SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

4 ta' Ottubru 2004 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/50/KEE – Proċedura għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' servizzi – Missjoni ta' assistenza lill-kuntrattur ta' impjant tat-trattament ta' l-ilma – Attribuzzjoni lill-kandidat magħżul f'konkors ta' ideat preċedenti mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt fil-ĠU"

Fil-kawża C-340/02,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ta' l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-24 ta' Settembru 2002,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn  M. Nolin, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn  M. de G. Bergues, S. Pailler u D. Petrausch, bħala agenti,

konvenuta

 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla,  S. von Bahr u K. Schiemann (relatur) Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L . A. Geelhoed,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati mill-partijiet,

wara li semgħet  il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta' Marzu 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, fl-okkażjoni ta' l-attribuzzjoni, mill-Komunità urbana ta' Mans (iktar 'il quddiem il-"CUM"), ta' kuntratt ta' studji bl-iskop li, fost affarijiet oħra, jkunu ta' assistenza għall-kuntrattur ta' impjant ta' trattament ta' l-ilma ta' la Chauviniere, mingħajr ma jkunu ppubblikaw l-avviż ta' kuntratt fil Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi imposti fuqha bis-saħħa tad-Direttiva 92/50/KEE, tal-Kunsill, tat-18 ta' Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' servizzi (ĠU L 209, p. 1, iktar 'il quddiem id-"direttiva"), u, b'mod partikolari, ta' l-Artikolu 15(2) tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jipprovdi:

"Din id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratt ta' servizz pubbliku, li l-valur stmat tagħhom nett mill-VAT, mhuwiex inqas minn 200,000ECU"

3       Skond l'Artikolu 8 Skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva , kuntratti li għandhom bħala obbjettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IA tagħha, għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva.

4       L-Artikolu 15 (2), tad-Direttiva, stabbilit fit-Titolu V, intitolat "Regoli komuni tar-reklamar" jipprovdi:

"L-Awtoritajiet kontraenti [aġġudikaturi] li jixtiequ jagħtu kuntratt ta' servizz pubbliku bi proċedura negozjata miftuħa, jew ristretta jew taħt kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11, għandhom jgħarrfu l-intenzjoni tagħhom permezz ta' notifika."

5       L-Artikolu 11(3) tad-Direttiva, stabbilit fit-Titolu III, intitolat "L-għażla ta' proċeduri ta' għoti u regoli li jirregolaw kuntesti [konkorsi] tad-disinn", jippermetti d-deroga mill-obbligu ta' pubblikazzjoni tan-notifika minn qabel ta' avviż ta' kuntratt billi jiddisponi:

"L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti tas-servizz pubbliku bi proċedura negozjata, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' notifika ta' kuntratt fil-każijiet li ġejjin:

[…]

c)      meta l-kuntratt ikkonċernat isegwi kuntest tad-disinn u għandu, skond ir-regoli li japplikaw, jingħata lill-kandidat ta' suċċess [magħżula] jew lil wieħed mill-kandidati ta' suċċess. Fil-każ ta' l-aħħar, il-kandidati kollha ta' suċċess għandhom jiġu mistiedna jipparteċipaw fin-negozjati;

[…]"

6       Fit-termini ta' l-Artikolu 1(g) tad-Direttiva:

"[""[Għall-fini tad-Direttiva] kuntesti ta' disinn għandhom ifissru dawk il-proċeduri nazzjonali li jippermettu lill-awtorità kontraenti biex takkwista, prinċipalment fl-oqsma ta' ppjanar ta' erji, ippjanar ta' bliet, arkitettura u inġenjerija ċivili, jew proċessar ta' informazzjoni, pjan jew disinn magħżul minn ġurija wara li jkun tqiegħed għall-kompetizzjoni bl-għoti jew mingħajr l-għoti ta' premijiet."

