SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta' Lulju 2004 (*)

"Artikolu 28 KE – Direttiva 98/8/KE – Tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali – Miżura nazzjonali li teżiġi awtorizzazzjoni sabiex jitqiegħdu fis-suq biċċiet ta' injam taċ-ċedru aħmar bi kwalitajiet naturali għal kontra l-kamla"

Fil-kawża C-443/02,

li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 234 KE mit-Tribunale di Pordenone (L-Italja) u intiża sabiex, fil-kawża kriminali mibdija quddiem din il-qorti kontra

Nicolas Schreiber,

tinkiseb deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Frar 1998, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, p.1), kif ukoll ta' l-Artikolu 28 KE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla, A. Rosas, S. von Bahr, R. Silva de Lapuerta u K. Lenaerts, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għas-Sur Schreiber, minn M. Casini u F. Capelli, avvocati;

–       għall-Gvern Belġjan, minn A. Snoecx, bħala aġent;

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Ström, bħala aġent, assistit minn M. Moretto, avocat,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali tas-Sur Schreiber u tal-Kummissjoni fis-seduta tat-8 ta' Jannar 2004,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta' Frar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' digriet ta' l-20 ta' Novembru 2002, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta' Diċembru ta' wara, it-Tribunale di Pordenone għamel, taħt l-Artikolu 234 KE, ħames domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Frar 1998, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, p.1), kif ukoll ta' l-Artikolu 28 KE.

2       Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta' kawża kriminali mibdija kontra s-Sur Schreiber minħabba ksur tal-liġi nazzjonali li teżiġi awtorizzazzjoni biex jitqiegħdu fis-suq biċċiet ta' injam taċ-ċedru aħmar bi kwalitajiet naturali għal kontra l-kamla.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Id-definizzjonijiet

3       Skond l-Artikolu 2(1)(a) tar-Direttiva 98/8, "[P]rodotti bijoċidali" tfisser: "[i]s-sustanzi attivi u t-tħejjijiet li jkun fihom sustanza attiva jew aktar, esibiti fil-għamla li fiha jkunu forniti lill-utent, maħsuba sabiex jeqirdu, igerrxu, jirrendu bla ħsara, jipprevjienu l-azzjoni, jew jeżerċitaw xorta oħra [ta'] kontroll effettiv fuq kull organiżmu ta' perikolu b'mezzi kimiċi jew bijoloġiċi".

4       Taħt l-Artikolu 2(1)(b), il-"[p]rodott[i] bijoċidal[i] b'riskju baxx" huma ddefiniti bħala l-"[p]rodott[i] bijoċidali li jkun fih[om] bħala sustanzi attivi waħda […] jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I A u li ma jkun fihom l-ebda sustanza ta' tħassib".

5       Skond l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 98/8, "[S]ustanza bażika" tfisser: [s]ustanza li hija elenkata fl-Anness I B, li l-użu maġġuri tagħha mhux ta' pestiċida imma li għandha xi użu minuri bħala bijoċida jew direttament jew fi prodott li jikkonsisti minn sustanza u dilwent sempliċi li minnhom infushom mhumiex sustanzi ta' tħassib u li mhumiex imqiegħda fis-suq direttament għal dan l-użu bijoċidali".

6       Id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE, tas-27 ta' Ġunju 1967, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi (ĠU 1967, 196, p.1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/32/KEE, tat-30 ta' April 1992 (ĠU L 154, p.1), li għaliha tirreferi d-Direttiva 98/8, tiddefinixxi s-"sustanzi" bħala "elementi kimiċi u l-komposti tagħhom fi stat naturali jew miksuba b'kull proċess ta' produzzjoni […]".

 Ir-regoli sostantivi

7       Skond l-ewwel, it-tielet u t-tmien premessi tagħha, id-Direttiva 98/8 hija intiża biex tistabbilixxi sistema Komunitarja dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti pestiċidi għal użu mhux agrikolu (bijoċidi) sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni tħassib dwar is-saħħa pubblika li fl-Istati Membri huwa l-bażi ta' leġiżlazzjoni restrittiva differenti dwar dan is-suġġett.

