SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

20 ta' Jannar 2005 (*)

"Benefiċċji tal-familja – Manteniment konċess minn Stat Membru bil-quddiem lil tifel minorenni – Tifel ta' detenut – Kundizzjonijiet ta' konċessjoni tal-pensjoni – Detenut ittrasferit fi Stat Membru ieħor sabiex jiskonta l-piena tiegħu hemmhekk – Artikolu 12 KE – Artikoli 3 u 13 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71"

Fil-kawża C-302/02

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberster Gerichshof (l-Awstrija), permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Lulju 2002, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta' Awwissu 2002, fil-proċediment mibdi f'isem:

Nils Laurin Effing

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas, K. Lenaerts, S. von. Bahr u K. Schiemann (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur:  R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr seduta,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

-      għall-gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

-      għall-gvern Ġermaniż, minn W. D. Plessing u A. Tiemann, bħala aġenti,

-      għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Michard u H. Kreppel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 12 KE flimkien ma' l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1386/2001, tal-5 ta' Ġunju 2001(ĠU L 187, p. 1, iktar 'il quddiem, ir-"Regolament Nru 1408/71").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' proċediment imressaq f'isem Nils Laurin Effing, tifel minorenni, rigward id-dritt tal-persuna kkonċernata li tkompli tirċievi ħlas bil-quddiem għall-manteniment.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Ir-Regolament Nru 1408/71

3       Ir-Regolament Nru 1408/71 għandu bħala għan il-koordinazzjoni, fil-kuntest tal-moviment liberu tal-persuni, tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali, skond l-obbjettivi ta' l-Artikolu 42 KE.

4       L-Artikolu 2(1) ta' dan ir-Regolament jipprovdi:

"Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta' nazzjonalità ta' wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom."

5       L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, rigward it-trattament ugwali, jipprovdi:

"Bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali ta' dan ir-Regolament, il-persuni residenti fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri li għalih japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligi u jgawdu l-istess benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta' kull Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta' dan l-Istat."

6       L-Artikolu 4(1)(h), ta' dan l-istess Regolament, li jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni ratione materiae tiegħu, jgħid:

"Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:

[…]

h)      benefiċċji familjari/tal-familja."

7       Rigward id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jgħid:

"Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

a)      persuna impjegata fit-territorju ta' Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta' dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta' l-impriża jew ta' l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru ieħor;

b)      persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta' Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta' dak l-Istat anke jekk tabita fit-territorju ta' Stat Membru ieħor;

[…]

f)      persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida l-leġislazzjoni ta' Stat Membru, mingħajr ma ssir applikabbli għaliha leġislazzjoni ta' Stat ieħor skond waħda mir-regoli stipulata fis-sottoparagrafi li għaddew jew skond waħda mill-eċċezzjonijiet jew dispożizzjonijiet speċjali stipulati fl-Artikoli 14 u 17 tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tabita skond id-dispożizzjonijiet ta' dik il-leġislazzjoni biss."

8       L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat "Persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom li l-membri tal-familji tagħhom jabitaw fi Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti" jgħid kif ġej:

"Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta' Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mil-leġislazzjoni ta' l-Istat ta' l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f'dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness VI."

9       L-Artikolu 74 ta' l-istess Regolament, intitolat "Persuni disimpjegati li l-membri tal-familji tagħhom jabitaw fi Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti" jipprovdi:

"Persuna disimpjegata li qabel kienet impjegata jew taħdem għal rasha u li taqbad il-benefiċċji tad-disimpjieg taħt il-leġislazzjoni ta' Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mil-leġislazzjoni ta' l-Istat ta' l-ewwel, bħallikieku kienu jabitaw f'dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness VI."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10     L-österreichisches Bundesgesetz über die Gewährung von Vorschüssen auf den Unterhalt von Kindern (Unterhaltsvorschußgesetz) (il-liġi federali Awstrijaka dwar il-konċessjoni ta' ħlas bil-quddiem tal-manteniment għat-tfal, BGB1.I, 1985, Nru 451, iktar 'il quddiem l-"UVG") tipprovdi għall-konċessjoni mill-Istat ta' ħlas bil-quddiem tal-manteniment.

