SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

23 ta' Settembru 2004 (*)

"Kodiċi Doganali tal-Komunità – L-Artikolu 202 – Ħolqien ta' dejn doganali – Introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità – Kunċett ta' debitur ta' dejn bħal dan – Estensjoni għal min iħaddem tar-responsibbiltà għad-dejn ta' impjegat li wettaq irregolaritajiet fl-eżekuzzjoni ta' l-obbligi doganali "

Fil-kawża C-414/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta' deċiżjoni tas-6 ta' Novembru 2002, li waslet fid-19 ta' Novembru 2002, fil-kawża

Spedition Ulustrans, Uluslararasi Nakliyat ve. Tic. A.S. Istanbul

vs

Finanzlandesdirektion für Oberösterreich,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann, J.-P. Puissochet (Relatur), R. Schintgen u F. Macken, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Finanzlandesdirektion für Oberösterreich, minn F. Brenneis, bħala aġent,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.-C. Schieferer, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 202(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, aktar 'il quddiem il-"Kodiċi Doganali").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Spedition Ulustrans, Uluslararasi Nakliyat ve. Tic. A.S. Istanbul (aktar 'il quddiem "Spedition Ulustrans") u l-Finanzlandesdirektion für Oberösterreich (Amministrazzjoni tal-Finanzi għal Oberösterreich, aktar 'il quddiem il-"Finanzlandesdirektion"), fir-rigward tal-ħlas ta' dejn doganali li rriżulta mill-introduzzjoni ta' merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità kontra l-liġi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond l-Artikolu 201 tal-Kodiċi Doganali:

""1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

(a)      tal-ħelsien għal ċirkolazzjoni libera ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, jew

(b)      tat-tqegħid ta' dawk il-merkanziji taħt proċedura ta' importazzjoni temporanja b'eżenzjoni parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni.

2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-ħin ta' l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali konċernata.

3. Id-debitur għandu jkun id-dikjarant. F'każ ta' rappreżentazzjoni indiretta, il-persuna li għan-nom tagħha tkun saret id-dikjarazzjoni doganali għandha wkoll tkun debitur.

Fejn dikjarazzjoni doganali fir-rigward ta' waħda mill-proċeduri li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 issir skond il-bażi ta' informazzjoni li twassal sabiex id-dazji kollha legalment dovuti jew parti minnhom ma jinġabrux, il-persuni li jkunu pprovdew l-informazzjoni meħtieġa biex saret id-dikjarazzjoni u li kienu jafu, jew raġonevolment kellhom ikunu jafu li dik l-informazzjoni kienet falza, jistgħu wkoll jitqiesu bħala debituri skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ."

4       L-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:

"1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta':

(a)      l-introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, jew

(b)      l-introduzzjoni kontra l-liġi f'parti oħra ta' dak it-territorju ta' dawk il-merkanziji li jkunu jinsabu f'żona ħielsa jew maħżen ħieles.

Għall-iskop ta' dan l-Artikolu, introduzzjoni kontra l-liġi tfisser kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 177.

2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jiġu introdotti kontra l-liġi.

3. Id-debituri għandhom ikunu:

–       il-persuna li tkun introduċiet dawk l-merkanziji kontra l-liġi,

–       kull persuna li tkun ipparteċipat fl-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanziji u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li tali introduzzjoni kienet kontra l-liġi, u

–       kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li dawn kienu ġew introdotti kontra l-liġi."

5       L-Artikolu 203 ta' l-istess kodiċi jipprovdi li:

"1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

–       tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.

3. Id-debituri għandhom ikunu:

–       il-persuna li tkun neħħiet il-merkanziji minn taħt is-sorveljanza doganali,

–       kull persuna li tkun ipparteċipat f'dik it-tneħħija u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-merkanziji kienu qed jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali, u

–       kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li kienu tneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali, u

–       fejn ikun xieraq, il-persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji."

6       L-Artikolu 213 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:

"Fejn diversi persuni jkunu responsabbli għall-ħlas ta' dejn doganali wieħed, dawn għandhom ikunu responsabbli solidalment u separatament għal dak id-dejn."

