KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

DÁMASO RUIZ-JARABO COLOMER

Ippreżentati fit-8 ta' Jannar 2004(1)

Kawża C-87/02

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu– Repubblika Taljana – Protezzjoni ta’ l-ambjent – Stima ta’ l-impatt ambjentali – Direttiva 85/337/KEE – Verifika ta’ l-impatt ta’ proġett fuq l-ambjent naturali– Deċiżjoni li proġett ma jiġix suġġett għal studju ta’ impatt ambjentali – Deċiżjoni mhux motivata”





1.     Il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 226 KE, qed titlob li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent(2) (iktar ‘il quddiem id-“Direttiva”)

2.     In-nuqqas li tilmenta dwaru l-istituzzjoni rikorrenti jikkonsisti fil-fatt illi l-awtoritajiet kompetenti ma vverifikawx b'mod adegwat jekk il-kostruzzjoni ta’ triq madwar il-belt ta’ Teramo(3) kinitx teħtieġ stima ta' l-impatt ambjentali, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva.

I –    Il-kuntest ġuridiku Komunitarju

3.     Id-Direttiva hija liġi preventiva illi, permezz ta' l-istima ta’ l-effetti fuq l-ambjent ta’ ċerti proġetti, hija intiża li tevita d-deterjorament(4) li tista’ ġġib magħha l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjonijiet, kif ukoll interventi oħrajn fl-ambjent jew fil-pajsaġġ.(5)

4.     Skond l-Artikolu 2(1):

“Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta' l-effetti tagħhom.

[…]”

5.     L-Artikolu 4 jipprovdi li:

“1.       Bla ħsara għall-Artikolu 2(3),(6) proġetti elenkati [fl]-Anness I għandhom ikunu soġġetti għal stima skond [l-]Artikoli 5 sa 10.

2.      Proġetti tal-klassijiet elenkati [fl]-Anness II għandhom ikunu soġġetti għal stima, skond l-Artikoli 5 sa 10, fejn Stati Membri jikkunsidraw li l-karat[t]eristiċi tagħhom jirrikjedu hekk.

Għal dan il-għan Stati Membri jistgħu inter alia jispeċifikaw ċerti tipi ta’ proġetti bħala li huma soġġetti għal stima jew jistgħu jistabbilixxu l-kriterji u/jew limiti meħtieġa biex jiddeterminaw liema mill-proġetti tal-klassijiet elenkati fl-Anness II huma soġġetti għal stima skond l-Artikoli 5 sa 10.”(7)

6.     Il-punt 10(d) ta’ l-Anness II jirreferi għall-kostruzzjoni ta’ toroq li mhumiex awtostradi jew toroq espress.(8)

II – Il-liġi Taljana

7.     L-Artikolu 40(1) tal-Liġi 146 tat-22 ta’ Frar 1994(9) kien jimponi obbligu fuq il-Gvern Taljan sabiex, fi żmien 60 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi, jispeċifika l-kundizzjonijiet, il-kriterji u r-regoli tekniċi li jirregolaw l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ stima ta’ l-impatt ambjentali fuq il-proġetti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva.

8.     Dan l-obbligu ġie onorat permezz ta’ l-Artikolu 1 tad-Digriet Presidenzjali tat-12 ta’ April 1996(10) li, fir-rigward tar-Reġjuni u l-Provinċji awtonomi ta’ Trento u ta' Bolzano, l-Artikolu 1 tiegħu jipprovdi li l-istima ta’ l-impatt ambjentali tal-proġetti msemmija fl-Annessi A u B għandha ssir skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, u skond il-linji gwida li jinsabu fl-abbozz tad-Digriet (paragrafu 1).

9.     Il-proġetti elenkati fl-Anness B li jinsabu parzjalment fiż-żoni naturali protetti definiti mil-Liġi 394 tas-6 ta’ Diċembru 1991(11), għandhom dejjem ikunu suġġetti għal stima (paragrafu 4). Fil-kategorija ta’ l-infrastruttura, l-Anness B jirreferi għall-kostruzzjoni ta’ toroq alternattivi f’żoni urbani u t-tkabbir ta’ toroq eżiztenti li fihom erba’ karreġġjati jew aktar li huma itwal minn 1500 metru [punt 7(h)].

10.   Madankollu, fil-każ ta’ proġetti li jinsabu barra minn dawk iż-żoni naturali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw, skond il-metodi stipulati fl-Artikolu 10 u b’referenza għall-fatturi elenkati fl-Anness D(12), jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, jkunx hemm bżonn li ssir stima ta' l-impatt tagħhom fuq l-ambjent (paragrafu 6).

11.   L-imsemmi Artikolu 10 jirregola l-proċedura ta’ verifika, billi jeżiġi li l-entità, pubblika jew privata, li tibda x-xogħol(13) għandha tibda l-proċess ta’ monitoraġġ u f’dak ir-rigward, għandha tipprovdi deskrizzjoni tal-proġett u ta’ l-informazzjoni meħtieġa sabiex tagħraf, u fejn hu meħtieġ tevalwa, l-effetti tal-proġett fuq l-ambjent (paragrafu 1). Jekk ma tittieħed ebda deċiżjoni fi żmien 60 jum, għandu jiġi mifhum li ma jkunx hemm bżonn ta’ stima (paragrafu 2).

12.   Ir-Reġjun ta’ Abbruzzo ttraspona d-Digriet tal-President tar-Repubblika tat-12 ta’ April 1996, permezz tal-Liġi 112 tat-23 ta’ Settembru 1997.(14)

III – Il-proċedura prekontenzjuża

13.   Fil-11 ta’ Mejju 1998, il-Kummissjoni talbet lill-Awtoritajiet Taljani għal informazzjoni dwar ir-rotta “Lotto Zero”, peress illi l-Kummissjoni kienet saret taf li ma kienu saru ebda verifiki sabiex isir magħruf jekk kinitx meħtieġa stima ta’ l-impatt ambjentali, għalkemm kien jeżisti dokument dwar il-kompatibbiltà tal-proġett ma’ l-ambjent tal-madwar, li ma kienx ġie kkomunikat lill-istituzzjoni Komunitarja.(15)

14.   Dik it-talba ġiet osservata u numru ta’ awtoritajiet ta’ l-Istat Membru konvenut bagħtu ittri ta’ spjegazzjoni lill-Kummissjoni(16), li minnhom deher li l-proġett in kwistjoni kien marbut mal-kostruzzjoni ta’ triq b’żewġ karreġġjati, li hija wiesgħa 10.5 metri u li t-tul tagħha mhux speċifikat, b'parti minnha, twila 5440 metri, u li 2260 metru minnhom huma vjadott u 930 metru huma mini, u li taqsam il-komun ta’ Teramo, taffettwa n-naħa tal-lemin tal-baċir tax-xmara Tordino.

15.   Permezz tad-Digriet Reġjonali Nru 25/99 tal-15 ta’ Novembru 1999(17), ir-Reġjun ta’ Abbruzzo kkonkluda li l-proġett kien jirrispetta l-ambjent naturali, peress illi ma kienx jaffettwa ż-żoni protetti msemmija fil-Liġi ta’ l-Istat Nru 394/91 u l-Liġi Reġjonali Nru 38/96(18) u għalhekk iddeċidiet li ma titlobx li l-impatt tiegħu jiġi stmat.

16.   Fis-16 ta’ Ġunju 2000, ir-Rappreżentanza Permanenti ta’ l-Italja fl-Unjoni Ewropea għaddiet ittra lill-Kummissjoni mill-Ministeru ta’ l-Ambjent datata 30 ta’ Mejju 2000(19) li fiha ntqal li d-deċiżjoni msemmija qabel kienet ġiet adottata wara rapport favorevoli mill-Kumitat Reġjonali għall-Istima ta’ l-Impatt Ambjentali(20). Dak ir-rapport, li ma kienx ġie mibgħut lill-Kummissjoni, irrefera għall-opinjoni ta’ l-inġinier ċivili, li kienet ukoll favorevoli iżda li ma saret ebda referenza għaliha fid-Digriet Reġjonali.

17.   Wara li tat żmien lill-Awtoritajiet Taljani sabiex jagħtu spjegazzjoni(21), fit-18 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni, li ma kinitx sodisfatta bl-argumenti tagħhom(22) bagħtitilhom opinjoni motivata(23), fejn informathom li peress li naqsu milli jivverifikaw jekk il-proġett in kwistjoni, li jaqa’ taħt l-Anness II tad-Direttiva, kienx jeħtieġ li jiġi evalwat skond l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva, l-awtoritajiet Taljani kienu kisru l-obbligu tagħhom taħt l-Artikolu 4(2).

18.   Barra minn hekk, hemm numru ta’ atti amministrattivi marbuta mat-twettiq tal-proġett “Lotto Zero” li ġew ikkontestati mill-Associazione Italia Nostra-Onlus u mill-Associazione Italiana per il World Wildlife Fund (WWF) fil-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardija. B’ordni tal-21 ta’ Ġunju 2000, dik il-qorti kienet ċaħdet it-talba għal sospensjoni provviżorja(24). Fid-data tal-kitba ta' dawn il-konklużjonijiet, ma kien hemm ebda indikazzjoni dwar jekk il-kwistjoni dwar il-mertu kinitx ġiet riżolta b’mod definittiv.

IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.   Fl-14 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors, fejn titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li r-Repubblika Taljana kisret id-dritt Komunitarju għar-raġunijiet elenkati fl-opinjoni motivata, allegazzjoni li qed tiġi kkontestata minn dan l-Istat Membru.

20.   L-istituzzjoni rikorrenti ssostni li, skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva u l-Artikolu 1(6) tad-Digriet Presidenzjali tat-12 ta’ April 1996, l-awtoritajiet Taljani huma obbligati jivverifikaw l-impatt tar-rotta “Lotto Zero” fuq l-ambjent. Il-Kummissjoni żżid tgħid li d-deċiżjoni li l-proġett ma jiġix sottopost għal stima ta’ l-impatt ambjentali, adottata fid-Digriet Reġjonali Nru 25/99, mhijiex motivata.

21.   Il-Gvern Taljan jirrispondi li l-proġett ġie vverifikat u li kien possibbli li d-deċiżjoni tittieħed b’silenzju amministrattiv, mingħajr ma jingħataw raġunijiet, indipendentement mill-fatt li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni li tinsab fid-Digriet Presidenzjali tat-12 ta’ April 1996 hija motivata peress illi tirreferi għar-rapport tal-Kumitat Reġjonali għall-Istima ta’ l-Impatt fuq l-Ambjent.

22.    Il-Kummissjoni ssostni li l-uniku ilment tagħha huwa essenzjalment marbut mal-fatt illi l-awtoritajiet Taljani naqsu milli jivverifikaw jekk il-karatteristiċi tal-proġett kinux jitolbu li ssir stima ta’ l-impatt, nuqqas li jidher aktar ċar min-nuqqas ta’ raġunijiet fid-Digriet Nru 25/99.

23.   Il-Gvern Taljan ma ssottomettiex replika. Ebda waħda mill-partijiet ma talbet li tinfetaħ fażi orali fil-proċedura.

24.   Il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet xi domandi lill-partijiet, li r-risposti għalihom ġew riċevuti fis-27 ta’ Ottubru u fit-3 ta’ Novembru 2003 wara li kienu ġew tradotti. Wara li analizzat dawn ir-risposti, fid-19 ta’ Novembru, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx meħtieġ li tinżamm seduta.

V –    L-analiżi ta’ l-allegat ksur tal-liġi

25.   L-għan tad-Direttiva huwa li kull proġett illi probabbli jkollu effetti sinjifikanti fuq l-ambjent għandu jiġi sottopost għal stima ta’ l-impatt ambjentali tiegħu qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni għalih.(25) Għalhekk huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, għandhom isiru verifiki intiżi sabiex jiġi aċċertat jekk ix-xogħlijiet maħsuba humiex ser ikollhom impatt sinjifikanti fuq l-ambjent; fit-tieni stadju, dawk l-effetti għandhom jiġu evalwati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva.(26)

26.   Fil-każ ta' uħud mill-proġetti, hemm preżunzjoni legali li dawn dejjem ikollhom effetti sinjifikanti fuq l-ambjent u li għalhekk, l-impatt tagħhom fuq l-ambjent għandu dejjem jiġi evalwat. Dawk il-proġetti huma elenkati fl-Anness I tad-Direttiva u huma msemmija fl-Artikolu 4(1).

27.   Min-naħa l-oħra, l-impatt ta’ proġetti oħrajn huwa anqas ċar, u għalhekk, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4(2), huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu jekk proġetti bħal dawn għandhomx jiġu sottomessi għall-proċedura stipulata fl-Artikoli 5 sa 10. Dan japplika għall-proġetti msemmija fl-Anness II, u l-Istati Membri tal-Komunità jiddeterminaw il-proġetti li għandhom jiġu evalwati, billi jispeċifikawhom skond it-tip tagħhom, jew billi jistabbilixxu l-kriterji u/jew l-limiti meħtieġa biex tittieħed id-deċiżjoni, jew billi jużaw metodi oħrajn.(27) Apparti minn hekk, dan jistgħu jagħmluh billi jirreferu għal dawn il-proġetti b’mod ġenerali, permezz ta’ liġi jew billi f’att amministrattiv jippreċiżaw il-kriterji stabbiliti minn qabel f'liġi.

28.   Għalhekk, l-Istati Membri għandhom marġni ta' diskrezzjoni sabiex jiddeċiedu liema proġetti elenkati fl-Anness II jeħtieġu stima ta’ l-impatt ambjentali. Madankollu, dak id-dritt huwa limitat bl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva li jiddefinixxi l-għan ewlieni, jiġifieri li l-proġetti li jista' jkollhom impatt notevoli fuq l-ambjent, għandhom dejjem jiġu sottomessi għal stima ta’ l-impatt tagħhom.(28)

29.   Jekk jintgħażel l-ewwel metodu, u d-definizzjoni stabbilita fil-miżura partikolari tingħata f’termini ġenerali, ikun hemm obbligu li ssir il-verifika fl-istadju fejn jiġu applikati dawk id-dispożizzjonijiet astratti, indipendentement minn jekk il-karatteristiċi tal-proġett ikunux tali li jkollhom effetti sinjifikanti fuq l-ambjent.(29) Għaldaqstant, f’dawn is-sitwazzjonijiet, terġa’ tapplika r-regola ġenerali: jekk il-verifiki juru li l-effetti huma sinjifikanti, allura dawk l-effetti għandhom jiġu evalwati.

30.   Il-liġi Taljana tadotta skema simili billi tiġbor il-proġetti skond il-kategorija tagħhom u b’referenza għall-post fejn ikunu jinsabu. Ċerti proġetti(30) huma awtomatikament suġġetti għal stima ta’ l-impatt ambjentali; oħrajn madankollu huma biss suġġetti għal stima jekk din tkun meħtieġa ladarba jkun ġie stabbilit l-impatt fuq l-ambjent.(31) Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tat-toroq in kwistjoni f’dawn il-proċeduri jaqgħu taħt it-tieni tip ta’ proġett.

31.   Konsegwentement, kif tirrimarka ġustament il-Kummissjoni fir-replika tagħha, it-tilwima hija limitata għal kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet kompetenti Taljani evalwawx il-karatteristiċi tal-proġett “Lotto Zero” sabiex jiddeterminaw jekk dan jikkawżax danni lill-ambjent u, jekk dan ikun il-każ, sabiex l-approvazzjoni tagħhom tkun suġġetta għal stima minn qabel ta’ l-impatt tal-proġett fuq l-ambjent.

32.   Il-kontroll sar “formalment” peress illi d-Digriet Reġjonali Nru 25/99 tal-15 ta’ Novembru 1999 jistabbilixxi li ma kienx meħtieġ li jiġu evalwati l-effetti tal-proġett fuq l-ambjent naturali minħabba li l-proġett ma kienx jolqot żona protetta u l-Kumitat Reġjonali dwar l-Stima ta’ l-Impatt fuq l-Ambjent, fil-laqgħa li nżammet fit-22 ta’ Ottubru 1999, wasal għal konklużjoni favorevoli. Madankollu, ir-rapport tal-Kumitat huwa qasir u konċiż bħad-Digriet(32) peress illi kull ma fih huwa referenza għall-opinjoni pożittiva maħruġa mill-inġinier ċivili fis-6 ta’ Lulju 2006, fil-punt 8634, u li bħad-deċiżjoni amministrattiva u l-konklużjoni tal-Kumitat, mhuwiex motivat. (33)

33.   Dak id-dokument, li l-Istat Membru konvenut issottometta mar-risposta tiegħu għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, mhuwiex rapport dwar l-impatt ambjentali tax-xogħlijiet pubbliċi in kwistjoni. Minn sempliċi qari tad-dokument huwa ċar li din hija awtorizzazzjoni ‘esklussivament għal skopijiet idrawliċi’,(34) sabiex tinqasam ix-xmara Tordino u sabiex isiru xogħlijiet fuq is-sodda tax-xmara għall-kostruzzjoni ta’ diversi vjadotti.

34.   Ir-rapport anness mar-risposta tad-difiża mhuwiex l-opinjoni ta’ l-inġinier ċivili msemmi fid-deċiżjoni tal-Kumitat Reġjonali; iżda huwa studju ta’ kompatibbiltà ambjentali li sar f’Diċembru 1997 u li kien ġie kkummissjonat minn kumpannija msejħa ERM Italia Srl.

35.   Konsegwentement, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li peress li naqset milli tivverifika jekk il-kostruzzjoni tat-triq f’Teramo kinitx teħtieġ li ssir stima ta’ l-impatt ambjentali, ir-Repubblika Taljana ikkommettiet il-ksur rilevat mill-Kummissjoni.

36.   Deċiżjoni amministrattiva, li tasal għall-konklużjoni li l-karatteristiċi partikolari ta’ proġett mhumiex tali li jagħmlu ħsara lill-ambjent, għandha tkun motivata.(35) Skond ir-regola ġenerali, li diġà spjegajt aktar 'il fuq, il-proġetti kollha għandhom jiġu sottomessi għal stima ta’ l-impatti tagħhom qabel ma jiġu awtorizzati, għaldaqstant, jekk proġett partikolari jiġi eskluż minn dak ir-rekwiżit għaliex ma jagħmilx ħsara, għandhom jingħataw ir-raġunijiet illi fuqhom tkun ġiet ibbażata din id-deċiżjoni. Il-protezzjoni ta’ l-ambjent bħalissa tokkupa pożizzjoni prominenti fost il-politiki tal-Komunità.(36) Apparti minn hekk, l-Istati Membri ukoll għandhom responsabbiltà kruċjali f’dan il-qasam.(37) Iċ-ċittadini tal-Komunità għandhom dritt li jeżiġu l-ħarsien ta' l-ambjent,(38) kif rikonoxxut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea,(39) li fl-Artikolu 37 tagħha tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni ta' l-ambjent u t-titjib tal-kwalità tiegħu. Għalhekk, l-elementi prinċipali ta’ kwalunkwe miżura li ma tkunx konformi mal-kriterji ġenerali intiżi sabiex jipproteġu l-ambjent għandhom jiġu spjegati, peress illi tali miżura hija l-espressjoni ta’ l-eżerċizzju razzjonali tal-poter, kif ukoll strument li, fejn ikun hemm bżonn, jippermetti li dik il-miżura tiġi riveduta sussegwentement.

37.   B’mod aktar partikolari, il-liġi Taljana li timplementa d-Direttiva, tirrikjedi li d-deċiżjoni tiġi ġġustifikata. Id-deċiżjoni li l-proġett jiġi eskluż mill-ħtieġa ta’ studju ta’ impatt ambjentali trid issir b’referenza għall-karatteristiċi tiegħu, u għall-post fejn ser isir skond il-kriterji u l-fatturi stipulati fl-Anness D tad-Digriet Presidenzjali tat-12 ta’ April 1996. Id-deċiżjoni għandha għalhekk tkun motivata b’raġunijiet marbuta speċifikament ma' dawk il-kriterji u l-fatturi.

38.   Naturalment, huwa possibbli li jingħataw raġunijiet b’referenza għal dokumenti oħrajn, u f’dawn il-każijiet l-entità li tieħu d-deċiżjoni tista’ ssegwi l-opinjoni ta’ l-aġenziji konsultattivi jew ta’ dawk li jagħtu pariri, dejjem jekk ikunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel nett, l-opinjoni esterna li tiġi segwita trid tkun motivata; it-tieni nett, trid tkun mogħtija minn organizzazzjonijiet jew persuni inkarigati mill-aġġornament, konsulenza u l-għoti ta' informazzjoni lill-awtorità responsabbli mid-deċiżjoni, u jridu jagħtu l-opinjoni tagħhom bħala parti mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni. Huwa biss b’dan il-mod li jista’ jiġi assigurat li deċiżjoni tkun ġiet meħuda b’mod oġġettiv u skond kunsiderazzjonijiet ta’ interess ġenerali. Għalhekk, rapport li ma jissodisfax dawk il-karatteristiċi, u li jkun inħareġ f’ċirkustanzi mhux magħrufa u mingħajr indikazzjoni ta’ min ħarġu mhuwiex biżżejjed.

39.   F'dan il-każ, l-obbligu ta’ deċiżjonijiet motivati ma ġiex sodisfatt. La d-Digriet Reġjonali Nru 25/99 u lanqas ir-rapport favorevoli mill-Kumitat Reġjonali għall-Stima ta’ l-Impatt fuq l-Ambjent ma jelenkaw kunsiderazzjonijiet speċifiċi għall-proġett. Id-digriet jirreferi għar-rapport, li min-naħa tiegħu, jirreferi għar-rapport ta’ l-inġinier ċivili, li, kif diġà rrimarkajt, kien dwar kwistjoni differenti, jiġifieri dwar l-awtorizzazzjoni li tinqasam ix-xmara Tordino u li jsiru xogħlijiet fuq is-sodda tax-xmara għall-kostruzzjoni ta’ diversi vjadotti.

40.   Dawk in-nuqqasijiet ma kinux ikkumpensati b’mod xieraq bl-‘istudju ta’ kompatibbiltà ambjentali’ li l-Istat Membru konvenut annetta mad-difiża tiegħu u li l-ewwel paġna tiegħu ġiet imqegħda fil-proċess fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja. Minn naħa waħda, dak l-istudju mhuwiex id-dokument imsemmi mill-Kumitat Reġjonali, u minn dan jirriżulta li ma kienx disponibbli għall-Kumitat u li l-Kumitat ma ħadux in kunsiderazzjoni meta wasal għall-konklużjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, id-dokument ma sarx f’isem l-awtoritajiet pubbliċi inkarigati bit-teħid tad-deċiżjoni, iżda f’isem entità privata (ERM Italia s.r.l), li m’għandhiex interess fil-proġett. Hemm differenza kbira bejn deċiżjoni motivata permezz ta' referenza u tentattivi sabiex jinstabu raġunijiet li fuqhom tista’ tiġi ġġustifikata deċiżjoni wara li din tkun ittieħdet.

41.   Għalhekk fir-realtà, l-awtoritajiet Taljani naqsu milli jagħmlu dawk il-verifiki meħtieġa peress illi konklużjoni li mhijiex motivata mhija konklużjoni xejn.

42.   Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ l-argumenti mressqa mill-partijiet, huwa xieraq li nagħmel żewġ punti qabel nagħlaq.

43.   L-ewwel punt huwa li, il-fatt li hemm proċeduri kontenzjużi pendenti quddiem il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardija, li fihom ġew ikkontestati ċerti atti marbuta mal-proġett “Lotto Zero”, fosthom id-Digriet Reġjonali Nru 25/99, ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha peress li l-funzjonijiet taż-żewġ qrati huma distinti minn xulxin. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi jekk l-awtoritajiet Taljani onorawx l-obbligi tagħhom skond id-Direttiva fir-rigward tal-proġett tal-“Lotto Zero”, u, f’każ li le, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel dikjarazzjoni f’dan is-sens. Hija l-qorti Taljana li tagħti sentenza dwar jekk l-att li tkun intalbet teżamina jkunx kompatibbli mal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-dispożizzjoni Komunitarja, u, fejn ikun xieraq, li tiddeċiedi li att bħal dan għandu jiġi annullat. Huwa possibbli li l-korp ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jkun f’kunflitt mad-dritt Komunitarju, iżda, f’dak il-każ, il-qorti nazzjonali hija intitolata tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja billi titlob li tingħata deċiżjoni preliminari dwar interpretazzjoni, sabiex, skond il-prinċipji ta’ effett dirett u s-supremazija tad-dritt Komunitarju(40), il-miżuri ta’ l-Istat Membru konvenut li jkunu f’kunflitt mad-Direttiva ma jibqgħux applikabbli.(41)

44.   It-tieni punt huwa li, għall-finijiet ta’ l-eżami tal-ksur, mhuwiex rilevanti li l-awtorità inkarigata li tiggarantixxi l-konformità mar-regoli tad-dritt Komunitarju hija awtorità deċentralizzata, jew anke lokali, li hija indipendenti mill-awtorità ċentrali ta’ l-Istat Membru konvenut.(42)

45.   Fil-qosor, minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li r-Repubblika Taljana kkommettiet il-ksur li takkużaha bih il-Kummissjoni. Għalhekk dan ir-rikors għandu jiġi milqugħ.

VI – Fuq l-ispejjeż

46.   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura,(43) l-Istat Membru konvenut għandu jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż.

VII – Konklużjoni

47.   Jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tilqa’ r-rikors għandha:

1)         tiddikjara li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, billi r-Reġjun ta’ Abbruzzo naqas milli jivverifika jekk il-kostruzzjoni ta’ triq madwar il-belt ta’ Teramo (il-proġett magħruf bħala Strada Statale n. 80 del “Gran Sasso d’Italia” – Variante, bejn Teramo u Giulianova, Lotto Zero dalla progr.va Km.ca 72+300 alla località Cartecchio), li taqa’ taħt l-Anness II tad-Direttiva, kinitx teħtieġ stima ta’ l-impatt ambjentali skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5 sa 10 tal-leġiżlazzjoni Komunitarja ċċitata aktar 'il fuq;

2)         tordna lir-Repubblika Taljana tħallas l-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – ĠU 1985 L 174, p. 40. Din id-direttiva ġiet emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU 1997 L 73, p. 5).


3 – L-isem uffiċjali tal-proġett huwa Strada Statale n. 80 del “Gran Sasso d’Italia” – Variante, tra Teramo e Giulianova, Lotto Zero dalla progr.va Km.ca 72+300 alla località Cartecchio (aktar 'il quddiem ‘Lotto zero’).


4 – Din il-preokkupazzjoni hija mtennija fl-ewwel u s-sitt premessi tad-Direttiva.


5 – Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva.


6 –      Il-paragrafu msemmi jippermetti li, f’każijiet eċċezzjonali, tista’ ma tiġix applikata d-Direttiva.


7 –      Din hija l-verżjoni applikabbli għal dawn il-proċeduri. Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 97/11, it-test ta’ l-Artikolu 4(2) ġie emendat biex sar jaqra kif ġej:


“Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta':


(a) eżami każ b'każ, jew


(b) l-għetiebi jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru


jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 sa 10..


L-Istati Membri jistgħu jiddeċi[e]du li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).”


8 – Il-punt 7 ta' l-Anness I jirreferi għall-“[k]ostruzzjoni ta’ toroq għat-traffiku motorizzat [awtostradi], toroq espress u linji għal traffiku ferrovjarju ta’ distanza twila u ta’ ajruporti ta’ tul bażiku ta’ runway ta’ 2100 m jew iktar.”


9 – Din il-liġi, ippubblikata fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana (aktar 'il quddiem “GURI”), suppliment ordinarju nru 52, ta' l-4 ta’ Marzu 1994, iġġib l-isem ta’ Disposizioni per l’adempimento di obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia alle Comunità europee – Legge communitaria 1993.


10Atto di indirizzo e coordinamento per l’attuazione dell’art. 40, comma 1, della legge 22 febbraio 1994, n. 146, concernente disposizioni in materia di valutazione di impatto ambientale (GURI, serje ġenerali, nru 210, tas-7 ta’ Settembru 1996, p. 28).


11Legge quadro sulle aree protette (GURI, serje ġenerali, nru 292, tat-13 ta’ Diċembru 1991).


12 – Dan l-Anness jirreferi għall-karatteristiċi tal-proġett (fost affarijiet oħra, id-daqs, l-użu ta’ riżorsi naturali, ir-riskju ta’ inċidenti, l-effetti fuq il-wirt naturali jew storiku), il-post fejn jinsab il-proġett (per eżempju, il-kwalità tar-riżorsi naturali u l-kapaċità tagħhom li jirriġeneraw ruħhom, u l-kapaċità ta' reżistenza ta' l-ambjent).


13 – Il-liġi Taljana tuża t-terminu “committente”, użata wkoll fid-Direttiva, u li -l-verżjoni Spanjola, li tuża l-espressjoni “maestro de obras”, hija definita fl-Artikolu 1(2) bħala l-persuna li “solicita una autorización relativa a un proyecto privado” (applikant għal awtorizzazzjoni għal proġett privat) jew “la autoridad pública que toma la iniciativa respecto de un proyecto” (l-awtorità pubblika li tibda proġett).


14Bolletino Ufficiale della Regione Abruzzo, nru 17, tal-21 ta’ Ottubru 1997.


15 – Id-dokument in kwistjoni huwa l-istudju li l-Istat Membru konvenut ippreżenta mar-risposta tad-difiża (rapport anness mad-Digriet Reġjonali Nru 25/99), li l-ewwel paġna tiegħu kienet ġiet prodotta sussegwentement, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja.


16 – Ir-Rappreżentanza Permanenti ta’ l-Italja fl-Unjoni Ewropea għamlet dan fit-23 ta’ Lulju 1998, fis-26 ta’ Mejju, fit-2 ta’ Ġunju u fis-6 ta’ Settembru (żewġ ittri) 1999, u fis-16 ta’ Ġunju 2000 (dokumenti 2 sa 7 annessi mar-rikors); il-Ministeru ta’ l-Ambjent għamel dan permezz ta' ittri tat-3 ta’ Diċembru 1998 u tad-29 ta’ Settembru 1999 (dokumenti 8 u 9); u l-Kummissarju Speċjali għar-Reġjun ta’ Abbruzzo għamel dan fl-ittri ta' l-20 ta’ Awwissu u tal-11 ta’ Ottubru 1999 (dokumenti 10 u 11).


17 – Dokument Nru 1 anness mar-risposta tad-difiża.


18 – Liġi tal-21 ta’ Ġunju 1996: Legge quadro sulle aree protette della Regione Abruzzo per l’Appennino parco d’Europa (Bolletino Ufficiale della Regione Abruzzo, Nru 12, 28 ta’ Ġunju 1996).


19 – Dokument Nru 7 anness mar-rikors.


20 – Nru 3/76 tat-22 ta’ Ottubru 1999


21 – Ittra ta’ l-24 ta’ Ottubru 2000, annessa mar-rikors bħala Dokument Nru 12


22 – Ittri tar-Rappreżentanza Permanenti ta’ l-Italja fl-Unjoni Ewropea, waħda tas-26 ta’ Diċembru 2000, li fiha ġie ppreżentat memorandum mill-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi (Dokument Nru 13 anness mar-rikors), u t-tieni, datata 5 ta’ Jannar 2001, li fiha ġie ppreżentat memorandum mill-President tal-Kunsill Taljan tal-Ministri u ittra mill-Gvern Reġjonali ta’ Abbruzzo (Dokument Nru 14).


23 – Dokument Nru 16 anness mar-rikors.


24 – Dokumenti Nri 2 u 3 annessi mar-risposta. Il-motivi għal din id-deċiżjoni kienu s-segwenti: ‘[…] għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ jekk ix-xogħlijiet ta’ utilità pubblika humiex kompatibbli mal-pajsaġġ u ma’ l-ambjent, ma' l-ewwel eżami tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet inkarigati mill-protezzjoni ambjentali, dawk id-deċiżjonijiet ma dehrux li ġew affettwati mill-allegata illegalità msemmija fir-rikors; […] fid-dawl tat-tip ta’ xogħlijiet li kellhom isiru fil-proġett, l-istima ta’ impatt ambjentali skond il-metodi stipulati fl-Artikolu 1(4) u (5) tad-Digriet Presidenzjali tat-12 ta’ April 1996; […] l-impatt fuq is-sit tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ toroq fuq l-ambjent huwa ġġustifikat fid-dawl ta' l-interess ġenerali akbar li jiġi limitat it-traffiku tal-vetturi fil-qalba tal-belt ta’ Teramo, filwaqt li jiġu ppreservati l-kundizzjonijiet ambjentali u l-kundizzjonijiet li jaffettwaw l-istat ta' saħħa tal-postijiet in kwistjoni.’


25 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et (C-435/97, Ġabra p. I-5613), paragrafu 45.


26 – L-Avukat Ġenerali Geelhoed għamel din id-distinzjoni fil-konklużjonijiet ippreżentati minnu fit-12 ta’ Lulju 2001 fil-kawża C-24/99 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, li ġie magħluqa mingħajr sentenza b’ordni tat-18 ta’ Frar 2002.


27 – Il-Qorti ssemmi din l-alternattiva, li ġejjin mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva fis-sentenza fil-kawża WWF et, iċċitata aktar 'il fuq, paragrafi 42 u 43.


28 – Ara s-sentenzi ta’ l-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C-72/95, Ġabra p. I-5403), punt 50; tat- 22 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-301/95, p. I-6135, punt 45); WWF et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 36; u tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-392/96, Ġabra p. I‑5901, punt 64).


29 – Fil-kawża Kraaijeveld et, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li meta l-Istati Membri jmorru lilhinn mil-limiti tad-diskrezzjoni tagħhom u d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti jkollhom jiġu mneħħija, huma l-awtoritajiet nazzjonali, skond il-poteri rispettivi tagħhom, li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li l-proġetti jkunu eżaminati billi jiġi analizzat l-impatt li jista' jkollhom fuq l-ambjent (punti 59 sa 61 u l-punt 3(ċ) tal-parti operattiva). Għall-istess raġunijiet, jekk din id-diskrezzjoni tiġi eżerċitata b’mod astratt u skond il-kategoriji tal-proġetti, huwa essenzjali li f’kull każ jiġi vverifikat jekk ix-xogħolijiet ippjanati jistax ikollhom effetti sinjifikanti fuq l-ambjent.


30 – Dawk imsemmija fl-Anness B tad-Digriet Presidenzjali, li jinsabu parzjalment f’żoni naturali protetti (Artikolu 1(4)).


31 – Proġetti elenkati fl-Anness B li jinsabu barra miż-żoni protetti (Artikolu 1(6)).


32 – Il-minuti tal-laqgħa jgħidu biss li l-Kumitat laħaq konklużjoni favorevoli, li hija skond l-opinjoni ta’ l-inġinier ċivili fl-aħħar sentenza tat-tieni paġna tad-Dokument Nru 7 anness mar-rikors.


33 – L-ilment tal-Gvern konvenut li l-kwistjoni ta’ l-għoti ta' raġunijiet hija ‘ġdida’ mhix iġġustifikata peress illi ġiet imqajma fil-paragrafi 11 u 12 ta’ l-opinjoni motivata tal-Kumissjoni. Huwa irrilevanti jekk il-kwistjoni tkunx tqajmet fil-parti operattiva, fil-motivi jew fid-deskrizzjoni tal-fatti.


34 – Din l-espressjoni tiġi ripetuta diversi drabi f'dan id-dokument.


35 – Il-fatt illi, f’dan il-każ hemm att speċifiku (Digriet Nru 25/99) irendu superfluwu l-eżami tal-punt li jirrigwarda s-silenzju amministrattiv li l-Gvern konvenut iressaq bħala difiża. Madankollu, fid-dawl ta' l-osservazzjonijiet li sejjer nagħmel f’dan il-punt tal-konklużjonijiet, jidher ċar li s-silenzju bħala risposta ma jistax jiġi ammess fis-sistema tad-Direttiva, bħala mezz sabiex jeskludi r-rekwiżit ta' studju ta' l-impatt ambjentali ta' proġett.


36 – L-importanza ta’ l-ambjent hija riflessa fit-Trattat KE, li, sa mill-Att Uniku Ewropew, fih titolu sħiħ dwar l-ambjent (Titolu XIX tat-Tielet Parti), intiż sabiex jippromwovi l-protezzjoni u t-titjib ambjentali, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-promozzjoni ta’ użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali (Artikolu 174(1)).


37 – Ara l-paragrafu 20a tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja; l-Artikolu 45(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola; l-Artikolu 14a tal-Karta Kostituzzjonali Finlandiża tas-17 ta’ Lulju 1919 (il-Kostituzzjoni Finlandiża); l-Artikolu 24(1) tal-Kostituzzjoni Griega u l-Artikolu 9(e) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża.


38 – L-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni Spanjola jagħti d-dritt ta’ tgawdija ta’ ambjent aċċettabbli. L-Artikolu 66 tal-Kostituzzjoni Portugiża fih dikjarazzjoni simili. Fl-Iżvezja, l-Artikolu 18(3) tat-Tieni Kapitolu tal-Liġi ta’ l-24 ta’ Novembru 1993 jistipula li kulħadd għandu d-dritt ta’ aċċess għan-natura.


39 – ĠU 2000, C 364, p. 1.


40 – Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1963, Van Gend & Loos (26/62, Ġabra p. 1), u tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, Ġabra p. 1141). Għall-effett dirett tad-direttivi, ara s-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, Ġabra p. 53).


41 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra p. 629).


42 – Ara l-punt 7 tad-digriet ta' l-1 ta' Ottubru 1997, Regione Toscana vs Il-Kummissjoni (C-180/97, Ġabra p. I-5245), iċċitat fil-punt 45 tar-rikors.


43 – Verżjoni kkonsolidata ppubblikata fil-ĠU 2003, C 193, p. 1.