62002J0287



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-287/02,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fid-9 ta' Awwissu 2002,

Ir-Renju ta' Spanja, rappreżentat minn L. Fraguas Gadea, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rappreżentata minn M. Niejahr u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' Awla, A. Borg Barthet, J.P. Puissochet, S. von Bahr u J. Malenovsk (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F.G. Jacobs,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta ta' l-20 ta' Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. Permezz ta' rikors, ir-Renju ta' Spanja talab l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/461/KE, tat-12 ta' Ġunju 2002, dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tan-nefqa ta' l-Istati Membri ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG), Taqsima tal-Garanzija, għas-sena finanzjarja 2001 (ĠU L 160, p. 28, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), safejn din tikkonċerna lil dan l-Istat Membru.

Il-kuntest ġuridiku

2. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta' Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU L 160, p. 103, aktar 'il quddiem ir-"regolament bażiku"), fl-Artikoli 1(2)(b) u 2(2) tiegħu, jipprovdi li t-Taqsima tal-Garanzija tal-FAEGG tiffinanzja l-intervenzjonijiet, maħsuba sabiex jistabbilizzaw is-swieq agrikoli, li ttieħdu skond ir-regoli komunitarji fil-kuntest ta' organizzazzjoni komuni ta' dawk is-swieq.

3. Skond id-disa' premessa tar-regolament bażiku:

" [...] għandhom jiġu stabbiliti żewġ tipi ta' deċiżjonijiet, [waħda] li [t]irrigwarda l- clearance [approvazzjoni] mit-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond, u l-[oħra] li [t]istabbilixxi l-konsegwenzi, inklużi r-rettifiki finanzjarji, li jridu joħorġu mir-riżultati tal-kontrolli dwar il-konformità tan-nefqa mar-regoli Komunitarji".

4. Fir-rigward ta' l-ewwel tip ta' deċiżjonijiet, li jikkonċernaw l-approvazzjoni, l-Artikolu 7(3) tar-regolament bażiku jirrikjedi li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tapprova l-kontijiet ta' l-aġenziji tal-ħlas qabel it-30 ta' April tas-sena ta' wara s-sena finanzjarja, abbażi ta' informazzjoni indikata fl-Artikolu 6(1)(b) ta' l-istess regolament. Skond din l-aħħar dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom, perjodikament, jibgħatu lill-Kummissjoni, il-kontijiet annwali ta' l-aġenziji akkreditati tal-ħlas li għandhom x'jaqsmu mat-tranżazzjonijiet iffinanzjati mit-Taqsima tal-Garanzija, flimkien ma' informazzjoni neċessarja għall-approvazzjoni tagħhom kif ukoll attestat dwar l-integralità, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet mibgħuta.

5. It-tieni punt ta' l-Artikolu 7(3) tar-regolament bażiku jipprovdi ukoll li, id-deċiżjoni ta' approvazzjoni tal-kontijiet għandha tkopri l-integralità, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet mibgħuta u m'għandhiex tippreġudika deċiżjoni adottata sussegwentement skond ir-raba' punt ta' l-istess Artikolu.

6. Għal dak li jikkonċerna t-tieni tip ta' deċiżjonijiet, li huma dwar il-konformità, l-ewwel punt ta' l-Artikolu 7(4) tar-regolament bażiku jipprovdi li l-Kummissjoni "għandha tiddeċiedi dwar in-nefqa li trid tiġi eskluża mill-finanzjament Komunitarju [...] fejn issib illi n-nefqa ma tkunx ġiet effettwata skond ir-regoli Komunitarji".

7. Fit-tieni u t-tielet punti, l-imsemmi Artikolu 7(4) jistabbilixxi ukoll l-proċedura li għandha tiġi segwita qabel ma tittieħed kull deċiżjoni ta' rifjut ta' finanzjament. Din il-proċedura tirrikjedi li r-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni u r-risposti ta' l-Istat Membru kkonċernat għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jippruvaw jilħqu ftehim dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Fin-nuqqas ta' ftehim, l-Istat Membru kkonċernat jista' jitlob il-ftuħ ta' proċedura bil-għan li tirrikonċilja l-opinjonijiet rispettivi f'terminu ta' erba' xhur.

8. Permezz ta' l-Artikolu 16(1), ir-regolament bażiku jħassar u jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, tal-21 ta' April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU L 94, p. 13). It-tieni punt ta' l-istess Artikolu jippreċiża li r-referenzi għar-regolament imħassar għandhom jiġu meqjusa bħala referenzi għar-regolament bażiku u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni stabbilita fl-Anness I tar-regolament bażiku. Skond it-tieni punt ta' l-Artikolu 20, ir-regolament bażiku japplika għan-nefqiet li jsiru wara l-1 ta' Jannar 2000.

9. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1663/95, tas-7 ta' Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar [approvazzjoni] tal-kontijiet tat-Taqsima [tal-]Garanziji tal-FAEGG (ĠU L 158, p. 6), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/1999, tat-22 ta' Ottubru 1999 (ĠU L 273, p. 5, aktar 'il quddiem ir-"regolament ta' applikazzjoni"), fl-Artikolu 4 jistabbilixxi li għall-għanijiet ta' l-approvazzjoni tal-kontijiet kif previst fl-Artikolu 7(3) tar-regolament bażiku, l-Istat Membru għandu jibgħat il-kontijiet annwali tan-nefqa a karigu tat-Taqsima tal-Garanzija, ir-rapporti stabbiliti minn kull servizz jew aġenzija tal-ħlas kif ukoll iċ-ċertifikati u r-rapporti stabbiliti mill-korp jew korpijiet li joħorġu ċ-ċertikati, lill-Kummissjoni sa l-10 ta' Frar wara l-aħħar tas-sena finanzjarja kkonċernata.

10. L-ewwel punt ta' l-Artikolu 7(1) tar-regolament ta' applikazzjoni jipprovdi li d-deċiżjoni ta' approvazzjoni tal-kontijiet indikati fl-Artikolu 7(3) tar-regolament bażiku tiddetermina, mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet meħuda sussegwentement taħt ir-raba' punt ta' dan l-Artikolu, l-ammont tan-nefqa effettwata f'kull Stat Membru matul is-sena finanzjarja kkonċernata li għandu jiġi rikonoxxut bħala li huwa a karigu tal-FAEGG, fuq il-bażi tal-kontijiet mibgħuta kif ukoll tar-riduzzjonijiet u tas-sospensjonijiet ta' avvanzi fl-istess sena. It-tieni punt ta' l-Artikolu 7(1) tar-regolament ta' applikazzjoni jipprovdi li:

"L-ammonti li, bħala riżultat tad-deċiżjoni ta' hawn fuq, jistgħu jiġu rkuprati mingħand, jew jitħallsu lil, kull Stat Membru għandhom jiġu stabbiliti billi jitnaqqsu l-avvanzi mħallsa rigward is-sena finanzjarja interessata min-nefqa rrikonoxxuta għall-istess sena skond l-ewwel sottopunt. Dawn l-ammonti għandhom jiġu mnaqqsa minn, jew miżjuda mal-ħlasijiet li jitħallsu mit-tieni xahar wara x-xahar li fih tkun seħħet id-deċiżjoni dwar il-verifikar [l-approvazzjoni] tal-kontijiet."