11     Skond l-Artikolu 3 ta' l-UVG, il-konċessjoni ta' tali ħlas bil-quddiem tiddependi, bħala regola ġenerali, mill-eżistenza ta' titolu eżekuttiv fit-territorju nazzjonali. Madankollu, l-Artikolu 4 ta' l-UVG jipprovdi li, f'ċerti ċirkustanzi, il-ħlas bil-quddiem jiġi konċess anke jekk l-eżekuzzjoni ta' l-obbligu ta' manteniment ma tidhirx possibbli jew jekk id-dritt għall-manteniment ma jkunx ġie stabbilit. B'hekk, l-Artikolu 4(3) ta' l-UVG jipprovdi li ħlas bil-quddiem huwa wkoll konċess:

"meta d-debitur ta' l-obbligu ta' manteniment titneħħielu l-libertà fit-territorju nazzjonali għal perijodu ta' aktar minn xahar minħabba deċiżjoni tal-qorti fi proċediment kriminali u meta, għal din ir-raġuni, ma jistax jissodisfa l-obbligi tiegħu".

 Il-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment tal-persuni kkundannati

12     Skond il-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment tal-Persuni Kkundannati, miftuħa għall-firma fil-21 ta' Marzu 1983 fi Strasburgu (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni") u li magħha ġew annessi d-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika ta' l-Awstrija (BGB1. I, 1986, Nru 524) u l-Artikolu 76 ta' l-Auslieferungs und Rechtshilfegesetz (il-liġi applikabbli fil-qasam ta' estradizzjoni u ta' assistenza ġudizzjarja, ARGH BGB1. I, 1979, Nru 539), il-persuni kkundannati fit-territorju ta' Stat firmatarju ta' l-imsemmija Konvenzjoni (l-Istat ta' kundanna) jistgħu, skond l-Artikolu 2 ta' din ta' l-aħħar, jitolbu li jiġu ttrasferiti fit-territorju tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom (l-Istat ta' eżekuzzjoni) sabiex ibatu l-kundanna li ġiet imposta fuqhom. B'dan il-mod, skond l-Artikolu 9(1)(b) tal-Konvenzjoni, is-sanzjoni imposta fl-Istat ta' kundanna tista' tiġi ssostitwita b'sanzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat ta' eżekuzzjoni għall-istess ksur.

13     Skond il-premessi tal-Konvenzjoni, l-għan ta' trasferiment bħal dan huwa, b'mod partikolari, li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuni kkundannati, billi jippermetti lill-persuni barranin li ttieħditilhom il-libertà wara reat li jiskontaw il-kundanna tagħhom fis-soċjetà ta' oriġini tagħhom.

14     Wara d-dħul tagħha fis-seħħ fl-Irlanda, fl-1 ta' Novembru 1995, il-Konvenzjoni torbot l-Istati Membri kollha. Hija daħlet fis-seħħ fl-Awstrija fl-1 ta' Jannar 1987 u fil-Ġermanja fl-1 ta' Frar 1992 u ġiet ukoll irratifikata mill-għaxar Stati Membri l-ġodda.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15     Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent, Nils Laurin Effing, jikkontesta d-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet Awstrijaki li jtemmu l-ħlas bil-quddiem tal-manteniment li huwa kien jirċievi skond l-Artikolu 4(3) ta' l-UVG.

16     Missieru, Ingo Effing, huwa ċittadin Ġermaniż. Skond it-tagħrif ipprovdut fid-deċiżjoni tar-rinviju, dan ta' l-aħħar ta prova ta' residenza abitwali fl-Awstrija, fejn kien impjegat. Fuq dan il-punt, il-gvern Awstrijak madankollu sostna li l-persuna kkonċernata kienet koperta mis-sigurtà soċjali Awstrijaka sat-30 ta' Ġunju 2001, bħala kummerċjant. Nils Laurin Effing, huwa, min-naħa tiegħu, ċittadin Awstrijak. Huwa tqiegħed fil-kustodja ta' ommu, li jgħix magħha, fl-Awstrija.