 Il-fatti

7       Tnedew bosta sejħiet għal offerti mill-CUM għall-provvista ta' servizzi ta' xogħlijiet għat-titjib ta' l-impjant tat-trattament ta' l-ilma f'Chauvinière.

8        Għal dan il-għan, ġiet prevista skema ta' xogħlijiet, li kienet tikkonsisti fit-tliet fażijiet li ġejjin:

–       L-ewwel fażi: Studju ta' viabbiltà ta' mezz għat-trattament ta' l-ilma għall-finijiet tal-ksib tal-konformità mal-livelli Ewropej f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ambjent, ta' l-impjant tat-trattament ta' l-ilma f'Chauviniere;

–       It-tieni fażi: kuntratt ta' studju intiż għal : 1) Assistenza lill-kuntrattur fil-preparazzjoni ta' programm tekniku dettaljat fuq il-bażi tas-soluzzjoni aċċettata fl-ewwel fażi, 2) it-tfassil ta' studju ta' l-impatt ambjentali li janalizza l-effetti flimkien tal-proġett fuq l-ambjent, u 3) assistenza lill-kuntrattur fl-analiżi ta' l-offerti sottomessi fil-kuntest tal-proċedura li hija s-suġġett tat-tielet fażi;

–       It-tielet fażi : disinn ta' l-istruttura u l-implementazzjoni tiegħu.

9       Żewġ avviżi ta' kuntratt ġew ippubblikati rispettivament fil-Ġurnal Uffiċjali tat-30 ta' Novembru 1996, Serje S, nru 233, u fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-10 ta' Diċembru 1998, Serje S, nru 239.

10     L-avviż ippubblikat fit-30 ta' Novembru kien jikkonċerna proċedura għal sejħa ta' offerti ristretta għal konkors ta' ideat, li kellha bħala suġġett l-istudju ta' vijabbiltà previst mill-ewwel fażi. Dan il-konkors ta' ideat kellu premju ta' 200,000FF għal kull wieħed mit-tliet kandidati magħżula, jiġifieri total ta' 600,000FF.

11     L-imsemmi avviż jipprovdi wkoll, fil-punt 2 tiegħu, li l-kandidat li s-soluzzjoni tiegħu tiġi magħżula fil-kuntest tal-konkors ta' ideat li jikkonċerna l-ewwel fażi "jista' jintalab biex jikkoopera fl-eżekuzzjoni ta' l-idea tiegħu fil-kuntest ta' kuntratt ta' studji li għandu bħala s-suġġett tiegħu [inter alia] l-assistenza lill-kuntrattur" kif jipprovdu l-ewwel u t-tielet partijiet tat-tieni fażi.

12     L-avviż ippubblikat fl-10 ta' Diċembru kien jirrigwarda t-tielet fażi.

 Il-proċedura prekontenzjuża

13     B'ittra tas-7 ta' Ottubru 1999, il-Kummissjoni stiednet l-Awtoritajiet Franċiżi jagħtuha l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li bihom tmexxew is-sejħiet għal offerti msemmija hawn fuq.

14      fl-sa Fin-nuqqas ta' risposta uffiċjali min-naħa ta' l-Awtoritajiet Franċiżi għal din l-ittra, il-Kummissjoni bagħtet, fit-3 ta' Awwissu 2000, ittra ta' intimazzjoni li fiha ressqet tliet ilmenti, ibbażati rispettivament fuq vjolazzjoni ta' l-Artikoli 27(2), 15(2), u 36(1) tad-Direttiva.

15     B'ittra tal-21 ta' Novembru 2000, l-Awtoritajiet Franċiżi kkontestaw it-totalità ta' l-ilmenti mressqa mill-Kummisjoni. Peress li l-Kummisjoni kkunsidrat ir-risposta mhux sodisfaċenti, b'ittra tas-26 ta' Lulju 2001, ipproċediet b'opinjoni motivitata li fiha saħħqet l-ilmenti tagħha.

