SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Qorti f’seduta plenarja)

10 ta’ Lulju 2003(*)

Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Deċiżjoni 1999/726/KE dwar prevenzjoni ta’ frodi – Protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Kommunitajiet – Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Regolament (KE) Nru 1073/1999 – Applikabbiltà għall-BĊE – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ammissibbiltà – Indipendenza tal-BĊE – Artikolu 108 KE – Bażi legali – Artikolu 280 KE – Konsultazzjoni tal-BĊE – Artikolu 105(4) KE – Proporzjonalità

Fil-Kawża C-11/00

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata inizjalment minn C. W. A. Timmermans, H. P. Hartvig u U. Wölker, sussegwentement minn J. L. Dewost, H. P. Hartvig u U. Wölker, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat inizjalment minn M. A. Fierstra, sussegwentement minn J. van Bakel, bħala aġenti

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Schoo u H. Duintjer Tebbens, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Aussant, F. van Craeyenest u F. Anton, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti

                                                      vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew, irrappreżentat minn A. Sáinz de Vicuña u C. Zilioli, bħala aġenti, assistiti minn A. Dashwood, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 1999/726/KE tas-7 ta’ Ottubru 1999, dwar prevenzjoni ta’ frodi (BĊE/1999/5) (ĠU 1999, L 291, p. 36),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, J. P. Puissochet, M. Wathelet u R. Schintgen, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, A. La Pergola (Relatur), P. Jann u V. Skouris, F. Macken u N. Colneric, S. von Bahr u A. Rosas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet fis-seduta tat-3 ta’ Lulju 2002, li fiha l-Kummissjoni kienet irrappreżentata minn M. Petite, bħala aġent, ir-Renju ta’ l-Olanda minn N. Bel, bħala aġent, il-Parlament minn J. Schoo u H. Duintjer Tebbens, il-Kunsill minn J. Aussant, F, van Craeyenest u F.Anton u l-Bank Ċentrali Ewropew minn A. Sáinz de Vicuña u C. Zilioli, assistiti minn A. Dashwood,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2002,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Jannar 2000, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet, skond l-Artikolu 230 KE, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 1999/726/KE tas-7 ta’ Ottubru 1999 dwar prevenzjoni ta’ frodi (BĊE/1999/5) (ĠU L 291, p.36, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2        Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Settembru 2000, ir-Renju ta’ l-Olanda, il-Parlament Eworpew u l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea tħallew jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt primarju

3        Skond l-Artikolu 2 KE:

“Il-Komunità għandu jkollha bħala l-kompitu tagħha, dana billi tistabilixxi suq komuni u unjoni ekonomika u monetarja u bl-implimentazzjoni ta’ politika komuni jew ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 4, dak li tippromwovi fil-Komunità kollha l-iżvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli ta’ l-attivitajiet ekonomiċi, livell għoli ta’ mpjieg u ta’ ħarsien soċjali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, it-tkabbir sostenibbli li ma jkunx inflazzjonarju, grad għoli ta’ kompettitività u konverġenza fl-operazzjoni ekonomika, livell għoli ta’ protezzjoni u titjieb fil-kwalità ta’ l-ambjent, it-titjieb tal-livell ta’ l-għixien u tal-kwalità tal-ħajja u l-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.”

4        Skond l-Artikolu 4 KE:

“1.      Għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 2, l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri u l-Komunità għandhom jinkludu, kif provdut f’dan it-Trattat u skond il-programm hawn preskritt, l-adozzjoni ta’ politika ekonomika li tkun ibbażata fuq il-koordinazzjoni mill-qrib tal-politika ekonomika ta’ l-Istati Membri, fuq is-suq intern kif ukoll fuq id-definizzjoni ta’għanijiet komuni, u li tkun immexxija skond il-prinċipji ta’ ekonomija ta’ suq miftuħ b’kompetizzjoni libera.

2.      Fl-istess waqt u flimkien ma’ dak imsemmi hawn aktar qabel, u kif provdut f’dan it-Trattat u skond il-programm preskritt fih u l-proċeduri hemm imsemmija, dawn l-attivititajiet għandhom jinkludu l-fissazzjoni irrevokabbli tar-rati tal-kambju li jwasslu għall-introduzzjoni ta’ munita waħda, l-ECU, kif ukoll id-definizzjoni u żvolġiment ta’ politika monetarja waħda u ta’ politika ta’ rata ta’ kambju waħda li l-għan primarju tagħhom għandu jkun dak li tinżamm l-istabbilità fil-prezzijiet u, mingħajr preġudizzju għal dan il-għan, li tiġi msaħħa kull politika ekonomika ġenerali fil-Komunità, skond il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera.

3.      Dawn l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità għandhom jeżiġu li jiġu mħarsa dawn il-prinċipji gwida li ġejjin: prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kundizzjonijiet monetarji sodi u bilanċ tal-pagamenti sostenibbli.”

5        L-Artikolu 8 KE jistipola:

“Għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċeduri stabbiliti b’dan it-Trattat, Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (minn issa ’l quddiem imsejħa ‘SEBĊ’) u l-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa ’l quddiem imsejjaħ ’BĊE’); dawn jaġixxu fil-limiti tal-poteri lilhom mogħtija b’dan it-Trattat u bl-Istatut ta’ l-SEBĊ u tal-BĊE (minn issa ’l quddiem imsejjaħ ’l-Istatut ta’ l-SEBĊ’) hawn anness.”

6        L-Artikoli 105(1) sa (4) KE jistipolaw:

“1. L-iskop primarju ta’ l-SEBĊ għandu jkun li iżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għall-iskop ta’ stabbiltà fil-prezzijiet, l-SEBĊ għandha tappoġġa l-linji ta’ politika ekonomika ġenerali fil-Komunità bl-iskop li tikkontribwixxi għall-ksib ta’ l-oġġettivi tal-Komunità kif stipulati fl-Artikolu 2. L-SEBĊ għandha tagixxi skond il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera, li jiffavorixxi l-allokazzjoni effiċjenti ta’ riżorsi, u b’mod konformi mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 4

.2.      Il-ħidmiet bażiċi li jridu jiġu mwettqa permezz ta’ l-SEBĊ jkunu:

–        li tiġi definita u implimentata l-politika monetarja tal-Komunità;

–        li jitwettqu operazzjonijiet ta’ kambju konsistenti mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 111;

–        li jinżammu in depositu u jiġu amministrati r-riżervi barranin uffiċjali ta’ l-Istati Membri;

–        li tiġi promossa l-ħidma bla ostakoli ta’ sistemi ta’ħlas.

[…]

4.      Il-BĊE għandu jiġi ikkonsultat:

–        dwar kull att propost mill-Komunità fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu;

[…]”

7        L-Artikolu 108 KE jistipola:

“Fl-eżerċizzju tas-setgħat u fit-twettiq tal-kompiti u d-dmirijiet tagħhom mgħotija lilhom b’dan it-Trattat u bl-Istatut ta’ l-SEBĊ, la l-BĊE, u lanqas bank ċentrali nazzjonali, jew membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom ma għandu jfittex jew jieħu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi korp ieħor. L-istituzzjonijiet tal-Komunità u l-korpi u l-gvernijiet ta’ Stati Membri jintrabtu li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jfittxux li jinfluwenzaw il-membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE jew tal-bank ċentrali nazzjonali fil-qadi ta’ dmirijiethom.”

8        L-Artikoli 280(1) u (4) jistipolaw:

“1.      Il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffetwaw l-interessi finanzjarji tal-Komunità permezz ta’ miżuri, li jittieħdu skond dan l-Artikolu u li jservu ta’ deterrent kif ukoll li jkunu tali li joffru protezzjoni effettiva fl-Istati Membri.

[…]

4.      Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251, wara li jikkonsulta l-Qorti ta’ l-Awdituri, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa fl-oqsma ta’ prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi li taffetwa l-interessi finanzjarji Komunitarji bl-iskop li joffru protezzjoni effettiva u ekwivalenti fl-Istati Membri. Dawn il-miżuri m’għandhomx jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-liġi kriminali nazzjonali jew ta’ l-amministrazzjoni nazzjonali tal-ġustizzja.”

9        L-Artikolu 287 KE jistipola:

“Il-membri ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità, il-membri tal-kumitati, u l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Komunità, ikunu meħtieġa ukoll wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom, li ma jxerrdux tagħrif li jkun kopert bis-sigriet professjonali u, b’mod partikolari, tagħrif li jirreferi għal impriżi u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-costing tagħhom.”

10      L-Istatut tas-SEBĊ huma inklużi f’protokoll anness mat-Trattat KE. L-Artikolu 12.3 tiegħu jistipola:

“Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta Regoli ta’ Proċedura li jistabbilixxu l-organizzazzjoni interna tal-BĊE u tal-korpi deċiżjonali tagħha [tiegħu].”

11      L-Artikolu 27 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ, intitolat “Il-Verifika”, jistipola:

“27.1. Il-kontijiet tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali jiġu verifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Regolatorju u approvati mill-Kunsill. L-awdituri jkollhom kull setgħa li jeżaminaw il-kotba u l-kontijiet kollha tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali u li jiksbu kull informazzjoni fuq it-transazzjonijiet tagħhom.

27.2. Il-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 188ċ ta’ dan it-Trattat ikunu japplikaw biss għal eżami ta’ l-effiċjenza operattiva tat-tmexxija tal-BĊE.”

12      L-Artikolu 36.1 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ, jistipola:

“Il-Kunsill Regolatorju, fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jistabilixxi il-kondizzjonikondizzjonijiet ta’ l-impieg tal-impjegati tal-BĊE.”

 Id-dritt sekondarju

13      L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (iktar ’il quddiem l-“OLAF”) kien ġie mwaqqaf permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 ta’ April 1999 (ĠU L 136, p.20), adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 162 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 218 KE), ta’ l-Artikolu 16 tat-Trattat KEFA u ta’ l-Artikolu 131 tat-Trattat KEEA.

14      L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 1999/352 , li jiddefinixxi l-funzjonijiet ta’ l-OLAF, jistipola:

“L-[OLAF] għandu jeżerċita l-poteri tal-Kummissjoni biex jagħmel investigazzjonijiet amministrattivi esterni bil-għan li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li tolqot ħażin lill-interessi finanjarji tal-Komunità, kif ukoll kull att ta’ operaturi bil-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità.

L-[OLAF] għandu jkun responsabbili li jeżegwixxi l-investigazzjonijiet amministrattivi interni maħsuba:

a)      sabiex jiġġieled il-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità b’mod ħażin,;

b)      sabiex jinvestiga fatti serji relatati ma’ l-andament ta’ l-attivitajiet professjonali li jistgħu jikkostitwixxu ksur ta’ obbligi minn uffiċċjali u impjegati li x’aktarx iwasslu għall-proċeduri dixxiplinarji u, f’każijiet xierqa, proċeduri kriminali jew ksur analogu ta’ l-obbligi mill-Membri ta’ l-istituzzjonijiet u korpi, kapijiet tal-korpi jew membri tal-persunal ta’ l-istituzzjonijiet u l-korpi mhux suġġetti għar-Regolamenti ta’ l-Istaff ta’ Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impieg ta’ l-Impjegati l-Oħra tal-Komunitajiet.

L-[OLAF għandu jeżerċita l-poteri tal-Kummsisjoni kif inhuma definiti fid-dispożizzjonijiet imwaqqfa fil-qafas tat-Trattati, u suġġetti għal-limiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

L-[OLAF] jista’ jkun fdat b’investigazzjonijiet f’oqsma oħra mill-Kummissjoni jew minn istituzzjonijiet jew korpi oħrajn.”

15      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/352 jistipola:

“L-[OLAF] għandu jeżerċita l-poteri ta’ investigazzjoni li saret referenza għalihom fl-Artikolu 2(1) fl-indipendenza kompluta. Fl-eżerċizzju ta’ dawn il-poteri, id-Direttur ta’ l-Uffiċċju la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjoni mill-Kummissjoni, kull istituzzjoni jew korp ieħor tal-gvern.”

16      L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/352 jistipola:

“Għandu jitwaqqaf Kumitat ta’ Sorveljanza, li l-kompożizzjoni u s-setgħat tiegħu jkunu stabbiliti minn leġiżlazzjoni tal-Komunità. Dan il-Kumitat għandu jkun responsabbili għas-sorveljanza regolari tal-qadi tal-funzjoni investigattiva mill- [OLAF].”

17      Skond l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/352:

“1.      L-[OLAF] għandu jkun presedut minn Direttur, nominat mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni fil-Parlament Ewopew u mal-Kunsill, għal terminu ta’ ħames snin, li jista’ jiġġedded darba.[…]

2.      Il-Kummissjoni għandha teżerċita, fir-rigward tad-Direttur, il-poteri mogħtija lill-awtorità li tinnomina. Kull miżura fl-Artikoli 87, 88 u 90 tar-Regolementi ta’ l-Istaff ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandha tittieħed, wara li ssir konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Sorveljanza, b’deċiżjoni motivata mill-Kummissjoni. Din id-Deċiżjoni għandha tintbagħat għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.”

18      L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 1999/352 jistipola:

“1.      Id-Direttur ta’ l-[OLAF] għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal ta’ l-Uffiċċju, il-poteri mogħtija lilu bir-Regolament tal-Persunal ta’ l-Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej mill-awtorità li tinnomina u mill-Kondizzjonijiet ta’ Impieg ta’ l-Impjegati l-Oħra tal-Komunitajiet fuq l-awtorità awtorizzata li tikkonkudi l-kuntratti ta’ l-impieg […]

2.      Wara li jikkonsulta mal-Kumitat tas-Sorveljanza, id-Direttur għandu jibgħat lid-Direttur-Ġenerali għall-Estimi, abbozz ta’ stima preliminari li għandha tiddaħħal fit-titolu speċjali għall-[OLAF] fl-Estimi annwali ġenerali.

3.      Id-Direttur għandu jaġixxi bħala uffiċċjal ta’ l-awtorizzazzjoni għall-implimentazzjoni tat-titolu speċjali għall-estimi għall-parti A ta’ l-estimi, li tikkonċerna l-[OLAF], u t-titoli speċifiċi kontra l-frodi tal-parti B […]

4.      Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernaw l-organizzazzjoni interna għandhom japplikaw lill-[OLAF], safejn huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-[OLAF], adottati mill-leġislatur tal-Komunità, ma’ din id-Deċiżjoni u mar-regoli dettaljati li jimplimentawha.”

19      Skond l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/352, din id-deċiżjoni “għandha tidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) li jikkonċerna l-investigazzjonijiet eżekwiti mill-[OLAF]”.

20      Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU 1999, L 136, p.1) ġie adottat fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 280 KE.

