SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)

9 ta' Settembru 2004 (*)

"Politika komuni dwar is-sajd – Regolament Nru. 1162/2001/KE – Irkuprar ta’ l-istokk tal-merluzz  – Kontroll ta' l-attivitajiet tad-dgħajjes tas-sajd – Għażla ta' bażi ġuridika – Prinċipju ta' non-diskriminazzjoni – Obbligu ta' motivazzjoni"

Fil-kawża C-304/01

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE,

ippreżentat fil-Qorti t-2 ta' Awwissu 2001,  

Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat  minn R. Silva de Lapuerta, imbagħad minn  N. Díaz Abad, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, 

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. van Rijn u minn S. Pardo Quintillán, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta' l-Awla,  C. Gulmann, J. P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues u N. Colneric, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur:  M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Ottubru 2003,

wara li semgħet  il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Novembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta' Spanja qiegħed jitlob l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1162/2001 ta' l-14 ta' Ġunju 2001 li jistabbilixxi l-miżuri għall-irkuprar ta' l-istokk tal-merluzz fis-sub-żoni III, IV, V, VI u VII ta' l-ICES u d-diviżjonijiet VIII a, b, d, e ta' l-ICES u l-kundizzjonijiet assoċjati għall-kontroll ta' l-attivitajiet tad-dgħajjes tas-sajd (ĠU L159, p. 4, aktar 'il quddiem ir-"regolament kkontestat".

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KEE) Nru 3760/92

2       L-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92, ta' l-20 ta' Diċembru 1992, li jistabbilixxi sistema komunitarja għas-sajd u għall-akkwakultura (ĠU L 389, p. 1), li kien fis-seħħ fid-data meta ġie ppreżentat dan ir-rikors kien jipprovdi li:

"Għal dak li jikkonċerna l-attivitajiet ta' esplojtazzjoni, l-għanijiet ġenerali tal-politika komuni tas-sajd huma li tipproteġi u tikkonserva r-riżorsi akwatiċi ħajjin, disponibbli u aċċessibbli, u li tipprovdi għal esplojtazzjoni razzjonali u responsabbli, fuq bażi sostenibbli f'kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali xierqa għas-settur, fid-dawl tal-konsegwenzi tagħha għall-ekosistema marittima u fid-dawl, b'mod partikolari, tal-ħtiġijiet ta' kemm il-produtturi u l-konsumaturi.

Għal dan il-għan, qiegħda tiġi mwaqqfa sistema komunitarja għal immaniġjar ta' l-attivitajiet ta' esplojtazzjoni, li għandha twassal għall-kisba ta' bilanċ sostenibbli bejn ir-riżorsi u l-esplojtazzjoni fiż-żoni differenti ta' sajd. " [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

3       Hekk kif jirriżulta mill-kliem stess użat fir-Regolament Nru 3760/92, il-metodi essenzjali ta' din is-sistema huma adottati mill-Kunsill ta' l-Unjoni, li jiddeċiedi, ħlief fil-każ ta' xi dispożizzjoni kuntrarja, skond il-proċedura prevista mill-Artikolu 43 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 37 KE). Madankollu, il-Kummissjoni tista' wkoll, f'ċerti każijiet, tadotta miżuri urġenti.

4       Għaldaqstant, mit-tmintax-il premessa ta' l-imsemmi Regolament jirriżulta "li għandha tiġi prevista l-adozzjoni ta' miżuri ta' urġenza f'każ ta' disturb gravi li jista' jipperikola l-għanijiet tal-konservazzjoni tar-riżorsi". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       F'dan ir-rigward, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 3760/92 jiddisponi li:

"1.      Fil-każ li ta' disturbi gravi u imprevisti li jistgħu jipperikolaw il-konservazzjoni tar-riżorsi, il-Kummissjoni, fuq it-talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, għandha tadotta l-miżuri neċessarji, li ma jistgħux idumu għal aktar minn sitt xhur. Il-miżuri għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew u huma applikabbli minnufih.

2.      Jekk Stat Membru jressaq talba lill-Kummissjoni, hija għandha tagħti deċijoni fuq dan is-suġġett f'terminu ta' għaxart ijiem tax-xogħol.

3.      L-Istati Membri jistgħu jressqu d-deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Kummissjoni skond il-paragrafu 1 quddiem il-Kunsill f'terminu ta' għaxart ijiem tax-xogħol li jibda' jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni.

4.       Il-Kunsill jista', b'maġġoranza kwalifikata, jieħu deċiżjoni differentif'terminu ta' xahar. "

 Ir-Regolament ikkontestat

6       Ir-Regolament kkontestat ġie adottat abbażi ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 3760/92. Din l-adozzjoni seħħet wara twissijiet li ngħataw, f'Novembru 2000, mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (minn issa l-quddiem "KIEB"), dwar ir-riskji ta' kollass ta' l-istokk tal-merluzz tat-tramuntana, kif ukoll wara laqgħa tal-Kunsill "Sajd" ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru, li matulha l-Kunsill u l-Kummissjoni qiesu li għandu jiġi stabbilit urġentement pjan għall-irkuprar ta' l-imsemmi stokk.