17     Fis-7 ta' Ġunju 2000, missier ir-rikorrent fil-kawża prinċipali tqiegħed f'detenzjoni preventiva fl-Awstrija, imbagħad ġie kkundannat għal piena ta' ħabs. Għaldaqstant ġie konċess lil Nils Laurin Effing, skond l-Artikolu 4(3) ta' l-UVG, ħlas bil-quddiem ta' kull xahar tal-manteniment li jammonta għal 200.43 EUR għall-perijodu bejn l-1 ta' Lulju 2000 u l-31 ta' Mejju 2003.

18     Missier Nils Laurin Effing beda jiskonta l-piena ta' detenzjoni li għaliha ġie kkundannat fil-ħabs ta' Garsten, fl-Awstrija. Fid-19 ta' Diċembru 2001, huwa ġie ttrasferit fil-pajjiż ta' oriġini tiegħu, il-Ġermanja, sabiex jiskonta l-bqija tal-piena tiegħu hemm. Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, dan it-trasferiment seħħ b'applikazzjoni tal-Konvenzjoni.

19     Skond it-tagħrif ipprovdut mill-gvern Ġermaniż, skond ma' l-Artikolu 9(1)(b) tal-Konvenzjoni, is-sanzjoni imposta fl-Awstrija fuq missier ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġiet mibdula f'piena ta' ħabs prevista mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Dan il-gvern sostna wkoll li, matul il-priġunerija tiegħu, mix-xahar ta' Frar sa Lulju 2002, kif ukoll mix-xahar ta' Settembru 2002 sa Marzu 2003, il-persuna kkonċernata għamlet xogħol b'remunerazzjoni, skond l-obbligu ta' xogħol li d-dritt Ġermaniż jimponi fuq id-detenuti. Minn din ir-remunerazzjoni, ġew dedotti kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni kontra l-qgħad, u wkoll għall-assigurazzjoni kontra l-mard. Fit-3 ta' April 2003, missier ir-rikorrent fil-kawża prinċipali nħeles.

20     Wara t-trasferiment fil-Ġermanja ta' missier Nils Laurin Effing, il-Bezirksgericht Donaustadt (l-Awstrija), qorti ta' l-ewwel istanza, temmet, b'deċiżjoni mogħtija fl-24 ta' Jannar 2002, ħlas bil-quddiem tal-manteniment li kien jirċievi dan ta' l-aħħar, b'effett mill-aħħar tax-xahar ta' Diċembru 2001. Skond din il-qorti, il-kundizzjonijiet li jippermettu l-konċessjoni tal-ħlas bil-quddiem ma kinux għadhom jeżistu minħabba li missier ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien jinsab f'detenzjoni barra mill-pajjiż.

21     Wara rikors imressaq minn Nils Laurin Effing, il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (l-Awstrija), fil-kompetenza tagħha ta' qorti ta' l-appell, ikkonfermat id-deċiżjoni tal-qorti ta' l-ewwel istanza. Il-konċessjoni ta' ħlas bil-quddiem tal-manteniment skond l-Artikolu 4(3) ta' l-UVG hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tiskonta l-piena tagħha fit-territorju Awstrijak.

22     Nils Laurin Effing ressaq talba għal "reviżjoni" ta' din id-deċiżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof, billi sostna li t-trasferiment tad-debitur ta' l-obbligu ta' manteniment fi stabbiliment penitenzjarju ta' Stat Membru ieħor ma kienx jimplika t-temm tal-ħlas bil-quddiem tal-manteniment. Fl-opinjoni tiegħu, mill-Artikolu 4(3) ta' l-UVG jirriżulta li l-istabbiliment penitenzjarju li jinsab fit-territorju Awstrijak għandu jitqies l-istess bħal kull stabbiliment penitenzjarju ieħor li jinsab fit-territorju tal-Komunità.

