Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża T-44/00,

Mannesmannröhren-Werke AG, stabbilita f’Mülheim an der Ruhr (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn  M. Klusmann, avocat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn  M. Erhart u A. Whelan, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/382/KE, tat-8 ta’ Diċembru 1999, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (każ IV/E-1/35.860-B – Tubi ta’ l-azzar mingħajr saldatura) (ĠU 2003, L 140, p. 1), jew, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn  N. J. Forwood, President, J. Pirrung u A. W. H. Meij, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tad-19, 20 u 21 ta’ Marzu 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

Il-fatti u l-proċedura (1)

1 Il-kawża preżenti tikkonċerna d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/382/KE, tat-8 ta’ Diċembru 1999, dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (każ IV/E-1/35.860-B – Tubi ta’ l-azzar mingħajr saldatura) (ĠU 2003, L 140, p. 1, aktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”).

[...]

Il-proċeduri quddiem il-Qort tal-Prim’Istanza

34 Permezz ta’ seba’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bejn it-28 ta’ Frar u t-3 t’April 2000, Mannesmann, Corus, Dalmine, NKK Corp., Nippon, Kawasaki Steel Corp. u Sumitomo ressqu rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata.

35 Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Ġunju 2002, ġie deċiż, wara li nstemgħu l-partijiet, li s-seba’ kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u dan skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura. Wara li ngħaqdu l-kawżi, ir-rikorrenti fis-seba’ kawżi setgħu jikkonsultaw il-fajls kollha relatati ma’ din il-proċedura preżenti fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Ittieħdu wkoll xi miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

36 Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Matul is-seduti tad-19, 20 u 21 ta’ Marzu 2003, instemgħu it-trattazzjonijiet u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

It-talbiet tal-partijiet

37 Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

– sussidjarjament, tnaqqas il-multa li ġiet imposta fuqha;

– tordna lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż.

38 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti sabiex jogħġobha:

– tiċħad ir-rikors

– tordna lir-rikorrenti sabiex tbati l-ispejjeż.

Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata

39 In sostenn tat-talba tagħha għal annullament tad-deċiżjoni, ir-rikorrenti tqajjem, l-ewwelnett, numru ta’ motivi intiżi sabiex iqiegħdu in kwistjoni ir-regolarità tal-proċedura amministrattiva. Hija tinvoka, sussegwentement, il-ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE inkwantu l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet biżżejjed fid-dritt l-eżistenza tal-ksur li ġie kkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, u fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, min-naħa l-oħra.

Fuq il-motivi bbażati fuq vizzji ta’ proċedura

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża inkwantu l-Kummissjoni kienet ċaħdet lir-rikorrenti l-aċċess għal ċerti dokumenti mill-fajl

– L-argumenti tal-partijiet

40 Ir-rikorrenti ssostni li hija ma kellhiex aċċess għall-fajl amministrattiv kollu. Il-Kummissjoni ma ħallithiex issir taf dwar id-dokumenti mibgħuta mill-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, billi qalet li dawn huma dokumenti interni, mingħajr spjegazzjoni ulterjuri jew analiżi tal-kontenut tagħhom. Mannesmann issostni għalhekk li hija ġiet miċħuda milli tara ċerti dokumenti li jistgħu jeżonerawha.

41 Minbarra dan, Mannesmann takkuża lill-Kummissjoni li ma osservatx il-proċedura deskritta fil-punt II A tal-Komunikazzjoni tal-Kummmisjoni Nru 97/C 23/03 dwar ir-regoli ta’ proċedura interna għall-ipproċessar ta’ talbiet għal aċċess għall-fajl fil-każijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat KE, l-Artikoli 65 u 66 tat-Trattat KEFA u tar-Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89 (KEE) (ĠU 1997, C 23, p. 3, aktar ’il quddiem il-"komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl"). Taħt din il-komunikazzjoni, il-l-uffiċjal tas-seduta huwa obbligat li jikkontrolla l-klassifikazzjoni tad-dokumenti fil-fajl u, jekk ikun il-każ, li jivverifika l-klassifikazzjoni tagħhom bħala dokumenti interni. Dan l-obbligu ta’ kontroll ta’ dokumenti huwa indipendenti minn kull inizjattiva min-naħa ta’ l-impriżi. Mannesmann issostni għalhekk li hija ma tinsabx fil-pożizzjoni li tiddetermina jekk il-KI u l-fajl amministrattiv fihomx jew le id-dokumenti kollha li jistgħu jeżonerawha.

42 Barra minn hekk, Mannesmann takkuża lill-Kummissjoni bil-fatt li din ma bagħtitilhiex lista tad-dokumenti kollha li jidhru fil-fajl, sabiex hija tkun tista’ titlob li ssir taf dwar ċerti dokumenti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-30/91, Ġabra p. II-1775, punti 89 u 93 sa 95, u ICI vs Il-Kummissjoni, T-36/91, Ġabra p. II-1847, punti 99 u 103 sa 105). Barra minn hekk il-Kummissjoni hija obbligata li tidentifika fuq din il-lista id-dokumenti ta’ natura interna (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Siment”, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T 39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T 50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T 87/95, T 88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punti 168 u 186). Għaldaqstant il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża. Tali ksur ma jistax jiġi “rregolarizzat” quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98).

43 Matul is-seduta, Mannesmann invokat, b’analoġija, ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p.43).

44 Il-Kummissjoni twieġeb li hija ġurisprudenza kostanti li hija mhix obbligata tagħti aċċess għad-dokumenti interni tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 54; ta’ l-1 t’April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, T-65/89, Ġabra p. II-389, u s-sentenza Siment, punt 42 iktar ’il fuq, punt 420). Dawk id-dokumenti ma jistgħux, minħabba n-natura tagħhom, jiġu invokati bħala provi ta’ ksur (ara l-punt I A 3 tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl). F’kull każ, Mannesmann ma wrietx li d-deċiżjoni kkontestata tistrieħ fuq xi dokumenti li għalihom hija ma kellhiex aċċess.

45 Il-Kummissjoni ssostni li m’hemm l-ebda dubju li d-dokumenti in kwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala interni. Skond id-dispożizzjonijiet tal-punt II A 2(ċ) tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl, il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u awtorità pubblika terza, bħal ma hija l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA, taqa’ taħt il-kunċett ta’ dokument intern.

46 Fir-rigward ta’ l-osservanza da parti ta’ l-uffiċjal tas-seduta ta’ l-obbligu tiegħu li jikkontrolla d-dokumenti li jinsabu fil-fajl, Mannesmann ma ressqet ebda prova in sostenn ta’ l-allegazzjonijiet tagħha. Il-Kummissjoni ssostni, minbarra dan, li Mannesmann ma għamlitx użu mill-fakultà prevista fil-punt II A 2 tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl, biex titlob lill-uffiċjal tas-seduta biex jiċċertifika n-natura interna tad-dokumenti in kwistjoni.

47 Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument li jgħid li hija għandha l-obbligu li tibgħat lill-impriżi lista tad-dokumenti interni li jkunu fil-fajl.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

48 Il-punt II A 2 tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl huwa miktub kif ġej :

“Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u ta’ effiċjenza amministrattiva, id-dokumenti interni ser jitqiegħdu minn issa 'l quddiem fil-ġabra tad-dokumenti interni relatati mal-każ taħt investigazzjoni (mhux aċċessibbli) li fiha hemm id-dokumenti interni kollha b’ordni kronoloġika. Din il-klassifikazzjoni ser issir taħt il-kontroll ta’ l-uffiċjal tas-seduta li jista’, jekk ikun hemm bżonn, jiċċertifika bħala ‘dokumenti interni’ id-dokumenti li huma miġburin fiha.

Per eżempju, is-segwenti huma dokumenti interni :

[...]

ċ) il-korrispondenza li tirrigwarda xi kawża ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra ( 19 ) ;

[...]"

49 In-nota f’qiegħ il-paġna numru 19 tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl tippreċiża:

"Jeħtieġ li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-dokumenti ta’ l-awtoritajiet pubbliċi; din ir-regola tapplika mhux biss għad-dokumenti ta’ l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni, imma wkoll għal dawk ta’ l-awtoritajiet pubbliċi l-oħra, ta’ xi Stat Membru jew ta’ pajjiż terz [...] Jeħtieġ madankollu li ssir distinzjoni bejn l-evalwazzjonijiet jew il-kummenti ta’ dawn l-awtoritajiet pubbliċi l-oħra li jgawdu protezzjoni assoluta u d-dokumenti konkreti li huma setgħu ipprovdew, fejn dawn ta’ l-aħħar ma jkunux dejjem koperti bl-eċċezzjoni [...]"

50 Jeħtieġ li jiġi rrilevat li jirriżulta mill-kliem tal-punt II A 2 tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl li l-kontroll eżerċitat mill-uffiċjal tas-seduta biex jivverifika l-karatteristika interna tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl mhuwiex xi proċess sistematiku tal-proċedura amministrattiva, kuntrarjament għal dak li tallega Mannesmann. Fil-fatt, peress li l-uffiċjal tas-seduta "jista'" jagħmel din il-verifika "jekk ikun hemm bżonn", skond it-termini ta’ l-imsemmi punt, għandu jiġi konkluż li, fil-każ fejn il-klassifikazzjoni ta’ ċerti dokumenti bħala "dokumenti interni" mhijiex jew, skond il-każ, ma tkunx għadha qed tiġi kkontestata, verifika min-naħa tiegħu ma tkunx meħtieġa. Tali interpretazzjoni kuntrarja timponi b’mod disproporzjonat il-volum ta’ xogħol tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u tmur kontra l-għan li għalih dan il-metodu ta’ klassifikazzjoni ġie adottat għal "raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u ta’ effiċjenza amministrattiva". Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, Mannesmann talbitx li l-uffiċjal tas-seduta jivverifika l-karatteristika interna tad-dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni mill-Awtorità tas-Sorveljanza ta’ l-EFTA u li huma kklassifikati bħala dokumenti interni.

51 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li Mannesmann għamlet talba għal aċċess għad-dokumenti in kwistjoni b’ittra tat-12 ta’ Marzu 1999, li hija annessa mar-rikors. Madankollu, din it-talba ġiet miċħuda mill-Kummissjoni b’ittra tat-22 ta’ Marzu 1999, li hija annessa wkoll mar-rikors, minħabba li dawn id-dokumenti kienu effettivament dokumenti interni skond il-punt II A 2 tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl (ara, b’mod partikolari, il-punt II A 2 ta’ l-imsemmija komunikazzjoni).

52 Il-Kummissjoni indikat fir-risposta tagħha, mingħajr ma ġiet ikkontestata f’dan ir-rigward minn Mannesmann, li l-istess Mannesmann ma komplietx tikkontesta r-rifjut għall-aċċess magħmua fl-ittra tat-22 ta’ Marzu 1999 billi talbet lill-uffiċjal tas-seduta li jivverifika l-eżattezza u l-fondatezza tar-risposta tal-Kummissjoni, Fil-fatt, Mannesmann, fir-replika tagħha, illimitat ruħha biex issostni li ma kienx obbligu tagħha li tressaq talba ġdida quddiem l-uffiċjal tas-seduta. Barra minn hekk jirriżulta mir-rapport ta’ l-uffiċjal tas-seduta ċċitat mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza li "ma tqajmet ebda kwistjoni dwar id-drittijiet tad-difiża fis-sens strett tagħha u, b’mod partikolari, ebda kwistjoni dwar l-aċċess għall-fajl".

53 Għandu jiġi kkunsidrat li peress li wara li Mannesmann irċeviet l-ittra tat-22 ta’ Marzu 1999 ma kinitx talbet li l-klassifikazzjoni tad-dokumenti li jidhru f’paġni 1 sa 350 tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni tad-dokumenti interni jiġu vverifikati, ma kienx meħtieġ li l-uffiċjal tas-seduta jipproċedi għal tali verifika fil-każ preżenti. Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni tiċħad bil-mitkub talba għal aċċess għal ċerti dokumenti tal-fajl minħabba li dawn ikunu dokumenti interni, għandu jiġi kkunsidrat li huwa l-awtur tat-talba għal aċċess li għandu jtenni dan billi iqiegħed fid-dubju l-karatterisika interna ta’ l-imsemmija dokumenti jekk huwa jixtieq li l-uffiċjal tas-seduta jintervjeni sabiex jeżamina din il-kwistjoni.

54 Fir-rigward ta’ l-ilment ta’ Mannesmann li l-Kummissjoni ma pprovditilhiex lista tad-dokumenti kollha li hemm fil-fajl, inklużi d-dokumenti interni, ma jirriżultax mill-ġurisprudenza invokata minn Mannesmann in sostenn ta’ l-argument tagħha li l-fatt li l-Kummissjoni ma tipprovdix lill-partijiet b’dik il-lista fl-istadju tal-proċedura amministrattiva jikkostitwixxi minnu nnifsu ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, fis-sentenzi Solvay vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq (punti 89 u 93 sa 95), u ICI vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq (punti 99 u 103 sa 105), il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat biss il-kwistjoni tal-bilanċ meħtieġ tad-dritt għal aċċess għad-dokumenti favur u kontra l-persuna mal-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju ta’ l-impriżi u mhux dak tal-protezzjoni tad-dokumenti interni. Minbarra dan, għalkemm mis-sentenza Siment, punt 42 iktar ’il fuq (punti 5, 168 u 186) jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni, f’kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, biex tipproduċi deskrizzjoni tad-dokumenti interni li l-kontenut tagħhom ma kienx ġie speċifikat, anke jekk b’mod sommarju, fil-lista mogħtija lill-partijiet fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, ma jistax jiġi dedott minn din iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni kienet wettqet ksur tad-drittijiet tad-difiża.

55 F’kull ipoteżi, għandu jiġi rrilevat li d-drittijiet tad-difiża mhmiex miksura minħabba l-fatt ta’ irregolarità proċedurali ħlief fil-każ fejn din l-irregolarità kellha impatt konkret fuq il-possibbiltà għall-impriżi in kwistjoni li jiddefendu lilhom infushom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Siment, punt 42 iktar ’il fuq, punti 852 sa 860).

56 Madankollu, fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni, f’kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, biex tipproduċi lista li tindika l-kontenut tal-paġni 1 sa 350 tal-fajl amministrattiv tagħha. Minn din il-lista jirriżulta li d-dokumenti kollha in kwistjoni jidhru bħallikieku kienu dokumenti interni u mhux bħala elementi ta’ evidenza favur jew kontra, fis-sens li ma setgħux jistabbilixxu li xi waħda jew oħra mill-impriżi in kwistjoni wettqet, jew ma wettqitx, xi ksur, b’mod li la n-nuqqas ta’ verifika mill-uffiċjal tas-seduta tal-karatteristika interna ta’ l-imsemmija dokumenti u lanqas in-nuqqas tal-Kummissjoni li tipproduċi lista li tkun fiha deskrizzjoni tagħhom ma setgħu jaffettwaw il-possibbiltà li Mannesmann tiddefendi lilha nfisha u, għaldaqstant, li jiġu miksura d-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, matul is-seduta Mannesmann ma sostnietx, wara li rċeviet kopja ta’ din il-lista, kuntrarjament għal dak li hija allegat qabel ma rċevietha, li ċerti dokumenti li huma elenkati fiha ma kinux, fil-verità, dokumenti interni.

57 Fid-dawl tal-punt preċedenti, jeħtieġ li jiġi miċħud ukoll l-argument imressaq minn Mannesmann matul is-seduta u li b’analoġija huwa bbażat fuq ir-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, anke kieku Mannesmann setgħet turi li hija kellha dritt għal aċċess għad-dokumenti in kwistjoni, il-fatt li hija jkollha dak l-aċċess għalihom ma kienx iqiegħda f’pożizzjoni li tiddefendi lilha nfisha aħjar fil-kuntest tal-proċedura segwita mill-Kummissjoni. Konsegwentement, dan l-argument ma jistax jiġġustifika, mill-ebda aspett, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

58 Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 94/90/KEFA, KE, Euratom, tat-8 ta’ Frar 1994, dwar l-aċċess mill-pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 46, p. 58), li hija sostitwita bir-Regolament imsemmi l-ewwel, jipprovdu li l-persuna li titlob l-aċċess għandha tieħu ċerti passi proċedurali speċifiċi, b’mod partikolari li tagħmel talba formali inizjali u talba konfermattiva f’każ ta’ rifjut, bil-għan li tinvoka d-dispożizzjonijiet tagħhom fuq il-mertu. Peress li Mannesmann, f’dan il-każ, ma segwietx dan il-pass proċedurali, hija ma tistax iddur miegħu billi titlob l-applikazzjoni b’analoġija ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet fuq il-mertu.

59 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq il-karatteristika allegatament insuffiċjenti tad-dewmien ta’ risposta lill-DO

– L-argumenti tal-partijiet

60 Mannesmann issostni li ma ngħatatx terminu ta’ żmien suffiċjenti sabiex tirrispondi lid-DO. Il-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-każ preżenti meta hija ffissat l-imsemmi terminu. Dan it-terminu beda jiddekorri fil-11 ta’ Frar 1999, data li fiha d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ngħataw l-aċċess għall-fajl, u skada fl-20 t’April segwenti. Minkejja l-kobor tal-fajl u għalkemm ċerti dokumenti kienu ġew miktuba f’lingwi mhux daqshekk komuni, il-Kummissjoni, fit-22 ta’ Marzu 1999, ċaħdet it-talba ta’ Mannesmann għal terminu addizzjonali, u dan mingħajr ma tat motivazzjoni partikolari. Barra minn hekk, minħabba l-eżistenza ta’ investigazzjoni relatata, Mannesmann issostni li hija kienet imġiegħla tiddefendi lilha nfisha f’żewġ każijiet meta hija kellha biss żmien estremament qasir biex tagħmel dan. Fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, hija kienet l-unika waħda li kellha tħabbat wiċċha ma’ din is-sitwazzjoni. Mannesmann issostni, b’ konsegwenza, li hija ssubixxiet trattament diskriminatorju.

61 Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-allegazzjonijiet. Id-destinatarji kollha tad-DO kellhom xahrejn min-notifika tagħhom, jiġifieri mit-3 ta’ Frar 1999, biex jippreparaw ir-risposta tagħhom. Barra minn hekk, fuq talba ta’ Mannesmann, il-Kummissjoni, b’ittra tat-22 ta’ Marzu 1999, iddifferixxiet id-data għall-preżentata ta’ l-osservazzjonijiet b’risposta għad-DO sa l-20 t’April 1999. Tali miżura ma tistax tiġi soġġetta għall-eżiġenzi ta’ motivazzjoni previsti fl-Artikolu 253 KE. Il-Kummissjoni ssostni li t-terminu ta’ madwar xahrejn u nofs li kellha Mannesmann biex tipprepara r-risposta tagħha kien suffiċjenti. F’dan ir-rigward, hija tirreferi, partikolarment, għas-sentenza Siment, punt 42 iktar ’il fuq (punti 654 u 655).

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

62 Jeħtieġ li jiġi mfakkar l-ewwelnett li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 99/63/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1963, dwar is-smigħ previst fl-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 (ĠU 127, p. 2268), applikabbli fid-data ta’ trażmissjoni tad-DO lir-rikorrenti, u l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/1998, tat-22 ta' Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f'ċerti proċedimenti taħt l-Artikolu [81] u [82] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 354, p. 18), applikabbli wara l-31 ta' Jannar 1999, li t-tnejn li huma huma intiżi biex jiggarantixxu terminu suffiċjenti għad-destinatarji tad-DO biex jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħhom, jipprovdu li l-Kummissjoni, meta tiffissa dan it-terminu, ta' mill-inqas ġimgħatejn, għandha tieħu in kunsiderazzjoni il-ħin li hemm bżonn għall-preparazzjoni tas-sottomissjoni u l-urġenza tal-każ. It-terminu li jiġi mogħti għandu jiġi evalwat konkretament skond id-diffikultà tal-każ in eżami (ara s-sentenza Siment, punt 42 iktar ’il fuq, punt 653 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63 Kif irrilevat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, mill-punt 207 tar-Rapport tagħha Nru XXIII fuq il-politika tal-kompetizzjoni ta' l-1993, jirriżulta li fil-każijiet ta' importanza medja, għandu jingħata terminu ta’ żmien ġenerali ta' xahrejn u, fil-każijiet ikkumplikati, terminu ta' żmien ta’ tliet xhur, fejn dawn it-termini jistgħu jiġu estiżi, skond il-każ, sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-perijodi tal-vaganzi. Min-naħa l-oħra, huwa ppreċiżat, fit-tmiem ta’ dan l-istess punt, li kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-prattika preċedenti, dawn it-termini relattivament twal m'għandhomx "in prinċipju", jiġu estiżi.

64 Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni, b'ittra tal-21 ta' Jannar 1999 li magħha ġiet annessa d-DO, tat lir-rikorrenti terminu ta' xahrejn li bdew mid-data tan-notifika tagħha skond ir-Regolament Nru 99/63. Peress li Mannesmann, b'ittra tagħha tat-12 ta' Marzu 1999, talbet terminu addizzjonali ta' xahrejn, il-Kummissjoni, b'ittra tagħha tat-22 ta' Marzu 1999, tagħtha terminu addizzjonali ta' 17-il jum sabiex tirrispondi għad-DO, minbarra t-terminu ta’ xahrejn mogħti lilha fl-ittra inizjali tagħha, li kienet takkumpanja d-DO, ta’ l-21 ta’ Jannar 1999.

65 F'dak li għandu x'jaqsam mad-data tad-dekorrenza li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni bil-għan li jiġi kkalkulat it-tul tal-perijodu li d-destinatarji tad-DO kellhom sabiex jifformulaw is-sottomissjonijiet tagħhom fuqha, għandu jiġi rrilevat li d-dokumenti kollha l-iktar importanti tal-fajl, jiġifieri total ta' 32 dokument, kienu ġew annessi mad-DO. F'dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-destinatarji tad-DO setgħu jibdew l-analiżi tagħhom dwar din b’mod effettiv sa min-notifika, li saret fit-3 ta' Frar 1999 għal dak li jirrigwarda Mannesmann, u dan kif irrilevat il-Kummissjoni, u mhux mid-data li fiha huma kellhom aċċess għall-fajl kollu, jiġifieri fil-11 ta' Frar 1999, kif tallega Mannesmann. Minn dan isegwi li l-fatt li l-Kummissjoni tat terminu addizzjonali sa l-20 t'April 1999 jirrappreżenta proroga ta' 17-il jum tat-terminu inizjalment mogħti.

66 Għalkemm f'din il-kawża hemm fajl voluminuż, li fih aktar minn 15000 paġna, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata wkoll li tgħid li fajl ta' dan id-daqs mhuwiex eċċezzjonali fil-kuntest ta' investigazzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni. Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kawża preżenti ma tistax tiġi mqabbla, f'termini ta' kumplessità fattwali, ma’ dik li tat lok għas-sentenza Siment, punt 42 iktar ’il fuq, li fiha id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ġiet indirizzata lil 76 impriża u assoċjazzjonijiet ta' impriżi (punti 3, 4 u 654 tas-sentenza) u li fil-kuntest tagħha ingħata terminu ta' erba' xhur b'kollox, u dan wara żewġ prorogi, lill-impriżi in kwistjoni sabiex jifformulaw is-sottomissjonijiet tagħhom fuq id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Fil-każ preżenti, Mannesmann ma ressqet ebda prova speċifika tali li turi li l-kawża preżenti kienet partikolarment importanti u/jew kumplessa.

67 Fir-rigward ta' l-argument ibbażat fuq il-fatt li Mannesmann kellha tirrispondi għal dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet f'żewġ kawżi paralleli (każijiet IV/E-1/35.860-B u IV/E-1/35.860-A), il-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, osservat li ż-żewġ kawżi in kwistjoni kienu "konnessi ma' xulxin mill-qrib u kienu jikkoinċidu fuq diversi punti, kemm fir-rigward ta' l-ilmenti kif ukoll fir-rigward tad-dokumenti in kwistjoni". Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostniet li ż-żewġ dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet kienu ġew indirizzati kemm lill-Corus kif ukoll lill-produtturi Ġappuniżi. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li Mannesmann ma kkontestatx dawn l-ossservazzjonijiet fuq il-pjan fattwali, u llimitat ruħha li tistaqsi, fir-replika tagħha, dwar ir-raġuni għaliex il-Kummissjoni ma indirizzatx dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet waħda lill-impriżi in kwistjoni jekk il-konnessjonijiet bejn iż-żewġ kawżi kienu daqshekk stretti, osservazzjoni li hija irrilevanti fil-kuntest preżenti. B’hekk għandu jiġi kkonstatat li l-kawżi li huma s-soġġett taż-żewġ dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet kellhom numru sinifikanti ta' xebħ, b'mod li l-fatt li Mannesmann kellha tippreżenta sottomissjonijiet fiż-żewġ kawżi fl-istess ħin ma ħoloqx piż addizzjonali ta' xogħol sostanzjali għaliha.