21      L-ewwel erba’ premessi ta’ dan ir-regolament jistipolaw:

“(1)      Billi l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jagħtu importanza kbira lill-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u lill-ġlieda kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li hija ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet; […]

(2)      Billi l-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet testendi mhux biss għall-amministrazzjoni ta’ l-approprjazzjonijiet ta’ l-budget tagħhom iżda wkoll għall-miżuri kollha li jaffettwaw jew li jistgħu jaffettwaw il-beni tagħhom;

(3)      Billi l-mezzi kollha disponibbli għandhom jintużaw bis-sħiħ sabiex jinkiseb dan l-għan, notevolment fil-kuntest ta’ dmirijiet investigattivi li jaqgħu fuq il-Komunità, […];

(4)      Billi sabiex issaħħaħ il-mezzi disponibbli biex tikkumbatti l-frodi, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta’ l-awtonomija fl-organizzazzjoni interna ta’ kull istituzzjoni, il-Kummissjoni stabbilitet fost id-dipartimenti tagħha […] l-[OLAF] responsabbli biex imexxi investigazzjonijiet ta’ frodi amministrattivi; Billi tat lill-[OLAF] indipendenza sħiħa biex jeżerċita l-funzjoni investigattiva tiegħu”.

22      Il-Premessa 7 tar-Regolament Nru 1073/99 titsipola li “Billi, minħabba l-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, l-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li hija ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, l-[OLAF] għandu jkun jista’ jagħmel investigazzjonijiet interni fl-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn jew fuq il-bażi tat-Trattati tal-KE u Euratom”

23      Il-Premessa 10 ta’ l-istess regolament tindika li l-investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF “għandhom jitmexxew skond it-Trattat u partikolarment skond il-Protokoll dwar il-privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, waqt li jirrispettaw ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej […] imsejħa ‛ir-Regolamenti tal-Persunal’ [minn dan ir-regolament], u b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ l-imparzjalità, għad-dritt tal-persuni iinvoluti li jesprimu ruħhom dwar il-fatti li jikkonċernawhom u għall-prinċipju li l-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni jistgħu jkunu bażati biss fuq elementi li għandhom valur bħala xiehda”. Dan ir-regolament jistipola wkoll li “għal dak il-għan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji għandhom jistipulaw it-termini u l-kondizzjonijiet li taħthom isiru dawk l-investigazzjonijiet interni”.

24      Il-Premessa 12 tar-Regolament Nru 1073/99 tistipola li “sabiex jiġi żgurat li l-[OLAF] jkun indipendenti fit-twettieq tax-xogħol lilu mogħti b’dan ir-Regolament, id-Direttur tiegħu għandu jingħata l-poter li jiftaħ investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess; sabiex jiġi żgurat li l-[OLAF]”.

25      Skond il-Premessa 18 tar-Regolament Nru 1073/99, “għandhom isiru investigazzjonijiet amministrattivi taħt l-awtorità tad-Direttur ta’ [l-OLAF], b’indipendenza sħiħa mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u mill-Kumitat ta’ Sorveljanza”.

26      Il-Premessa 21 tar-Regolament Nru 1073/1999 tistipola li “x-xogħol ta’ investigazzjonijiet amministrattivi esterni f’dan il-qasam jiġi fdat f’idejn [l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi] indipendenti, dan ikun f’konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit mill-Artikolu 5 tat-Trattat” u li “l-operat ta’ [l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi] aktarx li jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, l-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u huwa għalhekk kompatibbli mal-prinċipju tal-proporzjonalità”.

27      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprevedi:

“1.      Sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, l-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, l-[OLAF] għandu jeżerċita l-poteri ta’ investigazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mir-regoli tal-Komunità u Regolamenti u ftehim fis-seħħ f’dawk l-oqsma.

[…]

3.      Fi ħdan l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji mwaqqfa minn, jew skond il-bażi ta’, it-Trattati ([…] imsejħa ‛l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji [minn dan ir-regolament]’), l-[OLAF] għandu jmexxi investigazzjonijiet amministrattivi bil-għan li:

–        jiġġieled kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea,

–        jinvestiga għal dak l-iskop kwistjonijiet serji li għandhom x’jaqsmu mal-qadi ta’ dmirijiet professjonali b’tali mod li jkun jikkostitwixxi nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligi ta’ uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet li jistgħu iwasslu għal proċeduri dixxiplinarji jew, skond il-każ, għal proċeduri kriminali, jew nuqqas ekwivalenti ta’ qadi ta’ obbligi minn membri ta’ istituzzjonijiet u korpi, kapi ta’ uffiċċji u aġenziji jew membri tal-Persunal ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji li m’humiex soġġetti għar-Regolamenti ltal-Persunal.”

28      Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1073/1999:

“Skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament, ‛investigazzjonijiet amministrattivi’ ([...] imsejħa ‛investigazzjonijiet’ [minn dan ir-regolament]) għandha tfisser kull spezzjoni, kontroll u miżura oħra meħuda minn impjegati ta’ l-[OLAF] fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom, skond l-Artikolu 3 u 4, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu l u li jistabilixxu, fejn ikun meħtieġ, in-natura irregolari ta’ l-attivitajiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. Dawn l-investigazzjonijiet m’għandhomx jaffettwaw il-poteri ta’ l-Istati Membri li jieħdu proċeduri kriminali.”

29      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1073/1999, intitolat “Investigazzjonijiet interni”, jistipola:

“1.      Fl-oqsma li għalihom issir referenza fl-Artikolu 1, l-[OLAF] għandu jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi fi ħdan istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji […] imsejħa ‛investigazzjonijiet interni’ [minn dan ir-regolament].

Dawn l-investigazzjonijiet interni għandhom jitwettqu bla ħsara għar-regoli tat-Trattati, partikolarment il-Protokoll dwar privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, u b’attenzjoni xierqa għar-Regolamenti tal-Persunal taħt il-kondizzjonijiet u skond il-proċeduri stabbiliti minn dan ir-Regolament u d-deċiżjonijiet adottati minn kull istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija. L-istituzzjonijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar ir-regoli li għandhom jiġu stabbiliti minn dawk id-deċiżjonijiet.

2.      Sakemm id-disposizzjonijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 jiġu mħarsa:

–        l-Uffiċċju għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess immedjat u mingħajr avviż għal kull informazzjoni miżmuma mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji, u għall-postijiet tagħhom. l-[OLAF] għandu jkollu l-poter li jispezzjona l-kotba ta’ l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji. l-[OLAF] jista’ jieħu kopja jew jikseb estratti minn kull dokument jew il-kontenut ta’ kull medjum ta’ informazzjoni miżmum mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u, jekk ikun hemm bżonn, jassumi l-kustodja ta’ dawk id-dokumenti jew informazzjoni sabiex jiżgura li ma jkunx hemm periklu li dawn jgħebu,

–        l-[OLAF] jista’ jitlob informazzjoni bil-fomm minngħand membri ta’ l-istituzzjonijiet u korpi, mingħand managers ta’ uffiċċji u aġenziji u mingħand il-Persunal ta’ l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji.

[...]

4.      L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji għandhom jiġu nfurmati kull meta impjegati ta’ l-[OLAF] jagħmlu investigazzjoni fil-fond tagħhom jew jikkonsultaw dokument jew jitolbu informazzjoni miżmuma minn dawk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji.

5.      Meta l-investigazzjonijiet jisvelaw li xi membru, maniġer, uffiċċjal jew impjegat ieħor jista’ jkun personalment involut, l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija ta’ min ikun għandhom jiġu infurmati.

F’każijiet li jkunu jeħtieġu segretezza assoluta għall-iskopijiet ta’ l-investigazzjoni jew li jkunu jeħtieġu rikors għal mezzi ta’ investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali, l-għoti ta’ dik l-informazzjoni jista’ jiġi differit.

6.      Mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti mit-Trattati, partikolarment il-Protokoll dwar privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, u d-disposizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, id-deċiżjoni li għandha tiġi adottata minn kull istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kif hemm provdut fil-paragrafu 1, għandha b’mod partikolari tinkludi regoli dwar:

(a) id-dover minn naħa tal-membri, l-uffiċjali, u l-impjegati oħra ta’ l-istituzzjonijiet u korpi, u managers, uffiċjali u impjegati ta’ uffiċċji u aġenziji, li jikkooperaw u jipprovdu informazzjoni lill-impjegati ta’ l-[OLAF] ;

(b) il-proċeduri li għandhom jiġu osservati mill-impjegati ta’ l-[OLAF] meta jagħmlu investigazzjonijiet interni u l-garanziji tad-drittijiet tal-persuni involuti f’investigazzjoni nterna”

30      It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1073/1999 jistipola:

“Għandhom jinfetħu investigazzjonijiet interni fuq deċiżjoni tad-Direttur ta’ l-[OLAF] li jista’ jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara talba mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju, jew aġenzija li fi ħdanha għandha ssir l-investigazzjoni.”

31      L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedura ta’ l-Investigazzjonijiet” jistipola:

“1.      Id-Direttur ta’ l-[OLAF] għandu jidderieġi l-mod kif jitmexxew l-investigazzjonijiet.

2.      L-impjegati ta’ l-[OLAF] għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom wara li jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li turi l-identità u l-kapaċità tagħhom.

3.      L-impjegati ta’ l-[OLAF] għandhom ikunu attrezzati għal kull intervent b’awtorità bil-miktub maħruġa mid-Direttur li tindika s-suġġett ta’ l-investigazzjoni.

4.      Waqt l-ispezzjonijiet u l-kontrolli fuq il-post, l-impjegati ta’ l-[OLAF] għandhom jadottaw atitudni li tikkonforma mar-regoli u l-prassi li jirregolaw uffiċjali ta’ l-Istat Membru involut, mar-Regolamenti tal-Persunal u mad-deċiżjonijiet li ssir referenza għalihom fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(1).

5.      L-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew kontinwament matul perjodu li għandu jkun proporzjonat għaċ-ċirkostanzi u l-komplessità tal-każ.

6.      L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert illi l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, b’mod konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali, jagħtu l-għajnuna neċessarja sabiex l-impjegati ta’ l-[OLAF] jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom. L-istituzzjonijiet u l-korpi għandhom jagħmlu ċert li l-membri u l-Persunal tagħhom jagħtu l-għajnuna meħtieġa sabiex l-aġenti ta’ l-[OLAF] jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom; l-uffiċċji u aġenziji għandhom jagħmlu ċert illi l-managers u l-Persunal tagħhom jagħmlu l-istess.”

32      Skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1073/1999, intitolat “Dmir li jiġi informat l-[OLAF]”:

“1.      L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-[OLAF] u l-aġenziji għandhom jgħaddu lill-Uffiċċju mingħajr dewmien kull informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ każijiet possibbli ta’ frodi jew korruzzjoni jew kull attività illegali oħra.

2.       L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u, sa fejn il-liġi nazzjonali tippermetti, l-Istati Membri għandhom, fuq talba ta’ l-[OLAF] jew fuq inizjattiva tagħhom stess, jibagħtu kull dokument jew informazzjoni li jkollhom li għandhom x’jaqsmu ma’ investigazzjoni interna li tkun għaddejja.

[…]

3.      L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji, u, sa fejn il-liġi nazzjonali tippermetti, l-Istati Membri għandhom ukoll jibagħtu lill-[OLAF] kull dokument ieħor jew kull informazzjoni li jkollhom u li jidhrilhom li jkunu relevanti għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni jew kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet.”

33      L-Artikoli 8(2) u (4) tar-Regolament Nru 1073/1999, intitolat “Il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta’ l-informazzjoni” jistipolaw:

“2.      L-informazzjoni mibgħuta jew miksuba matul l-investigazzjonijiet interni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun soġġetta għas-segretezza professjonali mogħtija mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej.

Din l-informazzjoni m’għandhiex tiġi komunikata lil persuni oħra ħlief lil dawk fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej jew fl-Istati Membri li minħabba l-funzjonijiet tagħhom jeħtieġu li jkunu jafu, u l-anqas ma tista’ tintuża għal skopijiet oħrajn apparti mill-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni jew kull attività oħra illegali.

[…]

4.      Id-Direttur ta’ l-[OLAF] u l-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 11 għandhom jiżguraw li dan l-Artikolu u Artikoli 286 u 287 tat-Trattat jiġu applikati.”

34      L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jistipola:

“1.      Malli titlesta investigazzjoni mwettqa mill-[OLAF], dan ta’ l-aħħar għandu jħejji rapport, taħt l-awtorità tad-Direttur, li jispeċifika l-fatti stabbiliti, it-telf finanzjarju, jekk ikun hemm, u s-sejbiet ta’ l-investigazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur ta’ l-[OLAF] dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.

2. Meta jiġu mħejjija dawn ir-rapporti, għandhom jiġu meqjusa r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru iinvolut Ir-rapporti preparati fuq dik il-bażi għandhom jikkostitwixxu prova ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali. Għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli ta’ valutazzjoni bħal dawk applikabbli għar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali u huma ta’ valur identiku għal dawk ir-rapporti.

[...]

4. Rapporti mħejjija wara investigazzjoni interna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija iinvoluta. L-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija għandhom jieħdu dik l-azzjoni, partikolarment dixxiplinarja jew legali, fuq il-bażi ta’ l-investigazzjonijiet interni, skond ir-riżultati ta’ dawk l-investigazzjonijiet, u għandha tirraporta dwarha lid-Direttur ta’ l-[OLAF] fit-terminu ta’ żmien minnu stipulat fis-sejbiet tar-rapport tiegħu.”

35      L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1073/1999 jistipola:

“1.      Il-Kumitat tas-Sorveljanza għandu jsaħħaħ l-indipendenza ta’ l-[OLAF] b’sorveljanza regolari mill-qrib ta’ l-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva.

[…]

2.      Għandu jkun kompost minn ħames persuni indipendenti u esterni li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa għall-ħatra fil-pajjiżi rispettivi tagħhom f’karigi ta’ anzjanità li għandhom x’jaqsmu ma’ l-oqsma ta’ attività ta’ l-[OLAF]. Għandhom jiġu maħtura bi qbil komuni mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.[…]

5.      Waqt li jwettqu d-dmirijiet tagħhom, [il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza] m’għandhom la jfittxu u l-anqas jieħdu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija.