7       Mir-raba' premessa jirriżulta li r-Regolament ikkontestat għandu l-għan li " [...] immedjata[ment] [...] jitnaqqsu l-qabdiet ta’ merluzz żgħir billi tkun stabbilita żieda ġenerali fid-daqs tax-xbiek ta’ l-ixbieki tat-tkarkir użati biex jaqbdu l-merluzz […], [billi] ikunu stabbiliti żoni ġeografiċi fejn ikun hemm kwantità kbira ta’ merluzz żgħir u jkun speċifikat li s-sajd bl-ixbieki tat-tkarkir isir f’dawn il-żoni biss jekk ix-xbieki huma ta’ daqs għoli ta’ malji, [u bil]li jkunu stabbiliti kondizzjonijiet addizzjonali biex ikun żgurat li l-qabda tal-merluzz żgħir bit-tartarun bit-travu wieħed titnaqqas."

8       Fid-dawl ta' dan l-għan, l-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat jiddisponi li:

"1.      Minkejja l-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 850/98, qabdiet ta’ merluzz (Merluccius merluccius) li jinżammu abbord kull dgħajsa li qed iġġorr xi gear ittowjat b’daqs ta’ malji ta’ 55mm sa 99mm ma jistgħux ikunu aktar minn 20% tat-toqol tal-qabdiet kollha ta’ l-organiżmi tal-baħar li nżammu abbord.

2.      Il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jgħoddux għal xi dgħajsa ta’ tul inqas minn 12-il metru b’kollox li tidħol lura l-port fi żmien 24 siegħa mit-tluq l-iktar riċenti tagħha mill-port."

9       L-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament ikkontestat jistabbilixxu sensiela ta' regoli addizzjonali li jirrigwardaw l-istruttura tax-xbiek ta’ l-ixbieki tat-tkarkir u tax-xbieki użati fiż-żoni li jaqgħu taħt dan ir-Regolament u d-demarkazzjoni taż-żoni ġeografiċi li jibbenefikaw minn protezzjoni partikolari minħabba fl-abbundanza ta' merluzz żgħir, filwaqt li l-Artikoli 6 sa 13 ta' l-imsemmi Regolament jinkludu xi regoli intiżi sabiex jiggarantixxu, minn banda waħda, il-kisba ta' data affidabbli dwar il-qbid u l-iżbark tal-merluzz u, mill-banda l-oħra, ir-rispett tal-miżuri ta' konservazzjoni li ġew stabbiliti. Fost dawn l-aħħar regoli jinsabu, b'mod partikolari, dik li tirrigwarda l-preżenza ta' osservaturi fuq id-dgħajjes tas-sajd komunitarji li għandhom bandiera ta' Stat Membru u dik li tirrigwarda l-obbligu li tiżbarka l-merluzz maqbud f'portijiet innominati għal din ir-raġuni.

 Il-fatti li wasslu għar-rikors u l-motivi invokati in sostenn tiegħu

10     Billi uża l-fakultà li għandu skond l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 3760/92, ir-Renju ta' Spanja ressaq quddiem il-Kunsill, permezz ta' ittra datata 21 ta' Ġunju 2001, proposta għal emenda tar-Regolament ikkontestat. Din il-proposta, li hija bbażata fuq il-karattru allegatament diskriminatorju tad-deroga prevista fl-Artikolu 2(2) ta' l-imsemmi Regolament, kienet intiża għat-tneħħija pura u sempliċi ta' din id-dispożizzjoni sabiex toffri lid-dgħajjes tas-sajd kollha l-istess kundizzjonijiet ta' sajd, indipendentement mit-tul tagħhom u tat-tul taż-żmien li jdumu barra mill-port.

11     Il-proposta Spanjola ġiet eżaminata, l-ewwel nett, mill-grupp "Politika interna dwar is-sajd" tal-Kunsill, matul il-laqgħa tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2001, u mbagħad mill-Kumitat tar-rappreżentanti permanenti, matul il-laqgħa tiegħu tal-11 ta' Lulju segwenti, iżda hija ġiet finalment miċħuda mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2001, minħabba li l-ebda Stat Membru ieħor ma kien appoġġjaha.