23     L-Oberster Gerichtshof iqis, min-naħa tiegħu, li l-Artikolu 4(3) ta' l-UVG għandu jiġi interpretat bħala wieħed li jeskludi mill-benefiċċju tal-ħlas bil-quddiem tal-manteniment id-dixxendenti dipendenti fuq ċittadini barranin li jiskontaw fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom piena ta' detenzjoni li ġiet imposta fuqhom fl-Awstrija. Filwaqt li tistrieħ fuq id-dokumenti preparatorji rigward emenda ta' verżjoni preċedenti ta' l-UVG li saret fl-1980, l-imsemmija qorti tosserva, minn naħa, li l-minorenni, li l-ġenitur tagħhom huwa debitur ta' l-obbligu ta' manteniment u li jinsab f'ħabs, huma vittmi innoċenti tad-delitti mwettqa mill-axxendent tagħhom u li jixirqilhom il-mogħdrija ta' l-Istat. Min-naħa l-oħra, l-obbligu ta' l-Istat Awstrijak li jirriżulta minn dan il-fatt, jiġifieri li jara li d-detenuti jirċievu salarju xieraq jew li jkunu mqiegħda f'pożizzjoni, b'mod ieħor, li jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta' manteniment, għandu jkun limitat għall-ħabsin li jaħdmu u li jinsabu fi stabbiliment penitenzjarju li jinsab fit-territorju nazzjonali.

24     Filwaqt li qies madankollu li tali interpretazzjoni ta' l-Artikolu 4(3) ta' l-UVG tista' tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u, għaldaqstant, ksur ta' l-Artikoli 12 KE u 3 tar-Regolament Nru 1408/71, l-Oberster Gerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12 [KE] flimkien ma' [l-Artikolu] 3 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tpoġġi fi żvantaġġ ċittadini tal-Komunità li jirċievu ħlas bil-quddiem tal-manteniment meta l-missier li huwa debitur ta l-obbligu ta' manteniment jiskonta piena ta' ħabs fil-pajjiż ta' oriġini tiegħu (u mhux l-Awstrija) u t-tifel ta' ċittadin Ġermaniż li joqgħod l-Awstrija jkun suġġett għal diskriminazzjoni minħabba l-fatt li ma ġiex konċess lilu ħlas bil-quddiem tal-manteniment, għar-raġuni li missieru qiegħed jiskonta fil-pajjiż ta' oriġini tiegħu (u mhux fl-Awstrija) piena ta' detenzjoni li ġiet imposta fuqu fl-Awstrija?"

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71

25     Rigward, fl-ewwel lok, il-kamp ta' applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi osservat, bħal ma għamlet il-qorti tar-rinviju u l-partijiet li ressqu osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet mitluba tiddeċiedi, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1408/71, fuq il-klassifikazzjoni tal-ħlas bil-quddiem tal-manteniment previst mill-UVG (sentenzi tal-15 ta' Marzu 2001, Offermanns, C-85/99, Ġabra p. I-2261, u tal-5 ta' Frar 2002, Humer, C-255/99, Ġabra p. I-1205).

26     Mis-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Offermanns, punt 49, u Humer, punt 33, jirriżulta li tali ħlas bil-quddiem jikkostitwixxi benefiċċju tal-familja fis-sens ta' l-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71.

27     F'dan il-każ, biżżejjed għaldaqstant jingħad li l-fatt li l-ħlas bil-quddiem tal-manteniment ġie konċess skond l-Artikolu 4(3) ta' l-UVG, jiġifieri minħabba li missier ir-rikorrent, debitur tal-manteniment, kien qed jiskonta piena ta' ħabs, u mhux skond id-dispożizzjoni ġenerali msemmija fl-Artikolu 3 ta' l-UVG, ma jista' bl-ebda mod teffettwa l-klassifikazzjoni tal-ħlas bil-quddiem in kwistjoni bħala "benefiċċju tal-familja" fis-sens ta' l-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71. Skond l-Artikolu 1(u)(i) ta' l-imsemmi Regolament, it-termini "benefiċċju tal-familja" jindikaw il-benefiċċji kollha materjali jew ta' flus intiżi bħala kumpens għall-ispejjeż tal-familja. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-espressjoni "jilħqu l-ispejjeż tal-familja" li tidher fl-imsemmi Artikolu 1(u)(i) għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tirreferi, b'mod partikolari, għal kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja, intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment ("Unterhalt") tat-tfal (sentenza Offermanns, iċċitata iktar 'il fuq, punt 41).

28     Il-konċessjoni tal-ħlas bil-quddiem skond l-Artikolu 4(3) ta' l-UVG hija inkluża wkoll, għaldaqstant, fil-kamp ta' applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1408/71.

