Kawża T-357/02 RENV

Freistaat Sachsen (il-Ġermanja)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet tal-Land ta’ Sachsen — Għajnuna għall-formazzjoni, għall-parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet, għall-kooperazzjoni u għall-promozzjoni tal-istil — Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna għal parti kompatibbli u għal parti inkompatibbli mas-suq komuni — Skema ta’ għajnuna favur impriżi żgħar u ta’ daqs medju — Nuqqas ta’ eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Skema ta’ għajnuna

(Artikolu 87(1) KE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 70/2001, Artikolu 5)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Kategoriji ta’ għajnuna, iddefiniti permezz tar-regolamenti, li jistgħu jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq komuni —Regolament Nru 70/2001 dwar l-għajnuna lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju — Possibbiltà li għajnuna tiġi eżaminata fir-rigward tal-kriterji ddefiniti mill-Artikolu 87(3) KE

(Artikoli 87(3) KE u 88(3) KE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 70/2001)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Possibbiltà li jiġu adottati linji gwida — Evalwazzjoni individwali barra mill-kuntest tal-limiti — Ammissibbiltà

(Artikolu 87(3) KE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Artikolu 87(3)(ċ) KE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna favur reġjuni affettwati mid-diviżjoni tal-Ġermanja — Portata tad-deroga — Interpretazzjoni stretta

(Artikolu 87(1) u (2)(ċ) KE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni — Għajnuna għat-tħaddim — Esklużjoni

1.      Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda li jiġi eżaminat biss jekk l-għajnuna tistax tolqot dan il-kummerċ u li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Iktar partikolarment, fil-każ ta’ programm ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-programm inkwistjoni sabiex tevalwa jekk, minħabba l-ammonti jew il-perċentwali għolja tal-għajnuna, kif ukoll il-karatteristiċi tal-investimenti magħmula jew metodi oħra previsti minn dan il-programm, dan jiżgurax vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta pparagunati mal-kompetituri tagħhom u jekk huwiex ta’ natura li essenzjalment ikun ta’ profitt għal impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn Stati Membri.

Fil-każ ta’ għajnuna favur impriżi żgħar u ta’ daqs medju li l-intensità ta’ għajnuna hija bejn 50 % u 80 % skont il-programm sekondarju u skont iż-żona fejn l-impriża destinatarja tinsab, huwa evidenti li hija fil-pożizzjoni li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni intra-Komunitarja. Fil-fatt, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 70/2001, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-għajnuna għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju hija kompatibbli mas-suq komuni jekk hija ma taqbiżx 50 % tal-ispejjeż relatati mas-servizzi rċevuti.

(ara l-punti 30-32)

2.      L-għan tar-Regolament Nru 70/2001, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, huwa li jiddikjara kompatibbli mas-suq komuni fir-rigward tal-Artikolu 87(3) KE u għalhekk li jeżenta mill-obbligu ta’ notifikazzjoni previst fl-Artikolu 88(3) KE, l-għajnuna individwali u l-iskemi ta’ għajnuna kollha favur impriżi żgħar u ta’ daqs medju li jwieġbu għall-kundizzjonijiet iddefiniti minn dan ir-regolament. Dan ma jfissirx li ebda għajuna oħra favur impriżi żgħar u ta’ żgħar medju ma tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni fi tmiem investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kriterji ddefiniti mill-Artikolu 87(3) KE wara notifika effettwata minn Stat Membru b’mod konformi mal-Artikolu 88(3) (KE). Fil-fatt, il-premessa 4 tar-Regolament Nru 70/2001 tfakkar li “[d]an ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal possibbiltà għall-Istati Membri li tinnotifika għajnuna lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju” u li “[d]awn in-notifiki jkunu eżaminati mill-Kummissjoni partikolarment minħabba l-kriterji ppreżentati f’dan ir-Regolament.”

(ara l-punti 42, 43)

3.      Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli ġenerali ta’ eżekuzzjoni li jistrutturaw l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill-Artikolu 87(3) KE. Madankollu hija ma tistax tiċċaħħad totalment minn din is-setgħa diskrezzjonali meta hija tevalwa każ speċifiku, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ każ li hija ma rreferietx għalih, jew għal każ li naqset milli tirregola, f’dawn ir-regoli ġenerali ta’ eżekuzzjoni. Din is-setgħa diskrezzjonali ma hijiex, għalhekk, eżawrita bl-adozzjoni ta’ tali regoli ġenerali, u fil-prinċipju ma jeżistix ostakolu għal eventwali evalwazzjoni individwali barra mill-kuntest ta’ dawn ir-regoli, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-Kummissjoni tosserva r-regoli superjuri tad-dritt, bħar-regoli tat-Trattat kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

(ara l-punt 44)

4.      L-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ programm ta’ għajnuna għandha neċessarjament tkun ibbażata fuq il-fatti, l-analiżi ekonomika u l-provi prodotti mir-rikorrent fl-istadju tal-proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-istħarriġ li l-qrati Komunitarji jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni, neċessarjament huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punt 55)

5.      L-Artikolu 87(2)(ċ) KE, li jikkonċerna l-għajnuna mogħtija għall-ekonomija ta’ ċerti reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja milquta bid-diviżjoni tal-Ġermanja, għandu jiġi interpretat b’mod strett, fis-sens li l-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati mid-diviżjoni tal-Ġermanja jirreferu biss għall-iżvantaġġi ekonomiċi pprovokati f’ċerti reġjuni Ġermaniżi minħabba l-iżolament li seta’ ħoloq l-istabbiliment ta’ fruntiera fiżika, bħall-waqfien tal-mezzi ta’ komunikazzjoni jew it-telf ta’ swieq sussegwentement għall-interruzzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ partijiet tat-territorju Ġermaniż. Ir-riferimenti ġenerali għall-konsegwenzi ekonomiċi tad-diviżjoni tal-Ġermanja għalhekk ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġi sostnut li hija kompatibbli mal-Artikolu 87(3) KE, l-għajnuna li l-intensità tagħha teċċedi dik prevista fir-Regolament Nru 70/2001, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

(ara l-punti 78, 79)

6.      Id-dħul fi swieq ġodda kif ukoll l-isforzi sabiex tibqa’ fis-suq jagħmlu parti mill-istrateġija normali ta’ kull impriża li tixtieq tibqa’ fis-suq għal perijodu fit-tul. Issa, xi spejjeż huma neċessarji sabiex din il-preżenza tkun tista’ tkompli u tinfirex fis-suq u l-għajnuna mill-Istat mogħtija għal dan il-għan neċessarjament tnaqqas l-ispejjeż kurrenti tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dawn il-kontribuzzjonijiet għalhekk jaqgħu taħt il-kategorija tal-għajnuna għall-operazzjonijiet, li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

(ara l-punti 102, 105)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

14 ta’ Lulju 2011(*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet tal-Land ta’ Sachsen – Għajnuna għall-formazzjoni, għall-parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet, għall-kooperazzjoni u għall-promozzjoni tal-istil – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna għal parti kompatibbli u għal parti inkompatibbli mas-suq komuni – Skema ta’ għajnuna favur impriżi żgħar u ta’ daqs medju – Nuqqas ta’ eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑357/02 RENV,

Freistaat Sachsen (il-Ġermanja), irrappreżentat minn T. Lübbig, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Gross, V. Kreuschitz u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2, u tal-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/226/KE, tal-24 ta’ Settembru 2002, dwar l-iskema ta’ għajnuna li l-Ġermanja tippjana li timplementa – “Linji gwida favur impriżi żgħar u ta’ daqs medju – Titjib tal-operazzjonijiet tal-impriżi ta’ Sachsen” – Programmi sekondarji 1 (formazzjoni), 4 (parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet), 5 (kooperazzjoni) u 7 (promozzjoni tal-istil) (ĠU 2003, L 91, p. 13),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn O. Czúcz (President), E. Cremona, I. Labucka (Relatur), S. Frimodt Nielsen u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-kuntest tal-programm tal-Ministeru tal-Ekonomija u tax-Xogħol tal-Land ta’ Sachsen intiż għat-titjib tal-operazzjonijiet tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju stabbiliti fit-territorju ta’ dan il-Land, dan il-Ministeru ta lill-persuni li f’dan it-territorju jeżerċitaw professjoni libera kif ukoll lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li għandhom is-sede tagħhom jew l-istabbiliment tagħhom f’dan it-territorju, sussidji li ma humiex rimborsabbli għal proġetti li jiffavorixxu l-iżvilupp tal-ekonomija. Dawn is-sussidji kienu previsti mill-iskema ta’ għajnuna nnotifikata għall-ewwel darba lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej matul is-sena 1992, awtorizzata minnha u estiża diversi drabi wara li ngħataw awtorizzazzjonijiet ġodda. Din l-għajnuna kienet intiża li ttejjeb il-kapaċitajiet produttivi u kompetittivi tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

2        B’ittra tad-29 ta’ Diċembru 2000, li waslet għand il-Kummissjoni fit-3 ta’ Jannar 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat verżjoni ġdida ta’ din l-iskema ta’ għajnuna.