68 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-terminu globali ta' xahrejn u nofs, li ġie mogħti lil Mannesmann, kien suffiċjenti biex hija jkollha l-opportunità tifformula s-sottomissjonijiet tagħha u, għaldaqstant, li tiddefendi ruħha b’mod effettiv (ara, per eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 94 sa 99).

69 Fir-rigward ta' l-argument ta' Mannesmann li hija sfat vittma ta' ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament tagħha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, inkwantu t-termini mogħtija huma suffiċjenti biex jippermettu lill-partijiet biex jiddefendu ruħhom, dawn it-termini jistgħu jiġu ffissati b’mod standard u ma jeħtiġux li jkunu proporzjonali max-xogħol preparatorju li jkun meħtieġ f'kull każ individwali.

70 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, b'analoġija, li l-ħames subparagrafu ta' l-Artikolu 230 KE jipprovdi li proċeduri għal annullament għandhom jinbdew fi żmien xahrejn li, skond il-ġurisprudenza kostanti, ma jistgħux jiġi estiżi ikunu x'ikunu ċ-ċirkustanzi, u l-inosservanza tat-terminu ġġib magħha awtomatikament l-inammissibbiltà tal-proċeduri ħlief f’każ limitat ta' force majeure (ara, f'dan is-sens id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Marzu 2002, Laboratoire Monique Rémy vs Il-Kummissjoni, T-218/01, Ġabra p. II-2139, ikkonfermata fl-appell b'digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Jannar 2003, Laboratoire Monique Rémy vs Il-Kummissjoni, C-176/02 P, għadha mhux ippubblikata). F'dawn il-kundizzjonijiet, l-iffissar tat-termini b’mod standard ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi, fid-dritt Komunitarju minnu nnifsu ksur tal-prinċipju ta' l-ugwaljanza fit-trattament (ara wkoll, f'dan ir-rigward, is-sentenza Siment, punt 42 iktar ’il fuq, punt 654).

71 Għaldaqstant, il-fatt li d-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet in kwistjoni ngħataw l-istess terminu ta’ żmien sabiex jirrispondu għal dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet waħda bħal dik mogħtija lil Mannesmann sabiex tirrispondi għal żewġ dikjarazzjonijiet ma jistax jiġi kkunsidrat bħala illegali, peress li t-terminu ta’ żmien mogħti lil Mannesmann kien ġie kkunsidrat bħala suffiċjenti.

72 Fl-aħħarnett, dwar l-allegat nuqqas ta' motivazzjoni tar-rifjut li Mannesmann tingħata xahrejn addizzjonali sabiex tippreżenta s-sottomissjonijiet tagħha, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-ħtieġa li jkun hemm motivazzjoni għandha tiġi evalwata skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, partikolarment tal-kontenut ta' l-att, in-natura tal-motivi invokati u ta’ l-interess li d-destinatarji jew il-persuni l-oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati bl-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. F'dan ir-rigward, mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta' fatt u tad-dritt rilevanti, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ l-att li jissodisfa l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi analizzata fir-rigward mhux biss tal-kliem tagħha, imma wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-materja in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, C-76/00 P, Ġabra p. I-79, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-Rapport Nru XXIII fuq il-politika tal-kompetizzjoni jipprovdi, fil-punt 207, li bħala prinċipju, għandu jingħata terminu ta' xahrejn għar-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet fil-kawżi ta' importanza medja (ara l-punt 63 hawn fuq). Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi dedott li, fl-għoti ta' terminu ta' xahrejn f'dan il-każ, il-Kummissjoni neċessarjament ikkunsidrat li l-importanza tal-kawża preżenti kienet "medja" u li t-terminu mogħti kien għalhekk suffiċjenti, bħala prinċipju, sabiex jippermetti lid-destinatarji tad-DO li jippreżentaw sottomissjonijiet. Huwa fid-dawl ta' din il-konstatazzjoni li għandha tiġi eżaminata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad it-talba li jinagħta terminu ta’ żmien addizzjonali.

74 Fil-każ preżenti, għandu jiġi kkunsidrat li r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti terminu addizzjonali ta' xahrejn kif mitluba ma kellux ikun is-suġġett ta' motivazzjoni partikolari. Peress li l-Kummissjoni kienet ħadet pożizzjoni dwar l-importanza tal-kawża, skond il-punt 207 tar-Rapport Nru XXIII fuq il-politika tal-kompetizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, bl-għoti ta' 17-il jum addizzjonali lil Mannesmann, filwaqt li indikat li ma kienx "possibbli" li tagħti t-terminu ta' xahrejn li hija talbet, l-istituzzjoni impliċitament ikkonfermat l-analiżi oriġinali tagħha. It-terminu ta’ żmien addizzjonali mogħti fid-dawl tal-politika restrittiva tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prorogi tat-termini għar-risposta għad-dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet, imsemmija fl-imsemmi punt 207, għandu jiġi kkunsidrat bħala konċessjoni li ngħatat mill-Kummissjoni lil Mannesmann. Minn dan isegwi li din l-impriża ma tistax tibbaża l-argument tagħha għal annullament fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni speċifika tad-deċiżjoni li biha ġiet miċħuda l-għoti tat-terminu mitlub.

75 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-ilmenti kollha imqajmin minn Mannesmann kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tagħtiha t-terminu addizzjonali li hija kienet talbet għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-użu tad-dokument kodiċi ta’ tqassim bħala prova kontra tagħha.

– L-argumenti tal-partijiet

76 Mannesmann tikkontesta l-ammissibbiltà inkwantu prova tad-dokument kodiċi ta’ tqassim. Hija tippreċiża li l-Kummissjoni bbażat ruħha prinċipalment fuq dan id-dokument sabiex tikkonstata l-eżistenza tal-ksur ikkunsidrat fl-1 u t-2 Artikolu tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li l-Kummissjoni ma żvelatx l-identità ta' l-awtur ta' dan id-dokument, l-awtentiċità u l-valur probatorju ta' l-istess huma suġġetti għal ċerta kawzjoni.

77 Il-Kummissjoni kellha, ta' l-anqas, tippreċiża ċ-ċirkustanzi li fihom hija kienet kisbet dan id-dokument, li kien ġie invokat bħala prova diretta ta’ att illegali. Skond il-prinċipji inerenti għar- rule of law , huwa biss fil-preżenza ta’ din il-preċiżjoni li l-persuna li kontra tagħha tali prova hija invokata li hija fil-pożizzjoni li tassigura d-difiża tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Frar 1979, Hoffman-La Roche, 85/76, Ġabra p. 461).

78 Ebda waħda mill-impriżi kkonċernati ma kienu rrikonoxxew l-awtentiċità ta' din il-prova, kuntrarjamnet għal dak li kien ġie kkonstatat fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni (145/83, Ġabra p. 3539), li fil-kuntest tagħha l-kredibbiltà ta' l-informatur tal-Kummissjoni ma kinitx fid-dubju. Peress li l-Kummissjoni ma wrietx l-awtentiċità tad-dokument kodiċi ta’ tqassim, hija ma tistax tużah kontra Mannesmann, Din il-ksur tad-drittijiet tad-difiża jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

79 Għalkemm l-użu ta' dan id-dokument huwa legali, Mannesmann tikkontesta l-valur probatorju tiegħu. Primarjament, id-dokument kodiċi ta’ tqassim huwa kkontraddett minn elementi oħra miġbura matul l-investigazzjoni. Għaldaqstant, fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet kkunsidrat li d-dokument kodiċi ta’ tqassim kien jikkontradixxi espressament id-dikjarazzjonijiet ta' Vallourec, meta l-istess dikjarazzjonijiet kienu kkontribwew sew sabiex jiġu stabbiliti l-fatti. Fit-tieni lok, id-dokument kodiċi ta’ tqassim huwa kkontraddett bil-fatt li l-impriżi Siderca u Tubos de Acero de México SA x'aktarx ikkonsenjaw xi tubi fl-Ewropa. Għalhekk mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit kif dan id-dokument jista' jikkostitwixxi prova tal-ksur akkużat.

80 Il-Kummissjoni tfakkar li skond l-Artikolu 287 KE, hija għaliha l-obbligu li tirrispetta s-sigriet professjonali, u li hija għandha wkoll, bir-riskju li tillimita l-azzjoni tagħha, tiggarantixxi l-anonimat ta' l-informaturi tagħha. L-interess ta' l-impriżi li jsiru jafu l-oriġni ta' ċerti dokumenti għandu jiġi kkonċiljat ma' l-interess pubbliku marbut mat-tfittxija ta’ l-akkordji illegali u l-protezzjoni dovuta lill-informaturi (ara s-sentenza Adams vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 34). Fil-każ preżenti, id-drittijiet tad-difiża kienu ġew irrispettati. Mannesmann ma wrietx b'liema mod l-anonimità ta' l-imsemmi dokument kienet tippreġudika d-drittijiet tad-difiża.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

81 Għandu jiġi rrilevat l-ewwelnett li l-Kummissjoni, fil-premessi tad-deċiżjoni kkontestata dedikati għall-eżistenza tal-ksur li ġie kkonstatat fl-ewwel Artikolu tagħha, tibbaża ħafna fuq id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 (ara, b'mod partikolari, il-premessi 56 sa 58, 60 sa 62 u 131), kif ikkompletata bid-dikjarazzjoni tiegħu ta' l-14 t'Ottubru 1996, u mid-dokument intitolat "Investigazzjoni għand Vallourec" (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, id-"dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca"). Għalkemm il-Kummissjoni ibbażat ukoll f'dan il-kuntest, b'mod partikolari fil-premessi 85 u 86 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq id-dokument kodiċi ta’ tqassim, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan ta' l-aħħar huwa ta' anqas importanza mid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fil-kuntest ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata.

82 B'konsegwenza ta' dan, jeħtieġ li mill-ewwel jiġi miċħud l-argument ta' Mannesmann fejn jgħid li l-Kummissjoni bbażat prinċipalment fuq dan id-dokument sabiex tikkonstata l-eżistenza tal-ksur ikkunsidrat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward ta' l-eżistenza tal-ksur li ġie kkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca u d-dokument kodiċi ta’ tqassim huma rilevanti biss b'mod indirett ħafna.

83 Fil-premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li d-dokument kodiċi ta’ tqassim intbagħtilha fit-12 ta' Novembru 1997 minn terza persuna fil-proċedura. Hija tinvokah, b’mod partikolari, sabiex issaħħaħ id-deskrizzjoni tagħha dwar l-iżvilupp tar-relazzjonijiet fi ħdan il-klabb Ewropa-Ġappun sa mit-tmiem tas-sena 1993. Skond l-informatur, il-font ta’ l-imsemmi dokument huwa aġent kummerċjali ta' wieħed mill-parteċipanti fil-klabb. Skond il-Kummissjoni, dan id-dokument jafferma li l-kuntatti marbuta mal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel kienu saru parzjalment b' suċċess u hija tirrileva li t-tabella li tidher fid-dokument tindika t-tqassim tas-swieq imsemmija bejn il-produtturi Ewropej, Ġappuniżi u ta' l-Amerika t'Isfel. B'mod partikolari, dan id-dokument juri sehem mis-suq ta' 100% għall-produtturi Ewropej fl-Ewropa u sehem mis-suq ta' 100% għall-produtturi Ġappuniżi fil-Ġappun. F'dak li għandhom x'jaqmsu s-swieq l-oħra, il-produtturi Ewropej kellhom, b’mod partikolari, sehem ta' 0% fil-Lvant Imbiegħed, 20% fil-Lvant Nofsani u 0% fl-Amerika t'Isfel.

84 Fir-rigward ta' l-ammissibbiltà tad-dokument kodiċi ta’ tqassim bħala prova tal-ksur ikkontemplat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ li jiġi rrilevat mill-ewwel li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt Komunitarju huwa dak ta’ l-amministrazzjoni libera tal-provi u li l-unika kriterju rilevanti biex jiġu evalwati l-provi mressqa jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (ara l-konklużjonijiet ta' l-Imħallef Vesterdorf li serva bħala Avukat Ġenerali fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T-1/89, Ġabra p. II-867, II-869, II-954; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Marzu 2000, Met-Trans u Sagpol, C-310/98 u C-406/98, Ġabra p. I-1797, punt 29, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Novembru 2002, Vela u Tecnagrind vs Il-Kummissjoni, T-141/99, T-142/99, T-150/99 u T-151/99, Ġabra p. II-4547, punt 223). Iktar minn hekk, jista' jkun neċessarju għall-Kummissjoni li tipproteġi l-anonimat ta' l-informaturi (ara f'dan is-sens, is-sentenza Adams vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 34) u din iċ-ċirkustanza ma tistax tkun biżżejjed sabiex tobbliga lill-Kummissjoni ma tikkunsidrax prova li tkun fil-pussess tagħha.

85 B'konsegwenza ta' dan, jekk l-argumenti ta' Mannesmann jistgħu jkunu rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kredibbiltà u, għaldaqstant, il-forza probatorja tad-dokument kodiċi ta’ tqassim, m'hemmx lok li jiġi kkunsidrat li din hija prova inammissibbli li m’għandhiex tinżamm fil-fajl.

86 Barra minn hekk, inkwantu Mannesmann tibbaża fir-rigward ta’ l-argumenti tagħha dwar l-ammissibbiltà ta’ l-imsemmi dokument, ilment dwar il-kreddibbiltà ta’ dan id-dokument, għandu jiġi kkonstatat li din il-kredibbiltà hija neċessarjament imnaqqsa minħabba l-fatt li l-kuntest madwar il-kitba tiegħu huwa l-biċċa l-kbira mhux magħruf u li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward ma jistgħux jiġu kkonfermati (ara l-punt 83 hawn fuq).

87 Madankollu, in kwantu d-dokument kodiċi ta’ tqassim fih xi informazzjoni speċifika li tikkorrispondi ma’ dawk li jinsabu f'dokumenti oħra, partikolarment fid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li dawn l-elementi jistgħu isaħħu lil xulxin.

88 F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, b'mod partikolari, li d-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 tirreferi għal kodiċi ta’ tqassim applikabbli għat-"sejħiet għal offerti internazzjonali" u hija intiża għall-kuntratti konklużi bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej, b'mod li l-eżistenza tat-tqassim bħal f’dan il-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun hija stabbilita b'mod suffiċjenti. Aktar minn hekk, min-nota interna ta' Vallourec tas-27 ta' Jannar 1994, li hija riprodotta f'paġna 4822 tal-fajl tal-Kummissjoni, intitolata "Minuti ta' l-intervista ma' JF fi Brussell fil-25/1", jirriżulta li Vallourec kellha, sabiex tibqa' "fil-kuntest tas-sistema [...] tibqa' barra mis-suq tal-[Lvant Imbiegħed], l-Amerika t'Isfel, u tillimita ruħha għall-Lvant Nofsani sal-punt li taqsam 20% tas-suq bejn 3". Meta l-Kummissjoni talbet lis-Sur Verluca jikkummenta fuq dawn iż-żewġ dokumenti, dan indika li dawn kienu relatati ma’ tentattiv li sar fl-1993 biex jiġi mmodifikat il-kodiċi ta’ tqassim applikabbli sabiex jieħdu kunsiderazzjoni tal-bejgħ tal-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel kif ukoll tal-"pożizzjonijiet akkwiżiti" fuq is-swieq differenti.

89 Mannesmann tirrileva li d-dokument kodiċi ta’ tqassim jikkuntradixxi l-affermazzjoni tas-Sur Verluca, li hija riprodotta fid-dokument Investigazzjoni għand Vallourec (fil-punt 1.3), fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel irrispondewx favorevolment għall-avviċinamenti tal-produtturi Ewropej fi tmiem is-sena 1993, fatt dan li jqiegħed in kwistjoni l-kredibbiltà ta' dawn iż-żewġ elementi ta' prova. Fil-fatt, fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, abbażi tad-dokument kodiċi ta’ tqassim, affermat li "l-kuntatti magħmulin mal-produtturi sud-Amerikani kienu parzjalment saru b'suċċess" u hija stess tirrikonoxxi li din l-affermazzjoni hija in kuntradizzjoni ma' l-affermazzjoni tas-Sur Verluca, riprodotta fid-dokument Investigazzjoni għand Vallourec, li tgħid li "l-klabb Ewropa-Ġappun ma inkludiex lill-produtturi ta’ l-Amerka t’Isfel [...] saru xi kuntatti esplorattivi fi tmiem l-1993 ma' dawk il-produtturi bil-għan li jkun hemm ekwilibriju li jirrifletti l-pożizzjonijiet akkwiżiti (20% fil-Lvant Nofsani għall-Ewropej). Malajr deher ċar li dawn it-tentattivi ma setgħux jaħdmu."

90 Jeħtieġ li jiġi rrilevat madankollu li, skond id-dokument kodiċi ta’ tqassim, il-produtturi ta’ l-Amerka t’Isfel aċċettaw il-kodiċi ta’ tqassim propost “ħlief għas-suq Ewropew”, li fuqu il-kawżi għandhom jiġu eżaminati “każ b’każ” fi spirtu ta’ kooperazzjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet għalhekk, fil-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-produtturi ta’ l-Amerika t'Isfel ma kinux aċċettaw li s-suq Ewropew ikun irriżervat għall-produtturi Ewropej.

91 Mid-diversi noti ta’ Vallourec, li ġew invokati fid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mid-dokument intitolat "Nota għall-Presidenti" (" Paper for Presidents ") riprodott f'paġna 4902 tal-fajl tal-Kummissjoni u mid-dokument “g) Ġappuniż” (" g) Japanese " document ), riprodott f'paġna 4909 tal-fajl tal-Kummissjoni, jirriżulta li, fil-fehma tal-produtturi Ewropej, wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-kuntatti tagħhom mal-produtturi Ġappuniżi kien il-protezzjoni tas-swieq domestiċi tagħhom, partikolarment iż-żamma ta’ l-istatus domestiku tas-suq tar-Renju Unit wara l-għeluq minn Corus tal-fabbrika tagħha fi Clydesdale . Għalkemm il-kuntradizzjoni rrilevata fil-punt 89 hawn fuq, ċertament iddgħajjef il-valur probatorju tad-dokument kodiċi ta’ tqassim kif ukoll, minn ċerta aspetti, dak tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, is-sinifikat tagħha jitqiegħed ħafna f’pespettiva minħabba ċ-ċirkustanza rrilevata fil-bidu tal-punt preżenti. Fil-fatt, anke jekk jiġi ppreżuppost li l-produtturi ta’ l-Amerika t'Isfel kienu aċċettaw li japplikaw kodiċi ta’ tqassim fuq swieq oħra barra s-suq Ewropew, għandu jiġi rrilevat li n-negozjati ma’ dawn il-produtturi fallew sostanzjalment fil-fehma ta’ l-Ewropej, b’mod li l-evalw azzjoni negattiva tas-Sur Verluca fir-rigward tar-riżultat tagħhom tikkorrispondi effettivament mad-deskrizzjoni li tinsab fid-dokument kodiċi ta’ tqassim fuq dan il-punt kruċjali.

92 Għandu konkluż li l-kuntradizzjoni bejn l-affermazzjonijiet tas-Sur Verluca f’waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet u d-dokument kodiċi ta’ tqassim, irrilevata mill-Kummissjoni nifisha fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, ma tirriduċix sostanzjalment il-kredibbiltà ta’ dawn iż-żewġ elementi ta’ prova.

93 Fl-aħħarnett, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tar-riżerva magħmula mill-produtturi ta' l-Amerika t'Isfel fir-rigward ta' l-Ewropa skond id-dokument kodiċi ta’ tqassim innifsu (ara l-punt 90 hawn fuq), li ċ-ċirkustanza, allegata minn Mannesmann, li dawn il-produtturi biegħu xi tubi fl-Ewropa bl-ebda mod ma tqiegħed in kwistjoni l-kredibbiltà ta’ l-imsemmi dokument, dejjem jekk jiġi preżuppost li tiġi stabbilita.

94 Jirriżulta minn dak kollu li ntaq li d-dokument kodiċi ta’ tqassim għandu ċertu valur probatorju biex jikkorrobora, fil-kuntest tal-kumpless ta' indikazzjonijiet konkordanti li ġew ikkonstatati mill-Kummissjoni, ċerti affermazzjonijiet essenzjali li jidhru fid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fir-rigward ta' l-eżistenza ta' ftehim dwar it-tqassim tas-swieq li jaffettwa t-tubi OCTG mingħajr saldatura. Fil-fatt jirriżulta minn dan l-element ta’ prova li l-produtturi Ġappuniżi, minn naħa, u l-produtturi Ewropej, min-naħa l-oħra, aċċettaw il-prinċipju li huma ma kellhomx ibiegħu ċerti tubi ta’ l-azzar mingħajr saldatura fuq is-suq domestiku tal-produtturi l-oħra fil-kuntest ta’ sejħiet għal offerti “miftuħin”. Dan id-dokument jikkonferma wkoll l-eżistenza ta’ kodiċi ta’ tqassim tas-swieq f’diversi reġjuni tad-dinja u jsaħħaħ għalhekk il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca inkwantu dawn jagħmlu wkoll riferenza għal dan il-kunċett.

95 Minn dan isegwi li l-ilmenti mqajjmin minn Mannesmann sabiex tikkontesta l-użu tad-dokument kodiċi ta’ tqassim għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża riżultanti min-nuqqas ta' qbil bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ksur ikkunsidrat fl-Artikolu 2 ta' din id-deċiżjoni

– L-argumenti tal-partijiet

96 Skond Mannesmann, teżisti diverġenza bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata. Fid-DO, il-Kummissjoni fil-fatt iddikjarat li l-kuntratti ta' fornitura konklużi minn Corus ma' Vallourec, Dalmine u Mannesmann kienu jaqgħu taħt akkordju illegali, li l-għan tiegħu kien li jqassam is-suq tat-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura mixtrijin minn Corus, impriża li kienet dominanti fuq is-suq Britanniku tat-tubi OCTG. Dawn il-kuntratti huma għalhekk konnessi mal-ksur li ġie ulterjorment ikkunsidrat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 147 sa 151 tal-KI). Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn il-kuntratti kienu jikkostitwixxu miżura għat-tqassim tas-suq Britanniku fir-rigward ta' l-impriżi Ġappuniżi u, għaldaqstant, element kostituttiv tal-ksur ikkunsidrat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 147). Mannesmann kellha tingħata l-opportunità li tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha fuq tibdil daqshekk sostanzjali ta' l-ilmenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 9, 14 u 16). Fin-nuqqas ta' tali opportunità li ta’ smigħ, id-drittijiet tad-difiża tagħha kienu jiġu irrimedjabbilment kompromessi (sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punti 89 et segwenti).

97 Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-ilmenti għar-raġuni li l-espożizzjoni tal-fatti u l-analiżi ġuridika li hemm fid-deċiżjoni kkontestata taqbel b’mod sħiħ ma' dawk li diġà jidhru fil-KI.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

98 L-ewwelnett għandu jiġi rrilevat li d-drittijiet tad-difiża mhumiex miksura minħabba nuqqas ta’ qbil bejn id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali ħlief jekk l-ilment fid-deċiżjoni ma jkunx ġie espost fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet b’mod li jkun suffiċjenti għad-destinatarji biex jiddefendu rwieħhom (ara f’dan is-sens, is-sentenza Siment, punt 42 iktar ’il fuq, punti 852 sa 860).

99 F'dan ir-rigward, l-obbligu tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet huwa limitat għal espożizzjoni ta’ l-ilmenti mressqin u għal deskrizzjoni ċara tal-fatti li fuqhom hija tibbaża kif ukoll il-kwalifika li hija mogħtija lilhom, sabiex id-destinatarji tagħha jkunu jistgħu jiddefendu ruħhom b’mod effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C-62/86, Ġabra p. I-3359, punt 29, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II-1989, punt 63).

