SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
27 ta’ April 2006 (*)
"Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – L-Artikoli 8A u 48 tat-Trattat KE (li, wara li ġew emendati, saru l-Artikoli 18 KE u 39 KE) – Id-Direttivi 64/221/KEE, 73/148/KEE u 90/364/KEE – Ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68 – Moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri – Ordni pubbliku – Dritt għar-rispett tal-ħajja familjari – Leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward ta’ projbizzjoni ta’ residenza u tkeċċija – Prassi amministrattiva – Kundanna kriminali – Tkeċċija"
Fil-kawża C-441/02,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-5 ta’ Diċembru 2002,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. O’Reilly u W. Bogensberger, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
sostnuta minn:
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato,
intervenjenti,
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inizjalment irrappreżentata minn W.-D. Plessing, wara minn A. Tiemann, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Schiemann, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), K. Lenaerts u E. Juhász, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li:
– billi ma stabbilietx b’mod ċar biżżejjed fil-leġiżlazzjoni tagħha li d-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija fil-konfront ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni m'għandhomx ikunu msejsa fuq bażi ġuridika li tipprovdi obbligatorjament jew fil-prinċipju għat-tkeċċija fil-każ ta’ l-eżistenza ta’ kundanna kriminali li tkun għaddiet in ġudikat jew billi bbażat deċiżjonijiet ta’ tkeċċija fil-konfront ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni fuq din il-bażi mhux ċara;
– billi ma ttrasponietx b’mod ċar biżżejjed fl-Artikolu 12(1) tal-Liġi dwar id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea (Gesetz über Einreise und Aufenthalt von Staatsangehörigen der Mitgliedstaaten der Europäischen Wirtschaftsgemeinschaft, BGBl. 1980 I, p. 116), tal-21 ta’ Jannar 1980 (iktar ’il quddiem l-"Aufenthaltsgesetz/EWG"), il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt Komunitarju fir-rigward tar-restrizzjoni għall-moviment liberu jew billi bbażat deċiżjonijiet ta' tkeċċija fil-konfront ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni fuq din il-bażi mhux ċara;
– billi ma stabbilietx b’mod ċar biżżejjed fil-leġiżlazzjoni tagħha li deċiżjonijiet ta’ tkeċċija fil-konfront ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni m'għandhomx ikunu msejsa fuq bażi ġuridika li għandha skopijiet ta’ prevenzjoni ġenerali jew billi mmotivat deċiżjonijiet ta’ tkeċċija fil-konfront ta’ tali ċittadini bil-għan li tiddisswadi lil barranin oħra;
– billi adottat deċiżjonijiet ta’ tkeċċija fil-konfront ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni li ma jirrispettawx ir-relazzjoni xierqa li għandu jkun hemm bejn, minn naħa, id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja familjari u, min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku, u
– billi ordnat l-eżekuzzjoni immedjata ta’ deċiżjonijiet ta’ tkeċċija fil-konfront ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni f'każijiet li ma kinux urġenti,
ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset li twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 18 KE u 39 KE, skond id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja familjari bħala prinċipju tad-dritt Komunitarju, kif ukoll skond l-Artikoli 3 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE tal-25 ta’ Frar 1964 dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU 1964, 56, p. 850), skond l-Artikolu 1 tar-Regolament (K[E]E) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), skond l-Artikoli 1, 4, 5, 8 u 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal-21 ta’ Mejju 1973 dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU L 172, p. 14), kif ukoll skond l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza (ĠU L 180, p. 26).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 Skond l-Artikolu 3(1) u (2), tad-Direttiva 64/221:
"1. Il-miżuri li jittieħdu għal raġunijiet ta’ [ordni pubbliku] jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati [esklużivament] fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat.
2. Il-kundanni kriminali ta’ qabel ma għandhomx jikkostitwixxu fihom infushom raġunijiet sabiex jittieħdu dawk il-miżuri."
3 L-Artikolu 9 ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi:
"1. Fejn ma jkunx hemm ebda dritt għall-appell quddiem qorti tal-liġi, jew fejn dan l-appell jista’ jsir biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-validità legali tad-deċiżjoni, jew fejn l-appell ma jkunx jista’ jkollu effett [sospensiv], ma għandhiex tittieħed deċiżjoni li tirrifjuta t-tiġdid tal-permess tar-residenza jew li tordna t-tkeċċija tad-detentur tal-permess tar-residenza mit-territorju mill-awtorità amministrattiva, minbarra f’każijiet ta’ urġenza, sakemm ma tingħatax opinjoni mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż ospiti li fih il-persuna kkonċernata tkun tgawdi dawk id-drittijiet ta’ difiża u ta’ assistenza jew rappreżentanza bħalma jkun ipprovdut bil-liġi domestika ta’ dak il-pajjiż.
Din l-awtorità ma għandhiex tkun l-istess bħal dik li tingħata s-setgħa li tieħu d-deċiżjoni li tirrifjuta t-tiġdid tal-permess tar-residenza jew li tordna t-tkeċċija.
2. Kwalunkwe deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ l-ewwel residenza jew li tordna tkeċċija tal-persuna konċernata qabel il-ħruġ tal-permess għandha, fejn dik il-persuna hekk titlob, tiġi rriferita għall-kunsiderazzjoni lill-awtorità fejn tkun meħtieġa l-opinjoni preċedenti tagħha taħt il-paragrafu [1]. Il-persuna kkonċernata għandha mbagħad tkun intitolata li tagħti d-difiża tagħha hi nnifisha, minbarra fejn din tmur kontra l-interessi ta’ sigurtà nazzjonali."
4 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1612/68 jiddisponi:
"1. Kwalunkwe ċittadin ta’ xi Stat Membru, għandu, irrispettivament mill-post fejn jgħix, ikollu d-dritt li jidħol għall-attività bħala persuna mpjegata, u li jwettaq attività tali, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor skond id-dispożizzjonijiet imniżżlin b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva li tiggverna l-impjieg taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.
2. Hu għandu, b’mod partikolari, ikollu d-dritt li jidħol għall-impjieg disponibbli fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor bl-istess prijorità ta’ ċittadini ta’ dak l-Istat."
5 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 73/148 jipprovdi:
"1. L-Istati Membri għandhom, waqt li jaġixxu kif previst f’din id-Direttiva, jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza ta’:
a) ċittadini ta’ Stat Membru li stabbilixxew ruħhom jew li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor sabiex iwettqu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, jew li jixtiequ jipprovdu servizzi f’dak l-Istat;
b) persuni ta’ ċittadinanza ta’ Stati Membri li jixtiequ jmorru fi Stat Membru ieħor bħala riċevituri ta’ servizzi;
ċ) il-konjuġi u t-tfal taħt il-wieħed u għoxrin sena ta’ dawn iċ-ċittadini, mingħajr distinzjoni taċ-ċittadinanza tagħhom;
d) il-qraba anzjani u dixxendenti ta’ dawn il-persuni ċittadini u tal-konjuġi ta’ dawn iċ-ċittadini, li huma dipendenti fuqhom, mingħajr distinzjoni taċ-ċittadinanza.
2. L-Istati Membri għandhom jiffavorixxu d-dħul ta’ kull membru ieħor tal-familja ta’ ċittadin imsemmi fil-paragrafu 1(a) jew (b) jew tal-konjuġi ta’ dak iċ-ċittadin, liema membru jkun jiddependi fuq dak iċ-ċittadin jew fuq il-konjuġi taċ-ċittadin jew li fil-pajjiż ta’ l-oriġini kien qed joqgħod taħt l-istess saqaf."
6 Skond l-Artikolu 4 ta’ l-imsemmija Direttiva:
"1. Kull Stat Membru għandu jagħti d-dritt ta’ residenza permanenti lil ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li stabbilixxew ruħhom fit-territorju tiegħu sabiex ikomplu jwettqu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, meta r-restrizzjonijiet fuq dawn l-attivitajiet ikunu ġew aboliti skond it-Trattat.
Bħala prova tad-dritt ta’ residenza, għandu jinħareġ dokument intitolat "Permess għal Residenza għal ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej" Dan id-dokument għandu jkun validu għal mhux inqas minn ħames snin mid-data ta’ ħruġ u għandu jkun imġedded awtomatikament.
Interruzzjonijiet fir-residenza li ma jaqbżux sitt xhur konsekuttivi u l-assenza fis-servizz militari m’għandhomx jaffettwaw il-validità ta’ permess ta’ residenza.
Permess ta’ residenza validu ma jistax jiġi rtirat minn ċittadin imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a) biss fuq bażi li m’għadux impjegat minħabba li hu temporanjament inkapaċi biex jaħdem bħala riżultat ta’ mard jew inċident.
Kull ċittadin ta’ Stat Membru li mhuwiex speċifikat fl-ewwel subparagrafu iżda li jkun awtorizzat taħt il-liġijiet ta’ Stat Membri ieħor li jwettaq attività fit-territorju tiegħu għandu jingħata dritt ta’ residenza għal perjodu ta’ mhux inqas minn dak ta’ l-awtorizzazzjoni mogħtija għat-twettiq ta’ l-attività inkwistjoni.
Madanakollu, kull ċittadin imsemmi fis-subparagrafu 1 u li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu preċedenti bħala riżultat ta’ bidla fl-impjieg għandu jżomm il-permess ta’ residenza tiegħu sad-data li fiha jiskadi.
2. Id-dritt ta’ residenza għal persuni li jipprovdu jew li jirċievu servizzi għandu jkun ta’ tul ugwali għall-perjodu li matulu s-servizzi jkunu pprovduti.
[Jekk] dan il-perjodu jaqbeż it-tliet xhur, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu qed jitwettqu s-servizzi għandu joħroġ dritt ta’ alloġġ bħala prova tad-dritt ta’ residenza.
[Jekk dan i]l-perjodu ma jaqbiżx it-tliet xhur, il-karta ta’ l-identità jew il-passaport li bihom il-persuna kkonċernata tkun daħlet fit-territorju għandhom ikunu biżżejjed sabiex ikopru s-soġġorn tagħha. L-Istati Membri, jistgħu, madanakollu, jeħtieġu lill-persuna kkonċernata li tirraporta l-preżenza tagħha fit-territorju.
3. Membru tal-familja li mhuwiex ċittadin ta’ Stat Membru għandu jingħata dokument ta’ residenza li jkollu l-istess validità bħal dak maħruġ lil ċittadini li fuqhom huwa dipendenti."
7 Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 73/148:
"Id-dritt ta’ residenza għandu jkun effettiv tul it-territorju kollu ta’ l-Istat Membru kkonċernat."
8 Skond l-Artikolu 8 ta’ l-imsemmija Direttiva:
"L-Istati Membri ma għandhomx jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ħlief fuq bażi ta’ [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika."
9 L-Artikolu 10 ta’ l-istess Direttiva jiddisponi:
"1. Id-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta’ Frar 1964 dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità ta’ ċittadini ta’ Stati Membri għar-rigward ta’ l-istabbiliment u d-dispożizzjonijiet ta’ servizzi għandha tibqa’ applikabbli sakemm din id-Direttiva tkun implimentata fl-Istati Membri.
2. Id-dokumenti ta’ residenza maħruġa skond id-Direttiva msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jibqgħu validi sad-data li fiha huma jiskadu."
10 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 90/364 jipprovdi:
"1. L-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta’ residenza liċ-ċittadini ta’ Stati Membri li ma jgawdux minn dan id-dritt taħt dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Komunità u lill-membri tal-familji tagħhom kif definit fil-paragrafu 2, basta li huma nfushom u l-membri tal-familji tagħhom ikunu koperti b’assigurazzjoni għall-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti u li jkollhom riżorsi biżżejjed sabiex jevitaw li jsiru piż fuq is-sistema ta’ l-assistenza soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom.
