SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta' Diċembru 2004 (*)

"Politika soċjali – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Paga ndaqs – Paga – Kunċett – Pensjoni ta' tranżizzjoni ('Überbrückungsgeld') prevista fi ftehim ta' impriża – Pjan soċjali mfassal fl-okkażjoni ta' operazzjoni ta' ristrutturazzjoni ta' l-impriża – Benefiċċju mogħti lill-ħaddiema li jkunu laħqu ċerta età meta jingħataw is-sensja – Għoti tal-benefiċċju minn ċerta età li tvarja skond is-sess tal-ħaddiema mkeċċija – Teħid in kunsiderazzjoni ta' l-età statutorja ta' l-irtirar stabbilita fid-dritt nazzjonali, li tvarja skond is-sess"

Fil-kawża C-19/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (L-Awstrija), permezz ta' deċiżjoni ta' l-20 ta' Diċembru 2001, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Jannar 2002, fil-kawża

Viktor Hlozek

vs

Roche Austria Gesellschaft mbH.,

 IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas (Relatur), R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts u S. von Bahr, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta' Frar 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għas-Sur Hlozek, minn G. Teicht u G. Jöchl, Rechtsanwälte,

–       għal Roche Austria Gesellschaft mbH, minn R. Schuster, Rechtsanwalt,

–       għar-Repubblika ta' l-Awstrija, minn C. Pesendorfer u G. Hesse, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Sack u N. Yerrel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-1 ta' April 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 141 KE u tad-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, ta' l-10 ta' Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU L 45, p. 19), kif ukoll l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta' Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40), u tad-Direttiva tal-Kunsill 86/378/KEE, ta' l-24 ta' Lulju 1986, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għal irġiel u nisa fi skemi tax-xogħol ta' sigurtà soċjali (ĠU L 225, p. 40), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 96/97/KE, ta' l-20 ta' Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 46, p. 20).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sur Hlozek u Roche Austria Gesellschaft mbH (aktar 'il quddiem "Roche") dwar ir-rifjut ta' din ta' l-aħħar li tagħtih id-dritt għal pensjoni ta' tranżizzjoni li, skond il-ftehim konkluż fl-okkażjoni ta' operazzjoni ta' ristrutturazzjoni ta' l-impriża, kellha tingħata lill-ħaddiema li jkunu laħqu ċerta età meta jingħataw is-sensja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 141 KE jistabbilixxi l-prinċipju ta' paga ndaqs bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali.

4       L-Artikoli 136 KE sa 143 KE ħadu post l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE, mill-1 ta' Mejju 1999, meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Amsterdam. Essenzjalment, l-Artikolu 141(1) KE u l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 141(2) KE huma identiċi għall-ewwel u t-tieni paragrafi ta' l-Artikolu 119 tat-Trattat.

5       L-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117 jipprovdi:

"Il-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa deskritt fil-qosor fl-Artikolu 119 tat-Trattat, 'il quddiem imsejjaħ "prinċipju ta' paga ndaqs", ifisser, għall-istess xogħol jew għal xogħol li għalih huwa attribwit valur indaqs, it-tneħħija ta' kull diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess għar-rigward ta' l-aspetti kollha u kundizzjonijiet ta' ħlas.

[…]"

6       Id-Direttiva 76/207 hija intiża sabiex timplementa, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta' trattament ugwali bejn irġiel u nisa fir-rigward ta' l-aċċess għall-impjiegi, fosthom il-promozzjoni, u għat-taħriġ professjonali kif ukoll fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' xogħol, inkluż il-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sensji, u, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(2) tagħha, tas-sigurtà soċjali.

7       Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta' Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali (ĠU L 6, p. 24), ġiet adottata taħt l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 76/207. Skond l-Artikolu 3(1)(a) tagħha, id-Direttiva 79/7 tapplika għall-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra, b'mod partikolari, ir-riskji ta' anzjanità u ta' qgħad.

8       Id-Direttiva 86/378 hija intiża sabiex timplementa l-prinċipju ta' trattament ugwali fl-iskemi tax-xogħol ta' sigurtà soċjali li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 79/7, kif ukoll f'dawk l-iskemi li jipprovdu lill-impjegati b'xi vantaġġi oħra fi flus jew in natura fis-sens tat-Trattat.

9       Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 86/378, kif emendata mid-Direttiva 96/97, għandhom jitqiesu bħala skemi tax-xogħol ta' sigurtà soċjali dawk l-iskemi li mhumiex irregolati mid-Direttiva 79/7 u li l-iskop tagħhom huwa li jipprovdu lill-ħaddiema, kemm jekk impjegati jew jaħdmu għal rashom, f'impriża jew fi grupp ta' impriżi, f'settur ekonomiku jew f'settur professjonali jew interprofessjonali, benefiċċji maħsuba sabiex jikkompletaw il-benefiċċji pprovduti mill-iskemi statutorji ta' sigurtà soċjali jew sabiex jissostitwuhom, kemm jekk is-sħubija fi skemi bħal dawn tkun obbligatorja u kemm jekk tkun fakultattiva.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10     Skond ir-rapport ssemplifikat li jinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li ġejjin.

11     L-Artikolu 253 ta' l-Allgemeines Sozialversicherungsgesetz (liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali, BGB1. Nru 189/1955, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGB1. Nru 33/2001, aktar 'il quddiem l-"ASVG") tagħti dritt għal pensjoni ta' rtirar lill-irġiel li jkunu laħqu l-età ta' 65 sena u lin-nisa li jkunu laħqu l-età ta' 60 sena. Fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 253a, 253b u 253 ta' l-ASVG kienu jikkonferixxu, minbarra dan, dritt għal pensjoni ta' rtirar kmieni, b'mod partikolari fil-każ ta' qgħad, lill-irġiel li jkollhom aktar minn 60 sena u lin-nisa li jkollhom aktar minn 55 sena. Sadattant, dawn il-limiti minimi ta' età ġew miżjuda u, fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju, ġew stabbiliti bħala 61.5 sena għall-irġiel u 56.5 sena għan-nisa.

