62000J0026



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-26/00

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fid-29 ta' Jannar 2000,

ir-Renju ta' l-Olanda , rappreżentat minn M. Fierstra u J. van Bakel, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej , rappreżentata minn T. van Rijn u C. van der Hauwaert, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta mir-

Renju ta' Spanja , rappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta, R. Schintgen (Relatur), G. Arestis u J. Kluka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas-17 ta' Frar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta' l-Olanda jitlob l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2423/1999 tal-15 ta' Novembru 1999, li jintroduċi miżuri ta' protezzjoni fir-rigward taz-zokkor li jaqa' taħt il-Kodiċi NM 1701 u tat-taħlitiet ta' zokkor u kawkaw li jaqgħu taħt il-Kodiċijiet NM 1806 10 30 u 1806 10 90 li joriġinaw fil-pajjiżi u territorji extra-Ewropej (ĠU L 294, p. 11, iktar 'il quddiem "ir-Regolament ikkontestat").

Il-kuntest ġuridiku

L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor

2. Permezz tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 tat-13 ta' Settembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 252, p. 1), il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ipproċeda għall-kodifikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81, tat-30 ta' Ġunju 1981, li waqqaf din l-organizzazzjoni komuni (ĠU L 177, p. 4) u li ġie emendat diversi drabi. Din l-organizzazzjoni għandha l-għan li tirregola s-suq Komunitarju taz-zokkor sabiex iżżid l-impjiegi u l-livell ta' għejxien tal-produtturi Komunitarji taz-zokkor.

3. L-għajnuna għall-produzzjoni Komunitarja, mogħtija permezz tal-prezzijiet garantiti, hija limitata għall-kwoti nazzjonali ta' produzzjoni (kwoti A u B) stabbiliti mill-Kunsill, b' applikazzjoni tar-Regolament Nru 2038/1999, lil kull Stat Membru li sussegwentement iqassamhom bejn il-produtturi tiegħu. Iz-zokkor li jaqa' taħt il-kwota B (imsejjaħ "zokkor B") huwa soġġett għal taxxa fuq il-produzzjoni aktar għolja, meta mqabbel ma' dak li jaqa' taħt il-kwota A (imsejjaħ "zokkor A"). Iz-zokkor prodott li jeċċedi l-kwoti A u B huwa msejjaħ "zokkor C" u ma jistax jinbiegħ fi ħdan l-Komunità Ewropea, sakemm ma jiġix inkorporat fil-kwoti A u B ta' l-istaġun ta' wara.

4. B'eċċezzjoni ta' l-esportazzjonijiet taz-zokkor C, l-esportazzjonijiet extra-Komunitarji jibbenefikaw, bis-saħħa ta' l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 2038/1999, minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni li jikkumpensaw id-differenza bejn il-prezz fuq is-suq Komunitarju u l-prezz fuq is-suq dinji.

5. Il-kwantità ta' zokkor li tista' tibbenefika minn rifużjoni fuq l-esportazzjoni u l-ammont totali annwali tar-rifużjonijiet huma regolati mill-ftehim ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar 'il quddiem il-"ftehim WTO"), li tagħhom il-Komunità hija parti, [approvati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (tat-22 ta' Diċembru 1994) dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuqa fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (94/800/KE) (ĠU L 336, p. 1)]. Sa l-iktar tard mis-sena tas-suq 2000/2001, il-kwantità ta' zokkor esportata b' rifużjoni u l-ammont totali tar-rifużjonijiet kellhom ikunu limitati għal 1 273 500 tunnellata u għal 4,991 miljun EUR, li jirrapreżentaw tnaqqis ta' 20 u ta' 36% rispettivament meta mqabbla maċ-ċifri għas-sena tas-suq 1994/1995.

L-arranġamenti ta' assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej mal-Komunità

6. Skond l-Artikolu 3(1)(s) KE, l-attivitajiet tal-Komunità jinkludu l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCT) "biex jiżdied il-kummerċ u sabiex flimkien iġibu 'il quddiem l-iżvilupp ekonomiku u soċjali".

7. L-Antilles Olandiżi u l-Aruba jagħmlu parti mill-OCT.

8. L-assoċjazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar mal-Komunità hija regolata mir-Raba' Parti [imsejħa "Taqsima IV" fit-Trattat KE] tat-Trattat KE.

9. Numru ta' deċiżjonijiet ġew adottati abbażi ta' l-Artikolu 136 tat-Trattat KE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 187 KE), fosthom id-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/482/KEE tal-25 ta' Lulju 1991, dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ekonomika Ewropea [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 263, p. 1), li, skond l-Artikolu 240(1) tagħha, hija applikabbli għal perjodu ta' għaxar snin mill-1 ta' Marzu 1990.

10. Diversi dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni ġew emendati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/803/KE, ta' l-24 ta' Novembru 1997, li tirrevedi f' nofs it-terminu, id-Deċiżjoni 91/482 [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 329, p. 50). Id-Deċiżjoni 91/482, kif emendata mid-Deċiżjoni 97/803 (iktar ' il quddiem id-"Deċiżjoni OCT"), ġiet prorogata sat-28 ta' Frar 2001 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/169/KE, tal-25 ta' Frar 2000 (ĠU L 55, p. 67).

11. L-Artikolu 101(1) tad-Deċiżjoni OCT jiddisponi:

"Il-prodotti li joriġinaw mill-OCT għandhom jiġu importati fil-Komunità mingħajr dazji fuq l-importazzjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12. L-Artikolu 102 ta' din l-istess Deċiżjoni jipprovdi:

"Mingħajr preġudizzju [għall-Artikolu] 108b, il-Komunità la għandha tapplika restrizzjonijiet kwantitattivi u lanqas miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għall-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-OCT" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13. L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 108(1) ta' din id-Deċiżjoni jirreferi għall-Anness II tagħha għad-definizzjoni tal-kunċett ta' prodotti li joriġinaw u tal-metodi ta' kooperazzjoni amministrativa relatati miegħu. Skond l-Artikolu 1 ta' dan l-Anness, prodott huwa kkunsidrat bħala li joriġina mill-OCT, mill-Komunità jew mill-Istati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (iktar 'il quddiem l-"Istati ACP") jekk ikun ġie kompletament miksub jew suffiċjentement ipproċessat hemmhekk.

14. L-Artikolu 3(3) ta' l-imsemmi Anness II jinkludi lista ta' xogħlijiet jew ta' pproċessar ikkunsidrati bħala li insuffiċjenti sabiex jattribwixxu l-karatteristika ta' l-oriġini lil prodott li jkun ġej, b'mod partikolari, mill-OCT.

15. Madankollu l-Artikolu 6(2) ta' dan l-Anness jinkludi regoli msejħa "regoli ta' kumulu ta' oriġini EC/OCT u ACP/OCT" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa jiddisponi:

"Meta prodotti kompletament miksuba fil-Komunità jew fl-Istati ACP jinħadmu jew jiġu pproċessati fl-OCT, huma jiġu kkunsidrati bħala li jkunu kompletament miksuba fl-OCT" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16. Skond l-Artikolu 6(4) ta' l-imsemmi Anness, ir-regoli ta' kumulu ta' oriġini EC/OCT u ACP/OCT huma applikabbli għal "kull xogħol jew ipproċessar magħmul fl-OCT inklużi l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 3(3)". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17. Id-Deċiżjoni 97/803 żiedet, inter alia fid-Deċiżjoni OCT l-Artikolu 108b li l-ewwel paragrafu tiegħu jiddisponi "il-kumulu ta' oriġini ACP/OCT imsemmi fl-Artikolu 6 ta' l-Anness II ikun permess għal kwantità annwali ta' 3 000 tunnellata zokkor" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu id-deċiżjoni 97/803 madankollu ma llimitatx l-applikazzjoni tar-regola tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT.

18. L-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT tawtorizza lil Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tieħu "il-miżuri ta' protezzjoni neċessarji" meta "l-applikazzjoni ta' [din id-Deċiżjoni] ġġib magħha tfixkil gravi f' settur ta' attività ekonomika tal-Komunità jew ta' xi wieħed jew iżjed mill-Istati Membri jew tikkomprometti l-istabbiltà finanzjarja esterna tagħhom, jew [meta] jinqalgħu diffikultajiet li jistgħu iġibu magħhom id-deterjorament ta' settur ta' attività tal-Komunità jew ta' reġjun tagħha [...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond l-Artikolu 109(2) ta' l-imsemmija Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tagħżel "il-miżuri li l-inqas ifixklu l-funzjonament ta' l-assoċjazzjoni u tal-Komunità". Minbarra dan, "[d]awn il-miżuri m'għandhomx jeċċedu dak li huwa strettament indispensabbli sabiex jirrimedja d-diffikultajiet li jkunu nqalgħu" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Il-miżuri ta' protezzjoni meħuda fil-konfront ta' l-importazzjonijiet ta' zokkor u ta' taħlitiet ta' zokkor u kawkaw li jibbenefikaw mill-kumulu ta' oriġini EC/OCT

19. Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat abbażi ta' l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT.

