SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (il-Ħames Awla)

19 ta' Ottubru 2004 (*)

"Ambjent – Skart – Regolament (KEE) Nru 259/93 dwar vjaġġi bil-baħar ta' skart – Kompetenza ta' l-awtorità li tibgħat għall-kontroll tal-klassifikazzjoni ta' l-għan tal-vjaġġ bil-baħar (irkupru jew rimi) u li toġġezzjona għall-vjaġġ bil-baħar minħabba klassifikazzjoni żbaljata – Proċeduri ta' oġġezzjoni"

Fil-kawża-472/02

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour d'appel de Bruxelles (Il-Belgju) permezz ta' deċiżjoni ta' l-20 ta' Diċembru 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta' Diċembru 2002, fil-proċedura

Siomab SA

vs

Institut bruxellois pour la gestion de l'environnement

 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (il-Ħames Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President ta' l-Awla, C. Gulmann, (Relatur) u S. von Bahr, Imhallfin,

Avukat Ġenerali:M . P. Léger,

Reġistratur:  M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-10 ta' Ġunju 2004, 

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Siomab SA, minn J. Vanden Eynde u J.-M. Wolter, avocats,

–       għall-Institut bruxellois pour la gestion de l'environnement (IBGE), minn J. Sambon, avocat,

–       għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn MM. W.-D. Plessing, M. Lumma u C.-D. Quassowski, bħala aġenti,

–       għar-Repubblika Taljana, minn I. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. F. Fiorilli, avvocato dello Stato,

–       għar-Renju ta' l-Olanda, minn H. Sevenster, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Simonetti u Konstantinidis, bħala aġenti,

wara li semgħet  il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-intepretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 ta' l-1 ta' Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU L 30, p. 1), kif emendat bid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 96/368/KE tat-18 ta' Mejju 1998 (ĠU L 165, p.20), u 1999/816/KE ta' l-24 ta' Novembru 1999 (ĠU L 316, p. 45, aktar 'il quddiem ir-"Regolament").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Siomab SA (aktar 'il quddiem "Siomab") u l-Institut bruxellois pour la gestion de l’environnement (aktar 'il quddiem l-"IBGE") dwar vjaġġi bil-baħar ta' skart li Siomab kienet bi ħsiebha tagħmel lejn il-Ġermanja.

I –  Il-Kuntest ġuridiku

 Id-drittKomunitarju

3       Id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart, (ĠU L 194, p. 39), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta' Mejju 1991 (ĠU JO L 78, p. 32), u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE tal-Kummissjoni, ta' l-24 ta' Mejju 1996 (ĠU L 135, p. 32, aktar 'il quddiem id-"Direttiva") għandha bħala għan essenzjali l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent kontra l-effetti ta' ħsara kkawżati mill-ġbir, it-trasport, it-trattament, il-ħażna u l-ħatt ta' l-iskart.

4       Id-Direttiva tiddefinixxi, bl-Artikolu 1(e) "rimi (ta' l-iskart)", li jfisser "kull waħda mill-ħidmiet provduti fl-Anness II, A"; u fl-Artikolu 1(f), "irkupru", li jfisser "kull waħda mill-ħidmiet provduti fl-Anness II, B".

5       Ir-Regolament jorganizza, b'mod partikolari, is-superviżjoni u l-kontroll tal-vjaġġ bil-baħar ta' skart bejn l-Istati Membri.

6       Ir-Regolament jiddefinixxi, bl-Artikolu 2(i) tiegħu, "rimi" bħala "kif definit fl-Artikolu 1(e) tad-Direttiva 75/442/KEE"; u taħt 1(k) "irkupru" bħala "kif definit fl-Artikolu 1(f) tad-Direttiva 75/442/KEE".