3        Fit-12 ta’ Jannar 2001, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 [KE] u 88 [KE] tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 141, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ eżenzjoni SMEs”), li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Frar segwenti. Sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, ir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs ħassar u ssostitwixxa l-linji gwida Komunitarji ta’ għajnuna mill-Istat għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU 1996, C 213, p.). Huwa jiddefinixxi l-kriterji li għandhom jissodisfaw l-għajnuna individwali u l-iskemi ta’ għajnuna għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju sabiex ikunu kompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE, u jeżenta dawk li jissodisfaw l-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 88(3). Huwa jindika, fil-premessa 4 tiegħu, li “[d]an ir-regolament ma jeskludix il-possibbiltà għall-Istati Membri li jinnotifikaw għajnuna lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dawn in-notifiki ser jiġu eżaminati mill-Kummissjoni partikolarment fid-dawl tal-kriterji ffissati minn dan ir-regolament. Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju [adottati mill-Kummissjoni] kellhom għandhom jitħassru mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, peress li l-kontenut tagħhom jinbidel [minnu].”

4        Minbarra dan, fil-premessa 16 tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs huwa rrilevat kif ġej: “Minħabba l-Ftehim ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fuq is-Sussidji u l-Miżuri tat-Taxxi Kompensatorji, dan ir-Regolament m’għandux jeżenta l-għajnuna ta’ l-esportazzjoni jew l-għajnuna li tiffavorixxi l-prodott domestiku fuq dak importat. L-għajnuna lejn l-ispejjeż għall-parteċipazzjoni fil-fieri internazzjonali jew għall-istudju jew servizzi ta’ konsultazzjoni meħtieġa biex jinħareġ prodott ġdid jew diġà eżistenti fuq suq ġdid normalment ma tikkostitwixxix għajnuna għall-esportazzjoni.”

5        B’ittra tal-5 ta’ Frar 2001, il-Kummissjoni għamlet mistoqsijiet lill-awtoritajiet Ġermaniżi dwar l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs u informathom li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mhux ser tkun eżaminata skont il-proċedura mħaffa.

6        Matul ix-xahar ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali rigward uħud mill-miżuri previsti mill-iskema ta’ għajnuna nnotifikata, jiġifieri l-miżuri previsti mill-programmi sekondarji “Formazzjoni”, “Parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet”, “Kooperazzjoni” u “Promozzjoni tal-istil” (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“erba’ programmi sekondarji inkwistjoni”). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri l-oħra nnotifikati.

7        Fi tmiem l-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni adottat, fl-24 ta’ Settembru 2002, id-Deċiżjoni 2003/226, dwar l-iskema ta’ għajnuna li l-Ġermanja tippjana li timplementa – “Linji gwida favur impriżi żgħar u ta’ daqs medju – Titjib tal-operazzjonijiet tal-impriżi tas-Sachsen” – Programmi sekondarji 1 (Formazzjoni), 4 (Parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet), 5 (Kooperazzjoni) u 7 (Promozzjoni tal-istil) (ĠU 2003, L 91, p. 13, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). L-ewwel nett, hija qieset li l-miżuri previsti mill-erba’ programmi sekondarji inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. It-tieni nett, hija ppreċiżat li, sabiex tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, din l-għajnuna kellha taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs u tosserva l-limiti ta’ intensità stabbiliti minn dan it-test, minbarra għajnuna għall-operazzjonijiet ta’ impriża prevista mill-programm sekondarju “Kooperazzjoni”, li hija qieset bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

8        Permezz tas-sentenza tagħha tat-3 ta’ Mejju 2007, Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni (T‑357/02, Ġabra p. II-1261), il-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) laqgħet it-talba tar-rikorrent, Freistaat Sachsen, intiża għall-annullament ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u l-Artikoli 3 u 4).

9        Sussegwentement għall-appell tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, Ġabra p. I‑9465) annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u rrinvijat il-kawża quddiemha.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara rinviju

10      Il-kawża ġiet assenjata lir-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali.

11      Skont l-Artikolu 119(1)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub.

12      Fuq Rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu bil-miktub għal xi mistoqsijiet. Il-partijiet wieġbu fit-termini mogħtija.

13      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2010.

14      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

15      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala infondat.

16      Fl-osservazzjonijiet bil-mitkub tagħhom wara r-rinviju, il-partijiet ma tawx opinjoni dwar il-kwistjoni tal-ispejjeż. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu fl-ewwel istanza, ir-rikorrent kien talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, u din tal-aħħar kienet talbet li l-Qorti Ġenerali tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Il-motivi u l-argumenti tal-partijiet

17      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent inizjalment invoka ħames motivi, ibbażati:

–        l-ewwel motiv, fuq l-illegalità formali tad-deċiżjoni kkontestata li tirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni mħaffa għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni;

–        it-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalità materjali tad-deċiżjoni kkontestata li tirriżulta mill-fatt li r-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs ma kienx applikabbli f’dan il-każ;

–        it-tielet motiv, ibbażat fuq l-argument li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni setgħet tiġi awtorizzata skont il-linji gwida Komunitarji ta’ għajnuna mill-Istati għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju;

–        ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali waqt l-investigazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, kif ukoll fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        il-ħames motiv, ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-kompetizzjoni kienet effettivament jew potenzjalment distorta mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, kif ukoll fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

18      Permezz tas-sentenza tagħha Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv tagħha, laqgħet it-tieni wieħed u ddeċidiet li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati t-tlieta l-oħra.

19      Permezz tas-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, peress li l-motiv ibbażat fuq l-argument li l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs għad-deċiżjoni kkontestata kien jippreżenta natura retroattiva kien infondat, għandha tingħata deċiżjoni unikament fuq ir-raba’ u l-ħames motivi invokati mir-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali. Konsegwentement il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni dwar dawn l-aħħar żewġ motivi.

20      Peress li l-ħames motiv jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat, u r-raba’ motiv jirrigwarda l-kompatibbiltà tal-miżuri kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, il-ħames motiv ser jiġi eżaminat qabel ir-raba’ motiv.

 Id-dritt

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ dimostrazzjoni mill-Kummissjoni li l-kompetizzjoni kienet effettivament jew potenzjalment distorta mill-iskema ta’ għajnuna, kif ukoll fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

21      Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni jmissha, skont l-Artikolu 87(1) KE, turi f’hiex kienet tikkonsisti, f’dan il-każ, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, ebda affermazzjoni ma tippermetti li tiġi stabbilita l-kapaċità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fiċ-ċirkustanzi tal-każ jew li jiġi kkonstatat pożittivament li l-elementi ta’ tali tibdil huma sodisfatti. Il-Kummissjoni ssemmi biss li l-miżuri nnotifikati jistgħu, inkwantu għajnuna, joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni (premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-intensità tal-għajnuna ogħla minn 50 % twassal għal “distorsjoni tal-kompetizzjoni sproporzjonata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata). Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, hija tinvoka s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-28 ta’ Novembru 2008, Hôtel Cipriani et (T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, Ġabra p. II‑3269) u, b’mod partikolari, il-punt 230 tagħha, li jippreċiża li, “fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna multisettorjali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-programm [linji gwida] inkwistjoni sabiex tevalwa jekk, minħabba l-ammonti jew il-perċentwali għolja tal-għajnuna, il-karatteristiċi tal-investimenti magħmula jew metodi oħra previsti minn dan il-programm, dan jiżgura vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta pparagunat mal-kompetituri tagħhom u huwiex kapaċi li essenzjalment ikun ta’ profitt għal impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri”.