20. Mill-ewwel ħames premessi tar-Regolament ikkontestat, jirriżulta dan li ġej:

"(1) fl-aħħar xhur inqalgħu diffikultajiet li joħolqu l-perikolu ta' deterjorament serju tas-settur taz-zokkor fil-Komunità; dawn id-diffikultajiet huma kkawżati miż-żieda qawwija fl-importazzjoni mill-1997, ta' zokkor ta' oriġini akkumulat EC/OCT, kif ukoll fil-forma ta' taħlitiet ta' zokkor u kawkaw [...] li ġejjin mill-pajjiżi u territorji extra-Ewropej. Dawn il-prodotti jibbenefikaw minn eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni fil-Komunità, skond l-Artikolu 101(1) tad-Deċiżjoni OCT;

(2) dawn l-importazzjonijiet joħolqu periklu ta' deterjorament serju tal-funzjonament ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur taz-zokkor fil-Komunità u ta' effetti dannużi kbar għall-operaturi Komunitarji tas-settur taz-zokkor;

3) jeżisti l-periklu li l-funzjonament ta' l-organizzazzjoni tas-suq jiġi destabbilizzat b'mod qawwi; il-konsum taz-zokkor huwa kostanti fuq is-suq Komunitarju; minħabba f'hekk, kull importazzjoni ta' zokkor fi-Komunità li ssir bi prezzijiet inferjuri għal dak ta' intervent twassal għall-esportazzjoni kwantità korrispettiva ta' zokkor Komunitarju li ma jistax jinbiegħ fuq dan is-suq; rifużjonijiet għal dan iz-zokkor jiġu mħallsa mill-baġit Komunitarju (sa llum madwar 520 EUR/tunnellata). Dawn l-esportazzjonijiet huma limitati fil-volum tagħhom bil-ftehim tal-GATT: għalhekk, dawn l-importazzjonijiet inaqqsu il-possibbiltà li jiġi esportat zokkor soġġett għal kwota; biex jintlaqa' għal dan, jeħtieġ li jiġi maħsub tnaqqis tal-kwoti ta' produzzjoni Komunitarji;

(4) din iż-żieda fl-importazzjonijiet tista' tkun ta' dannu anki għall-operaturi Komunitarji tas-settur taz-zokkor. Fil-fatt, is-CMO taz-zokkor huwa kkaratterizzat, minn naħa, mill-prinċipju ta' l-awtofinanzjament, mill-produtturi Komunitarji taz-zokkor, tal-bejgħ taz-zokkor żejjed prodott fil-Komunità - partikolarment permezz ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u, min-naħa l-oħra, minn prezz minimu, li l-produtturi taz-zokkor Ewropej iridu jħallsu għall-pitravi taz-zokkor li jikkostitwixxu l-materja prima relattiva. Meta din iż-żieda fl-importazzjonijiet ta' zokkor, mhux ipproċessat jew fil-forma ta' prodotti b'konċentrazzjoni qawwija ta' zokkor, issir bi prezzijiet inferjuri għal dawk li bihom il-produtturi Komunitarji jistgħu jbiegħu prodotti simili hija tiddistabbilizza serjament l-attività ta' l-impriżi Komunitarji, li, minħabba l-r-restrizzjonijiet favur l-agrikolturi stabbiliti mill-politika agrikola komuni, ma jistgħux jikkompetu ma' prodotti hekk importati.

5) iż-żieda fil-volum ta' l-esportazzjonijiet b' rifużjonijiet tista' tipperikola wkoll li żżid l-ispejjeż unitajiet ta' l-esportazzjoni ta' zokkor soġġett għal kwota u, għaldaqstant, l-ammont ta' kontribuzzjoni għall-produzzjoni li titħallas mill-produtturi Komunitarji taz-zokkor".

21. It-tmien u d-disa' premessi tar-Regolament ikkontestat jiddisponu dan li ġej:

"(8) għal dan il-għan, għal dak li jikkonċerna z-zokkor [...], huwa xieraq li l-moviment liberu fil-Komunità mingħajr dazji fuq l-importazzjoni jiġi assoġġettat għall-kundizzjoni li l-prezz ta' importazzjoni CIF, kif sostnut minn dokumenti ikkunsinnati f' portijiet Ewropej tal-Komunità, ta' zokkor mhux ippakkjat, tal-kwalità definita mill-leġiżlazzjoni Komunitarja, ma jkunx inferjuri għall-prezz ta' intervent applikabbli għall-prodotti in kwistjoni; din il-miżura għandha tassigura li z-zokkor importat ma jiġix mibjugħ bi prezzijiet inferjuri għall-prezzijiet fuq is-suq Komunitarju u tippermetti li tilħaq l-għan li tevita l-effetti destabbilizzanti ta' dawn l-importazzjonijiet, u li tassigura, minn naħa, profitt ta' l-unitajiet suffiċjenti għall-operaturi ta' l-OCT ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, ir-rispett ta' l-ordni tal-preferenzi stabbilit mit-Trattat KE favur prodotti Komunitarji u favur prodotti li ġejjin mill-OCT;

(9) għal dak li jikkonċerna t-taħlitiet ta' zokkor u kawkaw [...], huwa xieraq, f'dan l-istadju, li l-importazzjoni tagħhom tiġi assoġġettata għall-proċedura ta' sorveljanza Komunitarja; din il-miżura tippermetti lill-Kummissjoni li ssegwi mill-qrib il-progres ta' dawn l-importazzjonijiet, mill-aspett tal-kwantitajiet u tal-prezzijiet, mingħajr ma toħloq ebda spiża amministrativa ulterjuri għall-operaturi".

22. Għaz-zokkor li jibbenefika mill-kumulu ta' oriġini EC/OCT, il-miżura ta' protezzjoni imposta tieħu l-forma ta' prezz minimu. Għalhekk, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ikkontestat jgħid:

"Il-moviment liberu fil-Komunità, mingħajr dazji fuq l-importazzjoni, tal-prodotti li jaqgħu taħt il-Kodiċi NCM 1701, ta' oriġini akkumulata EC/OCT huwa soġġett soġġett għall-kundizzjoni li l-prezz ta' importazzjoni CIF ta' merkanzija mhux ippakkjata, tal-livell tal-kwalità kif definit permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/72 [tas-17 ta' April 1972] li jistabbilixxi l-livell ta' kwalità għaz-zokkor abjad [ĠU L 94, p. 1], ma jkunx inferjuri għall-prezz ta' intervent applikabbli għall-prodotti in kwistjoni."

23. Għal dak li jikkonċerna t-taħlitiet taz-zokkor u kawkaw (prodotti li jaqgħu taħt il-Kodiċijiet NM 1806 10 30 u 1806 10 90) li ġejjin mill-OCT, l-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat igħid li l-moviment liberu fil-Komunità huwa "soġġett għall-proċedura ta' sorveljanza Komunitarja skond il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 308d tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93" tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p. 1).

24. L-Artikolu 308d (1) igħid:

"Meta sorveljanza ta' l-importazzjoni preferenzjali tkun sejra ssir mill-Komunità, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lil Kummissjoni darba kull xahar, jew fl-intervalli aktar spiss jekk hekk mitluba mill-Kummissjoni, dettalji tal-kwantitajiet ta' prodotti li jkunu tqiegħdu f'ċirkolazzjoni ħielsa għal benefiċċju ta' l-arranġamenti ta' tariffa preferenzjali matul ix-xhur preċedenti."

25. Skond l-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat, dan ir-Regolament kien applikabbli sad-29 ta' Frar 2000.

Il-fatti

26. Fl-aħħar ta' Ġunju 1999, il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT għal dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' zokkor u ta' taħlitiet ta' kawkaw u zokkor li ġejjin mill-Aruba. F'komunikazzjoni tat-23 ta' Ġunju 1999 indirizzata lill-Istati Membri, hija kkonstatat żieda qawwija ta' l-importazzjonijiet ta' zokkor u ta' taħlitiet ta' zokkor u kawkaw fil-Komunità, matul ix-xhur preċedenti u attribwixxiet din iż-żieda għall-fatt li dawn il-prodotti kienu offruti fuq is-suq Komunitarju bi prezzijiet inferjuri għal dawk offruti mill-produtturi Komunitarji taz-zokkor, sitwazzjoni li kienet qiegħda tiddestabbilizza "b'mod qawwi l-attività ta' l-impriżi tal-Komunità li, minħabba l-limitazzjonijiet imposti mill-politika agrikola komuni favur il-bdiewa, ma [setgħux] jikkompetu mal-prodotti importati".

27. Skond il-Kummissjoni, il-produtturi tal-OCT kienu jixtru z-zokkor tagħhom fil-Komunità bil-prezz tas-suq dinji, li kien inferjuri għall-prezz tas-suq Komunitarju b'aktar minn 500 EUR/tunnellata. Wara li jiġi pproċessat ftit, il-prodott kien importat mill-ġdid fil-Komunità mingħajr dazji.

28. Il-kumitat konsultattiv, imsemmi fl-Artikolu 1(2) ta' l-Anness IV tad-Deċiżjoni OCT, iltaqa' fit-30 ta' Ġunju 1999. Il-maġġoranza ta' l-Istati Membri ddeċidiet favur il-proposta magħmula mill-Kummissjoni sabiex tadotta l-miżuri ta' protezzjoni. Ir-Renju ta' l-Olanda oppona din il-proposta billi sostna b'mod partikolari li l-prova li z-zokkor in kwistjoni kien inbiegħ bi prezz inferjuri għal dak li jinbiegħ bih normalment fil-Komunità ma kenitx ġiet stabbilita u li l-kundizzjonijiet previsti għall-adozzjoni ta' miżuri ta' protezzjoni ma kienux ġew sodisfatti.