7       It-titlu II tar-Regolament, imsejjaħ "Vjaġġi bil-baħar ta' skart bejn Stat Membri" għandu b'mod partikolari żewġ kapitli distinti li għandhom, l-ewwel wieħed, il-proċedura applikabbli għall-vjaġġ bil-baħar ta' skart li għandu jintrema, (Kapitlu A, Artikoli 3 sa 5), u l-ieħor, il-proċedura applikabbli għal vjaġġ bil-baħar ta' skart li jrid jiġi rkuprat (Kapitlu B, Artikoli 6 sa 11).

8       Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3(1) u 6(1) tar-Regolament, meta l-produttur jew possessur ta' skart (aktar 'il quddiem "in-notifikatur") ikollu l-intenzjoni li jibgħat skart għal rimi jew irkupru minn Stat Membru wieħed lejn Stat Membru ieħor u/jew li jgħaddi bi tranżitu minn xi wieħed jew ħafna Stati Membri oħra, u bla ħsara għall-Artikoli 25(2) u 26(2), huwa għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tat-territorju tad-destinazzjoni tat-trasferiment (aktar 'il quddiem l-"awtorità kompetenti tad-destinazzjoni"). Hu għandu wkoll jibgħat kopji tan-notifika lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li jibgħat (aktar 'il quddiem l-"awtorità kompetenti li tibgħat") u l-Istat Membru tat-tranżitu (aktar 'il quddiem l-"awtorità kompetenti ta' tranżitu") kif ukoll lill-persuna jew impriża fejn l-iskart huwa mibgħut (aktar 'il quddiem ir-"riċevent").

9       Skond l-Artikoli 3(3) u 6(3) tar-Regolament, in-notifika għandha tiġi effettwata permezz ta’ nota tal-konsenja li għandha tinħareġ mill-awtorità kompetenti li tibgħat. L-Artikoli 3(5) u 6(5) jispeċifikaw l-informazzjoni li n-notifikatur għandu jagħti fuq in-nota tal-konsenja, li tinkludi informazzjoni f’dak li jirrigwarda ħidmiet ta' rimi jew irkupru.

10     Skond l-Artikoli 3(6) u 6(6) ta' l-istess Regolament, in-notifikatur għandu jikkonkludi kuntratt mar-riċevent dwar l-irkupru ta’ l-iskart u kopja tal-kuntratt għandha tingħata lill-awtorità kompetenti wara li ssir talba minn din ta' l-aħħar.

11     Skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(8), u l-Artikolu 6(8) ta' l-imsemmi Regolament, l-awtorità kompetenti li tibgħat tista’, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, tiddeċiedi li tittrażmetti n-notifika hija stess, minflok in-notifikatur, lill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni, b’kopji lir-riċevent u lill-awtorità kompetenti tat-tranżitu.

12     It-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(8) tar-Regolament, li ssemmi l-iskart li għandu jiġi eliminat, iżid:

"L-awtorità kompetenti li tibgħat tista’ tiddeċiedi li ma tipproċedix bin-notifika jekk hi nnifisha jkollha oġġezzjonijiet immedjati xi tqajjem kontra l-vjaġġ bil-baħar skond l-Artikolu 4(3). Għandha minnufih tinforma lin-notifikatur b’dawn l-oġġezzjonijiet."

13     Skond l-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament, l-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni għandha, fi żmien tliet ijiem tax-xogħol, tibgħat konferma lin-notifikatur u kopji ta’ din lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kkonċernati u lir-riċevent.

14     L-Artikolu 7(2), tar-Regolament jiffisa fi 30 jum, li jibdew jiddekorru mit-tluq tal-konferma li fiha l-awtoritajiet kompetenti ta' destinazzjoni, ta' dik li tibgħat, u ta' tranżitu, joġġezzjonaw għall-proposta nnotifikata ta' trasferiment ta' skart għall-irkupru. Oġġezzjoni bħal din għandha tkun ibbażata fuq il-paragrafu 4 ta' l-istess.

