artikolu 230 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il-Kummissjoni, C-327/91, Ġabra p. I-3641, punt 16, u ta’ l-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-122/95, Ġabra p. I-973, punti 41 u 42; opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 3/94, tat-13 ta’ Diċembru 1995 (Ġabra p. I-4577, punt 22), mogħti skond l-Artikolu 228 tat-Trattat KE.

72

Huma jqisu li l-argumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li tgħid li att Komunitarju ma jistax, fih innifsu, jipproduċi effetti barra mit-territorju tal-Komunità. Fil-fatt, att li permezz tiegħu l-Komunità tikkonkludi Ftehim ma’ Stat terz jikkundizzjona l-eżistenza stess ta’ l-imsemmi Ftehim fuq il-pjan internazzjonali. Fil-kawża preżenti, għaldaqstant il-Ftehim sar obbligatorju biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ratifikazzjoni tal-Kunsill Federali Żvizzeru tas-16 ta’ Ottubru 2000, minn naħa, u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ April 2002 li tapprova l-imsemmi Ftehim min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, mhuwiex eżatt li jiġi affermat li r-rikorrenti huma affettwati biss mir-ratifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim mill-Konfederazzjoni Żvizzera, safejn, fin-nuqqas tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma kinux jiġu mċaħħda mid-dritt tagħhom li jikkumerċjalizzaw l-inbid li huma jipproduċu taħt id-denominazzjoni “champagne”.

73

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenfassizzaw li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara r-ratifikazzjoni tal-Ftehim mill-Konfederazzjoni Żvizzera. Għaldaqstant, qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni l-Konfederazzjoni Żvizzera ma kinitx suġġetta għall-obbligu li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim, u li kien biss wara l-adozzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni, li tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, li nħoloq dan l-obbligu. Il-projbizzjoni li r-rikorrenti jkomplu jgawdu mid-denominazzjoni tal-Komun “champagne” tirriżulta, għaldaqstant, direttament mid-deċiżjoni kkontestata.

74

Il-fatt li l-illegalità ta’ att tkun dovuta għall-konġunġiment ta’ żewġ fatturi, jiġifieri d-deċiżjonijeit ta’ ratifikazzjoni tal-Komunità u tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma jfissirx li l-ebda minn dawn iż-żewġ fatturi ma jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rikors għal annullament, konsegwenza li tirriżulta mill-pożizzjoni tal-Kunsill.

75

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat l-ammissibbiltà ta’ rikorsi għal annullament immresqa kontra atti li japprovaw Tratti internazzjonali mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn l-effetti esterni jew interni tagħhom (sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq; Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, punt 71 iktar ’il fuq; sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-29/99, Ġabra p. I-11221, u tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-281/01, Ġabra p. I-12049).

76

Barra minn hekk, jekk tiġi segwita t-teżi tal-Kunsill, l-istituzzjonijiet Komunitarju jkunu liberi li jiksru r-regoli tad-dritt Komunitarji, b’mod partikolari d-drittijiet fundamentali, peress li jaġixxu fil-kuntest tal-kompetenza esterna tagħhom u li l-att in kwistjoni jipproduċi effetti fit-territorju ta’ Stat terz biss.

77

Fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni mill-Kunsill ta’ l-Artikolu 299 KE, ir-rikorrenti jsostnu li din tinjora l-fatt li fil-kawża preżenti l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-ordinament legali Komunitarju jmur lil hinn mit-totalità tat-territorji ta’ l-Istati Membri u jestendi għal kull lok fejn Stat Membri jaġixxi taħt kwalunkwe titolu fil-kamp tal-kompetenzi attribwiti lill-Komunità. Għaldaqstant, il-Komunità hija kompetenti sabiex tippenalizza akkordji jew tipprojbixxi xi konċentrazzjonijiet barra mill-Komunità (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, Ġabra p. 5193, u tat-28 ta’ April 1998, Javico, C-306/96, Ġabra p. I-1983; sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq).

78

Issa, fil-kawża preżenti, mill-kliem tal-klawżola champagne jirriżulta espliċitament li din hija intiża sabiex tipproduċi effetti kemm fit-territorju tal-Komunità u kif ukoll f’dak ta’ l-Iżvizzera. Fil-fatt, hija tipprojbixxi fuq dan l-aħħar territorju l-użu tad-denominazzjoni “champagne” anke minkejja li din hija rriżervata, skond id-dritt Żvizzeru, għall-produtturi ta’ l-inbid tal-Komun ta’ Vaud ta’ Champagne. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li t-Trattat bejn ir-Repubblika Franċiża u l-Konfederazzjoni Żvizzera fuq il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u ta’ denominazzjonijiet ġeografiċi oħra, iffirmat f’Berne fl-14 ta’ Mejju 1974 (iktar ’il quddiem it-“Trattat Franko-Żvizzeru”), jawtorizza, abbażi ta’ l-eċċezzjoni ta’ omonimija prevista fl-Artikolu 2(3) tiegħu, l-użu ta’ l-imsemmija denominazzjoni għall-inbejjed li joriġinaw minn Champagne fil-canton ta’ Vaud. Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni ma kinitx ġiet ikkontestata mill-produtturi tax-xampanja.

79

Barra minn hekk, l-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li l-Kunsill jsemmi sabiex isostni l-argumenti tiegħu, jipprovdi sempliċiment li Stat ma jistax jinvoka l-fatt li l-kunsens tiegħu sabiex jintrabat minn Trattat huwa vvizzjat peress li dan il-kunsens ingħata bi ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt intern tiegħu fir-rigward tal-kompetenza sabiex jiġu konklużi Trattati. Issa, din l-ipoteżi bl-ebda mod ma tirrigwarda s-sitwazzjoni preżenti, fejn ġie miskur dritt fundamentali. F’kull każ, l-Artikolu 46 ta’ l-imsemmija Konvenzjoni jirriżerva l-każ fejn il-ksur huwa manifest, li huwa l-każ fil-kawża preżenti, peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim jikkostitwixxu ksur manifest u serju tad-dritt ta’ proprjetà u tad-dritt ta’ eżerċizzju liberu ta’ l-attività ekonomika tar-rikorrenti. Barra minn hekk, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jċaħħad lid-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim minn kull valur u ma jkunx hemm lok, għall-partijiet għall-Ftehim, li japplikawhom, skond l-Artikoli 60 et seq tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

80

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-argument tal-Kunsill li jgħid li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim ma jipproduċu l-ebda effett dirett fuq ir-rikorrenti, dawn ifakkru li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza, rikorrent huwa direttament ikkonċernat jekk l-att Komunitarju adottat ikollu effett imedjat fil-konfront tiegħu, mingħajr ma jkun hemm l-ebda intervent diskrezzjonali sussegwenti minn awtorità nazzjonali jew Komunitarja. Madankollu, l-interpożizzjoni ta’ att li huwa biss wieħad ta’ eżekuzzjoni ma jaqtax ir-rabta diretta bejn l-att Komunitarju u r-rikorrenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Mejju 1971, International Fruit Company et vs Il-Kummissjoni, 41/70 sa 44/70, Ġabra p. 411).

81

Għalhekk minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kundizzjoni li tgħid li individwu għandu jkun direttament ikkonċernat mill-miżura Komunitarja kkontestata tirrekjedi li din ta’ l-aħħar tipproduċi, direttament, effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ l-individwu u li ma tħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma inkarigati mill-implementazzjoni tagħha peress li dawn għandhom natura purament awtomatika u jirriżultaw biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C-386/96 P, Ġabra p. I-2309, punt 43).

82

Ir-rikorrenti għalhekk jammettu li, fl-ipoteżi fejn miżura effettivament tħalli marġni wiesgħa ta’ manuvra lill-Istati inkarigati sabiex jassiguraw it-traspożizzjoni tagħha fid-dritt intern tagħhom, huma biss id-dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni adottati li jkunu jistgħu jaffettwaw is-sitwazzjoni tal-partijiet.

83

Madankollu, dan mhuwiex minnu fil-każ preżenti, peress li l-klawżola champagne hija ċara, preċiża u miktuba f’termini univoċi li ma jħallu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzoni tal-miżuri neċessarji sabiex tiġi assigurata l-implementazzjoni u l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim. Il-Kunsill u l-Kummissjoni barra minn hekk jinsistu, huma stess, fuq il-fatt li l-Konfederazzjoni Żvizzera hija marbuta, skond l-Artikolu 14 tal-Ftehim, li tadotta kull miżura ġenerali u partikolari approprjata sabiex tassigura l-eżekuzzjoni tal-Ftehim, taħt il-piena li tkun responsabbli fuq livell internazzjonali.

84

Barra minn hekk, is-sors tal-ksur tad-dritt Komunitarju ma jinstabx fl-aġir eventwali ta’ l-Iżvizzera, iżda fid-dispożizzjonijeit ikkontestati tal-Ftehim, li jobbligawha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tassigura l-eżekuzzjoni tajba, b’mod analogu għas-sitwazzjoni li kienet is-suġġett tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-476/98, Ġabra p. I-9855).

85

Għalhekk, ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali fil-konfront tagħhom u li l-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors, peress li l-kuntest internazzjonali konvenzjonali huwa indifferenti f’dan ir-rigward, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet enfassizzat li l-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lill-Komunità fil-qasam internazzjonali ma jistgħux ma jkunux suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 230 KE (sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq u Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, punt 71 iktar ’il fuq).

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

86

Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, sabiex rikors ikun ammissibbli skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, l-att ikkontestat għandu jkun att li jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jaffetwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu s-sitwazzjoni legali tiegħu b’mod sinjifikattiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punt 62; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, Assicurazioni Generali u Unicredito vs Il-Kummissjoni, T-87/96, Ġabra p. II-203, punt 37; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa “AETR”, 22/70, Ġabra p. 263, u Franza vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq punt 14).

87

Jekk Ftehim bejn il-Komunità, minn naħa, u Stat Terz jew organizzazzjoni internazzjonali min-naħa l-oħra, bħala strument li jesprimi l-volontà konġunta ta’ dawn l-entitajiet, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala att ta’ l-istituzzjonijiet u, għaldaqstant, lanqas ma jista’ jsir rikors kontrih skond l-Artikolu 230 KE, skond ġurisprudenza stabbilita, l-att li bih l-istituzzjoni Komunitarja kompetenti kellha l-intenzjoni tikkonkludi l-imsemmi Ftehim huwa att ta’ l-istituzzjonijiet, fis-sens ta’ l-istess Artikolu, u għaldaqstant, jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 17; opinjoni 3/94, punt 71 iktar ’il fuq, punt 22, u s-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, punt 71 iktar ’il fuq, punt 42).

88

Isegwi li r-rikors tar-rikorrenti jista’ jkollu biss bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u huwa ammissibbli biss safejn din id-deċiżjoni ġġib magħha effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jimmodifikaw b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom.

89

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ sovranità ta’ l-Istati Membri espress fl-Artikolu 2(1) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jimplika li bħala prinċipju huwa kull Stat li għandu jadotta liġijiet fit-territorji tiegħu u li, b’mod korrelattiv, li Stat jista’, bħala prinċipju, jimponi b’mod unilaterali regoli vinkolanti biss fit-territorju tiegħu. Bl-istess mod, fir-rigward tal-Komunità, għandu jiġi enfassizzat li skond l-Artikolu 299 KE u skond il-modalitajiet partikolari li jikkonċernaw ċerti territorji li din id-dispożizzjoni telenka, it-Trattat KE japplika biss għat-territorju ta’ l-Istati Membri.

90

Isegwi li att ta’ l-istituzzjonijiet meħud skond it-Trattat ma jistax, bħala att unilaterali tal-Komunità, joħloq drittijiet u obbligi barra mit-territorju hekk definit. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata jista’ ikollha bħala kamp ta’ applikazzjoni biss l-imsemmi territorju u ma tipproduċi l-ebda effett legali fit-territorju ta’ l-Iżvizzera. Huwa biss il-Ftehim, li ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors, skond dak li ġie espost iktar ’il fuq, li huwa intiż biex joħloq effetti legali fit-territorju ta’ l-Iżvizzera, skond il-modalitajiet proprji ta’ l-ordinament legali ta’ dan l-Istat u ladarba dan jiġi ratifikat skond il-proċeduri applikabbli għalih.

91

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata, adottata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, f’isem u għall-Komunità, ma tbiddilx is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti fit-territorju ta’ l-Iżvizzera, peress li din is-sitwazzjoni hija rregolata biss mid-dispożizzjonijiet adottati minn dan l-Istat fl-eżerċizzju tal-kompetenza sovrana tiegħu. L-uniku sors ta’ l-effetti allegatament dannużi li l-Ftehim jipproduċi fit-territorju ta’ l-Iżvizzera fir-rigward tar-rikorrenti jinsab, effettivament, fiċ-ċirkustanza li, billi ddeċidiet b’mod sovran li tirratifika l-imsemmi Ftehim, il-Konfederazzjoni Żvizzera tat il-kunsens tagħha sabiex tintrabat minnu u impenjat ruħha, skond l-Artikolu 14 ta’ l-imsemmi Ftehim, li tieħu l-miżuri xierqa/approprjati/adegwati sabiex tassigura l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw minnu, fosthom dawk li jirriużultaw mid-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim.

