SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Ottubru 2004 (*)

"Varjetajiet ta’ pjanti – Sistema ta’ protezzjoni – Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 u Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1768/95 – Użu mill-bdiewa tal-prodott tal-ħsad – Fornituri ta' servizzi ta’ l-ipproċessar – Obbligu li tipprovdi tagħrif lid-detentur tad-dritt Komunitarju"

Fil-kawża C-336/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Awwissu 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Settembru 2002, fil-kawża

Saatgut-Treuhandverwaltungsgesellschaft mbH

vs

Brangewitz GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts u S. von Bahr (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

wara li rat l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Jannar 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Saatgut-Treuhandverwaltungsgesellschaft mbH, minn K. von Gierke, Rechtsanwalt,

–       għal Brangewitz GmbH, minn M. Miersch, Rechtsanwalt, assistita minn R. Wilhems, Patentanwalt u M. Timmermann, Rechtsanwalt,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing u A. Tiemann, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Olandiż, minn S. Terstal, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun, bħala aġent, assistit minn R. Bierwagen, Rechtsanwalt,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Frar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU L 227, p. 1), u l-Artikolu 9, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1768/95, ta’ l-24 ta’ Lulju 1995, li jimplementa regoli dwar l-eżenzjoni agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 (ĠU L 173, p. 14).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Saatgut-Treuhandverwaltungsgesellschaft mbH (aktar 'il quddiem "STV") u Brangewitz GmbH (aktar 'il quddiem "Brangewitz") dwar tagħrif li din ta’ l-aħħar, bħala fornitur ta' servizzi ta’ l-ipproċessar, hija obbligata li tipprovdi, meta mitluba, lil STV f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar minnha magħmul fuq il-prodott tal-ħsad ta’ varjetajiet ta’ pjanti protetti mir-Regolament Nru 2100/94 u/jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2100/94 jirriżulta li dan jistabbilixxi sistema ta’ drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti bħala l-forma unika u esklużiva tal-Komunità tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali tal-varjetajiet ta’ pjanti.

4       Skond l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament, il-persuna, imsejħa "dak li jkabbar", li hija intitolata għad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti hija dik "li tkun kabbret, jew skopriet jew żviluppat il-varjetajiet jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu".

5       Taħt l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament Nru 2100/94:

"1.      Drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għandu jkollu l-effett li d-detentur jew id-detenturi ta’ drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, hawnhekk iżjed 'ilquddiem imsejjaħ "id-detentur", ikollu d-drittijiet li jagħmel l-atti stabbiliti fil-paragrafu 2.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 u 16, l-atti li ġejjin dwar kostitwenti tal-varjetajiet, jew materjal maħsud tal-varjetajiet protetti, hawnhekk iżjed 'ilquddiem imsejjaħ "il-materjal", għandu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detentur:

(a)      produzzjoni jew riproduzzjoni (moltiplikazzjoni);

(b)      kondizzjonar għall-għan ta’ propagazzjoni;

(ċ)      toffri għall-bejgħ;

(d)      bejgħ jew tqegħid tal-prodott fis-suq;

(e)      esportazzjoni mill-Komunità;

(f)      importazzjoni lejn il-Komunità;

(g)      ħażna għal xi wieħed mill-għanijiet imsemmija fi (a) sa (f).

Id-detentur jista’ jqiegħed fis-suq l-awtorizzazzjoni tiegħu suġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet."

6       Madankollu, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2100/94, jipprovdi li:

"Minkejja l-Artikolu 13(2), u għall-għanijiet tal-ħarsien tal-produzzjoni agrikola, il-bdiewa huma awtorizzati li jużaw għal għanijiet ta’ propagazzjoni fl-għalqa, fuq l-art tagħhom il-prodott tal-ħsad li jkunu akkwistaw permezz taż-[żrigħ], fuq l-art tagħhom, materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet minbarra varjetajiet mħallta jew sintetiċi, li jkunu skoperti minn drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti."

7       L-Artikolu 14(2) ta’ l-istess Regolament jippreċiża li din l-awtorizzazzjoni, magħrufa bħala l-"eżenzjoni agrikola", tapplika biss għall-ispeċiijiet ta’ pjanti agrikoli elenkati fiha. Dawn l-ispeċiijiet huma mqassma f’erba’ kategoriji, li huma l-pjanti ta’ l-għalf, iċ-ċereali, il-patata kif ukoll il-pjanti taż-żejt u l-fibra.

8       Taħt l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94, "[il-]kondizzjonijiet biex jagħtu effett lid-deroga li għaliha jipprovdi l-paragrafu 1 u biex jitħarsu l-interessi leġittimi ta’ dak li jkabbar u tal-bidwi, għandhom ikunu stabbiliti, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, fl-implementazzjoni tar-regoli bis-saħħa ta’ l-Artikolu 114, fuq il-bażi" ta’ ċertu kriterji. Fost dawn il-kriterji hemm li m’għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni kwantitattiva fil--livell ta' l-art tal-bidwi, id-dritt tal-bidwi li jħejji hu nnifsu jew permezz ta’ servizzi mogħtija lilu, il-prodott tal-ħsad fid-dawl ta’ l-ipproċessar tiegħu, l-obbligu għall-bdiewa, ħlief għall-bdiewa ż-żgħar, li jħallsu ħlas xieraq lid-detentur, li għandu jkun sensibilment aktar baxx mill-ammont li jitħallas għall-produzzjoni taħt liċenzja ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ l-istess varjeta fl-istess qasam, u r-responsabbiltà esklużiva tad-detenturi fir-rigward ta’ l-issorveljar taż-żamma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 14.