29. 29 Il-Kummissjoni madankollu ma implimentatx l-imsemmija proposta immedjatament, imma tat bidu, fix-xahar ta' Awwissu 1999, għal proċedura ġdida estiża, din id-darba, għall-importazzjonijiet ta' zokkor u ta' taħlitiet ta' zokkor u kawkaw li ġejjin mill-OCT kollha. Skond il-Kummissjoni, it-tendenza għaż-żieda fl-importazzjonijiet bi prezzijiet inferjuri għall-prezz ta' intervent ikkonstatata f'Ġunju fir-rigward ta' l-Aruba, kienet ġiet ikkonfermata għal dak li jikkonċerna l-OCT kollha.

30. 30 Il-kumitat konsultattiv iltaqa' mill-ġdid fit-8 ta' Settembru ta' wara u l-maġġoranza ta' l-Istati Membri (ir-Renju ta' l-Olanda reġa' sostna l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni) iddeċidiet favur l-adozzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni, li fl-aħħar ġew adottati fil-15 ta' Novembru 1999, wara l-kostatazzjoni ta' żieda qawwija fl-importazzjonijiet matul ix-xhur ta' Settembru u Ottubru ta' l-istess sena.

31. 31 Konformement ma' l-Artikolu 1(5) ta' l-Anness IV tad-Deċiżjoni PTOM, ir-Renju ta' l-Olanda rrefera r-Regolament ikkontestat lill-Kunsill, li m'għamilx użu mill-fakultà li jagħtih il-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu li jieħu deċiżjoni differenti.

It-talbiet tal-partijiet

32. 32 Il-Gvern Olandiż jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja

- li tannulla r-Regolament ikkontestat;

- li tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

33. 33 Il-Kummissjoni titlob lill­­-Qorti tal-Ġustizzja:

- li tiċħad ir-rikors bħala infondat;

- li tornda lir-Renju ta' l-Olanda jbati l-ispejjeż.

34. 34 Permezz ta' digriet tal-11 ta' Marzu 2000, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa' t-talba tar-Renju ta' Spanja sabiex jintervjeni biex isostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

35. 35 Permezz ta' ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta' Lulju 2000, ir-Renju ta' l-Olanda talab is-sospensjoni tal-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li taqta' fil-kawża T-47/00, Rica Foods vs il-Kummissjoni li għandha wkoll bħala għan l-annullament tar-Regolament ikkontestat.

36. 36 Permezz ta' digriet tas-17 ta' Ottubru 2000, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa' din it-talba b' applikazzjoni tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 47 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta' l-Artikolu 82(a)(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37. 37 Permess ta' sentenza tas-17 ta' Jannar 2002, Rica Foods vs il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors T-47/00 bħala inammissibbli (Ġabra p. II-113).

Fuq ir-rikors

38. 38 Sabiex isostni t-talba tiegħu għal annullament tar-Regolament ikkontestat, ir-Renju ta' l-Olanda invoka erba' motivi ibbażati rispettivament:

- fuq il-ksur ta' l-Artikolu 109(1) tad-deċiżjoni OCT, għar-raġuni li meta adottat l-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ibbażat ruħha fuq valutazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti għal dak li jikkonċerna z-zokkor jew, għall-anqas, abbużat mis-setgħa tagħha li timponi miżuri ta' protezzjoni;

- tal-ksur ta' l-istess dispożizzjoni, għar-raġuni li meta adottat l-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ibbażat ruħha fuq valutazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti għal dak li jikkonċerna t-taħlitiet ta' kawkaw u zokkor jew, għall-anqas, abbużat mis-setgħa tagħha li timponi miżuri ta' protezzjoni;

- tal-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 253 KE, għar-raġuni li l-motivazzjoni tar-Regolament hija insuffiċjenti, intrinsikament kontradittorja u parzjalment inkomprensibbli;

- tal-ksur ta' l-Artikolu 109(2) tad-Deċiżjoni OCT, għar-raġuni li l-Kummissjoni pprovdiet, fl-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, li l-prezz ta' importazzjoni CIF taz-zokkor ta' oriġini akkumulata EC/OCT m' għandux ikun inferjuri għall-prezz ta' intervent KE applikabbli għaz-zokkor.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT u relatata mal-prezz massimu impost għaz-zokkor

L-argumenti tal-partijiet

39. 39 Permezz ta' l-ewwel motiv tiegħu, il-Gvern Olandiż isostni li, għal dak li jirrigwarda l-importazzjoni taz-zokkor ta' oriġini akkumulata EC/OCT fil-Komunità, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti, qabel ma kkonkludiet li kien neċessarju li tadotta miżuri ta' protezzjoni, u abbużat mis-setgħa tagħha għar-raġuni li l-miżuri in kwistjoni kellhom manifestament l-iskop li jipproteġu l-produtturi taz-zokkor Ewropej kontra kull kompetizzjoni potenzjali minn importazzjonijiet mhux limitati bi kwoti li ġejjin mill-OCT.

40. 40 Skond dan il-Gvern, il-miżuri ta' protezzjoni huma ta' natura eċċezzjonali fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni kummerċjali normalment applikabbli. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta' sitwazzjoni eċċezzjonali li teħtieġ tali miżuri fuq il-bażi ta' kriterji ta' evalwazzjoni oġġettivi msemmija fl-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT. Madankollu, dan ma kienx il-każ hawnhekk.

41. 41 L-ewwel motiv jikkomprendi sitt taqsimiet:

42. 42 Fl-ewwel lok, il-Gvern Olandiż isostni li l-kwantitajiet ta' zokkor importati mill-OCT, li, skond l-istatistiċi stabbiliti mill-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat), żdiedu għal madwar 45 000 tunnellata fl-1999, jiġifieri inqas minn 0.4% tal-produzzjoni Komunitarja u ftit inqas minn 3% ta' l-importazzjonijiet preferenzjali li ġejjin mill-Istati ACP u mill-Indja, ma setgħux jippreżentaw periklu ta' tfixkil għall-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor.

43. 43 Fit-tieni lok, dan il-Gvern isostni li l-Kummissjoni ma tatx prova li z-zokkor li ġej mill-OCT kien jinbiegħ fil-Komunità bi prezz inferjuri għall-prezz ta' intervent.

44. 44 Fit-tielet lok, il-Gvern Olandiż josserva li l-produzzjoni totali ta' zokkor fil-Komunità tvarja b'iktar minn miljun tunnellata minn sena għall-oħra. Billi l-konsum jitla' u jinżel ukoll, l-argument li kull kwantità ulterjuri importata mill-OCT twassal għall-esportazzjoni ta' kwantità korrispettiva huwa bbażat fuq simplifikazzjoni enormi jekk mhux ukoll fuq nuqqas ta' għarfien tar-realtà. F'kull każ, anki li kieku kellha tiġi kkonstatata żieda korrispettiva fl-esportazzjonijiet sussidjati, il-konsegwenzi li kienu jirriżultaw għall-baġit Komunitarju ma kienux jikkostitwixxu, skond dan il-Gvern, raġuni rilevanti li setgħet tiġġustifika l-adozzjoni ta' miżuri ta' protezzjoni skond l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT, ladarba konsegwenzi bħal dawn huma inerenti għal kull sistema bbażata fuq il-libertà ta' l-importazzjonijiet.

45. 45 Fir-raba' lok, dan il-Gvern isostni li l-importazzjonijiet ta' zokkor in kwistjoni ma kienux ta' natura li joħolqu diffikultajiet għall-Komunità fir-rigward ta' l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-ftehim WTO. Huwa jibbaża ruħu fuq id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' April 1999, Emesa Sugar vs il-Kummissjoni (T-44/98 R II, Ġabra p. II-1427, punt 107), u jirrileva li l-Komunità kellha marġni ta' azzjoni suffiċjenti sabiex tilqa' għaż-żieda fl-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT sas-sena 2000.

46. 46 Fil-ħames lok, il-Gvern Olandiż jiddubita kemm il-Kummissjoni, meta adottat ir-Regolament ikkontestat, kellha l-ħsieb li tnaqqas il-kwoti ta' produzzjoni. F'kull każ, dak it-tnaqqis ma kienx neċessarju minħabba l-importazzjonijiet ta' zokkor in kwistjoni fihom infushom.

47. 47 Fl-aħħar lok, dan il-Gvern isostni li mhux ipprovat li l-importazzjonijiet ta' zokkor in kwistjoni ikkawżaw dannu lill-produtturi Komunitarji. L-ewwelnett, ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni huma ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (EAGGF) u mhux mill-produtturi Komunitarji. It-tieninett, fl-1999, iz-zokkor inbiegħ lill-produtturi ta' l-OCT bi prezz li kien madwar id-doppju ta' dak tas-suq dinji, sitwazzjoni li ppermettiet lill-produtturi Komunitarji li jagħmlu qliegħ sostanzjali. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni ma wrietx li kull tunnellata importata mill-OCT wasslet għal tnaqqis korrispettiv fil-bejgħ magħmul mill-produtturi Komunitarji.

