SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta' Frar 2005 (*)

"Appell – Artikolu 90(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 86(3) KE) – Ammont ta' tariffi imposti mir-Repubblika Awstrijaka fuq operaturi tat-telefonija mobbli GSM – Rifjut parzjali ta' lment – Ammissibbiltà"

Fil-kawża C-141/02 P,

li għandu bħala għan appell taħt l-Artikolu 49 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fil-15 ta' April 2002,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn W. Mölls u K. Wiedner, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u F. Million, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

T-Mobile Austria GmbH, magħrufa qabel bħala Max-mobil Telekommunikation Service GmbH, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija), irrappreżentata minn A. Reidlinger, M. Esser-Wellié u T. Lübbig, Rechtsanwälte, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Ir-Renju ta' l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u A. Borg Barthet, Presidenti ta' Awla, J.-P. Puissochet (Relatur), R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr, M. Ilešič, J. Malenovský, J. Klučka u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' Settembru 2004,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta' Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Bl-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Jannar 2002, Max.mobil vs Il-Kummissjoni (Ġabra P. II-313, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li biha tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament, imressaq minn Max.mobil Telekommunikation Service GmbH, li saret T-Mobile Austria GmbH (minn hawn 'il quddiem "Max.mobil"), kontra l-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 1998, li biha rrifjutat li tressaq rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu kontra r-Repubblika ta' l-Awstrija (minn hawn 'il quddiem l-"att kontenzjuż").

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2       L-ewwel operatur ta' netwerk tat-telefonija mobbli GSM li deher fis-suq Awstrijak billi sfrutta n-newterk tat-telefonija mobbli huwa l-kumpannija Mobilkom Austria AG (minn hawn 'il quddiem "Mobilkom"), li l-isħma tagħha għadhom parzjalment miżmuma f'idejn l-Istat Awstrijak permezz tal-kumpannija Post und Telekom Austria AG (minn hawn 'il quddiem "PTA"). Max.mobil, rikorrenti fl-ewwel istanza, hija kumpannija ġuridika Awstijaka li daħlet fis-suq in kwistjoni f'Ottubru 1996, bħala t-tieni operatur tat-telefonija mobbli GSM. It-tielet operatur, Connect Austria GmbH (iktar 'il quddiem "Connect Austria"), ġie magħżul wara proċedura ta' għażla fil-bidu ta' Awwissu 1997 u hu wkoll daħal fl-istess suq.

3       Qabel id-dħul ta' Max.mobil fis-suq tan-netwerkijiet tat-telefonija mobbli, l-Österreichische Post-und Telegraphenverwaltung (l-amministrazzjoni Awstrijaka tal-posta u tat-telegrafu) kellha monopolju legali fis-settur kollu tat-telefonija mobbli u sfruttat, b'mod partikolari, in-netwerkijiet tat-telefonija mobbli analogiċi "C-Netz" u "D-Netz" aktar milli n-netwerk tat-telefonija mobbli GSM magħruf bħala "A1". Fl-1 ta' Ġunju 1996, dan il-monopolju ngħata lill-Mobilkom, fergħa ġdida maħluqa minn PTA.

4       Fl-14 ta' Ottobru 1997, Max.mobil ippreżentat ilment quddiem il-Kummissjoni, b'mod partikolari, bil-għan li jiġi kkonstatat li r-Repubblika ta' l-Awstrija kisret id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 86 u 90(1) tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 82 KE u 86(1) KE) flimkien. Fil-linja ġenerali, dan l-ilment ried jikkuntesta n-nuqqas ta' differenzjar bejn l-ammonti ta' tariffi mitluba rispettivament minn Max.mobil u mill-Mobilkom, kif ukoll il-vantaġġ ta' ħlas ta' l-imsemmija tariffi li minnhom ibbenefikaw dawn ta' l-aħħar.

5       Minbarra dan, Max.mobil tallega f'dan l-ilment li l-liġi Komunitarja ġiet miksura, minn naħa, safejn l-awtoritajiet Awstrijaċi taw valenza legali lill-vantaġġi mogħtija lill-Mobilkom fl-għoti tal-frekwenzi u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li PTA sostniet lill-fergħa tagħha Mobilkom għat-twaqqif u l-użu tan-netwerk tat-telefonija mobbli GSM minn din ta' l-aħħar.

6       Fit-22 ta' April 1998, Max.mobil ippreżentat rapport komplementari lill-Kummissjoni, li fih ippreċiżat ċertu elementi fattwali u ġuridiċi relattivi għas-sitwazzjoni li ddenunzjat. Wara laqgħa, fl-14 ta' Lulju 1998, mal-Kummissjoni, din il-kumpannija ppreżentat, fis-27 ta' Lulju 1998, it-tieni rapport komplementari.

