SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta' Diċembru 2004 (*)

"Ambjent – Moviment liberu tal-merkanzija – Imballaġġi u skart mill-imballaġġi – Direttiva 94/62/KE – Obbligi ta' depożitu u ta' ritorn għall-imballaġġi li jintużaw darba skond il-perċentwali totali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw"

Fil-kawża C-309/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234KE,

ippreżentata mill-Verwaltungsgericht Stuttgart (Il-Germanja), permezz tad-deċiżjoni tal-21 ta' Awwissu 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Awwissu 2002, fil-kawża

Radlberger Getränkegesellschaft mbH & Co.,

S. Spitz KG

vs

Land Baden-Württemberg

 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President ta' l-Awla, P. Jann u K. Lenaerts (Relatur), Presidenti ta' Awli, C. Gulmann, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,


      

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta' Marzu 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Radlberger Getränkegesellschaft mbH & Co u S. Spitz KG, minn R. Karpenstein, Rechtsanwalt,

–       għall-Land Baden-Württemberg, minn L.-A. Versteyl, Rechtsanwalt,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing u A. Tiemann, bħala aġenti, assistiti minn D. Sellner, Rechtsanwalt,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u D. Petrausch, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Taljan, minn I..M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Olandiż, minn S. Terstal u C. Wissels, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Grunwald u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE, ta' l-20 ta' Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, p. 10) u ta' l-Artikolu 28 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' rikors immressaq minn Radlberger Getränkegesellschaft mbH & Co u S. Spitz KG, kumpanniji Awstrijaċi li jipproduċu xarbiet, kontra l-Land Baden-Württemberg.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 94/62

3       Skond l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 94/62 għandha bħala għan l-armonizzazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jirrigwardaw l-amministrazzjoni ta’ l-imballaġġi u ta’ l-iskart mill-imballaġġi sabiex, min-naħa, ma jkun hemm l-ebda impatt minn dawn fuq l-ambjent ta’ l-Istati Membri jew ta’ pajjiżi terzi jew sabiex jitnaqqas l-impatt, biex b’hekk jiġi pprovdut livell għoli ta’ ħarsien ambjentali, u sabiex, minn naħa l-oħra, jiġi assigurat il-funzjonament tas-suq intern u jiġi evitat xkiel fil-kummerċ u distorsjonijiet u restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-Komunità.

4       L-Artikolu 1(2) ta' din id-Direttiva jistabbilixxi "miżuri mmirati, bħala l-ewwel prijorità, lejn it-twaqqif tal-produzzjoni ta’ l-iskart mill-imballaġġ u, bħala prinċipji fundamentali addizzjonali, lejn l-użu mill-ġdid ta’ l-imballaġġ, lejn ir-riċiklaġġ u lejn forom oħra ta’ l-irkupru ta’ l-iskart mill-imballaġġ u, b’hekk lejn it-tnaqqis tal-qerda finali ta’ dan l-iskart."

5       L-Artikolu 5 ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi li:

"L-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu sistemi ta’ użu mill-ġdid ta’ l-imballaġġ, li jista’ jintuża mill-ġdid b’mod li jħares l-ambjent, f’konformità mat-Trattat."

6       L-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/62 jipprovdi li:

"1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu stabbiliti sistemi biex jipprovdu:

a)      għar-ritorn u/jew għall-ġbir ta’ l-imballaġġ użat u/jew l-iskart mill-imballaġġ mingħand il-konsumatur, utent finali ieħor, jew mill-gabra finali ta’ l-iskart sabiex jiġi mgħoddi lis-sistemi alternattivi ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart l-aktar addattati;

b)      għall-użu mill-ġdid jew għall-irkupru inkluż ir-riċiklaġġ ta’ l-imballaġġ u/jew l-iskart mill-imballaġġ miġbur

sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti b’din id-Direttiva.

Dawn is-sistemi għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ l-operaturi ekonomiċ tas-setturi interessati u għall-parteċipazzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Għandhom jgħoddu wkoll għall-prodotti importati, taħt kondizzjonijiet mhux diskriminatorji, inklużi l-arranġamenti dettaljati u kull tariffa imposta għall-aċċess għas-sistemi, u għandhom jiġu ddisinjati sabiex jevitaw xkiel għall-kummerċ jew distorsjoni tal-kompetizzjoni f’konformità mat-Trattat.

2.      Il-miżuri riferiti fil-paragrafu 1 għandhom jiffurmaw parti mill-politika li tkopri l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ kollu u għandhom iqisu, b’mod partikolari, il-ħtiġiet tal-protezzjoni tas-saħħa ambjentali u tal-konsumatur, tas-sigurtà u ta’ l-iġjene; il-protezzjoni tal-kwalità, ta’ l-awtentiċità u l-karatteristiċi tekniċi tal-merkanzija imballata u tal-materjali użati; u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali u kummerċjali."

7       L-Artikolu 18 ta' l-istess Direttiva jipprovdi li:

"L-Istati Membri m’għandhomx ifixklu t-tqegħid fis-suq tat-territorju tagħhom ta’ l-imballaġġ li jissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8       Il-Verordnung über die Vermeidung und Verwertung von Verpackungsabfällen (Digriet dwar il-prevenzjoni u l-irkupru ta' skart mill-imballaġġi) tal-21 ta' Awwissu 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2379, aktar 'il quddiem il-"VerpackV"), jipprovdi diversi miżuri ta' prevenzjoni u ta' tnaqqis ta' l-impatt ta' l-iskart mill-imballaġġ fuq l-ambjent. Il-VerpackV għandu l-għan, b'mod partikolari, li jittrasponi d-Direttiva 94/62 u ħa post il-Verordnung über die Vermeidung von Verpackungsabfällen (Digriet dwar il-prevenzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi) tat-12 ta' Ġunju 1991 (BGBl. 1991 I, p. 1234).