11. Skond l-Artikolu 7(2) tar-regolament ta' applikazzjoni, "[i]l-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri interessati r-riżultati tal-verifiki tagħha dwar it-tagħrif ipprovvdut, flimkien ma' kull emenda li tipproponi, qabel il-31 ta' Marzu li jiġi wara t-tmiem tas-sena finanzjarja".

12. L-Artikolu 8 (1) tar-regolament ta' applikazzjoni jgħid is-segwenti:

"Jekk, bħala riżultat ta' inkjesta, il-Kummissjoni tikkunsidra illi n-nefqa ma ġietx effettwata skond ir-regoli Komunitarji, għandha tinnotifika lill-Istati Membri in kwistjoni bir-riżultati tal-kontrolli tagħha u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata l-konformità fil-futur.

Il-komunikazzjoni għandha tirreferi għal dan ir-Regolament. L-Istat Membru għandu jwieġeb fi żmien xahrejn [...].

Wara li jiskadi ż-żmien permess għat-tweġiba, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru għal diskussjoni bilaterali u l-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom li jilħqu ftehim dwar il-miżuri li jridu jittieħdu u dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u t-telf finanzjarju lill-Komunità. Wara din id-diskussjoni u kull temma taż-żmien [terminu] ta' wara d-diskussjoni ffissata mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, għall-provvediment ta' iżjed tagħrif jew, fejn l-Istat Membru ma jaċċettax l-istedina għal laqgħa qabel it-temma taż-żmien [terminu] iffissat mill-Kummissjoni, wara li tkun għaddiet din it-temma taż-żmien [terminu], il-Kummssijoni għandha formalment tikkomunika l-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru [...] Mingħajr preġudizzju għar-raba' subpunt ta' dan il-punt, din il-komunikazzjoni għandha tinkludi evalwazzjoni ta' kull nefqa li l-Kummissjoni jkun bi ħsiebha li teskludi skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1258/99.

L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli dwar il-miżuri korrettivi adottati sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tar-regoli Komunitarji u dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Il-Kummissjoni għandha, kif approprjat, tadotta waħda jew iktar mid-deċiżjonijiet skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1258/99 sabiex teskludi n-nefqa affettwata minn-nuqqas ta' ħarsien tar-regoli Komunitarji sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri korrettivi."

Il-fatti u l-proċedura

13. Wara li irċeviet l-kontijiet annwali tan-nefqa effettwata mill-aġenziji tal-ħlas Spanjoli għas-sena finanzjarja 2001, il-Kummissjoni kkomunikat ir-riżultati tal-verifiki tagħha lill-awtoritajiet Spanjoli permezz ta' ittra datata 27 ta' Marzu 2002. Filwaqt li ppreċiżat li din l-ittra kienet tikkostitwixxi komunikazzjoni skond l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8(1) tar-regolament ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ser tipproponi l-approvazzjoni ta' diversi aġenziji tal-ħlas, inkluża ta' Navarra, qabel it-30 ta' April 2002. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li, għall-kuntrarju, hija ma pproponietx l-approvazzjoni tal-kontijiet ta' l-aġenziji tal-ħlas tal-Fondo español de garantía agraria (FEGA), ta' Castille-La Manche, tal-Baleariċi, ta' La Riojo u tal-Pajjiż Bask. L-anness ta' din l-ittra jindika, f'kull każ, in-natura tal-verifiki u ta' l-informazzjoni supplimentari li kienu meħtieġa qabel il-proposta ta' approvazzjoni kif ukoll ir-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni.

14. Fid-19 ta' April 2002, waqt laqgħa tal-kumitat tal-"FAEGG" skond l-Artikolu 7(1) tar-regolament bażiku u li assistew għaliha l-awtoritajiet Spanjoli, il-Kummissjoni qassmet rapport sommarju li kien jinkludi r-riżultati tal-verifiki tagħha (aktar 'il quddiem "rapport sommarju") u abbozz tad-deċiżjoni ta' approvazzjoni tal-kontijiet.

15. Permezz ta' ittra tat-22 ta' April 2002, l-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-abbozz tad-deċiżjoni u dwar ir-rapport sommarju lill-Kummissjoni.

16. Permezz ta' ittra tal-25 ta' April 2002, dawn l-istess awtoritajiet bagħtu, lill-Kummissjoni, l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-kontijiet ta' l-aġenzija tal-ħlas ta' Castille-La Manche abbażi ta' dokument magħmul fit-23 ta' April 2002, b'mod partikolari, mill-korp li joħroġ iċ-ċertifikati, b'risposta għall-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (aktar 'il quddiem "dokument dwar l-abbozz tad-deċiżjoni) fejn ikkontestaw kemm l-approvazzjoni tal-kontijiet kif ukoll il-proċedura ta' konformità li kienet qed tittieħed. L-awtoritajiet Spanjoli sostnew li l-korp li joħroġ iċ-ċertifikati jikkalkula li kiseb biżżejjed garanziji, li l-kontijiet kienu kompluti, eżatti u konformi mal-verità. Huma jsostnu li r-rettifika proposta mill-Kummissjoni ma kellhiex tinkludi l-indennizzi kumpensatorji, iżda kellha tkun limitata għall-għajnuna mogħtija għall-kultivazzjoni tal-qamħirrun irrigat. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-imsemmija awtoritajiet ikkunsidraw li r-rettifika kellha tkun stabbilita għal EUR 17 855 u mhux għal EUR 1 831 526.08.

17. Fil-11 ta' Ġunju 2002, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu dokumenti li kienu jikkonċernaw il-kontijiet ta' l-aġenzija tal-ħlas ta' Navarra.

18. Fit-12 ta' Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Din id-deċiżjoni, li l-bażi legali tagħha huwa l-Artikolu 7(3) tar-regolament bażiku, approvat il-kontijiet ta' l-aġenziji tal-ħlas Spanjoli kollha, ħlief dawk ta' FEGA u tal-Pajjiż Bask, u kienet tinkludi xi emendi fil-kontijiet approvati.