48. 48 Il-Kummissjoni twieġeb li, skond il-figuri ppubblikati mill-Eurostat, l-ammont total ta' l-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT kien tela' għal 10 251.7 tunnellata fl-1997 u għal 43 948.4 tunnellata bejn Jannar u Ottubru 1999, jiġifieri żieda ta' 328%, b'aċċelerazzjoni taż-żieda f'dawk l-importazzjonijiet bejn ix-xhur ta' Awwissu u ta' Ottubru li ġiet ukoll ikkonstatata. Il-maġġoranza kbira ta' dawn l-importazzjonijiet ikkonċernat iz-zokkor li jibbenefika mill-kumulu ta' oriġini EC/OCT.

49. 49 Skond il-Kummissjoni, żieda bħal din fl-importazzjonijiet tipperikola li tiddestabbilizza b'mod serju l-funzjonement ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor. Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta' produzzjoni żejda fuq is-suq dinji, l-importazzjoni ta' ċerta kwantità ta' zokkor ikollu bħala konsegwenza li ma jippermettix il-bejgħ ta' kwantità ekwivalenti ta' zokkor Komunitarju fuq is-suq Komunitarju, li jkollha, għaldaqstant, tiġi esportata bi spejjeż kemm għall-baġit Komunitarju kif ukoll għall-produtturi taz-zokkor, li jikkontribwixxu għall-finanzjament tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

50. 50 Skond il-Kummissjoni, kull importazzjoni ulterjuri ta' zokkor, imqar fi kwantità żgħira tista' tiddestabbilizza s-suq. 'Il quddiem, il-Kummissjoni setgħtet issib ruħha limitata, minħabba ż-żieda fl-importazzjonijiet, li tnaqqas il-kwoti ta' produzzjoni Komunitarji, li ħaġa li tmur kontra l-prinċipji u l-għanijiet tal-politika agrikola komuni. Il-Kummissjoni tirreferi f'dan ir-rigward għas-sentenza tat-8 ta' Frar 2000, Emesa Sugar (C-17/98, Ġabra p. I-675, punt 56).

51. 51 Il-bejgħ tal-prodotti importati bi prezzijiet inferjuri għall-prezz ta' intervent jaggrava l-konsegwenzi taż-żieda fl-importazzjonijiet, billi l-produtturi komunitarji ma jistgħux joffru z-zokkor tagħhom bi prezz iktar baxx minħabba li għandhom l-obbligu li jħallsu prezz minimu għall-pitravi taz-zokkor li jixtru, konformement ma' l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2038/1999. Issa l-Kummissjoni setgħet validament tissuspetta, mingħajr iżda ma kkonstatat din il-ħaġa materjalment, li l-impriżi ta' l-OCT kienu qegħdin jixtru z-zokkor C bil-prezz tas-suq dinji u li kienu qegħdin jimportawh fil-Komunità bi prezzijiet inferjuri għall-prezz ta' intervent.

52. 52 Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-organizzazzjoni komuni tas-suq stabbiliet kwoti ta' produzzjoni, kemm għaz-zokkor li ser jiġi kkunsmat fuq is-suq Komunitarju (zokkor A) kif ukoll għaz-zokkor li jista' jiġi esportat b' rifużjoni (zokkor A u B). Skond il-Kummissjoni, jekk il-produtturi taz-zokkor ma jistgħux ibiegħu z-zokkor A fuq is-suq Komunitarju, huma jippruvaw jesportawh fil-kuntest ta' esportazzjonijiet neċessarjament issussidjati. Soluzzjoni oħra tikkonsisti fil-ħażna taz-zokkor, iżda sa minn ċertu numru ta' snin, iz-zokkor mhuwiex aktar offrut għall-intervent u, barra minn hekk, il-Kummisssjoni tiskoraġġixxi l-użu ta' din il-proċedura minħabba fl-ispiża li tinvolvi għall-baġit Komunitarju.

53. 53 Għal dak li jikkonċerna r-rispett ta' l-obbligi assunti fil-kuntest tal-WTO, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 56 tas-sentenza Emesa Sugar, ċitata iktar 'il fuq.

54. 54 Fl-aħħarnett, fir-rigward tal-konsegwenzi dannużi għall-operaturi Komunitarji, il-Kummissjoni filwaqt li tirreferi għall-punt 56 tas-sentenza Emesa Sugar, ċitata iktar 'il fuq u għall-punt 88 tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f'din il-kawża, tirrileva li r-rifużjonijiet fuq esportazzjoni mhumiex kollha ffinanzjati mill-EAGGF, billi parti kbira minnhom titħallas mill-produtturi Komunitarji. Jekk huwa veru li ċerti produtturi Komunitarji jistgħu jagħmlu qliegħ mill-bejgħ taz-zokkor C lil produtturi ta' l-OCT, dan il-fatt ma jistax jikkumpensa, skond il-Kummissjoni, għad-dannu kkawżat lis-settur kollu.

55. 55 Il-Gvern Spanjol jieħu pożizzjoni identika għal dik tal-Kummissjoni. Huwa josserva li ż-żieda kbira, mill-1997, fl-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT hija l-konsegwenza tar-reviżjoni tad-Deċiżjoni OCT li illimitat l-importazzjonijiet mingħajr dazju fil-Komunità tal-prodotti ta' oriġini akkumulata ACP/OCT. L-intrapriża tas-settur, infurmati b'din il-perspettiva minn żmien il-pubblikazzjoni, fl-1996, tal-proposta ta' reviżjoni, daru lejn prodotti ta' oriġini akkumulata EC/OCT, li ma kienux ikkonċernati minn din ir-reviżjoni. Il-miżuri ta' protezzjoni adottati huma għalhekk ntiżi sabiex jipproteġu l-interessi tal-prodotturi tal-Komunità fil-kuntest tal-politika agrikola komuni mingħajr ma jaffettwaw l-ekonomija ta' l-OCT billi dawn il-miżuri ma jirrigwardawx iz-zokkor prodott f'dawk il-pajjiżi.

56. 56 Dan il-Gvern jirrileva wkoll li fl-1999, il-prezz taz-zokkor fuq is-suq dinji kien ta' 242 EUR kull tunnellata filwaqt li z-zokkor kien jinbiegħ 775EUR kull tunnellata fi Spanja. L-operaturi ta' l-OCT għalhekk kellhom marġni ta' qliegħ ta' 533 EUR kull tunnellata zokkor li kienu jesportaw mingħajr dazju fil-Komunità. Huma b'hekk setgħu jixtru z-zokkor C u, wara pproċessar jevitaw li jħallsu d-dazji ta' l-importazzjoni filwaqt li jagħmlu qliegħ enormi.

57. 57 Barra minn hekk, il-Gvern Spanjol, filwaqt li jfakkar li z-zokkor in kwistjoni ma kienx ġej minn koltivazzjoni magħmula fl-OCT, josserva li d-Deċiżjoni OCT ittieħdet bl-intenzjoni li dawn it-territorji jiżviluppaw. Issa dawn il-pajjiżi ma jieħdu ebda vantaġġ mill-valur miżjud miksub mill-operazzjonijiet ta' pproċessar li minnhom jiddependi l-kumulu ta' oriġini EC/OCT, billi fil-prattika, l-ipproċessar minimu li jsir hemmhekk ma joħloqx impjiegi u għalhekk ma jiffavorixxix l-iżvilupp ta' l-OCT.

Il-Kunsiderazzjoni tal-Qorti

58. 58 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni PTOM (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta' Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs il-Kummissjoni, C-390/95 P, Ġabra p. I-769, punt 48, u tat-22 ta' Novembru 2001, l-Olanda vs il-Kunsill, C-110/97, Ġabra p. I-8763, punt 61, kif ukoll l-Olanda vs il-Kunsill, C-301/97, Ġabra p. I-8853, punt 73).

59. 59 Għaldaqstant, il-Qorti Komunitarja għandha tillimita ruħha li teżamina jekk l-eżerċizzju ta' din is-setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew b'abbuż tas-setgħa jew inkella jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji qabżux b'mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (ara s-sentenzi ċitati iktar 'il fuq Antillean Rice Mills et vs il-Kummissjoni, punt 48; l-Olanda vs il-Kunsill, C-110/97, punt 62, u l-Olanda vs il-Kunsill, C-301/97, punt 74).

60. 60 Din il-limitazzjoni ta' l-intensità ta' l-istħarriġ tal-Qorti Komunitarja hija meħtieġa b'mod partikolari meta, bħal fil-każ preżenti, l-istituzzjonijiet Komunitarji jkollhom jarbitraw bejn interessi diverġenti u b'hekk jagħmlu għazliet fil-kuntest ta' l-għażliet politiċi li huma parti mir-responsabbiltajiet partikolari tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Emesa Sugar ċitata iktar 'il fuq, punt 53).

61. 61 Skond l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT, il-Kummissjoni "tista'" tadotta miżuri ta' protezzjoni jew "[j]ekk l-applikazzjoni ta' [din id-Deċiżjoni] ġġib magħha tfixkil gravi f' settur ta' attività ekonomika tal-Komunità jew ta' xi wieħed jew iżjed mill-Istati Membri jew tikkomprometti l-istabbiltà finanzjarja esterna tagħhom", jewi "jekk jinqalgħu diffikultajiet li jistgħu jġibu magħhom id-deterjorament ta' settur ta' attività tal-Komunità jew ta' reġjun tagħha". Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 47 tas-sentenza tagħha Antillean Rice Mills et vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, li, fl-ewwel ipoteżi msemmija f'dan il-paragrafu, l-eżistenza ta' rabta kawżali għandha tiġi stabbilita minħabba li l-miżuri ta' protezzjoni għandhom ikollhom bħala għan li jeliminaw jew inaqqsu d-diffikultajiet li jinqalgħu fis-settur in kwistjoni, u li, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni ipoteżi mhuwiex meħtieġ li d-diffikultajiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta' miżura ta' protezzjoni jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Deċiżjoni OCT.