22      Skont ir-rikorrent, il-Kummissjoni tallega li l-obbligu li jitħallsu nofs l-ispejjeż iħeġġeġ l-effettività u l-profitabbiltà tal-għajnuna sabiex jiġi dedott li l-kundizzjonijiet ta’ skambju jinbidlu quddiem intensità ta’ għajnuna iktar għolja (premessi 60, 67 u 71 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, tali affermazzjoni, ibbażata fuq limitu ta’ għajnuna ta’ 50 %, jista’ jiġi traspost għal kwalunkwe limitu ta’ sussidji u għalhekk ma huwiex ta’ natura li jikkorrabora t-talbiet tal-Kummissjoni.

23      Meta bbażat din l-evalwazzjoni fuq ir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs, il-Kummissjoni naqset milli turi biżżejjed l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, filwaqt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali dimostrazzjoni ma hijiex sempliċement neċessarja skont ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 253 KE, iżda tikkostitwixxi wkoll applikazzjoni tal-kriterji tal-Artikolu 87(1) KE.

24      L-iżviluppi insuffiċjenti tal-Kummissjoni li jikkonċernaw il-kriterju ta’ kompetizzjoni distorta jikkostitwixxu, minbarra dan, ksur tal-Artikolu 253 KE, li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

25      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

26      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jinvoka żewġ argumenti marbutin b’mod strett. Minn naħa, il-Kummissjoni kienet insuffiċjentement immotivat it-talba tagħha li l-kompetizzjoni kienet effettivament jew parzjalment distorta mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, din il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata (b’mod partikolari fil-premessa 52) ma tippermettix li tintlaqa’ tali talba.

27      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-motivazzoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ wieħed mill-elementi kostituttivi tal-għajnuna mill-Istat hijiex suffiċjenti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adegwata għan-natura tal-att inkwistjoni u turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, peress li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 253 għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV 2/Danmark et vs Il‑Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra p. II‑2935, punt 178, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għandu wkoll jiġi kkonstatat li, fil-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika dan li ġej:

“L-erba’ programmi sekondarji [...] jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) [KE...] għar-raġunijiet li ġejjin: huma jipprevedu l-għoti tas-sussidji, permezz tar-riżorsi tal-Istat, lil impriżi li jipproduċu oġġetti jew jipprovdu servizzi li huma parti mill-kummerċ intra‑Komunitarju u dawn is-sussidji jippermettu lill-benefiċjarji li jtejbu s-sitwazzjoni finanzjarja globali tagħhom u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq. Għandu jiġi kkunsidrat li l-miżuri inkwistjoni jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u għalhekk jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri. Il‑Ġermanja ma kkonfutatx din il-konstatazzjoni. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

29      Għalhekk, il-premessa msemmija iktar ’il fuq titlob li l-elementi kostituttivi ta’ għajnuna mill-Istat ikunu sodisfatti f’dan il-każ u b’mod partikolari tiddeduċi l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni mill-fatt li l-impriżi benefiċjarji “jipproduċu oġġetti jew jipprovdu servizzi li huma parti mill-kummerċ intra‑Komunitarju u [li] dawn is-sussidji jippermettu lill-benefiċjarji li jtejbu s-sitwazzjoni finanzjarja globali tagħhom u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

30      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-Kummissjoin ġustament aċċettatx l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’dan il-każ, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda li jiġi eżaminat biss jekk l-għajnuna tistax tolqot dan il-kummerċ u li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġutsizzja tat-30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Wam, C‑494/06 P, Ġabra p. I‑3639, punt 50).

31      Iktar partikolarment, fil-każ ta’ programm ta’ għajnuna, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-programm inkwistjoni sabiex tevalwa jekk, minħabba l-ammonti jew il-perċentwali għolja tal-għajnuna, kif ukoll il-karatteristiċi tal-investimenti magħmula jew metodi oħra previsti minn dan il-programm, dan jiżgurax vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta pparagunati mal-kompetituri tagħhom u jekk huwiex ta’ natura li essenzjalment ikun ta’ profitt għal impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 248/84, Ġabra p. 4013, punt 18).

32      Skont il-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, moqri flimkien mal-punt 2 “Deskrizzjoni tal-għajnuna” u l-punt 3 “Raġunijiet ta’ ftuħ tal-proċedura”, l-intensità ta’ għajnuna maħsuba hija bejn 50 % u 80 %, skont il-programm sekondarju u skont iż-żona fejn l-impriża destinatarja tinsab. Issa, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs, l-għajnuna għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju hija kompatibbli mas-suq komuni jekk ma jaqbżux 50 % tal-ispejjeż relatati mas-servizzi rċevuti. Huwa għalhekk evidenti li għajnuna ta’ tali intensità hija fil-pożizzjoni li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni intra‑Komunitarja.

33      Konsegwentement, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-rikors preżenti għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha waqt l-investigazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kif ukoll fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

34      Dan il-motiv huwa maqsum f’ħames partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn illegalità għar-raġuni li l-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni ddefiniti fir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs. Permezz tat-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames partijiet, ir-rikorrent takkuża lill-Kummissjoni li b’mod żbaljat evalwat l-erba’ programmi sekondarji inkwistjoni billi kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fir-rigward tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs biss

–       L-argumenti tal-partijiet

35      Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni ma tistax tirrinunzja għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Għalhekk, mingħajr ma jikkontesta l-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni dwar meta għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-iskemi ta’ għajnuna li ġew innotifikati lilha minn Stat Membru, ir-rikorrent isostni li dan l-eżami jibqa’ suġġett għal ċerti limiti tal-ewwel livell li fosthom hemm l-obbligu li tiġi eżerċitata din is-setgħa diskrezzjonali. Insostenn tal-argument tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-kunċett ta’ nuqqas ta’ eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali eżistenti fid-dritt Ġermaniż taħt it-termini “Ermessenausfall” jew “Ermessensnichtgebrauch”, ħaġa li tikkostitwixxi illegalità, bħal fid-dritt amministrattiv Awstrijak. Fi Franza, tali sitwazzjoni tikkorrispondi għal “excès du pouvoir négatif” filwaqt li, fil-common law, in-nuqqas ta’ eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha minn awtorità li, filwaqt li tqis lilha nfisha marbuta fil-prattiki tagħha jew minn linji gwida, tonqos milli teżamina kull każ partikolari, jaqa taħt id-“duttrina tal-ultra vires”. L-obbligu li teżerċita s-setgħa diskrezzjoni tagħha ma jieqafx mal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet imposti mir-regoli fuq il-Kummissjoni.

36      F’dan il-każ, ir-rikorrent jakkuża lill-Kummissjoni li eżaminat il-miżuri ta’ għajnuna differenti unikament fir-rigward tal-kriterji tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs, bħallikieku dan jirregola b’mod eżawrjenti l-iskemi ta’ għajnuna kollha favur impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Meta qieset il-livell ta’ intensità tal-għajnuna tal-programmi sekondarji bħala wisq għoli, il-Kummissjoni kienet illimitat ruħha sabiex tagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs minflok ma eżerċitat, minbarra dan, is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Għalhekk hija kienet saħħet il-kundizzjonijiet applikabbli għall-għajnuna għas-SMEs billi għamlet limitu ta’ 50 % għall-ammont tal-ispejjeż rimborsabbli, u billi ma segwietx, fl-istess ħin, il-prassi deċiżjonali tagħha. Billi bbażat ruħha esklużivament fuq il-kunsiderazzjonijiet ġenerali tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami, il-Kummissjoni għalhekk ma kinitx għamlet użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha.

37      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li mill-premessa 4 tar-Regolament ta’eżenzjoni SMEs jirriżulta li dan ma huwiex intiż sabiex jirregola b’mod eżawrjenti l-għajnuna għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. L-għan ta’ dan ir-regolament għalhekk ma huwiex dak li jnaqqas il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u li jistabbilixxi l-kriterji applikabbli għal dawn il-miżuri ta’ għajnuna. Ir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs għandu biss bħala għan li jissemplifika u jagħmel iktar effettiva l-proċedura ta’ sorveljanza ta’ dawn il-miżuri.