100 F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kwalifika ġuridika tal-fatti li ġew ikkunsidrati fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ma tistax, minnha nnifisha, tkun ħlief provviżorja, u d-deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni ma tistax tiġi annullata għar-raġuni biss li l-konklużjonijiet definittivi bbażati fuq dawn il-fatti ma jikkorrispondux b'mod preċiż ma' din il-kwalifika intermedjarja. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tisma' lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u, jekk ikun il-każ, tieħu in kunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħhom magħmulin b'risposta għall-ilmenti ikkunsidrati billi tbiddel l-analiżi tagħha preċiżament sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

101 Fil-każ preżenti, l-unika differenza rilevanti bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata tikkonsisti fil-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, preċiżament fil-premessa 164, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kuntratti li jikkostitwixxu t-tieni ksur “ma kinux ħlief mezz għall-implementazzjoni” ta’ l-ewwel ksur, mentri fid-DO hija llimitat ruħha li ssostni, fil-punt 144, li l-“għan” tal-kuntratti ta’ fornitura kien li jinżamm l-istatus "domestiku" tas-suq tar-Renju Unit fir-rigward tar-Regoli Fundamentali, jiġifieri fir-rigward tal-produtturi Ġappuniżi, fejn tirreferi fir-rigward ta' dawn ta' l-aħħar għall-punt 63 tal-DO. Fir-rigward tal-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata, invokata minn Mannesmann f'dan il-kuntest, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kontenut tagħha jikkorrispondi ma' dak tal-punt 144 tad-DO inkwantu l-Kummissjoni tirrileva hemmhekk li "kif jirriżulta mill-premessi 78 sa 81, kien hemm ftehim bejn [Corus] u Vallourec [...] sabiex [Corus] tixtri t-tubi lixxi mingħand [Mannesmann], Dalmine u Vallourec bil-għan li tippreserva n-natura 'domestika' tas-suq Britanniku fil-konfront ta' l-impriżi Ġappuniżi".

102 Fil-punt 364 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta’ llum, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, ġie deċiż li l-argument tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa żbaljat inkwantu l-kuntratti li jikkostitwixxu t-tieni ksur kellhom iktar minn għan wieħed. Madankollu, anke jekk jiġi preżuppost li huwa possibbli li tiġi identifikata differenza ta' analiżi bejn id-DO u d-deċiżjoni kkontestata f'dan ir-rigward, huwa ċar li d-destinatarji tad-DO kellhom l-opportunità li jippreżentaw is-sottomissjonijet tagħhom fuq il-kunċett ta’ kodiċi ta’ tqassim li huwa fil-bażi tal-metodu tal-Kummissjoni, jiġifieri l-idea li l-produtturi Ewropej ikkonkludew l-kuntratti li jikkostitwixxu t-tieni ksur b’mod partikolari sabiex isaħħu l-applikazzjoni tar-Regoli Fundamentali fuq is-suq offshore tar-Renju Unit.

103 F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża f'dan ir-rigward u, għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq l-eżistenza tal-ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE li huwa kkunsidrat fl-Artikolu1 tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-allegata kuntradizzjoni bejn l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

104 Mannesmann issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b'kuntradizzjoni. Il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kienu ftehmu bejniethom fuq regoli intiżi li jipproteġu s-swieq domestiċi fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun. L-uniku element ta' prova invokat f'dan ir-rigward huwa t-tabella li tidher fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata. Din it-tabella turi l-ishma tal-produtturi nazzjonali, espressi f'perċentwali, fil-kunsinni tat-tubi OCTG mingħajr saldatura b'destinazzjoni lejn il-pajjiżi affettwati mill-klabb Ewropa-Ġappun. Madankollu, sa mill-1991, Corus kienet bdiet tixtri mill-Ġermanja, minn Franza, u mill-Italja, b’tali mod li jkun żbaljat li wieħed jikkunsidra li l-aċċess għas-suq Britanniku kien irriżervat għall-produttur nazzjonali.

105 Mannesmann takkuża lill-Kummissjoni li kkonkludiet li kien hemm l-eżistenza ta’ ksur li kien jikkonsisti fi ftehim dwar il-protezzjoni tas-swieq nazzjonali (l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata) fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet relatati mal-kuntratti ta' fornitura ta' Corus li, min-naħa tagħhom, kienu s-suġġett tal-ksur ikkunsidrat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankokllu, dan it-tieni ksur fil-fatt ma seħħx. Il-kuntratti ta' fornitura konklużi minn Corus ma' Dalmine, Vallourec u Mannesmann ma jistgħux juru tendenza għar-rispett tas-swieq nazzjonali ħlief jekk huma eżaminati flimkien. Madankollu, il-kunsinni tal-prodotti in kwistjoni provenjenti minn pajjiżi terzi, fosthom il-Ġappun, jirrappreżentaw ukoll 20% tas-suq Britanniku, b'mod li ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ protezzjoni effettiva ta' dan is-suq. Għaldaqstant, il-vizzji li jaffettwaw il-legalità ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jaffettwaw ukoll dik ta' l-Artikolu 1.

106 Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-ilmenti li hija tqis li huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tfakkar li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonstata li ċerti impriżi kisru l-Artikolu 81(1) KE meta pparteċipaw fi ftehim li jipprovdi, b’mod partikolari, il-protezzjoni tas-suq domestiku rispettiv tagħhom. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jżomm lil Mannesmann responsabbli li, bi ksur ta' l-Artikolu 81 KE, ikkonkludiet "fil-kuntest tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1", xi kuntratti li wasslu għat-tqassim tal-fornitura tat-tubi lixxi OCTG lil Corus. L-Artikolu 2 jikkontempla għalhekk il-protezzjoni tas-suq Britanniku wara li Corus kienet irtirat.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

107 L-argument imressaq minn Mannesmann fil-kuntest ta’ dan il-motiv huwa żbaljat u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud inkwantu ma jikkunsidrax iċ-ċirkustanza fundamentali li l-ksur ikkunsidrat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwarda s-suq tat-tubi bil-kamin OCTG (kif ukoll dak tal-pajpijiet tal-qies għat-trasport) u l-ksur ikkunsidrat fl-Artikolu 2 jirrigwarda s-suq upstream tat-tubi lixxi OCTG.

1. 108 Jekk l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiża fil-verżjoni Ġermaniża tagħha, li l-ksur li ġie kkonstatat hemmhekk jikkonċerna t-"tubi bil-kamin OCTG standard u l-[pajpjiet tal-qies għat-trasport] mingħajr saldatura", jirriżulta mill-kuntest ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata li li t-tubi OCTG msemmija huma biss tubi bil-kamin OCTG standard. B’mod partikolari, id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, imsemmija fil-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata bħala l-font tad-definizzjoni tas-suq tal-prodotti in kwistjoni, tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur għal “tubi bil-kamion standard u [għall-pajpijiet tal-qies għat-trasport]”. Isegwi li r-referenza għall-imsemmija premessa hija relatata mat-tubi bil-kamin OCTG API, jiġifieri għal tubi bil-kamin OCTG “standard” u mhux għal tubi lixxi OCTG. Din l-interpretazzjoni dwar il-portata ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata hija kkonfermata mit-tlett verżjonijiet lingwistiċi tat-test l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, li huma awtentiċi, peress illi dawn il-verżjonijiet kollha jippreċiżaw b’mod espliċitu fl-Artikolu 1 li dawn huma tubbi bil-kamin OCTG standard. Madankollu, f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tat-test Komunitarju, id-dispożizzjoni in kwistjoni għandha tiġi interpretata fil-funzjoni tal-kuntest ġenerali u ta’ l-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha hija tikkostitwixxi element (ara, per eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 2000, EKW u Wein & Co., C-437/97, Ġabra p. I-1157, punt 42), u, f’kull ipoteżi verżjoni lingwistika ma tistax tipprevoli waħedha kontra l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra meta dawn kollha jaqblu dwar interpretazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 1999, Neumann u Neumann Schölles vs Il-Kummissjoni, T-68/97, RecFP p. I-A-193 u II-1005, punt 80; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 15, u l-ġurisprudenza ċċitata). Bil-kontra, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċerna, skond it-termini tiegħu, sempliċement il-“ forniment ta’ tubi lixxi OCTG lil [Corus] (Vallourec sa mill-1994)”.

109 Minn din il-konstatazzjoni jirriżulta li l-kuntradizzjoni apparenti allegata minn Mannesmann ma teżistix.

110 Fir-realtà, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, meta tinqara kollha kemm hi, li s-suq Britanniku tat-tubi bil-kamin, li huwa kkonċernat mill-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, baqa' suq "nazzjonali" skond ir-Regoli Funamentali, essenzjalment minħabba li Corus kompliet tbiegħ hemmhekk it-tubi OCTG li hija kienet tagħmlilhom il-kamin billi tuża t-tubi lixxi pprovduti għal dak l-iskop mit-tliet produtturi Ewropej l-oħra. B’hekk, parti sostanzjali tas-suq upstream Britanniku tat-tubi lixxi, kkostitwit mill-bżonnijiet ta' Corus, inqasmet, ta' l-anqas mill-1993, bejn Vallourec, Dalmine u Mannesmann. Minn dik il-konnessjoni bejn iż-żewġ ksur jirriżulta li dawn kienu mhux biss kumpatibbli waħda ma' l-oħra iżda wkoll, minbarra dan, kumplimentari.

111 F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-argumenti speċifiċi ta' Mannesmann dwar is-suq Britanniku, b'mod partikolari l-analiżi tagħha tat-tabella li tihder fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-kliem stess ta' l-Artikolu 81(1) KE, kif interpretat minn ġurisprudenza kostanti, li l-ftehim bejn l-impriżi huma pprojbiti, indipendentament mill-effett tagħhom, meta dawn ikollhom għan anti-kompetittiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 123). Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha prinċipalment fuq l-għan restrittiv tal-ftehim sanzjonat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u rreferiet, partikolarment fil-premessi 62 sa 67 ta' l-istess deċiżjoni, għal diversi elementi ta' provi dokumentarji li jaffermaw, fil-fehma tagħha, kemm l-eżistenza ta' dan il-ftehim kif ukoll l-għan restrittiv tiegħu.

112 B’hekk, anke kieku Mannesmann tista’ turi li ċ-ċifri li hemm fl-imsemmija tabella ma jikkorroborawx adegwatament l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-protezzjoni effettiva tas-suq Britanniku, dik iċ-ċirkustanza hija mingħajr effett fuq l-eżistenza tal-ksur li ġie kkunsidrat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

113 Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata f'dak ir-rigward fuq id-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, li s-suq offshore tar-Renju Unit ma kienx ħlief "semi-protett". Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza, invokata minn Mannesmann, li l-livell ta' protezzjoni tas-suq Britanniku kien inqas, skond it-tabella li tidher fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata minn dak tas-swieq nazzjonali l-oħra milqutin mill-ftehim ta’ tqassim tas-swieq, bl-ebda mod ma ddgħajjef l-analiżi tal-Kummissjoni.

114 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq l-allegati nuqqasijiet fir-raġunament tal-Kummissjoni dwar il-ksur li ġie kkunsidrat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

115 Fl-istadju tar-replika, Mannesmann sostniet li l-konstatazzjonijiet ta' fatt u ta' dritt dwar il-ksur ikkunsidrat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata mhumiex immotivati biżżejjed. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kienet ittrattat bl-istess mod l-aspetti extra-komunitarji u intra-komunitarji tar-Regoli Fundamentali. Hija ma kinitx iddistingwiet bejn id-dispożizzjonijiet intiżi għall-aċċess tal-produtturi Ġappuniżi għas-suq komunitarju ma’ dawk relatati ma’ l-aċċess tal-produtturi Komunitarji għas-suq nazzjonali rispettiv tagħhom. Il-Kummissjoni ibbażat ruħha fuq l-istess elementi (premessi 54, 63, 64, 66, 67 u 129 u segwenti tad-deċiżjoni kkontestata) sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta' dawn iż-żewġ aspetti. Madankollu, dawn l-elementi jirrigwardaw biss l-aspett estern tar-Regoli Fundamentali, jiġifieri l-aċċess tal-produtturi Ġappuniżi għas-suq Komunitarju. Min-naħa l-oħra dawn ma jagħtux lok li wieħed jinferixxi l-eżistenza ta' ftehim intiżi għall-protezzjoni tas-swieq nazzjonali ġewwa l-Komunità.

116 Fit-tieni lok, fir-replika tagħha wkoll, Mannesmann takkuża lill-Kummissjoni li din ma wrietx li l-ftehim relatat ma’ l-aċċess għas-suq Komunitarju jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 81(1) KE dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u dwar l-eżistenza tar-restrizzjonijiet sinifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni.

117 L-ewwelnett, peress li ma ddefinixxietx bi preċiżjoni s-suq rilevanti, il-Kummissjoni ma kinitx fil-pożizzjoni li tevalwa jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kienu sodisfatti.

118 Sussegwentement, Mannesmann issostni li l-ftehim konklużi ma' l-impriżi Ġappuniżi, kif deskritti mill-Kummissjoni, ma jistgħux ikollhom effett sinifikanti fuq il-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni jew fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Mannesmann tikkontesta l-fatti kif ikkunsidrati mill-Kummissjoni, partikolarment fl-Annessi 1 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tafferma li, fuq is-suq dinji, il-produtturi Komunitarji tat-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura jissubixxu kompetizzjoni effettiva min-naħa ta’ produtturi ta' pajjiżi terzi, kif barra minn hekk il-Kummissjoni kienet ammettiet fid-deċiżjoni tat-3 ta' Ġunju 1997 fejn iddikjarat il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ konċentrazzjoni (Każ N IV/M.906 – Mannesmann vs Vallourec) fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (ĠU C 238, p. 15). Minbarra dan, fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li hija ma kinitx f'pożizzjoni li tagħti prova ta’ l-eżistenza ta' effett restrittiv fuq il-prezzijiet u fuq offerta ġewwa s-suq komuni.

119 Fl-aħħarnett, b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tas-suq in kwistjoni, l-impriżi kkunsidrati mid-deċiżjoni kkontestata ma setgħux, skond Mannesmann, jiftehmu sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni skond l-Artikolu 81(1) KE.

120 Skond il-Kummissjoni, l-argumenti ta' Mannesmann li jirreferu għad-definizzjoni tas-suq rilevanti u għall-kundizzjonijiet li fihom japplika l-Artikolu 81(1) KE dwar l-eżistenza ta' restrizzjonijiet sinifikanti għall-kompetizzjoni kif ukoll dwar l-eżistenza ta' xi effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jikkostitwixxu motivi ġodda. Skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, dawn il-motivi kollha huma inammissibbli.

121 Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li dawn il-motivi mhumiex fondati. Id-definizzjoni tas-suq rilevanti hija konformi ma' dik li saret fid-deċiżjoni Mannesmann vs Vallourec, imsemmija iktar ’il fuq, u dan kif jirriżulta mill-premessi 29 u segwenti tad-deċiżjoni kkontestata.

122 Skond il-Kummissjoni, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta ċar li l-akkordju kien jirrigwarda wkoll il-protezzjoni tas-suq domestiku ta' kull wieħed mill-erba' produtturi Komunitarji involuti (premessi 62, 54, 66, 64 u 69 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, il-ftehim in kwistjoni kien suxxettibbli li jaffettwa, minħabba l-għan tiegħu, il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-kundizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE huma għalhekk sodisfatti, kif huwa stabbilit fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata.

123 Fir-rigward, sussegwentement, ta' l-effetti tal-ftehim imsemmi iktar ’il fuq, dwar il-kummerċ intrakomunitarju, il-Kummissjoni ssostni li dawn l-effetti huma ċari peress li kull wieħed mill-produtturi Ewropew kien jibbenefika minn pożizzjoni dominanti fuq is-suq domestiku tiegħu (ara t-tabella li tinsab fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata). F'kull każ, b’kunsiderazzjoni ta' l-għan tal-ftehim kif stabbilit fil-punt preċedenti, l-analiżi ta' l-effetti tiegħu mhijiex meħtieġa (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 128 u tat-30 ta' Jannar 1985, BNIC, 123/83, Ġabra p. 391, punt 22).

124 Fir-rigward tan-natura sinifikanti f’dan il-każ ta' l-impatt tal-ftehim fuq il-kummerċ intrakomunitarju, il-Kummissjoni tfakkar li l-bejgħ tal-produtturi Komunitarji in kwistjoni fuq is-suq Ġermaniż, Britanniku, Franċiż u Taljan kien jirrappreżenta madwar 15% tal-konsum totali tat-tubi OCTG u tal-pajpjiet ta’ trasport fil-Komunità (premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata). Minħabba l-ishma fis-suq miżmuma mill-produtturi Komunitarji, huwa ċar li ftehim dwar il-protezzjoni tas-suq Ġermaniż, Britanniku, Franċiż u Taljan jaffettwa b'mod sinifikanti l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-fatt li, meta mqabbel mas-suq dinji, il-ftehim in kwistjoni jaffettwa biss perċentwali żgħir tal-prodotti kkonċernati huwa irrilevanti f'dan ir-rigward.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

125 Għandu jiġi kkonstatat, l-ewwelnett, li l-ilmenti tar-rikorrenti kif mqassra hawn fuq huma effettivament inammissibbli skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura inkwantu dawn jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk il-ksur ikkunsidrat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kellux impatt sinifikanti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

126 Fil-fatt, permezz ta’ l-imsemmija argumenti, li tqajmu għall-ewwel darba fir-replika, Mannesmann takkuża lill-Kummissjoni li għamlet żball ta' dritt jew ta' valutazzjoni f'dak li jikkonċerna waħda mill-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE u mhux li kellha nuqqas ta' motivazzjoni, u dan minkejja l-affermazzjonijiet tagħha fuq dan is-suġġett fil-punt 26 tar-replika tagħha. Peress li l-argumenti fuq il-mertu mhumiex ta' ordni pubblika, b'kuntrast ma' dawk ibbażati fuq l-insuffiċjenza ta' motivazzjoni, mhuwiex obbligu tal-qorti Komunitarja li tajjimhom ex officio (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 t'April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C-375/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 67).

127 Għandu jiġi rrilevat, għal kull bon fini li l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet bħala infondati argumenti simili għal dawk imressqa minn Mannesmann f'dan ir-rigward f'kawżi li ġew magħquda mal-kawża preżenti għall-finijiet tas-seduta (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta’ llum, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T-50/00, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, b'mod partikolari il-punti 156 u 157, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, b'mod partikolari il-punti 337 u 367 sa 395).

128 Fir-rigward ta' l-argument dwar l-allegat nuqqas ta' restrizzjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni, li huwa wkoll argument fuq il-mertu u mhux argument ta' motivazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li dan huwa ammissibbli inkwantu jamplifika l-argumenti li diġà tressqu fir-rikors li skond dawn il-Kummissjoni ma wrietx għas-suffiċjenza ta’ dritt li l-ftehim ikkunsidrat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kellu għan jew effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skond l-Artikolu 81(1) KE.

129 Fuq il-mertu, jeħtieġ li jiġi mfakkar l-ewwelnett li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha, prinċipalment, fuq l-għan restrittiv tal-ftehim sanzjonat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (ara punt 111 iktar ’il fuq).

130 F'dan ir-rigward, l-impriżi li jikkonkludu ftehim li għandu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ma jistgħux, bħala prinċipju, jevitaw l-applikazzjoni l-Artikolu 81(1) KE billi jallegaw li l-ftehim tagħhom ma kellux ikollu impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni.

131 Fil-fatt, peress li l-ftehim sanzjonat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kellu bħala għan it-tqassim tas-swieq bejn il-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun, l-eżistenza tiegħu ma kinitx tagħmel sens ħlief jekk mhux għax l-għan tiegħu kien li jirrestrinġi l-kompetizzjoni b’mod sostanzjali, jiġifeiri b’mod li kien kummerċjalment effettiv għalihom. Madankollu, il-Kummissjoni stabbilixxiet għas-suffiċjenza ta’ dritt li dan il-ftehim kien effettivament eżista.

132 Minn dan isegwi li l-argument ta' Mannesmann li l-Kummissjoni ma ddeffinixxietx bi preċiżjoni is-suq in kwistjoni huwa irrilevanti. Fil-fatt, l-obbligu li jiġi definit is-suq f'deċiżjoni adottata skond l-Artikolu 81 KE jaqa' fuq il-Kummissjoni biss meta, mingħajr tali definizzjoni, ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit jekk il-ftehim in kwistjoni huwa suxxettibbli li jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u għandu bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni , T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, Ġabra p. II-3141, punti 93 sa 95 u 105). Bħala prinċipju, jekk l-għan stess ta’ ftehim huwa li jirrestrinġi l-kompetizzjoni permezz tat-"tqassim tas-swieq", mhuwiex meħtieġ li jiġu definiti bi preċiżjoni is-swieq ġeografiċi in kwistjoni, peress li l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali fuq it-territorji kkonċernati bilfors li tkun ġiet ristretta, kemm jekk dawn it-territorji jikkostitwixxu "swieq" fis-sens strett jew le.

133 B'dal mod, anke kieku Mannesmann setgħet tistabbilixxi li l-Kummissjoni ddeffinixxiet is-suq milqut bil-ksur li ġie kkunsidrat fl-ewwel Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata b'mod insuffiċjenti jew żbaljat fil-każ preżenti, din iċ-ċirkustanza ma tistax ikollha effett fuq l-eżistenza ta’ dan il-ksur.

134 Jirriżulta minn dak kollu li nqal li l-ilmenti miġbura hawn fuq għandhom jiġu miċħuda fuq il-mertu safejn dawn jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk il-ksur li ġie kkunsidrat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kellux bħala għan jew bħala effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni b'mod sinifikanti.

Fuq l-eżistenza tal-ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

135 Mannesmann issostni li t-talba tal-Kummissjoni li tgħid li l-kuntratti relatati mal-fornitura ta' Corus, li ġew konklużi mill-istess Corus, Vallourec, Dalmine u Mannesmann, kienu ġew imfassla sabiex tiġi implementata strateġija kummerċjali komuni u jikkostitwixxu ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE, hija vvizzjata bi żball manifest ta' evalwazzjoni.

136 Fl-ewwel lok, Mannesmann issostni li l-elementi ta' prova mressqa in sostenn tal-konstatazzjoni dwar l-eżistenza tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw esklużivament lil Vallourec u lil Corus (premessi 78, 91, 110, 146 u 152 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kienet stabbilixxiet il-parteċipazzjoni ta' Mannesmann fl-implementazzjoni tar-Regoli Fundamentali konklużi fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun. Peress li l-ilmenti tal-Kummissjoni fir-rigward ta' Mannesmann jirrigwardaw esklużivament il-kuntratti konklużi minn Corus ma’ terzi persuni, Mannesmann issostni li hija mhijiex fil-pożizzjoni li tiddefendi ruħha b’mod effettiv. Hija titlob għalhekk lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tieħu s-segwenti miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura:

– tornda lill-Kummissjoni sabiex tibgħat lill-Qorti tal-Prim'Istanza d-dokumenti invokati minn Corus fil-kawża T-48/00 li jikkonċernaw l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

– tagħti lir-rikorrenti d-dritt li tanalizza dawk id-dokumenti, safejn dawn mhumiex kunfidenzjali, u li tieħu pożizzjoni fuqhom permezz ta' sottomissjoni ulterjuri.

137 Il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjonijiet ta' Mannesmann u tafferma li l-parteċipazzjoni ta' l-istess Mannesmann fil-ksur ikkunsidrat fl-Artikolu 2 intwera għas-suffiċjenza ta’ dritt fil-premessi 146 sa 155 tad-deċiżjoni kkontestata.

138 Fit-tieni lok, Mannesmann tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-kuntratti ta' fornituri tat-tubi mingħajr saldatura konklużi minn Corus jidħlu fil-kuntest ta’ akkordju. L-ewwelnett, kieku dan kien il-każ, Corus ma kinitx tistenna sentejn iktar biex tikkonkludi l-kuntratt ma' Mannesmann. Fir-realtà, kull wieħed mill-kuntratti ta' fornitura kien ġie konkluż individwalment. Ix-xebħ bejn il-kuntratti huwa spjegat mill-fatt li Corus, li kienet parti f'kull kuntratt, xtaqet li żżomm ċerta uniformità fihom.