Ir-riżorsi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jitqiesu biżżejjed fejn dawn ikunu ogħla mill-livell ta’ riżorsi li minnu ’l isfel l-Istat Membru ospitanti jista’ jagħti assistenza soċjali liċ-ċittadini tiegħu, b’konsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant u, fejn ikun xieraq, iċ-ċirkostanzi personali tal-persuni ammessi skond il-paragrafu 2.
Fejn it-tieni subparagrafu ma jkunx jista’ jiġi applikat fi Stat Membru, ir-riżorsi ta’ l-applikant għandhom jitqiesu biżżejjed jekk dawn ikunu ogħla mil-livell tal-pensjoni minima tas-sigurtà soċjali mħallsa mill-Istat Membru ospitanti.
2. Is-segwenti għandhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, ikollhom id-dritt li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor mad-detentur tad-dritt ta’ residenza:
a) il-mara jew ir-raġel tiegħu/tagħha u d-dixxendenti tagħhom li huma dipendenti;
b) qraba dipendenti fil-linja ta’ l-axxendenti tad-detentur tad-dritt ta’ residenza u l-mara jew ir-ragel tiegħu/tagħha."
11 Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/364:
"1. L-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza għandu jkun ippruvat permezz tal-ħruġ ta’ dokument magħruf bħala "Permess ta’ residenza għal ċittadin ta’ Stat Membru tal-KEE", li l-validità tiegħu tista’ tkun limitata għal ħames snin fuq bażi rinnovabbli. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, meta huma jqisu li dan huwa meħtieġ, jitolbu t-tiġdid tal-validità tal-permess fit-tmiem ta’ l-ewwel sentejn ta’ residenza. Meta membru tal-familja ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru, dan għandu jinħariġlu dokument ta’ residenza ta’ l-istess validità bħal dak maħruġ liċ-ċittadin li fuqu huwa jiddependi.
Għall-iskop tal-ħruġ tal-permess jew dokument ta’ residenza, l-Istat Membru jista’ jitlob biss li l-applikant jippreżenta karta ta’ l-identità valida jew passaport validu u jipprovdi prova li huwa jew hija t/jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1.
2. L-Artikoli 2, 3, 6 (1) (a) u (2) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 68/360/KEE għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-benefiċjarji ta’ din id-Direttiva.
Il-mara jew ir-raġel u t-tfal dipendenti ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li huwa ntitolat għad-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom ikunu ntitolati li jidħlu għal kull attività ta’ mpjieg jew li jaħdmu għal rashom kull fejn ikunu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, anke jekk huma m’humiex ċittadini ta’ Stat Membru.
L-Istati Membri m’għandhomx jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ħlief għal raġunijiet ta’ [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. F’dak il-każ, id-Direttiva 64/221/KEE għandha tapplika.
3. Din id-Direttiva m’għandhiex taffetwa l-liġi eżistenti dwar l-akkwist tat-tieni dar."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
12 Skond l-Artikolu 2(2) tal-Liġi dwar il-barranin (Ausländergesetz, BGBl. 1990 I, p. 1354):
"Din il-liġi tapplika għall-barranin li jibbenefikaw mill-moviment liberu taħt id-dritt Komunitarju biss jekk id-dritt Komunitarju u l-Aufenthaltsgesetz/EWG ma fihomx dispożizzjonijiet derogatorji."
13 Skond l-Artikolu 45 ta’ l-istess Liġi:
"(1) Barrani jista’ jiġi mkeċċi meta r-residenza tiegħu tippreġudika s-sigurtà pubblika u l-ordni pubbliku jew interessi oħra importanti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
(2) Fid-deċiżjoni ta’ tkeċċija, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni:
1. it-tul tar-residenza regolari tal-barrani u r-rabtiet personali, ekonomiċi u oħrajn li jkollu fit-territorju Federali, li jistħoqilhom protezzjoni,
2. il-konsegwenzi tat-tkeċċija għall-membri tal-familja tal-barrani, li jirrisjedu regolarment fit-territorju Federali u jgħixu miegħu, u
[…]"
14 L-Artikolu 46 ta’ l-Ausländergesetz jipprovdi:
"Skond l-Artikolu 45(1), jista’ jiġi mkeċċi, b’mod partikolari, kull min
[…]
2. wettaq ksur, li ma jkunx ksur iżolat jew minuri, ta' dispożizzjonijiet tal-liġi jew ta' deċiżjonijiet jew ordnijiet ġudizzjarji jew amministrattivi jew wettaq, barra mit-territorju Federali, reat ikkunsidrat f'dan it-territorju bħala reat imwettaq intenzjonalment,
3. kiser dispożizzjoni tal-liġi jew ordni amministrattiva relattiva għall-prostituzzjoni,
4. ikkonsma eroina, kokaina jew narkotiku li jippreżenta perikolu simili u li mhuwiex dispost li jsegwi trattament neċessarju għar-riabilitazzjoni tiegħu jew li jevita tali trattament,
[…]"
15 L-Artikolu 47 ta’ l-imsemmija Liġi jiddisponi:
"(1) Barrani għandu jiġi mkeċċi:
1. meta jkun ġie kkundannat, b'sentenza li tkun għaddiet in ġudikat, għal piena ta' priġunerija jew għal piena għal minorenni ta' għallinqas tliet snin, għal reat wieħed jew iktar imwettqa intenzjonalment, jew meta, fil-kors ta’ perijodu ta’ ħames snin, ikun ġie kkundannat, b'sentenzi li jkunu għaddew in ġudikat, għal pieni ta' priġunerija jew għal pieni għal minorenni li jammontaw għallinqas għal tliet snin, għal reati mwettqa intenzjonalment, jew meta, bl-aħħar sentenza ta' kundanna li tkun għaddiet in ġudikat, ikun tqiegħed taħt sorveljanza (‘Sicherungsverwahrung’), jew
2. meta jkun ġie kkundannat, b'sentenza li tkun għaddiet in ġudikat, għal piena għal minorenni ta’ għallinqas sentejn mhux sospiża jew għal piena ta’ priġunerija mhux sospiża, għal reat imwettaq intenzjonalment taħt il-Liġi fuq in-narkotiċi (Betäubungsmittelgesetz), għal ksur tal-paċi pubblika […] jew għal ksur ta' l-ordni pubbliku […].
(2) Bħala regola, barrani għandu jiġi mkeċċi:
1. meta jkun ġie kkundannat, b'sentenza li tkun għaddiet in ġudikat, għal piena għal minorenni ta’ għallinqas sentejn mhux sospiża jew għal piena ta’ priġunerija mhux sospiża, għal reat wieħed jew iktar imwettqa intenzjonalment,
2. meta jkabbar, jimmanifattura, jimporta, jittrasporta jew jesporta narkotiċi, ibigħhom jew iċedihom lil terz, iqegħdhom b'xi mod ieħor fis-suq, jikkummerċjahom jew xewwex jew inkella għen jew assista lil ħaddieħor sabiex iwettaq tali atti, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi fuq in-narkotiċi u mingħajr awtorizzazzjoni,
3. meta jkun involut, bħala l-awtur jew kompliċi, fil-kuntest ta’ ġemgħa pubblika jew ta’ purċissjoni pprojbita jew xolta, f'atti ta’ vjolenza kontra persuni jew proprjetà, mwettqa flimkien minn grupp ta’ individwi b’mod li jippreżenta theddida għas-sigurtà pubblika,
[…]
(3) Bħala regola, barrani li jibbenefika minn protezzjoni akbar kontra t-tkeċċija skond l-Artikolu 48(1) għandu jiġi mkeċċi fil-każijiet previsti fil-paragrafu 1. Id-deċiżjoni dwar it-tkeċċija tiegħu għandha tittieħed b'mod diskrezzjonali fil-każijiet previsti fil-paragrafu 2. Id-deċiżjoni dwar it-tkeċċija ta' barrani ta’ bejn it-18 u l-21 sena, li kiber fit-territorju Federali u li huwa detentur ta’ permess ta’ residenza li l-perijodu ta’ validità tiegħu huwa indefinit jew ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza, għandha tittieħed b'mod diskrezzjonali fil-każijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2(l) ma japplikawx għal barranin taħt l-età."
16 Skond l-Artikolu 48 ta' l-Ausländergesetz:
"(1) Barrani li
1. huwa detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza,
2. huwa detentur ta’ permess ta’ residenza ta’ perijodu ta’ validità indefinit u li twieled fit-territorju Federali jew li daħal fih meta kien taħt l-età,
3. huwa detentur ta’ permess ta’ residenza ta’ perijodu ta’ validità indefinit u li jgħix flimkien ma’ barrani, kif iddefinit fil-punti 1 u 2, f'kuntest ta’ żwieġ jew koabitazzjoni,
4. jgħix flimkien ma’ membru Ġermaniż tal-familja tiegħu,
5. huwa rikonoxxut bħala applikant għal ażil u li jibbenefika fit-territorju Federali mill-istatus ta’ rifuġjat barrani jew huwa detentur ta’ dokument ta’ l-ivvjaġġar maħruġ minn awtorità tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond il-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Rifuġjati (Abkommen über die Rechtsstellung für Flüchtlinge) tat-28 ta’ Lulju 1951 (BGBl. 1953 II, p. 559),
6. huwa detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza maħruġa skond l-Artikolu 32a,
jista’ jiġi mkeċċi biss għal raġunijiet serji ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku. Bħala regola ġenerali, jeżistu raġunijiet serji ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku fil-każijiet previsti mill-Artikolu 47(1).
(2) Barrani taħt l-età, li l-ġenituri tiegħu jew li l-ġenitur waħdani li minnu jiddependi huma residenti regolarment fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma jistax jiġi mkeċċi, ħlief jekk ikun instab ħati, b'sentenzi li jkunu għaddew in ġudikat, li wettaq, intenzjonalment u ripetutament, reati mhux minuri, reati gravi jew reati partikolarment gravi. Adolexxenti ta’ bejn it-18 u l-21 sena, li kiber fit-territorju Federali u li jgħix flimkien mal-ġenituri tiegħu, għandu jiġi mkeċċi biss abbażi ta’ l-Artikoli 47(1), 47(2)(1), u 47(3).
[…]"
17 L-Artikolu 12 ta' l-Aufenthaltsgesetz/EWG jiddisponi:
"(1) Safejn din il-liġi tawtorizza l-moviment liberu u ma tipprovdix diġà għal miżuri restrittivi fid-dispożizzjonijiet preċedenti, il-projbizzjoni tad-dħul, il-miżuri li jillimitaw il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza/KE jew it-tiġdid tiegħu, kif previsti fl-Artikolu 3(5), fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 12(1), u fl-Artikolu 14 tal-Ausländergesetz, kif ukoll it-tkeċċija jew id-deportazzjoni tal-persuni elenkati fl-Artikolu 1 huma permessi biss għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika (l-Artikolu 48(3) u l-Artikolu 56(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea). Il-barranin detenturi ta’ permess ta’ residenza/KE għal żmien indefinit jistgħu jiġu mkeċċija biss għal raġunijiet serji ta' sigurtà pubblika jew ta' ordni pubbliku.
[…]
(3) Id-deċiżjonijiet jew miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jittieħdu biss meta jkunu ġġustifikati mill-kondotta personali ta’ barrani. Din ir-regola ma tapplikax għad-deċiżjonijiet jew miżuri li huma adottati għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.
(4) L-eżistenza ta’ kundanna kriminali mhijiex biżżejjed minnha nfisha biex timmotiva d-deċiżjonijiet jew miżuri previsti fil-paragrafu 1.
[…]
(7) Meta l-ħruġ jew it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza/KE jiġi miċħud, tiġi ordnata t-tkeċċija jew li tinħareġ theddida ta' deportazzjoni, għandu jiġi indikat iż-żmien li fih il-barrani għandu jħalli t-territorju li għalih tapplika din il-liġi. Ħlief f'każijiet ta’ urġenza, dan iż-żmien għandu jkun ta’ għallinqas ħmistax-il ġurnata, meta l-ebda permess ta’ residenza KE ma jkun għadu nħareġ, u ta’ għallinqas xahar meta jkun ġa nħareġ permess ta’ residenza.