62. 62 Il-Kummissjoni bbażat ir-Regolament ikkontestat fuq it-tieni ipoteżi msemmija fl-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni PTOM. Fil-fatt, joħrog mill-ewwel premessa ta' dan ir-Regolament li l-Kummissjoni adottat il-miżura ta' protezzjoni in kwistjoni meta "fl-aħħar xhur [kienu] inqalgħu diffikultajiet li joħolqu periklu ta' deterjorament serju tas-settur taz-zokkor fil-Komunità".

63. 63 Joħroġ b'mod aktar partikolari mit-tieni sal-ħames premessi ta' dan ir-Regolament li r-rikors għall-Artikolu 109 tad-Deċiżjoni OCT kien immotivat mill-fatt li l-importazzjonijiet ta' zokkor u ta' taħlitiet ta' oriġini akkumulata EC/OCT k ienu qiegħdin joħolqu l-periklu ta' deterjorament serju tal-funzjonament ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur taz-zokkor u ta' effetti dannużi kbar għall-operaturi Komunitarji f' dan is-settur.

64. 64 L-ewwel motiv jikkomprendi sitt taqsimiet li minnhom l-ewwel ħamsa jikkonċernaw sostanzjalment l-eżistenza ta' periklu ta' tfixkil għall-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor u s-sitt waħda tikkonċerna l-periklu ta' konsegwenzi dannużi għall-operaturi Komunitarji.

Fuq l-eżistenza ta' periklu ta' tfixkil għall-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor

65. 65 Fl-ewwel lok, il-Gvern Olandiż isostni li, meta wieħed jikkunsdra l-kwantitajiet minimi ta' zokkor importati taħt is-sistema tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT, ma teżisti ebda diffikultà skond it-tifsira ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT.

66. 66 Dwar dan il-punt, joħroġ mill-ewwel u t-tielet premessi tar-Regolament ikkontestat li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta' "żieda qawwija", mill-1997, fl-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT taħt is-sistema tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT u li kien jeżisti l-periklu li l-funzjonament ta' l-organizzazzjoni tas-suq jiġi "destabbilizzat b'mod qawwi". It-tielet premessa ta' dan ir-Regolament tiddisponi f'dan ir-rigward:

"il-konsum taz-zokkor huwa kostanti fuq is-suq Komunitarju; minħabba f'hekk, kull importazzjoni ta' zokkor fil-Komunità li ssir bi prezzijiet inferjuri għal dak ta' intervent li twassal għall-esportazzjoni kwantità korrispettiva ta' zokkor Komunitarju li ma jistax jinbiegħ fuq dan is-suq; rifużjonijiet għal dan iz-zokkor jiġu mħallsa mill-baġit Komunitarju (sa llum madwar 520 EUR/tunnellata). Dawn l-esportazzjonijiet huma limitati fil-volum tagħhom bil-ftehim tal-GATT: għalhekk, dawn l-importazzjonijiet inaqqsu l-possibbiltà li jiġi esportat zokkor soġġett għal kwota; biex jintlaqa' għal dan, jeħtieġ li jiġi maħsub tnaqqis tal-kwoti ta' produzzjoni Komunitarji".

67 Għandu jiġi mfakkar, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 56 tas-sentenza Emesa Sugar, ċitata iktar 'il fuq, li fl-1997 kienet diġa teżisti produzzjoni Komunitarja żejda ta' zokkor tal-pitravi meta mqabbla mal-kwantità kkunsumata fil-Komunità u li ma' din il-produzzjoni żejda wieħed irrid iżid l-importazzjonijiet ta' zokkor tal-kannmieli li ġej mill-Istati ACP sabiex jissodisfaw it-talba speċifika għal dan il-prodott u l-obbligu tal-Komunità li timporta ċerta kwantità ta' zokkor minn pajjiżi terzi, skond il-ftehim WTO. Barra minn hekk, il-Komunità kienet ukoll marbuta li tissussidja l-esportazzjonijiet ta' zokkor, permezz ta' rifużjonijiet fuq esportazzjoni u fil-limiti ta' l-imsemmija ftehim WTO. Għaldaqstant, u kkunsidrata li ż-żieda li dejjem tikber ta' l-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT mill-1997 'il quddiem, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li kull kwantità ulterjuri ta' dan il-prodott li tasal fuq is-suq tal-Komunità, imqar jekk din tkun meta mqabbla mal-produzzjoni Komunitarja kienet iġġiegħel lill-istituzzjonijiet Komunitarji jżidu l-ammont ta' sussidji fuq l-esportazzjoni, fil-limiti fuq imsemmija, jew inaqqsu l-kwoti tal-produtturi Ewropej, ħaġa li kienet tfixkel l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor, li l-ekwilibriju tagħha kien diġà prekarju, u li kienet kuntrarja għall-għanijiet tal-politika agrikola komuni.

67. 68 Il-Gvern Olandiż ma weriex, għaldaqstant, li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' valutazzjoni meta kkunsidrat li l-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT kienu żdiedu b'mod qawwi bejn l-1997 u l-1999 u li din iż-żieda, imqar jekk minima meta mqabbla mal-produzzjoni Komunitarja, kienet tikkostitwixxi "diffikultajiet" skond it-tifsira ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT.

68. 69 Għaldaqstant, l-ewwel taqsima ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċhuda bħala infondata.

69. 70 Fit-tieni lok, joħroġ mit-tielet premessa tar-Regolament ikkontestat li "kull importazzjoni ta' zokkor fil-Komunità li ssir bi prezzijiet inferjuri għal dak ta' intervjent li twassal għall-esportazzjoni kwantità korrispettiva ta' zokkor Komunitarju li ma jistax jinbiegħ fuq dan is-suq".

70. 71 Issa kif osserva l-Gvern Olandiż, il-Kummissjoni ma pprovatx li l-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT kienu effettivament saru bi prezz inferjuri għall-prezz ta' intervjent fuq is-suq Komunitarju. Il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li hija kienet ibbażat ruħha, f'dan ir-rigward, fuq "suspett".

71. 72 Din iċ-ċirkostanza, madankollu m'hijiex ta' natura li tivvizzja l-validità tar-Regolament ikkontestat meta wieħed jikkunsidra r-raġunijiet imsemmija fit-tieni, t-tielet u l-ħames premessi u li jikkonċernaw minn naħa, il-periklu ta' deterjorament tal-funzjonament ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor u, min-naħa l-oħra, id-dannu li l-importazzjonijiet in kwistjoni kienu jistgħu jikkawżaw lill-operaturi Komunitarji fis-settur taz-zokkor.

72. 73 Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-importazzjonijiet in kwistjoni ma kienux ġew effettwati bi prezz inferjuri għall-prezz ta' intervent, il-Kummissjoni ġġustifikat il-miżura ta' protezzjoni in kwistjoni b'mod suffiċjenti billi rrilevat li, fid-dawl ta' l-istabbiltà tal-konsum taz-zokkor fil-Komunità, iż-żieda dejjem tikber fl-importazzjoni taz-zokkor li ġej mill-OCT ġġib magħha żieda fil-volum ta' l-esportazzjonijiet issussidjati, li tkun tfisser żieda fl-ispejjeż marbuta ma' dawn l-esportazzjonijiet u, b'konsegwenza ta'dan, żieda fil-kontribuzzjonijiet mħallsa mill-produtturi Komunitarji, jew inkella tnaqqis tal-kwoti ta' produzzjoni Komunitarji. Kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 40 u 56 tas-sentenza Emesa Sugar, ċitata iktar 'il fuq, diffikultajiet bħal dawn huma ta' natura li jfixklu l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor.

73. 74 Għaldaqstant, it-tieni parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala ineffikaċi.

74. 75 Fit-tielet lok, il-Gvern Olandiż jikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fit-tielet premessa tar-Regolament ikkontestat, skond liema kull importazzjoni ulterjuri ta' zokkor "twassal għall-esportazzjoni kwantità korrispettiva ta' zokkor Komunitarju li ma jistax jinbiegħ fuq dan is-suq", minħabba li kemm il-produzzjoni kif ukoll il-konsum ta' zokkor fil-Komunità jvarja minn sena għall-oħra. Dan il-Gvern jiddubita wkoll mill-fatt li l-esportazzjonijiet in kwistjoni huma ssussidjati.

75. 76 F'dak ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi mfakkar li l-produzzjoni Komunitarja hija aktar mill-konsum ta' zokkor fil-Komunità, fatt li l-Gvern Olandiż ma jikkontestax, u li l-Komunità hija wkoll obbligata li timporta ċerta kwantità ta' zokkor minn pajjiżi terzi skond il-ftehim WTO (sentenza Emesa Sugar, ċitata iktar 'il fuq, punt 56).

76. 77 Meħuda in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li s-suq Komunitarju taz-zokkor jipproduċi żżejjed, il-fatt li l-produzzjoni u l-konsum taz-zokkor fil-Komunità jistgħu jvarjaw minn sena għall-oħra hija, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, irrilevanti.