12     Peress illi kkunsidra li t-tali ċaħda kienet ta' natura li tikkawża dannu lill-interessi tiegħu, ir-Renju ta' Spanja ppreżenta dan ir-rikors, li fih jissolleva tliet motivi li huma, rispettivament, il-bażi ġuridika żbaljata li ntużat u n-nuqqas ta' setgħa tal-Kummissjoni li tadotta r-Regolament ikkontestat, il-ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni, kif ukoll in-nuqqas ta' indikazzjoni ta' raġunijiet għal dan ir-Regolament.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel motiv

13     Permezz ta' l-ewwel motiv tiegħu, ir-Renju ta' Spanja jikkontesta, essenzjalment, is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta r-Regolament li qed jiġi kkontestat. Fil-fatt, skond il-Gvern Spanjol, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 3760/92 – li jikkostitwixxi l-unika bażi ġuridika tar-Regolament ikkontestat – jagħti lill-Kummissjoni setgħa normativa limitata, li din l-istituzzjoni ma tistax teżerċita ħlief fil-każijiet u taħt il-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri, essenzjalment, f'każ li jeżistu disturbi gravi u imprevisti li jistgħu jipperikolaw il-konservazzjoni tar-riżorsi, li l-miżuri adottati mill-Kummissjoni jkunu neċessarji u t-terminu ta' validità ta' dawn il-miżuri huwa limitat għal sitt xhur. F'dan il-każ speċifiku, tnejn minn dawn il-kundizzjonijiet mhumiex sodisfatti. Anki jekk il-Gvern Spanjol ma jikkontestax s-sitwazzjoni kritika ta' l-istokk tal-merluzz, huwa xorta jsostni li l-miżuri ta' urġenza previsti mir-Regolament ikkontesatat (aktar 'il quddiem il-"miżuri kontenzjużi") m'għandhomx in-natura neċessarja li jeżiġi l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 3760/92 u l-applikazzjoni tagħhom mhijiex limitata fiż-żmien.

14     Fl-ewwel lok, rigward natura neċessarja tal-miżuri adottati skond l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 3760/92, il-Gvern Spanjol jinnota li din il-kundizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens illi hija timplika l-adozzjoni ta' miżuri urġenti u eċċezzjonali sabiex tikkompensa għad-diffikultajiet tas-settur tas-sajd ikkonċernat. F'dan il-każ speċifiku, il-mizuri kontenzjużi ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet bl-ebda mod minħabba li r-Regolament ikkontestat ġie adottat sitt xhur wara li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu pproklamaw l-urġenza ta' l-implementazzjoni ta' pjan ta' rikostituzzjoni ta' l-istokk tal-merluzz. Minn dan isegwi li, matul dan il-perijodu ta' sitt xhur, il-Kunsill kellu ż-żmien kollu sabiex jadotta l-miżuri ta' konservazzjoni neċessarji skond ir-regoli ordinarji u, b'mod partikolari, billi jsegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3760/92, mingħajr ma jkun indispensabbli li wieħed jirrikorri għall-proċedura ta' deroga prevista fl-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament.

15     Barra minn dan, il-Gvern Spanjol jesprimi dubji dwar l-effettività nfisha tal-miżuri kontenzjużi. F'dan ir-rigward, huwa jsostni li l-projbizzjoni ta' aċċess għal ċertu żoni ta' sajd jew il-projbizzjoni ta' sajd ta' ċerta speċi partikolari ta' ħut kienu jkunu miżuri aktar adatti sabiex jiġi evitat dannu irreversibbli għall-istokk tal-merluzz, minn miżuri – li, barra minn dan, kienu jqumu ħafna għas-sajjieda u għall-Istati Membri – bħaż-żieda fid-daqs tax-xbiek ta’ l-ixbieki jew in-nomina espressa tal-portijiet għall-iżbark.                   

16     Fit-tieni lok, rigward il-kundizzjoni dwar il-limitazzjoni fi żmien ta' l-implementazzjoni tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni, il-Gvern Spanjol josserva li din ukoll hija nieqsa f'dan il-każ minħabba li r-Regolament ikkontestat ma fih l-ebda dispożizzjoni li tillimita l-perijodu ta' applikazzjoni tagħha fiż-żmien.

17     F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar, preliminarjament li, għalkemm mill-qari tar-Regolament Nru 3760/92 jirriżulta li l-Kunsill huwa, fil-prinċipju, l-istituzzjoni kompetenti sabiex tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tiġi stabbilita sistema komunitarja tas-sajd u ta' l-akkwakultura u, b'mod partikolari, skond l-Artikolu 4(1) ta' l-imsemmi Regolament, sabiex tadotta miżuri komunitarji li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-aċċess għaż-żoni u għar-riżorsi, kif ukoll il-kundizzjonijiet sabiex jiġi eżerċitati attivitajiet ta' esplojtazzjoni, il-Kummissjoni hija madankollu kompetenti, skond Artikolu 15(1) ta' l-istess Regolament, sabiex tadotta l-miżuri neċessarji "[f]il-'każ li ta' disturbi gravi u imprevisti li jistgħu jipperikolaw il-konservazzjoni tar-riżorsi". Din is-setgħa, li tista' tiġi eżerċitata fuq it-talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess, tirrifletti l-preokkupazzjonijiet espressi fit-tmintax-il premessa tar-Regolament imsemmi aktar 'il fuq, li tipprovdi li jeħtieġ li tiġi prevista l-adozzjoni ta' miżuri ta' urġenza "f'każ ta' disturb gravi li jista' jipperikola l-għanijiet tal-konservazzjoni tar-riżorsi".

