Kawża T-34/02 DEP

Le Levant 015 EURL et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż”

Sommarju tad-digriet

1.      Proċedura — Spejjeż — Intaxxar — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Spejjeż imħallsa minn parti terza fil-kawża — Inklużjoni — Kundizzjonijiet

(Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, Artikolu 91)

2.      Proċedura — Spejjeż — Intaxxar — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Spejjeż sostnuti mill-partijiet fil-fażi preċedenti għall-preżentata tar-rikors — Esklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 90 u 91)

3.      Proċedura — Spejjeż — Intaxxar — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91(b))

4.      Proċedura — Spejjeż – Intaxxar — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91(b))

1.      Mill-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma biss, minn naħa, dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet.

Barra minn hekk, l-espressjoni “l-ispejjeż indispensabbli li saru mill-partijiet”, tiddeskrivi l-ispejjeż li rriżultaw mill-proċedura li fiha pparteċipaw il-partijiet. Għaldaqstant, din l-espressjoni ma tiddeskrivix biss l-ispejjeż effettivament sostnuti mill-partijiet. B’hekk, jistgħu jinġabru l-ispejjeż li saru għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u li kienu indispensabbli għal dan il-għan, anki jekk effettivament tħallsu minn parti terza fil-kawża. Kieku dan kien minnu, il-parti kkundannata għall-ispejjeż għandha turi suffiċjentement fil-liġi li l-interessi segwiti mill-parti terza huma distinti minn dawk tal-parti l-oħra fil-kawża prinċipali.

(ara l-punti 25-27)

2.      Anki jekk ġeneralment isir xogħol legali sostanzjali matul il-proċedura li tippreċedi l-fażi ġuridika, bi “proċedura”, l-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jfisser biss il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, bl-esklużjoni tal-fażi li tippreċediha. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 90 tal-istess regoli li jevoka l-“proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali”.

B’hekk, għandha tiġi miċħuda t-talba għall-ispejjeż intiża għar-rimbors tal-ispejjeż li jirrigwardaw il-perijodu ta’ qabel il-fażi ġuridika, u b’mod partikolari qabel l-intervent tal-avukati quddiem il-Kummissjoni, jew dik intiża għall-irkupru mingħand il-Kummissjoni tal-ispejjeż li jirrigwardaw il-perijodu li fih ma ġie adottat l-ebda att ta’ proċedura. Fil-fatt, waqt dan il-perijodu, l-ebda spejjeż ma jistgħu jidhru li huma direttament marbuta mal-interventi tal-avukat quddiem il-Qorti Ġenerali u ma jistgħux, konsegwentement, jitqiesu li huma spejjeż indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura. Bl-istess mod, għandha tiġi miċħuda t-talba intiża għall-irkupru mill-Kummissjoni tal-ispejjeż li jirrigwardaw il-preparazzjoni ta’ rikors quddiem qorti nazzjonali.

(ara l-punti 31-33, 35)

3.      Il-qorti tal-Unjoni ma hijiex kompetenti tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, imma li tiddetermina l-ammont korrispondenti għall-ħlasijiet li jistgħu jinġabru mill-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi fuq it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tistabbilixxi l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konkluż f’dan ir-rigward bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha.

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ta’ natura tariffarja applikabbli, il‑Qorti Ġenerali għandha liberament tevalwa l-informazzjoni tal-kawża, billi tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tal-kontroversja, l-importanza tagħha fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet tikkawża lill-aġenti jew lill-konsulenti li jintervjenu u l-interessi ekonomiċi li l-kwistjoni jkollha għall-partijiet.

(ara l-punti 37, 38)

4.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet ħolqot, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tieħu inkunsiderazzjoni x-xogħol oġġettivament indispensabbli għall-proċedura ġudizzjarja kollha.

Madankollu, meta l-avukati ta’ parti kkonċernata jkunu diġà assistewha fil-kors ta’ proċedimenti jew passi li ppreċedew il-kawża relatati magħha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-avukati jkollhom konoxxenza tal-elementi rilevanti tal-kawża li jkunu tali li jiffaċilitaw ix-xogħol tagħhom u li jnaqqsu l-ħin ta’ preparazzjoni neċessarju għall-proċedura kontenzjuża. Din il-konstatazzjoni tibqa’, bħala prinċipju, l-istess meta n-numru tar-rikorrenti jkun kbir, peress li l-azzjonijiet kollha li għandhom jitwettqu f’dan il-każ ikunu formali u standardizzati, u ma jaffettwawx il-kontenut ġuridiku tal-kawża.