77. 78 Preċiżament, minħabba f'din is-sitwazzjoni ta' produzzjoni żejda, kull importazzjoni ulterjuri taħt is-sistema tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT iżżid iz-zokkor żejjed fuq is-suq Komunitarju u twassal għal żieda fl-esportazzjonijiet issussidjati (ara sentenza Emesa Sugar, ċitata iktar 'il fuq, punt 56).

78. 79 Dwar dan l-aħħar punt il-Kummissjoni m'għamlitx żball manifest ta' valutazzjoni meta kkunsidrat li l-esportazzjonijiet ikkawżati mill-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT huma esportazzjonijiet issussidjati, minħabba li z-zokkor importat mill-OCT li jissostitwixxi z-zokkor Komunitarju jrid huwa stess jiġi esportat sabiex jinżamm l-ekwilibriju ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq.

79. 80 Konsegwentement, it-tielet taqsima għandha wkoll tiġi miċħuda.

80. 81 Fir-raba' lok, il-Gvern Olandiż isostni li l-ftehim WTO kienu għadhom joffru, sa l-1 ta' Lulju 2000, marġni ta' manuvrar suffiċjenti sabiex jippermettu l-importazzjonijiet in kwistjoni fil-Komunità.

81. 82 F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, anki jekk esportazzjonijiet ulterjuri ta' zokkor b' rifużjoni li l-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT ma setgħu kkawżaw l-ammonti u l-kwantitajiet stabbiliti fil-ftehim WTO, il-Gvern Olandiż ma wriex li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' valutazzjoni, minn naħa, meta kkunsidrat l-għan ta' dawn il-ftehim li jillimitaw gradwalment is-sussidji għall-esportazzjoni, u, min-naħa l-oħra, meta kkunsidrat li ż-żieda fl-importazzjonijiet ta' zokkor, taħt is-sistema tal-kumulu ta' oriġini EC/OCT, żiedet, min-naħa tagħha, l-ammont totali tas-sussidji għall-esportazzjoni u kienet diġà ħolqot qabel l-1 ta' Lulju 2000, periklu ta' destabbilizzazzjoni tas-settur taz-zokkor Komunitarju, kif irrilevat il-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza tagħha ta' l-14 ta' Novembru 2002, Rica Foods et vs il-Kummissjoni (T-94/00, T-110/00 u T-159/00, Ġabra p. II-4677, punt 139).

82. 83 Konsegwentement, ir-raba' taqsima ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċhuda.

83. 84 Fil-ħames lok, għal dak li jirrigwarda dubji espressi mill-Gvern Olandiż fir-rigward ta' l-intenzjoni tal-Kummissjoni meta adottat ir-Regolament ikkontestat, li tnaqqas il-kwoti ta' produzzjoni Komunitarji, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Gvern Olandiż ma ressaq ebda prova sabiex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu.

84. 85 Għaldaqstant, il-ħames taqsima ta' l-ewwel motiv ma tistax tiġi milqugħa.

Fuq il-konsegwenzi għall-produtturi Komunitarji

85. 86 Joħroġ mit-tieni premessa tar-Regolament ikkontestat li l-importazzjonijiet in kwistjoni "joħolqu il-periklu [...] ta' effetti dannużi kbar għall-operaturi Komunitarji tas-settur taz-zokkor".

86. 87 Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Olandiż għas-sostenn tas-sitt taqsima ta' l-ewwel motiv tiegħu, il-Kummissjoni ma għamlitx żball manifest ta' valutazzjoni meta ressqet tali motiv sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżura ta' protezzjoni in kwistjoni.

87. 88 Fil-fatt, l-ewwelnett huwa evidenti li d-deterjorament jew il-periklu ta' deterjorament ta' organizzazzjoni komuni tas-suq jista' jirrendi neċessarju tnaqqis tal-kwoti ta' produzzjoni u b'hekk jaffettwa direttament il-qligħ tal-produtturi Komunitarji.

88. 89 Barra minn hekk, ir-rifużjonijiet fuq esportazzjoni huma ffinanzjati fil-biċċa l-kbira tagħhom mill-produtturi Komunitarji permezz ta' kontribuzzjonijiet għall-produzzjoni ffissati kull sena mill-Kummissjoni. Issa, kif joħroġ mill-punt 78 ta' din is-sentenza, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tqis li l-importazzjonijiet jwasslu għal żieda fil-volum ta' l-esportazzjonijiet issussidjati u, konsegwentement, żieda fil-kontribuzzjonijiet għall-produzzjoni mħallsa mill-produtturi Komunitarji.

89. 90 Fl-aħħar nett, anki li kieku ċerti produtturi setgħu, kif isostni l-Gvern Olandiż, jiksbu qligħ sostanzjali mill-bejgħ ta' zokkor C lill-operaturi ta' l-OCT billi jbiegħu bi prezzijiet ħafna aktar għolja mill-prezz tas-suq dinji, din id-dikjarazzjoni li ma tistrieħx fuq ebda element ta' prova preċiża, mhijiex ta' natura li tqiegħed in kwistjoni l-valutazzjon tal-Kummissjoni li l-importazzjonijiet in kwistjoni jġibu magħhom periklu ta' tfixkul għas-settur taz-zokkor li jista', b'mod partikolari, iwassal għal żieda fl-ammont tas-sussidji fuq l-esportazzjoni jew għal tnaqqis tal-kwoti ta' produzzjoni.

90. 91 Is-sitt taqsima ta' l-ewwel motiv għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala infondata.

91. 92 Meqjusa l-konsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 109(1) tad-Deċiżjoni OCT u relattiv għal mekkaniżmu ta' sorveljanza doganali ta' l-importazzjonijiet ta' taħlitiet ta' kawkaw u zokkor

L-argumenti tal-partijiet

92. 93 Permezz tat-tieni motiv tiegħu, il-Gvern Olandiż isostni, għal dak li jikkonċerna t-taħlitiet tal-kawkaw u zokkor, argumentazzjoni analoga għal dik imressqa sabiex isostnu l-ewwel motiv.

93. 94 Huwa jallega, l-ewwelnett li l-Kummissjoni li ma pprovatx li l-importazzjoni ta' kwantitajiet żgħar ħafna ta' taħlitiet, li ma wrietx li kienet qiegħda tiżdied matul is-sena 1999, kienet tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżura ta' protezzjoni in kwistjoni.

94. 95 It-tieninett, l-affermazzjoni, fir-raba' premessa tar-Regolament ikkontestat, li dawn it-taħlitiet huwa importati "bi prezzijiet inferjuri għal dawk li bihom il-produtturi Komunitarji jistgħu jbiegħu prodotti simili" m'hija sostnuta minn ebda element ta' prova.

95. 96 Il-Gvern Olandiż isostni wkoll li l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor ma tistax tiġi mfixkla minn importazzjonijiet tat-taħlitiet minħabba li, skond l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2038/1999, il-kawkaw ma jaqax taħt din l-organizzazzjoni komuni.

96. 97 Fl-aħħarnett, anki jekk il-mekkaniżmu ta' sorveljanza doganali jikkostitwixxi miżura relativament ħafifa, sakemm l-awtoritajiet doganali ma jużawhx biex jeżerċitaw kontrolli rigorużi żżejjed, l-għan tiegħu jikkonsisti fil-ġbir ta' informazzjoni bi iskop li jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet in kwistjoni jistgħux ifixklu s-suq. Issa l-għan ta' miżura ta' protezzjoni huwa s-soluzzjoni ta' problema eżistenti u mhux li id-detterminazzjoni ta' l-elementi li jistgħu jiġġustifikaw miżura bħal din. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kkommettietx abbuż tas-setgħa.

97. 98 Il-Kummissjoni twieġeb li għal dak li għandu x'jaqsam mat-taħlitiet ta' zokkor u kawkaw, hija llimitat ruħha li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' sorveljanza li jippermettilha li tirċievi data fattwali relattiva għall-progress tal-kwantitajiet importati u tal-prezzijiet imħallsa u dan fl-assenza ta' liċenżji ta' importazzjoni meħtieġa għall-prodotti kkonċernati. Anki jekk huwa inkontestabbli li l-kawkaw ma jaqax taħt l-organizzazzjoni komuni tas-suq, huwa daqstant iktar evidenti li t-taħlitiet in kwistjoni għandhom konċentrazzjoni qawwija ħafna ta' zokkor. L-importazzjonijiet ta' taħlitiet li ġejjin mill-OCT jistgħu għalhekk ikollhom, għall-produtturi taz-zokkor, konsegwenzi dannużi fuq il-bejgħ ta' zokkor lill-produtturi Komunitarji ta' dawn it-taħlitiet.

98. 99 Għal dak li jikkonċerna l-prezz imħallas, il-Kummissjoni tirrepeti l-argument li l-importazzjonijiet bi prezzjiet inferjuri għall-prezz ta' intervent iwassal għal kompetizzjoni żlejali dannuża għall-produtturi Komunitarji, billi dawn ta' l-aħħar ma jistgħux joffru z-zokkor tagħhom bi prezz iktar baxx, minħabba li jridu jħallsu prezz minimu għall-pitravi taz-zokkor li huma jixtru.