139 Sussegwentement, raġunijiet oġġettivi u leġittimi jispjegaw il-konklużjoni ta' dawn il-kuntratti. Id-deċiżjoni ta' Corus li tieqaf milli tipproduċi ċerti tipi ta' tubi ta' l-azzar, filwaqt li baqgħet għaddejja bil-produzzjoni tal-kamin tat-tubi mingħajr saldatura, kienet perfettament fondata. Corus ikkonkludiet kuntratt ta' fornitura ma' Vallourec peress li din kienet tiddomina t-teknika ta’ kif isir il-kamin "VAM", li hija indispensabbli biex tkun tista’ taċċedi għas-suq Britanniku tat-tubi premium OCTG. Mannesmann tfakkar li l-litigazzjoni tagħha ma' Vallourec fir-rigward tad-drittijiet ta' proprjetà industrijali tal-konnessjonijiet premium VAM wasslu għal deċiżjonijiet favur din ta' l-aħħar, fatt li taha l-opportunità li tirbaħ partijiet mis-suq għad-dannu ta' Mannesmann. Pjuttost milli tirtira mis-suq offshore Britanniku, Mannesmann għażlet għalhekk li tiffoka fuq il-bejgħ tat-tubi lixxi mingħajr saldatura, li seta' jsirilhom il-kamin mill-klijenti tagħha. Barra minn hekk, Vallourec ma' kinitx f'pożizzjoni li tissodisfa l-ħtiġijiet kollha ta' Corus. Kien f'dan il-kuntest li Mannesmann ikkonsenjat xi tubi mingħajr saldatura lil Corus.

140 Fl-aħħarnett, Mannesmann tfakkar li l-kuntratti ta' fornitura in kwistjoni jikkonċernaw biss it-tubi ta' dijametru akbar minn ħames pulzieri u nofs. Madankollu, l-uniċi impriżi stabbiliti fil-Komunità li huma kapaċi jipproduċu tubi ta' dak id-daqs huma Vallourec, Dalmine u Mannesmann, Bil-fatt li Corus ħadmet ix-xogħol ma' dawn it-tliet impriżi u ddiversifikat għalhekk is-sorsi ta' fornitura tagħha, Corus qegħdet lilha nifisha f'pożizzjoni li tipproteġi lilha nfisha kontra r-riskji ta' żieda fil-prezzijiet. Il-Kummissjoni ma tistax takkuża lil din l-impriża li b’hekk fittxet li timmassimizza l-profitti tagħha fuq il-bejgħ tal-prodotti finali tagħha.

141 Il-Kummissjoni tiċħad din l-interpretazzjoni. Hija tafferma li l-veru għan tal-kuntratti ta' fornitura in kwistjoni kien li jiġu implementati r-Regoli Fundamentali, intiżi għall-protezzjoni tas-swieq nazzjonali, stabbiliti fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata).

142 Dawk il-kuntratti, li ġew imġedda fl-1993, jaqgħu għalhekk taħt il-kategorija ta' akkordju li jmur kontra l-Artikolu 81(1) KE. Il-kuntratti kienu jipprevedu tqassim tal-fornitura ta' Corus bejn Vallourec, Dalmine u Mannesmann, bir-rata ta' 40%, 30% u 30% rispettivament. Għalkemm Corus kienet ikkonkludiet dawn il-kuntratti f'dati differenti, dawn jikkostitwixxu ksur wieħed ta' l-Artikolu 81(1) KE. Kienet x’kienet l-importanza tad-dominanza tat-teknika VAM, il-Kummissjoni ssostni li l-parteċipazzjoni ta' Mannesmann f'akkordju dwar it-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura ġiet stabbilita għas-suffiċjenza ta’ dritt.

143 Aktar minn hekk, ebda interess leġittimu ta' Corus ma imponilha li tikkonkludi l-kuntratti in kwistjoni. Peress li l-offerta tat-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura kienet eċċessiva, Cours ma kienx ikollha diffikultajiet ta’ forniturat jew tal-prezzijiet għoljin. Fir-rigward ta' l-argument li Corus m'għandhiex tiġi kkritikata li xtaqet timmassimizza l-profitti tagħha fuq il-bejgħ tal-prodotti finali, il-Kummissjoni tirrepeti li l-istrateġija ta' din l-impriża taqa' fil-kuntest ta’ akkordju illegali.

144 Fit-tielet lok, Mannesmann issostni li l-kuntratti ta' fornitura ta' Corus ma jiksrux l-Artikolu 81(1) KE. Hija tosserva, f'dan ir-rigward, li l-kunsinni lil Corus kienu ħafna inqas mil-limiti li minnhom il-Kummissjoni ġeneralment tintervjeni fir-rigward ta' ftehim vertikali. Per eżempju, hija tindika li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta' Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 336 p.21) jipprovdi li l-"obbligu li ma jikkompetix" tfisser biss dawk l-obbligi li jimponu fuq ix-xerrej li jixtri aktar minn 80 % tax-xiri annwali tiegħu mingħand l-istess fornitur. Jekk dan il-limitu ma jintlaħaqx, dawk l-akkordji jkunu legali.

145 Fil-fehma ta' Mannesmann, il-metodu ta' fornitura wżat minn Corus ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni. Fin-nuqqas ta' kull esklużività, id-deċiżjoni ta' Corus li talloka lil kull wieħed mit-tliet fornituri tagħha kwota definita b'referenza għall-volum annwali ta' xiri tagħha ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-offerta tat-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura kienet eċċessiva u l-bżonnijiet ta' Corus kienu prevedibbli. F'dawn iċ-ċirkustanzi, Corus kienet setgħet talloka lill-fornituri tagħha kwota fuq ix-xiri, pjuttost milli tistipula fil-kuntratti ta' fornitura tagħha il-kwantitajiet ta' merkanzija meħtieġa.

146 Mannesmann iżżid tgħid li l-prezzijiet tal-prodotti in kwistjoni kienu nnegozjati individwalment, u mbagħad riveduti għal formula ta’ reviżjoni bbażata fuq żviluppi fis-suq. Klawżoli simili ta' indiċjar huma komuni f'kuntratti ta' durata twila u huma ġġustifikati minħabba ċ-ċaqliq fil-prezzijiet li jikkaratterizzaw is-settur tat-tubi ta' l-azzar. Dawk il-kuntratti ma jistabbilixxu ebda skambju ta' informazzjoni kunfidenzjali. Corus illimitat ruħha li tibgħat lil Mannesmann l-aġġustamenti li jirriżultaw mill-formula tar-reviżjoni. Barra minn hekk, jirriżulta mil-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni li l-istess Kummissjoni qatt ma ddikjarat tali klawżoli bħala li jmorru kontra l-Artikolu 81(1) KE.

147 Fir-rigward ta' stipulazzjonijiet l-oħra tal-kuntratti in kwistjoni, Mannesmann issostni li l-Kummissjoni tat importanza partikolari lill-klawżoli penali, filwaqt li dawn huma irrilevanti fir-rigward tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. In-nuqqas ta' severità tal-piena kuntrattwali prevista fil-każ ta' nuqqas fil-kunsinna tal-prodotti ssib spjegazzjoni fin-natura eċċessiva ta’ l-offerta ta’ dawn il-prodotti, li kien jippermetti lil Corus biex tiffornixxi lilha nfisha faċilment.

148 Fir-replika tagħha, Mannesmann issostni fl-aħħarnett li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 81(1) KE, dwar, ispettivament, in-natura sinifikanti ta' l-effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, mhumiex sodisfatti f’dan il-każ. Mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 147) jirriżulta li l-ftehim imsemmija fl-Artikolu 2 tagħha kellhom bħala għan li jirrestrinġu l-aċċess tal-produtturi Ġappuniżi għas-suq Britanniku. Akkordju ta' dan it-tip jaffettwa l-kummerċ bejn il-Komunità u l-Ġappun, iżda ma jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew il-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni.

149 F'kull każ, l-effetti tal-ftehim imsemmija fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata huma negliġibbli meta mqabbla mal-volum ta' kummerċ bejn il-Ġappun u l-Komunità. F'dan ir-rigward, Mannesmann takkuża lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, li din ma analizzatx biżżejjed is-suq in kwistjoni. Hija tenfasizza li s-suq Britanniku jirrappreżenta madwar 2.5% tal-konsum dinji tat-tubi OCTG, inklużi t-tubi mingħajr saldatura. Madankollu, dawn it-tubi mingħajr saldatura jirrappreżentaw biss 16% tas-suq tat-tubi OCTG kollha (anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata). L-akkordju allegat qiegħed sew taħt il-limiti stabbiliti fil-punt 9 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 372/04 dwar ftehim ta' importanza minuri ta' l-1997 li mhumiex ikkunsidrati mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu [81] (1) tat-Trattat [KE] (ĠU 1997, C 372 p. 13, aktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni ta' l-1997")

150 Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti li hija tqis li mhumiex kredibbli. Hija tfakkar li l-kuntratti ta' fornitura kienu rriżervaw lil Vallourec, lil Dalmine u lil Mannesmann sehem fiss tal-kunsinni tat-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura lil Corus, kienu x'kienu l-kwantitajiet effettivament mixtrija mill-istess Corus. Dawk l-impriżi ma kellhom ebda interess li jikkompetu fuq il-prezz tat-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura li jingħaddilhom il-kamin fir-Renju Unit.

151 Wara li osservat li r-Regolament Nru 2790/1999 mhuwiex applikabbli f'dan il-każ, il-Kummissjoni tippreċiża li hija evalwat il-penali kuntrattwali prevista fil-kuntratti ta' fornitura għall-finijiet biss sabiex tivverifika jekk id-it-tul ta’ żmien tal-kunsinna setax oġġettivament jiġġustifika d-deċiżjoni ta' Corus biex tixtri l-prodott esklużivament mingħand impriżi Komunitarji. Hija kkonkludiet dwar dawn li l-klawżola dwar it-termini ta’ żmien ta’ kunsinna kienet iddaħħlet biss bil-għan li jiġu esklużi l-produtturi Ġappuniżi.

152 Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-motivi ta' Mannesmann dwar in-nuqqas ta' natura sinifikanti tar-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni u ta' l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri għar-raġuni li dawn kienu tqajmu tardivament. Bl-istess mod, kien biss fl-istadju tar-replika li Mannesmann invokat l-illegalità ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-komunikazzjoni ta' l-1997. Fiż-żewġ każi, dawn huma motivi ġodda, li huma inammissibbli skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

153 Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li dawk l-argumenti huma infondati.

154 Fir-rigward ta' l-argument li jgħid li għandha ssir applikazzjoni tal-komunikazzjoni ta' l-1997, il-Kummissjoni tosserva li, safejn il-perijodu ta' referenza meħud għall-impożizzjoni tal-multi ikopri mill-1990 sa l-1995, kien hemm lok li puttost tiġi mitluba l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Settembru 1986, dwar ftehim ta' importanza minuri li mhumiex ikkunsidrati mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu [81] tat-Trattat (ĠU 1986, C231, p. 2). Madankollu, il-limitu de minimis ta' 5% imsemmi f'dik il-komunikazzjoni mhuwiex intiż għas-suq dinji, iżda għas-suq ġeografiku rilevanti fuq it-territorju tal-Komunità. Fil-każ preżenti, il-kuntratti ta' fornitura kienu jirrappreżentaw 78 sa 84% tal-konsum fuq is-suq Britanniku u 13 sa 24% tal-konsum fuq is-suq Komunitarju. Barra minn hekk, il-fatturati ta' l-impriżi in kwistjoni kienu jeċċedu sew il-limitu ta' EUR 200 miljun fl-imsemmija komunikazzjoni. Minbarra dan, il-kummissjoni żżid li l-limiti tal-komunikazzjoni ta' l-1997 li Mannesmann qiegħda titlob li għandhom jiġu applikati, b’mod ċar ma kinux ġew osservati fil-każ preżenti.

155 Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eventwali annullament ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ma jkollu ebda impatt fuq l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq Mannesmann, inkwantu l-ksur imsemmi f'din id-dispożizzjoni ma kien ta lok għal ebda sanzjoni individwali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

156 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li t-talba ta' Mannesmann sabiex fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni tippreżenta d-dokumenti li kienu ġew iddepożitati minn Corus fil-kawża T-48/00 saret bla skop in kwantu s-seba' kawżi dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, fosthom il-kawża preżenti u l-kawża T-48/00 kienu ġew magħqudin għall-finijiet tas-seduta, b'mod li r-rikorrenti kollha kellhom l-okkażjoni li jikkonsultaw fir-Registru tal-Qorti tal-Prim’Istanza is-sottomissjonijiet u annessi ppreżentati f’kawżi oħra, bla ħsara għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti dokumenti. B'hekk, Mannesmann kellha aċċess għad-dokumenti kollha in kwistjoni u setgħet tikkummenta, f’każ li hija xtaqet tagħmel dan, fuq il-kontenut ta' dawn id-dokumenti matul is-seduta. F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li tintlaqa' t-talba addizzjonali tagħha sabiex hija tkun tista' tippreżenta sottomissjoni oħra għal dan il-għan.

157 L-għan u l-effett tat-tliet kuntratti ta' fornitura huma deskritti mill-Kummissjoni fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata bil-mod kif ġej:

"L-għan ta’ dawn il-kuntratti kien il-fornitura tat-tubi lixxi tal-‘ leader ’ tas-suq ta’ l- OCTG fil-Baħar tat-Tramuntana u l-għan tagħhom kien li jinżamm produttur nazzjonali fir-Renju Unit sabiex jinkiseb ir-rispett tar-‘[Regoli Fundamentali]’ fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun'. Dawn il-kuntratti kellhom bħala għan u effett prinċipali tqassim bejn [Mannesmann], Vallourec u Dalmine, tal-bżonnjiet kollha tal-kompetitur tagħhom [Corus] (Vallourec sa mill-1994). Huma għamlu mezz li l-prezz tax-xiri tat-tubi lixxi kien jiddependi fuq il-prezz tat-tubi li [Corus] kienet tagħmlilhom il-kamin. Għalhekk kienu jinvolvu wkoll limitazzjoni fuq il-libertà ta’ fornitura ta’ [Corus] (Vallourec sa minn Frar 1994) u jobbligaw lil din ta' l-aħħar sabiex tikkomunika lill-kompetituri tagħha il-prezzijiet tal-bejgħ ipprattikati kif ukoll il-kwantitajiet mibjugħa.. Barra minn hekk, [Mannesmann], Vallourec (sa Frar 1994) u Dalmine kienu impenjaw ruħhom li jikkonsenjaw lil kompetitur [Corus], (imbagħad lil Vallourec minn Marzu 1994) kwantitajiet mhux magħrufa bil-quddiem."

158 It-termini tal-kuntratti ta' fornitura mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, partikolarment dak li ġie konkluż minn Mannesmann ma' Corus fid-9 t'Awissu 1993, jikkonfermaw, in sustanza, informazzjoni fattwali invokata fl-imsemmija premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fil-premessi 78 sa 82 u 153. Meħudin flimkien, dawk il-kuntratti jqassmu, ta' l-anqas mid-9 t'Awissu 1993, il-ħtiġijiet ta' Corus għat-tubi lixxi bejn it-tliet produtturi Ewropej l-oħra (40% għal Vallourec, 30% għal Dalmine, u 30% għal Mannesmann). Barra minn hekk, kull wieħed minn dawn il-kuntratti kien jipprovdi għall-iffissar tal-prezz imħallas minn Corus għat-tubi lixxi skond formula matematika li tieħu in kunsiderazzjoni l-prezz miksub minn Corus għat-tubi tal-kamin tagħha.

159 Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li l-għan u/jew, ta' l-anqas, l-effett tal-kuntratti ta' fornitura kien li jissostitwixxi tqassim innegozjat tal-profitti riżultanti mill-bejgħ tat-tubi tal-kamin li setgħu jirriżultaw fuq is-suq Britanniku mar-riskji tal-kompetizzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-erba' produtturi Ewropej (ara, b'analoġija, fir-rigward tal-prattiċi miftiehma, is-sentenza Siment, punt 42 iktar ’il fuq, punt 3150).

160 Permezz tal-kuntratti ta' fornitura, Corus rabtet lit-tliet kompetituri Komunitarji tagħha b'mod li kull kompetizzjoni effettiva min-naħa tagħhom fuq is-suq domestiku tagħha, kif ukoll kull prospettiva ta' kompetizzjoni, sparixxiet, u li għal dan Corus issagrifikat il-libertà għall-fornitura tagħha. Fil-fatt, it-tliet kompetituri raw li kien ser jitnaqqas il-bejgħ tagħhom tat-tubi lixxi kieku l-bejgħ tat-tubi bil-kamin ta' Corus kellu jitbaxxa. Barra minn hekk, il-marġni ta' profitt magħmul fuq il-bejgħ tat-tubi lixxi li t-tliet fornituri ntrabtu li jagħmlu kien jitbaxxa fl-ipoteżi ta’ tnaqqis tal-prezz miksub minn Corus għat-tubi tal-kamin tagħha, u seta' wkoll jirriżulta f'telf. F'dawn iċ-ċirkustanzi kien prattikament inkonċepibbli li dawn it-tliet produtturi jippruvaw jikkompetu effettivament ma’ Corus fuq is-suq Britanniku tat-tubi tal-kamin, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-prezzijiet (ara l-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata).

161 Bil-kontra, bil-fatt li aċċettaw dawn il-kuntratti, kull wieħed mit-tliet kompetituri Komunitarji ta' Corus kien assigura lilu nnifsu parteċipazzjoni indiretta fuq is-suq domestiku ta' l-istess Corus kif ukoll parti mill-profitti li jirirżultaw minnu. Biex jiksbu dawn il-vantaġġi, huma rrinunzjaw, fil-fatt, għall-possibbiltà li jbiegħu t-tubi tal-kamin fuq is-suq Britanniku kif ukoll, ta' l-anqas mill-firma tat-tielet kuntratt, fid-9 t'Awissu 1993, li jallokaw it-30% li kien jifdal lil Mannesmann, għall-possibbiltà li jipprovdu parti ikbar mit-tubi lixxi mixtrijin minn Corus minn dik li ġiet allokata lil kull wieħed minnhom minn qabel.

162 Minbarra dan, il-kompetituri ta' Corus aċċettaw l-obbligu oneruż, u minn daqshekk kummerċjalment mhux komuni, li jipprovdu lill-istess Corus bi kwantitajiet ta' tubi li ma kinux ġew definiti minn qabel ħlief b’referenza għall-bejgħ tat-tubi tal-kamin magħmula minn Corus. Dan l-obbligu saħħaħ l-interdipendenza illegali bejn dawn il-produtturi u Corus, peress li dawn kienu jiddependu, inkwantu fornituri marbutin b'kuntratt, fuq il-politika kummerċjali mħaddma minn Corus.

163 Għandu jiġi kkonstatat li jekk il-kuntratti ta' fornitura ma kinux eżistew, it-tliet produtturi Ewropej, eskluża Corus, kienu normalment ikollhom, fl-assenza tar-Regoli Fundamentali, interess kummerċjali reali jew ta’ l-anqas potenzjali sabiex jikkompetu b'mod effettiv ma' Corus fuq is-suq Britanniku tat-tubi tal-kamin kif ukoll li jikkompetu bejniethom biex jipprovdu tubi lixxi lil Corus.

164 F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li kull wieħed mill-kuntratti ta' fornitura ġie konkluż għal ter minu ta’ żmien inizjali ta' ħames snin. Dan it-terminu relattivament twil jikkonferma u jsaħħaħ in-natura anti-kompetittiva ta' dawn il-kuntratti, b'mod partikolari peress li Mannesmann u ż-żewġ fornituri oħra ta' Corus irrinunzjaw, fil-fatt, għall-possibbiltà li jisfruttaw b'mod dirett it-tkabbir possibbli tas-suq Britanniku tat-tubi bil-kamin matul dan il-perijodu.

165 Fir-rigward ta' l-argument speċifiku ta' Mannesmann li l-formula tal-prezz li tidher fil-kuntratti hija sempliċiment klawżola ta' indiċjar, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kklassifikat din il-klawżola bħala anti-kompetittiva peress li hija tiffissa l-prezz imħallas minn Corus għat-tubi lixxi lil kull wieħed mill-fornituri skond il-prezz miksub minnha għat-tubi bil-kamin tagħha, u l-istess japplika fir-rigward tat-tliet fornituri. Għandu jiġi kkonstatat li, anke kieku l-prezzijiet inizjali għall-fornitura tat-tubi lixxi kienu realment ġew innegozjati b'mod indipendenti bejn Corus u kull waħda mill-fornituri tagħha, ir-relazzjoni ta’ saħħa kummerċjali eżistenti bejn minn naħa Corus u kull waħda minn dawn l-impriżi li kienet ukoll riflessa minn dawn il-prezzijiet kienet ġiet stabbilita, u kull possibbiltà ta' kompetizzjoni fuq il-prezzijiet tat-tubi lixxi mixtrijin minn Corus kienet ġiet eliminata. L-għażla tal-prezz tat-tubi tal-kamin mibjugħin minn Corus bħala indiċi mhijiex newtrali u tirrendi l-formula in kwistjoni ħafna differenti minn klawżola ta' indiċjar ordinarja. Kif ġie rrilevat fil-punt 160 hawn fuq, il-konsegwenza ta' din l-għażla kienet li t-tliet fornituri li kienu jipproduċu huma stess ukoll it-tubi bil-kamin, tilfu l-interess kummerċjali tagħhom biex jikkompetu ma' Corus bil-prezzijiet fuq is-suq tar-Renju Unit.

166 Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-formula għall-iffissar tal-prezz tat-tubi lixxi, prevista f'kull wieħed mit-tliet kuntratti ta' fornitura, kienet timplika skambju illegali ta' informazzjoni kummerċjali (ara l-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll, il-premessa 111 tagħha) li għandhom jibqgħu kunfidenzjali għax inkella tiġi kompromessa l-awtonomija tal-politika kummerċjali ta' l-impriżi li jkunu qegħdin jikkompetu (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II-347, punt 403, u British Steel vs Il-Kummissjoni, T-151/94, Ġabra p. II-629, punti 383 u segwenti)

167 L-argument ta' Mannesmann li bih issostni li ma ġiet żvelata lilha ebda informazzjoni kunfidenzjali dwar il-kwantitajiet ta' tubi mibjugħa minn Corus u l-prezzijiet imħallsin mill-klijenti ta' l-istess Corus, ma jistax jeżonaraha fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti.

168 F'dak li jikkonċerna l-kwantitajiet ta' tubi tal-kamin mibjugħin minn Corus, għandu jiġi kkonstatat li l-fornituri tagħha, fosthom Mannesmann, setgħu faċilment jikkalkolawhom, peress li kull wieħed minnhom kien jipprovdi, bħala prinċipju, perċentwali fiss tal-ħtiġijiet tagħha.

169 Min-naħa l-oħra, kif tirrileva Mannesmann, huwa minnu li Corus ma kinitx tikkomunika il-prezzijiet li hija kisbet għat-tubi tal-kamin tagħha lill-partijiet kontraenti tagħha bħala tali. B’konsegwenza, l-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-kuntratti ta' fornitura "kienu jobbligaw lil [Corus] sabiex tikkomunika lill-kompetituri tagħha il-prezzijiet ta’ bejgħ ipprattikati", teżaġera l-portata ta' l-obbligi kuntrattwali f'dan ir-rigward. Madankollu, fil-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata u quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni ġustament irrilevat li dawn il-prezzijiet kienu matematikament relatati mal-prezzijiet imħallsin għat-tubi lixxi, b'mod li t-tliet fornituri kkonċernati kienu rċevew indikazzjonijiet preċiżi fuq id-direzzjoni, iż-żmien u l-medda ta' kull varjazzjoni fil-prezzijiet tat-tubi tal-kamin mibjugħin minn Corus.

170 Għandu jiġi kkonstatat mhux biss li l-komunikazzjoni ta' din l-informazzjoni lill-kompetituri tikser l-Artikolu 81(1) KE, iżda li, minbarra dan, in-natura ta' dan il-ksur hija fis-sustanza l-istess, kemm jekk kienu l-prezzijiet tat-tubi bil-kamin innifishom jew biss informazzjoni dwar il-varjazzjoni tagħhom li kienu s-suġġett ta’ din il-komunikazzjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-ineżattezza rrilevata fil-punt preċedenti hija insinifikanti fil-kuntest aktar wiesgħa tal-ksur ikkunsidrat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u li, b’konsegwenza, m'għandha ebda impatt fuq il-konstatazzjoni ta' l-eżistenza tagħha.