8       Għal dan il-għan, din id-Direttiva tipprovdi, fl-Artikolu 3(1) u (2) tagħha, li:

"1.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu illi prodott bijoċidali ma għandux jitqiegħed fis-suq u jiġi wżat fit-territorju tagħhom għajr jekk ikun ġie awtorizzat skond din id-Direttiva.

2.      Bħala deroga mill-paragrafu 1:

i)       L-Istati Membri għandhom, [permezz ta'] reġistrazzjoni, iħallu t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodott bijoċidali ta' riskju baxx, sakemm ikun ġie ssottomess u vverifikat dossier skond Artikolu 8(3) mill-awtoritajiet kompetenti.

         Għajr jekk speċifikat xorta oħra, id-disposizzjonijiet kollha [ta' din id-Direttiva] li għandhom x'jaqsmu ma’ [l-awtorizzazzjoni] għandhom japplikaw ukoll għar-reġistrazzjoni.

ii)       L-Istati Membri għandhom jippermettu t-tqegħid fis-suq u l-użu tas-sustanzi [bażiċi] [...] għal skopijiet bijoċidali ġaladarba jkunu ġew imdaħħla fl-Anness IB."

9       L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 4(1) ta' l-imsemmija Direttiva tipprovdi, fir-rigward tar-"rikonoxximent reċiproku ta' l-awtorizzazzjonijiet", li, "[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, prodott bijoċidali li jkun diġà awtorizzat jew irreġistrat f'wieħed mill-Istati Membri għandu jkun awtorizzat jew irreġistrat fi Stat Membru ieħor għal 120 jum jew 60 jum rispettivament, [li jiddekorru minn meta tkun riċevuta l-applikazzjoni] minn Stat Membru ieħor, sakemm is-sustanza attiva tal-prodott bijoċidali tkun inkluża fl-Anness I jew I A u tikkonforma mal-ħtiġiet tagħhom".

10     Għalhekk, l-Anness I għandu jistabbilixxi l-lista tas-sustanzi attivi approvati fuq livell Komunitarju sabiex jiġu inklużi fil-prodotti bijoċidali, waqt li l-Anness I A għandu jistabbilixxi l-lista tas-sustanzi attivi approvati sabiex jiġu inklużi fil-prodotti bijoċidali b'riskju baxx u l-Anness I B għandu jistabbilixxi lista tas-sustanzi bażiċi.

11     L-Artikolu 16 tad-Direttiva 98/8 jistabbilixxi perijodu tranżitorju ta' għaxar snin. Dan il-perijodu jippermetti, b'mod partikolari, li jiġu stabbiliti l-Annessi I, I A u I B.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Id-definizzjonijiet

12     Il-kunċetti ta' "prodott bijoċidali", ta' "prodott bijoċidali b'riskju baxx" u ta' "sustanza bażika" huma ddefiniti fl-Artikolu 2 tad-Digriet Liġi Nru 174, tal-25 ta' Frar 2000 (supplement ordinarju tal-GURI nru 149, tat-28 ta' Ġunju 2000, iktar 'il quddiem id-"digriet dwar il-bijoċidali").

 Ir-regoli sostantivi

13     L-imsemmi digriet ittraspona d-Direttiva 98/8.

14     Fl-Artikoli 3 u 4 tiegħu, dan id-digriet jeżiġi awtorizzazzjoni sabiex jitqiegħdu fis-suq prodotti bijoċidali u reġistrazzjoni fir-rigward tal-prodotti bijoċidali b'riskju baxx. Fir-rigward tal-prodotti li jkun fihom biss sustanza bażika, dan id-digriet jipprovdi, fl-Artikolu 5 tiegħu, li dawn jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jistgħu jintużaw mingħajr awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni, sakemm ikunu mniżżla fil-lista rispettiva stabbilita fuq livell Komunitarju.