15      L-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament jsemmi l-każijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti ta' destinazzjoni u ta' dik li tibgħat jistgħu jqajmu l-oġġezzjonijiet motivati għall-vjaġġ propost bil-baħar.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

16     Skond l-Artikolu 3 tad-digriet leġiżlattiv, tas-7 ta' Lulju 1994, tal-Gvern tar-Reġjun ta' Brussell Kapitali, dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' l-iskart, l-IBGE tittrażmetti hi stess, skond l-Artikolu 6(8), tar-Regolament, in-notifiki li għandhom x'jaqsmu ma' l-esportazzjoni ta' l-iskart lill-awtoritajiet kompetenti ta' destinazzjoni, b'kopja lir-riċevent.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17     Siomab tħaddem fi Brussell impjant ta' inċinerazzjoni ta' skart domestiku u prodotti simili. Din il-ħidma tinvolvi l-produzzjoni ta' residwi, b'mod partikolari l-melħ.

18     Siomab ikkonkludiet, fit-30 ta' Novembru 2001, ma' GTS-Grunde Teutschenthal Sicherungs Gmbh & co. KG, kuntratt sabiex tidfen il-melħ fil-minjieri tal-melħ ta' Teutschenthal, fil-Ġermanja.

19     Sabiex tibgħat bil-baħar dan l-iskart, Siomab, fl-4 ta' Diċembru 2001, bagħtet lill-IBGE dokumenti ta' notifika sabiex jiġu trażmessi lill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni, il-Landesamt für Geologie und Bergwesen Sachsen-Anhalt.

20     Fid-dokumenti hekk mibgħuta lill-lBGE, Siomab ikklassifikat il-vjaġġ bil-baħar bhala ħidma ta' rkupru tat-tip "R 5 Riċiklaġġ jew riklamazzjoni ta' materjali oħra inorganiċi" li hemm fl-Annees II B tad-Direttiva. L-IBGE kkunsidrat li l-ħidma tikkonċerna vjaġġ bil-baħar ta' skart għar-rimi, tat-tip "D 12 Ħażna permanenti (p.eġ. tqegħid f'kontenituri f'minjiera, eċċ.), li hemm fl-Anness II A tad-Direttiva. Wara li kkonsultat lil Siomab, l-IBGE biddlet f'dan is-sens il-formula ta' notifika, u fl-20 ta' Diċembru 2001 infurmat lil Siomab li t-talba tagħha ta' esportazzjoni kienet intbagħtet lill-awtorità kompetenti fil-Ġermanja. Din ta' l-aħħar oġġezzjonat għat-talba, għaliex skond id-dritt nazzjonali tal-minjieri, l-irkupru biss, u mhux ir-rimi, huwa permess fil-mina ta' Teutschenthal.

21     Siomab bagħtet mill-ġdid id-dokumenti lill-IBGE, fid-9 ta' April 2002, filwaqt li żammet li l-klassifikazzjoni tal-ħidma bħala vjaġġ bil-baħar tat-tip R 5, u bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-27 ta' Frar 2002, ASA, C‑6/00, Ġabra p. I-1961) biex issostni li l-IBGE kienet obbligata li tittrażmetti dik in-notifika lill-awtorità kompetenti ta' destinazzjoni kif kienet, mingħajr ma setgħet tikklassifika mill-ġdid l-għan tal-vjaġġ bil-baħar.

22     Fid-29 ta' April 2002, l-IBGE, li insistiet fl-evalwazzjoni tagħha, bagħtet lura d-dokumenti tagħha lil Siomab għar-raġuni li l-klassifikazzjoni ta' l-operazzjoni kienet żbaljata.

23     Siomab għalhekkk għamlet rikors quddiem il-Conseil d’État li bih talbet l-annullament tad-deċiżjoni ta' l-IBGE sa fejn din irrifjutat li tittrażmetti lill-awtorità kompetenti ta' destinazzjoni n-notifika tal-vjaġġ bil-baħar ta' skart.