7       Fil-11 ta' Diċembru 1998, il-Kummissjoni informat lil Max.mobil, bl-ittra li hija l-oġġett tal-kontenzjuż quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li qed tirrifjuta in parti l-ilment tagħha ta' l-14 ta' Ottubru 1997. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat, b'mod partikolari:

"F'dak li għandu x'jaqsam [mal-fatt li Mobilkom ma ratx imposta fuqha tariffa għola minn dik imħallsa mill-kumpannija tagħkom], il-Kummissjoni tqis […] li intom ma ressaqtux provi suffiċjenti ta' l-eżistenza ta' miżura Statali, li għenet lill-Mobilkom, li tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha. Skond il-prattika segwita sa llum, il-Kummissjoni ma tatx bidu għal proċeduri ta' ksur, fi kwistjonijiet simili, li fihom Stat Membru jimponi tariffa akbar fuq kumpannija li għadha kemm daħlet fis-suq milli fuq kumpannija li ġà hija attiva (ara s-sentenza tal-Kummissjoni, ta' l-4 ta' Ottubru 1995, dwar il-kundizzjonijiet imposti fuq it-tieni operatur tar-radjotelefonija GSM fl-Italja, ĠU L 280, tat-23 ta' Novembru 1995)."

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

8       B'att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-22 ta' Frar 1999, Max.mobil ressqet rikors li kellu bħala għan l-annullament parzjali ta' l-att kontenzjuż safejn dan l-att jirrifjuta l-ilment.

9       B'talba separata ppreżentata fil-31 ta' Marzu 1999 fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni qajmet l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà bbażata fuq l-Artikolu 114(1) tar-regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Bid-digriet tas-17 ta' Settembru 1999, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tikkunsidra din l-eċċezzjoni fil-mertu.

10     Fil-15 ta' Lulju 1999, ir-Renju ta' l-Olanda talab li jintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B'Digriet tas-17 ta' Settembru 1999, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza ammetta dan l-intervent.

11     Fuq ir-rapport ta' l-Imħallef-Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tagħti bidu għall-proċeduri orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċeduri, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lill-partijiet jirrispondu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet.

12     Il-partijiet ippreżentaw id-difiża orali tagħhom u rrispondew għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-seduta tat-2 ta' Mejju 2001.

13     Max.mobil ikkonkludiet billi talbet lil-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tannulla l-att kontenzjuż sa fejn hi tirrifjuta l-ilment;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

14     Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta' l-Olanda, ikkonkludiet billi talbet lil-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tirrifjuta r-rikors bħala inammissibbli, jew sussidjarjament, bħala infondat;

–       tikkundanna lis-soċjetà Max.mobil tbati l-ispejjeż.

 Is-sentenza kkontesta

15     Fis-sentenza kkontesta, il-Qorti tal-Prim'Istanza, wara li, fl-osservazzjonijiet preliminari, ippreċiżat il-portata tas-sentenza Bundesverband der Bilanzbuchhalter vs Il-Kummissjoni (sentenza ta' l-20 ta' Frar 1997, 1P, Ġabra p. I-947), ittrattat suċċessivament l-ammissibbiltà tat-talba u wara tal-fondatezza tagħha.

 Osservazzjonijiet preliminari tal-Qorti tal-Prim'Istanza

16     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tippreċiża, l-ewwel nett, fil-punt 48 tas-sentenza kkontestata, li trattament diliġenti u imparzjali tat-talba hija ġġustifikata mil-liġi bi trattament tajjeb tal-każijiet individwali, li huwa parti mill-prinċipji ġenerali komuni għat-tradizzjonijiet Kostituzzjonali ta' l-Istati Membri, skond l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, ipproklamata f'Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1, minn hawn 'il quddiem, il-"Karta tad-Drittijiet Fundamentali").

17     Hija sussegwentement tqis, fil-punti 49 u 51 tas-sentenza kkontestata, li l-obbligu tal-Kummissjoni li tipproċedi bi trattament diliġenti u imparzjali ta' talba hija imposta fuqha skond l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (li saru l-Artikoli 81 KE u 82 KE) minflok milli fil-kuntest ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat (li wara emendi sar l-Artikolu 87 KE) u ta' l-Artikolu 93 ta' l-istess Trattat (li sar l-Artikolu 88 KE). Issa, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-Artikolu 90 tat-Trattat irid jiġi interpretat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għall-kompetizzjoni, li jirrikonoxxu espliċitament id-drittijiet proċedurali lill-atturi. Hija tqis li Max.mobil issib ruħha f'sitwazzjoni paragunabbli ma dik prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel regolament ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat(ĠU 1962, 13 p.204), li jawtorizzaha tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni.