15     Matul il-perijodu ta' tranżizzjoni previst fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 98/8, l-Artikolu 17(1) tad-digriet dwar il-bijoċidali jipprovdi li l-Ministero della Sanità (Ministeru tas-Saħħa) jista' japplika l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali u li tirriżulta mid-Digriet Nru 392 tal-President tar-Repubblika, tas-6 ta' Ottubru 1998, dwar il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' strumenti medikokirurġiċi (GURI nru 266, tat-13 ta' Novembru 1998, iktar 'il quddiem id-"digriet dwar l-istrumenti medikokirurġiċi").

16     Fl-Artikolu 1 tiegħu, dan id-digriet jeżiġi awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jgerxu l-insetti.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17     L-awtoritajiet Taljani bdew proċedura kriminali kontra s-Sur Schreiber, fil-kwalità tiegħu ta' amministratur rappreżentant tal-kumpannija LIDL-ITALIA Srl, minħabba li din il-kumpannija, mingħajr ma kisbet minn qabel l-awtorizzazzjoni meħtieġa taħt il-leġiżlazzjoni Taljana, qiegħdet fis-suq, f'Marzu 2001, 20 pakkett ta' biċċiet ta' injam taċ-ċedru aħmar bi kwalitajiet naturali għal kontra l-kamla li oriġinaw mill-Ġermanja, prodott meqjus bħala "strument medikokirurġiku" fis-sens tad-digriet dwar l-istrumenti medikokirurġiċi.

18     Is-Sur Schreiber isostni li dawn il-biċċiet huma prodotti li fihom biss "sustanza bażika" fis-sens tad-Direttiva 98/8 u li għandhom igawdu, skond l-Artikolu 3(2)(ii) ta' din id-Direttiva, mill-possibbiltà li jitqiegħdu fis-suq mingħajr awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni. Alternattivament, huwa jsostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 28 KE.

19     F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Pordenone ddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      L-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 98/8/KE għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni ġenerali li l-imsemmija Direttiva stabbiliet fl-ordni ġuridiku Komunitarju, fis-sens li l-kunċetti ta' 'prodotti bijoċidali' u ta' 'prodott bijoċidali b'riskju baxx' jirreferu biss għal prodotti li l-azzjoni bijoċida tagħhom tiddependi minn sustanzi attivi inklużi fl-imsemmija prodotti permezz ta' mezzi kimiċi jew bijoloġiċi permezz ta' operazzjonijiet intiżi speċifikament sabiex jagħmlu din l-inklużjoni sabiex b'hekk il-prodotti msemmija jkollhom azzjoni bijoċida?

2)      L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 98/8/KE għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni ġenerali li l-imsemmija Direttiva stabbiliet fl-ordni ġuridiku Komunitarju, fis-sens li l-espressjoni 'sustanza bażika' tirreferi għal sustanzi li mhumiex inklużi fi prodott sabiex jippermettulu li jkollu l-azzjoni bijoċida mixtieqa, liema azzjoni bijoċida iżda tmur oltre l-effett normali tal-prodott matul l-użu tiegħu [...]?

3)      Biċċa injam taċ-ċedru aħmar tista', minħabba r-raġuni waħdanija li tinbiegħ bħala 'għal kontra l-kamla', tiġi kklassifikata bħala 'prodott bijoċidali', 'prodott bijoċidali b'riskju baxx' jew 'sustanza bażika' jekk wieħed iqis li a) l-injam in kwistjoni mhux suġġett għall-ebda trattament kimiku jew bijoloġiku; b) is-sustanza li minnha jiddependu l-effetti attribwiti lill-injam huma preżenti b'mod naturali fil-prodott; ċ) il-prodott huwa, essenzjalment, mqiegħed fis-suq kif jinstab fl-istat naturali tiegħu?