9       Is-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 jipprevedi wkoll, fost l-imsemmija kriterji, obbligu ta’ tagħrif mill-bdiewa u minn min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar, fit-termini li ġejjin:

"[I]t-tagħrif relevanti għandu jkun ipprovdut lid-detenturi fuq talba tagħhom, minn bdiewa u dawk li jipprovdu s-servizzi ta’ l-ipproċessar; it-tagħrif relevanti jista’ ugwalment jiġi pprovdut minn korpi uffiċjali involuti fis-sorveljar ta’ produzzjoni agrikola, jekk dak it-tagħrif ikun ġie miksub bil-mezz tat-tagħmil or[d]inarju ta’ xogħolhom, mingħajr piżijiet jew spejjeż addizzjonali. Dawn id-dispożizzjonijiet huma bla preġudizzju, dwar id-dettalji personali, għal-legi[ż]lazzjoni tal-Komunità u nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar u ċaqliq ħieles ta’ dettalji personali."

10     Mis-sbatax u mit-tmintax-il premessa tar-Regolament Nru 2100/94 jirriżulta li "l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità fil-varjetà tal-pjanti għandu jkun suġġett għar-restrizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet adottati fl-interess pubbliku", li "din tinkludi t-tħaris tal-produzzjoni agrikola" u li "dak il-għan jeħtieġ awtorizzazzjoni għall-bdiewa biex jużaw il-prodott tal-ħsad għall-propagazzjoni taħt ċerti kondizzjonijiet".

11     Skond l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1768/95 jistabbilixxi r-regoli ta’ implementazzjoni dwar il-kundizzjonijiet biex tidħol fis-seħħ id-deroga prevista fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2100/94.

12     L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jiddisponi li:

"1.      Il-kundizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu implementati kemm mid-detentur, li jirrappreżenta lil dak li jrabbi, u mill-bidwi b’mod illi jiġu mħarsa l-interessi leġittimi ta’ xulxin.

2.      L-interessi leġittimi ma’ jitqiesux imħarsa jekk wieħed jew iktar minn dawn l-interessi huma affettwati ħażin mingħajr ma jittieħed kont tal-bżonn illi jinżamm bilan[ċ] ġust bejn kull wieħed minnhom, jew tal-bżonn ta’ proporzjonalità bejn l-għan tal-kondizzjoni relevanti u l-effett attwali ta’ l-implementazzjoni tagħha."

13     L-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament Nru 1768/95 jipprovdi li:

"1.      Id-dettalji ta’ l-informazzjoni relevanti li trid tingħata mill-persuna li tipproċessa lid-detentur skond is-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku jistgħu ikunu s-suġġett ta’ kuntratt bejn id-detentur u l-proċessur konċernati.

2.      Meta kuntratt bħal dan ma jkunx sar jew [ma] japplikax, dak li jipproċessa għandu, bla ħsara għal ħtiġijiet ta’ informazzjoni skond leġi[ż]lazzjoni oħra tal-Komunita jew skond liġijiet ta’ l-Istati Membri, fuq talba tad-detentur, jagħmel stqarrija lid-detentur dwar l-informazzjoni relevanti. Il-punti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala relevanti:

(a)      isem il-bidwi, il-post tad-domiċilju tiegħu u l-indirizz ta’ l-ażjenda tiegħu;

(b)      [..] jekk [dak li jipproċessa ipprovdiex servizz ta' pproċessar tal-]prodott tal-ħsad li jappartjeni għal varjetà waħda jew iżjed tad-detentur għaż-[żrigħ][meta l-varjetà jew varjetajiet kienu ddikjarati jew kienu magħrufa minn dak li jipproċessa];

(ċ)      jekk dak li jipproċessa jkun ta dan is-servizz, l-ammont tal-prodott tal-ħsad li jappartjeni għall-varjetà jew varjetajiet konċernati, li jkun ġie proċessat biex [jinżera'], minn dak li jipproċessa, u l-ammont kollu li joħroġ minn dak il-proċessar;

(d)      id-dati u l-postijiet ta’ l-ippro[ċe]ssar msemmijin f’ (ċ);

(e)      l-isem u l-indirizz tal-persuna jew persuni li lilhom ikun ingħata s-servizz ta’ proċessar msemmi f’(ċ), u l-ammonti rispettivi."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

14     L-Artikolu 10a(6) tal-Sortenschutzgesetz 1985 (liġi ta’ l-1985 fuq il-protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti) (fil-verżjoni tagħha tal-25 ta’ Lulju 1997, BGBl. 1997 I, p. 3165), li jiddefinixxi obbligu ta’ tagħrif dwar il-varjetajiet ta’ pjanti protetti skond id-dritt Ġermaniż, jiddisponi li:

"Il-bdiewa li jagħmlu użu mill-possibbiltà li jiżrgħu il-prodott tal-ħsad, kif ukoll min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar għan-nom tagħhom, għandhom jgħarrfu d-detenturi tad-drittijiet ta’ varjetajiet tal-pjanti b’kemm hija estiża ż-żrigħ."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15     Il-qorti tar-rinviju jindika li STV hija organizzazzjoni ta’ detenturi ta’ varjetatjiet ta’ pjanti.

16     STV indirizzat talbiet għal tagħrif lil Brangewitz, dwar is-snin finanzjarji 1997/1998 sa 1999/2000, rigward l-operazzjonijiet ta' l-ipproċessar li din ta’ l-aħħar għamlet fuq il-prodott tal-ħsad ta’ xi 500 varjetà ta’ pjanti, li parti minnhom hija protetta mir-Regolament Nru 2100/94 u l-bqija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fir-rigward taż-żrigħ tagħhom.

