SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA(l-Ewwel Awla)
17 ta' Ġunju 2004 (*)
"Rkupru ta' ħlas mhux dovut – Terminu ta' 90 ġurnata sabiex jitressaq rikors – Prinċipju ta' effettività"
Fil-kawża C-30/02,
li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti mit-Tribunal Tributário de Primeira Instância de Lisboa (il-Portugal) taħt l-Artikolu 234 KE, għal deċiżjoni preliminari fil-kawża mressqa quddiemu bejn
Recheio – Cash & Carry SA,
u
Fazenda Pública,
Bil-preżenza tal-
Ministério Público,
dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju dwar l-irkupru ta' ħlas mhux dovut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. La Pergola u S. von Bahr (Relatur), R. Silva de Lapuerta u K. Lenaerts, Imħallfin
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: Múgica Arzamendi, Amministratur Principali,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:
- għal Recheio – Cash & Carry SA, minn C. Teixeira Osório de Castro u J. Vieira Peres, advogados,
- għall-Gvern Portugiż minn L. Fernandes u A. I. Pinto, bhala aġenti,
- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. M. Alves Vieira u R. Lyal, bħala agenti, assistiti minn N. Castro Marques, advogado,
wara li rat ir-rapport tas-seduta,
wara li semgħet is-sottomissjonijiet orali ta' Recheio – Cash & Carry SA, irrappreżentata minn J.Vieira Peres, kif ukoll minn P. Sousa Machado u minn Fontaine de Campos, advogados, tal-Gvern Portugiż irrappreżentat minn M. L. Fernandes, assistit minn C. Baptista Lobo, advogado, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn A. M. Alves Vieira u R. Lyal, fis-seduta tat-13 ta' Novembru 2003,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta' Diċembru 2003,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' digriet tas-27 ta' Diċembru 2001, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta' Frar 2002, it-Tribunal Tributário de Primeira Instância de Lisboa, għamel, skond l-Artikolu 234, tliet mistoqsijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju dwar l-irkupru ta' ħlas mhux dovut.
2 Dawn il-mistoqsijiet tqajmu fil-kawża bejn Recheio – Cash & Carry SA (iktar 'il quddiem "Recheio") u Fazenda Pública (it-Teżor Pubbliku) fil-kuntest ta' rkupru ta' ħlas għal reġistrazzjoni magħmul minn Recheio skond l-Artikolu 3(4), tal-Lista ta' Ħlasijiet tar-Reġistru Nazzjonali għal Persuni Legali, approvat permezz tad-Digriet nru. 366/89, tat-22 ta' Mejju 1989 (Diário da República I, Serje A, nru. 117, tat-22 ta' Mejju 1989).
Il-kawża prinċipali u l-kuntest ġuridiku
3 Permezz ta' att notarili li sar f'Lisbona fil-5 ta' Novembru 1997, Recheio żiedet il-kapital awtorizzat tagħha minn 100,000,000 PTE għal 1,000,000,000 PTE.
4 Fl-4 ta' Marzu 1998, hija rreġistrat din iż-żieda fil-kapital mar-Reġistru Nazzjonali għal Persuni Legali. Bħala ħlas għar-reġistrazzjoni, hija ntalbet tħallas, u fil-fatt ħallset dakinhar stess, is-somma ta' 2,251,000 PTE u dan skond l-Artikolu 3(4) tal-Lista ta' Ħlasijiet tar-Reġistru Nazzjonali għal Persuni Legali
5 Fil-11 ta' Lulju 2001, Recheio ressqet kawża quddiem it-Tribunal Tributário de Primeira Instância de Lisboa li biha talbet rikonoxximent tad-dritt tagħha li tingħata lura s-somma ta' 2,250,000 PTE. Hija sostniet li dan il-ħlas kien sar kontra d-dritt Komunitarju, b'mod partikolari kontra l-Artikoli 10(c) u 12, paragrafu 1(e) tad-Direttiva 69/335/KEE tal-Kunsill, tas-17 ta Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital.
6 Recheio ibbażat it-talba tagħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti fejn il-Qorti qalet li meta l-ħlasijiet dovuti għal reġistrazzjoni ta' żieda fil-kapital awtorizzat f'Reġistru Nazzjonali għal Persuni Legali jammontaw għal taxxa indiretta fis-sens tad-Direttiva, dawn ikunu, bħala prinċipju, ipprojbiti mill-Artikolu 10(c) tad-Direttiva 69/335 (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta' Settembru 1999, Modelo, C-56/98, Ġabra p. I-6427, u tas-26 ta' Settembru 2000, IGI, C-134/99, Ġabra p. I-7717, punt 25).