171 Fir-rigward ta' l-argument ta' Mannesmann li huwa bbażat fuq ir-Regolament Nru 2790/1999, l-ewwelnett għandu jiġi rrilevat li dan ir-Regolament ma jistax japplika direttament fil-każ preżenti, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit-8 ta' Diċembru 1999, u li l-Artikolu 2 tiegħu jirreferi, f'dak li jikkonċerna Mannesmann, għall-perijodu li jibda mill-1993 sa l-1997, jiġifieri perijodu qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 2790/1999, fl-1 ta' Ġunju 2000.

172 Barra minn hekk, safejn dan ir-Regolament jista' madankollu jkun ta' relevanza fil-każ preżenti, safejn jikkostitwixxi l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni f'Diċembru 1999 fir-rigward tan-natura ftit dannuża għall-kompetizzjoni tal-ftehim vertikali, għandu jiġi rrilevat li dan ir-Regolament japplika l-Artikolu 81(3) KE. Madankollu, jirriżulta mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 17 li l-ftehim bejn l-impriżi ma jistgħux jibbenefikaw minn eżenzjoni individwali skond din id-dispożizzjoni ħlief jekk ikunu ġew innotifikati lill-Kummissjoni għal dan il-għan; ħaġa li ma saritx f'dan il-każ.

173 Minn dan isegwi li l-legalità tal-kuntratti in kwistjoni tista' tiġi analizzata biss taħt l-Artikolu 81(1) KE. B'hekk, iċ-ċirkustanza, anki jekk preżunta stabbilita, li dawn il-kuntratti kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet sostantivi ta' l-Artikolu 81(3) KE li jirregolaw l-għoti ta' eżenzjonijiet, fid-dawl tal-politika tal-Kummissjoni kif ukoll kif jirriżulta mir-Regolament Nru 2790/1999 tagħha, huwa irrilevanti fil-każ preżenti. Bil-kontra, l-addozzjoni ta' dan ir-Regolament f'Diċembru 1999 tikkonferma li, skond il-Kummissjoni, tali ftehim jiksru, bħala prinċipju, l-Artikolu 81(1) KE, peress li jeħtieġu l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) KE. B’konsegwenza, l-argument ta' Mannesmann li huwa bbażat fuq ir-Regolament Nru 3790/1999 għandu jiġi miċħud.

174 Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li peress li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata kien kostitwit mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jinsabu fil-kuntratti ta' fornitura nfushom, il-kunsiderazzjonijiet rrilevati hawn fuq huma biżżejjed biex jistabbilixxu l-eżistenza tiegħu.

175 Fil-fatt, irrispettivament mil-grad veru ta' prattika miftehma bejn l-erba' produtturi Ewropej, għandu jiġi kkonstatat li kull wieħed minnhom ikkonkluda wieħed mill-kuntratti ta’ fornitura li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u li jaqa’ bħala ksur taħt l-Artikolu 81(1) KE ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Jekk l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata jindika li l-kuntratti ta' fornitura ġew konklużi "fil-kuntest tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1", jirriżulta ċar mit-termini tal-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata li huwa l-fatt li kkonkludiet dawn il-kuntratti li jikkostitwixxi fih innifsu l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2.

176 Għaldaqstant, anke jekk jiġi preżuppost li Mannesmann irnexxielha turi li l-konklużjoni tal-kuntratt tagħha ma' Corus kien oġġettivament konformi ma' l-interess kummerċjali tagħha, dan il-fatt bl-ebda mod ma jħassar l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li dan il-ftehim kien illegali. Fil-fatt, il-prattiċi anti-kompetittivi huma spiss fl-interess kummerċjali individwali ta' l-imprizi, ta' l-anqas għal terminu qasir.

177 Fid-dawl ta' dawn il-konstatazzjonijiet, mhuwiex meħtieġ li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni bejn il-partijiet dwar is-sinifikat tal-penali prevista fil-kuntratti f'każ ta' nuqqas ta’ kunsnna, jiġifieri is-sempliċi riduzzjoni korrispondenti tal-parti tal-fornitur in kwistjoni, peress li l-argument imressaq minn Mannesmann f'dan ir-rigward għandu bħala għan li juri li kien kummerċjalment loġiku mill- punto di vista ta' Corus li tikkonkludi t-tliet kuntratti ta' fornitura hekk imfassla. L-argument li l-uniċi impriżi stabbiliti fil-Komunità li huma kapaċi jipproduċu tubi ta' dak id-daqs kienu Vallourec, Dalmine u Mannesmann huwa wkoll, għall-istess raġuni, irrilevanti.

178 Bl-istess mod, l-argumenti ta' Mannesmann dwar is-saħħa kummerċjali ta' Vallourec fuq is-suq tat-tubi tal-kamin, riżultanti mill-privattiva għall-konnessjonijiet premium "VAM" jirreferu essenzjalment għall-interessi kummerċjali li wasslu lil Mannesmann biex tikkonkludi kuntratt ta' fornitura għat-tubi lixxi ma' Corus u huma għalhekk irrilevanti. L-iktar l-iktar, dawn l-argumenti jistgħu iqiegħdu f’pespettiva, sa ċertu punt, l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni effettiva ta' Mannesmann fuq is-suq Britanniku tat-tubi tal-kamin, iżda ma jistgħux iħassru l-konstatazzjoni essenzjali li l-partijiet fil-kuntratti ta' fornitura issostitwixxew il-kooperazzjoni, jiġifieri ċertezza kummerċjali, għar-riskji tal-kompetizzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mas-swieq Britanniċi tat-tubi lixxi u tal-kamin.

179 Peress li l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ġiet ippruvata għas-suffiċjenza ta’ dritt, mhuwiex strettament neċessarju li jibqa' jiġi eżaminat ir-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-azzjoni miftehma bejn l-erba' produtturi Ewropej (ara l-punt 171 hawn fuq). B'mod partikolari, mhuwiex meħtieġ li jiġu analizzati għal dan il-għan l-argumenti imqajma minn Mannesmann fir-rigward tal-kumpless ta' indikazzjonijiet esterni għall-kuntratti ta' fornitura invokat mill-Kummissjoni biex sabiex turi r-realtà ta' din l-azzjoni miftehma.

180 Madankollu, safejn il-grad ta' azzjoni miftehma li kien eżista bejn l-erba' produtturi Komunitarji għal dak li jikkonċerna l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa rilevanti għall-eżami ta' uħud mil-motivi l-oħra mqajma fil-każ preżenti, hemm lok li jiġi eżaminat.

181 Għandu jiġi rrilevat, f'dan il-kuntest, li aġir li jidħol fil-pjan globali u li jsegwi għan komuni jista’ jiġu kkunsidrat bħala li jaqa’ taħt ftehim wieħed (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Siment, punt 42 iktar ’il fuq, punt 4027). Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni turi li impriża, meta hija tkun ipparteċipat għal akkordji, kienet taf jew kellha bilfors tkun taf li, meta għamlet dan, hija kienet qed tidħol fi ftehim wieħed, il-parteċipazzjoni tagħha għall-akkordji in kwistjoni jista' jikkostitwixxi l-espressjoni ta' l-adeżjoni tagħha ma' dan il-ftehim (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Siment, punt 42 iktar ’il fuq, punti 4068 u 4109).

182 F'dan ir-rigward, id-dokument Riflessjonijiet dwar il-kuntratt VAM, tat-23 ta' Marzu 1990, huwa partikolarment rilevanti. Taħt il-titlu "Xenarju II", is-Sur Verluca fih jindika l-possibbiltà li l-"Ġappuniżi jintrabtu li huma ma jintervjenux fuq [is]-suq [Britanniku] u li l-problema tiġi rregolata bejn l-Ewropej". Huwa jkompli billi jgħid : "f'dan il-każ, it-tubi lixxi jkunu qegħdin jitqassmu effettivament bejn [Mannesmann], [Vallourec] u Dalmine". Fil-paragrafu sussegwenti, huwa jirrileva li "probabbilment ikun hemm interess li l-bejgħ ta' [Vallourec] jingħaqad mal-prezz u mal-volum ta' VAM mibjugħ minn [Corus]".

183 Peress li din l-aħħar proposta tirrifletti preċiżament it-termini essenzjali tal-kuntratt konkluż bejn Vallourec u Corus sittax-il xahar wara, jidher ċar li din l-istrateġija kienet effettivament ġie imħaddna minn Vallourec u li l-imsemmi kuntratt kien ġie ffirmat biex jimplimentaha.

184 Minbarra dan, il-fatt li kuntratt prattikament identiku ġie sussegwentement iffirmat bejn Corus, minn naħa, u kull wieħed mill-membri Ewropej l-oħra tal-klabb Ewropa-Ġappun, min-naħa l-oħra, jiġifieri Dalmine u, sussegwentement, Mannesmann, b'mod li l-bżonnijiet ta' Corus għal tubi lixxi kienu effettivament mqassma bejn it-tliet membri l-oħra tal-klabb Ewropa-Ġappun minn Awissu 1993, preċiżament kif kien ippjana s-Sur Verluca, jikkonferma li dawn it-tliet kuntratti kellhom jiġu konklużi bil-għan li jsegwu l-istrateġija komuni proposta fil-kuntest ta’ l-azzjoni miftehma tagħhom ġewwa l-imsemmi klabb.

185 Din il-konklużjoni hija msaħħa mill-elementi ta' prova invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, partikolarment fil-premessa 91 tagħha, li hija miktuba kif ġej :

"Fil-21 ta' Jannar 1993, [Corus] bagħtet lil Vallourec (huwa probabbli li intbagħat ukoll lil [Mannesmann] u Dalmine) abbozz ta' proposti għal ftehim fuq ir-ristrutturazzjoni tas-settur tat-tubi mingħajr saldatura, li ġie diskuss matul laqgħa f'Heathrow, fid-29 ta' Jannar 1993, bejn Mannesmann/Vallourec/Dalmine/[Corus] (paġna 4628 [tal-fajl tal-Kummissjoni, jiġifieri l-ewwel paġna tad-dokument intitolat 'Abbozz ta' proposti għal ftehim ta’ ristrutturazzjoni li jikkonċerna t-tubi mingħajr saldatura]). F'dan id-dokument, hemm miktub : '([Corus] indikat l-intenzjoni tagħha li eventwalment tirtira mis-settur tat-tubi mingħajr saldatura. Hija tixtieq tagħmel dan b'mod organizzat u kkontrollat, bil-għan li tevita kull interruzzjoni fil-forniment tat-tubi lill-klijenti tagħha u li tgħin lill-produtturi li jakkwistaw dan is-settur biex iżommu l-ordnijiet [...] Matul l-aħħar sitt xhur, seħħew diversi diskussjonijiet bejn [Corus] u l-produtturi l-oħra li kienu interessati jixtru l-attiv ta' [Corus], u [Corus] taħseb li hemm kunsens dwar il-linja ta' azzjoni deskritta f'dan id-dokument]'. Waħda mill-proposti kienet tikkonsisti li jiġu trasferiti lil Vallourec l-attivitajiet OCTG fejn fl-istess waqt jinżammu fis-seħħ il-kuntratti ta' forniment ta' tubi lixxi bejn [Corus] u Vallourec, [Mannesmann] u Dalmine, mingħajr tibdil fil-proporzjonijiet. F'dak l-istess jum, inżammet laqgħa bejn [Mannesmann] u [Corus] fejn [Mannesmann] '[aċċettat li Vallourec tieħu l-kmand f'dak li għandu x'jaqsam ma’ l-akkwist tas-settur OCTG ]' ([p]aġna 4626 [tal-fajl tal-Kummissjoni, jiġifieri l-unika paġna ta’ faks mibgħuta fit-22 ta' Jannar 1993 mis-sur Davis ta' Corus lis-sur Patrier ta' Vallourec]). Id-dokument ta' Dalmine intitolat ['Sistema għat-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura fl-Ewropa u l-iżvilupp tas-suq' (' Seamless steel tube system in Europe and market evolution ') u riprodott f'paġna 2051 tal-fajl tal-Kummissjoni ([p]aġna 2053 [tal-fajl tal-Kummissjoni]), ta' Mejju-Awissu 1993 kien jgħid li s-soluzzjoni utli għall-problema ta’ [Corus] setgħet tinstab biss f’kuntest Ewropew ; il-fatt li Vallourec kienet ser takkwista l-impjanti ta' [Corus] kien ukoll ġie ammess minn Dalmine."

186 Jeħtieġ li jiġi rrilevat, barra minn hekk, li fin-nota "Riflessjonijiet strateġiċi", iċċitata fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata, Vallourec ikkunsidrat espliċitament il-possibbiltà li Dalmine u Mannesmann jiftehmu magħha sabiex jipprovdu t-tubi lixxi lil Corus. Aktar minn hekk, fil-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dokument "g) Ġappuniż", partikolarment fuq il-kalendarju li jidher fir-raba' paġna tiegħu (paġna 4912 tal-fajl tal-Kummissjoni), sabiex tirrileva li l-produtturi Ewropej kienu żammu xi laqgħat preparatorji qabel ma jiltaqgħu mal-produtturi Ġappunizi, bil-għan li jikkoordinaw il-pożizzjoni tagħhom u joħorġu bi proposti komuni fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun.

187 Mill-provi dokumentarji invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u msemmijin hawn fuq, jirriżulta li l-erba' produtturi Komunitarji effettivament iltaqgħu sabiex jikkoordinaw il-pożizzjoni tagħhom fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun qabel il-laqgħat inter-kontinentali ta' l-istess, ta' l-anqas fl-1993. Ġie stabbilit ukoll li l-għeluq ta' l-impriża tal-produzzjoni tal-kamin ta' Corus fi Clydesdale u t-teħid tagħha minn Vallourec, kif ukoll il-forniment tat-tubi lixxi lil din l-impriża minn Dalmine u Mannesmann, kienu s-suġġett tad-diskussjonijiet waqt dawk il-laqgħat. Għaldaqstant, huwa inkonċepibbli li Mannesmann setgħet tinjora l-istrateġija elaborata minn Vallourec u l-fatt li l-kuntratt ta' forniment tagħha ma' Corus kien jidħol fi ftehim antikompetittiv aktar wiesgħa li jaffettwa kemm is-suq tat-tubi bil-kamin standard kif ukoll dak tat-tubi lixxi.

188 Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-argument ta' Mannesmann li t-tielet kuntratt ta' fornitura, bejnha u bejn Corus, kien ġie konkluż ħafna aktar tard mit-tnejn l-oħra, b'mod li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddeduċi minnu l-eżistenza ta' ksur wieħed li jinvolvi l-erba' produtturi Ewropej, jeħtieġ li jiġi rrilevat li n-nuqqas ta’ kuntratt ta' forniment bejn Mannesmann u Corus qabel l-1993 ma setax iħassar l-argument tal-Kummissjoni. Fil-fatt, jekk l-istrateġija tat-tqassim tal-forniment tat-tubi lixxi ġiet implementata pjenament biss mill-mument meta Corus kellha tliet fornituri, l-iffirmar taż-żewġ kuntratti l-oħra kien jikkostitwixxi implementazzjoni parzjali ta' dan il-proġett, qabel ir-realizzazzjoni sħiħa tiegħu.

189 Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-referenza li hemm fid-dokument intitolat "Abbozz ta' proposti għal ftehim ta' ristrutturazzjoni li jikkonċerna t-tubi mingħajr saldatura", ta’ l-21 ta' Jannar 1993, għall-fatt li Mannesmann kienet diġà tiffornixxi lil Corus bit-tubi lixxi, aktar milli hija mhijiex konċiljabbli mal-firma ta’ kuntratt ta' forniment minn Corus u Mannesmann f'Awissu 1993, kif issostni Mannesmann, issaħħaħ l-analiżi tal-Kummissjoni. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni, per prudenza, ma kkonstatatx l-eżistenza tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata fil-konfront ta' Mannesmann ħlief mid-9 t'Awissu 1993 peress li l-firma ta’ kuntratt ta' forniment ma' Corus f'dik id-data kienet prova ċerta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, jirriżulta mir-referenza msemmija hawn fuq li, fir-realtà, Mannesmann kienet tiffornixi lil Corus bit-tubi lixxi sa minn Jannar 1993.

190 B'hekk, jirriżulta mill-elementi ta' prova invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li Vallourec fehmet l-istrateġija ta’ protezzjoni tas-suq tar-Renju Unit u kkonkludiet kuntratt ta' forniment ma' Corus li kien jippermetti, partikolarment, iwassal fl-ewwel lok biex jimplementaha. Sussegwentement, Dalmine u Mannesmann ingħaqdu magħhom, kif huwa affermat mill-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ formiment ma’ Corus minn kull wieħed minn dawn iż-żewġ impriżi.

191 Fl-aħħarnett, fir-rigward ta' l-allegazzjonijiet dwar in-nuqqas ta' effett apprezzabbli fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, għandu jiġi kkunsidrat li tali allegazzjonijiet huma inammissibbli skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-proċedura, u dan skond l-argument tal-Kummissjoni.

192 Fil-fatt, permezz ta’ dawn l-argumenti, li ġew imqajma għall-ewwel darba fir-replika, Mannesmann takkuża lill-Kummissjoni li għamlet żball ta’ dritt jew ta’ valutazzjoni f'dak li jikkonċerna waħda mill-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE. Peress li l-argumenti fuq il-mertu mhumiex ta' ordni pubblika, mhuwiex obbligu tal-qorti Komunitarja li tqajjimhom ex officio .

193 Għandu jiġi rrilevat, għal kull għan utli, li l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet bħala infondati argumenti komparabbli ma’ dawk imressqin minn Mannesmann f'kawżi li ġew magħquda mal-kawża preżenti għall-finijiet tas-seduta (ara s-sentenzi Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, b'mod partikolari l-punti 156 u 157, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, b'mod partikolari il-punti 367 sa 374 u 386 sa 395).

194 Fir-rigward ta' l-argument li l-effetti anti-kompetittivi tal-kuntratt konkluż bejn Mannesmann u Corus ma kinux sinifikanti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan huwa ammissibbli safejn jikkostitwixxi elaborazzjoni ta' l-argumenti diġà mressqa fir-rikors fejn ingħad li l-Kummissjoni ma urietx għas-suffiċjenza ta’ dritt li l-kuntratti ta' forniment sanzjonati mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata kellhom bħala għan jew effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni skond l-Artikolu 81 KE.

195 Fuq il-mertu, għandu jiġi mfakkar, l-ewwelnett, li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha mhux biss fuq l-effetti, imma wkoll fuq l-għan restrittiv ta' l-akkordju sanzjonat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-punti 157 u segwenti iktar ’il fuq).

196 F'dan ir-rigward, l-impriżi li jikkonkludu ftehim li b’mod partikolari għandu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ma jistgħux bħala prinċipju, jevitaw l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE billi jallegaw li l-ftehim tagħhom ma kellux ikollu impatt apprezzabbli fuq il-kompetizzjoni (ara wkoll il-punt 130 iktar ’il fuq).

197 Fil-fatt, il-kuntratti sanzjonali fl-Artikolu tad-deċiżjoni kkontestata kienu ġew maħsuba, kif ġie deċiż ukoll fil-punti 179 u segwenti iktar ’il fuq, b’mod partikolari sabiex jaqsmu l-forniment tat-tubi lixxi lil Corus li kienet il-"fornitur prinċipali" (" leader ", ara l-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata) fuq is-suq tar-Renju Unit bejn il-kompetituri Ewropej tagħha li kienu wkoll membri tal-klabb Ewropa-Ġappun. Dawk il-kuntratti kienu jipprovdu, minbarra dan, il-komunikazzjoni illegali minn Corus ta' informazzjoni kummerċjali. B'dak il-mod, l-għan tagħhom stess kien jinvolvi restrizzjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni fuq is-suq tar-Renju Unit, li kien suq distint minħabba l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkonetstata (sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, punti 267 u 268), u dan irrispettivament mill-effetti tagħhom.

198 Per konsegwenza, l-ilmenti miġbura hawn fuq għandhom jiġu miċħuda fuq il-mertu safejn dawn kienu relatati mal-kwistjoni dwar jekk il-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ssodisfax il-kriterju dwar l-eżistenza ta' l-għan jew ta' l-effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni b'mod apprezzabbli.

199 Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-argument ta' Mannesmann li huwa bbażat fuq il-komunikazzjoni ta' l-1997 huwa ammissibbli minkejja l-fatt li dan ġie mressaq għall-ewwel darba fir-replika. Fil-fatt, Mannesmann tirreferi għal din il-komunikazzjoni sabiex issaħħaħ l-argument tagħha, li diġà ġie invokat fir-rikors tagħha, li jgħid li l-kuntratti ta' forniment ma kinux ftehim anti-kompetittivi li kisru l-Artikolu 81(1) KE.

200 Fuq il-mertu, għandu jiġi rrilevat, l-ewwelnett, li l-komunikazzjoni ta' l-1997 hija applikabbli ratione temporis fil-każ preżenti peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fl-1999. Din il-komunikazzjoni ta' l-1997 tirrifletti l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni f'dik id-data fuq il-ftehim li għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jiksru l-Artikolu 81(1) KE. Għandu jiġi rrilevat, b'mod partikolari, li l-komunikazzjoni ta' l-1997 tiffissa l-limiti f'termini ta' perċentwali, b'mod li, għad-differenza tal-komunikazzjonijiet preċedenti li jiffissaw il-limiti f'valur assolut, dik tirrifletti żvilupp tal-politika u/jew ta' l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni u mhux sempliċiment kunsiderazzjoni tal-ksur. F'dawn il-kundizzjonijiet, hija l-komunikazzjoni ta' l-1997 li hija rilevanti għall-evalwazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u mhux dik ta' l-1986, minkejja l-fatt li l-kuntratti in kwistjoni kienu ġew iffirmati fl-1991 u fl-1993.

201 Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li l-komunikazzjoni ta' l-1997 ma tistax tiġi invokata sabiex tivvalida il-kuntratti ta' forniment fil-każ preżenti, peress li dawk il-kuntratti kkontribwixxew għall-implementazzjoni ta' ftehim anti-kompetittiv aktar wiesa' li jikkonċerna t-tubi bil-kamin, li ma jistax jiġi kopert bit-termini ta' l-imsemmija komunikazzjoni (ara l-punti 179 u segwenti iktar ’il fuq). Fil-fatt, l-għan u l-effetti anti-kompetittivi ta' dawn il-kuntratti, in parte , jaqbżu dawk li jirriżultaw direttament mid-dispożizzjonijiet tagħhom, b'mod li l-applikazzjoni mekkanika tal-komunikazzjoni ta' l-1997 għall-kuntratti biss ma jieħux in kunsiderazzjoni b'mod adegwat l-impatt tagħhom fuq is-swieq in kwistjoni.

202 F'kull ipoteżi, iċ-ċifri msemmijin minn Mannesmann sabiex turi li l-parti tas-suq ta' l-impriżi in kwistjoni huwa inqas mil-limiti kkunsidrati fil-komunikazzjoni ta' l-1997 jirreferu għas-suq dinji tat-tubi OCTG . Madankollu, il-komunikazzjoni ta' l-1997 tippreċiża li huma "l-ishma mis-swieq miżmuma mill-impriżi parteċipanti kollha" li m'għandhomx jaqbżu l-limitu "fuq kwalunkwe mis-swieq ikkonċernati".

203 F'dan ir-rigward, jekk i d-definizzjoni li tidher fil-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għas-suq ġeografiku "dinji" għat-tubi OCTG mingħajr saldatura, din id-definizzjoni għandha tinqara fid-dawl tad-deskrizzjoni dettaljata tad-diversi partijiet tal-ftehim konklużi fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun, partikolarment ir-Regoli fundamentali. Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, meħuda kollha kemm hi, partikolarment fil-premessi 53 sa 77 tagħha, li l-aġir tal-produtturi Ġappuniżi u Ewropej fuq kull suq nazzjonali jew, f'ċerti każijiet, fuq is-suq ta' ċertu reġjun tad-dinja kien iddeterminat minn regoli speċifiċi li kienu jvarjaw minn suq għall-ieħor u li kienu jirriżultaw min-negozjati kummerċjali fi ħdan il-klabb Ewropa-Ġappun.

204 F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija d-deskrizzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni eżistenti fuq kull suq li tikkostitwixxi l-analiżi vera tas-swieq ġeografiċi in kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, hemm lok li l-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata tiġi interpretata bħala li tinkludi fiha definizzjoni tas-suq ġeografiku tat-tubi OCTG mingħajr saldatura kif suppost normalment jeżisti tenut kont tal-kunsiderazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi purament oġġettivi, fin-nuqqas ta’ ftehim illegali li għandhom bħala għan jew bħala effett li jaqsmuh b'mod artifiċjali.