[…]

7.      Id-Direttur għandu kull sena jibgħat lill-Kumitat ta’ Sorveljanza l-programm ta’ attivitajiet ta’ l-[OLAF]. li ssir referenza għalih f’Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament. Id-Direttur għandu jżomm lill-kumitat informat regolarment dwar l-attivitajiet ta’ l-[OLAF]., l-investigazzjonijiet tiegħu, ir-riżultati tagħhom u l-azzjoni meħuda fuqhom. Meta investigazzjoni tkun ilha għaddejja għal aktar minn disa’ xhur, id-Direttur għandu jinforma lill-Kumitat ta’ Sorveljanza bir-raġunijiet li minħabba fihom ma kienx possibbli li tingħalaq l-investigazzjoni, u biż-żmien meta huwa mistenni li titlesta. Id-Direttur għandu jinforma lill-Kumitat dwar każijiet fejn l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija in kwistjoni jkunu naqsu milli jaġixxu fuq ir-rakomandazzjonijiet magħmula minnu. Id-Direttur għandu jinforma lill-kumitat dwar każijiet li jkunu jeħtieġu li xi informazzjoni tintbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru.

8.      Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jadotta ta’ mill-inqas rapport wieħed dwar l-attivitajiet tiegħu kull sena, u dan għandu jibagħtu wkoll lill-istituzzjonijiet. Il-kumitat jista’ jippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta’ l-Awdituri dwar ir-riżultati ta’ l-investigazzjonijiet ta’ l-[OLAF] u l-azzjoni meħuda fuqhom.”

36      L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1073/1999 jikkonċerna d-Direttur ta’ l-OLAF. Minbarra li jirrepeti ċerti preċiżjonijiet imsemmija fid-Deċiżjoni 1999/352, dan jistipola fl-Artikolu 12(3):

“Id-Direttur m’għandu la jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet minngħand xi gvern jew xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija waqt l-eżekuzzjoni tad-doveri tiegħu fir-rigward tal-ftuħ u t-twettieq ta’ investigazzjonijiet esterni u interni jew tat-tħejjija ta’ rapporti wara dawk l-investigazzjonijiet. Jekk id-Direttur jidhirlu li xi miżura meħuda mill-Kummissjoni titfa’ xi dubju fuq l-indipendenza tiegħu, ikun intitolat li jressaq azzjoni kontra din l-istituzzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Id-Direttur għandu jirraporta regolament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta’ l-Awdituri dwar is-sejbiet ta’ l-investigazzjonijiet imwettqa mill-[OLAF], waqt li jirrispetta l-kunfidenzjalità ta’ dawk l-investigazzjonijiet, id-drittijiet leġittimi tal-persuni iinvoluti u, fejn ikun xieraq, id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għal proċedimenti ġudizzjarji.

L-istituzzjonijiet hawn fuq imsemmija għandhom jiżguraw li l-kunfidenzjalità ta’ l-investigazzjonijiet immexxija mill-[OLAF] tiġi rispettata, flimkien mad-drittijiet leġittimi tal-persuni iinvoluti, u, fejn ikunu nbdew proċeduri ġudizzjarji, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha applikabbli għal dawk il-proċedimenti jkunu ġew imħarsa.”

37      Skond l-Artikolu 14 ta’ l-istess regolament:

“Sakemm jiġu emendati r-Regolamenti tal-Persunal, kull uffiċjal jew impjegat ieħor tal-Komunitajiet Ewropej jista’ jippreżenta lid-Direttur ta’ l-[OLAF] lment bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu kontra xi att magħmul mill-[OLAF] bħala parti minn investigazzjoni interna li jkun laqtu b’mod negattiv, skond il-proċeduri stabbiliti f’Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Artikolu 91 tar-Regolamenti il-Persunaltal-Persunal [L-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal] għandu japplika għal deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ dawk l-ilmenti.

Id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq għandhom japplikaw b’analoġija għalil-Persunal ta’ l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji li m’humiex soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal.”

38      Fil-25 ta’ Mejju 1999, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni kkonkludew ftehim interistituzzjonali dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU 1999, L 136, p. 15 (iktar ’il quddiem il-“ftehim interistituzzjonali”). Permezz ta’ dan il-ftehim, l-istituzzjonijiet ftehmu li “jadottaw regoli komuni li jijkkonsistu fil-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa biex jiżguraw l-operat bla xkiel ta’ l-investigazzjonijet meħuda mill-[OLAF] ġewwa l-istituzzjoni tagħhom.” kif ukoll li “jiġu stabbiliti regoli bħal dawn u jkunu magħmula immedjatament applikabbli bl-addozzjoni ta’ deċiżjoni interna skond il-mudell mehmuż ma’ dan il-ftehim u biex ma jkunx hemm devjazzjoni minn dak il-mudell minbarra meta il-ħtiġiet partikolari tagħhom jagħmlu din id-devjazzjoni neċessità teknika”

39      Il-ftehim interistituzzjonali jistipola li “[l]-istituzzjonijiet l-oħra, u l-entitajiet u uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn jew fuq il-bażi tat-Trattat KE jew tat-Trattat tal-Euratom, huma b’dan mistiedna jaderixxu għal dan il-ftehim billi jagħtu dikjarazzjoni li tkun indirizzata konġuntament lill-Presidenti tal-istituzzjonijiet firmatarji”.

 Id-deċiżjoni kkontestata

40      Id-deċizjoni kkontestata ġiet adottata mill-Kunsill Regolatorju tal-BĊE fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 12.3 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ.

41      L-ewwel tmien premessi tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu li ġej:

“(1)      Billi l-BĊE, flimkien ma’ l-istituzzjonijiet tal-Komunita’ Ewropea u l-Istati Membri, jagħti importanza kbira lill-interessi finanzjarji tal-Komunita’ u jagħmel sforz biex jikkumbatti l-frodi u attivitajiet oħra illegali li huma ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Komunita;

(2)      Billi il-Kunsill Ewropew f’Cologne f’Ġunju 1999 ikkunsidra x-xewqa imminenti li l-BĊE għandu jingħaqad ma’ l-istituzzjonijiet tal-Komunita’ Ewropea fl-isforz biex jikkombattu l-frodi fl-Unjoni Ewropea;

(3)      Billi l-BĊE jagħti importanza kbira li jipproteġi l-interessi finanzjarji tiegħu u l-isforzi biex jikkumbatti l-frodi u attivitajiet illegali oħra li huma ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tiegħu;

(4)      Billi kull mezz disponibbli għandu jiġi użat sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, partikolarment fil-kuntest tad-dmirijiet investigattivi li jiddevolvu fuq l-BĊE u l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej, filwaqt li tissokta bid-distribuzzjoni u l-bilanċ tar-responsabbiltajiet preżenti bejn il-BĊE u l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej;

(5)      Billi l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri ħadu azzjoni biex jikkumbattu l-frodi u attivitajiet oħra illegali li huma ta’ dettriment għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet abbażi ta’ l-Artikolu 280 tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej;

(6)      Billi l-indipendenza tal-BĊE hija prevista mit-Trattat u mill-Istatut [tas-SEBĊ]: billi, skond it-Trattat u [dan] l-Istatut, il-BĊE għandu il-budget tiegħu u r-riżorsi proprji finanzjari separati minn dawk tal-Komunitajiet Ewropej;

(7)      Billi, sabiex jinfurzaw il-mezzi disponibbli biex jikkombattu l-frodi, b’[bid-Deċiżjoni 1999/352], il-Kummissjoni stabbiliet fost id-dipartimenti tagħha, [l-OLAF] bir-responsabbilita’ li jikkonduċi investigazzjonijiet amministrativi b’dan l-għan;

(8)      Billi l-ġlieda kontra il-frodi u attivitajiet oħra illegali li huma ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-BĊE hija l-bażi tal-funzjoni tad-Direttorat għall-Verifikazzjonijiet Interni [iktar ’il quddiem id-“D-VI”] u billi d-Direttorat hu responsabbli għat-tmexxija ta’ l-investigazzjonijiet amministrattivi fil-BĊE għal dan l-għan”.

42      Il-Premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata tistipola li “biex ikabbar u jsaħħaħ l-indipendenza ta’ l-attivitajiet tad-[D-VI] fil-ġlieda kontra il-frodi u attivitajiet illegali oħra li huma ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-BĊE, dan id-Direttorat għandu jagħmel rapport lill-kumitat ta’ kontra l-frodi magħmula minn nies esterni u indipendenti ta’ kwalifiki għolja fuq din il-materja”.

43      L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata intitolat “Responsabbilta’ ta’ rappurtar dwar kwistjonijiet ta’ frodi” jistipola:

“Id-[D-VI] hu, in konnessjoni ma’ din id-Deċiżjoni u l-proċeduri eżiżstenti fil-BĊE, responsabbli għall-investigazzjonijiet u rappurtaġġ fuq il-kwistjonijiet relatati mal-prevenzjoni u kxif ta’ frodi u attivitajiet oħra illegali li huma ta’ detriment għall-interssi finanzjarji tal-BĊE u inkonformita’ ma’ l-istandards interni rilevanti u/jew kodiċi ta’ kondotta tal-BĊE”

44      L-Artikoli 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxu Kumitat ta’ Kontra l-Frodi (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ Kontra l-Frodi tal-BĊE”), li huwa intiż sabiex isaħħaħ l-indipendenza tad-D-VI fl-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni u huwa responsabbli għall-monitoraġġ regolari kif ukoll għall-iżvolġiment tajjeb ta’ dawn l-attivitajiet.

45      Kif jipprevedu l-Artikoli 1(3) sa (5) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kumitat ta’ Kontra l-Frodi tal-BĊE huwa kompost minn tliet persuni esterni indipendenti li huma maħtura għal tliet snin mill-Kunsill Regolatorju tal-BĊE u li, sabiex jeżegwixxu d-dmirijiet tagħhom, la għandhom jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn korpi deċiżjonali tal-BĊE, minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunitajiet Ewropej, minn xi gvernijiet jew istituzzjonijiet jew korpi oħra.

46      Sabiex id-D-VI jkun jista’ jaġġixxi b’mod effettiv u bil-livell ta’ indipendenza mistħoqqa, l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li d-Direttur tiegħu għandu jirraporta lill-Kumitat ta’ Kontra l-Frodi tal-BĊE l-kwistjonijiet kollha relatati mal-frodi. Barra minn dan, l-Artikolu 1(7) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li d-Direttur tad-D-VI għandu kull sena jibgħat lill-imsemmi kumitat il-programm bl-attivitajiet tad-D-VI u li dan id-direttorat għandu jżomm lil dan il-kumitat regolarment informat dwar l-attivitajiet tiegħu, b’mod partikolari dwar l-investigazzjonijiet tiegħu, ir-riżultati tagħhom u l-azzjonijiet konnessi meħuda. L-istess dispożizzjoni tindika wkoll li d-Direttur tad-D-VI għandu jinforma lill-Kumitat ta’ Kontra l-Frodi tal-BĊE bil-każijiet fejn il-korpi tal-BĊE ma waslux biex jaġixxu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu u b’każijiet fejn informazzjoni għandha tiġi mgħoddija lill-awtorita’ ġudizzjarja ta’ l-Istati Membri.

47      Skond l-Artikolu 1(8) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kumitat ta’ Kontra l-Frodi tal-BĊE għandu jippreżenta lill-Kunsill Regolatorju kif ukoll lill-awdituri esterni tal-BĊE u lill-Qorti ta’ l-Awdituri rapporti fuq ir-riżultati ta’ l-investigazzjonijiet u l-azzjonijiet meħuda f’dan il-kuntest mid-D-VI kif ukoll, ta’ l-anqas darba fis-sena, rapport fuq l-attivitajiet tiegħu. Skond l-Artikolu 1(10) ta’ l-imsemmija deċiżjoni, dan il-kumitat jista’ jinforma lill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali kompetenti meta provi raġjonevoli juru li kien hemm ksur tad-dritt kriminali nazzjonali.

48      L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi b’mod partikolari l-obbligu fir-rigward tad-D-VI li jinforma lill-persuni li huma s-suġġett ta’ investivazzjoni u li jagħtihom l-opportunità jesprimu ruħhom qabel ma tittieħed konklużjoni li tirreferi għalihom b’isimhom. L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 5 ta’ l-imsemmija deċiżjoni jipprovdi li l-attivitajiet tad-D-VI għandhom “jiġu eżegwiti suġġetti sija għar-regoli tat-Trattati, partikolarment l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u il-Protokol dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, b’konsiderazzjoni speċjali għall-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg għall-[tal-] persunal tal-[BĊE].”

49      It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“Il-Persunal tal-BĊE għandu, u kull persuna oħra tista’, tinforma lill-kumitat ta’ kontra l-frodi jew lid-[D-VI] b’xi frodi jew attivitajiet illegali li huma ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-BĊE. Il-Persunal tal-BĊE m’għandu bl-ebda manjiera jsofri trattament inġust jew diskriminatorju bħala riżultat li kkontribbwixxa f’attivitajiet tal-kumitat ta’ kontra l-frodi jew tad-[D-VI] msejħa f’din i[d]-Deċiżżjoni”

50      L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni jistipola li kull membru tal-persunal tal-BĊE jista’ jissottometti lill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE jew lill-Kumitat ta’ Kontra l-Frodi lment rigward l-atti jew l-ommissjonijiet tad-D-VI li jkollhom effett gravi fuqu.

51      L-Artikolu 1(9) tad-deċiżjoni kkontestata jistipola:

“Il-kumitat ta’ l-anti-frodi [kontra l-frodi] għandu jkun responsabbli għall-[għar-] relazzjonijiet mal-Kumitat Supervisorju [ta’ Sorveljanza] ta’ l-[OLAF] msejħa [imsemmi] fl-Artikolu 11 tar-Regolament […] Nru 1073/1999 […]. Dawn ir-Relazzjonijiet għandhom isegwu l-prinċipji stabbiliti b’deċiżjonijiet [deċiżjoni] tal-BĊE.”

 Ir-rikors

52      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li din tmur kontra r-Regolament Nru 1073/1999, b’mod partikolari l-Artikolu 4.

53      Fl-ewwel lok, hija ssostni li mill-Premessa 8 u mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skond din id-deċiżjoni, l-investigazzjonijiet amministrattivi fi ħdan il-BĊE fil-qasam tal-ġlieda kotnra l-frodi jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tad-D-VI Dan jikkostitwixxi ċ-ċaħda kemm tas-setgħat investigattivi mogħtija lill-OLAF permezz tar-Regolament Nru 1073/1999, kif ukoll ta’ l-applikabbiltà ta' l-imsemmi regolament fir-rigward tal-BĊE u jirrefletti l-argument tal-BĊE matul il-fażi preparatorja ta' dan ir-regolament. Għaldaqstant, il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata jagħmlu distinzzjoni espressa bejn ir-regoli adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 280 KE u dawk li jittrattaw mal-BĊE, billi jirreferu għall-indipendenza ta’ dan ta’ l-aħħar u għall-fatt li dan għandu baġit u riżorsi finanzjarji tiegħu.