Barra minn hekk, jekk huwa possibbli għall-partijiet li jafdaw id-difiża tagħhom lill-diversi avukati f’daqqa, b’mod li jiġu żgurati s-servizzi tal-avukati b’ikbar esperjenza, għandu madankollu jittieħed prinċipalment inkunsiderazzjoni n-numru globali ta’ sigħat ta’ xogħol li jistgħu jidhru li huma oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura kontenzjuża, indipendentement min-numru ta’ avukati li bejniethom setgħu jitqassmu s-servizzi pprovduti.

(ara l-punti 42-44, 46)







DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

21 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż”

Fil-Kawża T‑34/02 DEP,

Le Levant 015 EURL, stabbilita f’Pariġi (Franza)

Le Levant 271 EURL, stabbilita f’Pariġi,

A, stabbilita f’Pariġi,

B, residenti f’Versailles (Franza), u l-255 rikorrenti oħra li isimhom jidher fl-anness,

irrappreżentati minn P. Kirch, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky, bħala aġent,

konvenuta,

li għandu bħal suġġett talba għall-intaxxar tal-ispejjeż wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni (T‑34/02, Ġabra p. II‑267),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, O. Czúcz u I. Labucka (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1        Fid-9 ta’ Diċembru 1996, A stabbilixxiet il-kopropjetarja tal-bastiment tal-kruċiera LeLevant, diviża f’740 parti ta’ kopropjetà, jew “ishma”.. Waqt is-sena 1997, xi persuni fiżiċi ħolqu, kull waħda minnhom, impriża b’azzjonist uniku b’responsabbiltà limitata (jew “EURL”), li lilhom inbiegħu l-ishma minn A permezz ta’ sejħa għal investiment lill-pubbliku.

2        L-investituri kellhom interess iwettqu din it-tranżazzjoni minħabba l-possibbiltà li ngħatatilhom sabiex inaqqsu mid-dħul taxxabbli tagħhom il-prezz tal-ispiża tal-investiment imwettaq u l-ispiża marbuta mal-akkwist (interessi finanzjarji) u maż-żamma tiegħu (deprezzament), kif ukoll l-eventwali telf li jirriżulta mill-użu tiegħu.

3        Fil-25 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat id-Deċiżjoni 2001/882/KE, li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza taħt forma ta’ għajnuna għall-iżvilupp għall-bastiment tal-kruċiera Le Levant, mibni minn Alstom Leroux Naval u intiż sabiex jintuża f’Saint-Pierre-et-Miquelon (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Ufficiali tal-Komunitajiet Ewropej fit-12 ta’ Diċembru 2001 (ĠU L 327, p. 37).

4        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li eżaminat l-għajnuna inkwistjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/684/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1990, dwar l-għajnuna għall-bini tal-bastimenti (ĠU L 380, p. 27), “peress li [kienet] tirrigwarda għajnuna marbuta mal-bini tal-bastimenti li [kienet] ingħatat bħala għajnuna għall-iżvilupp fl-1996, fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna [liġi Franċiża tal-11 ta’ Lulju 1986, (liġi 86-824 li tistabbilixxi liġi finanzjarja ta’ rettifika għall-1986, JORF tat-12 ta’ Lulju 1986, p. 8688), imsemmija “liġi PONS-] awtorizzata fl-1992”, (premessa 16).

5        Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll fid-deċiżjoni kkontestata li, waqt dan l-eżami, hija kienet ikkunsidrat li l-operazzjoni inkwistjoni ma kienx fiha kontenut ġenwin għall-“iżvilupp”, fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑400/92, Ġabra p. I-4701), fid-dawl tal-insuffiċjenza ta’ benefiċċju ekonomiku u soċjali kkonstatat għal Saint-Pierre-et-Miquelon (Franza) (premessi 20, 22 sa 33).

6        Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fl-aħħar iddikjarat l-għajnuna għall-iżvilup għall-bastiment tal-kruċiera Le Levant inkompatibbli mas-suq komuni.