18     F'din il-kawża, il-Gvern Spanjol mhuwiex qiegħed jikkontesta l-eżistenza nfisha ta' disturb bħal dan, peress illi s-sitwazzjoni kritika ta' l-istokk tat-tramuntana tal-merluzz ġiet ikkonfermata kemm fil-livell komunitarju, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, kif ukoll fil-livell internazzjonali, mill-KIEB. Il-kritika tiegħu tikkonċerna d-dewmien tal-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tal-miżuri kontenzjużi u n-natura mhux approprjata tagħhom, kif ukoll l-inċertezza legali marbuta man-nuqqas ta' indikazzjonijiet, fir-Regolament ikkontestat, dwar il-perijodu tal-validità ta' dawn il-miżuri.

19     F'RF'DF'dak li jikkonċerna l-ewwel parti ta' dan il-motiv, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-kliem stess tat-tieni premessa tiegħu, l-intenzjoni tar-Regolament Nru 3760/92 hija li jiggarantixxi l-esplojtazzjoni razzjonali u responsabbli tar-riżorsi akwatiċi ħajjin kif ukoll ta' l-akkwakultura, filwaqt li jirrikonoxxi, barra minn dan, l-interess tas-settur tas-sajd li jassigura l-iżvilupp tiegħu fit-tul kif ukoll il-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tiegħu u l-interess tal-konsumaturi. Fid-dawl ta' dawn l-għanijiet, m'hemmx raġuni għaliex l-Artikolu 15(1) ta' l-istess Regolament, li bih il-Kunsill iddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tieħu l-miżuri neċessarji f'każ ta' disturbi gravi u imprevisti li jistgħu jipperikolaw il-konservazzjoni tar-riżorsi, għandu jiġi interpretat b'mod restrittiv.

20     Anki jekk il-kundizzjonijiet li għalihom il-Kunsill issuġġetta l-eżerċizzju ta' din is-setgħa mill-Kummissjoni kif ukoll, barra minn dan, il-kliem stess tat-tmintax-il premessa tar-Regolament Nru 3760/92 jagħtu l-impressjoni li l-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri neċessarji mingħajr dewmien, madankollu, l-Artikolu 15 ta' dak ir-Regolament ma jissuġġettax l-eżerċizzju ta' din is-setgħa għal kundizzjoni speċifika ta' urġenza. Huwa lanqas ma jipprevedi li, f'każ bħal dak in eżami, fejn il-Kummissjoni rċevietx talba minn Stat Membru, terminu speċifiku li fih il-Kummissjoni jkollha tieħu azzjoni nkella titlef is-setgħa tagħha. Barra minn dan, minn dan ir-Regolament ma jirriżulta bl-ebda mod li s-setgħa lill-Kummissjoni fis-sens li din ta' l-aħħar ma tkunx tista' taġixxi aktar jekk il-Kunsill stess kien f'pożizzjoni li jieħu l-miżuri neċessarji.

21     F'dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li dewmet inutilment l-adozzjoni tal-miżuri kontenzjużi. Fil-fatt, huwa stabbilit li l-Kummissjoni, minn Jannar 2001 – jiġifieri, xi ġimgħat wara li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu pproklamaw il-bżonn urġenti li kien hemm li jiġi stabbilit pjan ta' rikostituzzjoni ta' l-istokk tal-merluzz – bdiet id-diskussjonijiet meħtieġa sabiex jinstab ftehim fuq in-natura tal-miżuri li għandhom jittieħdu u li dawn id-diskussjonijiet, li fihom, barra minn dan, il-Gvern Spanjol kien involut mill-qrib, tkomplew sakemm ġie adottat ir-regolament ikkontestat. Barra minn dan, huwa stabbilit li, fid-data li ġew adottati dawn il-miżuri, il-kundizzjonijiet ta' disturbi u imprevisti li jistgħu jipperikolaw il-konservazzjoni tar-riżorsi kienu għadhom sodisfatti, minħabba li l-istokk tat-tramuntana tal-merluzz kien dejjem f'livell kritiku.

22     Għal dawn il-motivi t-teżi tal-Gvern Spanjol li l-Kummissjoni, minħabba d-dewmien biex tadotta l-miżuri kkonċernati, kienet tilfet is-setgħa li ngħatatilha mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 3760/92, ma tistax tiġi milqugħa.

23     Barra minn dan, safejn, bl-ewwel parti ta' l-ewwel motiv, il-Gvern Spanjol għandu l-intenzjoni li jikkontesta n-neċessità li jittieħdu l-miżuri kontenzjużi, billi jikkontesta l-effettività tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali konsiderevoli f'sitwazzjonijiet bħal dawk tal-każ preżenti, li jmplikaw il-bżonn li tiġi evalwata kemm sitwazzjoni kumplessa kif ukoll in-natura jew l-iskop tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Għaldaqstant, fl-istħarriġ ta' l-eżerċizzju ta' setgħa bħal din, il-qorti għandha teżamina biss jekk hijiex ivvizjata minn żball manifest jew użu ħażin tal-poter jew jekk l-awtorita' in kwistjoni ma ssuperatx manifestament is-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, b'mod partikolari, il-kawżi tad-19 ta' Frar 1990, NIFPO u Northern Ireland Fishermen’s Federation, C-4/96, Ġabra, p. I-681, punti 41 et 42 ; tal-5 ta' Ottubru 1999, Spanja vs Il-Kunsill, C-179/95, Ġabra p. I-6475, punt 29, u tal-25 ta' Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kunsill, C-120/99, Ġabra, p. I-7997, punt 44).