54      In-natura distinta u esklużiva tar-regoli stabbiliti mid-deċiżjoni kkontestata meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1073/1999 tirriżulta wkoll mill-fatt li l-uniku punt ta’ kuntatt bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ regoli jinstab fl-Artikolu 1(9) tad-deċiżjoni kkontestata, li jistipola li l-Kumitat ta’ Kontra l-Frodi tal-BĊE għandu jkun responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Kumitat ta’ Sorveljanza ta’ l-OLAF fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti b’deċiżjoni tal-BĊE.

55      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl ta’ l-approċċ adottat mill-BĊE, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda miżura għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 4(6) tar-Regolment Nru 1073/1999 iżda minnflok tipprovdi li l-persunal tal-BĊE għandu jinforma lid-D-VI għajr milli lill-OLAF dwar kull każ ta’ frodi.

 L-eċċezzjonijiet imqajma mill-BĊE

56      L-ewwel nett, il-BĊE jsostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tmurx kontra r-Regolament Nru 1073/1999. Għaldaqstant, peress li l-imsemmija deċiżjoni bl-ebda mod mhija illegali skond l-Aritkolu 230 KE, ir-rikors għandu jiġi miċħud, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament Nru 1073/19999 huwiex applikabbli jew le fir-rigward tal-BĊE.

57      It-tieni nett, il-BĊE jsostni li dan ir-regolament għandu jkun interpretat bħala li mhuwiex applikabbli fir-rigward tiegħu. Jekk ma tilqax tali interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha fil-fatt tikkonstata l-illegalità ta’ l-imsemmi regolament, minħabba li dan ta’ l-aħħar kien ġie adottat bi ksur ta’ l-Artikoli 105(4) KE, 108 KE u 280 KE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u, b’konsegwenza għal dan, hija għandha tiddikjara dan ir-regolament inapplikabbli skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Aritkolu 241 KE.

58      Fl-ewwel lok għandha tkun eżaminata l-kwistjoni dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1073/1999 u, fit-tieni lok, biss f’każ li tkun ikkonstatata tali applikabbiltà, għandu jkun aċċertat jekk id-deċiżjoni kkontestata tiksirx id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

 L-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1073/1999

59      Sabiex ikun iddeterminat jekk, kif isostni l-BĊE, ir-Regolament Nru 1073/1999 għandux ikun iddikjarat inapplikabbli, l-ewwel għandu jkun eżaminat jekk dan ir-regolament għandux ikun interpretat fis-sens li dan japplika biss fir-rigward tal-BĊE u jekk dan ikun il-każ, jekk tistax tiġi kkonstatata l-inapplikabbiltà tiegħu minħabba l-eventwali illegalità tiegħu, skond l-Aritkolu 241 KE.

 Il-portata tar-Regolament Nru 1073/1999

60      Il-BĊE jsostni li r-Regolament Nru 1073/1999 għandu jkun interpretat fis-sens li dan mhuwiex applikabbli fir-rigward tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa b’mod partikolari jsostni li l-espressjoni “korpi, uffiċċji u aġenziji mwaqqfa minn, jew skond il-bażi ta’, it-Trattati” użata fl-Artikolu 1(3) ta’ l-imsemmi regolament mhijiex preċiża ħafna, u b’mod partikolari peress li l-Artikolu 280(4) KE kien ġie magħżul bħala l-bażi legali ta’ dan ir-regolament, din tista’ tkun interpretata bħala li ma tapplikax għall-“korpi” li l-interessi finanzjarji tagħhom huma distinti minn dawk tal-Komunità Ewropea u mhumiex marbuta mal-baġit ta’ din ta’ l-aħħar.

61      Il-BĊE huwa ta’ l-opinjoni li tali interpretazzjoni hija l-unika waħda li tippreżerva l-legalità ta’ l-imsemmi regolament, u għaldaqstant din għandha, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tkun ippreferita (sentenza tad-29 ta' Ġunju 1995, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-135/93, Ġabra, p. I-1651, punt 37).

62      Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

63      Fil-fatt, kif korrettament argumentaw kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-intervenjenti, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem “korpi, uffiċċji u aġenziji mwaqqfa minn, jew skond il-bażi ta’, it-Trattati” fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1073/1999 ma jistgħux ikunu interpretati bħala li ma jinkludux lilll-BĊE.

64      F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi nnotat li, irrispettivament mill-fatturi distinti ta’ l-Istatut tiegħu fis-sistema legali Komunitarja, il-BĊE kien fil-fatt ġie stabbilit mit-Trattat KE, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 8 KE.

65      Issa, la mill-preambolu u lanqas mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/1999 ma jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju ried jagħmel distinzjoni bejn il-korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn jew fuq il-bażi tat-Trattati, b’mod partikolari billi jeskludi dawk fost dawn l-uffiċċji jew aġenziji li għandhom riżorsi distinti mill-baġit Komunitarju.

66      Għall-kuntrarju l-Premessa 7 tar-Regolament Nru 1073/1999 speċifikament tenfasizza n-neċessità li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-investigazzjonijiet interni ta’ l-OLAF jiġi estiż għall-imsemmija korpi, uffiċċji u aġenziji “[kollha]”.

67      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kliem ċar tar-Regolament Nru 1073/1999, mhemm l-ebda dubju li dan ir-regolament għandu jkun interpretat fis-sens li dan japplika wkoll fir-rigward tal-BĊE, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk dan il-fatt huwiex tali li jaffettwa l-legalità ta’ l-imsemmi regolament jew le.

 L-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-BĊE kontra r-Regolament Nru 1073/1999

68      Peress li ġie stabbilit li l-BĊE mhuwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1073/1999, għandu jkun eżaminat jekk, kif isostni l-BĊE, minħabba tali inklużjoni l-imsemmi regolament għandux ikun iddikjarat bħala inapplikabbli taħt l-Artikolu 241 KE.

69      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, il-BĊE jsostni li r-Regolament Nru 1073/1999 ma setax ikun adottat fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 280 KE, u li għaldaqstant dan ir-regolament huwa ultra vires. It-tieni nett huwa jqis li l-imsemmi regolament kien ġie adottat bi ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali in kwantu r-rekwiżit ta’ konsulatazzjoni minn qabel mal-BĊE li jipprevedi l-Artikolu 105(4) KE ma kienx ġie sodisfatt f’dan il-każ. It-tielet nett, il-BĊE jsostni li l-inklużjoni tiegħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1073/1999 tikser it-Trattat KE billi tippreġudika l-indipendenza tal-BĊE kif stipulata fl-Artikolu 108 KE. Ir-raba’ nett, dan ir-regolament jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità in kwantu l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-BĊE mhijiex adatta sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament u teċċedi dak li huwa neċessarju għal dawn il-finijiet.

70      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw il-fatt li r-Regolament Nru 1073/1999 huwa vvizzjat b’illegalità. Qabel kollox, il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-BĊE ma jistax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 241 KE sabiex jinvoka l-inapplikabbiltà ta’ dan ir-regolament.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, il-BĊE jistax jinvoka jew le illegalità fir-rigward tar-Regolament Nru 1073/1999 qabel ma jiġu eżaminati, f’każ affermattiv, il-merti eventwali ta’ l-eċċezzjoni hekk imqajma.

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità

72      Il-Kummissjoni ssostni li l-konvenut ma jistax jinvoka l-illegalità eventwali tar-Regolament Nru 1073/1999 fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 241 KE fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, in kwantu l-BĊE ma kkontestax dan ir-regolament abbażi ta’ l-Artikolu 230 KE fi żmien xahrejn kif previst minn din l-aħħar dispożizzjoni.

73      Min-naħa tiegħu l-BĊE jqis li l-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 241 KE huma sodisfatti f’dan il-każ, peress li r-Regolament Nru 1073/1999 kien ġie adottat mill-Parlament u mill-Kunsill flimkien, kien kiser rekwiżit proċedurali essenzjali, huwa ultra vires u huwa kuntrarju għat-Trattat KE kif ukoll għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-BĊE jgħid ukoll li huwa kien naqas milli jippreżenta rikors għal annullament kontra dan ir-regolament minħabba li huwa kien jemmen li dan ma kienx applikabbli fir-rigward tiegħu peress li l-Artikolu 280 KE kien ġie magħżul bħala l-bażi legali għall-imsemmi regolament u huwa ma kienx ġie kkonsultat qabel l-adozzjoni tiegħu.

74      F’dan ir-rigward, għandu ċertament ikun imfakkar li skond ġursiprudenza stabbilita, deċiżjoni adottata mill-istituzzjonijiet Komunitarji li qatt ma ġiet kkontestata mid-destinatarju tagħha fiż-żmien previst fil-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE ssir definittiva fir-rigward ta' tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2002, National Farmenrs’ Union, C-241/01, Ġabra p. I-9079, punt 34, u ġurisprudenza ċċitata).

75      Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-prinċipju ġenerali li l-Artikolu 241 KE jesprimi u li huwa intiż sabiex ikun garantit li kull persuna għandha jew kellha opportunità tikkontesta att Komunitarju li jservi ta’ bażi għal deċiżjoni li hija infurzabbli fir-rigward tagħha, bl-ebda mod ma jipprekludi li regolament isir definittiv fir-rigward ta’ persuna, li fir-rigward tagħha dan għandu jitqies bħala deċiżjoni individwali u li bla dubju ta’ xejn hija setgħet titlob l-annullament tiegħu skond l-Artikolu 230 KE, fatt li jimpedixxi lil din il-persuna milli teċepixxi l-illegalità ta’ dan ir-regolament quddiem il-qorti nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali konklużjoni tapplika fir-rigward tar-regolamenti li jimponu dazji kontra d-dumping minħabba n-natura doppja tagħhom bħala atti ta’ natura leġiżlattiva u atti li jistgħu jaffettwaw b’mod dirett u individwalment lil ċerti kummerċjanti (ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C-239/99, Ġabra p I-1197, punt 37).

76      Għaldaqstant il-prinċipji mfakkra bl-ebda mod ma jaffettwaw ir-regola stabbilita fl-Artikolu 241 KE, li jistipola li fil-każ ta’ kwistjoni li tikkonċerna regolament previst f’din id-dispożizzjoni, kull parti tista’ tibbaża ruħha fuq il-motivi previsti fit-tieni paragarafu ta’ l-Artikolu 230 KE, sabiex tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-inapplikabbiltà ta’ dan ir-regolament.

77      Issa, f’’dan il-każ għandu jiġi kkonstatat li n-natura leġiżlattiva tar-Regolament Nru 1073/1999 ma ġietx ikkontestata mill-ebda waħda mill-partijiet u li, b’mod partikolari, la ġie allegat li l-imsemmi regolament għandu jkun trattat bħala deċiżjoni u lanqas li l-BĊE huwa, f’każ bħal dan, id-destinatarju tiegħu.

78      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt li f’dawn il-proċeduri tiġi invokata l-eventwali illegalità tar-Regolament Nru 1073/1999 fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 241 KE ma jistax jiġi miċħud lill-BĊE u għaldaqstant il-motiv ibbażat fuq l-inammissibbiltà ta’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandu jiġi miċħud .

 Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali

79      L-ewwel nett sabiex isostni l-eċċezzjoni ta’ illegalità li huwa qajjem, il-BĊE jsostni li r-Regolament Nru 1073/1999 għandu jkun iddikkjarat inapplikabbli minħabba li dan ma setax ikun adottat fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 280 KE.

80      Minn naħa, l-espressjoni “l-interessi finanzjarji tal-Komunità” fl-Artikolu 280 KE tikkonċerna biss il-ħruġ u d-dħul li jaqgħu taħt il-baġit tal-Komunità Ewropea. Għaldaqstant din teskludi l-possibbiltà li jistgħu jkunu adottati miżuri fuq il-bażi ta’ l-imsemmi artikolu intiżi għall-ġlieda kontra l-frodi fi ħdan il-BĊE peress li dan ta’ l-aħħar għandu baġit u riżorsi tiegħu.

81      Min-naħa l-oħra b’mod iktar ġenerali, l-Artikolu 280 KE ma jippermettix li jkunu adottati miżuri li huma intiżi għall-ġlieda kontra l-frodi fi ħdan il-korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn jew fuq il-bażi tat-Trattati

 Fuq il-kunċett “li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Komunità”

–       L-argumenti tal-BĊE

82      Skond il-BĊE, l-Artikolu 280 KE jawtorizza l-adozzjoni ta’ miżuri kontra l-frodi biss bil-għan li jkun imħares il-baġit Komunitarju. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni tinstab taħt it-Titolu II tal-Ħames Parti tat-Trattat KE, intitolat “Disposizzjonijiet Finanzjarji”, li jikkonċerna, fit-totalità tiegħu aspetti varji tal-kontenut, preparazzjoni, adozzjoni u implementazzjoni tal-baġit Komunitarju kif ukoll il-finanzjament tal-ħruġ permezz tar-riżorsi tal-Komunità.

83      Minn dan jirriżulta li dispożizzjonijiet Komunitarji adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 280 KE u intiżi għall-ġlieda kontra l-frodi ma jistgħux japplikaw għall-BĊE, peress li dan għandu l-baġit tiegħu, li huwa separat minn dak tal-Komunità Ewropea u li jirrifletti l-indipendenza finanzjarja tiegħu.

84      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikoli 28 sa 30 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ, ir-riżorsi tal-BĊE joriġinaw esklużivament mill-kontribuzzjonijiet ta’ azzjonisti tal-banek ċentrali nazzjonali (minn issa ’il quddiem il-“BĊN”) u mill-profitt magħmula fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet mwettqa mill-BĊE u l-BĊN u allokat skond l-Artikoli 32 u 33 ta’ dan l-Istatut. Il-BĊE ma jirċievi ebda riżorsi mill-baġit Komunitarju u m’hemm ebda mekkaniżmu li jkopri t-telf eventwali tal-BĊE minn dan il-baġit, peress li, skond l-Artikolu 33.2 ta’ l-Istatut tali telf għandu jkun ikkumpensat mill-fond ta’ riżerva ġenerali tal-BĊE u, jekk ikun neċċessarju mill-BĊN.

85      Il-BĊE jżid li l-Ħames Parti tat-Trattat KE li fiha jinstab l-Artikolu 280 KE, tikkonċerna, skond it-titolu tagħha “[l]-Istituzzjonijiet tal-Komunità” u ma tinkludix kapitolu fuq il-BĊE. Il-finanzi ta’ dan ta’ l-aħħar huma rregolati mill-Kapitolu VI ta’ l-Istatut tas-SEBĊ, intitolat “Disposizzjonijiet Finanzjarji tal-[tas-] SEBĊ”.

86      L-indipendenza finanzjarja tal-BĊE tidher ukoll mill-fatt li l-adozzjoni tal-baġit u tal-kontijiet annwali tiegħu jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-korpi tiegħu, kif jirriżulta mill-Artikolu 26.2 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ u mill-Artikoli 15 u 16.4 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, kif emendati fit-22 ta’ April 1999 (ĠU 1999, L 125, p.34).