7        Fl-20 ta’ Frar 2002, EURL Le Levant 001 kif ukoll EURL oħrajn u xi persuni fiżiċi ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

8        Fuq talba tal-Kummissjoni, il-kawza prinċipali ġiet sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ttemm il-kawża Franza vs Il-Kummissjoni, C‑394/01. L-imsemmija sentenza ngħatat fit-3 ta’ Ottubru 2002. Wara s-seduta tas-27 ta’ Settembru 2005, id-deċiżjoni kkontestata ġiet annullata permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni (T-34/02, Ġabra p. II-267). Barra minn hekk, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkundannat lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, inklużi dawk sostnuti fil-proċeduri għal miżuri provviżorji.

9        Wara skambju ta’ ittri bejn, minn naħa, il-Kummissjoni u A u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-avukat tar-rikorrenti, il-Kummissjoni informat, b’ittra tad-29 ta’ Novembru 2007, lill-avukat tar-rikorrenti bir-rifjut tagħha li tħallas is-somma ta’ EUR 509 561.71, mitluba abbażi ta’ spejjeż u onorarji sostnuti fid-difiża tal-interessi tagħhom fil-kawża prinċipali minħabba l-fatt li A, li ġiet kkundannata għall-ispejjeż kollha, ma kinitx parti fil-kawża prinċipali.

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrenti ppreżentaw, skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż. Huma qed jistiednu lill-Qorti Ġenerali tiffissa, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-ispejjeż li jistgħu jinġabru għall-ammont ta’ EUR 509 561.71, u li żżid l-interessi ma’ dan l-ammont.

11      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba. Hija talbet lill-Qorti Ġenerali tiċħad bħala inammissibbli din it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż sa fejn tirrigwarda lil A u tiffissa l-ammont totali tal-ispejjeż li għandhom jitħallsu lura lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-ammont ta’ EUR 0.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti jqisu li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, li tgħid li peress li A ma kinitx parti fil-kawża prinċipali hija ma tistax titlob il-ħlas tal-ispejjeż, għandha tiġi miċħuda.

13      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li s-somma ta’ EUR 509 561.71, flimkien mal-interessi, li tagħha qed jintalab il-ħlas, tikkorrispondi għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Awwissu 2001, id-data li fiha d-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkomunikata lilhom u meta bdew jippreparaw ir-rikors għal annullament, u s-27 ta’ Settembru 2005, id-data tal-aħħar seduta quddiem il-Qorti Ġenerali. Tali somma tintegra l-ispejjeż tal-proċeduri għal miżuri provviżorji u t-taxxa fuq il-valur miżjud li ma tistax tinġabar.

14      Ir-rikorrenti tippreċiża li “[s]kont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-onorarji u l-ispejjeż huma limitati għal dawk tal-uffiċċju M, uffiċċju inkarigat mir-rikorrenti sabiex jaġixxi quddiem il-Qorti Ġenerali, bl-esklużjoni ta’ kull avukat ieħor, inkluż C.-N., tal-uffiċċju AO”.

15      Qabel kollox, il-Kummissjoni tqis li t-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż imressqa minn A hija inammissibbli. Il-kwistjoni tal-ispejjeż hija anċillari fir-rigward tal-kawża prinċipali, u mill-kliem stess tal-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li huma biss il-partijiet fil-kawża prinċipali li jistgħu jitolbu l-ħlas tal-ispejjeż u li l-ispejjeż sostnuti mill-partijiet jistgħu jitħallsu biss lill-partijiet fil-kawża prinċipali.

16      Fir-rigward tal-argument ta’ A li hija kienet rikorrenti fil-kawża prinċipali permezz tal-kwalità tagħha ta’ assoċjat uniku ta’ EURL Le Levant 132, il-Kummissjoni tfakkar li EURL hija “forma speċjali” ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata maħluqa mil-Liġi 85-697 tal-11 ta’ Lulju 1985, li għandha bħala għan li tillimita r-riskji għal persuna li taġixxi waħedha. Barra minn hekk, EURL hija persuna ġuridika li għandha awtonomija ġuridika sħiħa.