38      Fir-rigward tal-metodu, il-Kummissjoni tikkontradixxi l-prassi deċiżjonali tagħha dwar każijiet li jaqgħu, minħabba s-suġġett tagħhom, taħt ir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs, iżda li ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni ddefinita f’dan ir-regolament. Minn din il-prassi jirriżulta li, b’mod regolari ħafna, il-Kummissjoni tagħti deċiżjoni, permezz ta’ eżenzjonijiet individwali u skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, f’xenarji iżolati jew fuq miżuri ta’ għajnuna li ma jsegwux ir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni tikkonferma b’mod partikolari, xi drabi wkoll espressament, li l-investigazzjoni skont il-każ ma għandhiex tkun limitata għal investigazzjoni skont ir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs applikat b’analoġija, iżda għandha ssir direttament abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

39      Ir-rikorrent isostni wkoll li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika partikolari tas-Sachsen, ex territorju tar-Repubblika Demokratika Ġermaniża, il-Kummissjoni jmissha eżaminat il-miżuri ta’ għajnuna billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet iddefiniti fir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs jew, tal-inqas, tispjega għalfejn l-investigazzjoni tagħha ħadet inkunsiderazzjoni dawn il-kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jakkuża lill-Kummissjoni li naqset milli tieħu pożizzjoni dwar il-kunsiderazzjonijiet iddettaljati ppreżenati waqt il-proċedura amministrattiva.

40      Konsegwentement, il-Kummissjoni jmissha awtorizzat l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata billi eżaminataha direttament fid-dawl tal-kriterji ddefiniti mill-Artikolu 87(3) KE.

41      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

42      L-ewwel nett, hemm lok li jiġi sostnut li għan tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs huwa li jiddikjara kompatibbli mas-suq komuni fir-rigward tal-Artikolu 87(3) KE u għalhekk li jeżenta mill-obbligu ta’ notifikazzjoni previst fl-Artikolu 88(3) KE, l-għajnuna individwali u l-iskemi ta’ għajnuna kollha favur impriżi żgħar u ta’ daqs medju li jwieġbu għall-kundizzjonijiet iddefiniti minn dan ir-regolament. Dan ma jfissirx li ebda għajuna oħra favur impriżi żgħar u ta’ daqs medju ma tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni fi tmiem investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kriterji ddefiniti mill-Artikolu 87(3) KE wara notifika effettwata minn Stat Membru b’mod konformi mal-Artikolu 88(3) (KE).

43      Din il-possibbiltà hija espressament imfakkra mill-premessa 4 tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs, li skont din “[d]an ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal possibbiltà għall-Istati Membri li tinnotifika għajnuna lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju” u “[d]awn in-notifiki jkunu eżaminati mill-Kummissjoni partikolarment minħabba l-kriterji ppreżentati f’dan ir-Regolament.” L-użu tal-avverb “partikolarment” jindika b’mod ċar li l-kriterji ddefiniti fir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs ma humiex l-uniċi li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tista’ teżamina l-proġetti ta’ għajnuna li huma nnotifikati lilha, kif barra minn hekk huwa kkonfermat mill-verżjoni Ingliża (in particular) u Ġermaniża (in erster Linie) ta’ din il-premessa.

44      Għandu wkoll jiġi rrilevat li, minkejja li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli ġenerali ta’ eżekuzzjoni li jistrutturaw l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill-Artikolu 87(3) KE, hija ma tistax tiċċaħħad totalment minn din is-setgħa diskrezzjonali meta hija tevalwa każ speċifiku, b’mod partikolari, fir-rigward tal-każijiet li hija ma rreferietx għalihom, jew għal każijiet li naqset milli tirregola, f’dawn ir-regoli ġenerali ta’ eżekuzzjoni. Din is-setgħa diskrezzjonali ma hijiex, għalhekk, eżawrita bl-adozzjoni ta’ tali regoli ġenerali, u fil-prinċipju ma jeżistix ostakolu għal eventwali evalwazzjoni individwali barra mill-kuntest ta’ dawn ir-regoli, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-Kummissjoni tosserva r-regoli superjuri tad-dritt, bħar-regoli tat-Trattat kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2007, Fachvereinigung Mineralfaserindustrie vs Il‑Kummissjoni, T‑375/03, Ġabra p. II‑121, punt 141).

45      Konsegwentement, wara n-notifika tal-miżuri ta’ għajnuna inkwisjtoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li teżamina l-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mas-suq komuni filwaqt li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mit-Trattat.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni eżerċitat din is-setgħa diskrezzjonali fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari meta hija eżaminat il-kompatibbiltà tal-programm sekondarju “Formazzjoni” mas-suq komuni, fir-rigward tal-kriterji ddefiniti fir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs abbażi tal-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE (premessi 57 sa 65 tad-deċiżjoni kkontestata).

47      Din l-analiżi, li hija bbażata fuq l-esperjenza tal-Kummissjoni f’dan il-qasam fil-mument meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, jiġifieri f’Settembru 2002, ma tistax tiġi kkontestata għar-raġuni li l-Kummissjoni setgħet tadotta sussegwentement deċiżjonijiet li jieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oħra li ma humiex dawk imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fir-rigward ta’ għajnuna nnotifikata li ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs.

48      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrent ma jistax jallega li l-Kummissjoni jmissha rrifjutat f’din il-kawża li tagħmel użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex teżamina l-argumenti differenti li setgħu jiġu ppreżentati lilha waqt il-proċedura amministrattiva sabiex tistabbilixxi l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna differenti mas-suq komuni. L-argumenti rigward ir-riżultat ta’ dan l-eżami u l-motivazzjoni mogħtija f’dan ir-rigawrd ser jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ partijiet oħra ta’ dan il-motiv.

49      Konsegwentment, l-ewwel parti tar-raba motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-evalwawzzjoni żbaljata tal-programm sekondarju “Formazzjoni” u fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

50      Ir-rikorrent jakkuża lill-Kummissjoni li kkunsidrat il-programm sekondarju “Formazzjoni” bħala inkompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, għar-raġuni li l-limitu ta’ għajnuna għall-impriżi żgħar kien iffissat għal 65 %, billi ma għamlet ebda evalwazzjoni tal-partikolaritajiet eżistenti fis-Sachsen u tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma kinitx spjegat kif il-fatt li tobbliga lill-impriżi li jieħdu responsabbiltà tan-nofs l-ispejjeż iżid l-effettività u l-profitabbiltà tal-iskema nnotifikata. Ir-rikorrent isostni li disa’ xhur qabel in-notifika tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet awtorizzat miżuri ta’ għajnuna paragunabbli ma’ dawk mogħtija mil-Land ta’ Thüringen skont il-linji gwida “Richtlinien des Freistaates Thüringen zur einzelbetrieblichen Technologieförderung” (ĠU 2000, C 266, p. 4). L-użu tas-setgħa diskrezzjonali tagħha jimpika li l-Kummissjoni tispjega b’mod iddettaljat liema esperjenzi ġodda wassluha sabiex tbiddel il-prassi deċiżjonali tagħha. Issa, għalkemm hija allegat li tuża s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha billi tivverifika jekk limitu ta’ għajnuna jilħaqx 65 % setax jiġi awtorizzat, hija kienet ċaħdet din l-għażla immedjatament għall-unika raġuni li intensità ogħla minn 50 % taqbeż l-ammont neċessarju sabiex l-impriżi jiġu mħeġġa jagħmlu spejjeż relatati ma’ “formazzjoni”.

51      Ir-rikorrent isostni li l-limitu ta’ għajnuna ta’ 50 % previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs ma jirregolax b’mod eżawrjenti l-għajnuna għal konsulenza tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u li, skont il-premessa 11 ta’ dan ir-regolament, dawn tal-aħħar ma jistgħux ikunu suġġetti għall-istess kriterji. Filwaqt li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs jipprovdi intensità ta’ għajnuna ta’ 50 % għall-impriżi medji, rimborsi ogħla għandhom jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni meta tapplika s-setgħa diskrezzjonali tagħha għall-impriżi żgħar. Meta ssostni li l-premessa 11 tirreferi unikament għas-sitwazzjoni speċifika tal-għoti tal-għajnuna għall-investiment barra mir-reġjuni assistiti, il-Kummissjoni ma tispjegax għaliex possibbiltajiet ta’ differenzjar bejn l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju ma għandhomx jeżistu fir-rigward tas-servizzi ta’ konsulenti esterni.

52      Skont ir-rikorrent, il-Kummissjoni, meta qieset li l-oneru finanzjarju fuq l-impriżi kien modest, kienet injorat il-fatt li numru kbir ta’ impriżi tas-Saschen kellhom biss kapital żgħir ħafna u għandhom diffikultatjiet sabiex jieħdu self, ħaġa li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet hija stess.