29     Rigward, it-tieni nett, il-kamp ta' applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71, il-gvern Awstrijak isostni li ma jistax jiġi ammess li detenut, li ġie ttrasferit fi Stat Membru ieħor sabiex jiskonta hemm il-piena tiegħu, huwa impjegat li eżerċita l-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mit-Trattat.

30     F'dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li dan ir-Regolament huwa applikabbli għall-ħaddiema impjegati jew li jaħdmu għal rashom li huma jew kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru wieħed jew iktar kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom.

31     It-termini "ħaddiem impjegat" u "ħaddiem li jaħdem għal rasu" li jinsabu fl-imsemmija dispożizzjoni huma ddefiniti fl-Artikolu 1(a) ta' dan ir-Regolament. Huma jindikaw kull persuna li hija assigurata fil-kuntest ta' wieħed mill-iskemi ta' sigurtà soċjali indikati fl-imsemmi Artikolu 1(a) kontra l-eventwalitajiet u bil-kundizzjonijiet indikati f'din id-dispożizzjoni (sentenzi tat-3 ta' Mejju 1990, Kits van Heijningen, C-2/89, Ġabra p. I-1755, punt 9, u tat-30 ta' Jannar 1997, Stöber u Piosa Pereira, C-4/95 u C-5/95, Ġabra p. I-511, punt 27).

32     Minn dan jirriżulta, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta' Mejju 1998, Martinez Sala (C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 36), li persuna għandha l-kwalifika ta' ħaddiem skond ir-Regolament Nru 1408/71 mill-mument li hija assigurata, anke jekk kontra riskju wieħed, taħt assigurazzjoni obbligatorja jew fakultattiva fi skema ġenerali jew partikolari ta' sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u dan indipendentement mill-eżistenza ta' relazzjoni ta' xogħol.

33     F'dawn iċ-ċirkustanzi, u kuntrarjament għall-argumenti tal-gvern Awstrijak, il-gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ġustament qiesu li missier ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ħaddiem fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71, minħabba li kien kopert b'assigurazzjoni kontra l-qgħad matul il-biċċa l-kbira tal-perijodu in kwistjoni, jiġifieri waqt il-priġunerija tiegħu fil-Ġermanja. Barra minn hekk, l-element transkonfinali jinsab fil-fatt li misser ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Ġermaniż li jaħdem fit-territorju tar-Repubblika ta' l-Awstrija, Stat Membru li fih, matul il-priġunerija tiegħu, eżerċita d-dritt tiegħu li jiġi ttrasferit, sabiex jiskonta l-piena tiegħu, fl-Istat Membru ta' oriġini tiegħu.

 Fuq il-leġiżlazzjoni applikabbli u fuq in-nuqqas ta' diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità

34     Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, il-gvern Awstrijak isostni li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssib li l-pinċipju tar-Regolament Nru 1408/71 japplika għal detenuti u li dawn kellhom jitqiesu bħala ħaddiema impjegati, ikollu jitqies bħala kriterju essenzjali ta' rabta l-Istat Membru ta' impjieg ta' l-imsemmi ħaddiem impjegat, skond l-Artikolu 13(2)(a) ta' dan ir-Regolament. Dan ifisser li, f'din il-kawża, anke jekk ir-Regolament Nru 1408/71 kien, bħala regola ġenerali, applikabbli għad-detenuti, m'hemmx lok għall-konċessjoni tal-ħlas bil-quddiem tal-manteniment previst mid-dritt Awstrijak wara t-trasferiment fi Stat Membru ieħor ta' detenut debitur ta' l-obbligu ta' manteniment.

35     Dan il-gvern jispjega, barra minn hekk, li jekk il-kriterju ta' rabta ma jistax jiġi applikat, għar-raġuni, per eżempju, li l-Istat il-ġdid ta' eżekuzzjoni tal-piena ma jipprovdix għall-impjieg tad-detenuti, skond l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq ir-regoli legali dwar is-sigurtà soċjali ta' l-Istat Membru ta' residenza. F'din il-kawża, dan ifisser li, anke kieku r-Regolament Nru 1408/71 kien, bħala regola ġenerali, applikabbli għad-detenuti, ma jistax jiġi konċess ħlas bil-quddiem tal-manteniment previst mid-dritt Awstrijak wara t-trasferiment fi Stat Membru ieħor ta' detenut debitur ta' l-obbligu ta' manteniment.

