SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)
13 ta' Settembru 2005 (*)
“Leġiżlazzjoni doganali − Operazzjoni ta' tranżitu Komunitarju estern relattiv għas-sigarretti − Frodi − Applikazzjoni għar-remissjoni tad-dazju fuq l-importazzjoni − Regolament (KEE) Nru 2913/92 − Regolament (KEE) Nru 2454/93 − Klawżola ta' ekwità – Osservanza tat-termini – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta' proporzjonalità – Kunċett ta' negliġenza evidenti"
Fil-kawża T-53/02,
Ricosmos BV, stabbilita f'Delfzijl (l-Olanda), inizjalment irrappreżentata minn M.Chatelin, M. Fleers u P. Metzler, wara minn J. Hertoghs, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn M. van Beek u R. Tricot, wara minn van Beek u B. Stromsky, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni REM 09/00, tas-16 ta' Novembru 2001, li tiddikjara li r-remissjoni tad-dazju fuq l-importazzjoni għall-benefiċċju tar-rikorrenti, li huwa s-suġġett tat-talba ppreżentata mir-Renju ta' l-Olanda, mhijiex ġustifikata,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-
KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),
komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u V. Trstenjak, Imħallfin,
Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-1 ta' Marzu 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Kuntest ġuridiku
Regoli dwar it-tranżitu Komunitarju
1 Skond l-Artikolu 91(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU l 302, p.1; aktar 'il quddiem: il-"Kodiċi Doganali"), il-proċess ta' tranżitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta' merkanzija mhux tal-Komunità sabiex tiġi esportata mill-ġdid lejn pajjiż terz mingħajr ma dik il-merkanzija tkun suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta' politika kummerċjali.
2 Skond l-Artikolu 96(1)(a) u (b) tal-Kodiċi Doganali, il-prinċipal taħt il-proċedura ta' tranżitu estern tal-Komunità għandu jkun id-detentur ta' tali proċedura u għandu jkun responsabbli għall-preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju tad-dwana tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali kif ukoll għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-proċedura tat-tranżitu tal-Komunità.
3 Skond l-Artikolu 341 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali (ĠU L 253, p. 1; aktar 'il quddiem: ir-"regolament ta' implementazzjoni"), il-merkanzija kollha li għandha tiċċaqlaq taħt il-proċedura ta' tranżitu Komunitarju estern għandha tkun is-suġġett ta' dikjarazzjoni T1, jiġifieri dikjarazzjoni fuq formola li tikkorrispondi għall-mudelli fl-Annessi 31 sa 34 ta' tali regolament u użata skond in-noti msemmija fl-Annessi 37 u 38. Mill-Anness 37, jirriżulta li fil-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità, jeħtieġ li jiġu użati l-kopji li ġejjin:
– l-1 kopja, biex tinżamm mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru li fih ikunu saru l-formalitajiet ta' tranżitu Komunitarju;
– ir-4 kopja, biex tinżamm mill-uffiċċju tad-destinazzjoni meta titwettaq l-operazzjoni ta' tranżitu Komunitarju;
– il-5 kopja hija l-kopja tar-ritorn għall-proċedura tat-tranżitu Komunitarju;
– is-7 kopja għandha tintuża għal skopijiet ta' l-istatistika mill-Istat Membru tad-destinazzjoni.
4 Barra minn hekk, l-Anness 37 tar-regolament ta' implementazzjoni jippreċiża l-indikazzjonijiet relattivi għall-kaxxi differenti tal-formoli għat-tranżitu Komunitarju. Għalhekk l-indikazzjonijiet li ġejjin huma mogħtija għall-kaxxa 18:
“18. Identità u nazzjonalità tal-mezz tat-trasport mat-tluq
Kaxxa […] obbligatorja fil-każ ta' l-użu tal-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju.
Irreġistra l-identità, e.ż., n-numru(i) tar-reġistrazzjoni jew isem tal-mezz(i) tat-trasport (trakk, bastiment, vagun tal-ferrovija, vettura ta' l-ajru) li fuqu l-merkanzija huma mgħobbija direttament meta l-formalitajiet ta' l-esportazzjoni jew tat-tranżitu jitlestew, segwit bin-nazzjonalità tal-mezz tat-trasport (jew dak tal-vettura li qed jiġbed l-oħrajn jekk hemm diversi mezzi ta' trasport) bl-użu tal-kodiċi tal-Komunità approprijat. Per eżempju, jekk trattur u karru b'numri tar-reġistrazzjoni differenti huma użati, daħħal in-numru tar-reġistrazzjoni tat-trattur u dak tal-karru, flimkien man-nazzjonalità tat-trattur.
[…]”
5 Skond l-Artikolu 350(1) u (2) tar-regolament ta' implementazzjoni, it-trasport tal-merkanzija jitwettaq abbażi tal-kopji tad-dokument T 1, li għandhom jiġu eżebiti kif meħtieġ mill-awtoritajiet doganali. L-Artikolu 356 tar-regolament ta' implementazzjoni jippreċiża dan li ġej:
“1. Il-merkanzija u d-dokument T1 għandhom jiġu ppreżentati fl-uffiċċju tad-destinazzjoni.
2. L-uffiċċju tad-destinazzjoni għandu jirreġistra fuq il-kopji tad-dokument T1 id-dettalji tal-kontrolli mwettqa u għandu mingħajr dewmien jibgħat kopja lill-uffiċċju tat-tluq u jżomm il-kopja l-oħra.
3. Operazzjoni ta' tranżitu Komunitarja tista' tiġi konkluża f'uffiċċju barra minn dak speċifikat fid-dokument T1. Dak l-uffiċċju l-ieħor għandu mbagħad isir l-uffiċċju tad-destinazzjoni.
[...]”
6 B'konformità ma' l-Artikolu 358 tar-regolament ta' implementazzjoni, kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jindika uffiċċju ċentrali wieħed jew aktar fejn id-dokumenti għandhom jintbagħtu lura mill-uffiċċji kompetenti fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.
7 L-Artikolu 398 tar-regolament ta' implementazzjoni jiddisponi li l-awtoritajiet doganali ta' kull Stat Membru jistgħu jawtorizzaw lil kull persuna, magħrufa bħala “il-kunsinnatur awtorizzat”, li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 399 u li jkollha l-intenzjoni twettaq operazzjonijiet ta' tranżitu Komunitarji li ma tippreżentax fl-uffiċċju tat-tluq la l-merkanzija kkonċernata u lanqas id-dikjarazzjoni ta' tranżitu Komunitarja fir-rigward ta' dik il-merkanzija.
8 Skond l-Artikolu 402(1) tar-regolament ta' implementazzjoni, sa mhux aktar tard mill-kunsinna tal-merkanzija, il-kunsinnatur awtorizzat għandu jagħmel id-dokument tad-dikjarazzjoni ta’ tranżitu Komunitarju, mimli kif suppost. Skond il-paragrafu 2 ta’ tali dispożizzjoni, wara l-kunsinna, il-kopja Nru 1 tad-dokument T 1 għandha tintbagħat mingħajr dewmien lill-uffiċċju tat-tluq; il-kopji l-oħra għandhom ikunu mal-merkanzija.
9 L-Artikolu 349(1) tar-regolament ta' implementazzjoni jistabbilixxi li, bħala regola ġenerali, l-identifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi assigurata bl-issiġillar. Madankollu, il-paragrafu 4 ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi li l-uffiċċju tat-tluq jista' jagħmel mingħajr l-issiġillar jekk, b'qies għall-miżuri oħrajn possibbli għall-identifikazzjoni, id-deskrizzjoni tal-merkanzija fid-dokument T1 jew fid-dokumenti supplementari tagħmilhom identifikabbli mingħajr diffikultà.
10 L-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi li dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz tat-tneħħija illegali ta' merkanziji suġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni mis-sorveljanza doganali. Skond il-paragrafu 3 ta' din id-dispożizzjoni, fost id-debituri hija inkluża b’mod partikolari, fejn ikun xieraq, il-persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligi li jinqalgħu mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji.
Regoli dwar il-ħlas lura jew ir-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni.
11 L-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi għall-possibbiltà ta’ ħlas lura jew ta’ remissjoni tad-dazji f’każijiet li jirriżultaw minn ċirkustanzi fejn ebda qerq jew negliġenza evidenti ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna kkonċernata.
12 L-Artikolu 239 ġie ċċarat u żviluppat permezz tar-regolament ta' implementazzjoni, b’mod partikolari mill-Artikoli 899 sa 909 tiegħu. L-Artikolu 905(1) ta’ l-imsemmi regolament jiddisponi li meta l-awtorità doganali nazzjonali ma tkunx tista' tieħu deċizjoni abbażi ta' l-Artikolu 899 u l-applikazzjoni tkun sostnuta minn prova li tkun tista' tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari li tirriżulta minn ċirkustanzi li ma jinvolvux qerq jew negliġenza evidenti mill-persuna kkonċernata, l-Istat Membru li taqa' taħtu din l-awtorità għandu jibgħat il-każ lill-Kummissjoni.
13 Skond l-Artikolu 905(2) tar-regolament ta' implementazzjoni, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 12/97 tat-18 ta’ Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 9, p. 1) l-inkartament li jintbagħat lill-Kummissjoni għandu jinkludi l-fatti meħtieġa għall-eżami sħiħ tal-każ ippreżentat u għandu jinkludi stqarrija, iffirmata mill-applikant għall-ħlas lura jew remissjoni, li tiċċertifika li l-applikant kien qara l-inkartament u li tindika li huwa m’għandux xi jżid jew l-informazzjoni addizzjonali li huwa jikkunsidra li għandha tkun inkluża. Jekk jinstab li l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru ma tkunx biżżejjed sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni dwar il-każ ikkonċernat fid-dawl tal-fatti kollha magħrufa, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni addizzjonali.
14 L-Artikolu 906a tar-regolament ta' implementazzjoni, mdaħħal mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1677/98 tad-29 ta’ Lulju 1998 (ĠU L 212, p. 18), jistabbilixxi li meta, f'kull ħin fil-proċedura, il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tieħu deċiżjoni li mhijiex favorevoli lejn l-applikant għall-ħlas lura jew remissjoni, għandha tikkomunika l-oġġezzjonijiet tagħha bil-miktub lill-applikant, flimkien ma' kull dokument li fuqu huma bbażati dawk l-oġġezzjonijiet. L-applikant għandu jesprimi l-fehma tiegħu bil-miktub fi żmien xahar mid-data li fiha l-oġġezzjonijiet kienu ntbagħtu.
15 L-Artikolu 907 tar-regolament ta' implementazzjoni, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 1677/98, jipprovdi kif ġej:
"Wara li tikkonsulta grupp ta' esperti magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri kollha, li jiltaqa' fil-kwadru tal-Kumitat biex jikkunsidraw dak il-każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk ikun hemm jew le sitwazzjoni speċjali li tiġġustifika r-rimbors jew ir-remissjoni.
Dik id-deċiżjoni għandha tittieħed fi żmien disa’ xhur minn mindu tkun irċeviet [l-inkartament] kif imsemmi fl-Artikolu 905(2). Meta l-Kummissjoni ssib li jkun meħtieġ li titlob informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru sabiex tkun tista' tasal għal deċiżjoni, id-disa’ xhur għandhom jiġu estiżi b'perijodu ekwivalenti għal dak ta' bejn id-data ta' meta l-Kummissjoni tibgħat it-talba tagħha għall-informazzjoni addizzjonali u d-data li fiha tirċievi dik l-informazzjoni.
Meta l-Kummissjoni tkun ikkomunikat l-oġġezzjonijiet tagħha lill-applikant għall-ħlas lura jew [remissjoni], b'mod konformi ma' l-Artikolu 906a, il-limitu ta' disa' xhur għandu jiġi estiż b'kull perijodu ekwivalenti għal dak bejn id-data li fiha l-Kummissjoni bagħtet l-oġġezzjonijiet u d-data li fiha rċeviet it-tweġiba tal-parti interessata jew, fl-assenza ta' kull tweġiba, id-data ta' l-iskadenza tal-perijodu li kien mogħti lilu/lilha biex j/tagħti l-fehma tiegħu/tagħha".
16 Skond l-Artikolu 908(2) tar-regolament ta' implementazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha, abbażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tiddeċiedi jekk tilqax jew tiċħadx l-applikazzjoni magħmulha lilha. Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 909 ta’ l-imsemmi Regolament, jekk il-Kummissjoni tonqos li tieħu deċiżjoni fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 907, l-awtorità doganali nazzjonali għandha tilqa' l-applikazzjoni għar-rimbors jew remissjoni.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Operazzjonijiet ta’ tranżitu Komunitarju estern in kwistjoni
17 Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, ir-rikorrenti kienet parti mill-grupp Kamstra Shipstores, stabbilit f’Delfzijl (l-Olanda), li l-attivitajiet tiegħu jikkonsistu fil-kummerċ bl-ingrossa ta’ prodotti varji, b’mod partikolari tas-sigarretti. Ir-rikorrenti, detentriċi ta’ permess ta’ kunsinnatur awtorizzat, kienet twettaq funzjonijiet essenzjalment loġistiċi.
18 Fil-perijodu bejn is-16 ta’ Frar u l-5 ta’ Lulju 1994, ir-rikorrenti mliet ħdax-il dokument T 1 għat-trasport ta’ kunsinni ta’ sigarretti destinati lejn is-Slovakkja bil-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern, fir-rigward ta’ liema hija kienet il-prinċipal.
19 Il-ħdax-il operazzjoni ta’ tranżitu Komunitarju estern in kwistjoni kienu akkumpanjati rispettivament mis-segwenti dokumenti doganali:
– id-dokument T 1 nru 120228, tas-16 ta’ Frar 1994;
– id-dokument T 1 nru 120274, tal-25 ta’ Frar 1994;
– id-dokument T 1 nru 120372, tal-11 ta’ Marzu 1994;
– id-dokument T 1 nru 120404, tad-19 ta’ Marzu 1994;
– id-dokument T 1 nru 120410, tat-23 ta’ Marzu 1994;
– id-dokument T 1 nru 120674, tad-9 ta’ Mejju 1994;
– id-dokument T 1 nru 120697, tas-16 ta’ Mejju 1994;
– id-dokument T 1 nru 120733, ta’ l-24 ta’ Mejju 1994;
– id-dokument T 1 nru 120754, tal-25 ta’ Mejju 1994;
– id-dokument T 1 nru 120936, tat-28 ta’ Ġunju 1994;
– id-dokument T 1 nru 120986, tal-5 ta’ Lulju 1994.
20 F'dawn id-dokumenti doganali, Intertrade u Ikoma kien jidhru bħala xerrejja finali, impriżi li kienu jsostnu li kienu stabbiliti fis-Slovakkja. Madankollu, ir-rikorrenti qatt ma kellha kuntatti diretti max-xerrejja, li minn naħa tagħhom kienu jagħmlu użu mis-servizzi mogħtija minn aġent tax-xiri, M. C. Għal numru ta' snin, ir-rikorrenti kellha relazzjonijiet ta' negozju ma' dan ta' l-aħħar. L-aġent kien jiskorta t-trasport tal-merkanzija sa' l-uffiċċju ta' destinazzjoni.
21 Fir-rigward l-ewwel disa' operazzjonijiet doganali in kwistjoni, jiġifieri dawk li saru bejn is-16 ta' Frar u l-25 ta' Mejju 1994, l-uffiċċju tad-dwana ta' destinazzjoni msemmi fid-dokumenti T1 korrispondenti kien dak ta' Schirnding (il-Ġermanja). L-uffiċċju ta' destinazzjoni indikat għall-aħħar żewġ operazzjonijiet, jiġifieri dawk tat-28 ta' Ġunju u tal-5 ta' Lulju 1994 kien dak ta' Philippsreut (il-Ġermanja). Madankollu, il-merkanzija kollha waslet fl-uffiċċju tad-dwana ta' Philippsreut.
22 Ir-rikorrenti avżat permezz ta' faks l-uffiċċju tat-tluq, jiġifieri l-uffiċċju doganali ta' Delfzijl, dwar it-tgħabbija ta' kull trasport, minħabba li tali uffiċċju s-soltu jipproċedi bil-verifika tad-dokumenti u bil-kontroll tat-trakk fil-post tat-tgħabbija. Minħabba li s-sistema ta' "avviżi bil-quddiem ta' tluq" ġiet introdotta fl-Olanda fl-1 ta' April 1994, l-aħħar sitt dokumenti, jiġifieri dawk li jikkorrispondu għall-operazzjonijiet li saru bejn id-9 ta' Mejju u l-5 ta' Lulju 1994, ġew innotifikati mill-awtoritajiet doganali ta' Delfzijl, permezz tad-Douane Informatie Centrum (servizz ta' riċerka doganali), lill-uffiċċju ta' destinazzjoni indikat. Madankollu, tali sistema ta' avviżi bil-quddiem, minħabba problemi tekniċi, ġiet introdotta fil-Ġermanja biss f'Awwissu 1994.
23 In-numru ta' reġistrazzjoni tal-mezzi ta' trasport użati huwa indikat biss fuq ir-4 kopja tad-dokument T 1, intiż għall-uffiċċju tat-tluq. Tali numri ta' reġistrazzjoni għalhekk ma kinux jidhru fl-1 kopja (kopja miżmuma mill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru tat-tluq) u fil-5 kopja (kopja li tintbagħat lura lill-uffiċċju tat-tluq).