99. 100 Il-Gvern Spanjol jirrepeti l-argument imressaq mill-Kummissjoni. Huwa jżid, fir-rigward ta' l-allegazzjoni bbażata fuq l-abbuż tas-setgħha li din l-allegazzjoni hija kontradetta mill-fatti u li ma tistrieħ fuq ebda prova oġġettiva, pertinenti u kkorroborata.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

100. 101 Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat, il-moviment liberu tat-taħlitiet ta' zokkor u kawkaw li ġejjin mill-OCT huwa soġġett għal mekkaniżmu ta' sorveljanza li, kif joħroġ mid-disa' premessa ta' dan ir-Regolament, għandu jippermetti lil Kummissjoni "li ssegwi, mill-qrib, il-progress ta' dawn l-importazzjonijiet, mill-aspett tal-kwantitajiet u tal-prezzijiet, mingħajr ma toħloq ebda spiża amministrativa ulterjuri għall-operaturi."

101. 102 Għalkemm huwa veru li t-taħlitiet ma jaqgħux taħt l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor, kif joħroġ mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2038/1999, iż-żieda fl-importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti li ġejjin mill-OCT, li ġeneralment għandhom kontenut qawwi ta' zokkor, madankollu jirrappreżenta periklu ta' tfixkil għall-funzjonament ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur taz-zokkor, safejn dawn l-importazzjonijiet jistgħu jaffettwaw l-opportunitajiet għall-produtturi Komunitarji, ta' bejgħ taz-zokkor lill-produtturi Komunitarji ta' dawn it-taħlitiet.

102. 103 Barra minn hekk, anki jekk ma jintweriex li l-importazzjonijiet in kwistjoni ġew effettwati bi prezzijiet inferjuri għall-prezzijiet li bihom jinbiegħu mill-produtturi Komunitarji, ħaġa li twassal għal kompetizzjoni żlejali għad-dannu ta' dawn ta' l-aħħar, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma tagħmel żball manifest ta' valutazzjoni, li dawn l-importazzjonijiet joħolqu periklu ta' tfixkil għall-funzjonament ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq, kif diġa ġie deċiż fir-rigward ta' l-importazzjonijiet ta' zokkor fil-punt 67 ta' din is-sentenza.

103. 104 Fl-aħħar nett, il-Gvern Olandiż ma ressaq ebda prova oġġettiva, pertinenti u kkorroborata li tista' turi, f'dan il-każ, kien hemm abbuż tas-setgħa.

104. 105 Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

105. 106 Permezz tat-tielet motiv tiegħu, il-Gvern Olandiz jissottometti li l-motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat, hekk kif toħroġ mill-ewwel premessi mhijiex suffiċjenti. Dan ir-Regolament, li l-motivazzjoni tiegħu hija konċiża, ma jinkludi ebda element konkret ta' prova, u lanqas tal-kawżi u ta' l-effetti ta' l-allegati "diffikultajiet" invokati.

106. 107 Minbarra dan, din il-motivazzjoni hija kontradittorja fis-sens li ma jistax fl-istess ħin jiġi allegat, fit-tielet premessa tar-Regolament ikkontestat, li importazzjonijiet ulterjuri jwasslu għal esportazzjoniijiet issussidjati ulterjuri li huma ta' piż fuq il-baġit Komunitarju u, fir-raba' premessa ta' l-istess Regolament, li l-ispejjeż tal-produzzjoni żejda li jistgħu jiġu attribwiti lill-importazzjonijiet li ġejjin mill-OCT hu ma kompletament imħallsa mill-produtturi.

107. 108 Fl-aħħarnett, l-affermazzjoni li tinsab fit-tielet premessa, li kull importazzjoni ta' zokkor bi prezzijiet inferjuri għall-prezz ta' intervent iġġib magħha spejjeż ulterjuri għall-baġit tal-Komunità, ma tinftiehemx.

108. 109 Il-Kummissjoni tosserva li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni ta' regolament għandha tkun adattata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni, awturiċi ta' l-att. Għaldaqstant, ma jistax jintalab li l-motivazzjoni tipprovdi valutazzjoni speċifika, bejn wieħed u ieħor kompleta, tal-fatti. Hija immotivat ir-Regolament ikkontestat b'mod konċiż imma suffiċjenti: l-ewwel premessa tistabbilixxi d-diffikultajiet li nqalgħu fis-suq Komunitarju taz-zokkor; il-premessi ta' wara jispjegaw fid-dettal ir-raġunijiet li għalihom dawn id-diffikultajiet setgħu jwasslu għal deterjorament tas-sitwazzjoni fuq is-suq; fl-aħħarnett, in-natura tal-miżuri magħzula huma mmotivati b'mod preċiż. Il-motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat huwa għaldaqstant suffiċjenti biex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju.

109. 110 Barra minn hekk, it-tielet u r-raba' premessi tar-Regolament ikkontestat mhumiex irrikonċiljabbli billi ż-żieda fl-importazzjonijiet ta' zokkor li ġej mill-OCT tista' ġġib magħha spejjeż għall-produtturi Komunitarji taz-zokkor u fl-istess ħin tikkostitwixxi piż fuq il-baġit Komunitarju.

110. 111 Fl-aħħarnett, l-istess tielet premessa kienet tinftiehem perfettament: l-importazzjonijiet ta' zokkor bi prezzijiet inferjuri għall-prezz ta' intervent joħolqu, għad-dannu tal-produtturi Komunitarji, kompetizzjoni żlejali li minħabba fiha dawn il-produtturi ma jkunux jistgħu jbiegħu kwantità komparabbli ta' zokkor fuq is-suq Komunitarju bil-konsegwenza li dan iz-zokkor ikollu jiġi esportat kontra pagament ta' rifużjonijiet li jitħallsu mill-baġit Komunitarju.

111. 112 Il-Gvern Spanjol jieħu pożizzjoni identika għal dik tal-Kummissjoni. Huwa jżid li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-rigward, bħal f'dan il-każ, ta' att ta' applikazzjoni ġenerali, il-motivazzjoni tista' tkun limitata għall-indikazzjoni, minn naħa, tas-sitwazzjoni ġenerali li tkun waslet għall-adozzjoni ta' tali att u, min-naħa l-oħra, ta' l-għanijiet ġenerali li l-awtur ifittex li jilħaq. Jekk mill-att ikkontestat joħroġ l-essenzjal ta' l-għan li istituzzjoni kkonċernata tfittex li tilħaq, ikun eċċessiv li wieħed jirrikjedi motivazzjoni speċifika tad-diversi għażliet tekniċi li tkun għamlet. Din il-pożizzjoni hija iktar ġustifikata meta, bħal fil-kawża preżenti, l-istituzzjonijiet Komunitarji jkollhom marġni ta' diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward ta' l-għażla tal-mezzi neċessarji għat-twettieq ta' politika kumplessa.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

112. 113 Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa bl-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta' l-istituzzjoni, awtriċi ta' l-att, b'mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jagħrfu r-raġunijiet għat-teħid tal-miżura adottata u lill-qorti Komunitarja li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt rilevanti billi l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi valutata b'referenza mhux biss għall-kliem li fiha, imma wkoll għall-kuntest tiegħu kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-4 ta' Frar 1997, il-Belġju u l-Ġermanja vs il-Kummissjoni, C-9/95, C-23/95 u C-156/95, Ġabra p. I-645, punt 44, u tat-2 ta' April 1998, il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63).

113. 114 F'dan il-każ, kif ġie mfakkar fil-punti 28 sa 30 ta' din is-sentenza, l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat ġiet ippreċeduta minn konsultazzjoni bejn il-Kummissjoni, ir-Renju ta' l-Olanda u l-Istati Membri l-oħra.

114. 115 Fir-rigward tal-kontenut ta' l-att, ma jistax ma jiġix ikkonstatat fl-ewwel sal-ħames premessa tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni spjegat id-diffikultajiet li nqalgħu fis-suq Komunitarju taz-zokkor, ir-raġunijiet li għal fihom dawn id-diffikiultajiet setgħu jwasslu għal deterjorament tal-funzjonament ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq u ta' l-effetti dannużi għall-operaturi Komunitarji. Minbarra dan, din l-istituzzjoni pprovdiet, fit-tmien u d-disa' premessi ta' dan ir-Regolament, ir-raġunijiet li wassluha biex tistabbilixxi prezz minimu ta' l-importazzjoni għaz-zokkor ta' oriġini EC/OCT u biex tissottometti l-importazzjonijiet ta' taħlitiet għal proċedura ta' sorveljanza Komunitarja.

115. 116 Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni, l-affermazzjonijiet li jinsabu fit-tielet u r-raba' premessi tar-Regolament ikkontestat xejn m'huma kuntradittorji billi l-importazzjonijiet dejjem jiżdiedu ta' zokkor li ġej mill-OCT setgħu jżidu l-piż fuq il-baġit Komunitarju fl-istess ħin iżidu l-ispejjeż tal-produtturi Komunitarji taz-zokkor.

116. 117 Fl-aħħarnett, it-tielet premessa tar-Regolament ikkontestat ma tippreżentax diffikultajiet partikolari ta' komprensibbiltà kif joħroġ mill-ispjegazzjonijiet magħmula b'risposta għall-ewwel motiv, u partikolarment fil-punti 66 sa 74 ta' din is-sentenza.

