62002J0065



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawżi magħquda C-65/02 P u C-73/02 P

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli taħt l-Artikolu 49 ta' l-Istatut tal KEFA tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati fit-28 ta' Frar 2002,

ThyssenKrupp Stainless GmbH, li qabel kienet Krupp Thyssen Stainless GmbH, irrappreżentata minn M. Klusmann, Rechtsanwalt,

rikorrenti fil-kawża C-65/02 P,

ThyssenKrupp Acciai speciali Terni SpA, li qabel kienet Acciai speciali Terni SpA, irrappreżentata minn A. Giardina u G. Di Tommaso, avvocati, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent fil-kawża C-73/02 P,

bil-parti l-oħra fil-kawża li hija:

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Whelan, bħala aġent, assistit minn H.-J. Freund, Rechtsanwalt (C65/02 P), kif ukoll minn A . Whelanil u V. Superti, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avvocato (C-73/02 P), b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' Awla , A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts u S. von Bahr (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. Permezz ta' l-appelli tagħhom ThyssenKrupp Stainless GmbH (iktar 'il quddiem "TKS") u ThyssenKrupp Acciai speciali Terni SpA (iktar 'il quddiem "AST") jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Kommunitajiet Ewropej tat-13 ta' Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless et Acciai speciali Terni vs il-Kummissjoni (T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li biha din kienet laqgħet biss b'mod parzjali ir-rikorsi tagħhom sabiex tiġi annullata d-Deċiżjoni 98/247/KEFA tal-Kummissjoni, tal-21 ta' Jannar 1998, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (Kawża IV/35.814 - Ħlas addizzjonali fuq il-liga) (ĠU L 100, p. 55, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata")

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2. Il-fatti li wasslu għar-rikorsi quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, hekk kif ippreżentati minnhu fis-sentenza kkontestata, għall-finijiet ta' din is-sentenza, jistgħu jiġu miġbura kif ġej.

3. TKS, kumpannija Ġermaniża, oriġinat minn amalgamazzjoni, li seħħet fl-1 ta' Jannar 1995, bejn in-negozji fis-settur tal-prodotti ċatti ta' l-i stainless steel , li huma reżistenti għall-aċidi u għall-temperaturi għoljin, tal-Fried Krupp AG Hoesch-Krupp (aktar 'il quddiem "Krupp") u ta' Thyssen Stahl AG (aktar 'il quddiem "Thyssen"). L-isem tat-TKS fil-bidu kien KruppThyssen Nirosta GmbH u mbagħad, minn Settembru 1997, Krupp Thyssen Stainless GmbH.

4. AST, li qabel kienet Acciai speciali Terni SpA, hija kumpannija Taljana b'waħda mill-attivitajiet prinċipali tagħha li hi l-produzzjoni ta' prodotti ċatti ta' l-i stainless steel , li ġiet stabbilita fl-1 ta' Jannar 1994. Fil-21 ta' Diċembru 1994 il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej awtorizzat għall-akkwist konġunt ta' AST minn diversi kumpanniji, fosthom Krupp u Thyssen. Is-sehem ta' Krupp f'AST għadda minn 50 għal 75 % f' Diċembru 1995, mbagħad għal 100% fl-10 ta' Mejju 1996. Wara Krupp ittrasferiet l-ishma kollha tiegħha f'AST lil TKS.

5. Fis-16 ta' Marzu 1995, wara informazzjoni li dehret fl-istampa speċjalizzata u wara xi lmenti tal-konsumaturi, Il-Kummissjoni, bis-saħħa ta' l-Artikolu 47 tat-Trattat KEFA, talbet lil diversi produtturi ta' l-i stainless steel sabiex jgħaddulha informazzjoni fuq iż-żieda ġenerali fil-prezzijiet, magħrufa bl-isem ta' "ħlas addizzjonali fuq il-liga", talba li dawn issodisfaw.

6. Il-ħlas addizzjonali fuq il-liga huwa suppliment fuq il-prezz, ikkalkolat fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-komponenti tal-liga, li jiġi miżjud mal-prezz bażi ta' l-i stainless steel . Il-valur tal-komponenti tal-liga użati mill-produtturi ta' l-i stainless steel (nikil, kromju w molibdenu) jirrappreżentaw parti importanti mill-ispejjeż ta' produzzjoni. Il-prezzijiet ta' dawn il-komponenti huma varjabbli ħafna.

7. Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni miġbura, il-Kummissjoni, fid-19 ta' Diċembru 1995, indirizzat dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lil-19-il impriża (aktar 'il quddiem "l-ewwel dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet").

8. F'Diċembru 1996 u f'Jannar 1997, wara serje ta' verifiki fuq il-post effettwati mill-Kummissjoni, l-avukati jew ir-rappreżentanti ta' ċerti impriżi għarrfu lil din ta' l-aħħar ix-xewqa tagħhom li jikooperaw. Fis-17 ta' Diċembru 1996 u fl-10 ta' Jannar 1997, TKS u AST indirizzaw rispettivament dikjarazzjoni f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni.

9. Fl-24 ta' April 1997, il-Kummissjoni bagħtet lil dawn l-imprizi, kif ukoll lil Thyssen, dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ġdida li ssostitwiet dik tad-19 ta' Diċembru 1995 (aktar 'il quddiem "it-tieni dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet").

10. Permezz ta' dikjarazzjoni tat-23 ta' Lulju 1997, TKS aċċettat li tiġi meqjusa responsabbli għall-fatti mputati lil Thyssen mis-sena 1993, anke jekk in-negozji ta' din ta' l-aħħar fis-settur tal-prodotti ċatti ta' l-i stainless steel ġew trasferiti lilha mill-1 ta' Jannar 1995.

11. Fil-21 ta' Jannar 1998, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

12. Skond din id-deċizjoni, il-prezzijiet tal-komponenti tal-liga ta' l- istanless steel niżlu ħafna fl-1993. Meta, minn Settembru 1993, il-prezz tan-nikil għola, il-profitti tal-produtturi naqsu b'mod konsiderevoli. sabiex jaffrontaw din is-sitwazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-produtturi ta' prodotti ċatti ta' l-i stainless steel qablu, waqt laqgħa miżmuma f'Madrid is-16 ta' Diċembru 1993 (aktar 'il quddiem "laqgħa ta' Madrid"), li jgħollu b'mod miftihem il-prezzijiet tagħhom billi jibdlu l-parametri tal-kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga. Għal dan il-għan, huma ddeċidew li japplikaw, mill-1 ta' Frar 1994, ħlas addizzjonali fuq il-liga kkalkolat fuq il-formula li ntużat għall-aħħar darba fl-1991, billi adottaw, għall-produtturi kollha, bħala valuri ta' referenza għall-komponenti tal-liga, dawk ta' Settembru 1993, meta l-prezz tan-nikil kienu laħaq minimu storiku.

13. Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li l-ħlas addizzjonali fuq il-liga ikkalkolat fuq il-bażi tal-valuri ta' referenza l-ġew iffissati mill-ġdid ġie applikat mill-produtturi kollha għall-bejgħ tagħhom fl-Ewropa mill-1 ta' Frar 1994, barra milli fi Spanja u fil-Portugall.

14. Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ikkunsidrat li l-Compañía española para la fabricación de aceros inoxidables SA (Acerinox) (aktar 'il quddiem "Acerinox"), ALZ NV, AST, Avesta Sheffield AB (aktar 'il quddiem "Avesta"), Krupp kif ukoll Thyssen, li saru TKS mill-1 ta' Jannar 1995, u Ugine SA, li saret Usinor SA (aktar 'il quddiem "Usinor), kienu kisru l-Artikolu 65(1) tat-Trattat tal-KEFA matul il-perjodu li jiddekorri minn Diċembru 1993 sa Novembru 1996 fil-każ ta' Avesta u sad-data tad-deċiżjoni kkontestata għall-impriżi l-oħra kollha, billi biddlu u applikaw b'mod miftihem il-valuri ta' referenza tal-formula tal-kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga. Skond il-Kummissjoni, din il-prattika kellha bħala għan u bħala effett ir-restrizzjoni u d-distorsjoni tal-logħba normali tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

15. Permezz ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ġew imposti l-ammendi li ġejjin:

- Acerinox: 3 530 000 ECU,

- ALZ NV: 4 540 000 ECU,

- AST: 4 540 000 ECU,

- Avesta: 2 810 000 ECU,

- TKS: 8 100 000 ECU, u

- Usinor: 3 860 000 ECU.

Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

16. Permezz ta' rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-11 u it-13 ta' Marzu 1998, TKS u AST ressqu rispettivament talba sabiex, safejn tirigwardhom, tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata u, alternattivament, jitnaqqas sostanzjalment l-ammont ta' l-ammendi li ġew imposti fuqhom permezz ta' din id-deċiżjoni.

17. Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza :

- tgħaqqad flimkien il-kawzi T-45/98 u T-47/98 għall-finijiet tas-sentenza;

- annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata safejn din tattibwixxi r-responsabbiltà tal-ksur mwettaq minn Thyssen lil TKS;

- stabbiliet l-ammont ta' l-ammendi imposti lil TKS u lil AST permezz ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għal 4 032 000 EUR;

- ċaħdet iż-żewġ rikorsi għall-bqija tagħhom;

- fil-kawża T-45/98, ordnat lil-TKS u lill-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż tagħhom stess, u

- fil-kawża T-47/98, ordnat lil AST tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll żewġ terzi mill-ispejjeż tal-Kummissjoni u ordnat lil din ta' l-aħħar tbati terz mill-ispejjeż tagħha stess.

It-talbiet tal-partijiet u l-motivi għall-annullament invokati in sostenn ta' l-appelli.

18. Fil-kawża C-65/02 P, TKS talbet sabiex il-Qorti tal-Ġustiżżja :

- tannulla s-sentenza kkontestata safejn din ċaħdet ir-rikors tagħha;

- temenda l-Arikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u, safejn jirrigwardha, tbiddel il-perjodu tal-ksur;

- tnaqqas fl-istess proporzjonijiet l-ammont ta' l-ammenda li ġew imposti lilha bis-saħħa ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

- alternattivament, fil-każ taż-żewġ talbiet preċedenti, tirrinvija l-kawża lill-Qorti tal-Prim'Istanza;

- tiċħad l-appell inċidentali tal-Kummissjoni, u

- tordna lil din ta' l-aħħar tbati l-ispejjeż ta' l-appell u ta' l-appell inċidentali.

19. Fl-istess kawża, il-Kummissjoni titlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja:

- tiċħad l-appell;

- alternattivament, fil-każ fejn is-sentenza kkontestata tiġi annullata, tiċħad it-talba sabiex jitnaqqas l-ammont ta' l-ammenda.

- tannulla is-sentenza kkontestata safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza:

i) annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata li bih attribwiet ir-responsabbiltà tal-vjolazzjoni mwettqa minn Thyssen lil TKS;

ii) stabbiliet l-ammenda imposta lil TKS bis-saħħa ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għal ammont inqas minn 7 596 000 EUR;

iii) ordnat li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess, u

- tordna lil TKS sabiex tbati l-ispejjez ta' l-istanza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

20. Fil-kawża C-73/02 P, AST titlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja:

- tannulla s-sentenza kkontestata safejn din tikkonfer ma d-deċiżjoni kkontestata li imponietilha ammenda li titħallas f'daqqa meta kienet tagħmel parti mill-grupp TKS li ukoll ġie ssoġġettat għal ammenda li titħallas f'daqqa.

- alternattivament, tannulla s-sentenza kkontestata safejn din tikkonferma l-Artikolu 1 tad-deċizjoni kkontestata li jgħid li l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li ġew imputati lilha baqgħu jissussistu sad-data ta' l-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni;

- tannulla s-sentenza kkontestata f'dak ma laqatx it-talba tagħha intiża sabiex tottjeni tnaqqis supplimentari ta' 40% ta' l-ammont ta' l-ammenda minħabba il-kooperazzjoni tagħha fil-proċedura amministrattiva, u

- tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

21. F'din l-istess kawża, il-Kummissjoni titlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja:

- tiċħad l-appell;

- alternattivament, tiċħad it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fil-każ fejn wieħed mill-punti tas-sentenza kkontestata jiġi annullat, u

- tordna lil AST tbati l-ispejjeż.

22. TKS tresseaq tliet motivi għall-annullament sabiex issostni l-appell tagħha:

- l-iżball ta' dritt fl-evalwazzjoni tat-tul ta' żmien li fih seħħ il-ksur;

- il-kalkolu ħażin ta' l-ammont ta' l-ammenda li titħallas f'daqqa, u

- l-iżball ta' dritt magħmul safejn jirrigwarda l-konsegwenzi tal-kooperazzjoni ta' TKS fil-proċedura ta' inkjesta fuq it-tnaqqis ta' l-ammont ta' l-ammenda.

23. AST tqajjem ukoll tlett motivi għall-annullament sabiex issostni l-appell tagħha:

- l-iżball ta' dritt kien jikkonsisti fl-impożizzjoni fuqha ta' ammenda meta hi kienet tagħmel parti mill-grupp TKS;

- l-iżball ta' dritt fl-evalwazzjoni tat-tul ta' żmien li fih seħħ il-ksur, u

- il-ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali u tan-non-diskriminazzjoni f'dak li jirrigwarda it-tnaqqis ta' l-ammont ta' l-ammenda.

24. Il-Kummissjoni tqajjem tliet motivi sabiex issostni l-appell inċidentali tagħha :

- l-interpretazzjoni żbaljata ta' ċerti dokumenti ta' prova u l-iżball ta' dritt fl-evalwazzjoni tat-trasferiment ta' responsabbiltà minn Thyssen lil TKS;

- l-evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet meħtieġa fil-qasam tar-rispett tad-drittijet tad-difiża, u

- l-iżball fl-evalwazzjoni f'dak li jirrigwarda l-eżistenza ta' vjolazzjoni ta' l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.

Fuq il-għaqda tal-kawżi flimkien

25. Peress li l-partijiet u l-Avukat Ġenerali nstemgħu fuq dan il punt, hemm lok li, għal raġunijiet ta' konnessjoni, dawn il-kawżi jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza, skond l-Artikolu 43 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq l-appelli mressqa minn TKS u AST

26. Peress li t-tliet motivi miġjuba minn TKS u AST sabiex isostnu l-appelli tagħhom huma sostanzjalment l-istess, hemm lok li dawn jiġu eżaminati flimkien u li, fil-kuntest ta' kull motiv, jiġu trattati d-differenzi partikolari mqajma, jekk ikun il-każ, minn rikorrenti jew oħra.