24 Wara t-tluq ta' kull kunsinna, ir-rikorrenti bagħtet l-1 kopja tad-dokument T 1 lill-uffiċċju tat-tluq, filwaqt li l-kopji l-oħra ntbagħtu mat-trasport. Ir-rikorrenti tat lis-sewwieq tat-trakk xi envelops stampati bl-indirizz ta' l-uffiċċju doganali ta' rilaxx ta' Coevorden (l-Olanda). Tali envelops kellhom jiġu pprovduti mill-awtoritajiet ta' l-uffiċċju ta' destinazzjoni sabiex dawn stess jużawhom għat-trażmissjoni tal-5 kopja tad-dokumenti T 1 lill-uffiċċju ta' rilaxx. Madankollu, is-Sur Mauritz, l-aġent doganali ta' l-uffiċċju ta' Philippsreut lil min ġew ippreżentati d-dokumenti ta' tranżitu, ma użax tali envelops u għalhekk ma bagħatx direttament bil-posta lill-uffiċċju doganali ta’ rilaxx il-5 kopja tad-dokumenti T 1. Tali dokumenti ta' tranżitu lanqas intbagħtu uffiċjalment, jiġifieri permezz tal-korp ċentrali ta' trażmissjoni ta' l-amministrazzjoni Ġermaniża u s-sede ċentrali tar-ritorn fl-Olanda. Fil-fatt, is-Sur Mauritz ikkunsinna l-5 kopja tad-dokumenti ta' tranżitu lil M. C., l-aġent, jew lis-sewwieq tat-trakk, li sussegwentement ħadu ħsieb sabiex joħduhom lura l-Olanda u jerġgħu jagħtuhom lir-rikorrenti. Din ta' l-aħħar bagħtithom lill-uffiċċju doganali ta’ rilaxx permezz ta' faks u bil-posta.
25 Il-ħdax-il dokument ta' tranżitu Komunitarju in kwistjoni ġew ittimbrati mis-Sur Mauritz b'timbru oriġinali tad-dwana Ġermaniża. Madankollu, in-numri ta' tali dokumenti ma nstabux fir-reġistri tad-dwana Ġermaniża. Fil-fatt it-timbri stampati fuq id-dokumenti doganali u n-numri tad-dwana Ġermaniża hawn indikati ma ġewx irreġistrati għall-esportazzjoni tas-sigarretti u għad-dokumenti doganali T 1 relatati, iżda għal merkanzija oħra u għal dokumenti doganali oħra. B'mod partikolari, minn nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-kunsinni ta' sigarretti ta' l-uffiċċju tad-dwana ta' Philippsreut irriżulta li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kkomunikawx lill-awtoritajiet Ċeki, skond is-sistema ta' informazzjoni reċiproka introdotta f'Jannar 1994, li tali kunsinni kellhom jkunu fuq triqthom lejn ir-Repubblika Ċeka.
26 Inkjesta mmexxija mill-awtoritajiet Olandiżi, b'mod partikolari mill-Fiscale Inlichtingen en Opsporingsdienst (Servizz ta' informazzjoni u ta' investigazzjoni fir-rigward tat-taxxa, aktar 'il quddiem il-"FIOD") kkonstatat sussegwentement li d-dokumenti tat-trasport fuq imsemmija ma ġewx ipproċessati korrettament. Ir-rapport ta' tali inkjesta huwa datat 30 ta' Diċembru 1996 (aktar 'il quddiem ir-"rapport tal-FIOD").
27 L-aġent tad-dwana Ġermaniż, is-Sur Mauritz, u ex-aġent tad-dwana Ċek, is-Sur Sykora, ġew suġġetti għal kundanni penali fil-Ġermanja, b'mod partikolari għall-parteċipazzjoni tagħhom fir-reati ta' frodi ta' dokumenti. Żewġ persuni oħra, is-Sinjuri Chovan u Sanda, ġew ikkundannati fir-Repubblika Ċeka minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f'attivitajiet ta' kuntrabandu ta' sigarretti [sentenza tal-Vrchní Soud (Qorti ta' l-Appell) ta' Praga tat-30 ta' Novembru 2004]. L-awtoritajiet Olandiżi fetħu investigazzjoni fil-konfronti ta’ B. u FB., żewġ impjegati tar-rikorrenti, bil-għan li jiġi stabbilit l-involviment tagħhom f'tali kuntrabandu ta' sigarretti. Pero' tali proċediment ġie arkivjat. Fl-aħħar nett, l-inkjesti li saru kkonstataw li l-Itertrade u l-Ikoma, li kienu jidhru bħala xerrejja fid-dokumenti korrispondenti għall-operazzjonijiet in kwistjoni, ma kinux irreġistrati fir-reġistru tal-kamra tal-kummerċ lokali tas-Slovakkja.
Proċedura amministrattiva
28 Fil-15 ta' Marzu 1995, l-awtoritajiet Olandiżi talbu lir-rikorrenti somma ekwivalenti għal 4 006 168.20 NLG bħala dazji fuq l-importazzjoni. B'mod partikolari, huma sostnew li l-merkanzija in kwistjoni ma ġietx ippreżentata lill-uffiċċju ta' destinazzjoni u ma ġietx ipproċessata korrettament. Skond l-awtoritajiet Olandiżi, tali tneħħija mis-sorveljanza doganali tat lok għal dejn doganali fuq l-importazzjoni, skond l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali. Ir-rikorrenti kkontestat id-deċiżjoni ta' rkupru quddiem il-qorti nazzjonali. Matul il-kawża quddiem din il-qorti, l-awtoritajiet Olandiżi naqqsu l-ammont mitlub bħala dazji fuq l-importazzjoni għal 2 293 042.50 NLG.
29 Fil-15 ta' Diċembru 1997, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għar-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni lill-awtoritajiet doganali Olandiżi. Fit-8 ta' Frar 1999, dawn ippreżentaw applikazzjoni għar-remissjoni in kwistjoni lill-Kummissjoni, mingħajr madankollu ma ppermettew lir-rikorrenti sabiex qabel kollox ikollha aċċess għad-dokumenti kollha. Fl-10 ta' Mejju 1999, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti dwar il-fatt li peress illi hija ma ngħatatx l-informazzjoni kollha dwar l-inkartament, hija kienet ser tiddikjara tali applikazzjoni għar-remissjoni tad-dazju inammissibbli. Fi Frar 2000, ir-rikorrenti kellha fl-aħħar aċċess għall-applikazzjoni mħejjija mill-awtoritajiet Olandiżi. Fit-2 ta' Mejju 2000, ir-rikorrenti kkomunikat lil dawn ta' l-aħħar l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-applikazzjoni.
30 Permezz ta' ittra tat-22 ta' Mejju 2000, li waslet fid-29 ta' Mejju 2000, l-awtoritajiet Olandiżi reġgħu informaw lill-Kummissjoni mill-ġdid dwar l-applikazzjoni għar-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni. Tali applikazzjoni kienet is-suġġett tal-proċedura bir-referenza REM 09/00, liema proċedura hija s-suġġett tar-rikors preżenti.
31 Permezz ta' ittra tas-27 ta' Ottubru 2000, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Olandiżi elementi ta' informazzjoni addizzjonali. Ir-risposti ta' tali awtoritajiet għall-ħames domandi magħmula mill-Kummissjoni ntbagħtu lil din ta' l-aħħar permezz ta' l-ittra tat-23 ta' April 2001, irreġistrata fl-4 ta' Mejju 2001.
32 Permezz ta' ittra tat-3 ta' April 2001, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni konferma dwar l-iskadenza tat-terminu ta' disa' xhur previst għall-eżami ta' l-applikazzjoni tagħha għar-remissjoni tad-dazju, u dwar il-fatt li l-awtoritajiet Olandiżi kellhom jilqgħu din ta' l-aħħar. Fl-4 ta' April 2001, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti li t-terminu ġie sospiż minħabba t-talba għal elementi ta' informazzjoni addizzjonali li hija bagħtet lill-awtoritajiet Olandiżi fis-27 ta' Ottubru 2000.
33 Permezz ta' ittra tat-23 ta' April 2001, l-awtoritajiet Olandiżi informaw lir-rikorrenti dwar is-sospensjoni tat-terminu u indikawlha li matul tali fażi ma setgħetx ikollha għarfien tad-domandi magħmulha mill-Kummissjoni, iżda setgħet tagħmel dan fil-każ li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tiċħad l-applikazzjoni.
34 Permezz ta' ittra tat-13 ta' Ġunju 2001, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jibagħtulha r-rapport tal-FIOD. Fil-5 ta' Lulju 2001, l-awtoritajiet Olandiżi informaw lir-rikorrenti dwar din it-tieni talba għal elementi ta' informazzjoni addizzjonali u dwar il-proroga tat-terminu ġdida. Permezz ta' ittra tat-23 ta' Lulju 2001, irreġistrata fit-2 ta' Awwissu 2001, l-awtoritajiet Olandiżi bagħtu r-rapport tal-FIOD lill-Kummissjoni.
35 Permezz ta' ittra tal-21 ta' Settembru 2001, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li kellha l-intenzjoni tadotta deċiżjoni negattiva għall-applikazzjoni ta' remissjoni tad-dazju u ppreċiżat l-oġġezzjonijiet tagħha fir-rigward ta' din. Il-Kummissjoni informatha dwar il-perijodu ta' xahar li fiha kellha l-possibbiltà li tikkonsulta d-dokumenti ta’ l-inkartament li kienu pubbliċi, jiġifieri l-applikazzjoni għar-remissjoni tad-dazju tat-22 ta' Mejju 2000 u l-annessi tagħha, kif mibgħuta mill-awtoritajiet Olandiżi, kif ukoll kopja tar-rapport tal-FIOD.
36 Fit-3 ta' Ottubru 2001, ir-rikorrenti għamlet kuntatt telefoniku mal-Kummissjoni sabiex titlob l-aċċess għad-dokumenti kollha ta’ l-inkartament. Sussegwentement, ir-rikorrenti ppreżentat tali talba lill-awtoritajiet Olandiżi, u dawn permezz ta' ittra tal-11 ta' Ottubru 2001, bagħtulha r-rapport tal-FIOD, ir-risposta tagħhom għall-ewwel talba ta' informazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2000, kif ukoll it-tieni talba ta' informazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ġunju 2001 u r-risposta tagħhom f'dan ir-rigward. Fit-12 ta' Ottubru 2001, il-Kummissjoni, b'risposta għal talba ġdida tar-rikorrenti ta' l-istess data, bagħtitilha l-lista kompluta tad-dokumenti li kellha disponibbli.
37 Permezz ta' ittra tas-17 ta' Ottubru 2001, li l-Kummissjoni rċeviet fl-istess ġurnata, il-parti kkonċernata esprimiet ruħha dwar l-oġġezzjonijiet ifformulati minn din ta' l-aħħar.
38 Fid-9 ta' Novembru 2001, il-Kummissjoni kkonsultat grupp ta' esperti, magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri li jiltaqgħu fil-kwadru ta' Kumitat tal-Kodiċi Doganali, dwar it-talba ta' l-awtoritajiet Olandiżi.
39 Fis-16 ta' Novembru 2001, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni REM 09/00, li biha ddikjarat li r-remissjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni ma kinetx ġustifikata (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Fl-14 ta' Diċembru 2001, l-awtoritajiet Olandiżi informaw lir-rikorrenti li l-applikazzjoni għar-remissjoni tad-dazju ġiet miċħuda.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
40 Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-22 ta' Frar 2002, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża.
41 Il-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali abbażi tar-rapport ta' l-Imħallef Relatur. Fil-kuntest ta' miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi ċerti dokumenti u stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu bil-miktub għal ċerti domandi. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma' dawn it-talbiet fit-terminu mogħti.
42 Fl-atti tagħha, ir-rikorrenti pproponiet li tipproduċi xi provi partikolari b'sostenn għall-affermazzjonijiet tagħha kollha. B'mod partikolari, hija pproponiet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tisma' xi wħud mill-uffiċjali tad-dwana Olandiżi bħala xhieda.
43 It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta ta' l-1 ta' Marzu 2005.
44 Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
45 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors bħala infondat;
– tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.
Fid-dritt
46 Fl-ewwel lok, sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv ibbażat fuq il-ksur tal-proċedura ta' remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni u tal-prinċipju taċ-ċertezza legali; fit-tieni lok, motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' negliġenza evidenti, skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 905 tar-regolament ta' implementazzjoni, u, fit-tielet lok, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ressqet ir-raba' motiv, ibbażat fuq l-ineżistenza tad-dejn doganali li għaliha tagħmel referenza l-applikazzjoni ta' remissjoni tad-dazju miċħuda permezz tad-deċiżjoni kkontestata.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-proċedura ta' remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni u tal-prinċipju ta' ċertezza legali
47 Ir-rikorrenti tosserva li, skond l-Artikolu 907 tar-regolament ta' implementazzjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tittieħed fi żmien disa' xhur minn meta tkun irċeviet l-inkartament mill-awtoritajiet nazzjonali u li tali terminu jista' jiġi estiż biss fil-każ ta' talba għall-informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet nazzjonali u tat-trażmissjoni lill-applikant ta' l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.
48 Ir-rikorrenti ssostni li tali terminu ma' ġiex rispettat fil-kawża. Fil-fatt, hija tikkontesta l-validità ta' l-estensjonijiet ta' tali terminu li saru fil-każ in kwistjoni. Għalhekk, qabel xejn, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni naqset milli tavżaha dwar l-estensjoni tat-terminu, u minħabba li għamlet hekk kisret il-prinċipju ta' ċertezza legali; fit-tieni lok, hija ma tathiex il-possibbiltà li ssir taf fi żmien suffiċjenti dwar it-talbiet għal informazzjoni addizzjonali u tar-risposti relatati; fit-tielet lok, li l-Kummissjoni tatha l-aċċess għad-dokumenti kollha ta’ l-inkartament tard wisq; fir-raba' lok, li l-perijodi ta' żmien li għaddew minn meta ntbagħtu r-risposti ta' l-awtoritajiet Olandiżi u meta dawn waslu għand il-Kummissjoni kienu twal wisq u, fil-ħames lok, li ż-żmien li ttieħed minn tali awtoritajiet sabiex jipproċedu biex jibagħtu r-rapport tal-FIOD ma kienx iġġustifikat. Fis-sitt lok, ir-rikorrenti tqajjem ilment li jikkonċerna d-dewmien fl-ipproċessar tat-talba għal remissjoni tad-dazji.
49 Il-Kummissjoni ssostni li hija osservat it-terminu ta' disa' xhur previst fl-Artikolu 907 tar-regolament ta' implementazzjoni u li l-proċedura amministrattiva mhija vvizzjata bl-ebda irregolarità.
1. Fuq l-ilment li jikkonċerna n-nuqqas ta' notifika ta' l-estensjoni tat-terminu u l-ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali
– L-argumenti tal-partijiet
50 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tavżaha fi żmien suffiċjenti dwar il-formulazzjoni taż-żewġ talbiet għal informazzjoni addizzjonali indirizzati lill-awtoritajiet Olandiżi u għalhekk dwar l-estensjoni tat-terminu impost għall-adozzjoni tad-deċiżjoni.
51 Ir-rikorrenti tosserva li t-terminu impost għall-adozzjoni tad-deċiżjoni jservi prinċipalment l-interessi u d-drittijiet ta' l-applikant li jitlob ir-remissjoni tad-dazju u għalhekk l-ebda sospensjoni ta' l-imsemmi terminu ma tista' sseħħ mingħajr ma l-applikant jiġi informat immedjatament dwar is-sospensjoni u dwar iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikawha. Fil-fatt, hija tirrileva li t-terminu ta' disa' xhur kif previst b'mod ċar u preċiż mill-Artikolu 907(2) tar-regolament ta' implementazzjoni għandu l-għan li jiggarantixxi l-pożizzjoni ġuridika ta' l-applikant għar-remissjoni tad-dazju u ssostni li, ma’ l-iskadenza ta' l-imsemmi terminu, hija setgħet tkun ċerta dwar l-għoti tar-remissjoni tad-dazju, sakemm ma tiġix informata dwar estensjoni valida. Hija żżid li, minħabba li ma rċevietx l-ebda avviż mingħand il-Kummissjoni matul tali terminu, hija rriteniet li l-Kummissjoni kienet irrinunzjat milli tieħu deċiżjoni. L-adozzjoni sussegwenti tad-deċiżjoni kkontestata għalhekk kisret il-prinċipju ta' ċertezza legali li għandu l-għan li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-Dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Frar 1996, Duff et, C-63/93, Ġabra p. I-569, punt 20).
52 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikoli 905 et seq tar-regolament ta' implementazzjoni jipprevedu, fi kliem ċar, li l-proċedura ta' remissjoni tad-dazju għal raġunijiet ta' ekwità tista' tiġi estiża u ssostni li l-ebda dispożizzjoni ta' l-imsemmi regolament ma jimponilha li tinforma l-applikant dwar it-talbiet għal informazzjoni addizzjonali li jirrigwardawh u għalhekk dwar l-estensjoni tat-terminu. L-Artikolu 907 tar-regolament ta' implementazzjoni ma jipprovdix lill-parti kkonċernata xi garanzija li tista' tottjeni xi deċiżjoni matul id-disa' xhur minn meta l-Kummissjoni tirċievi l-inkartament tagħha. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tirrikorri għan-nuqqas ta' informazzjoni mill-awtoritajiet Olandiżi jew mingħand il-Kummissjoni matul id-disa' xhur sabiex issostni li t-terminu skada u għalhekk tistenna, skond l-Artikolu 909 tar-regolament ta' implementazzjoni, li t-talba tagħha għal remissjoni tiġi milqugħa.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
53 Skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta' ċertezza legali jeżiġi li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u għandu l-iskop li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-Dritt Komunitarju (sentenza Duff et, iċċitata ikar 'il fuq, punt 20, sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 113).