17      Il-Kummissjoni tosserva li, għalkemm 259 persuna fiżika kienu rikorrenti fil-kawża prinċipali, dan kien f’isimhom stess. Hija ssostni li din il-kwalità ta’ rikorrenti ma tirriżultax mill-fatt li dawn il-persuni kienu l-assoċjati uniċi ta’ EURL li kienet kisbet sehem tal-bastiment tal-kruċiera Le Levant, li kien ukoll rikorrent, iżda mir-rieda espressa ta’ kull waħda mill-persuni msemmija. Madankollu, A ma mmanifestat bl-ebda mod ir-rieda tagħha li tikseb f’isimha stess il-kwalità ta’ rikorrenti f’din il-kawża, qabel ma ġiet diskussa l-kwistjoni tal-ispejjeż. L-awtonomija tal-persuni ġuridiċi preżenti ma tippermettix li l-kwalità ta’ rikorrenti fil-kawża prinċipali tiġi estiża lil A, sempliċement minħabba l-kwalità tagħha ta’ assoċjat uniku tal-EURL Le Levant 132.

18      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li A kienet l-uniku membru tal-“komunità ta’ persuni interessati” kontra d-deċiżjoni kkontestata, li kienet f’pożizzjoni tlesti l-proċedura, il-Kummissjoni tirrispondi li minkejja li huwa minnu li att kollettiv u l-għażla ta’ konvenut identiku jħaffef b’mod kunsiderevoli l-kompitu, id-diffikultajiet kollha invokati mir-rikorrenti setgħu jiġu riżolti minn A stess. Fil-fatt, A setgħet sempliċiment tgħaqqad flimkien l-investituri privati billi żżomm l-anonimat tagħhom. Hija setgħet ukoll tikkomunikalhom l-informazzjoni neċessarja dwar l-operazzjoni inkwistjoni u tagħti lill-investituri l-fondi neċessarji għad-difiża tagħhom.

19      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-EURL li kisbu sehem tal-bastiment tal-kruċiera Le Levant għandhom personalità ġuridika, u jistgħu, abbażi ta’ dan, jidħlu fi proċeduri legali, ħaġa li, barra minn hekk, huma għamlu. Bl-istess mod, il-persuni fiżiċi assoċjati setgħu jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, u, barra minn hekk, xi wħud minnhom għamlu hekk.

20      Il-Kummissjoni tafferma li A kienet perfettament konxja, mill-bidu nett, tar-riskji li l-operazzjoni inkwistjoni kienet tippreżenta fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat, iżda li din xorta waħda għamlet sejħa għal “investituri privati” sabiex isiru koproprjetarji operaturi tal-bastiment. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, A kellha għaldaqstant interessi speċifiċi, distinti minn dawk tal-investituri rikorrenti, marbuta mal-impenji li daħlet fihom ma’ dawn l-“investituri privati” (b’mod partikolari, l-obbligu ta’ xiri mill-ġdid tal-EURL, li akkwistaw sehem tal-bastiment tal-kruċiera Le Levant, fit-tmiem tal-operazzjoni inkwistjoni bi prezz fiss).

21      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li A, li tidher li trid targumenta abbażi tal-istruttura tal-operazzjoni inkwistjoni, kienet hija stess ħolqot l-iskema ġuridika u finanzjarja tal-imsemmija operazzjoni u wettqet għażla tattika fir-rigward tal-mod kif kellha intenzjoni tipparteċipa fil-kawża prinċipali.

22      Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ħallsu l-ebda spejjeż li ma ġewx sostnuti minn A. Mill-proċess tal-kawża prinċipali jirriżulta li n-noti ta’ spejjeż kollha ppreżentati lill-Kummissjoni u, fil-kuntest tat-talba preżenti, lill-Qorti Ġenerali, huma indirizzati lil A. L-ispejjeż u l-onorarji ġew sostnuti b’mod definittiv minn din tal-aħħar, u l-partijiet rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ddejnux magħha sabiex jiżguraw id-difiża tagħhom. Huma ma huma, bl-ebda mod, debituri ta’ dawn l-ispejjeż u onorarji. Konsegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jitolbu r-rimbors tagħhom mill-Kummissjoni.