19. Sussegwentement, l-awtoritajiet Spanjoli komplew jibgħatu dokumenti lill-Kummissjoni u jippreżentaw argumenti dwar il-kwistjonijiet ta' mertu fil-kuntest tal-proċedura li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' konformità prevista fl-Artikolu 7(4) tar-regolament bażiku.

20. Permezz tar-rikors preżenti, ir-Renju ta' Spanja talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din tinkludi emendi intiżi sabiex jikkoreġu l-iżbalji fil-kontijiet ta' l-aġenziji tal-ħlas ta' Castille-La Manche, ta' Navarra u tal-Pajjiż Bask (aktar 'il quddiem "aġenziji tal-ħlas in kwistjoni"). Barra minn hekk, huwa jitlob il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta' l-ispejjeż.

21. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-Renju ta' Spanja għall-ħlas ta' l-ispejjeż.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-regolament ta' applikazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

22. Permezz ta' l-ewwel motiv, il-Gvern Spanjol isostni li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma osservat il-proċedura ta' kontestazzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tar-regolament ta' applikazzjoni. B'mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni kisret din id-dispożizzjoni billi adottat l-imsemmija deċiżjoni mingħajr ma stenniet ir-risposta ta' l-awtoritajiet Spanjoli għall-komunikazzjoni ta' l-abbozz tad-deċiżjoni, mingħajr ma sejħet lill-awtoritajiet Spanjoli għal laqgħa bilaterali sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur allegat u mingħajr ma ħalliethom, jekk ikun il-każ, jitolbu l-ftuħ tal-proċedura ta' konċiljazzjoni. Dan il-Gvern isostni li, peress illi l-Kummissjoni mxiet b'dan il-mod, l-imsemmija awtoritajiet ma tħallewx, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża, iressqu l-elementi ta' prova u jippreżentaw id-dokumenti neċessarji sabiex jiġġustifikaw in-nefqa effettwata.

23. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tissottolinja li d-deċiżjoni kkontestata, adottata abbażi ta' l-Artikolu 7(3) tar-regolament bażiku, taqa' taħt il-fażi ta' approvazzjoni tal-kontijiet u mhux taħt dik tad-deċiżjoni ta' konformità prevista fir-raba' punt ta' l-istess Artikolu. Hija żżid tgħid li, qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni ta' approvazzjoni tal-kontijiet, hija għandha obbligu taħt l-Artikolu 7(2) tar-regolament ta' applikazzjoni li lill-Istat Membru kkonċernat tibgħatlu, minn qabel, ir-riżultati tal-verifiki tagħha u kull emenda li taħseb li għandha ssir.

24. Il-Kummissjoni ssostni li, konformement ma' ġurisprudenza kostanti tal-Qorti dwar id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li fihom hija tnaqqas is-somom mogħtija bil-quddiem kull xahar lill-Istati Membri fil-kuntest tan-nefqiet iffinanzjati mill-FAEGG, teżisti regola ġenerali li l-Kummissjoni ma tistax talloka, fl-amministrazzjoni tal-politika komuni agrikola, fondi li ma jikkonformawx mar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq in kwistjoni (sentenzi tas-17 ta' Ottubru 1991, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-342/89, Ġabra p. I-5031, punt 14, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-346/89, Ġabra p. I-5057, punt 14). Konsegwentement, hija għandha setgħa li taġġusta l-kontijiet ta' l-aġenziji tal-ħlas qabel ma taċċettahom filwaqt li tagħmel ir-rettifiki li għandhom isiru meta ssib li ċerti nefqiet saru mingħajr ma ġew osservati tali regoli.

25. Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija ta' natura purament provviżorja fis-sens li d-determinazzjoni tal-fatt li n-nefqiet in kwistjoni ma jikkonformawx mar-regoli komunitarji u r-rifjut definittiv ta' finanzjament komunitarju jiddependu fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' konformità li, fl-aħħar tal-proċedura ta' kontestazzjoni prevista fl-Artikolu 7(4) tar-regolament bażiku u fl-Artikolu 8 tar-regolament ta' applikazzjoni, tikkonferma, jekk ikun il-każ, l-aġġustamenti diġa effettwati fil-kontijiet. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni tal-Gvern Spanjol li d-drittijiet tad-difiża tar-Renju ta' Spanja kienu ġew miksura.

26. Fir-replika tiegħu, l-Gvern Spanjol, min-naħa, isostni li fl-ittra tagħha tas-27 ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni ma ssemmi ebda rettifika finanzjarja li kellha ssir fl-istadju ta' approvazzjoni tal-kontijiet ta' l-aġenziji tal-ħlas in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, li l-ammont tan-nefqiet li kellhom jiġu esklużi mill-finanzjament ma ġiex ikkwantifikat ħlief fir-rapport sommarju u fl-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni korrispondenti li ġew diskussi fil-laqgħa tal-kumitat tal-FAEGG tad-19 ta' April 2002. Huwa jallega ukoll li r-rapport sommarju ma jeżistix fil-lingwa Spanjola.

27. Barra minn hekk, il-Gvern Spanjol isostni li, minkejja l-ġurisprudenza ċitata mill-Kummissjoni, ir-rettifiki finanzjarji m'għandhomx jiġu implimentati fil-kuntest ta' l-approvazzjoni tal-kontijiet. L-ewwelnett, in-nefqiet li saru mingħajr ma ġew osservati ir-regoli ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq in kwistjoni kienu inqas mil-livell ta' żball materjali kif definit mill-Kummissjoni. It-tieninett, fil-fehma tal-korpi li joħorġu ċ-ċertifikati, kienu nkisbu biżżejjed garanziji fir-rigward ta' l-integralità, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet. It-tieletnett, l-imsemmija ġurisprudenza tkopri deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li fihom hija tnaqqas is-somom mogħtija bil-quddiem kull xahar, li l-bażi legali tagħhom hija differenti minn dik tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rabanett, l-imsemmi Gvern jikkontesta l-fatt li deċiżjoni ta' approvazzjoni tal-kontijiet, li ma tkunx limitata esklussivament għall-applikazzjoni ta' "aġġustamenti tal-kontijiet" u li ma kinitx adottata in konformità mal-proċeduri formali previsti għal dan il-għan, tiġi imposta unilateralment, anke jekk tkun diġa saret il-proċedura li twassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' konformità. Fl-aħħarnett, il-Gvern Spanjol ikkwalifika bħala "prematuri" ir-rettifiki finanzjari li emendaw il-kontijiet ta' l-aġenziji tal-ħlas in kwistjoni qabel it-tmiem tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' konformità, u barra minn hekk, fil-każ ta' l-aġenzija tal-ħlas tal-Pajjiż Bask, id-deċiżjoni kkontestata ma għaddietx għall-approvazzjoni tal-kontijiet.