54 L-Artikolu 907(2) tar-regolament ta' implementazzjoni jistabbilixxi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tittieħed fi żmien disa' xhur minn meta hija tkun irċeviet l-inkartament li jirrigwarda t-talba għal remissjoni. Madankollu, tali dispożizzjoni tipprevedi wkoll li meta l-Kummissjoni tkun kostretta titlob informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru sabiex tkun tista' tasal għal deċiżjoni, it-terminu ta' disa' xhur għandu jkun estiż b'perijodu ekwivalenti għal dak ta' bejn id-data ta' meta l-Kummissjoni tibgħat tali talba u d-data li fiha tirċievi r-risposta ta' l-awtoritajiet.
55 Mill-Artikolu 907 jirriżulta b'mod univoku li t-terminu li l-Kummissjoni għandha sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha jista' jiġi estiż. Għalhekk ir-rikorrenti ma setgħetx tinjora li l-proċedura setgħet tkun suġġetta għal sospensjoni. Barra minn hekk, la l-Kodiċi Doganali u lanqas ir-regolament ta' implementazzjoni ma jipprevedu li l-parti kkonċernata għandha tiġi informata immedjatament dwar il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali ta' talbiet għal informazzjoni addizzjonali. B'mod partikolari, tali obbligu la jirriżulta mill-Artikolu 905(2) u lanqas mill-Artikolu 906A tar-regolament ta' implementazzjoni (ara punti 61 u 62 aktar 'il quddiem). Bħala konsegwenza, ir-rikorrenti ma setgħetx ikollha l-garanzija li, minħabba r-raġuni biss li skadew id-disa' xhur, l-applikazzjoni għal remissjoni ġiet milqugħa, anke meta ma ġietx informata dwar l-estensjoni ta' l-imsemmi terminu. Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li, f'kull każ, wara l-ittra tar-rikorrenti tat-3 ta' April 2001, il-Kummissjoni informat immedjatament lil din ta' l-aħħar, fl-4 ta' April 2001, dwar is-sospensjoni tat-terminu.
56 Għaldaqstant, tali lment għandu jiġi miċħud.
2. Fuq l-ilment li jikkonċerna n-nuqqas ta' trażmissjoni fi żmien suffiċjenti tat-talbiet għal informazzjoni addizzjonali
– L-argumenti tal-partijiet
57 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tagħtiha l-possibbiltà li ssir taf dwar it-talbiet ta' informazzjoni addizzjonali indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali u tar-risposti korrispondenti. B'hekk, ir-rikorrenti ġiet informata dwar it-talba tas-27 ta' Ottubru 2000, fl-4 ta' April 2001 biss, wara ittra minnha mibgħuta lill-Kummissjoni fit-3 ta' April 2001. Bl-istess mod kien biss fil-5 ta’ Lulju li hija ġiet informata mill-awtoritajiet Olandiżi dwar il-fatt li l-Kummissjoni fit-13 ta' Ġunju 2001 talbet informazzjoni addizzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tatha l-permess li taċċedi għall-kontenut tat-talbiet tagħha għal informazzjoni, kif ukoll għar-risposti ta' l-awtoritajiet Olandiżi, fil-11 ta' Ottubru 2001.
58 Ir-rikorrenti tinsisti li, skond l-Artikolu 905(2) u l-Artikolu 906A tar-regolament ta' implementazzjoni, kif ukoll tal-prinċipju tal-kontradittorju, l-applikant għandu jiġi informat f'kull ħin dwar l-istat tal-proċedura ta' remissjoni u għandu jkollu aċċess għall-kontenut tad-dokumenti li ntbagħtu bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali fil-mument stess tal-formulazzjoni tat-talbiet għal informazzjoni jew tat-trażmissjoni tar-risposti.
59 Għalhekk, l-aċċess fi żmien suffiċjenti għad-dokumenti ta’ l-inkartament ma jistax ikun limitat għall-istadji tat-tħejjija ta' l-istess mill-awtoritajiet nazzjonali u t-trażmissjoni mill-Kummissjoni ta' l-opinjoni sfavorevoli dwar ir-remissjoni. Fil-fatt, fl-ewwel lok, li kieku l-applikant jista' jesprimi l-opinjoni tiegħu biss fir-rigward tad-dokumenti ta' l-inkartament trażmessi inizjalment lill-Kummissjoni, id-drittijiet tiegħu jkunu jiddependu mill-kompletezza ta’ l-inkartament mibgħut mill-awtoritajiet nazzjonali u jkun hemm ir-riskju li dan jagħti lok għal abbużi minn dawn ta' l-aħħar, possibbilment bi ftehim mal-Kummissjoni. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tippreċiża li l-inkartament trażmess mill-awtoritajiet Olandiżi lill-Kummissjoni ma kienx komplut, minħabba li din ta l-aħħar kellha titlob informazzjoni addizzjonali f'żewġ okkażjonijiet. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tirrileva li mhuwiex biżżejjed li hija setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-inkartament meta l-Kummissjoni kienet diġà ħadet deċiżjoni provviżorja dwar l-applikazzjoni ta' remissjoni, peress illi d-drittijiet tagħha kienu jiġu osservati biss jekk hija setgħet tiddefendi l-pożizzjoni tagħha fi żmien suffiċjenti.
60 Il-Kummissjoni ssostni li, jekk hija għandha tiggarantixxi li l-parti kkonċernata tista' teżerċita d-drittijiet tad-difiża qabel ma din tieħu d-deċiżjoni tagħha, bl-ebda mod ma hija obbligata li żżommha informata l-ħin kollu dwar l-istadji li jiġu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha. Madankollu, hija tindika li meta, bħal fil-kawża preżenti, applikant jitlob dan, hija tinformah dwar l-istat tal-progress ta' l-eżami tat-talba magħmulha f'ismu.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
61 L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 905(2) tar-regolament ta' implementazzjoni jipprevedi li l-inkartament li jintbagħat lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali għandu jinkludi l-fatti meħtieġa għall-eżami sħiħ tal-każ ippreżentat u għandu barra minn hekk jinkludi dikjarazzjoni, iffirmata mill-persuna li titlob il-ħlas lura jew remissjoni, fejn tiċċertifika li l-applikant kien qara l-inkartament u tindika li jew m’għandhiex x’iżżid jew l-elementi ulterjuri kollha li jidhirla għandhom jiġu inklużi. Tali mekkaniżmu jippermetti lill-operatur ekonomiku li jitlob ir-remissjoni, u li ġie neċessarjament involut waqt it-tfassil ta' l-inkartament mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jagħmel użu mid-dritt tiegħu li jinstema' matul l-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva li jseħħ fil-livell nazzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, T‑290/97, Ġabra p. II‑15, punt 44). Tali dispożizzjoni ma tistax toħloq obbligu ta' informazzjoni fir-rigward tal-parti kkonċernata u ta' komunikazzjoni immedjata lilu tat-talbiet ta' informazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel lill-awtoritajiet nazzjonali matul it-tieni fażi tal-proċedura, li ssir quddiem il-Kummissjoni. F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni tħoss li huwa utili li titlob informazzjoni ma jfissirx li l-inkartament mhuwiex komplut, iżda sempliċiment li hija tikkunsidra approprjata l-preżentazzjoni ta' elementi addizzjonali ħalli tkun tista' tittieħed deċiżjoni dwar il-każ ikkonċernat fid-dawl tal-fatti kollha magħrufa, kif stipulati mit-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 905(2) tar-regolament ta' implementazzjoni.
62 Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 906a tar-regolament ta' implementazzjoni, dan jistabbilixxi li meta, f'kull ħin fil-proċedura, il-Kummissjoni taħseb li tieħu deċiżjoni sfavorevoli lejn l-applikant għall-ħlas lura jew remissjoni, għandha tikkomunika l-oġġezzjonijiet tagħha lilu bil-miktub, flimkien ma' kull dokument li fuqu tibbaża dawk l-oġġezzjonijiet. Kif jirriżulta mill-kliem ta' tali dispożizzjoni, tali obbligu ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni jqum biss fil-mument li fih, il-Kummissjoni, wara l-eżami ta' l-applikazzjoni ta' remissjoni, tasal għal konklużjoni preliminari negattiva dwar l-istess applikazzjoni. Għalhekk, minn tali dispożizzjoni ma jirriżultax li l-Kummissjoni hija obbligata li żżomm lill-parti kkonċernata informata kostantement dwar l-iżvilupp tal-proċedura.
63 Jeħtieġ għalhekk li jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni doganali ma tipprevedix li l-parti kkonċernata għandha tiġi informata immedjatament dwar il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ talbiet għal elementi ta’ informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll tar-risposti pprovduti minn dawn ta’ l-aħħar, u lanqas għandu jiġi kkomunikat lilu l-kontenut ta’ tali korrispondenza.
64 Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-każ in kwistjoni, ir-rikorrenti ġiet informata biżżejjed matul il-proċedura dwar tali talbiet għal elementi ta’ informazzjoni addizzjonali u kellha l-possibbiltà li tesprimi b’mod effettiv l-opinjoni tagħha. Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-ewwel talba għal informazzjoni, datata 27 ta’ Ottubru 2000, ir-rikorrenti saret taf biha fl-4 ta’ April 2001; ir-risposta ta’ l-awtoritajiet Olandiżi ntbagħtet lill-Kummissjoni fit-23 ta’ April 2001. Fir-rigward tat-tieni talba tat-13 ta’ Ġunju 2001, ir-rikorrenti ġiet informata dwarha fil-5 ta’ Lulju 2001; l-awtoritajiet Olandiżi rrispondew fit-23 ta’ Lulju 2001. Ir-rikorrenti qrat il-kontentut ta’ tali talbiet u tar-risposti relatati fil-11 ta’ Ottubru 2001 u esprimiet ruħha dwar l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni fis-17 ta’ Ottubru 2001, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fis-16 ta’ Novembru 2001.
65 Għaldaqstant, tali lment għandu jiġi miċħud.
3. Fuq l-ilmenti li jikkonċernaw l-aċċess tardiv u mhux komplet għall-proċess
– L-argumenti tal-partijiet
66 Ir-rikorrenti osservat li l-Kummissjoni, filwaqt li kkomunikatilha l-oġġezzjonijiet tagħha rigward ir-remissjoni permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Settembru 2001, ma bagħtitilhiex materjalment id-dokumenti kollha li fuqhom kienu bbażati tali oġġezzjonijiet. Tali nuqqas fit-trażmissjoni tad-dokumenti in kwistjoni twassal għall-ksur ta’ l-Artikolu 906a tar-regolament ta' implementazzjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tirrileva li t-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ma ġiex sospiż, minħabba li hija ma tpoġġietx f’kundizzjoni li tibbenefika bis-sħiħ mill-prinċipju tal-kontradittorju. Fl-aħħar nett, hija tirrileva li l-fatt li l-awtoritajiet Olandiżi kkomunikawlha, fil-11 ta’ Ottubru 2001, parti mill-korrispondenza tagħhom mal-Kummissjoni, mhux biżżejjed sabiex jiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju. Hija tippreċiża li, f’tali ċirkustanza, l-awtoritajiet Olandiżi ma ttrażmettewlhiex l-ewwel talba għal informazzjoni addizzjonali tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2000.
67 Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li, anke jekk il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tittrażmettilha materjalment id-dokumenti ta' l-inkartament, hija minn naħa tagħha u f’kull każ kellha d-dritt ta’ aċċess għall-atti kollha kontenuti fih, inklużi d-dokumenti li l-Kummissjoni ma kinitx tikkunsidra bħala rilevanti. Issa, il-Kummissjoni ma tathiex aċċess komplet għall-inkartament ħlief fit-12 ta’ Ottubru 2001, data li fiha r-rikorrenti setgħet issir taf bil-lista tad-dokumenti kollha li għalihom hija setgħet teżiġi l-aċċess.
68 Ir-rikorrenti tirrileva wkoll li, kif jirriżulta mill-ittra li l-awtoritajiet Olandiżi bagħtulha fit-23 ta’ April 2001, il-Kummissjoni għamlet lil dawn ta’ l-aħħar xi domandi verbali dwar l-applikazzjoni in kwistjoni, fl-okkażjoni ta’ laqgħa tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali fl-20 ta’ Settembru 2000. Issa, xi wħud minn dawn id-domandi u mir-risposti li ngħataw ma ġewx traskritti, b’mod li r-rikorrenti ma setgħetx issir taf dwarhom u lanqas tifformula osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li l-Kummissjoni kisret ukoll id-drittijiet tad-difiża minħabba li ma tathiex il-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-grupp ta’ esperti, kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri kollha li ltaqgħa fid-9 ta’ Novembru 2001 fil-kwadru tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali sabiex jikkunsidraw l-applikazzjoni għar-remissjoni, minħabba li ma ġietx informata dwar il-kontenut tad-diskussjoni u dwar il-parir adottat mill-Kumitat jew il-minuti tal-laqgħa.
69 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti toġġezzjona li l-awtoritajiet Olandiżi ma setgħux jippreżentaw, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha, minuti mfassla fil-kwadru ta’ inkjesta ta’ natura penali, minħabba li dan imur kontra l-prinċipju ta’ l-iżvolġiment korrett tal-proċedura.
70 Il-Kummissjoni tirrimarka li l-fatti kollha li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda kienu diġà preżenti fl-inkartament li ntbagħtilha mill-amministrazzjoni Olandiża fit-22 ta’ Mejju 2000, li għalih ir-rikorrenti kellha aċċess. Barra minn hekk, din ta’ l-aħħar kellha l-possibbiltà li taqra l-inkartament kollu mill-21 ta’ Settembru 2001, iżda l-avukat tagħha ma riedx jieħu in kunsiderazzjoni tali possibbiltà qabel ma jiġi fil-pussess ta’ lista kompluta tad-dokumenti inklużi fih. Skond il-Kummissjoni, tali domanda mhijiex tas-soltu u mhijiex ibbażata fuq xi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja, peress illi l-Artikolu 906a tar-regolament ta' implementazzjoni jobbligaha biss li tagħti permess lill-applikant li jikkonsulta d-dokumenti li fuqhom hija tibbaża l-oġġezzjonijiet tagħha. Fil-fatt, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika biss li l-parti kkonċernata tista’ tesponi b’mod effettiv l-opinjonijiet tagħha dwar l-elementi li l-Kummissjoni kkonstatat fil-konfront tagħha u li fuqhom ibbażat id-deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni għal remissjoni, iżda ma jeżiġix għalhekk li l-Kummissjoni tippermetti, fuq inizjattiva tagħha, l-aċċess għad-dokumenti kollha eventwalment konnessi mal-każ in kwistjoni. Huwa l-obbligu tal-parti kkonċernata li titlob l-aċċess għad-dokumenti li hija tikkunsidra bħala neċessarji, minħabba li mhemm l-ebda obbligu ta’ l-istituzzjonijiet li jagħtu aċċess b’mod spontanju għad-dokumenti kollha li jirrigwardaw il-kuntest kollu li fih il-każ speċifiku jiżvolġi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2002 Hyper vs il-Kummissjoni, T-205/99, Ġabra p. II-3141 punti 63 u 64).
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
71 Għal dak li jirrigwarda l-ilment tar-rikorrenti dwar il-fatt li l-Kummissjoni, peress illi bagħtitilha l-oġġezzjonijiet tagħha għall-applikazzjoni tar-remissjoni, ma bagħtitilhiex materjalment id-dokumenti li fuqhom kienu bbażati, u limitat ruħha li tinformaha dwar l-eżistenza tad-dokumenti li hija tista’ tikkonsulta, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-Artikolu 906a tar-regolament ta' implementazzjoni jipprevedi biss l-obbligu tal-Kummissjoni li tikkomunika lill-applikant għar-remissjoni d-dokumenti kollha li fuqhom ibbażat l-oġġezzjonijiet tagħha. Issa skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ssodisfat biżżejjed tali obbligu u pprovdiet lir-rikorrenti d-dokumenti tal-każ (ara b’analoġija s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 1995, ICI vs Il-Kummissjoni, T-36/91, Ġabra p. II-1847, punt 99).
72 Fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema huma d-dokumenti li jiffurmaw parti mill-inkartament li għandhom jkunu disponibbli għall-applikant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tilqa' t-teżi tal-Kummissjoni fejn tgħid li hija għandha, fuq inizjattiva tagħha stess, tikkomunika biss id-dokumenti li fuqhom ibbażat l-oġġezzjonijiet tagħha. Jekk huwa veru li l-Artikolu 906a tar-regolament ta' implementazzjoni jeħtieġ biss li l-Kummissjoni tikkomunika d-dokumenti li fuqhom ibbażat l-oġġezzjonijiet tagħha, madankollu l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża estenda l-portata ta' l-obbligi li tali dispożizzjoni timponi fuq il-Kummissjoni. Fil-fatt, bis-saħħa ta' tali prinċipju, mhuwiex l-obbligu biss tal-Kummissjoni li tiddeċiedi liema huma d-dokumenti utli għall-parti kkonċernata għall-finijiet tal-proċedura ta' remissjoni. L-inkartament amministrattiv jista' jinkludi dokumenti li fihom elementi favorevoli għar-remissjoni, li l-parti kkonċernata tista' tuża b'sostenn għall-applikazzjoni tagħha, anke jekk il-Kummissjoni ma għamlitx użu minnhom. L-applikant għalhekk għandu jkollu aċċess għad-dokumenti kollha pubbliċi inklużi fl-inkartament, inklużi dawk li l-Kummissjoni ma użatx sabiex tibbaża l-oġġezzjonijiet tagħha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, T-42/96 , Ġabra p. II-401, punt 81, u tas-17 ta' Settembru 1998, Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni, T-50/96, Ġabra p. II-3773, punt 64).