24     Fl-14 ta' Mejju 2002, Siomab talbet, waqt il-proċeduri, lill-president tat-tribunal de première instance de Bruxelles (Tribunal tal-Prim'Istanza ta' Brussell) (Belġju) jordna lill-IBGE tittrażmetti, minghajr modifiki, in-notifika tal-vjaġġ bil-baħar ta' skart lill-awtorità kompetenti ta' destinazzjoni. Din it-talba ġiet miċħuda b'digriet tat-8 ta' Lulju 2002.

25     Siomab ressqet appell minn dan id-digriet quddiem il-Cour d’appell de Bruxelles (il-Qorti ta' l-Appell ta' Brussell), li bih sostniet, b'mod partikolari, li mhijiex kompetenza ta' l-IBGE li tipproċedi unilateralment għar-riklassifikazzjoni ta' l-għan tal-vjaġġ bil-baħar u li, fil-kuntest tal-proċedura speċifika dwar l-operazzjoni ta' rkupru, ir-Regolament ma jagħtix lill-awtorità kompetenti li tibgħat il-poter li tiċħad it-trażmissjoni tan-notifika. L-IBGE sostniet min-naħa l-oħra li kellha d-dmir li tivverifika l-klassifikazzjoni tal-vjaġġ bil-baħar u li għalhekk ma kienx hemm ħtieġa li ssir notifika fil-każ ta' abbuż tar-Regolament.

26     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’Appel de Bruxelles, peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kawża mressqa quddiemha kienet titlob interpretazzjoni tar-Regolament, iddeċidiet, b'sentenza ta' l-20 ta' Diċembru 2002, li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"Fl-ipoteżi fejn Stat Membru jirrikorri għal sistema ta' notifika ta' nota ta' konsenja mill-awtorità kompetenti li tibgħat, b'applikazzjoni ta' l-Artikoli 3(8) u 6(8) tar-Regolament [...], l-Artikoli 3(8), 4(3), 6(8), 7(4) u 26 tar-Regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens,

a)      li l-awtorità kompetenti li tibgħat, fis-sens ta' l-istess Regolament, kompetenti li tikkontrolla jekk il-proġett ta' vjaġġ bil-baħar ikklassifikat fin-notifika bħala "vjaġġ bil-baħar għal għanijiet ta' irkupru" fil-fatt jaqbilx effettivament ma' din il-klassifikazzjoni, tista', jekk tqis li dik il-klassifikazzjoni hija żbaljata,

–       tirrifjuta li tittrażmetti n-nota tal-konsenja minħabba dik il-klassifikazzjoni żbaljata waqt li stiednet lin-notfikatur li jibgħat nota tal-konsenja ġdida lilha,

–       tipproċedi billi tittrażmetti n-nota tal-konsenja wara li tirriklassifika l-vjaġġ bil-baħar bħala "vjaġġ bil-baħar ta' skart għar-rimi";

–       tipproċedi billi tittrażmetti n-nota tal-konsenja li għandha l-klassifikazzjoni żbaljata, u minnufih ma dik it-trażmissjoni tibgħat magħha oġġezzjoni bbażata fuq dak l-iżball fil-klassifikazzjoni?

b) jew, bil-kontra, li l-awtorità kompetenti li tibgħat hija obbligata li tibgħat in-notifika kif ikklassifikata min-notifikatur lill-awtorità kompetenti ta' destinazzjoni, filwaqt li żżomm id-dritt, jekk tqis li l-għan tat-trasferiment ġie kklassifikat ħażin, li wkoll tqajjem dak il-ħin jew a posteriori oġġezzjoni bbażata fuq dik il-klassifikazzjoni żbaljata? "

 Fuq it-talba preliminari

27     L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, fis-sistema stabbilita mir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti kollha li lilhom in-notifika ta' vjaġġ bil-baħar ta' skart tkun indirizzata jridu jivverifikaw li l-klassifikazzjoni tan-notifikatur taqbel mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament u joġġezzjonaw għal vjaġġ bil-baħar meta l- klassifikazzjoni hija żbaljata (sentenza ASA, iċċitata aktar 'il fuq, punt 40 u tat- 13 ta' Frar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, Ġabra p. I‑1553, punt 21).