Fuq il-motiv ibbażat fuq żball ta' dritt fl-evalwazzjoni tat-tul ta' żmien li fih seħħ il-ksur

L-argumenti tal-partijiet

27. TKS, permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, u AST, permezz tat-tieni motiv tagħha, isostnu li l-ksur ma damx għal erba' snin, jiġifieri mid-data tal-laqgħa ta' Madrid sad-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda kien sporadiku, bil-kontra ta' dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 182 tas-sentenza kkontestata. Il-ksur beda' jseħħ biss minn din il-laqgħa u dam biss għal xi ġimgħat.

28. TKS u AST jemfasizzaw li kull impriża stabbiliet il-prezzijiet tagħha b'mod awtonomu hekk kif jixhdu l-fluttwazzjonijiet fil-prezzjijiet tagħhom. Huma aġixxew b'mod indipendenti, mingħajr kollużjoni, meta ddeċidew li ma jbiddlux il-valur ta' referenza tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga. Huma jsostnu li b'mod partikolari fil-punt 178 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza mmotivat il-konklużjoni li waslet għaliha f'dak li jirrigwarda it-tul ta' żmien li matulu dam il-ksur b'mod mhux eżatt.

29. Barra minn dan, TKS u AST jilmentaw li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-iżball magħmul mill-Kummissjoni meta ma informathomx b'mod ċar, matul il-proċedura amministrattiva, li hija kienet tikkunsidra li l-kartell kien għadu qed jopera. Dan in-nuqqas tal-Kummissjoni ppreġudika l-aspettativi leġittimi taż-żewġ impriżi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30. Il-motiv imqajjem minn TKS u AST jinqasam f'żewġ partijiet. L-ewwel waħda tirrigwarda l-evalwazzjoni ta' l-elementi li jippermettu li jiġi stabbilit it-tul taż-żmien li fih dam il-kartell u it-tieni tirrigwarda l-allegat preġudizzju għall-aspettativi leġittimi ta' dawn l-impriżi.

31. Dwar l-ewwel parti tal-motiv, il-Qorti tal-Prim'Istanza iddeċidiet ġustament, fil-punt 174 tas-sentenza kkontestata, li hija l-Kummissjoni li għandha mhux biss tipprova l-eżistenza tal-kartell iżda wkoll it-tul ta' żmien li dan dam.

32. Il-Qorti tal-Prim'Istanza qabel kollox fakkret, fil-punt 176 tas-sentenza kkontestata, li l-għan tal-kartell kien l-użu, fil-formula li biha jiġi kkalkolat il-ħlas addizzjonali fuq il-liga, ta' l-istess valuri ta' referenza mill-produtturi ta' prodotti ċatti ta' l-i stainless steel sabiex ikun hemm żieda fil-prezz finali ta' dawn il-prodotti. Il-Qorti tal-Prim'Istanza mbagħad ikkonstatat, fil-punt 177 ta' l-istess sentenza, li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kartell beda jseħħ mill-laqgħa ta' Madrid u li, fl-Ewropa, apparti milli fi Spanja u fil-Portugall, TKS u AST kif ukoll impriżi oħra li ħadu sehem fil-kartell effettivament applikaw għall-bejgħ tagħhom, sa mill-1 ta' Frar 1994, ħlas addizzjonali fuq il-liga kkalkolat fuq il-formula bbażata fuq il-valuri ta' referenza miftiehma waqt dik il-laqgħa.

33. Il-Qorti tal-Prim'Istanza finalment ikkonstatat, fil-punt 178 tas-sentenza kkontestata, li TKS u AST ma kkontestawx li l-valuri ta' referenza, li huma kienu ftiehmu fuqhom waqt l-imsemmija laqgħa, ma ġewx mibdula qabel ma' ġiet addottata id-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti tal-Prim'Istanza minn dan iddeduċiet, fl-istess punt 178, li, peress li l-impriżi kkonċernati komplew japplikaw dawn il-valuri ta' referenza, il-fatt li f'dak iż-żmien ma ttieħdet ebda deċiżjoni espliċita dwar it-tul ta' żmien li fih seħħ il-kartell ma jippruvax il-karattru sporadiku, u mhux kontinwat, ta' tali kartell.

34. Hemm lok li jiġi osservat li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 178 tas-sentenza kkontestata, tikkostitwixxi evalwazzjoni tal-fatti li m' hemmx lok li tiġi kkontestata, fl-istadju ta' l-appell, fin-nuqqas ta' elementi li jippruvaw id-distorsjoni ta' l-elementi ta' prova jew żball fl-analiżi ġuridika ta' l-elementi ta' fatt.

35. F'dan ir-rigward, TKS u AST isostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tqis elementi oħra li jippruvaw in-nuqqas tal-kartell matul l-1994 sa l-1998, jiġifieri l-prezzijiet differenti li huma adottaw u l-eżistenza ta' paralleliżmu ta' imġieba.

36. Madanakollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn l-elementi huma jew irrilevanti, jew huma assolutament insuffiċenti sabiex l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza tiġi kkontestata.

37. F'dak li jirrigwarda l-ewwelnett, id-differenzi fil-prezzijiet applikati minn TKS u ADT lill-klijenti rispettivi tagħhom kif ukoll il-fluttwazzjoni f'dawn il-prezzijiet, li jirriflettu l-imġieba awtonoma tagħhom fis-suq u n-nuqqas ta' kull kollużjoni, għandu jiġi kkonstatat, kif ġustament għamlet il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 179 tas-sentenza kkontestata, li dan l-argument m'humiex rilevanti. Fil-fatt, il-prezzijiet ikkonċernati jirrappreżentaw il-prezz finali tal-prodotti ċatti ta' l- istanless steel applikat minn dawn l-impriżi. Iżda l-fatt li dawn il-prezzijiet kienu differenti u li dawn iż-żewġ impriżi applikawhom fi żminijiet differenti matul il-perjodu kkunsidrat ma jippermetti bl-ebda mod li tiġi miċħuda l-konklużjoni li waslu għaliha l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Prim'Istanza, jiġifieri li tali prezzijiet kienu, fil-biċċa l-kbira, ir-riżultat ta' kartell fuq element deteminanti tal-kompożizzjoni tagħhom, f'dan il-każ il-ħlas addizzjonali fuq il-liga.

38. It-tieni nett, f'dak li jirrigwarda l-eżistenza ta' allegat paralleliżmu ta' imġieba, l-anqas dan l-argument ma jippermetti li tiġi kkontestata l-konstatazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-kartell, peress li hemm spjegazzjoni oħra. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet ġustament tikkonsidra, fil-punt 180 tas-sentenza kkontestata, li ż-żamma mill-imsemmija impriżi ta' l-istess valuri ta' referenza fil-formula li tal-kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga hija spjegabbli mill-applikazzjoni tal-valuri ta' referenza stabbiliti mill-parteċipanti kollha flimkien matul id-diskussjonijiet li seħħu bejn il-produtturi waqt ix-xahar ta' Diċembru 1993.

39. Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma għamlet l-ebda żball ta' dritt meta kkonstatat, fil-punti 174 sa 184 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonsidra li l-ksur dam għaddej għal erba' snin, jiġifieri matul il-perjodu li jmur mill-laqgħa ta' Madrid sad-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u li s-sentenza kkontestata hija suffiċentement motivata fuq dan il-punt.

40. Dwar it-tieni parti tal-motiv, rigward allegat preġudizzju ta' l-aspettattivi leġittimi ta' TKS u ta' AST, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta' dak li jsostnu TKS u AST, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punt 215 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli kkunsidrat li l-ksur kien kontinwat mingħajr ma avżathom b'dan waqt il-proċedura amministrattiva. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonfermat l-evalwazzjoni tagħha b'mod partikolari billi indikat li fil-punt 50 tat-tieni dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni temfasizza li "l-kollużjoni bdiet matul il-laqgħa ta' Madrid u kompliet minn dak inhar".

41. Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat minn persuna li kienet ħatja ta' ksur ċar tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ (is-sentenza tas-16 ta' Mejju 1991, il-Kummissjoni vs l-Olanda, C-96/89, Ġabra p. I-2461, punt 30). Għaldaqstant, hekk kif ġustament sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 112 tal-Konklużjonijiet tiegħu, impriża li deliberatament tadotta mġieba li tmur kontra l-kompetizzjoni ma tistax tinvoka l-ksur ta' dan il-prinċipju minħabba li l-Kummissjoni ma indikatlux, b'mod ċar, li l-imġieba tiegħu kienet tikostitwixxi ksur.

42. Mill-konsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motivi mressaq minn TKS u AST, dwar it-tul ta' żmien li fih seħħ il-ksur li bih huma akkużati, għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

Fuq il-motiv ibbażat fuq żball ta' dritt minħabba li ma kienx hemm tnaqqis supplimentari ta' l-ammont ta' l-ammenda

L-argumenti tal-partijiet

43. Permezz tat-tielet motiv tagħhom, TKS u AST isostnu li, peress li huma ammettew il-verità tal-fatti li fuqhom hija msejjsa d-deċiżjoni kkontestata, hekk kif il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat fil-punti 262 u 268 tas-sentenza kkontestata, huma għandhom igawdu mill-istess tnaqqis fl-ammenda bħal l-impriżi li, minbarra dan, ammettew espressament l-eżistenza tal-ksur. Ma tista' ssir ebda distinzjoni bejn dawn l-impriżi mill-aspett tal-livell ta' kooperazzjoni tagħhom mal Kummissjoni u l-imġieba tagħhom ma tistax tagħti lok għal tnaqqis differenti fl-ammendi imposti.

44. Skond TKS u AST, mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn ammendi u t-tnaqqis ta' l-ammonti tagħhom fil-każi ta' kartell (ĠU 1996, C 45, p.3), kif ukoll mill-verżjoni preċedenti ta' din il-komunikazzjoni (ĠU 1996, C 207, p.4, iktar 'il quddiem "l-avviż dwar il-kooperazzjoni"), joħroġ li, sabiex igawdu minn tnaqqis fl-ammenda, huma biżżejjed li l-impriżi kkonċernati jfornu xi elementi ta' prova u jagħrfu, konsegwentement, il-verità tal-fatti. Mhuwiex meħtieġ li l-impriżi jikkwalifikaw dawn il-fatti mil-lat legali u li, b'dan il-mod, huma jammettu l-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur. Il-kwalifikazzjoni legali u l-konstatazzjoni tal-ksur li joħroġ minnhom huwa xogħol li għalih hija responsabbli esklużivament il-Kummissjoni.

45. B'hekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkonċedi tnaqqis supplimentari ta' l-ammenda lill-impriża li aċċettat il-klassifikazzjoni legali tal-fatti jew li tkun ammetiet espliċitament li ħadet sehem fi ksur. Tnaqqis ta' l-ammenda f'dawn iċ-ċirkostanzi ikun ta' preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża, għaliex ikun jekwivali għall-penalizzazzjoni ta' impriża li tkun iddeċidiet li tiddefendi ruħha billi tikkontesta l-eżistenza ta' ksur.

46. Barra minn dan, TKS issostni li m'huwiex għaliex hija sostniet li d-deċiżjonijet tagħha ttieħdu b'mod awtonomu li hija qed tikkontesta li ħadet sehem fi ksur, f'dan il-każ, prattika miftiehma. Fil-każ ta' AST, hija kkontestat biss il-kwalifika ta' "ftehim" u mhux il-fatt li l-kartell kien imur kontra r-regoli ta' kompetizzjoni.

47. Konsegwentement, TKS u AST iqisu li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkommettiet żball ta' dritt meta rrifjutat, fil-punti 260 sa 281 tas-sentenza kkontestata, li tagħtihom tnaqqis supplimentari ta' l-ammenda bħal dak li ġie mogħti lil Usinor u lil Avesta.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48. Sabiex jiġi stabbilit jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza kkommettietx żball ta' dritt meta kkonċediet tnaqqis fl-ammenda imposta lil TKS u lil AST li kien iċken minn dak mogħti lil Unisor u lil Avesta, jeħtieġ li ssir referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-medda tal-poteri tal-Kummissjoni fil-qasam tal-proċeduri ta' inkjesti preliminari u tal-proċeduri amministrattivi, fid-dawl tal-ħtieġa li jkun garantit il-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża.

49. Skond is-sentenza tat-18 ta' Ottubru 1989, Orkem vs il-Kummissjoni (374/87, Ġabra p. 3283, punti 34 u 35), il-Kummissjoni għandha d-dritt li tobbliga impriża li tipprovdilha l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-fatti li tista' tkun taf dwarhom, iżda ma tistax iġġiegħel lil din l-impriża li tagħti tweġibiet li jistgħu jwasslu sabiex tammetti l-eżistenza tal-ksur, li għandu jiġi ppruvat mill-Kummissjoni.

50. Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax iġġiegħel impriża tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur, hi mhijiex, b'dan, prekluża milli tieħu in konsiderazjoni, meta tistabbilixxi l-ammont ta' l-ammenda, l-għajnuna li din l-impriża, minn jeddha, tkun tatha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur.

51. F'dan ir-rigward, mis-sentenza tas-16 ta' Novembru 2000, Finnboard vs il-Kummissjoni (C-298/98 P, Ġabra p. I-10157) jirriżulta, b'mod partikolari mill-punti 56, 59 u 60 tagħha, li l-Kummissjoni tista' tieħu in konsiderazzjoni, sabiex tistabbilixxi l-ammont ta' ammenda, l-għajnuna li ngħatat lilha mill-impriża kkonċernata sabiex tikkonstata l-eżistenza tal-ksur b'anqas diffikultà u, b'mod speċjali, tal-fatt li i mpriża ammettiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Hija tista' tikkonċedi lill-impriża li tkun għenitha b'dan il-mod tnaqqis konsiderevoli ta' l-ammont ta' l-ammenda tagħha u tagħti tnaqqis iċken lil impriża oħra li tkun illimitat ruħha sabiex ma tiċħadx l-allegazzjonijet prinċipali ta' fatt li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-oġġezzjonijiet tagħha.

52. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 140 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi emfasizzat li l-ammissjoni tal-ksur ikkontestat hija ta' karattru purament volontarju min-naħa ta' l-impriża kkonċernata. Din ma hija bl-ebda mod obbligata tammetti l-eżistenza tal-kartell.

53. Konsegwentement it-teħid in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-livell ta' kooperazzjoni li ngħatalha mill-impriża kkonċernata, inkluża l-ammissjoni tal-ksur, sabiex tiġi imposta ammenda ta' ammont anqas għoli, m'għandux jitqies li jikkostitwixxix preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża.