73 Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li fis-settur tad-dritt tal-kompetizzjoni, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-Kummissjoni għandha tagħti aċċess integrali għall-inkartament ta' l-investigazzjoni, inklużi l-elementi kontra u favur (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Mejju 1999, BASF vs Il-Kummissjoni, T-175/95, Ġabra p. II-1581, punt 45), anke fin-nuqqas ta' talba espressa mill-parti kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punti 335 sa 340). Tali ġurisprudenza hija applikabbli għall-kawża preżenti (sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, punt 80, u Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni, punt 63). Tali obbligu huwa koerenti wkoll ma' l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza li tikkonċerna l-klawżola ta' ekwità doganali, li għandha l-iskop li tiggarantixxi bis-sħiħ il-kontradittorju fil-kwadru tal-proċedura ta' remissjoni jew ta' rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni jew esportazzjoni, u b'hekk tassigura aktar rispett tad-drittijiet tad-difiża. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 906a tar-regolament ta' implementazzjoni, l-applikant għandu biss xahar biex fih jesprimi l-fehma tiegħu bil-miktub dwar l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni. Issa, jekk jiġi mitlub jagħmel talba espressa għad-dokumenti kollha tal-proċess ikun hemm riskju li t-terminu li l-applikant għandu sabiex jipprepara u jippreżenta l-opinjonijiet tiegħu jitqassar b'mod sinjifikattiv.
74 Bħala konsegwenza, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-Kummissjoni, fil-mument tat-trażmissjoni ta' l-oġġezzjonijiet tagħha, għandha tagħti lill-applikant il-possibbiltà li tipproċedi għal eżami tad-dokumenti kollha li jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tagħha għal remissjoni jew rimbors u, għal tali skop, il-Kummissjoni għandha tagħtih għall-inqas lista kompluta tad-dokumenti pubbliċi ta' l-inkartament li fiha informazzjoni preċiża biżżejjed sabiex l-applikant ikun jista' jiddetermina, billi jkun jaf il-fatti kollha, jekk id-dokumenti jistgħux ikunu utli għalih.
75 Għal dak li jirrigwarda l-ilment tar-rikorrenti li jikkonċerna l-aċċess tardiv u inkomplet għall-inkartament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li b'ittra tal-21 ta' Settembru 2001, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti, flimkien mal-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tagħha, li hija setgħet tinforma ruħha dwar l-applikazzjoni għal remissjoni u l-annessi tagħha, li ġew trażmessi mill-awtoritajiet Olandiżi, kif ukoll dwar il-kopja tar-rapport tal-FIOD. Fit-3 ta' Ottubru 2001, ir-rikorrenti talbet aċċess għad-dokumenti kollha ta' l-inkartament. Fit-12 ta' Ottubru 2001, il-Kummissjoni ttrażmettitilha lista kompluta tad-dokumenti disponibbli.
76 Issa, għalkemm il-Kummissjoni, fl-okkażjoni tat-trażmissjoni tal-komunikazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha, ma kkomunikatx immedjatament lir-rikorrenti d-dokumenti kollha tal-proċess, jeħtieġ li jiġi konkluż, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ in kwistjoni, li tali omissjoni ma kinitx ta’ dannu għad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-proċess, u kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti waqt is-seduta, jirriżulta li, fil-21 ta’ Settembru 2001, hija diġà kienet taf dwar l-eżistenza tad-dokumenti kollha inklużi fl-inkartament amministrattiv tal-Kummissjoni u dwar il-kontenut tagħhom, minbarra erba’ dokumenti, jiġifieri ż-żewġ talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Olandiżi u r-risposti ta’ dawn ta’ l-aħħar. Issa, ir-rikorrenti setgħet titlob li tikkonsulta dawn ta’ l-aħħar mill-21 ta’ Settembru 2001. Barra minn hekk, permezz ta’ ittra ta’ l-awtoritajiet Olandiżi tal-11 ta’ Ottubru 2001, ir-rikorrenti rċeviet it-tieni talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, datata 13 ta’ Ġunju 2001, ir-risposta ta’ l-awtoritajiet Olandiżi tat-23 ta’ April 2001 għall-ewwel talba ta’ informazzjoni, li kienet tirripproduċi interament it-talbiet ippreżentati mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Ottubru 2000, u r-risposta ta’ l-istess awtoritajiet tat-23 ta’ Lulju 2001 għat-tieni talba ta’ informazzjoni, li kienet tinkludi r-rapport tal-FIOD.
77 Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet madankollu li hija mhux vera li kienet taf bil-kontenut taż-żewġ dokumenti li kienu wkoll rilevanti għal tali proċedura: ittra tal-Kummissjoni indirizzata lill-awtoritajiet Olandiżi li permezz tagħha huma jiġu informati dwar l-inammissibbiltà ta’ l-applikazzjoni għal remissjoni magħmulha minnhom stess fit-8 ta’ Frar 1999 u l-parir jew il-minuti tal-grupp ta’ esperti, kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri kollha li ltaqgħa fil-kwadru tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali kkonsultat mill-Kummissjoni fid-9 ta’ Novembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-awtoritajiet Olandiżi tat-22 ta’ Mejju 2000.
78 Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-ittra tal-Kummissjoni indirizzata lill-awtoritajiet Olandiżi, jeħtieġ li jiġi mfakkar li tali komunikazzjoni kellha l-iskop li tinforma lil dawn ta’ l-aħħar li l-applikazzjoni għal remissjoni magħmula minnhom fit-8 ta’ Frar 1999 ma kinitx ammissibbli minħabba li r-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà ta’ aċċess preliminari għall-inkartament kollu mfassal minn tali awtoritajiet. Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fl-10 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni stess kienet informat lir-rikorrenti dwar il-fatt li hija kienet ser tipproċedi sabiex tiddikjara inammissibbli tali applikazzjoni għal remissjoni abbażi ta' din ir-raġuni.
79 Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-grupp ta’ esperti kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri kollha li ltaqgħa fil-kwadru tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, ikkonsultat mill-Kummissjoni fid-9 ta’ Novembru 2001, jeħtieġ li l-argument tar-rikorrenti li jsostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża minħabba li ma tagħtix il-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet fl-okkażjoni ta’ tali laqgħa u minħabba li ma informathiex dwar il-kontenut u r-riżultat ta’ l-istess, jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-regolament ta' implementazzjoni ma jipprevedix il-parteċipazzjoni ta’ min jitlob ir-remissjoni fix-xogħlijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali u lanqas l-obbligu li jiġi informat dwar il-parir mogħti minn dan ta’ l-aħħar. Jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat li l-konsultazzjoni ta’ tali grupp jikkostitwixxi l-aħħar fażi qabel ma’ l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni definittiva tagħha. Tali konsultazzjoni għandha sseħħ wara li l-applikant għar-remissjoni kellu l-opportunità li jaċċedi għall-inkartament u li jagħti l-opinjoni tiegħu, minħabba li l-Kumitat jagħti l-parir tiegħu abbażi ta’ l-ilmenti u tad-dokumenti ta’ l-inkartament li huma diġà magħrufa mill-applikant. Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti fejn issostni li hija ma setgħetx tkun taf dwar xi skambji verbali li seħħew bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi fl-okkażjoni ta’ laqgħa preċedenti tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, ta’ l-20 ta’ Settembru 2000, huwa inammissibbli. Fil-fatt, xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda fuq elementi li ma jidhrux fid-dokumenti li jinsabu fl-inkartament amministrattiv.
80 Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx id-dritt tar-rikorrenti li jkollha aċċess għall-proċess.
81 Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-ilment li jikkonċerna t-trażmissjoni tar-rapport tal-FIOD lill-Kummissjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tar-rikorrenti, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li kienet l-istess rikorrenti li, fl-okkażjoni tal-verifika ta' l-inkartament imfassal mill-awtoritajiet Olandiżi, fl-ittra tat-2 ta’ Mejju 2000 lil tali awtoritajiet, invokat il-fatt li dan kien fih siltiet tar-rapport in kwistjoni, minkejja l-fatt li f’tali rapport kien hemm ħafna elementi favuriha, u sostniet li kien indispensabbli li l-inkartament ikun fih dokumenti li jagħmlu parti mir-rapport tal-FIOD. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni d-dokumenti kollha li huma rilevanti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal remissjoni mingħajr ma huma obbligati li qabel jitolbu l-awtorizzazzjoni tal-parti kkonċernata.
82 Għaldaqstant, dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda.
4. Fuq l-ilment li jikkonċerna d-dewmien li kien hemm sabiex jaslu r-risposti mill-awtoritajiet Olandiżi
– L-argumenti tal-partijiet
83 Ir-rikorrenti tirrileva li, skond id-deċiżjoni kkontestata, ir-risposti ta’ l-awtoritajiet Olandiżi għat-talbiet ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni, mibgħuta fit-23 ta’ April u fit-23 ta’ Lulju 2001, waslulha rispettivament, biss fl-4 ta’ Mejju u fit-2 ta’ Awwissu 2001, jiġifieri ftit aktar minn ġimgħa u nofs wara. Ir-rikorrenti ssostni li tali perijodu ta’ żmien mhuwiex raġonevoli u huwa ftit kredibbli, fid-dawl taż-żmien ta’ kunsinna tal-korrispondenza tal-posta Olandiża lejn il-Belġju, li huwa bejn erba’ u sitt ijiem ta’ xogħol għall-posta ordinarja u bejn jumejn u tlett ijiem ta' xogħol għall-posta prijoritarja. Barra minn hekk, id-data rilevanti kienet dik ta’ meta l-Kummissjoni rċeviet il-posta u mhux dik tar-reġistrazzjoni tagħha. Issa, minħabba li r-rikorrenti ma setgħet bl-ebda mod tivverifika d-data ta’ meta l-posta waslet effettivament, tali fatt għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ tali prova, jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-itwal terminu previst mill-awtoritajiet Olandiżi, jiġifieri sitt ijiem ta’ xogħol. B’mod definittiv, kien żball li t-terminu ta’ disat ijiem ġie estiż sa l-4 ta’ Mejju u sat-2 ta’ Awwissu 2001.
84 Il-Kummissjoni ssostni li l-estensjoni tat-terminu jiġi interrott fil-ġurnata li fiha effettivament jaslu l-elementi ta’ informazzjoni u mhux f’data teorika li fiha hija kellha tirċievi l-korrispondenza.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
85 L-Artikolu 907 tar-regolament ta' implementazzjoni jistabbilixxi li, meta l-Kummissjoni titlob elementi ta’ informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet nazzjonali, it-terminu li hija għandha sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal remissjoni jiġi estiż sad-data li fiha hija tirċievi tali informazzjoni. Kif sostniet korrettament il-Kummissjoni, id-data rilevanti hija dik ta’ meta rċeviet effettivament id-dokumenti. Issa, mill-eżami taż-żewġ dokumenti in kwistjoni jirriżulta li s-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni rċevewhom fl-4 ta’ Mejju u fit-2 ta’ Awwissu 2001 rispettivament. Bil-kontra, id-dati suġġeriti mir-rikorrenti, ikkalkulati abbażi taż-żmien tat-tqassmin tal-posta kif indikati għal skop purament indikattiv mill-posta Olandiża, huma irrilevanti għal kollox.
86 Għaldaqstant, tali lment għandu jiġi miċħud.
5. Fuq l-ilment li jikkonċerna d-dewmien ta’ l-awtoritajiet Olandiżi fit-trażmissjoni tar-rapport tal-FIOD
– L-argumenti tal-partijiet
87 Ir-rikorrenti tosserva kif l-awtoritajiet Olandiżi ħadu aktar minn ħames ġimgħat, jiġifieri mit-13 ta’ Ġunju sat-23 ta’ Lulju 2001, sabiex jibgħatu r-rapport tal-FIOD mitlub mill-Kummissjoni. Issa, sempliċi talba ta’ trażmissjoni ta’ dokument speċifiku m'għandhiex bżonn iktar minn ġimgħatejn sabiex tiġi eżegwita. It-terminu ta’ disa’ xhur jista’ jiġi estiż biss għal ċirkustanzi eċċezzjonali, li għandhom jiġu interpretati ristrettivament. Għalhekk, il-perijodu tal-vakanzi tas-sajf ma jistax jiġġustifika tali dewmien. Bl-istess mod, fid-dawl tal-fatt li l-proċedura ta’ remissjoni hija kollha rregolata mid-Dritt Komunitarju u mir-rwol tal-Kummissjoni fil-kwadru ta’ dan id-dritt, din ta’ l-aħħar għandha tkun responsabbli għad-dewmien ta’ l-awtoritajiet nazzjonali u l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-ilmenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet ta’ l-istess awtoritajiet. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li t-terminu ta’ disa’ xhur setgħa ġie estiż biss bi ħmistax il-ġurnata.
88 Il-Kummissjoni tirrileva li t-terminu ta’ ħames ġimgħat kien ftit twil, iżda mhux irraġonevoli. Hija ssostni wkoll li r-regolament ta' implementazzjoni ma fih l-ebda dispożizzjoni li tispeċifika t-terminu li fih l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipprovdu l-elementi ta’ informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
89 Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikoli 906a u 907 tar-regolament ta' implementazzjoni jipprevedu terminu għall-formulazzjoni mill-parti kkonċernata ta’ l-osservazzjonijiet tagħha li jirrigwardaw l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni, l-ebda dispożizzjoni ma tipprevedi terminu simili għat-trażmissjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali, ta’ l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni. Bl-istess mod, dewmien allegat li jirriżulta esklużivament mill-azzjoni jew omissjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ma jistax jiġi imputat lill-Kummissjoni, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari jekk din ma tirreaġixxix b’ċerta diliġenza għan-nuqqas ta' azzjoni fuq perijodu twil ta' żmien mill-awtoritajiet nazzjonali. F’kull każ, fil-kawża preżenti, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, it-terminu ta’ ħames ġimgħat għat-trażmissjoni ma kienx eċċessiv, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li t-talba tal-Kummissjoni saret waqt il-perijodu tal-vakanzi tas-sajf.
90 Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.
6. Fuq l-ilment li jikkonċerna d-dewmien eċċessiv fl-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni għal remissjoni
– L-argumenti tal-partijiet
91 Ir-rikorrenti ssostni li d-dewmien fl-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni għal remissjoni huwa eċċessivament twil, jiġifieri kważi erba’ snin, u li tali perijodu kunsiderevoli huwa imputabbli għal kollox lill-awtoritajiet Olandiżi. Ir-rikorrenti tfakkar li fil-15 ta’ Diċembru 1997, hija ppreżentat l-applikazzjoni tagħha lill-awtoritajiet Olandiżi. Fil-15 ta’ Mejju 1998, hija ġiet informata dwar il-fatt li dawn ta’ l-aħħar ressqu l-applikazzjoni lill-Kummissjoni u ġiet mitluba tiffirma dikjarazzjoni ta’ konformità. Madankollu, minħabba li hija ma ratx il-kontenut kollu ta’ l-inkartament, irrifjutat li tiffirma tali dikjarazzjoni. Fit-8 ta’ Frar 1999, l-applikazzjoni ġiet trażmessa lill-Kummissjoni xorta waħda. Permezz ta’ ittra ta’ l-10 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni informatha li fin-nuqqas ta’ tali dikjarazzjoni, il-każ ma setax jiġi kkunsidrat. Fl-24 ta’ Frar 2000, ingħatalha l-aċċess għall-inkartament kollu mill-awtoritajiet Olandiżi. Fit-22 ta’ Mejju 2000, l-applikazzjoni għal remissjoni ntbagħtet, għat-tieni darba, lill-Kummissjoni. Sussegwentement, l-ipproċessar ta’ tali applikazzjoni dam sena u nofs minħabba li l-Kummissjoni ma tatx prova ta’ diliġenza, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-dewmien ta’ l-awtoritajiet nazzjonali.