205 Għaldaqstant, jeħtieġ li l-argumenti ta' Mannesmann dwar il-perċentwali mnaqqsa tal-bejgħ magħmul minn Corus u minnha stess fuq is-suq dinji tat-tubi OCTG jiġu miċħuda bħala irrilevanti. Anke kieku kellha tiġi applikata l-komunikazzjoni ta' l-1997, huma l-ishma mis-suq britanniku, jew ta' l-anqas fuq is-suq komunitarju li jinħtieġ li jiġu kkunsidrati. Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, partikolarment miċ-ċifri kkonstatati fil-premessi 68 u 113 tagħha, li l-ishma tas-suq ta' Corus biss, li kienet parti f'kull kuntratt ta' forniment, fuq is-suq Britanniku kif ukoll fuq is-suq komunitarju, kienu nettament akbar mil-limiti ffissati mill-komunikazzjoni ta' l-1997, kemm jekk huwa 10% tas-suq applikabli għall-ftehim vertikali jew dak tal-5% applikabbli għall-akkordji orizzontali. Għaldaqstant, huwa ċar li l-kuntratti in kwistjoni mhumiex ftehim ta' importanza minuri skond l-imsemmija komunikazzjoni ta' l-1997.

206 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kuntratti ta' forniment kienu jikkostitwixxu l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u b’jekk kienu jistabbilixxu l-eżistenza ta' l-imsemmi ksur għas-suffiċjenza ta’ dritt. Għandu wkoll li jiġi rrilevat, għal kull għan utli, li l-elementi ta' prova addizzjonali msemmijin mill-Kummissjoni jikkonfermaw il-korrettezza ta’ l-argument tagħha li l-kuntratti kienu jidħlu f’politika komuni aktar wiesgħa li kienet taffettwa s-suq tat-tubi bil-kamin OCTG standard .

Fuq it-talba għal tnaqqis ta' l-ammont tal-multa

Fuq ir-regoli li jirregolaw il-kalkolu tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

207 Preliminarjament, Mannesmann takkuża lill-Kummissjoni li ma applikatx b'mod korrett ir-regoli dwar l-iffissar ta' l-ammont tal-multi, b'mod partikolari l-linji gwida għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, aktar ’il quddiem il-“linji gwida għall-kalkolu tal-multi”) u l-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Hija tinvoka wkoll, f'dan ir-rigward, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni li kienet ħolqot aspettattiva leġittima fir-rigward tal-metodu ta' kalkolu u tal-livell ta' multi imposti mill-Kummissjoni.

208 Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti żżid li d-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix espressament għal-linji gwida msemmijin iktar ’il fuq, u għaldaqstant, mhijiex konformi mar-rekwiżiti ta' motivazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 253 KE. Fil-fatt, skond Mannesmann, jekk l-imsemmija linji gwida ma kinux applikabbli fil-każ preżenti, il-Kummissjoni kellha tikkonforma mal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha u tiffissa l-ammont tal-multa skond il-fatturat magħmul minn Mannesmann fuq is-suq rilevanti. Il-Kummissjoni ma tistax titbiegħed minn din il-prassi preċedenti mingħajr ma tispeċifika l-motivi għal dik id-deċiżjoni. Barra minn hekk, kieku kellu jirriżulta li l-Kumissjoni applikat impliċitament il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, Mannesmann issostni li l-Artikolu 253 KE xorta waħda ma ġiex osservat. Fil-fatt, f'dak il-każ, il-Kummissjoni kienet tkun obbligata li, fid-deċiżjoni, turi l-elementi kkunsidrati minnha biex tiffissa l-ammont tal-multa (ara s-sentenza Siment, punt 42 iktar ’il fuq, punti 4725 u segwenti; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 283).

209 Il-Kummissjoni tirribatti li l-argument tar-rikorrenti, li ġie mqajjem għall-ewwel darba fir-replika, jirrigwarda l-allegata vjolazzjoni tal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha għal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi. Dan huwa motiv ġdid, peress li Mannesmann kienet inizjalment illimitat l-argumenti tagħha fuq il-ksur ta’ l-imsemmija linji gwida. Dan il-motiv huwa inammissibbli skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li din hija konformi mar-rekwiżiti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-16 ta' Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni (C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punti 44 et seq ). Il-Kummissjoni fil-fatt iddeċidiet fuq il-gravità tal-ksur (premessi 159 sa 165 tad-deċiżjoni kkontestata), fuq id-dewmien tiegħu (premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata) u kif ukoll fuq l-eżistenza taċ-ċirkustanzi mitiganti (premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata) u fuq l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħarnett, id-deċiżjoni kkontestata hija konformi mal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

210 Għandu jiġi rrilevat l-ewwelnett li, fil-kuntest ta' rikors għal annullament, il-motiv ibbażat fuq xi nuqqas jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta' att Komunitarju jikkostitwixxi motiv ta' ordni pubblika li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti Komunitarju u li, per konsegwenza, jista' jiġi invokat mill-partijiet f'kull stadju tal-proċeduri (ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757, punt 125). Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni għal dak li jikkonċerna l-metodu ta' kalkolu tal-multi ma ġiex imqajjem għall-ewwel darba ħlief fir-replika ma twassalx għall-konsegwenza li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tanalizzah fil-każ preżenti.

211 F'dan ir-rigward, skond ġurisprudenza kostanti, ir-rekwizit ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, partikolarment mill-kontenut ta' l-att, in-natura tal-motivi invokati u ta' l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra milqutin direttament u individwalment mill-att jistgħu jkollhom biex jirċievu l-ispjegazzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-56/93, Ġabra p. I-723, punt 86 u Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, punt 126 iktar ’il fuq, punt 63). Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta' fatt u ta’ dritt rilevanti, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem tagħha, imma wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll mill-ġabra tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja in kwistjoni (sentenza Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, punt 72 iktar ’il fuq, punt 81).

212 Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta' diskrezzjoni fl-iffissar ta' l-ammont tal-multi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 t'April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59, u b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 t'Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127), hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tistax titbiegħed mir-regoli li hija stess imponiet fuqha nfisha (sentenza Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 53, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-51/92 P, Ġabra p. I-4235, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-Kummissjoni għandha effettivament tikkunsidra t-termini tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, partikolarment l-elementi li huma obbligatorji.

213 Fil-każ preżenti, jirriżulta ċar mill-qari tal-premessi 156 sa 175 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni applikat il-metodu ta' kalkolu previst mil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, hekk kif hija kienet obbligata tagħmel f'kull każ, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta' referenza espressa għal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi fid-deċizjoni kkontestata mhuwiex tali li jagħmilha illegali fuq il-bażi tan-nuqqas ta' motivazzjoni. Fil-fatt, tali referenza kienet isservi biss biex satikkonferma cirkustanza li kellha tkun evidenti għal Mannesmann f'kull każ, b’kunsiderazzjoni tal-kuntest ġuridiku espost hawn fuq.

214 B’konsegwenza, l-argument ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni f'dan ir-rigward huwa miċħud.

215 Fir-rigward tal-motiv ta' Mannesmann ibbażat fuq il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni u fuq l-aspettattiva leġittima li toħroġ minnha, hemm lok li jiġi kkunsidrat l-ewwel nettli dan l-argument huwa ammissibbli, peress li ġie sollevat, għalkemm b'mod suċċint, fir-rikors, jiġifieri fil-punt 74 ta' l-istess fil-kuntest ta' l-argument tagħha dwar il-kwistjoni tal-gravità tal-ksur. Għaldaqstant, l-argument fuq dan is-suġġett fir-replika għandu jiġi kkunsidrat bħala espansjoni ta' dan l-argument.

216 Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar, għal dak li jikkonċerna l-imsemmi argument fuq il-mertu, li, fir-rigward tal-marġni ta' evalwazzjoni mogħti mir-Regolament Nru 17 lill-Kummissjoni (ara, f'dan ir-rigward, il-punt 212 iktar ’il fuq), l-introduzzjoni mill-istess Kummissjoni ta' metodu ġdid għall-kalkolu ta' l-ammont tal-multi, tista’ twassal, f’ċerti każijiet, għal żieda fil-livell tal-multi, mingħajr ma b'daqshekk jeċċedi l-limitu massimu ffissat mill-istess Regolament, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala żieda, b'effett retroattiv, tal-multi kif inhuma ġuridikament previsti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (ara, anke jekk pendenti fl-appell, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 235).

217 Għaldaqstant huwa irrilevanti li jiġi rrilevat li l-kalkolu ta' l-ammont tal-multi skond il-metodu espost fil-linji gwida għall-kalkolu tagħhom jista' jwassal lill-Kummissjoni biex timponi multi iktar għolja minn dawk tal-prassi preċedenti tagħha, partikolarment in kwantu ma jittieħdux in kunsiderazzjoni b’mod sistematiku tad-differenzi tad-daqs bejn l-impriżi. Fil-fatt, il-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta' diskrezzjoni fl-iffissar ta' l-ammont tal-multi bil-għan li tidderieġi l-aġir ta' l-impriżi sabiex dawn josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni (ara l-punt 212 iktar ’il fuq u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il-Kummissjoni, T-49/95, Ġabra p. II-1799, punt 53). Minbarra dan, il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta' ċertu livell għal għal ċerti tipi ta' ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati mir-Regolament Nru 17, jekk dak ikun neċessarju sabiex tiġi assigurata l-implementazzjoni tal-politika komunitarja tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 109; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-12/89, Ġabra p. II-907, punt 309 u ta' l-14 ta' Mejju 1998, Europa Carton vs Il-Kummissjoni, T-304/94, Ġabra p. II-869, punt 89). Bil-kontra, l-effettività tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista' fi kwalunkwe mument tadatta l-livell tal-multi għall-żonnijiet ta' dik il-politika (ara s-sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il quddiem, punt 109, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq, punti 236 u 237).

218 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li Mannesmann ma tistax tibbaża ruħha fuq il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq l-iffissar ta' l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

219 Mannesmann tinvoka imbagħad erba' ilmenti prinċipali dwar l-iffissar ta' l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

Fuq il-gravità tal-ksur ikkunsidrat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

220 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-gravità tal-ksur ikkunsidrat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tfakkar li l-gravità tal-ksur għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' l-effetti tagħha fuq is-suq (punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi). Anke kieku l-ksur in kwistjoni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala "gravi ħafna" skond l-imsemmija linji, Mannesmann takkuża lill-Kummissjoni li din ħadet in kunsiderazzjoni l-effetti tagħhom fuq is-suq bħala ċirkustanzi aggravanti.

221 Ir-rikorrenti ssostni li hija diġà uriet għas-suffiċjenza ta’ dritt li l-ksur ikkunsidrat fl-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata ma kinux twettqu. Hija titlob it-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, ta' l-anqas sal-punt li fih il-Kummissjoni ikkunsidrat li l-ksur ikkontemplat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata kellu bħala effett li jaltera l-kompetizzjoni.

222 Meta hija ffissat l-ammont bażiku tal-multa, mingħajr ma kkunsidrat id-daqs jew il-fatturat magħmul fuq is-suq, il-Kummissjoni kienet eċċediet il-limiti tal-poter ta' diskrezzjoni tagħha. Madankollu, l-ekwità u l-prinċipju tal-proporzjonalità jeżieġu li l-impriżi ma jitpoġġewx fuq l-istess livell, imma li l-aġir tagħhom jiġi sanzjonat skond ir-rwol personali tagħhom jew skond l-impatt tal-ksur. Ċerta ġustizzja "distributtiva" għandha wkoll tiġi ggarantita lill-impriżi l-kbar, u dan kif jindika l-limitu massimu ta' l-ammont tal-multi llimitat sa 10% tat- turnover previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

223 Il-Kummissjoni kienet ukoll aġixxiet lil hinn mill-limiti tal-poter ta' diskrezzjoni tagħha meta imponiet fuqha multa separata minn dik tal-ksur imputat lil Vallourec, meta Mannesmann ħadet il-kontroll ta' dik l-impriża. Il-Kummissjoni kellha timponi waħda lil Mannesmann, fejn ħadet in kunsiderazzjoni l-aġir tas-sussidjarja tagħha Vallourec. Billi m’għamlitx dan, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' l-ugwaljanza fit-trattament u abbużat mill-poter tagħha.

224 Il-Kummissjoni ssostni li l-ftehim li l-għan tiegħu huwa li tiġi assigurata l-protezzjoni tas-swieq nazzjonali fil-kuntest tal-klabb Ewropa-Ġappun jikkostitwixxi, min-natura tiegħu, ksur gravi ħafna (premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata).

225 In kwantu l-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 ma jagħtix lok għall-impożizzjoni ta' multa separata, l-ilmenti dwar in-nuqqas ta' effetti anti-kompetittivi ta' dak il-ksur huma irrilevanti.

226 Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li Mannesmann, Vallourec u Dalmine għandhom jiġu kkunsidrati kollha kemm huma bħala impriżi kbar (ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280/KE, tat-3 t'April 1996, dwar id-definizzjoni ta' l-impriżi żgħar u medji (ĠU L 107, p.4). Il-limitu massimu assolut għall-multi previst mir-Regolament Nru 17 ma jobbligax lill-Kummissjoni li tistabbilixxi, fil-kalkolu ta' l-ammont bażiku ta’ multa, divrenzjar bejn impriżi kbar.

227 Il-Kummissjoni tfakkar li Mannesmann ħadet il-kontroll ta' Vallourec fl-1997. Matul it-tul ta’ żmien kollu tal-ksur, dawn iż-żewġ impriżi kienu indipendenti waħda mill-oħra u l-Kummissjoni b’hekk imponietilhom żewġ multi distinti. Jekk il-Kummissjoni kellha tnaqqas l-ammont tal-multi minħabba l-fużjoni ta' l-impriżi kontraenti f’akkordju wara li dan jiġi skopert, l-effett dissważiv tal-multi jkun b'hekk ridott sostanzjalment.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

228 Għandu jiġi rrilevat l-ewwelnett li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista’ timponi multi ta’ mill-inqas elf ewro sa miljun ewro l-aktar, dan l-aħħar ammont jista’ jiġi miżjud sa 10% tal-fatturat magħmul matul is-sena finanzjarja preċedenti minn kull waħda mill-impriżi li jkunu pparteċipaw fil-ksur. Sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa f’dawn il-limiti, l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-gravità u d-dewmien tal-ksur.

229 Kuntrarjament għal dak li ssostni Mannesmann, la r-Regolament Nru 17, la l-ġurisprudenza, u lanqas il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi ma jipprovdu li l-multi għandhom jiġu ffissati direttament skond id-daqs tas-suq affettwat. Dan il-fattur huwa infatti wieħed fost elementi rilevanti l-oħra. Fil-fatt, skond ir-Regolament Nru 17, kif interpretat mill-ġurisprudenza, il-multa imposta fuq impriża minħabba l-ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandha tkun proporzjonata mal-ksur, meqjus kollu kemm hu, u b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-gravità tiegħu (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 t’Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 240, u b’analoġija, is-sentenza Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, punt 212 iktar ’il fuq, punt 127). Kif affermat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 120 tas-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, huwa meħtieġ li, biex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur, li jittieħdu in kunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi li n-natura u l-impostanza tagħhom ivarjaw skond it-tip ta’ ksur in kwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ l-istess (ara, wkoll, is-sentenza Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 127).

230 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, jekk il-Kummissjoni, ma invokatx espressament il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi fid-deċiżjoni kkontestata, hija madankollu ffissat l-ammont tal-multi imposti fuq id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata billi applikat il-metodu ta' kalkolu li hija imponiet fuqha nfisha (ara l-punt 212 iktar ’il fuq).

231 Madankollu, kif ġie mfakkar iktar ’il fuq, jekk il-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta' diskrezzjoni fl-iffissar ta' l-ammont tal-multi, hemm lok li jiġi kkonstatat li hija ma tistax titbiegħed mir-regoli li hija stess imponiet fuqha nifisha (ara l-punt 212 hawn fuq u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-Kummissjoni għandha effettivament tikkunsidra t-termini tal-linji gwida meta hija tiffissa l-ammont tal-multi, partikolarment l-elementi li huma kkunsidrati bħala obbligatorji. Madankollu, il-marġni ta' diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija stabbiliet fih fl-ebda każ ma jippreġudikaw l-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa mill-qorti Komunitarja.

232 F'dan ir-rigward għandu iġi rrilevat li, skond il-punt 1 A tal-linji gwida għall- kalkolu tal-multi, “[l]-evalwazzjoni tan-natura tal-gravità tal-ksur għandha tieħu in kunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan jista’ jitkejjel u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat”. Madankollu, fil-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li hija ħadet id-debita kunsiderazzjoni ta’ dawn it-tliet kriterji sabiex tiddetermina l-gravità tal-ksur.

233 Madankollu, il-Kummissjoni, fil-premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażat ruħha essenzjalment fuq in-natura ta’ l-aġir illegali ta’ l-impriżi kollha sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha li l-ksur li ġie kkunsidrat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa “gravi ħafna”. F’dan ir-rigward, hija invokat in-natura gravement anti-kompetittiva u ta’ ħsara għall- funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-ftehim ta’ tqassim tas-swieq sanzjonat, in-natura intenzjonata ta’ l-illegalità mwettqa kif ukoll in-natura delibera ta’ l-illegalità mwettqa kif ukoll in-natura sigrieta u istituzzjonalizzata tas-sistema implimentata sabiex tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Fl-istess premessa 161, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni wkoll il-fatt li “l-erba’ Stati Membri in kwistjoni jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-konsum tat-[tubi] OCTG u tal-[pajpjiet għat-trasport] mingħajr saldatura fil-Komunità u għalhekk suq ġeografiku wiesgħa’”.

234 Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata li “l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq ġie llimitat” peress li ż-żewġ prodotti speċifiċi milqutin minnu, jiġifieri t-tubi standard OCTG u l-pajpijiet tal-qies għat-“proġett”, ma jirrappreżentawx ħlief 19% tal-konsum Komunitarju tat-tubi OCTG u tal-pajpjiet ta’ trasport mingħajr saldatura u li t-tubi ssaldjati setgħu minn dak il-mument ikopru parti mid-domanda għat-tubi mingħajr saldatura minħabba l-progress teknoloġiku.

235 Għaldaqstant, fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara li kklassifikat dan il-ksur bħala “gravi ħafna” abbażi tal-fatturi elenkati fil-premessa 161, ħadet in kunsiderazzjoni l-kwantità relattivament imnaqqsa tal-bejgħ tal-prodotti in kwistjoni mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata fl-erba’ Stati Membri kkonċernati (EUR 73 miljun fis-sena). Din ir-referenza għad-daqs tas-suq affettwat tikkorrispondi għall-evalwazzjoni ta’ l-impatt limitat tal-ksur fuq is-suq fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk il-Kummissjoni ddeċidiet li timponi ammont skond il-gravità tal-ksur għal EUR 10 miljun biss. Madankollu, il-linji gwida għal kalkolu tal-multi jipprovdu, bħala prinċipju, multa “ogħla minn [EUR] 20 miljun ” għal ksur li jaqa’ taħt din il-kategorija.

267 Għandu jiġi eżaminat jekk il-metodu tal-Kummissjoni espost iktar ’il fuq huwa illegali fid-dawl ta' l-argumenti mressqa minn Mannesmann sabiex tikkritikaha.

237 Għandu jiġi eżaminat, l-ewwelnett, l-argument ta' Mannesmann ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta' effetti tal-ksur irrilevat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

238 F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat b’mod ċar, kemm fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija ma imponietx ammont bħala multa addizzjonali minħabba dak il-ksur.

239 Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fis-sentenza tagħha JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, ikkunsidrat li, bil-fatt li l-Kummissjoni n aqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq il-produtturi Ewropej, hija kisret il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju dwar l-ugwaljanza fit-trattament. Madankollu, peress li l-Kummissjoni ma talbitx lill-Qorti tal-Prim'Istanza biex tgħolli l-multi imposti fuq il-produtturi Ewropej, fil-kawżi T-44/00, T-48/00 u T-50/00, il-mod l-iktar adattat biex tiġi rrimedjata l-inugwaljanza fit-trattament irrilevata fil-każ preżenti huwa li jitnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq kull wieħed mir-rikorrenti Ġappuniżi pjuttost milli żżid l-ammont tal-multi imposti fuq it-tliet rikorrenti Ewropej (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punti 574 sa 579).

240 Peress li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ma tteħidx in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa imposta fuq Mannesmann, la mill-Kummissjoni u lanqas mill-Qorti tal-Prim'Istanza, l-argument imressaq mill-imsemmija kumpannija f'dan ir-rigward huwa bbażat fuq premessa żbaljata u għandu għalhekk jiġi miċħud.

241 Għal dak li jikkonċerna, sussegwentement, l-argumenti ta' Mannesmann dwar il-fatt li, skond il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni hija obbligata tikkunsidra l-effetti konkreti ta’ ksur fuq is-suq għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, għandu jiġi kkonstatat li dan l-element, fil-fatt, ittieħed in kunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata f'dak li jirrigwarda l-ksur irrilevat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Għandu jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis ta' l-ammont iffissat skond il-gravità, għal 50% tas-somma minima li normalment tiġi applikata f’każ ta’ ksur “gravi ħafna”, li jaqa’ taħt il-punt 235 iktar ’il fuq, jirrifletti b'mod adegwat dan l-impatt limitat.

242 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar ukoll li l-multi għandhom bħala rwol li jwettqu funzjoni ta’ dissważjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara, f’dan ir-rigward, ir-raba’ subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi). Għaldaqstant, b’kunsiderazzjoni tal-kobor sostanzjali ta’ l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġie rrilevat fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata (ara wkoll il-punt 243 u segwenti iktar ’il quddiem), tnaqqis sostanzjali li jkun ikbar mill-ammont iffissat skond il-gravità seta’ jneħħi l-effett dissważiv tal-multi.

243 Fir-rigward ta' l-argument ta' Mannesmann li jgħid li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tikkunsidra li l-effetti tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fuq is-swieq in kwistjoni kienu jikkostitwixxu ċirkustanza aggravanti fil-każ preżenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma rreferietx għal ċirkustanzi aggravanti fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

244 Fir-rigward ta' l-argument ta' Mannesmann li l-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni d-daqs ta' kull impriża individwali kif ukoll il-livell ta' parteċipazzjoni tagħha fil-ksur meta hija tiffissa l-ammont tal-multa, għandu jiġi enfasizzat l-ewwelnett li r-referenza għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għal 10% tal-fatturat dinji, imfakkar fil-punt 228 hawn fuq, huwa rilevanti biss għall-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa li tista' tiġi imposta mill-Kummissjoni (ara l-ewwel paragrafu tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi kif ukoll is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 119) u ma jfissirx li għandha teżisti relazzjoni proporzjonali bejn id-daqs ta' kull impriża u l-ammont tal-multa li jiġi impost fuqha (ara wkoll il-punt 227 iktar ’il fuq).

245 Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li s-sitt subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, li huma applikabbli għall-każ preżenti (ara l-punt 230 iktar ’il fuq), jipprovdi għall-possibbiltà li “f’ċerti każijiet, l-ammonti stabbiliti għal kull waħda mit-tliet kategoriji [ta’ gravità] jiġu bbilanċjati sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għaldaqstant l-impatt reali ta’ l-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni”. Skond dan is-subparagrafu, dan il-metodu huwa adattat “partikolarment meta teżisti disparità kunsiderevoli fid-daqs ta’ l-impriżi li jkunu l-awturi ta' ksur ta’ l-istess natura”.

246 Madankollu, mill-użu ta’ l-espressjoni “f’ċerti każijiet” u tat-terminu “partikolarment” fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi jirriżulta li l-ibbilanċjar skond id-daqs individwali ta’ l-impriżi mhuwiex stadju tal-kalkolu sistematiku li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, iżda possibbiltà ta’ flessibbiltà li hija tat lilha nnifisha f’każijiet li jinneċessitaw dan. Għandu jiġi mfakkar, f’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza li tgħid li l-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa ta’ diskrezzjoni li jippermettilha li tieħu jew li ma tieħux in kunsiderazzjoni ċerti elementi meta hija tiffissa l-ammont tal-multi li hija tkun intenzjonata li timponi, u dan skond iċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra, p. I-1611, punt 54, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punti 32 u 33 ; tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 465 ; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, KNP BT vs Il-Kummissjoni, T-309/94, Ġabra p. II-1007, punt 68).