9       L-Artikolu 6 (1) u (2) tal VerpackV jistabbilixxi l-obbligi segwenti:

"1. Id-distributur għandu l-obbligu li jieħu lura mingħajr ħlas, fil-post fejn effettivament isseħħ il-kunsinna jew qrib tiegħu, l-imballaġġi ta' bejgħ vojta użati mill-konsumatur finali, li jirkuprahom skond ir-rekwiżiti definiti fil-punt 1 ta' l-Anness I, u li jissodisfa r-rekwiżiti definiti fil-punt 2 ta' l-Anness I. Ir-rekwiżiti ta' rkupru jistgħu jiġu wkoll sodisfatti permezz ta' użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi jew billi dawn jintbgħatu lura għand id-distributur jew il-produttur hekk kif previst fil-paragrafu 2. Id-distributur għandu jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur privat għall-possibbiltà ta' ritorn, prevista fl-ewwel sentenza, permezz ta' avviżi li jkunu viżibbli u li jistgħu jinqraw b'mod ċar. L-obbligu stabbilit mill-ewwel sentenza huwa limitat għat-tipi, il-forom u d-daqsijiet ta' imballaġġi kif ukoll għall-imballaġġi ta' prodotti li jagħmlu parti mill-assortiment tad-distributur. Fir-rigward tad-distributuri li l-post tal-bejgħ tagħhom ikun ta' anqas minn 200 m2, l-obbligu ta' ritorn huwa llimitat għall-imballaġġi tat-trade marks ikkummerċjalizzati mid-distributur. Fil-każ ta' bejgħ bil-korrispondenza, dan ir-ritorn għandu jkun assigurat permezz ta' possibilitajiet xierqa ta' ritorn li jkunu qrib biżżejjed tal-konsumatur finali. Il-possibbiltà ta' ritorn għandha tkun indikata fl-ispedizzjoni tal-merkanzija u fil-katalogi. Jekk l-imballaġġi ta' bejgħ ma jkunux ġejjin minn konsumaturi privati, jistgħu jintlaħqu ftehimijiet li jidderogaw minn dan l-obbligu fir-rispett tal-post ta' ritorn u s-sistema ta' l-ispejjeż. Jekk id-distributuri ma jissodisfawx l-obbligi stabbiliti mill-ewwel sentenza billi jieħdu lura l-imballaġġi fil-post tal-bejgħ, huma għandhom jassiguraw ir-rispett tagħha permezz ta' sistema bħal dik prevista fil-paragrafu 3. F'dak li jirrigwarda distributuri ta' imballaġġi li, fil-każ tagħhom, il-parteċipazzjoni f'sistema bħal dik prevista fil-paragrafu 3 hija eskluża, ir-rekwiżiti ta' rkupru previsti fl-Artikolu 4(2) għandhom, mutatis mutandis u b'deroga mill-ewwel sentenza, japplikaw.

2. Il-produtturi u d-distributuri għandhom l-obbligu li, fil-post effettiv tal-bejgħ, jieħdu lura, mingħajr ħlas, l-imballaġi li d-distributuri jkunu ġabru skond il-paragrafu 1, li jirkuprawhom skond ir-rekwiżiti definiti fil-punt 1 ta' l-Anness I u li jissodisfaw ir-rekwiżiti definiti fil-punt 2 ta' l-Anness I. Ir-rekwiżiti ta' rkupru jistgħu wkoll jiġu sodisfatti permezz ta' użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi. L-obbligi stabbiliti mill-ewwel sentenza huma limitati għat-tipi, il-forom u d-daqsijiet ta' imballaġġi kif ukoll għall-imballaġġi ta' prodotti li l-produtturi u d-distributuri jikkummerċjalizzaw rispettivament. It-tmien, id-disa' u l-għaxar sentenza tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw mutatis mutandis."

10     Skond il-paragrafu 3 ta' dan l-istess Artikolu, dawn l-obbligi ta' teħid lura u ta' rkupru jistgħu wkoll, fil-prinċipju, jiġu sodisfatti bil-parteċipazzjoni tal-produttur jew tad-distributur f'sistema globali ta' ġbir ta' l-imballaġġi ta' bejgħ użati. Hija l-awtorita reġjonali kompetenti li għandha tikkonstata li din is-sistema tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mill-VerpackV fir-rigward tar-rata ta' kopertura tagħha.

11     Skond l-Artikolu 8(1) tal-VerpackV, id-distributuri li jikkummerċjalizzaw prodotti ta' l-ikel likwidi ppakkjati f'imballaġġi għax-xorb li ma jistgħux jerġgħu jintużaw huma obbligati li jżommu mingħand min jixtri depożitu ta' mhux inqas minn EUR 0.25 għal kull imballaġġ, bit-taxxa fuq il-valur miżjud inkluża. Dan l-ammont minimu ta' depożitu huwa ta' EUR 0.50, bit-taxxa fuq il-valur miżjud inkluża, meta l-volum ta' l-ippakkjar jkun ta' aktar minn 1.5 litri. Id-depożitu għandu jinġabar minn kull distributur suċċessiv, f'kull stadju tal-kummerċjalizzazzjoni, sakemm ikun hemm il-bejgħ lill-konsumatur finali. Id-depożitu jiġi mħallas lura meta l-imballaġġ jittieħed lura skond l-Artikolu 6 (1) u (2) tal-VerpackV.

12     Skond l-Artikolu 9(1) tal-VerpackV, dan id-depożitu obbligatorju mhuwiex applikabbli għal dawk l-imballaġġi li l-produttur jew id-distributur ma jkunux obligati li jieħdu lura minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f'sistema globali ta' ġbir bħal dik prevista fl-imsemmi Artikolu 6(3) iċċitat aktar 'il fuq.

13     Madankollu, il-VerpackV, fl-Artikolu 9(2) tagħha, tipprovdi għal ċirkustanzi fejn, fir-rigward ta' ċerti xarbiet, ma jistax isir użu mill-Artikolu 6(3). Din id-dispożizzjoni tipprovdi kif ġej:

"Meta, fit-territorju fejn japplika dan id-Digriet, il-perċentwali ta' xarbiet ippakkjati f'imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw, kemm jekk dawn ikunu tal-birra, ta' l-ilma minerali (inkluż l-ilma ġieri, l-ilma tal-mejda u l-ilma minerali), ta' xarbiet rinfreskanti effervexxenti, ta' meraq tal-frott […] jew ta' l-imbid […], b'mod globali, tinżel għal anqas minn 72% matul is-sena, ikun hemm lok li ssir evalwazzjoni ġdida tal-perċentwali relevanti ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw għall-perijodu ta' tnax-il xahar li jsegwi t-tħabbir li l-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw ma ntlaħqitx. Meta fit-territorju federali l-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw tkun anqas mill-perċentwali prevista fl-ewwel sentenza, id-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 6(3) għandha tiġi meqjusa bħala annullata, għat-territorju federali kollu, sa mill-ewwel ġurnata tas-sitt xahar li jsegwi l-pubblikazzjoni prevista fil-paragrafu 3, fir-rigward tax-xarbiet li għalihom ma jkunx intlaħqet il-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw stabbilita fl-1991 […]"

14     Skond l-Artikolu 9(3) tal-VerpackV, il-Gvern Ġermaniż għandu ta' kull sena jippubblika l-perċentwali rilevanti, previsti fil-paragrafu 2 ta' l-imsemmi Artikolu, li jirrigwardaw xarbiet ippakkjati f'imballaġġi li jkunu aħjar mil-lat ekoloġiku. Skond il-paragrafu 4 ta' dan l-istess Artikolu, l-awtorita kompetenti għandha, wara li ssir talba jew ex officio, tagħmel evalwazzjoni ġdida skond l-Artikolu 6(3), ladarba l-perċentwali rilevanti għax-xarbiet ippakkjati f'imballaġġi bħal dawn terġa' tintlaħaq wara li kien hemm deċiżjoni ta' revoka.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jesportaw lejn il-Ġermanja, f'imballaġġi li jintużaw darba u li jistgħu jkunu rkuprati, xarbiet rinfreskanti effervexxenti, meraq tal-frott u xarbiet oħra mhux effervexxenti kif ukoll l-ilma tal-mejda. Għall-finijiet ta' l-irkupru ta' dawn l-imballaġġi, huma daħlu fis-sistema ta' ġbir globali mmexxija mill-kumpannija "Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland AG" u kienu ġew, minħabba f'dan, eżentati mill-obbligu li jiġbru d-depożitu previst mill-Artikolu 8(1) tal-VerpackV għax-xarbiet distribwiti fil-Ġermanja f'imballaġġi li jintużaw darba.