92 Il-Kummissjoni tirrileva li r-rikorrenti ma setgħetx tasal għal xi ċertezza mit-terminu ta’ disa’ xhur previst mill-Artikolu 907 tar-regolament ta' implementazzjoni. Hija ssostni wkoll li hija fl-ebda każ ma tista’ tiġi kkritikata minħabba l-perijodu ta’ l-ipproċessar tal-każ mill-awtoritajiet Olandiżi.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
93 Qabel xejn jeħtieġ li jiġi rrilevat li ż-żmien li għadda bejn l-introduzzjoni ta’ l-applikazzjoni għal remissjoni tar-rikorrenti quddiem l-awtoritajiet Olandiżi fil-15 ta’ Diċembru 1997, u d-29 ta’ Mejju 2000 meta l-Kummissjoni rċeviet it-tieni applikazzjoni għal remissjoni ppreżentata minn tali awtoritajiet favur ir-rikorrenti ma jistax jiġi imputat lill-Kummissjoni. Tali perijodu, fil-fatt, ġie qabel il-bidu tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni. Issa, il-Kummissjoni mhijiex responsabbli ta’ l-allegat dewmien mill-awtoritajiet nazzjonali fl-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni għal remissjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkonstestax id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara inammissibbli l-ewwel applikazzjoni ta’ l-awtoritajiet Olandiżi ppreżentata fit-8 ta’ Frar 1999. Tali ċaħda kienet fil-fatt motivata mill-preokkupazzjoni li jiġi ggarantit id-dritt tar-rikorrenti li jkollha aċċess għall-inkartament imfassal mill-awtoritajiet Olandiżi, kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti stess fir-replika (ara punt 29).
94 L-argument tar-rikorrenti fir-rigward taż-żmien li ħadet l-istess Kummissjoni għat-trattament tal-kawża ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, peress illi l-Artikoli 907 u 909 tar-regolament ta' implementazzjoni jiffissaw terminu perentorju għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni għal remissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tillimita ruħha li tivverifika jekk tali terminu ġiex effettivament osservat. Issa, tali kwistjoni ġiet eżaminata fil-kwadru ta’ l-ilmenti preċedenti li jirrigwardaw ir-regolarità ta’ l-estensjonijiet suċċessivi tat-terminu, u l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà esprimiet ruħha dwar ir-regolarità tal-proċedura.
95 Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.
7. Konklużjoni dwar l-ewwel motiv
96 Jirriżulta minn dak li jippreċedi li s-sospensjonijiet li saru fil-proċedura ta’ remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni eżegwiti mill-Kummissjoni kienu konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni doganali. Bħala konsegwenza, jeħtieġ li jiġi ddikjarat li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fit-terminu previst. Jeħtieġ ukoll li jiġi ddikjarat li l-Kummissjoni ma kisritx la l-proċedura ta’ remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni u lanqas id-drittijiet tad-difiża.
97 Bħala konsegwenza, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ negliġenza evidenti skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 905 tar-regolament ta' implementazzjoni
1. Fuq il-kunċett ta’ negliġenza evidenti u l-kriterji rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tagħha fil-kawża preżenti
– L-argumenti tal-partijiet
98 Ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li fil-kawża preżenti kien hemm sitwazzjoni partikolari, jiġifieri l-frodi mwettqa minn uffiċjal tad-dwana. Hija ssostni li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-ebda komportament frawdolenti ma seta’ jiġi attribwit lilha. Madankollu, il-Kummissjoni rriteniet li hija kienet manifestament negliġenti, minħabba li, minkejja t-tip ta’ merkanzija in kwistjoni, hija ma fasslitx id-dokumenti intiżi għat-tranżitu doganali b’attenzjoni partikolari u ma kkontrollatx l-aspetti kollha ta’ l-ispedizzjoni.
99 Ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li n-natura tal-merkanzija kienet determinanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza jew le ta’ negliġenza evidenti. Fl-opinjoni tagħha, bħala regola, il-merkanzija kollha għandha tiġi ttrattata bl-istess attenzjoni, ħlief jekk il-leġiżlatur ikun ippreveda leġiżlazzjoni preċiża għal merkanzija determinata. Barra minn hekk, hija tosserva li l-operazzjonijiet doganali li jirrigwardaw is-sigarretti ma jippreżentawx problemi akbar ta’ rilaxx minn dawk li jippreżentaw tipi oħra ta’ merkanzija. Hija ssostni wkoll li d-diliġenza tagħha għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kuntest eżistenti fiż-żmien tat-trasport in kwistjoni, u tosserva li f’dak iż-żmien ma kienx jgħaddi minn moħħ l-operaturi li l-uffiċjali tad-dwana setgħu jkunu korrotti u li l-frodi tas-sigarretti kienet fenomenu li ħadd ma kien jaf bih.
100 Ir-rikorrenti tirrimarka li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ negliġenza evidenti skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, stabbilixxiet li l-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati huma l-kumplessità tal-leġiżlazzjoni, li l-ksur tagħha rriżultat fid-dejn doganali, u d-diliġenza u l-esperjenza professjonali ta’ l-operatur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C‑48/98, Ġabra p. I‑7877, punt 56). Issa, il-Kummissjoni kkunsidrat biss il-kriterju ta’ diliġenza.
101 Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ negliġenza evidenti, b’mod partikolari, fuq l-erba’ ċirkustanzi li ġejjin: fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ referenza għan-numri ta’ reġistrazzjoni fuq il-5 kopja tad-dokumenti ta’ tranżitu; fit-tieni lok, il-fatt li l-merkanzija ma ġietx ippreżentata fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni indikat fid-dokument ta’ tranżitu; fit-tielet lok, il-modalità ta’ trażmissjoni tal-5 kopja tad-dokument ta’ tranżitu u, fir-raba’ lok, in-nuqqas fil-ġbir ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar ix-xerrejja tal-merkanzija. Hija ssostni li tali ċirkustanzi, meta kkunsidrati waħedhom jew flimkien, ma jistgħux jistabbilixxu l-eżistenza ta’ negliġenza evidenti minn naħa tagħha. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn din l-allegata negliġenza u s-sitwazzjoni partikolari kkunsidrata.
102 Il-Kummissjoni tirrileva li l-azzjoni frawdolenta ta’ l-uffiċjal tad-dwana Ġermaniż tikkostitwixxi effettivament sitwazzjoni partikolari skond l-Artikolu 905 tar-regolament ta' implementazzjoni, iżda ssostni li, fil-każ preżenti, ir-rikorrenti tat prova ta’ negliġenza evidenti. Hija ssostni li l-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta’ tali negliġenza teħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-parti kkonċernata għamlitx dak kollu possibbli sabiex tosserva l-leġiżlazzjoni doganali kollha, filwaqt li taġixxi b’attenzjoni adegwata għall-esperjenza professjonali tagħha. Barra minn hekk, hija tirrileva li t-tip ta’ merkanzija ttrasportata għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ l-attenzjoni li operatur li jipparteċipa fit-tranżitu Komunitarju għandu jagħti prova tagħha.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
103 L-Artikolu 905 tar-regolament ta' implementazzjoni, dispożizzjoni li tippreċiża u żżid fuq ir-regola ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, jikkostitwixxi klawżola ġenerali ta’ ekwità intiża, b’mod partikolari, sabiex tkopri s-sitwazzjonijiet eċċezzjonali li, fihom infushom, ma jaqgħux taħt wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikoli 900 sa 904 tar-regolament ta' implementazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Frar 1999, Trans-Ex-Import, C-86/97, Ġabra p. I-1041, punt 18). Mill-kliem ta' l-imsemmi Artikolu 905 jirriżulta li l-ħlas lura tad-dazji fuq l-importazzjoni huwa suġġett għal fatt li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel, l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari, u t-tieni, in-nuqqas ta' negliġenza evidenti u ta' qerq min-naħa tal-parti kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Frar 2004, Aslantrans vs Il-Kummissjoni, T-282/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53). Bħala konsegwenza, huwa biżżejjed li ma tiġix sodisfatta waħda miż-żewġ kundizzjonijiet sabiex tali rimbors jiġi miċħud (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ġunju 1996, T-75/95, Günzler Aluminium vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑497, punt 54, u Aslantrans vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 53).
104 Issa, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, fil-każ in kwistjoni, il-kundizzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari hija sodisfatta, preċiżament minħabba l-frodi li pparteċipa fiha b’mod attiv l-uffiċjal tad-dwana, peress illi tali frodi kienet il-bidu tad-dejn doganali in kwistjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx hemm l-eżistenza ta’ frodi minn naħa tar-rikorrenti. Hija kkunsidrat madankollu li din aġixxiet b’negliġenza evidenti. Bħala konsegwenza, l-eżami tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jikkonċentra esklużivament fuq il-kwistjoni jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-allegata eżistenza ta’ negliġenza evidenti mir-rikorrenti hijiex jew le żbaljata.
105 F’dan ir-rigward, jeħtieġ qabel xejn li jiġi ppreċiżat li s-sentenza ċċitata Söhl & Söhlke, invokata mir-rikorrenti, ma tistabbilixxix lista eżawrjenti ta’ kriterji li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ negliġenza evidenti. Fil-fatt, il-punt 56 ta’ tali sentenza jindika biss li għandu jiġi kkunsidrat “b’mod partikolari”, u għalhekk mhux esklużivament, il-kumplessità tad-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom irriżulta fid-dejn doganali, l-esperjenza professjonali ta’ l-operatur u d-diliġenza tiegħu. Għalhekk, il-kriterji jistgħu jkunu tali li jiddeterminaw l-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza jew ta’ l-ineżistenza ta’ negliġenza evidenti (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, British American Tobacco, C‑222/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 71). Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, fil-każ preżenti l-Kummissjoni ma limitatx ruħha li tevalwa d-diliġenza tar-rikorrenti, iżda fid-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat ukoll l-esperjenza professjonali ta’ din ta' l-aħħar kif ukoll tal-konoxxenza tagħha tal-leġiżlazzjoni applikabbli.
106 It-teżi tar-rikorrenti fejn issostni li n-natura tal-merkanzija li hija s-suġġett ta’ l-operazzjonijiet in kwistjoni ma kellhiex tittieħed in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ma tistax tiġi milqugħa. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kwadru ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ negliġenza evidenti, attenzjoni speċjali għandha tingħata lin-natura tal-merkanzija ttrasportata (sentenza British American Tobacco, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 72). B’mod partikolari, l-operazzjonijiet doganali li jinvolvu merkanzija li hija ntaxxata ħafna, bħalma huma s-sigarretti, jimplikaw riskji partikolari ta’ frodi jew serq, partikolarment matul it-trasport tagħhom.
107 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dak iż-żmien il-frodi ta' sigarretti kienet fenomenu komuni. Fil-fatt, diġà qabel l-1994, fiż-żmien meta seħħew il-fatti msemmija f’din il-kawża, is-suq tas-sigarretti kien jippresta ruħhu b’mod partikolari għall-iżvilupp ta’ kummerċ illegali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza British American Tobacco, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 72). Għal dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li f’dak iż-żmien kien inkonċepibbli għall-operaturi ekonomiċi li l-uffiċjali tad-dwana setgħu jkunu involuti f’każijiet ta’ korruzzjoni, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, anke jekk tiġi ammessa l-fondatezza ta' dan il-fatt, din mhijiex rilevanti għall-każ in kwistjoni. Fil-fatt, fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat iċ-ċirkustanza li l-operaturi jistgħu jafdaw leġittimament fil-fatt li l-eżerċizzju tal-funzjoni amministrattiva ma ġietx ivvizzjata bl-aġir ta’ l-uffiċjali tad-dwana korrotti.
108 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġu analizzati ċ-ċirkustanzi li ħadet in kunsiderazzjoni l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ negliġenza evidenti mir-rikorrenti, kif ukoll l-ilment invokat fil-kawża preżenti minn din ta’ l-aħħar dwar l-allegat nuqqas ta’ rabta ta’ kawżalità bejn is-sitwazzjoni partikolari u n-negliġenza evidenti attribwita lilha mill-Kummissjoni.
2. Fuq in-nuqqas ta’ indikazzjoni tan-numri ta’ reġistrazzjoni fuq il-5 kopja tad-dokumenti T 1
– L-argumenti tal-partijiet
109 Ir-rikorrenti tammetti li l-ebda waħda mill-kopji Nru 1 u Nru 5 tad-dokumenti T 1 in kwistjoni ma kienet tindika l-identità tal-mezzi ta’ trasport, iżda tosserva li n-numri ta’ reġistrazzjoni tagħhom kienu miktuba bl-idejn fuq ir-4 kopja. Hija tirrileva li l-identità tat-trakk ma kinitx għada magħrufa fil-mument tal-kumpilazzjoni tad-dokument T 1. Hija tippreċiża li l-1 kopja kienet separata mill-oħrajn u li d-dokument ta’ kunsinna kien mwaħħal wara kull kopja. Skond hi, meta t-trakk kien jasal, in-numru ta’ reġistrazzjoni tiegħu kien jitniżżel fuq ir-4 kopja, iżda tali nota ma setgħetx tiġi riprodotta fuq il-kopji l-oħra minħabba l-preżenza tad-dokumenti ta’ kunsinna. Il-fatt li l-1 kopja titneħħa kif ukoll in-nuqqas ta' indikazzjoni tan-numru ta’ reġistrazzjoni fuq il-5 kopja hija prattika kurrenti fl-Olanda, ġeneralment ammessa mill-awtoritajiet tad-dwana, kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni bil-miktub tas-Sur FB tas-6 ta’ Awwissu 2002.
110 Ir-rikorrenti tosserva li l-parti l-kbira ta’ l-ispedizzjonijiet in kwistjoni jiġu kkontrollati fuq il-post mill-awtoritajiet Olandiżi, li minn naħa tagħhom ma qajmux oġġezzjonijiet fir-rigward tad-dokumenti T 1 korrispondenti. Hija tirrileva li, mill-1 ta’ April 1994, in-numru ta’ reġistrazzjoni kien indikat ukoll fuq l-avviżi bil-quddiem, li kienu trażmessi mill-uffiċċju tat-tluq lill-uffiċċju ta’ destinazzjoni. L-identità tal-mezzi ta’ trasport għalhekk kienet magħrufa kemm mill-uffiċċju tat-tluq kif ukoll mill-uffiċċju ta’ destinazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti uriet ruħha partikolarment diliġenti meta pproċediet sabiex tissiġilla kull trasport, minkejja l-fatt li ma kinitx obbligata tagħmel dan. Tali siġilli jistabbilixxu rabta bejn id-dokument ta’ tranżitu u t-trasport, għaliex in-numru ta’ awtorizzazzjoni tar-rikorrenti kien jidher fuq id-dokument ta’ tranżitu, fuq id-dokument ta’ kunsinna u fuq is-siġill.
111 Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-indikazzjoni tan-numri ta’ reġistrazzjoni fuq il-5 u s-7 kopja tad-dokumenti T 1 ma tagħti l-ebda kontribut għall-metodu ta’ kontroll minħabba li fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni l-kontroll isir permezz tar-4 kopja. Bl-istess mod, mhijiex il-vettura li hija s-suġġett tal-kontroll, iżda l-kontejner jew it-trejler li fil-każ preżenti kienu ġew issiġillati, minħabba li n-numri tas-siġilli kienu jidhru fuq ir-4, il-5 u s-7 kopja tad-dokumenti T 1.
112 Il-Kummissjoni tirrispondi li, skond l-Artikolu 341 u l-Anness 37 tar-regolament ta' implementazzjoni jeżisti obbligu ġuridiku li l-mezz ta’ trasport jiġi identifikat fil-mument tat-tluq. Issa, ir-rikorrenti intenzjonalment ma indikatx in-numru ta’ reġistrazzjoni fuq il-5 kopja tad-dokumenti T 1 in kwistjoni, u dan ikkumplika b'mod partikolari għall-awtoritajiet tad-dwana l-kontroll fuq l-iżvolġiment korrett tat-trasport tal-merkanzija. It-tpoġġija ta’ siġilli bin-numru ta’ kunsinnatur awtorizzat ma kienx biżżejjed għall-finijiet tal-kontroll.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
113 L-Anness 37, Titlu II, Punt A 18 tar-regolament ta' implementazzjoni jistabbilixxi li l-identità u n-nazzjonalità tal-mezz ta’ trasport għandhom jiġu indikati fil-kaxxa Nru 18 tad-dokument T 1. Mill-imsemmi anness jirriżulta b’mod univoku li d-dikjarazzjoni doganali għandha, b’mod partikolari, tispeċifika n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura, kif ukoll dak tat-trejler jekk dan ta’ l-aħħar għandu numru ta’ reġistrazzjoni differenti minn dak tal-vettura li tkun qed tiġbed l-imsemmi trejler. Tali kaxxa Nru 18 hija obbligatorja meta tiġi applikata s-sistema tat-tranżitu Komunitarju u tidher fuq il-kopji kollha tad-dokument T 1. Jirriżulta li n-numri ta’ reġistrazzjoni għandhom jiġu indikati fuq il-kopji kollha tad-dokument T 1 li jiġu użati fil-kwadru tas-sistema ta’ tranżitu Komunitarju.
114 Fil-kawża in kwistjoni, mhux qed jiġi kkontestat li n-numri ta’ reġistrazzjoni tal-mezzi ta’ trasport kienu jidhru biss fuq ir-4 kopja tad-dokumenti T 1, jiġifieri dik intiża għall-uffiċċju ta’ destinazzjoni. Huma ma kinux jidhru fuq l-1 kopja, dik miżmuma mill-uffiċċju tat-tluq, u lanqas fuq il-5 kopja, dik li l-uffiċċju ta’ destinazzjoni għandu jibgħat lura lill-uffiċċju tat-tluq. Jeħtieġ qabel xejn li jiġi nnotat li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tispjega b’mod sodisfaċenti r-raġuni għaliex in-numru ta’ reġistrazzjoni ma kienx indikat fuq l-1 u l-5 kopja. Fil-fatt, għalkemm, kif osservat hija stess, l-1 kopja tneħħiet mill-oħrajn u minħabba l-preżenza tad-dokumenti ta’ kunsinna ma kienx possibbli li l-indikazzjoni preżenti fuq ir-4 formola tiġi riprodotta b’mod awtomatiku fuq il-kopji kollha, xejn ma kien iwaqqaf lir-rikorrenti milli tikteb hija stess in-numru ta’ reġistrazzjoni fuq l-1 u l-5 kopja kif hija għamlet fuq ir-4 kopja (ara, f’dan ir-rigward, l-Anness 37 tar-regolament ta' implementazzjoni, Titlu I, Punt C, tieni paragrafu). Tali indikazzjoni kellha ssir fil-mument li fih kienet saret magħrufa l-identità tal-mezz ta’ trasport, jew, l-aktar tard, fil-mument ta’ l-ispedizzjoni tal-merkanzija.
115 Barra minn hekk, mir-rapport tal-FIOD (punt 9.7, p. 45) jirriżulta li r-referenza għan-numri ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi tħalliet barra b’mod intenzjonali mir-rikorrenti minħabba li, fil-mument tal-preparazzjoni tad-dokumenti tad-dwana, din kienet taf in-numru ta’ reġistrazzjoni eżatt tat-trakk li kellu jġorr il-merkanzija. Minn tali rapport jirriżulta wkoll (punt 9.7, p. 46) li s-Sur FB., responsabbli għall-formalitajiet doganali tar-rikorrenti, kien irċieva istruzzjonijiet espressi mis-Sur C., l-intermedjarju, sabiex ma jindikax in-numri ta’ reġistrazzjoni fuq id-dokumenti T 1. Issa, minħabba li s-Sur FB kien impjegat tar-rikorrenti, l-azzjonijiet tiegħu f’dan il-każ għandhom jiġu attribwiti lil din ta’ l-aħħar.
116 Ir-rikorrenti tinsisti li mill-1 ta’ April 1994, in-numru ta’ reġistrazzjoni kien indikat ukoll fuq l-avviżi bil-quddiem trażmessi mill-uffiċċju tat-tluq lill-uffiċċju ta’ destinazzjoni. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li s-sistema ta’ l-avviżi bil-quddiem ma ntużatx għall-ewwel ħames operazzjonijiet, dawk li saru bejn is-16 ta’ Frar u t-23 ta’ Marzu 1994, u li l-awtoritajiet Ġermaniżi daħħlu tali sistema biss f’Awwissu 1994, jiġifieri wara li seħħet l-aħħar waħda ta’ l-operazzjonijiet in kwistjoni, fil-5 ta’ Lulju 1994.
117 Ir-rikorrenti tirrileva wkoll li anki l-kontejner jew it-trejler ġew issiġillati, b’numru li kien jidher fuq id-dokument ta’ tranżitu. F’dan ir-rigward, hija ssostni li s-suġġett tal-kontroll mhuwiex il-vettura, iżda l-kontejner jew it-trejler. Issa, jeħtieġ li jiġi nnotat li, fil-kawża preżenti, it-tpoġġija tas-siġilli kienet miżura fakoltattiva, filwaqt li l-indikazzjoni tan-numri ta’ reġistrazzjoni kienet obbligatorja. Barra minn hekk, in-numri tas-siġilli jistabbilixxu konnessjoni biss bejn il-merkanzija li kienet is-suġġett tad-dikjarazzjoni in kwistjoni u l-kontejner jew it-trejler użat għat-trasport u mhux mal-vettura nnifisha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Anness 37 tar-regolament ta' implementazzjoni jistabbilixxi espressament li d-dikjarazzjoni għandha tispeċifika kemm in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura kif ukoll dak tat-trejler. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, fil-kawża preżenti, l-użu tas-siġilli ma jiġġustifikax in-nuqqas ta' indikazzjoni tan-numri ta’ reġistrazzjoni tal-mezzi ta’ trasport.
118 Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-indikazzjoni tan-numri ta’ reġistrazzjoni fuq il-kopji l-oħrajn minbarra r-4 kopja bl-ebda mod ma tikkontribwixxi għall-kontroll, u dan minħabba li fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni l-kontroll isir permezz ta’ l-imsemmija kopja. Madankollu, jekk, kif mitlub mill-leġiżlazzjoni doganali, l-uffiċċju tat-tluq kien jaf bin-numri ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi użati għat-trasport tal-merkanzija suġġetta għas-sistema tat-tranżitu, tali uffiċċju kien ikun eventwalment f’pożizzjoni jew li jitlob lill-uffiċċji tad-dwana l-oħra, b’mod partikolari lill-uffiċċju ta’ destinazzjoni kif indikat fid-dokumenti T 1, li jagħmlu spezzjoni fuq il-vetturi in kwistjoni fil-mument tal-wasla tal-merkanzija, jew li jitlob lill-awtoritajiet kompetenti sabiex huma jispezzjonaw it-trasporti matul il-vjaġġ. Issa, minħabba li l-uffiċċju tat-tluq ma kellux ir-referenza tal-vetturi la fuq l-1 kopja u lanqas fuq il-5 kopja, il-possibbiltà ta’ kontroll a posteriori ta’ l-iżvolġiment ta’ tali operazzjonijiet kienet limitata ħafna.
119 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li nuqqas ta' indikazzjoni tan-numru ta’ reġistrazzjoni fuq il-5 kopja kienet prattika kurrenti fl-Olanda, aċċettata wkoll mill-awtoritajiet doganali. Barra minn hekk, hija tafferma li, fil-mument ta’ l-ispedizzjoni tal-merkanzija, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-awtoritajiet Olandiżi kkontrollaw id-dokumenti T 1 u ma qajmux oġġezzjonijiet. Issa, anki jekk tali affermazzjonijiet jiġu kkunsidrati bħala veri, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, bħala dikjarant b’ħafna esperjenza, ma’ tistax tirrikorri la għall-eżistenza ta’ ċerta prattika fis-settur u lanqas għan-nuqqas inizjali mill-parti ta’ l-awtoritajiet doganali Olandiżi sabiex ma twettaqx l-obbligi formali tagħha skond is-sistema doganali.
120 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti naqset mill-obbligi tagħha bħala dikjarant. Issa, il-ksur ta’ obbligu formali li jirriżulta mis-sistema ta’ tranżitu Komunitarju bħan-nuqqas ta' indikazzjoni tan-numri ta’ reġistrazzjoni tal-mezzi ta’ trasport użati tista’ tikkostitwixxi ċirkustanza adatta sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ negliġenza evidenti minn naħa ta’ l-operatur ekonomiku (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza British American Tobacco, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 70). Barra minn hekk, għandu jiġi konkluż li, fil-kawża preżenti, tali ksur seta' jagħmel il-kontroll ta’ l-operazzjonijiet doganali aktar ikkumplikat. Fil-fatt, f’dan il-każ, in-numru ta’ reġistrazzjoni kien jidher biss fuq ir-4 kopja tad-dokumenti T 1, u cioè dik li kienet ġiet ivverifikata mill-uffiċjal tad-dwana korrott. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet ta’ l-uffiċċju tat-tluq ma kellhomx tali numri ta’ reġistrazzjoni disponibbli fuq l-1 u l-5 kopji. Kif ġie affermat, tali ċirkustanza ppreġudikat il-possibbiltà għall-awtoritajiet ta’ l-uffiċċju tat-tluq li jikkontrollaw l-operazzjonijiet dubjużi.
121 Għaldaqstant, għandu jiġi ddikjarat li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda żball meta kkunsidrat in-nuqqas, min-naħa tar-rikorrenti, ta' indikazzjoni tan-numri ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi fuq il-5 kopja tad-dokumenti T 1 bħala element li jikkostitwixxi negliġenza evidenti min-naħa tagħha stess.
3. Fuq il-bdil ta’ l-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni indikat fuq id-dokumenti doganali
– L-argumenti tal-partijiet
122 Ir-rikorrenti tammetti li l-ispedizzjonijiet kollha in kwistjoni wasslu fl-uffiċċju ta’ Philippsreut, anki dawk fejn d-dokumenti ta’ tranżitu tagħhom kienu jindikaw Schirnding bħala uffiċċju ta’ destinazzjoni. Madankollu, hija ssostni li l-Artikolu 356(3) tar-regolament ta' implementazzjoni jawtorizza espressament tibdil fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni. Hija tippreċiża li, mill-Artikoli 204 u 96(1) tal-Kodiċi Doganali, jirriżulta li d-dikjarant huwa responsabbli għall-preżentazzjoni tal-merkanzija f’uffiċċju doganali, liema wieħed mhuwiex rilevanti, peress illi fil-prattika d-dikjarant m’għandu ebda influwenza fuq l-għażla ta’ l-uffiċċju u l-itinerarju tat-trasportatur. Barra minn hekk, fis-sistema ta’ l-avviżi bil-quddiem, l-uffiċċju li fih tiġi ppreżentata l-merkanzija huwa obbligat li jissenjala tali fatt, b’mod li l-uffiċċju tat-tluq u dak tad-destinazzjoni kif indikat fid-dokument doganali jistgħu jsiru jafu bil-bidla.
123 Ir-rikorrenti tirreleva li, f’kull każ, hija indikat l-uffiċċju ta’ destinazzjoni abbażi ta’ l-indikazzjonijiet tas-Sur C., l-intermedjarju, minħabba li hija ma kellhiex kuntatti diretti max-xerrejja finali, u tirrimarka li t-trasportaturi ma kinux qed jaġixxu fuq istruzzjonijiet tagħha, iżda fuq dawk tax-xerrejja. Hija tosserva wkoll li, minħabba li kellha żewġ xerrejja potenzjali b’sede fis-Slovakkja, l-għażla ta’ l-uffiċċju ta’ Schirnding kienet l-aktar waħda loġika. Madankollu, kif jirriżulta minn inkjesta ta’ l-1993 magħmulha mill-organizzazzjoni tat-trasportaturi fit-toroq ta’ l-Olanda, dan l-uffiċċju doganali spiss kellu dewmien serju, li jispjega, f’għajnejn ir-rikorrenti, it-tibdil mit-trasportaturi ta’ l-itinerarji tagħhom matul il-vjaġġ.
124 Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li, meta kkonstatat li d-dokumenti T 1 kollha li kienu jikkorrispondu għall-operazzjonijiet in kwistjoni kienu jiġu kkontrollati mill-uffiċċju ta’ Philippsreut, hija indikat dan ta’ l-aħħar bħala l-uffiċċju ta’ destinazzjoni, kif kienet għamlet għall-aħħar żewġ operazzjonijet (dokumenti T 1 Nru 120936, tat-28 ta’ Ġunju 1994, u Nru 120986, tal-5 ta’ Lulju 1994).
125 Il-Kummissjoni tippreċiża li l-kritika tagħha lir-rikorrenti ma tirrigwardax it-tibdil fl-uffiċċju tad-destinazzjoni matul it-trasport, iżda l-fatt li, mill-inqas f’disgħa minn ħdax il-dokument T 1 in kwistjoni, hija indikat l-uffiċċju ta’ destinazzjoni għalkemm kienet taf jew setgħet raġonevolment tkun taf li tali indikazzjoni ma kinitx eżatta. Ir-rikorrenti indikat l-uffiċċju ta’ Philippsreut fuq id-dokumenti T 1 mhux qabel it-28 ta’ Ġunju 1994, jiġifieri wara erba’ xhur u disa’ spedizzjonijiet. Għaldaqstant, hija ma aġixxitx bid-diliġenza neċessarja għal dak li jirrigwarda l-eżatezza ta’ l-informazzjoni inkluża fid-dokumenti T 1.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
126 Għandu jiġi kkonstatat li l-kunsinni kollha li kienu s-suġġett ta’ l-operazzjonijiet doganali in kwistjoni ġew ippreżentati lill-uffiċċju doganali ta’ Philippsreut. Għalhekk tali uffiċċju jikkostitwixxi l-uffiċċju ta’ destinazzjoni għal tali operazzjonijiet skond l-applikazzjoni tas-sistema ta’ tranżitu Komunitarju. Huwa kostanti li, fuq ħdax il-dikjarazzjoni in kwistjoni, mill-inqas l-ewwel disgħa kienu jindikaw uffiċċju ta’ destinazzjoni differenti, jiġifieri dak ta’ Schirnding.
127 Ir-rikorrenti tosserva li l-Artikolu 356(3) tar-regolament ta' implementazzjoni jippermetti li operazzjoni ta’ tranżitu Komunitarju tista’ tiġi konkluża f’uffiċċju barra minn dak previst fid-dokument T1 rilevanti. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li kif ġie ġustament irrilevat mill-Kummissjoni, il-kritika li qed ssir lir-rikorrenti mhijiex il-fatt li bidlet l-uffiċċju ta’ destinazzjoni matul il-vjaġġ, iżda l-fatt li hija pprovdiet intenzjonalment jew b’negliġenza indikazzjonijiet mhux eżatti lill-awtoritajiet doganali fil-mument meta ppreżentat id-dikjarazzjonijiet.
128 Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 199 tar-regolament ta' implementazzjoni, kif ukoll mill-Anness 37 ta’ l-imsemmi regolament, il-preżentazzjoni fl-uffiċċju doganali ta’ dikjarazzjoni ffirmata mid-dikjarant għandha tagħmlu responsabbli għall-eżatezza ta’ l-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni u l-awtentiċità tad-dokumenti mehmuża. Minn dan jirriżulta li l-fatt li tiġi pprovduta intenzjonalment jew b’negliġenza informazzjoni mhux eżatta fid-dikjarazzjoni doganali jikkostitwixxi ksur ta’ l-obbligi tad-dikjarant.
129 Issa, xi dokumenti ta' l-inkartament jippermettu li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti, kuntrarjament għal dak li sostniet, kienet diġà taf, fil-mument tal-preparazzjoni tad-dokumenti doganali, li l-uffiċċju ta’ destinazzjoni indikat minnha ma kienx dak li fih kellha tiġi ppreżentata l-merkanzija. Fil-fatt, fir-rapport tal-FIOD, l-awtoritajiet Olandiżi kkonkludew li r-rikorrenti intenzjonalment indikat uffiċċju ta’ destinazzjoni falz. Ir-rapport (punt 5.1, p. 24) jgħid, b’mod partikolari, li “[f]id-dokumenti T 1 (b’eċċezzjoni għall-aħħar żewġ trasporti) kif ukoll fl-informazzjoni tat-tluq pprovduti mill-akkużat [FB] f’nofs Marzu 1994 u ppreżentati fid-dwana ta’ Delfzijl, hemm indikat, kull darba intenzjonalment u fuq ordni ta’ [C, l-intermedjarju,], li Schirnding huwa l-uffiċċju ta’ destinazzjoni, filwaqt li l-uffiċċju ta’ destinazzjoni kien fil-fatt Philippsreut, kif kienu jafu l-akkużati [B] u [FB]”. Ir-rapport (punt 5.3.1, p. 25) fih ukoll id-dikjarazzjonijiet li ġejjin tas-Sur FB: “Jien kont naf li s-sigarretti kienu jgħaddu minn Philippsreut. […] Fuq ordni ta’ [C, l-intermedjarju,] dejjem kelli nindika Schirnding bħala uffiċċju ta’ destinazzjoni”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fil-kuntest tal-kawża preżenti, is-Sur FB mar kontra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tiegħu meta afferma f’dikjarazzjoni tat-30 ta’ Settembru 2002 li ma kienx jaf fil-mument tat-tluq tal-kunsinna li din kellha tiġi ppreżentata fid-dwana ta’ Philippsreut. Il-Qorti tal-Prim’Istanza però ssostni li tali dikjarazzjoni, li saret esklużivament għall-finijiet tal-kawża preżenti, ma tistax iċċaħħad il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Sur FB lill-awtoritajiet Olandiżi matul l-inkjesta magħmula minnhom stess.
130 Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li għall-parti l-kbira ta’ l-operazzjonijiet in kwistjoni, ir-rikorrenti intenzjonalment indikat uffiċċju ta’ destinazzjoni żbaljat fid-dikjarazzjonijiet doganali magħmula minnha. Issa, tali mġiba tikkostitwixxi mhux biss ksur ta’ l-obbligi formali li jaqgħu fuq ir-rikorrenti bħala dikjarant u prinċipal għal dak li jirrigwarda l-operazzjonijiet in kwistjoni, iżda hija tista’ tikkomprometti l-possibbiltà li l-awtoritajiet doganali għandhom sabiex jikkontrollaw tali operazzjonijiet. Fil-fatt, minħabba li l-uffiċċju tat-tluq ma kienx informat dwar iċ-ċirkustanza li tali kunsinna ta’ sigarretti kellha tiġi ppreżentata fl-uffiċċju ta’ Philippsreut, huwa ma setax jagħti minn qabel avviż ta’ dan lill-awtoritajiet ta’ tali uffiċċju. Din iċ-ċirkustanza ffaċilitat l-attivitajiet frawdolenti ta’ l-uffiċjal tad-dwana, is-Sur Mauritz, peress illi l-kollegi tiegħu ta’ l-uffiċċju ta’ Philippsreut ma kinux informati dwar il-wasla prevista ta’ kunsinni ta’ sigarretti importanti.
131 Tali evalwazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li, fis-sistema ta’ avviżi bil-quddiem, l-uffiċċju li fih il-merkanzija tiġi effettivament ippreżentata huwa obbligat li jinforma lill-uffiċċju tat-tluq u lil dak ta’ destinazzjoni kif indikat fid-dokument doganali b’dan il-fatt. Fil-fatt, anki jekk jiġi kkunsidrat bħala stabbilit li tali sistema ġiet użata effettivament fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li tingħata indikazzjoni ineżatta ta’ l-uffiċċju ta' destinazzjoni jippreġudika l-iskop stess tas-sistema ta' avviżi bil-quddiem, liema skop huwa li jippermetti lill-uffiċċju ta' destinazzjoni li jkun informat bil-quddiem dwar il-fatt li kunsinna ta' merkanzija ta' riskju tinsab fi triqitha.
132 Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta kkunsidrat li r-rikorrenti indikat intenzjonalment uffiċċju ta' destinazzjoni li hija kienet taf minn qabel li ma kienx preċiż, u meta żammet kont ta' tali ċirkustanza fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta' negliġenza evidenti min-naħa tar-rikorrenti.
4. Fuq il-modalità ta' rinviju tal-5 kopja tad-dokumenti T 1
– L-argumenti tal-partijiet
133 Ir-rikorrenti tosserva li kien hemm dewmien sinjifikattiv fit-trażmissjoni tad-dokumenti doganali mill-uffiċċju ta' destinazzjoni lill-uffiċċju ta' rilaxx b'mezzi uffiċjali u li hija kienet ġiet informata mill-awtoritajiet Olandiżi dwar il-fatt li l-5 kopja tad-dokumenti T 1 setgħet terġa’ tintbagħat direttament mill-uffiċċju ta' destinazzjoni. Hija ssostni li din hija r-raġuni għaliex hija tat lis-sewwieq u lis-Sur C, l-intermedjarju, envelops mħallsa bl-indirizz ta' l-uffiċċju ta' Coevorden, sabiex dawn jingħataw lill-awtoritajiet Ġermaniżi. Madankollu, l-uffiċjal tad-dwana Ġermaniż ma użax tali envelops, peress illi ħalla l-imsemmija 5 kopja mas-sewwieq jew mas-Sur C, l-intermedjarju, li tawha lir-rikorrenti, li min-naħa tagħha bagħtitha lill-awtoritajiet doganali Olandiżi. Issa, skond ir-rikorrenti, din is-sistema ta’ trażmissjoni, li mhijiex abitwali, madankollu ma tmurx kontra l-Artikolu 356(2) tar-regolament ta' implementazzjoni, li ma jippreċiża xejn fir-rigward tal-modalità ta' trażmissjoni tad-dokument T 1 mill-uffiċċju ta' destinazzjoni.
134 Barra minn hekk, meta rriżulta li l-5 kopja tad-dokument T 1 tas-16 ta' Frar 1994 (document T 1 Nru 120228), li kienet tikkorrispondi għall-ewwel operazzjoni in kwistjoni, ma ntbagħtitx lill-uffiċċju ta' Coevorden, ir-rikorrenti għamlet kuntatt mad-diviżjoni ta' rilaxx ta' l-istess uffiċċju, l-ewwel permezz tat-telefon u wara permezz ta' faks tal-25 ta' Frar 1994, u bagħtet l-ewwel kopja u mbagħad l-oriġinal ta' tali kopja. Permezz ta' faks tal-15 u tat-28 ta' Marzu 1994 hija bagħtet ukoll kopji tal-kopja Nru 5 li tirrigwarda l-operazzjonijiet tal-25 ta' Frar u tat-23 ta' Marzu 1994 (dokumenti T 1 Nru 120274 u Nru 120410). Ir-rikorrenti użat ukoll tali proċedura għat-trasporti ta' wara. Għaldaqstant, l-uffiċċji tad-dwana Olandiżi ġew informati perfettament dwar il-proċedura ta' trażmissjoni użata u aċċettaw espressament id-dokumenti doganali in kwistjoni.
135 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tikkunsidra li l-proċedura użata tmur kontra l-leġiżlazzjoni doganali, il-kumplessità ta' tali leġiżlazzjoni fil-każ preżenti għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kunċett ta' negliġenza evidenti, skond is-sentenza ċċitata aktar 'il fuq Söhl & Söhlke.
136 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 356(2) tar-regolament ta' implementazzjoni ma jħalli l-ebda dubju dwar il-proċedura li għandha tintuża għar-rinviju tal-kopja Nru 5 tad-dokument T 1, minħabba li xejn ma jagħti lok għad-deduzzjoni minn tali dispożizzjoni li l-intervent ta' terz huwa awtorizzat. Fil-fatt, huwa l-każ ta' proċedura purament amministrattiva li tippermetti lill-awtoritajiet doganali li jikkontrollaw l-iżvolġiment korrett tat-tranżitu. Issa, fil-kwalità tiegħu ta' operatur mogħni bl-esperjenza fis-settur tat-trasporti, ir-rikorrenti qatt ma messha aċċettat li tintervjeni attivament fir-rinviju tal-5 kopja.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
137 L-Artikolu 356(2) tar-regolament ta' implementazzjoni jistabbilixxi li, meta l-merkanzija tiġi ppreżentata fl-uffiċċju ta' destinazzjoni, dan għandu jirreġistra fuq il-kopji tad-dokument T1 id-dettalji tal-kontrolli mwettqa u għandu mingħajr dewmien jibgħat kopja lill-uffiċju tat-tluq. Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 358 ta' l-imsemmi regolament, huwa jipprevedi li l-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jindikaw uffiċċju ċentrali wieħed jew aktar fejn id-dokumenti għandhom jintbagħtu lura mill-uffiċċji kompetenti fl-Istat Membru tad-destinazzjoni. Bħala konsegwenza, ir-rinviju tal-5 kopja tad-dokument T 1 għandha ssir permezz tas-sistema amministrattiva, direttament mill-uffiċċju ta' destinazzjoni lill-uffiċċju tat-tluq, bl-intervent eventwali ta' l-uffiċċji ċentrali indikati għal tali skop mill-Istati Membri. Kif spjegat il-Kummissjoni b'risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mill-Qorti tal-Prim'Istanza, it-trażmissjoni għandha ssir b'mod partikolari permezz ta' envelops debitament ittimbrati mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta' destinazzjoni u tali ttimbrar huwa ggarantit mill-użu ta' timbri speċifiċi, ta’ timbri ta’ magni li jittimbraw l-ittri jew ta' mezzi speċifiċi ta' timbri, kkomunikati lill-Kummissjoni u magħrufa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali kompetenti l-oħra.
138 Il-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja għalhekk ma tippermettiex li l-uffiċċju ta' destinazzjoni jista' jafda lil terzi persuni, b'mod partikolari lill-operaturi privati li jipparteċipaw għal operazzjoni ta' tranżitu, ix-xogħol li jittrażmettu l-5 kopja tad-dokument T 1 lill-uffiċċju tat-tluq. Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda r-rwol bla dubju ta' xejn essenzjali li d-dokument ta' tranżitu T 1 jiżvolġi għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta' tranżitu Komunitarju estern (sentenza British American Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 52), kif ukoll l-importanza tal-5 kopja tiegħu għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ħolqien eventwali tad-dejn doganali jew għall-komunikazzjoni lill-awtoritajiet ta' l-uffiċċju tat-tluq ta' l-irregolaritajiet eventwali mwettqa fit-trasport tal-merkanzija, it-trażmissjoni ta' tali kopja għandha ssir bilfors bejn l-awtoritajiet doganali mingħajr ebda intervent ta' l-operaturi ekonomiċi. Il-parteċipazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar fir-rinviju ma tippermittiex li tiġi ggarantita l-awtentiċità tad-dokumenti in kwistjoni jew ta' l-informazzjoni li hemm fihom u żżid ir-riskju tal-frodi.
139 B'risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti ammettiet li l-proċedura adottata ma kinitx tikkorrispondi għall-prassi tagħha preċedenti. Tali modalità ta' rinviju ma kinitx lanqas dik deċiża bejn ir-rikorrenti u l-intermedjarju, is-Sur C., li kienet tikkonsisti fl-użu ta' envelops ittimbrati bl-indirizz ta' l-uffiċċju doganali ta' rilaxx ta' Coevorden, li kellhom jiġu trażmessi mis-sewwieq tat-trakk lill-awtoritajiet ta' l-uffiċċju ta' destinazzjoni sabiex jiġu użati minn dawn ta' l-aħħar għat-trażmissjoni bil-posta tal-5 kopja lill-uffiċċju ta' rilaxx. Id-dikjarazzjonijiet li ġejjin tas-Sur FB, imniżżla fir-rapport tal-FIOD (punt 8.3, p. 40 u 41) juru tajjeb b'mod partikolari l-karattru irregolari tal-proċedura adottata:
"[Il-5 kopja] intbagħtet lili minn [C., l-intermedjarju] jew indirettament minn [B] [prinċipal ta' FB] […]. L-ewwel reazzjoni tiegħi kienet kull darba ta' biża […]. Ikkomunikajt l-istagħġib tiegħi fuq il-post tax-xogħol tiegħi u lmentajt dwar dan ma' [B] […]. Ma erġajtx ftehmt bl-ebda mod ma' [B] dwar rinviju ulterjuri lill-uffiċċju doganali ta’ rilaxx [...]. Meta ġurnata minnhom [C, l-intermedjarju,] ġie lura b' [il-5 kopja] ittimbrata, ġismi qam xewk xewk, u stagħġibt u rrabjajt għall-fatt li hu ma żammx ma dak li kien ġie miftiehem. Għarraft b'dan lil [B] u [C, l-intermedjarju] [...]."
140 Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti saret taf bil-modalità tar-rinviju użata qabel it-tluq tat-tieni kunsinna ta' sigarretti, dik li tikkorrispondi għall-operazzjoni tal-25 ta' Frar 1994. Issa, għalkemm tali modalità ta' rinviju kienet mhux biss tmur kontra l-leġiżlazzjoni doganali, iżda anke dak li ġie miftiehem ma' l-intermedjarju, is-Sur C, ir-rikorrenti aċċettat l-użu ta' tali modalità għall-għaxar dikjarazzjonijiet suċċessivi, u b'hekk ipparteċipat għat-twettiq tagħha.
141 Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li tali proċedura ta' rinviju ġiet espressament aċċettata mill-awtoritajiet Olandiżi. B'mod partikolari hija tosserva li, meta bdiet tirċievi mingħand l-intermedjarju, is-Sur C., il-5 kopja, hija għal aktar minn darba għamlet kuntatt telefoniku mad-dwana u kisbet ftehim magħhom. Hija tiddikjara wkoll li bagħtet lil dawn ta' l-aħħar il-formoli tal-5 kopja u li dawn ġew aċċettati. Issa, minkejja li ċertament kien hemm xi kuntatti bejn ir-rikorrenti u l-awtoritajiet Olandiżi, madankollu, mill-inkartament ma jirriżultax li l-awtoritajiet Olandiżi aċċettaw espressament il-modalità użata sabiex il-formoli jintbagħtu lura. Minflok, huwa kostanti li l-awtoritajiet Olandiżi kienu jikkunsidraw l-intervent ta' operaturi privati fir-rinviju inammissibbli. B'hekk, ir-rapport tal-FIOD (punt 3.2.3, p. 18) fih id-dikjarazzjonijiet li ġejjin ta' uffiċjal tad-dwana tad-distrett ta' Groningue: "Jien qatt ma ġejt informat dwar il-fatt li l-5 kopji kienu jintbagħtu lura lill-uffiċċju doganali ta’ rilaxx ta' Coevorden permezz tar-[rikorrenti]. Qatt ma konna ser nagħtu l-kunsens tagħna għal tali metodu ta' rilaxx […] Dejjem ippermettejt il-modalità l-oħra tar-rinviju tal-5 kopja (rinviju dirett permezz tad-dwana Ġermaniża lill-uffiċċju doganali ta’ rilaxx ta' Coevorden). Minflok, ma kontx nippermetti jew ma nippermettix modalità differenti ta' rinviju tal-5 kopja lill-uffiċċju doganali ta’ rilaxx ta' Coevorden permezz tar-[rikorrenti]." Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, ir-rikorrenti ma setgħetx tirrikorri sempliċement għan-nuqqas ta' reazzjonijiet min-naħa ta' l-awtoritajiet Olandiżi għall-ċertu perijodu fir-rigward tal-modalità tar-rinviju tal-kopja Nru 5 sabiex tistabbilixxi l-legalità ta' tali metodu.
142 Fl-aħħar nett, l-argument sussidjarju tar-rikorrenti dwar il-kumplessità tal-leġiżlazzjoni applikabbli ma jistax jiġi milqugħ. Kif diġà ġie ddikjarat, mill-Artikolu 256 tar-regolament ta' implementazzjoni jirriżulta b'mod ċar li l-uffiċċju ta' destinazzjoni għandu jipproċedi bir-rinviju tal-5 kopja tad-dokument T 1 lill-uffiċċju tat-tluq, mingħajr l-intervent ta' terzi persuni.
143 Fid-dawl ta' dak li ntqal, jeħtieġ li jiġi ddikjarat li r-rikorrenti, bħala operatur mogħni b'esperjenza fit-tranżitu Komunitarju, ma kellhiex taċċetta li tintervjeni attivament fir-rinviju tal-5 kopja tad-dokumenti in kwistjoni. Jeħtieġ anke li jiġi rrilevat li l-modalità ta' rinviju tal-kopja Nru 5 użata fil-kawża preżenti kienet tindika mhux biss ksur tal-leġiżlazzjoni formali tas-sistema ta' tranżitu Komunitarju, iżda kkontribwiet għat-twettiq ta' frodi. Fil-fatt, in-nuqqas ta' użu tas-sistema amministrattiva, u b'mod partikolari n-nuqqas ta' trażmissjoni lill-uffiċċju ċentrali Ġermaniż, neħħiet l-opportunità għall-awtoritajiet Ġermaniżi li dawn jivverifikaw in-numri ta' reġistrazzjoni miktuba mill-uffiċjal tad-dwana korrott fuq id-dokumenti T 1 in kwistjoni, liema numri – għandu jiġi mfakkar – kienu jikkorrispondu fir-realtà għan-numri użati sabiex tiġi rreġistrata merkanzija u dokumenti doganali oħra. L-awtoritajiet Ġermaniżi setgħu jindunaw b'tali dupliċità, iżda l-awtoritajiet Olandiżi ta' rilaxx ma setgħux jindunaw biha.
144 Għaldaqstant, għandu jiġi ddikjarat li l-Kummissjoni m’għamlet l-ebda żball meta ħadet in kunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fir-rinviju tal-formuli tal-5 kopja tad-dokumenti T 1 fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta' negliġenza evidenti min-naħa tagħha stess.
5. Fuq l-insuffiċjenza ta' informazzjoni dwar ix-xerrejja
– L-argumenti tal-partijiet
145 Ir-rikorrenti tosserva li għal tmien snin hija kellha relazzjonijiet kummerċjali sodisfaċenti ma' l-intermedjarju, is-Sur C, u li xejn ma wassalha sabiex ma tafdax ix-xerrejja li f'isimhom kien jaġixxi. It-talba tal-Kummissjoni sabiex tikseb mingħand l-aġent informazzjoni dwar ix-xerrejja ma tiħux in kunsiderazzjoni r-realtà tal-kummerċ internazzjonali, minħabba li l-aġent m'għandux interess fl-eżistenza ta' relazzjonijiet diretti bejn iż-zewġ partijiet fin-negozju. Barra minn hekk, tali kontroll jsir rarament fil-kuntest tat-tranżitu Komunitarju estern, b'mod partikolari jekk id-dikjarant jaġixxi fuq istruzzjonijiet tad-destinatarju. Barra minn hekk, fil-każ preżenti, ma kienx hemm bżonn li tiġi verifikata s-solvenza tax-xerrejja minħabba li l-ħlas kien isir f'kontanti.
146 Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti kellha, b'mod partikolari fil-kwalità doppja tagħha ta' bejjiegħ ta’ merkanzija u ta' dikjarant, tipprova tivverifika jekk ix-xerrejja, li tagħhom hija kienet taf l-identità, kinux jeżistu verament u kellha tieħu minimu ta' prekawzjoni sabiex tevita li tali identitajiet iservu ta' faċċata għal bejgħ fittizju li jista’ jagħti lok għal frodi fil-kuntest tat-tranżitu Komunitarju.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
147 Ir-rikorrenti ma pprovatx tikseb informazzjoni preċiża dwar ix-xerrejja potenzjali tal-merkanzija li kienet is-suġġett ta' l-operazzjonijiet doganali in kwistjoni. Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, b'mod partikolari b'kunsiderazzjoni għall-eżistenza tar-relazzjoni kummerċjali twila bejn ir-rikorrenti u l-intermedjarju, is-Sur C, li afferma li kien jirrappreżenta tali xerrejja, kif ukoll il-partikolarità tal-kummerċ internazzjonali u b'mod partikolari d-diffikultà li tinkiseb malajr informazzjoni dettaljata fuq impriżi stabbiliti f'pajjiżi differenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddikjara li tali fatt biss ma jistax jikkostitwixxi l-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta' negliġenza evidenti min-naħa tar-rikorrenti.