[…]"
18 Skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolamenti ġenerali fuq il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri (Freizügigkeitsverordnung/EG), l-Artikolu 12(2) sa (9) tal-Aufenthaltsgesetz/EWG japplika b'analoġija għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li ma jeżerċitawx attività professjonali.
19 L-Artikolu 80(2) u (3) tal-Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva (Verwaltungsgerichtsordnung, iktar ’il quddiem il-"VwGO") jaqra kif ġej:
"(2) Jitneħħa l-effett sospensiv biss:
[…]
4. fil-każijiet fejn l-eżekuzzjoni immedjata, speċifikament fl-interess pubbliku jew fl-interess predominanti ta’ persuna kkonċernata, tiġi ordnata mill-awtorità li tkun adottat l-att amministrattiv jew li tkun ġiet mitluba tiddeċiedi fuq l-appell.
Il-Länder jistgħu wkoll jiddisponu li l-appelli m'għandhomx effett sospensiv meta jitressqu kontra miżuri ta' eżekuzzjoni amministrattiva li jieħdu l-Länder stess skond id-dritt Federali.
(3) Fil-każijiet previsti fil-paragrafu 2(4), għandhom jingħataw raġunijiet bil-miktub għall-interess partikolari li l-att amministrattiv jiġi eżegwit immedjatament. Mhemmx bżonn ta’ motivazzjoni partikolari meta, fil-każ ta' perikolu imminenti, b'mod partikolari fil-każ ta' theddida għall-ħajja, għas-saħħa jew għall-proprjetà, l-awtorità tadotta miżura ta’ urġenza, imsemmija bħala tali, fl-interess pubbliku jew bħala prekawzjoni.
[…]"
Il-proċedura prekontenzjuża
20 Wara l-eżami ta’ diversi għexieren ta’ petizzjonijiet u ta’ lmenti indirizzati lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni, minn ċittadini Taljani residenti fil-Land ta’ Bade-Wurtemberg, fir-rigward ta’ miżuri adottati fil-konfront tagħhom mill-awtoritajiet Ġermaniżi għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u li jeffettwaw id-dritt tagħhom ta’ residenza fil-Ġermanja, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tat-8 ta’ Lulju 1998, ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal ċerti dispożizzjonijiet legali u prassi amministrattivi fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħhom mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar id-dritt ta’ residenza fl-Istati Membri.
21 Billi t-tweġiba tal-Gvern Ġermaniż tal-25 ta’ Marzu 1999 ma ċċaratx id-dubji tal-Kummissjoni, fl-24 ta’ Lulju 2000, hija bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn irrepetiet l-ilmenti esposti fl-ittra ta’ intimazzjoni u stidnitha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-imsemmija opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.
22 Fit-tweġiba tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2000, il-Gvern Ġermaniż ċaħad l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva kuntrarja għad-dritt Komunitarju, filwaqt li ddikjara li kien dispost jivverifika l-bżonn eventwali li jagħmel xi kjarifiki f’oqsma speċifiċi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
23 Billi ma ġietx informata li tali kjarifiki ġew effettwati u billi qieset, barra minn hekk, li, f’kull każ, il-verifiki mħabbra biex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm bżonn li jsiru tali kjarifiki ma kinux biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għall-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni, hija ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq teħid in kunsiderazzjoni insuffiċjenti fil-leġiżlazzjoni u fil-prassi Ġermaniżi tal-kondotta personali fil-każ ta’ tkeċċija ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku
L-argumenti tal-partijiet
24 Il-Kummissjoni ssostni li, safejn l-Artikolu 47(1) ta’ l-Ausländergesetz jipprovdi obbligatorjament għat-tkeċċija ta’ barrani (iktar ’il quddiem it-"tkeċċija obbligatorja") u l-paragrafu 2 ta’ l-istess Artikolu jipprovdi fil-prinċipju obbligatorjament għal tali tkeċċija (iktar ’il quddiem l-"tkeċċija fil-prinċipju"), meta l-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkundannat għal wieħed mir-reati previsti f’dawn il-paragrafi, l-awtorità kompetenti hija mċaħħda minn kull marġini ta’ diskrezzjoni fit-teħid tad-deċiżjoni.
25 Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 47(1) u (2) ta’ l-Ausländergesetz jirreferi, b’mod ġenerali, għall-"barranin" u, għalhekk, ikopri wkoll liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri. Issa safejn din id-dispożizzjoni tapplika għaċ-ċittadini Komunitarji, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Gvern Taljan, issostni li din tmur direttament u irrimedjabbilment kontra r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 64/221. Fil-fatt, skond dan l-Artikolu, deċiżjoni ta’ tkeċċija għandha tkun ibbażata esklużivament fuq il-kondotta personali tal-persuna kkonċernata u l-kundanni kriminali ta' qabel m'għandhomx jikkostitwixxu fihom infushom raġunijiet sabiex tittieħed tali deċiżjoni, filwaqt li l-Artikolu 47(1) u (2) ta’ l-Ausländergesetz iċaħħad lill-awtoritajiet kompetenti mis-setgħa diskrezzjonali li għandhom bżonn biex jipproċedu għal tali eżami każ b'każ u jissostwixxi għaliha evalwazzjoni ġenerali mogħtija mil-leġiżlatur, li hija marbuta esklużivament mal-kundanna taċ-ċittadin ikkonċernat. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-imsemmi Artikolu 47(1) u (2) imur kontra l-Artikolu 12(3) u (4) ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG, filwaqt li, skond il-Gvern Ġermaniż, huwa jippreċiża dawn id-dispożizzjonijiet ta' l-aħħar.
26 Din is-sitwazzjoni ġuridika kontradittorja manifestament twassal għal problemi fl-applikazzjoni prattika tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u, għaldaqstant, twassal għal deċiżjonijiet li jmorru kontra d-dritt Komunitarju. Meta deċiżjoni ta’ tkeċċija hija bbażata fuq l-Artikolu 47 ta’ l-Ausländergesetz, din tmur kontra d-dritt Komunitarju u l-ksur tad-dritt Komunitarju huwa manifest b’mod partikolari fil-każijiet fejn l-imsemmija awtoritajiet jindikaw espressament fid-deċiżjoni tagħhom li, fid-dawl ta' l-eżistenza ta’ kundanna kriminali, huma m'għandhom l-ebda setgħa diskrezzjonali li tippermettilhom jirrinunzjaw għat-tkeċċija. Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża għandha bżonn kjarifika li ma tħalli post għall-ebda dubju fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju.
27 Il-Kummissjoni tispeċifika li dan ir-rikors m’għandux bħala suġġett l-eżami ta’ każijiet individwali u li l-każijiet ta’ tkeċċija msemmija fir-rikors tagħha huma ċċitati biss bħala eżempji u biex juru n-natura ġenerali ta’ prassi amministrattiva li tmur kontra d-dritt Komunitarju, billi din ta’ l-aħħar hija bbażata fuq leġiżlazzjoni li tittrasponi r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja b’mod insuffiċjentement ċar. Skond il-Kummissjoni, jirriżulta b’mod inkontestabbli mill-imsemmija eżempji li d-deċiżjonijiet żbaljati mhumiex iżolati, iżda, għall-kuntrarju, dawn seħħew f’ħafna okkażjonijiet u għalhekk huma ta' natura ġenerali li twassal għal prassi inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, minkejja li jvarjaw fil-grad minn reġjun għall-ieħor.
28 Il-Gvern Ġermaniż isostni li t-tkeċċija taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri mhijiex irregolata biss mill-Artikolu 47 ta’ l-Ausländergesetz, iżda wkoll mill-Artikolu 12 ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG fir-rigward taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom attività professjonali, kif ukoll mill-Artikolu 4 tal-Freizügigkeitsverordnung/EG, li testendi l-applikazzjoni ta’ l-imsemmi Artikolu 12 għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li ma jeżerċitawx attività professjonali.
29 Issa l-imsemmi AArtikolu 12 jindika b’mod ċar li l-eżami għandu jsir individwalment billi tiġi kkunsidrata l-kondotta personali tal-persuna kkonċernata u li l-kundanni kriminali mhumiex biżżejjed, waħedhom, biex jiġġustifikaw tkeċċija. Din id-dispożizzjoni, li tirriproduċi bejn wieħed u ieħor litteralment it-test ta’ l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 64/221, tittrasponi dawn id-dispożizzjonijiet ta' l-aħħar fid-dritt intern b’mod suffiċjentement ċar u preċiż. Kuntrarjament għat-teżi sostnuta mill-Kummissjoni, l-Artikoli 47 ta’ l-Ausländergesetz u 12 ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG meħudin flimkien ma joħolqux sitwazzjoni ġuridika mhux ċara u kontradittorja fiha nfisha. Fil-fatt, l-Artikolu 2(2) ta’ l-Ausländergesetz jindika b’mod ċar li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG jieħdu preċedenza fuq ir-regoli ta’ l-Ausländergesetz, b'mod li l-konsegwenza ġuridika li tikkonsisti fit-tkeċċija obbligatorja (l-Artikolu 47(1) ta’ l-Ausländergesetz) jew fit-tkeċċija fil-prinċipju (l-Artikolu 47(2) ta’ l-Ausländergesetz) tapplika biss għall-barranin li jibbenefikaw mill-moviment liberu taħt id-dritt Komunitarju meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ l-imsemmi Artikolu 12. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq traspożizzjoni insuffiċjentement ċara ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 64/221 fid-dritt Ġermaniż għandu jiġi miċħud.
30 Fir-rigward ta’ l-ilment li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat deċiżjonijiet ta’ tkeċċija fuq "din il-bażi mhux ċara", il-Gvern Ġermaniż jirrispondi li ma teżisti l-ebda prassi amministrattiva li tmur kontra d-dritt Komunitarju u li l-Kummissjoni ma tistax tipprova l-eżistenza ta’ tali prassi, kif, madankollu hija obbligata tagħmel.
31 Bla dubju, ma jistax jiġi eskluż li, f’xi każijiet, l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ġabu fit-tmiem ir-residenza ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda bi ksur mhux biss tad-dritt intern, iżda wkoll tad-dritt Komunitarju li jieħu preċedenza fuq id-dritt intern. Madankollu, il-51 każ imsemmija mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, apparti li mhux kollha wasslu għal miżura ta’ tkeċċija jew ta’ deportazzjoni, kienu mqassma fuq perijodu ta’ 9 snin u kienu jirrigwardaw biss 3 mis-16-il Länder. Għaldaqstant, il-miżuri inkriminati ma jippreżentawx il-grad meħtieġ ta' kostanza u ta' ġeneralità biex tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva. Fil-fatt, l-ilment tal-Kummissjoni huwa bbażat essenzjalment fuq is-suppożizzjoni li, f’każijiet oħra apparti dawk invokati fir-rikors, ittieħdu deċiżjonijiet li wkoll imorru kontra l-leġiżlazzjoni Komunitarja ġew adottati, ħaġa li mhijiex ippruvata.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
32 Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-503/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43), id-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jidħlu u jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mhuwiex inkundizzjonat. Fost il-limitazzjonijiet previsti jew awtorizzati mid-dritt Komunitarju, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 64/221 jippermetti lill-Istati Membri jipprojbixxu lil ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn milli jidħlu fit-territorju tagħhom għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika.