16     Skond komunikazzjoni tal-Gvern Ġermaniż tat-28 ta' Jannar 1999, il-perċentwali ta' imballaġġi ta' xarbiet li jistgħu jerġgħu jintużaw kienet niżlet, għall-ewwel darba fl-1997, għal anqas minn 72%, jiġifieri 71.33%. Peress li f'żewġ perijodi konsekuttivi, jiġifieri bejn Frar 1999 u Jannar 2000 u bejn Mejju 2000 u April 2001, dan il-perċentwali kien baqa' taħt it-72% għat-territorju federali kollu, fit-2 ta' Lulju 2002 l-imsemmi Gvern, skond l-Artikolu 9(3) tal-VerpackV, ħabbar li sa mill-1 ta' Jannar 2003 kellu jibda jinġabar obbligatorjament depożitu fuq l-ilma minerali, fuq il-birra u fuq ix-xarbiet rinfreskanti. Għalhekk, skond il-VerpackV, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma obbligati, sa minn dik id-data, li jiġbru d-depożitu preskritt fl-Artikolu 8(1) ta' din il-leġiżlazzjoni għall-biċċa l-kbira ta' l-imballaġġi tagħhom f'dak li jirrigwarda x-xarbiet distribwiti fil-Ġermanja, u kif ukoll li jieħdu lura u jirkupraw l-imballaġġi vojta.

17     Fit-23 ta' Mejju 2002, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw, quddiem il-Verwaltungsgericht Stuttgart, rikors kontra l-Land Baden-Württemberg fejn isostnu li s-sistema tal-kwoti ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw, previst fil-VerpackV, u l-obbligi ta' teħid ta' depożitu u ta' ritorn relatati magħha, jiksru l-Artikoli 1(1) u (2), 5, 7 u 18 tad-Direttiva 94/62 kif ukoll l-Artikolu 28 KE. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet imsejħa in kawża.

18     Skond il-qorti tar-rinviju, jekk wieħed kellu jsegwi l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 94/62 jippreżumi ekwivalenza bejn l-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi u l-irkupru tagħhom, tqum il-kwistjoni dwar jekk is-sistema tal-VerpackV hijiex kompatibbli ma' l-imsemmija Direttiva, safejn din is-sistema tagħmel il-kummerċjalizzazzjoni ta' imballaġġi li jintużaw darba aktar diffiċli ladarba l-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw tinżel taħt ċertu limitu. Din il-qorti tosserva li l-produtturi stabbiliti fi Stati Membri oħra huma esposti għal spejjeż li jkunu ogħla minn dawk tal-produtturi Ġermaniżi jekk jiddeċiedu li jikkummerċjalizzaw ix-xarbiet tagħhom f'imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw. Hija tenfasizza li, skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sakemm ikun hemm sospensjoni ta' l-obbligu li jinżamm depożitu, xorta jibqa l-fatt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża teffettwa s-sitwazzjoni ta' produtturi stabbiliti fi Stat Membru ieħor minħabba li d-distributuri Ġermaniżi għandhom it-tendenza li jeskludu mill-assortiment ta' xarbiet tagħhom dawk l-imballaġġi li jintużaw darba sabiex il-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw ma tinżilx taħt it-72%.

19     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Stuttgart iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 94/62 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jiffavorixxu sistemi ta' użu mill-ġdid ta' imballaġġi għal xarbiet fir-rispett ta' imballaġġi li jistgħu jkunu rkuprati li jintużaw darba billi jannullaw – ladarba l-perċentwali federali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw tinżel taħt it-72% – l-possibbiltà ta' eżenzjoni mill-obbligu preskritt ta' ritorn, ta' amministrazzjoni u ta' depożitu ta' imballaġġi għal xarbiet li jkunu vojta u li jintużaw darba permezz tal-parteċipazzjoni f'sistema ta' ritorn u ta' amministrazzjoni, f'dak li jirrigwarda x-xarbiet li fir-rispett tagħhom il-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw tkun niżlet taħt il-perċentwali kkonstatata fl-1991?

2)      L-Artikolu 18 tad-Direttiva [94/62] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jostakolaw it-tqegħid fis-suq ta' xarbiet ippakkjati f'imballaġġi li jistgħu jkunu rkuprati u li jintużaw darba billi jannullaw – ladarba l-perċentwali federali għall-imballaġi li jistgħu jerġgħu jintużaw tinżel taħt it-72% – il-possibbiltà ta' eżenzjoni minn obbligu preskritt ta' ritorn, ta' amministrazzjoni u ta' depożitu ta' imballaġġi ta' xarbiet li jkunu vojta u li jintużaw darba permezz tal-parteċipazzjoni f'sistema ta' ritorn u ta' amministrazzjoni, f'dak li jirrigwarda x-xarbiet li fir-rispett tagħhom il-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw tkun niżlet taħt il-perċentwali kkonstatata fl-1991?

3)      L-Artikolu 7 tad-Direttiva [94/62] għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-produtturi u lid-distributuri ta' xarbiet ippakkjati f'imballaġġi li jistgħu jkunu rkuprati u li jintużaw darba d-dritt li jieħdu sehem f'sistema diġà stabbilita ta' ritorn u ta' amministrazzjoni ta' imballaġġi għal xarbiet użati sabiex b'hekk jissodisfaw obbligu legalment preskritt ta' depożitu ta' l-imballaġġi ta' xarbiet li jintużaw darba, u ta' ritorn ta' imballaġġi ta' xarbiet użati?

4)      L-Artikolu 28 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jadottaw leġiżlazzjonijiet li jgħidu li, ladarba l-perċentwali federali ta' imballaġġi ta' xarbiet li jistgħu jerġgħu jintużaw tinżel taħt it-72%, il-possibbiltà ta' eżenzjoni mill-obbligu preskritt ta' ritorn, ta' amministrazzjoni u ta' depożitu ta' imballaġġi ta' xarbiet li jkunu vojta u li jintużaw darba permezz tal-parteċipazzjoni f'sistema ta' ritorn u ta' amministrazzjoni, tkun annullata f'dak li jirrigwarda x-xarbiet li fir-rispett tagħhom il-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw tkun niżlet taħt il-perċentwali kkonstatata fl-1991?" 

 Fuq id-domandi ta' ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

20     Permezz ta' l-ittri li waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-14 u fis-17 ta' Ġunju 2004 rispettivament, il-Gvern Ġermaniż u l-konvenuta fil-kawża prinċipali talbu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura.