7 It-Tribunal Tributário de Primeira Instância bidel l-azzjoni mressqa minn Recheio f'waħda ta' rikors għal annullament. Skond it-Tribunal, dan ir-rikors kellu jitressaq f'terminu ta' 90 ġurnata li beda jiddekorri mit-"tmiem tat-terminu allokat biex isir il-ħlas voluntarju tat-taxxi" skond l-Artikolu 123 tal-Código de Processo Tributário (Kodiċi ta' Proċedura Fiskali, iktar 'il quddiem "CPT"), introdott bid-Digriet Liġi Nru. 154/91, tat-23 ta' April 1991 (Diário da República I, Serje A, Nru. 94, tat-23 ta' April 1991), liema Artikolu kien riprodott bħala l-Artikolu 102 tal-Código de Procédimento e Processo Tributário (Kodiċi ta' Proċedura u ta' Litigazzjoni Fiskali, iktar 'il quddiem "CPPT"), introdott bid-Digriet Liġi Nru. 433/99 tas-26 ta' Ottubru 1999 (Diário da República I, Serje A, Nru. 250, tas-26 ta' Ottubru 1999) u emendat permezz tal-Liġi Nru. 15/2001 tas-CPPT (Diário da República I, Serje A, Nru 130, tal-5 ta' Ġunju 2001).
8 It-Tribunal Tributário de Primeira Instância jirrileva li terminu ta' 90 ġurnata biex wieħed iressaq rikors għal annullament la għandu jkun anqas favorevoli mit-termini li japplikaw għal azzjonijiet ta' rkupru bbażati fuq liġi nazzjonali u lanqas ma għandu jagħmel l-eżerċizzju tad-drittijiet Komunitarji prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.
9 Huwa jsostni li t-terminu kkonċernat japplika għall-atti kollha li jimponu xi tip ta' taxxa, kemm jekk ibbażati fuq dritt Komunitarju u kemm jekk ibbażati fuq liġi nazzjonali.
10 F’dan il-kuntest, it-Tribunal Tributário de Primeira Instância de Lisboa ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti:
"1) Stat Membru li, għal azzjonijiet ta' rkupru ta' taxxi imposti kontra d-dritt Komunitarju, jistabbilixxi terminu perentorju ta' 90 ġurnata li jiddekorri mit-tmiem tat-terminu allokat għal ħlas volontarju, ikun qiegħed jonqos mill-obbligi Komunitarji tiegħu jekk minħabba dan it-terminu l-eżerċizzju tad-dritt ta' rkupru jkun eċċessivament diffiċli?
2) Jekk dan hu l-każ, liema hu l-anqas terminu li jista' jitqies bħala kompatibbli mar-regola li l-eżerċizzju ta' dak id-dritt ma għandux ikun wisq diffiċli?
3) Liema huma l-kriterji li għandhom jintużaw biex ikun stabbilit dan it-terminu?"
Dwar l-applikazzjoni għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura
11 Permezz ta' rikors iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti fit-23 ta' Jannar 2004, Recheio talbet li l-proċedura orali tinfetaħ mill-ġdid minħabba l-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali. Recheio targumenta li l-Avukat Ġenerali bbaża l-konklużjonijiet tiegħu fuq interpretazzjoni manifestament inkorretta tal-liġi Portugiża billi bbaża ruħu fuq terminu ta' ħames xhur u nofs u mhux fuq terminu ta' 90 ġurnata.
12 F'dan ir-rigward, il-Qorti tfakkar li, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, hija tista' tordna li l-proċedura orali tinfetaħ mill-ġdid ex officio jew fuq proposta mill-Avukat Ġenerali jew fuq talba tal-partijiet, jekk jidrilha li m'għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tkun eżaminata abbażi ta' argument li ma kienx deliberat mill-partijiet (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-05475, punt 20; tas-7 ta' Novembru 2002, Hirschfeldt vs AEE, C-184/01 P, Ġabra p.I-10173, punt 30 u tat-13 ta' Novembru 2003, Schilling et, C-209/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 19).
13 Minħabba li l-ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ma japplikaw għal din il-kawża, il-Qorti jidrilha li ma hemmx bżonn li l-proċedura orali tinfetaħ mill-ġdid. Għaldaqstant, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura qiegħda tiġi miċħuda.