247 B’kunsiderazzjoni tat-termini tas-sitt subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, li ġew irrilevati iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni żammet marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ l-opportunità li tibbilianċja l-multi skond id-daqs ta’ kull impriża. B'hekk, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, meta tistabbilixxi l-ammont tal-multi, li tassigura ruħha, f’każ fejn il-multi jiġu imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi jirriflettu distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati fir-rigward tal-fatturat globali tagħhom (ara, f'dan is-sens, għalkemm għadhom taħt appell, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq, punt 278, u tad-19 ta' Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 385).

248 Fil-każ preżenti, fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-impriżi kollha destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kienu ta’ daqs kbir, b’mod li ma kienx hemmx lok li minħabba f’hekk jkun hemm distinzjoni bejn bejn l-ammonti tal-multi li ġew ikkunsidrati.

249 F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni, fir-risposta tagħha enfasizzat, mingħajr ma ġiet ikkontestata minn Mannesmann, li l-istess Mannesmann ma kinitx impriża żgħira jew medja. Fil-fatt, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280, li kienet applikabbli fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tippreċiża, b'mod partikolari, li l-impriżi għandhom ikollhom anqas minn 250 persuna impjegati magħhom u jkollhom kemm fatturat annwali li ma jeċċedix EUR 40 miljun kif ukoll bilanċ annwali li ma jeċċedix EUR 27 miljun ewro. Fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, tas-6 ta' Mejju 2003, dwar id-definizzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, p. 36) dawn iż-żewġ limiti kienu ġew riveduti u għolew sabiex jiġu ffissati, rispettivament, EUR 50 miljun u EUR 43 miljun.

250 Għalkemm il-Qorti tal-Prim'Istanza m’għandhiex ċifri dwar in-numru ta' impjegati u dwar il-bilanċ ta' Mannesmann, għandu jiġi kkonstatat li l-fatturat ta' Mannesmann fl-1998, jiġifieri EUR 2 321 miljun (ara l-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata), kien aktar minn erbgħin darba għola mil-limitu previst fir-rakkomandazzjonijiet suċċessivi tal-Kummissjoni fir-rigward ta' dan il-kriterju. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Prim'Istanza, li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta kkonstatat, fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, li din l-impriża kienet ta' daqs kbir.

251 Fir-rigward tar-rwol ta' Mannesmann fil-ksur, għandu li jiġi rrilevat li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim dwar it-tqassim tas-swieq tirriżulta mill-impenn tagħha li ma tbiegħx il-prodotti in kwistjoni fuq swieq oħra. Kull produttur intrabat bl-istess mod, jiġifieri li ma jbiegħx it-tubi standard OCTG u l-pajpjiet ta’ trasport fuq is-suq domestiku ta' kull membru ieħor tal-klabb Ewropa-Ġappun. Kif ġie rrilevat fil-punt 233 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni bbażat ruħha prinċipalment fuq in-natura anti-kompetittiva qawwija ta' dak l-impenn għall-finijiet li tistabbilixxi n-natura "gravi ħafna" tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

252 Peress li Mannesmann hija l-unika membru Ġermaniż tal-klabb Ewropa-Ġappun, għandu jiġi kkonstatat li l-preżenza tagħha kienet biżżejjed biex testendi l-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tal-ftehim anti-kompetittiv għat-territorju ta' Stat Membru tal-Komunitajiet. Minħabba l-impenn tagħha biex ma tbiegħx it-tubi tagħha fuq is-suq tat-tliet Stati Membri oħra tal-Komunità kkonċernati bil-ftehim, Mannesmann ikkontribwixxiet ukoll biex tnaqqas il-kompetizzjoni attwali jew potenzjali fuq dawn is-swieq l-oħra. Bil-preżenza tagħha fil-laqgħat ta' l-imsemmi klabb, hija aderixxiet, bħala prinċipju, mal-kontenut tal-ftehim anti-kompetittiv li kien hemm miftiehem. Madankollu, jirriżulta mill-proċess, partikolarment miċ-ċfiri riprodotti fit-tabella li tinsab fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tqassim tas-swieq previst mill-akkordju kien applikat fil-prattika, ta' l-anqas sa ċertu punt, u li dan neċessarjament kellu impatt reali fuq il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni eżistenti fuq is-swieq Komunitarji. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni ta' Mannesmann fil-ksur kellha impatt mhux insinifikanti fuq is-suq Komunitarju.

253 B'hekk, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-erba' impriżi Ġappuniżi kkunsidrati kienu ta' dimensjoni kbira (ara l-punt 248 iktar ’il fuq) u kienet ikkunsidrat, b'mod globali, l-impatt relattivament imnaqqas tal-ksur fuq is-swieq in kwistjoni (ara l-punti 235 u 241 iktar ’il fuq), l-argument ta' Mannesmann mhuwiex biżżejjed sabiex juri li l-Kummissjoni qabżet il-limiti tal-poter diskrezzjonali tagħha fil-każ preżenti minħabba l-fatt li hija ma kinitx.

254 Fl-aħħarnett, fir-rigward ta' l-argument ta' Mannesmann dwar il-fatt li ġew imposti żewġ multi distinti fuqha u fuq Vallourec minkejja l-fużjoni ta’ l-attivitajiet tagħhom ta’ produzzjoni tat-tubi l-1997 (ara l-premessi 12 u 15 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi rrilevat li, bħala prinċipju, il-persuna fiżika jew legali li kienet tidderieġi l-impriża in kwistjoni fil-mument meta l-ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni seħħ, għandha tirrispondi għal dan, anke jekk, fil-ġurnata ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ksur, il-ġestjoni ta' l-impriża kienet tqiegħdet taħt ir-responsabbiltà ta' persuna oħra (sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punt 57). Madankollu dan mhuwiex il-każ meta l-persuna li taħt ir-responsabbiltà tagħha l-ġestjoni ta' l-impriża tkun sadanittant għaddiet f’idejha tkun iddikjarat li hija taċċetta li tinżamm responsabbli għall-fatti akkużati lill-predeċessur tagħha (ara s-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

255 Għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ preżenti, Mannesmann hija l-persuna legali li dderiġiet impriża li kienet pparteċipat fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata matul il-perijodu ta' dak il-ksur u li Vallourec hija l-persuna legali li dderiġiet, fl-istess żmien, impriża oħra, indipendenti minn dik ta' l-ewwel, li pparteċipat fl-istess ksur. Minn imkien ma jirriżulta mill-proċess li Mannesmann, Vallourec jew waħda mis-sussidjarji tagħhom għamlet dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà f’dan il-każ. F'kull ipoteżi, ir-regola deskritta fil-punt preċedenti ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li, f'ċirkustanzi fejn id-dikjarant ikun ipparteċipa wkoll għal ksur b'mod awtonomu, għandha tiġi imposta fuq dak id-dikjarant multa waħda, fejn l-ammont ikun anqas mis-somma taż-żewġ multi li kellhom jiġu imposti fuq impriżi awtonomi.

256 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-argumenti ta' Mannesmann miġburin iktar ’il fuq ma jistgħux jiġġustifikaw tnaqqis mill-ammont tal-multa tagħha f’din il-proċedura.

Fuq id-dewmien

– L-argumenti tal-partijiet

257 Mannesmann tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dewmien tal-ksur. Għalkemm il-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun bdew fl-1977 u waqfu fl-1995, il-perijodu tal-ksur ikkunsidrat kien limitat għal ħames snin (mill-1990 sa l-1995), minħabba l-ftehim ta' awtolimitazzjoni fuq l-esportazzjonijiet konklużi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġappuniżi (premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata). Mannesmann takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx in kunsiderazzjoni il-proroga tal-ftehim ta' awtolimitazzjoni sal-31 ta' Diċembru 1990, skond il-ftehim tat-28 ta' Diċembru 1989 konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Ministeru Internazzjonali tal-Kummerċ u ta' l-Industrija Ġappuniż. Skond Mannesmann, minn dan isegwi li l-ammont bażiku tal-multa li ġiet imposta fuqha, iffissat għal EUR 10 miljun, jista’ jiġi miżjud biss b'40% (10% fis-sena) minħabba d-dewmien tal-ksur. Għaldaqstant, id-dewmien tal-ksur ma kien iġġustifik biss żieda ta’ l-ammont bażiku ta' EUR erba' miljun. Għaldaqstant, Mannesmann titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza li tnaqqas l-ammont tal-multa b'miljun Euro.

258 Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-ilmenti li hija ssostni li huma infondati. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma ġabet ebda prova dwar l-asserzjoni tagħha li l-ftehim ta' awtolimitazzjoni konklużi mal-gvern Ġappuniż kienu damu sal-31 ta' Diċembru 1990.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

259 Għandu jiġi rrilevat l-ewwelnett li l-Kummissjoni, fil-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li hija setgħet tikkunsidra l-eżistenza tal-ksur bħala li beda mill-1977, iżda hija għażlet li ma tagħmilx dan minħabba l-eżistenza ta’ ftehim ta’ awtolimitazzjoni. Għaldaqstant, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat l-eżistenza tal-ksur bħala li beda biss mill-1990. Għandu jiġi kkonstatat li dan l-aġir jikkostitwixxi konċessjoni magħmula mill-Kummissjoni favur id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

260 Għandu jiġi rrilevat li ebda waħda mill-partijiet ma sostniet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li din il-konċessjoni kellha titqiegħed in kwistjoni fil-kawża preżenti. B’konsegwenza, l-eżami tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kuntest tal-proċeduri preżenti m'għandux jirrigwarda l-legalità jew jekk dik il-konċessjoni kinitx opportuna, iżda biss il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni li għamlet dan espressament fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, applikathiex korrettament fil-każ preżenti. Hemm lok li jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha tressaq provi preċiżi u konkordanti sabiex issostni l-konvinzjoni ferma li dak il-ksur ikun twettaq, peress li l-oneru tal-prova fir-rigward ta' l-eżistenza tal-ksur, u għaldaqstant, tad-dewmien tiegħu, jaqa' fuqha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 20, u tal-31 ta' Marzu 1993, Ahlström Osakeytiö et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala " Woodpulp II" , C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85,Ġabra p. I-1307, punt 127 ; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Marzu 1992, SIV et vs Il-Kummissjoni, T 68/89, T 77/89 u T 78/89, Ġabra p. II-1403, punti 193 sa 195, 198 sa 202, 205 sa 210, 220 sa 232, 249 sa 250 u 322 sa 328, u tas-6 ta' Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T 62/98, Ġabra p. II-2707, punti 43 u 72).

261 Għaldaqstant, il-konċessjoni deskritta hawn fuq tirrendi l-allegata twaqqif tal-ftehim ta' awtolimitazzjoni l-kriterju determinanti sabiex tevalwa jekk l-eżistenza tal-ksur kellhiex tiġi kkunsidrata għas-sena 1990. Peress li dawn huma ftehim konklużi fuq livell internazzjonali, bejn il-gvern Ġappuniż, irrappreżentat mill-Ministeru internazzjonali tal-Kummerċ u ta’ l-Industrija, u l-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-istess Kummissjoni kellha tikkonserva d-dokumentazzjoni li tikkonferma d-data li fiha intemmu l-imsemmija ftehim, skond il-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba. Għaldaqstant, hija kellha tkun f’pożizzjoni li tipproduċi din id-dokumentazzjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu, il-Kummissjoni affermat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li hija kienet fittxet fl-arkivji tagħha, imma li hija ma kinitx fil-pożizzjoni li tipproduċi dokumenti li jaffermaw id-data tat-terminazzjoni ta’ dawn il-ftehim.

262 Jekk, b’mod ġenerali, ir-rikorrenti ma tistax tittrasferixxi l-oneru tal-prova fuq il-konvenuta billi tipprevalixxi ruħha minn ċirkustanzi li hija ma tkunx f’pożizzjoni li tistabbilixxi, il-kunċett ta’ l-oneru tal-prova ma jistax jiġi applikat għall-benefiċċju tal-Kummissjoni fil-każ preżenti f’dak li għandu x’jaqsam mad-data tat-terminazzjoni ta’ l-akkordji internazzjonali li hija kkonkludiet. L-inkapaċità inspjegabbli tal-Kummissjoni sabiex tipproduċi elementi ta’ prova relattivi dwar ċirkustanza li tikkonċernaha direttament iċċaħħad lill-Qorti tal-Prim’Istanza mill-possibbiltà li tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti li jirrigwardaw id-data tat-terminazzjoni ta’ l-imsemmija ftehim. Ikun kontra l-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li l-konsegwenzi ta’ dik l-inkapaċità tal-Kummissjoni jsofruha l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, li, għad-differenza ta’ l-istituzzjoni konvenuta, ma kinux f’pożizzjoni li jressqu l-prova.

263 F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat, eċċezzjonalment, li huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tressaq il-prova ta’ dik it-terminazzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ressqitx prova tad-data li fiha ġew terminati il-ftehim ta’ awtolimitazzjoni, kemm fid-deċiżjoni kkontestata jew quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

264 F'kull ipoteżi, ir-rikorrenti Ġappuniżi ressqu elementi ta’ prova li jaffermaw li l-ftehim ta' awtolimitazzjoni ġew imġedda sal-31 ta' Diċembru 1990, ta' l-anqas fir-rigward tal-Ġappuniżi, fatt li jsostni l-argument tar-rikorrenti fil-proċeduri preżenti (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 102, iktar ’il fuq, punt 345). Għandu jiġi kkunsidrat li, f'kawżi magħqudin fejn il-partijiet kollha kellhom l-okkażjoni li jikkonsultaw il-proċessi kollha, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' ex officio tikkunsidra provi li jkunu jinsabu fil-proċessi tal-kawżi paralleli (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 1990, Nefarma u Bond van Groothandelaren in het Farmaceutische Bedrijf vs Il-Kummissjoni, T-113/89, Ġabra p. II-797, punt 1, u Prodifarma et vs Il-Kummissjoni, T-116/89, Ġabra p. II-843, punt 1). Madankollu, fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija mitluba tiddeċiedi fil-kuntest ta’ kawżi magħqudin għall-finijiet tal-proċedura orali li għandha bħala għan l-istess deċiżjoni dwar ksur u li fihom il-partijiet rikorrenti kollha talbu sabiex jiġi rivedut l-ammont tal-multi li huma ġew ikkundannati jħallsu. Għaldaqstant, f'din il-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim Istanza tieħu konjizzjoni formali ta' l-elementi ta' prova miġjuba mill-erba' rikorrenti Ġappuniżi.

265 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li Mannesmann talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza mhux biss li tannulla d-deċiżjoni kkontestata f'dak li jirrigwarda d-data tal-bidu tal-ksur stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha kif ukoll id-dewmien tal-ksur, iżda wkoll li, minbarra dan, fl-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-Artikolu 229 KE u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, tnaqqas l-ammont tal-multa tagħha biex tieħu in kunsiderazzjoni din ir-riduzzjoni fid-dewmien. Din il-kompetenza sħiħa għandha bħala konsegwenza li l-Qorti tal-Prim'Istanza, meta hija tirriforma xi att kontestat billi tvarja l-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni, ikollha tikkunsidra l-fatti rilevanti kollha (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 246 iktar ’il fuq, punt 692). F'dawn il-kundizzjonijiet, u peress li r-rikorrenti kollha kkontestaw il-fatt li l-Kummissjoni stabbilixxiet il-ksur sa mill-1 ta’ Jannar 1990, ma jkunx xieraq li l-Qorti tal-Prim'Istanza tevalawa f’iżolatament is-sitwazzjoni ta' kull parti rikorrenti fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ billi tillimita ruħha għall-uniċi elementi ta’ fatt li huma jkunu għażlu li jirreferu biex jibbażaw il-kawża tagħhom u mingħajr ma tieħu kunsiderazzjoni ta’ dawk li l-partijiet rikorrenti l-oħra jew il-Kummissjoni setgħu invokaw.

266 Barra minn hekk, la Mannesmann u, a fortiori , lanqas il-Kummissjoni ma kienu allegaw li l-ftehim ta' awtolimitazzjoni kienu għadhom fis-seħħ fl-1991.

267 F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li, għall-finijiet tal-proċeduri preżenti, li l-ftehim ta' awtolimitazzjoni, li ġew konklużi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġappuniżi, kienu baqgħu fis-seħħ sat-tmiem tas-sena 1990.

268 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li, fid-dawl tal-konċessjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, id-dewmien tal-ksur ikkonstatat flArtikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi mnaqqas b'sena. Għaldaqstant, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat safejn huwa jistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur li hija takkuża lil Mannesmann bih qabel l-1 ta’ Jannar 1991.

269 Għal dak li għandu x'jaqsam mad-data li fiha intemm il-ksur, għandu jiġi rrilevat li, matul is-seduta, b'risposta għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fid-deċiżjoni kkontestata, is-sena 1995 ma tteħditx in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu ta' l-ammont tal-multi. Mannesmann ma kkontestatx l-analiżi fir-rigward tat-tmiem il-ksur quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

270 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li d-dewmien li għandu jiġi kkonstatat għall-ksur irrilevat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa ta' erba' snin, jiġifieri mill-1 ta' Jannar 1991 sa l-1 ta' Jannar 1995. Għaldaqstant, hemm lok li l-ammont tal-multa imposta fuq Mannesmann jiġi mnaqqas sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni dan il-fatt.

Fuq l-allegati ċirkustanzi attenwanti

– L-argumenti tal-partijiet

271 Mannesmann takkuża lill-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi attenwanti li jiġġustifikaw tnaqqis fl-ammont tal-multa. Żgur li l-Kummissjoni, kienet ikkunsidrat, bħala ċirkustanzi attenwanti, is-sitwazzjoni ta' kriżi ta' l-industrija ta' l-azzar u, minħabba f'hekk, naqqset l-ammont tal-multa b'10%. Madankollu, kien hemm ċirkustanzi oħra li kienu jiġġustifikaw tnaqqis akbar ta' l-ammont tal-multa. Mannesmann tinvoka b'mod partikolari il-fatt li l-ftehim ikkunsidrat mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ma kellu ebda effett. Barra minn hekk, hija tfakkar li hija waqqfet l-aġir akkużat sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Fl-aħħarnett, Mannesmann tirrileva li hija kkooperat fil-kuntest ta' l-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni.

272 Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-allegazzjonijiet. Hija ssostni li l-ilment fuq in-nuqqas ta' effetti tal-ftehim in kwistjoni jista’ jikkonċerna biss, l-aktar, il-kuntratt ta' fornitura li hija kkonkludiet ma' Corus, li huwa s-suġġett ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li ebda multa ma ġiet imposta skond dan l-Artikolu, il-kwistjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti hija rrilevanti. Għall-bqija, l-allegazzjonijiet ta' Ma nnesmann dwar il-kooperazzjoni tagħha mhumiex suffiċjentement sostnuti.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

273 Għandu jiġi mfakkar, l-ewwelnett, li, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tat tnaqqis ta' 10% ta’ l-ammont tal-multa minħabba ċirkustanza attenwanti, jiġifieri s-sitwazzjoni ta' kriżi li kienet taffettwa l-industrija ta' l-azzar fiż-żmien tal-fatti.

274 Għandu jiġi mfakkar, sussegwentement, li l-Kummissjoni għandha żżomm mat-termini tal-linji gwida tagħha stess meta tiffissa l-ammont tal-multi. Madankollu, fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi mhemmx indikat li l-Kummissjoni għandha dejjem tikkunsidra separatament kull waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti elenkati fil-punt 3 ta’ dawn il-linji gwida. Fil-fatt, l-imsemmi punt 3, intitolat "[ċ]irkustanzi attenwanti" jipprevedi it-"tnaqqis ta' l-ammont bażiku minħabba ċirkustanzi attenwanti speċifiċi bħal, per eżempju : [...] ". Għandu jiġi kkunsidrat li għalkemm iċ-ċirkustanzi elenkati fil-lista li tinsab fil-punt 3 tal-linji gwida huma ċertament fost dawk li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni f'każ partikolari, l-istess Kummissjoni mhijiex obbligata tagħti tnaqqis addizzjonali minħabba f'hekk b'mod awtomatiku, meta l-impriża tipprovdi indikazzjoni dwar il-preżenza ta' waħda minn dawk iċ-ċirkustanzi. Fil-fatt, l-adegwtezza ta’ eventwali tnaqqis tal-multa minħabba ċirkustanza attenwanti għandha tiġi evalwata minn perspettiva globali li tieħu kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanza rilevanti kollha.

275 Fil-fatt, f'dan il-kuntest għandu jiġi mfakkar li l-ġurisprudenza preċedenti għall-adozzjoni tal-linji gwida li kienet tipprovdi li l-Kummissjoni għandha marġni ta' diskrezzjoni li jippermettilha li tieħu jew ma tieħux in kunsiderazzjoni ċerti elementi meta hija tiffissa l-ammont tal-multi li hija jkollha l-intenzjoni li timponi, u dan skond iċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami (ara, f’dan is-sens, id-digriet SPO et vs Il-Kummissjoni, punt 246 iktar ’il fuq, punt 54, u s-sentenzi Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, punt 246 iktar ’il fuq, punti 32 u 33, u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 246 iktar ’il fuq, punt 465; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza KNP BT vs Il-Kummissjoni, punt 246 iktar ’il fuq, punt 68). B'hekk, fin-nuqqas ta' indikazzjoni ta' natura imperattiva fil-linji gwida għal dak li jikkonċerna ċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta' diskrezzjoni sabiex tevalwa b'mod globali l-portata tat-tnaqqis eventwali ta' l-ammont tal-multi minħabba ċirkustanzi attenwanti.

276 F'kull każ, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward ta' l-argument ta' Mannesman li l-ftehim ta’ tqassim tas-swieq ikkunsidrati fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ma kellu ebda effett, li skond kif ġie deċiż hawn fuq, dan ma kienx il-każ fil-każ preżenti. Min-naħa l-oħra, it-tqassim tas-swieq previst mill-akkordju in kwistjoni ġie applikat fil-prattika, ta' l-anqas sa ċertu punt, u li dan neċessarjament kellu impatt reali fuq il-kompetizzjoni eżistenti fuq is-swieq Komunitarji. (ara l-punti 251 u segwenti hawn fuq). Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-iffissar ta' l-ammont iffissat skond il-gravità, għal 50% tas-somma minima li normalment tiġi kkunsidrata f’każ ta’ ksur “gravi ħafna”, irrilevat fil-punt 235 hawn fuq, jirrifletti b'mod adegwat il-fatt, kif rikonoxxut mill-Kummissjoni stess, li dan l-impatt kien limitat (ara wkoll il-punt 241 hawn fuq).

277 Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni subinċiż tal-punt 3 tal-linji gwida jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni mhijiex obbligata tirrikonoxxi l-eżistenza ta' ċirkustanza attenwanti minħabba li l-akkordju ma jkunx ġie implementat ħlief jekk l-impriża li tinvoka din iċ-ċirkustanza tkun tista' turi li hija b’mod ċar u b'qawwa uriet l-oppożizzjoni tagħha għal dan l-akkordju, sal-punt li tkun fixklet il-funzjonament stess tiegħu u li hija ma tkunx dehret li aderixxiet mal-ftehim u minħabba dan il-fatt, tkun inċitat l-impriżi l-oħra biex jimplementaw l-akkordju in kwistjoni. Effettivament, il-fatt li impriża, li jkun ġie stabbilit li hija pparteċipat f'azzjoni miftehma mal-kompetituri tagħha għat-tqassim tas-swieq, ma tkunx ġabet ruħha fuq is-suq konformement ma' dak miftiehem mal-kompetituri tagħha mhux neċessarjament jikkostitwixxi element li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, waqt l-iffissar ta' l-ammont tal-multa li tkun ser tiġi imposta (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T-327/94, Ġabra p. II-1373, punt 142).

278 Kif irrilevat il-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza tagħha Siment, punt 42 iktar ’il fuq (punt 1389), impriża li ma titbiegħedx mill-konklużjonijiet ta' laqgħa li għaliha tkun attendiet iżżomm, bħala prinċipju, "ir-responsabbiltà sħiħa tagħha minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju". Ikun wisq faċli għall-impriżi li jimminimizzaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multi ħorox jekk huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn akkordju illegali u jibbenefikaw sussegwentement minn tnaqqis tal-multa minħabba li huma kellhom biss rwol limitat fl-implementazzjoni tal-ksur, meta l-aġir tagħhom ikun inċita lill-impriżi l-oħra biex jaġixxu b'mod iktar dannuż għall-kompetizzjoni.