21     Sabiex isostni t-talba tiegħu, il-Gvern Ġermaniż qiegħed isostni li l-konklużjonijiet li l-Avukat Ġenerali ppreżenta fis-6 ta' Mejju 2004 kien fihom numru ta' elementi li ma kinux is-suġġett tal-proċedura bil-miktub u orali u li minnhom tirriżulta evalwazzjoni ineżatta ta' l-argumenti li huwa invoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Bl-istess mod, fit-talba tagħha, il-konvenuta fil-kawża prinċipali sostniet li l-imsemmija konklużjonijiet jitrattaw ċerti elementi li ma ġewx diskussi u fuq liema, minħabba f'dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx ġiet infurmata biżżejjed.

22     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista' ex officio jew fuq proposta ta' l-Avukat Ġenerali jew inkella fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, kemm—il darba hija tikkunsidra li mhijiex infurmata biżżejjed jew li l-kwistjoni għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta' argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara s-sentenzi ta' l-10 ta' Frar 2000, Deutsche Post, C-270/97 u C-271/97, Ġabra p. I-929, punt 30; tad-19 ta' Frar 2002, Wouters et, C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 42; tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 20, u tat-12 ta' Diċembru 2002, Sieckmann, C-273/00, Ġabra p. I-11737, punt 22).

23     F'dan il-każ, madankollu, wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tkun tista' tirrispondi għad-domandi magħmula u li dawn l-elementi kienu s-suġġett ta' diskussjonijiet li saru quddiemha.

24     Għaldaqstant, it-talbiet tal-Gvern Ġermaniż u tal-konvenuta fil-kawża prinċipali intiżi għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

25     Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad id-domandi preliminari bħala inammissibbli peress li r-rikors fil-kawża prinċipali huwa inammissibbli minħabba li ġie magħmul kontra l-Land Baden-Württemberg. Fil-fatt, peress li dan ta' l-aħħar m'għandu l-ebda setgħa leġiżlattiva jew regolatorja f'dan il-qasam, huwa ma jagħmel xejn ħlief jeżegwi l-leġiżlazzjoni federali. Skond l-istess konvenuta, ir-rikors kellu jiġi magħmul kontra l-Istat Federali u quddiem il-qorti kompetenti f'dak ir-rigward, jiġifieri il-Verwaltungsgericht Berlin. Fi proċeduri paralleli, numru ta' qrati amministrattivi Ġermaniżi diġà kkonstataw l-inammisibbiltà ta' rikorsi simili.

26     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, fid-dawl tat-tqassim ta' funzjonijiet li hemm bejnha u l-qrati nazzjonali, tivverifika jekk id-deċiżjoni li permezz tagħha hija ġiet interpellata tteħditx konforment mar-regoli ta' organizazzjoni u ta' proċedura ġudizzjarja tad-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi tat-3 ta' Marzu 1994, Eurico Italia et, C-332/92, C-333/92 u C-335/92, Ġabra p. I-711. punt 13; tas-16 ta' Settembru 1999, WWF et, C-435/97, Ġabra p. I-5613, punt 33, u tat-3 ta' Ottubru 2000, Gozza et, C-371/97, Ġabra p. I-7881, punt 30). Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għad-deċiżjoni ta' rinviju ta' qorti ta' Stat Membru, sakemm tali deċiżjoni ma tkunx ġiet revokata fil-kuntest ta' appelli eventwalment previsti mid-dritt nazzjonali (sentenza ta' l-14 ta' Jannar 1982, Reina, 65/81, Ġabra p. 33, punt 7).

27     F'dan il-każ, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-Verwaltungsgericht Stuttgart tqis li r-rikors fil-kawża prinċipali huwa, minn ta' l-anqas parzjalment, ammissibbli.

28     Barra minn dan, huwa stabbilit li teżisti rabta diretta bejn, min-naħa, l-erba' domandi preliminari, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 1, 7 u 18 tad-Direttiva 94/62 u ta' l-Artikolu 28 KE u li saru sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista' tevalwa l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża in kwistjoni ma' dawn id-dispożizzjonijiet, u min-naħa l-oħra, is-suġġett tar-rikors fil-kawża prinċipali, li huwa intiż sabiex jiġi ddikjarat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali mhumiex marbutin li jissuġġettaw rwieħhom għall-obbligi ta' depożitu u ta' ritorn individwali ta' l-imballaġġi tagħhom li jintużaw darba.

29     Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

30     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 94/62 jipprekludix lill-Stat Membru milli jiffavorixxi sistemi ta' użu mill-ġdid ta' imballaġġi sabiex japplika sistema bħal dik prevista fl-Artikoli 8(1) u 9(2) tal-VerpackV.

31     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li għalkemm l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 94/62 jipprovdi bħala "l-ewwel prijorità" miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta' skart mill-imballaġġi, huwa jelenka, bħala "prinċipji fundamentali addizzjonali", l-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi, ir-reċiklaġġ u l-forom l-oħra ta' rkupru ta' l-iskart mill-imballaġġi.

32     It-tmien premessa ta' din id-Direttiva tipprovdi li, "sakemm isir progress xjentifiku u teknoloġiku fil-proċessi ta’ l-irkupru, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ għandhom jingħataw preferenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impatt ambjentali; billi dan jeħtieġ l-istabbiliment fl-Istati Membri ta’ sistemi li jiggarantixxu r-ritorn ta’ l-imballaġġ użat u/jew l-iskart mill-imballaġġ; billi stimi taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ l-imballaġġ għandhom jitlestew kemm jista’ jkun malajr sabiex tiġi gġustifikata ġerarkija ċara bejn l-imballaġġ li jista’ jintuża mill-ġdid, dak li jista’ jiġi rriċiklat u dak li jista’ jiġi rkuprat".

33     Minn dak li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li d-Direttiva 94/62 ma tistabbilixxix ġerarkija bejn, min-naħa, l-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi u, min-naħa l-oħra, l-irkupru ta' l-iskart mill-imballaġi.

34     Madankollu għandu jiġi osservat li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/62 jippermetti lill-Istati Membri li jadottaw miżuri intiżi li jiffavorixxu sistemi ta' użu mill-ġdid ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent.

35     Mill-istess kliem użat f'dan l-Artikolu 5 jirriżulta li politika ta' promozzjoni ta' l-użu mill-ġdid ta' imballaġġi bħal din hija awtorizzata biss safejn din tkun konformi mat-Trattat.

36     Għalhekk, il-miżuri li Stat Membru jadotta skond l-Artikolu 5 ta' l-imsemmija Direttiva għandhom jirrispettaw mhux biss ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din ta' l-aħħar, b'mod partikolari l-Artikolu 7, li ssir referenza għalihom mit-tielet domanda preliminari iżda wkoll l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijeit tat-Trattat, b'mod partikolari mill-Artikolu 28 KE, li ssir referenza mir-raba' domanda preliminari.

37     Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 94/62 ma jipprekludix lill-Stati Membri milli jintroduċu miżuri intiżi sabiex jiffavorixxu s-sistemi ta' użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi.