23      Sussidjarjament, il-Kummissjoni tosserva li s-somma ta’ EUR 509 561.71 taqbeż b’mod manifest l-ammont li ġie ġġustifikat għad-difiża tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fid-dawl, u b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, tal-għan u tan-natura tal-kawża, tas-sinjifikat tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni u tad-diffikultajiet tal-kawża. L-imsemmija somma tinkludi b’mod partikolari l-ispejjeż li ma jistgħux jinġabru fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

24      Skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm kontestazzjoni dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet li ma jistax jiġi appellat fuq talba tal-parti interessata, wara li jinstemgħu l-osservazzjonijiet tal-parti l-oħra.

 Fuq l-ammissibbiltà

25      Skont l-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura, huma meqjusa b’mod partikolari bħala spejjeż li jistgħu jinġabru, “l-ispejjeż indispensabbli li saru mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura, partikolarment l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u ta’ l-alloġġ, kif ukoll ir-remunerazzjoni ta’ aġent, konsulent, jew avukat”. Min din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma limitati, minn naħa, għal dawk li jsiru għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, dawk li huma indispensabbli għal dawn il-finijiet (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ġunju 2004, Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑ 342/99 DEP, Ġabra p. II-1785, punt 13, u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li l-espressjoni, “l-ispejjeż indispensabbli li saru mill-partijiet”, tiddeskrivi l-ispejjeż li rriżultaw mill-proċedura li fiha pparteċipaw il-partijiet. Għaldaqstant, din is-sentenza ma tiddeskrivix biss l-ispejjeż effettivament sostnuti mill-partijiet. B’hekk, jistgħu jinġabru l-ispejjeż li saru għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u li kienu indispensabbli għal dan il-għan, anki jekk effettivament tħallsu minn parti terza fil-kawża, bħal, fil-kawża preżenti, A (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Marzu 2009, Fries Guggenheim vs Cedefop, T-373/04 DEP, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 24).

27      Issa, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement skont il-liġi li l-interessi segwiti minn A kienu f’dan ir-rigward distinti minn dawk tal-persuni fiżiki u ġuridiċi, li huma partijiet fil-kawża prinċipali, u, konsegwentement, li s-sitwazzjoni preżenti setgħet tkun differenti minn dik li wasslet għad-digriet Fries Guggenheim vs Cedefop, iċċitat iktar ’il fuq.

28      Konsegwentement, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż sa fejn din ġiet ippreżentata minn rikorrenti li kienu wkoll partijiet fil-kawża prinċipali.

29      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mqajma minn A sabiex turi l-kwalità tagħha ta’ parti fil-proċedura prinċipali għandhom jiġu miċħuda. Minn naħa, il-kwalità ta’ assoċjat uniku ta’ EURL, li kienet rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-liġi tal-kumpanniji li tirregola lil din il-persuna ġuridika. Issa, l-awtonomija ġuridika ta’ din l-EURL tipprekludi li jsir xebh bejn l-assoċjat uniku u l-persuna ġuridika li, fil-kawża preżenti, ippreżentat ir-rikors prinċipali. Min-naħa l-oħra, il-fatt li, skont A, din tal-aħħar kienet l-uniku membru tal-“komunità ta’ persuni interessati” kontra d-deċiżjoni kkontestata, li kienet f’pożizzjoni li “tgħaqqad flimkien l-investituri privati kontra [l-imsemmija] deċiżjoni”, ma jnaqqas bl-ebda mod il-possibbiltà ta’ din il-persuna ġuridika milli tipparteċipa f’isimha stess fil-proċedura prinċipali u jaqa’ taħt il-modalitajiet prattiċi tal-finanzjament tal-azzjoni legali li, fil-kawża preżenti, ma għandux impatt fuq il-kwalità tal-parti fil-kawża prinċipali.

 Fuq il-mertu

30      Għandu jitfakkar li huma biss l-ispejjeż indispensabbli li jsiru għall-finijiet tal-proċedura li jistgħu jinġabru (ara l-punt 25 iktar ’il fuq).

31      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, anki jekk isir xogħol legali sostanzjali matul il-proċedura li tippreċedi l-fażi ġuridika, għandu jitfakkar li, bi proċedura, l-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura jfisser biss il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, bl-esklużjoni tal-fażi li tippreċediha. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 90 tal-istess regoli li jevoka l-“proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali” (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 2002, Groupe Origny vs Il‑Kummissjoni, T-38/95 DEP, Ġabra p. II-217, punt 29).

32      Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti sa fejn tirrigwarda r-rimbors tal-ispejjeż li jirrigwardaw il-perijodu ta’ qabel il-fażi ġuridika, u b’mod partikolari qabel l-intervent tal-avukati quddiem il-Kummissjoni.

33      Bl-istess mod, għandha tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti sa fejn hija intiża għall-ġbir mingħand il-Kummissjoni tal-ispejjeż li jirrigwardaw il-perijodu li fih ma ġie adottat l-ebda att ta’ proċedura. Fil-fatt, waqt dan il-perijodu, l-ebda spejjeż ma jistgħu jidhru li huma direttament marbuta mal-intervent tal-avukat tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali u ma jistgħux, konsegwentement, jitqiesu li huma spejjeż indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2000, Elder vs Il-Kummissjoni, T‑78/99 DEP, Ġabra p. II‑3717, punt 17, u Groupe Origny vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 31).

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda att ta’ proċedura ma ġie adottat, minn naħa, bejn it-30 ta’ April 2002, id-data tad-digriet tal-President tal-Ħames Awla li bih issospenda l-proċedura prinċipali sakemm ingħatat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li temmet il-Kawża C‑394/01, u t-3 ta’ Ottubru 2002, id-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-Kawża C‑394/01, u, min-naħa l-oħra, wara s-seduta tal-kawża prinċipali li seħħet fis-27 ta’ Settembru 2005. Hemm lok, madankollu, li jiġu inklużi mal-ispejjeż li jistgħu jinġabru l-ispejjeż marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti Ġenerali li seħħet bejn it-23 ta’ April u t-13 ta’ Ġunju 2002 waqt li l-proċedura prinċipali kienet ġiet sospiża.

35      Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti sa fejn hija intiża li jinġabru mingħand il-Kummissjoni l-ispejjeż li jirrigwardaw il-preparazzjoni ta’ rikors quddiem qorti nazzjonali.

36      Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti sa fejn tirrigwarda l-ispejjeż imsemmija fl-irċevuti tal-ispejjeż li jidhru fl-Anness 8 tar-rikors li ma jistgħu jiġu relatati ma’ ebda att tal-proċedura fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, dawn ma jistgħux jitqiesu li huma indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura prinċipali.

37      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ispejjeż l-oħra li r-rikorrenti jitolbu l-ħlas lura tagħhom, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex kompetenti tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, iżda li tiddetermina l-ammont korrispondenti għall-ħlasijiet li jistgħu jinġabru mill-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi fuq it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali la għandha tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tistabbilixxi l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konkluż bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha (ara d-digriet Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ‘il fuq, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ta’ natura tariffarja applikabbli, il-Qorti Ġenerali għandha tevalwa liberament il-fatti tal-każ, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-għan u n-natura tal-kawża, is-sinjifikat tagħha mill-perspettiva tad‑dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet ħolqot lill-aġenti jew lill-konsulenti involuti u l-interessi ekonomiċi li l-partijiet kellhom fil-kawża (ara d-digriet Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ‘il fuq, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Huwa abbażi ta’ dawn il-kriterji li għandu jiġi evalwat l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru fil-kawża preżenti. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ evalwazzjoni li ġejjin.

 Fuq l-għan u n-natura tal-kawża u s-sinjifikat tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni u d-diffikultajiet tal-kawża

40      Għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali kellha bħala suġġett rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat. Hija ma qajmet l-ebda kwistjoni ġdida ta’ liġi u l-kwistjonijiet imqajma la ppreżentaw kumplessitajiet ta’ liġi u lanqas ta’ fatt li jiġġustifikaw eżami ddettaljat tal-leġiżlazzjoni jew xi riċerki speċifiċi. Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kawża prinċipali ma ġġustifikatx li r-rappreżentanti tar-rikorrenti jiddedikaw ħafna xogħol għaliha.

 Fuq l-interess ekonomiku li l-kawża rrappreżentat għall-partijiet

41      Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm jidher li l-kawża prinċipali kienet tippreżenta interess ekonomiku ċert għar-rikorrenti li jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali inkwistjoni, dan l-interess ekonomiku ma jistax jitqies li għandu importanza kbira. Fil-fatt, din l-għajnuna, li tilħaq l-ammont ta’ EUR 11.9 miljun, tqassmet bejn numru kbir ta’ investituri, u dan għaldaqstant naqqas l-interessi ekonomiċi rispettivi tar-rikorrenti. Għalhekk, il-kawża inkwistjoni ma implikatx interess ekonomiku maġġuri għall-partijiet.

 Fuq l-ammont ta’ xogħol ipprovdut

42      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammont ta’ xogħol li setgħet ħolqot l-proċedura kontenzjuża, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tieħu inkunsiderazzjoni x-xogħol oġġettivament indispensabbli għall-proċedura ġudizzjarja kollha (digriet Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Madankollu, meta l-avukati ta’ parti kkonċernata jkunu diġà assistewha fil-kors ta’ proċedimenti jew passi li ppreċedew il-kawża relatati magħha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-avukati kellhom konoxxenza tal-elementi rilevanti tal-kawża li kienu tali li jiffaċilitaw ix-xogħol tagħhom u li jnaqqsu l-ħin ta’ preparazzjoni neċessarju għall-proċedura kontenzjuża (digriet tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Jannar 20006, IPK-München vs Il-Kummissjoni, T-331/94 DEP, Ġabra p. II‑51, punt 59).

44      Din il-konstatazzjoni tibqa’, bħala prinċipju, l-istess meta n-numru tar-rikorrenti jkun kbir, peress li l-azzjonijiet kollha li għandhom jitwettqu f’dan il-każ ikunu formali u standardizzati, u ma jaffettwawx il-kontenut ġuridiku tal-kawża.

45      Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li A, li kienet fl-oriġini tal-operazzjoni inkwistjoni, setgħet tagħti l-informazzjoni kollha rilevanti lill-avukati li intervenew fil-kawża prinċipali, huma għaldaqstant kienu f’pożizzjoni li joffru s-servizzi tagħhom b’iktar effettività u ħeffa. Din il-kunsiderazzjoni hija f’kull każ tali, minn tal-inqas parzjalment, li tiffaċilita x-xogħol tagħhom u tnaqqas il-ħin iddedikat għall-preparazzjoni tal-osservazzjonijiet fuq l-oppożizzjoni (digrieti tas-6 ta’ Marzu 2003, Nan Ya Plastics u Far Eastern Textiles vs Il-Kunsill, T‑226/00 DEP u T‑227/00 DEP Ġabra p. II-685, punt 42, u Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 29).

46      Għandu jitfakkar konsegwentement li, għalkemm f’dan il-każ kien possibbli li d-difiża tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiġi fdata lil diversi avukati f’daqqa, b’mod li jiġu żgurati s-servizzi tal-avukati b’esperjenza ikbar, għandu madankollu jittieħed prinċipalment inkunsiderazzjoni n-numru globali ta’ sigħat ta’ xogħol li jistgħu jidhru li huma oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura kontenzjuża, indipendentement min-numru ta’ avukati li bejniethom setgħu jitqassmu s-servizzi pprovduti (digriet tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Ottubru 1998, Kaysersberg vs Il-Kummissjoni, T-290/94 DEP, Ġabra p. II-4105, punt 20).

47      Issa, mil-lista dettaljata tal-ispejjeż mehmuża mat-talba preżenti għall-intaxxar tal-ispejjeż, jirriżulta li n-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol li għalihom qiegħed jintalab il-kumpens, bir-rata fis-siegħa medja globali kkalkolata ta’ EUR 240, jammontaw għal madwar 1 889 siegħa.

48      Għalkemm dawn is-sigħat ta’ xogħol jidhru ġġustifikati mil-lat ta’ kontabbiltà, huwa madankollu għall-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterju mfakkar fil-punt 25 iktar ’il fuq, jiġifieri n-natura oġġettivament indispensabbli ta’ dawn is-sigħat ta’ xogħol.

49      L-ewwel nett, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 34 iktar ’il fuq, hemm lok li mir-rimbors jiġi esklużi spejjeż li ma jikkorrispondux għall-fażi tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-onorarji li jirrigwardaw il-perijodu bejn it-13 ta’ Ġunju u l-4 ta’ Ottubru 2002. Hemm lok li jiġu esklużi wkoll l-onorarji li jirrigwardaw il-perijodu bejn l-20 ta’ Marzu 2003 u t-22 ta’ Ottubru 2004, li, hekk kif jirriżulta mill-proċess, ma jikkorrispondu għal ebda fażi tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

50      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li mid-dettalji tas-sigħat ta’ xogħol jirriżulta li wħud mill-kompiti ma jidhrux li huma direttament marbuta mal-preparazzjoni tar-rikors prinċipali quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fir-rigward tas-sigħat iddedikati għall-preparazzjoni ta’ rikors quddiem qorti nazzjonali (ara l-punt 35 iktar ’il fuq).

51      It-tielet nett, it-tqassim tax-xogħol preparatorju tan-noti bejn diversi avukati jinvolvi neċessarjament ċerti każijiet fejn isir xi xogħol darbtejn minn avukati differenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Ottubru 2008, CDA Datenträger Albrechts vs Il-Kummissjoni, T-324/00 DEP, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 91), fis-sens li l-Qorti Ġenerali ma tistax tirrikonoxxi s-sigħat ta’ xogħol mitluba kollha.

52      Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-fatturi tal-onorarji, tfasslu erba’ abbozzi ta’ rikorsi kif ukoll repliki suċċessivi fil-kawża prinċipali. Madankollu, l-onorarji li jirrigwardaw it-tfassil ta’ diversi abbozzi suċċessivi ma jistgħux jitqiesu li huma strettament indispensabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u għaldaqstant ir-rimbors tagħhom ma jistax jiġi ġġustifikat.

53      Bl-istess mod, minn naħa, il-ħin iddedikat għat-tfassil tar-rikors għal annullament u tat-talbiet għal miżuri provviżorji, li jaqbeż l-1 000 siegħa u, min-naħa l-oħra, il-ħin iddedikat għat-tfassil tar-replika, li jaqbeż 450 siegħa, jaqbżu b’mod kunsiderevoli dak li jista’ jitqies li huwa neċessarju għal dan il-għan.

54      Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rata tal-onorarji mitluba għas-servizzi tal-avukat assoċjat, K, jiġifieri ta’ EUR 380 sa 400, taqbeż sew dak li jista’ jitqies li huwa adatt għall-ħlas tas-servizzi ta’ professjonist partikolarment ta’ esperjenza, kapaċi jaħdem b’mod effettiv ħafna u b’ħeffa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Frar 2008, Verizon Business Global vs Il-Kummissjoni, T-310/00 DEP, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 44). Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ remunerazzjoni ta’ tali livell għall-ħlas jirriżulta f’evalwazzjoni neċessarjament stretta tan-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol li huma indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura kontenzjuża (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Ottubru 2008, Infront WM vs Il-Kummissjoni, T-33/01 DEP, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħin totali ta’ xogħol tal-avukati tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huwa oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tar-rappreżentazzjoni tagħhom waqt il-fażi ġudizzjarja għandu jiġi ffissat għal 600 siegħa.

56      Fid-dawl tal-elementi preċedenti, l-ispiża ta’ EUR 509 561.71, li hija msemmija fit-talba preżenti għall-intaxxar tal-ispejjeż ma tistax titqies li hija oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura prinċipali.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa xieraq li l-ammont tal-onorarji li jistgħu jinġabru, bħala spejjeż indispensabbli sostnuti mir-rikorrenti għall-finijiet tal-proċedura prinċipali, jiġi ffissat għal EUR 144 000.

58      Barra minn hekk, għandu jiġi ffissat l-ammont ta’ EUR 2 000, għall-ispejjeż korrispondenti għall-ispejjeż mixxelanji għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, bħalma huma l-ispejjeż tal-ivvjaġġar jew l-ispejjeż ta’ fotokopji.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni ekwa tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-finijiet ta’ rimbors lil A tal-ispejjeż sostnuti għad-difiża ta’ dawn tal-aħħar fil-Kawża T‑34/02 billi l-ammont tagħhom jiġi stabbilit għal EUR 146 000.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

tordna:

L-ammont totali tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati mill-Kummissjoni Ewropea lir-rikorrenti sa fejn dawn tal-aħħar kienu partijiet fil-kawża prinċipali huwa ffissat għal EUR 146 000.

Il-Lussemburgu, 21 ta’ Diċembru 2010.

Reġistratur

 

       Il-President

E. Coulon

 

       M. Jaeger


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.