92

Dan huwa barra minn hekk konformi ma’ l-Artikolu 16 tal-Ftehim, li jipprovdi li dan ta’ l-aħħar japplika, minn naħa, għat-territorji li fuqhom it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea japplika u taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi Trattat u min-naħa l-oħra għat-territorju ta’ l-Iżvizzera, moqri flimkirn ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 17(1) tal-Ftehim, li jgħid li dan għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-partijiet skond il-proċeduri tagħhom.

93

Is-sempliċi fatt li bl-applikazzjoni tad-dispożittiv formali ta’ dħul fis-seħħ previst fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 17(1) tal-Ftehim, li jgħid li l-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata wara li jgħaddi tnax-il xhar wara l-aħħar nota tad-depożitu ta’ l-istrumenti ta’ ratifikazzjoni jew ta’ approvazzjoni tas-sebgħa Ftehim settorjali, id-deċiżjoni kkontestata wasslet għad-dħul fis-seħħ tiegħu, ma jista’ jkollu l-ebda impatt fuq il-prinċipju ġenerali espress iktar ’il fuq li jgħid li kull Stat huwa, bħala prinċipju, l-uniku kompetenti sabiex jimponi unilateralment ir-regoli vinkolanti fit-territorju tiegħu. Fil-fatt, għalkemm għandu jiġi ammess li, skond l-Artikolu 17 tal-Ftehim, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata huwa ta’ natura li jwassal għas-sospensjoni tiegħu, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li dan ikun ukoll il-każ bl-annullament tad-deċiżjoni ta’ ratifikazzjoni tal-Ftehim mill-Konfederazzjoni Żvizzera, u fuq kollox, min-naħa l-oħra, li din l-eventwalità tkun biss sempliċi konsegwenza tal-kundizzjonijiet proċedurali u formali tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u ma jwassalx, evidentement, għall-konklużjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jestendi għat-territorju ta’ l-Iżvizzera.

94

Fl-aħħar, għalkemm huwa minnu li ġie deċiż li l-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-Komunità fil-qasam internazzjonali ma jistgħux jiġu preklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità previst mill-Artikolu 230 KE (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 16), għandu jiġi enfassizzat li, fil-kawża preżenti, il-fatt li tiġi deċiża l-ammissibbiltà tar-rikors safejn jirrigwarda l-effetti tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim fit-territorju ta’ l-Iżvizzera jwassal sabiex il-qorti Komunitarji tiddeċiedi fuq il-legalità, fid-dawl tad-dritt Komunitarju, tad-drittijiet mogħtija lil Stat terz, jew ta’ l-obbligi assunti minnu, li jirriżulta minn ftehim internazzjonali li għalih, b’mod liberu u sovran, huwa qabel fil-kuntest tat-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni tiegħu. Tali kontroll ikun manifestament barra mill-kuntest tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza kif definiti mit-Trattat KE.

95

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda effett legali obbligatorju ta’ natura tali li jbiddel is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti fit-territorju ta’ l-Iżvizzera u għaldaqstant ma tikkostitwix att li jista’ jiġi kkontestat abbażi ta’ l-Artikolu 230 KE. Għal dawn ir-raġunijiet, l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex juri li huma direttament ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE għandu jiġi miċħud bħala nieqes minn kull rilevanza, peress li din il-kwistjoni tippreżupponi, l-ewwel nett, li l-att ikkontestat fih effetti legali vinkolanti fil-konfront tagħhom.

96

Għaldaqstant r-rikors preżenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli safejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda t-territorju ta’ l-Iżvizzera.

Fuq kif r-rikorrenti jiġu affetwati mid-deċiżjoni kkontestata fit-territorju tal-Komunità

— L-argumenti tal-partijiet

97

Il-Kunsill isostni li l-inbid li joriġina mir-reġjuni Franċiża ta’ Champagne jibbenifika minn protezzjoni esklużiva fil-Komunità bħala inbid ta’ kwalità psr, ħaġa li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim ma jimmodifikaw bl-ebda mod.

98

Fir-risposta tad-difiża tiegħu, bi tweġiba għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kunsill iżid li, skond l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 753/2002, li jipprovdi l-kundizzjonijiet li taħthom l-isem ta’ indikazzjoni ġeografika jista’ jidher fuq it-tikketta ta’ inbid importat fil-Komunità, tali indikazzjoni ġeografika ma tistgħax twassal għal konfużjoni ma’ indikazzjoni ġeografika użata sabiex tiddentifika inbid ta’ kwalità psr, inbid tal-mejda jew xi inbid ieħor importat inkluż fil-listi tal-ftehim konklużi bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi.

99

Fil-kawża preżenti, il-Kunsill jikkunsidra li l-eċċezzjoni ta’ omonimija prevista fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 753/2002 ma tistax tiġi applikata għall-inbejjed li huma prodotti fil-Komun ta’ Vaud ta’ Champagne minħabba r-riskju evidenti ta’ konfużjoni li din l-omonimija tista’ toħloq fil-konfront tal-konsumaturi. Barra minn hekk, l-istatus u r-reputazzjoni superjuri ħafna tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata Franċiża jrendu partikolarment mhux ekkwitabbli l-użu konġunt ta’ tali denominazzjoni, b’mod kuntrarju għall-eżiġenzi ta’ din id-dispożizzjoni.

100

Barra minn hekk, il-Kunsill josserva li l-ebda indikazzjoni ġeografika ta’ Stat terz ma kienet is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni, abbażi ta’ l-imsemmi Artikolu 36(3), sabiex tkun tista’ tintuża fit-territorju Komunitarju. L-Anness VI tar-Regolament Nru 753/2002, li jsemmi l-indikazzjonijiet ġeografiċi u t-termini tradizzjonali li jibbenifikaw mill-eċċezzjoni ta’ omonimija, fil-fatt qatt ma ntuża. Għalhekk l-indikazzjoni ġeografika Żvizzera “champagne” ma tibbenifika bl-ebda mod mill-eċċezzjoni ta’ omonimija prevista minn dan ir-Regolament, b’tali mod li r-rikorrenti mhumiex awtorizzati li jikkumerċjalizzaw l-inbejjed prodotti fil-Komun ta’ Champagne taħt l-imsemmija denominazzjoni.

101

Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li, kemm qabel kif ukoll wara l-Ftehim, il-protezzjoni li għandha tingħata kif ukoll ir-regoli ta’ użu fil-Komunità tad-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata “champagne” huma rregolati mir-Regolament Nru 1493/1999 u mir-Regolament Nru 753/2002. Barra minn hekk, anke li kieku dawn ir-Regolamenti kienu jagħmluha possibbli għar-rikorrenti li jużaw id-denominazzjoni “champagne” għall-inbejjed prodotti fil-Komun ta’ Champagne fil-canton ta’ Vaud, din il-possibbiltà ma kellhiex tiġi modifikata mill-Ftehim, li ma jipprovdix regoli fuq il-protezzjoni li għandha tingħata minn kull parti għall-indikazzjonijiet ġeografiċi tagħha fit-territorju tagħħa. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tintroduċi l-ebda dispożizzjoni ġdida fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju Komunitarju ta’ inbejjed importati mill-Iżvizzera li għandhom id-denominazzjoni “champagne”, b’tali mod li l-imsemmija deċiżjoni ma tirrigwardax b’mod dirett lir-rikorrenti.

102

Din il-konklużjoni mhijiex effettwata mit-Trattat Franko-Żvizzeru, li jirrikonoxxi biss denominazzjoni waħda “champagne”, jiġifieri dak li tiddeskrivi l-inbid frizzanti li joriġina mir-reġjuni Franċiża ta’ Champagne. Fil-fatt, it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 2, ta’ l-imsemmi Trattat, jistabilixxi deroga mill-obbligi previsti fl-ewwel paragrafu li jipprovdi kif ġej:

“Jekk waħda mid-denominazzjonijiet protetti skond l-ewwel paragrafu tikkorispondi għall-isem ta’ reġjun jew ta’ post li jinsab barra mit-territorju tar-Repubblika Franċiża, l-ewwel paragrafu ma jeskludix li d-denominazzjoni tintuża għall-prodotti jew merkanzija prodotta f’dan ir-reġjun jew f’dan il-post. Madankollu preskrizzjonijiet addizzjonali jistgħu jiġu adottati permezz ta’ protokoll.”

103

Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni jkollha bħala effett li tippermetti lill-Konfederazzjoni Żvizzera tidderoga mill-obbligu previst fl-ewwel paragrafu tagħha li jgħid li d-denominazzjoni “champagne” hija rriżervata “fuq it-territorju tal-Konfederazzjoni Żvizzera, għall-prodotti jew merkanzija Franċiża”. Din id-dispożizzjoni madankollu m’għandiex bħala għan li tiddetermina l-protezzjoni li għandha tingħata lid-denominazzjoni “champagne” fit-territorju ta’ Franza u din ma taffettwax, konsegwentement, il-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti ta’ l-inbid Komunitarja, li tirriżerva din id-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata, fit-territorju Komunitarju, għal ċerti inbejjed tar-reġjun Franċiż ta’ Champagne.

104

Barra minn hekk, bħala risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kunsill sostna li r-rikorrenti ma wrewx suffiċjentement, kif meħtieġ mil-liġi, li d-denominazzjoni “champagne” kienet protetta bħala denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata skond id-dritt Żvizzeru.

105

Fil-fatt, id-Digriet tal-Kunsill Federali Żvizzeru tas-7 ta’ Diċembru 1998 fuq il-prodotti ta’ l-inbid u l-importazzjoni ta’ l-inbid isemmi tliet tipi ta’ denominazzjonijiet: denominazzjonijiet ta’ oriġini, denominazzjonijiet ta’ oriġini kontrollata u l-indikazzjoni ta’ provenjenza. Skond dan ir-Regolament, id-denominazzjoni ta’ oriġini hija rriżervata għall-inbejjed magħmula minn għeneb miġbura miż-żona ġeografika kkonċernata u li jkun fih ammont naturali minimu ta’ zokkor. Min-naħa l-oħra, id-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata tikkorispondi, minbarra l-imsemmi ammont ta’ zokkor, previst għad-denominazzjoni ta’ oriġini, għal “eżiġenzi addizzjonali previsti mill-canton” li għandhom jirrigwardaw minn ta’ l-inqas “id-delimitazzjoni taż-żoni ta’ produzzjoni […], il-varjetajiet ta’ l-għeneb[…], il-metodi ta’ tkabbir […], l-ammonti naturali ta’ zokkor […], ir-rendiment massimu ta’ kull ħabel dwieli […], il-metodi ta’ vinifikazzjoni [u] l-analiżi u l-eżami organolettiku”.

106

Il-Kunsill jammetti li, skond l-Artikolu 16 tar-Regolament tad-19 ta’ Ġunju 1985 fuq id-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ l-inbejjed ta’ Vaud (iktar ’il quddiem ir-“Regolament fuq id-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ l-inbejjed ta’ Vaud”), “l-inbid prodott fit-territorju ta’ komun għandu d-dritt għad-denominazzjoni ta’ dan il-komun”. Dan id-dritt madankollu jmur kontra d-Digriet tal-Kunsill Federali Żvizzeru tas-7 ta’ Diċembru 1998 fuq il-vitikultura u l-importazzjoni ta’ l-inbid, li sar wara dan ir-Regolament, li jirriżerva d-denominazzjonijiet ta’ oriġini kontrollata għall-inbejjed li jissodisfaw kundizzjonijiet ta’ kwalità iktar stretti mis-sempliċi kundizzjoni, li tirrigwarda d-denominazzjonijiet komunali, li jikkonsistu fil-ħtieġa li 51 % ta’ l-għeneb li jintuża għall-inbid inġabar fit-territorju tal-komun in kwistjoni.

107

Il-Kunsill iżid li skond l-Artikolu 3 tar-Regolament, tat-28 ta’ Ġunju 1995 fuq id-denominazzjonijiet ta’ oriġini kontrollata ta’ l-inbejjed ta’ Vaud, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ l-inbejjed ta’ Vaud huma rriżervati biss għall-inbejjed ta’ denominazzjoni ta’ oriġini kontrollat u li t-terminu denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata jirrigwarda d-denominazzjonijiet tradizzjonali ġeografiċi jew le ta’ l-inbejjed fil-kategorija 1, fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 1 sa 4 tar-Regolament tas-26 ta’ Marzu 1993 fuq il-kwalità ta’ l-inbid ta’ Vaud.