38     Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq għandha għalhekk, l-ewwel nett, tingħata risposta għat-tielet u r-raba' domandi preliminari.

 Fuq it-tielet domanda

39     Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/62 jagħtix lill-produtturi u lid-distributuri ta' xarbiet ippakkjati f'imballaġġi li jintużaw darba u li jistgħu jkunu rkuprati, u li ġew awtorizzati li jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta' depożitu u ta' ritorn billi jieħdu seħem f'sistema globali ta' ġbir ta' imballaġġi, id-dritt li jkomplu jieħdu sehem f'tali sistema globali sabiex jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom.

40     Għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 94/62, fl-Artikolu 7(1) tagħha, timponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex ikunu stabbiliti sistemi li jassiguraw, min-naħa, ir-ritorn u/jew il-ġbir ta' l-imballaġġi użati u/jew ta' l-iskart mill-imballaġġi, u, min-naħa l-oħra, l-użu mill-ġdid jew l-irkupru ta' l-imballaġġi jew ta' l-iskart mill-imballaġġi li jkunu nġabru. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li dawn is-sistemi għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ l-operaturi ekonomiċ tas-setturi kkonċernati u għall-parteċipazzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, li dawn is-sistemi m'għandhomx jiġu applikati b'mod diskriminatorju fuq prodotti importati u li għandhom ikunu maħsubin b'tali mod li jiġi evitat xkiel għall-kummerċ jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, skond it-Trattat.

41     L-Artikolu 7(2) ta' l-imsemmija Direttiva jeżiġi li l-miżuri previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-istess Artikolu jkunu jagħmlu parti minn politika li tkopri l-imballaġġi u l-iskart mill-imballaġġi kollha u tindika li dawn il-miżuri għandhom, b'mod partikolari, jieħdu in kunsiderazzjoni rekwiżiti li jirrigwardaw il-ħarsien ta' l-ambjent u tas-saħħa tal-konsumatur, is-siġurtà u l-iġene, li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-kwalità, ta' l-awtentiċità u tal-karatteristiċi tekniċi tal-prodotti imballati u l-materjal użat kif ukoll, f'dak li jirrigwarda l-ħarsien tad-drittijiet ta' propjetà industrijali u kummerċjali.

42     L-imsemmi Artikolu 7 jħalli f'idejn l-Istati Membri li jagħżlu, f'dak li jirrigwarda l-imballaġġi li jintużaw darba, bejn, min-naħa, sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali, u, min-naħa l-oħra, sistema globali ta' ġbir ta' l-imballaġġi jew ukoll li jagħżlu sistema mħallta li tkun tinvolvi ż-żewġ sistemi skond it-tip ta' prodott, sakemm is-sistemi magħżula jkollhom l-għan li jindirizzaw l-imballaġġi lejn l-aktar soluzzjonijiet ta' amministrazzjoni ta' skart xierqa u sakemm ikunu jagħmlu parti minn politika li tkopri l-imballaġġi u l-iskart mill-imballaġġi kollha.

43     Din id-dispożizzjoni ma tagħti l-ebda dritt lill-produtturi u lid-distributuri kkonċernati li jkomplu jieħdu sehem f'sistema speċifika ta' amministrazzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi.

44     Fil-fatt, id-Direttiva 94/62 ma tipprekludix lill-Istat Membru milli jipprovdi għal modifiki fis-sistemi ta' amministrazzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi stabbiliti fit-territorju tiegħu sabiex ikun jista' jassigura l-aktar soluzzjoni xierqa ta' amministrazzjoni ta' amministrazzjoni ta' l-iskart.

45     Għalhekk, għalkemm id-Direttiva 94/62 tippermetti lil Stat Membru li jipprovdi għas-sostituzzjoni, skond iċ-ċirkustanzi, ta' sistema ta' ġbir ta' imballaġġi fil-viċinanza tar-residenza tal-konsumaturi jew tal-postijiet ta' bejgħ b'sistema ta' depożitu u ritorn individwali, madankollu, tali bdil xorta waħda għandu jirrispetta ċerti kundizzjonijiet.

46     Min-naħa, is-sistema l-ġdida għandha tkun ukoll adatta sabiex tilħaq l-għanijiet tad-Direttiva 94/62. Speċjalment meta s-sistema l-ġdida tkun, bħal f'dan il-każ, sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jishar sabiex ikun hemm numru suffiċjenti ta' postijiet ta' ritorn sabiex il-konsumatur li jkunu xtraw prodotti ppakkjati f'imballaġġi li jintużaw darba li jkunu suġġetti għal depożitu jkunu jistgħu jieħdu lura tali depożitu anke jekk ma jirritornawx dan l-imballaġġ fil-post fejn dan kien oriġinalment mixtri.

47     F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 6(1) tal-VerpackV tipprovdi li d-distributur għandu l-obbligu li, fil-post fejn isseħħ il-kunsinna jew qrib tiegħu, jieħu lura mingħajr ħlas l-imballaġi ta' bejgħ ("am Ort der tatsächlichen Übergabe oder in dessen unmittelbarer Nähe"). Għalkemm huwa minnu li s-sentenzi sussegwenti jżidu xi preċiżazzjonijiet, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-limitazzjoni ta' dan l-obbligu skond il-karatteristiċi ta' l-imballaġġi kkonċernati u skond id-daqs tal-post tal-bejgħ tad-distributur ikkonċernat, xorta jibqa' l-fatt li l-portata ta' l-obbligu ta' ritorn ma tidhirx li hija nieqsa minn ambigwita.

48     Min-naħa l-oħra l-proċess ta' bdil għas-sistema l-ġdida għandu jseħħ mingħajr ma jkun hemm waqfien tal-kontinwità u mingħajr ma jipperikola l-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi tas-setturi kkonċernati effettivament jieħdu sehem fis-sistema l-ġdida sa minn meta din tidħol fis-seħħ. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/62 jimponi l-obbligu li kull Stat Membru jassigura, li f'kull mument u mingħajr diskriminazzjoni, il-produtturi u d-distributuri kkonċernati jkollhom aċċess għas-sistema ta' amministrazzjoni ta' skart mill-imballaġġi.

49     Għaldaqstant, huwa l-Istat Membru, li jissostitwixxi s-sistema eżistenti ta' amministrazzjoni ta' skart b'oħra, li għandhu jassigura li l-produtturi u d-distributuri kkonċernati jkollhom terminu raġjonevoli għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida b'tali mod li jkunu jistgħu jadattaw il-metodi ta' produzzjoni u l-kanali ta' distribuzzjoni tagħhom għar-rekwiżiti tas-sistema l-ġdida.