4)      L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 98/8/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biss jekk 'sustanza bażika' tiġi inkluża fil-lista li tinstab fl-Anness I B li l-imsemmija sustanza tista' tiġi eżentata mill-approvazzjoni jew mir-reġistrazzjoni mitluba fir-rigward tat-tqegħid fis-suq fl-Istati Membri tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2 imsemmi iktar 'il fuq, biex b'hekk inklużjoni fil-lista li tinstab fl-Anness I B takkwista effett kostituttiv għall-finijiet legali kollha?

5)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/8/KE għandu jiġi interpretat, fid-dawl ta' l-Artikoli 28 KE u 30 KE, fis-sens li prodott, bħal dak deskritt fid-domanda 3, mqiegħed legalment fis-suq fi Stat Membru mingħajr ma tkun meħtieġa approvazzjoni jew reġistrazzjoni f'dan l-Istat Membru, jista' jiġi sottomess għal awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni fi Stat Membru ieħor fejn ikun sussegwentament ikkummerċjalizzat minħabba li dan il-prodott mhux inkluż fil-lista li tinstab fl-Anness I B tad-Direttiva 98/8/KE?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

20     Għandu jiġi mfakkar li, fid-data ta' meta seħħew il-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-armonizzazzjoni prevista mid-Direttiva 98/8 kienet għadha ma ntlaħqitx kompletament minħabba li l-Annessi I, I A u I B ta' din id-Direttiva, li jelenkaw is-sustanzi attivi li l-użu tagħhom huwa awtorizzat fil-prodotti bijoċidali, fil-prodotti bijoċidali b'riskju baxx u fil-prodotti li jkun fihom biss sustanzi bażiċi, kienu għandhom qegħdin jiġu stabbiliti fuq livell Komunitarju. Fil-fatt, l-eżami tas-sustanzi attivi nnotifikati sabiex eventwalment jiġu inklużi f'dawn l-annessi kellha tiġi konkluża biss bejn l-2006 u l-2010.

21     Madankollu, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2032/2003, ta' l-4 ta' Novembru 2003, dwar it-tieni fażi tal-programm ta' ħidma ta' għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1896/2001 (ĠU L 307, p.1), jirriżulta li l-Kummissjoni kienet sadattant stabbiliet lista ta' sustanzi attivi li ma kinux se jiġu inklużi f'wieħed mill-annessi, jew għaliex il-Kummissjoni ma kienet aċċettat l-ebda notifika fir-rigward tagħhom jew għaliex l-ebda Stat Membru ma kien wera xi interess fihom. Mill-Artikolu 4(2) ta' l-imsemmi Regolament, flimkien ma' l-Anness III ta' l-istess Regolament, jirriżulta li, mill-1 ta' Settembru 2006, mhux ħa jkun iktar possibbli li ċerti prodotti bijoċidali li fihom sustanzi attivi komposti minn essenzi naturali, bħaż-żejt ta' l-injam taċ-ċedru u bħall-essenza ta' l-injam taċ-ċedru, jitqiegħdu fis-suq fit-territorji ta' l-Istati Membri.

22     Madankollu, fid-dawl tal-portata tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, mhux meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk il-projbizzjoni totali fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti bijoċidali li jkun fihom dawn l-essenzi naturali tammontax għal miżura proporzjonata ma' l-għanijiet ta' l-imsemmija leġiżlazzjoni Komunitarja.

 Fuq l-ewwel erba' domandi: l-obbligu ta' l-Istati Membri li jippermettu t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom biss "sustanzi bażiċi"

23     Permezz ta' l-ewwel erba' domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2)(ii) tad-Direttiva 98/8 jipprekludix li Stat Membru jeżiġi awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta' biċċiet ta' injam taċ-ċedru bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali (iżjed 'il quddiem is-"sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel in kwistjoni fil-kawża prinċipali").