108

F’dan ir-rigward, il-Kunsill iqis li, skond l-Artikolu 1 tar-Regolament tas-26 ta’ Marzu 1993 fuq il-kwalità ta’ l-inbid ta’ Vaud, jista’ biss ikollhom denominazzjoni ta’ oriġini ta’ reġjun vitikolu, tal-post ta’ produzzjoni jew ta’ subdiviżjoni tal-post ta’ produzzjoni (komun, għalqa ta’ dwieli, kastell, abbatija, qasam agrikolu, deskrizzjoni katastali jew ta’ post magħruf bħala) l-inbid prodott minn ħsad ta’ għeneb li laħaq ċerti ammonti minimi naturali ta’ zokkor, stabbiliti skond il-varjetà u skond id-denominazzjoni. Issa, jenfassizza l-Kunsill, għalkemm id-denominazzjoni “Bonvillars” tidher fil-lista tad-denominazzjonijiet, dan mhuwiex il-każ ta’ “champagne”.

109

Il-Kunsill għalhekk iqis li d-denominazzjoni “champagne” la hija denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata u lanqas denominazzjoni ta’ oriġini, iżda sempliċiment indikazzjoni ġeografika nieqsa minn kull rabta mal-kwalita jew mar-reputazzjoni. Din id-denominazzjoni, fid-dritt Żvizzeru, timplika, effettivament, ħtieġa purament ġeografika, jiġifieri dik li l-inbid jiġi prodott, minn ta’ l-inqas għal 51 % minnu, minn għeneb li jinġabar fil-komun ta’ Champagne.

110

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mir-Regolament tal-canton ta’ Vaud tas-16 ta’ Lulju 1993 fuq il-limitazzjoni tal-produzzjoni u l-kontroll uffiċjali tal-ħsad ta’ l-għeneb. Il-Kunsill josserva li, skond l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, ir-reġistru tal-canton ta’ l-għelieqi tad-dwieli jsemmi l-ħbula ta’ dwieli ta’ kull proprjetarju, li skond l-Artikolu 3 ta’ l-imsemmi Regolament, għandu jindika d-denominazzjoni, fis-sens tar-Regolament fuq id-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ l-inbejjed ta’ Vaud. Issa, ir-reġistru tal-canton ta’ l-għelieqi tad-dwieli mressaq mir-rikorrenti jindika b’mod ċar li d-denominazzjoni li minnha jibbenifikaw ir-rikorrenti kollha hija “Bonvillars”.

111

Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li l-użu tad-denominazzjoni “champagne” fit-territorju Komunitarju ilu rriżervat għal żmien twil għall-inbejjed prodotti fir-reġjun Franċiż ta’ Champagne, ħaġa li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim ma jimmodifikaw bl-ebda mod.

112

Bħala risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ssostni li l-eċċezzjoni ta’ omonimija prevista fl-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu 29(3) tar-Regolament Nru 2392/89, li kien fis-seħħ sa’ l-1 ta’ Awwissu 2003, setgħat tingħata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni wara talba ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-istess Artikolu. Issa, tali talba ma ġietx introdotta f’dak li jirrigwarda l-inbejjed prodotti fil-komun ta’ Champagne fl-Iżvizzera.

113

Barra minn hekk, l-eċċezzjoni ta’ omonimija prevista fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 753/2002, li ilu fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2003 għandu jiġi applikat biss taħt il-kundizzjoni li l-indikazzjoni ġeografika kkonċernata hija rikonoxxuta u protteta bħala tali mill-Istati terzi, u dan skond l-Artikolu 24(9) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, tal-15 ta’ April 1994 (ĠU L 336, p. 214, iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”), li jipprovdi “[m]a jridx ikun hemm obbligu taħt dan il-Ftehim biex jipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi li mhumiex jew li waqfu li jkunu prottetti fil-pajjiż ta’ l-oriġini, jew li ma baqgħux jintużaw f’dak il-pajjiż”.

114

Għalhekk, peress li l-Konfederazzjoni Żvizzera ma kellhiex l-intenzjoni tipproteġġi l-indikazzjoni ġeografika “champagne” fil-canton ta’ Vaud fil-kuntest tal-Ftehim, l-eċċezzjoni ta’ omonimija prevista mir-Regolament Nru 753/2002 m’għandiex tiġi applikata. Barra minn hekk, l-Anness VI ta’ l-imsemmi Regolament, li jsemmi l-indikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet prattiċi ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi omonimi ta’ pajjiżi terzi qatt ma ntużaw, peress li l-ebda talba ta’ omonimija ma’ ġiet introdotta sa llum.

115

Barra minn hekk, il-Kummissjoni, bħala risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-eżistenza ta’ denominazzjoni komunali ta’ oriġini kontrollata għall-benefiċċju tal-Komun ta’ Vaud, indikat li mir-Regolament fuq id-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ l-inbejjed ta’ Vaud jirriżulta li d-denominazzjoni “champagne” kienet biss sempliċi indikazzjoni ta’ provenjenza li ma tistabbilixxi l-ebda dritt ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali fin-nuqqas ta’ kull rikonoxximent u ta’ kull indentifikazzjoni, fil-leġiżlazzjoni Żvizzera applikabbli, tal-kwalitajiet speċifiċi ta’ l-inbejjed prodotti fit-territorju ta’ dan il-Komun.

116

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti stess ammettew li qatt ma kienu kkumerċjalizzaw l-inbid li huma ppoduċew taħt id-denominazzjoni “champagne” fit-territorju Komunitarju, iżda li huma jesportaw madwar elf flixkun fis-sena lejn il-Komunità taħt id-denominazzjoni “arquebuse”, li juri li l-eċċezzjoni ta’ omonimija prevista mil-leġiżlazzjoni Komunitarja qatt ma ġiet applikata fil-konfront tagħhom.

117

Il-Kummissjoni tiddeduċi minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li l-att ikkontestat ma jbiddilx is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti fit-territorju Komunitarju, fis-sens li dawn m’għandhomx interes li jaġixxu kontra l-imsemmi att.

118

Ir-Repubblika Franċiża, parti intervenjenti fil-kawża ssostni li l-inbid Franċiż ta’ Champagne huwa protett fil-Komunità bħala inbid ta’ kwalità psr u jibbenifika, minħabba dan, mill-esklussività tad-denominazzjoni “champagne”. L-att ikkontestat għaldaqstant ma jaffettwax direttament is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, b’tali mod li r-rikors huwa inammissibbli.

119

Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li, skond il-leġiżlazzjoni Żvizzera applikabbli, it-termini li jindikaw il-komun huma paragunabbli għal indikazzjoni li tispeċifika l-provenjenza ta’ l-inbid fi ħdan tal-post ta’ produzzjoni li jikkostitwixxu entità waħda u li tali termini ma jistgħux jiġu meqjusa bħala denominazzjoni ta’ oriġini. Fil-fatt, denominazzjoni ta’ oriġini timplika li jkunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodott li jeżistu fir-rigward tad-denominazzjoni “Bonvillars”, iżda mhux mill-Komun ta’ Champagne. F’dan ir-rigward ir-Repubblika Franċiża tosserva li, f’ipoteżi kuntrarja, dan il-Komun kien ikun is-suġġett ta’ riferenza speċifika fir-Regolament fuq id-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ l-inbejjed ta’ Vaud, li mhuwiex il-każ. Hija għalhekk tqis li l-eżistenza ta’ denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata “champagne” protetta mid-dritt Żvizzeru ma ġietx ipprovata.

120

Ir-rikorrenti jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Franċiża li tgħid li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim ma bidlux s-sitwazzjoni legali tagħhom fit-territorju Komunitarji. Huma jsostnu, f’dan ir-rigward, li għalkemm id-denominazzjoni “champagne” tikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata fis-sens tad-dritt Komunitarju, din iċ-ċirkustanza ma ostakolatx il-kummerċjalizzazzjoni fil-Komunità ta’ l-inbid ta’ Vaud li huma jipproduċu. Billi bbażàw ruħhom fuq id-dokumenti tar-rappreżentant tal-produtturi tax-xampanja, ir-rikorrenti sostnew li dawn ta’ l-aħħar, barra minn hekk, ma kkontestawx il-kummerċjalizzazzjoni ta’ l-inbid prodott fit-territorju tal-Komun ta’ Vaud ta’ Champagne taħt id-denominazzjoni “champagne”.

121

B’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti ppreċiżaw li, wara verifika, irriżulta li l-esportazzjoni lejn il-Belġju, li saret riferenza għaliha fir-rikors, ta’ l-inbid prodott fuq il-Komun ta’ Champagne, ta’ xi madwar 1000 flixkun fis-sena, ma saritx taħt id-denominazzjoni “champagne”, iżda taħt dik ta’ “arquebuse”.

122

Madankollu, ir-rikorrenti josservaw li, skond l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 2392/89, fil-każ ta’ omonimija, id-denominazzjoni ta’ inbid minn pajjiż terz tista’ tintuża sakemm, f’dak il-pajjiż, l-isem jintuża għal inbid skond użanzi antiki u kostanti u taħt il-kundizzjoni li dan l-użu huwa rregolat minn dan il-pajjiż, li huwa manifestament il-każ fil-kawża preżenti. Il-fatt li l-Artikolu 29(3) ta’ dan ir-Regolament jipprevedi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ deroga sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-eċċezzjoni ta’ omonimija huwa, f’dan il-każ, irrilevanti peress li t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 2, tat-Trattat Franko-Żvizzeru jikkonferixxi eċċezzjoni ta’ omonimija awtomatika. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li jekk waħda mid-denominazzjonijiet protetti mill-ewwel paragrafu tagħha tikkorispondi għall-isem ta’ reġjun jew post li jinsab barra mit-territorju tar-Repubblika Franċiża, din il-protezzjoni ma teskludix li d-denominazzjoni tintuża għall-prodotti jew merkanzija manifatturata f’dan ir-reġjun jew post. Dan huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-opinjoni tal-Kunsill ta’ l-Istat tal-canton ta’ Vaud tat-22 ta’ Diċembru 2003.

123

Fir-rigward tar-Regolament Nru 753/2002, ir-rikorrenti jenfassizzaw li l-Artikolu 36 tiegħu jipprovdi wkoll li ċerti indikazzjonijiet omonimi ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi użati għad-deskrizzjoni ta’ inbid ta’ kwalità psr jistgħu jintużaw f’ċirkustanzi prattiċi li jiggarantixxu li dawn jiġu distinti wieħed mill-ieħor, fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi assigurat trattament ekwivalenti tal-produtturi kkonċernati u b’tali mod li l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa. Issa, ma jistax jiġi kkontestat li d-denominazzjoni “champagne” għall-inbejjed prodotti mir-rikorrenti tikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika fis-sens ta’ l-Artikolu 22 tat-TRIPs li jagħmel riferenza għaliha l-Artikolu 3 ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim. Barra minn hekk, l-użu ta’ din id-denominazzjoni mir-rikorrenti tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 753/2002 b’tali mod li l-imsemmija denominazzjoni tibbenifika mill-eċċezzjoni ta’ omonimija. F’dan ir-rigward mhwiex rilevanti li l-Anness VI ta’ dan ir-Regolament ma jsemmi l-ebda denominazzjoni, fid-dawl tal-fatt li kull interpretazzjoni oħra ċċaħħad minn kull sens l-Artikolu 36 ta’ dan ir-Regolament u tikser l-obbligi tal-Komunità li jirriżultaw mill-Artikolu 23(3) tat-TRIPs. F’kull każ, ir-Regolament Nru 753/2002, sar applikabbli biss b’effett mill-1 ta’ Jannar 2003, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. Peress li dan ta’ l-aħħar jeskludi l-eċċezzjoni ta’ omonimija għall-inbid tal-komun ta’ Champagne, il-Konfederazzjoni Żvizzera ma tistax titlob sabiex tibbenifika minn din l-eċċezzjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 753/2002.

124

F’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-denominazzjoni “champagne” skond id-dritt Żvizzeru applikabbli, ir-rikorrenti jsostnu li skond l-Artikolu 16 tar-Regolament tat-28 ta’ Ġunju 1995 fuq id-denominazzjonijiet ta’ oriġini kontrollata ta’ l-inbejjed ta’ Vaud, l-inbid prodott fit-territorju ta’ komun għandu d-dritt għad-denominazzjoni ta’ dan il-komun.