50     Għalhekk ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/62, għalkemm ma jagħti lill-produtturi u lid-distributuri kkonċernati l-ebda dritt li jkomplu jieħdu sehem f'sistema speċifika ta' amministrazzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi, huwa jipprekludi s-sostituzzjoni ta' sistema globali ta' ġbir ta' skart bħal dan b'sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali meta s-sistema l-ġdida ma tkunx ukoll adatta sabiex tilħaq l-għanijiet ta' l-imsemmija Direttiva jew meta l-proċess ta' bdil għas-sistema l-ġdida ma jsirx mingħajr waqfien fil-kontinwità u mingħajr ma jipperikola l-possibbiltà għall-operaturi ekonomiċi tas-setturi kkonċernati li effettivament jieħdu sehem fis-sistema l-ġdida sa minn meta din tidħol fis-seħħ.

 Fuq ir-raba' domanda

51     Permezz tar-raba' domanda tagħha, l-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 28 KE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikoli 8(1) u 9(2) tal-VerpackV, li tissuġġetta għall-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw fis-suq ikkonċernat l-possibbiltà tal-produtturi u d-distributuri li jużaw imballaġġi li jintużaw darba li, sabiex jissodisfaw l-obbligi ta' depożitu u ta' ritorn kif ukoll ta' rkupru tagħhom, jieħdu sehem f'sistema globali ta' ġbir.

 Fuq l-applikabbiltà ta' l-Artikolu 28 KE

52     Skond il-Gvern Ġermaniż, ma jistax ikun hemm kunflitt bejn l-Artikolu 28 KE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni, peress li, f'dak li jirrigwarda l-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi, id-Direttiva 94/62 u, b'mod partikolari, l-Artikoli 5, 9 u 18 tagħha għandhom bħala suġġett u bħala effett li jkun l-armonizzazzjoni sħiħa tal-qasam ikkonċernat.

53     Fid-dawl taċ-ċirkustanza li, meta qasam kien is-suġġett ta' armonizzazzjoni eżawrjenti fuq livell Komunitarju, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' dik il-miżura ta' armonizzazzjoni u mhux f'dak tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju (sentenzi tat-12 ta' Ottubru 1993, Vanacker u Lesage, C-37/92, Ġabra p. I-4947, punt 9; tat-13 ta' Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C-324/99, Ġabra p. I-9897, punt 32, u tal-11 ta' Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C-322/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 64), għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk l-armonizzazzjoni li saret permezz tad-Direttiva 94/62 teskludix l-eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni ma' l-Artikolu 28 KE.

54     F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, f'dak li jirrigwarda l-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/62 jillimita ruħu sabiex jippermetti lill-Istati Membri li jiffavorixxu, konformement mat-Trattat, sistemi ta' użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent.

55     Apparti mid-definizzjoni tal-kunċett ta' "użu mill-ġdid" ta' l-imballaġġi, minn ċerti dispożizzjonijiet ġenerali fuq il-miżuri ta' prevenzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi u mid-dispożizzjonijiet dwar is-sistemi ta' ritorn, ta' ġbir u ta' rkupru, li jinsabu, rispettivament, fl-Artikoli 3(5), 4 u 7 tagħha, id-Direttiva 94/62 ma tirregolax, f'dak li jirrigwarda l-Istati Membri li huma disposti li jużaw il-fakultà mogħtija mill-Artikolu 5 tagħha, l-organizazzjoni ta' sistemi li jiffavorixxu l-imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw.

56     Għaldaqstant, bil-kontra ta' dak li jiġri fl-immarkar u l-identifikazzjoni ta' l-imballaġġi u tar-rekwiżiti li jirrigwardaw il-kompożizzjoni u l-karattru li jista' jerġa jintuża jew li jista' jkun irkuprat ta' dawn ta' l-aħħar, li huma rregolati mill-Artikoli 8 sa 11 u mill-Anness II tad-Direttiva 94/62, l-organizazzjoni tas-sistemi nazzjonali intiżi li jiffavorixxu l-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi, mhijiex is-suġġett ta' armonizzazzjoni sħiħa.

57     Sistemi bħal dawn jistgħu, konsegwentement, jiġu evalwati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-merkanzija.

58     Barra minn dan, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/62 jippermetti lill-Istati Membri li jiffavorixxu sistemi ta' użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi biss "f'konformità mat-Trattat".

59     F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 18 ta' l-istess Direttiva, għandu jiġi osservat li, safejn din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tassigura l-moviment liberu, fit-territorju ta' l-Istati Membri, ta' imballaġġi li jirrispettaw ir-rekwiżiti li jirrigwardaw l-immarkar, il-kompożizzjoni jew il-karattru li jista' jerġa jintuża u l-li jista' jkun irkuprat tagħhom, lanqas din ma tipprekludi li sistemi nazzjonali ta' amministrazzjoni ta' skart mill-imballaġġi jiġu evalwati fid-dawl ta' l-Artikolu 28 KE jekk ikunu jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati.

 Fuq l-eżistenza ta' xkiel għall-kummerċ

60     Għandu jiġi evalwat jekk l-Artikolu 28 KE jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-produtturi u lid-distributuri li jużaw imballaġġi li jintużaw darba li jissodisfaw l-obbligi ta' depożitu u ta' ritorn tagħhom, billi jieħdu sehem f'sistema globali ta' ġbir, skond l-evoluzzjoni, fis-suq Ġermaniż, tal-proporzjon globali ta' xarbiet ippakkjati f'imballaġġi li jintużaw darba kif ukoll skond il-proporzjon tax-xarbiet ikkonċernati li jiġu kkummerċjalizzati f'imballaġġi bħal dawn fl-istess suq.

61     F'dan ir-rigward għandu l-ewwel nett jiġi osservat li leġiżlazzjoni bħal din ma hija applikabbli bl-istess mod kemm għall-prodotti nazzjonali kif ukoll għall-prodotti li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra u tipprovdi għall-istess rekwiżiti f'dak li jirrigwarda d-depożitu u r-ritorn kemm għall-produtturi stabbiliti fi Stati Membri oħra kif ukoll għall-produtturi nazzjonali.

62     It-tieni nett, kuntrarjament għall-perċentwali massima ta' xarbiet li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati f’imballaġġi li ma jkunux approvati, li kienet il-kwistjoni fis-sentenza ta' l-20 ta' Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (302/86, Ġabra p. 4607), fil-kawża prinċipali, il-perċentwali ma tillimitax il-kwantità ta' prodotti li jistgħu jiġu importati f'ċertu tip ta' imballaġġi. Fil-fatt, il-VerpackV ma tipprojbixxix il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ppakkjati f'imballaġġi li jintużaw darba jekk jinqabżu l-perċentwali indikati, iżda tipprovdi biss li tali qbiż ta' dawn il-perċentwali jġib miegħu bdil fis-sistema ta' amministrazzjoni ta' l-imballaġġi li jintużaw darba.

63     Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm huwa minnu li l-Artikoli 8(1) u 9(2) tal-VerpackV japplikaw għall-produtturi u d-distributuri kollha li joperaw fit-territorju nazzjonali, xorta jibqa' l-fatt li dawn ma jaffettwawx bl-istess mod il-kummerċjalizzazzjoni tax-xarbiet prodotti fil-Ġermanja u dawk li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra.

