SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
23 ta' Settembru 2004 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 91/271/KEE – Trattament ta' ilma urban mormi – Artikolu 5(1) u (2) u Anness II – Nuqqas ta' identifikazzjoni ta' żoni sensittivi – Kunċett ta' "ewtrofikazzjoni" – Nuqqas ta' implementazzjoni ta' trattament aktar strett fir-rigward ta' skariki f'żoni sensittivi"
Fil-kawża C-280/02,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu mressaq taħt l-Artikolu 226 KE,
ippreżentat fit-30 ta' Lulju 2002,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn M. Nolin, imbagħad minn G. Valero Jordana u F. Simonetti, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Petrausch u E. Puisais, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, F. Macken (Relatur) u N. Colneric, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-25 ta' Marzu 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, peress li naqset milli:
– tidentifika ċerti żoni bħala żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni fir-rigward tal-baċiri ta' Seine-Normandie, Loire-Bretagne, Artois-Picardie u Rhône-Méditerranée-Corse, u
– tissottometti għal trattament aktar strett l-iskariki ta' ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenti ta' popolazzjoni (e.p.) ta' aktar minn 10,000 f'żoni sensittivi jew f'żoni li kien imisshom ġew identifikati bħala sensittivi,
ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(1) u (2) u taħt l-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta' Mejju 1991, dwar it-trattament ta' l-ilma urban mormi (ĠU L 135, p.40).
Il-kuntest ġuridiku
2 Skond l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 91/271 tikkonċerna l-ġbir, it-trattament u l-iskarikar ta' ilma urban mormi kif ukoll it-trattament u l-iskarikar ta' ilma użat li joriġina minn ċerti setturi industrijali u għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent minn deterjorament ikkawżat mill-iskariki ta' ilma mormi msemmi aktar 'il fuq.
3 L-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/271 jipprovdi li:
"Għall-għan ta' din id-Direttiva:
1) 'ilma [urban mormi]' tfisser ilma mormi domestiku jew taħlita ta' ilma mormi domestiku ma' ilma mormi industrijali u/jew ilma ta[x]-xita;
2) 'ilma mormi domestiku' ifisser ilma mormi minn żoni residenzjali u servizzi li joriġinaw l-aktar mill-metaboliżmu uman u minn attivitajiet domestiċi;
3) 'ilma mormi industrijali' ifisser kull ilma mormi li joħroġ minn bini użat biex jilqa' fih kull sengħa jew industrija, li mhuwiex la ilma mormi domestiku u lanqas ilma tax-xita moħli;
4) 'agglomerazzjoni' tfisser żona fejn il-popolazzjoni u/jew l-attivitajiet ekonomiċi jkunu [k]konċentrati b'mod suffiċjenti sabiex l-ilma [urban mormi] ikun jista' jinġabar u jittieħed f'impjant ta' trattament ta' l-ilma [urban mormi] jew għall-punt ta' skarikar finali;
5) 'sistema ta' ġbir' tfisser sistema ta' pajpijiet li tiġbor u tmexxi l-ilma [urban mormi];
6) '1 e.p. (ekwivalenti ta' popolazzjoni)' tfisser it-toqol organiku bi[j]odegradabbli li jkollu domanda għall-ossiġenu bijokemikali ta' ħamest ijiem (BOD5) ta' 60 g ta' ossiġenu kuljum;
[…]
8) 'trattament sekondarju' ifisser trattament ta' ilma [urban mormi] bi proċessi li jinvolvu ġeneralment trattament bi[j]oloġiku bi tqegħid sekondarju, jew proċessi oħra li fihom il-kriterji stabbiliti fit-Tabella 1 ta' l-Anness I huma rispettati;
[…]
11) 'ewtrofikazzjoni' tfisser li l-ilma jkun mogħni b'nutrijenti, speċjalment b'komposti ta' nitroġenu u/jew fosfru, li jikkawżaw it-tkabbir mgħaġġel ta' algae u forom aktar għoljin ta' pjanti ħajjin biex jipproduċu tfixkil mhux mixtieq lill-bilanċ ta' organiżmi li jkunu preżenti fl-ilma kif ukoll lill-kwalità ta' l-ilma kkonċernat;
[…]"
4 It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/271 jipprovdi li, "[g]ħall-ilma [urban mormi] li jispiċċa f'ilmijiet li jilqgħu dan id-drenaġġ u li huma kkunsidrati bħala 'żoni sensittivi' kif [i]mfisser taħt l-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sistemi ta' ġbir ikunu disponibbli sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1998 għall-agglomerazzjonijiet ta' aktar minn 10000 e.p.".
5 Skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/271, "[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma [urban mormi] li jidħol f'sistemi ta' ġbir għandu, [qabel] ma jkun skarikat[,] ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti […]".
6 L-Artikolu 5(1), (2), (3) u (5) tad-Direttiva 91/271 jipprovdi li:
"1. Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri sal-31 ta' Diċembru 1993 għandhom jidentifikaw [iż-]żoni sensittivi skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness II.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma [urban mormi] li jidħol f'sistemi ta' ġbir ikun, qabel ma ma jippermettu l-iskarikar tiegħu f'żoni sensittivi, soġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru għall-iskariki kollha minn agglomerazzjonijiet ta' aktar minn 10000 e.p.
3. Skariki minn impjanti ta' trattament ta' ilma [urban mormi] deskritt fil-paragrafu 2 għandhom jilħqu l-kriterji relevanti ta' l-Anness I .B. […]
[…]
5. Skariki minn impjanti ta' trattament ta' ilma [urban mormi] li jkunu jinsabu fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma relevanti ta' żoni sensittivi u li jikkontribwixxu għat-tniġġis ta' dawn iż-żoni, għandhom ikunu soġġetti għall-paragrafi 2, 3 u 4.
[...]"
7 L-Anness II tad-Direttiva 91/271, intitolat "Kriterji għall-identifikazzjoni ta' żoni sensittivi u inqas sensittivi", fil-punt A tiegħu, intitolat "Żoni sensittivi", jipprovdi li:
"Massa ta' ilma għandha tkun identifikata bħala waħda sensittiva jekk din taqa' f'wieħed minn dawn il-gruppi li ġejjin:
a) għadajjar naturali b'ilma ħelu, [mases] oħrajn ta' ilma ħelu, ilmijiet estwarji u kostali li jins[t]ab li huma ewtrofiċi jew li fil-futur qrib jistgħu [j]siru ewtrofiċi jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni protettiva.
L-elementi li ġejjin jistgħu jiġu evalwati meta wieħed jikkunsidra liema nutrijent għandu jitnaqqas permezz ta' trattament [addizzjonali]ieħor:
i) għadajjar u nixxigħat li jilħqu għadajjar/ġibjuni/bajjiet magħluqa li jkollhom skambju fqir ta' ilma, u li permezz t'hekk tkun tista' tifforma l-agglomerazzjoni. F'dawn iż-żoni, it-tneħħija tal-fosfru għandha tkun inkluża, kemm-il darba jintwera li t-tneħħija ta' dan ma jkollha l-ebda effett fuq il-livell ta' ewtrofikazzjoni. Fejn isiru skariki minn agglomerazzjonijiet kbar, it-tneħħija tan-nitroġenu tista' tkun ukoll [ik]kunsidrata;
ii) estwarji, bajjiet u ilmijiet kostali oħra li jkollhom skambju fqir ta' ilma, jew li jirċievu kwantitajiet kbar ta' nutrijenti. Skariki minn agglomerazzjonijiet żgħar f'dawk iż-żoni normalment ikunu ta' importanza minima, iżda għal agglomerazzjonijiet kbar, it-tneħħija tal-fosfru u/jew nitroġenu għandha tkun inkluża, kemm-il darba jintwera li t-tneħħija ta' dan ma tħalli l-ebda effett fuq il-livell ta' ewtrofikazzjoni.
[…]"
8 Il-punt 3 ta' l-Anness I.B tad-Direttiva 91/271 jipprovdi li "[s]kariki minn impjanti ta' trattament ta' ilma [urban mormi] għal ġo dawk iż-żoni sensittivi li huma soġġetti għal ewtrofikazzjoni, kif identifikati fl-Anness II.A (a), għandhom jilħqu wkoll il-kriterji murija fit-Tabella 2 ta' dan l-Anness." L-imsemmija tabella tistabbilixxi, b'mod partikolari, rati massimi ta' konċentrazzjoni u/jew ta' perċentwali minimi ta' tnaqqis tal-fosfru totali u tan-nitroġenu totali fl-iskariki msemmija.
Il-proċedura prekontenzjuża
9 Wara diversi skambji ta' ittri ma' l-awtoritajiet Franċiżi dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 91/271 fid-dritt Franċiż, il-Kummissjoni, peress li dehrilha li din it-traspożizzjoni ma kinitx kompleta, fit-22 ta' Ottubru 1999, indirizzat ittra ta' intimazzjoni lill-Gvern Franċiż fejn allegat, b'mod partikolari, li ma kienx identifika kompletament iż-żoni sensittivi peress li naqas milli jidentifika l-mases ta' ilma ewtrofizzati kollha fiż-żoni ta' Seine-Normandie, Artois-Picardie, Loire-Bretagne u Rhône-Méditerranée-Corse, kif ukoll li naqas milli jissuġġetta għal trattament aktar strett ilma urban mormi fiż-żoni sensittivi diġà identifikati u f'dawk li kien imisshom ġew identifikati bħala tali.