125

F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-canton ta’ Vaud fih sitt reġjuni ta’ vitikoltura. Il-firxa ġeografika tagħhom hija ddefinita fl-Artikolu 2 ta’ l-imsemmi Regolament, li jippreċiża li r-reġjun ta’ Bonvillars jinkludi l-komuni ta’ vitikoltura kollha tad-distrett ta’ Grandson kif ukoll il-komuni ta’ Montagny u Valuyres-sous-Montagny tad-distrett ta’ Yverdon. Dawn is-sitt reġjuni huma komposti minn 26-il post ta’ produzzjoni li jiġbru taħthom 148-il komun ta’ vitikoltura. Skond l-Artikoli 13 sa 15 ta’ dan ir-Regolament, fost dawn ir-reġjuni, tlieta minnhom jikkostitwixxu kull wieħed post wieħed ta’ produzzjoni. Fir-rigward tat-tliet reġjunijiet li jikkostitwixxu post uniku ta’ produzzjoni, fosthom ir-reġjun ta’ Bonvillars, ma jistax ikun hemm dubbji fuq l-appartenenza, ta’ post wieħed jew ieħor ta’ produzzjoni, tal-komuni li jinsabu fit-territorju tagħhom, minħabba l-identità bejn ir-reġjun ta’ vitikoltura u l-post ta’ produzzjoni. Dan jispjega għalfejn ir-Regolament tat-28 ta’ Ġunju 1995 fuq id-denominazzjonijiet ta’ oriġini kontrollata ta’ l-inbejjed ta’ Vaud ma jsemmux espressament dawn il-komuni. Skond l-Artikolu 16 ta’ l-imsemmi Regolament, il-produtturi ta’ l-inbid li ġej minn dawn il-komuni għandhom, madankollu, id-dritt li jużaw l-isem ta’ dawn ta’ l-aħħar bħala denominazzjoni tal-prodotti tagħhom.

126

Ir-rikorrenti jenfassizzaw li l-Kunsill ta’ l-Istat tal-canton ta’ Vaud, permezz ta’ żewġ opinjonijiet tat-8 ta’ Jannar u tat-22 ta’ Diċembru 2003, ikkonferma li skond id-dritt Żvizzeru, id-denominazzjoni “champagne” tikkostitwixxi denominazzjoni komunali ta’ oriġini kontrollata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jqisu li, f’kull każ, l-allegazzjoni tal-Kunsill li tgħid li d-denominazzjoni Żvizzera “champagne” ma tikkostitwix denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata iżda sempliċiment denominazzjoni ta’ oriġini, hija irrilevanti. Fil-fatt, peress li l-imsemmija denominazzjoni tikkostitwixxi dritt speċifiku tar-rikorrenti, huwa irrilevanti, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni ta’ omonimija prevista mir-Regolament Nru 2392/1989 u mir-Regolament Nru 753/2002, li jsir magħruf jekk, skond id-dritt Żvizzeru, din tibbenifikax minn grad superjuri, inferjuri jew ugwali għad-denominazzjoni Franċiża “champagne”.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

127

Il-Kunsill u l-Kummissjoni, sostnuti mir-Repubblika Franċiża isostnu, essenzjalment, li l-protezzjoni mogħtija, skond id-dritt Komunitarju, lill-inbid prodott fir-reġjun Franciż ta’ Champagne tipprojbixxi lir-rikorrenti milli jikkumerċjalizzaw l-inbid tagħhom taħt id-denominazzjoni “champagne” fit-territorju Komunitarju. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim ma jbiddlux is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti fuq l-imsemmi territorju.

128

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq, rikorrent huwa ammess li jressaq rikors skond l-Artikolu 230 KE biss taħt il-kundizzjoni li l-att ikkontestat jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tiegħu b’mod li jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu.

129

Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk, kif jallegaw il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, ir-rikorrenti kinux preklużi, qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim, minħabba d-dritt Komunitarju applikabbli, milli jikkumerċjalizzaw l-inbid li huma jipproduċu taħt id-denominazzjoni “champagne” fil-Komunità, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim ma jbiddlux is-sitwazzjoni legali tagħhom b’mod sinjifikattiv.

130

Minn din il-perspettiva, għandu jiġi osservat li, kif ġie espost fil-punti 4 sa 6 iktar ’il fuq, meta ġie ppreżentat ir-rikors, fl-10 ta’ Lulju 2002, ir-Regolament fis-seħħ applikabbli għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti kien ir-Regolament Nru 2392/89.

131

Skond l-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-Regolament, għad-deskrizzjoni ta’ inbid importat, l-isem ta’ unità ġeografika użat għad-deskrizzjoni ta’ inbid tal-mejda jew inbid ta’ kwalità psr jew ta’ reġjun speċifiku fil-Komunità ma jistax jintuża la fil-lingwa tal-pajjiz produttur li fih tinsab din l-unità jew dan ir-reġjun u lanqas f’lingwa oħra.

132

Issa, kif ġie espost fil-punt 1 iktar ’il fuq, fiż-żmien meta ġie ppreżentat ir-rikors, l-inbejjed prodotti fir-reġjun Franciż ta’ Champagne taħt id-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata “champagne” kien jibbenifika, fil-Komunità, minn denominazzjoni ta’ inbid ta’ kwalità psr, fatt li, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jikkontestawx.

133

Isegwi li skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 2392/89, fiż-żmien meta ġie ppreżentat ir-rikors, id-denominazzjoni “champagne” ma setgħatx, bħala prinċipju, tintuża għad-deskrizzjoni ta’ l-ebda inbid importat, u b’mod partikolari ta’ l-inbid prodott fil-komun ta’ Vaud ta’ Champagne.

134

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li skond l-Artikolu 29(3) tar-Regolament Nru 2392/89, derogi mill-paragrafu 2 ta’ dan l-istess Artikolu jistgħu jiġu konċessi fejn hemm identità bejn l-isem ġeografiku ta’ inbid prodott fil-Komunità u dak ta’ unità ġeografika, li tinsab f’pajjiż terz, sakemm f’dan il-pajjiż dan l-isem jintuża għal inbid skond użanzi antiki u kostati u taħt il-kundizzjoni li l-użu tiegħu huwa rregolat minn dan il-pajjiż.

135

L-eċċezzjoni ta’ omonimija prevista minn din id-dispożizzjoni għaldaqstant ma tapplikax awtomatikament, iżda konsegwentement għal deċiżjoni espressa ta’ deroga. F’dan ir-rigward, b’risposta għal-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni indikat, minn naħa, li tali deċiżjoni tingħata wara li ssir talba f’dan is-sens, u, min-naħa l-oħra, li l-ebda talba ta’ deroga ma kienet ġiet ippreżentata fir-rigward ta’ l-inbid prodott fit-territorju tal-komun ta’ Vaud ta’ Champagne.

136

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm għall-ewwel ir-rikorrenti allegaw li qatt ma kien ġew ostakolati, taħt id-dritt Komunitarju applikabbli, milli jikkumerċjalizzaw l-inbid tagħhom taħt id-denominazzjoni “champagne” fil-Komunità, madankollu, aktar tard, huma la kkontestaw il-fatt li l-eċċezzjoni ta’ omonimija prevista mir-Regolament Nru 2392/89 teħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ deroga, la allegaw li kienet ittieħdet kwalunkwe deċiżjoni f’dan ir-rigward, u lanqas li talba għal deroga fir-rigward ta’ l-inbejjed prodotti fil-komun ta’ Vaud ta’ Champagne kienet ġiet ippreżentata.

137

Fuq kollox, anke jekk affermaw iniżjalment li huma jbiegħu, fil-Belġju, madwar elf flixkun fis-sena taħt id-denominazzjoni “champagne”, ir-rikorrenti ppreċiżaw, b’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li, wara verifika, dawn il-fliexken kienu fir-realtà ġew ikkummerċjalizzati taħt id-denominazzjoni “arquebuse”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqux provi ta’ esportazzjoni oħra tal-prodotti tagħhom lejn il-Komunità, kemm jekk taħt id-denominazzjoni “champagne” jew taħt xi denominazzjoni oħra.

138

Barra li minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti jidhru konfużi, x’aktarx kuntradittorji, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma kinux f’pożizzjoni li jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, meta ġie ppreżentat ir-rikors, l-inbid prodott fit-territorju tal-komun ta’ Vaud ta’ Champagne ma kien jibbenefika minn l-ebda deċiżjoni ta’ deroga mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 2392/89, b’tali mod li r-rikorrenti sabu ruħhom ostakolati legalment milli jikkumerċjalizzaw il-prodotti tagħhom taħt id-denominazzjoni “champagne”. Skond il-verifiki mwettqa mir-rikorrenti stess, u bil-kontra ta’ l-affermazzjonijiet inizjali tagħhom, jidher li barra minn hekk dawn qatt ma kienu kkumerċjalizzaw l-inbid tagħhom taħt id-denominazzjoni “champagne” fil-Komunità.

139

Isegwi li, skond ma ġie espost fil-punti 41 sa 49 iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim jiggarantixxu l-esklussività, fit-territorju Komunitarju, tad-dritt għad-denominazzjoni “champagne” għall-benfiċċju ta’ ċerti nbejjed prodotti fir-reġjun Franċiż ta’ Champagne, u jipprekludu għalhekk il-kummerċjalizzazzjoni, f’dan l-istess territorju ta’ ċerti inbejjed ta’ Vaud prodotti fit-territorju tal-komun ta’ Champagne taħt din id-denominazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li din is-sitwazzjoni legali kienet teżisti diġà, fir-rigward tar-rikorrenti, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim fil-1 ta’ Ġunju 2002 kif ukoll fiż-żmien ta’ meta ġie ppreżentat ir-rikors fl-10 ta’ Lulju 2002.

140

Fir-rigward tar-Regolament Nru 753/2002, mingħajr lanqas ma jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanza li, għalkemm kien applikabbli biss b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2003, jiġifieri wara li ġie ppreżentat ir-rikors, madankollu dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2002, jiġifieri qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors, ir-rikorrenti setgħu jiġġustifikaw interess ġuridiku billi jibbażaw ruħhom fuq is-sitwazzjoni legali li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi osservat li, skond dan ir-Regolament, huma lanqas ma jibbenifikaw, f’kull każ, mid-dritt li jikkumerċjalizzaw, fil-Komunità, l-inbid li huma jipproduċu fit-territorju tal-komun ta’ Vaud ta’ Champagne taħt id-denominazzjoni “champagne”.

141

Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 753/2002, “id-denominazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika […] tista’ tidher fuq l-ittikettjar ta’ inbid importat […]minn pajjiż terz li huwa membru ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jista’ jġorr id-denominazzjoni taż-żona ġeografika kif hemm referenza dwarha fl-Anness VII(A)(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 basta iżda li sservi sabiex tidentifika l-inbid bħala li joriġina fit-territorju ta’ pajjiż terz jew f’reġjun jew f’lokalità ta’ dak il-pajjiż terz, meta kwalità, ir-reputazzjoni jew il-karatterstika partikolari oħra tal-prodott hija essenzjalment attribwita lil dik l-oriġini ġeografika”.

142

Skond l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 753/2002, “[l]-indikazzjonijiet ġeografiċi […] li hemm referenza dwarhom fil-paragrafi 1 u 2 ma jistgħux ikunu konfużi ma’ l-indikazzjoni ġeografika użata biex tidentifika l-inbid psr ta’ kwalità”. Din id-dispożizzjoni madankollu tipprovdi l-eċċezzjoni ta’ omonimija li ġejja:

“[X]i indikazzjonijiet ġeografiċi tal-pajjiżi terzi kif hemm referenza dwarhom fl-ewwel subparagrafu li huma indikazzjonijiet ġeografiċi li għandhom xebħ għall-inbid psr ta’ kwalità, […] jistgħu jintużaw suġġetti għal kundizzjonijiet prattiċi li permezz tagħhom ikunu ddifferenzjati minn xulxin, waqt li titqies il-ħtieġa sabiex ikun assigurat trattament ġust tal-prodott ikkonċernat u li l-konsumaturi ma jkunux żgwidati.

[…]

Dawn l-indikazzjonijiet, it-termini u l-kundizzjonijiet prattiċi għandhom ikunu stabbiliti fl-Anness VI.”

143

Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ omonimija msemmija iktar ’il fuq, mhijiex intiża sabiex tapplika awtomatikament, iżda hija suġġetta għall-elenkar fl-Anness VI tar-Regolament Nru 753/2002 kemm ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-pajjiżi terzi omonimi ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi użati għad-deskrizzjoni ta’ inbid ta’ kwalità psr li jistgħu jibbenifikaw minnha kiof ukoll mill-kundizzjonijiet prattiċi li jigarantixxu li dawn l-indikazzjonijiet ġeografiċi jiġu distinti minn xulxin.

144

Issa, kif osservaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li l-Anness VI tar-Regolament Nru 753/2002 huwa attwalment validu u ma jsemmix id-denominazzjoni “champagne” fost l-indikazzjonijiet ġeorgrafiċi tal-pajjiżi terzi li jistgħu jibbenifikaw mill-eċċezzjoni ta’ omonimija.

145

Isegwi li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 753/2002 lanqas ma jippermettu, f’kull każ, lir-rikorrenti li jikkomerċjalizzaw l-inbejjed li huma jipproduċu taħt id-denominazzjoni “champagne”.