117. 118 Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat

Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 109(2) tad-Deċiżjoni OCT

L-argumenti tal-partijiet

118. 119 Permezz tar-raba' motiv tiegħu, il-Gvern Olandiż jallega li l-Kummissjoni qiegħdet l-importaturi taz-zokkor li ġej mill-OCT f'sitwazzjoni ta' żvantaġġ meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta' l-operaturi Komunitarji billi pprovdiet li l-prezz ta' importazzjoni ta' dan iz-zokkor, CIF u mhux ippakkjat, ma jistax ikun inferjuri għal prezz ta' intervent. Fil-fatt, kuntrarjament għall-operaturi komunitarji, l-importaturi taz-zokkor li ġej mill-OCT ikollhom iżidu mal-prezz ta' intervent l-ispejjeż ta' trasport tal-prodotti ġewwa l-Komunità kif ukoll l-ispejjeż ta' manutenzjoni u ta' ħażna, li huma partikolarment għolja billi l-bastimenti li jipprovdu t-trasport marittimu mill-OCT Olandiżi jieqfu biss fil-portijiet ta' l-Ewropa tat-Tramuntana. F'dawk iċ-ċirkustanzi, l-operaturi ta' l-OCT mhumiex iżjed f'pożizzjoni li jikkompetu ma' l-operaturi Komunitarji.

119. 120 Skond il-Gvern Olandiż, safejn, f'kull każ, kien xieraq li jiġi ffissat prezz minimu għaz-zokkor importat mill-OCT, kien ikun iktar konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità li kieku ġie impost prezz ta' bejgħ minimu minflok prezz ta' importazzjoni minimu. Bil-fatt li ma imxietx b'dan il-mod, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 109(2) tad-Deċiżjoni OCT.

120. 121 Il-Kummissjoni tirrispondi li l-protezzjoni tal-produtturi Komunitarji mhijiex minnha nfisha kuntrarja għall-prinċipju tal-proporzjonalità (ara s-sentenza Antillean Rice Mills et vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, punt 54).

121. 122 Skond il-Kummissjoni, il-miżuri imposti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi garantita din il-protezzjoni. L-iffissar ta' prezz ta' importazzjoni minimu huwa ta' natura li jassigura l-ugwaljanza, f'dak li għandu x'jaqsam mal-kompetizzjoni, bejn il-produtturi tal-Komunità u l-produtturi ta' l-OCT, mingħajr madankollu ma jimpedixxi l-aċċess taz-zokkor li ġej mill-OCT għas-suq Komunitarju.

122. 123 Il-Kummissjoni tirrileva f'dan ir-rigward, li skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2038/1999, ta' kull sena jiġu ffissati prezz ta' intervent għaż-żoni tal-Komunità fejn il-produzzjoni mhijiex bid-defiċit u prezz ta' intervent derivat għal kull waħda miż-żoni fejn il-produzzjoni hija bid-defiċit. Il-Kummissjoni tispjega li prezz ta' intervent derivat huwa ogħla mill-prezz ta' intervent minħabba li jieħu in kunsiderazzjoni spejjeż ulterjuri, bħalma huma l-ispejjeż ta' trasport. Minħabba fil-miżura ta' protezzjoni in kwistjoni, jekk operatur ta' l-OCT jiddeċiedi li jesporta l-prodotti tiegħu lejn żona tal-Komunità li tipproduċi żżejjed huwa jkollu jadatta l-prezzijiet tiegħu sabiex jaqblu mal-prezz ta' intervent. Jekk huwa sussegwentement jiddeċiedi li jbigħ il-prodotti tiegħu f'żona bid-defiċit, huwa jkollu, bħal kull produttur Komunitarju, iżid il-prezz tal-bejgħ finali sabiex ikopri l-ispejjeż ta' trasport u l-ispejjeż l-oħra.

123. 124 Il-Gvern Spanjol jissottometti wkoll li l-introduzzjoni ta' prezz ta' importazzjoni minima, li hija konformi ma' l-Artikolu 109(2) tad-Deċiżjoni OCT, jassigura l-ugwaljanza, f'dak li għandu x'jaqsam mal-kompetizzjoni, bejn il-produtturi tal-Komunità u dawk ta' l-OCT.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

124. 125 Skond l-Artikolu 109(2) tad-Deċiżjoni OCT:

"[...G]ħandha tingħata prijorità fl-għażla lil dawk il-miżuri li l-inqas ifixklu l-funzjonament ta' l-assoċjazzjoni u tal-Komunità. Dawn il-miżuri m'għandhomx jeċċedu dak li hu strettament indispensabbli sabiex jirrimedja d-diffikultajiet li jkunu nqalgħu."

125. 126 Għandu jiġi mfakkar, għal dak li jikkonċerna l-prinċipju tal- proporzjonalità, li sabiex jiġi stabbilit jekk dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja hijiex konformi ma' dan il-prinċipju, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-mezzi li hija tapplika humiex adegwati sabiex iwettqu l-għan intiż u jekk imorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jilħquh (sentenza Antillean Rice Mills et vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, punt 52).

126. 127 F'dan il-każ, sabiex jirrimedja d-diffikultajiet li nqalgħu fuq is-suq Komunitarju, l-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat jiffissa prezz minimu għall-importazzjoni taz-zokkor ta' oriġini akkumulata EC/OCT, li jikkorrispondi "għall-prezz ta' intervent applikabbli għall-prodotti in kwistjoni". Joħroġ mit-tmien premessa ta' dan ir-Regolament li "din il-miżura għandha tassigura li z-zokkor importat ma jiġix mibjugħ bi prezzijiet inferjuri għall-prezzijiet fuq is-suq Komunitarju u tippermetti li tilħaq l-għan li tevita l-effetti destabbilizzanti ta' dawn l-importazzjonijiet u li jassigura, minn naħa, profitt ta' l-unitajiet suffiċjenti għall-operaturi ta' l-OCT ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, ir-rispett ta' l-ordni tal-preferenzi stabbilit mit-Trattat KE favur prodotti Komunitarji u favur prodotti li ġejjin mill-OCT".

127. 128 Jeħtieġ ukoll li jiġi enfasizzat, preliminarjament, joħroġ mill-essenza stess ta' miżura ta' protezzjoni li ċerti prodotti importati huma soġġetti għal sistema li tiżvantaġġjahom meta mqabbla ma' prodotti Komunitarji (sentenza Antillean Rice Mills et vs il-Kummissjoni, ċitata iktar 'il fuq, punt 54). Għaldaqstant, mhuwiex biżżejjed, sabiex jiġi stabbilit ksur ta' l-Artikolu 109(2) tad-Deċiżjoni OCT, li wieħed isostni li tali miżura ta' protezzjoni tpoġġi l-prodotti importati in kwistjoni f'pożizzjoni ta' żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla mal-pożizzjoni li jgawdu l-prodotti Komunitarji. Għall-kuntrarju, għandu jintwera, li l-miżura in kwistjoni mhijiex adegwata sakemm twettaq l-għan intiż jew tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq.

128. 129 F'dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż ma jikkontestax ir-rikors għal prezz minimu bħala tali, imma jikkontesta l-għażla magħmula mill-Kummissjoni li timponi prezz ta' importazzjoni minimu aktar milli prezz tal-bejgħ minimu taz-zokkor, minħabba li għażla bħal dik tpoġġi l-operaturi ta' l-OCT f'sitwazzjoni ta' żvantaġġ meta mqabbla ma' l-operaturi Komunitarji, mingħajr madankollu ma tressaq il-prova, u mingħajr lanqas ma tfittex li tressaq il-prova, li din l-għażla hija manifestament mhux adegwata sabiex twettaq l-għan li l-Kummissjoni tfittex li tilħaq.

129. 130 Issa kif ġustament irrilevaw il-Kummissjoni u l-Avukat Ġeneral fil-punti 107 sa 109 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-raba' motiv jistrieħ fuq qari żbaljat ta' l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ikkontestat.

130. 131 Fil-fatt, skond dik id-dispożizzjoni, jekk iz-zokkor ta' oriġini akkumulata EC/OCT jiġi importat f' żona tal-Komunità li mhijiex bid-defiċit, il-prezz ta' importazzjoni jrid ikun ugwali għal jew ogħla mill-prezz ta' intervent; jekk jiġi importat f'żona tal-Komunità bid-defiċit, il-prezz ta' importazzjoni jrid ikun ugwali għal jew ogħla mill-prezz ta' intervent derivat.

131. 132 Għaldaqstant, jekk operatur ta' l-OCT jiddeċiedi li jesporta l-prodotti tiegħu lejn żona tal-Komunità li mhijiex bid-defiċit, huwa jkollu jadatta l-prezzijiet tiegħu sabiex jaqblu mal-prezz ta' intervent, filwaqt li jekk sussegwentement jiddeċiedi li jbigħ il-prodotti tiegħu f'żona bid-defiċit, huwa jkollu, bħal kull produttur Komunitarju, iħallas l-ispejjeż ta' trasport tal-merkanzija tiegħu lejn iż-żona bid-defiċit. Min-naħa l-oħra, jekk operatur ta' l-OCT jiddeċiedi li jesporta l-prodotti tiegħu lejn żona tal-Komunità tad-defiċit, huwa jkun jista' jadatta l-prezzjijiet tiegħu sabiex jaqblu mal-prezz ta' intervent derivat li huwa ogħla mill-prezz ta' intervent.

132. 133 Billi lanqas ir-raba' motiv ma jista' jiġi milqugħ, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

133. 134 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta' l-Olanda tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Konformement ma' l-Artikolu 69(4), ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeciedi li:

1) Ir-rikors huwa miċħud.

2) Ir-Renju ta' l-Olanda għandu jbati l-ispejjeż.

3) Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.