10 Peress li kkonkludiet li l-ispjegazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Franċiżi ma kinux sodisfaċenti, il-Kummissjoni, fl-10 ta' April 2001, indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika Franċiża.
11 Peress li ma kinitx konvinta bir-risposta ta' l-awtoritajiet Franċiżi, hija ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-identifikazzjoni inkompleta taż-żoni sensittivi
Fuq il-kunċett ta' ewtrofikazzjoni
12 Peress li l-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż mhumiex jaqblu dwar il-portata tad-definizzjoni li tinstab fl-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 91/271, jaqbel li, qabel kollox, jiġi ppreċiżat il-kunċett ta' ewtrofikazzjoni fis-sens ta' din id-direttiva.
13 Kif jirriżulta mit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 91/271 huwa li tipproteġi l-ambjent minn deterjorament ikkawżat mill-iskariki ta' ilma urban mormi.
14 L-imsemmija direttiva ġiet adottata abbażi ta' l-Artikolu 130 S tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 175 KE), li huwa intiż sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' l-Artikolu 130 R tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 174 KE). Skond dan l-aħħar artikolu, il-politika tal-Komunità fil-qasam ta' l-ambjent għandha tikkontribwixxi, b'mod partikolari, għas-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta' l-ambjent u għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.
15 Għalhekk, politika bħal din hija intiża sabiex tipprevjeni, ittaffi jew telimina l-konsegwenzi negattivi ta' l-attivitajiet tal-bniedem fuq il-fawna u l-flora, l-art, l-ilma, l-arja u l-klima, il-pajsaġġ u s-siti ta' interess partikolari, kif ukoll is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja ta' individwi. B'mod partikolari, din il-politika ġiet implementata, fl-oqsma rispettivi tagħhom, permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta' Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tal-Kunsill, tat-18 ta' Marzu 1991 (ĠU L 78, p. 32), id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta' Marzu 1997 (ĠU L 73, p. 5), u d-Direttiva tal-Kunsill 91/676 KEE, tat-12 ta' Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni ta' l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, p. 1).
16 Għaldaqstant, l-għan tad-Direttiva 91/271 imur oltre mis-sempliċi protezzjoni ta' l-ekosistemi akwatiċi u jfittex li jipproteġi l-bniedem, il-fawna, il-flora, l-art, l-ilma, l-arja u l-pajsaġġi minn kull effett negattiv sinjifikanti tat-tkabbir mgħaġġel ta' alka u ta' forom aktar għoljin ta' pjanti minħabba l-iskariki ta' ilma urban mormi.
17 Huwa fid-dawl ta' dan il-għan li għandu jiġi interpretat il-kunċett ta' ewtrofikazzjoni li jinstab fl-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 91/271.
18 Skond din id-dispożizzjoni, l-ewtrofikazzjoni hija kkaratterizzata mill-preżenza fl-istess ħin ta' erba' kriterji:
– l-arrikkiment ta' l-ilma b'nutrijenti, speċjalment b'komposti tan-nitroġenu u tal-fosfru;
– it-tkabbir mgħaġġel ta' alka u forom aktar għoljin ta' pjanti ħajjin;
– tfixkil mhux mixtieq tal-bilanċ ta' l-organiżmi preżenti fl-ilma;
– degradazzjoni tal-kwalità ta' l-ilma kkonċernat.
19 Barra minn hekk, sabiex ikun hemm ewtrofikazzjoni fis-sens tad-Direttiva 91/271, għandu jkun hemm relazzjoni ta' kawża u effett bejn, minn naħa, l-arrikkiment b'nutrijenti u t-tkabbir mgħaġġel ta' alka u ta' forom aktar għoljin ta' pjanti ħajjin u, min-naħa l-oħra, bejn dan it-tkabbir mgħaġġel u t-tfixkil mhux mixtieq tal-bilanċ ta' l-organiżmi preżenti fl-ilma u d-degradazzjoni tal-kwalità ta' l-ilma.
20 Fir-rigward tat-tielet kriterju, il-Gvern Franċiż isostni li s-sempliċi proliferazzjoni ta' forma ta' pjanta mhijiex biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' tfixkil mhux mixtieq sakemm il-bilanċ ta' l-organiżmi l-oħra preżenti fl-ilma ma jkunx imfixkel.
21 F'dan ir-rigward, kif jirriżulta b'mod partikolari mir-rapport ta' l-Institut français de recherche pour l’exploitation de la mer (aktar 'il quddiem l-"IFREMER") ta' Jannar 2001, intitolat "L'eutrophisation des eaux marines et saumâtres en Europe, en particulier en France" (L-ewtrofikazzjoni ta' l-ilma baħar u ta' l-ilma salmastru fl-Ewropa, b'mod partikolari fi Franza, aktar 'il quddiem ir-"rapport IFREMER ta' l-2001"), u mir-rapport ta' l-Environmental Resources Management (aktar 'il quddiem l-"ERM") ta' April 2000, intitolat "Criteria used for the definition of eutrophication in fresh and marine/coastal waters" (Kriterji użati għad-definizzjoni ta' ewtrofikazzjoni f'ilma ħelu u ilma tal-baħar/kostali), ippreżentati mill-Kummissjoni, il-bilanċ ta' ekosistema akwatika huwa r-riżultat ta' interazzjonijiet kumplessi bejn id-diversi speċi preżenti kif ukoll ma' l-ambjent. Barra minn hekk, kull proliferazzjoni ta' speċi partikolari ta' alka jew ta' pjanta oħra tammonta, fiha nnifisha, għal tfixkil tal-bilanċ ta' l-ekosistema akwatika u, għaldaqstant, tal-bilanċ ta' l-organiżmi preżenti fl-ilma anki jekk l-ispeċi l-oħra jibqgħu stabbli. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kompetizzjoni bejn l-ispeċi veġetali għall-akkwist ta' melħ nutrittiv u ta' l-enerġija luminuża, il-proliferazzjoni ta' speċi jew ta' aktar minn speċi waħda, billi timmonopolizza r-riżorsi meħtieġa għat-tkabbir ta' alki u pjanti akwatiċi oħra, ħafna drabi, jekk mhux dejjem, timplika tnaqqis fl-ispeċi l-oħra.
22 Madankollu, it-tielet kriterju jeżiġi li tfixkil bħal dan tal-bilanċ ta' l-organiżmi preżenti fl-ilma jkun wieħed li "mhux mixtieq". Safejn, kif jirriżulta mill-punt 16 ta' din is-sentenza, l-għan tad-Direttiva 91/271 imur oltre mis-sempliċi protezzjoni ta' l-ekosistemi akwatiċi, din in-natura mhux mixtieqa għandha titqies bħala stabbilita anki fil-każ ta' effetti negattivi sinjifikanti mhux biss fuq il-fawna jew il-flora iżda wkoll fuq il-bniedem, l-art, l-ilma, l-arja jew il-pajsaġġi.
23 Għalhekk, bdil ta' speċi li jnaqqas il-bijodiversità ta' l-ekosistema, disturb ikkawżat mill-proliferazzjoni ta' makroalka opportunistika u żieda intensa ta' fitoplankton tossiku jew perikoluż jammontaw għal tfixkil mhux mixtieq tal-bilanċ ta' l-organiżmi preżenti fl-ilma.
24 Fir-rigward tar-raba' kriterju, kuntrarjament għall-analiżi tal-Gvern Franċiż, dan ma jkoprix biss id-degradazzjonijiet tal-kwalità ta' l-ilma li jkollhom effetti dannużi fuq l-ekosistemi, iżda jkopri wkoll id-degradazzjoni tal-kulur, ta' l-aspett, tat-togħma jew tar-riħa ta' l-ilma jew kull bidla oħra li tfixkel jew tillimita l-użu ta' l-ilma bħat-turiżmu, is-sajd u t-trobbija tal-ħut, il-ġbir ta' arzell u t-tkabbir ta' krustaċji, il-kollezzjoni ta' ilma għax-xorb jew it-tkessiħ ta' installazzjonijiet industrijali.
25 Fid-dawl ta' l-għan tal-leġiżlatur Komunitarju, li hu li jipproteġi l-ambjent minn deterjorament minħabba l-iskarikar ta' ilma urban mormi, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jobbligahom biss li jidentifikaw iż-żoni li, fir-rigward tagħhom, skarikar bħal dan jikkontribwixxi b'mod sinjifikanti għall-ewtrofikazzjoni jew għar-riskju ta' ewtrofikazzjoni [ara, b'analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 91/676, is-sentenza tad-29 ta' April 1999, Standley et, C-293/97, Ġabra p. I-2603, punt 35].