146

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, skond l-Artikolu 36(5) ta’ dan ir-Regolament, kif emendat bir-Regolament Nru 316/2004, applikabbli b’effett mill-1 ta’ Frar 2004, l-indikazzjoni ġeografika ta’ pajjiż terz “jistgħu jiġu użati fl-ittikkettjar ta’ nbid importat anke fejn 85 % biss ta’ l-inbid in kwistjoni kien miksub minn għeneb maħsud fiż-żona tal-produzzjoni li ġġib ismu”. Barra minn hekk, mill-kliem użat u mill-istruttura ta’ l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 753/2002 jirriżulta li, qabel il-modifika introdotta mir-Regolament Nru 316/2004 li kienet tippermetti li anke inbid miksub minn għeneb li 85 % minnu biss ikun maħsud fiż-żona tal-produzzjoni li ġġib ismu jkun jista’ juża l-indikazzjoni ġeografika li tikkorrispondi għall din iż-żona, indikazzjoni ġeografika tista’ tidher fuq l-ittikettjar ta’ inbid importat biss sakemm dan l-inbid kien miksub fit-totalità tiegħu minn għeneb maħsud fiż-żona tal-produzzjoni li ġġib ismu.

147

Issa, anke jekk, b’risprosta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti kienu affermaw li, skond l-Artikolu 16 tar-Regolament fuq id-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ l-inbid ta’ Vaud, id-denominazzjoni “champagne” kienet irkonoxxuta u protetta għall-inbejjed prodotti fit-territorju ta’ dan il-komun, għandu jiġi kkonstatat li qari komplet ta’ din id-dispożizzjoni juri li, skond it-tieni paragrafu tagħha li “għandu wkoll dritt għad-denominazzjoni ta’ komun, l-għeneb maħsud fil-maġġoranza (mill-inqas 51 %) f’dan il-komun u mill-bqija fuq il-post ta’ produzzjoni li għandu din id-denominazzjoni”.

148

Għalhekk, mingħajr ma jkun neċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq in-natura u fuq il-kwalifikazzjoni preċiża tad-denominazzjoni “champagne”, għandu jiġi kkonstatat li din id-denominazzjoni hija rkonoxxuta mid-dritt Żvizzeru għall-inbejjed prodotti fil-maġġoranza tagħhom fit-territorju tal-komun ta’ Vaud ta’ Champagne b’tali mod li din ma tissodisfax il-kundizzjoni li tidher impliċitament fl-Artikolu 36(5) tar-Regolament Nru 753/2002 kif emendat, u li tgħid li huwa biss l-inbid miksub minn għeneb li minn ta’ l-anqas 85 % minnu jkun maħsud fiż-żona tal-produzzjoni li ġġib ismu , jiġifieri f’dan il-każ it-territorju tal-komun ta’ Vaud ta’ Champagne, li jista’ jiġi kkumerċjalizzati taħt l-indikazzjoni ġeografika ta’ din iż-żona ta’ produzzjoni. A fortiori, din id-denominazzjoni lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tiddeskrivi l-inbejjed prodotti totalment minn għeneb maħsud fiż-żona tal-produzzjoni li ġġib ismu.

149

Għalhekk, bil-kontra ta’ dak li kienu affermaw inizjalment ir-rikorrenti, mhux biss talli l-inbejjed li, skond id-dritt Żvizzeru, kellhom id-dritt għad-denominazzjoni “champagne” qatt ma bbenifikaw mill-eċċezzjoni ta’ omonimija prevista kemm mill-Artikolu 29(3) tar-Regolament Nru 2392/89, kemm mill-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 753/2002, iżda talli, fuq kollox, il-possibbiltà li dawn l-inbejjed ikunu jistgħu jibbenifikaw fil-futur mill-eċċezzjoni ta’ omonimija prevista mit-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijeit, fil-każ fejn id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, ma tidhirx li tista’ tiġi applikata fid-dawl ta’ l-insuffiċjenza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt Żvizzeru sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mid-denominazzjoni komunali “champagne” fir-rigward ta’ l-eżiġenza tal-provenjenza ta’ l-għeneb prevista fl-Artikolu 36(5) tar-Regolament Nru 753/2002.

150

Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat li modifika eventwali tas-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti li tirriżulta, per eżempju, mill-modifika tal-kundizzjonijiet ta’ għotja tad-denominazzjoni komunali ta’ Vaud “champagne” tkun ta’ natura tali li tiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors, ħaġa li, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jallegawx. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-interess li wieħed jaġixxi ta’ rikorrent ma jistax jiġi evalwat abbażi ta’ avveniment futur u ipotetiku (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, T-16/96, Ġabra p. II-757, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).

151

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma tbiddilx b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti fit-territorju Komunitarju b’tali mod li dawn m’għandhomx interess ġuridiku kontriha.

152

L-ebda argument ieħor tar-rikorrenti mhuwa ta’ natura tali li jikkontesta din il-konklużjoni.

153

Dawn jillimitaw ruħhom li jallegaw, fl-ewwel lok, li mhuwiex rilevanti li l-Anness VI tar-Regolament Nru 753/2002 ma jsemmi l-ebda denominazzjoni, u li, sabiex indikazzjoni ġeografika tibbenifika mill-eċċezzjoni ta’ omonimija, huwa suffiċjenti li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 36(3). Kull interpretazzjoni oħra ċċaħħad minn kull sens l-Artikolu 36 tar-Regolament u tikser l-obbligi tal-Komunità li jirriżultaw mill-Artikolu 23(3) tat-TRIPs.

154

Dan l-argument huwa manifestament infondat.

155

Fil-fatt, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, minn naħa t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 753/2002 jipprovdi li, taħt il-kundizzjonijiet li huwa jelenka “ċerti indikazzjonijiet ġeografiċi” jistgħu jibbenifikaw minn eċċezzjoni ta’ omonimija u, fit-tieni nett, li l-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu 36(3) jipprovdi espressament li l-indikazzjonijiet ġeografiċi li jibbenifikaw mill-eċċezzjoni ta’ omonimija li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-istess Artikolu, “huma indikati fl-Anness VI”. Isegwi li l-elenkar ta’ indikazzjoni ġeografika li tibbenifika minn eċċezzjoni ta’ omonimija fl-imsemmi Anness VI mhijiex sempliċiment informattiva u fakultattiva, iżda tikkostitwixxi formalità imperattiva li tippreżupponi eżami minn qabel tal-konformità ta’ l-indikazzjoni ġeografika mal-kundizzjonijiet elenkati fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 753/2002, kif ukoll mal-kundizzjonijiet prattiċi intiżi sabiex jigarantixxu li l-indikazzjonijiet ġeografiċi omonimi jiġu distinti minn xulxin. Bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda konformi ma l-istruttura u l-kliem użat fl-Artikolu 36(3) ta’ dan ir-Regolament, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 36(3), bħala eċċezzjoni għall-prinċipju li jidher fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 36(3), li jgħid li l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-pajjiżi terzi m’għandhomx iwasslu għall-konfużjoni ma’ indikazzjoni ġeografika użata għad-deskrizzjoni ta’ inbid ta’ kwalità psr, għandu jiġi interpretat b’mod strett.

156

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-allegata nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ din l-interpretazzjoni ma’ l-Artikolu 23(3) tat-TRIPs, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti fir-rikors essenzjalment enfassizzaw, bil-kontra ta’ dan, li, b’differenza għad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim, ir-Regolament Nru 753/2002 ma jipprojbix b’mod assolut l-użu, għall-ċerti inbejjed importati, ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi omonimi ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi użati għad-deskrizzjoni ta’ inbid ta’ kwalità psr u jikkostitwixxi għalhekk miżura proporzjonata.

157

Għalhekk, jekk l-argument tar-rikorrenti, imqajjem fl-osservazzjonijiet fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u bbażat fuq it-TRIPs, għandu jiġi annalizzat bħala eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament Nru 753/2002, dan għandu jiġi kkwalifikat bħala motiv ġdid mressqa matul il-kawża u li jiġi miċħud bħala inammissibbli, skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

158

F’kull każ, ir-rikorrenti la juru u lanqas ma jispjegaw b’liema mod l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 753/2002 esposta iktar ’il fuq tmur kontra l-Artikolu 23(3) tat-TRIPs. Minn analiżi oġġetiva u kompleta tat-TRIPs jirriżulta, barra minn hekk, li bil-kontra ta’ dan ir-Regolament Nru 753/2002 huwa konformi mad-dispożizzjonijeit ta’ dan il-Ftehim li jirrigwardaw il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Artikolu 22(1) ta’ dan il-Ftehim jiddefinixxi l-indikazzjonijiet ġeografiċi bħala indikazzjonijiet li jservu sabiex prodott jiġi identifikat bħala li joriġina minn territorju ta’ membru ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), jew minn lokalità f’dan it-territorju, fil-każ fejn kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra determinanti tal-prodott tista’ tiġi attribwita essenzjalment lil din l-oriġini ġeografika. Barra minn hekk l-Artikolu 23(3) tiegħu jipprovdi li fil-każ ta’ omonimija ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbejjed, il-protezzjoni għandha tingħata lil kull indikazzjoni, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22(4) tat-TRIPs, li jipprovdi li l-protezzjoni mogħtija lill-indikazzjonijiet ġeografiċi hija applikabbli kontra indikazzjoni ġeografika li, anke jekk hija litteralment eżatta fir-rigward tat-territorju, tar-reġjun jew tal-lokalità fejn dawn il-prodotti joriġinaw, jistgħu jiżgwidaw lill-pubbliku li jaħseb li dawn il-prodotti joriġinaw minn territorji oħra.

159

Bil-kontra ta’ dak li donnhom isostnu r-rikorrenti, għalhekk it-TRIPs bl-ebda mod ma jimponi fuq il-membri tal-WTO li jigarantixxu, b’mod ġenerali u assolut, protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi omonimi kollha, iżda jipprovdi li l-protezzjoni m’għandiex tingħata lill-indikazzjoni ġeografika li tista’ tiżgwida lill-pubbliku li jaħseb li dawn il-prodotti joriġinaw minn Stat membru ieħor. Barra minn hekk, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 23(3) tat-TRIPs, kull Membru għandu jistabilixxi l-kundizzjonijiet prattiċi li taħthom l-indikazzjonijiet omonimi li tingħatalhom protezzjoni jistgħu jiġu distinti minn xulxin, fid-dawl tan-neċessita li jiġi ggarantit it-trattament ugwali tal-produtturi kkonċernati u li l-konsumaturi ma jiġux imqarraq.

160

Issa, għandu jiġi osservat li din hija preċiżament is-sistema implementata mir-Regolament Nru 753/2002. Fil-fatt, minn naħa, skond l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-Regolament, l-isem ta’ indikazzjoni ġeografika jista’ jidher fuq it-tikkettjar ta’ inbid importat minn pajjiż terz li huwa membru tal-WTO sakemm dan isservi sabiex jidentifika l-inbid bħala li joriġina fit-territorju ta’ pajjiż terz jew minn reġjun jew lokalità ta’ dak il-pajjiż terz, meta kwalità, reputazzjoni jew karatterstika partikolari oħra tal-prodott tista’, essenzjalment, tiġi attribwita lil din l-oriġini ġeografika, peress li din il-kundizzjoni tikkostitwixxi riproduzzjoni kważi ad litteram tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ indikazzjoni ġeografika li tidher fl-Artikolu 22(1) tat-TRIPs. Min-naħa l-oħra, b’mod simili għall-Artikolu 22(4) tat-TRIPs, l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 753/2002, jipprovdi li l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-pajjiżi terzi membri tal-WTO ma jistgħux joħolqu konfużjoni ma’ indikazzjoni ġeografika użata għad-deskrizzjoni ta’ inbid ta’ kwalità psr.

161

Fir-rigward tad-dispożizzjoni li tidher fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 753/2002, li jgħid li, b’eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi li jwasslu għal konfużjoni ma’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi użati għad-deskrizzjoni ta’ inbid ta’ kwalità psr, ċerti indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi omonimi ta’ dawn ta’ l-aħħar jistgħu jintużaw suġġetti għal kundizzjonijiet prattiċi li jiggarantixxu li dawn jiġu distinti minn xulxin, fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi assigurat trattament ekwu tal-prodott ikkonċernat u b’tali mod li l-konsumaturi ma jkunux imqarrqa, għandu jiġi kkonstatat li din tidher f’termini identiċi fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 23(3) tat-TRIPs.

162

Fl-aħħar nett, l-eżiġenza li tirriżulta, skond dak li ġie espost iktar ’il fuq, mill-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 753/2002, li tgħid li l-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi jibbenifikaw minn eċċezzjoni ta’ omonimija u mill-kundizzjonijiet prattiċi intiżi sabiex dawn jiġu distinti mill-indikazzjonijiet ġeografiċi użati għad-deskrizzjoni ta’ inbid ta’ kwalità psr għandhom jissemmew f’anness ma’ l-imsemmi Regolament, ma tistax tiġi kkunsidrata bl-ebda mod bħala inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-TRIPs. Fil-fatt, mhux biss it-TRIPs ma jipprovdi bl-ebda mod li l-eċċezzjoni ta’ omonimija tapplika awtomatikament, mingħajr intervent ta’ kwalunkwe awtorità, għal kull indikazzjoni ġeografika omonima li tissodisfa l-kundizzjonijiet, iżda jindika, barra minn hekk, espressament li “[k]ull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet prattiċi li taħthom l-indikazzjonijiet omonimi in kwistjoni jridu jkunu [distinti] minn xulxin”, u għalhekk iħalli lill-imsemmija membri ċerta setgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-modalitajiet ta’ għotja ta’ eċċezzjoni ta’ omonimija.