12     L-Artikolu 2(1) tal-Bundesgesetz über die Gleichbehandlung von Frau und Mann im Arbeitsleben (liġi dwar it-trattament ugwali, BGB1. Nru 108/1979, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGB1. Nru 833/1992, aktar 'il quddiem il-"Gleichbehandlungsgesetz") jipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess. Din il-projbizzjoni tapplika, fost l-oħrajn, għad-diskriminazzjonijiet fil-konklużjoni tar-relazzjoni ta' xogħol (punt 1), fid-determinazzjoni tar-rimunerazzjoni (punt 2), fl-għoti ta' benefiċċji soċjali minbarra r-rimunerazzjoni (punt 3), fl-iżvilupp tal-karriera, b'mod partikolari fil-promozzjonijiet (punt 5) u fit-terminazzjoni tar-relazzjoni ta' xogħol (punt 7).

13     Skond il-punt 4 ta' l-Artikolu 97(1) ta' l-Arbeitsverfassungsgesetz (liġi kostituzzjonali dwar ix-xogħol, BGB1. Nru 22/1974, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGB1. Nru 833/1992 u fil-BGB1. Nru 502/1993, aktar 'il quddiem l-"ArbVG"), il-korp elett mill-persunal fl-impriża jista' jġiegħel lill-proprjetarju tagħha sabiex jikkonkludi ftehim ta' impriża dwar miżuri intiżi sabiex jimpedixxu, ineħħu jew itaffu l-konsegwenzi ta' bidla fl-impriża fis-sens tal-punti 1 sa 6 ta' l-Artikolu 109(1) ta' l-ArbVG, jekk din il-bidla tolqot b'mod serju lill-ħaddiema kollha jew lil parti sostanzjali tal-persunal. Dan il-ftehim ta' impriża, imsejjaħ "pjan soċjali" ("Sozialplan"), jista' jinkludi r-regoli kollha intiżi sabiex jagħmlu tajjeb għall-konsegwenzi negattivi tal-bidla fl-impriża bħal, per eżempju, kumpens ogħla fil-każ ta' għoti ta' sensja minħabba t-tnaqqis fl-attivitajiet ta' l-impriża jew miżuri ta' sostenn għall-ħaddiema mogħtija s-sensja, kif ukoll "pensjonijiet ta' tranżizzjoni" ("Überbrückungsgelder"). Skond il-qorti tar-rinviju, il-liġi ma tistabbilixxix il-kontenut speċifiku ta' pjan soċjali bħal dan.

14     Skond l-Artikolu 31 ta' l-ArbVG, ftehim ta' impriża huwa direttament vinkolanti fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu; għalhekk huwa ta' natura vinkolanti fir-rigward tal-ħaddiema.

 Il-pjan soċjali tas-26 ta' Frar 1998

15     Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, il-pjan soċjali tas-26 ta' Frar 1998, li huwa in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu n-natura ta' ftehim ta' impriża fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' l-ArbVG.

16     Il-punt 7 ta' dan il-pjan soċjali jikkonċerna l-kumpens volontarju għas-sensja previst għall-ħaddiema li, fil-mument meta ntemmet ir-relazzjoni ta' xogħol tagħhom ma' l-impriża, kellhom anqas minn 55 sena fil-każ ta' l-irġiel, u anqas minn 50 sena fil-każ tan-nisa. L-ammont ta' dan il-kumpens għandu jiġi kkalkulat skond l-anzjanità tal-ħaddiem fl-impriża.

17     Il-punt 8 ta' l-imsemmi pjan soċjali huwa fformulat kif ġej:

"8.      Pensjoni ta' tranżizzjoni [‘Überbrückungszahlung’]

8.1.      Kamp ta' applikazzjoni

Il-ħaddiema li jkollhom 55 sena (irġiel) jew 50 sena (nisa) meta tintemm ir-relazzjoni ta' xogħol u li jkun għad m'għandhomx dritt għal pensjoni taħt l-ASVG għandu jkollhom dritt għal pensjoni ta' tranżizzjoni.

8.2      Il-pensjoni ta' tranżizzjoni għandha tibda fix-xahar ta' wara dak li fih tintemm ir-relazzjoni ta' xogħol u għandha tieqaf fil-mument meta l-benefiċjarju jkun jista' jitlob pensjoni taħt l-ASVG. Madankollu, [din il-pensjoni għandha tieqaf] mhux aktar tard minn 5 snin wara t-tmiem tar-relazzjoni ta' xogħol.

8.3      L-ammont tal-pensjoni ta' tranżizzjoni għandu jkun ta' 75% (gross) ta' l-aħħar paga mensili grossa u għandu jitħallas 14-il darba fis-sena. Matul il-perijodu ta' tranżizzjoni, il-ħaddiem għandu jkun meħlus mis-servizz.

         Minbarra dan, [għandu jingħata] kumpens volontarju għas-sensja.

         Dan għandu jingħata skond it-tul tal-perijodu ta' tranżizzjoni:

         sa sentejn: paga ta' xahar

         minn sentejn sa erba' snin: paga ta' xahrejn

         aktar minn erba' snin: paga ta' tliet xhur.

Dan il-kumpens volontarju għal sensja għandu jitħallas flimkien mal-kumpens statutorju għal sensja."