53      Ir-rikorrent iqis li ċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ma ħaditx kunsiderazzjoni tal-fatt li l-għajnuna li setgħet tiġi awtorizzata mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet limitata fl-ammont tagħha għas-somma ta’ EUR 400, jew EUR 500 għal kull jum ta’ xogħol għall-impriżi żgħar, tista’ tiffaċilita l-“għoti żbaljat” ta’ ċerta għajnuna. Id-deċiżjoni kkontestata tħeġġeġ għalhekk ir-rikors għal għajnuna li tqum ħafna minflok ma tippermetti l-approċċ iktar differenzjat li kienu jawtorizzaw il-linji gwida inkwistjoni.

54      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrent.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

55      Permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrent essenzjalment jakkuża lill-Kummissjoni li ma għamlitx evalwazzjoni tal-linji gwida inkwistjoni minkejja d-diversi elementi mressqa f’dan ir-rigward. Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li tali evalwazzjoni għandha neċessarjament tkun ibbażata fuq il-fatti, l-analiżi ekonomiċi u l-provi prodotti mir-rikorrent fl-istadju tal-proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Minbarra dan, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ li l-qrati Komunitarji jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni, bħal dawk li saru f’dan il-każ, neċessarjament huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 279, u tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services vs Il‑Kummissjoni, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P, u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 85).

56      Fir-rigward tal-insuffiċjenza tal-motivazzjoni, ukoll invokata mir-rikorrent, għandu jitfakkar li, kif diġà ġie indikat fil-punt 27 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adegwata għan-natura tal-att inkwistjoni u turi r-raġunament tal-istituzzjoni. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, u din għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem użat fiha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza TV 2/Danmark et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dan il-każ, kien ġie rrilevat fil-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni eżaminat il-programm sekondarju “Formazzjoni” sa fejn huwa jipprovdi intensitajiet massimi ta’ għajnuna ta’ 65 % għall-impriżi żgħar taż-żoni li għandhom jiltaqgħu ma’ problemi paritkolari, filwaqt li r-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs jipprovdi intensità massima ta’ 50 % tal-ispiża grossa [Artikolu 5(a) ta’ dan ir-regolament].

58      L-osservazzjonijiet invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja huma analizzati b’mod dettaljat fil-premessi 57 sa 65 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tirrileva hemmhekk li l-programm sekondarju ġie analizzat mhux biss fir-rigward tal-kompatibbiltà tiegħu mar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs, iżda wkoll abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Waqt din l-analiżi, il-Kummissjoni kkonstatat li, fl-esperjenza tagħha, intensità ta’ għajnuna ta’ iktar minn 50 % taqbeż l-ammont neċessarju sabiex impriża tiġi mħeġġa tagħmel l-ispejjeż inkwistjoni u li rata waħda kienet taqbel għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju kollha, kemm jekk dawn huma impriżi żgħar jew ta’ daqs medju, u kemm jekk huma jinsabu f’reġjuni assititi jew le. Il‑Kummissjoni tirrileva li, kuntrarjament għall-għajnuna għall-investiment, l-għajnuna għall-“formazzjoni” ma għandha la effett dirett u lanqas effett fit-tul fuq l-iżvilupp reġjonali jew fuq il-ħolqien ta’ impjieg, b’mod li ma huwiex neċessarju li tiġi awtorizzata intensità ta’ għajnuna ogħla fir-reġjuni assistiti. F’kull każ, il-Kummissjoni tindika li d-differenzjar bejn l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju huwa possibbli fil-limiti tal-intensità prevista mir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs.

59      Dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriflettu b’mod ċar ir-raġunament tagħha u għalhekk jissodisfaw il-kriterji tal-ġurisprudenza stabbilita dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni, imfakkar fil-punt 27 iktar ’il fuq.

60      Fir-rigward tal-eżempju dwar l-għajnuna awtorizzata lil-Land ta’ Thüringen, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-preċiżazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fir-rigward taż-żmien li għadda (30 xahar) bejn l-adozjoni taż-żewġ deċiżjonijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, huwa korrett għall-Kummissjoni li tindika li ż-żewġ każijiet ma humiex paragunabbli, fid-dawl tal-fatt li l-miżura ta’ għajnuna awtorizzata ma kinitx relatata mal-“formazzjoni” u, fuq kollox, fid-dawl tal-fatt li r-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs, li fih il-kriterji ta’ evalwazzjoni applikati fid-deċiżjoni kkontestata, ma kienx għadu fis-seħħ fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonċerna l-għajnuna tal-Land ta’ Thüringen.

61      F’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni li r-rikorrent jagħti għall-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs, moqri flimkien mal-premessa 11 tiegħu, għandu jiġi kkonstatat, li xejn fil-kitba ta’ din il-premessa ma jissuġġerixxi li, sabiex tiġi garantita differenzazzjoni tat-trattament bejn l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, huwa neċessarju jew aċċettatabbli li jinqabeż il-livell tal-għajnuna stabbilita mir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs. Kif tindika ġustament, il-Kummissjoni, id-differenzjar bejn l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju huwa possibbli mingħajr ma jinqabeż il-marġni ta’ 50 %, jekk l-impriżi żgħar biss jirċievu għajnuna ta’ tali intensità. F’kull każ, peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 48 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma bbażatx l-evalwazzjoni tagħha fuq ir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs biss, dan l-argument tar-rikorrent għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

62      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li d-deċiżjoni kkontestata tħeġġeġ ir-rikors għal għajnuna li tqum iktar (ara punt 53 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li dan l-argument ma huwiex biss ekonomikament illoġiku, iżda jikkontradixxi wkoll l-argument tar-rikorrent dwar l-insuffiċjenza ta’ fondi proprji ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju tal-impriżi tas-Sachsen. Fil-fatt, impriża li tbati minn insuffiċjenza ta’ fondi ma tagħżilx, bejn żewġ offerti tal-istess kwalità, is-servizz l-iktar għoli, fid-dawl tal-fatt li hija tkun obbligata li tħallas tal-inqas 50 % tal-prezz.

63      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma pproduċiex il-provi u l-elementi, li fuq il-bażi tagħhom huwa possibbli li jiġi konkluż li l-għajnuna inkwistjoni, anki jekk hija teċċedi manifestament il-livelli ta’ għajnuna previsti mir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs, tista’, minħabba ċirkustanzi speċifiċi, tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE.

64      Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni qieset li intensità ta’ għajnuna iktar għolja minn dik prevista mir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs ma tistax tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ).

65      Għalhekk hemm lok li t-tieni parti tar-raba’ motiv tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-programm sekondarju “Parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet” u fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

66      Ir-rikorrent jakkuża lill-Kummissjoni li kkunsidrat bħala inkompatibbli mas-suq komuni l-programm sekondarju “Parteċipazzjoni f’fieri u espożizzjonijiet” sa fejn huwa kien jipprovdi li l-parteċipazzjoni f’fiera setgħet tibbenefika mill-għajnuna sa tliet darbiet. Il-Kummissjoni kienet ibbażat din il-kunsiderazzjoni fuq l-Artikolu 5(b) tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs, li kien jipprovdi eżenzjoni biss għall-ewwel parteċipazzjoni ta’ impriża f’fiera jew espożizzjoni partikolari, b’mod li din l-għajnuna riptetuta hija inkompatibbli mas-suq komuni.

67      Ir-rikorrent iqis li l-Kummissjoni ma għamlet ebda użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha sa fejn hija tħalliet tiġi ggwidata minn dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs, mingħajr ma tesponi bl-ebda mod kif parteċipazzjoni ripetuta f’fieri u espożizzjonijiet ma tistax tkun eliġibbli anki f’każijiet eċċezzjonali. L-użu tal-formula “il-fatt li teżerċita mill-ġdid is-setgħa diskrezzjonali tagħha ma jbiddel xejn minn din il-konstatazjzoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, juri, skont ir-rikorrent, li l-Kummissjoni ma għamlitx użu minn din is-setgħa.