18     Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tissottometti, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza kkontestata, li l-eżistenza ta' obbligu ta' eżami diliġenti u imparzjali huwa ġġustifikat mill-obbligu ġenerali ta' sorveljanza li huwa dmir tal-Kummissjoni. Dan għandu japplika indifferentament fil-kuntest ta' l-Artikoli 85, 86, 90, 92 u 93 tat-Trattat, meta wkoll il-modalitajiet ta' eżerċizzju ta' dan l-obbligu jvarja in funzjoni ta' l-oqsma ta' applikazzjoni speċifiċi tagħhom u b'mod partikolari tad-dritt proċedurali attribwit espliċitament mit-Trattat jew mid-dritt komunitarju dderivat mill-interessati f'dan il-qasam. B'konsegwenza, l-argumenti tal-Kummissjoni, li jgħid, minn naħa, l-Artikolu 90(3), li t-Trattat ma jagħti ebda lok għal individwi u, min-naħa l-oħra, li l-protezzjoni ta' l-individwi ser jiġi ggarantit mill-obbligi li jaqgħu direttament fuq l-Istati Membri huma mingħajr rilevanza.

19     Minbarra dan, fil-punt 54 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddistingwi l-proċeduri previsti mill-Artikoli 90(3), u 169 tat-Trattat (li sar l-Artikolu 226 KE). Skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, meta, minħabba fl-Artikolu 169 tat-Trattat, il-Kummissjoni "tista'" tressaq proċedura ta' ksur kontra Stat Membru, l’Artikolu 90(3) ta' dan l-istess Trattat jipprevedi, min-naħa l-oħra, li dan jadotta l-miżuri approprjati "għal dak li hu bżonn". Din l-espressjoni tindika li l-Kummissjoni għandha tipproċedi biex teżamina b'diliġenza u imparzjalment l-ilmenti in kwistjoni u li fuqhom, bis-saħħa tal-poteri ta' diskrezzjoni tagħha, tiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li toħroġ indikazzjonijiet u, jekk ikun il-każ, tieħu dawk il-miżuri fil-konfront ta' wieħed jew aktar Stati Membri kkonċernati. Kontra dak li huwa l-każ fid-deċizjonijiet tagħha li tressaq rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 169 tat-Trattat, il-poter tal-Kummissjoni li tagħti segwitu għal ilment skond l-Artikolu 90(3) tat-Trattat, għalkemm diskrezzjonali, jista' madankollu jiġi mistħarreġ ġudizzjarjament [ara, f'dan is-sens, il-punt 96 tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fil-kawża Il-Kummissjoni u Franza vs TF1 (Sentenza tat-12 ta' Lulju 2001, P, Ġabra p. I-5603)].

20     Għalkemm il-Kummissjoni tgawdi minn poter diskrezzjonali vast kemm fir-rigward ta' intervent li hi tqis neċessarju li jittieħed kif ukoll fil-mezzi meqjusa neċessarji għal dan il-għan (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Bundesverband der Bilanzbuchhalter vs Il-Kummissjoni, imsemmija iktar 'il fuq, punt 27), il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar, fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza kkontestata, li sa fejn il-Kummissjoni hija mistennija tipproċedi għall-eżami b'mod diliġenti u imparzjali ta lment, ir-rispett ta' tali obbligu ma jippermettix li għaldaqstant id-deċiżjoni tagħha li tagħti segwitu jew le għat-talba msemmija tista' taħrab milli taqa' taħt stħarriġ ġudizzarju simili għal dak eżerċitat fil-konfront tal-ksur fl-oqsma koperti mill-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta' Ottubru 1977, Metro vs Il-Kummissjoni, 26/76, Ġabra p. 1875, punt 13). Il-Qorti tal-Prim'Istanza semmiet il-punt 97 tal-konklużjonijiet ta' l-avukat ġenerali Mischo, fil-kawża Il-Kummissjoni u France vs TF1, imsemmija iktar 'il fuq, li jsostni li l-istess pożizzjoni trid tinżamm fir-rigward ta' ksur ta' l-Artikolu 90(3) tat-Trattat. Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva wkoll li tali stħarriġ ġudizzjarju huwa wkoll wieħed mill-prinċipji ġenerali komuni tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali ta' l-Istati Membri, kif inhu kkonfermat mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

21     Biex jiġi rrispettat il-poter diskrezzjonali tal-Kummissjoni, meta l-att ikkontestat jikkonsisti f'deċiżjoni ta' din l-aħħar li ma tagħmilx użu tal-poter mogħti lilha mill-Artikolu 90(3) tat-Trattat, ir-rwol ta' l-imħallef komunitarju għandu, skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, jillimta ruħu għal stħarriġ ristrett li jikkonsisti fil-verifika ta' l-eżistenza, fl-att ikkontestat, ta' motivazzjoni li tirrifletti t-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-elementi rilevanti tal-proċess, l-eżattezza materjali tal-fatti u n-nuqqas ta' żball manifest f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fatti.

 Dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza

22     Fid-dawl ta' l-osservazzjonijiet preliminari tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet l-ammissibbiltà ta' l-appell minn Max.mobil bil-motivazzjonijiet segwenti.

23     Qabel kollox, fil-punt 65 tas-sentenza kkontestata, hija tikkwalifika l-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 1998, li fiha ġie indikat lil Max.mobil l-intenzjoni tagħha li mhux ser tagħti segwitu għall-ilment ta din ta' l-aħħar fuq il-bażi ta' l-Artikolu 90 tat-Trattat, bħala deċiżjoni li tista' tkun l-oġġett ta' rikors għal annullament.