F'dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk biċċiet bħal dawn jistgħux jiġu kkwalifikati bħala prodott li fih biss "sustanza bażika", b'tali mod li skond l-Artikolu 3(2)(ii) ta' l-imsemmija Direttiva jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq fl-Italja mingħajr awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni minn qabel, jew jekk għandhomx jiġu kkwalifikati bħala "prodott bijoċidali" jew bħala "prodott bijoċidali b'riskju baxx" fis-sens tad-Direttiva 98/8.

24     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3(2)(ii) ta' l-imsemmija Direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jippermettu t-tqegħid fis-suq, mingħajr awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni minn qabel, ta' prodotti li jkun fihom biss sustanzi bażiċi meta dawn ikunu mniżżla fl-Anness I B.

25     Skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 98/8, sabiex sustanza tiġi kwalifikata bħala "sustanza bażika" hija għandha tissodisfa tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, għandha tkun imniżżla fl-Anness I B, għandha tkun użata prinċipalment fi prodotti li mhumiex pestiċidi iżda fl-istess ħin għandha jkollha użu marġinali bħala bijoċida u m'għandhiex tkun ikkummerċjalizzata direttament għal użu bijoċidali.

26     Mill-banda l-oħra, il-"prodotti bijoċidali" huma, skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(1)(a), sustanzi attivi li jiġu eżibiti fl-għamla li fiha jkunu mogħtija lill-utent u li huma intiżi sabiex jeqirdu, igerrxu jew jirrendu bla ħsara l-organiżmi ta' periklu permezz ta' azzjoni kimika jew bijoloġika. Lista eżawrjenti ta' tipi ta' prodotti bijoċidali tinstab fl-Anness V tad-Direttiva 98/8.

27     Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2(1)(b) jiddefinixxi "prodott bijoċidali b'riskju baxx" bħala prodott bijoċidali li bħala sustanzi attivi fih biss sustanza waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I A u li ma fih l-ebda sustanza ta' tħassib.

28     Fil-kawża prinċipali hemm qbil li l-biċċiet ta' injam taċ-ċedru in kwistjoni ġew mibjugħa bħala prodotti għal kontra l-kamla, li dawn fihom iż-żejt (essenza) ta' l-injam taċ-ċedru, sustanza attiva li, meta tevapora toħloq effett li jgerrex lil dawn l-insetti u, fl-aħħar nett, li dawn kienu jagħmlu parti minn wieħed mit-tipi ta' prodotti mniżżla fil-lista stabbilita fl-Anness V tad-Direttiva 98/8. Mill-banda l-oħra, fid-data ta' meta seħħew il-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ipoteżi ta' l-inklużjoni tas-sustanza attivi li tinstab f'dawn il-biċċiet, jiġifieri ż-żejt (essenza) ta' l-injam taċ-ċedru, f'wieħed mill-Annessi I A jew I B ta' l-imsemmija Direttiva ma setgħetx tiġi immaġinata minħabba li dawn l-Annessi kienu għadhom ma ġewx stabbiliti.

29     F'dawn iċ-ċirkustanzi, dawn il-biċċiet ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala prodott li fih biss "sustanzi bażika" jew "prodott bijoċidali b'riskju baxx" fis-sens tad-Direttiva 98/8. Għall-kuntrarju, dawn il-biċċiet għandhom jitqiesu bħala "prodott bijoċidali" fis-sens ta' din id-Direttiva.

30     Għandu jingħad ukoll li, f'dan il-kuntest, mhux importanti li jkun magħruf jekk l-effett li jgerrex ta' sustanza attiva għandux karattru naturali jew jekk jirriżultax minn manipulazzjoni kimika jew bijoloġika. Waħedha, il-kwalità ta' sustanza naturali ma tistax teskludi l-eżistenza ta' periklu għall-bnedmin, għall-annimali u għall-ambjent. Barra minn hekk, minħabba li l-Artikolu 2(2)(a) ta' l-imsemmija Direttiva jirreferi għad-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 67/548, l-elementi kimiċi u l-komposti tagħhom kif jinstabu fl-istat naturali jew kif miksuba bi proċess industrijali jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' "sustanza".