36     Barra minn hekk, mill-Artikoli 73 u 74 tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li d-dritt għall-benefiċċji tal-familja tal-membri tal-familja ta' dan il-ħaddiem mhux ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-post ta' residenza tal-membru kkonċernat tal-familja, iżda fuq dik ta' l-Istat Membru kompetenti, jiġifieri dak li fih il-ħaddiem huwa impjegat.

37     Il-Kummissjoni ssostni li, fil-kawża prinċipali, kemm id-dritt Awstrijak kif ukoll id-dritt Ġermaniż għandhom ikunu applikabbli. Hija tirreferi, f'dan ir-rigward, għall-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 li jistabbilixxi regoli ta' prijorità sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni ta' drittijiet għall-benefiċċji tal-familja. Din id-dispożizzjoni tkun bla użu jekk, b'applikazzjoni tar-regoli maħsuba sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta' liġijiet, id-dispożizzjonijiet ta' sistema legali waħda dejjem ikunu applikabbli.

38     Għandu jiġi osservat fir-rigward ta' dawn id-diversi punti li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li l-Artikolu 13 huwa parti minnhom, jikkostitwixxu sistema sħiħa u uniformi ta' regoli maħsuba sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta' liġijiet. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jevitaw, b'mod partikolari, l-applikazzjoni simultanja ta' diversi liġijiet nazzjonali u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn din (sentenza tal-11 ta' Ġunju 1998, Kuusijärvi, C-275/96, Ġabra p. I-3419, punt 28).

39     Id-dritt applikabbli għall-każ ta' ħaddiem li jinsab f'waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 għaldaqstant għandu jiġi ddeterminat skond l-imsemmija dispożizzjonijiet. Ċertament, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tagħha, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' sistema legali oħra ma tistax madankollu dejjem tiġi eskluża. Hekk kif tfakkar il-Kummissjoni, sitwazzjoni bħal din tista', b'mod partikolari, isseħħ meta żewġ miżżewġin jaħdmu f'żewġ Stati Membri differenti li l-liġijiet tagħhom jipprovdu t-tnejn li huma għall-għoti ta' benefiċċji tal-familja analogi (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta' Diċembru 1992, McMenamin, C-119/91, Ġabra p. I-6393). F'dan il-każ, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li xejn fl-inkartament imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħti x'tifhem li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jista' jiġi inkluż fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 fi kwalità oħra ħlief dik ta' "membru tal-familja" ta' missieru, fis-sens ta' l-imsemmi Regolament.

40     L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi sett ta' regoli sabiex tiġi ddeterminata liema leġiżlazzjoni tkun applikabbli f'sitwazzjoni li fiha l-ħaddiem, skond ir-Regolament Nru 1408/71, jeżerċita attività ta' impjieg. F'każ bħal dan, hija l-leġiżlazzjoni ta' l-Istat fejn huwa jeżerċita din l-attività li hija applikabbli.

41     Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 ikopri s-sitwazzjonijiet li fihom il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ma tibqax applikabbli għall-persuna kkonċernata għar-raġuni, b'mod partikolari, li huwa waqqaf l-attivitajiet professjonali tiegħu mingħajr ma l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ieħor issir applikabbli skond ir-regoli msemmija mill-Artikoli 13 sa 17 ta' dan ir-Regolament. F'każ bħal dan, il-persuna kkonċernata hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li hija residenti fih.

42     Rigward l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, huwa minnu li, qabel l-introduzzjoni ta' l-Artikolu 13(2)(f) ta' dan l-istess Regolament, l-imsemmija dispożizzjoni ġiet interpretata fis-sens li ħaddiem li jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu eżerċitati fit-territorju ta' Stat Membru u li mar fit-territorju ta' Stat Membru ieħor mingħajr ma ħadem hemm jibqa' suġġett għal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-aħħar xogħol tiegħu, indipendentement miż-żmien li għadda mit-twaqqif ta' l-attivitajiet in kwistjoni u t-tmiem tar-relazzjoni ta' xogħol (sentenza tat-12 ta' Ġunju 1986, Ten Holder, 302/84, Ġabra p. 1821, punt 15), ħlief meta dan it-twaqqif ikun definittiv (ara s-sentenzi tal-21 ta' Frar 1991, Noij, C-140/88, Ġabra p. I-387, punti 9 u 10, u ta' l-10 ta' Marzu 1992, Twomey, C-215/90, Ġabra p. I-1823, punt 10).