87      Ir-rabtiet li jistgħu jeżistu bejn il-baġit Komunitarju u l-BĊE, fil-biċċa l-kbira, huma wisq inċidentali għall-kompiti tal-BĊE sabiex jiġġustifikaw li dan jista’ jkun suġġett għal miżuri adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 280(4) KE. B’mod partikolari, it-taxxa Komunitarja fuq is-salarji tal-persunal mħallsa mill-BĊE lill-baġit Komunitarju tirrappreżenta inqas minn 3 % tal-baġit tal-BĊE.

88      Barra minn dan, l-interpretazzjoni li l-BĊE qiegħed jiddefendi hija f’konformità mal-prattika leġiżlattiva preċedenti li stabbilixxiet ir-rabta eżistenti, minn naħa, bejn l-“interessi finanzjarji tal-Komunità”, u min-naħa l-oħra, il-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u l-baġits li huma jiġġestixxu. F’dan ir-rigward, il-BĊE jirreferi, b'mod partikolari, għad-definizzjoni ta’ “irregolarità” li tinstab fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) tal-Kunsill Nru 29885/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU 1995, L 312, p. 1) u għall-kunċett ta’ “frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif definit fl-Artikolu 1 tal-Konvezzjoni dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej stabbilit bl-Att tal-Kunsill 95/C 316/03 tas-26 ta’ Lulju 1995 (ĠU 1995 C 316, p.49).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89      B’kuntrarju għal dak li jsostni l-BĊE fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv tiegħu, l-espressjoni “interessi finanzjarji tal-Komuntià” li tinstab fl-Artikolu 280 KE għandha tkun interpretata fis-sens li din tinkludi mhux biss id-dħul u l-ħruġ li jaqgħu taħt il-baġit Komunitarju, iżda, fil-prinċipju, ukoll dak id-dħul u l-ħruġ li jaqa’ taħt il-baġit tal-korpi, uffiċċji u aġenziji oħra stabbiliti mit-Trattat KE.

90      Fost il-kunsiderazzjonijiet li jwasslu għal din il-konklużjoni, fl-ewwel post hemm il-fatt li, kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 117 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija espressjoni hija partikolari għall-Artikolu 280 KE u hija distinta mit-terminoloġija użata fid-dispożizzjonijiet l-oħra tat-II Titolu tal-Ħames Parti tat-Trattat KE li bla dubju ta’ xejn jirreferu għall-“budget [baġit]” tal-Komunita Ewropea. L-istess jista’ jintqal għall-fatt, innotat mill-Gvern Olandiż, li l-espressjoni “interessi finanzjarji tal-Komuntià” tidher li hija iktar wiesgħa minn “tad-dħul u tal-ħruġ [...] tal-Komunità” msemmija b’mod partikolari fl-Artikolu 268 KE.

91      It-tieni nett, il-fatt li korp, uffiċċju jew aġenzija jibbaża l-eżistenza tiegħu fuq it-Trattat KE jissuġġerixi li dan kien intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-għanijiet tal-Komunità Ewropea u jpoġġih fil-kuntest Komunitarju, sabiex ir-riżorsi li huwa għandu għad-dispożizzjoni tiegħu permezz ta’ dan it-Trattat huma minn natura tagħhom ta’ interess finanzjarju partikolari u dirett għall-Komunità.

92      F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, il-BĊE, għandu jkun ikkonstatat li hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 8 KE u 107(2) KE, dan kien stabbiliet u mogħti personalità ġuridika mit-Trattat KE. Barra minn dan, hekk kif jirriżulta mill-kliem ta’ l-Artikoli 4(2) KE u 105(1) KE, l-għan ewlieni tal-SEBĊ, li fi ħdanha jinstab il-BĊE, huwa li żżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet, u mingħajr preġudizzju għal dan il-għan, hija għandha tappoġġja l-linji ta’ politika ekonomika ġenerali fil-Komunità Ewropea, bil-għan li tikkontribwixxi għall-ksib ta’ l-għanijiet tagħha kif stipulati fl-Artikolu 2, li jinkludu unjoni ekonomika u monetarja kif ukoll il-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli u mhux inflazzjonarju. Minn dan jirriżulta li, skond it-Trattat, il-BĊE jaqa’ taħt il-kuntest Komunitarju.

93      Il-fatt li r-riżorsi tal-BĊE u l-użu tagħhom huma għaldaqstant ta’ interess finanzjarju manifest għall-Komunità Ewropea u għall-għanijiet tagħha huwa wkoll ikkonfermat minn diversi dispożizzjonijiet Komunitarji oħra.

94      B’mod partikolari fost dawn id-dispożizzjonijiet hemm l-Artikolu 27 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ li fl-ewwel paragrafu tiegħu jistipola li l-awdituri esterni responsabbli sabiex jeżaminaw il-kotba u l-kontijiet kollha tal-BĊE għandhom ikunu approvati mill-Kunsill u fit-tieni paragrafu jistipola li l-kompetenza tal-Qorti ta’ l-Awdituri tinkludi l-eżami ta’ l-effiċjenza operattiva tat-tmexxija tal-BĊE. L-istess jista’ jintqal għall-Artikoli 28.1 u 30.4 ta’ l-imsemmi statut, li jistipolaw li huwa fil-limiti u skond il-kundizzjonijiet stipulati mill-Kunsill li l-kapital tal-BĊE jista’ jkun miżjud mill-Kunsill Regolatorju u li iktar talbiet għal assi ta’ riżerva barranin jistgħu jsiru mill-BĊE. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 107(5) KE, jawtorizza lill-Kunsill jemenda diversi dispożizzjonijiet ta’ l-Istatut tas-SEBĊ inklużi dawk li jinstabu fil-Kapitolu VI ta’ l-imsemmi statut, intitolat “Disposizzjonijiet Finanzjarji tal-[tas-]SEBĊ”.

95      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kliem “interessi finanzjarji tal-Komunità” li jinstabu fl-Artikolu 280 KE mhumiex espressament limitati għall-baġit tal-Komunità Ewropea, iżda jkopru wkoll ir-riżorsi u l-infiq tal-BĊE [ara b’analoġija, fir-rigward ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 179 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 236 KE) għall-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1976, Mills vs BEI, Ġabra, p. 955, punt 14].

96      Din il-konklużjoni ma tistax tkun affettwata mis-sempliċi fatt, fuq l-assunzjoni li dan huwa korett, li prattika leġiżlattiva partikolari li fuq kollox kienet preċedenti għall-inklużjoni fit-Trattat tal-paragrafi (1) u (4) ta’ l-Artikolu 280 KE, tat tifsira differenti lill-espressjoni “interessi finanzjarji tal-Komunità”.

97      Minn dan jirriżulta li l-fatt li r-Regolament Nru 1073/1999 jikkonċerna wkoll lill-BĊE, li, stabbiliet permezz tat-Trattat KE, għandu permezz ta’ dan it-Trattat riżorsi li huma distintti minn dawk tal-baġit Komunitarju, ma jistax jiġġustifika l-inapplikabbiltà ta’ dan ir-regolament fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 241 KE.

 Fuq il-possibbiltà li jkunu adottati miżuri kontra l-frodi relatati ma’ l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn jew fuq il-bażi tat-Trattati

98      Fid-dawl tal-kliem ta’ l-Artikolu 280(4) KE, li jistipola li l-Komunità Ewropea għandha tadotta miżuri “bl-iskop li joffru protezzjoni effettiva u ekwivalenti fl-Istati Membri” u li tali miżuri m’għandhomx jikkonċernaw “l-applikazzjoni tal-liġi kriminali nazzjonali jew ta' l-amministrazzjoni nazzjonali tal-ġustizzja”, il-BĊE jikkunsidra li s-setgħat tal-leġiżlatur Komunitarju huma limitati għall-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex itejbu l-mekkaniżmi għall-ġlieda kontra l-frodi fuq livell ta’ l-Istati Membri. Skond il-BĊE, miżuri intiżi sabiex jgħelbu l-frodi jew l-irregolaritajiet fi ħdan l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn jew fuq il-bażi tat-Trattati ma jistgħux ikunu adottati fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni.

99      Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

100    Għandu fil-fatt ikun ikkonstatat li, billi introduċew fl-Artikolu 280 KE l-preċiżjonijiet li jinstabu fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu, l-awturi tat-Trattat ta’ Amsterdam bla dubju ta’ xejn riedu jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, b’mod partikolari billi espressament taw lil din il-Komunità l-funzjoni speċifika li, bħall-Istati Membri, “[tikkumbatti]” din il-frodi u dawn l-irregolaritajiet billi tadotta “miżuri”li jservu ta’ “deterrent” u li joffru “protezzjoni effettiva fl-Istati Membri”.

101    F’dan ir-rigward il-fatt li l-Artikolu 280(1) KE jispeċifika li l-imsemmija miżuri għandhom ikunu meħuda bi qbil ma’ dan l-artikolu bl-ebda mod ma jfisser li għandha ssir biss referenza għall-paragrafi segwenti ta’ dan l-artikolu, u b’mod partikolari għall-paragrafu 4 tiegħu sabiex tkun determinata l-kompetenza tal-Komunità f’dan il-qasam.

102    Fil-fatt l-Artikolu 280(4) KE għandu jkun moqri fis-sens li huwa jikkompleta d-definizzjoni tal-kompetenza tal-Komunità u li dan jispeċifika ċerti kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħha. Għaldaqstant din id-dispożizzjoni tistipola r-rekwiżiti proċedurali li għandhom jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri Kommunitarji u bl-istess mod tippreċiża li l-azzjoni meħuda mill-Komuntià Ewropea hija intiża sabiex tipprevjeni l-frodi daqs kemm hija intiża għall-ġlieda kontra l-frodi. Din ukoll tistipola li l-kompetenza Komunitarja għandha ċerti limiti, fis-sens li l-miżuri adottati ma jistgħu jirrigwardaw la l-applikazzjoni tal-liġi kriminali nazzjonali u lanqas l-amministrazzjoni nazzjonali tal-ġustizzja fl-Istati Membri

103    F’dan il-kuntest, il-fatt li l-Artikolu 280(4) KE jirreferi b’mod partikolari għall-ħtieġa li tkun offruta protezzjoni effettiva u ekwivalenti fl-Istati Membri ma jistax ikun interpretat, kif innota tajjeb l-Avukat Ġenerali fil-punt 108 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħala li jfisser li l-awturi tat-Trattat ta’ Amsterdam impliċitament riedu jimponu fuq l-azzjoni meħuda mill-Komunità Ewropea limitu supplimentari tant fundamentali bħal projbizzjoni li jkunu miġġielda l-frodi u l-irregolaritajiet l-oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tagħha permezz ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi li jirrigwardaw l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji l-oħra stabbiliti minn, jew fuq il-bażi tat-Trattati.

104    Barra mill-fatt li tali restrizzjoni għall-kompetenza tal-Komunità ma tirriżultax mill-kliem ta’ l-Artikolu 280 KE, għandu jkun innotat, kif tajjeb jinnotaw il-Kummissjoni u l-intervenjenti l-oħra kollha, li din ma tantx tkun kompatibbli ma’ l-għanijiet li din id-dispożizzjoni trid tilħaq. Fil-fatt, mhuwiex ikkontestat li, sabiex il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea tkun effettiva, huwa neċessarju li l-iskoraġġiment u l-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet l-oħra jsiru fuq il-livelli kollha li fihom dawn l-interessi jistgħu jkunu affettwati minn tali fenomeni. Barra minn dan, jista’ ta’ spiss jiġri li l-fenomeni hekk megħluba jkunu simultanjament jinvolvu atturi li jinstabu fuq livelli differenti.

105    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv tal-BĊE bbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ bażi legali tar-Regolament Nru 1073/1999 għandu jiġi miċħud u li għaldaqstant dan ir-regolament ma jistax ikun iddikjarat inapplikabbli fuq din il-bażi skond l-Artikolu 241 KE.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-BĊE

106    Permezz tat-tieni motivi tiegħu, il-BĊE jsostni li r-Regolament Nru 1073/1999 għandu jkun iddikjarat inapplikabbli minħabba li dan kien ġie adottat mingħajr ma saret konsultazzjoni mal-BĊE, bi ksur għall-Artikolu 105(4) KE.

107    Skond il-BĊE, dan ir-regolament jidħol fuq is-setgħat tiegħu ta’ organizzazzjoni interna kif jirriżulta, l-ewwel nett, mill-prinċipju ta’ setgħat impliċiti, it-tieni nett mill-Artikolu 12.3 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ li jistipola li l-Kunsill Regolatorju tal-BĊE għandu jadotta r-Regoli tal-Proċedura tiegħu, it-tielet nett mill-Artikolu 36 ta’ l-Istatut, li jagħti lill-Kunsill Regolatorju s-setgħa li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ l-impieg tal-persunal tal-BĊE u fl-aħħar nett, mill-indipendenza istituzzjonali li minnha jgawdi l-BĊE u li hija kkonfermata mill-fatt li dan għandu korpi tiegħu stess taħt it-Trattat KE. B’mod iktar speċifiku, ir-Regolament Nru 1073/1999 effettivament ippreġudika l-istruttura interna u/jew il-persunal tal-BĊE.

108    Issa, il-BĊE jsostni li din is-setgħa ta’ organizzazzjoni interna tikkostitwixxi waħda mill-“oqsma ta’ kompetenza tiegħu” skond l-Artikolu 105(4) KE, u li huwa kien imissu ġie kkonsultat qabel ma ġie adottat ir-Regolament Nru 1073/1999 kif meħtieġ minn din id-dispożizzjoni.

109    Il-Kummissjoni b’mod partikolari toġġezzjona li l-Artikolu 105(4) KE ma jikkonċernax kull att adottat mil-leġiżlatur Komunitarju li jista’ jkollu konsegwenzi għall-BĊE, iżda biss l-atti li jikkonċernaw il-kwistjonijiet sostanzjali li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-BĊE, b’mod partikolari fil-qasam tal-politika monetarja. Bl-istess mod il-Kunsill jisħaq li l-Artikolu 105(4) KE mhuwiex applikabbli f’dan il-każ, peress li r-Regolament Nru 1073/1999 bl-ebda mod ma jidħol fuq il-kompiti tal-BĊE, iżda biss fuq is-setgħat amminstrattivi tiegħu.

110    F’dan ir-rigward, għandu jkun ikkonstatat li l-Artikolu 105(4) KE jinstab fil-Kapitolu 2, li jikkonċerna l-politika monetarja, tat-Titolu VII tat-Tielet Parti tat-Trattat KE, u li l-obbligu previst f’din id-dispożizzjoni li ssir konsultazzjoni mal-BĊE fir-rigward ta’ att propost f’qasam ta’ kompetenza tiegħu essenzjalment huwa intiż, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jiżgura li l-awtur ta’ tali att jadottah biss wara li l-korp ikun ġie kkonsultat, li, permezz tal-funzjonijiet speċifiċi li huwa jeżerċita fil-kuntest Komunitarju fil-qasam ikkonċernat u permezz tal-grad għoli ta’ espertezza li huwa jgawdi minnha, partikolarment jista’ utilment jikkontribwixxi għall-proċess ta’ adozzjoni previst.