31     Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li llum huwa ċert li l-biċċiet ta' injam taċ-ċedru bħal dawk in kwistjoni la huma prodott li fih biss "sustanza bażika" u lanqas "prodott bijoċidali b'riskju baxx" fis-sens tad-Direttiva 98/8. Fil-fatt, mill-Anness III tar-Regolament Nru 2032/2003 jirriżulta li ż-żejt (essenza) taċ-ċedru mhux se jiġi mniżżel f'wieħed mill-Annessi I A jew I B ta' l-imsemmija Direttiva. Minkejja li ġie identifikat bħala "sustanza attiva eżistenti" fis-sens tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1896/2000, tas-7 ta' Settembru 2000, fuq l-ewwel fażi tal-programm rigward prodotti bijoċidali msemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8 (ĠU L 228, p.6), il-Kummissjoni ma aċċettat l-ebda notifika fir-rigward tiegħu u l-ebda Stat Membru ma wera interess fih.

32     Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel erba' domandi għandha tkun li l-Artikolu 3(2)(ii) tad-Direttiva 98/8 ma jipprekludix li Stat Membru jeżiġi li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta' biċċiet ta' injam taċ-ċedru bħal dawn in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

33     Fil-fatt, biċċiet bħal dawn ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala prodott li fih biss "sustanza bażika" b'tali mod li jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq fl-Italja mingħajr awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni minn qabel, iżda għandhom jiġu kkwalifikati bħala "prodott bijoċidali" fis-sens tad-Direttiva 98/8.

 Fuq l-ewwel parti tal-ħames domanda: l-obbligu ta' l-Istati Membri li jirrikonoxxu l-awtorizzazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet maħruġa minn Stat Membru ieħor

34     Permezz ta' l-ewwel parti tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/8 jipprekludix li Stat Membru jeżiġi awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta' biċċiet ta' injam taċ-ċedru bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienu tqiegħdu legalment fis-suq ta' Stat Membru ieħor mingħajr ma kienet meħtieġa awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni f'dan l-Istat ta' l-aħħar.

35     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-imsemmi paragrafu jobbliga lill-Istati Membri li jirrikonoxxu l-awtorizzazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet maħruġa minn Stat Membru ieħor bil-kundizzjoni li s-sustanza attiva tal-prodott tkun imniżżla fl-Anness I jew I A.

36     Fil-kawża prinċipali għandu jiġi kkonstatat li l-biċċiet ta' injam taċ-ċedru in kwistjoni mhumiex is-suġġett la ta' awtorizzazzjoni biex jitqiegħdu fis-suq u lanqas ta' reġistrazzjoni fi Stat Membru ieħor.

37     Barra minn hekk, fid-data ta' meta seħħew il-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kienx għadu possibbli li jiġi previst jekk iż-żejt (essenza) taċ-ċedru kinitx se tiġi inkluża f'wieħed mill-Annessi I jew I A ta' l-imsemmija Direttiva.

38     Barra minn hekk, mill-Anness III tar-Regolament Nru 2032/2003 jirriżulta li ż-żejt (essenza) taċ-ċedru mhux se jkun inkluż f'wieħed mill-Annessi I jew I A ta' l-imsemmija Direttiva.

39     Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/8 ma jipprekludix li Stat Membru jeżiġi awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta' biċċiet ta' injam taċ-ċedru bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienu tqiegħdu legalment fis-suq ta' Stat Membru ieħor mingħajr ma kienet meħtieġa awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni f'dan l-Istat ta' l-aħħar.

 Fuq it-tieni parti tal-ħames domanda: id-dritt għall-moviment liberu ta' merkanzija

40     Permezz tat-tieni parti tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 28 KE jipprekludix li Stat Membru jeżiġi awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta' biċċiet ta' injam taċ-ċedru bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienu tqiegħdu legalment fis-suq ta' Stat Membru ieħor mingħajr ma kienet meħtieġa awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni f'dan l-Istat ta' l-aħħar.

41     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skond ġurisprudenza stabbilita, kull leġiżlazzjoni kummerċjali ta' l-Istati Membri li tista' tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju tkun miżura b'effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens ta' l-Artikolu 28 KE u għaldaqstant hija, fil-prinċipju, ipprojbita (sentenzi tal-11 ta' Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5, u tal-11 ta' Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C-322/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 66).

42     Madankollu, fin-nuqqas ta' miżuri Komunitarji ta' armonizzazzjoni, il-moviment liberu ta' prodott jista' jiġi limitat permezz ta' liġijiet nazzjonali ġġustifikati jew permezz ta' wieħed mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 30 KE jew permezz ta' eżiġenzi imperattivi (sentenza ta' l-20 ta' Frar 1979, Rewe-Zentral, magħrufa bħala "Cassis de Dijon", 120/78, Ġabra p. 649, punt 8).

43     Meta jadottaw miżuri nazzjonali sabiex jipproteġu s-saħħa pubblika fis-sens ta' l-Artikolu 30 KE, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu sa liema livell jixtiequ jassiguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta' Diċembru 1981, Frans-Nederlandse Maatschappij voor Biologische Producten, 272/80, Ġabra p. 3277, punt 12; tas-27 ta' Ġunju 1996, Brandsma, C-293/94, Ġabra p. I-3159, punt 11, u tas-17 ta' Settembru 1998, Harpegnies, C-400/96, Ġabra p. I-5121, punt 33). Madankollu, dawn il-liġijiet nazzjonali għandhom ikunu pproporzjonati ma' l-għanijiet tagħhom (ara s-sentenzi ta' l-14 ta' Lulju 1983, Sandoz, 174/82, Ġabra p. 2445, punt 18, u Harpegnies, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34).

44     Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali għandhom jiġu eżaminati erba' punti wara xulxin, jiġifieri, l-eżistenza ta' restrizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 28 KE, l-eżistenza ta' miżuri Komunitarji ta' armonizzazzjoni f'dan il-qasam, il-possibbiltà ta' ġustifikazzjoni tas-sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel in kwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl ta' l-Artikolu 30 KE u n-natura proporzjonata ta' din is-sistema.

45     Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li sistema li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali li ma jkunux kisbu awtorizzazzjoni minn qabel tammonta għal restrizzjoni għall-moviment liberu ta' merkanzija fis-sens ta' l-Artikolu 28 KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Brandsma, punt 6, u Harpegnies, punt 30).

46     Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, fid-data ta' meta seħħew il-fatti in kwistjoni, it-tqegħid fis-suq ta' biċċiet ta' injam taċ-ċedru bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kienx is-suġġett ta' armonizzazzjoni sħiħa fuq livell Komunitarju, safejn, minn naħa, l-istabbiliment ta' l-Annessi I, I A u I B tad-Direttiva 98/8 ma kienx għadu tlesta u, min-naħa l-oħra, l-ebda sistema oħra ma kienet prevista fir-rigward ta' dan il-prodott. Madankollu, f'din id-data, id-Direttiva 98/8 kienet diġà tiddefinixxi l-kunċett ta' "prodott bijoċidali" b'mod armonizzat.

47     Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-għan ta' sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa wieħed li jikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa pubblika fis-sens ta' l-Artikolu 30 KE. Fil-fatt, minħabba li biċċiet ta' injam taċ-ċedru bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu bħala "prodotti bijoċidali" fis-sens tad-Direttiva 98/8 u li, skond it-tielet premessa ta' din id-Direttiva, il-prodotti bijoċidali jista' jkollhom diversi riskji fuq il-bnedmin, l-annimali u l-ambjent minħabba l-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom u minħabba l-użu assoċjat magħhom, sistema li teżiġi awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward tat-tqegħid tagħhom fis-suq għandha għanijiet ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika.