24     Wara, fil-punti 70 sa 71 ta' l-istess deċiżjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li Max.mobil hija destinatarja ta' din id-deċiżjoni u tippreċiża li din il-kumpannija hija individwalment ikkonċernata minnha minħabba f'aktar minn element wieħed.

25     L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva li l-att kontenzjuż jikkostitwixxi reazzjoni tal-Kummissjoni għall-ilment formali ta' Max.mobil.

26     It-tieni nett, hija tindika li l-Kummissjoni żammet bosta laqgħat ma' din il-kumpannija sabiex teżamina aspetti differenti mqajma fl-ilment.

27     It-tielet nett, skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-mument ta' l-attribuzzjoni tal-liċenzja tat-telefonija mobbli GSM lill-kumpannija msemmija, din ta' l-aħħar kellha biss kompetitur wieħed, Mobilkom, benefiċjarja tal-miżuri ta' l-istat li kienu kkontestati fil-parti ta' l-ilment li l-Kummissjoni kkunsidrat, fl-att kontenzjuż, li ma jirrikjedix aktar istruttorja.

28     Ir-raba' nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li Max.mobil hija l-unika miż-żewġ kompetituri ta' Mobilkom li fuqha ġiet imposta tariffa identika għal dik ta' Mobilkom, waqt li l-kompetriċi l-oħra, Connect Austria, ġiet mitluba tħallas tariffa ta' ammont sostanzjalment aktar baxx minn dak mitlub minn Mobilkom jew Max.mobil.

29     Il-ħames nett, mhuwiex ikkontestat, skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, li l-ammont tat-tariffa imposta fuq Mobilkom, li tikkostitwixxi l-kwistjoni ċentrali ta' l-ilment u ta' l-att kontenzjuż, ġie kkalkolat awtomatikament fuq l-ammont tat-tariffa proposta minn Max.mobil fil-kuntest tal-proċedura ta' għoti tat-tieni liċenzja tat-telefonija mobbli GSM fl-Awstrija.

30     Is-sitt nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tirreleva li l-miżura li hija l-oġġett ta' l-ilment u ta' l-att kontenzjuż għandha portata individwali fir-rigward ta' Mobilkom u ma tikkostitwixxix miżura ta' applikazzjoni ġenerali bħal dik in kwistjoni fil-każ li wassal għas-sentenza msemmija iktar 'il fuq, Bundesverband der Bilanzbuchhalter vs Il-Kummissjoni.

 Fuq il-mertu tar-rikors fl-ewwel istanza

31     Wara li fakkret, il-punti 73 u 75 tas-sentenza kkontestata, li l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitata mill-Qorti tal-Prim'Istanza limita ruħu għall-verifika tar-rispett minn naħa tal-Kummissjoni ta' l-obbligu tagħha li tipproċedi għal eżami tat-talbiet b'mod diliġenti u imparzjali u li l-att kontenzjuż huwa bbażat fuq fatti li l-materjalità tagħhom mhijiex ikkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tkun qed tikkommetti żball manifest ta' evalwazzjoni, tikkonkludi li l-fatt li fuq Mobilkom ġie impost il-ħlas ta' tariffa identika għal dik imħallsa minn Max.mobil, waħidha mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, biex jiġi stabbilit li Mobilkom ġiet indotta tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha. Min-naħa l-oħra, din il-konklużjoni tkun kompatibbli mal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni.

32     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-att ikkontestat ġie adottat in segwitu ta' numru ta' laqgħat bejn Max.mobil u l-Kummissjoni, f'kuntest magħruf minn din il-kumpannija, li ppermettitilha li tifhem ir-raġunijiet imsemmija fil-motivazzjonijiet ta' l-att kontenzjuż. Għalhekk wieħed ma jistax jikkonkludi li hemm, skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, nuqqas jew insuffiċjenza ta' motivazzjoni bħal fis-sentenza tas-17 ta' Marzu 1983, Control Data vs Il-Kummissjoni (294/81, Ġabra p. 911, punt 15). Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li l-att ikkontestat huwa motivat biżżejjed fir-rigward ta' l-Artikolu 190 tat-Trattat (li sar l-Artikolu 253 KE).

 Il- proċedura quddiem il-Qorti

33     Fit-12 ta' April 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

34     Fl-1 ta' Awwissu 2002, ir-Repubblika Franċiża talbet li tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B'Digriet ta' l-24 ta' Ottobru 2002, il-president tal-Qorti laqa' din it-talba.

35     Fid-9 ta' Awwissu 2002, Max.mobil ippreżentat appell inċidentali fir-risposta tagħha. Il-Kummissjoni rrispondiet għal dan permezz ta' replika fil-15 ta' Novembru 2002. Max.mobil ippreżentat kontroreplika fil-25 ta' Frar 2003.