16     L-Awtoritajiet Franċiżi rrispondew għall-opinjoni motivata b'ittra ta' l-4 ta' Frar 2002. F'din l-ittra għarrfu l-fondatezza ta' l-ewwel u t-tielet ilmenti mressqa mill-Kummissjoni.

17     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummisjoni ddeċidiet li tippreżenta r-rikors preżenti, li jirrigwarda biss it-tieni lment imsemmi fl-opinjoni motivata.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

18     F'dan ir-rikors, il-Kummissjoni ssostni li l-kuntratt ta' assistenza lill-kuntrattur, li dwaru jitratta t-tieni stadju, u li l-valur tiegħu kien jammonta għal 4,502,137.90FF, kien jirrigwarda servizzi differenti minn dawk relattivi għal konkors ta' ideat li nfetaħ bl-avviż ta' l-20 ta' Novembru 1996. Għaldaqstant, l-imsemmi kuntratt kellu jkun is-suġġett ta' riklamar u ta' kompetizzjoni miftuħa skond ir-regoli komuni ta' riklamar u ta' parteċipazzjoni previsti mit-Titoli V u VI tad-Direttiva. Issa, dan il-kuntratt ġie attribwit lil kandidat magħżul fil-konkors ta' ideat organizzat għat-twettiq ta' studju ta' viabbiltà kif ipprovdut fl-ewwel fażi mingħajr ebda miżura ġdida ta' riklamar jew ta' ebda proċedura ta' kompetizzjoni miftuħa fuq livell Komunitarju.

19     Il-Kummissjoni ssostni li l-indikazzjoni li tinsab fl-avviż ta' kuntratt ippubblikat fl-1996, li tgħid l-kandidat magħżul tal-konkors jista' jintalab jikkoopera fl-assistenza lill-kuntrattur fil-kuntest tat-tieni fażi, m'għandhiex rilevanza u ma tippermettix fi kwalunkwe każ lill-awtorità aġġudikatriċi li teżenta lilha nnifisha mill-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-Direttiva.

20     Il-Kummissjoni żżid li l-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti stabbilit mid-Direttiva jimponi li s-suġġett tal-kuntratt irid ikun iddefinit b'mod ċar, u ma jistax ikun estiż matul il-proċedura. Dan il-prinċipju jimplika wkoll li l-kriterji ta' attribuzzjoni jkunu wkoll iddeterminati b'mod ċar. Issa, mhux biss m'hemm l-ebda ċertezza, u lanqas ebda dritt għall-kandidat magħżul fil-konkors, fir-rigward tal-ħolqien ta' servizzi oħrajn fil-kuntest ta' kuntratti oħrajn għall-provvistà ta' assistenza teknika lill-kuntrattur, iżda, barra minn hekk, l-ebda kriterju ta' attribuzzjoni ma ġie ddeterminati għall dan l-aħħar kuntratt.

21     Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Franċiż isostni, fl-ewwel lok, li r-rekwiżiti ta' l-avviż ta' kuntratt tat-30 ta' Novembru 1996 u tar-regolament ta' konsultazzjoni, li lilu ta' l-ewwel irrefera għal aktar informazzjoni, ma jħalli l-ebda dubju dwar ir-rieda tal-CUM li jirriżerva l-possibbiltà li jattribwixxi lill-kandidat magħżul tal-konkors ta' ideat kuntratt ta' studji li għandu bħala s-suġġett tiegħu l-assistenza lill-kuntrattur. B'konsegwenza, il-kuntratt ta' assistenza lill-kuntrattur seta' jiġi attribwit lil kandidat magħżul fil-konkors ta' ideat mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt ġdid.

22     Il-Gvern Franċiż isostni, fit-tieni lok, li l-Artikolu 11(3)(c) tad-Direttiva jiddispensa mill-obbligu ta' pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt.