6. Fuq in-nuqqas ta' rabta ta’ kawżalità bejn iċ-ċikustanza partikolari u n-negliġenza kkontestata lir-rikorrenti
– L-argumenti tal-partijiet
148 Ir-rikorrenti ssostni li skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi Doganali, jirriżulta li r-remissjoni tad-dazji tista' tiġi miċħuda biss jekk is-sitwazzjoni partikolari in kwistjoni hija l-konsegwenza ta' negliġenza evidenti tar-rikorrenti. Issa, fil-kawża preżenti, ma kien hemm l-ebda rabta bejn kawża u effett f’tali sitwazzjoni, jiġifieri l-frodi ta' l-uffiċjal tad-dwana Ġermaniż u l-erba' ċirkustanzi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha dwar l-allegata negliġenza evidenti. Fil-fatt, tali frodi ma kinitx il-konsegwenza tan-nuqqas ta' indikazzjoni tan-numri ta' reġistrazzjoni u lanqas ta' l-omissjoni fil-verifika ta' l-identità tax-xerrejja. Barra minn hekk, il-bidla fl-uffiċċju ta' destinazzjoni u l-modalità mhux tas-soltu fir-rinviju tal-5 kopja tad-dokumenti T 1 kellhom bħala effett waħdieni dak li jqajjmu suspetti fl-awtoritajiet doganali u żiedu r-riskju li tinkixef il-frodi.
149 Il-Kummissjoni tirrileva li applikazzjoni għal remissjoni tista' tiġi miċħuda meta r-rikorrenti wettqet negliġenza evidenti, indipendentement mill-eżistenza ta’ rabta maċ-ċirkustanza speċifika invokata minnha. F'kull każ, il-Kummissjoni ssostni li fil-kawża preżenti teżisti rabta ta’ kawżalità bejn iċ-ċirkustanza partikolari u n-negliġenza evidenti tar-rikorrenti, minħabba li tali traskuraġni kkontribwiet għat-twettiq ta' frodi u għamlitha aktar diffiċli li din tinkixef.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
150 Skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, wieħed jista’ jgħaddi għar-refużjoni jew għar-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni f'sitwazzjonijiet li ma jimplikawx frodi jew negliġenza evidenti min-naħa tal-parti kkonċernata. Barra minn hekk, l-Artikolu 905 tar-regolament ta' implementazzjoni jipprevedi li applikazzjoni għal remissjoni għandha tkun sostnuta minn prova li tista’ tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari li tirriżulta minn ċirkustanzi li fihom l-ebda qerq jew negliġenza evidenti min-naħa tal-parti kkonċernata. Kuntrarjament għat-teżi tal-Kummissjoni, mill-kliem ta' l-istess dispożizzjonijiet, jirriżulta li għandu jkun hemm rabta bejn in-negliġenza ta’ l-operatur u s-sitwazzjoni partikolari kkonstatata. Fin-nuqqas ta' tali rabta, ma jkunx ġust li applikazzjoni għal remissjoni jew rimbors tiġi miċħuda. Madankollu, u kontra dak li sostniet ir-rikorrenti, m'hemmx bżonn li s-sitwazzjoni partikolari tkun il-konsegwenza diretta u immedjata tan-negliġenza tal-parti kkonċernata. F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li n-negliġenza tkun ikkontribwiet jew iffaċilitat it-teħid tal-merkanzija mill-kontroll tad-dwana.
151 Fil-kawża in kwistjoni, is-sitwazzjoni partikolari hija kkostitwita mill-fatt li r-rikorrenti kienet vittma ta' frodi li kienet possibbli bil-parteċipazzjoni ta' uffiċjal tas-servizzi tad-dwana nazzjonali. Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-imġibiet differenti tar-rikorrenti, peress illi jikkostitwixxu negliġenza evidenti, ikunu ffaċilitaw it-twettiq ta' tali frodi.
152 Issa, diġà ġie ddikjarat li (ara punti 118, 120, 130 u 143) tlieta mill-imġibiet li huma kkunsidrati li jikkostitwixxu negliġenza evidenti minn naħa tar-rikorrenti, jiġifieri l-omissjoni fl-indikazzjoni tan-numri ta' reġistrazzjoni fuq il-5 kopja tad-dokumenti T 1, l-indikazzjoni falza ta' Schirnding bħala uffiċċju ta' destinazzjoni u l-modalità irregolari fir-rinviju tal-formuli tal-5 kopja tad-dokumenti T 1, iffaċilitaw it-twettiq tal-frodi, u għalhekk, it-teħid tal-merkanzija mill-kontroll tad-dwana, b'mod partikolari, billi kkumplikaw il-kontrolli minn naħa ta’ l-awtoritajiet doganali sabiex dawn jikkontrollaw l-iżvolġiment korrett ta' l-operazzjonijiet in kwistjoni.
153 Għaldaqstant, l-ilment dwar in-nuqqas ta' rabta ta’ kawżalità għandu jiġi miċħud.
7. Konklużjonijiet dwar it-tieni motiv
154 Skond ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni tiddisponi minn marġni ta' diskrezzjoni meta tadotta deċiżjoni fl-applikazzjoni ta' klawżola ġenerali ta' ekwità prevista fil-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Novembru 1995, France-aviation vs Il-Kummissjoni, T-346/94, Ġabra p. II-2841, punt 34; Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 60; Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 46 u 78, u Aslantrans vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 55). Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rimbors jew ir-remissjoni tad-dazji ta' l-importazzjoni, li jistgħu jingħataw biss taħt kundizzjonijiet speċifiċi u f'każijiet speċifikament previsti, jikkostitwixxu eċċezzjoni fir-rigward tas-sistema normali ta' l-importazzjoni u l-esportazzjoni u li, bħala konsegwenza, id-dispożizzjonijiet li jipprevedu tali rimbors jew remissjoni għandhom jiġu interpretati b'mod ristrett (is-sentenzi Söhl & Söhlke, iċċitati aktar 'il fuq, punt 52, u Aslantrans vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 55). B'mod partikolari, minħabba li n-nuqqas ta' "negliġenza evidenti" huwa kundizzjoni sine qua non għall-applikazzjoni għal rimbors jew għar-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni, tali kunċett għandu jiġi interpretat b'mod li n-numru tal-każijiet ta' rimbors jew remissjoni jibqa' limitat (is-sentenza Söhl & Söhlke, iċċitata aktar 'il fuq, punt 52).
155 Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti kienet il-prinċipal tas-sistema ta' tranżitu Komunitarju estern għall-operazzjonijiet doganali in kwistjoni. Bħala konsegwenza, għal dak li jirrigwarda l-prinċipal, ir-rikorrenti aċċettat responsabbiltà partikolari fir-rigward ta' tali operazzjonijiet.
156 Madankollu, ir-rikorrenti intenzjonalment u ripetutament kisret diversi obbligi tagħha skond is-sistema ta' tranżitu Komunitarju estern. Fil-fatt, fl-ewwel lok, billi ma indikatx in-numri ta' reġistrazzjoni tal-vetturi ta' trasport, hija ma osservatx l-obbligu previst fl-Anness 37 tar-regolament ta' implementazzjoni. Fit-tieni lok, hija kisret l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 199 tar-regolament ta' implementazzjoni u ta' l-Anness 37 ta' l-imsemmi regolament meta hija tat indikazzjonijiet foloz dwar l-uffiċċju ta' destinazzjoni fid-dikjarazzjonijiet doganali. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, meta pparteċipat fil-modalità tar-rinviju irregolari tal-5 kopji tad-dokumenti T 1, hija kkontribwit għall-ksur tad-dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 356 tar-regolament ta' implementazzjoni. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet miksura ma kinux partikolarment kumplessi u ma kinux jeħtieġu interpretazzjoni diffiċli. Minbarra dan, ir-rikorrenti kienet operatur ekonomiku mogħni b'ħafna esperjenza f'tali settur. Tali vjolazzjonijiet jikkostitwixxu mhux biss ksur ta' l-obbligi formali li joħorġu mis-sistema ta' tranżitu Komunitarju, iżda kkontribwixxew għat-twettiq ta' frodi u t-teħid tal-merkanzija mill-kontroll doganali, b'mod partikolari billi kkumplikaw il-kontroll mill-awtoritajiet doganali ta' l-iżvolġiment korrett ta' l-operazzjonijiet. Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, billi huma operazzjonijiet doganali li jirrigwardaw is-sigarretti, jiġifieri merkanzija riskjuża, ir-rikorrenti kienet obbligata li tagħti prova ta' diliġenza partikolari.
157 Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża preżenti, ir-rikorrenti tat prova ta' negliġenza evidenti skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 905 tar-regolament ta' implementazzjoni.
158 Konsegwentement, hemm lok li tali motiv jiġi miċħud.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità
– L-argumenti tal-partijiet
159 Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat u applikat skond il-prinċipju ta' proporzjonalità. Issa, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ammonti tad-dazji mitluba u tal-portata ta' l-attivitajiet kummerċjali tagħha, iċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni għal remissjoni tikkostitwixxi preġudizzju serju ħafna, u sabiex jiġi evitat ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, in-negliġenza allegata stabbilita mill-Kummissjoni kellha tkun partikolarment gravi. Essenzjalment, il-Kummissjoni ttrattat b'mod eċċessivament serju r-rikorrenti, fejn in-negliġenza tagħha hija strettament "sussidjarja" għall-imġiba frawdolenti ta' l-uffiċjal tad-dwana Ġermaniż.
160 Il-Kummissjoni tinnota li, fil-kawża preżenti, għandu jiġi applikat il-prinċipju ta' proporzjonalità lill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-remissjoni tad-dejn doganali u mhux lill-kwistjoni tal-validità tad-dejn innifsu. Hija tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li mhuwiex sproporzjonat li operatur jfalli minħabba li kellu jħallas dejn doganali (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Mejju 1996, Faroe Seafood et, kawżi magħquda C‑153/94 u C‑204/94, Ġabra p. I‑2465, punt 116). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-prinċipju ta' proporzjonalità fid-deċiżjoni kkontestata, iżda l-ilmenti gravi imputabbli lir-rikorrenti ma ppermettew l-ebda remissjoni.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
161 Għandu jiġi rrilevat li l-ammont ta' dejn doganali impost fuq ir-rikorrenti huwa konness ma' l-importanza ekonomika tal-merkanzija li kienet is-suġġett ta' l-operazzjonijiet ta’ tranżitu Komunitarju in kwistjoni, b'mod partikolari għall-ammont tad-dazji u tat-taxxi li hija suġġetta għaliha tali merkanzija, jiġifieri s-sigarretti. Il-fatt li l-ammont mitlub bħala dazji fuq l-importazzjoni huwa kunsiderevoli jidħol fost ir-riskji professjonali li għalihom jesponi ruħu l-operatur ekonomiku (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza Faroe Seafood et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 115). Għaldaqstant, l-estent tad-dejn li għalih qed tintalab ir-remissjoni mhuwiex, fih innifsu, element adatt sabiex ivarja l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta tali remissjoni. Għalhekk, għandu jiġi dikjarat li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta' proporzjonalità meta ma ħaditx in kunsiderazzjoni, fil-kawża preżenti, waqt l-eżami ta' l-applikazzjoni in kwistjoni, ta’ l-estent tal-ħsara ekonomika li d-deċiżjoni ta' ċaħda kienet ser tikkawża lir-rikorrenti.
162 Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li n-negliġenza evidenti li l-Kummissjoni tattribwilha hija strettament "sussidjarja" għall-frodi ta' l-uffiċjal tad-dwana Ġermaniż, biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali frodi ttieħed in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni minħabba li din kienet iċ-ċirkustanza fundamentali għall-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza fil-kawża preżenti ta' sitwazzjoni partikolari. Issa, fl-evalwazzjoni tat-tieni kundizzjoni għar-rikonoxximent tad-dritt għar-remissjoni, jiġifieri n-nuqqas ta' negliġenza evidenti, il-Kummissjoni ħadet ġustament in kunsiderazzjoni l-imġiba u l-ommissjonijiet imputabbli lir-rikorrenti, li, kif ġie ddikjarat, ikkontribwew għat-twettiq tal-frodi u għamlu l-għarfien tagħha aktar ikkumplikat. Jirriżulta li l-Kummissjoni lanqas kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità waqt l-eżami ta’ l-imġiba tar-rikorrenti.
163 Għaldaqstant, tali argument għandu jiġi miċħud.
Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq l-ineżistenza tad-dejn doganali
– L-argumenti tal-partijiet
164 Waqt is-seduta, ir-rikorrenti invokat argument ġdid, u allegat l-eżistenza ta' fatt ġdid. Hija sostniet li, kif jirriżulta mis-sentenza tal-Vichní soud de Prague tat-30 ta' Novembru 2004, iċċitata iktar ‘il fuq, il-merkanzija li hija s-suġġett ta' l-operazzjonijiet doganali in kwistjoni telqu mit-territorju doganali tal-Komunità. Għaldaqstant, tali merkanzija ma tneħħietx mill-kontroll doganali u għalhekk mhijiex suġġetta għad-dazji ta' l-importazzjoni. Bħala konsegwenza, id-dejn doganali impost fuqha mill-awtoritajiet Olandiżi, li l-applikazzjoni tagħhom għal remissjoni kienet is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, ma jeżistix. Tali ċirkustanza hija tajba sabiex tiġġustifika r-remissjoni tad-dejn doganali. L-applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tippresupponi l-eżistenza preċedenti tad-dejn doganali.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
165 Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 905 tar-regolament ta' implementazzjoni għandhom bħala għan waħdieni li jippermettu, meta jiġu sodisfatti xi ċirkustanzi partikolari u fin-nuqqas ta' negliġenza evidenti u ta' frodi, li l-operaturi ekonomiċi jkunu eżenti mill-ħlas tad-dazji dovuti minnhom, u mhux li tingħata l-possibbiltà li jiġi kkontestat il-prinċipju nnifsu ta' jekk id-dejn doganali huwa dovut jew le [is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Marzu 1987, Cerealmangimi u Italgrani vs Il-Kummissjoni, Kawżi Maqgħuda 244/85 u 245/85, Ġabra p. 1303, punt 11, u tas-6 ta' Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, C‑121/91 u C‑122/91, Ġabra p. I‑3873, punt 43; is-sentenza Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 98]. Fil-fatt, id-determinazzjoni ta' l-eżistenza u ta' l-ammont preċiż tad-dejn jidħol fil-kompetenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali. Issa, l-applikazzjonijiet magħmula lill-Kummissjoni skond id-dispożizzjonijiet iċċitati aktar 'il fuq ma jirrigwardawx il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt doganali sostanzjali ġewx applikati b'mod korrett jew le mill-awtoritajiet doganali nazzjonali. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li d-deċiżjonijiet adottati minn tali awtoritajiet jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati nazzjonali, bla ħsara għall-possibbiltà li dawn ta’ l-aħħar jirrikorru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 234 KE (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Lulju 1998, Kia Motors u Broekman Motorships vs Il-Kummissjoni, T‑195/97, Ġabra p. II‑2907, punt 36, u Hyper vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 98).
166 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, tali argument għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.
167 Il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddikjara li l-investigazzjoni tal-kawża kif ukoll id-dokumenti u r-risposti pprovduti mill-partijiet fil-kwadru tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura jikkostitwixxu informazzjoni suffiċjenti u mhemmx bżonn li jiġu ordnati miżuri istruttorji oħra, b'mod partikolari biex jinstemgħu xhieda kif propost mir-rikorrenti.
168 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
Fuq l-ispejjeż
169 Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)
taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.
Cooke |
García-Valdecasas |
Trstenjak |
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2005.
H. Jung |
J. D. Cooke |
Reġistratur |
President |
Werrej
Kuntest ġuridiku
Regoli dwar it-tranżitu Komunitarju
Regoli dwar il-ħlas lura jew ir-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Operazzjonijiet ta’ tranżitu Komunitarju estern in kwistjoni
Proċedura amministrattiva
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Fid-dritt
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-proċedura ta' remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni u tal-prinċipju ta' ċertezza legali
1. Fuq l-ilment li jikkonċerna n-nuqqas ta' notifika ta' l-estensjoni tat-terminu u l-ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
2. Fuq l-ilment li jikkonċerna n-nuqqas ta' trażmissjoni fi żmien suffiċjenti tat-talbiet għal informazzjoni addizzjonali
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
3. Fuq l-ilmenti li jikkonċernaw l-aċċess tardiv u mhux komplet għall-proċess
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
4. Fuq l-ilment li jikkonċerna d-dewmien li kien hemm sabiex jaslu r-risposti mill-awtoritajiet Olandiżi
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
5. Fuq l-ilment li jikkonċerna d-dewmien ta’ l-awtoritajiet Olandiżi fit-trażmissjoni tar-rapport tal-FIOD
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
6. Fuq l-ilment li jikkonċerna d-dewmien eċċessiv fl-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni għal remissjoni
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
7. Konklużjoni dwar l-ewwel motiv
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ negliġenza evidenti skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 905 tar-regolament ta' implementazzjoni
1. Fuq il-kunċett ta’ negliġenza evidenti u l-kriterji rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tagħha fil-kawża preżenti
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
2. Fuq in-nuqqas ta’ indikazzjoni tan-numri ta’ reġistrazzjoni fuq il-5 kopja tad-dokumenti T 1
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
3. Fuq il-bdil ta’ l-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni indikat fuq id-dokumenti doganali
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
4. Fuq il-modalità ta' rinviju tal-5 kopja tad-dokumenti T 1
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
5. Fuq l-insuffiċjenza ta' informazzjoni dwar ix-xerrejja
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
6. Fuq in-nuqqas ta' rabta ta’ kawżalitŕ bejn iċ-ċikustanza partikolari u n-negliġenza kkontestata lir-rikorrenti
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
7. Konklużjonijiet dwar it-tieni motiv
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalitŕ
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq l-ineżistenza tad-dejn doganali
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
Fuq l-ispejjeż
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.