28. Fil-kontro-replika tagħha, il-Kummissjoni rrifjutat li l-aġġustamenti li jemendaw il-kontijiet ta' l-aġenziji tal-ħlas in kwistjoni huma ta' natura primatura. L-informazzjoni disponibbli kienet tippermetti li jiġu dedotti xi konklużjonijiet ġenerali dwar l-integralità, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet mibgħuta, u wara dan, in-nefqa indikata kienet tiġi aċċettata jew irrifjutata jekk ma kinitx tkun ġiet allokata in konformità mar-regoli komunitarji.

29. Barra minn hekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-oġġezzjonijiet, imqajma mill-Gvern Spanjol fir-replika tiegħu, fir-rigward tal-komunikazzjoni, permezz ta' ittra datata 27 ta' Marzu 2002, ta' l-emendi li kienet ipproponiet li tagħmel fil-kontijiet mibgħuta, jikkostitwixxu motiv ġdid li għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli. Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

30. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni ssostni li dak li qed jiġi kkontestat f'din il-kawża, hija l-fakultà tagħha li tagħmel xi aġġustamenti fil-kontijiet annwali ta' aġenziji tal-ħlas għal nefqiet li ma kellhomx isiru, li jirriżultaw fi problemi ta' kwalità tal-kontijiet u, fuq kollox, fi problemi ta' konformità mal-leġiżlazzjoni komunitarja fis-seħħ. Ir-rikonoxximent ta' din il-fakultà hija fi kwalunkwe każ essenzjali sabiex il-proċedura ta' approvazzjoni tal-kontijiet annwali ma titlifx is-sens tagħha.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31. Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni għandhiex is-setgħa li tagħmel xi rettifiki finanzjarji fil-kontijiet annwali ta' l-aġenziji tal-ħlas mill-istadju tad-deċiżjoni tagħha dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet.

32. L-ewwelnett, l-Artikolu 7(3) tar-regolament bażiku jipprovdi li tali deċiżjoni, li tkopri l-integralità, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet mibgħuta, ma tippreġudikax deċiżjoni sussegwenti adottata b'applikazzjoni tar-raba' punt ta' l-istess Artikolu u li tikkonċerna n-nefqiet li ma jaqgħux taħt il-finanzjament komunitarju kemm-il darba ma jkunux effettwati in konformità mar-regoli komunitarji. L-Artikolu 7(1) tar-regolament ta' applikazzjoni jirrepeti dan il-punt u jippreċiża li l-ammonti li jistgħu jiġu rkuprati mingħand kull Stat Membru, konformement ma' din l-aħħar deċiżjoni, huma determinati billi jitnaqqas l-ammont ta' somom mogħtija bil-quddiem mħallsa matul is-sena finanzjarja in kwistjoni min-nefqa li tkun saret matul l-istess sena. Jirriżulta li ma' l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' approvazzjoni tal-kontijiet, il-Kummissjoni tista' tasal għall-konklużjonijiet li hemm nuqqasijiet fil-kwalità tal-kontijiet mibgħuta, u dan indipendentement mid-deċiżjoni ta' konformità prevista fl-Artikolu 7(4).

33. It-tieninett, skond l-Artikolu 7(2) tar-regolament ta' applikazzjoni, jistgħu jiġu proposti xi emendi abbażi tal-verifiki tal-kontijiet annwali qabel l-approvazzjoni, fuq il-kundizzjoni li l-proposti jiġu mibgħuta lill-Istat Membru kkonċernat qabel il-31 ta' Marzu ta' wara l-aħħar tas-sena finanzjarja rilevanti. F'dan ir-rigward, mill-ittra tas-27 ta' Marzu 2002 u l-Anness tagħha, jirriżulta li r-rettifiki proposti fir-rigward tal-kontijiet annwali ta' l-aġenziji tal-ħlas ta' Castille-La Manche u tal-Pajjiż Bask ġew ikkomunikati lir-Renju ta' Spanja.

34. Fl-aħħarnett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax talloka, fl-amministrazzjoni tal-politika komuni agrikola, fondi li ma jikkonformawx mar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq in kwistjoni u li din ir-regola hija ta' applikazzjoni ġenerali (sentenzi ċitati aktar 'il fuq Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punti 14 u 15, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, punti 14 u 15).

35. Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li meta l-Kummissjoni tirrileva li l-kontijiet ta' l-aġenziji tal-ħlas jinkludu nefqiet effettwati kuntrarjament għar-regoli komunitarji li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq in kwistjoni, hija għandha s-setgħa li tasal għal kull konklużjoni u għaldaqstant tagħmel xi rettifiki finanzjarji fil-kontijiet annwali ta' l-aġenziji tal-ħlas mill-istadju tad-deċiżjoni tagħha dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet skond l-Artikolu 7(3) tar-regolament bażiku.

36. Anke jekk l-effettwar ta' tali rettifiki fil-kuntest tad-deċiżjoni ta' approvazzjoni jaqa' taħt il-kompetenzi tal-Kummissjoni, għandu jiġi vverifikat jekk, fil-każ in eżami, kienux ġew imħarrsa d-drittijiet tad-difiża fir-rigward tar-Renju ta' Spanja, punt li ġie espressament ikkontestat mill-Gvern Spanjol.

37. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti jirriżulta li l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża f'kull proċedimenti mressqa kontra persuna u li tista' twassal għal att li jaffettwaha b'mod negattiv jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt komunitarju li għandu jiġi assigurat anke fin-nuqqas ta' kull leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedimenti. Dan il-prinċipju jeħtieġ li d-destinarji tad-deċiżjonijiet, li jaffettwaw l-interessi tagħhom b'mod sinjifikanti, jiġu mogħtija l-opportunità li jinstemgħu (ara, b'mod partikolari, sentenzi ta' l-24 ta' Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestral et, C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21, u tal-21 ta' Settembru 2000, Mediocurso vs Il-Kummissjoni, C-462/98 P, Ġabra p. I-7183, punt 36).F

38. F'dan il-każ, il-possibiltà li ġiet mogħtija lill-awtoritajiet Spanjoli li jippreżentaw l-opinjoni tagħhom dwar il-proposti ta' approvazzjoni tal-kontijiet, kemm matul il-kors ta' skambju ta' korrispondenza bejn dawn l-awtoritajiet u l-Kummissjoni kif ukoll dak in-nhar tal-laqgħa tal-kumitat FAEGG li saret fid-19 ta' April 2002, li seħħew qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tissodisfa l-ħtiġijiet tal-prinċipju tal-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża.