7       Skond l-Artikolu 221(1) ta' l-istess kodiċi:

"Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta' dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8       L-Artikolu 79(2) taz-Zollrechts-Durführungsgesetz (Liġi li timplementa d-dritt doganali) (BGBl. 1994/659, aktar 'il quddiem iz-"ZollR-DG") jipprovdi li:

"Meta jkun hemm dejn doganali dovut minn impjegat (jew persuna li tkun ġiet inkarigata permezz ta' kuntratt) li, huwa u jwettaq l-inkarigi fdati lilu minn min jimpjegah (jew minn min inkarigah) aġixxa illegalment fit-twettiq ta' l-obbligi doganali, jitnissel fl-istess waqt dejn doganali anki fir-rigward tal-persuna li timpjega lil dan l-impjegat (jew min inkarigah) sakemm din mhijiex diġà debitur doganali f'dan ir-rigward permezz ta' xi disposizzjoni oħra."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9       Fil-5 ta' Diċembru 1996, impjegat ta' Spedition Ulustrans daħħal erba' magni li jkebbu d-drapp fit-territorju doganali tal-Komunità. Huwa kien ġej mill-Iżvizzera, isuq trailer irreġistrat f'isem Spedition Ulustrans, u qasam il-post tad-dwana ta' Höchst (L-Awstrija) mingħajr ma ppreżenta lid-dwana d-dokumenti għall-merkanzija li kien qiegħed iġorr.

10     Permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Diċembru 1996, meħuda skond l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali, il-Hauptzollamt Feldkirch (Uffiċċju Doganali ta' Fedkirch, aktar 'il quddiem il-"Hauptzollamt") għarraf lil dan l-impjegat bl-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni fir-rigward tal-merkanzija importata kontra l-liġi, jiġifieri 770 684 ATS (li minnhom 83 770 ATS kienu dazji doganali u 686 914 ATS bħala t-taxxa fuq il-fatturat mill-importazzjoni).

11     Permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' April 2000, li saret res judicata, il-Finanzlandesdirekton ikkonstata li l-importazzjoni kontra l-liġi ta' din il-merkanzija kienet, bis-saħħa ta' l-Artikolu 202(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, tat lok għal dejn doganali min-naħa tas-sewwieq li kien ta' ammont identiku għal dak stabbilit mill-Hauptzollamt.

12     Permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' Frar 1997, meħuda bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 202(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, flimkien ma' dawk ta' l-Artikolu 79(2) taz-ZollR-DG, il-Hauptzollamt kienet ukoll għarrfet lil Spedition Ulustrans bl-ammont tad-dazju dovut minnha, bħala kodebitriċi tad-dazju mitlub mill-impjegat tagħha.

13     Spedition Ulustrans ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni. Dan ġie miċħud bħala infondat permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Settembru 1997. Għalhekk, hija ressqet appell quddiem ir-Raba' Awla ta' l-Appell tal-Finanzlandesdirekton, li ġie wkoll miċħud permezz ta' deċiżjoni tal-21 ta' Novembru 2000. Il-Finanzlandesdirekton ikkunsidrat li kien skond il-liġi li, fl-ewwel istanza, il-Hauptzollamt kienet bagħtet, skond l-Artikolu 79(2) taz-ZollR-DG, it-talba għal ħlas mhux biss lis-sewwieq iżda wkoll lil Spedition Ulustrans, bħala kodebitriċi in solidum, li, bħala persuna li timpjega għandha l-obbligu li tassigura li l-imġiba tas-sewwieq tkun konformi ma' l-eżiġenzi speċifiċi marbuta mat-trasport internazzjonali tal-merkanzija.

14     Spedition Ulustrans imbagħad ressqet il-kawża quddiem il-Verwaltungsgerichtshof, fejn sostniet, b'mod partikolari, li, safejn hija ma kinitx involuta fl-iżbalji kommessi mis-sewwieq, hija ma setgħetx, legalment, tiġi kkunsidrata bħala debitriċi tad-dazju.