111    Issa, dan mhuwiex il-każ f’dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità, qasam li fih il-BĊE ma kien mogħti ebda kompitu speċifiku. Barra minn dan, il-fatt li r-Regolament Nru 1073/1999 jista’ jaffettwa l-organizzazzjoni interna tal-BĊE ma jfissirx li huwa għandu jkun trattat b’mod differenti mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u l-aġenziji l-oħra stabbiliti mit-Trattati.

112    Minn dan isegwi li l-motiv tal-BĊE bbażat fuq il-fatt li huwa ma kienx ġie kkonsultat qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1073/1999 għandu jiġi miċħud u li għaldaqstant dan ir-regolament ma jistax ikun iddikjarat inapplikabbli fuq din il-bażi taħt l-Artikolu 241 KE.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-indipendenza tal-BĊE ġiet ippreġudikata

 L-argumenti tal-partijiet

113    Permezz tat-tielet motiv tiegħu l-BĊE jsostni li r-Regolament Nru 1073/1999 għandu jkun iddikjarat inapplikabbli minħabba li s-sistema ta’ investigazzjonijiet amministrattivi li dan jipprevedi hija f’kunflitt mal-garanzija ta’ indipendenza li huwa għandu bis-saħħa ta’ l-Artikolu 108 KE.

114    Skond il-BĊE, din il-garanzija testendi mhux biss għat-twettiq tal-kompitu fundamentali tal-BĊE stipulat fl-Artikolu 105(2) KE, iżda b’mod iktar ġenerali, għall-eżerċizzju tas-setgħat l-oħra kollha li huwa għandu taħt it-Trattat KE, jiġifieri, b’mod partikolari, is-setgħat mogħtija lilu permezz ta’ l-Artikoli 12.3 u 36.1 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni interna tiegħu u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-persunal tiegħu u li jestendu għall-adozzjoni ta’ miżuri kontra l-frodi.

115    Din il-konklużjoni hija inevitabbli, l-ewwel nett fid-dawl tar-Rapport ta’ Konverġenza redatt fl-1998 mill-Istitut Monetarju Ewropew skond l-Artikolu 109 J tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 121 KE), li minnu jirriżulta li l-indipendenza li minnha għandhom jibbenifikaw il-BĊN u għaldaqstant il-BĊE ukoll, għandha tkun tali li tipproteġġihom kontra “s-sorsi kollha ta’ influwenza esterna” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

116    Barra minn dan, għandu jittieħed kont tal-fatt, diġà invokat mill-BĊE in sostenn tal-motiv tiegħu bbażat fuq allegat nuqqas ta’ bażi legali tar-Regolament Nru 1073/1999, li l-BĊE għandu indipendenza finanzjarja marbuta mal-fatt li huwa għandu u jiġġestixxi baġit tiegħu, li huwa distint minn dak tal-Komunità Ewropea.

117    Fl-aħħar nett, huwa rilevanti li l-membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE għandhom statut tagħhom li jiggarantixxi l-indipendenza tagħhom. F’dan ir-rigward, il-BĊE jirreferi għall-Artikolu 112(2)(b) KE li jiddefinixxi l-proċedura għall-ħatra tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u li jistipola li l-mandat tagħhom għandu jkun ta’ tmien snin u ma jistax jiġi mġedded. Il-BĊE invoka wkoll l-Artikolu 11.4 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ, li jipprevedi li membru tal-Bord Eżekuttiv jista’ jkun mneħħi mill-Qorti tal-Ġustizzja biss fuq l-applikazzjoni tal-Kunsill Regolatorju jew tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE. Huwa jirreferi wkoll għall-Artikolu 14.2 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ li jistipola li Gvernatur tal-BĊN li tneħħa mill-inkarigu tiegħu jista’ jippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

118    F’dak li jirrigwarda s-sistema prevista mir-Regolament Nru 1073/1999, il-BĊE jsostni li l-għoti ta’ setgħa lill-OLAF sabiex iwettaq investigazzjonijiet interni fi ħdan il-BĊE jippreġudika l-indipendenza tiegħu, in kwantu kemm l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa kif ukoll is-sempliċi tgħeddida li din is-setgħa tkun eżerċitat jistgħu jqegħdu pressjoni fuq il-membri tal-Kunsill Regolatorju jew fuq il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u jikkompromettu l-indipendenza deċiżjonali tagħhom.

119    Għalkemm il-BĊE jammetti li l-probabbiltà li tali pressjoni tkun fil-prattika qatt eżerċitata jew li din jista’ jkollha xi effett fuq it-teħid ta’ deċiżjoni fi ħdan il-BĊE hija “estremament żgħira”, huwa jqis li l-ħtieġa li tinżamm il-kunfidenza assoluta tas swieq finanzjarji instabbli timplika li huwa essenzjali li tkun evitata kull sitwazzjoni li potenzjalment tista’, anki mill-aspett ta’ forma jew ta’ sempliċi dehera, tagħti lok għal biża li s-setgħat ta’ l-OLAF jistgħu jkunu tali li jqiegħdu lill-Kummissjoni f’pożizzjoni li tinfluwenza lill-BĊE.

120    F’dan ir-rigward il-BĊE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-OLAF jibqa’ dipartiment intern,tal-Kummissjoni li għandu ċertu rabtiet, b’mod partikolari baġitarji, mal-Kummissjoni filwaqt li l-persunal tiegħu, li huma suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jiddependu fuq il-Kummissjoni sabiex javvanzaw professjonalment.

121    Il-BĊE jesprimi wkoll ċerti dubji dwar il-garanziji li jikkonċernaw l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-OLAF. B’mod iktar preċiż huwa jiddubita li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1073/1999 huwa tali li jista’ jimpedixxi lill-OLAF milli jwettaq investigazzjoni fin-nuqqas ta’ bażijiet suffiċjenti. Bl-istess b’mod huwa jisħaq li l-unika referenza għall-obbligu ta’ l-OLAF li jirrispetta d-drittijiet fundamentali tinstab mhux fid-dispożittiv ta’ dan ir-regolament iżda biss fil-preambolu tiegħu.

122    Il-Kummissjoni min-naħa tagħha tqis li, qabel kollox, il-BĊE jifforma parti integrali mill-Komunità Ewropea. Għaldaqstant hija tfakkar li l-BĊE jibbenefika, skond l-Artikolu 291 KE, minn privileġġi u immunitajiet li huma neċessarji għat-twettiq tal-kompitu tiegħu taħt il-kundizzjonijiet definiti mill-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Kommunità Ewropea u li s-salarji tal-persunal tiegħu huma suġġetti għat-taxxa Komunitarja. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-BĊE huwa suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġusitizzja u, f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza tat-tmexxija tiegħu, għall-istħarriġ tal-Qorti ta’ l-Awdituri, kif stipulat fl-Artikolu 27.2 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ. Barra minn dan, hija tindika wkoll li l-BĊE huwa obbligat jippreżenta rapport annwali fuq l-attivitajiet tas-SEBĊ u fuq il-politika monetarja, b’mod partikolari lill-Parlament, li l-Kumitati kompetenti tiegħu jistgħu jisimgħu wkoll lill-President tal-BĊE u lill-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv tiegħu, kif previst fl-Artikolu 113(3) KE.

123    Skond il-Kummissjoni, il-BĊE jikkontribwixxi, bħall-politka moneterja li fir-rigward tagħha huwa għandu kompetenzi speċifiċi, għall-ilħieq ta’ l-għanijiet ġenerali tal-Komunità Ewropea, kif ikkonfermat mill-Artikolu 105(1) KE.

124    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni wkoll li diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat KE juru li l-BĊE huwa wkoll suġġett għas-setgħat tal-leġiżlatur Komunitarju. Għaldaqstant hija tirreferi għall-Artikolu 107(5) KE, li jistipola li ċerti artikoli ta’ l-Istatut tas-SEBĊ jistgħu jkunu emendati mill-Kunsill, bil-kunsens tal-Parlament. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 36.1 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ, li jistipola li l-Kunsill Regolatorju għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-impjieg tal-persunal tal-BĊE, jinstab fost id-dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu emendati mill-Kunsill, fatt li jikkonferma li, anki fl-oqsma interni tiegħu, il-BĊE mhuwiex garantit indipendenza assoluta fir-rigward tal-leġiżlatur Komunitarju.

125    Il-Kummissjoni tiċċita wkoll l-Artikolu 107(6) KE kif ukoll l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 110(1) u l-Artikolu 110(3) KE, li minnhom jirriżulta li diversi dispożizzjonijiet ta’ l-Istatut tas-SEBĊ jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri supplimentari mill-Kunsill. Hija tirreferi wkoll għall-Artikolu 105(6) KE li abbażi tiegħu l-Kunsill jista’ jagħti lill-BĊE kompiti speċifiċi li jikkonċernaw is-superviżjoni prudenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

126    Skond il-Kummissjoni minn dan għandu jiġi konkluż li l-indipendenza li l-BĊE għandu u li l-Artikolu 108 KE huwa intiż sabiex jipproteġġi hija strettament funzjonali u limitata għat-twettiq tal-kompiti speċifiċi mogħtija lilu skond it-Trattat KE u l-Istatut tas-SEBĊ. Din l-indipendenza ma tfissirx li l-BĊE mhuwiex suġġett għar-regoli ta’ l-imsemmi Trattat.

127    F’dan ir-rigward is-sitwazzjoni tal-BĊE tista’ tkun imqabbla ma’ dik tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, li fir-rigward tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li r-rikkonoxximent fir-rigward tiegħu ta’ awtonomija operattiva u istituzzjonali ma jfissirx li huwa totalment separat mill-Komunitajiet u eżentat minn kull regola tad-dirtt Komunitarju (sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1988, Il‑Kummissjoni vs BĊE, 85/86, Ġabra p. 1281, u tat-2 ta’ Diċembru 1992, SGEEM u Etroy vs BĊE, C-370/89, Ġabra, p. I-6211).

128    Issa, f’dan il-każ, il-BĊE ma wriex kif, fil-prattika, regolament adottat mil-leġiżlatur Komunitarju fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi jista’ jimpedixxih milli jwettaq il-kompiti speċifiċi tiegħu. B’mod partikolari, l-indipendenza tal-BĊE bl-ebda mod mhija ppreġudikata mill-fatt li korp indipendenti bħall-OLAF jista’ jwettaq fi ħdan il-BĊE investigazzjonijiet amministrattivi kontra l-frodi intiżi sabiex jistabbilixxu elementi ta’ fatt, li fir-rigward tagħhom huma l-BĊE jew ta’ l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom sussegwentement jieħdu provvedimenti.

129    Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 1073/1999 joffri l-garanziji kollha meħtieġa fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 4 (1) u (6), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 14 tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

130    Sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-motiv imqajjem mill-BĊE huwa neċċessarju li mill-bidu nett jiġi rrilevat li l-awturi tat-Trattat KE bla dubju ta’ xejn riedu jiggarantixxu li l-BĊE jkun f’pożizzjoni li jwettaq b’mod indipendenti l-kompiti mogħtija lilu minn dan it-Trattat.

131    L-iktar prova speċifika ta’ din l-intenzjoni tinstab fl-Artikolu 108 KE li espressament jipprojbixxi, minn naħa, lill-BĊE u lill-membri tal-korpi deċiżjonali tiegħu milli waqt li jwettqu d-dmirijiet tagħhom jfittxu jew jieħdu istruzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew mill-kopri tal-Komunità, jew mill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri jew minn xi korp ieħor, u min-naħa l-oħra, lill-imsemmija istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità u Gvernijiet milli jippruvaw jinfluwenzaw il-membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE waqt li jwettqu d-dmirijiet ta’ dan ta’ l-aħħar.

132    Għandu wkoll ikun mfakkar li l-BĊE għandu personalità ġuridika u li huwa għandu riżorsi, baġit u korpi deċiżjonali tiegħu u jgawdi minn dawk il-privileġġi u immunitajiet li huma neċessarji għat-twettiq tal-kompitu tiegħu, kif ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja biss, fuq applikazzjoni tal-Gvern Regolatorju jew tal-Bord Eżekuttiv, tista’ tneħħi membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11.4 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ. Dawn il-fatturi huma bla dubju ta’ xejn tali li jgħinu sabiex tissaħħaħ l-indipendenza hekk stabbilita fl-Artikolu 108 KE.

133    Madankollu, minn naħa, għandu jkun ikkonstatat li istituzzjonijiet Komunitarji, bħall-Parlament, il-Kummissjoni jew il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha jgawdu minn indipendenza u garanziji li jistgħu f’numru ta’ aspetti jkunu mqabbla ma’ dawk mogħtija lill-BĊE. F’dan ir-rigward, tista’ ssir referenza, per eżempju għall- Artikolu 213(2) KE, li jistipola li, fl-interess ġenerali tal-Komunità, il-membri tal-Kummissjoni għandhom ikunu kompletament indipendenti fil-qadi ta’ dmirijiethom. Din id-dispożizzjoni tindika, fi kliem simili ħafna għal dak użat fl-Artikolu 108 KE, li fil-qadi ta’ dmirijiethom, il-membri tal-Kummissjoni la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet minn ebda gvern jew minn ebda korp, u li kull Stat Membru jintrabat li ma jippruvax jinfluwenzahom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

134    Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 108 KE, l-influwenzi esterni li minnhom din id-dispożizzjoni tipprova tipproteġġi lill-BĊE u l-korpi deċiżjonali tiegħu huma dawk li jistgħu jinterferixxu mat-twettiq “tal-kompiti” li t-Trattat KE u l-Istatut tas-SEBĊ jagħti lill-BĊE. Kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punti 150 u 155 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 108 KE jipprova, essenzjalment, jipproteġi lill-BĊE mill-pressjoni politika kollha sabiex huwa jkun jista’, b’mod effettiv, jilħaq l-għanijiet mogħtija lill-kompiti tiegħu, permezz ta’ l-eżerċizzju indipendenti tas-setgħat speċifiċi li huwa għandu għal dan il-għan bis-saħħa tat-Trattat KE u l-Istatut tas-SEBĊ.