28     Jekk l-awtorità kompetenti li tibgħat tikkunsidra li l-għan tal-vjaġġ bil-baħar kien ikklassifikat b'mod żbaljat, hija għandha tibbaża l-oġġezzjoni għall-vjaġġ bil-baħar fuq ir-raġuni ta' dak l-iżball ta' klassifikazzjoni, mingħajr ma jirreferi għal waħda mid-dispożizzjonijiet partikolari tar-Regolament li jiddefinixxu l-oġġezzjonijiet għal vjaġġ, bil-baħar, ta' skart. Din l-oġġezzjoni għandha, bħall-oġġezzjonijiet l-oħra previsti mir-Regolament, l-effett li żżomm il-vjaġġ bil-baħar (sentenza ASA, iċċitata aktar 'il fuq, punt 47). Min-naħa l-oħra, mhijiex kompetenza, ta' l-awtorità kompetenti li tibgħat, li tipproċedi unilateralment għar-riklassifikazzjoni ta' l-għan tal-vjaġġ bil-baħar, peress li din il-riklassifikazzjoni unilaterali tfisser li l-istess vjaġġ jiġi eżaminat minn diversi awtoritajiet kompetenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt kapitli differenti tar-Regolament, li jkun inkompatibbli mas-sistema stabbilita minn dan (sentenza ASA, iċċitata aktar 'il fuq, punt 48).

29     Għandu jitfakkar għal darb'oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura ddefinita bir-Regolament tiggarantixxi lin-notifikatur li l-vjaġġ bil-baħar propost jiġi eżaminat fit-termini stabbiliti mir-Regolament u li hu jkun infurmat sakemm jiskadi dak it-terminu, jekk, u f'liema kundizzjonijiet, jekk ikun hemm, il-vjaġġ bil-baħar jista' jsir. Għalhekk, l-oġġezzjoni dwar il-klassifikazzjoni żbaljata tal-vjaġġ bil-baħar innotifikat bħala vjaġġ għal irkupru ta' skart trid titqajjem mill-awtorità kompetenti li tibgħat fit-terminu previst mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament (sentenza ASA, iċċitata aktar 'il fuq, punt 49).

30     Din l-interpretazzjoni tar-Regolament hija applikabbli wkoll għal sitwazzjonijiet fejn, bħal f'dan il-każ, l-awtorità kompetenti li tibgħat, tqis li għandha tqajjem oġġezzjoni għal vjaġġ bil-baħar ikklassifikat bħala vjaġġ għal irkupru, tkun ġiet innotifikata bil-proċedura partikolari ta' l-Artikolu 6(8) tar-Regolament, li skond din l-imsemmija awtorità tittrażmetti hi stess in-notifika tal-pjan, minflok in-notifikatur, lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn u lir-riċevent.

31     Fil-fatt, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-fatt biss tal-proċedura li għandha tiġi segwita għan-notifika tal-proposta lil dawk interessati tkun differenti minn dik normalment prevista trid ikollha l-konsegwenza li tagħti lill-awtorità kompetenti li tibgħat il-poter li tirriklassifika unilateralment l-għan tal-vjaġġ bil-baħar.

32     Għandu, f'dawn iċ-ċirkustanzi, jitfakkar li t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(8) tar-Regolament, dwar il-proċedura ta' vjaġġ bil-baħar ta' skart li jintrema, iħalli l-possibbiltà lill-awtorità kompetenti li tibgħat li tirrifjuta li tipproċedi għat-trażmissjoni tan-notifika ta' l-imsemmi vjaġġ bil-baħar "jekk hi nnifisha jkollha oġġezzjonijiet immedjati xi tqajjem kontra l-vjaġġ bil-baħar skond l-Artikolu 4(3)". Għalhekk, meta ma tatx lill-awtorità kompetenti li tibgħat l-għażla skond il-proċedura ta' vjaġġ bil-baħar ta' skart għall-irkupru, il-leġiżlatur Komunitarju fehem, b'implikazzjoni iżda mhux neċessarjament, li jeskludiha minn din il-proċedura.