 It-talbiet ta' l-appell prinċipali u ta' l-appell inċidentali

36     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti jogħġobha:

–       tannulla s-sentenza kkontestata, b'mod li tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament imressaq minn Max.mobil kontra l-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 1998;

–       tiċħad bħala inammissibbli r-rikors għal annullament imressaq minn Max.mobil kontra l-att kontenzjuż;

–       tiċħad l-appell inċidentali mressaq minn Max.mobil;

–       tikkundanna lil Max.mobil tbati l-ispejjeż.

37     Max.mobil titlob lill-Qorti jogħġobha:

–       preliminarjament, tiċħad l-appell tal-Kummissjoni bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

u fir-rigward ta' l-appell inċidentali:

–       tannulla s-sentenza kkontestata, safejn tiċħad ir-rikors għal annullament bħala infondat;

–       tannulla l-att kontenzjuż;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

38     Ir-Repubblika Franċiża, fin-nota ta' intervent, titlob lill-Qorti jogħġobha:

–       tannulla s-sentenza kkontestata, safejn tirrikonoxxi l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ta' Max.mobil taħt l-Artikolu 90 tat-Trattat;

–       tikkundanna lil Max.mobil tbati l-ispejjeż.

 Dwar ir-rikors

 Fuq l-ammissibbiltà ta' l-appell prinċipali

 L-Argumenti tal-partijiet

39     Il-Kummissjoni ssostni li l-appell huwa ammissibbli fuq il-bażi ta' żewġ punti.

40     Minn naħa, l-appell huwa ammissibbli, skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 49 (li sar l-Artikolu 56) ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, safejn is-sentenza kkontestata ġabet fit-tmiem kwistjoni ta' proċedura dwar l-ammissibbiltà tagħha. Is-sentenza kkontestata għaldaqstant teffettwa negattivament lill-Kummissjoni in kwantu hija l-konvenuta quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fuq dan il-punt. Iċ-ċirkustanza li, fuq il-mertu, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat li r-rikors huwa infondat hija irrilevanti għall-appell tal-Kummissjoni li tfittex tannulla sentenza kkontestata li tisħaq li l-att kontenzjuż jista' jkun oġġett ta' appell kontenzjuż (sentenza tas-26 ta' Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, Ġabra p. I-1873, punti 50 u 52).

41     Min-naħa l-oħra , l-appell huwa ammissibbli skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 49 ta' l-istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni effettivament hija waħda mill-partijiet li jistgħu jappellaw kontra s-sentenza kkontestata independentement mit-talbiet fuq il-mertu, kif impliċitament irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-21 ta' Jannar 1999, France vs Comafrica et P, Ġabra p. I-4125, punt 171).

42     Max.mobil tikkunsidra li, billi ntlaqgħu t-talbiet tal-Kummissjoni, it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 49 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa applikabbli u jipprekludi l-ammissibbiltà ta' appell tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, f'dan il-każ, il-kwistjoni ta' l-ammissibbiltà mhux ittrattata fil-kuntest ta' kwistjoni ta' proċedura iżda fil-kuntest ta' eżami fil-mertu. Issa, is-sentenza kkontestata titratta r-rikors fit-totalità tiegħu, pożizzjoni kkonfermata mill-Artikolu 114 (4) tar-Regoli tal- Proċedura tat-Qorti tal-Prim'Istanza.

43     Hija tikkontesta, ukoll, l-interpretazzjoni, mogħtija mill-Kummissjoni, ta' t-tielet inċiż ta' l-Artikolu 49 ta' l-istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-istituzzjonijiet komunitarji ma jistgħux jibbenefikaw minn pożizzjoni differenti minn dik ta' partijiet oħra. Ma jistgħu jifformaw l-ebda appell bil-għan waħdieni li l-Qorti tikkjarifika waħda mill-kwistjonijiet ġuridiċi ttrattati f'deċiżjoni waħda u b'konsegwenza mhux indipendenti, kif jirriżulta mill-punt 51 tas-sentenza Il-Kunsill vs Boehringer, imsemmija iktar 'il fuq, ikkonfermata mis-sentenza Il-Kummissjoni u France vs TF1, imsemmija iktar 'il fuq.

44     Max.mobil tinnota fl-aħħar li l-kuntest tas-sentenza Franza vs Comafrica et, imsemmija iktar 'il fuq, huwa differenti. Il-Qorti, f'dan il-każ, hija ffaċċjata minn numru ta' deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza, b'mod li riferiment għal tali deċiżjoni ma tkunx rilevanti.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45     Qabel kollox, huwa neċessarju li ma jintlaqgħux ir-raġunamenti żviluppati minn Max.mobil b'riferiment għas-sentenza Il-Kummissjoni u Franza vs TF1, imsemmija iktar 'il fuq. Fil-fatt, f'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi kkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li ma tikkunsidrax lok għal deċiżjoni fl-ewwel istanza, ikkonstatat li din ta' l-aħħar setgħet tieħu deċiżjoni, mingħajr il-bżonn li tieħu pożizzjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors imressaq quddiemha, fid-dawl ta' l-ordni li fihom ġew eżaminati l-kwistjonijiet (sentenza Il-Kummissjoni u Franza vs TF1, imsemmija iktar 'il fuq, punti 25 sa 28).