18     Rigward id-drittijiet relatati mal-pensjoni ta' irtirar ta' l-iskema tax-xogħol mogħtija mill-impriża, issir ukoll distinzjoni bejn il-ħaddiema skond jekk dawn jaqgħux taħt il-punt 7 jew inkella taħt il-punt 8 tal-pjan soċjali. Skond il-punt 12 ta' dan il-pjan, il-ħaddiema li, fil-mument meta jitilqu mill-impriża, ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jirċievu l-pensjoni ta' tranżizzjoni msemmija fil-punt 8 tal-pjan soċjali, għandhom ikunu ggarantiti r-redenzjoni tad-drittijiet tagħhom għal pensjoni skond il-valur attwarjali tagħhom. Mill-banda l-oħra, il-ħaddiema li jaqgħu taħt il-punt 8 tal-pjan soċjali għandhom jiġu ggarantiti d-dritt li jirċievu l-pensjoni ta' irtirar ta' l-iskema tax-xogħol, filwaqt li l-benefiċċji rispettivi jingħatawlhom mill-mument meta huma jirċievu pensjoni taħt l-ASVG. Il-punt 12.2 tal-pjan soċjali jippreċiża li l-perijodu ta' tranżizzjoni msemmi fil-punt 8 għandu jitqies kollu kemm hu bħala perijodu ta' servizz.

19     Fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof jipprovdi indikazzjonijiet dwar l-implementazzjoni prattika tal-punt 8 tal-pjan soċjali. Meta ħaddiem li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi punt 8 kellu jingħata s-sensja kien jiġi konkluż kuntratt bejn l-impriża u dan il-ħaddiem wara x-xoljiment tal-kuntratt ta' xogħol. Il-kuntratt il-ġdid kien jiġi konkluż għal perijodu stabbilit ta' mhux aktar minn ħames snin jew inkella sakemm il-ħaddiem in kwistjoni jsir intitolat li jirċievi pensjoni statutorja taħt l-ASVG. Matul dan il-perijodu, il-ħaddiem ikkonċernat kien jirċievi l-pensjoni ta' tranżizzjoni, kien meħlus b'mod irrevokabbli mis-servizz u kien jista' jeżerċita attività bi ħlas oħra.

20     Il-possibbiltà li tkun eżerċitata attività bi ħlas oħra filwaqt li tkun riċevuta l-pensjoni ta' tranżizzjoni tirriżulta direttament mill-punt 4 tal-pjan soċjali li jipprovdi li "[…] matul il-perijodu li jkunu meħlusa mis-servizz, il-ħaddiema għandhom ikunu awtorizzati jkunu f'impjieg ieħor filwaqt li jibqgħu intitolati għad-drittijiet mogħtija lilhom minn dan il-pjan soċjali".

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21     Roche amalgamat, b'effett mill-1 ta' Lulju 1998, mal-kumpannija li magħha s-Sur Hlozek kien ilu jaħdem mill-1 ta' Jannar 1982. Fid-dawl ta' din l-amalgamazzjoni u sabiex jittaffew il-konsegwenzi negattivi għall-ħaddiema tal-miżuri ta' ristrutturazzjoni ta' l-impriża ppjanati fil-kuntest ta' din l-amalgamazzjoni, il-prinċipal ikkonkluda l-pjan soċjali tas-26 ta' Frar 1998 mar-rappreżentanti tal-persunal.

22     Is-Sur Hlozek ingħata s-sensja fit-30 ta' Ġunju 1999 fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni ta' l-impriża li kienet tinvolvi l-għeluq ta' l-unità ta' produzzjoni li huwa kien imexxi. Peress li fil-mument meta ntemmet ir-relazzjoni ta' xogħol tiegħu ma' Roche s-Sur Hlozek kellu 54 sena, huwa kien jaqa' taħt il-punt 7 iżda mhux taħt il-punt 8 tal-pjan soċjali. Huwa aċċetta l-kumpens volontarju mħallas lilu skond il-punt 7 tal-pjan soċjali. Fid-dawl tas-snin ta' anzjanità tiegħu ma' l-impriża, l-ammont gross ta' dan il-kumpens ġie stabbilit għal ATS 1,845,000, jiġifieri ATS 1,274,113.75 netti. Waqt seduta li nżammet fis-7 ta' Diċembru 1999, is-Sur Hlozek iddikjara li kien sab impjieg ieħor u li l-paga kienet komparabbli ma' dik li kien jirċievi qabel.

23     Li kieku s-Sur Hlozek kien ħaddiem tas-sess femminili, il-punt 8 tal-pjan soċjali kien ikun applikabbli għalih. F'dak il-każ huwa kien jirċievi kumpens volontarju għal sensja ta' ammont anqas mill-kumpens li ġie mħallas lilu. Madankollu, huwa kien igawdi mid-dispożizzjonijiet relatati ma' l-għoti ta' pensjoni ta' tranżizzjoni.

24     Għaldaqstant, s-Sur Hlozek, peress li dehrlu li kien is-suġġett ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ressaq azzjoni quddiem l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (L-Awstrija) intiża sabiex jiġi deċiż li huwa jista' jitlob, fir-rigward ta' Roche, li tingħatalu pensjoni ta' tranżizzjoni, fis-sens tal-pjan soċjali tas-26 ta' Frar 1998, sakemm jirċievi l-pensjoni tiegħu taħt l-ASVG. Sussidjarjament, huwa talab li jiġi deċiż li huwa jista' jitlob din il-pensjoni ta' tranżizzjoni matul il-ħames snin ta' wara d-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta' xogħol tiegħu ma' Roche u, aktar sussidjarjament, għall-perijodu li matulu huwa ma kienx eżerċita attività professjonali.

25     In sostenn tat-talbiet tiegħu, s-Sur Hlozek isostni essenzjalment li l-iskema relatata ma' l-għoti tal-pensjoni ta' tranżizzjoni, kif stabbilita fil-punt 8 tal-pjan soċjali tas-26 ta' Frar 1998, hija illegali u nulla kemm fir-rigward tad-dritt nazzjonali u kemm fir-rigward tad-dritt Komunitarju safejn tipprovdi għal età differenti għall-irġiel (55 sena) u għan-nisa (50 sena). Fl-opinjoni tiegħu, id-dispożizzjoni dwar l-età iżgħar għandha tapplika wkoll għall-irġiel u, peress li huwa kellu 54 sena fil-mument meta ngħata s-sensja, huwa jista' jitlob li tingħatalu pensjoni ta' tranżizzjoni.

26     B'sentenza mogħtija fis-17 ta' Ottubru 2000, l-Arbeits- und Sozialgericht Wien laqgħet it-talba tas-Sur Hlozek u ddeċiediet li seta' jitlob, fir-rigward ta' Roche, li tingħatalu pensjoni ta' tranżizzjoni sakemm jirċievi l-pensjoni tiegħu taħt l-ASVG iżda biss matul perijodu massimu ta' ħames snin li jibda jiddekorri mit-30 ta' Ġunju 1999, id-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta' xogħol tiegħu. Hija qieset li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari s-sentenza tas-17 ta' Mejju 1990, Barber (C-262/88, Ġabra p. I-1889), kellu jiġi kkunsidrat li l-iskema in kwistjoni tikser il-prinċipju ta' trattament ugwali stabbilit fl-Artikolu 141 KE safejn hija tistabbilixxi kundizzjonijiet ta' età differenti għall-irġiel u għan-nisa fir-rigward ta' l-għoti tal-pensjoni ta' tranżizzjoni. Skond din il-qorti, peress li l-Artikolu 141 KE huwa vinkolanti u direttament applikabbli, il-kundizzjonijiet ta' età differenti huma nulli u l-irġiel u n-nisa li jkunu għalqu l-età ta' 50 sena fil-mument meta ntemmet ir-relazzjoni ta' xogħol tagħhom u li għadhom mhumiex intitolati għal pensjoni taħt l-ASVG għandhom id-dritt li jingħataw pensjoni ta' tranżizzjoni.

27     Peress li din is-sentenza ġiet ikkonfermata f'appell mill-Oberlandesgericht Wien (L-Awstrija), Roche ressqet appell għal "Reviżjoni" quddiem l-Oberster Gerichtshof. Hija tikkontesta l-evalwazzjoni tal-pensjoni ta' tranżizzjoni in kwistjoni fid-dawl ta' l-Artikolu 141 KE u sostniet li ma kienx hemm diskriminazzjoni. F'dan ir-rigward hija ssostni essenzjalment li l-kwistjoni hija jekk il-kundizzjoni sabiex persuna tkun intitolata għad-dritt għall-pensjoni ta' tranżizzjoni hijiex diskriminatorja u li, skond is-sentenza tas-16 ta' Frar 1982, mogħtija fil-kawża Burton (19/81, Ġabra p. 555), din il-kwistjoni m'għandhiex tiġi evalwata fid-dawl ta' l-Artikolu 141 KE iżda fid-dawl tad-Direttiva 76/207. Skond Roche, wieħed jista' jaġġusta l-jedd għal benefiċċju ta' din in-natura skond etajiet differenti li minnhom l-iskema statutorja ta' sigurtà soċjali tibda tagħti benefiċċji. Barra minn hekk, hija ssostni li, fil-pensjoni ta' tranżizzjoni, ix-xogħol imwettaq u l-paga mhumiex relatati u li, kieku l-età li minnha jibdew jingħataw il-benefiċċji kienet identika għall-irġiel u għan-nisa, dan joħloq diskriminazzjoni kontra n-nisa.

28     Fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof tirreferi għall-istatistiċi miġbura mill-Arbeitsmarketservice Wien għas-snin 1998 sa 2000, dwar it-tqassim tan-numru ta' persuni mingħajr xogħol fl-Awstrija skond is-sess u l-età. Hija tosserva li, skond dawn l-istatistiċi, in-numru ta' persuni mingħajr xogħol fil-kategoriji ta' anqas minn 49 sena huwa relattivament kostanti u ugwali għaż-żewġ sessi. Madankollu, fil-kategorija ta' età bejn 50 u 54 sena, in-numru ta' nisa mingħajr xogħol jilħaq kważi d-doppju tan-numru fil-kategorija ta' età preċedenti. Barra minn hekk, f'din l-istess kategorija ta' età, in-numru ta' nisa mingħajr xogħol huwa biċ-ċar ogħla min-numru ta' rġiel mingħajr xogħol. Mill-banda l-oħra, fil-kategorija ta' età bejn 55 u 59 sena, in-numru ta' rġiel mingħajr xogħol huwa akbar min-numru fil-kategorija ta' età preċedenti. Barra minn hekk, dan in-numru huwa akbar minn dak ta' nisa mingħajr xogħol f'din l-istess kategorija ta' età.

29     Skond il-qorti tar-rinviju, din is-sitwazzjoni tista' tiġi spjegata mill-fatt li r-riskju ta' qgħad jiżdied aktar ma toqrob, għal kull wieħed miż-żewġ sessi, l-età statutorja ta' l-irtirar. B'hekk, fost in-nisa, li l-età tal-pensjoni statutorja hija anqas minn dik ta' l-irġiel, dan ir-riskju jilħaq il-massimu tiegħu aktar kmieni milli fost l-irġiel. L-imsemmija qorti tosserva li l-konvenuta fil-kawża prinċipali sostniet li l-pjan soċjali in kwistjoni huwa intiż preċiżament sabiex jieħu in kunsiderazzjoni r-riskju ikbar ta' qgħad li jiffaċċja l-ħaddiem meta jingħata s-sensja fl-aħħar ħames snin qabel l-irtirar tiegħu.

30     Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li l-għoti tal-pensjoni ta' tranżizzjoni, kif prevista mill-pjan soċjali in kwistjoni, ma jikkostitwixxix il-konklużjoni ta' relazzjoni ta' xogħol fis-sens tal-punt 1 ta' l-Artikolu 2(1) tal-Gleichbehandlungsgesetz u lanqas promozzjoni fis-sens tal-punt 3 ta' l-Artikolu 2(1) ta' l-istess liġi. Hija tosserva li l-ħaddiema kkonċernati m'għandhom ikunu meħtieġa jiżvolġu ebda xogħol.

31     Peress li l-għan tal-pensjoni ta' tranżizzjoni mhuwiex li tikkompleta assigurazzjoni jew pensjoni statutorja, din il-pensjoni lanqas ma hija pensjoni li taqa' taħt skema tax-xogħol ta' sigurtà soċjali. Ma hemm l-ebda rabta mat-tul tar-relazzjoni ta' xogħol u lanqas mal-perijodi ta' affiljazzjoni fl-iskema. Essenzjalment, skond il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-ħaddiem, minħabba s-sempliċi fatt li kien jagħmel parti mill-persunal ta' l-impriża u minħabba l-obbligu tal-prinċipal li jimplementa protezzjoni soċjali fir-rigward tiegħu, jingħata protezzjoni kontra r-riskju li ma jsibx impjieg ġdid meta r-relazzjoni ta' xogħol tiegħu tintemm meta huwa jkun ta' età li fiha huwa magħruf li huwa diffiċli ħafna li jsib impjieg ġdid.

32     Fid-dawl ta' dawn l-elementi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      a)     L-Artikolu 141 KE u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117/KEE […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li taħt skema fejn il-prinċipal li jagħti s-sensja lill-parti sostanzjali mill-ħaddiema wara amalgamazzjoni ma' kumpannija oħra huwa meħtieġ, minħabba l-obbligu tiegħu li jimplementa protezzjoni soċjali fir-rigward tal-persunal kollu sabiex itaffi l-konsegwenzi ta' l-għoti tas-sensja – b'mod partikolari r-riskju ta' qgħad marbut ma' l-età – jikkonkludi pjan soċjali mar-rappreżentanti tal-persunal li huwa vinkolanti fir-rigward tal-ħaddiema, […] dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu pjan soċjali li jipprovdi li l-ħaddiema nisa kollha li jkollhom 50 sena fil-mument ta' l-għoti tas-sensja u l-ħaddiema rġiel kollha li jkollhom 55 sena fil-mument ta' l-għoti tas-sensja jingħataw […] ['pensjoni ta' tranżizzjoni'] ta' 75% ta' l-aħħar paga mensili grossa matul ħames snin, iżda mhux wara l-mument li jsiru intitolati għall-pensjoni statutorja, indipendentament mit-tul ta' l-attività, jiġifieri mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni l-'perijodi ta' affiljazzjoni', u biss fuq il-bażi ta' l-età – u tar-riskju differenti ta' qgħad għal żmien twil, evalwat fuq bażi fissa, għall-irġiel u għan-nisa skond l-età?

         b)     B'mod partikolari, il-kunċett ta' paga li jinsab fl-Artikolu 141 KE kif ukoll fl-Artikolu 1 tad-Direttiva għandu jinftiehem fis-sens li, fir-rigward tal-benefiċċji li jingħataw mhux minħabba x-xogħol ipprovdut iżda minħabba s-sempliċi fatt li l-persuna kkonċernata tagħmel parti mill-persunal u minħabba l-obbligu tal-prinċipal li jimplementa protezzjoni soċjali, dan il-kunċett jinkludi kopertura tar-riskju ta' qgħad għal perijodu twil b'tali mod li l-paga jkollha b'hekk titqies bħala ugwali meta hija tkopri l-istess livell ta' riskju – evalwat fuq bażi fissa – anki jekk dan ir-riskju normalment iqumu f'kategoriji ta' etajiet differenti fost l-irġiel u fost in-nisa?

         ċ)     Jew inkella, jekk il-kunċett ta' 'paga' li jinsab f'dawn id-dispożizzjonijiet jkopri biss il-benefiċċju fi flus bħala tali, id-differenza fir-riskju mifhuma b'dan il-mod tista' għalhekk tiġġustifika skema differenti għall-irġiel u għan-nisa?

2)      a)      Għandu l-kunċett ta' 'skemi tax-xogħol ta' sigurtà soċjali', fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 86/378/KEE […] jinftiehem fis-sens li jinkludi wkoll il-pensjonijiet ta' tranżizzjoni msemmija aktar 'il fuq?

         b)     Għandu l-kunċett ta' riskju ta' 'xjuħija, inkluż irtirar kmieni' li jinsab fl-Artikolu 4 tad-Direttiva jinftiehem fis-sens li jinkludi wkoll il-['pensjonijiet ta' tranżizzjoni'] ta' din in-natura?

         ċ)     Il-kunċett ta' 'skema' li jinsab fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva jkopri biss il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà għad-dritt għall-pensjoni ta' tranżizzjoni jew ikopri wkoll b'mod ġenerali li wieħed ikun parti mill-persunal?

3)      a)      Għandha d-Direttiva [76/207/KEE] […] tiġi interpretata fis-sens li l-['pensjoni ta' tranżizzjoni'] […] imsemmija aktar 'il fuq hija kundizzjoni għal sensji fis-sens ta' l-Artikolu 5 ta' din id-direttiva?

         b)     Għandha din id-direttiva tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi pjan soċjali li jipprovdi li l-ħaddiema nisa kollha li jkollhom 50 sena fil-mument ta' l-għoti tas-sensja u l-ħaddiema rġiel kollha li jkollhom 55 sena fil-mument ta' l-għoti tas-sensja jingħataw ['pensjoni ta' tranżizzjoni'] […] ta' 75% ta' l-aħħar paga mensili grossa għal ħames snin iżda mhux wara l-mument meta huma jsiru intitolati għall-pensjoni statutorja, indipendentament mit-tul ta' l-attività, jiġifieri mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni l-'perijodi ta' affiljazzjoni', u biss fuq il-bażi ta' l-età – u tar-riskju differenti ta' qgħad għal żmien twil, evalwat fuq bażi fissa, għall-irġiel u għan-nisa skond l-età?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

33     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, li hija maqsuma fi tliet partijiet [punti (a) sa (ċ)], il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk pensjoni ta' tranżizzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex koperta mill-kunċett ta' "paga" fis-sens ta' l-Artikolu 141 KE u ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117 u, jekk dan ikun il-każ, jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux li din il-pensjoni tingħata filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni r-riskju differenti ta' qgħad għal żmien twil, evalwat fuq bażi fissa, għall-irġiel u għan-nisa skond l-età, jew jekk, bil-kontra, id-differenza fir-riskju mifhuma b'dan il-mod tistax tiġġustifika trattament differenti għall-ħaddiema rġiel u għall-ħaddiema nisa fir-rigward ta' l-età li minnha huma jkunu jistgħu jitolbu li tingħatalhom l-imsemmija pensjoni fil-każ li jingħataw is-sensja.

 L-ewwel parti: il-klassifikazzjoni tal-benefiċċju

34     Fir-rigward ta' l-ewwel parti ta' din id-domanda, il-partijiet kollha li ressqu osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra Roche, isostnu li benefiċċju bħalma hija l-pensjoni ta' tranżizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija "paga" fis-sens ta' l-Artikolu 141 KE u ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117. Skond Roche, il-kwistjoni mhix il-klassifikazzjoni tal-benefiċċju bħala tali iżda jekk il-kundizzjonijiet sabiex persuna tkun intitolata għad-dritt għall-pensjoni ta' tranżizzjoni humiex diskriminatorji. Hija ssostni li din il-materja hija rregolata mid-Direttiva 76/207 u tinvoka, f'dan ir-rigward, is-sentenza Burton, iċċitata aktar 'il fuq.

35     Skond ġurisprudenza stabbilita li tirreferi għall-Artikolu 119 tat-Trattat, il-kunċett ta' "paga", fis-sens ta' l-Artikolu 141 KE u ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117, jinkludi l-vantaġġi fi flus jew in natura kollha, attwali jew eventwali, bil-kundizzjoni li jiġu mħallsa, anki jekk indirettament, mill-prinċipal tal-ħaddiem minħabba l-impjieg ta' dan ta' l-aħħar. Il-fatt li ċerti benefiċċji jitħallsu wara t-tmiem tar-relazzjoni ta' xogħol ma jeskludix li dawn il-benefiċċji jista' jkollhom natura ta' paga fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Barber, iċċitata aktar 'il fuq, punt 12, u tad-9 ta' Frar 1999, Seymour-Smith u Perez, C-167/97, Ġabra p. I-623, punti 23 u 24).

36     Minkejja li huwa minnu li fis-sentenza Burton, iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 76/207 tapplika għall-kundizzjonijiet għal għoti ta' kumpens volontarju mogħti mill-prinċipal lil ħaddiem li jkun jixtieq jieqaf mill-impjieg tiegħu meta jispiċċa bla xogħol, il-Kummissjoni ġustament osservat li din il-ġurisprudenza ma ġietx ripetuta fis-sentenzi aktar riċenti rigward il-benefiċċji mħallsa wara t-tmiem tar-relazzjoni ta' xogħol.

37     Fil-fatt, fir-rigward tal-kumpens mogħti mill-prinċipal lill-ħaddiem meta dan jingħata s-sensja, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li dan il-kumpens jikkostitwixxi forma ta' paga differita li għaliha l-ħaddiem huwa intitolat minħabba l-impjieg tiegħu iżda li tingħatalu fil-mument meta tintemm ir-relazzjoni ta' xogħol, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-adattament tiegħu għaċ-ċirkustanzi ġodda li jirriżultaw minn dan (sentenzi Barber, iċċitata aktar 'il fuq, punt 13; tas-27 ta' Ġunju 1990, Kowalska, C-33/89, Ġabra p. I-2591, punt 10, kif ukoll Seymour-Smith u Perez, iċċitata aktar 'il fuq, punt 25).

38     F'dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-pensjoni ta' tranżizzjoni għandha l-oriġini tagħha fil-pjan soċjali tas-26 ta' Frar 1998 li huwa r-riżultat ta' qbil bejn imsieħba soċjali u li din il-pensjoni hija dovuta mill-impriża minħabba r-relazzjoni ta' xogħol li kienet teżisti bejnha u bejn ċerti ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-kuntest ta' l-operazzjoni ta' ristrutturazzjoni koperta mill-imsemmi pjan. Il-punt 8.3 ta' dan il-pjan, li jipprovdi li l-ammont tal-pensjoni għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta' l-aħħar paga mensili grossa, jikkonferma li l-pensjoni ta' tranżizzjoni tikkostitwixxi benefiċċju mogħti b'rabta ma' l-impjieg tal-ħaddiema kkonċernati.

39     Huwa paċifiku li l-pjan soċjali msemmi aktar 'il fuq ġie mfassal bil-għan li jtaffi l-konsegwenzi soċjali ta' operazzjoni ta' ristrutturazzjoni ta' l-impriża. B'hekk, huwa jirriżerva l-benefiċċju tal-pensjoni ta' tranżizzjoni għall-ħaddiema li jkunu laħqu età qrib l-età statutorja ta' l-irtirar fil-mument meta ngħataw is-sensja u jipprovdi li din il-pensjoni għandha tiġi mħallsa lilhom b'mod perijodiku għal perijodu massimu ta' ħames snin mingħajr ma jkunu obbligati jaħdmu. Issa, fost il-vantaġġi li huma kklassifikati bħala paga jinsabu preċiżament il-benefiċċji mħallsa mill-prinċipal minħabba l-eżistenza ta' relazzjonijiet ta' xogħol imħallas b'paga li l-għan tagħhom huwa li jassiguraw sors ta' dħul għall-ħaddiema, anki jekk dawn ma jeżerċitaw, f'każijiet speċifiċi, l-ebda attività prevista mill-kuntratt ta' xogħol (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta' Settembru 1999, Abdoulaye et, C-218/98, Ġabra p. I-5723, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, in-natura ta' paga ta' benefiċċji bħal dawn ma tistax tiġi kkontestata minħabba s-sempliċi fatt li huma jissodisfaw ukoll kunsiderazzjonijiet ta' politika soċjali (sentenza tas-17 ta' Frar 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-173/91, Ġabra p. I-673, punt 21, u tat-28 ta' Settembru 1994, Beune, C-7/93, Ġabra p. I-4471, punt 45)..