33 Madankollu, il-leġiżlatur Komunitarju assuġġetta għal limiti stretti l-possibbiltà għal Stat Membru li jinvoka tali raġunijiet. Skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 64/221, il-miżuri li jittieħdu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq il-kondotta personali tal-persuna kkonċernata u, skond it-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu, il-kundanni kriminali ta' qabel m'għandhomx jikkostitwixxu fihom infushom raġunijiet sabiex jittieħdu dawk il-miżuri. Għalhekk, l-eżistenza ta’ kundanna kriminali tista’ tiġi kkunsidrata biss safejn iċ-ċirkustanzi li jkunu taw lok għal dik il-kundanna juru l-eżistenza ta’ kondotta personali li tikkostitwixxi theddida attwali għall-ordni pubbliku (is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, Ġabra p. 1999, punt 28; tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa, C-348/96, Ġabra p. I-11, punt 24, u Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).
34 Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem enfasizzat li l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku tikkostitwixxi deroga għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni, li għandha tinftiehem b’mod restrittiv u li l-portata tagħha ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri (is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili, 36/75, Ġabra p. 1219, punt 27; Bouchereau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; Calfa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23; tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C-482/01 u C-493/01, Ġabra. p. I‑5257, punti 64 u 65, u Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).
35 Skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex awtorità nazzjonali tista' tirrikorri għall-kunċett ta’ ordni pubbliku, għandha teżisti, f’kull każ, minbarra l-inkwiet soċjali li jinvolvi kull ksur tal-liġi, theddida reali u suffiċjentement serja, li teffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Rutili, punt 28; Bouchereau, punt 35; Orfanopoulos u Oliveri, punt 66, u Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 46).
36 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat l-ewwel ilment tal-Kummissjoni. Dan huwa maqsum f’żewġ partijiet, l-ewwel parti bbażata fuq it-traspożizzjoni difettuża fid-dritt intern tar-regoli tad-dritt Komunitarju fil-qasam ta’ tkeċċija ta’ ċittadini Komunitarji għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u t-tieni għandu bħala suġġett il-prassi segwita mill-amministrazzjoni f’dan ir-rigward.
– Fuq l-allegata traspożizzjoni difettuża
37 Skond l-Artikolu 47 ta’ l-Ausländergesetz, barrani, jiġifieri kull persuna li mhijiex ta’ nazzjonalità Ġermaniża (l-Artikolu 1(2) ta’ l-istess Liġi), jiġi mkeċċi (tkeċċija obbligatorja) fil-każ ta’ kundanna, b'sentenza li tkun għaddiet in ġudikat, għal pieni u għar-reati elenkati fl-imsemmi Artikolu 47(1), filwaqt li, fil-prinċipju, tkeċċija sseħħ (tkeċċija fil-prinċipju) fil-każ ta’ kundanna għal pieni u għar-reati elenkati fil-paragrafu 2(1) ta’ l-istess Artikolu.
38 Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 47(1) u (2)(1) ta’ l-Ausländergesetz, ikkunsidrati separatament, safejn iwasslu għat-tkeċċija ta' ċittadini Komunitarji wara kundanna kriminali mingħajr ma tkun ittieħdet in kunsiderazzjoni b’mod sistematiku l-kondotta personali ta’ l-awtur tal-ksur u lanqas tal-periklu attwali li jirrappreżenta għall-ordni pubbliku, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju (ara f’dan is-sens, fir-rigward ta’ l-Artikolu 47(1)(2) ta’ l-Ausländergesetz, is-sentenza Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 u 69 sa 71).
39 Madankollu, kif ġustament osserva l-Gvern Ġermaniż, l-Aufenthaltsgesetz/EWG huwa applikabbli, bħala liġi speċjali, għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jibbenefikaw mill-moviment liberu taħt it-Trattat KE. Fil-fatt, skond l-Artikolu 2(2) ta’ l-Ausländergesetz, din il-Liġi ta' l-aħħar tapplika għall-barranin li jibbenefikaw mill-moviment liberu taħt id-dritt Komunitarju biss jekk id-dritt Komunitarju u l-Aufenthaltsgesetz/EWG, li jirrigwarda b’mod partikolari ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jeżerċitaw attività professjonali, ma fihomx dispożizzjonijiet derogatorji. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tal-Freizügigkeitsverordnung/EG jestendi l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 12(2) sa (9) tal-Aufenthaltsgesetz/EWG għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li ma jeżerċitawx attività professjonali.
40 Minn dan jirriżulta li l-Aufenthaltsgesetz/EWG jieħu preċedenza, bħala liġi speċjali (lex specialis) meta mqabbel ma’ l-Ausländergesetz (lex generalis), fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din ta’ l-aħħar fis-sitwazzjonijiet li hija intiża speċifikament sabiex tirregola (ara, fir-rigward ta' direttivi Komunitarji, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2003, Mayer Parry Recycling, C-444/00, Ġabra p. I-6163, punt 57).
41 Issa, skond l-istess kliem ta’ l-Artikolu 12(3) u (4) ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG, miżura ta’ tkeċċija fil-konfront ta’ barrani li jibbenefika mill-moviment liberu taħt id-dritt Komunitarju tista' tittieħed biss meta tkun iġġustifikata mill-kondotta personali tal-persuna kkonċernata u l-eżistenza ta’ kundanna kriminali mhijiex biżżejjed minnha nfisha biex timmotiva tali miżura.
42 Barra minn hekk, għalkemm huwa veru li l-portata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl ta' l-interpretazzjoni li jagħtuhom il-qrati nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-129/00, Ġabra p. I-14637, punti 30 sa 33), f'din il-kawża, il-Kummissjoni ma tippretendix li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni huma s-suġġett ta’ interpretazzjonijiet diverġenti li l-qrati jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni, b'uħud iwasslu għal applikazzjoni ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni li tkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju, u bl-oħrajn iwasslu għal applikazzjoni inkompatibbli ma’ dan id-dritt, b’mod li din il-leġiżlazzjoni ma tkunx ċara biżżejjed biex tiżgura applikazzjoni kompatibbli mad-dritt Komunitarju.
43 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq ksur tad-dritt Komunitarju billi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma tipprojbixxix b’mod ċar biżżejjed li t-tkeċċija mit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta’ ċittadin ta’ l-Istati Membri l-oħra li jibbenefika mill-moviment liberu taħt id-dritt Komunitarju tkun deċiża b’mod awtomatiku wara kundanna kriminali u mingħajr ma tkun ittieħdet in kunsiderazzjoni l-kondotta personali ta’ l-awtur tal-ksur u lanqas il-periklu attwali li jirrappreżenta għall-ordni pubbliku, huwa infondat.
– Fuq l-eżistenza ta’ allegata prassi amministrattiva li tmur kontra d-dritt Komunitarju
44 Jirriżulta mit-talbiet tar-rikors promotorju ta’ dawn il-proċedimenti li, permezz ta’ l-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tfittex, minbarra li tiġi stabbilita traspożizzjoni diffettuża tar-regoli tad-dritt Komunitarju fid-dritt intern, li jiġi kkonstatat li "deċiżjonijiet ta’ tkeċċija" ġew meħuda bi ksur ta’ dawn ir-regoli.
45 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi li l-Kummissjoni tista’ titlobha tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jikkonsisti fil-fatt li, f’każ partikolari, ma ntlaħaqx ir-riżultat intiż minn direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-20/01 u C-28/01, Ġabra p. I-3609, punt 30; ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-157/03, Ġabra p. I-2911, punt 44, u tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).
46 Kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza u minkejja l-formulazzjoni wiesgħa tat-talbiet tar-rikors fuq dan il-punt, il-Kummissjoni espliċitament indikat, waqt il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li r-rikors tagħha għandu bħala għan mhux li jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, fil-kuntest tad-diversi lmenti, kwistjonijiet partikolari mqajma minn każijiet individwali, iżda li tipprova l-fatt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tittrasponi b’mod insuffiċjenti r-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju, li jwassal għal prassi amministrattiva li tmur kontra d-dritt Komunitarju. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirreferi għal ċertu numru ta’ każijiet li ssemmi biss bħala eżempji u biex turi ċerti tipi ta’ deċiżjonijiet u ta’ prassi amministrattivi li huma s-suġġett ta’ lment fil-konfront tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’dan ir-rikors. Il-fatt li l-Kummissjoni ssemmi każijiet preċiżi b'ebda mod ma jeskludi li jiġu kkkunsidrati każijiet oħra bħala eżempji ta’ ksur tad-dritt Komunitarju.
47 Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li l-liġi nazzjonali applikabbli hija, fiha nfisha, kif jirriżulta mill-punti 39 sa 43 ta’ din is-sentenza, kompatibbli mad-dritt Komunitarju, jista’ jirriżulta nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-eżistenza ta’ prattika amministrattiva li tikser dan id-dritt (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-278/03, Ġabra p. I-3747, punt 13).
48 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li, mingħajr ma tista' tibbaża ruħha fuq ebda preżunzjoni, għandha tipprova l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tkun tista' tivverifika l-eżistenza ta' dan in-nuqqas (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-287/03, Ġabra p. I-3761, punt 27).
49 Fir-rigward, b’mod partikolari, ta' rikors dwar l-implementazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prova ta' nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu teħtieġ il-produzzjoni ta’ elementi ta’ prova ta’ natura partikolari meta mqabbla ma' dawk li s-soltu jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ rikors ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirrigwarda biss il-kontenut ta’ dispożizzjoni nazzjonali u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista' biss jiġi ppruvat permezz ta’ prova suffiċjentement dokumentata u dettaljata tal-prassi allegata fil-konfront ta' l-amministrazzjoni u/jew tal-qrati nazzjonali u imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat (is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).
50 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, jekk imġieba ta’ Stat li tikkonsisti fi prassi amministrattiva li tmur kontra r-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju tista’ tikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fis-sens ta' l-Artikolu 226 KE, jeħtieġ li tali prassi amministrattiva tippreżenta ċertu grad ta’ kostanza u ta’ ġeneralità (ara s-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-387/99, Ġabra p. I-3751, punt 42; tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-494/01, Ġabra p. I‑3331, punt 28, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).
51 Issa l-Kummissjoni ma ppruvatx l-eżistenza, fil-Ġermanja, ta’ prassi amministrattiva li għandha l-karatteristiċi mitluba mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
52 Il-Kummissjoni limitat ruħha li telenka fir-rikors tagħha ċertu numru ta’ każijiet li fihom ittieħdu deċiżjonijiet amministrattivi bi ksur tar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju, mingħajr ma pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-deċiżjonijiet in kwistjoni, iżda biss silta qasira minn uħud minnhom li ġiet riprodotta fir-rikors. Għalhekk il-Kummissjoni naqset manifestament milli tipproduċi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tkun tista' tivverifika l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u dan iktar u iktar billi l-Gvern Ġermaniż jikkontesta b’mod konkret kemm l-informazzjoni prodotta hija ta' min joqgħod fuqha billi jsemmi, f’numru ta’ każijiet, deċiżjonijiet mogħtija fuq talba tal-persuni kkonċernati (kawżi Condo, Ferri, Gaudino, Guaglianone, Marchese u Procopio) kontra d-deċiżjonijiet li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fir-rikors tagħha.
53 Barra minn hekk, il-madwar ħamsin deċiżjoni msemmija mill-Kummissjoni ttieħdu, skond l-informazzjoni li tirriżulta mir-rikors promotorju ta’ dawn il-proċedimenti, bejn ix-xahar ta’ Diċembru 1992 (kawża Torsello) u x-xahar ta’ Jannar 2001 (kawża Sulimanov), jiġifieri matul perijodu ta’ kważi disa’ snin. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, f’kull każ, tikkonkludi li teżisti prassi ġenerali u kostanti li tmur kontra d-dritt Komunitarju, meta l-Kummissjoni, li ma tista' tibbaża ruħha fuq ebda preżunzjoni, naqset milli ġġib il-provi neċessarji biex tikkonfuta l-allegazzjoni tal-Gvern Ġermaniż li skondha dan kien każ ta' deċiżjonijiet iżolati u mhux ta’ prassi ġenerali u kostanti.