135    Min-naħa l-oħra, kif innotaw b’mod korrett il-Kummissjoni u l-intervenjenti, l-fatt li huwa rikonoxxut li l-BĊE għandu din l-indipendenza ma jfissirx li huwa kompletament isseparat mill-Komunità Ewropea u li huwa eżentat minn kull regola tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt kif jirriżulta qabel xejn mill-Artikolu 105(1) KE, il-BĊE għandu jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-għanijiet tal-Komunità Ewropea, filwaqt li l-Artikolu 8 KE jippreċiża li l-BĊE għandu jaġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilu mit-Tarattat KE u mill-Istatut tas-SEBĊ. Barra minn dan, hekk kif fakkret il-Kummissjoni, il-BĊE huwa, taħt il-kundizzjonijiet stipulati mit-Trattat KE u mill-Istatut tas-SEBĊ, suġġett għal diversi tipi ta’ kontrolli Komunitarji, b’mod partikolari dak ta’ l-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti ta’ l-Awdituri. Fl-aħħar nett, jidher li l-awturi tat-Trattat bl-ebda mod ma riedu jipproteġu lill-BĊE minn kull forma ta’ azzjoni leġiżlattiva meħuda mil-leġiżlatur Komunitarju, kif juru l-Artikoli 105(6) KE, 107(5) u (6) KE, l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 110(1) u l-Artikolu 110(3) KE, invokati mill-Kummissjoni.

136    Minn dan jirriżulta li xejn ma jippermetti li a priori jkun eskluż li l-leġiżlatur Komunitarju jista’, fuq il-bażi tal-kompetenzi li huwa għandu permezz tat-Trattat KE u taħt il-kundizzjonijeit previsti minn dan l-istess Trattat, jadotta miżuri leġiżlattivi li jistgħu jkunu applikabbli fir-rigward tal-BĊE.

137    Min-naħa l-oħra, kif innotaw kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 160 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-BĊE ma stabbilixxiex kif il-fatt li huwa suġġett għal miżuri adottati mil-leġiżlatur Komunitarju fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi u kull forma oħra ta’ attività illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, bħall-miżuri previsti fir-Regolament Nru 1073/1999, huma tali li jaffettwaw il-possibbiltà tiegħu li jwettaq b’mod indipendenti l-kompiti speċfiċi mogħtija lilu mit-Trattat KE.

138    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett ikun ikkonstatat li la l-fatt li l-OLAF kien imwaqqaf mill-Kummissjoni u li huwa inkorporat fi ħdan l-istrutturi amministrattivi u baġitarji tagħha taħt il-kundizzjonijiet previsti fid-Deċiżjoni 1999/352 u lanqas il-fatt li dan il-korp estern għall-BĊE ingħata setgħat investigattivi mil-leġiżlatur Komunitarju taħt il-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1073/1999 mhuma fihom innifishom tali li jippreġudikaw l-indipendenza tal-BĊE.

139    Fil-fatt kif b’mod partikolari jirriżulta mir-raba, mill-għaxar, mit-tnax u mit-tmintax-il premessa kif ukoll mill-Artikolu 4, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5, l-Artikoli 6, 11 u 12 tar-Regolament Nru 1073/1999, is-sistema stabbilita minn dan ir-Regolament tirrifletti l-intenzjoni definittiva tal-leġiżlatur Komunitarju li jissuġġetta s-setgħat mogħtija lill-OLAF, minn naħa, għall-eżistenza ta’ garanziji intiżi sabiex jiżguraw indipendenza kompleta tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, għar-rispett komplet tar-regoli tad-dritt Komunitarju, inkluż, b’mod partikolari, il-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Kommunità Ewropea, għall-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

140    Barra minn dan, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/1999 jirriżulta li l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat huwa suġġett għal diversi regoli u garanziji speċifiċi, filwaqt li l-għan tagħhom huwa b’mod ċar delinejat. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1073/1999 jistipola li l-investigazzjonijiet amministrattivi ta’ l-OLAF għandhom jitwettqu bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu l ta’ dan ir-regolament u li jistabbilixxu, fejn ikun meħtieġ, in-natura irregolari ta’ l-attivitajiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. Il-mezzi li l-OLAF għandu sabiex jilħaq dawn l-għanijiet huma speċifikament imniżżla, b’mod partikolari, fl-Artikoli 4, 7 u 9 ta’ dan ir-regolament.

141    Kif b’mod korett innota l-Kunsill, is-sistema ta’ investigazzjoni stabbilita bir-Regolament Nru 1073/1999 hija speċifikament intiża sabiex tippermetti l-investigazzjoni ta’ suspetti relatati ma’ atti ta’ frodi, ta’ korruzzjoni jew ta’ attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, mingħajr din bl-ebda mod mhija simili għall-forom ta’ kontroll, li, bħall-kontroll finanzjarju, jistgħu jkunu ta’ natura sistematika. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-BĊE f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tad-Direttur ta’ l-OLAF li jiftaħ investigazzjoni, bħall-istess deċiżjoni ta’ istituzzjoni, korp, aġenzija jew uffiċċju stabbiliti minn jew fuq il-bażi tat-Trattati li jitolbu tali ftuħ, ma tistax tittieħed sakemm ma jkunx hemm provi suffiċjentement serji. Barra minn dan, kif fakkar il-BĊE stess, mill-kliem ta’ l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1073/1999 jirriżulta li l-awtorità bil-miktub li l-investigaturi ta’ l-OLAF għandu jkollhom għandha obbligatorjament tindika s-suġġett ta’ l-investigazzjoni.

142    Fir-rigward ta’ nuqqasijiet eventwali fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijet ta’ dan ir-regolament, huwa biżżejjed li jkun ikkonstatat li dawn ma jistgħux iwasslu għall-illegalità tiegħu

143    It-tieni nett għandu jiġi rrilevat li, hekk kif irrilevaw kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Olandiż u l-Avukat Ġenerali fil-punt 167 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-investigazzjonijiet interni li l-OLAF jista’ jwettaq għandhom, hekk kif jirriżulta mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1073/1999, ikunu wkoll imwettqa taħt il-kundizzjonijiet u skond il-proċeduri previsti f’deċiżjonijiet adottati minn kull istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija, u li m’għandux ikun eskluż li kwistjonijiet speċifiċi relatati mat-twettiq tal-kompiti tal-BĊE huma, jekk ikun il-każ, ikkunsidrati minn dan ta’ l-aħħar meta huwa jadotta tali deċiżjoni, u l-BĊE għandu jistabbilixi li xi restrizzjonijiet f’dan ir-rigward huma neċessarji.

144    Barra minn dan, anki jekk xi operaturi ekonomiċi ma kinux kuntenti bil-fatt li korp bħall-OLAF ingħata ċerti setgħat investigattivi fir-rigward tal-BĊE, minħabba li dawn l-operaturi jinjoraw in-natura preċiża ta’ dawn is-setgħat jew l-eżistenza tad-diversi garanziji li l-leġiżlatur Komunitarju ssuġġetta l-għoti tagħhom għalihom, u b’mod partikolari dawk intiżi sabiex jiżguraw li l-OLAF huwa kompletament indipendenti, ma jistax jiġi sostnut li sitwazzjoni bħal din li tqum esklużivament minn nuqqas ta’ informazzjoni jew minn nuqqas ta’ l-operaturi kkonċernati li jaraw l-istampa vera, twassal għall-fatt li r-Regolament Nru 1073/1999 jippreġudika l-indipendenza tal-BĊE.

145    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv tal-BĊE ibbażat fuq il-fatt li allegatament l-indipendenza tiegħu hija ppreġudikata għandu jiġi miċħud u għaldaqstant ir-Regolament Nru 1073/1999 ma jistax ikun iddikjarat inapplikabbli fuq din il-bażi taħt l-Artikolu 241 KE.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ propozjonalità

 L-argumenti tal-BĊE

146    Permezz tar-raba’ motiv tiegħu l-BĊE jsostni li r-Regolament Nru 1073/1999 għandu jkun iddikjarat inapplikabbli minħabba li dan jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

147    L-ewwel nett, il-BĊE jsostni li l-applikazzjoni fir-rigward tiegħu tas-sistema ta’ investigazzjoni prevista f’dan ir-regolament hija inutili minħabba l-eżistenza ta’ diversi mekkaniżmi ta’ kontroll oħra li huma adatti għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-frodi fi ħdanu

148    F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għall-Artikolu 27 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ, li jistipola, minn naħa, li l-kontijiet tal-BĊE għandhom jiġu vverifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Regolatorju tal-BĊE u approvati mill-Kunsill, u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti ta’ l-Awdituri għandha tagħmel eżami ta’ l-effiċjenza operattiva tat-tmexxija tal-BĊE.

149    Barra minn dan, il-Gvern Regolatorju tal-BĊE, hu u jaġixxi taħt is-setgħat indipendenti ta’ organizzazzjoni tiegħu, waqqaf żewġ livelli oħra ta’ kontroll; id-D-VI u l-Kumitat ta’ Kontra l-Frodi tal-BĊE.

150    Mid-deċiżjoni kkontestata u miċ-Ċirkolari Amministrattiva 8/99 tat-12 ta’ Ottubru 1999, dwar il-Karta ta’ Verifika tal-BĊE jirriżulta, minn naħa, li d-D-VI, li għandu livell għoli ta’ kompetezza, kien ingħata r-responsabbiltà li jinvestiga u jirraporta, mingħajr restrizzjonijiet, fuq il-każijiet ta’ frodi u, min-naħa l-oħra, li dan jopera taħt ir-responsabbiltà diretta tal-President tal-BĊE u jgawdi minn indipendenza operazzjonali kompluta.

151    Skond l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-BĊE, id-D-VI għandu wkoll jirrispetta varji standards ta’ kontabbiltà rikonoxxuti internazzjonalment, inklużi l-Istandards għall-Prattika Professjonali tal-Verifiki Interni stabbiliti mill-Istitut ta’ l-Awdituri Interni u l-Kodiċi dwar l-Istandards Internazzjonali ta’ Verifika u l-Istruzzjonijiet Internazzjonali ta’ Verifika, stabbiliti mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabbilisti, li jistabbilixxu diversi regoli ta’ komportament applikabbli għall-awdituri, li huma msejħa b’mod partikolari joqgħodu attenti għar-riskju ta’ frodi u sabiex jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tiegħu u sabiex jindividwawh.

152    It-tieni nett, il-BĊE jsostni li numru ta’ deċiżjonijiet jew operazzjonijiet tiegħu jeħtieġu li jkun miżmum digriet għoli ta’ kunfidenzjalità. Dan japplika b’mod partikolari għall-proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-BĊE li jistabbilixxu rati ta’ interessi għall-operazzjonijiet ta’ politika monetaja, ta’ l-aspett tekniku tal-produzzjoni tal-karti ta’ flus u ta’ l-azzjonijiet intiżi sabiex jinfluwenzaw ir-rati tal-kambju.

153    Minn dan il-BĊE jikkonkludi li, jekk huwa jkun suġġett għar-Regolament Nru 1073/1999, huwa jkun obbligat jeskludi mill-kamp ta’ l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF l-attivitajiet kollha tiegħu li huma konnessi mal-kompiti fundamentali stipulati fl-Artikolu 105(2) KE, li għaldaqstant għandhom ikunu suġġetti għall-kontroll tad-D-VI biss, sabiex ir-rwol ta’ l-OLAF ikun marġinali u, għaldaqstant, mhux adattat għall-għanijiet li dan ir-regolament irid jilħaq.

154    It-tielet nett, il-BĊE jsostni li huwa kkaratterizzat minn mod għoli ta’ tmexxija deċentralizzata li jimplika li ta’ spiss isiru interventi mill-BĊN. Fid-dawl ta’ din id-diċentralizzazzjoni, il-fatt li s-setgħat ta’ investigazzjoni interna mogħtija lill-OLAF jikkonċernaw biss lill-BĊE, u mhux lill-BĊN, ifisser li dawk is-setgħat mhumiex effettivi fil-ġlieda kontra l-frodi, peress li l-OLAF m’huwiex f’pożizzjoni li jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu fi ħdan il-BĊN.

155    Min-naħa l-oħra, skond l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-BĊE, il-koordinazzjoni tal-funzjonijiet ta’ verifika interna tal-BĊE tal-BĊN kienet is-suġġett ta’ diversi miżuri adottati mill-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, li huma tali li jippermettu li jinżammu verifiki maqgħuda f’dawn il-korpi differenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

156    Qabel kollox, għandu jkun mfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeħtieġ li l-miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni Komunitarja jkunu adattati sabiex jintlaħaq l-għan li jrid jinkiseb, u m’għandhomx jeċċeddu dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena, 137/85, Ġabra p. 4587, punt 15, u ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, Ġabra p. I-11453, punt 122].

157    F’dak li jrrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, hemm lok li jkun enfasizzat li f’qasam bħal dak involut fil-każ preżenti għandha tingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur Komunitarju, sabiex biss in-natura manifestament inadatta ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, meta mqabbla ma’ l-għan li l-istituzzjoni kompetenti trid tilħaq, tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura [ara, f’dan is-sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 123, u l-ġurisprudenza ċċitata].

158    Issa, l-ewwel nett, il-BĊE ma stabbilixxiex li l-leġiżlatur Komunitarju għamel żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, huwa seta’ jikkunsidra li, minkejja l-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll speċifiċi għad-diversi istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn jew fuq il-bażi tat-Trattat, inklużi, in kwantu dawn jikkonċernawh, dawk li jirreferi għalihom il-BĊE, kien neċessarju, sabiex tissaħħaħ il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-irregolaritajiet l-oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, li jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ kontroll li huwa simultanjament ċentralizzat fi ħdan korp partikolari, speċjalizzat u mmexxi b’mod indipendenti u uniformali fir-rigward ta’ dawk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji.

159    F’dan ir-rigward, minn naħa għandu jkun mfakkar li l-funzjoni investigattiva mogħtija lill-OLAF hija differenti, f’dak li jikkonċerna n-natura u l-għan speċifiku tagħha, imfakkra fil-punt 141 ta’ din is-sentenza, mill-kompiti ta’ kontroll ġenerali bħal dawk li għandha l-Qorti ta’ l-Awdituri, fir-rigward ta’ l-eżami ta’ l-effiċjenza operazzjonali tal-BĊE, u li għandhom l-awdituri esterni, f’dak li jirrigwarda l-verifika tal-kontijiet tiegħu.

160    Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-funzjonijiet mogħtija lid-D-VI u lill-Kumitat ta’ Kontra l-Frodi tal-BĊE peremezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-leġiżlatur Komunitarju seta’ jikkunsidra li mezzi ta’ kontroll differenti adottati fuq il-livell ta’ l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn jew fuq il-bażi tat-Trattat, u li fir-rigward ta’ kemm l-eżistenza kif ukoll tal-proċeduri tagħhom dawn l-entitajiet għandhom diskrezzjoni, ma kinux jikkostitwixxu, fid-dawl ta’ l-għanijiet li jridu jkunu milħuqa, soluzzjoni li għandha livell ta’ effikaċja ekwivalenti għal dak li jista’ jkun mistenni minn sistema intiża sabiex tiċċentralizza l-funzjoni investigattiva fi ħdan korp wieħed speċjalizzat u indipendenti. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandu jkun mfakkar li r-Regolament Nru 1073/1999 kien partikolarment intiż sabiex jagħti lill-OLAF funzjoni investigattiva li huwa għandu jeżerċita kemm fi ħdan dawn l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji permezz ta’ l-investigazzjonijiet magħrufa bħala “interni” kif ukoll barra minn dawn l-entitajiet permezz ta’ investigazzjonijiet magħrufa bħala “esterni”.