Fuq il-portata ta' l-ewwel ilment
26 Fir-rigward ta' kull waħda miż-żoni msemmija mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, għandu jiġi vverifikat jekk din kellhiex tiġi identifikata bħala żona sensittiva għall-ewtrofikazzjoni.
27 Skond l-Anness II.A(a) tad-Direttiva 91/271, għandhom jiġu identifikati bħala żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni dawk l-għadajjar naturali ta' ilma ħelu, il-mases l-oħrajn ta' ilma ħelu, l-estwarji u l-ilmijiet kostali "li jinsab li huma ewtrofiċi jew li fil-futur qrib jistgħu [j]siru ewtrofiċi jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni protettiva".
28 Il-Gvern Franċiż isostni li l-ittra ta' intimazzjoni kienet tikkonċerna biss il-każijiet fejn l-ewtrofikazzjoni kienet seħħet u li, għalkemm fl-opinjoni motivata u fir-rikors, il-Kummissjoni semmiet it-teħid in kunsiderazzjoni tar-riskju ta' ewtrofikazzjoni, hija ma kienet għamlet l-ebda inferenza minn dan fir-rigward ta' żoni partikolari. Għaldaqstant, meta fir-replika tagħha tikkonkludi li jekk l-ewtrofikazzjoni taż-żoni msemmija ma tkunx stabbilita, dawn iż-żoni huma, ta' l-anqas, milquta minn riskju ta' ewtrofikazzjoni, il-Kummissjoni tmur oltre r-raġunijiet li kienet ressqet kemm fil-fażi prekontenzjuża u kemm fir-rikors tagħha.
29 F'dan ir-rigward, skond ġurisprudenza stabbilita, l-ittra ta' intimazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-Istat Membru u mbagħad l-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni jistabbilixxu l-parametri tas-suġġett tal-kawża li, għaldaqstant, ma jistax jitwessa' aktar. Għaldaqstant, l-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti ta' l-ittra ta' intimazzjoni li tiftaħ il-proċedura prekontenzjuża (sentenzi tad-9 ta' Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punt 23, u tat-12 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-229/00, Ġabra p. I-5727, punt 44).
30 Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax jasal li jimponi li f'kull sitwazzjoni jkun hemm koinċidenza perfetta bejn l-ilmenti msemmija fl-ittra ta' intimazzjoni, id-dispożittiv ta' l-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tal-kawża ma jkunx ġie mwessa' jew mibdul (sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 25, u Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, punt 46).
31 F'dan il-każ, billi indikat, għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika tagħha, li, anki jekk iż-żoni msemmija fir-rikors tagħha mhumiex ewtrofizzati, kif qiegħda ssostni, dawn kellhom madankollu jiġu kklassifikati bħala żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni minħabba li jistgħu jsiru ewtrofizzati fi żmien qasir, il-Kummissjoni la wessgħat u lanqas biddlet, matul il-proċedura, is-suġġett tal-kawża li jikkonċerna n-nuqqas ta' identifikazzjoni ta' ċerti mases ta' ilma bħala żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni meta, skond l-Anness II.A(a) tad-Direttiva 91/271, iż-żoni ewtrofizzati u dawk li jistgħu jsiru hekk fi żmien qasir għandhom jiġu identifikati wkoll bħala żoni sensittivi.
Fuq il-baċir Seine-Normandie
– Il-bajja ta' Seine
32 Hemm qbil li l-ilma tal-bajja ta' Seine jsofri kemm minn arrikkiment b'nutrijenti, b'mod partikolari b'komposti ta' nitroġenu, li l-influss tagħhom baqa' jikber u kemm minn tkabbir mgħaġġel ta' alka u ta' forom aktar għoljin ta' pjanti (ara s-sentenza tas-27 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C-258/00, Ġabra p. I-5959, punt 64).
33 Ir-rapporti u l-istudji kollha mressqa mill-Kummissjoni, b'mod partikolari, ix-xogħol permezz ta' mudelli ekoloġiċi żviluppat fit-teżi tad-dottorat ta' l-Università ta' Caen sottomessa fl-1999 mis-Sur Philippe Cugier, intitolata "Modélisation du devenir à moyen terme dans l’eau et le sédiment des éléments majeurs (N, P, Si) rejetés par la Seine en baie de Seine" (Mudellar ta' l-iżvilupp fil-futur medju fl-ilma u fis-sediment ta' l-elementi maġġuri (N, P, Si) mormija mis-Seine fil-bajja ta' Seine), jikkonkludu li hemm relazzjoni ta' kawża u effett bejn l-ammont u l-proporzjonijiet rispettivi ta' l-influss ta' nutrijenti fil-bajja ta' Seine u ż-żidiet fil-popolazzjoni ta' fitoplankton osservati kull sena f'dik iż-żona.
34 Fir-rigward ta' l-argument tal-Gvern Franċiż li t-teżi tas-Sur Cugier hija bbażata fuq mudell ekoloġiku 3D imperfett, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 174 KE, il-politika tal-Komunità fil-qasam ta' l-ambjent hija bbażata fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni. F'dan il-każ, fid-dawl ta' l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, il-probabbiltà li teżisti rabta kawżali bejn l-influssi ta' nutrijenti fil-bajja ta' Seine u l-iżvilupp mgħaġġel ta' fitoplankton f'din iż-żona hija ta' livell suffiċjenti sabiex teżiġi l-adozzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni ta' l-ambjent stabbiliti fid-Direttiva 91/271 jekk il-kriterji l-oħra ta' l-ewtrofikazzjoni jkunu sodisfatti.
35 Il-Gvern Franċiż jiċħad li l-produzzjoni ta' fitoplankton fil-bajja ta' Seine iwassal għal tfixkil mhux mixtieq tal-bilanċ ta' l-organiżmi preżenti fl-ilma.
36 F'dan ir-rigward, mill-istudji kollha mressqa mill-Kummissjoni, jirriżulta li din iż-żona hija milquta minn proliferazzjonijiet ta' speċi ta' fitoplankton tat-tip Dinophysis li jipproduċu t-tossini DSP (Diarrheic Shellfish Poisoning – Avvelenar bid-dijarea permezz ta' krustaċji) li jistgħu jakkumulaw fl-arzell u li huma perikolużi għall-bniedem jekk jittieklu dawn l-arzelli. Bejn l-1990 u l-1999, konċentrazzjonijiet kbar ta' Dinophysis, biżżejjed sabiex iwasslu għall-akkumulazzjoni ta' tossini fl-arzell, ġew osservati fil-bajja kollha, b'mod partikolari fil-parti ċentrali tagħha; matul dan il-perijodu, il-preżenza ta' Dinophysis ġiet osservata bejn darbtejn u sitt darbiet fil-punent tal-bajja u minn seba' għal għaxar darbiet fiċ-ċentru u fil-lvant tal-bajja (rapport IFREMER ta' l-2001). Dawn il-proliferazzjonijiet "jidhru li intensifikaw f'dawn l-aħħar snin bejn Courseulles (Calvados) u Dieppe (Seine-Maritime), u wasslu għal projbizzjonijiet perijodiċi tal-ġbir ta' l-arzell" (Schéma directeur d’aménagement et de gestion des eaux du bassin Seine-Normandie – Pjan għall-iżvilupp u l-ġestjoni ta' l-ilma taż-żona Seine-Normandie – aktar 'il quddiem il-"Pjan Seine-Normandie").
37 Barra minn hekk, speċi oħra ta' fitoplankton, Phaeocystis, "qiegħda tipprolifera f'dawn l-aħħar snin f'ċerti setturi tas-Seine-Maritime u tal-Calvados" u, għalkemm mhijiex tossika, "[twassal għal] depożiti u tnaqqas l-attrazzjoni turistika tal-kosta" (Pjan Seine-Normandie). Fil-fatt, il-fitoplankton Phaeocystis huwa magħruf li, meta jkun f'konċentrazzjonijiet kbar, jkollu d-dehra ta' massa ta' ragħwa viskuża li tkopri l-wiċċ ta' l-ilma u jispiċċa ddepożitat fuq il-kosta jew isodd ix-xbieki tas-sajd.
38 Kif kien enfasizzat fil-punt 23 ta' din is-sentenza, żvilupp bħal dan fl-istruttura tal-komunità tal-fitoplankton fis-sens ta' żieda fil-preżenza ta' speċi tossiċi jew perikolużi tammonta għal tfixkil mhux mixtieq tal-bilanċ ta' l-organiżmi preżenti fl-ilma. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, dan l-iżvilupp jikkonċerna l-bajja ta' Seine kollha minkejja li l-parti ċentrali u l-parti tal-lvant tagħha huma l-aktar milquta.
39 Il-limitazzjonijiet u l-problemi kkawżati mill-fitoplankton Dynophisis lill-attivitajiet ta' ġbir ta' arzell u mill-fitoplankton Phaeocystis lill-attivitajiet turistiċi fuq il-kosta tal-bajja ta' Seine huma, barra minn hekk, rappreżentattivi ta' degradazzjoni fil-kwalità ta' l-ilma ta' din il-bajja.