43     Madankollu, l-Artikolu 13(2)(f), introdott fir-Regolament Nru 1408/71 wara s-sentenza Ten Holder, iċċitata iktar 'il fuq, jimplika li twaqqif ta' kull attività professjonali, kemm jekk huwa temporanju jew jekk huwa definittiv, jeskludi l-persuna kkonċernata mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 13(2)(a). L-imsemmi Artikolu 13(2)(f) huwa applikabbli, għaldaqstant, b'mod partikolari, għal persuna li waqqfet l-attivitajiet professjonali tagħha fit-territorju ta' Stat Membru u ttrasferiet ir-residenza tagħha fit-territorju ta' Stat Membru ieħor (ara s-sentenza Kuusijärvi, iċċitata iktar 'il fuq, punti 39 sa 42 u 50).

44     Minn dawn il-preċiżjonijiet jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li fihom detenut waqqaf kull attività professjonali fl-Istat Membru fejn beda jiskonta l-piena tiegħu u, fuq talba tiegħu, ġie ttrasferit minn stabbiliment penitenzjarju li jinsab f'dan l-Istat Membru għal stabbiliment penitenzjarju li jinsab fl-Istat Membru ta' oriġini tiegħu sabiex ikompli hemm il-ħmistax-il xahar ta' detenzjoni li baqagħlu jiskonta, l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-persuna kkonċernata skond ir-regoli ta' kunflitt inklużi fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 ma tistax tkun dik ta' l-Istat Membru li minnu huwa ġie ttrasferit.

45     F'ċirkustanzi tali, fil-fatt, il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tistax tkun dik ta' l-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata tiskonta t-tmiem tal-piena tagħha. Din l-osservazzjoni minnha nfisha hija biżżejjed għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniża għandhiex tkun applikabbli f'dan il-każ, skond l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, bħala leġiżlazzjoni ta' l-Istat ta' residenza tal-persuna kkonċernata, jew, jekk ikun il-każ, u in kunsiderazzjoni tal-preċiżazzjonijiet li jinsabu fl-osservazzjonijiet tal-gvern Ġermaniż, skond l-Artikolu 13(2)(a) ta' l-imsemmi Regolament bħala leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata teżerċita attività professjonali.

46     Barra minn hekk għandu jiġi osservat li l-Artikoli 73 u 74 ta' dan l-istess Regolament jipprovdu li l-ħaddiema suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru (jew il-ħaddiema f'sitwazzjoni ta' qgħad li jgawdu minn benefiċċji ta' qgħad skond il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru), għandhom id-dritt, għall-membri tal-familja tagħhom li għandhom residenza fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni ta' l-ewwel Stat Membru (f'dan ir-rigward, ara, b'mod partikolari, is-sentenza Kuusijärvi, iċċitata iktar 'il fuq, punt 68).

47     Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 1408/71 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, fiċ-ċirkustanzi hekk kif inhuma fil-kawża prinċipali, tissuġġetta l-konċessjoni tal-benefiċċji tal-familja għall-membri tal-familja ta' persuna li waqfet teżerċita kull attività professjonali fit-territorju tagħha bil-kundizzjoni li hija żżomm hemmhekk ir-residenza tagħha (ara, f'sens analogu, is-sentenza Kuusijärvi, iċċitata iktar 'il fuq, punti 50 u 51).