15     Il-qorti tar-rinviju tagħmel żewġ serji ta' rimarki.

16     L-ewwel nett, hija tindika li l-opinjoni akkademika attwali mhijiex unanima dwar it-tifsira tal-kunċett ta' debitur. Hija tippreċiża li, skond ċerti awturi, l-Artikolu 79(2) taz-ZollR-DG, billi jestendi l-kunċett ta' debitur b'mod wiesa' ħafna sabiex jinkludi l-persuni kollha li jimpjegaw jew il-prinċipali ta' impjegat jew aġent li jikser il-leġiżlazzjoni doganali, mingħajr ma jikkunsidra l-kundizzjonijiet suġġettivi elenkati fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, huwa inkompatibbli ma' din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar. Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li, skond awturi oħra, il-kunċett ta' debitur, f'każ ta' introduzzjoni kontra l-liġi ta' merkanzija, jiddependi mid-definizzjoni tal-"persuna li tkun introduċiet dawk [i]l-merkanziji kontra l-liġi" skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 202(3) ta' l-istess kodiċi. Din il-persuna hija dejjem, ta' l-anqas indirettament, l-intraprenditur, peress li dan għandu l-kustodja legali tal-merkanzija ttrasportata, filwaqt li s-sewwieq huwa biss id-detentur temporanju. Skond dan it-tieni aspett, l-Artikolu 79(2) taz-ZollR-DG mhuwiex inkompatibbli mat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali iżda huwa sempliċement superfluwu fir-rigward ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 202(3) ta' l-imsemmi kodiċi.

17     Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fit-tieni nett, Spedition Ulustrans issostni li l-Artikolu 79(2) taz-ZollR-DG hija "regola dwar ir-responsabbiltà". Skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-leġiżlatur nazzjonali jibqa' liberu li jippromulga regola bħala din, mingħajr ma jkun limitat mid-dritt Komunitarju.

18     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

"L-estensjoni tal-kunċett ta' debitur doganali li ssir permezz ta' l-Artikolu 79(2) taz-[ZollR-DG] (li jistipola li l-ħolqien ta' dejn doganali dovut minn impjegat jew minn kull persuna oħra inkarigata mill-intraprenditur, minħabba li huwa u jwettaq l-inkarigi fdati lilu minn min jimpjegah jew minn min inkarigah, huwa aġixxa illegalment fit-twettiq ta' l-obbligi doganali, iwassal ukoll, fl-istess waqt, għal dejn doganali fir-rigward tal-persuna li timpjega lil dan l-impjegat jew min inkarigaha)] hija illegali fid-dawl ta' l-Artikolu 202 (3) tal-Kodiċi Doganali u, għaldaqstant, inkompatibbli mad-Dritt Komunitarju?"

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

19     Skond il-Finanzlandesdirektion, il-Kodiċi Doganali jippermetti lill-awtoritajiet doganali sabiex ikollhom rikors għall-possibbiltajiet kollha pprovduti mid-"dispożizzjonijiet fis-seħħ", inklużi miżuri leġiżlattivi nazzjonali, sabiex jiġi assigurat il-ħlas tad-dejn doganali. Għalhekk l-Artikoli 201 et seq tal-Kodiċi Doganali joperaw biss bħala armonizzazzjoni minima tal-kunċett ta' debitur u ma jipprekludux l-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra mill-Istati Membri, bħalma hu l-Artikolu 79(2) taz-ZollR-DG, sabiex id-dejn jiġi rkuprat mingħand il-persuna li timpjega. Dan l-artikolu japplika biss jekk l-imġiba illegali sseħħ fil-kuntest ta' l-attività ta' l-intraprenditur, jiġifieri jekk l-intenzjoni ta' l-impjegat jew ta' l-aġent kienet li jaġixxi fl-interess ta' l-impriża u mhux fl-interess tiegħu.

20     Il-Gvern Awstrijak jenfasizza li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta' Settembru 2000, dwar is-sistema ta' riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropew (ĠU L 253, p. 42), id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni, li jikkostitwixxu riżorsi proprji tal-Komunitajiet, jiġu rċevuti mill-Istati Membri skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li huma, jekk ikun il-każ, adattati għall-eżiġenzi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Għalhekk, il-leġiżlatur Komunitarju xtaq iħalli l-għażla lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-mezzi li jqisu l-aktar effettivi sabiex jassiguraw li jiġbru d-dazji doganali.

21     L-Artikolu 79(2) taz-ZollR-DG jaqa' f'din il-kategorija. Billi tikkwalifika lill-persuni li jimpjegaw jew lill-prinċipali bħala kodebituri, li jieħdu benefiċċju ekonomiku mill-azzjonijiet ta' l-impjegati jew l-aġenti tagħhom, din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġi assigurat l-irkupru tad-dejn doganali b'mod aktar effiċjenti milli kieku dawn ta' l-aħħar, li huma dgħajfa ekonomikament u sikwit finsolventi, kienu jkunu l-uniċi koperti. Barra minn hekk, l-Artikolu 79(2) taz-ZollR-DG huwa perfettament konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt komuni għall-Istati Membri kollha, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' proporzjonalità. Għalhekk, huwa ma jinvolvix estensjoni tal-kunċett ta' debitur li huwa inkompatibbli ma' l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali.