68      Għandu jiġi sostnut ukoll li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “prossimità tas-suq”. Għalhekk, fil-każijiet tal-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u għall-iżvilupp, il-Kummissjoni kienet iddeterminat l-intensità ta’ għajnuna awtorizzata skont il-livell ta’ prossimità tas-suq. F’każ ta’ distanza mis-suq, intensità ta’ għajnuna ta’ 100 % tista’ tiġi aċċettata. Ir-riferiment għall-allegata “prossimità tas-suq” tal-parteċipazzjoni f’fieri u f’espożizzjonijiet ma huwiex biżżejjed sabiex tkun ġustifikata l-limitazjoni ta’ għajnuna għal parteċipazzjoni waħda. Il-Kummissjoni jmissha tat deċiżjoni dwar il-livell ta’ prossimità tas-suq tal-parteċipazzjoni f’fieri u f’espożizzjonijiet fil-kuntest ta’ paragun ma’ sitwazzjonijiet oħra li jagħtu lok għal għajnuna, sabiex teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha fid-dawl ta’ dawn l-elementi.

69      Bl-istess mod, il-limitazzjoni tal-għajnuna għal parteċipazzjoin waħda f’fieri u f’espożizzjonijiet ma hijex iġġustifikata mill-perspettiva ekonomika. Ir-rikorrent jakkuża lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx ukoll il-provi prodotti li juru li unikament parteċipazzjoni ripetuta għall-istess fiera jew espożizzjoni setgħet iżżid il-possibbiltajet tal-esponent fis-suq, b’mod partikolari fil-każijiet fejn l-għan ta’ tali parteċipazzjoni huwa dak ta’ penetrazzjoni fi swieq barranin. L-impriżi żgħar u ta’ daqs medju tas-Sachsen ma għandhomx ġeneralment il-kapital neċessarju sabiex jipparteċipaw f’fiera jew f’espożizzjoni. Għalhekk għajnuna limitata għal parteċipazzjoni waħda ma hijiex suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan tal-għajnuna msemmi mir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs li jikkostitwixxi l-aċċess għas-swieq potenzjali (premessa 5). 60 % tal-impriżi li pparteċipaw f’fieri u f’espożizzjonijiet fil-kuntest ta’ wirjiet Ġermaniżi komuni ma kinux jagħmlu dan mingħajr l-għajnuna. Il-ħtieġa tal-parteċipazzjoni tal-impriżi tas-Saschsen f’fieri u espożizzjonijiet hija wkoll iġġustifikata mir-rata ta’ esportazzjoni sinjifikattivament inferjuri mill-medja nazzjonali.

70      Minħabba t-tranżitu mill-ekonomija ppjanifikata għal ekonomija tas-suq, l-impriżi tas-Sachsen għandhom, skont ir-rikorrent, jaqbżu diversi barrieri għad-dħul fis-suq. Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju f’fieri u espożizzjonijiet barranin tikkostitwixxi għalhekk, fuq il-pjan tal-politika ekonomika, għan essenzjali tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata, li permezz tagħha l-impriżi kellhom ikollhom aċċess għas-swieq dinjija.

71      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma evokat ebda argumenti ppreżentati mir-rikorrent u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u hija lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika partikolari tas-Sachsen.

72      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrent.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

73      Il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni tal-finanzjament ta’ parteċipazzjoni ripetuta f’fieri u espożizzjonijiet. Ir-rikorrent josserva li l-Kummissjoni, billi kkunsidrat bħala inkompatibbli mas-suq komuni l-finanzjament ta’ tali parteċipazzjoni sa tliet darbiet, bħal ma jipprovdi l-programm sekondarju inkwistjoni, ma għamlet ebda użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha. Huwa jallega wkoll li l-Kummissjoni ma mmotivatx għalfejn il-finanzjament ripetut ma jistax ikun kompatibbli mas-suq komuni wkoll f’każijiet eċċezzjonali.

74      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni applikat il-kriterji li jinsabu fir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs u kkonkludiet li l-programm sekondarju inkwistjoni ma kienx konformi mal-Artikolu 5(b) tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs u lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ).

75      Ir-rikorrent, min-naħa tiegħu, immotiva l-bżonn ta’ għajnuna minħabba d-diffikultajiet ta’ tranżizzjoni, fis-Sachsen, lejn l-ekonomija tas-suq, li huma riflessi mill-insuffiċjenza tal-kapital neċessarju għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll mir-rati ta’ esportazzjoni sinjifikattivament inqas mill-medja nazzjonali. L-għan tal-parteċipazzjoni ripetuta f’fieri jew f’espożizzjonijiet huwa l-penetrazzjoni fi swieq barranin.

76      F’dak li jikkonċerna l-argumenti tiegħu marbuta mat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija tas-suq, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn huma limitati għal riferimenti ġenerali għas-sitwazzjoni ekonomika diffiċli fis-Sachsen.

77      Għandu jitfakkar ukoll li argumenti simili kienu ġew invokati fil-kuntest tad-diversi kawżi li jirrigwardaw l-Artikolu 87(2)(ċ) KE, li jikkonċerna l-għajnuna mogħtija għall-ekonomija ta’ ċerti reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja milquta bid-diviżjoni tal-Ġermanja, sa fejn huma neċessarji sabiex jikkumpensaw l-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati minn din id-diviżjoni.

78      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni stretta għal din id-dispożizzjoni, billi ppreċiżat li “l-Artikolu [87](2)(ċ) KE ma jistax, mingħajr ma jikser kemm in-natura derogatorja ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li hija ssegwi, jippermetti li jiġi għal kollox ikkumpensat id-dewmien ekonomiku, indipendentement minn kemm huwa inkontestabbli, li minnu jbatu l-Länder il-ġodda” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “l-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati mid-diviżjoni tal-Ġermanja jirreferu biss għall-iżvantaġġi ekonomiċi pprovokati f’ċerti reġjuni Ġermaniżi minħabba l-iżolament li ħoloq l-istabbiliment ta’ fruntiera fiżika, bħall-waqfien tal-mezzi ta’ komunikazzjoni jew it-telf ta’ swieq sussegwentement għall-interruzzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ partijiet tat-territorju Ġermaniż” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, C‑57/00 P u C‑61/00 P, Ġabra p. I‑9975, punti 23 u 42).

79      Peress li din id-dispożizzjoni speċifika tat-Trattat kienet ġiet interpretata b’mod restrittiv, ir-riferimenti ġenerali għall-konsegwenzi ekonomiċi tad-diviżjoni tal-Ġermanja ma jistgħux iservu bħala ġustifikazzjoni għall-kompatibbiltà mal-Artikolu 87(3) KE ta’ għajnuna li tagħha l-intensità teċċedi dik prevista fir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs.

80      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-Kummissjoni jmissha pparagunat il-livell ta’ prossimità tas-suq tal-fieri u tal-espożizzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ u dak ta’ sitwazzjonijiet oħra li taw lok għal għajnuna, għandu jiġi rrilevat li tali paragun ma huwiex strettament neċessarju. Il-prossimità tas-suq hija kriterju oġġettiv, u mhux relattiv. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fieri u l-espożizzjonijiet huma avvenimenti kummerċjali, li joffru mhux biss għażla kbira ta’ oġġetti u ta’ servizzi, iżda li magħhom ukoll hemm programm varjat ta’ animazzjoni u jipproponu diversi servizzi lill-pubbliku sabiex jiġbdu numru kbir ta’ viżitaturi. Konsegwentement, il-fieri u l-espożizzjonijiet huma marbuta fil-qrib mas-suq, jekk mhux ukoll parti minnu.

81      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkwalifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri inkwistjoni bħala miżuri “orjentati fuq is-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

82      Għalhekk, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, il-benefiċjarju tal-għajnuna, wara parteċipazzjoni għal tali avveniment, għandu jkun fil-pożizzjoni li jieħu deċiżjoni b’għarfien tal-fatti dwar l-utilità ta’ parteċipazzjoni ripetuta, għall-ispejjeż tiegħu.

83      F’dak li jikkonċerna l-argumenti tar-rikorrent marbuta mar-rata ta’ esportazzjoni inqas mill-medja nazjonali u għall-ħtieġa ta’ dħul fis-swieq internazzjonali, għandu jitfakkar li, anki jekk, bħal ma jitfakkar fil-premessa 16 tiegħu, ir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs ma jeżentax, b’mod ġenerali, l-għajnuna għall-esportazzjoni, l-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali ma humiex normalment ikkunsidrati bħala għajnuna għall-esportazzjoni (ara l-punt 4 iktar ’il fuq). L-għajnuna inkwistjoni hija għalhekk, bħala prinċipju, kompatibbli mar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs. Madankollu, anki jekk huwa evidenti li l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju jipparteċipaw f’fieri sabiex jippromwovu l-prodotti tagħhom u li din il-parteċipazzjoni tippermettilhom skont il-każ li jżidu r-rata ta’ esportazzjoni, li huwa possibbli f’dan il-kuntest, ir-riferimenti ġenerali għar-rata ta’ esportazzjoni dgħajfa tal-Land tas-Sachsen ma jistgħux jiġġustifikaw l-intensità ta’ għajnuna iktar għolja minn dik prevista mir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs.