54. Hemm lok li l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u, b'mod partikolari, il-parti D tagħha, taħt liema l-Kummissjoni tista' tikkonċedi lil impriża tnaqqis ta' minn 10 sa 50 % ta' l-ammont ta' l-ammenda li kienet imponitilha fin-nuqqas ta' kooperazzjoni, b'mod partikolari, meta din l-impriza tinforma lill-Kummissjoni li hi ma tikkontestax il-verita tal-fatti li fuqhom din ta' l-aħħar tibbaża l-akkużi tagħha, tiftiehem f'dan is-sens. Għalhekk, it-tip ta' kooperazzjoni mogħtija mill-impriża kkonċernata u li tista' tagħti lok għal tnaqqis ta' l-ammenda mhijiex limitata għall-ammissjoni tan-natura tal-fatti, iżda tinvolvi ukoll l-ammissjoni tal-parteċipazzjoni fil-ksur.

55. F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 261 tas-sentenza kkontestata li, skond id-deċiżjoni kkontestata, Usinor u Avesta kienu ammettew biss l-eżistenza tal-ksur, filwaqt li TKS u AST kienu kkontestaw l-eżistenza tal-kollużjoni u, konsegwentement, ma kinux ammettew il-ksur. Il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat li l-Kummissjoni minn dan kienet iddeduċiet li l-kooperazzjoni ta' TKS u ta' AST kienet aktar limitatà minn dik ta' Usinor u ta' Avesta u ma kinetx tiġġustifika tnaqqis ta' ammenda kbir daqs dak konċess lil dawn ta' l-aħħar.

56. Fil-każ ta' TKS. il-Qorti tal-Prim'Istanza pprovdiet, fil-punt 263 tas-sentenza kkontestata, li din kienet allegat li kienet ħadet id-deċiżjonijiet tagħha dwar il-ħlas addizzjonali fuq il-liga b'mod awtonomu. Minn dan il-punt 264 ta' l-istess sentenza, hi ddeduċiet, mingħajr ma wettqet ebda żball ta' dritt, li TKS kienet b'hekk tat l-impressjoni, b'mod impliċitu, imma inevitabbilment, li l-kriterji ta' koordinazzjoni u ta' kooperazzjoni li jagħmlu parti minn prattika ta' restrizzjoni ma kinux sodisfatti. Minn dan, fil-punt 266 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ikkonkludiet li din l-impriża ma tistax titqies li ammettiet, b'mod espliċitu, il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.

57. Dwar AST, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 268 tas-sentenza kkontestata li, għalkemm hi ammetiet il-verità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha, hija ma kinetx ammettiet l-eżistenza ta' kollużjoni.

58. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet fondata, fil-punt 269 tas-sentenza kkontestata, meta ċaħdet l-argument ta' AST li tali ammissjoni tirriżulta mill-fatt li hi ma kkontestatx li l-imġieba tagħha setgħet tiġi kkwalifikata bħala prattika miftiehma. Fil-fatt, fil-punt 270 ta' l-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament għamlet distinzjoni bejn l-ammissjoni espliċita ta' ksur u s-sempliċi nuqqas ta' kontestazzjoni ta' dan li ma jikkontribwixxix sabiex ix-xogħol tal-Kummissjoni, li jikkonsisti f'li tiskopri u twaqqaf, il-ksur tar-regoli komunitarji tal-kompetizzjoni, jitħaffef.

59. Għandu jiġi wkoll osservat li l-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament għamlet referenza għall-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, peress li l-verżjoni ta' l-2002 ta' din il-komunikazzjoni kienet għadha ma ġietx adotata sad-data li fiha ngħatat is-sentenza kkontestata. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iddeċidiet ukoll, fil-punt 275 ta' l-imsemmija sentenza, li l-fatt li l-imsemmija komunikazzjoni tipprovdi espliċitament għall-possibiltà ta' l-ammissjoni ta' l-infrazzjoni fi stadju relattivament bikri tal-proċediment ma jeskludix li tali ammissjoni sseħħ fi stadju ulterjuri, qabel jew wara d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-impriża kkonċernata, u li l-Kummissjoni tieħu in konsiderazzjoni dan l-ammissjoni sabiex tnaqqas l-ammont ta' l-ammenda.

60. F'dawn iċ-ċirkostanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament kienet iddeċidiet li l-ammissjoni espliċita ta' ksur tista' tagħti lok għal tnaqqis supplimentari ta' l-ammenda u li, minn dan, ikkonkludiet li, fin-nuqqas ta' tali ammissjoni minn TKS u AST, il-livell ta' kooperazzjini mogħti minn dawn iż-żewġ impriżi lill-Kummissjoni ma jiġġustifikax li huma jingħataw tnaqqis fl-ammenda li hu kbir daqs dak li ngħata lil Usinor u lil Avesta.

61. Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' tnaqqis supplimentari ta' l-ammenda imposta fuq TKS u AST għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

Fuq il-motiv ibbażat fuq żball ta' dritt fl-applikazzjoni ta' l-ammenda li titħallas f'daqqa

L-argumenti tal-partijiet

62. TKS, permezz tat-tieni motiv tagħha, u AST, permezz ta' l-ewwel motiv, isostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt, fil-punti 182 sa 192 tas-sentenza kkontestata, meta ma ħaditx in konsiderazzjoni l-fatt li, fid-data meta l-ammenda ġiet imposta, jiġifieri l-21 ta' Jannar 1998, it-tliet entitajiet li ġejjin, jiġifieri TKS, il-fergħa tal-prodotti ċatti ta' l-i stainless steel li qabel kienet ta' Thyssen u AST, kienu jagħmlu parti mill-istess grupp ta' impriżi u għalhekk kienu jiffurmaw entità ekonomika waħda, taħt id-direzzjoni ta' TKS.

63. TKS u AST isostnu li, meta l-ammont ta' l-ammenda huwa kkalkolat f'daqqa u b'mod uniformi, il-Kummissjoni hija obbligata li tapplika dan l-ammont lill-entità ekonomika. Meta ġiet imposta ammenda lil kull waħda mit-tliet entitajiet tal-grupp TKS, fil-verità l-ammenda imposta lil dan ta' l-aħħar kienet tliet darbiet ogħla minn dik imposta lill-impriżi l-oħra kkonċernati, jiġifieri Acerinox, ALZ NV, Avesta u Usinor.

64. AST iżżid li l-impożizzjoni ta' żewġ ammendi distinti, waħda lil-TKS u l-oħra lilha stess, mhijiex iġġustifikata fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs il-Kummissjoni (T 354/94, Ġabra p. II-2111), peress li, min-naħa, TKS kienet taf, meta xtrat l-ishma kollha ta' AST, li din ta' l-aħħar kienet ħadet sehem fil-kartell, billi TKS nfisha kienet ħadet sehem fih, u, min-naħa l-oħra, peress li t-tul ta' żmien li fih AST kienet indipendenti, meta l-kartell daħal fis-seħħ, kien negliġibbli.

65. TKS issostni li, meta eżaminat biss ir-relazzjoni ta' TKS ma' AST u meta naqset li tagħti risposta għall-motiv tagħha dwar il-grupp li hi kienet tifforma mal-fergħa tal-prodotti ċatti ta' l-i stainless steel li qabel kienet ta' Thyssen, kif ukoll meta imponiet ammendi distinti lil Thyssen u lilha, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' ġustizzja u li ma motivatx suffiċjentement is-sentenza kkontestata fuq dan il-punt.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 189 u 191 tas-sentenza kkontestata, ġustament iddeċidiet li d-determinazzjoni tar-responsabbiltà ta' impriża għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tiddependi fuq jekk din l-impriża aġixxietx b'mod awtonomu jew jekk applikat biss l-istruzzjonijiet tal-kumpannija prinċipali. F'dan l-aħħar każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament tfakkar, fl-imsemmi punt 189, li l-imġieba li tmur kontra l-kompetizzjoni ta' impriża tista' tiġi imputata lill-kumpannija prinċipali tagħha.

67. Min-naħa l-oħra, meta impriżi ta' grupp li jieħu sehem f'kartell aġixxxew b'mod awtonomu, il-Kummissjoni tista' tapplika lil kull waħda minnhom ammenda billi tuża bħala punt ta' tluq ammont li jitħallas f'daqqa.

68. Fil-każ in eżami, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 191 tas-sentenza kkontestata, li TKS u AST ma jikkontestawx li aġixxew b'mod awtonomu matul iż-żmien kollu tal-kartell u din il-konstatazzjoni ma hija bl-ebda mod ikkontestata fl-appelli. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tapplika lil kull waħda minn dawn l-impriżi l-ammont ta' ħlas f'daqqa bażiku kif ukoll ammont li jikkorrispondi għat-tul ta' żmien li fih seħħ il-ksur u setgħet titlob l-ammont ta' l-ammenda hekk ikkalkolat lil kull waħda mill-imsemmija impriżi peress li dawn baqgħu żewġ persuni ġuridiċi distinti mill-bidu tal-kartell. F'dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma wettqet ebda żball ta' dritt meta ddeċidiet, fil-punt 192 tas-sentenza kkontestata, li ma kienx hemm lok li tilqa' l-motiv ta' TKS u ta' AST, li ammenda waħda li titħallas f'daqqa biss kellha tiġi imposta lill-grupp, fit-totalità tiegħu.

69. Dwar l-argument ta' AST ibbazat fuq is-sentenza Stora Kopperbergs Bergslags vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, hu biżżejed li jiġi mfakkar li din is-sentenza ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-punt imressaq minn AST. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li kumpannija prinċipali ma setgħetx tinjora li s-sussidjarji li hija kienet akkwistat kienu qiegħdin jieħdu sehem f'kartell, minħabba li hi nfisha kienet ħadet sehem fih, mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi mputata bir-responsabilità tal-ksur imwettaq minn dawn il-kumpanniji qabel ma ġew mixtrija. (ara s-sentenza tas-16 ta' Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs il-Kummissjoni, C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, punt 39).

70. F'dak li jirrigwarda l-ilment ta' TKS li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma weġbitx għall-argument tagħha fuq ir-relazzjoni ta' grupp li teżisti bejn TKS u s-settur tal-prodotti ċatti ta' l-i stainless steel li qabel kien ta' Thyssen, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 91 u 93 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li l-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet, għal raġunijiet ta' ekonomija ta' proċedura, tiddeċiedi li ma tirrispondiehx b'mod speċifiku. Fil-fatt, peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet diġà annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata safejn kienet imputata r-responsabbiltà tal-ksur imwettaq minn Thyssen lil TKS u, konsegwentement, biddlet l-ammont ta' l-ammenda imposta fuq TKS bis-saħħa ta' l-Artikolu 2 ta' l-istess deċiżjoni, u għaldaqstant kienet laqgħet il-motiv ta' TKS ibbażat fuq preġudizzju fid-dritt tagħha li tiġi mismugħa fir-rigward ta' l-imġieba ta' Thyssen, hija ma kinitx obbligata li teżamina motiv ieħor intiż għall-istess riżultat.

71. Għaldaqstant il-motiv ibbażat fuq żball fl-applikazzjoni ta' l-ammenda li titħallas f'daqqa għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

72. Peress li l-ebda wieħed mill-motivi mressqa minn TKS u AST sabiex isostnu l-appelli tagħhom ma huma fondati, dawn għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-appell inċidentali

Fuq l-ewwel motiv ta' l-appell inċidentali, ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata ta' xi elementi ta' prova u żball ta' dritt fl-evalwazzjoni tat-trasferiment ta' responsabbiltà minn Thyssen għal TKS

L-argumenti tal-partijiet

73. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza adottat interpretazzjoni restrittiva ż-żejjed tad-dikjarazzjoni tat-23 ta' Lulju 1997, li biha TKS aċċetat li tinżamm responsabbli għall-fatti mputati lil Thyssen mill-1993, minkejja li l-attivitajet ta' din ta' l-aħħar fis-settur tal-prodotti ċatti ta' l-i stainless steel ġew trasferiti lilha biss mill-1 ta' Jannar 1995.

74. Skond il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat b'mod żbaljat il-kontenut ta' dik id-dikjarazzjoni talli erronjament ikkunsidrat, fil-punt 64 tas-sentenza kkontestata, li din ma setgħatx tiġi interpretata bħala li timplika, barra mill-imsemmja aċċettazzjoni ta' responsabbiltà, rinunzja ta' TKS għad-dritt tagħha li tiġi mismugħha dwar l-imġieba ta' Thyssen.

75. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma eżaminatx b'mod komplet id-dokumenti li wasslu għad-dikjarazzjoni tat-23 ta' Lulju 1997 u li interpretathom b'mod żbaljat.

76. Għaldaqstant, hija ssostni li TKS, kemm fit-tweġiba tagħha għall-ewwel dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, kif ukoll permezz ta' ittra tas-17 ta' Diċembru 1996, ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha kemm f'isimha kif ukoll f'isem Thyssen, f'dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta' din ta' l-aħħar qabel l-1 ta' Jannar 1995. Barra minn dan, TKS, fit-tweġiba tagħha għat-tieni dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, tagħmel referenza għall-ittra tas-17 ta' Diċembru 1996 dwar l-imsemmija attivitajiet. Minnbarra dan, Thyssen infisha wieġbet għaż-żewġ dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet billi llimitat ruħha għal referenza għall-osservazzjonijiet ta' TKS u rrispondiet biss bħala "prekawzjoni estrema". Thyssen, sostniet ukoll li l-Kummissjoni ma setgħatx tkompli ssegwi b'mod parallel il-proċedura mibdija kontra TKS u dik li kienet tirrigwarda.

77. Il-Kummissjoni żżid li t-tieni dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tagħmilha ċara li TKS kienet qed tassumi r-responsabbiltà għall-imġieba ta' Thyssen qabel it-trasferiment ta' l-attivitajiet ta' din ta' l-aħħar, li seħħ fl-1 ta' Jannar 1995, bl-istess mod kif hija kienet aċċettat ir-responsabbiltà ta' l-imġieba ħażina ta' Krupp.

78. Skond il-Kummissjoni, il-fatt li t-tieni dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet kienet indirizzata separatament lil TKS u lil Thyssen u li dawn iż-żewġ impriżi kienu rrispondew għaliha b'mod separat m'għandu ebda importanza. Fil-fatt, dawn ta' l-aħħar wieġbu biss b'mod purament formali. Anke jekk setgħu jibqgħu xi dubji, dawn kienu jiġu fix-xejn minħabba l-fatt li, wara li rċeviet it-tweġiba ta' l-imsemmija impriżi għal din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni mill-ġdid talbet lil-TKS sabiex tikkonfermala li kienet qed tassumi r-responsabbiltà għall-imġieba ta' Thyssen mill-1993.

79. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tieħu in konsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jippermettulha li tatribwixxi r-responsabbiltà ta' ksur fuq persuna ġuridika għajr minn dik li tkun wettqitu. Qabel kollox, TKS hija l-aventi kawża u is-suċċessura ekonomika ta' Thyssen. Imbagħad, l-imġieba ta' dawn iż-żewġ impriżi kienet ikkaraterizzata minn unità ta' aġir evidenti f'dak li jirrigwarda il-parti tan-negozju ta' Thyssen li ġiet meħuda minn TKS. Finalment, matul il-proċedura amministrattiva, din ta' l-aħħar għamlet dikjarazzjonijiet f'isem Thyssen. Il-Kummissjoni żżid li l-ġurisprudenza ssostni l-opinjoni li hi setgħet timponi ammenda lil TKS għall-għemil ta' Thyssen.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80. Jinħtieġ li jiġi eżaminat jekk, bid-deċiżjoni tagħha li d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Lulju 1997 ma kinitx timplika rinunzja ta' TKS għad-dritt tagħha li tiġi mismugħa, il-Qorti tal-Prim'Istanza interpretatx b'mod żbaljat dan l-element ta' prova kif ukoll, eventwalment, id-dokumenti msemmija fil-punti 76 u 77 ta' din is-sentenza u jekk hi, għaldaqstant, wettqitx żball ta' dritt.

81. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza nnutat, fil-punt 62 tas-sentenza kkontestata, li mhuwiex ikkontestat, fid-dawl tad-dikjarazzjoni tat-23 ta' Lulju 1997, li l-Kummissjoni, b'mod eċċezzjonali, kellha d-dritt li tassenja lil TKS ir-responsabbiltà għall-imġieba mputata lil Thyssen minn Diċembru 1993 sat-trasferiment ta' l-attivitajiet ta' din ta' l-aħħar lil TKS, fl-1 ta' Jannar 1995.

82. Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament ippreċiżat, fil-punt 63 tas-sentenza kkontestata, li, safejn dikjarazzjoni bħal din tidderoga mill-prinċipju li persuna, fiżika jew ġuridika, tista' tiġi ssanzjonata biss għal dawk il-fatti lilha mputati b'mod individwali, din għandha tiġi interpretata b'mod strett. Il-Qorti tal-Prim'Istanza minn dan ġustament ikkonkludiet li, fin-nuqqas ta' indikazzjoni kontrarja min-naħa tagħha, il-persuna li tkun għamlet tali dikjarazzjoni ma tistax tiġi preżunta li rrinunzjat għad-dritt li teżerċita d-drittijiet ta' difiża tagħha.

83. Madankollu għandu jiġi vverifikat jekk, fl-interpretazzjoni tad-dikjarazzjoni tat-23 ta' Lulju 1997, il-Qorti tal-Prim'Istanza naqsitx milli tieħu in konsiderazzjoni elementi ta' prova oħra relatati ma' din id-dikjarazzjoni.

84. Skond il-Kummissjoni, jirriżulta mit-tweġibiet ta' TKS għaż-żewġ dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet u mill-ittra tagħha tas-17 ta' Diċembru 1996 jirriżulta li din l-impriża kienet ressqet osservazzjonijiet f'isimha fuq l-attivitajiet tagħha kif ukoll fuq l-attivitajiet li hi kienet ħadet mingħand Thyssen qabel l-akkwist tagħha. Dwar din ta' l-aħħar, din kienet hija nfisha għamlet referenza għat-tweġibiet ta' TKS. Konsegwentement, billi indikat fid-dikjarazzjoni tat-23 ta' Lulju 1997 li kienet qiegħda tassumi r-responsabbiltà għall-imġieba ta' Thyssen ta' qabel l-1 ta' Jannar 1995, hija għandha tiġi meqjusa li aċċettat li tħallas l-ammenda li setgħet tiġi mposta lilha għall-imġieba ta' Thyssen fi-tmiem il-proċedura mibdija mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni tat-23 ta' Lulju 1997 ma għandhiex tiftiehem fis-sens li TKS kienet aċċetat li tassumi tali responsabbiltà biss bil kundizzjoni li terġà tiġi mismugħha fuq dan is-suġġett.

85. Għandu jiġi kkonstatat li, bl-ittra tagħha tas-17 ta' Diċembru 1996, TKS ma indikatx b'mod espliċitu li kienet qed titkellem ukoll f'isem Thyssen. Barra minn dan, it-tweġiba ta' TKS għall-ewwel dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ingħatat f'isem u in rappreżentanza ta' TKS. F'dan il-kuntest u anke jekk TKS f'dawk id-dokumenti kienet ukoll ressqet osservazzjonijiet dwar ċerti attivitajiet ta' Thyssen qabel l-akkwist tagħhom fl-1995, id-dikjarazzjoni tat-23 ta' Lulju 1997 ma kinitx timplika li TKS qieset li ddefendiet ruħha b'mod komplut u suffiċjenti f'dan ir-rigward, b'mod li l-Kummissjoni kienet fondata meta imponietilha ammenda għall-imġieba ta' Thyssen mingħajr ma semgħatha mill-ġdid fuq dan il-punt.

86. Peress li l-Kummissjoni kienet indirizzat dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjonijiet separati lil TKS u lil Thyssen u peress li dawn kienu wieġbu b'mod separat dwar l-imġieba li ġiet imputata lil kull waħda minnhom, kienet il-Kummissjoni li kellha tistaqsi u tisma' lil TKS dwar l-imġieba ta' Thyssen qabel ma tqisha responsabbli għal din l-imġieba u timponilha ammenda għall-ksur imputat lil Thyssen.

87. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza, bl-ebda mod, ma interpretat ħażin l-iskop tad-dikjarazzjoni tat-23 ta' Lulju 1997 u dak ta' l-elementi l-oħra ta' prova pprovduti minn TKS lill-Kummissjoni. Hija ma wettqet ebda żball ta' dritt meta kkunsidrat li t-teħid tar-responsabbiltà għall-imġieba ħażina ta' Thyssen ma kienx jimplika li TKS kienet irrinunzjat li tiġi mismugħa f'dan ir-rigward.

88. Dwar l-allegati ċirkostanzi eċċezzjonali invokati mill-Kummissjoni u msemmija fil-punt 79 ta' din is-sentenza, hu biżżejjed li jiġi mfakkar qabel kollox li TKS mhijiex is-suċċessura ekonomika ta' Thyssen, peress li din kompliet teżisti bħala pe rsuna ġuridika distinta sad-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, l-unità ta' azzjoni li setgħet tikkaratterizza l-imġieba ta' Thyssen u ta' TKS wara l-1 ta' Jannar 1995 mhijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika li l-imġieba ħażina ta' Thyssen li seħħet qabel dik id-data tiġi mputata lil TKS, minħabba il-prinċipju mfakkar fil-punt 82 ta' din is-sentenza, li persuna ġuridika tista' tiġi sanzjonata biss għal dawk il-fatti li huma speċifikament mputati lilha. F'dak li jirrigwarda, fl-aħħarnett, id-dikjarazzjonijiet li saru minn TKS dwar l-attivitajiet ta' Thyssen matul il-proċedura amministrattiva, diġà ġie indikat, fil-punti 85 u 86 ta' din is-sentenza, li dawn ma jippermettux li r-responsabbiltà għall-imġieba ta' Thyssen li seħħet qabel l-imsemmija data tiġi mputata lil TKS.

89. L-ewwel motiv invokat mill-Kummissjoni sabiex issostni l-appell inċidentali tagħha għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

Fuq it-tieni u t-tielet motivi ta' l-appell inċidentali, ibbażati fuq nuqqas ta' preġudizzju lill-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u lill-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet

L-argumenti tal-partijiet

90. Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li hija ma ppreġudikatx ir-rispett tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża minħabba li l-punt 11 F tat-tieni dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet semma' li TKS kellha ssir responsabbli għall-imġieba ta' Thyssen qabel it-trasferiment ta' l-attivitajiet ta' din ta' l-aħħar, fl-1 ta' Jannar 1995 u li hi, barra minn dan, talbet lil TKS sabiex tikkonferma mill-ġdid u b'mod espliċitu li kienet qiegħda tassumi din ir-responsabbilità.