163

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-fatt li l-Artikolu 29(3) tar-Regolament Nru 2392/89 jipprovdi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ deroga sabiex ċerti indikazzjonijiet ġeografiċi jkunu jistgħu jibbenifikaw minn eċċezzjoni ta’ omonimija hija irrilevanti peress li t-Trattat Franko-Żvizzeru jippermetti espressament l-użu tad-denominazzjoni “champagne” għal ċerti inbejjed prodotti fil-komun ta’ Vaud ta’ Champagne. Fil-fatt, dan it-Trattat jipprovdi, skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tiegħu, eċċezzjoni ta’ omonimija awtomatika, mingħajr ma trid tittieħed l-ebda deċiżjoni f’dan ir-rigward. Dan kien ikkonfermat, barra minn hekk, mill-Kunsill ta’ l-Istat tal-canton ta’ Vaud f’opinjoni tat-22 ta’ Diċembru 2003.

164

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, anke jekk jiġi meqjus li t-Trattat Franko-Żvizzeru għandu jiġi interpretat fis-sens li jallegaw ir-rikorrenti, l-argument ta’ dawn ta’ l-aħħar jista’ jiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors biss taħt il-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat li jirrigwardaw l-eċċezzjoni ta’ omonimija ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi jkunu jistgħu jiġu applikati minkejja l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2392/89 u tar-Regolament Nru 753/2002.

165

Issa, għandu jiġi mfakkar li skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 307, tat-Trattat KE, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjonijiet konklużi qabel id-dħul fis-seħħ Trattat KE, bejn Stat Membru jew Stati Membri, minn naħa, u Stat terz jew Stati terzi min-naħa l-oħra, mhumiex affettwati mid-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Trattat.

166

Skond ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tippreċiża, skond il-prinċipji tad-dritt nazzjoanli, li l-applikazzjoni tat-Trattat ma taffettwax l-impenn ta’ l-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet tal-pajjiżi terzi li jirriżultaw minn konvenzjoni li saret qabel, u li josserva l-obbligi korrispondenti tiegħu. Konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk regola Komunitarja tista’ tiġi mfixkla minn konvenzjoni internazzjonali li saret qabel, għandu jiġi eżaminat jekk din timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat obbligi li t-twettiq tagħhom jistgħa jibqa meħtieġa mill-pajjiżi terzi li huma parti tal-konvenzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Marzu 1998, T. Port, C-364/95 u C-365/95, Ġabra p. I-1023, punt 60; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Banatrading vs Il-Kunsill, T-3/99, Ġabra p. II-2123, punt 70).

167

Għaldaqstant, jekk regola Komunitarja tista’ tiġi mfixkla minn konvenzjoni internazzjonali huwa taħt il-kundizzjoni doppja li din kienet konvenzjoni konkluża qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE u li l-pajjiż terz ikkonċernat li għandu drittijiet li jista’ jeżiġi r-rispett tagħhom mill-Istat Membru kkonċernat (sentenzi T. Port, punt 166 iktar ’il fuq, punt 61, u Banatrading vs Il-Kunsill, punt 166 iktar ’il fuq, punt 71).

168

Issa, fil-kawża preżenti, it-Trattat Franko-Żvizzeru li fuqu jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti kien ġie konkluż fl-1974, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Franko-Żvizzeru ma jistgħux jiġu invokati utilment mir-rikorrenti sabiex jostakolaw l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2392/89 u tar-Regolament Nru 753/2002. L-argument għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

169

F’kull każ, għandu jiġi osservat li skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2, tat-Trattat Franko-Żvizzeru, “id-denominazzjonijiet li jidhru fl-Anness A tat-Trattat preżenti, sakemm il-paragrafi 2 sa 4 ma jipprovdux mod ieħor, huma esklużivament riżervati, fit-territorju tal-Konfederazzjoni Żvizzera, għall-prodotti jew merkanzija Franċiża u ma jistgħux jintużaw ħlief taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tar-Repubblika Franċiża”.

170

L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3, ta’ dan it-Trattat jipprovdi b’mod reċiproku li “id-denominazzjonijiet li jidhru fl-Anness B tat-Trattat preżenti, sakemm il-paragrafi 2 sa 4 ma jipprovdux mod ieħor, huma esklużivament riżervati, fit-territorju tar-Repubblika Franċiża, għall-prodotti jew merkanzija Żvizzera u ma jistgħux jintużaw ħlief taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Żvizzera”.

171

Issa, filwaqt li d-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata Franċiż “champagne” tidher fl-Anness A, l-Anness B ma jsemmi l-ebda denominazzjoni komunali ta’ Vaud ta’ l-istess isem.

172

Għalhekk, skond dawn id-dispożizzjonijiet, minn naħa, id-denominazzjoni “champagne” hija esklużivament irriżervata, fit-territorju ta’ l-Iżvizzera, għall-prodotti Franċiżi, bla ħsara għat-tieni u r-raba’ paragrafi ta’ l-Artikolu 2, u min-naħa l-oħra, id-denominazzjoni komunali ta’ Vaud “champagne” ma tibbenefika minn l-ebda protezzjoni fit-territorju ta’ Franza.

173

Isegwi li, anke jekk l-inbid prodott fil-Komun ta’ Vaud ta’ Champagne jista’ jibbenifika mit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tat-Trattat Franko-Żvizzeru, li jipprovdi li “[j]ekk waħda mid-denominazzjonijiet protetti skond l-ewwel paragrafu tikkorrispondi għal isem ta’ reġjun jew post li jinsab barra t-territorju tar-Repubblika Franċiża, l-ewwel paragrafu ma jeskludix li d-denominazzjoni tintuża għal prodotti jew merkanzija manifatturati f’dan ir-reġjun jew f’dan il-post”, din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi sempliċiment eċċezzjoni għall-protezzjoni esklużiva li tibbenifika minnha d-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata Franċiż “champagne” fit-territorju ta’ l-Iżvizzera skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2, u ta’ l-Anness A ta’ dan it-Trattat. Madankollu, din l-eċċezzjoni ta’ omonimija m’għandiex bħala effett li tawtorizza, fit-territorju ta’ Franza, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ l-inbid prodott fil-Komun ta’ Vaud ta’ Champagne taħt id-denominazzjoni ta’ “champagne”, ħaġa li hija permessa biss għal prodott elenkat fl-Anness B.

174

Barra minn hekk, mill-korrispondenza bejn il-Kap tad-Dipartiment ta’ l-Istituzzjonijiet u tar-Relazzjonijiet Esterni tal-canton ta’ Vaud u l-muniċipalità tal-komun ta’ Champagne ppreżentata mir-rikorrenti stess, u b’mod partikolari mill-ittra ta’ M. C. R. tat-8 ta’ Settembru 1998, jirriżulta li waqt in-negozjati tal-Ftehim, din l-interpretazzjoni tat-Trattat Franko-Żvizzeru kienet mhux biss dik tar-Repubblika Franċiża, iżda wkoll dik tal-Konfederazzjoni Żvizzera, li staqsiet dwar ir-raġunijiet ta’ omissjoni tad-denominazzjoni ta’ Vaud “champagne” fil-listi u l-protokolls tat-Trattat Franko-Żvizzeru.

175

Isegwi li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li t-Trattat Franko-Żvizzeru jawtorizzahom jikkumerċjalizzaw, fit-territorju ta’ Franza, inbejjed prodotti fil-komun ta’ Champagne taħt id-denominazzjoni “champagne” mhijiex fondata.

176

Barra minn hekk, huwa sinjifikattiv li jiġi osservat li, kif ġie espost iktar ’il fuq, wara li ġew mistiedna mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jistabilixxu bi provi l-affermazzjoni li tgħid li huma kienu jesportaw madwar 1 000 flixkun fis-sena li kellhom id-denominazzjoni “champagne”, ir-rikorrenti mhux biss ma ressqu l-ebda prova, bħal xi fatturi li juru li kienu biegħu l-prodotti tagħhom taħt din id-denominazzjoni fi Franza, iżda, barra minn jekk, affermaw li l-parti l-kbira ta’ l-esportazzjonijiet tagħhom kienu lejn il-Belġju taħt id-denominazzjoni “arquebuse”.

177

Fir-rigward ta’ l-ittra mibgħuta minn uffiċju ta’ avukat lill-Cave des viticulteurs de Bonvillars, ippreżentata mir-rikorrenti, barra mill-fatt li hija nieqsa minn rilevanza fir-rigward ta’ l-analiżi tas-sitwazzjoni legali tagħhom, din ma tistax, f’kull każ tiġi interpretata bħala li turi li l-produtturi tax-xampanja ma kinux ikkontestaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ l-inbid tar-rikorrenti taħt id-denominazzjoni “champagne”. Fil-fatt, iktar jirriżulta li wara li adottaw pożizzjoni stretta ħafna li kienet tikkonsisti f’theddida proċeduri ġudizzjarji fil-konfront ta’ la Cave de Bonvillars, il-Comité interprofessionnel du vin de Champagne indika li ma kellux bħala għan li jostakola “il-produzzjoni ta’ prodotti mill-komun ta’ Champagne iżda biss li jevita kull konfużjoni inutli, fuq kollox fir-rigward tal-futur”, filwaqt li ppropona wkoll laqgħa “sabiex tiġi kkjarifikata s-sitwazzjoni fil-futur”. Fin-nuqqas ta’ kull preċiżazzjoni oħra minn naħa tar-rikorrenti, u dan minkejja mistoqsija bil-miktub f’dan is-sens li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet lil dawn ta’ l-aħħar, b’mod partikolari dwar il-kontenut jew riżultat ta’ din il-laqgħa, ma jistax jiġi dedott li l-Comité interprofessionnel du vin de Champagne ma kkontestax l-użu, fit-territorju ta’ Franza, tad-denominazzjoni “champagne” għad-deskrizzjoni ta’ l-inbejjed esportati mir-rikorrenti.

178

Minn dak kollu li ntqal aktar ’il fuq jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim ma jbiddlux b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti u għalhekk it-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

179

Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, mid-deċiżjoni kkontestatat.

180

Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim, li d-deċiżjoni kkontestata tapprova, għandhom bħala effett, skond l-Artikolu 5(2) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim, li jirriżervaw, b’mod esklużiv, id-denominazzjoni protetta “champagne” għall-prodotti li joriġinaw mill-Komunità taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-leġiżlazzjoni Komunitarja. Barra minn hekk, skond dak li ġie espost fil-punti 41 sa 49 iktar ’il fuq, peress li d-denominazzjoni “champagne” mhijiex inkluża fost id-denominazzjonijiet Żvizzeri protetti fis-sens tal-Ftehim li jidhru fl-appendiċi 2 ta’ dan ta’ l-aħħar, l-eċċezzjoni ta’ omonimija previst fl-Artikolu 5(4)(a) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim mhijix intiża li tapplika fir-rigward tad-denominazzjoni Franċiża “champagne”, li hija msemmija, bħala inbid ta’ kwalità psr li joriġina minn Franza, fost id-denominazzjonijiet Komunitarji protetti fis-sens tal-Ftehim.

181

Isegwi li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim għandhom bħala effett li jipprojbixxu kull użu tad-denominazzjoni “champagne” għall-inbejjed li ma joriġinawx mill-Komunità, b’mod partikolari ta’ Franza, u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja sabiex jibbenifikaw mid-denominazzjoni ta’ inbid ta’ kwalità psr “champagne”. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim jikkonċernaw, bl-istess mod, kull persuna- preżenti u futur — li tipproduċi jew tikkumerċjalizza l-prodotti ta’ l-inbid li ma jistgħux jibbenifikaw mid-denominazzjoni ta’ inbid ta’ kwalità psr “champagne”, minħabba li, b’mod partikolari, ma joriġinawx mir-reġjun Franċiża ta’ Champagne, u fost dawn, il-produtturi kollha ta’ prodotti ta’ l-inbid li joriġinaw mill-Iżvizzera. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim jikkostitwixxu għalhekk miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod astratt (ara, f’dan is-sens, id-Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Arla Foods et vs Il-Kummissjoni, T-397/02, Ġabra p. II-5365, punti 52 u 53, u l-ġurisprudenza ċċitata).

182

Madankollu, mhuwiex eskluż li dispożizzjoni li għandha, minħabba n-natura u l-portata tagħha, karattru ta’ att ta’ portata ġenerali, tista’ tikkonċerna individwalment persuna fiżika jew morali. Dan huwa l-każ fejn l-att in kwistjoni jikkawżalha dannu minħabba kwalitajiet li huma partikolari għalija jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li jikkaratterizzawha fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt jindividwalizzaha b’mod analogu ma’ destinatarju ta’ deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorníu vs Il-Kunsill, C-309/89, Ġabra p. I-1853, punti 19 u 20; Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2004, Alpenhain-Camembert-Werk et vs Il-Kummissjoni, T-370/02, Ġabra p. II-2097, punt 56).