64     Fil-fatt, anke jekk il-proċess ta' bdil minn sistema ta' amministrazzjoni ta' l-imballaġġi għal oħra ġeneralment jinvolvi spejjeż f'dak li jirrigwarda l-immarkar jew l-ittikkettjar ta' l-imballaġġi, leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-produtturi u lid-distributuri li jużaw imballaġġi li jintużaw darba li jissostitwixxu l-parteċipazzjoni tagħhom f'sistema globali ta' ġbir bl-adozzjoni ta' sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali, ġġib magħha għall-produtturi u d-distributuri kollha li jużaw imballaġġi li jintużaw darba, spejjeż supplementari marbutin ma' l-organizzazzjoni tar-ritorn ta' l-imballaġġi, tal-ħlas lura ta' l-ammonti ta' depożiti u ta' l-eventwali kumpens għall-imsemmija ammonti fost id-distributuri.

65     Issa, huwa stabbilit li l-produtturi stabbiliti barra l-Ġermanja jużaw l-imballaġġi li jintużaw darba ħafna aktar milli jużawhom il-produtturi Ġermaniżi.

66     F'dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-użu ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw normalment iġib miegħu, għal produttur ta' xarbiet stabbilit fi Stat Membru ieħor, spejjeż li jkunu ogħla minn dawk li jsostni produttur stabbilit fil-Ġermanja, peress li l-ispejjeż marbutin ma' l-organizzazzjoni ta' sistema ta' depożitu u mat-trasport huma akbar jekk il-produttur ikun stabbilit ċerta distanza mill-post tal-bejgħ.

67     Minn dan isegwi li s-sostituzzjoni, f'dak li jirrigwarda l-imballaġġi li jintużaw darba, ta' sistema globali ta' ġbir ta' l-imballaġġi b'sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali hija ta' natura tali li tfixkel il-kummerċjalizzazzjoni fis-suq Ġermaniż ta' xarbiet importati minn Stati Membri oħra (ara f'dan is-sens, f'dak li jirrigwarda l-imballaġġi ta' xarbiet li jistgħu jerġgħu jintużaw, is-sentenza L-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata aktar 'il fuq, punt 13).

68     Mhuwiex relevanti, f'dan ir-rigward, li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni jipprovdu għal obbligi ta' kunsinna u ta' ritorn individwali għall-imballaġġi li jintużaw darba mingħajr ma jipprojbixxu l-importazzjoni ta' xarbiet ippakkjati f'tali imballaġġi u li, barra minn dan, teżisti l-possibbiltà għall-produtturi li jagħmlu użu minn imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw. Fil-fatt, miżura li x'aktarx tkun ta' xkiel għall-importazzjonijiet għandha tiġi kkwalifikata bħala miżura b'effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva anke jekk ix-xkiel ikun dgħajjef u jekk jeżistu possibbiltajiet oħra sabiex il-prodotti jiġu ddistribwiti u jinbiegħu (sentenza tal-5 ta' April 1984, Van de Haar u Kaveka de Meern, 177/82 u 178/82, Ġabra p. 1797, punt 14).

69     F'dan il-kuntest, mhuwiex relevanti li jiġi ddikjarat, kif jagħmel il-Gvern Ġermaniż, li, għall-perijodu ta' qabel l-introduzzjoni ta' l-obbligi ta' depożitu u ta' ritorn individwali, iż-żieda fl-importazzjoni fil-Ġermanja ta' ilma minerali naturali ppakkjat f'imballaġi li jintużaw darba tipprova n-nuqqas ta' diskriminazzjoni kontra l-produtturi ta' xarbiet stabbiliti fi Stati Membri oħra. Fil-fatt, għalkemm din it-tendenza tista' tiġi osservata fis-suq Ġermaniż, hija mhijiex ta' natura tali li xxejjen il-fatt li l-Artikoli 8 u 9 tal-VerpackV jikkostitwixxu, għall-produtturi ta' xarbiet stabbiliti fi Stati Membri oħra, ostakolu għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom fil-Ġermanja.

70     Bil-kontra ta' dak li jsostnu l-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Gvern Ġermaniż, l-Artikoli 8 u 9 tal-VerpackV ma jistgħux jiġu assimilati ma' dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti "metodi ta' bejgħ" fis-sens tas-sentenza ta' l-24 ta' Novembru 1993, Keck u Mithouard (C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I-6097, minn punti 16 et seq).

71     Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ħtieġa, li tirriżulta mill-miżuri in kwistjoni, li l-imballaġġi jew li t-tiketta tal-prodotti importati jiġu mmodifikati, teskludi li dawn il-miżuri jkunu jikkonċernaw il-metodi ta' bejgħ ta' dawn il-prodotti fis-sens tas-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata aktar 'il fuq (ara s-sentenzi tat-3 ta' Ġunju 1999, Colim, C-33/97, Ġabra p. I-3175, punt 37; tas-16 ta' Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-12/00, Ġabra p. I-459, punt 76, u tat-18 ta' Settembru 2003, Morellato, C-416/00, Ġabra p. I-9343, punt 29).

72     Issa, kif ġie osservat fil-punt 64 ta' din is-sentenza, is-sostituzzjoni tal- parteċipazzjoni f'sistema globali ta' ġbir bit-twaqqif ta' sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali tobbliga lill-produtturi kkonċernati li jimmodifikaw ċerti indikazzjonijiet fuq l-imballaġġi tagħhom.

73     F'kull każ, peress li d-dispożizzjonijiet tal-VerpackV ma jaffettwawx bl-istess mod il-kummerċjalizzazzjoni tax-xarbiet prodotti fil-Ġermanja u dik ta' xarbiet li jkunu ġejjin minn Stat Membru ieħor, dawn iridu bilfors jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 28 KE (ara s-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata aktar 'il fuq, punti 16 u 17).

 Fuq il-ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq il-ħarsien ta' l-ambjent

74     Wara dan, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostnu l-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Gvern Ġermaniż, leġiżlazzjoni bħal dik prevista fl-Artikoli 8(1) u 9(2) tal-VerpackV, tistax tkun iġġustifikata minn raġunijiet li jirrigwardaw il-ħarsien ta' l-ambjent.

75     Skond ġurisprudenza stabbilita, miżuri nazzjonali li x'aktarx ifixklu l-kummerċ intrakomunitarju jistgħu jkunu ġġustifikati minn eżiċenzi imperattivi li jirrigwardaw il-ħarsien ta' l-ambjent sakemm il-miżuri in kwistjoni jkunu proporzjonali ma' l-għan mixtieq (sentenzi L-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata aktar 'il fuq, punti 6 u 9, kif ukoll ta' l-14 ta' Lulju 1998, Aher-Waggon, C-389/96, Ġabra p. I-4473, punt 20).

76     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu li tiġi stabbilita sistema ta' depożitu u ta' ritorn ta' l-imballaġġi vojta huwa element indispensabbli ta' sistema intiża sabiex tassigura l-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi (sentenza L-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata aktar 'il fuq, punt 13).