24     F'dan il-każ, il-Gvern Spanjol ma stabbilixxiex li l-Kummissjoni għamlet żball bħal dan meta eżerċitat is-setgħa tagħha jew użat ħażin din is-setgħa, jew inkella li ssupperat manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. F'dan ir-rigward, billi ddeċidiet li tadotta miżuri intiżi mhux li jipprojbixxu s-sajd tal-merluzz jew li jipprojbixxu l-aċċess ta' dgħajjes tas-sajd għal ċerti żoni ġeografiċi speċifiċi, iżda billi li jillimitaw biss in-numru ta' qbid awtorizzat u jżidu d-daqs tax-xbiek ta’ l-ixbieki tat-tkarkir użati għal dan il-għan, il-Kummissjoni, għall-kuntrarju, qieset totalment kemm il-bżonn li jiġu protetti, b'mod adegwat, ir-riżorsi akwatiċi ħajjin u ta' l-akkwakultura, kif ukoll l-interess tas-settur tas-sajd li jassigura l-iżvilupp fit-tul tiegħu. Fil-fatt, projbizzjoni totali tal-qbid kienet tista' twassal għal konsegwenzi ferm aktar dannużi mhux biss għas-sajjieda tal-merluzz izda wkoll għas-sajjieda ta' speċi oħra ta' ħut, minħabba li, tradizzjonalment, is-sajd tal-merluzz, kif issostni l-Kummissjoni, mingħajr oġġezzjoni mill-Gvern Spanjol, jifforma parti minn sajd ta' ħut differenti.

25     Għaldaqstant, l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

26     Rigward it-tieni parti ta' l-ewwel motiv, li skondha l-Kummissjoni ssuperat il-limiti tas-setgħat tagħha u kisret il-prinċipju ta' ċertezza legali, in kwantu l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament ikkontestat ma tistabbilixxi t-terminu ta' validita' tal-miżuri kontenzjużi, hemm lok li jiġi kkonstatat li m'hemm xejn, fl-imsemmi regolament, li jsostni l-argument li dawn il-miżuri kellhom ikunu validi għal aktar minn sitt xhur.

27     Ir-Regolament kkontestat huwa fil-fatt ibbażat espressament fuq l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 3760/92, li kjarament jipprovdi li l-miżuri adottati mill-Kummissjoni "ma jistgħux idumu għal aktar minn sitt xhur". Fin-nuqqas ta' dispożizzjoni espressa li tipprovdi l-kuntrarju – u anki jekk il-Kummissjoni kellha tindika espressament t-terminu ta' validita' tar-Regolament kkontestat –, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-Konklużjonijiet tagħha, terminu bħal dan jikkorrispondi neċessarjament għal perijodu ta' sitt xhur, li għandu jibda' jiddekorri mad-dħul fis-seħħ tal-miżuri kontenzjużi, billi dan it-terminu huwa t-terminu massimu awtorizzat mill-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament Nru 3760/92, li tikkostitwixxi l-unika bażi tar-Regolament ikkontestat.

28     Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha s-setgħa li tadotta r-Regolament ikkontestat.

29     Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv

30     Permezz tat-tieni motiv, ir-Renju ta' Spanja qiegħed jikkontesta d-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament ikkontestat, bejn dgħajjes ta’ tul ta' anqas minn 12-il metru b’kollox – sakemm dawn jidħlu lura fil-port fi żmien 24 siegħa mit-tluq l-aktar riċenti tagħhom mill-port – u dgħajjes ta' tul akbar. Skond il-Gvern Spanjol, din id-distinzjoni hija ta' natura diskriminatorja minħabba li tikkawża aktar ħsara lill-flotta ta' dgħajjes tas-sajd Spanjola milli lill-flotot ta' Stati Membri oħra. Minħabba fid-distanza kbira bejn il-kosti Spanjola u żoni ta' sajd għall-merluzz li jaqgħu taħt ir-Regolament ikkontestat, is-sajjieda Spanjoli se jkunu fil-fatt jistgħu jużaw biss dgħajjes ta’ tul li hu akbar minn 12-il metru b’kollox, u jivvjaġġaw għal aktar minn 24 siegħa, filwaqt li s-sajjieda ta' Stati Membri oħra bil-kosti li huma aktar viċin mill-imsemmija żoni ta' sajd, jkunu jistgħu jeżerċitaw l-attività tagħhom, b'dgħajjes ta’ tul li hu anqas minn 12-il metru b’kollox u, għaldaqstant, jkunu jistgħu jgawdu mid-deroga prevista fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament ikkontestat.

31     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li l-prinċipju ta' trattament indaqs jew ta' non-diskriminazzjoni jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament ġustifikat.

32     F'dan il-każ, it-trattament ta' dgħajjes ta’ tul b'kollox li hu akbar minn 12-il metru b’kollox huwa differenti minn dak ta' dgħajjes ta' tul b'kollox li hu anqas, sakemm dawn ta' l-aħħar jidħlu lura l-port fi żmien 24 siegħa mit-tluq l-aktar riċenti tagħhom mill-port. Il-partijiet fil-kawża ma jaqblux kemm fir-rigward ta' jekk is-sitwazzjonijiet li għalihom japplika l-imsemmi trattament humiex paragunabbli, kif ukoll u, fuq kollox, fuq il-kwistjoni dwar jekk dan it-trattament differenti jistax jiġi ġġustifikat minn fatturi oġġettivi.

33     Għal dak li jirrigwarda l-punt dwar jekk is-sitwazzjonijiet kontemplati fir-Regolament ikkontestat humiex paragunabbli, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, dgħajjes żgħar jinsabu, oġġettivament, f'sitwazzjoni differenti minn dgħajjes oħra. Minn banda, fil-fatt, il-possibbiltajiet ta' sajd tagħhom huma, inevitabbilment, limitati għaż-żoni kostali minħabba li, b'differenza mid-dgħajjes ta' dimensjonijiet jew tunnellaġġ ikbar, dgħajjes ta' daqs żgħir normalment ma jistgħux jaċċedu ż-żoni ta' sajd li jinsabu fil-baħar miftuħ. Mill-banda l-oħra, l-attività ta' dawn l-aħħar dgħajjes hija kkaratterizzata minn natura 'opportunista' tagħha safejn dawn jaqbdu speċi ta' ħut li jkunu preżenti fiż-żoni li jkopru, u, bħala regola ġenerali, l-attività ta' sajd tagħhom mhijiex intiża għal speċi ta' ħut waħda.

34     Għaldaqstant, sa dan il-punt, is-sitwazzjoni ta' dgħajjes żgħar ma tistax tiġi pparagunata ma' dik ta' dgħajjes ikbar.

35     Rigward il-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament li r-Regolament ikkontestat jirriżerva għaż-żewġ kategoriji ta' dgħajjes, il-Kummissjoni ssostni li l-applikazzjoni tas-sistema prevista mir-Regolament ikkontestat fil-każ tad-dgħajjes iż-żgħar, kienet tisforza lill-impriżi kkonċernati jgħammru d-dgħajjes tagħhom bi xbieki tat-tkarkir li għandhom xbiek ta’ 100mm jew aktar, li kien ifisser mhux biss investimenti ekonomiċi kunsiderevoli għall-proprjetarji ta' dawn id-dgħajjes iż-żgħar, iżda li setgħat ukoll wasslet għal anqas qbid ta' speci ta' ħut ieħor u li għaldaqstant kienet tikkomprometti s-sopravvivenza nfisha ta' l-impriżi kkonċernati. F'dawn iċ-ċirkustanzi, li timponi sistema bħal din għal dgħajjes żgħar kien ikun sproporzjonata anki fid-dawl tan-natura temporanja tal-miżuri kkontestati, li għandhom terminu ta' applikazzjoni limitat għal sitt xhur.

36     Fid-dawl ta' dawn il-fatturi soċjo-ekonomiċi, id-deroga prevista fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament ikkontestat favur dgħajjes żgħar hija, skond il-Kummissjoni, oġġettivament ġustifikata, u dan aktar u aktar minħabba li l-livell totali ta' qbid tal-merluzz ta' din il-kategorija ta' dgħajjes ma tantx hu għoli. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li dan il-qbid jikkorrispondi, għal mhux aktar minn 4% tal-qbid totali ta' dik l-ispeċi.

37     Min-naħa tiegħu, il-Gvern Spanjol jikkontesta d-deroga prevista fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament ikkontestat minħabba nuqqas ta' bażi teknika, peress li x-xbiek ta' l-ixbieki m'għandhom ebda relazzjoni mat-tul tad-dgħajjes u peress li l-qbid tad-dgħajjes iż-żgħar jista', barra minn dan, jippreġudika l-konservazzjoni ta' l-istokk tal-merluzz aktar mill-qbid tad-dgħajjes ta’ tul li hu akbar minn 12-il metru b’kollox.

38     L-ewwel argument tal-Gvern Spanjol ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-argumenti li hija invokat sabiex tiġġustifika l-imsemmija deroga mhumiex ibbażati fuq xi relazzjoni bejn it-tul tad-dgħajjes u l-ixbiek tax-xbieki tagħhom, iżda huma rrelatati mal-konsegwenzi negattivi li l-applikazzjoni sħiħa tas-sistema prevista mir-regolament ikkontestat seta' jkollha fuq id-dgħajjes iż-żgħar, meta titqies in-natura speċifika tas-sajd li dawn jipprattikaw.

39     Rigward it-tieni argument invokat mill-Gvern Spanjol, dan ma ressaq l-ebda prova konvinċenti in sostenn ta' l-asserzjoni tiegħu li l-qbid tad-dgħajjes ta’ tul li hu anqas minn 12-il metru b’kollox huwa ta' detriment akbar għall-għan ta' konservazzjoni ta' l-istokk tal-merluzz mill-qbid tad-dgħajjes ta’ tul li hu akbar minn 12-il metru.

40     Fil-fatt, għalkemm, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kienet taqbel mal-perspettiva tal-Gvern Spanjol li hemm konċentrazzjoni akbar ta' merluzz żgħir fiż-żoni kostali, fejn ikun hemm id-dgħajjes iż-żgħar, milli f'żoni aktar 'il bogħod minn dawn il-kosti, hija tenniet ukoll l-argument sostnut fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-qbid tal-merluzz mid-dgħajjes koperti mid-deroga prevista fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament ikkontestat jirrappreżentaw biss parti żgħira ħafna, jiġifieri ta' mhux aktar minn 4% tal-qbid totali ta' din l-ispeċi.

41     Meta ġie mistoqsi espressament dwar dan is-suġġett waqt is-seduta, il-Gvern Spanjol, għalkemm ikkontesta l-perċentwali indikata mill-Kummissjoni, ma kienx f'pożizzjoni li jipproduċi data oħra dwar il-qbid tal-merluzz. F'dan ir-rigward, huwa ddikjara biss li, fi Spanja, ma kienx hemm dgħajjes, ta' tul li hu anqas minn 12 metru, li jistgħu jibbenefikaw mill-imsemmija deroga u li, għaldaqstant, l-istima tal-qbid ta' dan it-tip ta' dgħajsa kellha ssir mill-Istat tal-bandiera tagħhom

42     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-asserzjoni li l-qbid, minn dgħajjes ta' tul li hu anqas minn 12-il metru b’kollox, jipperikola l-konservazzjoni ta' l-istokk tal-merluzz aktar minn dak mid-dgħajjes ta’ tul superjuri għandha tiġi miċħuda.

43     Mill-premess jirriżulta li l-Gvern Spanjol la rnexxielu jikkonfuta l-argument tal-Kummissjoni li s-sitwazzjoni ta' dgħajjes żgħar mhijiex paragunabbli ma' dik ta' dgħajjes akbar u lanqas l-argumenti invokati mill-Kummissjoni biex turi li t-trattament differenti ta' dawn iż-żewġ kategoriji ta' dgħajjes kienet iġġustifikata minn fatturi oġġettivi. Għaldaqstant, il-Gvern Spanjol ma rnexxilux jistabbilixxi n-natura diskriminatorja tad-deroga prevista fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament ikkontestat.

44     Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata minn numru ta' elementi addizzjonali li jirriżultaw mill-faxxiklu li ġie sottomess għall-kunsiderazzjoni tal-Qorti.

45      Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, billi limitat l-iskop ta' applikazzjoni tad-deroga għad-dgħajjes żgħar li jidħlu lura l-port fi żmien 24 siegħa mit-tluq l-aktar riċenti tagħhom mill-port, il-Kummissjoni adottat miżura ta' natura li tiżgura li l-benefiċċju ta' din id-deroga jibqa' limitat biss għal dawk id-dgħajjes li għalihom effettivament japplikaw ir-raġunijiet li jiġġustifikaw tali regola, jiġifieri d-dgħajjes b'attivitajiet tas-sajd li huma inevitabbilment limitati għal żoni kostali u li jipprattikaw sajd ta' natura 'opportunista'.

46     It-tieni nett, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Gvern Spanjol li l-flotta Spanjola qed tiġi speċifikament ippenalizzata mir-Regolament ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li l-flottot ta' Stati Membri oħra jinsabu f'sitwazzjoni paragunabbli ma' dik tal-flotta Spanjola safejn id-distanza li għandhom jivvjaġġaw sabiex jaslu fiż-żoni kkonċernati mir-Regolament ikkontestat hija wkoll kbira wisq għad-dgħajjes żgħar li jtajru l-bandiera tagħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jibbenifikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament ikkontestat. Dawn jirrigwarda, b'mod partikolari, kif jirriżulta mill-faxxiklu sottomess lill-Qorti, il-flotta Belġjana u dik Olandiża.

47     Fl-aħħar nett għandu jiġi rrilevat li, f'kull każ, il-miżuri kontenzjużi ma jistgħux japplikaw għas-sajjieda Spanjoli li huma proprjetarji ta' dgħajjes ta' tul li hu anqas minn 12-il metru b’kollox minħabba li, kemm mit-titolu tar-Regolament ikkontestat kif ukoll mill-Artikolu 1 dwar l-iskop territorjali tiegħu, jirriżulta li dan ma japplikax għad-diviżjonijiet KIEB VIII c u IX a u b li, fil-prattika, jikkorrispondu għaż-żoni sitwati tul il-kosti Spanjoli u Portugiżi. Kif ġie osservat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 48 u 50 tal-Opinjoni tagħha, id-dgħajjes żgħar Spanjoli jistgħu għaldaqstant joperaw normalment fl-imsemmija żoni, fil-limiti tal-kwoti allokati lir-Renju ta' Spanja.