17     Billi ma rċevietx it-tagħrif mitlub, STV fetħet kawża kontra Brangewitz quddiem il-Landgericht Düsseldorf.

18     Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, in sostenn tar-rikors tagħha, STV ippreżentat numru kbir ta’ dikjarazzjonijiet ta’ żrigħ tal-prodott tal-ħsad, magħmulin minn klijenti ta’ Brangewitz, kif ukoll ta’ xi "kontijiet" u "karti tal-kunsinna" maħruġa minn dan ta’ l-aħħar. Fil-kontijiet, it-tindif, l-ipproċessar u d-diżinfettar huma kkalkolati skond il-kwantitajiet ta’ kull tip ta’ ċereali msemmi. Il-kontijiet jinkludu wkoll parzjalment xi tagħrif dwar il-varjetajiet ta’ pjanti pproċessati.

19     Skond il-qorti tar-rinviju, STV tafferma li, minn dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ żrigħ tal-prodott tal-ħsad, kontijiet u karti tal-kunsinna, jirriżulta li Brangewitz ipproċessat żerriegħa intiza għaż-żrigħ tal-prodott tal-ħsad ta’ għallinqas 71 varjetà tal-pjanti li huma s-suġġett ta’ protezzjoni favur id-detentur jew id-detentur ta’ liċenzja esklużiva li kien inkariga lill-STV sabiex tiddefendi d-drittijiet tiegħu. Minn dan isegwi li Brangewitz hija obbligata li tipprovdi t-tagħrif fir-rigward ta' l-operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar li effettwat fuq iż-żerriegħa tal-prodott tal-ħsad għaż-żrigħ.

20     Brangewitz issostni li STV ma tgawdix minn dritt ġenerali għat-tagħrif.

21     Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-argumentazzjoni ta’ STV ċertament turi li, waqt is-snin finanzjarji 1997/1998 sa 1999/2000 Brangewitz ipprovdiet is-servizzi ta’ l-ipproċessar għal għallinqas 71 varjetà ta’ pjanti protetti. Madankollu, dan l-argument ma jiżvelax li Brangewitz ipproċessat l-varjetajiet kollha tal-pjanti li għalihom ir-rikorrenti talbet tagħrif.

22     Madankollu, skond il-qorti tar-rinviju, STV issostni li, skond id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tas-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1768/95, mhuwiex neċessarju li l-argumentazzjoni jiżvela li Brangewitz ipproċessat il-varjetajiet kollha tal-pjanti li għalihom intalab it-tagħrif.

23     F’dan ir-rigward, minn naħa, din il-qorti tikkunsidra, filwaqt li tirreferi għall-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, fis-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Schulin (C-305/00, Ġabra p. I-3525), jekk min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar għandux jiġi kkonsidrat li huwa marbut li jipprovdi biss it-tagħrif jekk hemm xi indikazzjonijiet li juru li hu pproċessa l-varjetajiet ta’ pjanti protetti kkonċernati.

24     Min-naħa l-oħra, jekk huma biss dawk li jipprovdu s-servizzi ta’ l-ipproċessar li pproċessaw il-materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanta protetta li għandhom jinformaw lid-detentur dwar l-ipproċessar tal-prodott tal-ħsad ta’ din il-varjetà sabiex tinżera', il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dan l-obbligu ta’ tagħrif jestendi għall-bdiewa kollha li għalihom min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar ipproċessa l-varjetà kkonċernata, u mhux biss għall-bdiewa magħrufa mid-detentur u li għalihom dan ta’ l-aħħar wera li l-varjetajiet protetti kienu ġew ipproċesatti minn min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar.

25     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Id-dispożizzjonijiet [tas-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1768/95] għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-detentur ta’ varjetà protetta skond ir-Regolament Nru 2100/94 jista’ jitlob tagħrif minn min jipprovdi […] s-servizzi ta’ l-ipproċessar, indipendentement minn jekk teżistix xi indikazzjoni li turii li […] min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar wettaq tali proċessi fuq l-varjetà ta’ pjanta protetta kkonċernata?

2)      Fil-każ fejn jeżistu indikazzjonijiet rigward il-fatti msemmija fil-punt 1: Min jipprovdi […] s-servizzi ta’ l-ipproċessar għandu jipprovdi, skond id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tas-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1768/95, tagħrif dwar il-bdiewa kollha li għalihom huwa jipprovdi […]servizzi ta’ l-ipproċessar għall-varjetajiet protetti kkonċernati, jew għandu biss jipprovdi dan it-tagħrif fir-rigward tal-bdiewa li dwarhom od-detenturi tal-varjetà għandu indikazzjonijiet li juru li […] min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar wettaq dan l-ipproċessar tal-varjetajiet tal-pjanti in kawża?"

 Fuq l-ewwel domanda

26     Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment titlob jekk id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tas-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru2100/94 u ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1768/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprevedu l-possibbiltà għad-detentur tad-dritt Komunitarju ta’ varjetà ta’ pjanta li jitlob lil min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar it-tagħrif previst minn dawn id-dispożizzjonijiet meta m'għandu l-ebda indikazzjoni ta’ dak li dan ta’ l-aħħar wettaq, jew li jipprevedi li ser iwettaq, tali pproċessar tal-prodott tal-ħsad miksub mill-bdiewa permezz taż-żrigħ ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà tad-detentur u li tibbenefika minn din il-protezzjoni, minbarra varjetà mħallta jew sintetika, u li hija ta’ waħda mill-ispeċijiet ta’ pjanti elenkati fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2100/94.