40     Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-pensjoni tax-xogħol in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija koperta mill-kunċett ta' "paga" fis-sens ta' l-Artikolu 141 KE u ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117.

 It-tieni u t-tielet parti: l-eżistenza ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess

41     It-tieni u t-tielet parti ta' l-ewwel domanda preliminari, li jikkonċernaw il-kwistjoni jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, id-differenza fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa prevista mill-pjan soċjali tas-26 ta' Frar 1998 fir-rigward ta' l-età li minnha l-ħaddiem in kwistjoni jkun intitolat għal pensjoni ta' tranżizzjoni tammontax għal diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 141 KE u mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117, għandhom jiġu eżaminati flimkien.

42     Il-prinċipju ta' paga ndaqs għall-ħaddiema rġiel u għall-ħaddiema nisa għall-istess xogħol, kif stabbilit mill-Artikolu 141 KE u żviluppat mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117 jipprekludi, b'mod partikolari, l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet li jistabbilixxu diskriminazzjoni bbażata direttament fuq is-sess.

43     Fir-rigward ta' l-Artikolu 141 KE, għandu jiġi mfakkar li, peress li hija ta' natura imperattiva, il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa tapplika mhux biss għall-azzjoni ta' l-awtoritajiet pubbliċi, iżda tkopri wkoll il-ftehimiet kollha intiżi sabiex jirregolaw b'mod kollettiv l-impjieg imħallas (ara s-sentenzi tat-8 ta' April 1976, Defrenne, 43/75, Ġabra p. 455, punt 39; Kowalska, iċċitat aktar 'il fuq, punt 12, u tat-18 ta' Novembru 2004, Sass, C-284/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25).

44     Madankollu, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju ta' paga ndaqs, l-istess bħall-prinċipju ġenerali li jipprojbixxi diskriminazzjoni li tiegħu dan il-prinċipju huwa espressjoni partikolari, jippressupponi li l-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa li għalihom japplika dan il-prinċipju jkunu jinsabu f'sitwazzjonijiet identiċi jew komparabbli (ara s-sentenzi tad-9 ta' Novembru 1993, Roberts, magħrufa bħala "Birds Eye Walls", C-132/92, Ġabra p. I-5579, punt 17; tat-13 ta' Frar 1996, Gillespie et, C-342/93, Ġabra p. I-475, punti 16 sa 18; Abdoulaye et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 16, u tat-13 ta' Diċembru 2001, Mouflin, C-206/00, Ġabra p. I-10201, punt 28).

45     F'dan il-każ, huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet tal-pjan soċjali tas-26 ta' Frar 1998 jipprovdu għal differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema bbażata direttament fuq is-sess tagħhom peress li huma jistabbilixxu l-età li minnha l-ħaddiem ikun intitolat għad-dritt għall-pensjoni ta' tranżizzjoni bħala 55 sena għall-irġiel u 50 sena għan-nisa. Madankollu, skond Roche u r-Repubblika ta' l-Awstrija, la l-għan u lanqas l-effett ta' dawn id-dispożizzjonijiet ma huwa li jistabbilixxu diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema rġiel. Huma jsostnu essenzjalment li l-ħaddiema rġiel mogħtija s-sensja f'età ta' bejn 50 u 54 sena ma jinsabux f'sitwazzjoni identika jew komparabbli għal dik tal-ħaddiema nisa fl-istess kategorija ta' età. Għaldaqstant, ikun kontra l-prinċipju ta' trattament ugwali jekk l-istess regola tiġi applikata għal sitwazzjonijiet oġġettivament differenti.

46     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-pjan soċjali tas-26 ta' Frar 1998, adottat taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-ArbVG, ġie konkluż bejn l-impriża u r-rappreżentanti eletti tal-persunal tagħha sabiex jittaffew il-konsegwenzi soċjali ta' l-għoti tas-sensja lil numru sostanzjali ta' ħaddiema fil-kuntest ta' operazzjoni ta' amalgamazzjoni ma' kumpannija oħra. Huwa f'dan il-kuntest li l-pjan soċjali pprovda għal pensjoni ta' tranżizzjoni mogħtija esklużivament lill-ħaddiema li jkunu laħqu età relattivament avvanzata fil-mument meta jingħataw is-sensja b'hekk b'kunsiderazzjoni tar-riskju ikbar ta' qgħad għal żmien twil li normalment jaffaċċjaw dawn il-ħaddiema.

47     Huwa minnu li r-riskju reali ta' qgħad iffaċċjat minn kull ħaddiem ma jiddependix biss minn fatturi bħall-età u s-sess iżda wkoll, kif sostna s-Sur Hlozek, minn fatturi oħra li huma partikolari għalih, bħalma huma l-kwalifiki u l-mobilità professjonali tiegħu. Madankollu, jibqa' l-fatt li, skond l-esperjenza ġeneralment aċċettata fiż-żmien tar-ristrutturazzjoni ta' l-impriża, l-imsieħba soċjali setgħu leġittament iqisu li l-ħaddiema li jkunu qrib l-età statutorja ta' l-irtirar kienu jikkostitwixxu, fid-dawl ta' l-intensità tar-riskju li ma jsibux impjieg ġdid, kategorija differenti minn dik li tiġbor fiha l-ħaddiema l-oħra. Din l-evalwazzjoni tispjega l-fatt li, fir-rigward ta' l-għoti tal-pensjoni ta' tranżizzjoni, il-pjan soċjali stabbilixxa differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età tal-ħaddiema fil-mument meta ngħataw is-sensja.