54 Iktar u iktar għandha tiġi adottata din il-konklużjoni meta jitqies, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, li d-dispożizzjonijiet amministrattivi ġenerali relattivi għall-Ausländergesetz (Allgemeine Verwaltungsvorschrift zum Ausländergesetz), li huma indirizzati lill-amministrazzjoni Ġermaniża u huma vinkolanti fuqha, jispeċifikaw, minn naħa, li t-tkeċċija għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, taħt l-Artikolu 12(1) ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG, tista’ sseħħ biss meta l-barrani jagħti lok għal din il-miżura permezz tal-kondotta personali tiegħu, billi l-eżistenza ta’ kundanna kriminali mhijiex biżżejjed biex tiġġustifika tkeċċija, u, min-naħa l-oħra, li l-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu 12 jippermetti li t-tkeċċija tkun ibbażata biss fuq il-kondotta personali tal-barrani u li tista’ sseħħ biss għal raġunijiet ta’ prevenzjoni speċjali u fil-każ ta’ theddida effettiva u suffiċjentement serja li tippreġudika interess fundamentali tas-soċjetà.
55 Konsegwentement, minkejja li l-Gvern Ġermaniż ma jikkontestax li deċiżjonijiet ta’ tkeċċija iżolati setgħu ġew adottati mingħajr ma ttieħdu biżżejjed in kunsiderazzjoni r-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju, l-ilment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, għandu jiġi miċħud bħala infondat.
56 Għaldaqstant l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.
Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq teħid in kunsiderazzjoni insuffiċjenti fil-leġiżlazzjoni u l-prassi Ġermaniżi ta’ l-eżistenza ta’ theddida gravi għall-ordni pubbliku fil-każ ta’ tkeċċija ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra detenuri ta’ permess ta’ residenza għal żmien definit
Fuq l-ammissibbiltà
– L-argumenti tal-partijiet
57 Il-Gvern Ġermaniż isostni li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tallega fil-konfront tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhux biss li wettqet b’mod inkomplet l-obbligu tagħha li tittrasponi d-Direttiva 64/221 fid-dritt intern, iżda wkoll li żviluppat prassi amministrattiva li tmur kontra l-leġiżlazzjoni Komunitarja. Madankollu, fl-opinjoni motivata tagħha, il-Kummissjoni limitat ruħha li ssemmi t-traspożizzjoni ambigwa, fl-Artikolu 12(1) ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG, tar-regoli tad-dritt Komunitarju u ma kkontestatx fil-konfront tagħha l-allegata prassi amministrattiva li tmur kontra l-imsemmija leġiżlazzjoni f’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk it-tieni lment huwa inammissibbli safejn il-Kummissjoni tfittex li tiġi kkonstatata tali prattika amministrattiva, billi skond ġurisprudenza kostanti l-Kummissjoni ma tistax tinvoka fir-rikors tagħha elementi ġodda meta mqabbla ma’ dawk imqajma fil-fażi prekontenzjuża.
58 Il-Kummissjoni tiċħad kull allegazzjoni li estendiet is-suġġett tal-kawża billi ssostni li l-ewwel tliet ilmenti tagħha jikkritikaw is-sitwazzjoni ġuridika Ġermaniża fir-rigward ta’ tkeċċija tal-barranin prinċipalment għar-raġuni li, fil-prattika, il-koeżistenza ta' dispożizzjonijiet kultant kontradittorji, sors ta’ ekwivoku għall-awtoritajiet li jridu japplikaw id-dritt, twassal kostantement għal deċiżjonijiet ta’ tkeċċija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju. Hekk kif in-nuqqas ta' ċarezza tas-sitwazzjoni ġuridika tirriżulta preċiżament mill-koeżistenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, id-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija meħuda abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huma neċessarjament marbuta ma’ dawn it-tliet ilmenti u ma jistgħux jiġu separati minnhom.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
59 Skond ġurisprudenza stabbilita (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punt 23), l-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-Istat Membru u sussegwentement l-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża, li konsegwentement, ma jistax jitwessa' iżjed. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu jikkostitwixxi, anki jekk iqis li m’hemmx lok li jagħmel użu minnha, garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat u l-osservazzjoni tagħha hija rekwiżit formali essenzjali għar-regolarità tal-proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu.
60 Konsegwentement, l-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk ta’ l-ittra ta’ intimazzjoni li tagħti bidu għall-proċedura prekontenzjuża (is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-191/95, Ġabra p. I-5449, punt 55). Safejn l-opinjoni motivata u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq l-istess motivi u argumenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina lment li ma kienx inkluż fl-opinjoni motivata (is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 76/86, Ġabra p. 1021, punt 8) u din ta’ l-aħħar għandu jkun fiha deskrizzjoni koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas minn wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-350/02, Ġabra p. I-6213, punt 20).
61 Madankollu, ma jistax jintalab f’kull każ qbil perfett bejn id-deskrizzjoni ta’ l-ilmenti fl-ittra ta’ intimazzjoni, id-dispożittiv ta’ l-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tal-kawża ma ġiex estiż jew modifikat iżda ġie, għall-kuntrarju, sempliċement limitat (is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56; tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, u ta’ l-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C-177/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).
62 F’dan il-każ, il-parti tat-tieni lment ibbażata fuq l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva li tmur kontra d-dritt Komunitarju tikkorrispondi fis-sustanza għall-ilment ifformulat fil-punt IV ta’ l-opinjoni motivata, li skondu l-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja adottat deċiżjonijiet ta’ tkeċċija f’każijiet fejn ma ġietx ippruvata l-eżistenza ta’ theddida vera u suffiċjentement gravi għall-ordni pubbliku li tippreġudika interess fundamentali tas-soċjetà. Ma’ dan irid jiżdied il-fatt li, fil-parti ta’ l-opinjoni motivata intitolata "Theddida għall-ordni pubbliku", il-Kummissjoni tinvoka preċiżament l-eżistenza fil-Ġermanja ta’ "prassi amministrattiva" bbażata fuq interpretazzjoni ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 12(1) ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG li tikser il-kundizzjonijiet li fihom id-dritt Komunitarju jippermetti restrizzjonijiet għall-moviment liberu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku.
63 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma rriproduċietx, fit-talbiet tar-rikors promotorju ta’ dawn il-proċedimenti, il-formulazzjoni eżatta ta’ l-ilmenti invokati fil-kors tal-proċedura prekontenżjuza, meta kienet attenta li jkun hemm qbil bejn dawn it-talbiet u d-deskrizzjoni dettaljata ta’ l-ilmenti.
64 Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà parzjali tat-tieni lment għandha tiġi miċħuda.
Fuq il-mertu
– L-argumenti tal-partijiet
65 Il-Kummissjoni ssostni li l-Aufenthaltsgesetz/EWG, li kellu jittrasponi fid-dritt Ġermaniż ir-regoli tad-dritt Komunitarju f’dak li jirrigwarda r-restrizzjoni tal-moviment liberu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, mhuwiex ċar biżżejjed f’dak li jirrigwarda r-regola stabbilita fl-Artikolu 12(1), li hija kruċjali f'din il-kawża. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel sentenza ta’ l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li r-residenza ta' barrani li jibbenefika mill-moviment liberu tista' tiġi rrifjutata "għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika", it-tieni sentenza ta’ l-istess dispożizzjoni tipprovdi, f’dak li jirrigwarda biss lill-barranin detenturi ta’ "permess ta’ residenza/KE ta’ żmien indefinit", li dawn jistgħu jiġu mkeċċija biss għal raġunijiet "serji" ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku. L-istruttura tad-dispożizzjoni in kwistjoni tista' tqarraq b'dak li jkun safejn din tista’ tinftiehem, u dan iktar u iktar huwa l-każ kif turi l-prassi amministrattiva, fis-sens li sempliċi raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku huma suffiċjenti sabiex jiġu mkeċċija l-benefiċjarji tad-dritt tal-moviment liberu li mhumiex detenturi ta’ "permess ta’ residenza/KE għal żmien indefinit" u li l-eżistenza ta’ raġunijiet serji hija meħtieġa biss biex jiġu mkeċċija barranin detenturi ta’ tali permess.
66 Huma numerużi d-deċiżjonijiet li fil-motivazzjoni tagħhom jadottaw interpretazzjoni żbaljata ta’ l-ordni pubbliku fis-sens ta' l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 12(1) ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG. Kultant, jiġi anki espressament iddikjarat li mhemmx lok li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ raġunijiet serji relattivi għall-ordni pubbliku billi l-eżistenza tagħhom hija meħtieġa biss fil-każ previst fit-tieni sentenza ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri għall-barranin detenturi ta’ "permess ta’ residenza/KE għal żmien indefenit". Il-Kummissjoni ssemmi seba’ każijiet bħala eżempji in sostenn ta’ din l-aħħar allegazzjoni.
67 Skond il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni ġuridika u l-prassi amministrattiva Ġermaniżi għandhom bżonn, f’dan ir-rigward, li jkunu ċċarati b’mod preċiż, billi ma jħallux l-iċken dubju fir-rigward tar-rekwiżit li, ikun xi jkun it-tul ta' żmien tal-permess tar-residenza, miżura ta’ tkeċċija timplika li l-kondotta tal-persuna kkonċernata turi l-eżistenza ta’ theddida reali u suffiċjentement serja li teffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Bouchereau, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 sa 35).
68 Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Artikolu 12(1) ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG jittrasponi b’mod ċar biżżejjed ir-rekwiżiti li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Komunitarja f’dak li jirrigwarda r-restrizzjoni tal-moviment liberu.
69 Fir-rigward ta' l-allegazzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva li tmur kontra d-dritt Komunitarju, il-Gvern Ġermaniż isostni li, anki jekk jitqies li din il-parti tat-tieni lment hija ammissibbli, ma jistax jinftiehem kif il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi, unikament abbażi ta’ inqas minn 20 każ individwali elenkati fir-rikors, li teżisti tali prassi amministrattiva li titħaddem b’mod sistematiku fit-territorju nazzjonali kollu.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq l-allegata traspożizzjoni difettuża
70 Kif ġie mfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex awtorità nazzjonali tista' tirrikorri għall-kunċett ta’ ordni pubbliku, għandha teżisti, f’kull każ, l-eżistenza, minbarra l-inkwiet soċjali li jinvolvi kull ksur tal-liġi, theddida reali u suffiċjentement serja, li teffettwa interess fundamentali tas-soċjetà.
71 L-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 12(1) ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG tiddisponi li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jibbenefikaw mill-moviment liberu taħt id-dritt Komunitarju jistgħu jiġu mkeċċija biss għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika u ssemmi, bejn parenteżi, l-Artikolu 48(3) tat-Trattat u l-Artikolu 56(1) tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 46(1) KE). It-tieni sentenza ta’ l-istess paragrafu tipprovdi li t-tkeċċija ta’ barranin detenturi ta’ "permess ta’ residenza/KE għal żmien indefinit" hija permessa biss għal raġunijiet "serji" ta’ sigurtà pubblika jew ta’ ordni pubbliku.
72 Jekk ir-referenza għad-dritt Komunitarju primarju, magħmula fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 12(1) ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG, tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tindika suffiċjentement li l-kunċett ta’ ordni pubbliku għandu jingħata interpretazzjoni konformi ma' dik mogħtija lill-istess kunċett li jinsab fl-imsemmija Artikoli tat-Trattat, kif implementat permezz tad-Direttiva 64/221 u ppreċiżat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, xorta jibqa’ l-fatt li t-tieni sentenza ta’ l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali, safejn iżżid li, fir-rigward taċ-ċittadini Komunitarji detenturi ta’ permess ta’ residenza għal żmien indefinit, huma biss raġunijiet "serji" ta’ ordni pubbliku li jistgħu jiġġustifikaw tkeċċija, toħloq dubju f’dak li jirrigwarda t-teħid in kunsiderazzjoni b'mod korrett tar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju fir-rigward taċ-ċittadini Komunitarji detenturi ta’ permess ta’ residenza għal żmien definit.