 L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

27     STV u l-Gvern Ġermaniż isostnu li d-detenturi jibbenefikaw, fir-rigward ta’ min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessarminn dritt ta’ tagħrif wiesa’ f’dak li jirrigwarda l-varjetajiet ta’ pjanti tagħhom. In sostenn ta’ din l-affermazzjoni, huma jinvokaw il-kliem u l-istruttura tad-dispożizzjonijiet tas-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1768/95, kif ukoll l-għan tagħhom, l-iskop tagħhom u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

28     Skond STV u l-Gvern Ġermaniż, mill-kliem u mill-istruttura tar-Regolamenti Nru 2100/94 u 1768/95 jirriżulta li min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar huwa biss obbligat li jipprovdi t-tagħrif fuq il-preparazzjoni tiegħu taż-żerriegħa tal-prodott tal-ħsad għaż-żrigħ taħt l-unika kundizzjoni li d-detentur jitolbu dan.

29     Fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, STV issostni li d-dmir ta’ min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar li jagħti t-tagħrif għandu bħala għan u skop li jikkontrolla t-tagħrif mogħti mill-bdiewa. Kieku d-dritt għat-tagħrif tad-detentur fir-rigward ta’ min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar kien limitat għall-bdiewa li kisbu materjal ta’ propagazzjoni, ma jkunx possibbli li jiġi kkontrollat bidwi li ma jindikax jekk żerax il-prodott tal-ħsad jew jekk ipproċeda għall-ipproċessar taż-żerriegħa mill-prodott tal-ħsad, u jekk ikun il-każ, għand liema impriża.

30     F’dak li jirrigwarda l-iskop tar-regolamenti kkonċernati, il-Gvern Ġermaniż josserva li d-dritt għat-tagħrif tad-detentur fir-rigward ta’ min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar mhuwiex dritt aċċessorju għad-dritt għal indennizz, iżda huwa relazzjoni ġuridiku waħdanija u oriġinali bejn l-imsemmija detentur u min jipprovdi s-servizz. Jekk dan id-dritt għal tagħrif li minnu jibbenefika d-detentur għandu jiddependi mill-prova li jrid jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar b’mod konkret u mwettqa fuq varjetajiet tal-pjanti tiegħu li huma protetti, dan id-drittijiet għandu bħala l-uniku għan li jikkonferma tagħrif ġa magħruf u mhuwiex dritt għat-tagħrif proprju fir-rigward ta’ min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar.

31     Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, STV tosserva li, minħabba l-possibbiltà mogħtija mir-Regolament Nru 2100/94 li jiġu mħejjija, mingħajr awtorizzazzjoni, żerriegħa mill-prodott tal-ħsad miksuba miż-żrigħ ta’ varjetajiet ta’ pjanti protetti, is-servizzi mogħtija minn min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar jikkostitwixxu attività bi qligħ li twassal għal benefiċċji sostanzjali. It-talba għal tagħrif ma tinvolvix spejjeż partikolari jew spiża sproporzjonata għal min jipprovdi s-servizzi ta' l-ipproċessar. Min-naħa l-oħra, id-detenturi huma f’pożizzjoni aktar dgħajfa, billi, jekk ma jiksbux remunerazzjoni għal-liċenzji u għaż-żrigħ tal-prodott tal-ħsad, huma ma jkunux jistgħu jkomplu l-attività tagħhom.

32     Brangewitz hija ta’ l-opinjoni li huwa sproporzjonat li tittieħed biss in kunsiderazzjoni l-kwalità ta’ min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar. Hi tqis li min jipprovdi s-servizzi ta' l-pproċessar għandu biss id-dmir li jagħti t-tagħrif meta d-detentur juri li l-varjetà protetta kienet is-suġġett ta’ servizz ta’ l-ipproċessar fl-impriża ta’ min jipproċessa. Kieku kien mod ieħor, kull min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar jista’ jirċievi numru illimitat ta’ talbiet għal tagħrif mid-detenturi differenti.

33     Il-Gvern Olandiż iqis li l-prinċipju ġenerali li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 2100/94 huwa li jinkiseb bilanċ bejn, minn naħa, l-interessi leġittimi tal-bidwi u ta’ min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar u, min-naħa l-oħra, dawk tad-detentur. Minn dan huwa jikkonkludi li d-detentur għandu jkun jista’ jikseb tagħrif mill-bidwi jew minn min jipproċessa meta jkollu xi ħjiel li jippermettulu jaħseb li ġie użat jew ipproċessat materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà protetta.

34     Il-Kummissjoni tosserva li dawk li jipprovdu s-servizzi ta’ l-ipproċessar ma jidħħlu f'kuntatt mad-detentur la bħala xerrej ta’ żerriegħa u lanqas bħala persuna għandha tħallas remunerazzjoni. Huma jeżerċitaw l-attività tagħhom li jipprovdu s-servizzi fis-sens tar-regolamenti in kwistjoni fir-rigward tal-bdiewa biss. F’dan is-sens, il-grupp ta’ dawk li jipprovdu s-servizzi ta’ l-ipproċessar imsemmija fis-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 m'għandux ikun aktar wiesa' minn dak tal-bdiewa msemmija fl-istess dispożizzjoni li għalih huma jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom.

35     Il-Kummissjoni tqis li mis-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1768/95, u b’mod partikolari, l-inċiż (b) ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, jirriżulta li huma biss dawk li jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar li ħejjew varjetajiet ta’ pjanti protetti u li kienu jafu b'dan jew li setgħu kienu jafu b'dan li għandhom l-obbligu li jagħtu t-tagħrif. Hija għalhekk il-persuna li tixtieq tikseb tagħrif li għandha turi li jeżistu indikazzjonijiet veri li juru li dak li jipprovdi s-servizzi ta' l-ipproċessar in kwistjoni wettaq pprovda tali servizzi sabiex tiġi pproċessata ż-żerriegħa protetta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36     L-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94, l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt Komunitarju ta’ varjetà ta’ pjanta hija meħtieġa, f’dak li jirrigwarda il-kostitwenti tal-varjetà jew tal-materjal li nħasad tal-varjetà protetta, b’mod partikolari, għall-produzzjoni jew għar-riproduzzjoni (moltiplikazzjoni) u għall-ikkundizzjonar għall-għan ta’ propagazzjoni.