48     Fir-raba' lok, għandu jiġi osservat li s-sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija proporzjonata ma' l-għan leġittimu tagħha. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li biċċiet ta' injam taċ-ċedru bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali setgħu jitqiegħdu fis-suq fil-Ġermanja mingħajr awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni minn qabel, il-fatt li Stat Membru jimponi regoli inqas stretti minn dawk imposti minn Stat Membru ieħor ma jfissirx li dawn ir-regoli ta' l-aħħar huma sproporzjonati (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-10 ta' Mejju 1995, Alpine Investments, C-384/93, Ġabra p. I-1141, punt 51).

49     F'dawn iċ-ċirkustanzi, sistema li tissottometti t-tqegħid fis-suq ta' biċċiet ta' injam taċ-ċedru aħmar bi kwalitajiet naturali għal kontra l-kamla għal awtorizzazzjoni minn qabel għandha tiġi kkwalifikata bħala miżura b'effett ekwivalenti kuntrarja għall-Artikolu 28 KE. Madankollu, peress li sistema bħal din tissodisfa l-livell ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika li l-Istat Membru kkonċernat jixtieq jassigura fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta' kull prodott bijoċidali, u peress li din is-sistema mhijiex sproporzjonata fir-rigward ta' dan l-għan, hija tista' titqies bħala ġġustifikata taħt l-Artikolu 30 KE.

50     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni parti tal-ħames domanda għandha tkun li l-fatt li Stat Membru jeżiġi awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta' biċċiet ta' injam taċ-ċedru bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienu tqiegħdu legalment fis-suq ta' Stat Membru ieħor mingħajr ma kienet meħtieġa awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni f'dan l-Istat ta' l-aħħar, jammonta għal miżura b'effett ekwivalenti li jmur kontra l-Artikolu 28 KE iżda li madankollu jista' jitqies bħala ġġustifikat permezz ta' raġunijiet intiżi għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika taħt l-Artikolu 30 KE.

 Fuq l-ispejjeż

51     L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Belġjan u mill-Kummissjoni, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

fir-rigward tad-domandi magħmula lilha mit-Tribunale di Pordenone permezz ta' digriet ta' l-20 ta' Novembru 2002, taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 3(2)(ii) tad-Direttiva 98/8 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Frar 1998, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali, ma jipprekludix li Stat Membru jeżiġi li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta' biċċiet ta' injam taċ-ċedru aħmar bi kwalitajiet naturali għal kontra l-kamla.

Fil-fatt, biċċiet bħal dawn ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala prodott li fih biss "sustanza bażika" b'tali mod li jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq fl-Italja mingħajr awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni minn qabel, iżda għandhom jiġu kwalifikati bħala "prodott bijoċidali" fis-sens tad-Direttiva 98/8.

2)      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/8 ma jipprekludix li Stat Membru jeżiġi awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta' biċċiet ta' injam taċ-ċedru aħmar bi kwalitajiet naturali għal kontra l-kamla, li kienu tqiegħdu legalment fis-suq ta' Stat Membru ieħor mingħajr ma kienet meħtieġa awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni f'dan l-Istat ta' l-aħħar.

3)      L-fatt li Stat Membru jeżiġi awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta' biċċiet ta' injam taċ-ċedru aħmar bi kwalitajiet naturali għal kontra l-kamla, li kienu tqiegħdu legalment fis-suq ta' Stat Membru ieħor mingħajr ma kienet meħtieġa awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni f'dan l-Istat ta' l-aħħar, jammonta għal miżura b'effett ekwivalenti li jmur kontra l-Artikolu 28 KE iżda li madankollu jista' jitqies bħala ġġustifikat permezz ta' raġunijiet intiżi għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika taħt l-Artikolu 30 KE.

Jann

Rosas

von Bahr

Silva de Lapuerta

 

Lenaerts

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta' Lulju 2004.

R. Grass

 

       P. Jann

Reġistratur

 

       President ta' l-Ewwel Awla


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.