40 Erbgħin fil-mija ta' l-influssi ta' nitroġenu mitfugħa fil-baħar mis-Seine – li hija x-xmara tributarja prinċipali tal-bajja ta' Seine – huma ta' oriġini urbana [rapport ta' l-ERM ta' Frar 1999, intitolat "Verification of vulnerable zones identified under the nitrate directive and sensitive areas identified under the urban waste water treatment directive" (Verifikazzjoni ta' żoni vulnerabbli identifikati taħt id-direttiva dwar in-nitrati u żoni sensittivi identifikati taħt id-direttiva dwar it-trattament ta' ilma urban mormi, aktar 'il quddiem ir-"rapport ERM ta' l-1999")]. Il-Gvern Franċiż isostni li, fl-2000, 28% biss mill-iskariki ta' nitroġenu kienu ta' oriġini urbana iżda ma jipprovdi l-ebda dokument in sostenn ta' din l-asserzjoni. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jissupponi li din il-parti mhijiex ta' 40% iżda ta' 28%, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-iskariki ta' ilma urban mormi jikkontribwixxu b'mod sinjifikanti għall-ewtrofikazzjoni ta' l-ilma tal-bajja ta' Seine tibqa' fondata.
41 Il-Gvern Franċiż isostni wkoll li t-teżi tas-Sur Cugier tħares b'mod relattiv lejn il-possibbiltà li jittieħdu azzjonijiet tekniċi li jippermettu t-tnaqqis ta' l-influssi ta' nitroġenu u ta' fosfru. Madankollu, l-estratti ta' din it-teżi li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma fihom xejn li jista' jsostni asserzjoni bħal din. F'kull każ, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, il-kwistjoni tal-possibbiltà li jitnaqqsu l-influssi ta' nutrijenti ta' oriġini urbana m'għandhiex titqies fl-istadju ta' l-identifikazzjoni taż-żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni.
42 Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonstatat ġustament li l-bajja ta' Seine hija ewtrofizzata fis-sens tad-Direttiva 91/271 u li kien imissha ġiet identifikata bħala żona sensittiva għall-ewtrofikazzjoni.
– Is-Seine u t-tributarji tagħha 'l isfel mill-konfluwenza tagħha ma' l-Andelle
43 Mir-rapporti u l-istudji kollha mressqa mill-Kummissjoni, jirriżulta li l-parti tas-Seine 'l isfel mill-konfluwenza tagħha ma' l-Andelle hija milquta minn proliferazzjonijiet sinjifikanti ta' fitoplankton.
44 Matul proliferazzjonijiet bħal dawn, "il-bijomassa ta' fitoplankton tista' […] tikkonsma aktar ossiġenu milli tipproduċi" u "t-tnaqqis ta' fitoplankton għalhekk iwassal għal nuqqas ta' ossiġenu" (dokument "Seine-Aval 2: L’analyse et la gestion environnementales" – Seine-Aval 2: L-analiżi u l-ġestjoni ambjentali). It-tneħħija ta' ossiġenu mill-estwarju tas-Seine wassal għal "żona kważi kompletament anossika ta' madwar 50 km" li "tagħmel l-ilma inadegwat għal ħafna użi u għal kull tip ta' ħajja ta' organiżmi superjuri" u li "tammonta għal barriera insormontabbli matul kważi sitt xhur tas-sena għall-ħut migratorju bħas-salamun jew is-sallur" (studju "Programme scientifique Seine-Aval: L’oxygène" – Programm xjentifiku Seine-Aval: L-ossiġenu).
45 Dawn il-fenomeni, b'mod ċar, jammontaw għal tfixkil mhux mixtieq tal-bilanċ ta' l-organiżmi preżenti fl-ilma u għal degradazzjoni fil-kwalità ta' l-ilma.
46 Il-fatt, allegat mill-Gvern Franċiż, li t-tnaqqis kbir ħafna ta' l-influssi ta' fosfru wassal biss għal żieda żgħira ħafna fir-rata annwali medja ta' ossiġenu fil-parti Poses-Honfleur, mhux rilevanti. Fil-fatt, fl-istess ħin, l-influssi ta' nitroġenu baqgħu jiżdiedu.
47 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kkonstatat ġustament li l-parti tas-Seine 'l isfel mill-konfluwenza tagħha ma' l-Andelle hija ewtrofikizzata fis-sens tad-Direttiva 91/271 u li kien imissha ġiet identifikata bħala żona sensittiva għall-ewtrofikazzjoni.
48 Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-korsiji ta' ilma li jiltaqgħu mas-Seine 'l isfel mill-konfluwenza tagħha ma' l-Andelle, il-Kummissjoni pproduċiet biss il-Pjan Seine-Normandie li jipprovdi li "ix-xmajjar il-kbar [tal-baċir Seine-Normandie] huma milquta minn 'żidiet fil-popolazzjoni ta' alka' fir-rebbiegħa u fis-sajf" u li "f'ċerti perijodi, diversi korsiji żgħar ta' ilma jkunu invażati minn pjanti ta' forom superjuri, b'alka li jkun fiha fibri qishom ħjut jew b'dijatomi li jinsabu fil-qiegħ", iżda ma ressqet l-ebda ċirkustanza preċiża ta' natura tali li turi li t-tielet u r-raba' kriterji tad-definizzjoni ta' l-ewtrofikazzjoni huma sodisfatti.
49 Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma stabbilietx li t-tributarji tas-Seine 'l isfel mill-konfluwenza tagħha ma' l-Andelle huma ewtrofizzati jew jistgħu jsiru hekk fil-futur qarib fis-sens tad-Direttiva 91/271.
Fuq il-baċir Artois-Picardie
– L-ilma kostali tal-baċir Artois-Picardie
50 Mir-rapporti kollha mressqa mill-Kummissjoni, jirriżulta li l-ilma kostali tal-baċir Artois-Picardie huwa, minn naħa, milqut minn fenomenu ta' arrikkiment ta' l-ilma b'nutrijenti u, min-naħa l-oħra, bi żvilupp konsiderevoli ta' fitoplankton prattikament kull sena (rapporti ta' l-IFREMER u ta' l-Agence de l'Eau Artois-Picardie ta' Diċembru 1997 u Ottubru 1999 rispettivament, dwar il-monitoraġġ reġjunali ta' nutrijenti fuq il-kosta Nord-Pas-de-Calais/Picardie, u r-rapport IFREMER ta' l-2001).
51 Fl-ilma tal-kosta Artois-Picardie jeżisti "ċiklu ta' nutrijenti skond l-istaġun (essenzjalment nitrati, fosfati u silikati) li huwa marbut mill-qrib maċ-ċiklu ta' żvilupp ta' l-ispeċi ta' fitoplankton prinċipali" (rapport IFREMER ta' l-2001). F'dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, ir-relazzjoni ta' kawża u effett bejn l-arrikkiment ta' l-ilma tal-kosta Artois-Picardie b'nutrijenti u l-produzzjoni kkonstatata ta' fitoplankton għandha titqies bħala stabbilita fid-dawl tad-data xjentifika u teknika disponibbli.
52 Fil-baċir Artois-Picardie, "il-pressjonijiet industrijali u domestiċi huma sinjifikanti (id-densità tal-popolazzjoni hija tliet darbiet aktar għolja mill-medja nazzjonali)" (dokument ta' l-Agence de l'Eau Artois-Picardie). Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-iskariki ta' ilma urban mormi jikkontribwixxu b'mod sinjifikanti għall-ewtrofikazzjoni ta' l-ilma ta' dan il-baċir, b'mod partikolari, l-ilma ta' mal-kosta tiegħu, fatt li, barra minn hekk, mhux ikkuntestat mill-Gvern Franċiż.
53 Il-kosta Artois-Picardie kollha, inklużi Dunkerque, Boulogne-sur-Mer u Calais, hija milquta prattikament kull sena, bejn April u Mejju, mill-proliferazzjoni ta' fitoplankton Paheocystis, li "tammonta għal […] avveniment ekoloġiku notevoli", li jimmanifesta ruħu permezz ta' "bidla fil-kulur ta' l-ilma, riħa kultant diżgustanti mal-kosta" u mill-fatt li "l-ilma jsir mtajjan u jista' jkun il-kawża ta' fenomeni impressjonanti ta' ragħwa (foaming) mal-kosta" (rapport IFREMER ta' l-2001).
54 Barra minn hekk, il-bajja ta' Somme hija milquta minn fenomenu ta' tneħħija ta' ossiġenu marbut ma' l-ewtrofikazzjoni (rapport IFREMER ta' l-2001). Studju ta' l-1990 iċċitat mill-IFREMER iqis bħala vero simili ħafna li xi mwiet ikkonstatati jirriżultaw minn tagħbija organika eċċessiva fl-ilma li twassal għal perijodi ta' anossija fl-ambjent. Skond l-IFREMER, f'żoni oħra tal-Baħar tat-Tramuntana, diġà ġie kkonstatat li fjurituri ta' Phaeocystis simili għal dawk li jolqtu l-ilma tal-kosta Artois-Picardie jista' jkollhom konsegwenzi drammatiċi fuq l-istruttura u l-funzjonament ta' l-ekosistemi li jgħixu fil-qiegħ ta' l-ilma u dawk pelaġiċi. Għalkemm huwa minnu li l-Gvern Franċiż isostni li rapport ta' l-IFREMER għall-Agence de l-Eau Artois-Picardie jippreċiża li l-ebda mewta ta' arzell jew ta' ħut ma hija marbuta mal-fenomenu ta' tiżhir fil-popolazzjoni ta' Phaeocystis fil-bajja ta' Somme, huwa ma pproduċiex dan id-dokument.