161    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-fatt li s-SEBĊ topera taħt varji aspetti b’mod diċentralizzat, dan bl-ebda mod ma jrendi ineffettivi l-investigazzjonijiet mwettqa mill-OLAF fi ħdan il-BĊE u l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni minnu lill-OLAF skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/1999, u dan indipendentement mir-riżultati li jistgħu jagħtu kontrolli eventwali mwettqa, skond il-proċeduri adatti, fuq il-BĊN. F’kull każ, kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 187 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-BĊE ma indikax ir-raġunijiet preċiżi li jippermettu li jiġi konkluż li l-imsemmija investigazzjonijiet u notifika huma bla effett.

162    It-tielet nett, anki jekk mhuwiex ikkontestat li ċerti tipi ta’ informazzjoni sensittiva li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-BĊE għandhom ikun suġġetti għall-kunfidenzjalità sabiex il-kompiti mogħtija lilu permezz tat-Trattat KE ma jkunux imqegħda fil-periklu, f’dan ir-rigward, għandu jkun imfakkar li r-Regolament Nru 1073/1999 speċifikament stipola, kif jirriżulta mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1) tiegħu, li l-investigazzjonijiet interni ta’ l-OLAF għandhom ikunu mwettqa skond il-kundizzjonijiet u skond il-proċeduri previsti f’dan ir-regolament u fid-deċiżjonijiet li kull istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenżija tadotta. Għaldaqstant, kif jindika l-punt 143 ta’ din is-sentenza, ma jistax ikun eskluż li ċerti speċifikazzjonijiet relatati mat-twettiq tal-kompiti tal-BĊE jkunu, skond il-każ, meħuda in kunsiderazzjoni minn dan ta’ l-aħħar fl-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1073/1999, u huwa l-BĊE li għandu juri li r-restrizzjonijiet li huwa jistabbilixxi f’dan il-rigward huma neċessarji.

163    Madankollu, bla dubju ta’ xejn, informazzjoni speċifika bħal din mhijiex ta’ natura tali li l-possibbiltà li din tittieħed in kunsiderazzjoni, kif isostni l-BĊE, trendi s-setgħat ta’ l-OLAF ineffettivi billi tneħħilu l-aċċess għall-biċċa l-kbira tad-dokumenti miżmuma mill-BĊE. Kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 186 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu wkoll jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1073/1999 u l-Artikolu 287 KE, l-informazzjoni mogħtija u miskuba fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet interni hija koperta mis-sigriet professjonali, u għaldaqstant il-komunikazzjoni eventwali tagħha u l-użu tagħha huma suġġetti għal kundizzjonijiet stretti ħafna.

164    Minn dan jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq ksur allegat tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1073/1999 fir-rigward tal-BĊE għandu jkun miċħud u li għaldaqstant dan ir-regolament ma jistax ikun iddikjarat inapplikabbli fuq din il-bażi taħt l-Artikolu 241 KE.

165    Peress li l-erba’ motivi mressqa mill-BĊE in sostenn għall-eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata fuq l-Artikolu 241 KE kollha ġew miċħuda, għandu jkun konkluż li r-Regolament Nru 1073/1999 huwa applikabbli fir-rigward tal-BĊE. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata għandhiex tkun annullata minħabba li, hekk kif issostni l-Kummissjoni, din tikser id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, fatt li l-BĊE jikkontesta.

 Fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1073/1999

 L-argumenti tal-BĊE

166    Il-BĊE jikkontesta l-fondatezza ta’ l-argumenti invokati mill-Kummissjoni in sostenn għar-rikors tagħha kif stipulati fil-paragrafi 52 sa 55 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt huwa jsostni li d-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma tikser id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/1999 u li għaldaqstant dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

167    Skond il-BĊE, is-setgħat investigattivi mogħtija lid-D-VI kienu jeżistu qabel id-deċiżjoni kkontestata, li f’dan ir-rigward kellha biss effett deklaratorju kif, b’mod partikolari juri l-użu ta’ l-indikattiv preżenti fil-Premessa 8 ta’ din id-deċiżjoni u fl-Artikolu 2 ta’ l-istess deċiżjoni, li jindikaw li D-VI “għandu jkun” responsabbli sabiex iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi sabiex jiġġieled il-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-BĊE. L-uniku fattur ġdid introdott mid-deċiżjoni kkontestata huwa l-indipendenza miżjuda tad-D-VI permezz tat-twaqqif tal-Kumitat ta’ Kontra l-Frodi tal-BĊE. B’dan il-mod, il-BĊE illimita ruħu jissodisfa, permezz ta’ l-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni interna, ir-rekwiżit tal-ġlieda kontra l-frodi fl-aħjar mod adattat għall-funzjonijiet tiegħu.

168    In kwantu r-Regolament Nru 1073/1999 ma jistax ikun interpretat bħala li jipprojbixxi lill-BĊE milli jsaħħaħ il-mezzi eżistenti fi ħdanu għall-ġlieda kontra l-frodi, peress li l-kompetenza ta’ l-OLAF mhijiex esklużiva f’dan il-qasam, id-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx dan ir-regolament. Din ma teskludix kull rwol ta’ l-OLAF, peress li ż-żewġ sistemi ta’ kontroll jistgħu jeżistu flimkien.

169    Barra minn dan, il-BĊE jsostni li r-Regolament Nru 1073/1999 ma jobbligahx jadotta deċiżjoni bħal dik imsemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 4(6) tagħha, kif jirriżulta mill-kliem użat f’dan it-tieni subparagrafu, li jillimita ruħu jitlob lill-istituzzjonijiet “jikkonsultaw lil xulxin dwar ir-regoli li għandhom jiġu stabbiliti minn dawk id-deċiżjonijiet”. Għaldaqstant, l-imsemmija istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji huma ħielsa li ma jadottawx tali deċiżjoni u li jibbażaw ruħhom fuq it-Trattati, il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, ir-regolamenti interni tagħhom u r-Regolament Nru 1073/1999 innifsu. Barra minn dan il-BĊE jsostni li m’hemm ebda terminu previst għall-adozzjoni eventwali ta’ tali deċiżjoni.

170    Barra minn dan, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE bl-ebda mod li ried jimplementa t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1073/1999.

171    Fl-aħħar nett, il-kwistjoni dwar jekk, billi ma implementax dawn id-dispożizzjonijiet, il-BĊE setax kiser obbligu li jaġixxi li jirriżulta mit-Trattat KE ma tistax tkun affrontata fil–kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, iżda teħtieġ li jiġi ppreżentat rikors ibbażat fuq l-Artikolu 232 KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

172    Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, għandu jiġi indikat li d-deċiżjoni kkontestata għandha tkun moqrija fid-dawl tal-premessi tagħha.

173    Issa, f’dan ir-rigward għandu jkun ikkonstatat li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-imsemmija premessi sabiex jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri inklużi fid-deċiżjoni kkontestata jirriflettu r-rieda tal-BĊE li jwaqqaf sistema distinta u esklużiva minn dik prevista fir-Regolament Nru 1073/1999, u dan prinċipalment minħabba li, skond il-BĊE, dan ir-regolament mhuwiex applikabbli fir-rigward tiegħu.

174    Fil-fatt, mill-Premessi 1 u 3 sa 8 tad-deċiżjoni kkontestata kkunsidrati flimkien, jirriżulta b’mod ċar li d-deċiżjoni kkontestata hija intiża sabiex tafda f’idejn id-D-VI t-twettiq ta’ kompitu investigattiv li speċifikament jaqa’ fuq il-BĊE. Minn dan jirriżulta wkoll li din id-deċiżjoni b’mod partikolari kienet ġiet adottata fuq il-bażi tal-premessa li l-BĊE għandu baġit u riżorsi finanzjarji tiegħu li jikkorrispondu ma’ l-interessi finanzjarji tiegħu, distinti mill-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, u li, għall-ġlieda kontra l-frodi, huwa neċessarju li jinżamm it-taqsim u l-ekwilibriju attwali tar-responsabbiltajiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunita’ Ewropea u l-BĊE kif ukoll li tkun ikkunsidrata l-indipendenza ta’ dan ta’ l-aħħar.

175    Kunsiderazzjonijiet bħal dawn, li barra minn hekk jifformaw il-bażi stess ta’ l-argumenti żviluppati mill-BĊE fil-kuntest ta’ dan il-każ sabiex tiġi stabbilita l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1073/19999, bla dubju ta’ xejn jirriflettu d-deċiżjoni tal-BĊE li jikkunsidra dan ir-regolament bħala inapplikabbli fir-rigward tiegħu kif ukoll ir-rifjut li jadotta d-deċiżjoni prevista fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(1), u fl-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-regolament, u mhux kif jissuġġerixxi l-BĊE, sempliċi xewqa li jkunu msaħħa l-mezzi għall-ġlieda kontra l-frodi stabbiliti taħt is-setgħa awtonoma ta’ organizzazzjoni interna li huwa għandu.

176    Din il-konklużjoni tirriżulta wkoll mill-eżami tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

177    F’dan ir-rigward, fil-fatt għandu jkun osservat li, hekk kif jirriżulta minn paragun bejn, minn naħa l-premessi u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/1999, u min-naħa l-oħra dawk tad-deċiżjoni kkontestata, is-sistema li din id-deċiżjoni tipprevedi hija, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-biċċa l-kbira mmudellata fuq dik stabbilita minn dan ir-regolament.

178    Dan il-fatt kif ukoll il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, għalkemm telimina kull referenza għas-setgħat li għandu l-OLAF u kull eventwali kooperazzjoni operattiva miegħu, madankollu tistipola fl-Artikolu 1(9), prinċipju li abbażi tiegħu l-Kumitat ta’ Kontra l-Frodi tal-BĊE huwa responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Kumitat ta’ Sorveljanza ta’ l-OLAF jirrifletti d-deċiżjoni li ma tkunx applikata s-sistema prevista mir-Regolament Nru 1073/1999.

179    Moqrija fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-dikjarazzjoni li tinstab fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li abbażi tagħha d-D-VI huwa responsabbli sabiex jinvestiga u jirraporta fuq il-kwistjonijiet kollha relattati mal-prevenzjoni jew il-kxif tal-frodi jew ta’ attivitajiet illegali oħra, għandha tkun interpretata, kif jispjega l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-sens li din hija intża sabiex tagħti lid-D-VI monopolju fir-rigward ta’ tali investigazzjonijiet u rapporti.

180    Moqri fid-dawl ta’ l-istess kunsiderazzjonijiet, l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jagħti effett lid-deċiżjoni tal-BĊE li jeskludi, fir-rigward tal-membri tal-persunal tiegħu, l-obbligu li jikkoperaw u li jinformaw lill-impjegati ta’ l-OLAF previst fl-Artikolu 4(6)(a) tar-Regolament Nru 1073/1999. Fil-fatt mingħajr ma jagħmel l-iċken referenza għal dan l-obbligu, dan l-Artikolu 5 jipprevedi fir-rigward tal-persunal tal-BĊE obbligu li jinformaw lill-Kumitat ta’ Kontra l-Frodi jew lid-D-VI dwar kull frodi jew attività illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-BĊE u jipprojbixxi li l-membri tal-persunal ikunu trattati b’mod inġust jew diskriminatorju minħabba dan.

181    Minn dan jirriżulta li, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li r-Regolament Nru 1073/1999 mhuwiex applikabbli fir-rigward tal-BĊE u li konsegwentement tesprimi l-intenzjoni tal-BĊE li jassumi waħdu r-responsabbiltà għall-ġlieda kontra l-frodi fi ħdanu, il-BĊE naqas milli japplika s-sistema stabbilita minn dan ir-regolament u minflok ma adotta d-deċiżjoni prevista fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-regolament stabbilixxa sistema distinta u partikolari għalih.

182    Billi eskluda l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1073/1999 u billi rrifjuta li jadatta l-proċeduri interni tiegħu b’tali mod li jkunu sodisfatti r-rekwiżiti stipulati minnu, il-BĊE kiser dan ir-regolament, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu, u eċċeda l-marġini ta’ awtonomija organizzazzjonali li huwa għandu fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi.

183    Kuntrarjament għal dak li jsostni l-BĊE, m’hemm ebda dubju li t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1073/1999 fil-fatt jobbligaw lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji stabbiliti minn jew fuq il-bażi tat-Trattati jadottaw id-deċiżjoni prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet. Kif wera l-Avukat Ġenerali fil-punti 90, 91 u 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-konklużjoni hija inevitabbli fid-dawl kemm tal-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll tal-Premessa 10 tar-Regolament Nru 1073/1999.

184    Fir-rigward tal-fatt li dawn l-istess dispożizzjonijiet ma jistipulawx terminu li fih għandha tiġi adottata tali deċiżjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan m’għandu lanqas l-iċken effett il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 181 ta’ din is-sentenza.

185    Barra minn dan, dan ir-rikors, li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-motivi bbażati fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1073/1999 u milqugħa fil-punt 181 ta’ din is-sentenza, ma jistax, kuntrarjament għal dak li jallega l-BĊE, ikun imħallat mar-rikors, distint, li seta’, kieku kien il-każ, ġie ppreżentat kontra l-BĊE fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 232 KE sabiex jiġi kkonstatat n-nuqqas ta’ adozzjoni, minn dan ta’ l-aħħar, tad-deċiżjoni meħtieġa taħt it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1073/1999.

186    Mill-kunsiderazzjonjiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

187    Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li BĊE tilef, hemm lok li jiġi kkundannat jbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni. Skond l-ewwel subpragrafu ta’ l-Artikolu 69(4) ta’ dawn ir-regoli, ir-Renju ta’ l-Olanda, il-Parlament u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 1999/726/KE tas-7 ta’ Ottubru 1999 dwar prevenzjoni ta’ frodi (BĊE/1999/5) hija annullata.

2)      Il-Bank Ċentrali Ewropew huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3)      Ir-Renju ta’ l-Olanda, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Rodríguez Iglesias

Puissochet

Wathelet

Schintgen

Gulmann

Edward

La Pergola

Jann

Skouris

Macken

 

      Colneric

von Bahr

 

      Rosas

Mogħtija f’Qorti bil-mifuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Lulju 2003.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż