SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)
30 ta’ Settembru 2004 (*)
"Kompetizzjoni – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Regoli kontra d-doping adottati mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) – Leġiżlazzjoni purament sportiva"
Fil-kawża T-313/02,
David Meca-Medina, residenti f’Barċellona (Spanja),
Igor Majcen, residenti f’Ljubljana (Is-Slovenja),
irrappreżentati minn J.-L. Dupont, avukat,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn O. Beynet u A. Bouquet, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
sostnuta mir-
Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä, bħala aġent, b‘indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2002 li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti kontra l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI), intiż sabiex tiġi kkonstatata l-inkompatibbiltà ta’ ċerti regoli adottati minn dan il-Kumitat u implementati mill-Fédération internationale de natation (FINA), kif ukoll ta’ ċerti prattiki dwar il-kontroll tad-doping, mar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Kawża COMP/38158 – Meca-Medina u Majcen vs KOI),
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn H. Legal, President, V. Tiili u M. Vilaras, Imħallfin,
Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ April 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku u fattwali
1 Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (iktar ‘il quddiem il-"KOI") huwa l-awtorità suprema tal-Moviment Olimpiku, li flimkien jgħaqqad id-diversi federazzjonijiet sportivi internazzjonali, fosthom il-Fédération internationale de natation (iktar ‘il quddiem il-"FINA").
2 Il-FINA timplementa għall-għawm, permezz tad-Doping Control Rules tagħha (regoli ta’ kontroll tad-doping, fil-verżjoni li kienet fis-seħħ meta ġraw il-fatti, iktar ‘il quddiem "DC"), il-Kodiċi ta’ kontra d-doping tal-Moviment Olimpiku. Ir-Regola DC 1.2a tiddefinixxi d-doping bħala "reat meta sustanza pprojbita tinstab fit-tessuti jew fil-likwidi tal-ġisem ta’ atleta". Din id-definizzjoni tikkorrispondi għal dik ta’ l-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi ta’ kontra d-doping imsemmi hawn fuq, li jgħid li jiddefinixxi d-doping bħala "il-preżenza fl-organiżmu ta’ l-atleta ta’ sustanza pprojbita, il-konstatazzjoni ta’ l-użu ta’ tali sustanza jew il-konstatazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ metodu pprojbit".
3 In-nandrolone u l-metaboliti tiegħu, in-norandrosterone (NA) u n-norethiocholanolone (NE) (iktar ‘il quddiem flimkien imsejħa, in-"nandrolone"), huma sustanzi anaboliċi pprojbiti. Madankollu, skond il-prattika ta’ 27 laboratorju akkreditati mill-KOI u mill-FINA, u biex tittieħed in kunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ produzzjoni endoġenika, għalhekk mhux doluża, ta’ nandrolone, il-preżenza ta’ din is-sustanza fil-ġisem ta’ atleti rġiel hija kkwalifikata bħala doping biss meta taqbeż limitu ta’ tolleranza ta’ 2 nanogrammi (ng) għal kull millilitru (ml) ta’ urina.
4 Fil-każ ta’ l-ewwel doping b’sustanza anabolika, ir-Regola DC 9.2a teżiġi li l-atleta jkun sospiż għall-inqas għal erba’ snin, għalkemm din is-sanzjoni tista’ titnaqqas, skond l-aħħar sentenza tar-Regola DC 9.2 u r-Regoli DC 9.3 u DC 9.10, jekk l-atleta jipprova li ħa s-sustanza pprojbita mingħajr ma kien jaf jew jekk jipprova kif din is-sustanza setgħat tkun preżenti f’ġismu mingħajr negliġenza min-naħa tiegħu.
5 Is-sanzjonijiet huma imposti mid-Doping Panel (Kumitat ta’ kontra d-doping) tal-FINA, li d-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem il-Qorti ta’ l-Arbitraġġ ta’ l-Isports (iktar ‘il quddiem il-"QAS"), skond ir-Regola DC 8.9. Il-QAS, li għandu s-sede tiegħu f’Lausanne, huwa ffinanzjat u amministrat minn organizzazzjoni indipendenti mill-KOI, il-Kunsill Internazzjonali ta’ l-Arbitraġġ fl-Isports (iktar ‘il quddiem il-"KIAS").
6 Id-deċiżjonijiet tal-QAS jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem il-Qorti Federali Żvizzera, li hija l-qorti kompetenti biex tirrivedi deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ internazzjonali mogħtija fl-Iżvizzera.
7 Ir-rikorrenti huma żewġ atleti professjonali li jipprattikaw l-għawm fit-tul, li huwa l-ekwivalenti akwatiku tal-maratona.
8 Waqt kontoll ta’ kontra d-doping magħmul fil-31 ta’ Jannar 1999, waqt it-Tazza tad-Dinja ta’ din id-dixxiplina f’Salvador de Bahia (il-Brażil), fejn huma spiċċaw l-ewwel u t-tieni, rispettivament, ir-rikorrenti rriżultaw pożittivi għat-test tan-nandrolone. Il-livell misjub fir-rigward ta’ D. Meca‑Medina kien ta’ 9,7 ng/ml u fir-rigward ta’ I. Majcen kien ta’ 3,9 ng/ml.
9 Fit-8 ta’ Awwissu 1999, id-Doping Panel tal-FINA ħa deċiżjoni li jissospendi lir-rikorrenti għal perijodu ta’ erba’ snin.
10 Fuq appell tar-rikorrenti, il-QAS ikkonfermat id-deċiżjoni ta’ sospensjoni, b’deċiżjoni ta’ arbitraġġ tad-29 ta’ Frar 2000.
11 F’Jannar 2000, esperimenti xjentifiċi wrew li l-metaboliti tan-nandrolone jistgħu jiġu prodotti b’mod endoġeniku mill-ġisem tal-bniedem, f’livell li jista’ jaqbeż il-limitu aċċettat, meta jittiekel ċertu ikel, bħal-laħam tal-ħanżir tad-dar mhux imsewwi.
12 Minħabba f’dan l-iżvilupp, il-FINA u r-rikorrenti waslu, permezz ta’ ftehim ta’ arbitraġġ ta’ l-20 ta’ April 2000, li jirreferu l-każ mill-ġdid lill-QAS, sabiex jiġi eżaminat mill-ġdid.
13 B’deċiżjoni ta’ arbitraġġ tat-23 ta’ Mejju 2001, il-QAS naqqset is-sanzjoni ta’ sospensjoni tar-rikorrenti għal sentejn.
14 Ir-rikorrenti m’appellawx kontra din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ quddiem il-Qorti Federali Żvizzera.
15 B’ittra tat-30 ta’ Mejju 2001, ir-rikorrenti ressqu lment mal-Kummissjoni, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), fejn allegaw ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u/jew 82 KE
16 Fl-ilment tagħhom, ir-rikorrenti qiegħdu f’dubju l-kompatibbiltà ta’ ċerti regoli adottati mill-KOI u implementati mill-FINA, kif ukoll ċerti prattiki dwar il-kontroll tad-doping, mar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-ewwel nett, l-iffissar tal-livell ta’ tolleranza ta’ 2 ng/ml jikkostitwixxi prattika miftiehma bejn il-KOI u s-27 laboratorju akkreditati minnha. Dan il-livell huwa bbażat ħażin xjentifikament u jista’ jwassal għall-esklużjoni ta’ atleti innoċenti jew sempliċement negliġenti. Fil-każ tar-rikorrenti, il-qbiż tal-livell ta’ tolleranza li ġie kkonstatat seta’ jirriżulta mill-konsum ta’ platt li fih laħam tal-majjal mhux imsewwi. It-tieni nett, l-adozzjoni mill-KOI ta’ mekkaniżmu ta’ responsabbiltà oġġettiva u t-twaqqif ta’ qrati responsabbli għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-isport permezz ta’ l-arbitraġġ (il-QAS u l-KIAS) li mhumiex indipendenti biżżejjed mill-KOI jsaħħu n-natura antikompetittiva ta’ dan il-limitu.
17 Skond dan l-ilment, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli (iktar ‘il quddiem imsejħa r-"regoli ta’ kontra d-doping in kwistjoni" jew il-"leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni") twassal għall-ksur tal-libertajiet ekonomiċi ta’ l-atleti, iggarantiti b’mod partikolari bl-Artikolu 49 KE, u, mill-aspett tad-dritt tal-kompetizzjoni, għall-ksur tad-drittijiet li l-atleti jistgħu jinvokaw taħt l-Artikoli 81 KE u 82 KE.
18 B’ittra tat-8 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti, skond l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98 tat-22 ta’ Diċembru 1998 dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 354, p. 18), ir-raġunijiet li għalihom kien jidrilha li ma kellhiex tilqa’ l-ilment.
19 B’ittra tal-11 ta’ April 2002, ir-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-ittra tat-8 ta’ Marzu 2002.
20 B’deċiżjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2002 (iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti, wara li eżaminat il-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni skond il-kriterji ta’ evalwazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni u kkonkludiet li din il-leġiżlazzjoni ma taqax taħt il-projbizzjoni prevista taħt l-Artikoli 81 KE u 82 KE (punti 33 sa 70 tad-deċiżjoni kkontestata).
Proċedura u talbiet tal-partijiet
21 B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Ottubru 2002, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.
22 B’att separat ta’ l-istess data, ir-rikorrenti ppreżentaw talba għal proċedura mħaffa, skond l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Din it-talba, li l-Kummissjoni opponiet fl-osservazzonijiet tagħha ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Ottubru 2002, ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
23 B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Jannar 2003, ir-Repubblika tal-Finlandja talbet li tintervjeni in sostenn tal-Kummissjoni. B’digriet tal-25 ta’ Frar 2003, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza awtorizza dan l-intervent. L-intervenjenti ppreżentat is-sottomissjonijiet ta’ l-intervent tagħha fis-7 ta’ April 2003.
24 Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.
25 Ir-rikorrenti u l-konvenuta kienu preżenti għas-seduta tal-21 ta’ April 2004 u nstemgħu t-trattazzjonijiet tagħhom u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza. L-intervenjenti ma kinitx preżenti għas-seduta, u dan ġie rreġistrat fil-verbal tas-seduta.
26 Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha: tannulla d-deċiżjoni kkontestata.
27 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.
28 Ir-Repubblika tal-Finlandja titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha: tiċħad ir-rikors.
Id-dritt
L-argumenti tal-partijiet
29 Ir-rikorrenti jqajmu tliet motivi in sostenn tar-rikors tagħhom.
30 Skond l-ewwel motiv, il-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-fatt u fid-dritt, meta kkunsidrat li l-KOI mhijiex impriża skond il-ġurisprudenza Komunitarja.
31 Skond it-tieni motiv, il-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-fatt u fid-dritt, meta kkunsidrat li l-limitazzjoni tal-libertà ta’ l-atleti li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni mhijiex restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE, billi tali limitazzjoni hija inerenti għall-organizzazzjoni u għall-iżvolġiment xieraq tal-kompetizzjoni sportiva u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra d-doping. Il-Kummissjoni applikat ħażin il-kriterji stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C-309/99, Ġabra p. I‑1577, iktar ‘il quddiem is-"sentenza Wouters").
32 Skond it-tielet motiv, il-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-fatt u fid-dritt, meta stqarret dan li ġej fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata: "L-ilment ma fihx fatti li jippermettu li wieħed jasal għall-konklużjoni li jista’ jkun hemm ksur ta’ l-Artikolu 49 KE minn Stat Membru jew minn Stat assoċjat. Fil-fatt, l-ebda element ma jindika r-responsabbiltà ta’ awtorità ta’ Stat Membru fl-adozzjoni ta’ atti li jistgħu jirriżultaw kuntrarji għall-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi."
33 Wara li l-Kummissjoni sostniet, preliminarjament, li r-rikors kien manifestament infondat, billi intiż biex iqajjem dubji, għal raġunijiet artifiċjali bbażati fuq id-dritt tal-kompetizzjoni, dwar sanzjoni sportiva u kriterji xjentifiċi stabbiliti għall-ġlieda kontra d-doping, hija tipproċedi, fil-kuntest tar-rifjut tat-tliet motivi għall-annullament, biex tiġġustifika l-analiżi magħmula fid-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, hija indikat li l-KOI jista’ jiġi kkwalifikat bħala impriża u żiedet li, fi ħdan il-Moviment Olimpiku, il-KOI jista’ jiġi kkwalifikat bħala assoċjazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali ta’ impriżi. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet, fil-punti 55, 70 u 72 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-regoli ta’ kontra d-doping in kwistjoni ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 82 KE u li hija ma marritx kontra l-kriterji stabbiliti fis-sentenza Wouters. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ġustament, ma laqgħatx l-ilment safejn jirrigwarda ksur ta’ l-Artikolu 49 KE, billi dan l-ilment ma fihx provi li jippermettu li jiġi konkluż li jista’ jkun hemm tali ksur minn Stat Membru jew minn Stat assoċjat (punt 71 tad-deċiżjoni kkontestata).
34 Ir-Repubblika tal-Finlandja ssostnitqis li, min-naħa tagħha, li l-isport jista’ jitqies minn żewġ aspetti: hemm, minn naħa, l-attività sportiva proprja, li għandha rwol soċjali, li jgħaqqad u kulturali, u, min-naħa l-oħra, attività ekonomika li hija marbuta ma’ l-isport. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-isport jaqa’ taħt id-dritt Komunitarju biss safejn jirrigwarda attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 2 KE (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, Ġabra p. 1405, iktar ‘il quddiem is-"sentenza Walrave", punt 8; tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, iktar ‘il quddiem is-"sentenza Bosman", punt 73, u tal-11 ta’ April 2000, Deliège, C-51/96 u C-191/97, Ġabra p. I-2549, iktar ’il quddiem is-"sentenza Deliège", punt 41). Għalhekk, l-attività sportiva proprja u r-regoli inerenti għal din l-attività, li fosthom hemm ir-regoli ta’ kontra d-doping, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tilqa’ dan ir-rikors mingħajr ma ddgħajjef is-sistema internazzjonali tal-ġlieda kontra d-doping, li, min-naħa tagħha, iddgħajjef il-valuri li l-organizzazzjoni ta’ l-isport tfittex li tippromwovi.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
35 Il-preżenti rikors, li jfittex l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad ilment skond proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE, iqajjem essenzjalment id-domanda jekk leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping tistax tkun ikkontestata taħt l-Artikolu 49 KE, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u liema huma l-konsegwenzi li possibbilment għandhom joħorġu mid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.
36 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, li minnha jiddependi l-eżitu tar-rikors, kif ukoll għall-motivi u argumenti tal-partijiet, huwa neċessarju li tiġi ddefinita n-natura u l-kontenut tal-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni għal-leġiżlazzjoni sportiva tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fuq il-libertajiet ekonomiċi u b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet applikabbli f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-kompetizzjoni.
Fuq l-applikazzjoni għal-leġiżlazzjoni sportiva tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fuq il-libertajiet ekonomiċi
37 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl ta’ l-għanijiet tal-Komunità, l-attività sportiva taqa’ taħt id-dritt Komunitarju biss safejn tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 2 KE (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Walrave, punt 4; ta’ l-14 ta’ Lulju 1976, Donà, 13/76, Ġabra p. 1333, iktar ‘il quddiem is-"sentenza Donà", punt 12; Bosman, punt 73; Deliège, punt 41, u tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C-176/96, Ġabra p. I-2681, iktar ‘il quddiem is-"sentenza Lehtonen", punt 32). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-attività sportiva għandha importanza soċjali konsiderevoli fil-Komunità (is-sentenzi Bosman, punt 106, u Deliège, punt 41).
38 Din il-ġurisprudenza hija sostnuta mid-Dikjarazzjoni Nru 29 dwar l-isport, li tinsab annessa ma’ l-att finali tal-Konferenza li adottat it-test tat-Trattat ta’ Amsterdam, li tenfasizza l-importanza soċjali ta’ l-isport u tistieden b’mod partikolari lill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea li jagħtu attenzjoni speċjali lill-karatteristiċi partikolari ta’ l-isport tad-dilettanti. B’mod partikolari, din id-dikjarazzjoni hija koerenti ma’ l-imsemmija ġurisprudenza safejn tirrigwarda s-sitwazzjonijiet fejn l-isport jikkostitwixxi attività ekonomika (is-sentenza Deliège, punt 42).
39 Meta attività sportiva għandha n-natura ta’ prestazzjoni ta’ xogħol bil-paga jew ta’ prestazzjoni ta’ servizzi bi ħlas, hija taqa’, b’mod iktar partikolari, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l*A-A-A---Artikoli 39 KE et seq. jew ta’ l-Artikoli 49 KE et seq., skond il-każ (is-sentenzi Walrave, punt 5; Donà, punti 12 u 13, u Bosman, punt 73).
40 Għalhekk, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, il-projbizzjonijiet stabbiliti bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat japplikaw għar-regoli adottati fil-qasam ta’ l-isport li jirrigwardaw l-aspett ekonomiku li jista’ jkollha l-attività sportiva. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli li jipprovdu għall-ħlas ta’ kumpens għat-trasferiment ta’ plejers professjonali bejn il-klabbs (klawżoli ta’ trasferiment), jew li jillimitaw in-numru ta’ plejers professjonali ċittadini ta’ Stati Membri oħra li dawn il-klabbs jistgħu jilagħbu waqt il-logħbiet (regoli fuq il-kompożizzjoni tat-timijiet tal-klabbs), jew ukoll li jistabbilixxu, mingħajr raġunijiet oġġettivi li jikkonċernaw biss l-isport jew immotivati minn differenzi fiċ-ċirkustanzi bejn il-plejers, termini differenti għat-trasferiment ta’ plejers li ġejjin minn Stati Membri oħra (klawżoli fuq it-termini ta’ trasferiment), jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u huma suġġetti għall-projbizzjonijiet li stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Bosman, punti 114 u 137; is-sentenza Lehtonen, punt 60, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, Deutscher Handballbund, C-438/00, Ġabra p. I‑4135, iktar ‘il quddiem is-"sentenza Kolpak", punti 56 sa 58).
41 Min-naħa l-oħra, il-projbizzjonijiet stabbiliti b’dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ma jikkonċernawx ir-regoli purament sportivi, jiġifieri r-regoli li jikkonċernaw kwistjonijiet li jirrigwardaw biss l-isport u, bħala tali, m’għandhomx x’jaqsmu ma’ l-attività ekonomika (is-sentenza Walrave, punt 8). Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni, li tirrigwarda n-natura u l-kuntest speċifiċi ta’ l-avvenimenti sportivi, hija inerenti għall-organizzazzjoni u għall-iżvolġiment xieraq tal-kompetizzjoni sportiva u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi restrizzjoni għar-regoli Komunitarji dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F’dan il-kuntest, ġie deċiż li r-regoli fuq il-kompożizzjoni tat-timijiet nazzjonali (is-sentenzi Walrave, punt 8, u Donà, punt 14), jew ir-regoli dwar l-għażla mill-federazzjonijiet sportivi ta’ dawk fost il-membri tagħhom li jistgħu jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ livell għoli (sentenza Deliège, punt 64), jikkostitwixxu regoli purament sportivi, li huma esklużi, min-natura tagħhom, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 39 KE u 49 KE. Ir-"regoli tal-logħba" fis-sens strett, bħal, per eżempju, ir-regoli li jistabbilixxu t-tul tal-logħbiet jew in-numru ta’ plejers fuq il-grawnd, jifformaw parti wkoll minn dawn ir-regoli, billi l-isport jista’ jeżisti u jiġi pprattikat biss fil-kuntest ta’ regoli speċifiċi. Din ir-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq imsemmija madankollu għandha tibqa’ limitata għall-għan proprju tagħha (is-sentenzi Walrave, punt 9 ; Donà, punt 15 ; Bosman, punti 76 u 127; Deliège, punt 43, u Lehtonen, punt 34).
42 Għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenzi fuq imsemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex għalfejn tiddeċiedi dwar jekk ir-regoli sportivi in kwistjoni humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Bosman, punt 138 ; Deliège, punti 36 sa 40, u Lehtonen, punt 28). Madankollu, il-prinċipji li joħorġu mill-ġurisprudenza, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għal-leġiżlazzjoni sportiva ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi, huma validi wkoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-fatt li leġiżlazzjoni purament sportiva ma jkollha x’taqsam xejn ma’ l-attività ekonomika, bil-konsegwenza, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 39 KE u 49 KE, ifisser ukoll li hija ma jkollha x’taqsam xejn mar-relazzjonijiet ekonomiċi ta’ kompetizzjoni, bil-konsegwenza li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Mill-banda l-oħra, leġiżlazzjoni li, minkejja li tkun adottata fil-qasam ta’ l-isport, mhijiex purament sportiva iżda tikkonċerna l-aspett ekonomiku li jista’ jkollha l-attività sportiva, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kemm ta’ l-Artikoli 39 KE u 49 KE kif ukoll ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE u tista’, jekk ikun il-każ, tikkostitwixxi ksur tal-libertajiet garantiti minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Bosman, Ġabra p. I‑4930, punti 253 sa 286, u b’mod partikolari l-punti 262, 277 u 278; ta’ l-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Deliège, Ġabra p. I‑2553, punti 103 sa 112, u ta’ l-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Lehtonen, Ġabra p. I‑2685, punti 110 u 115) u tkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE.
43 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi ddefinita n-natura tal-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping, f’din il-kawża, tar-regoli ta’ kontra d-doping in kwistjoni.
Fuq in-natura ta’ regoli ta’ kontra d-doping in kwistjoni
44 Għandu jiġi rilevat li, minkejja li huwa veru li l-isport ta’ livell għoli sar, fil-biċċa l-kbira tiegħu, attività ekonomika, jibqa’ l-fatt li l-ġlieda kontra d-doping ma għandha l-ebda għan ekonomiku. Fil-fatt, il-ġlieda kontra d-doping hija intiża biex tħares, l-ewwel nett, l-ispirtu sportiv (il-fair play), li mingħajru l-isport, kemm jekk ipprattikat bil-mod tad-dilettanti kif ukoll jekk ipprattikat b’mod professjonali, mhuwiex iktar sport. Dan il-għan, purament soċjali, jiġġustifika waħdu biss il-ġlieda kontra d-doping. It-tieni nett, billi l-prodotti tad-doping mhumiex neqsin minn effetti fiżjoloġiċi negattivi, din il-ġlieda tfittex li tipproteġi s-saħħa ta’ l-atleti. Għalhekk, il-projbizzjoni tad-doping, bħala espressjoni partikolari ta’ l-eżiġenza tal-fair-play, tifforma parti mir-regoli ewlenin tal-logħob sportiv.
45 Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-attività sportiva hija, fl-essenza tagħha stess, att gratuwitu, mhux ekonomiku, u dan anki meta l-atleta jwettaqha din fil-kuntest ta’ attività sportiva professjonali. Fi kliem ieħor, il-projbizzjoni tad-doping u l-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping jirrigwardaw esklużivament, u dan anki meta l-attività sportiva titwettaq minn professjonist, dimensjoni mhux ekonomika ta’ din l-attività sportiva, li tikkostitwixxi l-essenza nfisha tagħha.
46 Dawn il-kunsiderazzjonijiet isibu l-eku tagħhom ukoll fil-Pjan ta’ sostenn Komunitarju għall-ġlieda kontra d-doping fl-isport, ta’ l-1 ta’ Diċembru 1999 [COM(1999) 643 finali], li skondu d-doping "huwa simbolu tal-kontradizzjoni għall-isport u għall-valuri tradizzjonalment irrappreżentati minnu", fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Settembru 1998, intitolat "Evoluzzjoni u perspettivi ta’ l-azzjoni Komunitarja fl-isport", li jgħid li "l-isport jaqdi rwol fis-soċjetà li jsaħħaħ il-morali" permezz tal-"valuri assoċjati mal-’fair play’, mas-solidarjetà, mal-kompetizzjoni ġusta [u] ma’ l-ispirtu ta’ tim" li jġib miegħu, u fir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew bil-għan li jiġu protetti l-istrutturi sportivi attwali u li tinżamm il-funzjoni soċjali ta’ l-isport fil-kuntest Komunitarju, ta’ l-10 ta’ Diċembru 1999 [COM(1999) 644 finali, magħruf ukoll bħala r-"Rapport ta’ Ħelsinki"], li skondu "ir-regoli inerenti għall-isport huma, l-ewwel nett, ir-'regoli tal-logħba’" u "l-għan ta’ dawn ir-regoli mhuwiex li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni".
47 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni tad-doping hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet purament sportivi u għalhekk m’għandha x’taqsam xejn ma’ kunsiderazzjonijiet ekonomiċi. Din il-konstatazzjoni tfisser, fid-dawl tal-ġurisprudenza u tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 37 sa 42 iktar ‘il fuq, li r-regoli tal-ġlieda ta’ kontra d-doping ma jistgħux, kif ma setgħux ir-regoli eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Walrave, Donà u Deliège, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-libertajiet ekonomiċi u, b’mod partikolari, ta’ l-Artikoli 49 KE, 81 KE u 82 KE. Fil-fatt, ir-regoli ta’ kontra d-doping huma marbuta mill-qrib ma’ l-isport bħala tali.
48 F’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tal-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni.
49 Fil-fatt, minn naħa, huwa paċifiku mill-proċess li l-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni m’għandha l-ebda għan diskriminatorju. B’mod partikolari, ir-rikorrenti bl-ebda mod m’allegaw, anzi pjuttost kien il-kuntrarju, li l-limitu ta’ tolleranza msemmi fil-punt 3 iktar ‘il fuq huwa applikat b’mod selettiv lil ċerti atleti jew kategoriji ta’ atleti biex jeskluduhom mill-kompetizzjonijiet. Fl-ipoteżi ta’ tali diskriminazzjoni, ir-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-libertajiet ekonomiċi, rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-leġiżlazzjoni purament sportiva (sentenza Walrave, punt 9), ma tkunx tista’, evidentement, tiġi applikata fir-rigward tal-leġiżlazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, din ir-restrizzjoni ma tkunx għaldaqstant limitata għall-għan tagħha proprju, li huwa l-protezzjoni "tal-kompetizzjoni nobbli u ta’ l-ideali oħra ta’ l-isport" (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Deliège, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 50 u 74). Għalhekk, tali leġiżlazzjoni ma taħrabx mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-libertajiet ekonomiċi u jista’ jkun hemm ksur ta’ dawn il-libertajiet, ksur li hija l-Kummissjoni li trid tikkonstata u tissanzjona fil-kuntest ta’ proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE jekk il-leġiżlazzjoni in kwistjoni tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni.
50 Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti jippruvaw, minn żewġ aspetti differenti, li jqajmu dubji dwar in-natura purament sportiva tal-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni ma jistgħux jiġu milqugħa.
51 Mill-ewwel aspett, ir-rikorrenti jsostnu li l-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni tikser il-libertajiet ekonomiċi tagħhom għaliex għandha riperkussjonijiet ekonomiċi għalihom.
52 Dan ir-raġunament, li jammonta għas-sottomissjoni li leġiżlazzjoni ma tistax tkun purament sportiva jekk ikollha riperkussjonijiet ekonomiċi, tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
53 Fil-fatt, huwa preċiżament għaliex, l-ewwel nett, leġiżlazzjoni sportiva għandha riperkussjonijiet ekonomiċi għall-isportivi professjonisti u, it-tieni nett, għaliex din il-leġiżlazzjoni hija meqjusa eċċessiva minn uħud minn dawn l-isportivi li jinħolqu l-kontroversji u tqum il-kwistjoni jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex ta’ natura purament sportiva (il-każ tal-leġiżlazzjoni li tat lok għas-sentenzi Walrave, Deliège u Donà) jew jekk tirreferix għall-attività sportiva fid-dimensjoni ekonomika tagħha (il-każ tal-leġiżlazzjoni li tat lok għas-sentenzi Bosman, Lehtonen u Kolpak).
54 Dejjem mill-ewwel aspett, ir-rikorrenti sostnew, b’mod partikolari waqt is-seduta, li huwa minħabba fin-natura allegatament eċċessiva tal-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni li din tikser il-libertajiet ekonomiċi ta’ l-atleti garantiti mit-Trattat. Fi kliem ieħor, din il-leġiżlazzjoni, għalkemm mhijiex diskriminatorja, saret, safejn hija eċċessiva u proprju minħabba din in-natura eċċessiva tagħha, diversa minn leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping u, għaldaqstant, diversa minn leġiżlazzjoni purament sportiva.
55 Dan ir-raġunament ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, huwa paċifiku li r-regoli in kwistjoni huma, min-natura tagħhom, dispożizzjonijiet ta’ kontra d-doping. B’mod partikolari, ma għandhom l-ebda għan diskriminatorju. Konsegwentement, in-natura allegatament eċċessiva ta’ dawn ir-regoli, anki jekk ippruvata, m’għandhiex bħala effett li ttellifhom in-natura tagħhom ta’ regoli purament sportivi u għalhekk li tagħmel il-legalità tagħhom dipendenti minn evalwazzjoni skond il-kriterji ekonomiċi tad-dritt tal-kompetizzjoni, sakemm dawn jibqgħu limitati għall-għan proprju tagħhom, li huwa l-ġlieda kontra d-doping u li l-ħarsien ta’ l-ispirtu sportiv. Minbarra dan, l-istess rikorrenti jammettu l-leġittimità tat-tfittxija biex jintlaħaq dan l-għan.
56 Mit-tieni aspett, ir-rikorrenti jsemmu, fir-rikors tagħhom, li l-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni ma kinitx immotivata biss minn kunsiderazzjonijiet altruisti u ta’ saħħa, iżda wkoll minn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi tal-KOI u, b’mod partikolari, mill-preokkupazzjoni, fil-prinċipju leġittimu, li ma jiġrix li l-potenzjal ekonomiku tal-Logħob Olimpiku jiċkien minħabba fi skandli marbuta mad-doping. Safejn din l-allegazzjoni tfittex li tissuġġerixxi li l-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni mhijiex leġiżlazzjoni purament sportiva, għandha tiġi miċħuda.
57 Fil-fatt, il-fatt li l-KOI seta’ kellha fi ħsiebu l-preokkupazzjoni, leġittima skond l-istess rikorrenti, li jħares il-potenzjal ekonomiku tal-Logħob Olimpiku meta adotta l-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni ma jwassalx, fih nnifsu, biex iċaħħad lil din il-leġiżlazzjoni min-natura purament sportiva tagħha.
58 Minbarra dan, anki li kieku ġie ppruvat, li mhuwiex il-każ, li l-KOI aġixxa esklużivament skond l-interessi purament ekonomiċi tiegħu, kollox jagħti x’jifhem li huwa żamm bħala limitu ta’ tolleranza l-iktar limitu ġustifikat fuq il-livell xjentifiku. Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li l-interess ekonomiku tal-KOI huwa li jkollu l-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping l-iktar xjentifikament eżatta, bl-iskop li jiżgura l-aħjar livell ta’ kompetizzjoni sportiva, u għalhekk ta’ interess għall-medja, u fl-istess ħin jevita l-iskandli li tista’ tikkawża l-esklużjoni sistematika ta’ atleti innoċenti.
59 Minn dan isegwi li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti, ibbażata fuq li l-fatt li l-fissazzjoni ta’ limitu ta’ tolleranza allegatament wisq baxx taqdi l-interessi ekonomiċi tal-KOI, la hija sostenibbli u lanqas konvinċenti u għalhekk għandha tiġi miċħuda.
60 Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 72 ta’ din id-deċiżjoni, li "r-regoli u l-prassi in kwistjoni ma jaqgħux taħt l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE]", hija korretta.
61 Biex waslet għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni, wara li indikat, fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tar-regoli ta’ kontra d-doping in kwistjoni ma’ l-Artikolu 81 KE timplika eżami li jfittex li jiddetermina jekk, fil-kuntest ġuridiku u ekonomiku fejn dawn huma implementati, l-għan jew l-effett tagħhom huwiex li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, irrilevat mill-ewwel li dawn ir-regoli m’għandhomx bħala għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Skond il-Kummissjoni, dawn huma strumenti intiżi biss għall-ġlieda kontra d-doping u li l-uniku għan tagħhom huwa li jiżgura l-identifikazzjoni u s-sanzjoni ta’ l-atleti li l-imġiba tagħhom tmur kontra l-obbligi dwar l-użu ta’ sustanzi u ta’ metodi pprojbiti li għalihom huma suġġetti (punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward ta’ l-effetti fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-regoli ta’ kontra d-doping in kwistjoni jista’ jkollhom bħala effett li jillimitaw l-libertà ta’ azzjoni ta’ l-atleta, iżda li tali limitazzjoni mhijiex neċessarjament restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE, billi din tista’ tkun inerenti għall-organizzazzjoni u għall-iżvolġiment xieraq tal-kompetizzjoni sportiva (punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, abbażi ta’ analiżi bbażata fuq is-sentenza Wouters, waslet għall-konklużjoni li r-regoli ta’ kontra d-doping in kwistjoni huma marbuta mill-qrib ma’ l-iżvolġiment xieraq tal-kompetizzjoni sportiva, li huma neċessarji għall-ġlieda effikaċi kontra d-doping u li l-limitazzjoni tal-libertà ta’ azzjoni ta’ l-atleti ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq dan il-għan. Konsegwentement, skond il-Kummissjoni, dawn ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE (punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata).