37     Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14 ta’ l-imsemmi Regolament, li, hekk kif jirriżulta mis-sbatax u t-tmintax-il premessa tiegħu, kienu adottati fl-interess pubbliku tal-ħarsien tal-produzzjoni agrikola, jikkostitwixxu eċċezzjoni għal din ir-regola (ara s-sentenza Schulin, iċċitata aktar 'il fuq, punt 47).

38     L-Artikolu 14(1) jawtorizza lill-bdiewa li jużaw, għall-iskop tal-propagazzjoni fl-għalqa fuq l-art tagħhom, il-prodott tal-ħsad miksub biż-żrigħ, fuq l-art tagħhom, ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta' varjetà li tibbenefika minn dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti, minbarra varjetajiet mħallta jew sintetiċi, għal waħda mill-ispeċjijiet ta’ pjanti elenkati fl-Artikolu 14(2) (aktar 'il quddiem il-"varjetà suġġetta għal dan il-privileġġ").

39     L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 jippreċiza li l-kundizzjonijiet li jagħtu effett għad-deroga prevista fl-Artikolu 14(1) u li jħarsu l-interessi leġittimi ta’ dak li jkabbar u tal-bidwi huma stabbiliti f'regoli ta' implementazzjoni abbażi ta’ numru ta’ kriterji. Fost dawn, l-imsemmi Artikolu 14(3) jipprevedi, fir-raba’ inċiż tiegħu, li, ħlief għall-bdiewa ż-żgħar, "bdiewa oħrajn ikunu meħtieġa li jħallsu ħlas xieraq lid-detentur " u, fis-sitt inċiż tiegħu, li "it-tagħrif relevanti għandu jkun ipprovdut lid-detenturi fuq talba tagħhom, minn bdiewa u dawk li jipprovdu s-servizzi ta’ l-ipproċessar".

40     Kuntrarjament għal dak li tippretendi STV, mill-istruttura ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2100/94, bit-titolu "Deroga mid-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti", kif ukoll mill-kliem ta’ l-Artikolu 14(3), jirriżulta li s-sitt inċiż ta’ dan il-paragrafu ma jirreferix għal kull min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar.

41     Fil-fatt, l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94, li, minbarra dan, jipprovdi espressament li l-kundizzjonijiet li jippermettu li tingħata effett lid-deroga stabbilita mill-paragrafu 1 ta’ l-istess Artikolu huma stabbiliti f'regoli ta’ implementazzjoni, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-paragrafu 1 u ma jistax għaldaqstant jirreferi għal każijiet li fihom din id-deroga lanqas ma tista' tiġi applikata (ara s-sentenza Schulin, iċċitata aktar il-fuq, punt 52).

42     Għalhekk, minn naħa, mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2100/94 jirriżulta li din id-deroga tapplika biss għall-ispeċjijiet ta’ pjanti agrikoli li huma speċifikament imsemmija. Minn dan isegwi li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, huma biss dawk li jipprovdu s-servizzi ta’ l-ipproċessar li wettqu tali proċessar tal-prodott tal-ħsad miksub miż-żrigħ tal-pjanti elenkati fl-Artikolu 14(2) li huma koperti mid-deroga, billi dawn l-ispeċji huma l-uniċi li għalihom tapplika.

43     Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2100/94, id-dritt tal-bdiewa li jiżirgħu, mingħajr awtorizzazzjoni bil-quddiem tad-detentur, il-prodott tal-ħsad miksub biż-żrigħ tal-materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà suġġetta għall-privileġġ għandha bħala korollarju l-obbligu tagħhom li jipprovdu, fuq talba ta’ dan id-detentur, it-tagħrif relevanti u, ħlief għall-bdiewa ż-żgħar, li jħallsuh ħlas ekwu. B'dan il-mod jiġu imħarsa l-interessi leġittimi reċiproki tal-bdiewa u tad-detenturi fir-relazzjonijiet diretti tagħhom.

44     Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar, it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 jippreċiża li l-prodott tal-ħsad jista’ jkun ippreparat sabiex jinżera' "mill-bidwi nnifsu jew permezz ta’ servizzi mogħtija lilu". Għaldaqstant, huma l-bdiewa li jiddeċiedu jekk jirrikorrux għas-servizzi ta’ min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar jew jekk humiex se jħejju huma stess il-prodott tal-ħsad. Id-dritt ta’ min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar li jwettaq tali pproċessar huwa fil-fatt ġej mid-dritt tal-bidwi, skond l-Artikolu 14(1), li jiżra’ il-prodott tal-ħsad miksub miż-żrigħ ta’ varjetà li tibbenefika mill-protezzjoni Komunitarja, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tad-detentur.

45     Konsegwentement, l-obbligu ta’ min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar li jipprovdi tagħrif lid-detentur jiddependi wkoll mill-użu minn bidwi tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2100/94 u mid-deċiżjoni tiegħu li jirrikorri għas-servizzi ta’ min jipproċessa il-prodott tal-ħsad għall-preparazzjoni tal-prodott tal-ħsad.