84      Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet aġixxiet b’mod korrett meta qieset li intensità ta’ għajnuna iktar għolja minn dik li hija prevista mir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs ma tistax tkun ikkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

85      Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, fil-premessi 66 u 67 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-programm sekondarju inkwistjoni ma kienx konformi mal-Artikolu 5(b) tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs li skont dan l-eżenzjoni tapplika biss għall-ewwel parteċipazzjoni ta’ impriża f’fiera jew espożizzjoni u li l-għajnuna grossa ma għandhiex taqbeż 50 % tal-ispejjeż. Hija tispjega din il-limitazzjoni bin-neċessità li jiġi ggarantit l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, peress li wara l-ewwel parteċipazzjoni kofinanzjata, huwa leġittimu li impriża żgħira jew ta’ daqs medju tiġi mistennija li tkun fil-pożizzjoni li tevalwa l-utilità ta’ parteċipazzjoni ripetuta fuq spejjeż tagħha. Il-Kummissjoni tispjega wkoll li miżura orjentata fuq is-suq, bħall-parteċipazzjoni f’fiera jew f’espożizzjoni, li taqbeż il-limitu ta’ għajnuna ta’ 50 %, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

86      Dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriflettu b’mod ċar ir-raġunament tagħha u għalhekk jissodisfaw il-kriterji tal-ġurisprudenza stabbilita li jikkonċernaw l-obbligu ta’ motivazzjoni, imfakkra fil-punt 27 iktar ’il fuq.

87      Għalhekk, hemm lok li t-tielet parti tar-raba’ motiv tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-programm sekondarju “Kooperazzjoni” u fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

88      Ir-rikorrent jakkuża lill-Kummissjoni li qieset li l-programm sekondarju “Kooperazzjoni” li kien jipprovdi għajnuna għall-operazzjonijiet u kellu b’konsegwenza jiġi eżaminat fid-dawl tal-linji gwida dwar għajnuna nazzjonali reġjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 226), (iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), kien jeħtieġ b’mod partikolari li din l-għajnuna kellha tkun limitata ratione temporis u li tiġi mnaqqsa progressivament (punt 4.17).

89      Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-miżuri ta’ promozzjoni ma jinkludux għajnuna għall-operazzjonijiet, peress li l-kiri possibbli għall-uffiċċji ta’ kooperazzjoni jew tas-salarji tal-persunal ma jissostitwixxux il-mezzi ta’ operazzjonijiet u ma jnaqqsux, b’mod ġenerali, l-ispejjeż kurrenti. Skont ir-rikorrent, il-miżuri previsti jissussidjaw unikament l-ispejjeż ġodda u addizzjonali fir-rigward tal-kooperazzjoni esterna għall-impriża.

90      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent iqis li l-Kummissjoni aġixxiet b’kontradizzjoni mal-prattika abitwali tagħha, peress li diġà fil-linji gwida nnotifikati fl-1992, għajnuna għal “spejjeż tal-persunal, ta’ materjal u ta’ vjaġġ” tal-korp li kellu jistabbilixxi l-miżuri u l-istabbilimenti komuni kienu ġew rimborsati “sa l-punt l-iktar ugwali possibbli”.

91      Ir-rikorrent iqis li d-degressività hija intiża sabiex iżżomm in-natura inċitattiva tal-għajnuna mingħajr ma toħloq dipendenza. Issa, fil-każ ineżami, l-għajnuna kienet talment limitata li hija ma setgħet toħloq ebda dipendenza. Għalhekk, billi ssegwi l-iskala tal-ammonti, l-għajnuna titlef in-natura inċitattiva tagħha.

92      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qatt ma kienet applikat b’mod strett il-punt 4.17 tal-linji gwida, billi ħadet inkunsiderazzjoni elementi oħra li jippermettu li ma jkunx hemm skala degressiva.

93      Meta fakkar il-kundizzjonijiet previsti mill-premessa 16 u l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs, ir-rikorrent isostni li l-istabbiliment ta’ grupp ta’ bejgħ barra mill-pajjiż ma huwiex l-istess ħaġa bħat-tqegħid u l-operazzjoni ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni fis-sens ta’ dan ir-regolament, minħabba li l-għan prinċipali ta’ dawn il-gruppi ta’ bejgħ kien li jevalwaw il-possibbiltajiet ta’ suċċess fis-swieq ġodda. Il-prospett ta’ swieq ġodda u l-istabbiliment tal-ewwel kuntatti ta’ negozju, permezz ta’ grupp ta’ bejgħ, kellhom jiġu awtorizzati sa fejn il-promozzjoni tal-introduzzjoni tal-prodotti ma hijiex ikkunsidrata bħala għajnuna fuq l-esportazzjoni. In-“natura diretta” neċessarja għall-eżistenza ta’ għajnuna fuq l-esportazzjoni hija barra minn hekk nieqsa.

94      Il-Kummissjoni kienet barra minn hekk ukoll wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta llimitat l-intensità ta’ għajnuna ammissibbli għal 50 %. Meta għamel riferment għall-argumenti tagħha żviluppati fil-kuntest tal-ilmenti preċedenti, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni ma analizzatx il-partikolaritajiet tal-ekonomija tas-Sachsen li l-istruttura tagħha hija kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ impriżi żgħar. Ir-rikorrent jikkontesta wkoll il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-miżuri previsti fil-kuntest tal-programm sekondarju “Kooperazzjoni” kienu “orjentati fuq is-suq”. Huwa jippreċiża li l-istudji ta’ possibbiltà jikkostitwixxu unikament studji prospettivi ddestinati sabiex jevalwaw il-potenzjal tal-kooperazzjoni.

95      Ir-rikorrent iqis li l-Kummissjoni ma tistax tiddikjara li l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ bejgħ barra mill-pajjiż huwa inkompatibbli mas-suq komuni filwaqt li tibbaża fuq il-prassi deċiżjonali tagħha, peress li hija diġà awtorizzat miżuri wisq qrib id-distribuzzjoni hekk imsejħa barra mill-pajjiż, peress li dawn kienu jsostnu direttament il-konklużjoni ta’ kuntratti, bħall-miżuri msemmija f’dan il-każ.

96      Fir-rigward tal-osservazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja “għandha kull spazju sabiex timplementa l-miżura ‘Ħolqien ta’ uffiċċji ta’ kooperazzjoni fil-Ġermanja’” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bħala għajnuna de minimis, ir-rikorrent isostni li tali mod ta’ proċediment ma huwiex effettiv, preċiżament meta din hija promozzjoni tal-kooperazzjoni, peress li, pereżempju, iċ-ċirku tal-benefiċjarji potenzjali li jixtiequ jikkooperaw huwa suġġett għal varjazzjonijiet permanenti u inġenerali ma huwiex suffiċjentement magħruf jew jista’ jiġi ddefinit fil-bidu ta’ din il-promozzjoni. Approċċ każ b’każ ma huwiex għalhekk adegwat, u din il-kwistjoni kellha wkoll tkun is-suġġett ta’ riflessjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

97      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrent.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

98      L-argument prinċipali tar-rikorrent jikkonċerna l-funzjonijiet u l-attivitajiet maħsuba tal-uffiċċji ta’ kooperazzjoni u tal-gruppi ta’ bejgħ. Ir-rikorrent jirrileva li għandha ssir distinzjoni bejn dawn il-gruppi u r-rappreżentazzjonijiet kummerċjali u li l-għajnuna prevista mill-programm sekondarju inkwistjoni dwar l-uffiċċji ta’ kooperazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala għajnuna skont l-operazzjonijiet.

99      Għandu jiġi rrielvat, ukoll, li l-partijiet ma ssuġġettawx elementi fattwali dwar l-istabbiliment, il-pożizzjoni ġeografika, it-tip ta’ attivitajiet u r-riżultati milħuqa mill-uffiċċji ta kooperazzjoni u l-gruppi ta’ bejgħ.