183

Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti jallegaw li sabu ruħhom f’tali sitwazzjoni ta’ fatt, minn naħa, li l-klawżola champagne ġiet inkluża fil-Ftehim bil-għan li tirregola s-sitwazzjoni ta’ ċirkolu speċifiku ta’ produtturi identifikabbli u identifikati fil-mument ta’ l-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, li huma l-uniċi li jiddisponu mid-dritt speċifiku għad-denominazzjoni ta’ oriġini “champagne” skond id-dritt Żvizzeru.

184

Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux iwasslu sabiex jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti huma individwalment ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim.

185

Fil-fatt, minn naħa, kif diġà ġie espost iktar ’il fuq, dawn id-dispożizzjonijiet m’għandhomx bħala l-uniku għan tagħhom li jirregolaw is-sitwazzjoni partikolari tal-produtturi ta’ l-inbid prodott fil-Komun ta’ Vaud ta’ Champagne, iżda huma intiżi, b’mod ġenerali, sabiex jigarantixxu l-użu esklussiv tad-denominazzjoni “champagne” għall-inbejjed li joriġinaw minn Franza li jibbenifikaw minn din id-denominazzjoni skond id-dritt Komunitarju. Huwa biss l-Artikolu 5(8) ta’ l-Anness 7 tal-Ftehim li jevoka s-sitwazzjoni partikolari ta’ “ċerti inbejjed li joriġinaw mill-canton Żvizzeru ta’ Vaud”, u jagħti deroga tranżitorja li tippermetti l-użu tal-kelma “champagne” għad-deskrizzjoni tagħhom u taħt il-kundizzjonijiet previsti. Issa, is-sempliċi fatt li din id-dispożizzjoni tipprovdi sistema tranżitorja iktar favorevoli għall-“ċerti inbejjed li joriġinaw mill-canton ta’ Vaud” mhuwiex, fih innifsu, ta’ natura li jaffettwa l-konklużjoni li tgħid li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim jassiguraw l-esklussività tad-denominazzjoni “champagne” tikkostitwixxi miżura ta’ natura ġenerali li ma tirrigwardax individwalment lir-rikorrenti.

186

Minn naħa l-oħra, id-dritt tar-rikorrenti li jibbenifikaw mid-denominazzjoni Żvizzeru “champagne” lanqas ma jista’ jagħtihom interess individwali li jikkontestaw id-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim, u dan mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq in-natura u l-kwalifikazzjoni preċiża ta’ din id-denominazzjoni. Fil-fatt, b’mod kuntrarju għad-dritt tat-trade mark li kienet tibbenifika minnu b’mod esklussiv ir-rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza Codorníu vs Il-Kunsill, punt 182 iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kienet enfassizzat f’dan ir-rigward, li hija kienet irreġistrat it-trade mark grafika Gran Cremant de Codorníu fi Spanja fl-1924 u li hija kienet użat tradizzjonalment din it-trade mark kemm qabel kif ukoll wara r-reġistrazzjoni, id-dritt tar-rikorrenti li jużaw id-denominazzjoni “champagne” jirriżulta mil-leġiżlazzjoni Żvizzera li tirrikonoxxi lill-impriża kollha li l-prodotti tagħhom jissodisfaw l-eżiġenzi ġeografiċi u kwalitattivi, id-dritt li jikkumerċjalizzawhom taħt id-denominazzjoni “champagne” u tiċħad dan id-dritt lill-dawk l-impriżi kollha li l-prodotti tagħhom ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet, li huma identiċi għal kull impriża (ara, f’dan is-sens, id-Digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, Molkerei Großbraunshain u Bene Nahrungsmittel vs Il-Kummissjoni, T-109/97, Ġabra p. II-3533, punt 50, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Confédération générale des producteurs de lait de brebis et des industriels de Roquefort vs Il-Kummissjoni, T-381/02, Ġabra p. II-5337, punt 51).

187

Bħad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim, il-leġiżlazzjoni Żvizzera applikabbli, għaldaqstant, ma ttirrigwardax biss lir-rikorrenti, iżda tipproduċi ukoll l-effetti legali tagħha fuq numru indeterminat ta’ produtturi, kemm Żvizzeri u kemm oriġinarji minn pajjiżi terzi li jixtiequ jikkumerċjalizzaw fit-territorju ta’ l-Iżvizzera l-prodotti tagħhom taħt id-denominazzjoni “champagne”, fil-preżent jew fil-futur.

188

Għalhekk, il-fatt sempliċi li r-rikorrenti jibbenifikaw, sa llum mid-dritt tad-denominazzjoni komunali “champagne” għal uħud mill-inbejjed li huma jipproduċu mhuwiex ta’ natura li jwassal għall-konklużjoni li huma kkonċernati individwalment mid-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim, peress li din iċ-ċirkustanza tirriżulta mill-applikazzjoni għal sitwazzjoni determinata oġġettivament ta’ miżura ta’ portata ġenerali, jiġifieri l-leġiżlazzjoni Żvizzera fir-rigward tad-denominazzjoni ta’ oriġini li tipproduċi l-effetti legali tagħha fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri dawk l-impriżi kollha li jipproduċu prodott li jippreżenta karatteristiċi oġġettivament definiti (ara, f’dan is-sens, id-Digriet Molkerei Großbraunshain u Bene Nahrungsmittel vs Il-Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punt 51).

189

Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-opinjoni tal-Kunsill ta’ l-Istat tal-canton ta’ Vaud tat-8 ta’ Jannar 2003, ippreżentata mir-rikorrenti stess, li tgħid li “kull min jipproduċi l-inbid jew l-assoċjazzjonijiet fis-settur ta’ l-inbid li jipproduċu inbid mill-għeneb maħsud mill-għelieqi tal-komun ta’ Champagne għandhom id-dritt għal din id-denominazzjoni. Huwa għalhekk li l-Cave des viticulteurs ta’ Bonvillars tuża, fost oħrajn, id-denominazzjoni ‘champagne’ għall-inbejjed li hija tikkummerċjalizza u li huma prodotti f’dan il-komun. L-ebda produttur minn Vaud ma għandu [id-] dritt li juża dan id-denominazzjoni jekk mhuwiex proprjetarju jew kerrej ta’ għelieqi tad-dwieli fit-territorju tal-komun ta’ Champagne jew jekk ma jikkumerċjalizzax inbid prodott minn għeneb maħsuda minn dan il-komun”.

190

F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-portata ġenerali, u, għaldaqstant, in-natura normativa ta’ att mhumiex ikkontestati mill-possibiltà li jiġi ddeterminat bi ftit jew wisq preċiżjoni n-numru jew anke identità tas-suġġetti ta’ dritt li għalihom din tapplika f’mument partikolari, sakemm huwa stabbilit li din l-applikazzjoni tiġi effettwata abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att in relazzjoni ma’ l-iskop ta’ din ta’ l-aħħar (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Mejju 2001, Sadam Zuccherifici et vs Il-Kunsill, C-41/99 P, Ġabra p. I-4239, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 2000, Molkerei Großbraunshain u Bene Nahrungsmittel vs Il-Kummissjoni, C-447/98 P, Ġabra p. I-9097, punt 64).

191

Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li r-rikorrenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet kkontestati tal-Ftehim, b’tali mod li r-rikors tagħhom għandu wkoll jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba dan.

192

L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ma jistax ibiddel din il-konklużjoni peress li l-Qorti tal-Ġustizzja stabilixxiet b’mod ċar, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ l-interess individwali meħtieġa mir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE li, anke jekk huwa veru li din ta’ l-aħħar għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jekk jitqiesu d-diversi ċirkustanzi li huma ta’ natura li jindividwalizzaw rikorrenti, tali interpratazzjoni ma tistax twassal sabiex tiġi eskluża l-kundizzjoni in kwistjoni, li kienet espressament prevista mit-Trattat, mingħajr ma jkun hemm abbuż tal-kompetenzi mogħtija minnu lill-qrati Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 44).

2. Fuq it-talbiet għal kumpens

L-argumenti tal-partijiet

193

Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ksur tad-dritt għall-proprjetà, tad-dritt ta’ l-eżerċizzju liberu ta’ attività professjonali kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ natura li tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

194

Dan il-ksur jikkawżalhom dannu li jirriżulta, minn naħa, mill-ispejjeż li kellhom jbatu sabiex jidħlu fis-suq ta’ l-inbid taħt denominazzjoni li ma kinitx id-denominazzjoni “champagne”, u, min-naħa l-oħra, ta’ lucrum cessans minħabba t-tnaqqis prevedibbli ta’ CHF 4 fil-prezz ta’ kull flixkun li huma jipproduċu jekk il-150000 flixkun minjugħ attwalment fis-sena taħt id-denominazzjoni “champagne” jiġi miċħud minn din id-denominazzjoni. Madankollu, ir-rikorrenti jirriseraw il-possibbiltà li jippreżentaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza b’ċifri iktar speċifiċi meta l-ewwel effetti tad-deċiżjoni kkontestata jibdew jimmanifestaw ruħhom fil-konfront tagħhom.

195

Ir-rabta kawżali bejn l-aġir li għalih qegħdin jiġu kkritikti l-istituzzjonijiet u d-dannu subit jinsab fil-fatt li r-Repubblika Franċiża kienet wasslet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jinnegozjaw id-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim. Issa, mingħajr pressjoni min-naħa ta’ dan l-Istat Membru, il-Konfederazzjoni Żvizzera ma kienet qatt tagħti l-kunsens tagħha għal dawn id-dispożizzjonijiet, iżda kienet madankollu mġielgħa tagħmel dan sabiex tikseb il-firma tas-sebgħa Ftehim bilaterali.

196

Peress li l-awtoritajiet Żvizzeri kienu obbligati li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jimplementaw id-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim, id-dannu għandu jiġi attribwit lill-Komunità, b’mod analogu kif diġà ġie deċiż fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Jannar 2002, Biret International vs Il-Kunsill (T-174/00, Ġabra p. II-17, punti 33 u 34).

197

F’dan ir-rigward, ikun irrelevanti li, minħabba l-kwalità tagħha ta’ parti tal-Ftehim, il-Konfederazzjoni Żvizzera hija responsabbli wkoll għad-dannu, peress li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-kumpens għal dannu tar-rikorrenti huma sodisfatti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1959, Feram vs Haute Autorité, 23/59, Ġabra p. 501).

198

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-ebda mill-kundizzjonijiet sabiex il-Komunità tinżamm responsabbli ma huma sodisfatti fil-kawża preżenti. Huma jsostnu b’mod partikolari li, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tipproduċix effetti legali fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, ir-rabta kawżali bejn id-dannu allegatament subit u l-allegata illegalità tad-deċiżjoni kkontestata huwa nieqes. Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata ma toħloq l-ebda obbligu ġdid fil-konfront tar-rikorrenti fit-territorju Komunitarju, u min-naħa l-oħra, id-dannu eventwali li r-rikorrenti jistgħu jiġu suġġetti għalih fit-territorju ta’ l-Iżvizzera jirriżulta minn azzjoni ta’ l-awtoritajiet Żvizzeri kemm meta jiddikjaraw il-Ftehim applikabbli fit-territorju tagħhom u kemm meta japprovaw il-leġiżlazzjoni li timplementa l-impenji li huma taw il-kunsens għalihom skond il-Ftehim, li ħalla f’idejhom l-għażla tal-modalitajiet f’dan ir-rigward.

199

Il-Kummissjoni żżid li l-eventwali pressjoni tar-Repubblika Franċiża fid-dawl ta’ l-inklużjoni tal-klawżola champagne hija irrilevanti. In-negozjati huma biss atti preparatorji u ma jistgħux ikunu l-kawża ta’ dannu, peress li hija biss miżura leġiżlattiva li tirriżulta minnhom li tista’ tkun is-suġġett ta’ dritt għal kumpens. Peress li l-Konfederazzjoni Żvizzera kienet irratifikat il-Ftehim bħala Stat sovran, ir-rikorrenti li jikkunsidraw ruħhom danneġġati mill-imsemmi Ftehim ikollhom jindirizzaw ruħhom lill-awtoritajiet Żvizzeri.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

200

Skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex ikun hemm responsabbiltà mhux kuntrattwali min-naħa tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, iridu jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità ta’ l-aġir allegat fil-konfront ta’ l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ nass ta’ kawżalità bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II-729, punt 44; tas-16 ta’ Ottubru 1996, Efisol vs Il-Kummissjoni, T-336/94, Ġabra p. II-1343, punt 30, u tal-11 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T-267/94, Ġabra p. II-1239, punt 20). Għaldaqstant, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisafatta, ir-rikors għal kumpens għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra li jagħtu lok għall-imsemmija responsabbilità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-146/91, Ġabra p. I-4199, punt 19, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-170/00, Ġabra p. II-515, punt 37).