46     Minn dan isegwi li d-dritt tad-detentur li jitlob lil min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar it-tagħrif relevanti jiddependi fil-prinċipju fuq it-twettiq ta’ dan ta’ l-aħħar ta’ tali pproċessar tal-prodott tal-ħsad għal bidwi li juża jew ser juża, għall-benefiċċju tiegħu, id-deroga prevista fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2100/94 jew, fi kliem ieħor, it-twettiq minn dak li jipproċessa ta’ tali pproċessar tal-prodott tal-ħsad, miksub minn bdiewa biż-żrigħ ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà suġġetta għall-privileġġ, sabiex din tinżera'.

47     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mhuwiex rilevanti jekk, kif isostnu STV u l-Gvern Ġermaniż, dawk li jipprovdu s-servizzi ta’ l-ipproċessar, fl-interess professjonali tagħhom stess, jipproċessawx iż-żerriegħa tal-prodott tal-ħsad intiż għaż-żrigħ ta’ kull varjetà li l-bdiewa jikkunsinnawlhom, inklużi magħhom, mingħajr dubju, żerriegħa ta’ varjetajiet li jibbenefikaw minn protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet tal-pjanti, kuntrarjament għall-bdiewa li, abbażi, b’mod partikolari, tal-pożizzjoni ġeografika ta’ l-artijiet tagħhom, tal-kundizzjonijiet tal-klima kif ukoll tal-possibbiltà ta’ bejgħ, jagħmlu għażla konxja tal-varjetajiet u ta’ l-użu jew le tal-prodott tal-ħsad .

48     Fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1768/95, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, billi dan ir-regolament huwa regolament ta’ applikazzjoni li jippreċiża l-kundizzjonijiet li jippermettu li jingħata effett lid-deroga prevista fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2100/94, id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jistgħux, f’kull każ, jimponu fuq min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar obbligi ta’ portata akbar minn dawk li jirriżultaw mir-Regolament Nru 2100/94 (ara, f’dak li jirrigwarda l-bdiewa, is-sentenza Schulin, iċċitata aktar 'il fuq, punt 60).

49     Minbarra dan, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1768/95 jippreċiża li d-dettall tat-tagħrif mogħti minn min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar lid-detentur skond is-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 jista’ jkun is-suġġett ta’ kuntratt bejn "id-detentur u l-proċessur konċernati". Għalhekk, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 9(2), li tipprovdi li, meta ma jkun ġie konkluż jew ma huwa applikabbli ebda kuntratt ta’ dan it-tip, il-"persuna li tipproċessa" trid tikkomunika lid-"detentur", fuq talba ta’ dan ta' l-aħħar, dikjarazzjoni dwar tagħrif relevanti, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tirrigwarda biss, bħall-Artikolu 9(1), id-detentur u l-persuna li tipproċessa kkonċernati (ara, f’dak li jirrigwarda l-bdiewa, is-sentenza Schulin, iċċitata aktar 'il fuq, punt 61).

50     L-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 1768/95, li jippreċiża li min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar huwa obbligat li jindika lid-detentur, wara li ssir talba għal dan il-għan, jekk pproċessax il-prodott tal-ħsad, li jagħmel parti minn varjetà waħda jew iżjed tad-detentur, sabiex dan jinżera', "meta l-varjetà jew varjetajiet kienu ddikjarati jew kienu magħrufa minn dak li jipproċessa ", huw bbażat fuq l-istess kunċett. Fil-fatt, mill-istess kliem użat fiha jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss lil dawk li jipproċessaw li jkunu wettqu tali pproċessar tal-prodott tal-ħsad miksub miż-żrigħ ta’ varjetà tad-detentur u li tibbenefika mill-protezzjoni Komunitarja.

51     Minn dak li kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1768/95 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lid-detenturi li jeżiġu li kull min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar jagħti kull informazzjoni rilevanti meta mitlub.

52     Madankollu, mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94, b’mod partikolari mit-tieni u mis-sitt inċiżi, jirriżulta li l-obbligu fuq min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar li jipprovdi t-tagħrif lid-detentur għandu l-għan li jippermettilu jivverfika jekk xi bdiewa użawx għall-benefiċċju tagħhom id-deroga prevista fl-Artikolu 14(1) f’dak li jirrigwarda waħda mill-varjetajiet tiegħu li jibbenefikaw minn protezzjoni Komunitarja kif ukoll, jekk ikun il-każ, f’liema kwantitajiet, b’mod partikolari biex jiġi stabbilit, b'mod korrett, l-ammont ta’ ħlas dovut, u li l-imsemmi obbligu huwa bbażat fuq il-fatt li min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar jassisti lill-bidwi, fl-eżerċizzju, minn dan ta’ l-aħħar, tad-drittijiet li għandu bis-saħħa ta' l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2100/94.

53     Għalhekk minħabba, minn naħa, id-diffikultà għad-detentur asabiex jimplementa d-dritt tiegħu għal tagħrif fir-rigward tal-bdiewa, minħabba l-fatt li l-eżami ta’ pjanta ma jippermettix li jiġi stabbilit jekk inkisbitx bl-użu tal-prodott tal-ħsad jew bix-xiri ta' żerriegħa, u min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ tħaris ta’ l-interessi leġittimi reċiproki ta’ dak li jkabbar u tal-bidwi, kif jirriżulta mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1768/95 (ara s-sentenza Schulin, iċċitata aktar 'il fuq, punt 63), id-detentur għandu jkun awtorizzat li jitlob, minn min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar, tagħrif dwar waħda mill-varjetajiet tiegħu suġġetti għall-privileġġ meta jkollu indikazzjoni li dan ta’ l-aħħar wettaq, jew jipprevedi li ser iwettaq, servizzi ta’ pproċessar tal-prodott tal-ħsad miksub miż-żrigħ tal-materjal ta’ propagazzjoni ta’ l-imsemmija varjetà sabiex din tinżera'. Għandu jiġi ppreċiżat li dan id-dritt tad-detentur ma jiddependix fuq jekk il-varjetajiet ikkonċernati ġewx iddikjarati lil min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar jew jekk kienu magħrufa minnu.