23     Fir-rigward ta' l-argument tal-Kummissjoni li tgħid li l-kriterji ta' attribuzzjoni ta' kuntratt ta' assistenza lill-kuntrattur ma kinux ġew iddefiniti fl-avviż ta' kuntratt tat-30 ta' Novembru 1996, bi ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza ta' trattament tal-kandidati, il-Gvern Franċiż isostni li dan l-ilment għandu jiġi kkunsidrat inammissibbli safejn jidher għall-ewwel darba fl-istadju tat-talba u għalhekk ma kienx hemm il-possibbiltà għall-Gvern sabiex isostni l-motivi tad-difiża tiegħu fir-rigward tal-proċedura prekontenzjuża.

24     Fuq dan l-aħħar punt, il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument mhuwiex ilment ġdid, iżda osservazzjoni li ssostni l-argument tagħha, jiġifieri, li s-suġġett tal-kuntratt kien jirrigwarda biss il-konkors ta' ideat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq l-ammissibbiltà

25     Għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà, minn naħa, li jikkonforma ruħu ma' l-obbligi tiegħu skond id-Dritt Komunitarju u, min-naħa l-oħra, li jissottometti b'mod effikaċi r-raġunijiet tad-difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni (ara b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-10 ta' Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Olanda), Ġabra p. I-3463, punt 23, u tal-15 ta' Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, Ġabra p. I-305, punt 10).

26     Minn dan isegwi, fl-ewwel lok, li s-suġġett ta' rikors imressaq taħt l-Artikolu 226 KE huwa ċirkuskritt mill-proċedura prekontenzjuża prevista f'din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi bbażat fuq l-istess motivi u raġunijiet bħall-opinjoni motivata. Jekk ilment ma jkunx tressaq fl-opinjoni motivata, ikun inammissibbli fl-istadju tal-proċedimenti quddiem il-Qorti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 11).

27     Fit-tieni lok, l-opinjoni motivata għandha jkollha espożizzjoni koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li l-Istat ikkonċernat naqas li jwettaq xi wieħed mill-obbligi tiegħu skond it-Trattat (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-4 ta' Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja, Ġabra p. I-6869, punt 18, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 12).

28     F'dan il-każ, fil-punti 20 u 21 ta' l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ssostni, fil-kuntest tat-tieni lment, li "ir-riferenza magħmula fl-avviż ta' kuntratt ta' possibbiltà għall-kandidat magħżul, li jikkoopera fit-twettiq tal-proposta magħżula […] ma tattribbwixxi l-ebda ċertezza u l-ebda dritt lill-kandidat magħżul fir-rigward ta' provvista ta' servizzi oħrajn fil-kuntest ta' kuntratt ulterjuri għall-assistenza teknika lejn kuntrattur" u "[…] mhuwiex korrett li l-awtorità aġġudikatriċi setgħet teżenta s-servizzi varji ta' assistenza lill-kuntrattur fil-kuntest tat-tieni fażi ta' l-iskema globali ta' organizzazzjoni in kwistjoni minn proċedura ta' riklamar u ta' tqegħid għall-kompetizzjoni"

29     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat, li l-Kummissjoni, billi ssostni li l-kriterji ta' għoti għall-kuntratt ta' assistenza lill-kuntrattur ma kinux ġew iddefiniti fl-avviż ta' kuntratt tat-30 ta' Novembru 1996, bi ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati, il-Kummissjoni sempliċiment spjegat l-ilmenti mressqa fil-punti 20 u 21 ta' l-opinjoni motivata mingħajr ma fformulat ilment ġdid. Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Franċiż għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

30     Fir-rikors preżenti, il-Kummissjoni essenzjalment takkuża lill-Awtoritajiet Franċiżi li attribwew il-kuntratt ta' servizz ta' assistenza lill-kuntrattur kif stabbilit fit-tieni fażi mingħajr ma implementaw il-proċedura ta' allokazzjoni kif stabbilita fid-Direttiva.