73 Issa skond ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-159/99, Ġabra p. I-4007, punt 32, u tas-27 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-415/01, Ġabra p. I-2081, punt 21).
74 Għaldaqstant, l-Artikolu 12(1) ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG ma jittrasponix b’mod suffiċjentement ċar fir-rigward taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri detenuri ta’ permess ta’ residenza ta’ żmien definit ir-rekwiżiti li joħorġu mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, li skondha miżura ta’ tkeċċija hija ġġustifikata biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement "gravi", li teffettwa interess fundamentali tas-soċjetà.
75 Id-dispożizzjonijiet amministrattivi ġenerali relattivi għall-Ausländergesetz, invokati mill-Gvern Ġermaniż in sostenn tat-teżi tiegħu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tissodisfa r-rekwiżit taċ-ċertezza legali, ma tqigħedx fid-dubju dawn il-kunsiderazzjonijiet.
76 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-prinċipju taċ-ċertezza legali jirrikjedi pubbliċità adegwata għall-miżuri nazzjonali adottati biex jimplementaw leġiżlazzjoni Komunitarja b’mod li tippermetti lill-persuni li għalihom japplikaw tali miżuri jagħrfu l-portata tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom fil-qasam partikolari rregolat mid-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentena tas-27 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). Issa dan mhuwiex il-każ fir-rigward ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet amministrattivi, li huwa paċifiku li huma ta' natura interna u li huma indirizzati lill-amministrazzjoni bil-għan li jiġi żgurat li din tieħu pożizzjoni komuni fuq kwistjonijiet partikolari.
77 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tieni lment huwa fondat.
Fuq l-allegata prassi amministrattiva li tmur kontra d-dritt Komunitarju
78 Fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fir-rigward ta’ lmenti li jirrigwardaw l-implementazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, il-prova ta' l-eżistenza ta' nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu teħtieġ il-produzzjoni ta’ elementi ta’ prova ta’ natura partikolari meta mqabbla ma' dawk li s-soltu jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirrigwarda biss il-kontenut ta’ dispożizzjoni nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista' biss jiġi ppruvat permezz ta’ prova suffiċjentement dokumentata u dettaljata tal-prassi allegata fil-konfront ta' l-amministrazzjoni u/jew tal-qrati nazzjonali u imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat. Jekk imġieba ta’ Stat li tikkonsisti fi prassi amministrattiva li tmur kontra r-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju tista’ tikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fis-sens ta' l-Artikolu 226 KE, jeħtieġ li tali prassi amministrattiva tippreżenta ċertu grad ta’ kostanza u ta’ ġeneralità.
79 Issa l-Kummissjoni limitat ruħha li telenka 17-il każ li fihom ittieħdu deċiżjonijiet amministrattivi bi ksur tar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju, mingħajr ma pprovdiet dawn id-deċiżjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja u mingħajr lanqas ma rriproduċiet l-iċken silta li tista' ssostni t-teżi tagħha. Għalhekk il-Kummissjoni manifestement milli tipproduċi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji biex din tkun tista' tivverifika l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u dan iktar u iktar billi l-Gvern Ġermaniż jikkontesta b’mod konkret kemm l-informazzjoni invokata hija ta' min joqgħod fuqha billi jipproduċi, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ żewġ każijiet li tirreferi għalihom il-Kummissjoni fir-rikors tagħha (kawżi Moffa u Nardelli), silta mid-deċiżjoni in kwistjoni li turi li r-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju ttieħdu in kunsiderazzjoni.
80 Għal dan il-motiv biss, it-tieni parti tat-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq it-teħid in kunsiderazzjoni fil-leġiżlazzjoni u fil-prassi Ġermaniżi ta’ aspetti relattivi għall-prevenzjoni ġenerali fil-każ ta’ tkeċċija
Fuq l-ammissibbiltà
– L-argumenti tal-partijiet
81 Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-opinjoni motivata ma tinkludix ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ ċarezza tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża f’dak li jirrigwarda l-projbizzjoni li jiġu adottati miżuri ta’ prevenzjoni ġenerali, b’mod li din il-parti tat-tielet ilment għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.
82 Il-Kummissjoni tirrispondi li, fl-ittra ta’ intimazzjoni, hija sostniet li d-deċiżjonijiet kollha li huma msejsa fuq il-bażi ġuridika ta’ l-Artikolu 47(1) u (2) ta’ l-Ausländergesetz neċessarjament jippreżentaw, minħabba fl-għan ta’ prevenzjoni ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni, natura illegali ta’ prevenzjoni ġenerali u li konsegwentement jiksru d-dritt Komunitarju. L-opinjoni motivata ssostni dan l-ilment billi tenfasizzah u, għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
83 L-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess motivi u argumenti (ara, b’mod partikolari, punt 60 ta’ din is-sentenza). Issa dan huwa l-każ f'din il-kawża.
84 Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 111 u 112 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-parti tat-tielet ilment dwar traspożizzjoni difettuża fid-dritt intern tar-rekwiżit li raġunijiet ta’ prevenzjoni ġenerali ma jistgħux jiġġustifikaw it-tkeċċija ta’ ċittadini Komunitarji tikkorrispondi fis-sustanza għall-ilment imsemmi fil-punt III tal-konklużjonijiet ta’ l-opinjoni motivata, li fih il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma indikatx b’mod suffiċjentement ċar fil-leġiżlazzjoni tagħha li d-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija ta' ċittadini ta’ l-Unjoni ma jistgħux ikunu msejsa fuq bażi li tipprovdi għat-tkeċċija obbligatorja jew fil-prinċipju fil-każ ta’ kundanna kriminali li tkun għaddiet in ġudikat. Ma’ dan għandu jiżdied li, fil-parti ta’ l-opinjoni motivata intitolata "Dissważjoni", il-Kummissjoni tinvoka preċiżament il-fatt li d-deċiżjonijiet kollha ta’ tkeċċija bbażati fuq l-Artikolu 47 ta’ l-Ausländergesetz neċessarjament jippreżentaw, minħabba fl-għan ta’ prevenzjoni ġenerali ta’ din ir-regola, natura illegali ta’ prevenzjoni ġenerali, b'mod, għalhekk, li hija tfittex li tolqot direttament il-leġiżlazzjoni inkriminata.
85 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma rriproduċietx, fit-talbiet tar-rikors promotur ta' dawn il-proċedimenti, il-formulazzjoni eżatta ta’ l-ilmenti invokati fil-kors tal-proċedura prekontenzjuża, meta kienet attenta li jkun hemm qbil bejn dawn it-talbiet u d-deskrizzjoni dettaljata ta’ l-ilmenti.
86 Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà parzjali tat-tielet ilment għandha tiġi miċħuda.
Fuq il-mertu
– L-argumenti tal-partijiet
87 Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema ta’ tkeċċija prevista fl-Artikolu 47(1) u (2) ta’ l-Ausländergesetz għandha għanijiet ta’ prevenzjoni ġenerali, billi t-tkeċċija obbligatorja jew fil-prinċipju suppost tiddiswadi lil barranin oħrajn milli jwettqu reati ta’ natura identika jew analoga għal dawk imwettqa mill-barranin imkeċċija. Id-deċiżjonijiet kollha li huma bbażati fuq dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu, inevitabbilment, element illegali ta’ prevenzjoni ġenerali, meqjus l-għan ta’ din ir-regola, u, għal din ir-raġuni biss, imorru kontra d-dritt Komunitarju. Ir-referenza għall-Artikolu 12 ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG, magħmula sempliċement b'mod supplimentari, b'ebda mod ma tbiddel il-fatt li l-imsemmija deċiżjonijiet huma msejsa fuq bażi ġuridika li l-applikazzjoni tagħha hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju minħabba fil-għan ta’ prevenzjoni ġenerali li hija tfittex li tilħaq.
88 Barra minn hekk, f’numru ta’ deċiżjonijiet, dan il-għan ta’ prevenzjoni ġenerali mfittex mit-tkeċċija obbligatorja jissemma espressament, mingħajr ma jirriżulta mill-motivazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet li huma wkoll ibbażati b’mod awtonomu fuq motivi ta’ prevenzjoni speċjali. F’kull każ, tali distinzjoni mhijiex perċettibbli f’ċertu numru ta’ deċiżjonijiet, billi dawn jelenkaw, billi jqegħduhom kontra xulxin, għanijiet ta’ prevenzjoni ġenerali u ta’ prevenzjoni speċjali bħala motivazzjoni kumulattiva, u għaldaqstant jagħtu x'jifhem li l-miżura kkonċernata hija bbażata fuq iż-żewġ tipi ta’ kunsiderazzjonijiet. Minbarra dan, f'dawn id-deċiżjonijiet, il-motivazzjoni kultant tagħti importanza partikolari għall-effett tal-prevenzjoni ġenerali. Skond il-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li din il-prassi amministrattiva tfisser li d-deċiżjonijiet in kwistjoni huma bbażati wkoll fuq kunsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali u, għalhekk, tmur kontra d-dritt Komunitarju (is-sentenza ta’ l-10 ta’ Frar 2000, Nazli, C-340/97, Ġabra p. I‑957, punt 63).
89 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitwazzjoni ġuridika u l-prassi amministrattiva Ġermaniżi għandhom bżonn, f’dan ir-rigward, li jkunu ċċarati b’mod preċiż biex ma jippermettu li jibqa' l-ebda dubju rigward l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Traspożizzjoni impreċiża u ambigwa ta’ l-obbligi tad-dritt Komunitarju mhijiex konformi mar-rekwiżiti ta’ traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 64/221.
90 Fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta' ċarezza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali stess, il-Gvern Ġermaniż jirrispondi li din tindika b’mod ċar u mingħajr ambigwità li ċ-ċittadini Komunitarji ma jistgħux jiġi mkeċċija għal raġunijiet ibbażati fuq għanijiet ta’ prevenzjoni ġenerali. Il-Kummissjoni tinjora l-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija li jirrigwardaw dawn iċ-ċittadini m’għandhomx bħala bażi ġuridika esklużiva l-Artikolu 47 ta’ l-Ausländergesetz, iżda jridu dejjem jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12 ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG, li huma imperattivi u jieħdu preċedenza fuq dawk ta’ l-imsemmi Artikolu 47. Il-prevenzjoni ġenerali hija prevista biss għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi.
91 F’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva li tmur kontra d-dritt Komunitarju, il-Gvern Ġermaniż jikkontesta l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet individwali żbaljati konsekuttivi li jistabbilixxu tali prassi. Il-ftit każijiet li ssemmi l-Kummissjoni mhumiex suffiċjenti biex jiġi konkluż li teżisti prassi amministrattiva kurrenti u ġenerali li tmur kontra l-leġiżlazzjoni Komunitarja. Għandu jingħad ukoll li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet amministrattivi ġenerali relattivi għall-Ausländergesetz, li jinċidu b’mod determinanti fuq il-kwistjoni jekk teżistix prassi ammistrattiva billi jorbtu ġuridikament lill-amministrazzjoni fl-azzjoni li jieħu, li huwa pprojbit għall-amministrazzjoni li tiġġustifika d-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija fir-rigward taċ-ċittadini Komunitarji mill-effett dissważiv li jkollha din it-tkeċċija fuq ċittadini barranin oħra.