77     F'dak li jirrigwarda imballaġi li ma jistgħux jerġgħu jintużaw, għandu jiġi osservat li, hekk kif jiddikjaraw il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Gvern Ġermaniż, it-twaqqif ta' sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali huwa ta' natura tali li jżid il-perċentwali ta' ritorn ta' l-imballaġġi vojta u jwassal għal ġbir selettiv ta' l-iskart mill-imballaġġi u, b'dan il-mod, jikkontribwixxi għat-titjib ta' l-irkupru ta' dawn ta' l-aħħar. Barra minn dan, safejn iż-żamma ta' depożitu jinkoraġġixxi lill-konsumatur li jirritorna l-imballaġġi vojta fil-postijiet tal-bejgħ, dan jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' skart fl-ambjent naturali.

78     Aktar minn hekk, safejn il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta d-dħul fis-seħħ tas-sistema l-ġdida ta' amministrazzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi għall-perċentwali ta' imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw fis-suq Ġermaniż, din toħloq sitwazzjoni fejn kull żieda, f'dan is-suq, fil-bejgħ ta' xarbiet ippakkjati f'imballaġġi li jintużaw darba, issaħħaħ il-probabbiltà li jkun hemm bdil fis-sistema. Safejn l-imsemmija leġiżlazzjoni b'dan il-mod tinkoraġġixxi lill-produtturi u lid-distributuri kkonċernati li jagħmlu użu minn imballaġġi li jistgħu jerġgħu jintużaw, din tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' skart li għandu jiġi eliminat, liema tnaqqis jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet ġenerali tal-politika ta' ħarsien ta' l-ambjent.

79     Madankollu, sabiex leġiżlazzjoni bħal din tkun konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità, għandu jiġi vverifikat mhux biss jekk il-mezzi li hija timplementa humiex adatti sabiex jilħqu l-għanijiet mixtieqa, iżda wkoll jekk dawn imorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet (ara s-sentenza ta' l-14 ta' Lulju 1998, Safety Hi-Tech, C-284/95, Ġabra p. I-4301, punt 57).

80     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex tissodisfa dan l-aħħar kriterju, għandha tippermetti lill-produtturi u lid-distributuri kkonċernati, qabel id-dħul fis-seħħ tas-sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali, li jadattaw il-metodi ta' produzzjoni tagħhom kif ukoll l-amministrazzjoni ta' l-imballaġġi li jintużaw darba għar-rekwiżiti tas-sistema l-ġdida. Għalkemm huwa minnu, li Stat Membru jista' jħalli f'idejn l-imsemmija produtturi u distributuri li jistabbilixxu din is-sistema, billi jorganizzaw ir-ritorn ta' l-imballaġġi, il-ħlas lura ta' l-ammonti ta' depożitu u l-eventwali kumpens ta' dawn ta' l-aħħar fost id-distributuri, xorta jibqa' l-fatt li l-Istat Membru in kwistjoni għandu jassigura li, meta jkun hemm il-bdil tas-sistema ta' l-amministrazzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi, kull produttur jew distributur ikkonċernat ikun jista' effettivament jieħu sehem f'sistema oprerattiva.

81     Għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni, bħalma hija l-VerpackV, li tissuġġetta t-twaqqif ta' sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali fuq il-perċentwali ta' użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi, għalkemm ta' vantaġġ fuq il-livell ekoloġiku, tissodisfa l-prinċipju ta' proporzjonalità biss jekk, filwaqt li tinkoraġġixxi l-użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi, toffri lill-produtturi u lid-distributuri kkonċernati terminu raġonevoli ta' tranżizzjoni sabiex jadattaw rwieħhom għaliha u tassigura li, meta jkun hemm il-bdil tas-sistema ta' amministrazzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi, kull produttur jew distributur ikkonċernat ikun jista' effettivament jieħu sehem f'sistema operattiva.

82     Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi dwar i jekk bdil tas-sistema ta' amministrazzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi, bħal dak previst fl-Artikoli 8(1) u 9(2) tal-VerpackV, jippermettix lill-produtturi u lid-distributuri kkonċernati li jieħdu sehem f'sistema operattiva skond il-kundizzjonijiet imsemmijin aktar 'il fuq.

83     Konsegwentement, ir-risposta għar-raba' domanda għandha tkun li l-Artikolu 28 KE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik stabbilita fl-Artikoli 8(1) u 9(2) tal-VerpackV, meta tali leġiżlazzjoni tipprovdi għas-sostituzzjoni ta' sistema globali ta' ġbir ta' l-iskart mill-imballaġġi b'sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali mingħajr mal-produtturi u d-distributuri kkonċernati ma jingħataw terminu raġonevoli ta' tranżizzjoni sabiex jadattaw rwieħhom u mingħajr ma jiġu assigurati li, meta jkun hemm il-bdil tas-sistema ta' l-amministrazzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi, huma jkunu effettivament jistgħu jieħdu sehem f'sistema operattiva.

 Fuq it-tieni domanda

84     Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għar-raba' domanda, m'għadux aktar meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

85     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta' u tiddeċiedi

1)      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE, ta' l-20 ta' Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, ma jipprekludix lill-Stati Membri milli jintroduċu miżuri intiżi sabiex jiffavorixxu s-sistemi ta' użu mill-ġdid ta' l-imballaġġi.

2)      Għalkemm l-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/62, ma jagħti lill-produtturi u lid-distributuri kkonċernati l-ebda dritt li jkomplu jieħdu sehem f'sistema speċifika ta' amministrazzjoni ta' skart mill-imballaġġi, huwa jipprekludi s-sostituzzjoni minn sistema globali ta' ġbir ta' skart bħal din b'sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali meta s-sistema ġdida ma tkunx ukoll adatta sabiex tilħaq l-għanijiet ta' l-imsemmija Direttiva jew meta l-proċess ta' bdil għas-sistema l-ġdida ma jsirx mingħajr waqfien fil-kontinwità u mingħajr ma jipperikola l-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi tas-setturi kkonċernati effettivament jieħdu sehem fis-sistema l-ġdida sa minn meta din tidħol fis-seħħ.

3)      L-Artikolu 28 KE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik stabbilita fl-Artikoli 8(1) u 9(2) tal-Verordnung über die Vermeidung und Verwertung von Verpackungsabfällen (Digriet dwar il-prevenzjoni u l-irkupru ta' skart mill-imballaġġi), meta tali leġiżlazzjoni tipprovdi għas-sostituzzjoni ta' sistema globali ta' ġbir ta' skart mill-imballaġġi b'sistema ta' depożitu u ta' ritorn individwali mingħajr mal-produtturi u d-distributuri kkonċernati ma jingħataw terminu raġonevoli ta' tranżizzjoni sabiex jadattaw rwieħhom u mingħajr ma jiġu assigurati li, meta jkun hemm il-bdil tas-sistema ta' l-amministrazzjoni ta' l-iskart mill-imballaġġi, huma jkunu effettivament jistgħu jieħdu sehem f'sistema operattiva.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.