91. Permezz tat-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li ma kien hemm ebda preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ta' TKS, hekk kif jirriżulta mit-tweġiba u mill-osservazzjonijiet li din ta' l-aħħar ippreżentat matul il-proċedura amministrattiva. Sabiex issostni dan il motiv, il-Kummissjoni tinvoka l-punti 142 sa 146 tas-sentenza tas-16 ta' Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs il-Kummissjoni (C-395/96 P u C-396/96 P, Ġabra p. I-1365). Il-Kummissjoni temfasizza li fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kuntrarja għal din il-kawża, id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet identifikat biss lill-Associated Central West Africa Lines, li hi konferenza marittima, bħala attur tal-ksur u mhux il-membri tagħha. Il-Kummissjoni ssemmi wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Marzu 1999, ARBED vs il-Kummissjoni (T-137/94, Ġabra p. II-303). Għall-kumpannija ARBED SA, li setgħet, skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, tiġi imputata bir-responsabbilità għall-imġieba tas-sussidjarja tagħha TradeARBED SA, b'mod partikolari minħabba li hi kienet wieġbet għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u għat-talba ta' informazzjoni indirizzati lil din ta' l-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li TKS ippreżentat osservazzjonijiet f'isem Thyssen li, min-naħa tagħha, għamlet referenza għalihom hija nfisha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

92. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iddeċidiet, fil-punti 55 u 56 tas-sentenza kkontestata, li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, fil-proċeduri kollha li jistgħu iwasslu għal sanzjonijiet, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali garantit mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 36, tat-Trattat KEFA. Hija ġustament fakkret li r-rispett effettiv ta' dan il-prinċipju jirrikjedi li l-impriża kkonċernata tkun tpoġġiet fil-pożizzjoni, sa mill-fażi tal-proċedura amministrattiva, li tressaq l-opinjoni tagħha b'mod effettiv fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkostanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni sabiex issostni l-allegazzjonijiet tagħha. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ċċarat, fil-punt 57 ta' l-istess sentenza, li fil-prinċipju hija l-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi l-impriża kkonċernata meta l-ksur twettaq li tirrispondi għalih, anke jekk, fil-jum ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija ta' l-impriża tkun saret responsabbilità ta' persuna oħra. Għandu jiġi miżjud, fl-istess sens, li, fid-dawl ta' l-importanza tagħha, id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet għandha tippreċiża, b'mod inekwivokabbli, il-persuna ġuridika li fir-rigward tagħha tista' tiġi inflitta ammenda u li hija għandha tkun indirizzata lil tali persuna (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta' Ottubru 2003, ARBED vs il-Kummissjoni, C-176/99 P, Ġabra p. I-10687, punt 21)

93. Safejn, konformement ma' dawn il-prinċipji, il-Kummissjoni kienet bagħtet dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet separati lil Thyssen u lil TKS, seta' jeżisti dubbju fuq il-firxa tal-fatti mputati lil dan ta' l-aħħar u fuq il-ħtieġa għal din l-impriża li tiddefendi ruħha fir-rigward tal-fatti imputati fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li kienet indirizzata b'mod separat lil Thyssen. F'dan ir-rigward, ir-referenza fit-tieni dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet għall-fatt, li l-imġieba ta' Thyssen qabel il-ħolqien ta' TKS kienet ir-responsabbilità ta' TKS ma kienx iwassal sabiex dan id-dubju jitneħħa għal kollox. Minbarra dan, hekk kif jirriżulta mill-punti 84 sa 86 ta' din is-sentenza, għalkemm it-talba sabiex tiġi kkonfermata l-assunzjoni tar-responsabbilità ta' Thyssen minn TKS u d-dikjarazzjoni ta' dan ta' l-aħħar fuq dan is-suġġett setgħu jiċċaraw il-kwistjoni ta' din l-assunzjoni tar-responsabbiltà, madanakollu dawn ma ipprivawx din il-kwistjoni minn kull interess dwar jekk TKS tpoġġietx fil-pożizzjoni li tippreżenta l-opinjoni tagħha fuq il-fatti kollha mputati lil Thyssen għas-snin 1993 sa 1995.

94. Peress li l-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet separati lil Thyssen u lil TKS, hi setgħet biss tirispetta b'mod sħiħ id-drittijiet ta' difiża ta' din ta' l-aħħar billi stednitha, wara it-tieni dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, tippreċiża jekk hija kellhiex xi osservazzjonijiet oħra x'tagħmel dwar l-oġġezzjonijiet indirizzati speċifikament lil Thyssen.

95. Minn dan jirriżulta li, anke jekk TKS kienet, fil fatt, f'miżura ampja tat l-opinjoni tagħha dwar l-imġieba ħażina ta' Thyssen qabel l-1 ta' Jannar 1995, il-Kummissjoni madankollu wettqet żball ta' proċedura li TKS kienet intitolata li tagħmel użu minnu. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament ikkonstatat, fil-punt 66 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni ma kinitx poġġiet lil TKS f'pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti imputati lil Thyssen u li, għaldaqstant, TKS ma setgħatx teżerċita d-drittijiet ta' difiża tagħha f'dan ir-rigward.

96. Jinħtieġ jingħad ukoll li l-ġurisprudenza li tagħmel referenza għaliha l-Kummissjoni, jiġifieri s-sentenzi ċitati iktar 'il fuq tal-Qorti tal-Prim'Istanza ARBED vs il-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja, Compagnie maritime belge transports et . vs il-Kummissjoni, ma tista' bl-ebda mod tipprovdi sostenn għall-argumenti li din ġiet invokata sabiex issostni. Fil-fatt, is-sentenza tal-Qorti ta-Prim'Istanza ġiet annullata fi-stadju ta' appell mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din ta' l-aħħar, filwaqt li bbażat ruħha b'mod partikolari fuq l-imsemmija sentenza Compagnie maritime belge transports et . vs il-Kummissjoni, għaldaqstant iddeċidiet li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet żbaljata meta ddeċidiet li n-nuqqas, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lil ARBED SA, meta din kienet imponitilha ammenda għall-imġieba tas-sussidjarja tagħha TradeARBED SA, ma kienx ta' natura tali li setgħat twassal għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ARBED vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, punt 24).

97. Minn dan jirriżulta li għandhom jiġu miċhuda it-tieni u t-tielet motivi invokati mill-Kummissjoni sabiex issostni l-appell inċidentali tagħha.

98. Peress li ebda wieħed mill-motivi imressqa mill-Kummissjoni sabiex issostni l-appell inċidentali tagħha ma huwa fondat, dawn għandhom jiġu miċħuda.

Dwar l-ispejjeż

99. Taħt l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta' Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, kull parti li titlef il-kawża għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(3), il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap wieħed jew aktar. Peress li TKS u AST tilfu fil-kuntest ta' l-Appell tagħhom u peress li l-Kummisjoni tilfet l-appell inċidentali tagħha, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1) L-appelli u l-appell inċidentali huma miċħuda.

2) ThyssenKrupp Stainless GmbH, ThyssenKrupp Acciai speciali Terni SpA u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.