55 Bidla fl-istruttura tal-komunità ta' fitoplankton fis-sens ta' tisħiħ fil-preżenza ta' speċi bħalma hija l-Phaeocystis li, għalkemm mhijiex tossika, xorta tikkawża dannu, tammonta għal tfixkil mhux mixtieq tal-bilanċ ta' l-organiżmi preżenti fl-ilma mhux biss fil-bajja ta' Somme iżda fil-kosta Artois-Picardie kollha.
56 Il-bidliet fil-kulur, fir-riħa u fil-konsistenza ta' l-ilma, li l-effetti negattivi tagħhom fuq l-attivitajiet turistiċi huma manifesti, u li, barra minn hekk, hemm probabbiltà qawwija li għandhom effetti dannużi fuq l-attivitajiet ta' sajd, jirrappreżentaw degradazzjoni tal-kwalità ta' l-ilma.
57 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-ilma kollu ta' mal-kosta Artois-Picardie huwa ewtrofikat fis-sens tad-Direttiva 91/271 u li kien imissu ġie identifikat bħala żona sensittiva għall-ewtrofikazzjoni.
– L-ilma kontinentali tal-baċir Artois-Picardie (in-netwerk idrografiku bejn l-Aa kkanalizzata/Escaut, minn naħa, u l-fruntiera Belġjana, min-naħa l-oħra, l-iScarpe 'l isfel minn Arras, il-kanal ta' Lens 'l isfel minn Lens, u s-Somme kollha kemm hi)
58 In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni pproduċiet diversi dokumenti maħruġa mill-Agence de l'Eau Artois-Picardie. Minn dawn id-dokumenti jirriżulta li "t-titjib tal-kwalità ġenerali ta' l-ilma osservat f'dawn l-aħħar snin, flimkien ma' tagħbija kbira ta' nitroġenu u, fuq kollox, ta' fosfru, jiffavorixxu l-iżvilupp ta' pjanti kemm jekk ta' fitoplankton, ta' alka li jkun fiha fibri qishom ħjut jew ta' makroveġetali (ħażiż, krini,…)", li "dawn il-proliferazzjonijiet veġetali huma l-kawża ta' diversi inkonvenjenzi li l-aktar komuni fosthom huma l-kulur ta' l-ilma, il-preżenza ta' rwejjaħ, tfixkil fil-mixja ta' l-ilma, u, fuq kollox, numru kbir ta' mwiet fil-popolazzjoni tal-ħut minħabba asfissija", u li "l-preżenza eċċessiva ta' pjanti toħloq diversi inkonvenjenzi: inkonvenjenzi estetiċi, irwejjaħ, inkonvenjenzi fl-użu ta' dgħajjes, sadd fil-filtri matul il-produzzjoni ta' ilma għax-xorb".
59 Minn dawn id-dokumenti jirriżulta wkoll li l-korsiji ta' ilma tal-baċir Artois-Picardie huma żvantaġġjati meta mqabbla ma' dawk ta' reġjuni oħra minħabba li, minn naħa, "il-pressjonijiet industrijali u domestiċi huma ikbar (id-densità tal-popolazzjoni hija tliet darbiet aktar għolja mill-medja nazzjonali) u, min-naħa l-oħra, "il-mixja tal-korsiji ta' l-ilma mhijiex b'saħħitha biżżejjed biex tbattal it-tniġġis kollu prodott" u "l-veloċita tal-mixja [tagħhom] […] hija żgħira: ftit ossiġenu, qigħan mimlijin bil-ħama, nuqqas ta' riproduzzjoni ta' ħut u tnaqqis fl-ammont tal-fawna".
60 Madankollu, il-Gvern Franċiż isostni li fil-korsiji ta' ilma tal-baċir Artois-Picardie ma kien ġie osservat l-ebda impatt fuq il-mixja ta' l-ilma, lanqas xi ħsara lill-fawna jew lill-flora akwatika u, b'mod partikolari, lir-riproduzzjoni tal-ħut. Huwa jsostni li d-dokumenti ċċitati mill-Kummissjoni huma destinati għall-pubbliku ġenerali, kienu mħejjija bil-għan li jinqraw minn pubbliku komuni u għaldaqstant ma fihomx l-isfumaturi fit-tifsir kollha li wieħed ikun jixtieq, b'tali mod li ma jistgħux jippruvaw l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni.
61 F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minkejja li wieħed mid-dokumenti msemmija fil-punti 58 u 59 ta' din is-sentenza jippreċiża li l-għadajjar tal-parti ta' fuq tas-Somme u l-kanali tad-delta ta' l-Aa huma milquta mill-ewtrofikazzjoni, huwa jiddefinixxi dan it-terminu bħala "arrikkiment f'sustanzi nutrijenti […] li jista' jwassal għal proliferazzjonijiet veġetali", b'tali mod li, abbażi ta' dan id-dokument, ma jistax jingħad jekk it-tielet u r-raba' kriterji ta' l-ewtrofikazzjoni humiex sodisfatti fil-każ ta' l-ilma msemmi fih.
62 F'dak li jirrigwarda d-dokumenti l-oħra, mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat liema xmara jew liema kanal huwa milqut mill-ewtrofikazzjoni jew jista' jintlaqat. Barra minn hekk, dawn id-dokumenti mhux dejjem jagħmlu distinzjoni bejn ir-riżultati speċifiċi ta' l-ewtrofikazzjoni possibbli tan-netwerk idrografiku u l-konsegwenzi tat-tniġġis b'mod ġenerali li jmur oltre l-influssi ta' nutrijenti.
63 Fir-rigward tar-rapport ERM ta' l-1999, iċċitat fl-ittra ta' intimazzjoni u fl-opinjoni motivata, li fuqu jidher li l-Kummissjoni prinċipalment ibbażat il-konklużjoni tagħha fuq in-nuqqas ta' identifikazzjoni ta' parti minn dan in-netwerk idrografiku, għandu jiġi kkonstatat li l-parti ta' dan ir-rapport li tikkonċerna l-baċir Artois-Picardie ma ġietx mgħoddija lill-Qorti tal-Ġustizzja.
64 Għalhekk, fid-dawl tad-dokumenti li pproduċiet, ma hemm xejn li jiġġustifika li fl-ilment tagħha, il-Kummissjoni inkludiet ċerti korsiji ta' ilma tal-baċir Artois-Picardie pjuttost milli oħrajn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, in sostenn ta' l-ewwel ilment tagħha, ma invokat l-ebda wieħed mid-dokumenti dwar in-netwerk idrografiku ta' dan il-baċir prodotti mill-Gvern Franċiż matul din il-proċedura.
65 Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma stabbilietx li l-ilmijiet kontinentali tal-baċir Artois-Picardie, kif identifikati fir-rikors tagħha, huma ewtrofizzati jew jistgħu jsiru hekk fil-futur qarib fis-sens tad-Direttiva 91/271.
Fuq il-baċir Loire-Bretagne
– Il-bajja ta' Vilaine
66 Mir-rapport IFREMER ta' l-2001 jirriżulta li l-bajja ta' Vilaine hija l-aktar waħda ewtrofizzata mill-kosti Franċiżi. Minn naħa, hija s-sit ta' fenomeni gravi ta' nuqqas ta' ossiġenu, anki ta' anossija, minħabba l-iżvilupp u sussegwentament minħabba d-degradazzjoni batterjoloġika ta' bijomassa kbira ta' fitoplankton, sitwazzjoni li tista' twassal għal ħafna mwiet fil-popolazzjoni tal-ħut u ta' invertebrati li jgħixu fil-qiegħ ta' l-ilma. Min-naħa l-oħra, tliet żoni ta' din il-bajja kienu ġew ikklassifikati fost iż-żoni potenzjali ta' proliferazzjoni ta' makroalka ("mareat ħodor") u kienu ġew milquta minn dan il-fenomenu minn ta' l-anqas darba bejn l-1997 u l-1999, il-perijodu kopert mill-istudju.
67 Il-Gvern Franċiż ma jikkontestax il-fatt li l-influssi ta' nutrijenti, b'mod partikolari ta' nitroġenu, ta' oriġini urbana, ittrasportati mix-xmara Vilaine, għandhom rwol sinjifikanti fl-ewtrofikazzjoni tal-bajja.
68 Huwa jsostni li kien diġà kklassifika l-baċir fejn jinġabar l-ilma ta' Vilaine bħala żona sensittiva għall-ewtrofikazzjoni, b'tali mod li l-agglomerazzjonijiet kollha li għandhom e.p. ta' aktar minn 10,000 li jiskarikaw id-dranaġġ tagħhom f'dan il-baċir huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/271. Safejn, minn naħa, l-ebda agglomerazzjoni li għandha e.p. ta' aktar minn 10,000 ma tarmi l-iskariki tagħha direttament fil-bajja ta' Vilaine u safejn, min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-influssi mix-xmara tal-Loire m'għandhomx impatt fuq din il-bajja, l-identifikazzjoni ta' din ta' l-aħħar bħala żona sensittiva għall-ewtrofikazzjoni tkun mingħajr konsegwenzi, b'tali mod li, skond il-Gvern Franċiż, huwa ma naqasx mill-obbligi tiegħu.
69 F'dan ir-rigward, anki jekk wieħed jissupponi li l-ebda agglomerazzjoni li għandha e.p. ta' aktar minn 10,000 ma tarmi l-iskariki tagħha direttament fil-bajja ta' Vilaine u li, kuntrarjament għall-asserzjonijiet tal-Kummissjoni, l-influssi tax-xmara tal-Loire m'għandhomx impatt fuq din il-bajja, il-fatt li l-baċir fejn jinġabar l-ilma tax-xmara Vilaine diġà ġie identifikat bħala żona sensittiva għall-ewtrofikazzjoni ma jiġġustifikax il-fatt li din il-bajja ma ġietx ukoll ikklassifikata bħala tali. Fil-fatt, mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/271, moqri flimkien ma' l-Anness II.A(a) tagħha, jirriżulta li l-Istati Membri huma marbutin jidentifikaw bħala żoni sensittivi l-mases ta' ilma ewtrofizzati kollha.
70 Għaldaqstant, peress li ma identifikatx il-bajja ta' Vilaine bħala żona sensittiva għall-ewtrofikazzjoni fis-sens tad-Direttiva 91/271, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha.
– Ir-rada ta' Lorient
71 Il-Gvern Franċiż ma jikkontestax li l-ilma tar-rada ta' Loreint huwa arrikkit b'nutrijenti.
72 Mir-rapport IFREMER ta' l-2001 jirriżulta li, mill-1997 u sal-1999, żewġ siti tar-rada ta' Lorient kienu ntlaqtu, kull sena, minn proliferazzjonijiet ta' makroalgi mat-tul tal-bajjiet ("mareat ħodor").
73 L-istess rapport jippreċiża li l-mareat ħodor tal-kosta ta' Bretagne, li normalment idumu minn Mejju sa' Awwissu-Settembru, huma kkawżati minn proliferazzjoni mgħaġġla ta' alka ħadra tal-klassi Ulva minħabba l-arrikkiment ta' l-ilma b'nutrijenti. Din l-alka opportunistika tinqala' faċilment minn mas-sottostrat tagħha biex b'hekk tinġarr mal-kurrent sakemm tispiċċa fuq il-bajjiet u tkoprihom b'kisja ta' ħxuna konsiderevoli. Il-mareat ħodor jikkawżaw tfixkil sostanzjali fir-rigward ta' jew anki jrendu impossibbli l-eżerċizzju ta' l-attivitajiet turistiċi normali bħalma huma l-għawm, is-sajd, il-mixi tul il-kosta, eċċ. Il-komuni jkollhom jiġbru l-alka sabiex isostnu l-attività turistika.
74 Kif kien enfasizzat fil-punt 23 ta' din is-sentenza, proliferazzjoni bħal din ta' makroalgi tammonta għal tfixkil mhux mixtieq tal-bilanċ ta' l-organiżmi preżenti fl-ilma. Minħabba l-effetti negattivi tagħhom, b'mod partikolari fuq l-attivitajiet turistiċi, il-mareat ħodor jammontaw ukoll għal degradazzjoni tal-kwalità ta' l-ilma.
75 Madankollu, il-Gvern Franċiż isostni li l-parti ta' l-influssi ta' nitroġenu fir-rebbiegħa u fis-sajf li għandhom oriġini urbana hija biss ta' 9.8%, b'tali mod li l-iskariki ta' ilma urban mormi mhumiex sinjifikanti. Huwa jallega li l-Kummissjoni ammettiet, fl-opinjoni motivata tagħha, li l-influssi ta' nitroġenu ta' oriġini urbana fil-bajja ta' Saint-Brieuc, li jirrappreżentaw 8.9% tat-total, mhumiex sinjifikanti u li l-istess konklużjoni għandha ssir fir-rigward tar-rada ta' Lorient.
76 F'dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni ammettiet li l-iskariki ta' oriġini urbana ma jikkontribwixxux b'mod sinjifikanti għall-ewtrofikazzjoni tar-rada ta' Saint-Brieuc m'għandu l-ebda effett fuq il-kwistjoni ta' l-identifikazzjoni tar-rada ta' Lorient bħala żona sensittiva peress li hemm qbil li dawn iż-żewġ mases ta' ilma huma indipendenti minn xulxin.
77 Mir-rapport ERM ta' l-1999 li ġie ppreżentat mill-Kummissjoni jirriżulta li 9.8% ta' l-influssi ta' nitrati fir-rebbiegħa u fis-sajf fir-rada ta' Lorient, jiġifieri matul il-perijodu ta' proliferazzjoni ta' alka ħadra, għandhom oriġini urbana, perċentwali li tirrappreżenta 374 tunnellata. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi li l-iskariki ta' ilma urban mormi jikkontribwixxu b'mod sinjifikanti għall-ewtrofikazzjoni ta' l-ilmijiet tar-rada ta' Lorient.
78 Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li r-rada ta' Lorient hija ewtrofizzata fis-sens tad-Direttiva 91/271 u li kellha tiġi identifikata bħala żona sensittiva għall-ewtrofikazzjoni.
– L-estwarju ta' l-Elorn, il-golf ta' Morbihan, il-bajja ta' Douarnenez u l-bajja ta' Concarneau
79 Il-Gvern Franċiż ma jikkontestax l-arrikkiment ta' dawn il-mases ta' ilma b'nutrijenti.
80 Mir-rapport IFREMER ta' l-2001 jirriżulta li, bejn l-1997 u l-1999, il-perijodu kopert mill-istudju, iż-żoni in kwistjoni kienu ntlaqtu kull sena minn mareat ħodor. Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż jagħraf ir-realtà u l-importanza tal-fenomenu fil-bajja ta' Concarneau.
81 Għaldaqstant, għall-motivi esposti fil-punti 73 u 74 ta' din is-sentenza, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-istat ta' ewtrofikazzjoni ta' l-estwarju ta' l-Elorn, tal-golf ta' Morbihan u tal-bajjiet ta' Douarnenez u ta' Concarneau.
82 Madankollu, il-Gvern Franċiż isostni li l-influssi ta' nutrijenti ta' oriġini urbana ma jikkontribwixxux b'mod sinjifikanti għall-ewtrofikazzjoni ta' dawn il-mases ta' ilma, b'tali mod li mhux meħtieġ li jiġu identifikati bħala żoni sensittivi fis-sens tad-Direttiva 91/271.
83 F'dan ir-rigward hemm qbil li l-oriġini tat-tniġġis minn nitroġenu hija prinċipalment agrikola.
84 Madankollu, fir-rigward ta' l-estwarju ta' l-Elorn, il-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż jaqblu dwar il-fatt li 21% ta' l-influssi ta' nitrati fir-rebbiegħa u fis-sajf, jiġifieri fil-perijodu ta' proliferazzjoni ta' alka ħadra, huma ta' oriġini urbana, ċifra mogħtija fir-rapport ERM ta' l-1999.
85 Skond l-istess rapport, fir-rigward tal-bajjiet ta' Douarnenez u ta' Concarneau, il-parti ta' l-influssi ta' nitrati fir-rebbiegħa u fis-sajf li għandhom oriġini urbana tammonta għal 23% u 32% rispettivament. Wara li, fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata, indika li, skond studju tal-bBureau d'études Saunier ta' Awwissu 1993 (aktar 'il quddiem l-"istudju Saunier"), din il-parti kienet tammonta għal 22% u 34% rispettivament, il-Gvern Franċiż, fir-risposta tiegħu, sostna, abbażi ta' studju ta' CEVA-IFREMER għaċ-Ċentru ta' l-Analiżi ta' l-Ilma, li 90% tal-flussi tan-nitroġenu u tal-fosfru fil-bajja ta' Douarnenez huma ta' oriġini agrikola. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li huwa ma ppreżentax dan l-istudju. Fir-rigward tal-bajja ta' Concarneau, il-Gvern Franċiż jindika li diversi studji u teħid ta' kampjuni (IFREMER, Ceva, DDE, In vivo) ippermettew li l-influssi ta' nutrijenti fil-bajja jiġu stmati bħala madwar 500 tunnellata fis-sena, li minnhom 6.5 tunnellati biss (jiġifieri, 1.3%) ġejjin mill-impjant ta' trattament ta' Concarneau. Madankollu, għal darb'oħra, huwa ma ppreżentax dawn l-istudji u rapporti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-perċentwali li jirriżultaw mir-rapport ERM ta' l-1999 ppreżentat mill-Kummissjoni għandhom jittieħdu bħala bażi ta' analiżi.
86 Fir-rigward tal-golf ta' Morbihan, il-Gvern Franċiż isostni li, skond l-istudju Saunier, li huwa ppreżenta, huma biss 10% mill-influssi ta' nitrati fir-rebbiegħa u fis-sajf li huma ta' oriġini urbana. Madankollu, din iċ-ċifra ma tistax tiġi kkonfermata minn eżami ta' dan l-istudju, b'tali mod li xorta għandha tiġi aċċettata l-perċentwali ta' 21% li tirriżulta mir-rapport ERM ta' l-1999. F'kull każ, għandu jiġi kkonstatat li l-istudju Saunier sar fl-1993 mentri r-rapport ERM ta' l-1999 jipprovdi stima aktar riċenti ta' l-istat ta' l-ilmijiet kostali Franċiżi.
87 Il-Kummissjoni ġustament tikkunsidra li influssi ta' oriġini urbana, li jammontaw għal bejn 21% u 32% tat-total ta' influssi ta' nitroġenu matul il-perijodu ta' żvilupp mgħaġġel ta' l-alka u ta' speċi veġetali aktar għoljin, huma sinjifikanti fid-dehra, l-iżvilupp u ż-żamma ta' sitwazzjoni ta' ewtrofikazzjoni ta' l-ilmijiet ta' lqugħ in kwistjoni.
88 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-estwarju ta' l-Elorn, il-golf ta' Morbihan, il-bajja ta' Douarnenez u l-bajja ta' Concarneau huma ewtrofizzati fis-sens tad-Direttiva 91/271 u li kien imisshom ġew identifikati bħala żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni.
– Is-Sèvre niortaise
89 Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni rrinunzjat għall-ewwel ilment tagħha fir-rigward ta' din iż-żona.
Fuq il-baċir Rhône-Méditerranée-Corse
– Il-Vistre
90 Il-Kummissjoni ssostni li x-xmara Vistre hija ewtrofizzata 'l isfel minn Nîmes u li kien imissha ġiet identifikata bħala żona sensittiva għall-ewtrofikazzjoni.
91 Il-Gvern Franċiż jirrikonoxxi l-fondatezza ta' dan l-ilment u jindika li l-problema speċifika tal-Vistre, li hija marbuta biss ma' l-iskariki ta' l-agglomerazzjoni ta' Nîmes, ħa tiġi rregolata sal-31 ta' Diċembru 2005 permezz tal-komunikazzjoni ta' l-agglomerazzjoni kollha ma' l-impjant ta' tisfija ta' Nîmes-ouest, li ħa jiġiestiż.
92 Għaldaqstant, l-awtoritajiet Franċiżi kien imisshom identifikaw il-parti tal-Vistre 'l isfel minn Nîmes bħala żona sensittiva għall-ewtrofikazzjoni.
– L-għadira ta' Thau
93 Hemm qbil li l-ilma ta' l-għadira ta' Thau huwa arrikkit b'nutrijenti. Barra minn hekk, kif jirriżulta mir-rapport IFREMER ta' l-2001, "l-ewtrofikazzjoni ta' l-ekosistemi Mediterranji mhijiex ikkawżata prinċipalment mill-agrikoltura iżda mill-iskariki ta' oriġini urbana", fatt li l-Gvern Franċiż mhux jikkontesta fir-rigward ta' l-għadira ta' Thau.
94 Skond dan l-istess rapport, l-għadira ta' Thau huwa s-sit ta' fenomeni importanti ta' anossija, magħrufa bħala "avvenimenti distrofiċi", li "l-iżvilupp [tagħhom] huwa probabbilment marbut ma' degradazzjoni ta' l-alka, li hija abbundanti max-xatt, mgħaġġla minħabba temperaturi għoljin", u li jagħmlu l-ilmijiet tossiċi għall-annimali u l-pjanti li jinstabu hemm. Fenomeni bħal dawn seħħew fl-1975, 1982, 1983, 1987, 1990 u 1997.
95 Madankollu, abbażi ta' studju ta' l-IFREMER ta' l-1998, intitolat "La crise anoxique du bassin de Thau de l’été 1997" (Il-kriżi anossika tal-baċir ta' Thau tas-sajf 1997, aktar 'il quddiem l-"istudju IFREMER ta' l-1998") u abbażi tal-Bullettin tan-netwerk ta' osservazzjoni tal-lagi għas-sena 2000, ippubblikat mill-IFREMER u r-reġjun Languedoc-Roussillon, il-Gvern Franċiż isostni li l-istat trofiku ta' l-għadira ta' Thau tjieb b'mod konsiderevoli mis-snin 1970 'l hawn. Il-kriżijiet anossiċi kkonstatati matul dawn l-aħħar għoxrin sena mhumiex ikkawżati aktar mill-proliferazzjonijiet veġetali kkawżati mill-ewtrofikazzjoni ta' l-għadira imma minn ġestjoni li għadha mhijiex perfetta ta' l-istokkijiet ta' materjal organiku ħaj u diżintegrat prodott, b'mod partikolari, mill-attività sinjifikanti ħafna ta' tkabbir ta' krustaċji li żviluppat fl-għadira ta' Thau.
96 F'dan ir-rigward, mill-istudju IFREMER ta' l-1998 jirriżulta li, wara l-iżviluppi li saru fuq il-perimetru ta' l-għadira mill-1970 'l hawn sabiex jitnaqqsu l-influssi ta' nutrijenti ta' oriġini antropoġenika, "wieħed jista' jqis li l-għadira ta' Thau m'għadhiex ewtrofikata".
97 Fil-fatt, skond dan l-istudju, minkejja li l-ilma ta' l-għadira ta' Thau huwa milqut minn produzzjoni kbira ta' fitoplankton, l-ispeċi ta' fitoplankton li jinstabu fih mhumiex tossiċi u jippermettu t-tkabbir ta' arzell, prinċipalment ta' gajdri, b'rati għoljin ta' tkabbir. Barra minn hekk, il-kwantità ta' materji nitroġeni estratti permezz tal-ħsad (molluski, gajdri, eċċ…) tirrappreżenta aktar minn 60% ta' l-influssi mill-baċir ta' lqugħ. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilma ta' l-għadira ta' Thau mhuwiex effettivament milqut minn tfixkil mhux mixtieq tal-bilanċ ta' l-organiżmi preżenti fl-ilma.
98 Madankollu, l-istudju IFREMER ta' l-1998 jenfasizza r-riskju li l-ilma ta' l-għadira ta' Thau jista' jintlaqat minn avveniment distrofiku, fenomenu li jwassal għal anossija ta' l-ilmijiet, għall-produzzjoni ta' sulfid u numru kbir ta' mwiet tal-forom kollha ta' ħajja preżenti fiż-żoni milquta, inklużi l-gajdri. L-aħħar avveniment distrofiku seħħ fl-1997. Meta jseħħ, fenomenu bħal dan jammonta kemm għal tfixkil mhux mixtieq tal-bilanċ ta' l-organiżmi preżenti fl-ilma kif ukoll għal degradazzjoni tal-kwalità ta' l-ilma.
99 Għall-kuntrarju ta' dak li jsostni l-Gvern Franċiż, mill-istudji IFREMER ta' l-1998 jirriżulta li anki jekk influssi ta' materjal organiku li joriġina mill-attività ta' tkabbir ta' krustaċji jikkontribwixxu għall-iżviluppi ta' avvenimenti distrofiċi, bħal dak li ġara fl-1997, l-iżvilupp ta' makrofiti fuq ix-xatt ta' l-għadira, minħabba l-arrikkiment ta' l-ilma b'nutrijenti, jilgħab rwol importanti fl-apparenza ta' dawn il-fenomeni.
100 Skond dan l-istess studji, l-apparenza ta' avvenimenti distrofiċi fil-futur, f'ċirkustanzi meteoroloġiċi eċċezzjonali bħal dawk matul il-kriżi ta' l-1997, ma tistax tiġi eskluża. Mal-perimetru ta' l-għadira ta' Thau jeżistu "ċertu numru ta' sorsi potenzjali fiż-żoni li jinstabu fid-daħla tal-korsiji ta' ilma prinċipali li fihom jinġabru, b'mod partikolari, l-ilmijiet tal-lagi". Dan il-fatt huwa kkonfermat mill-Bullettin tan-netwerk ta' osservazzjoni tal-lagi għas-sena 2000 li jispjega li parti mill-għadira ta' Thau (il-qala ta' l-Angle) tinsab fi stat medju fir-rigward l-ewtrofikazzjoni.
101 Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-għadira ta' Thau tista' ssir ewtrofikata fil-futur qarib jekk ma jittieħdux miżuri ta' protezzjoni u li kien imissha ġiet identifikata bħala żona sensittiva għall-ewtrofikazzjoni fis-sens tad-Direttiva 91/271.
102 Skond l-istudju IFREMER ta' l-1998, "l-influssi mill-baċir ta' lqugħ huma […] meħtieġa sabiex tinżamm il-kapaċità tal-baċir ta' Thau li tmantni t-tkabbir ta' krustaċji", minħabba li "tnaqqis fil-produzzjoni ta' plankton probabbilment iwassal għal tnaqqis fil-produzzjoni ta' krustaċji", sitwazzjoni li manifestament mhijiex mixtieqa. Madankollu, it-tieni paragrafu ta' l-Anness II.A(a) tad-Direttiva 91/271 jipprovdi għall-possibbiltà li ssir varjazzjoni fit-trattament aktar strett normalment applikat għall-ilma urban mormi skarikat f'żona sensittiva.
103 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel ilment huwa fondat fir-rigward tal-bajja ta' Seine, il-parti tas-Seine aktar 'l isfel mill-konfluwenza tagħha ma' l-Andelle, l-ilmijiet kostali tal-baċir Artois-Picardie, il-bajja ta' Vilaine, ir-rada ta' Lorient, l-estwarju ta' l-Elorn, il-bajja ta' Douarnenez, il-bajja ta' Concarneau, il-golf ta' Morbihan, il-parti tal-Vistre 'l isfel minn Nîmes kif ukoll l-għadira ta' Thau.
Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta' trattament aktar strett ta' l-iskariki fiż-żoni sensittivi ta' ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom e.p. ta' aktar minn 10,000
104 Mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271 jirriżulta li l-awtoritajiet Franċiżi kienu obbligati jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex, fir-rigward ta' l-agglomerazzjonijiet li għandhom e.p. ta' aktar minn 10,000, l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta' ġbir, qabel ma jintrema fiż-żoni sensittivi, ikun, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1998, suġġett għal trattament aktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4 ta' l-istess direttiva.
105 Skond id-dispożizzjonijiet, meħudin flimkien, ta' l-Artikolu 5(3) u ta' l-Anness I.B, punt 3, tad-Direttiva 91/271, dan it-trattament aktar strett jinvolvi b'mod partikolari, fir-rigward ta' l-iskariki fiż-żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni, ir-rispett tal-kriterji li jinstabu fit-tabella 2 ta' l-istess anness, bla ħsara, madankollu, għad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta' l-Anness II.A (a) ta' l-imsemmija direttiva.
106 Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni, issostni li, b'risposta għall-ittra ta' intimazzjoni, l-awtoritajiet Franċiżi kienu, permezz ta' ittra tat-12 ta' Diċembru 2000, irrikonoxxew li, fir-rigward ta' 130 aggolmerazzjoni, li tagħhom huma pprovdew il-lista, it-trattament ta' l-ilma urban mormi ma kienx, sal-31 ta' Diċembru 1998, konformi mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271.
107 Fil-kontroreplika tiegħu, il-Gvern Franċiż jindika li, illum il-ġurnata, 32 agglomerazzjoni minn fost il-130 li jinstabu fl-imsemmija lista, huma konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271, u li 10 fosthom (Vichy, Aix-en-Provence, Mâcon, Créhange, Saint-Avold, Bailleul, Aurillac, Montauban, Châtillon-sur-Seine u Gray) kienu diġà konformi qabel it-tmiem tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata.
108 F'dan ir-rigward, skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' kif kienet is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilita fl-opinjoni motivata (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-446/01, Ġabra p. I-6053, punt 15).
109 Peress li l-agglomerazzjonijiet ta' Vichy, Aix-en-Provence, Mâcon, Créhange, Saint-Avold, Bailleul, Aurillac, Montauban, Châtillon-sur-Seine u Gray kienu reżi konformi qabel it-tmiem tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, l-ilment mhux fondat fir-rigward tagħhom.
110 Mill-banda l-oħra, l-ilment huwa fondat fir-rigward ta' l-agglomerazzjonijiet l-oħra msemmija fl-ittra ta' l-awtoritajiet Franċiżi tat-12 ta' Diċembru 2000, inklużi dawk li kienu reżi konformi wara t-tmiem tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata.
111 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tallega li l-awtoritajiet Franċiżi ma rrispettawx l-obbligi tagħhom fir-rigward ta' l-agglomerazzjoni ta' Montpellier li mhijiex imniżżla fil-lista mehmuża ma' l-ittra tat-12 ta' Diċembru 2000.
112 Mir-risposta tal-Gvern Franċiż għall-opinjoni motivata jirriżulta li l-agglomerazzjoni ta' Montpellier tiskarika l-ilma urban mormi tagħha f'żona sensittiva u li x-xogħlijiet sabiex l-impjant ta' tisfija jsir konformi u l-kostruzzjoni ta' żbokk għall-baħar kienu ħa jkunu lesti biss fl-2004. Peress li l-Gvern Franċiż ma sostniex quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li dawn ix-xogħlijiet tlestew aktar kmieni milli kien previst u, f'kull każ, qabel ma skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, it-tieni lment ukoll huwa fondat fir-rigward ta' l-agglomerazzjoni ta' Montpellier.
113 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Franċiżi kellhom ukoll jiżguraw li l-ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom e.p. ta' aktar minn 10,000 u li jintrema fiż-żoni msemmija fil-kuntest ta' l-ewwel ilment, li kien imisshom ġew identifikati bħala żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni, ikun suġġett għal trattament aktar strett skond l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271.
114 F'dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż, li ma jikkontestax li ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom e.p. ta' aktar minn 10,000 jintrema fiż-żoni msemmija fil-punt 103 ta' din is-sentenza jew fil-baċiri ta' lqugħ tagħhom, ma argumentax quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas, a fortiori, ma wera li, meta skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, dan l-ilma kien suġġett għal trattament aktar strett fis-sens ta' l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271.
115 Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, peress li naqset milli:
– tidentifika bħala żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni l-bajja ta' Seine, il-parti tas-Seine 'l isfel mill-konfluwenza tagħha ma' l-Andelle, l-ilmijiet kostali tal-baċir Artois-Picardie, il-bajja ta' Vilaine, ir-rada ta' Lorient, l-estwarju ta' l-Elorn, il-bajja ta' Douarnenez, il-bajja ta' Concarneau, il-golf ta' Morbihan, il-parti tal-Vistre 'l isfel minn Nîmes kif ukoll il-lag ta' Thau, u
– tissottometti għal trattament aktar strett l-iskariki ta' ilma urban mormi li joriġina mill-agglomerazzjonijiet – minbarra minn Vichy, Aix-en-Provence, Mâcon, Créhange, Saint-Avold, Bailleul, Aurillac, Montauban, Châtillon-sur-Seine u Gray – imsemmija fl-ittra ta' l-awtoritajiet Franċiżi tat-12 ta' Diċembru 2000 u mill-agglomerazzjoni ta' Montpellier, kif ukoll l-iskariki ta' ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenti ta' popolazzjoni (e.p.) ta' aktar minn 10,000 fil-bajja ta' Seine, fil-parti tas-Seine 'l isfel mill-konfluwenza tagħha ma' l-Andelle, fl-ilmijiet kostali tal-baċir Artois-Picardie, fil-bajja ta' Vilaine, fir-rada ta' Lorient, fl-estwarju ta' l-Elorn, fil-bajja ta' Douarnenez, fil-bajja ta' Concarneau, fil-golf ta' Morbihan, fil-parti tal-Vistre 'l isfel minn Nîmes u fil-lag ta' Thau,
ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(1) u (2) u taħt l-Anness II tad-Direttiva 91/271. Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.
Fuq l-ispejjeż
116 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiż tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta' u tiddeċiedi li:
1) Peress li naqset milli:
– tidentifika bħala żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni l-bajja ta' Seine, il-parti tas-Seine 'l isfel mill-konfluwenza tagħha ma' l-Andelle, l-ilmijiet kostali tal-baċir Artois-Picardie, il-bajja ta' Vilaine, ir-rada ta' Lorient, l-estwarju ta' l-Elorn, il-bajja ta' Douarnenez, il-bajja ta' Concarneau, il-golf ta' Morbihan, il-parti tal-Vistre 'l isfel minn Nîmes kif ukoll il-lag ta' Thau, u
– tissottometti għal trattament aktar strett l-iskariki ta' ilma urban mormi li joriġina mill-agglomerazzjonijiet – minbarra minn Vichy, Aix-en-Provence, Mâcon, Créhange, Saint-Avold, Bailleul, Aurillac, Montauban, Châtillon-sur-Seine u Gray – imsemmija fl-ittra ta' l-awtoritajiet Franċiżi tat-12 ta' Diċembru 2000 u mill-agglomerazzjoni ta' Montpellier, kif ukoll l-iskariki ta' ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenti ta' popolazzjoni (e.p.) ta' aktar minn 10,000 fil-bajja ta' Seine, fil-parti tas-Seine 'l isfel mill-konfluwenza tagħha ma' l-Andelle, fl-ilmijiet kostali tal-baċir Artois-Picardie, fil-bajja ta' Vilaine, fir-rada ta' Lorient, fl-estwarju ta' l-Elorn, fil-bajja ta' Douarnenez, fil-bajja ta' Concarneau, fil-golf ta' Morbihan, fil-parti tal-Vistre 'l isfel minn Nîmes u fil-lag ta' Thau,
ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(1) u (2) u taħt l-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta' Mejju 1991, dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi.
2) Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.
3) Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata tbati l-ispejjeż.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.