54     Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tas-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1768/95 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li huma jipprevedu l-possibbiltà għad-detentur ta’ dritt tal-Komunità ta’ varjetà ta’ pjanta li jitlob lil min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar it-tagħrif previst mill-imsemmija dispożizzjonijiet meta m'għandux xi indikazzjoni li dan ta’ l-aħħar ipproċessa, jew li jipprevedi li ser jipproċessa l-prodott tal-ħsad miksub mill-bdiewa biż-żrigħ ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà tad-detentur suġġetta għall-privileġġ, sabiex din tinżera'.

 Fuq it-tieni domanda

55     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, meta d-detentur ikollu indikazzjonijiet li min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar wettaq, jew jipprevedi li ser iwettaq, tali pproċessar tal-prodott tal-ħsad miksub minn bdiewa biż-żrigħ ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà tad-detentur suġġetta għall-privileġġ, id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tas-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1768/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jobbligaw lill-persuna li tipprovdi s-servizzi ta# pproċessar ikkonċernata li tipprovdi t-tagħrif dwar il-bdiewa kollha li għalihom wettqet tali pproċessar tal-varjetà in kwistjoni jew biss dawk dwar il-bdiewa li dwarhom id-detentur għandu indikazzjonijiet li min jipproċessa wettaq dan l-ipproċessar għalihom fuq il-varjetà protetta.

 L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

56     Brangewitz issostni li, billi d-detentur għandu biżżejjed possibbilitajiet biex jiddefendi d-drittijiet tiegħu kontra l-bdiewa li jużaw il-varjetajiet protetti tiegħu, it-talba għal tagħrif indirizzata lil min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar tista' sservi biss sabiex tikkontrolla kemm l-informazzjoni dwar bidwi hija eżatta u kompleta.

57     Kieku kienu awtorizzati jistaqsu lil min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar, kieku d-detenturi jiksbu tagħrif dwar il-bdiewa li dawn ta’ l-aħħar stess mhumiex obbligati li jipprovdu fil-kuntest ta’ sempliċi talba għal tagħrif u li, skond l-Artikolu 8(5) u (6) tar-Regolament Nru 1768/95, għandha biss tiġi kkomunikata lid-detenturi minn terzi f'każ ta' awtorizzazzjoni mill-bdiewa.

58     STV, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni huma ta’ l-opinjoni li min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar li jipproċessa żerriegħa ta’ varjetà protetta għandu javża d-detentur rigward il-bdiewa kollha li jkunu nkarigawh li jipproċessa din il-varjetà, u mhux biss rigward dawk ġa magħrufa mid-detentur.

59     Il-Gvern Olandiż iqis li l-obbligu ta’ tagħrif li għandu min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar għandu jkun estiż għall-bdiewa kollha li dwarhom id-detentur ta’ l-ispeċji protetta għandu indikazzjonijiet li minnhom jirriżulta li kellhom żerriegħa ta’ din l-ispeċji pproċessata minn min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60     Għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, d-dritt tad-detentur li jitlob lil min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar it-tagħrif relevanti jiddependi, fil-prinċipju, fuq it-twettiq minn min jipproċessa ta’ operazzjonijiet ta' pproċessar bħal dawn fuq il-prodott tal-ħsad miksub mill-bdiewa biż-żrigħ ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà tad-detentur suġġetta għall-privileġġ, din sabiex tinżera'.

61     Għalhekk, jekk, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, id-detentur jista’ jitlob tagħrif dwar waħda minn dawn il-varjetajiet tiegħu suġġetto għall-privileġġ minn min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar meta jkollu indikazzjoni li dan ta’ l-aħħar wettaq, jew jipprevedi li ser iwettaq, tali pproċessar tal-prodott tal-ħsad miksub mill-bdiewa miż-żrigħ tal-materjal ta’ propagazzjoni ta’ din il-varjetà sabiex tinżera', fil-prinċipju, għandu jsegwi li, jekk ikun il-każ, min jipproċessa għandu jipprovdilu t-tagħrif relevanti dwar il-bdiewa kollha li għalihom wettaq tali pproċessar fir-rigward tal-varjetà kkonċernata.

62     Fil-fatt, hekk kif osservat il-Kummissjoni, l-obbligu ta’ tagħrif minn min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar, minkejja li jiddependi fuq l-użu minn bidwi tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2100/94 u fuq id-deċiżjoni tagħha li tirrikorri għas-servizzi ta’ min jipproċessa, huwa marbut mal-varjetajiet tal-pjanti li huwa pprepara u mhux mal-klijent tiegħu li huwa bidwi.

63     Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1768/95, li jipprovdi li dak li jipproċessa għandu jagħmel stqarrija dwar l-informazzjoni rilevanti lid-detentur, fuq talba ta’ dan ta’ l-aħħar, li tinkludi jekk wettaqx servizzi ta’ l-ipproċessar tal-prodott tal-ħsad ta’ waħda jew aktar varjetajiet tad-detentur, sabiex din tinżera', il-kwantità tal-prodott tal-ħsad tal-varjetà jew varjetajiet ikkonċernati li li kienu suġġetti għal dan l-ipproċessar, id-dati u fejn seħħ dan l-ipproċessar kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-persuna jew persuni li għaliha jew għalihom ipprovda s-servizzi ta’ l-ipproċessar. Fil-fatt, komunikazzjoni bħal din hija neċessarja meta d-detentur jiddisponi biss minn indikazzjoni li dak li jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar wettaq, jew jipprevedi li ser iwettaq, operazzjonijiet ta' pproċessar bħal dawn fuq il-prodott tal-ħsad miksub minn bdiewa permezz taż-żrigħ ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà tad-detentur għaż-żrigħ (ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ tagħrif tal-bdiewa, is-sentenza Schulin, iċċitata aktar 'il fuq, punt 64).