22     Skond il-Kummissjoni, imputazzjoni awtomatika ta' kull imġiba ta' impjegat lill-persuna li timpjegah, li ma tiħux in kunsiderazzjoni l-"parteċipazzjoni" effettiva tal-persuna li timpjega skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 202(3), ma taqax taħt din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar. Kieku kien interpretat mill-qrati nazzjonali bħala li jistabbilixxi preżunzjoni rribattibli ta' l-imputabbiltà ta' l-imġiba ta' l-imjegat lill-persuna li timpjegah, l-Artikolu 79(2) taz-ZollR-DG kien ikollu jiġi ddikjarat inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

23     Fil-kuntest ta' proċedura mressqa bis-saħħa ta' l-Artikolu 234 KE, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ta' liġi nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta' interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju sabiex din il-qorti tkun tista' tiddeċiedi dwar din il-kompatibbiltà (sentenzi tas-17 ta' Diċembru 1970, Scheer, 30/70, Ġabra p. 1197, punt 4; tas-6 ta' Ġunju 1984, Melkunie, 97/83, Ġabra p. 2367, punt 7, u tad-29 ta' Novembru 2001, De Coster, C-17/00, Ġabra p. I-9445, punt 23).

24     Għal dan il-għan, għandu jiġi kkunsidrat li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 79(2) taz-ZollR-DG, lil persuna li timpjega milli tkun ikkunsidrata bħala kodebitriċi ta' dejn doganali ta' l-impjegat tagħha, meta dan ta' l-aħħar jaġixxi illegalment fir-rigward ta' l-obbligi doganali fl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet fdati lilu minn min jimpjegah.

25     L-ewwel nett, mill-kliem ta' l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jagħti definizzjoni wiesgħa tal-persuni li jistgħu jiġu rikonoxxuti debitriċi tad-dejn doganali, fil-każ ta' introduzzjoni kontra l-liġi ta' merkanzija suġġetta għal dazju fuq l-importazzjoni, mingħajr ma b'dan il-mod irendi lill-persuna li timpjega awtomatikament kodebitriċi għad-dejn doganali ta' l-impjegat tagħha.

26     L-ewwel nett, l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali jirreferi għall-"persuna" li introduċiet il-merkanzija, mingħajr ma jippreċiża jekk din il-persuna hijiex persuna fiżika, bħalma huwa l-impjegat ta' impriża, jew persuna ġuridika, bħalma hija kumpannija responsabbli għall-introduzzjoni tal-merkanzija kontra l-liġi. B'hekk, filwaqt li din id-dispożizzjoni tista' tapplika, f'kull każ, għal impjegat li jintroduċi l-merkanzija, persuna li timpjega xorta tista' tiġi kkunsidrata bħala debitriċi tad-dejn doganali, jekk hija "persuna" fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, jiġifieri jekk tkun tista', minħabba l-azzjonijiet tagħha, tiġi kkunsidrata bħala responsabbli għall-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanzija.

27     Sussegwentement, it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 202(3) jirreferi għal "kull persuna", fil-plural, mingħajr ma jippreċiża jekk humiex persuni fiżiċi jew persuni ġuridiċi, li "ipparteċipa[w]" fl-introduzzjoni tal-merkanziji kontra l-liġi, jiġifieri dawk li pparteċipaw bi kwalunkwe mod f'din l-introduzzjoni. Il-kwalifika ta' debitur fis-sens ta' din id-dispożizzjoni hija madankollu suġġetta għall-kundizzjoni li kull persuna li tkun ipparterċipat fl-imsemmija introduzzjoni "kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li tali introduzzjoni kienet kontra l-liġi". Għalhekk, din il-kundizzjoni hija bbażata fuq elementi ta' evalwazzjoni suġġettiva li huma ta' natura tali li jeskludu, f'ċerti każijiet, il-kwalifika ta' debitur.

28     Fl-aħħar nett, it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali jinkludi wkoll il-kwalifika ta' debitur għal persuni, hawnhekk ukoll mingħajr preċiżjoni dwar in-natura tagħhom ta' persuna fiżika jew persuna ġuridika, li, wara l-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanzija, jiġifieri wara l-operazzjoni li wasslet għad-dejn doganali, ikunu akkwistaw jew żammew il-merkanzija filwaqt li jkunu jafu jew raġonevolment kellhom ikunu jafu, meta akkwistaw jew irċevew il-merkanzija, li din kienet ġiet introdotta kontra l-liġi. Għalhekk, l-estensjoni tal-kunċett ta' debitur hija, f'dan il-każ, bħal fil-każ ta' l-applikazzjoni tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 202(3) ta' l-istess kodiċi, suġġetta għal kundizzjoni suġġettiva.

29     Mill-eżami ta' l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju ddistingwa bejn il-każijiet imsemmija fl-ewwel inċiż u dawk imsemmija fit-tieni u t-tielet inċiżi. Fil-każijiet previsti fl-ewwel inċiż, il-persuna li timpjega tista' tiġi kkunsidrata bħala li hija stess introduċiet il-merkanzija kontra l-liġi u, għal din ir-raġuni, hija ssir debitriċi tad-dejn doganali, waħidha jew in solidum ma' l-impjegat tagħha. Fil-każijiet previsti fit-tieni u fit-tielet inċiżi, il-persuna li timpjega "ipparteċipat" biss għal din l-introduzzjoni u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala debitriċi in solidum ħlief jekk jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet suġġettivi.

30     F'dawn iċ-ċirkustanzi, meta jidher li l-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanzija mhijiex attribwibbli għal persuna li timpjega iżda hija att ta' impjegat, il-persuna li timpjega tista' tkun debitriċi tad-dejn doganali jekk tkun ipparteċipat fl-imsemmija introduzzjoni, u dan jista' jkun il-każ, b'mod partikolari, jekk l-introduzzjoni kontra l-liġi tkun saret bil-mezzi jew mill-persunal ta' l-impriża tagħha, u, min-naħa l-oħra, jekk hija kienet taf jew setgħet raġonevolment tkun taf li din l-introduzzjoni kienet kontra l-liġi.

31     L-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali jipprova jagħti definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' debitur, b'mod koerenti mar-regola ta' solidarjetà tad-debituri li għandhom obbligu li jħallsu l-istess dejn doganali, kif stabbilita fl-Artikolu 213 ta' l-istess kodiċi. Madankollu, dan l-artikolu ma jrendix lill-persuna li timpjega awtomatikament kodebitriċi għad-dejn doganali ta' l-impjegat li jkun introduċa l-merkanzija kontra l-liġi.

32     It-tieni nett, mill-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli f'dan ir-rigward jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jiddetermina liema huma l-persuni debitriċi tad-dejn doganali f'kundizzjonijiet li kull darba jiggarantixxu grad aktar għoli ta' armonizzazzjoni.

33     L-ewwel kien hemm id-Direttiva tal-Kunsill 79/623/KEE, tal-25 ta' Ġunju 1979, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta' dejn doganali (ĠU L 179, p. 31). It-tieni sentenza tal-ħames premessa ta' din id-direttiva kienet diġà tiddikjara li "huwa […] neċessarju li jiġu stabbiliti regoli komuni sabiex jiġi ddeterminat il-mument li fih jiġi inkors dejn doganali, sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fis-seħħ fir-rigward ta' l-importazzjoni u tad-dazji fuq l-esportazzjoni" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, l-imsemmija direttiva ma kinitx għadha tipprovdi regoli speċifiċi għad-determinazzjoni tal-persuna li għandha l-obbligu li tħallas id-dejn doganali. L-Artikolu 1(2)(a) tagħha kien sempliċement jipprovdi li dejn doganali kien: "l-obbligu ta' persuna fiżika jew ġuridika li tħallas l-ammont tad-dazji [fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni]" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

34     Din id-direttiva ġiet sussegwentement sostitwita minn xi regolamenti, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2144/87, tat-13 ta' Lulju 1987, dwar id-dejn doganali (ĠU L 201, p. 15) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1031/88, tat-18 ta' April 1988, li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-persuni obbligati li jħallsu dejn doganali (ĠU L 102, p. 5) [traduzzjonijiet mhux uffiċjali].

35     Fit-tieni premessa tiegħu, ir-Regolament Nru 2144/87 kien jippreċiża li "ir-regoli li jirrigwardaw it-tnissil tad-dejn doganali, id-determinazzjoni ta' l-ammont tiegħu, meta jkun dovut u meta jiskadi tant huma importanti għall-funzjonament tajjeb ta' l-Unjoni Doganali li huwa essenzjali li jiġi assigurat li dawn ir-regoli jiġu applikati b'mod uniformi fil-Komunità" u li "għal dan il-għan, id-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva 79/623/KEE għandhom jiġi ssostitwiti b'regolament" [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jippermetti li tintlaħaq "ċertezza legali akbar għall-individwi".

36     Fir-rigward tar-Regolament Nru 1031/88, fil-ħames premessa tiegħu huwa kien jipprovdi li, "jekk huwa dejn doganali li jirriżulta mill-introduzzjoni kontra l-liġi ta' merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunita […], għandu jiġi stabbilit li l-persuni li għandhom l-obbligu li jħallsu dan id-dejn huma l-awtur ta' l-att li wassal għad-dejn doganali kif ukoll kull persuna oħra li hija responsabbli, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri, minħabba dan l-att" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1031/88 kien għaldaqstant jipprovdi essenzjalment li l-persuni li għandhom l-obbligu li jħallsu d-dejn doganali fil-każ ta' introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanzija kienu l-persuna li introduċiet il-merkanzija u, "in solidum, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri" [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-persuni li pparteċipaw fl-imsemmija introduzzjoni, il-persuni li akkwistaw jew żammew il-merkanzija u kull persuna oħra li hija responsabbli għal tali introduzzjoni.

37     L-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, li ssostitwixxa d-dispożizzjonijiet iċċitati aktar 'il fuq tar-Regolamenti Nri 2144/87 u 1031/88, jerġa' huwa aktar preċiż minn dawn it-testi ta' l-aħħar. Huwa ma jagħmilx aktar referenza għad-"dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri" u huwa stess jistabbilixxi l-kundizzjonijiet bażiċi li għalihom hija suġġetta l-estensjoni tat-tifsira ta' debitur għall-persuni li "[ji]pparteċipaw" fl-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanzija.

38     Huwa minnu li, dawn l-emendi regolamentarji kollha ma kellhomx l-għan u lanqas kellhom l-effett li jċaħħdu lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jieħdu l-miżuri li huma ta' natura li jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-implementazzjoni ta' l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni doganali, b'mod partikolari, l-irkupru tad-dejn doganali. Barra minn hekk, lanqas waqqfu lil dawn l-istess Stati Membri milli jistabbilixxu, jekk ikun il-każ, regoli li jippreċiżaw, b'ħarsien ta' dawn l-għanijiet u skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, il-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tat-testi Komunitarji (fir-rigward ta' dispożizzjoni nazzjonali li żżid id-dazji doganali fil-każ ta' ksur tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja, ara s-sentenza tas-16 ta' Ottubru 2003, Hannl + Hofstetter, C-91/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 18 sa 20).

39     Madankollu, mill-eżami tat-testi msemmija aktar 'il fuq, jirriżulta b'mod ċar li l-leġiżlatur Komunitarju, mid-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Doganali, kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi, b'mod komplut, il-kundizzjonijiet sabiex jiġu ddeterminati l-persuni debitriċi tad-dejn doganali.

40     Id-dispożizzjonijiet ta' liġi nazzjonali li, billi ma jikkunsidrawx il-kundizzjonijiet suġġettivi ddikjarati fit-tieni u fit-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, jestendu awtomatikament il-kwalità ta' debitur ta' l-impjegat għall-persuna li timpjega, mingħajr ma jiġi stabbilit li l-persuna li timpjega kienet involuta fl-introduzzjoni tal-merkanzija, b'mod partikolari billi kienet taf jew setgħet raġonevolment tkun taf li l-imsemmija introduzzjoni kienet kontra l-liġi, jikkontradixxu din l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li hija manifestata b'mod ċar, kif ukoll il-kliem u l-għan stess ta' l-imsemmi paragrafu 3, kif ġew deskritti f'din is-sentenza.