279 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li, anke kieku Mannesmann u/jew uħud mill-membri oħra tal-klabb Ewropa-Ġappun ma kinux irrispettaw b’mod sħiħ il-ftehim dwar it-tqassim tas-swieq, din iċ-ċirkustanza ma tiġġustifikax l-applikazzjoni tat-tieni subinċiż tal-punt 3 tal-linji gwida biex titnaqqas il-multa minħabba ċirkustanza attenwanti fil-każ preżenti.

280 Fir-rigward ta' l-argument dwar il-waqfien immedjat tal-ksur, għandu jiġi kkunsidrat li l-"waqfien tal-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni", imsemmi fil-punt 3 tal-linji gwida, ma jistax loġikament jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti ħlief jekk jeżistu raġunijiet li wieħed jista’ jissupponi li l-impriżi in kwistjoni kienu ġew inċitati biex iwaqqfu l-aġir anti-kompetittiv tagħhom permezz ta’ l-interventi in kwistjoni. Fil-fatt, jidher li l-għan ta' dik id-dispożizzjoni huwa li tinkoraġġixxi lill-impriżi sabiex iwaqqfu immedjatament l-aġir anti-kompetittiv tagħhom meta l-Kummissjoni tmexxi investigazzjoni f'dan ir-rigward.

281 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal, b'mod partikolari, li tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa ma jistax jiġi applikat skond il-punt 3 tal-linji gwida, dwar il-waqfien tal-ksur ma' mill-ewwel investigazzjonijiet, f’każ fejn il-ksur ikun diġà ntemm qabel id-data ta’ l-ewwel interventi tal-Kummissjoni jew f’każ fejn deċiżjoni soda li jintemm dan il-ksur tkun diġà ttieħdet minn dawn l-impriżi qabel din id-data. Fil-fatt, peress li huwa ċertament mixtieq, li impriżi jieqfu minn aġir ta’ ksur qabel ma l-Kummissjoni tintervjeni, jirriżulta mill-kliem tagħha li l-punt 3 tal-linji gwida huma intiżi għal sitwazzjoni li fiha l-impriżi jirreaġixxu pożittivament għal tali intervent billi jaqqfu l-aġir antikompetittiv possibbli tagħhom, fejn l-għan kien li joħloq inċentiv sabiex l-impriżi jkollhom din ir-reazzjoni. L-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni favur impriża, mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-poter diskrezzjonali tagħha jew mill-Qorti tal-Prim'Istanza fl-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tagħha, hija partikolarment adegwata f'sitwazzjoni fejn in-natura anti-kompetittiva ta’ l-aġir in kwistjoni mhijiex manifesta. Bil-kontra, l-applikazzjoni tagħha tkun anqas adattata, bħala prinċipju, f'sitwazzjoni fejn l-aġir ikun manisfestament anti-kompetittiv, dejjem preżunt li dan jiġi stabbilit. Għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ preżenti, in-natura anti-kompetittiva tal-ftehim dwar it-tqassim tas-swieq sanzjonat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex iddubitata.

282 Minbarra dan, l-applikazzjoni ta’ tnaqqis fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel fażi tal-punt preċedenti jakkumula mat-teħid in kunsiderazzjoni, skond il-linji gwida, tad-dewmien tal-ksur fil-kalkolu tal-multi. Dan it-teħid in kunsiderazzjoni għandu preċiżament l-għan li jissanzjona b'mod aktar sever lil dawk l-impriżi li jiksru r-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni matul perijodu twil minn dawk li l-ksur tagħhom ikun ta' żmien qasir. B'hekk, it-tnaqqis tal-multa għar-raġuni li impriża waqqfet l-aġir illegali tagħha qabel l-ewwel investigazzjonijiet tal-Kummissjoni jkollu l-effett li jagħti vantaġġ doppju lil dawk li jkunu responsabbli għal ksur għal żmien qasir.

283 Għandu jiġi rrilevat, fil-każ preżenti, li, fis-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, fid-dawl tal-motivi u argumenti mressqa mir-rikorrenti f'dawn il-kawżi, li l-ksur m'għandux jiġi stabbilit fil-konfront tagħhom wara l-1 ta' Lulju 1994, peress li ma kien hemm ebda prova li kienet saret laqgħa tal-klabb Ewropa-Ġappun fil-Ħarifa ta' 1994 fil-Ġappun skond il-prattika segwita sa dak iż-żmien. Jirriżulta minn din iċ-ċirkustanza li l-ksur kien probabbilment waqaf jew li kien, ta' l-anqas, fil-proċess biex jieqaf, fil-mument meta l-Kummissjoni pproċediet bl-investigazzjoni fil-1 u t-2 ta' Diċembru 1994.

284 Minn dan isegwi li l-fatt li l-aġir illegali li jikkostitwixxi l-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ma kompliex wara d-data ta' l-ewwel ispezzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni ma jiġġustifikax tnaqqis tal-multa imposta fuq Mannesmann fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti.

285 Fl-aħħarnett, fir-rigward ta' l-argument ta' Mannesmann li jgħid li l-kooperazzjoni tagħha kellha tittieħed in kunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti, dan ser jiġi analizzat fil-punti 307 u segwenti fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

286 Fid-dawl ta' dak kollu li nqtal u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-Kummissjoni diġà naqqset il-multi fil-każ preżenti sabiex tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza attenwanti relatata mas-sitwazzjoni ta' kriżi ekonomika eżistenti fi-settur tat-tubi ta' l-azzar (ara l-premessi 168 u 169 tad-deċiżjoni kkontestata), hemm lok li jiġu miċħuda l-ilmenti kollha ta' Mannesmann ibbażati fuq l-assenza ta' tnaqqis addizzjonali minħabba ċirkustanzi allegatament attenwanti oħra.

Fuq l-allegata kooperazzjoni ta' Mannesmann

– L-argumenti tal-partijiet

287 Mannesmann tallega li l-Kummissjoni ma osservatx il-komunikazjzoni dwar il-kooperazzjoni. Hija ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' l-ugwaljanza ta’ trattament fir-rigward tagħha.

288 L-ewwelnett, hija ssostni li kienet is-suġġett ta' trattament diskriminatorju fir-rigward ta' Vallourec. Bħal dik l-impriża, hija rrispondiet għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni. Hija offriet assistenza prezzjuża lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni (premessi 62, 67, 72 u 170 tad-deċiżjoni kkontestata), partikolarment permezz tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher. Bl-istess mod, Mannesmann, bħal Vallourec, ma kkontestatx il-materjalità tal-fatti li kienet akkużata bihom (premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata).

289 Hija tfakkar li Vallourec ma pprovditx informazzjoni lill-Kummissjoni minn rajha, iżda kienet l-ewwel impriża li kienet is-suġġett ta' l-investigazzjoni f'Settembru 1996. Il-Kummissjoni kienet għamlet investigazzjonijiet għand Mannesmann f'April 1997. Għalkemm huwa veru li, kronoloġikament, l-ewwel informazzjoni li ġiet fil-pussess tal-Kummissjoni ġiet mingħand Vallourec, xorta jibqa' l-fatt li din iċ-ċirkustanza toħroġ mill-għażla tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-ordni li hija applikat sabex tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha għand l-impriżi kkonċernati. Il-Kummissjoni ma tistax, minn tali għażla diskrezzjonali, tasal għal konsegwenzi li jkunu ta’ ħsara għall-impriżi li fuqhom timponi dik l-għażla, f'dan il-każ Mannesmann.

290 Mannesmann tifformula kritika simili fir-rigward tat-trattament mogħti lil Dalmine (premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm Mannesmann kienet ikkooperat fl-investigazzjoni bl-istess mod bħal ma għamlet Dalmine, il-Kummissjoni naqqset il-multa imposta fuq Dalmine b'20%. Il-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika tali differenza fit-trattament għar-raġuni li Mannesmann ressqet rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, Dalmine ressqet rikors simili, li ġie miċħud mill-Qorti tal-Prim'Istanza bħala manifestament inammissibbli. F'kull każ, il-Kummissjoni ma tista’ tasal għal ebda konklużjoni mill-eżerċizzju leġittimu da parti ta' Mannesmann tad-dritt fundamentali tagħha permezz ta’ rikors.

291 Il-Kummissjoni tippreċiża li hija pproċediet bl-investigazzjoni fuq il-post għand Mannesmann fl-1 u 2 ta' Diċembru 1994. Għaldaqstant, l-ilmenti relattivi għat-trattament diskriminatorju meta mqabbla ma' Vallourec huma infondati.

292 L-attitudni ta' Vallourec ma tistax tiġi mqabbla ma' dik ta' Mannesmann. Vallourec kienet l-unika impriża li kkomunikat informazzjoni sostanzjali dwar l-eżistenza u l-kontenut ta' l-akkordju. Din l-informazzjoni ffaċilitat ix-xogħol tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata dwar il-ksur. Vallourec ma kinitx ikkontestat il-materjalità tal-fatti. Hija kienet għalhekk ibbenefikat minn tnaqqis ta' 40% tal-multa.

293 Min-naħa l-oħra, Mannesmann ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher kienu saru fl-okkażjoni ta' investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fuq il-proprjetà ta' Mannesmann, b'risposta għall-mistoqsijiet li kienu sarulu, u ma servewx ħlief biex jikkonfermaw fatti li kienu diġà stabbiliti. Matul l-investigazzjoni kollha, Mannesmann kienet adottat attitudni ambigwa. Għalkemm hija ma kkontestatx il-fatti, hija ma esprimietx il-pożizzjoni tagħha b’mod ċar (premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija kienet irrifjutat li tipprovdi ċerta informazzjoni li kienet ġiet mitluba skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17. Għal dawn ir-raġunijiet, hija ma kinitx ibbenefikat minn tnaqqis ta' 20% tal-multa bl-istess raġuni bħal Dalmine.

294 F'dan ir-rigward, ir-rwol passiv ta' impriża ma jiġġustifikax tnaqqis ta' l-ammont tal-multa skond il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Biex impriża tibbenefika minn tnaqqis tal-multa, din il-komunikazzjoni teżiġi fil-fatt li l-istess impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija m’għandhiex l-intenzjoni li tikkontesta l-materjalità tal-fatti wara li ssir taf bl-ilmenti (ara l-punt D 2 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u s-sentenza Mayr Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 208 iktar ’il fuq, punt 309).

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

295 Skond ġurisprudenza stabbilita sew, il-Kummissjoni, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriżi, ma tistax tikser il-prinċipju ta' l-ugwaljanza fit-trattament; prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li, skond ġurisprudenza kostanti, jiġi miksur meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b'mod differenti jew fejn sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b'mod identiku, sakemm dak it-trattatament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punt 237 u l-ġurisprudenza ċċitata).

296 Għandu mfakkar ukoll li, biex jiġġustifika tnaqqis ta’ l-ammont ta’ multa għar-raġuni tal-kooperazzjoni, l-aġir ta' l-impriża għandu jiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u r-repressjoni tal-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenza Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 208 iktar ’il fuq, punt 309, u l-ġurisprudenza ċċitata).

297 Għandu jiġi rrilevat, f’dan il-każ, li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, magħmulin fil-kwalità tiegħu ta' rappreżentant ta' Vallourec bħala risposta għall-mistoqsijiet magħmulin lill-istess Vallourec mill-Kummissjoni, huma l-elementi ta' prova determinanti tal-proċess fil-kawża preżenti.

298 Żġur li, safejn l-impriżi jipprovdu lill-Kummissjoni, fl-istess stadju tal-proċedura amministrattiva u f'ċirkustanzi analogi, b'informazzjoni simili li jikkonċernaw il-fatti li jkunu ġew akkużati bihom, il-livell ta' kooperazzjoni pprovduta minnhom għandha tiġi kkunsidrata bħala paragunabbli (ara, b'analoġija, is-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 210 supra , punti 243 u 245).

299 Madankollu, għalkemm ir-risposti ta' Mannesmann għad-domandi, partikolarment id-dikjarazzjoni tas-Sur Becher imsemmija fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu ta' ċerta utilità għall-Kummissjoni, huma ma jagħmlu xejn ħlief jikkonfermaw, u dan b'mod inqas preċiż u espliċitu, ċerta informazzjoni diġà pprovduta minn Vallourec permezz tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca. B'mod partikolari, is-Sur Verluca rrileva li kull membru tal-klabb Ewropa-Ġappun kien obbligat jipproteġi s-suq domestiku ta' kull membru ieħor ta’ dan il-klabb, filwaqt li ppreċiża li s-suq offshore tar-Renju Unit kellu status partikolari, li kien "semi-protett". Huwa ppreċiża wkoll d-dewmien u l-mod kif kien jiffunzjoni l-ftehim dwar it-tqassim tas-swieq.

300 Għandu jiġi kkonstatat li s-Sur Verluca ma rrispondiex biss għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni, waqt l-ewwel investigazzjoni fuq il-post għand Vallourec f'Settembru 1996, fir-rigward tal-funzjonament tal-klabb Ewropa-Ġappun u r-Regoli Fundamentali . Fil-fatt, jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, evalwati flimkien, li huwa kellu rieda sinċiera li jikkoopera b'mod effettiv fil-kuntest ta' l-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, is-Sur Becher, fir-rigward tar-Regoli Fundamentali, irrefera biss għall-esklużjoni tal-produtturi Ġappuniżi mis-swieq Ewropej u tal-produtturi Ewropej mis-swieq Ġappuniżi, mingħajr ma ppprovda aktar dettalji f’dan ir-rigward.

301 Għandu jiġi kkunsidrat li l-utilità tad-dikjarazzjoni tas-Sur Becher tistrieħ esklużivament fuq il-fatt li din tikkorrobora, sa ċertu punt, id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca li l-Kummissjoni diġà kellha għad-disposizzjoni tagħha, u li, b’konsegwenza, dik id-dikjarazzjoni ma ffaċilitatx ix-xogħol tal-Kummissjoni b'mod sinifikanti u, għaldaqstant, b’mod suffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis fil-multa għar-raġuni ta’ dik il-kooperazzjoni.

302 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni minn Mannesmann qabel ma ntbagħtet id-DO mhijiex paragunabbli ma' dik ipprovduta minn Vallourec. F'kull każ, din l-informazzjoni mhijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa imposta skond il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

303 Għal dak li jikkonċerna l-paragun mal-kooperazzjoni ta' Dalmine, kif invokat minn Mannesmann, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tibbenefika minn tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas tal-kontestazzjoni tal-fatti, skond il-punt D 2 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, l-impriża għandha espliċitatament tinforma lill-Kummissjoni li hija m’għandhiex l-intenzjoni li tikkontesta l-materjalità tal-fatti, wara li ssir taf bid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (sentenza Mayr Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 208 iktar ’il fuq, punt 309). Fin-nuqqas ta' tali dikjarazzjoni espressa, is-sempliċi passività ta' impriża ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni, peress li l-Kummissjoni jkollha tistabbilixxi l-eżistenza tal-fatti kollha fid-deċiżjoni finali tagħha mingħajr ma tkun tista’ tinvoka d-dikjarazzjoni ta' l-impriża għal dan il-għan.

304 F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li Dalmine ibbenefikat minn tnaqqis ta' 20% preċiżament minħabba li hija infurmat lill-Kummissjoni li hija ma kinitx qed tikkontesta l-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni kienet ibbażat l-akkużi tagħha (premessi 172 u 173 tad-deċiżjoni kkontestata). Iċ-ċirkustanza, irrilevata fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, li Dalmine irrifjutat li tirrispondi għal ċerti mistoqsijiet magħmulin mill-Kummissjoni qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet hija irrilevanti fil-kuntest preżenti, peress li mill-punt D tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jirriżulta li l-fatt li l-impriża tagħmel dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijijet jiġġustifika tnaqqis tal-multa b'mod separat, u dan indipendentament mill-aġir ta' l-impriża qabel ma tintbagħat l-imsemmija dikjarazzjoni.

305 Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, li Mannesmann qatt ma esponiet b’mod ċar il-pożizzjoni tagħha f'dan ir-rigward. Għalkemm Mannesmann tenfasizza li hija ma kkontestatx il-fatti preżentati fid-DO, xorta waħda hija ma ssostnix li infurmat espressament lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-materjalità tagħhom.

306 F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta' Mannesmann ma jiġġustifikax l-applikazzjoni tat-tieni subinċiż tal-punt D 2 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

307 Fir-rigward ta' l-argument ta' Mannesmann li jgħid li l-kooperazzjoni tagħha tiġġustifika madankollu tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti, skond il-punt 3 tal-linji gwida, għandu jiġi mfakkar, kif ġie deċiż iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni għandha marġni ta' diskrezzjoni fejn tidħol l-applikazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti. Madankollu, is-sitt subinċiż tal-punt 3 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multa jipprovdi, per eżempju, bħala ċirkustanza attenwanti, il-"kollaborazzjoni effettiva ta' l-impriża fil-proċeduri, barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-komunikazzjoni [dwar il-kooperazzjoni]". Għaldaqstant, l-imsemmi sitt paragrafu bilfors jirrigwarda, ta' l-anqas f'dak li jikkonċerna l-akkordji orizzontali kkunsidrati fl-imsemmija komunikazzjoni, kooperazzjoni li tkun insuffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis skond il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

308 Madankollu, hemm lok li jiġi mfakkar ukoll li, sabiex jiġġustifika t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni, l-aġir ta' impriża għandu jiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u r-repressjoni tal-ksur għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (ara l-punt 296 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata). F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ipoteżi kkunsidrata fis-sitt subinċiż tal-punt 3 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multa hija sitwazzjoni eċċezzjonali f'dak li jikkonċerna l-akkordji orizzontali kkunsidrati mil-linji gwida, u dan peress li jrid ikun hemm kooperazzjoni "effettiva" li tkun iffaċilitat ix-xogħol tal-Kummissjoni iżda li ma tkunx koperta mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

309 Fil-każ preżenti, Mannesmann ma wrietx li l-kooperazzjoni tagħha ffaċilitat fil-verità ix-xogħol tal-Kummissjoni konsistenti fil-konstatazzjoni u fir-repressjoni tal-ksur (ara l-punti 297 sa 306 iktar ’il fuq). B'hekk, m'hemm ebda raġuni sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni qabżet il-limiti tal-poter diskrezzjonali tagħha meta ma naqqsitx l-ammont tal-multa imposta fuq Mannesmann għar-raġuni li din kienet ikkooperat effettivament matul l-investigazzjoni skond is-sitt subinċiż tal-punt 3 tal-linji gwida.

310 F'kull ipoteżi, il-Kummissjoni tirrileva li Mannesmann, mhux talli ma kkooperatx matul l-investigazzjoni tagħha, iżda talli rrifjutat ukoll li tipprovdi ċerta informazzjoni, u dan minkejja l-addozzjoni tad-deċiżjoni tal-15 ta' Mejju 1998 skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17 li kien jobbligaha li tipproduċiha. Għalkemm Mannesmann ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza intiż sabiex tannulla din id-deċiżjoni, liema rikors ġie rreġistrat taħt in-numru T-112/98, hija ma ressqitx talba għal proċedura sommarja kif hija setgħet tagħmel skond l-Artikoli 242 KE u 243 KE. L-aġir ta' Mannesmann fejn tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-15 ta' Mejju 1998 kien, b'mod ċar, perfettament leġittimu u ma jistax jiġi kkunsidrat li jindika nuqqas ta' kooperazzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li Mannesmann ma kellhiex id-dritt li tibqa' tirrifjuta li tipprovdi l-informazzjoni in kwistjoni, fin-nuqqas ta' miżuri provviżorji li jissospendu l-applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-15 ta' Mejju 1998, u li, billi aġixxiet bħallikieku kienu ingħataw favur tagħha xi miżuri provviżorji, minkejja li hija ma kinitx lanqas talbithom, hija ma mxietx ma' l-obbligi tagħha skond id-dritt Komunitarju.

311 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li għalkemm Mannesmann kisbet l-annullament parzjali ta' din id-deċiżjoni peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fis-sentenza tagħha Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 8 iktar ’il fuq, annullat ċerti mistoqsijiet li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni tal-15 ta' Mejju 1998, minn dik is-sentenza jirriżulta illi l-parti l-kbira ta' l-informazzjoni li Mannesmann irrifjutat li tipproduċi kienet intalbet mill-Kummissjoni b'mod leġittimu. L-imsemmija sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza kienet is-suġġett ta' appell magħmul minn Mannesmann fil-Qorti tal-Ġustizzja, irreġistrat taħt in-numru C-190/01. Madankollu, din il-kawża tneħħiet mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja b'digriet ta' l-4 t'Ottubru 2001, Mannesmannröhren-Werke AG vs Il-Kummissjoni, għadu mhux ippubblikat fil-Ġabra. F'dan ir-rigward, mir-riferenza f'dan id-digriet għall-Artikolu 69(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif jinqara mat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 122 ta' l-imsemmija Regoli, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja r-riferenza għal ftehim bejn il-partijiet fit-talba inizjali tar-rikorrenti għat-tneħħija mil-lista tal-kawża, ikkunsidrat li r-rikorrenti sempliċiment irtirat l-appell tagħha u kellha, għal dik ir-raġuni, tbati l-ispejjeż relattivi.

312 B’konsegwenza, mill-imsemmi digriet jirriżulta li s-sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 8 iktar ’il fuq, saret definittiva. B'hekk, hemm lok li jiġi konkluż li, minħabba l-aġir illegali ta' Mannesmann, il-Kummissjoni qatt ma kellha ammont kbir ta' informazzjoni li hija kienet legalment talbet il-produzzjoni tagħha fl-istadju tal-proċedura amministrattiva. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-attitudni ta' Mannesmann fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, evalwata kollha kemm hi, tikkostitwixxi aġir ta' kooperazzjoni effettiva fil-każ preżenti.

313 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ilmenti ta' Mannesmann li huma bbażati fuq l-allegata kooperazzjoni fl-istadju tal-proċedura amministrattiva għandhom jiġu miċħuda.

Fuq il-kalkolu tal-multa

314 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-multa imposta fuq Mannesmann għandha titnaqqas sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni li d-dewmien tal-ksur stabbilit fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa ffissat, f’din il-kawża, għal erba’ snin pjuttost milli ħames snin.

315 Peress li l-metodu ta' kalkolu ta’ l-ammont tal-multi kkonstatat fil-linji gwida kien ġie applikat b’mod korrett mill-Kummissjoni fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tagħha, hemm lok li dan il-metodu jiġi applikat ukoll fid-dawl tal-konklużjoni li saret fil-punt preċedenti.

3167 B'hekk, l-ammont bażiku tal-multa huwa stabbilit għal EUR 10 miljun, miżjud b'10% għal kull sena li fiha dam il-ksur, jiġifieri 40% kollox, li jwassal għaċ-ċifra ta’ EUR 14-il miljun. Dan l-ammont għandu sussegwentement jitnaqqas b’10% minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti skond il-premessi 168 u 169 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jasal għal ammont definittiv għal Mannesmann ta’ EUR 12 600 000 minflok EUR 13 500 000.

Fuq l-ispejjeż

317 Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress illi kull parti effettivament tilfet fuq kap wieħed jew aktar fil-każ preżenti, hemm lok li jkun deċiż illi r-rikorrenti u l-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

(1) .

(1) – Il-motivi ta' din is-sentenza dwar il-fatti li wasslu għall-kawża mhumiex qegħdin jiġu riprodotti. Dawn huma spjegati fil-punti 2 sa 33 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla )

taqta’ u tiddeċiedi :

1) L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/382/KE, tat-8 ta’ Diċembru 1999, dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (każ IV/E-1/35.860-B – Tubi ta’ l-azzar mingħajr saldatura) huwa annullat safejn dan jikkonstata l-eżistenza tal-ksur akkużat fil-konfront tar-rikorrenti minn din id-dispożizzjoni qabel l-1 ta' Jannar 1991.

2) L-ammont tal-multa impost fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni 2003/382 huwa ffissat fl-ammont għal EUR 12 600 000.

3) Ir-rikors huwa mill-bqija miċħud.

4) Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.