48     Fid-dawl tar-raġunijiet li jippreċedu, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv

49     Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-Renju ta' Spanja qiegħed jinvoka ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni previst mill-Artikolu 253 KE. F'dan ir-rigward, huwa jsostni li, fil-premessi tar-Regolament ikkontestat, mhemmx spjegazzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tagħmel distinzjoni bejn dgħajjes ta' tul li hu anqas minn 12-il metru b’kollox u dawk ta' tul li hu akbar minn 12-il metru b’kollox, għalkemm, fil-każ preżenti, mhemm l-ebda konnessjoni diretta bejn ix-xbiek ta' l-ixbiek jew ta' l-ixbieki tat-tkarkir u t-tul b'kollox tad-dgħajjes tas-sajd, u li d-deroga prevista mill-Artikolu 2(2) tar-Regolament ikkontestat mhijiex miżura li tiffavorixxi, b'mod speċifiku, il-konservazzjoni ta' l-istokk tal-merluzz.

50     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm huwa veru li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi, b'mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta' l-istituzzjoni li adottat din il-miżura b'tali mod li tippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura li ġiet adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi L-Italja vs Il-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 28 u tal-11 ta' Settembru 2003, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C-445/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 49), huwa wkoll minnu li mhuwiex neċessarju li din il-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta' fatt jew ta' dritt. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi eżaminata fid-dawl mhux biss tal-kliem użat fl-att ikkonċernat iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu, kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam in kwistjoni. Dan japplika aktar u aktar meta l-Istati Membri kienu strettament assoċjati fil-proċess ta' l-abbozzar ta' l-att in kwistjoni u għaldaqstant jafu r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat dan l-att (ara b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq L-Italja vs Il-Kunsill, punt 29 u L-Awstrija vs Il-Kunsill, punt 99 kif ukoll tas-6 ta' Novembru 2003, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-293/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 55 u 56)

51     Barra minn hekk, skond ġurisprudenza stabbilita, il-portata ta' l-obbligu ta' motivazzjoni tiddependi min-natura ta' l-att in kwistjoni u, fil-każ ta' atti ta' portata ġenerali, il-motivazzjoni tista' tkun limitata għal indikazzjoni, minn banda waħda, tas-sitwazzjoni komplessiva li wasslet għall-adozzjoni ta' l-att u, mill-banda l-oħra, ta' l-għanijiet ġenerali li l-att qiegħed jipproponi li jilħaq. F'dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, b'mod partikolari li jkun eċċessiv li wieħed jirrikjedi motivazzjoni speċifika għall-għażliet tekniċi differenti li jkunu saru, jekk l-għan essenzjali ta' l-att ikkontestat joħroġ mill-istess att innifsu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta' Novembru 2000, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u L-Kunsill, C-168/98, Ġabra p. I-9131, punt 62 u tad-9 ta' Settembru 2003, Kik, C-361/01 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 102).

52     Ma jistax jiġi kkontestat li dan huwa preċiżament il-każ f'din il-kawża. Minn banda waħda, fil-fatt, il-Kummissjoni, fir-raba' premessa tar-Regolament ikkontestat, indikat b'mod ċar l-għan tiegħu u l-miżuri intiżi sabiex jintlaħaq dan l-għan.

53     Mill-banda l-oħra, hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 21 ta' din is-sentenza, il-Gvern Spanjol kien involut mill-viċin fid-diskussjonijiet u fil-konsultazzjonijiet li saru qabel l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, b'mod li kien jaf perfettament kemm ir-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tiegħu kif ukoll il-miżuri kkonċepiti mill-Kummissjoni sabiex twaqqaf il-kollass ta' l-istokk tal-merluzz u, barra minn dan, din ta' l-aħħar qieset id-diffikultajiet speċifiċi li dawn il-miżuri setgħu jikkawżaw lil ċerti gruppi ta' sajjieda.

54     F'dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tindika fid-dettall, fil-premessi tar-Regolament ikkontestat, il-motivi li huma ta' natura li jiġġustifikaw id-deroga prevista mill-Artikolu 2(2) ta' l-istess Regolament favur dgħajjes ta' tul li hu anqas minn 12-il metru b’kollox.

55     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, it-tielet motiv għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

56     Minħabba li l-ebda wieħed mit-tliet motivi mressqa mir-Renju ta' Spanja sabiex isostni r-rikors tiegħu ma jista' jintlaqa', dan għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

57     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal- Proċedura tal-Qorti, il-parti li titlef il-kawża għandha tħallas l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta' Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża:l-Ispanjol.