41     Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-Artikolu 79(2) taz-ZollR-DG jestendix awtomatikament il-kwalità ta' debitur tad-dejn doganali. Meta tagħmel din l-analiżi, hija din il-qorti li għandha tinterpreta l-imsemmija dispożizzjoni, safejn huwa possibbli, fid-dawl tal-kliem u ta' l-għan ta' l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali. L-elementi segwenti għandhom, b'mod partikolari, jittieħdu in kunsiderazzjoni f'din l-evalwazzjoni.

42     L-ewwel nett, kieku l-Artikolu 79(2) taz-ZollR-DG kellu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi preżunzjoni rribattibli li l-persuna li timpjega hija kodebitriċi tad-dejn ta' l-impjegat tagħha, huwa jkun inkompatibbli ma' l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali. Ikun l-istess kieku l-imsemmi artikolu kellu japplika biss għall-każijiet li fihom l-impjegat jaġixxi waqt li jkun qed jeżegwixxi l-inkarigi li tkun fdatlu l-persuna li timpjegah. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, f'każijiet bħal dawn, il-persuna li timpjega ma tkunx responsabbli għall-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanzija u għalhekk li hija tkun tista' ssostni li ma kinitx taf jew li raġonevolment ma kellhiex tkun taf li din l-introduzzjoni kienet kontra l-liġi.

43     Sussegwentement, għalkemm huwa minnu li ġeneralment huwa opportun li d-dejn doganali jiġi rkuprat mingħand il-persuna li timpjega u li huwa possibbli għal din li, skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, tikseb il-ħlas lura jew ir-remissjoni tad-dazji doganali, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-estensjoni tal-kwalità ta' debitur tad-dejn doganali għall-persuna li timpjega hija, fil-każijiet kollha, proporzjonata għall-għanijiet mixtieqa. Fil-fatt, l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali jippermetti lill-persuna li timpjega, f'ċerti kundizzjonijiet, li tevita l-kwalifika ta' debitur tad-dejn doganali, filwaqt li l-possibbiltà għad-debitur ta' remissjoni jew ta' ħlas lura ta' dazji tkun teżisti biss a posteriori, fuq il-bażi ta' kundizzjonijiet oħra (dwar il-possibbiltajiet ta' remissjoni ta' dazji fil-każ ta' "sitwazzjoni partikolari", fin-nuqqas ta' xi żball attribwibbli għall-persuna responsabbli, ara s-sentenza tas-7 ta' Settembru 1999, De Haan, C-61/98, Ġabra p. I-5003).

44     Fl-aħħar nett, jekk kellha tiġi analizzata bħal dispożizzjoni li tippreċiża l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, l-Artikolu 79(2) taz-ZollR-DG lanqas ma tkun kompatibbli ma' dan il-kodiċi. Interpretazzjoni bħal din, filwaqt li tirrikonoxxi b'mod wiesa' ħafna li l-persuna li timpjega hija l-"persuna li tkun introduċiet il-merkanzija kontra l-liġi" fis-sens ta' l-ewwel inċiż, iċċaħħad it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 202(3) ta' l-imsemmi kodiċi mill-għan tiegħu u ma tippermettix lill-persuna li timpjega li tevita d-dejn doganali, għalkemm ma tkunx involuta f'din l-introduzzjoni u ma tkunx taf biha.

45     Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 79(2) taz-ZollR-DG milli, f'każ ta' introduzzjoni kontra l-liġi ta' merkanzija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità, irendi lill-persuna li timpjega kodebitriċi għad-dejn doganali ta' l-impjegat li introduċa din il-merkanzija fl-eżekuzzjoni ta' l-inkarigi fdati lilu minn min jimpjegah, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni teżiġi li l-persuna li timpjega tkun involuta fl-introduzzjoni tal-merkanzija billi tkun taf jew billi tista' raġonevolment tkun taf li l-imsemmija introduzzjoni kienet kontra l-liġi.

 Fuq l-ispejjeż

46     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 202(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 79(2) taz-ZollR-DG milli, f'każ ta' introduzzjoni kontra l-liġi ta' merkanzija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità, irendi lill-persuna li timpjega kodebitriċi għad-dejn doganali ta' l-impjegat li introduċa din il-merkanzija fl-eżekuzzjoni ta' l-inkarigi fdati lilu minn min jimpjegah, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni teżiġi li l-persuna li timpjega tkun involuta fl-introduzzjoni tal-merkanzija billi tkun taf jew billi tista' raġonevolment tkun taf li l-imsemmija introduzzjoni kienet kontra l-liġi.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.