201

Fil-kawża preżenti, it-talbiet għal kumpens għandhom l-ewwel nett jiġu eżaminati fid-dawl tat-tielet minn dawn il-kundizzjonijiet li tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, il-ġurisprudenza teħtieġ li d-dannu invokat ikun ir-riżultat dirett ta’ l-aġir allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier frères et vs Il-Kunsill, 64/76 u 113/76, 167/78 u 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1995, Blackspur et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-168/94, Ġabra p. II-2627, punt 49, u tad-29 ta’ Ottubru 1998, TEAM vs Il-Kummissjoni, T-13/96, Ġabra p. II-4073, punt 74).

202

Ir-rikorrenti jikkunsidraw li d-dannu, li jikkonsisti fl-ispejjeż li huma ser ikollom jagħmlu sabiex jidħlu fis-suq ta’ l-inbid taħt denominazzjoni oħra li mhijiex id-denominazzjoni “champagne” u fil-lucrum cessans minħabba t-tnaqqis prevedibili tal-prezz tal-prodott tagħhom meta dan jiġi mċaħħad minn din id-denominazzjoni, jirriżulta b’mod dirett mill-adozzjoni, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, tad-deċiżjoni kkontestata, li tapprova d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim.

203

B’mod analogu għal dawk li ġie espost fil-kuntest tal-konklużjonijiet għal annullament, għandha tiġi eżaminata suċċessivament is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fit-territorju Komunitarju u fit-territorju ta’ l-Iżvizzera.

204

Fit-territorju Komunitarju, mill-punti 130 sa 139 iktar ’il fuq jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim ma kellhomx impatt fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, li kienu diġà pprojbiti, meta daħal fis-seħħ il-Ftehim, milli jikkumerċjalizzaw il-prodott tagħhom taħt id-denominazzjoni “champagne” skond ir-Regolament Nru 2392/89. Skond dak li ġie espost fil-punti 140 sa 150 iktar ’il fuq, din l-impossibbiltà tirriżulta wkoll mir-Regolament Nru 753/2002, li sar applikabbli b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2003.

205

Isegwi li, fit-territorju Komunitarju, id-deċiżjoni kkontestata ma tistgħax tkun l-oriġini tad-dannu li r-rikorrenti jallegaw li ġew suġġetti għalih, peress li dan, kif identifikat mir-rikorrenti, kien diġà jirriżulta mil-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward għandu jiġi osservat ukoll li, fl-okkażjoni tal-bejgħ tal-prodotti tagħhom taħt id-denominazzjoni “arquebuse” fil-Belġju, ir-rikorrenti diġà kellhom jistabilixxu ruħhom fis-suq Komunitarju billi jagħmlu użu minn denominazzjoni differenti, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

206

Fit-territorju ta’ l-Iżvizzera, mill-punt 91 iktar ’il fuq jirriżulta li l-uniku sors ta’ l-effetti allegatament dannużi li l-Ftehim jipproduċi fil-konfront tar-rikorrenti jinsab fiċ-ċirkustanza li, billi ddeċidiet b’mod sovran li tiffirma u tirratifika l-imsemmi Ftehim, il-Konfederazzjoni Żvizzera tat il-kunsens tagħha sabiex tintrabat minnu u impenjat ruħha, skond l-Artikolu 14 ta’ l-imsemmi Ftehim, li tieħu l-misuri appropriati sabiex tassigura t-twettiq ta’ l-obbligi li jirriżultaw minnu, fosthom dawn li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim.

207

Isegwi li d-dannu eventwali li r-rikorrenti jistgħu jiġu suġġetti għalih fit-territorju ta’ l-Iżvizzera, minħabba miżuri meħuda mill-awtoritajiet Żvizzeri fl-eżekuzzjoni tal-Ftehim ma jistax jiġi kkunsidrat bħala responsabbiltà tal-Komunità, u għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ l-azzjoni intiża għal kumpens ta’ dannu.

208

Għalkemm huwa minnu li, meta l-Konfederazzjoni Żvizzera rratifikat u ffirmat il-Ftehim, hija intrabtet, skond id-dritt nazzjonali, li tassigura l-eżekuzzjoni sħiħa tiegħu, li fil-kuntest tagħha hija m’għandhiex setgħa ta’ diskrezzjoni, madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-obbligu jirriżulta, l-ewwel nett, mill-espressjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ta’ għażla sovrana fit-tmexxija tan-negozjati li wasslu għall-konklużjoni tal-Ftehim u, it-tieni nett, mir-relazzjonijiet esterni tagħha.

209

L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Konfederazzjoni Żvizzera, finalment, ma kellhiex għażla oħra ħlief li taċċetta d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim minħabba r-riskju li tfalli l-konklużjoni tas-sebgħa-il Ftehim settorjali, ma jistax għaldaqstant iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li d-dannu allegat jista’ jiġi attribwit lill-Komunità. Fil-fatt, anke jekk jitqies li dan l-argument huwa bbażat fuq realtà stabbilita, għandu jiġi osservat li l-aċċettazzjoni min-naħa tal-Konfederazzjoni Żvizzera ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet taqgħa fil-kuntest ta’ negozjati bbażati fuq konċessjonijiet u vataġġi reċiproċi, li wara t-tmiem tagħhom dan l-Istat setgħa jiddeċiedi liberament u sovranament li jirrinunċja għad-difiża tad-denominazzjoni komunali “champagne”, fid-dawl ta’ interess ġenerali li huwa kellu li jikseb il-konklużjoni kemm tal-Ftehim u kif ukoll tas-sebgħa-il Ftehim settorjali.

210

Din iċ-ċirkustanza hija barra minn hekk imsaħħa mill-ittra li l-Kap tad-Dipartiment Federali ta’ l-Affarijiet Barranin bagħat, fl-24 ta’ Marzu 1999, lill-assoċjazzjoni ta’ kultivaturi-produtturi ta’ l-inbid, li fiha enfassizza dan li ġej:

“Skond l-interpretazzjoni tagħhkom, l-agrikoltura ‘se tbati l-ispejjeż tal-Ftehim ħżiena’ konklużi ma’ l-U[njoni Ewropea] għall-vantaġġ tas-setturi l-oħra ta’ l-ekonomija tagħhna. Il-Kunsill Federali ma jaqbilx ma’ din l-analiżi, peress li l-eżami ddettaljat tal-Ftehim li seħħ fis-26 ta’ Frar 1999 wera li l-Ftehim konkluż fis-settur agrikolu huwa, fih innifsu, bilanċjat u se joffri opportunitajiet ta’ esportazzjoni interessanti għall-agrikoltura Żvizzera fis-suq ta’ iktar minn 370-il miljun ta’ konsumaturi li tirrapreżenta l-U[njoni Ewropea].”

211

Il-kwistjoni ta’ jekk il-pożizzjoni tal-Komunità fil-kuntest tan-negozjati tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-Ftehim toriġinax mir-rieda tar-Repubblika Franċiża li tipproteġi d-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata Franċiża “champagne” hija kompletament irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, huwa legalment irrilevanti li jsir magħruf x’pożizzjoni setgħa kellha r-Repubblika Franċiża waqt in-negozjati tal-Ftehim peress li kienu hadu sehem fihom biss il-Komunità u l-Konfederazzjoni Żvizzera.

212

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, peress li d-dannu allegatament subit fit-territorju ta’ l-Iżvizzera huwa, b’mod definittiv, attribwibbli lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat, huma l-qrati kompetenti Żvizzeri li għandhom jiddeċiedu fuq id-dritt eventwali għall-kumpens tad-dannu li l-imsemmija awtoritajiet jkunu kkawżawlhom.

213

Għalhekk, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajjma mill-Kunsill u mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C-23/00 P, Ġabra p. I-1873, punt 52, u tat-23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il-Kummissjoni, C-233/02, Ġabra p. I-2759, punt 26), dawn it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament mhux fondati fid-dritt, safejn jirrigwardaw id-dannu allegatament subit fit-territorju Komunitarju, u minħabba nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, safejn jirrigwardaw id-dannu allegatament subit fit-territorju ta’ l-Iżvizzera.

214

Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu, mingħajr ma jkun hemm lok li tiġi milqugħa l-ħames talba tar-rikorrenti.

3. Fuq il-motivi ġodda mressqai matul il-kawża

215

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti talbu l-awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex iressqu motivi ġodda abbażi ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli ta’ Proċedura.

216

Huma jivokaw l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/232/KE, ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar il-kummerċ fl-inbid (ĠU 2006, L 87, p. 1), fejn jirriżulta li d-denominazzjonijiet ikkwalifikati f’dan l-Istat bħala semi-ġeneriċi jistgħu jibqaw jidhru fuq it-tikketti tal-prodotti li huma jiddeskrivu taħt il-kundizzjoni li jagħmlu parti ta’ grupp li kien is-suġġett ta’ approvazzjoni. Ir-rikorrenti jallegaw għalhekk li ċerti produtturi ta’ l-inbid mill-Istati Uniti jkunu jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jużaw id-denominazzjoni “champagne” fit-territorju tagħhom. Din iċ-ċirkustanza turi n-natura sproporzjonata u diskriminatorju tad-deċiżjoni kkontestata.

217

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti rrigwardaw esklużivament il-mertu tar-rikors, b’tali mod li la jitgħu jikkontestaw l-inammissibbiltà tar-rikros għal annullament u lanqas l-inkomeptenza parzjali tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors għal-kumpens ta’ dannu allegatament subit fit-territorju ta’ l-Iżvizzera kkonstatati preċedentement. Barra minn hekk, safejn dawn l-argumenti huma intiżi sabiex juru l-eventwali nuqqas imwettaq mill-Komunità fl-oriġini tad-dannu li r-rikorrenti jallegaw li ġew suġġetti għalih fit-territorju Komunitarju, dawn lanqas mhuma ta’ natura tali li jikkontestaw in-nuqqas, ikkonstatat preċedentement, ta’ rabta kawżali, fit-territorju Komunitarju, bejn dan id-dannu u n-nuqqas allegat.

218

Mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fl-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura humiex sodisdfatti fil-kawża preżenti, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq id-Deċiżjoni 2006/232, għandhom, f’kull każ, jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

219

Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, skond it-talbiet ta’ dawn ta’ l-aħħar.

220

Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

tordna:

 

1)

It-talbiet għal annullament huma miċħuda bħala inammissibbli.

 

2)

It-talbiet għal ħlas ta’ kumpens għal dannu huma miċħuda.

 

3)

Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

 

4)

Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Mogħti fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Lulju 2007.

E. Coulon

Reġistratur

M. Jaeger

President

ANNESS

Jacqueline Gonin Péroset-Grandson, residenti f’Champagne (l-Iżvizzera),

De Rahm u Cie SA, stabbilita f’Lausanne (l-Iżvizzera),

Françoise Grin, residenti f’Champagne,

Janine Payot, residenti f’Champagne,

Rose-Marie Richard, residenti f’Morges (l-Iżvizzera),

Yolande Richardet, residenti fi Les Tuileries-de-Grandson (l-Iżvizzera),

Antoinette Schopfer, residenti fi Yverdon-les-Bains (l-Iżvizzera),

Huguette Verraires-Banderet, residenti f’Renens (l-Iżvizzera),

Dominique Dagon, residenti f’Onnens (l-Iżvizzera),

Susy Dagon, residenti f’Champagne,

Élisabeth Giroud, residenti f’Champagne,

Huguette Giroud, residenti f’Champagne,

Serge Gonin Péroset-Grandson, residenti f’Champagne,

Gilbert Guilloud, residenti f’Champagne,

Claude Loup, residenti f’Champagne,

Charles Madörin, residenti f’Champagne,

Claude Madörin, residenti f’Jongny (l-Iżvizzera),

Rudolf Moser-Perrin, residenti f’Payerne (l-Iżvizzera),

Marc Perdrix, residenti f’Champagne,

René Perdrix, residenti f’Giez (l-Iżvizzera),

Éric Schopfer, residenti f’Champagne,

Denis Tharin, residenti f’Champagne,

José Tharin, residenti f’Champagne,

Maxime Tharin, residenti f’Champagne,

Albert Banderet, residenti f’Champagne,

Gilbert Banderet, residenti f’Champagne,

Jean-Pierre Banderet, residenti fi Yverdon-les-Bains,

Emmanuel Borgeaud, residenti f’Champagne,

Paul André Cornu, residenti f’Champagne,

Ronald Dagon, residenti f’Champagne,

Jean-Michel Duvoisin, residenti f’Bonvillars (l-Iżvizzera),

Daniel Forestier, residenti f’Bonvillars,

Michel Forestier, residenti f’Champagne,

Edgar Giroud, residenti f’Torgon (l-Iżvizzera),

Edmond Giroud, residenti f’Champagne,

Georges Giroud, residenti f’Champagne,

Cofigo SA, stabbilita f’Morges,

Jean Vogel, residenti fi Grandvaux (l-Iżvizzera),

Komun ta’ Yverdon (l-Iżvizzera).


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.