62 Waqt is-seduta, bi tweġiba għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni speċifikat li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq is-sentenzi Walrave, Donà u Deliège, iċċitati fil-punti 37 u 41 iktar ‘il fuq, u għalhekk fuq in-natura purament sportiva tal-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni. Żiedet li meta hija għaddiet biex teżamina l-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni, għalkemm din hija purament sportiva, taħt id-dritt tal-kompetizzjoni u skond il-metodu ta’ analiżi li joħroġ mis-sentenza Wouters, hija għamlet dan "sussidjarjament" jew iktar "għall-kompletezza". Il-Kummissjoni riedet, b’mod partikolari, tiżgura li l-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni ma kinitx diskriminatorja.
63 Fuq dan l-aħħar punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar, li mkien fl-ilment ma ġie allegat li l-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni kienet diskriminatorja. Għall-kuntrarju, kien paċifiku li din kienet tapplika għall-atleti kollha. Barra minn hekk, dan il-fatt paċifiku huwa l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata, li tillimita ruħha, fil-punt 50, li ssemmih.
64 Fuq il-kwistjoni iktar ġenerali ta’ l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni, sussidjarjament jew għall-kompletezza skond il-kliem tagħha stess, tal-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, effettivament, tali analiżi ma kinitx neċessarja, billi l-leġiżlazzjoni hija purament sportiva u fid-dawl tas-sentenzi Walrave, Donà u Deliège.
65 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-kawża preżenti hija differenti mill-kawża li tat lok għas-sentenza Wouters. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża Wouters kienet tirrigwarda mġiba fis-suq − it-twaqqif ta’ relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni bejn avukati u kontabilisti − u kienet tapplika għal attività essenzjalment ekonomika, dik ta’ l-avukati. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni f’din il-kawża tirrigwarda mġiba − id-doping − li ma tistax, mingħajr ma tiżnatura l-isport, tkun meqjusa bħala mġiba fis-suq, u tapplika għal attività, il-prattika sportiva, li, fl-essenza tagħha stess u kif spjegat fil-paragrafu 45 iktar ‘il fuq, m’għandha x’taqsam xejn ma’ kunsiderazzjonijiet ekonomiċi.
66 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li r-referenza għall-metodu ta’ analiżi tas-sentenza Wouters ma tistax, f’kull każ, tqajjem dubji dwar il-konklużjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li skondha l-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE, billi din il-konklużjoni hija bbażata, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il-kunsiderazzjoni li l-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni hija leġiżlazzjoni purament sportiva.
67 Din in-natura ta’ leġiżlazzjoni purament sportiva tfisser li l-kontestazzjoni mir-rikorrenti tal-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni taqa’ taħt ir-regoli sportivi u l-kompetenza tal-korpi li jirregolaw tilwim ta’ natura sportiva. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li r-rikorrenti jiddisponu minn rimedji oħra li huma użaw biss parzjalment. Fil-fatt, huma naqsu milli jappellaw mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-QAS, tat-23 ta’ Mejju 2001, quddiem il-Qorti Federali Żvizzera.
68 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li t-tliet motivi għal annulament imressqa mir-rikorrenti in sostenn ta’ dan ir-rikors mhumiex rilevanti. Fil-fatt, l-ewwel żewġ motivi, dwar żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-kwalifika tal-KOI bħala impriża u fl-applikazzjoni tal-kriterji tas-sentenza Wouters, huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni taqa’ taħt id-dritt tal-kompetizzjoni. Fir-rigward tat-tielet motiv, dwar żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE, dan jistrieħ fuq il-premessa żbaljata li l-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni taqa’ taħt din id-dispożizzjoni. Dawn il-motivi għalhekk iridu jiġu miċħuda mingħajr m’hemm bżonn li jiġu eżaminati iktar.
69 Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr m’hemm bżonn li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti li jissejħu żewġ esperti xjentifiċi bħala xhieda.
Fuq l-ispejjeż
70 Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-konvenuta. Minbarra dan, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) ta’ l-istess Regoli, l-Istati Membri li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni.
3) Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Legal |
Tiili |
Vilaras |
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Settembru 2004.
H. Jung |
H. Legal |
Reġistratur |
President |
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.