Fuq il-mistoqsijiet preliminari
14 Permezz tal-mistoqsijiet tiegħu, li tajjeb li wieħed jeżaminahom flimkien, it-tribunal tar-rinviju qiegħed sostanzjalment jistaqsi jekk, fir-rigward ta' talba għal rifużjoni ta' taxxa imposta kontra d-dritt Komunitarju, terminu perentorju ta' 90 ġurnata, li fih wieħed jista' jressaq azzjoni ta' rkupru, u li jibda jiddekorri mit-tmiem tat-terminu allokat għall-ħlas voluntarju ta' dawk it-taxxi, huwiex kontra l-prinċipju ta' effettività tad-dritt Komunitarju
15 Għandu jiġi mfakkar li bħala prinċipju l-Istati Membri huma marbutin li jħallsu lura taxxi imposti kontra d-dritt Komunitarju (ara s-sentenza ta' l-14 ta' Jannar 1997, Comateb u oħrajn, C-192/95 sa C/218/95, Ġabra p. I-165, punt 20).
16 F'dan ir-rigward, il-Qorti rrilevat ukoll diversi drabi li l-Istati Membri għandhom soluzzjonijiet differenti għall-problema tar-rifużjoni ta' taxxi mħallsa meta ma kinux dovuti. Barra minn hekk, anki fl-istess Stat Membru jista' jkollok aktar minn soluzzjoni waħda skond il-piżijiet u t-taxxi konċernati. F'ċerti kawżi, protesti jew talbiet ta' dan it-tip ikunu suġġetti mil-liġi għal kundizzjonijiet proċedurali speċifiċi u għal termini ta' żmien kemm fir-rigward ta' protesti sottomessi lill-awtoritajiet fiskali u kemm fir-rigward ta' proċeduri ġuridiċi. F'kawżi oħra, talbiet għal rifużjoni ta' taxxi mħallsa meta ma kinux dovuti għandhom jitressqu quddiem il-qrati ordinarji, prinċipalment bħala azzjonijiet għall-irkupru ta' ħlasijiet magħmula meta ma kinux dovuti. F'dawn il-kawżi, talbiet bħal dawn ikunu jistgħu jitressqu f'termini ta' żmien li jvarjaw minn ġurisdizzjoni għall-oħra. F'ċerti ġurisdizzjonijiet dan it-terminu ta' preskrizzjoni jkun stabbilit mil-liġi ġenerali (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta' Frar 1999, Dilexport, C-343/96, Ġabra p.I-579, punt 24).
17 Din id-differenza bejn is-sistemi nazzjonali hija prinċipalment ir-riżultat tan-nuqqas ta' regolamenti Komunitarji dwar ir-rifużjoni ta' taxxi nazzjonali imposti meta mhux suppost. F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija s-sistema legali domestika ta' kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tagħżel il-qrati u t-tribunali li għandhom ġurisdizzjoni u tistabbilixxi regoli proċedurali dettaljati biex jirregolaw azzjonijiet għas-salvagwardja ta' drittijiet li individwi jgawdu taħt id-dritt Komunitarju. Dan iżda sakemm, l-ewwel nett, dawn ir-regoli ma jkunux anqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (prinċipju ta' ekwivalenza) u, fit-tieni lok, sakemm dawn ir-regoli ma jagħmlux l-eżerċizzju ta' drittijiet Komunitarji prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta' effettività) (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta' Settembru 1998, Edis, C-231/96, Ġabra p. I-4951, punt 34).
18 Fir-rigward tat-tieni prinċipju, il-Qorti għarfet li, fl-interess taċ-ċertezza legali, liema prinċipju jipproteġi kemm lill-persuna li tħallas it-taxxa u kemm lill-amministrazzjoni kkonċernata, l-iffissar ta' termini perentorji raġonevoli biex fihom jitressqu proċeduri huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza Edis, iċċitata aktar 'il fuq, punt 35).
19 Fil-kawża in eżami, l-Artikolu 123 tas-CPT, sostitwit mill-Artikolu 102(1)(a) tas-CTPP, jistabbilixxi terminu perentorju ta' 90 ġurnata li fih għandu jitressaq rikors għal annullament ta' att li jimponi t-taxxa, liema terminu jiddekorri mill-ħlas voluntarju tat-taxxa kkonċernata.
20 Għalkemm is-sentenza ċċitata aktar 'il fuq, Edis, ikkonċernat terminu perentorju, dan it-terminu kien wieħed ta' tliet snin mid-data ta' meta tħallset it-taxxa, jiġifieri, kien terminu ħafna itwal mit-terminu in kwistjoni. Barra minn hekk, kemm minn din is-sentenza u kemm mill-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti, joħroġ b'mod ċar li l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jistabbilixxu termini itwal jew iqsar għall-irkupru ta' ħlas mhux dovut, bil-kundizzjoni iżda, li ma jagħmlux l-eżerċizzju ta' drittijiet Komunitarji prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.
21 Fil-kawża in eżami, terminu ta' 90 ġurnata li jibda jiddekorri mit-tmiem tat-terminu allokat biex isir ħlas volontarju tat-taxxi għandu jitqies bħala li jirrappreżenta terminu twil biżżejjed biex il-persuna li tkun ħallset it-taxxa, konxja tal-fatti kollha tal-kawża, tieħu deċiżjoni li tressaq azzjoni għal annullament u biex ikollha żmien biżżejjed biex tinforma ruħha dwar il-fatti u l-punti legali meħtieġa biex tressaq l-azzjoni tagħha.
22 Kif spjega l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan it-terminu jista' jitqies bħala wieħed raġonevoli meta mqabbel ma' termini simili stabbiliti fis-sistemi ġuridiċi ta' diversi Stati Membri oħra.
23 Dwar l-argument imressaq minn Recheio li terminu bħal dan mhux aċċettabbli minħabba li r-Repubblika Portugiża ma kinitx ittrasponiet id-Direttiva 69/335 fiż-żmien meta tħallset it-taxxa iżda kienet għamlet dan biss sentejn wara s-sentenza Modello, iċċitata aktar 'il fuq, għandu jiġi osservat li Stat Membru li ma ttrasponiex kif suppost id-Direttiva 69/335 ma jkunx qiegħed imur kontra d-dritt Komunitarju jekk f'azzjoni għar-rifużjoni ta' taxxa imposta kontra dik id-Direttiva jwieġeb abbażi ta' jwiejterminu perentorju fil-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, il-fatt li l-Qorti tat deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni Komunitarja kkonċernata huwa, bħala regola, immaterjali f'dan ir-rigward (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Edis, iċċitata aktar 'il fuq, punti 20 u 47).
24 Dwar l-argument imressaq minn Recheio li t-terminu kkonċernat mhux wieħed iġġustifikat minħabba li l-awtoritajiet fiskali għandhom għad-disponibbiltà tagħhom termini itwal biex jieħdu deċiżjoni li jimponu taxxa, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dan il-fatt ma jfissirx li t-terminu ta' 90 ġurnata in kwistjoni mhux biżżejjed meta wieħed iqis il-prinċipju ta' effettività. Barra minn hekk, it-termini mogħtija lill-awtoritajiet fiskali jaqdu ħtiġijiet differenti mit-terminu mogħti biex wieħed iressaq azzjoni għal annullament.
25 Meta jitqies dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi kkonstatat li terminu perentorju nazzjonali bħal dak in kwistjoni ma jagħmilx l-eżerċizzju ta' drittijiet Komunitarji prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.
26 F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mit-Tribunal Tributário de Primeira Instância għandha tkun li l-prinċipju ta' effettività tad-dritt Komunitarju ma jipprekludix, fir-rigward ta' talba għar-rifużjoni ta' taxxa mħallsa kontra d-dritt Komunitarju, li jiġi stabbilit terminu perentorju ta' 90 ġurnata li jibda jiddekorri mit-tmiem tat-terminu allokat għall-ħlas volontarju ta' din it-taxxa.
Fuq l-ispejjeż
27 L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Portugiż u mill-Kummissjoni għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedimenti għandhom, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
abbażi tal-mistoqsijiet magħmula lilha mit-Tribunal Tributário de Primeira Instância de Lisboa, permezz ta' digriet tas-27 ta' Diċembru 2001, taqta' u tiddeċiedi li:
Il-prinċipju ta' effettività tad-dritt Komunitarju ma jipprekludix, fir-rigward ta' talba għar-rifużjoni ta' taxxa mħallsa kontra d-dritt Komunitarju, li jiġi stabbilit terminu perentorju ta' 90 ġurnata li jibda jiddekorri mit-tmiem tat-terminu allokat għall-ħlas volontarju ta' din it-taxxa.
|
Jann |
La Pergola |
von Bahr |
|
Silva de Lapuerta |
|
Lenaerts |
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta' Ġunju 2004.
|
Reġistratur |
Il-President ** |
|
R. Grass |
P. Jann |
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.