33     F'dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li, f'sitwazzjoni bħal dik fil-kawża preżenti, l-awtorità kompetenti li tibgħat li tikkunsidra li l-klassifikazzjoni tal-vjaġġ bil-baħar hija żbaljata ma tistax unilateralment tirriklassifika dan l-għan u tirrifjuta li tittrażmetti n-nota tal-konsenja lill-awtoritajiet l-oħrajn u lir-riċevent. Hija għandha dritt biss, sakemm jispiċċa t-terminu ta' 30 ġurnata li jibda jgħodd minn meta tintbagħat ir-riċevuta tan-notifika tal-vjaġġ bil-baħar mill-awtorità li tibgħat, li tinforma lin-notifikatur u lill-awtorijiet l-oħrajn kompetenti kkonċernati bil-mezzi kollha bl-oġġezzjoni tagħha bbażata fuq n-natura żbaljata ta' l-imsemmija klassifikazzjoni.

34     Għar-raġunijiet mogħtija mill-Avukat Ġenerali fil-punti 37 u 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpetazzjoni tar-Regolament bl-ebda mod ma tfixkel il-poteri ta' l-awtorità kompetenti li tibgħat taħt dak ir-Regolament li toġġezzjona għal vjaġġ bil-baħar li ġie kklassifikat ħażin min-notifikatur u fl-istess ħin, tipproteġi l-interess ta' dan ta' l-aħħar li jkun jaf il-pożizzjoni ta' l-awtoritajiet oħrajn dwar dan il-pjan.

35     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal qabel, it-tweġiba għad-domanda preliminari għandha tkun fis-sens li, meta Stat Membru juża, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(8) ta' l-imsemmi Regolament, il-proċedura partikolari tan-notifika, mill-awtorità kompetenti li tibgħat, tan-nota tal-konsenja għal vjaġġ bil-baħar ta' skart għall-irkupru, dik l-awtorità, jekk tikkunsidra li għandha toġġezzjona għall-vjaġġ bil-baħar għaliex ġie kklassifikat ħażin min-notifikatur, ma tistax tirriklassifika l-vjaġġ bil-baħar unilateralment u trid tinnotifika d-dokument lill-awtoritajiet l-oħrajn kompetenti u lir-riċevent. Din l-awtorità wara għandha tinforma lin-notifikatur u lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati bl-oġġezzjoni tagħha bil-mezzi kollha, qabel ma jiskadi t-terminu previst mill-Artikolu 7(2) ta' l-istess Regolament.

 Fuq l-ispejjeż

36     L-ispejjeż sostnuti mill-gvern Ġermaniż, Taljan, u Olandiż għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura, għandha fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (il-Ħames Awla) taqta' u tiddeċiedi:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 ta' l-1 ta' Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea, kif emendat bid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 98/368/KE tat-18 ta' Mejju 1998 u 1999/816/KE ta' l-24 ta' Novembru 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li meta Stat Membru jirrikorri, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(8) ta' l-imsemmi Regolament, għall-proċedura partikolari tan-notifika, mill-awtorità kompetenti li tibgħat, tan-nota tal-konsenja għal vjaġġ bil-baħar ta' skart għall-irkupru, dik l-awtorità, jekk tikkunsidra li għandha toġġezzjona għall-vjaġġ bil-baħar għaliex ġie kklassifikat ħażin min-notifikatur, ma tistax tirriklassifika l-vjaġġ bil-baħar unilateralment u trid tinnotifika d-dokument lill-awtoritajiet l-oħrajn kompetenti u lir-riċevent. Din l-awtorità wara għandha tinforma lin-notifikatur u lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati bl-oġġezzjoni tagħha bil-mezzi kollha, qabel ma jiskadi t-terminu previst mill-Artikolu 7(2) ta' l-istess Regolament.


Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.