92 Il-fatt li l-awtoritajiet amministrattivi Ġermaniżi jinvokaw raġunijiet ta’ prevenzjoni ġenerali b'żieda mar-raġunijiet speċifiċi ta’ prevenzjoni huwa perfettament kompatibbli ma’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 64/221, billi huwa rrispettat l-uniku obbligu previst minn din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti f’li jingħataw raġunijiet suffiċjenti li jirrigwardaw il-persuna u l-kondotta tal-persuna kkonċernata.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq l-allegata traspożizzjoni difettuża
93 Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt Komunitarju jipprekludi t-tkeċċija ta’ ċittadin ta’ Stat Membru bbażata fuq raġunijiet ta’ prevenzjoni ġenerali, jiġifieri tkeċċija deċiża bl-iskop li tiddiswadi lil barranin oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1975, Bonsignore, 67/74, Ġabra p. 297, punt 7, u Nazli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59), b’mod partikolari meta din il-miżura tkun ittieħdet b’mod awtomatiku wara kundanna kriminali, mingħajr ma tittieħed in kunsiderazzjoni l-kondotta personali ta’ l-awtur tal-ksur u lanqas il-perikolu li jirrappreżenta għall-ordni pubbliku (sentenza Calfa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).
94 Kif ġie rrilevat fil-punti 39 sa 43 ta’ din is-sentenza, l-Aufenthaltsgesetz/EWG jieħu preċedenza, bħala liġi speċjali meta mqabbel ma’ l-Ausländergesetz, fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi ta’ l-aħħar fis-sitwazzjonijiet li hija tfittex speċifikament li tirregola.
95 Issa skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 12(3) ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG, il-miżuri ta’ tkeċċija ta’ ċittadini Komunitarji li jibbenefikaw mill-moviment liberu taħt id-dritt Komunitarju jistgħu jittieħdu biss meta jkunu ġġustifikati mill-kondotta personali tal-persuna kkonċernata. Minn dan isegwi li kull tkeċċija bbażata fuq raġunijiet ta’ prevenzjoni ġenerali hija pprojbita f’dak li jirrigwarda dawn il-kategoriji ta’ persuni.
96 Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-kuntest ta’ l-ewwel ilment (ara punt 42 ta’ din is-sentenza), f'dan il-każ il-Kummissjoni ma ssostnix li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni huma s-suġġett ta’ interpretazzjonijiet diverġenti li l-qrati jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni, b'uħud iwasslu għal applikazzjoni ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni li tkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju, u bl-oħrajn iwasslu għal applikazzjoni inkompatibbli ma’ dan id-dritt, b’mod li din il-leġiżlazzjoni ma tkunx ċara biżżejjed biex tiżgura applikazzjoni kompatibbli mad-dritt Komunitarju.
97 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur tad-dritt Komunitarju, billi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma tipprojbixxix b’mod ċar biżżejjed it-teħid in kunsiderazzjoni ta' aspetti ta’ prevenzjoni ġenerali fit-tkeċċija mit-territorju Ġermaniż ta’ ċittadin ta’ l-Istati Membri l-oħra li jibbenefika mill-moviment liberu taħt id-dritt Komunitarju, huwa infondat.
Fuq l-allegata prassi amministrattiva li tmur kontra d-dritt Komunitarju
98 Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni llimitat ruħha li telenka fir-rikors tagħha xi każijiet li fihom id-deċiżjoni ta’ tkeċċija kienet immotivata in parti minn għanijiet ta’ prevenzjoni ġenerali, mingħajr ma pprovdiet id-deċiżjonijiet in kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda llimitat ruħha li tirriproduċi silta qasira, u dan fir-rigward ta' uħud minnhom biss. Għalhekk il-Kummissjoni naqset manifestament milli tipproduċi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tkun tista' tivverifika l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u dan iktar u iktar billi l-Gvern Ġermaniż jikkontesta kemm l-informazzjoni prodotta hija ta' min joqgħod fuqha billi jiċċita numru ta’ kawżi li fihom, b’mod partikolari, ingħataw deċiżjonijiet fuq talba tal-persuni kkonċernati (kawżi Condo u Procopio) kontra d-deċiżjonijiet li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fir-rikors tagħha.
99 Barra minn hekk, il-ħdax-il deċiżjoni msemmija mill-Kummissjoni ttieħdu, skond l-informazzjoni li tirriżulta mir-rikors promotorju ta’ dawn il-proċedimenti, bejn ix-xahar ta’ Marzu 1993 (kawża Sassano) u x-xahar ta’ Novembru 1997 (kawża Pugliese), jiġifieri matul perijodu ta’ kważi ħames snin. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, f’kull każ, tikkonkludi li teżisti prassi ġenerali u kostanti li tmur kontra d-dritt Komunitarju, meta l-Kummissjoni, li ma tistax tibbaża ruħha fuq ebda preżunzjoni, ma rnexxilhiex iġġib il-provi neċessarji biex tikkontesta l-allegazzjoni tal-Gvern Ġermaniż li skondha dan kien każ ta' deċiżjonijiet iżolati u mhux ta’ prassi ġenerali u kostanti.
100 Iktar u iktar għandha tiġi adottata din il-konklużjoni meta jitqies, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, li waħda mid-dispożizzjonijiet amministrattivi ġenerali relattivi għall-Ausländergesetz tipprovdi li t-tkeċċija tista' sseħħ biss għal raġunijiet ta’ prevenzjoni speċjali u fil-każ ta’ theddida effettiva u suffiċjentement serja li tippreġudika interess fundamentali tas-soċjetà.
101 Konsegwentement, minkejja li l-Gvern Ġermaniż ma jikkontestax li deċiżjonijiet ta' tkeċċija iżolati setgħu ġew adottati mingħajr ma ttieħdu biżżejjed in kunsiderazzjoni r-rekwiżiti li joħorġu mid-Direttiva 64/221, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva inkompatibbli mad-dritt Komunitarju għandu, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 48 sa 50 ta’ din is-sentenza, jiġi miċħud bħala infondat.
102 Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.
Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq it-teħid in kunsiderazzjoni insuffiċjenti tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja familjari fl-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ta’ tkeċċija
L-argumenti tal-partijiet
103 Il-Kummissjoni ssostni li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu in kunsiderazzjoni, fit-tkeċċija ta’ ċittadini Komunitarji bbażata fuq l-eċċezzjoni ta’ l-ordni pubbliku rregolata mid-Direttiva 64/221, mhux biss il-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni, iżda wkoll l-effett ta’ din it-tkeċċija fuq id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja familjari stabbilit mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem "KEDB"), dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata tiżgura li jiġi rrispettat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter, C-60/00, Ġabra p. I-6279, punt 41).
104 Il-Kummissjoni ssemmi f’dan ir-rigward numru ta’ każijiet li fihom, skond hi, l-awtoritajiet amministrattivi Ġermaniżi kisru l-prinċipju ta’ proporzjonalità b’mod partikolarment flagranti u manifest. Hija ssemmi żewġ każijiet li fihom dawn l-awtoritajiet ma eżaminawx il-kwistjoni tal-proporzjonalità, ħames każijiet li fihom ma pproċedewx għall-eżami tal-proporzjonalità minħabba li kkunsidraw li t-tkeċċija awtomatika ma tirrikjedix tali eżami, u erbatax-il każ li ma ħadux biżżejjed in kunsiderazzjoni l-importanza tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-ħajja familjari.
105 Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tipprova l-eżistenza ta' prassi amministrattiva li tikkonsisti f’nuqqas ta' bilanċ bejn id-dritt għal ħajja familjari u l-bżonn li jitħares l-ordni pubbliku. Din l-allegata prassi amministrattiva mhijiex ippruvata, partikolarment billi l-uniku fatt li ttieħdu xi deċiżjonijiet ta’ tkeċċija li l-motivazzjoni tagħhom baqgħet siekta fir-rigward tar-rabtiet familjari tal-persuni kkonċernati ma tippermettix li jiġi konkluż li teżisti prassi amministrattiva ġenerali.
106 Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-tkeċċija taċ-ċittadini Komunitarji, b’mod partikolari l-Artikoli 48 ta’ l-Ausländergesetz u 12 ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG, jitolbu kważi obbligatorjament li tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-miżura ta’ tkeċċija u li tittieħed in kunsiderazzjoni l-importanza essenzjali tal-protezzjoni taż-żwieġ u tal-ħajja familjari. Skond l-Artikolu 6 tal-Kostituzzjoni Ġermaniża, iż-żwieġ u l-familja jibbenefikaw mill-protezzjoni speċjali tas-sistema federali u l-awtoritajiet amministrattivi għandhom obbligatorjament jieħdu in kunsiderazzjoni din il-kwalifika kostituzzjonali fl-applikazzjoni tat-testi. Il-Kummissjoni inġustament takkuża lill-imsemmija awtoritajiet li ma evalwawx il-proporzjonalità u, fil-kawżi fejn il-Kummissjoni tikkonkludi li d-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija kienu sproporzjonati, il-kriterji li hija tapplika huma wkoll żbaljati, ħaġa li twassalha kważi inevitabbilment għal konklużjonijiet ħżiena.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
107 Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami, magħmul każ b'każ mill-awtoritajiet nazzjonali, ta’ l-eventwali eżistenza ta’ kondotta personali li tikkostitwixxi theddida attwali għall-ordni pubbliku u, jekk ikun il-każ, tal-kwistjoni dwar fejn jinsab l-ekwilibriju ġust bejn l-interessi leġittimi opposti jrid iseħħ fir-rispett tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (is-sentenza Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95).
108 F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura li jiġu rrispettati. Jistgħu jittresqu motivi ta’ interess ġenerali biex jiġġustifikaw miżura nazzjonali li hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat biss meta l-miżura in kwistjoni tieħu tali drittijiet in kunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 43; tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress, C-368/95, Ġabra p. I-3689, punt 24; Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97).
109 F’dan il-kuntest, ġiet rikonoxxuta, fl-ambitu tad-dritt Komunitarju, l-importanza li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħajja familjari taċ-ċittadini Komunitarji sabiex jiġu eliminati l-ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. B'mod partikolari, huwa paċifiku li t-tkeċċija ta' persuna mill-pajjiż fejn jgħixu l-qraba intimi tiegħu tista' tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja familjari kif stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB, li jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma protetti fl-ordni ġuridiku Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98). Indħil bħal dak jikser il-KEDB jekk ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-paragrafu 2 ta’ l-istess Artikolu, jiġifieri jekk ma jkunx "skond il-liġi", ispirat minn wieħed jew iktar għanijiet leġittimi previsti fl-imsemmi paragrafu u "meħtieġ f’soċjetà demokratika", jiġifieri ġġustifikat minn bżonn soċjali urġenti u, b’mod partikolari, ipproporzjonat għall-għan leġittimu mfittex (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-2 ta’ Awwissu 2001, Boultif vs L-Iżvizzera, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2001-IX, § 39, 41 u 46, u s-sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).
110 Il-Kummissjoni ma ppruvatx l-eżistenza, fil-Ġermanja, ta’ prassi amministrattiva li tmur kontra r-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-dritt għar-rispett tal-ħajja familjari u li għandha l-karatteristiċi ta’ kostanza u ġeneralità mitluba mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
111 Il-Kummissjoni limitat ruħha li telenka fir-rikors tagħha xi każijiet li fihom id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ma ħaditx biżżejjed in kunsiderazzjoni d-dritt għar-rispett tal-ħajja familjari, jew saħansitra ma ħaditx in kunsiderazzjoni dan id-dritt, mingħajr ma pprovdiet id-deċiżjonijiet in kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda limitat ruħha li tirriproduċi silta qasira, u dan fir-rigward ta' uħud minnhom biss. Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni naqset milli tipproduċi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tkun tista' tivverifika l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas, u dan iktar u iktar billi l-Gvern Ġermaniż jikkontesta b’mod konkret (b'mod partikolari fil-kawżi Solimando, Racabulto u Condo) il-fondatezza tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li d-dritt għar-rispett tal-ħajja familjari ma ttiħidx biżżejjed in kunsiderazzjoni fid-deċiżjonijiet kollha ċċitati minn din ta’ l-aħħar.
112 Barra minn hekk, il-21 deċiżjoni in kwistjoni ttieħdu, skond l-informazzjoni li tirriżulta mir-rikors promotorju ta’ dawn il-proċedimenti, bejn ix-xahar ta’ Diċembru 1992 (kawża Torsello) u x-xahar ta’ Marzu 2001 (kawża Theodoridis), jiġifieri matul perijodu ta’ kważi disa’ snin. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, f’kull każ, tikkonkludi li teżisti prassi ġenerali u kostanti li tmur kontra d-dritt Komunitarju, meta l-Kummissjoni, li ma tistax tibbaża ruħha fuq ebda preżunzjoni, baqgħat ma ġabitx il-provi neċessarji biex tikkonfuta l-allegazzjoni tal-Gvern Ġermaniż li skondha dan l-iktar l-iktar kien każ ta' deċiżjonijiet iżolati u mhux ta’ prassi ġenerali u kostanti.
113 Konsegwentement, minkejja li l-Gvern Ġermaniż ma jikkontestax li deċiżjonijiet ta’ tkeċċija iżolati setgħu ġew adottati mingħajr ma ttieħdu biżżejjed in kunsiderazzjoni r-rekwiżiti dwar ir-rispett tal-ħajja familjari, l-ilment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, għandu, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 48 sa 50 ta’ din is-sentenza, jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq il-ħames ilment, ibbażat fuq ir-rikors sistematiku għall-eżekuzzjoni immedjata tal-miżuri ta’ tkeċċija minkejja n-nuqqas ta’ sitwazzjoni ta’ urġenza
L-argumenti tal-partijiet
114 Il-Kummissjoni ssostni li, meta l-appell imressaq kontra miżura ta’ tkeċċija jista' jsir biss fir-rigward tal-validità legali tal-miżura jew ma jkunx jista’ jkollu effett sospensiv, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/221 jitlob, "minbarra f’każijiet ta’ urġenza", it-twettiq preliminari ta’ proċedura speċjali quddiem awtorità indipendenti li hija mitluba tagħti l-opinjoni tagħha. Billi d-dritt Ġermaniż dwar il-barranin ma jipprovdix tali proċedura speċjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, isegwi li, f’każijiet ta’ tkeċċija li jirrigwardaw ċittadini Komunitarji, l-effett sospensiv jista' jiġi eskluż permezz ta’ ordni mogħtija skond l-Artikolu 80(2)(4) tal-VwGO biss f’"każ ta’ urġenza" fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva 64/221.
115 Skond il-Kummissjoni, tali każ ta’ urġenza jista' jiġi kkontemplat biss meta l-eżekuzzjoni immedjata hija l-uniku mezz sabiex jiġi evitat riskju konkret, imminenti u gravi ta’ ksur ta' l-ordni pubbliku. Billi t-tkeċċija immedjata tikkostitwixxi ksur tad-dritt fundamentali għall-moviment liberu u tad-dritt għar-rispett tal-ħajja familjari, hija l-awtorità kompetenti li għandha tipprova, f’kull każ li jitressaq quddiemha, li l-kundizzjonijiet previsti huma sodisfatti. Għallinqas għaċ-ċittadini Komunitarji residenti għal perijodu twil fl-Istat Membru ospitanti, il-prinċipju tal-proporzjonalità jimponi li l-eżekuzzjoni immedjata ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija tiġi ordnata biss eċċezzjonalment u unikament f'każijiet ta' gravità u urġenza evidenti.
116 Il-Kummissjoni ssostni li, skond l-Artikolu 80(2)(4) tal-VwGO, l-effett sospensiv ta’ miżura ta’ tkeċċija tista’ tiġi eskluża fil-każ fejn din tolqot ċittadin Komunitarju li jkun ressaq oppożizzjoni jew li jkun ippreżenta azzjoni ta’ annullament, jekk jeżisti interess partikolari għall-eżekuzzjoni immedjata ta’ l-tkeċċija. Minkejja li dan l-"interess partikolari" jrid imur lil hinn mill-interess li jiġġustifika l-istess tkeċċija, il-prassi amministrattiva Ġermaniża regolarment tikkonstata, b’mod kważi awtomatiku u mingħajr motivazzjoni suffiċjenti, l-eżistenza ta’ interess partikolari għall-eżekuzzjoni immedjata tat-tkeċċija. L-eżami tal-każijiet ippreżentati lill-Kummissjoni b'ebda mod ma jippermettu li jiġi konkluż li l-awtoritajiet amministrattivi jieħdu in kunsiderazzjoni l-kriterju ta’ urġenza mitlub mid-dritt Komunitarju biex jipproċedu għall-eżekuzzjoni immedjata. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssemmi 17-il każ li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Minbarra r-rikors kważi sistematiku għall-eżekuzzjoni immedjata, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ interess partikolari tal-kollettività għall-eżekuzzjoni immedjata, interess li neċessarjament imur lil hinn mill-interess ġenerali li jiġġustifika t-tkeċċija, tiddependi iktar mill-affermazzjoni lapidarja milli mill-prova konkreta.
117 Għalhekk, il-pożizzjoni ġuridika u l-prassi amministrattiva Ġermaniżi jeħtieġu li jkunu ċċarati b’mod li ma jħallux li jibqa' l-iċken dubju f’dan ir-rigward.
118 Il-Gvern Ġermaniż jirrispondi li l-ordni ta’ eżekuzzjoni immedjata sseħħ wara verifika partikolari tal-kundizzjonijiet speċifiċi meħtieġa biex tinħareġ. Il-paralleliżmu spiss osservat bejn id-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija u d-deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni immedjata, li huma indipendenti minn xulxin, jirriżulta kważi neċessarjament mill-fatt li ċ-ċittadini Komunitarji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ferm riġidi biex ikunu suġġetti ta’ miżura ta’ tkeċċija kważi dejjem jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi ordnata l-eżekuzzjoni immedjata ta’ din il-miżura.
119 L-ordni ta’ eżekuzzjoni immedjata li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija lanqas ma jmorru kontra l-garanziji proċedurali previsti mid-dritt Komunitarju. Minn naħa, iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri l-oħra jistgħu jiddefendu ruħhom kontra deċiżjoni ta’ tkeċċija billi jagħmlu użu mill-istess appelli bħal dawk miftuħa għaċ-ċittadini Ġermaniżi kontra l-atti amministrattivi u, min-naħa l-oħra, huma dejjem għandhom il-possibbiltà li jitolbu l-benefiċċju ta’ effett sospensiv għall-appell tagħhom (l-Artikolu 80(5) tal-VwGO). Għalhekk id-dritt Ġermaniż jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet minimi mitluba mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/221 fir-rigward ta' l-effett sospensiv ta’ appell.
120 Wara kollox, il-protezzjoni proċedurali wiesgħa li toffri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra t-tkeċċijiet tmur sewwa lil hinn mill-garanziji minimi previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/221 u tiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet suġġettivi li d-dritt Komunitarju jagħti liċ-ċittadini Komunitarji. Minn naħa, il-legalità u l-oppurtunità ta’ att amministrattiv li joħloq preġudizzju, bħala regola, anki fil-każ ta' deċiżjoni ta’ tkeċċija, jiġu mill-ewwel eżaminati, qabel rikors għall-annullament, fi proċedura preliminari quddiem awtorità amministrattiva. Din il-protezzjoni proċedurali teżisti anki jekk id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun akkumpanjata b'ordni ta’ eżekuzzjoni immedjata. Min-naħa l-oħra, huwa dejjem possibbli li jsir stħarriġ mill-qrati amministrattivi, u dan anki fil-każ fejn mhemmx proċedura preliminari. Il-qorti amministrattiva tistabbilixxi ex officio l-provi fattwali determinanti u teżamina b'mod eżawrjenti l-legalità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija kemm mill-aspett tal-forma kif ukoll minn dak tal-mertu.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
121 Għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/221 huma intiżi sabiex jiżguraw garanzija proċedurali minima għall-persuni li fil-konfront tagħhom tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju. Dan l-Artikolu, li japplika fi tliet ipoteżi, jiġifieri fejn ma jkun hemm ebda dritt ta' appell, fejn dan l-appell jista' jsir biss f'dak li għandu x'jaqsam mal-validità legali tad-deċiżjoni jew fejn l-appell ma jkunx jista' jkollu effett sospensiv, jipprovdi għall-intervent ta’ awtorità kompetenti differenti minn dik imsejħa biex tagħti d-deċiżjoni. Minbarra f'każ ta' urġenza, l-awtorità amministrattiva m'għandhiex tieħu d-deċiżjoni tagħha sakemm ma tingħatax opinjoni mill-awtorità kompetenti l-oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105).
122 Il-Kummissjoni lanqas ma ppruvat l-eżistenza, fil-Ġermanja, ta’ prassi amministrattiva li tmur kontra r-rekwiżiti li joħorġu mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/221 u li għandha l-karatterisitiċi ta’ kostanza u ġeneralità mitluba mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
123 Il-Kummissjoni limitat ruħha li telenka fir-rikors tagħha xi każijiet li fihom ittieħdet deċiżjoni ta’ tkeċċija immedjata bi ksur tar-rekwiżiti ta’ l-imsemmi Artikolu 9(1), mingħajr madankollu ma pprovdiet id-deċiżjonijiet in kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda rriproduċiet biss silta qasira minn dawn id-deċiżjonijiet fir-rikors. Għal darb'oħra, il-Kummissjoni naqset milli tipproduċi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tkun tista' tivverifika l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas, u dan iktar u iktar billi l-Gvern Ġermaniż jikkontesta t-teżi sostnuta mill-Kummissjoni li l-eżami tal-każijiet ippreżentati lilha ma jippermettux li jiġi konkluż li l-awtoritajiet Ġermaniżi jieħdu in kunsiderazzjoni l-kriterju ta’ urġenza li d-dritt Komunitarju jimponi li jiġi rrispettat qabel ma jipproċedu għal eżekuzzjoni immedjata.
124 Barra minn hekk, is-17-il deċiżjoni msemmija mill-Kummissjoni ttieħdu, skond l-informazzjoni li tirriżulta mir-rikors promotorju ta’ dawn il-proċedimenti, bejn ix-xahar ta’ Awwissu 1993 (kawża Clarizia) u x-xahar ta’ Lulju 2000 (kawża Moffa), jiġifieri matul perijodu ta’ kważi seba’ snin. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, f’kull każ, tikkonkludi li teżisti prassi ġenerali u kostanti li tmur kontra d-dritt Komunitarju, meta l-Kummissjoni, li ma tistax tibbaża ruħha fuq ebda preżunzjoni, baqgħat ma ġabitx il-provi neċessarji biex tikkonfuta t-teżi tal-Gvern Ġermaniż li prassi ġenerali u kostanti fis-sens allegat mill-Kummissjoni ma teżistix.
125 Konsegwentement, l-ilment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva inkompatibbli mad-dritt Komunitarju għandu, skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 48 sa 50 ta’ din is-sentenza, jiġi miċħud bħala infondat.
126 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ttrasponietx b’mod ċar biżżejjed, fl-Artikolu 12(1) ta’ l-Aufenthaltsgesetz/EWG, il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt Komunitarju fir-rigward tar-restrizzjoni għall-moviment liberu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset li twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 39 KE, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 64/221 u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 73/148.
Fuq l-ispejjeż
127 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet fil-parti l-kbira tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 69(4) ta’ l-istess Regoli, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Billi ma ttrasponietx b’mod ċar biżżejjed, fl-Artikolu 12(1) tal-Liġi dwar id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri fil-Komunità Ewropea (Gesetz über Einreise und Aufenthalt von Staatsangehörigen der Mitgliedstaaten der Europäischen Wirtschaftsgemeinschaft), tal-21 ta’ Jannar 1980, il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt Komunitarju fir-rigward tar-restrizzjoni għall-moviment liberu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset li twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 39 KE, l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE tal-25 ta’ Frar 1964 dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika, u l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal-21 ta’ Mejju 1973 dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi.
2) Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.
3) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.
4) Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.