48     Peress li fiż-żmien meta ġie konkluż il-pjan soċjali, in-nisa setgħu jitolbu li tingħatalhom pensjoni ta' rtirar kmieni taħt l-iskema statutorja minn meta jagħlqu 55 sena filwaqt li l-irġiel ma setgħux jitolbu li tingħatalhom din il-pensjoni qabel ma jagħlqu 60 sena, l-imsieħba soċjali kkunsidraw li, sabiex jassiguraw l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema kollha, kien meħtieġ li l-ħaddiema nisa jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-dritt għall-pensjoni ta' tranżizzjoni minn età anqas b'ħames snin minn dik stabbilita għall-kollegi rġiel tagħhom. Din id-dispożizzjoni tal-pjan soċjali la kellha l-għan u lanqas l-effett li tistabbilixxi diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema rġiel fl-impriża. Fil-fatt, il-ħaddiema rġiel li, bħas-Sur Hlozek, kienu jaqgħu taħt il-kategorija ta' età bejn 50 u 54 sena fil-mument meta ngħataw is-sensja, kien fadlilhom aktar sabiex jilħqu l-età ta' rtirar kmieni u, għaldaqstant, fir-rigward ta' l-intensità tar-riskju ta' qgħad li għalih kienu esposti, ma kinux jinsabu f'sitwazzjoni identika għal dik tal-ħaddiema nisa li kienu parti minn din l-istess kategorija ta' età.

49     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi stabbilixxa differenza fl-età li minnha l-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa huma intitolati għad-dritt għall-pensjoni ta' tranżizzjoni, il-pjan soċjali stabbilixxa mekkaniżmu newtrali li jikkonferma n-nuqqas ta' kwalunkwe element diskriminatorju (is-sentenza Birds Eye Walls, iċċitata aktar 'il fuq, punt 23).

50     Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tal-pjan soċjali tas-26 ta' Frar 1998 dwar l-għoti ta' pensjoni ta' tranżizzjoni mhumiex intiżi la sabiex japplikaw b'mod ġenerali u lanqas għal perijodu indeterminat. Dawn id-dispożizzjonijiet ġew stabbiliti mill-imsieħba soċjali permezz ta' qbil fil-kuntest ta' operazzjoni waħda ta' ristrutturazzjoni ta' l-impriża u l-ħlas tal-pensjonijiet ta' tranżizzjoni kollha mogħtija lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-kuntest ta' din l-operazzjoni għandu jieqaf mhux aktar tard minn ħames snin wara li ngħataw is-sensja. Għaldaqstant, kuntrarjament għall-argument imressaq mill-Kummissjoni, m'hemm l-ebda biża li l-applikazzjoni tal-pjan soċjali jkollha bħala effett li ssaħħaħ jew li tipperpetwa d-dispożizzjonijiet ta' l-iskema statutorja Awstrijaka li tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn irġiel u nisa fir-rigward ta' l-età ta' l-eliġibbiltà għal pensjoni ta' irtirar, u anki jekk teżisti rabta fil-qrib bejn id-dispożizzjonijiet tal-pjan soċjali u dawk ta' l-iskema statutorja.

51     Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li pensjoni ta' tranżizzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija koperta mill-kunċett ta' "paga" fis-sens ta' l-Artikolu 141 KE u ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117. F'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux l-applikazzjoni ta' pjan soċjali li jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa fir-rigward ta' l-età li minnha jsiru intitolati għad-dritt għal pensjoni ta' tranżizzjoni peress li taħt l-iskema statutorja nazzjonali dwar il-pensjonijiet ta' rtirar kmieni dawn il-ħaddiema rġiel u nisa jinsabu f'sitwazzjonijiet differenti fir-rigward ta' l-elementi rilevanti għall-għoti ta' l-imsemmija pensjoni.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

52     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk il-pensjoni ta' tranżizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex koperta mill-kunċett ta' "skemi tax-xogħol ta' sigurtà soċjali" fis-sens tad-Direttiva 86/378. Permezz tat-tielet domanda tagħha, li hija maqsuma f'żewġ partijiet, hija ssaqsi jekk l-imsemmija pensjoni ta' tranżizzjoni tikkostitwixxix "kundizzjoni li tirregola s-sensji" fis-sens ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/207 u, jekk dan ikun il-każ, jekk din id-direttiva tipprekludix li pensjoni bħal din tingħata skond regoli bħal dawk stabbiliti fil-pjan soċjali li huwa in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

53     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, li l-pensjoni ta' tranżizzjoni hija koperta mill-kunċett ta' "paga" fis-sens ta' l-Artikolu 141 KE, l-interpretazzjoni tad-Direttivi 86/378 u 76/207 mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari.

 Fuq l-ispejjeż

54     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta' u tiddeċiedi:

Pensjoni ta' tranżizzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija koperta mill-kunċett ta' "paga" fis-sens ta' l-Artikolu 141 KE u ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, ta' l-10 ta' Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa. F'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux l-applikazzjoni ta' pjan soċjali li jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa fir-rigward ta' l-età li minnha jsiru intitolati għad-dritt għal pensjoni ta' tranżizzjoni ladarba taħt l-iskema statutorja nazzjonali dwar il-pensjonijiet ta' rtirar kmieni dawn il-ħaddiema rġiel u nisa jinsabu f'sitwazzjonijiet differenti fir-rigward ta' l-elementi rilevanti għall-għoti ta' l-imsemmija pensjoni.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.