46     Fil-każ preżenti, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza ppronunċjat ruħha formalment fuq l-ammissibbiltà tar-rikors qabel ma ddeċidiet dwar il-merti tal-każ.

47     Issa, minn naħa, skond it-termini ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 49 ta' l-istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja:

"Jista’ jsir appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn li jmissu min-notifika tad-deċiżjoni impenjata, kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti ta' Prim'Istanza li jikkonkludu l-proċediment kif ukoll kontra d-deċiżjonijiet tagħha li jaqtgħu kwestjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta' proċedura dwar eċċezzjoni ta' inkompetenza jew ta' inammissibilità."

48     Minn naħa l-oħra, permezz tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 49 ta' l-istess statut, l-istituzzjonijiet tal-Komunità m'għandhom għalfejn jippruvaw l-ebda interess biex ikunu jistgħu jappellaw minn deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, imsemmija iktar 'il fuq, punt 171).

49     F'dan il-każ , l-appell tal-Kummissjoni għandu l-għan li l-Qorti tannulla parti mis-sentenza kkontestata, jiġifieri l-punti 65 sa 72, li bihom il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet espressament l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà li l-Kummissjon kienet qajmet, billi tali parti tikkostitwixxi deċiżjoni li ġġib fit-tmiem kwistjoni ta' proċedura, skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 49 ta' l-istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja.

50     Id-deċiżjonijiet li jġibu fit-tmiem kwistjoni ta' proċedura dwar eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, fit-termini ta' din id-dispożizzjoni, huma d-deċiżjonijiet li jeffettwaw negattivament lil waħda mill-partijiet billi jammettu jew jiċħdu l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk aċċettat b'mod partikolari appell kontra deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza billi dan ta' l-aħħar kien irrifjuta eċċezzjoni mressqa minn parti fir-rigward ta' rikors, minkejja li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet, fis-segwitu ta' l-istess sentenza, ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat (ara s-sentenzi msemmija iktar 'il fuq France vs Comafrica et kif ukoll Il-Kunsill vs Boehringer, punt 50).

51     Fil-każ preżenti, minħabba li, kif intwera, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar l-ammissibbiltà ta' rikors ippreżentat minn Max.mobil qabel ma tiċħadha fuq il-mertu, l-appell tal-Kummissjoni kontra din id-deċiżjoni li teffettwaha negattivament għandha tiġi ttrattata bħala ammissibbli.

52     L-eċċezzjoni ta' innammissibbiltà ppreżentata minn Max.mobil kontra l-appell, konsegwentement, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

 L-argumenti tal-partijiet

53     Waqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-obbligu li għandha li tipproċedi għal eżami diliġenti ta' l-ilmenti li tirċievi li huma bbażati fuq l-Artikolu 90 tat-Trattat, hija tqis, bħall-gvern Franċiż, li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball fid-dritt meta kkunsidrat li d-deċiżjoni li tippersegwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni setgħu jkunu l-oġġett ta' stħarriġ kontroll ġudizzjarju.

54     Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat ħażin l-iskop tas-sentenza Bundesverband der Bilanzbuchhalter vs Il-Kummissjoni, imsemmija iktar 'il fuq, li fiha qieset li s-soluzzjoni li hi ħadet, jiġifieri dik li kienet tgħid li l-Kummissjoni għandha poter diskrezzjonali meta tippersegwixxi ksur, ma tikkostitwixxix għajr eċċezzjoni għad-dritt ġenerali ta' l-eżami ta' l-ilmenti. Hija ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 25 ta' din is-sentenza, tqis, kontra dan, li l-kwalità biex taġixxi legalment kontra rifjut tal-Kummissjoni li tintervjeni permezz ta' l-Artikolu 90(3) tat-Trattat ma jistax jeżisti, ħlief, l-aktar f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

55     Fil-każ preżenti, Max.mobil mhijiex f'sitwazzjoni eċċezzjonali skond din il-ġurisprudenza, kif inhu espost ukoll mill-gvern Franċiż.

56     Barra minn hekk, il-Kummissjoni, sostnuta mill-gvern Franċiż, tikkontesta l-kwalifika ta' "deċiżjoni" mogħtija mil-Qorti tal-Prim'Istanza lill-ittra tagħha tal-11 ta' Diċembru 1998, fil-punti 64 sa 68 u 71 tas-sentenza kkontestata. L-ittri tal-Kummissjoni jridu jiġu kkunsidrati bħala sempliċi informazzjonijiet.

57     Hija ssostni li d-drittijiet proċedurali, fosthom id-dritt li tinkiseb deċiżjoni tal-Kummissjoni, irrikonoxxut mir-regolament Nru. 17, mhumiex applikabbli fil-kuntest ta' l-Artikolu 90 (3) tat-Trattat.

58     Hija tikkuntesta b'konsegwenza l-possibbiltà għall-Qorti tal-Prim'Istanza li jirreferi għall-preċedent ġurisprudenzjali li jikkonċerna d-drittijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat.

59     Il-Kummissjoni fl-aħħar tqis li l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba tal-każijiet individwali, sa dak il-punt mhux magħruf fil-ġurisprudenza tal-Qorti, iżda li fuqu l-Qorti tal-Prim'Istanza tibbaża r-raġunamenti tagħha, huwa wisq ġenerali biex jistabbilixxi drittijiet proċedurali favur l-individwu, l-aktar għaliex il-Karta tad-Drittijiet fundamentali invokata in sostenn ta' tali prinċipju ma jistax jiġi invokat. It-tielet inċiż ta' l-Artikolu 41 (2) ta' din il-Karta ma jagħmilx ħlief ifakkar l-obbligu li jagħti motivazzjoni kif previst mill-Artikolu 190 tat-Trattat. L-Artikolu 41(4) ta' din il-Karta jirrifletti t-tielet inċiż ta' l-Artikolu 21 KE, fit-Trattat ta' Amsterdam, li ma kienx fis-seħħ fil-11 ta' Diċembru 1998, id-data ta' l-att kontenzjuż, analizzat bħala deċiżjoni kkontestata fl-ewwel istanza.

60     Max.mobil essenzjalment tasserixxi l-kwalità tagħha biex taġixxi. Billi tispira ruħha mill-punti 99, 100, 103 u 107 tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Il-Kummissjoni u Franza vs TF1, imsemmija iktar 'il fuq, mis-sentenza tal-15 ta' Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (Ġabra p. I-3203, punti 23 u 25), kif ukoll mill-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali La Pergola fil-kawża Bundesverband der Bilanzbuchhalter vs Il-Kummissjoni, imsemmija iktar 'il fuq, Max.mobil tqis li, fid-deċiżjoni mogħtija f'din l-aħħar kawża, l-inammissibbiltà sostnuta mill-Qorti hija bbażata mhux fuq il-poter vast diskrezzjonali li tiddisponi minnu l-Kummissjoni, iżda fuq iċ-ċirkustanzi li l-ilment jikkonċerna att ta' portata ġenerali li l-kontestazzjoni minn individwu hija minnha stess inammissibli.

61     Issa, hekk kif il-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet fis-sentenza kkontestata, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 24 sa 30 ta' din is-sentenza, Max.mobil kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtix segwitu għall-ilment tagħha.

62     B'hekk, l-għoti ta' poter diskrezzjonali vast lill-Kummissjoni ma jwassalx awtomatikament għall-inammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet meħuda bis-saħħa ta' dan il-poter.

63     Għaldaqstant ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li tissottoponi għal stħarriġ ġudizzjarju d-deċiżjonijiet ta' rifjut li l-Kummissjoni tadotta fir-rigward ta' lmenti ta' individwi, tkun xi tkun in-natura ta' l-atti kkontestati. Max.mobil tinvoka, f'dan ir-rigward, il-punti 24 u 25 tas-sentenza Bundesverband der Bilanzbuchhalter vs Il-Kummissjoni, imsemmija iktar 'il fuq.

64     Minbarra dan, Max.mobil issostni li ssib ruħha f'sitwazzjoni eċċezzjonali fi ħdan it-tifsira ta' din is-sentenza kif ukoll tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Ġunju 1999, TF1 vs Il-Kummissjoni (Ġabra p. II‑1757). F'din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza spjegat in-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni in kawża mill-pożizzjoni partikolari kompetittiva li għandha r-rikorrenti fir-rigward ta' l-istazzjonijiet l-oħra tat-televiżjoni u tal-fatt li r-rikors kien jirigwarda deċiżjoni individwali u mhux att ta' portata ġenerali, kontra s-sentenza Bundesverband der Bilanzbuchhalter vs Il-Kummissjoni, imsemmija iktar 'il fuq.

65     Fl-aħħar nett, Max.mobil tqis li r-raġunament tal-Kummissjoni li jgħid li l-karta tad-drittijiet fundamentali m'għandha l-ebda saħħa ġuridika huwa żbaljat peress li tali dokument jirriproduċi u jikkonferma d-drittijiet fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 41(2) ta' din il-karta jirrikonoxxi b'mod ċar id-dritt għal amministrazzjoni tajba tal-każijiet individwali. Hija ssostni, barra minn hekk, li l-għoti espress ta' drittijiet proċedurali ma jikkostitwixxix kundizzjoni ta' rispett tad-drittijiet tad-difiża ta' persuna (sentenza ta' l-14 ta' Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, "Boussac Saint Frères", Ġabra p. I‑307).