48     Rigward, b'mod partikolari, l-Artikolu 3 ta' l-imsemmi Regolament, għandu jiġi mfakkar li din id-dispożizzjoni tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għalihom il-persuni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi Regolament huma intitolati għall-benefiċċju tal-leġiżlazzjoni ta' kull Stat Membru "bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali ta' dan ir-Regolament". Madankollu, hekk kif ġie stabbilit qabel, mill-Artikoli 13 u 73 tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn il-missier tar-rikorrent fil-kawża prinċipali waqaf jeżerċita kull attività professjonali fl-Awstrija u m'għadux residenti hemm, il-konċessjoni ta' benefiċċji tal-familja lil dan ta' l-aħħar taqa' taħt il-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

49     Għal raġunijiet simili, għandu jitqies li, f'ċirkustanzi hekk kif inhuma fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 12 KE, li għalih tagħmel ukoll riferiment id-domanda preliminari fir-rigward tan-nazzjonalità Ġermaniża tal-missier tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, lanqas ma jimpedixxi l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni li, bħall-UVG, tissuġġetta l-konċessjoni tal-benefiċċji tal-familja lill-membri tal-familja ta' detenut bil-kundizzjoni li l-imsemmija detenzjoni sseħħ fit-territorju tiegħu.

50     Fil-fatt għandu jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li, skond l-Artikolu 12(1) KE, hija pprojbita, fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari tiegħu, kull diskriminazzjoni eżerċitata fuq il-bażi tan-nazzjonalità. Din ir-regola tqiegħdet fis-seħħ, fir-rigward tal-ħaddiema impjegati, permezz ta' l-Artikoli 39 KE sa 42 KE, kif ukoll mill-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji adottati fuq il-bażi ta' dawn l-Artikoli, u b'mod partikolari, permezz tar-Regolament Nru 1408/71. L-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari, għandu l-għan li jassigura, skond l-Artikolu 39 KE, fir-rigward tal-ħaddiema li huwa applikabbli għalihom ir-Regolament, l-ugwaljanza fil-qasam tas-sigurtà soċjali mingħajr distinzjoni ta' nazzjonalità (sentenza tat-28 ta' Ġunju 1978, Kenny, 1/78, Ġabra p. 1489, punti 9 u 11).

51     Barra minn hekk, minkejja li l-Artikoli 12 KE u 3 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom l-għan li jeliminaw id-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq in-nazzjonalità li jistgħu jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni jew mill-prassi amministrattiva ta' l-istess Stat Membru, huma ma jistax ikollhom l-effett li jipprojbixxu d-differenzi ta' trattament li jirriżultaw jekk ikun hemm differenza bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f'dak li jikkonċerna l-benefiċċji tal-familja indikati bħala applikabbli skond ir-regoli ta' kunflitt ta' liġijiet bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71.

52     Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn ħaddiem, fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71, talab u jkun ġie ttrasferit, bħala detenut, fl-Istat Membru ta' oriġini tiegħu, sabiex jiskonta hemm il-bqija tal-piena tiegħu, hija l-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat Membru li, fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja u skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13(2) ta' l-imsemmi Regolament, li hija l-leġiżlazzjoni applikabbli. La d-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi Regolament, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, u lanqas l-Artikolu 12 KE ma jipprekludu li, f'sitwazzjoni bħal din, il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tissuġġetta l-konċessjoni ta' benefiċċji tal-familja bħal dawk previsti mill-UVG għall-membri tal-familja ta' tali ċittadin Komunitarji bil-kundizzjoni li dan ta' l-aħħar jibqa' f'detenzjoni fit-territorju tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

53     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

F'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn ħaddiem, fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1386/2001, tal-5 ta' Ġunju 2001, talab u jkun ġie ttrasferit, bħala detenut, fl-Istat Membru ta' oriġini tiegħu, sabiex jiskonta hemm il-bqija tal-piena tiegħu, hija l-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat Membru li, fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja u skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13(2) ta' l-imsemmi Regolament, li hija l-leġiżlazzjoni applikabbli. La d-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi Regolament, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, u lanqas l-Artikolu 12 KE, ma jipprekludu li, f'sitwazzjoni bħal din, il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tissuġġetta l-konċessjoni ta' benefiċċji tal-familja bħal dawk previsti mill-österreichisches Bundesgesetz über die Gewährung von Vorschüssen auf den Unterhalt von Kindern (Unterhaltsvorschußgesetz) (il-liġi federali Awstrijaka dwar il-konċessjoni ta' ħlas bil-quddiem għall-manteniment tat-tfal) għall-membri tal-familja ta' tali ċittadin Komunitarji bil-kundizzjoni li dan ta' l-aħħar jibqa' f'detenzjoni fit-territorju tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.