39. L-argumenti tal-Gvern Spanjol li l-Kummissjoni kellha ssejjaħ laqgħa bilaterali u, li jekk ikun il-każ, tippermetti lir-Renju ta' Spanja jitlob il-ftuħ tal-proċedura ta' konċiljazzjoni, għandhom jiġu respinti. Fil-fatt, il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(1) tar-regolament ta' applikazzjoni għad-determinazzjoni definitiva tar-rettifiki li għandhom jiġu effettwati ma kinitx ġiet osservata fid-data li fiha l-imsemmi Stat Membru ppreżenta r-rikors tiegħu. Konsegwentement, dawn l-argumenti huma irrilevanti fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

40. Għal dak li jikkonċerna l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Gvern Spanjol fir-replika tiegħu u relatati ma' l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni illi, fl-ittra tagħha tas-27 ta' Marzu 2002, tikkomunikalu r-rettifiki finanzjarji proposti fil-kuntest ta' l-approvazzjoni tal-kontijiet, għandu jiġi rilevat li r-rikors jinkludi motiv invokat prinċipalment, ibbażat fuq ksur tar-regolament ta' applikazzjoni, li fih huwa sostnut li l-proċedura ta' kontestazzjoni kumplessa prevista fl-Artikolu 8(1) ta' dan ir-regolament ma ġietx osservata. L-imsemmija oġġezzjonijiet, li ma jikkonċernawx din il-proċedura ta' kontestazzjoni, ma jistgħux jiġu inklużi fl-imsemmi motiv f'dan l-istadju u għalhekk għandhom jiġu kkunsidirati bħala motiv ġdid li tqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika.

41. Madankollu, f'dan il-każ, matul il-proċedura ma ġie rilevat ebda element ġdid li jiġġustifika li l-Gvern Spanjol invoka tali motiv tardivament, meta huwa kellu l-possibiltà li jqajjem dan il-motiv fir-rikors promotur tiegħu. Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġu ddikjarat bħala inammissibbli b'applikazzjoni ta' l-ewwel punt ta' l-Artikolu 42(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti. L-istess għandu jingħad fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' verżjoni tar-rapport sommarju fil-lingwa Spanjola peress illi dan il-motiv huwa ukoll imqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika.

42. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ippreżentat sussidjarjament u bbażat fuq in-natura żbaljata ta' l-ammont li għandu jiġi rkuprat kif stabbilit fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata

43. Fil-każ li l-Qorti ma ssibx nuqqas fil-proċedura relattiva għar-rettifika finanzjarja magħmula fil-kontijiet ta' l-aġenziji tal-ħlas in kwistjoni, il-Gvern Spanjol isostni li, għal dak li jikkonċerna l-kontijiet ta' l-aġenzija tal-ħlas ta' Castille-La Manche, ir-rettifika finanzjarja li tidher fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata kemm fil-prinċipju tagħha kif ukoll fl-ammont tagħha.

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, relattiv għal bażi tar-rettifika finanzjarja magħmula fil-kontijiet ta' l-aġenzija tal-ħlas CastilleLa Manche

- L-argumenti tal-partijiet

44. Il-Gvern Spanjol, sabiex jikkontesta l-bażi tar-rettifika finanzjarja, jibbaża ruħu fuq l-osservazzjonijiet li l-korp li joħroġ iċ-ċertifikati għamel fid-dokument dwar l-abbozz tad-deċiżjoni. Huwa jsostni li, f'dan id-dokument, il-korp li joħroġ iċ-ċertifikati jgħid li l-unika osservazzjoni prinċipali, li jeħtieġ li tiġi eżaminata immedjatament mill-uffiċjali għolja ta' l-aġenzija tal-ħlas, rilevata fir-rapport tiegħu ta' verifika għaċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet tas-sena FAEGG 2001 (aktar 'il quddiem ir-"rapport ta' ċertifikazzjoni") dwar in-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn iċ-ċentru ta' amministrazzjoni u d-dipartiment ta' l-informatika, tagħmel riferiment għal żball finanzjarju dovut għal applikazzjoni inkorretta tal-ko-effiċjent għal sanzjoni ta' raba' mhux maħdum fir-rigward tal-qamħirrun irrigat. Il-korp li joħroġ iċ-ċertifikati jikkunsidra li, min-naħa, il-kwistjoni hija dwar żball li ma ġiex ikkonstatat matul is-snin preċedenti u li jaffettwa biss wieħed mid-diversi titoli tal-baġit miġbura taħt l-isem "prodotti agrikoli kkultivati fuq raba' li jinħarat", u min-naħa l-oħra, li l-iżball huwa sistematiku, dak li jippermetti li jiġi identifikat il-mekkaniżmu li ġġenerah, u, konsegwentement, li jiġu evalwati eżattament il-konsegwenzi.

45. Barra minn hekk, filwaqt illi jibbaża fuq il-linji ta' gwida tal-Kummissjoni nru 8, li jinsab fid-dokument VI/5331/98, intitolat "Linji ta' gwida għaċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet ta' l-aġenziji tal-ħlas tal-FAEGG" u fuq l-għażla ta' kampjuni u l-evalwazzjoni ta' l-iżbalji mill-korpi nazzjonali li joħorġu ċ-ċertifikati, il-Gvern Spanjol isostni li ma tistax issir rettifika finanzjarja, għall-inqas fil-fazi ta' approvazzjoni tal-kontijiet, peress illi r-riżultat tad-deduzzjoni ta' l-iżbalji kollha li joħorġu mill-verifika tal-kontijiet ta' referenza jilħaq is-somma ta' EUR 7 725 640.85, li hija taħt il-livell ta' żball materjali, ikkalkulat bil-1% tan-nefqiet kollha. Għal din ir-raġuni, l-korp li joħroġ iċ-ċertifikati seta' jikkonkludi l-integralità, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet mibgħuta mill-aġenzija tal-ħlas ta' Castille-La Manche għas-sena finazjarja 2001.

46. Fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tesponi r-raġunijiet li għalihom is-servizzi tagħha kkonkludew li l-kontijiet ta' l-aġenzija tal-ħlas ma jistgħux jiġu approvati qabel ma jiġu aġġustati. F'dan ir-rigward hija tibbaża, b'mod partikolari, fuq ir-rapport ta' ċertifikazzjoni. Bħall-korp li joħroġ iċ-ċertifikati, hija qabblet l-informazzjoni li tinsab f'dan ir-rapport ma' dik illi tidher fir-rapport ta' l-imsemmi korp li fih il-konklużjonijiet tal-verifika tal-kontijiet tas-sena preċedenti.

47. Il-Kummissjoni tirrileva li r-rapport ta' ċertifikazzjoni, kif ċitat minnha, jinkludi, fost l-"Osservazzjonijiet li mhux korretti fl-intier tagħhom fis-sena preżenti", osservazzjoni prinċipali dwar is-settur tal-prodotti agrikoli kkultivati fuq raba' li jinħarat. Din hija dwar il-koordinazzjoni bejn iċ-ċentru ta' amministrazzjoni u s-servizz informatiku bil-għan li l-applikazzjonijiet informatiċi ta' l-amministrazzjoni ta' l-għajnuniet jiġu emendati.

48. Il-Kummissjoni żżid tgħid li, skond il-korp ta' ċertifikazzjoni, din l-osservazzjoni prinċipali tirriferi għal osservazzjonijiet relatati ma' żewġ tipi ta' żbalji fil-kontijiet tas-sena preċedenti u li jidhru fir-rapport ta' dan il-korp. L-ewwel wieħed huwa żball informatiku li kkawża l-ħlas ta' ammonti żbaljati fir-rigward ta' l-għajnuniet lill-benefiċċjarji tas-suppliment mogħti lill-produzzjoni tal-qamħ iebes fiż-żoni speċjali. It-tieni żball, li ma jistax jiġi spjegat, huwa marbut ma' sistema ta' l-informatika li tosserva nuqqasijiet fit-tqassim ta' informazzjoni fir-rigward ta' l-osservanza ta' l-obbligu ta' superfiċje minimu għar-raba' iddikjarat bħala raba' li mhux maħdum. Dan l-aħħar żball wassal għall-ħlas ta' ammonti akbar minn dawk li kellhom jitħallsu.

49. Skond ir-rapport ta' ċertifikazzjoni, kif ċitat mill-Kummissjoni, l-eżistenza ta' nuqqasijiet simili fil-kontijiet tas-sena 2001 tindika li l-iżbalji li jidhru fil-kontijiet tas-sena preċedenti ma ġewx rettifikati qabel ma saru kontijiet oħrajn. Il-Kummissjoni tikkunsidra li mill-imsemmi rapport jirriżulta li l-iżbalji mhumiex regolari. Hija tirreferi għal żbalji fir-rigward tal-qamħ iebes u għal diffikultajiet fir-rigward tar-reviżjoni tal-fatturi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkulata l-għajnuna għas-superfiċje, tali reviżjoni saret neċessarja minħabba r-repetizzjoni ta' żbalji fl-applikazzjonijiet informatiċi.

50. Il-Kummissjoni tindika b'mod partikolari li applikazzjoni inkorretta tat-tnaqqis tas-superfiċje ta' raba' mhux maħdum li jikkonċerna l-qamħirrun irrigat wasslet għall-ħlas ta' ammonti żbaljati fis-sena 2001. Hija ssostni ukoll, fuq il-bażi tar-rapport ta' ċertifikazzjoni, li r-riżultati ta' l-ispezzjonijiet ma ġewx reġistrati korrettament fis-sistema ta' l-informatika u li din is-sistema ma osservatx in-nuqqas ta' reġistrazzjoni ta' dawn ir-riżultati.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51. Skond l-Artikolu 7(1) tar-regolament ta' applikazzjoni, id-deċiżjoni ta' approvazzjoni tal-kontijiet tiddetermina l-ammont tan-nefqa annwali effettwati f'kull Stat Membru matul is-sena finanzjarja kkonċernata u li għandhom jiġu rikonoxxuti bħala li huma a karigu tal-FAEGG. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni inevitabilment tgħaddi għal valutazzjoni ta' l-ammonti li mhumiex rikonoxxuti.

52. Barra minn hekk, skond ġurisprudenza kostanti, ir-regolament bażiku jippermetti lill-Kummissjoni tpoġġi biss a karigu tal-FAEGG dawk l-ammonti mħallsa in konformità mar-regoli stabbiliti fis-setturi differenti tal-prodotti agrikoli (ara, b'mod partikolari, sentenzi tal-25 ta' Frar 1988, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, 327/85, Ġabra p. 1065, punt 24; tat-8 ta' Jannar 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-197/90, Ġabra p. I-1, punt 38, u ta' l-24 ta' Jannar 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-118/99, Ġabra p. I-747, punt 38) u jobbliga lill-Kummissjoni tirrifjuta l-finanzjament tan-nefqiet meta ssib li hemm xi irregolaritajiet (sentenza tad-9 ta' Jannar 2003, Il-Ġreċja vs Il-Kummissjoni, C-157/00, Ġabra p. I-153, punt 44).

53. Minn ġurisprudenza kostanti jidher ukoll li l-Kummissjoni m'għandhiex, bil-għan li tipprova l-eżistenza ta' ksur tar-regoli ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, turi b'mod eżawrjenti l-insuffiċjenza tal-kontrolli effettwati mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-ineżattezza taċ-ċifri mibgħuta minnhom, iżda għandha tippreżenta element ta' prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija ssib fir-rigward ta' dawn il-kontrolli u ta' dawn iċ-ċifri. Dan in-nuqqas ta' oneru ta' prova li tgawdi minnu l-Kummissjoni jista' jiġi spjegat minħabba l-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG u li, bħala konsegwenza, għandu l-obbligu li jippreżenta l-prova l-aktar dettaljata u kompluta tal-veraċità tal-kontrolli tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu u, li jekk ikun il-każ, ta' l-ineżattezza ta' l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara sentenzi tas-6 ta' Marzu 2001, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-278/98, Ġabra p. I-1501, punti 39 sa 41; Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, ċitata aktar 'il fuq, punti 15 sa 17, u ta' l-4 ta' Marzu 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-344/01, Ġabra p. I-2081, punt 58).

54. Barra minn hekk, il-Qorti ddeċidiet ripetutament li, min-naħa tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat ma setgħax jikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta' elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta' sistema ta' kontroll affidabbli u operattiva (sentenza, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, ċitata aktar 'il fuq, punt 18).

55. Fil-każ in eżami, fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat provi sinjifikanti rigward id-dubju li hija kellha fir-rigward ta' l-affidabilità tal-kontrolli effettwati fl-2001 mill-awtoritajiet Spanjoli. Mill-bidunett, hija sostniet li l-iżbalji li saru fil-kontijiet tas-sena 2000 u inklużi ukoll żbalji li kienu jirriżultaw mill-applikazzjonijiet informatiċi li wasslu għall-ħlas ta' ammonti żbaljati fir-rigward tal-qamħ iebes u tas-superfiċje minimu tar-raba' ddikjarat bħala raba' mhux maħdum ma kienux ġew rettifikati fis-sena ta' wara. Hija ssottolinjat, fuq il-bażi tar-rapport ta' ċertifikazzjoni, min-naħa, li applikazzjoni inkorretta tat-tnaqqis tas-superfiċje ta' raba' mhux maħdum fir-rigward tal-qamħirrun irrigat wassal għall-ħlas ta' ammonti żbaljati fis-sena 2001, differenzi li kienu jidhru waqt il-kontroll tal-fajls, u, min-naħa l-oħra, li ma sarux il-kontrolli intiżi sabiex jiggarantixxu r-reġistrazzjoni tar-riżultati ta' l-ispezzjonijiet. Fl-aħħarnett, skond partijiet mir-rapport ta' ċertifikazzjoni annessi mar-rispost tal-Kummissjoni, dawn il-kontrolli mhumiex preżenti għal diversi aspetti tas-settur tal-prodotti agrikoli kkultivati fuq raba' li jinħarat.

56. Madankollu, l-Gvern Spanjol ma ġabx il-prova tal-veraċità ta' dan il-kontrolli u lanqas ta' l-ineżatezzi ta' l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, huwa ma weriex li n-nuqqasijiet fis-sistema ta' kontroll tas-sena 2000 ġew rettifikati b'mod li din is-sistema tkun waħda affidabbli għas-sena 2001. Is-sempliċi affermazzjoni li l-iżball jikkonċerna biss it-titolu tal-baġit li jikkorrispondi għall-qamħirrun irrigat ma jissodisfax l-oneru tal-prova li jinkombi fuq l-Istat Membru kkonċernat kif ġie stabbilit mill-ġurisprudenza ċitata fil-punt 54 ta' din is-sentenza.

57. Barra minn hekk, ma jistax jiġi sostnut li r-riżultat tad-deduzzjoni ta' l-iżbalji kollha li nstabu huma taħt il-livell ta' żball materjali stabbilit mill-linji ta' gwida tal-Kummissjoni nru 8. Fil-fatt, din il-linja ta' gwida tkopri l-għażla ta' kampjuni u l-evalwazzjoni ta' l-iżbalji mill-korpi nazzjonali li joħorġu ċ-ċertifikati. Hija ma tistax tostakola l-kompetenza tal-Kummissjoni li tagħmel xi emendi fil-kontijiet annwali fl-istadju tad-deċiżjoni ta' l-approvazzjoni tagħhom.

58. Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-argument tal-Kummissjoni huwa tali li jikkostitwixxi element ta' dubju serju u raġonevoli fir-rigward tar-riżultati tal-kontrolli effettwati mill-awtoritajiet Spanjoli, li ma kkontradixxewx dan l-argument b'mod sostanzjali. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li ssib ksur tar-regoli komunitarji dwar n-nefqiet tal-FAEGG u, mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni ta' l-evalwazzjoni ta' l-ammont tan-nefqiet esposti b'mod inkorrett, li tagħmel rettifika finanzjarja.

59. Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv invokat mir-Renju ta' Spanja b'sostenn għar-rikors tiegħu għandu jiġi respint.

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar il-kalkolu tar-rettifika finanzjarja magħmula fil-kontijiet ta' l-aġenzija tal-ħlas ta' Castille-La Manche

- L-argumenti tal-partijiet

60. L-ewwelnett, il-Gvern Spanjol isostni li r-rettifika finanzjarja kellha tkun biss fir-rigward tat-titolu tal-prodotti agrikoli kkultivati fuq raba' li jinħarat li fejn sar l-iżball minħabba nuqqas ta' koordinazzjoni bejn is-servizzi, jiġifieri t-titolu li jikkorrispondi għar-raba' mhux maħdum marbut mal-qamħirrun irrigat li fuqu hija bbażata l-proposta ta' rettifika tal-Kummissjoni.

61. Din ta' l-aħħar li, minħabba l-fatt li l-kampjuni ttieħdu mingħajr ebda kriterju speċifiku, il-problema tal-koordinazzjoni bejn is-servizzi tista' tinvolvi diversi tipi ta' żbalji. Hekk kif stabbilixxa rabta bejn l-iżbalji li nstabu fil-kontijiet tas-sena 2000 u dawk tas-sena 2001, il-korp li joħroġ iċ-ċertifikati kkonferma li l-problema ta' koordinazzjoni tikkonċerna mhux biss il-qamħirrun irrigat, iżda ukoll il-qamħ iebes jew is-superfiċje minimu tar-raba' ddikjarat bħala raba' mhu x maħdum.

62. It-tieninett, il-Gvern Spanjol isostni li, anke jekk wieħed jieħu, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, il-valur l-aktar probabli tad-deduzzjoni ta' l-iżbalji li mhumiex regolari relatati ma' l-għajnuniet għall-prodotti agrikoli kkultivati fuq raba' li jinħarat, dan l-ammont jilħaq EUR 1 380 043.53, peress illi d-deduzzjoni li wasslet għaliha l-Kummissjoni tinkludi t-titolu li jikkorrispondi għall-indennizzi kumpensatorji, li ma jiffurmawx parti mill-għajnuniet għall-prodotti agrikoli kkultivati fuq raba' li jinħarat.

63. Il-Kummissjoni, filwaqt li fil-kontro-replika tagħha inkludiet partijiet mill-komunikazzjoni tagħha ta' l-10 ta' Diċembru 2002 annessa mal-kontro-replika u li tipprovdi li: "[e]ffettivament it-titolu ta' indennizzi kumpensatorji ma kellux għalfejn jittieħed in kunsiderazzjoni fid-deduzzjoni" u "din l-allegazzjoni ser tittieħed in kunsiderazzjoni għar-rettifika finali", tippreċiża li din turi, fl-opinjoni tagħha, in-natura provviżorja ta' l-aġġustamenti tal-kontijiet fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-oneru tal-prova ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura ta' approvazzjoni tal-kontijiet, ikun għola minn dak meħtieġ fil-kuntest ta' proċedura li twassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' konformità, li tiddetermina definittivament ir-rettifiki finanzjarji li eventwalment għandhom jiġu applikati.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

64. Fir-rigward ta' l-oneru tal-prova, il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti ġew indikati fil-punti 53 u 54 ta' din is-sentenza. B'mod partikolari, fil-każ li l-Kummissjoni għaddiet għal evalwazzjoni fuq il-bażi tar-riżultati tal-kontrolli effettwati sabiex jiġi kkalkulat l-ammont tan-nefqiet magħmula regolarment mill-FAEGG, il-Qorti kkonfermat tali evalwazzjoni peress illi l-Istat Membru ma ġab ebda prova li turi li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq fatti li mhumiex eżatti u lanqas wera li l-irregolaritajiet li kienu identifikati ma kienux jaffettwaw il-baġit tal-Komunità jew li affettwawh ħafna inqas minn dak li kkalkulat il-Kummissjoni (sentenza tal-21 ta' Marzu 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-130/99, Ġabra p. I-3005, punti 90 u 91).

65. F'dan ir-rigward, is-sempliċi affermazzjoni, li l-iżball magħmul mill-awtoritajiet Spanjoli jaffettwa biss il-qamħirrun irrigat, mingħajr ma tkun sostnuta minn ebda element li jistabbilixxi l-eżistenza ta' sistema ta' kontroll affidabbli u operattiva, bl-ebda mod ma tista' taffettwa l-validità ta' l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni.

66. Għall-kuntrarju, għandu jiġu kkonstatat li, fil-kliem tagħha stess, riprodotti fil-kontro-replika tagħha u esposti fil-punt 63 ta' din is-sentenza, il-Kummissjoni indikat li żbaljatament inkludiet it-titolu ta' l-indennizzi kumpensatorji fid-deduzzjoni tagħha. Għandu jiġi rikonoxxut, kif rilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Kummissjoni żbaljatament inkludiet l-imsemmija indennizzi kumpensatorji fl-evalwazzjoni ta' l-ammont ta' l-iżbalji.

67. Barra minn hekk, jeżistu elementi oġġettivi li jikkonfermaw l-eżistenza ta' dan l-iżball. Fil-fatt, mil-lista tal-valur l-aktar probabli ta' l-iżbalji dedotti mill-korp li joħroġ iċ-ċertifikati minn fejn jibdew il-kontijiet ta' l-aġenzija tal-ħlas ta' Castille-La Manche, inkluża fil-partijiet tar-rapport ta' ċertifikazzjoni anness mar-risposta tal-Kummissjoni, jidher li l-indennizzi kumpensatorji huma inklużi fir-rettifika finanzjarja effettwata.

68. Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali fil-parti fejn hija tirrikjedi l-irkupru tas-somom li r-Renju ta' Spanja mhuwiex dovut iħallas lit-Taqsima tal-Garanzija tal-FAEGG.

69. Madankollu, peress illi r-Renju ta' Spanja talab l-annullament ta' l-ammont ta' l-indennizzi kumpensatorji inklużi fir-rettifika finanzjarja magħmula fil-kontijiet ta' l-imsemmija aġenzija tal-ħlas, hija l-Qorti li għandha tiddeċiedi dwar din it-talba.

70. Minkejja l-fatt li l-Kummissjoni esprimiet l-intenzjoni li tieħu in kunsiderazzjoni l-iżball li sar meta ġiet determinata r-rettifika finali fid-deċiżjoni ta' konformità meħuda b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(4) tar-regolament bażiku, l-Qorti għandha tiġbed is-segwenti konklużjonijiet kollha li joħorġu minn din l-illegalità mill-istadju ta' l-eżami li hija għamlet tad-deċiżjoni kkontestata.

71. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni jekk ir-rettifika finanzjarja magħmula fil-kontijiet ta' l-aġenzija tal-ħlas ta' Castille-La Manche permezz tad-deċiżjoni kkontestata għandhiex tiġi annullata kollha kemm hi jew jekk jistax jiġi ddikjarat l-annullament parzjali ta' din ir-rettifika.

72. Peress illi, sussidjarjament talab l-esklużjoni tas-somom relatati ma' l-indennizzi kumpensatorji, il-Gvern Spanjol għandu jiġi meqjus li qed jitlob l-annullament parzjali tar-rettifiki finanzjarji magħmula fl-imsemmija kontijiet safejn għandhom x'jaqsmu ma' dawn l-indennizzi.

73. Il-Qorti komunitarja m'għandhiex kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar annullament totali ta' deċiżjoni meta r-rikorrenti jillimita t-talba tiegħu għall-annullament parzjali tagħha. Madankollu, ma jistax isir annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata fil-każ li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indiviżibbli.

74. Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk l-ammont ta' l-indennizzi kumpensatorji jistax jiġi eskluż mill-kont relatat mal-prodotti agrikoli kkultivati fuq raba' li jinħarat, u b'hekk jippermetti li ssir rettifika tiegħu li taffettwa biss dan l-ammont.

75. F'dan ir-rigward, il-lista tal-valur l-aktar probabli ta' l-iżbalji dedotti mill-korp li joħroġ iċ-ċertifikati, li tidher fil-partijiet tar-rapport ta' ċertifikazzjoni anness mar-risposta tal-Kummissjoni ppreżentat għad-difiża tagħha, tippermetti li tidentifika, abbażi ta' statistiċi, l-iżball tal-Kummissjoni u tiddetermina, b'mod distint, l-ammonti relatati maż-żewġ elementi tar-rettifika. Konsegwentement, huwa possibbli li r-rettifika finanzjarja tiġi limitata għall-uniku ammont li effettivament huwa rilevanti għas-settur tal-prodotti agrikoli kkultivati fuq raba' li jinħarat.

76. Minħabba n-natura separabbli ta' l-ammont ta' l-indennizzi kumpensatorji, jirriżulta li, mingħajr ma tiġi annullata r-rettifika finanzjarja kollha magħmula fil-kontijiet ta' l-aġenzija tal-ħlas ta' Castille-La Manche permezz tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi ddikjarat l-annullament parzjali ta' din ir-rettifika.

77. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, min-naħa, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata safejn, fl-Anness I tagħha, tinkludi, fl-ammont li għandu jiġi rkuprat mir-Renju ta' Spanja, rettifika finanzjarja tal-kontijiet ta' l-aġenzija tal-ħlas ta' Castille-La Manche li tikkorrispondi għall-ammont ta' l-indennizzi kumpensatorji, u min-naħa l-oħra, ir-rikors għandu jiġi miċħud fir-rigward tal-kumplament.

Dwar l-ispejjeż

78. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta' Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-ewwel punt ta' l-Artikolu 69(3), il-Qorti tista' tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fir-rigward ta' wieħed jew aktar mill-kapijiet. Peress illi r-Renju ta' Spanja tilef it-talbiet li ressaq fil-kuntest ta' l-ewwel motiv u peress illi l-Kummissjoni tilfet parzjalment it-talbiet imressqa minnha fil-kuntest tat-tieni motiv, għandu jiġi deċiż li kull waħda minnhom għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeciedi li:

1) Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/461/KE, tat-12 ta' Ġunju 2002, dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tan-nefqa ta' l-Istati Membri ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG), Taqsima tal-Garanzija, għas-sena finanzjarja 2001, hija annullata safejn, fl-Anness I tagħha, tinkludi, fl-ammont li għandu jiġi rkuprat mir-Renju ta' Spanja, rettifika finanzjarja tal-kontijiet ta' l-aġenzija tal-ħlas ta' Castille-La Manche li tikkorrispondi għall-ammont ta' l-indennizzi kumpensatorji.

2) Ir-rikors huwa miċħud fir-rigward tal-kumplament.

3) Ir-Renju ta' Spanja u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.