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66     L-Artikolu 90(3) tat-Trattat jinkariga lill-Kummissjoni li tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi imposti fuqhom f'dak li jirrigwarda l-impriżi li jaqgħu taħt l-Artikolu 90(1) ta' l-istess Trattat, u espressament jagħtiha l-kompetenza biex jintervjeni għal dan il-għan permezz ta' direttivi u deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni għandha l-poter tikkonstata li miżura statali determinata hija inkompatibbli mar-regolamenti tat-Trattat u tindika l-miżuri li l-Istat destinatarju għandu jadotta biex ikun konformi ma' l-obbligi li joħorġu mil-liġi komunitarja (ara s-sentenza Bundesverband der Bilanzbuchhalter vs Il-Kummissjoni, imsemmija iktar 'il fuq, punt 23).

67     F'dan il-każ, Max.mobil, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, talbet lill-Kummissjoni jiddikjara li r-Repubblika ta' l-Awstrija kisret id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 86 u 90(1) flimkien tat-Trattat. Hi allegat f'dan l-ilment li, billi ma ntwerietx distinzjoni bejn l-ammonti ta' tariffi lilha mitluba u lill-kompetitur tagħha, Mobilkom, anki jekk din il-kumpannija ta' l-aħħar, fil-kwalità tagħha ta' fergħa ġdida, irċeviet sostenn mill-PTA għat-twaqqif u l-użu tan-netwerk tat-telefonija mobbli GSM, l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu illegalament taw vantaġġi lill-Mobilkom fl-għoti tal-frekwenzi.

68     Joħroġ mill-punt 24 tas-sentenza Bundesverband der Bilanzbuchhalter vs Il-Kummissjoni, imsemmija iktar 'il fuq, li individwu għandu d-dritt, jekk ikun il-każ, li jressaq rikors għall-annullament ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni lejn Stat Membru fuq il-bażi ta' l-Artikolu 90(3) tat-Trattat, jekk jeżistu flimkien il-kundizzjonijiet previsti mir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 173 tat-Trattat (li sar ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE).

69     Madankollu, jidher mill-kliem użat fl-Artikolu 90(3) tat-Trattat u mill-għan ġenerali tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, li l-Kummissjoni mhijiex obbligata li tressaq azzjoni fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija, billi l-individwu ma jistax jitlob lil din l-istituzzjoni li tieħu pożizzjoni f'sens speċifiku.

70     Iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti għandha interess dirett u individwali għall-annullament tad-deċiżjoni ta' rifjut mill-Kummissjoni li tagħti segwitu għall-ilment tiegħu mhijiex tali li jagħtih dritt jikkontesta tali deċiżjoni. Fil-fatt l-ittra illi biha l-Kummissjoni tinforma lil Max.mobil li ma kinitx ser tieħu azzjoni kontra r-Repubblika ta' l-Awstrija ma tistax tiġi kkunsidrata li kienet ser tagħti effett għal obbligi ġuridiċi b'mod li mhijiex att li jista' jiġi kkontestat b'rikors għal annullament.

71     Ir-rikorrenti lanqas ma tista' tinvoka dritt li tressaq rikors fuq il-bażi tar-regolament Nru. 17, li mhuwiex applikabbli għall-Artikolu 90 tat-Trattat.

72     Din l-osservazzjoni ma tmurx kontra l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u lanqas xi prinċipju ġenerali ieħor tad-dritt komunitarju. Fil-fatt, l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju ma huwa neċessarju sabiex impriża tkun tista' tikkontesta, quddiem l-imħallef komunitarju, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tressaq azzjoni kontra Stat Membru, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 90(3) tat-Trattat.

73     B'hekk, Max.mobil m'għandhiex id-dritt tikkontesta quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza d-deċiżjoni ta' rifjut tal-Kummissjoni li tippersegwixxi u tissanzjona allegat ksur ta' regoli tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-gvern Awstrijak li ma jagħmilx differenzjar bejn l-ammonti ta' tariffi mitluba rispettivament lil din il-kumpannija u mill-kompetitriċi, Mobilkom, għall-użu tan-netwerk tagħhom tat-telefonija mobbli.

74     B'konsegwenza ta' dan, jeħtieġ li jintqal li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat b'mod żbaljat li r-rikors ta' Max.mobil kontra l-att kontenzjuż kien ammissibbli.

75     Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu analizzati l-għanijiet l-oħra tal-Kummissjoni u t-talbiet ta' l-appell inċidentali, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tiġi annullata u r-rikors mressaq minn Max.mobil kontra l-att kontenzjuż għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

76     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' dawn ir-Regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni kienet talbet li Max.mobil tbati l-ispejjeż u peress li din tilfet il-kawża, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta' Jannar 2002, Max.mobil vs Il-Kummissjoni (T-54/99), hija annullata.

2)      Ir-rikors magħmul minn Max.mobil Telekommunikation Service GmbH quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej huwa miċħud.

3)      Il-kumpannija T-Mobile Austria GmbH hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.