64     Madankollu, ir-Regolament Nru 2100/94 ma jimponix fuq min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar obbligu li jiksbu tagħrif fuq il-varjetà taż-żerriegħa li fuqhom wettqu tali pproċessar. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-bdiewa li dwarhom id-detentur m'għandux indikazzjoni jekk dak li jipproċessa wettaq jew jipprevedi li ser iwettaq għalihom servizzi ta’ l-ipproċessar tal-varjetà ikkonċernata, l-obbligu li dan ta’ l-aħħar għandu li jipprovdi t-tagħrif relevanti lid-detentur japplika biss fil-każijiet fejn il-varjetà ġiet iddikjarata minn min jipproċessa jew kienet magħrufa minnu, kif jirriżulta mill-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 1768/95.

65     Minn dan isegwi li, ladarba d-detentur ikollu indikazzjoni li dak li jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar wettaq, jew jipprevedi li ser iwettaq, tali pproċessar tal-prodott tal-ħsad miksub mill-bidwi biż-żrigħ ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà tad-detentur għaż-żrigħ, min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar huwa obbligat li jipprovdilu t-tagħrif relevanti mhux biss dwar il-bdiewa li, fil-każ tagħhom, id-detentur għandu indikazzjonijiet li dak li jipproċessa wettaq, jew jipprevedi li ser iwettaq, l-imsemmi pproċessar, iżda wkoll dwar il-bdiewa kollha l-oħra li għalihom wettaq, jew jipprevedi li ser iwettaq dan l-ipproċessar, meta l-varjetà in kwistjoni ġiet iddikjarata lil min jipprovdi s-servizzi ta' l-ipproċessar jew kienet magħrufa minnu.

66     Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tas-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1768/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta d-detentur għandu indikazzjoni li dak li jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar wettaq, jew jipprevedi li ser iwettaq, tali servizzi ta' l-ipproċessar fuq il-prodott tal-ħsad miksub mill-bdiewa permezz taż-żrigħ ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà għaż-żrigħ tad-detentur li hija pprivileġġjata, min jipprovdi s-servizzi ta' l-ipproċessar huwa obbligat li jipprovdilu t-tagħrif relevanti dwar mhux biss il-bdiewa li dwarhom id-detentur għandu indikazzjonijiet ta’ dak li wettaq jew jipprevedi li ser iwettaq min jipprovdi s-servizzi ta' l-ipproċessar, iżda wkoll dwar il-bdiewa kollha l-oħra li għalihom wettaq, jew jipprevedi li ser iwettaq, servizzi ta’ l-ipproċessar tal-prodott tal-ħsad miksub biż-żrigħ ta’ materjal ta’ propogazzjoni tal-varjetà kkonċernata meta l-varjetà in kwistjoni ġiet iddikjarata lil min jipprovdi s-servizzi ta' l-ipproċessar jew kienet magħrufa minnu.

 Fuq l-ispejjeż

67     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tas-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità u ta' l-Artikolu 9, tar-Regolament tal-Kummissijoni (KE) Nru 1768/95, ta’ l-24 ta’ Lulju 1995, li jimplementa regoli dwar l-eżenzjoni agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li huma jipprevedu l-possibbiltà għad-detentur ta’ dritt tal-Komunità ta’ varjetà ta’ pjanta li jitlob, lil min jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar, it-tagħrif previst mill-imemmija dispożizzjonijiet meta m'għandux xi indikazzjoni li dan ta’ l-aħħar ipproċessa, jew li jipprevedi li ser jipproċessa, il-prodott tal-ħsad miksub mill-bdiewa biż-żrigħ ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà għaż-żrigħ, li hija tad-detentur u li tibbenefika minn din il-protezzjoni, minbarra varjetà mħallta jew sintetika, u li tagħmel parti mill-ispeċijiet ta’ pjanti agrikoli elenkati fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2100/94.

2)      Id-dispożizzjonijiet magħquda meħuda flimkien tas-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1768/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta d-detentur għandu indikazzjoni li dak li jipprovdi s-servizzi ta’ l-ipproċessar wettaq, jew jipprevedi li ser iwettaq, tali servizzi ta' l-ipproċessar fuq il-prodott tal-ħsad miksub mill-bdiewa permezz taż-żrigħ ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà għaż-żrigħ li hija tad-detentur u li tibbenefika mill-protezzjoni Komunitarja għall-varjetajiet tal-pjanti, barra minn varjetà mħallta jew sintetika, u li tagħmel parti mill-ispeċijiet ta’ pjanti agrikoli elenkati fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2100/94, min jipprovdi s-servizzi ta' l-ipproċessar huwa obbligat li jipprovdilu t-tagħrif relevanti dwar mhux biss il-bdiewa li dwarhom id-detentur għandu indikazzjonijiet ta’ dak li wettaq jew jipprevdi li ser iwettaq min jipprovdi s-servizzi ta' l-ipproċessar, iżda wkoll dwar il-bdiewa kollha l-oħra li għalihom wettaq, jew jipprevedi li ser iwettaq, servizzi ta’ l-ipproċessar tal-prodott tal-ħsad miksub biż-żrigħ ta’ materjal ta’ propogazzjoni tal-varjetà kkonċernata meta l-varjetà in kwistjoni ġiet iddikjarata lil min jipprovdi s-servizzi ta' l-ipproċessar jew kienet magħrufa minnu.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.