31     Jaqbel, preliminarjament, li jiġi kkonstatat li huwa paċifiku li l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tad-Direttiva ġew sodisfatti. Fil-fatt, l-istudji u l-assistenza lill-kuntrattur li huma s-suġġett tat-tieni fażi jikkostitwixxu servizzi fis-sens ta' l-Artikolu 8 u ta' l-Anness I A tad-Direttiva. Barra minn hekk, il-valur minimu tal-kuntratt stabbilit fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva kien inqabeż.

32     Għaldaqstant, għall-imsemmija servizzi, l-għoti ta' kuntratt seta' jseħħ biss, skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva, fl-osservanza tar-regoli stabbiliti fit-Titolu III ta' din id-Direttiva, u b'mod partikolari ta' l-Artikoli 11 u 15(2). Issa, bis-saħħa ta' din l-aħħar dispożizzjoni, l-awtoritajiet aġġudikaturi għandhom l-obbligu li jippubblikaw avviż ta' kuntratt.

33     Il-Gvern Franċiż madankollu jsostni li l-possibbiltà, prevista fl-avviż tat-30 ta' Novembru 1996, li jiġi attribwit il-kuntratt imsemmi fit-tieni fażi lill-kandidat magħżul fil-konkors ta' ideat, tiddispensa lill-awtoritajiet aġġudikaturi mill-obbligu li jippubblikaw avviż ġdid qabel l-għoti ta' kuntratt.

34     Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, il-prinċipju ta' l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-varji persuni li jipprovdu servizzi, previst fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, u l-prinċipju ta' trasparenza li jirriżulta (ara, b'analoġija, is-sentenzi tas-7 ta' Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, Ġabra p. I-10745, punt 61, u tal-25 ta' April 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, Ġabra p. I-2043, punti 51-53) jeżiġu li s-suġġett ta' kull kuntratt kif ukoll il-kriterji ta' attribuzzjoni jkunu ddefiniti b'mod ċar.

35     Tali eżiġenza timponi li s-suġġett ta' kuntratt, kif ukoll il-kriterji għall-attribuzzjoni tiegħu, iridu jiġu kkunsidrati bħala elementi deċiżivi sabiex jiġi ddeterminat liema mill-proċeduri previsti mid-Direttiva għandhom jiġu implementati u jiġu osservati l-kundizzjonijiet essenzjali tal-proċedura li ġiet aċċettata.

36     Minn dan isegwi li fil-każ preżenti, il-possibbiltà sempliċi li jiġi attribwit il-kuntratt li jikkonċerna t-tieni fażi skond il-kriterji previsti għal kuntratt ieħor, jiġifieri dak ta' l-ewwel fażi, mhuwiex ekwivalenti għall-attribuzzjoni tiegħu skond waħda mill-proċeduri previsti mid-Direttiva.

37     Il-Gvern Franċiż jerġa jinvoka l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva, li tawtorizza lill-awtoritajiet aġġudikaturi li jirrikorru għal proċedura negozjata li jidderogaw mill-obbligu ta' pubblikazzjoni minn qabel fil-każijiet limitatament elenkati. Dan jgħodd, b'mod partikolari, skond l-Artikolu 11(3)(c) tad-Direttiva "meta l-kuntratt ikkonċernat isegwi kuntest tad-disinn u għandu, skond ir-regoli li japplikaw, jingħata lill-kandidat ta' suċċess jew lil wieħed mill-kandidati ta' suċċess.[…]"

38     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni, in kwantu eċċezzjoni għal regola fundamentali tat-Trattat, għandha tkun is-suġġett ta' interpretazzjoni stretta u li huwa dak li bi ħsiebu jagħmel użu minnha li għandu l-oneru li juri li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw id-deroga jeżistu effettivament. (ara s-sentenza ta' l-10 ta' April, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-20/01 u C-28/01, Ġabra p. I-3609, punt 58).

39     Fil-każ in eżami, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, parti mis-servizzi li huma s-suġġett tat-tieni fażi mhumiex inklużi fil-kunċett ta' konkors kif iddefinit fl-Artikolu 1(g) tad-Direttiva, li jirreferi għal "pjan jew disinn". Fil-fatt, fil-każ li l-ewwel parti tat-tieni fażi (Assistenza lill-kuntrattur fil-preparazzjoni ta' programm tekniku ddettaljat fuq il-bażi tas-soluzzjoni miksuba fl-ewwel fażi) jista' jiġi kkunsidrat eventwalment bħala pjan jew disinn fis-sens ta' l-Artikolu 1(g) tad-Direttiva, dan mhuwiex il-każ tat-tielet parti tat-tieni fażi. Fil-fatt, jidher ċar li l-assistenza lill-kuntrattur fl-analiżi ta' l-offerti sottomessi fil-kuntest tal-proċedura li dwarha tittratta t-tielet fażi ma jikkostitwixxux pjan jew disinn skond l-Artikolu 1(g) tad-Direttiva.

40     Fi kwalukwe każ, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 11(3)(c) tad-Direttiva, ma ġewx sodisfatti f'din l-okkażjoni. Fil-fatt, jirriżulta b'mod ċar mill-kliem ta' din id-dispożizzjoni li d-dispensa mill-pubblikazzjoni ta' avviż mhijiex possibbli ħlief meta l-kuntratt isegwi konkors u li jrid jiġi attribwit lill-kandidat jew kandidati magħżula fil-konkors.

41     Kif afferma l-Avukat Ġeneral fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-espressjoni "isegwi konkors" fis-sens ta' l-Artikolu 11(2)(c), tad-Direttiva, tfisser li għandha teżisti rabta operattiva diretta bejn il-konkors u l-kuntratt ikkonċernat. Sal-limiti fejn il-konkors in kwistjoni jirrigwarda l-ewwel fażi u kien organizzat għall-finijiet ta' l-attribuzzjoni tal-kuntratt previst f'din il-fażi, il-kuntratt tat-tieni fażi ma jistax jiġi kkunsidrat bħala riżultat ta' dan il-konkors.

42     Barra minn hekk, il-klawżola li tidher fil-punt 2 ta' l-avviż ta' kuntratt tat-30 ta' Novembru 1996 tipprovdi biss il-possibbiltà, u mhux l-obbligu, li l-kandidat magħżul fl-ewwel fażi jiġi attribwit lilu wkoll it-tieni fażi. B'konsegwenza, ma jistax jiġi affermat li l-kuntratt li jikkonċerna t-tieni fażi jkollu jingħata lill-kandidat jew kandidati magħżula fil-konkors.

43     Għaldaqstant, l-eċċezzjoni, prevista fl-Artikolu 11(3)c tad-Direttiva, mill-obbligu ta' pubblikazzjoni ta' avviż ta' kuntratt, mhijiex applikabbli f'dan il-każ.

44     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li t-tieni fażi ma kinitx is-suġġett ta' pubblikazzjoni ta' kuntratt pubbliku skond ir-regoli tad-Direttiva, għalkemm tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din ta' l-aħħar.

45     Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-CUM attribwiet kuntratt ta' studji dwar assistenza lill-kuntrattur ta' impjant tat-trattament ta' l-ilma f'Chauviniere mingħajr ma ppubblikat avviż ta' kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond id-Direttiva, b'mod partikolari l-Artikolu 15 (2).

 Fuq l-ispejjeż

46      Skond Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef, għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi

1)      Peress li l-Komunità Urbana ta' Mans attribwixxiet kuntratt ta' studji li jirrigwarda l-assistenza lill-kuntrattur ta' impjant tat-trattament ta' l-ilma f'Chauvinière mingħajr ma l-ewwel ippubblikat avviż ta' kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi imposti fuqha taħt id-Direttiva, b'mod partikolari l-Artikolu 15(2) tagħha.

2)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.