100    Huwa madankollu ftit plawżibbli li impriża żgħira u ta’ daqs medju tar-reġjun, li għandha tbati minn diffikultajiet marbuta mat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija tas-suq u li ma għandhiex fondi tagħha, tinvesti f’uffiċċju ta’ kooperazzjoni jew fi grupp ta’ bejgħ li l-attivitajiet tiegħu ma jirrigwardawx direttament li tirbaħ swieq ġodda.

101    Barra minn hekk jirriżulta b’mod ċar mid-dokumenti pprovduti mill-Kummissjoni, fl-annessi għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet inizjali tal-Qorti Ġenerali, li l-għan tal-istabbiliment ta’ dawn l-uffiċċji huwa promozzjoni tal-esportazzjoni, li l-finanzjament tagħha huwa illegali mhux biss skont it-Trattat, iżda wkoll skont il-Ftehim tal-WTO fuq is-sussidji u l-miżuri kumpensatorji, kif ġie kkonstatat fil-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata.

102    F’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni bħala għajnuna għall-operazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li d-dħul fi swieq ġodda kif ukoll l-isforzi sabiex tibqa’ fis-suq jagħmlu parti mill-istrateġija normali ta’ kull impriża li tixtieq tibqa’ fis-suq għal perijodu fit-tul. Issa, xi spejjeż huma neċessarji sabiex din il-preżenza tkun tista’ tkompli u tinfirex fis-suq u l-għajnuna mill-Istat mogħtija għal dan il-għan neċessarjment tnaqqas l-ispejjeż kurrenti tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dawn il-kontribuzzjonijiet għalhekk jaqgħu taħt il-kategorija tal-għajnuna għall-operazzjonijiet.

103    Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà, invokata mir-rikorrent, li tkun awtorizzata l-għajnuna inkwistjoni b’kunsiderazzjoni tal-prassi, għandhom jiġu kkunsidrati bħala suffiċjenti l-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni, b’mod partikolari li l-karta tal-għajnuna għal għan reġjonali fil-Ġermanja skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2003, filwaqt li l-programm inkwistjoni kellu jintemm iktar tard. Minbarra dan, fid-deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kienet spjegat ukoll li hija kienet tidderoga eċċezzjonalment biss mill-prinċipju ta’ degressività.

104    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent dwar ir-Regolament de minimis, hemm lok li dan jiġi miċħud bħala ineffettiv, peress li l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni dwar dan ir-regolament ma ġietx imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata ħlief sussidjarjament.

105    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni b’mod korrett qieset li l-intensità ta’ għajnuna iktar għolja minn dik prevista mir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs ma tistax tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ). Minbarra dan, il-Kummissjoni kienet korrettament ikkunsidrat li, sa fejn il-programm sekondarju “Kooperazzjoni” kien jipprovdi għajnuna għall-operazzjonijiet, dan kien inkompatibbli mas-suq komuni.

106    Fir-rigward tal-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-programm sekondarju “Kooperazzjoni”, u sa fejn ir-rikorrent ma jsostnix argument speċifiku f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni analizzat separatament l-għajnuna għall-ħolqien u l-operazzjoni ta’ uffiċċji ta’ kooperazzjoni fil-Ġermanja u l-għajnuna għall-ħolqien ta’ gruppi ta’ bejgħ ġewwa u barra l-Komunità. Fl-ewwel lok, il-Komunità kklassifikat l-għajnuna għall-ħolqien u għall-operazzjoni ta’ uffiċċji ta’ kooperazzjoni fil-Ġermanja bħala għajuna għall-operazzjonijiet, qabel ma ġiet eżaminata fid-dawl tal-linji gwida u tissodisfa l-kundizzjonijiet tagħhom mingħajr eċċezzjoni, b’mod partikolari dawk tal-punt 4.17 tagħhom. Hija tispjega sussegwentement għalfejn dawn il-kundizzjonijiet ma humiex sodisfatti. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kklassifikat l-għajnuna għall-ħolqien ta’ gruppi ta’ bejgħ, inkarigati milli jgħinu lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju fl-istudju tas-swieq barranin u d-dħul f’dawn is-swieq, bħala għajnuna għall-esportazzjoni, li kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ eżenzjoni SME mill-Artikolu 1(a)(2)(b) tiegħu. Hija żżid li intensità ta’ għajnuna massima ta’ 80 % sabiex issir promozzjoni fil-kuntest ta’ dan il-programm sekondarju tal-miżuri orjentati fuq is-suq tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa fejn imorru kontra l-interess komuni u li din il-parti tal-miżura ma setgħetx tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

107    Dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriflettu b’mod ċar ir-raġunament tal-Kummissjoni u għalhekk jissodisfaw il-kriterji ta’ ġurisprudenza stabbilita dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni, imfakkra fil-punt 27 iktar ’il fuq.

108    Għalhekk ir-raba’ parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-programm sekondarju “Promozzjoni tal-istil” u fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

109    Fir-rigward tal-programm sekondarju “Promozzjoni tal-istil”, ir-rikorrent isostni li l-Kummissoni tieħu wkoll bħala kriterju wieħed l-intensità tal-għajnuna prevista mir-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs u tagħmel riferiment għall-argumenti żviluppati fuq l-istess suġġett dwar il-programmi sekondarji l-oħra. Il-Kummissjoni, kienet b’mod żbaljat għamlet użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha.

110    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrent.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

111    Ir-rikorrent ma ressaqx argumenti speċifiċi fil-kuntest ta’ din il-parti, billi llimita ruħu għal riferiment għall-argument dwar il-programmi sekondarji l-oħra.

112    Konsegwentement, bħal ma l-argumenti tar-rikorrent fil-kuntest tal-partijiet preċedenti kienu ġew miċħuda, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra l-programm sekondarju inkwistjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni minħabba “raġunijiet analogi” għal dawk ikkunsidrati għall-programmi sekondarji oħra, hemm lok ukoll li jiġi kkonstatat, fir-rigward ta’ din il-parti, li l-Kummissjoni korrettament qieset li intensità ta’ għajnuna iktar għolja minn dik li kienet prevista mir-Regolament ta’ eżenzjoni ma tistax lanqas tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

113    Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-programm sekondarju inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni indikat, fil-premessa 41, li “l-għajnuna ta’ [dan] il-programm sekondarju [...] [kienet taqa’] taħt l-Artikolu 5 (servizzi ta’ konsulenza u servizzi u attivitajiet oħra) tar-Regolament [ta’ eżenzjoni SMEs], iżda peress li dan il-programm sekondarju [kien] jipprovdi intensitajiet ta’ għajnuna li [kienu] jaqbżu dawk daqs il-livell ta’ 50 % ffissat fl-Artikolu 5(b), il-Kummissjoni kellha dubji serji rigward il-kompatibbiltà tiegħu mas-suq komuni”. Il-Kummissjoni tqis ukoll fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata li, għal raġunijiet analogi għal dawk ikkunsidrati fir-rigward tal-programmi sekondarji l-oħra, il-programm sekondarju “Promozzjoni tal-istil” ma kienx konformi mar-Regolament ta’ eżenzjoni SMEs u, billi pprovda intensità ta’ għajnuna grossa ogħla minn 50 % għall-użu ta’ servizzi ta’ konsulenza, dan kien inkompatibbli mas-suq komuni.

114    Fin-nuqqas ta’ argumenti speċifiċi invokati mir-rikorrent, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Kummissjoni jirriflettu b’mod ċar ir-raġunament tagħha u, għalhekk, jissodisfaw il-kriterji tal-ġurisprudenza stabbilita dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni, imfakkra fil-punt 27 iktar ’il fuq.

115    Għalhekk hemm lok li l-ħames parti tar-raba’ motiv tiġi miċħuda.

116    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-deċiżjoni kkontestata, moqrija kollha kemm hi, fiha l-analiżi tal-kompatibbiltà tal-programmi sekondarji inkwistjoni mat-Trattat u hija mmotivata suffiċjentement fid-dritt.

117    Konsegwentement, ir-raba motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

118    Fir-rigward ta’ dak kollu li ntaql, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

119    Fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ġiet ikkundannata għall-ispejjeż. Fis‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din irriżervat l‑ispejjeż. Hija għalhekk il-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż kollha marbuta mad-diversi proċeduri, skont l-Artikolu 121 tar-Regoli tal-Proċedura.

120    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Freistaat Sachsesn (il-Ġermanja) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Czúcz

Cremona

Labucka

Frimodt Nielsen

 

      O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Lulju 2011.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż