SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
13 ta’ Mejju 2003(*)
“Libertà li jiġu pprovduti servizzi ─ Artikolu 59 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 49 KE) u Artikolu 60 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 50 KE) ─ Assigurazzjoni kontra l-mard ─ Sistema ta’ benefiċċji in natura ─ Ftehim ─ Spejjeż mediċi sostnuti fi Stat Membru ieħor ─ Awtorizzazzjoni minn qabel ─ Kriterji ─ Ġustifikazzjonijiet”
Fil-kawża C-385/99,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mis-Central Raad van Beroep (l-Olanda) u intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem dik l-istess Qorti bejn
V. G. Müller-Fauré
u
Onderlinge Waarborgmaatschappij OZ Zorgverzekeringen UA,
u bejn
E. E. M. van Riet
u
Onderlinge Waarborgmaatschappij ZAO Zorgverzekeringen,
deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 49 KE) u ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 50 KE),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, M. Wathelet (Relatur), R. Schintgen u C. W. A. Timmermans, Presidenti ta’ Awla, D. A. O. Edward, A. La Pergola, P. Jann, F. Macken, N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:
– għal V. G. Müller-Fauré, minn J. Blom, advocaat,
– għall-Onderlinge Waarborgmaatschappij OZ Zorgverzekeringen UA, minn J. K. de Pree, advocaat,
– għall-Gvern Olandiż, minn M. A. Fierstra, bħala aġent,
– għall-Gvern Belġjan, minn P. Rietjens, bħala aġent,
– għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing u B. Muttelsee-Schön, bħala aġenti,
– għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,
– għall-Gvern Irlandiż, minn M. A. Buckley, bħala aġent, assistit minn N. Hyland, BL,
– għall-Gvern Taljan, minn U. Leanza, bħala aġent, assistit minn I. M. Braguglia, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Magrill, bħala aġent, assistita minn S. Moore, barrister,
– għall-Gvern Islandiż, minn E. Gunnarsson u H. S. Kristjánsson, kif ukoll minn V. Hauksdóttir, bħala aġenti,
– għall- Gvern Norveġiż, minn H. Seland, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn P. Hillenkamp u H. H. Speyart, bħala aġenti,
– wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub addizzjonali ppreżentati fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja,
– għal E. E. M. Van Riet, minn A. A. J. van Riet,
– għall-Onderlinge Waarborgmaatschappij OZ Zorgverzekeringen UA, minn J. K. de Pree,
– għall-Onderlinge Waarborgmaatschappij ZAO Zorgverzekeringen, minn H. H. B. Limberger, bħala aġent,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,
– għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad,
– għall-Gvern Irlandiż, minn D. J. O’Hagan, bħala aġent,
– għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn D. Wyatt, bħala aġent, assistit minn S. Moore,
– għall-Gvern Norveġiż, minn H. Seland,
– għall-Kummissjoni, minn H. H. Speyart,
wara li rat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħat l-osservazzjonijiet orali ta’ l-Onderlinge Waarborgmaatschappij OZ Zorgverzekeringen UA, irrappreżentat minn J. K. de Pree, ta’ l-Onderlinge Waarborgmaatschappij ZAO Zorgverzekeringen, irrappreżentat minn R. Out, bħala aġent, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn H. G. Sevenster; tal-Gvern Daniż, irrappreżentat minn J.Molde; tal-Gvern Spanjol irrappreżentat minn N.Díaz Abad; tal-Gvern Irlandiż, irrappreżentat minn A. Collins BL; tal-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn T. Pynnä, bħala aġent; tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn D. Lloyd-Jones QC, u tal-Kummisjoni, irrappreżentata minn H. Michard, bħala aġent u H. M. H. Speyart, fis-seduta ta’ l-10 ta’ Settembru 2002,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2002,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 B’digriet tas-6 ta’ Ottubru 1999, ippreżentat fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ottubru 1999, is-Centrale Raad van Beroep għamlet, skond l-Artikolu 234 KE, tliet domandi għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 59 tat-Trattat KE, (li sar, wara emenda, l-Artikolu 49 KE) u ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 50 KE).
2 Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, V. G. Müller-Fauré u l-Onderlinge Waarborgmaatshcappij OZ Zorgverzekeringen UA (fond ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, iktar ’il quddiem, il-“fond ta’ Zwijndrecht” stabbilit f’Zwijndrecht (l-Olanda), u, min-naħa l-oħra, bejn E. E. M. Van Riet u l-Onderlinge Waarborgmaatshcappij ZAO Zorgverzekeringen (iktar ’il quddiem il-“fond ta’ Amsterdam”) stabbilit f’Amsterdam (l-Olanda), dwar ir-rimbors ta’ l-ispejjeż mediċi sostnuti fil-Ġermanja u fil-Belġju rispettivament.
Il-kuntest ġuridiku nazzjonali
3 Fl-Olanda, l-iskema ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard hija essenzjalment ibbażata fuq iż-Ziekenfondswet (liġi dwar il-fondi tal-mard) tal-15 ta’ Ottubru 1964 (Staatsblad 1964, Nru 392), li sussegwentement ġiet emendata (iktar ’il quddiem iż-“ZFW”), u fuq l-Algemene Wet Bijzondere Ziektekosten (liġi dwar l-assigurazzjoni ġenerali ta’ l-ispejjeż ta’ mard speċjali”), tal-14 ta’ Diċembru 1967 (Staatsblad 1964, Nru 617), li ukoll ġiet emendata sussegwentament, (iktar ’il quddiem l-“AWBZ”). Kemm iz-ZFW, kif ukoll l-AWBZ jistabbilixxu sistema ta’ benefiċċji in natura li permezz tagħha l-persuni assigurati huma intitolati mhux għar-rimbors ta’ l-ispejjeż sostnuti għall-kura medika, iżda għall-kura nfisha bla ħlas. Dawn iż-żewġ liġijiet huma bbażati fuq sistema ta’ ftehim bejn il-fondi tal-mard u min jipprovdi l-kura.
4 Mill-Artikoli 2 sa 4 taz-ZFW jirriżulta li, ħaddiema li għandhom dħul annwali li ma jaqbiżx l-ammont determinat minn dik il-liġi, persuni li huma ttrattati bħala tali, u persuni li jirċievu benefiċċji socjali, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom li jgħixu magħhom u li huma dipendenti minnhom huma bilfors u awtomatikament assigurati taħt dik il-liġi.
5 Skont l-Artikolu 5(1) taz-ZFW, kull persuna li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha li tixtieq teżerċita dritt taħt din il-liġi għandha tkun affiljata ma’ fond tal-mard li jopera fil-Komun fejn hija tirrisjedi.
6 L-Artikolu 8 taż-ZFW jistipula li:
“1. Persuna assigurata hija intitolata għal benefiċċji fil-forma tal-kura medika neċessarja, sakemm hija ma tkunx intitolata għal din il-kura taħt l-Algemene Wet Bijzondere Ziektekosten […]. Il-fondi tal-mard għandhom jassiguraw illi persuni assigurati magħhom jistgħu jinvokaw dan id-dritt.
2. In-natura, il-kontenut u l-portata tal-benefiċċji għandhom jiġu stabbiliti minn jew skont digriet irjali. Fi kwalunkwe każ, dawn għandhom jinkludu l-assistenza medika, li l-portata tagħha għadha tiġi definita, kif ukoll il-kura u t-trattament ipprovduti f’kategoriji ta’ istituzzjonijiet li għad iridu jiġu ddefiniti. Barra minn hekk, l-għoti ta’ benefiċċju jista’ jkun suġġett għal kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-persuna assigurata; din il-kontribuzzjoni m’għandhiex neċessarjament tkun ta’ l-istess ammont għall-persuni assigurati kollha.
[...]”
7 Il-Verstrekkingenbesluit Ziekenfondsverzekering (digriet relattiv għall-benefiċċji in natura ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard) ta’ l-4 ta’ Jannar 1966, (Staatsblad 1966, Nru 3) li sussegwentement ġie emendat (iktar ’il quddiem il-“Verstrekkingenbesluit”), jimplementa l-Artikolu 8(2) taz-ZFW.
8 Il-Verstrekkingenbesluit b’hekk jiddetermina d-drittijiet għall-benefiċċji u l-portata tagħhom għal diversi kategoriji ta’ kura, inklużi b’mod partikolari l-kategoriji intitolati “assistenza medika u kirurġika” u “rikoveru u s-soġġorn fl-isptarijiet”.
9 Is-sistema ta’ ftehim stabbilita miz-ZFW għandha l-karatteristiċi prinċipali li ġejjin.
10 L-Artikolu 44(1) taz-ZFW jistipula li l-fondi tal-mard għandhom “jikkonkludu ftehim ma’ persuni u stabbilimenti li jistgħu joffru waħda jew aktar mill-forom ta’ kura imsemmija fid-digriet irjali adottat sabiex jimplementa l-Artikolu 8”.
11 L-Artikolu 44(3) taz-ZFW jistipula li ftehim bħal dawn għandhom għall-inqas jinkludu dispożizzjonijiet dwar in-natura u l-portata ta’ l-obbligi u d-drittijiet reċiproċi tal-partijiet, it-tip ta’ kura li għandha tkun ipprovduta, il-kwalità u l-effettività tal-kura pprovduta, is-superviżjoni ta’ l-osservanza tal-ftehim, inkluż is-superviżjoni tal-benefiċċji pprovduti jew li għandhom jiġu pprovduti u l-eżattezza ta’ l-ammonti mitluba għal-dawn il-benefiċċji, kif ukoll l-obbligu li tiġi kkomunikata l-informazzjoni neċessarja għal din is-superviżjoni.
12 Il-fondi tal-mard huma, salv għal żewġ kundizzjonijiet, liberi li jikkonkludu ftehim ma’ kwalunkwe entità li tipprovdi l-kura. Minn naħa waħda, mill-Artikolu 47 taz-ZFW jirriżulta li, kull fond tal-mard, “huwa marbut li jidħol fi ftehim [...] ma’ kwalunkwe stabbiliment li jinsab fir-reġjun fejn huwa jopera, jew fejn tmur regolarment il-popolazzjoni ta’ dak ir-reġjun”. Min-naħa l-oħra, jistgħu jiġu konklużi ftehim biss ma’ stabbilimenti debitament awtorizzati sabiex jipprovdu l-kura in kwistjoni jew ma’ persuni li huma awtorizzati legalment sabiex jagħmlu dan.
13 L-Artikolu 8a taz-ZFW jistipula li:
“1. Stabbiliment li jipprovdi benefiċċji bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 8 għandu jkun awtorizzat sabiex jagħmel dan.
2. Digriet irjali jista’ jistipula illi stabbiliment li jaqa’ taħt kategorija defininita minn digriet irjali għandu jiġi kkunsidrat bħala awtorizzat għall-finijiet ta’ din il-liġi. [...]”
14 Mill-Artikolu 8(c)(a), taz-ZFW jirriżulta li l-awtorizzazzjoni ta’ stabbiliment li jamministra faċilitajiet ta’ sptar li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Wet ziekenhuisvoorzieningen (liġi dwar l-apparat ta’ l-isptarijiet ) fir-rigward tad-distribuzzjoni u l-ħtiġijiet għandha tkun irrifjutata. Din il-liġi, id-direttivi għall-implementazzjoni tagħha (b’mod partikolari d-Direttiva bbażata fuq l-Artikolu 3 ta’ l-imsemmija liġi, Nederlandsee Staatscourant 1987, Nru 248), kif ukoll il-pjanti tal-provinċji jiddeterminaw b’mod iktar dettaljat il-ħtiġijiet nazzjonali f’dak li jikkonċerna d-diversi kategoriji ta’ sptarijiet u d-distribuzzjoni tagħhom bejn il-varji reġjuni li hemm fit-territorju Olandiż fir-rigward tas-saħħa.
15 F’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju speċifiku tad-dritt għall-benefiċċji, l-Artikolu 9 taz-ZFW jistipula illi:
“1. Minbarra fil-każijiet stipulati fid-digriet irjali msemmi fl-Artikolu 8(2), persuna assigurata li tixtieq teżerċita d-dritt tagħha għal benefiċċju għandha, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, tirrivolġi ruħha għal persuna jew stabbiliment li magħha jew miegħu l-fond tal-mard li hija affiljata miegħu jkun ikkonkluda ftehim għal dak il-għan.
2. Il-persuna assigurata tista’, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 u d-dispożizzjonijiet dwar it-trasport bl-ambulanza, skond il-Wet Ambulanceveroer ([liġi dwar it-trasport bl-ambulanza), Staatsblad 1971, nru 369] tagħżel liberament minn fost dawk il-persuni u stabbilimenti msemmija fil-paragrafu 1.
3. [imħassar]
4. Fond tal-mard jista’, b’deroga għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi (1) u (2) hawn immniżżla, jawtorizza persuna assigurata tirrivolġi ruħha, sabiex din tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha, għal persuna oħra jew stabbiliment ieħor fl-Olanda, jekk il-kura medika teżiġi dan. Il-Ministru jista’ jiddetermina il-każijiet u ċ-ċirkostanzi li fihom persuna assigurata tista’, sabiex teżerċita d-dirtt tagħha għall-benefiċċji, tiġi awtorizzata tirrivolġi ruħha għal persuna jew stabbiliment li tinsab barra mill-Olanda.
[...]”
16 Il-Ministru uża l-poteri mogħtija lilu mis-sentenza finali ta’ l-Artikolu 9(4) taz-ZFW meta huwa adotta r-Regeling hulp in het buitenland ziekenfondsverzekering (Regolament dwar il-kura pprovduta barra mill-pajjiż taħt ir-regoli ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard), tat-30 ta’ Ġunju 1988, (Nederlandse Staascourant 1988, Nru 123, iktar ’il quddiem ir-“Rhbz”). L-Artikolu 1 tar-Rhbz jistipula li:
“Fond tal-mard jista’ jawtorizza lil persuna assigurata li tkun tixtieq teżerċita d-dritt tagħha għal benefiċċju, sabiex tirrivolġi ruħha għal persuna jew stabbiliment li tinsab jew jinsab barra mill-Olanda, f’dawk il-każijiet fejn il-fond tal-mard jiddetermina illi l-kura medika teżiġi dan.”
17 Fil-każ li persuna assigurata tingħata l-awtorizzazzjoni sabiex tirrivolġi ruħha għal entità li toffri s-servizzi li tkun stabbilita barra mill-Olanda, l-ispejjeż tal-kura huma kollha mħallsin mill-fond tal-mard li miegħu hija affiljata l-persuna assigurata.
18 Is-Centrale Raad van Beroep tispjega li, skond il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, it-talbiet sabiex tingħata awtorizzazzjoni sabiex tingħata kura medika barra mill-pajjiż u sabiex din titħallas skond iz-ZFW għandhom ikunu sottomessi lill-fond tal-mard tal-persuna assigurata, u dan għandu, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali bħal fil-każ ta’ emerġenzi, jagħti l-kunsens tiegħu qabel ma tingħata l-kura. Fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx possibbli li l-persuna tirċievi r-rimbors ta’ l-ispejjeż tal-kura.
19 Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 9(4) taz-ZFW u fl-Artikolu 1 ta’ r-Rhbz, li jistipulaw illi l-kura mogħtija lill-persuna assigurata barra mill-pajjiż għandha tkun medikament neċessarja, mill-proċess jirriżulta li l-fond tal-mard, fil-prattika, jieħu in kunsiderazzjoni l-metodi tal-kura disponibbli fl-Olanda u jivverifika jekk huwiex possibbli li kura xierqa tingħata hemmhekk mingħajr ebda dewmien.
Il-kawżi prinċipali
Il-każ Müller-Fauré
20 Waqt li kienet fuq btala fil-Ġermanja, V. G. Müller-Fauré kellha tissottometti ruħha għal kura dentali li kienet tinvolvi t-tqegħid ta’ sitt crowns u ta’ proteżi fissa fuq ix-xedaq ta’ fuq. Il-kura, li ma ngħatatx fi sptar, ingħatat bejn l-20 ta’ Ottubru u t-18 ta’ Novembru 1994.
21 Meta rritronat mill-btala, hija talbet lill-fond ta’ Zwijndrecht ir-rimbors ta’ l-ispejjeż tal-kura medika, li kienu jammontaw għal total ta’ DEM 7 444.59. B’itrra datata t-12 ta’ Mejju 1995, il-Fond irrifjuta din it-talba abbażi ta’ l-opinjoni tal-konsulent-dentist tiegħu.
22 V. G. Müller-Fauré talbet liż-Ziekenfonsraad, li huwa responsabbli għas-superviżjoni tat-tmexxija u ta’ l-amministrazzjoni tal-fondi tal-mard jagħti l-opinjoni tiegħu u, fis-16 ta’ Frar 1996, ikkonferma d-deċiżjoni tal-fond ta’ Zwijndrecht, għar-raġuni li l-persuni assigurati huma ntitolati biss għall-kura fiha nfisha u mhux għar-rimbors ta’ l-ispejjeż relatati, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali li f’dan il-każ ma kinux jeżistu.
23 V. G. Müller-Fauré għaldaqstant ippreżentat rikors quddiem l-Arrondissementsrechtbank te Rotterdam (l-Olanda). B’sentenza tal-21 ta’ Awissu 1997, din il-qorti kkonfermat id-deċizjoni ta’ l-imsemmi Fond wara li kkonstatat ukoll illi dan il-każ ma kien fih ebda ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu jiġġustifikaw ir-rimbors ta’ l-ispejjeż, speċjalment minħabba n-natura tal-kura mogħtija u l-fatt li din kienet estiża fuq perijodu ta’ diversi ġimgħat.
24 Is-Central Raad van Beroep issostni li, fi kwalunkwe każ, parti limitata tal-kura riċevuta minn V. G. Müller-Fauré biss hija koperta mill-Verstrekkingenbesluit u għaldaqstant eleġibbli għal rimbors. Barra min hekk, hija tikkonstata illi V. G. Müller-Fauré volontarajament fittxet il-kura mingħand dentist stabbilit fil-Ġermanja waqt li hija kienet fuq btala hemmhekk għaliex hija ma kellhiex fiduċja fid-dentisti Olandiżi. Ċirkustanzi bħal dawn ma jistgħux, skond il-ġurisprudenza ta’ l-imsemmija qorti, jiġġustifikaw, taħt id-dritt nazzjonali, ir-rimbors ta’ kura medika mogħtija barra mill-pajjiż mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-fond tal-persuna assigurata.
Il-każ Van Riet
25 E. E. M. Van Riet kienet ilha ssoffri minn uġigħ fil-polz tal-lemin tagħha mill-1985. Fil-5 ta’ April 1993, it-tabib li kien jikkuraha talab lill-konsulent mediku tal-fond ta’ Amsterdam jagħti l-awtorizzazzjoni lill-pazjenta tiegħu sabiex tagħmel artroskopija fl-isptar ta’ Deurne (il-Belġju), fejn din l-eżaminazzjoni setgħet issir ħafna iktar malajr milli fl-Olanda. Bl-ittri datati ta’ l-24 ta’ Ġunju u l-5 ta’ Lulju 1993, il-Fond ċaħad it-talba għar-raġuni li dik l-eżaminazzjoni setgħet issir f’dan l-Istat Membru.
26 Sadattant, E. E. M. Van Riet kienet diġà għamlet artroskopija fl-isptar ta’ Deurne f’Mejju ta’ l-1993 u, fuq din l-eżaminazzjoni ittieħdet id-deċiżjoni li ssir ulnar reduction sabiex jitnaqqas l-uġiħ tal-pazjenta. Il-preparazzjoni għall-intervent, l-intervent u l-kura ta’ wara l-intervent ingħataw kollha fil-Belġju, parti minnhom fl-isptar u parti barra mill-isptar. Il-fond ta’ Amsterdam irrifjuta li jirrimborsa l-ispejjeż tal-kura li kienu jammontaw għal BEF 93 782. Din id-deċizjoni ġiet ikkonfermata miż-Ziekenfondsraad għar-raġuni li ma kien hemm ebda emerġenza jew neċessità medika li tiġġustifika l-fatt li E. E. M. Van Riet tirċievi kura fil-Belġju, peress li kura xierqa kienet disponibbli fl-Olanda f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. L-Arrondissementsrechtbank kompetenti ċaħdet bħala infondat ir-rikors ippreżentat minn E. E. M. Van Riet għall-istess raġunijiet mogħtija mill-fond ta’ Amsterdam.
27 Is-Central Raad van beroep, quddiem liema r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet appell, tirrileva li, għalkemm m’huwiex ikkontestat li l-biċċa l-kbira tal-kura medika mogħtija lil E. E. M. Van Riet hija koperta mill-Verstrekkingenbesluit, il-kura ġiet ipprovduta fil-Belġju mingħajr ma ngħatat l-awtorizzazzjoni minn qabel u mingħajr ma ġie ppruvat li E. E. M. Van Riet, minħabba raġunijiet mediċi jew oħra, ma setgħetx raġonevolment tistenna sakemm il-fond ta’ Amsterdam jieħu deċiżjoni fuq it-talba tagħha. Barra minn hekk, skond din il-qorti, iż-żmien li E. E. M. Van Riet kien ikollha tistenna sabiex tagħmel l-artroskopija fl-Olanda ma kienx irranġonevoli. Mill-proċess jirriżulta li t-tul ta’ żmien li hija kellha tistenna kien ta’ madwar sitt xhur.
28 Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ 14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-familji tagħhom li jispustaw ruħhom fil-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolamet tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 ( ĠU 1997 L 28, p.1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”) ma kinux sodisfatti, minħabba l-fatt illi la l-istat tas-saħħa ta’ V. G. Müller-Fauré u lanqas dak ta’ E. E. M. Van Riet ma kien jirrikjedi kura immedjata fil-perijodu li matulu huma kienu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, lanqas ma ġie stabbilit li, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 22(1)(c) u mat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 22(2) ta’ dak ir-regolament, il-kura in kwistjoni ma setgħetx, fid-dawl ta’ l-istat tas-saħħa tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, tingħata fl-Olanda fiż-żmien “normali neċessarju”, fattur li kien jobbliga lill-fondi tal-mard jawtorizzaw il-kura f’Stat Membru ieħor.
29 L-imsemmija qorti madankollu għandha xi dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tad-deċiżjonijiet li rrifjutaw ir-rimbors mal-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat, fid-dawl tas-sentenza tat-28 ta’ April 1998, Kohll (C-158/96, Ġabra, p. I-1931). Hija tosserva illi d-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni fihom infushom ma jostakolawx lill-persuni assigurati milli jirrivolġu ruħhom għal entità li tipprovdi servizzi li tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor, iżda jeżiġu li l-fond tal-mard li miegħu dawn il-persuni assigurati jkunu affiljati, ikunu kkonkludew qabel ftehim ma’ dik l-entità, ħaġa li bħala regola ġenerali, m’huwiex il-każ. Fin-nuqqas ta’ tali ftehim, ir-rimbors ta’ l-ispejjeż sostnuti fi Stat Membru ieħor huwa suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel, li tingħata biss jekk “il-kura medika teżiġi dan”, sitwazzjoni li ġeneralment tqum biss meta l-entitajiet kontrattati li jipprovdu l-kura ma jistgħux joffru l-kura xierqa kollha. Għaldaqstant, dan l-obbligu li tingħata l-awtorizzazzjoni minn qabel jaħdem favur l-entitajiet kontrattati li jagħtu l-kura – li huma bażikament dejjem mill-Olanda – u għad-detriment ta’ l-entitajiet li jipprovdu l-kura stabbiliti fi Stati Membri oħra. Il-qorti tar-rinviju żżid illi l-poteri amministrattivi ta’ l-awtoritajiet Olandiżi ma jestendux għall-entitajiet li jipprovdu l-kura stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, u dan jista’ jostakola l-konkluzzjoni ta’ ftehim ma’ dawn l-entitajiet.
30 F’każ li jiġi aċċettat li l-awtorizzazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 9(4) taz-ZFW tostakola l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-Central Raad van Beroep tistaqsi jekk dan ir-rekwiżit huwiex ġustifikat.
31 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-karatteristiċi ta’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard ta’ l-Olanda. Essenzjalment, din l-iskema tiggarantixxi li jiġu pprovduti benefiċċji in natura, għall-kuntrarju ta’ l-iskemi magħrufa bħala “ta’ rimbors”. Skond il-konvenuti fil-kawżi prinċipali, il-bilanċ finanzjarju ta’ l-iskema jista’ jiġi mhedded li kieku kellu jkun possibbli għall-persuni assigurati li jingħataw rimbors ta’ l-ispejjeż tal-kura mogħtija fi Stat Membru ieħor mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel. Il-qorti nazzjonali tirreferi f’dan ir-rigward għall-miżuri nazzjonali meħuda sabiex jiġu kkontrollati l-ispejjeż tal-kura mogħtija fl-isptar, b’mod partikolari, ir-regoli stipulati fil-Wet ziekenhuisvoorzieningen fir-rigward ta’ l-ippjanar u d-distribuzzjoni tal-kura, u dawk taz-ZFW li jillimitaw ir-rimbors għall-kura pprovduta minn sptarijiet awtorizzati.
Id-domandi preliminari
32 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Centrale Raad van Beroep iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li t-tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat KE […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bħala regola, dispożizzjoni bħall-Artikolu 9(4) taż-Ziekenfondswe, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 1 tar-Regeling hulp in het buitenland ziekengondsverzekering, hija inkompatibbli magħhom, inkwantu hija tobbliga lill-persuna assigurata tikseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-fond tal-mard tagħha sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal benefiċċji, meta tirrivolġi ruħha għal persuna jew entità stabbiliti barra mill-Olanda li magħhom il-fond tal-mard ma jkunx ikkonkluda ftehim?
2) Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, l-għanijiet tas-sistema Olandiża tal-benefiċċji in natura imsemmija hawn fuq […] jikkostitwixxu raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika t-tfixkil tal-prinċipju fundamentali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi?
3) Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, hija rilevanti l-kwistjoni jekk il-kura tingħatax għal kollox jew in parti fi sptar?”
33 B’ittra datata t-12 ta’ Lulju 2001, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja talab lill-qorti tar-rinviju jekk hija xtaqitx tkompli tagħmel id-domanda preliminari tagħha fid-dawl tas-sentenza mogħtija dakinhar stess fil-kawża Smits u Peerbooms (C-157/99, Ġabra, p.I-5473).
34 B’ittra tal-25 ta’ Ottubru 2001, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet bi ħsiebha tkompli tagħmel id-domandi tagħha minħabba l-fatt illi s-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, ma tirrigwardax speċifikament il-karatteristiċi ta’ l-iskema Olandiża ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, li hija skema ta’ benefiċċji in natura bbażata fuq ftehim. Hija talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispjega l-portata tal-punt 103 ta’ l-imsemmija sentenza li jistipula illi:
“[...] il-kundizzjoni relattiva għan-neċessità tal-kura, prevista mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tkun iġġustifikata taħt l-Artikolu 59 tat-Trattat, sakemm din il-kundizzjoni tkun interpretata fis-sens li l-awtorizzazzjoni sabiex persuna tingħata kura fi Stat Membru ieħor tista’ tiġi rrifjutata biss jekk kura identika jew kura li tkun daqstant effettiva għall-pazjent tista’ tingħata fi żmien xieraq minn stabbiliment li miegħu il-fond tal-mard tal-persuna assigurata jkun ikkonkluda ftehim.”
35 B’mod aktar speċifiku il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja kif għandha tiġi interpretata l-frażi “fi żmien xieraq”, u, b’mod partikolari, jekk din il-kundizzjoni għandhiex tiġi evalwata fuq livell strettament mediku, irrispettivament mit-tul ta’ żmien ta’ stennija sabiex pazjent jibbenefika mill-kura mitluba.
36 B’ittra datata s-6 ta’ Marzu 2002, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja stieden lill-partijiet fil-kawżi prinċipali, lill-Istati Membri u lill-Kummisjoni sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom fuq il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, fid-dawl tad-domandi magħmula mis-Central Raad van Beroep.
Fuq l-ewwel domanda
37 Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tissuġġetta l-assunzjoni ta’ l-ispejjeż tal-kura mogħtija fi Stat Membru ieħor, minn persuna jew stabbiliment li magħhom il-fond tal-mard li miegħu hija affiljata l-persuna assigurata ma jkollux ftehim, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mill-imsemmi fond.
38 Bħala punt preliminari, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, l-attivitajiet mediċi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat, mingħajr ma għandha ssir distinzjoni f’dan ir-rigward bejn il-kura pprovduta fi ħdan sptar u l-kura pprovduta band’oħra (ara s-sentenza reċenti Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).
39 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil-punti 54 u 55 tas-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, illi l-fatt li l-leġiżlazzjoni applikabbli taqa’ taħt il-qasam tas-sigurtà soċjali u aktar speċifikament, tipprovdi, fir-rigward ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, għal benefiċċji in natura aktar milli rimbors, ma jfissirx illi l-kura medika in kwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mit-Trattat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat illi, fil-kawżi prinċipali, il-kura pprovduta fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-persuni kkonċernati huma assigurati tħallset direttament mill-pazjent lit-tabib li ta s-servizz jew lill-istabbiliment fejn ingħatat il-kura.
40 Minħabba l-fatt illi s-servizzi mediċi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens ta’ l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat, għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawżi prinċipali tintroduċix restrizzjonijiet fuq din il-libertà, in kwantu hija tissuġġetta l-assunzjoni ta’ l-ispejjeż tal-kura pprovduta fi Stat Membru differenti minn dak fejn huwa stabbilit il-fond tal-mard li miegħu hija affiljata l-persuna assigurata, minn persuna jew stabbiliment li ma kkonkudewx ftehim ma’ dak il-fond, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mogħtija minn dan ta’ l-aħħar.
41 F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fil-punt 62 tas-sentenza tagħha Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, li filwaqt li z-ZFW ma tipprivax lill-persuni assigurati mill-possibbiltà li jirrivolġu ruħhom għal fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor differenti minn dak fejn huwa stabbilit il-fond tal-mard li miegħu hija affiljata l-persuna assigurata, madanakollu kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, din il-leġiżlazzjoni tissuġġetta r-rimbors ta’ l-ispejjeż hekk sostnuti għal awtorizzazzjoni minn qabel, li tista’ tingħata biss jekk l-għoti tal-kura in kwistjoni, irrispettivament minn jekk tinvolvix sptar jew le, jikkorrispondi għal neċessità medika.
42 Peress illi r-rekwiżit imsemmi l-aħħar fil-prattika jiġi sodisfatt biss jekk kura adegwata ma tkunx tista’ tinkiseb fi żmien xieraq mingħand tabib jew sptar kontrattat fl-Istat Membru fejn il-persuna hija assigurata, dan ir-rekwiżit, minnu nnifsu, jista’ jillimita ħafna s-sitwazzjonijiet fejn tingħata awtorizzazzjoni bħal din (sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).
43 Ċertament, huwa possibbli għall-fondi tal-mard Olandiżi li jikkonkludu ftehim ma’ sptarijiet li jinsabu barra mill-Olanda. F’dan il-każ, ma jkun hemm bżonn ebda awtorizzazzjoni minn qabel sabiex l-ispejjeż tal-kura pprovduta minn dawn l-isptarijiet jiġu assunti taħt iz-ZFW. Madankollu, bl-eċċezzjoni ta’ sptarijiet li jinsabu f’reġjuni li jmissu ma’ l-Olanda, ma tantx huwa probabbli illi numru sinjifikattiv ta’ sptarijiet li jinsabu fl-Istati Membri l-oħra jikkonkludu ftehim ma’ dawk il-fondi tal-mard, peress li l-prospettivi tagħhom li jilqgħu pazjenti assigurati minn dawk il-fondi jibqgħu inċerti u limitati (sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punti 65 u 66).
44 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet illi leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali tiskoraġġixxi, jew saħansitra tipprevjeni, lill-persuni assigurati milli jirrivolġu ruħhom għal fornituri ta’ servizzi mediċi stabbiliti fi Stati Membri differenti minn dak fejn huma assigurati u tikkostitwixxi ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kemm għall-persuni assigurati, kif ukoll għall-fornituri tas-servizzi (sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).
45 Madankollu, qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq il-kwistjoni jekk l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi eżaminat jekk din il-leġiżlazzjoni tistax tiġi ġġustifikata oġġettivament, kwistjoni li hija s-suġġett tat-tieni domanda.
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
46 Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali li għandha effetti restrittivi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tistax tiġi ġġustifikata mill-karatteristiċi partikolari stess ta’ l-iskema nazzjonali ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard, li tipprovdi mhux għar-rimbors ta’ l-ispejjeż sostnuti, iżda essenzjalment għal benefiċċji in natura u hija bbażata fuq sistema ta’ ftehim intiża kemm sabiex tiggarantixxi l-kwalità tal-kura kif ukoll sabiex tikkontrolla l-ispejjeż tagħha. Hija tixtieq issir taf ukoll jekk il-fatt illi l-kura in kwistjoni tingħata kollha jew parzjalment fi sptar għandux xi effett f’dan ir-rigward.
L-argumentazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja
47 Skond il-Gvern Olandiż u l-fond ta’ Zwijndrecht, l-awtorizzazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 9(4) taz-ZFW hija parti integrali mill-iskema Olandiża ta’ assigurazzjoni kontra l-mard. Fil-fatt, il-kopertura tar-riskji tal-mard permezz ta’ benefiċċji in natura, kif ipprovdut minn din l-iskema, teħtieġ il-konklużjoni ta’ ftehim minn qabel, bejn il-fond u l-entitajiet li jipprovdu l-kura, li jirrigwardaw il-volum, il-kwalità, l-effettività u l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa, sabiex, l-ewwel nett, ikunu possibbli l-pjanifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-kontroll ta’ l-infiq u, it-tieni nett, sabiex jiġi żgurat illi jiġi pprovdut servizz mediku ta’ kwalità għolja, illi l-benefiċċji jkunu paragunabbli u li għaldaqstant il-persuni assigurati jkunu ttrattati bl-istess mod. Dawk li l-iktar jibbenefikaw minn tali sistema ta’ ftehim ikunu dawk imsemmija l-aħħar.
48 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuni assigurati jkunu obbligati jużaw biss lill-fornituri ta’ servizzi ta’ kura li magħhom ikun sar ftehim jew, jekk ikunu jixtiequ madankollu jiġu kkurati minn tabib jew stabbiliment li miegħu ma jkunx sar ftehim, li jkun stabbilit fl-Olanda jew barra mill-Olanda, huma jkollhom jiksbu minn qabel awtorizzazzjoni mingħand il-fond tal-mard li miegħu jkunu affiljati.
49 Il-Gvern Olandiż u l-fond ta’ Zwijndrecht iżidu li, li kieku ma tkun meħtieġa ebda awtorizzazzjoni minn qabel, min jipprovdi l-kura qatt ma jkollu interess illi jipparteċipa fis-sistema ta’ ftehim u li jsir suġġett għal klawżoli kuntrattwali li jirrigwardaw id-disponibbiltà, il-volum, il-kwalità, l-effettività u l-prezz tas-servizzi, bir-riżultat illi l-awtoritajiet li jamministraw l-iskema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard ma jkunux jistgħu jagħmlu pjanijiet relatati mal-bżonnijiet billi jaġġustaw l-infiq għall-bżonnijiet u ma jkunux jistgħu jassiguraw li servizz mediku ta’ livell għoli jkun aċċessibbli għal kulħadd. Għaldaqstant, is-sistema ta’ ftehim titlef ir-raison d’être tagħha bħala mezz ta’ amministrazzjoni tal-kura tas-saħħa, u dan jista’ jippreġudika l-poter sovran ta’ l-Istati Membri, rikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jorganizzaw is-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż jiġġustifika l-eżistenza ta’ listi ta’ stennija (waiting lists), minħabba r-riżorsi finanzjarji limitati disponibbli, fil-qasam tal-kopertura tal-kura tas-saħħa, u l-ħtieġa konsegwenti li l-interventi li għandhom isiru jkunu kkwantifikati u jkunu suġġetti għal prijoritajiet li għandhom ikunu osservati strettament.
50 Barra minn dan, il-fondi tal-mard Olandiżi ma jistgħux ikunu kostretti jikkonkludu ftehim ma’ numru ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kura akbar minn dak illi huwa neċessarju sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tan-nies li joqogħdu fl-Olanda. Il-Gvern Olandiż josserva illi huwa speċifikament sabiex jiġu sodisfatti dawn il-ħtiġijiet illi l-biċċa l-kbira tal-ftehim jiġu konklużi ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ kura stabbiliti fl-Olanda, persess illi ovvjament, id-domanda mill-assigurati tirriżulta l-iktar fit-territorju nazzjonali.
51 Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni b’liema mod għandu jiġi evalwat jekk “kura identika jew kura li tkun daqstant effettiva għall-pazjent tista’ tingħata fi żmien xieraq”, fi kliem il-punt 103 tas-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, il-fond ta’ Zwijndrecht isostni illi s-sempliċi fatt illi persuna tkun qiegħda fuq lista ta’ stennija, ma jistax ifisser illi dik il-kura m’hijiex disponibbli. Kieku kellha tadotta interpretazzjoni differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed testendi b’mod sinjifikattiv il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji, li huma kwistjoni ta’ kompetenza nazzjonali. Barra minn hekk, dan iġib miegħu inċertezza fuq l-isforzi kollha ta’ ppjanar u ta’ razzjonalizzazzjoni li saru fis-settur tal-kura tas-saħħa sabiex jiġu evitati s-sovrakapaċità, l-iżbilanċ fl-offerta, il-ħela u t-telf.
52 F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż isostni illi jidher ċar mill-punt 103 tas-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, illi l-perijodu ta’ żmien li fih hija neċessarja l-kura medika għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-kundizzjoni medika u l-istorja tal-pazjent. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk it-trattament huwiex disponibbli f’dak il-perijodu ta’ żmien, u dan jikkostitwixxi evalwazzjoni tal-fatti.
53 Il-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Ġermanja, ta’ Spanja, ta’ l-Irlanda, ta’ l-Italja, ta’ l-Iżvezja u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Gvernijiet ta’ l-Iżlanda u tan-Norveġja, ġeneralment jaqblu mal-kunsiderazzjonijiet preċedenti.
54 B’mod partikolari, il-Gvern Spanjol isostni li kwalunkwe distinzjoni bejn il-kura pprovduta minn tabib u dik ipprovduta fi sptar m’hijiex neċessarja meta l-iskema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard tipprovdi biss għal benefiċċji in natura. Huwa jżid li, jekk persuna assigurata tingħata kura jew tixtri prodott mediċinali fi Stat Membru differenti minn dak fejn hu stabbilit il-fond ta’ assigurazzjoni tagħha, id-dazji u t-taxxi mħallsa mill-fornituri ma jitħallsux fil-baġit ta’ l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni, u dan jista’ jaffettwa wieħed mis-sorsi ta’ finanzjament tas-sigurtà soċjali ta’ dak l-Istat.
55 Il-Gvern Irlandiż u dak tar-Renju Unit jirrilevaw illi jekk il-persuni assigurati kellhom ikunu intitolati li jmorru fi Stat Membru differenti minn dak fejn huma assigurati sabiex jirċievu kura hemmhekk, ikun hemm konsegwenzi dannużi għat-tfassil tal-prijoritajiet ta’ kura medika u għall-amministrazzjoni tal-listi ta’ stennija, li huma aspetti sinjifikattivi ta’ l-organizzazzjoni ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard. F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li r-riżorsi finanzjarji limitati allokati lin-National Health Service (servizz nazzjonali tas-saħħa, iktar ’il quddiem l-“NHS”) huma amministrati minn awtoritajiet tas-saħħa lokali li jistabbilixxu timetables ibbażati fuq valutazzjonijiet kliniċi u prijoritajiet stabbiliti fuq livell mediku għat-trattamenti differenti. Il-pazjenti m’għandhomx id-dritt jitolbu li l-kura tagħhom fi sptar tingħata fi żmien determinat. Minn dan jirriżulta illi jekk il-pazjenti jkunu jistgħu iqassru ż-żmien ta’ stennija tagħhom billi jiksbu, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, kura medika fi Stati Membri oħra għal liema l-fond kompetenti xorta waħda jkun obbligat li jħallas l-ispejjeż, il-bilanċ finanzjarju tas-sistema jkun mhedded u r-riżorsi disponibbli għall-kura li tkun aktar urġenti jkunu mnaqqsa serjament, u b’hekk tiġi kompromessa l-kapaċità tas-sistema li tipprovdi livell adegwat ta’ kura tas-saħħa.
56 Il-Gvern tar-Renju Unit iżid illi jekk is-servizzi ta’ l-isptarijiet kellhom ikunu liberalizzati, l-isptarijiet tiegħu la jkunu jistgħu jipprevedu t-telf fid-domanda li jirriżulta mill-fatt li pazjenti jibdew jirrikorru għal kura fi sptarijiet fi Stati Membri oħra u lanqas għaż-żieda fid-domanda dovuta għall-fatt li l-persuni assigurati f’dawk l-Istati Membri l-oħra jkunu jistgħu jirrikorru għal kura fi sptarijiet fir-Renju Unit. Dawn l-effetti tal-liberalizzazzjoni mhux neċessarjament jikkumpensaw lil xulxin u l-impatt fuq kull sptar fir-Renju Unit ikun differenti.
57 F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni b’liema kriterju għandu jiġi aċċertat jekk kura identika jew kura li tkun daqstant effettiva għall-pazjent tista’ tingħata fi żmien xieraq fl-Istat Membru fejn il-persuna hija assigurata, il-Gvern tar-Renju Unit, bħal dak ta’ l-Iżvezja, jirreferu għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 22(1)(c), li minnhom jirriżulta li l-awtorizzazzjoni meħtieġa sabiex il-persuna kkonċernata tmur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex tingħata kura hemmhekk ma tistax tiġi rrifjutata lilha jekk, meta jitqiesu l-istat attwali u l-iżvilupp probabbli tal-marda, ma tistax tingħatalha l-kura fiż-żmien normalment neċessarju fl-Istat Membru fejn hija tirrisjedi. Saret referenza wkoll għall-mod kif dawn id-dispożizzjonijiet ġew interpretati fil-punt 10 tas-sentenza tal-31 ta’ Mejju 1979, Pierik (182/78, Ġabra p.1977).
58 F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit jenfasizza li, fil-prattika, l-awtorizzazzjoni sabiex tingħata kura fi Stat Membru ieħor ġeneralment tingħata fir-Renju Unit meta ż-żmien għall-kura jeċċedi ż-żmien ta’ stennija massimu. Il-listi ta’ stennija nazzjonali jieħdu in kunsiderazzjoni l-bżonnijiet differenti tad-diversi kategoriji ta’ pazjenti u jippermettu l-aħjar allokazzjoni possibbli tar-riżorsi ta’ l-isptarijiet. Il-listi huma flessibbli sabiex jekk il-kundizzjoni tal-pazjent f’daqqa waħda tiddeterjora, huwa jkun jista’ jitla ’l fuq fil-lista ta’ stennija u jingħata kura iktar malajr. Il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti jkunu obbligati jawtorizzaw il-kura mogħtija barra mill-Istat Membru anki f’każijiet meta ma jkunx inqabeż iż-żmien normali ta’ stennija, u dan bl-ispejjeż tal-NHS ikollu konsegwenzi dannużi għall-amministrazzjoni u l-vijabbiltà tagħha.
59 F’kull każ, il-Gvern tar-Renju Unit jenfasizza l-karatteristiċi speċifiċi tal-NHS u jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi skond il-prinċipju li l-kura tas-saħħa pprovduta taħt tali skema nazzjonali ta’ assigurazzjoni kontra l-mard ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat u li l-NHS, li hija entità li ma toperax għal profitt, m’hijiex fornitur ta’ servizz fis-sens tat-Trattat.
60 Il-Gvern Daniż isostni illi jkun hemm riskju ta’ konsum eċċessiv ta’ servizzi mediċi jekk il-pazjenti kellu jkollhom aċċess liberu, b’xejn, għal kura medika mogħtija fi Stati Membri differenti minn dawk fejn huwa stabbilit il-fond tal-mard li miegħu jkunu affiljati, u jkun hemm ukoll riskju, fil-każ ta’ spostamenti numerużi barra mill-Istat Membru għal għanijiet mediċi, illi ma jkunx possibbli illi l-kompetenza tat-tobba stabbiliti fit-territorji nazzjonali tinżamm f’livell adegwat, f’dak li jirrigwarda mard rari u kumpless.
61 Il-Gvern Belġjan isostni illi n-natura speċifika ta’ l-iskema Olandiża, li ma tipprovdix għar-rifużjoni ta’ l-ispejjeż sostnuti iżda għal benefiċċji in natura, ma tikkostitwixxix per se, raġuni ta’ interess ġenerali li tippermetti li jiġi ġġustifikat ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Huwa jsostni li għandha ssir distinzjoni bejn servizzi li ma jingħatawx fi ħdan sptar u dawk li jingħataw fi sptar.
62 Fl-ewwel każ, ma jista’ jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, skond is-sentenza Kohll iċċitata iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, fit-tieni każ, raġunijiet serji, konnessi mal-protezzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali, kif ukoll maż-żamma ta’ servizz mediku u ta’ sptarijiet ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd, jiġġustifikaw il-ħtieġa li tintalab awtorizzazzjoni minn qabel meta s-servizzi jkunu se jiġu pprovduti fi sptar li jinsab fi Stat Membru differenti minn dak fejn hu stabbilit il-fond tal-mard tal-persuna assigurata. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ din l-awtorizzazzjoni minn qabel, l-Istati Membri li għandhom listi ta’ stennija għall-kura fl-isptarijiet jista’ jkollhom it-tendenza illi jibagħtu ċ-ċittadini tagħhom barra mill-pajjiż għall-kura minflok ma jinvestu fl-infrastruttura tagħhom stess, u b’hekk ifixklu l-isforzi li l-Istati Membri l-oħra jkunu qegħdin jippruvaw jagħmlu għall-pjanifikazzjoni fl-isptarijiet.
63 Il-Kummisjoni tiddistingwi bejn il-kura pprovduta fi klinika privata, li hija tqiegħed fuq l-istess livell ma’ kura ta’ out-patients fi ħdan sptar, u l-kura fl-isptar fiha nfisha. F’dak li jirrigwarda l-ewwel kategorija, għandha tintlaqa’ l-analiżi kontenuta fis-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Decker (C-102/95, Ġabra, p. I-1831) u Kohll, iċċitata iktar ’il fuq, billi jiġi kkunsidrat li l-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, minbarra fil-każ ta’ ċerti servizzi, b’mod partikolari, servizzi dentali li jqumu ħafna flus u li huma speċjalizzati. F’dak li jirrigwarda t-tieni kategorija ta’ kura pprovduta fi ħdan sptar, għandha ssir referenza għall-analiżi magħmula fis-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, billi jiġi aċċettat illi għalkemm il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel hija ġġustifikata mill-ħtiġijiet ta’ pjanifikazzjoni, rifjut ta’ l-awtorizzazzjoni mitluba għandu madankollu jkun suġġett għal-limiti stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza.
64 F’dak li jrrigwarda l-interpretazzjoni tal-kliem “fi żmien xieraq” imsemmi fil-punt 103 tas-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummisjoni ssostni illi kif jidher ċar mill-punt 104 ta’ dik is-sentenza, għandha tittieħed biss in kunsiderazzjoni l-kundizzjoni medika tal-pazjent.
65 Fl-aħħar nett il-Gvern Norveġiż isostni illi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefeċċji u l-perijodi ta’ żmien li fihom dawn jistgħu jingħataw huma kwistjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti biss mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Id-dritt Komunitarju ma jistax jikonferixxi fuq il-pazjenti d-dritt li jirċievu kura tas-saħħa fi Stat Membru differenti minn dak fejn huma assigurati, jekk m’humiex intitolati għal din il-kura fl-Istat Membru tagħhom stess. Lanqas ma jista’ jagħtihom id-dritt jirċievu kura fi żmien iqsar minn dak ipprovdut mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Jekk jagħmel dan, huwa jkun qiegħed jippreġudika l-poter ta’ l-Istat Membru li jorganizza s-sistema ta’ sigurtà soċjali tiegħu, u jkun qiegħed jeċċedi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
66 Mill-proċess jirriżulta li r-raġunijiet invokati sabiex jiġġustifikaw il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel sabiex il-persuna assigurata tkun tista’ tibbenefika mill-assigurazzjoni kontra l-mard għal servizzi pprovduti fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-persuna kkonċernata hija assigurata, kemm jekk fi sptar kif ukoll jekk le, huma marbutin, fl-ewwel lok, mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, in kwantu s-sistema ta’ ftehim hija intiża sabiex tiggarantixxi servizz mediku u fl-isptarijiet ta’ kwalità għolja, ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd, fit-tieni lok, mal-bilanċ finanzjarju tas-sigurtà soċjali in kwantu tali sistema tippermetti wkoll lill-awtoritajiet li jamministrawha jikkontrollaw l-infiq billi jaġġustawh skond il-ħtiġijiet proġettati, skond prijoritajiet stabbiliti minn qabel, u, fl-aħħar lok, mal-karatteristiċi essenzjali ta’ l-iskema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard fl-Olanda illi tipprovdi benefiċċji in natura.
Fuq ir-riskju illi l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tkun affettwata ħażin
67 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta illi l-għan li jinżamm servizz mediku u fl-isptarijiet li jkun ta’ kwalità għolja, ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd, jista’ jaqa’ taħt waħda mid-derogi previsti mill-Artikolu 56 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 46 KE), sa fejn jikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Kohll, punt 50 u Smits u Peerbooms, punt 73). Din id-dispożizzjoni tat-Trattat tippermetti, b’mod partikolari lill-Istati Memrbi li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi mediċi u fl-isptarijiet peress li żamma ta’ sistema ta’ kura jew ta’ kompetenza medika fit-territorju nazzjonali hija essenzjali għas-saħħa pubblika, u saħansitra anki għas-sopravivenza tal-popolazzjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Kohll, punt 51 u Smits u Peerbooms, punt 74).
68 Madankollu, skond ġurisprudenza stabbilita, meta ġustifikazzjoni tkun ibbażata fuq eċċezzjoni prevista mit-Trattat jew fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, għandu jiġi assigurat li l-miżuri meħuda f’dan ir-rigward ma jeċċedux dak li huwa oġġettivament neċessarju għal dak il-għan u li l-istess riżultat ma jistax jinkiseb permezz ta’ regoli li huma inqas restrittivi (ara f’dan ir-rigward, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummisjoni vs Il-Ġermanja, 205/84, Ġabra p. 3755, punti 27 u 29; tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-180/89, Ġabra p. I-709, punti 17 u 18, ta’ l-20 ta’ Mejju 1992, Ramrath, C-106/91, Ġabra p. I-3351, punti 30 u 31, kif ukoll Smits u Peerbooms iċċitata iktar ’il fuq, punt 75).
69 F’dan il-każ, l-argumenti mressqa sabiex jiġġustifikaw il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jippruvaw jistabbilixxu li, kieku kellu jkun possibbli għal kull pazjent li jirċievi kura fi Stat Membru differenti minn dak fejn huwa assigurat, mingħajr ma jkun kiseb awtorizzazzjoni minn qabel għal dan il-għan, l-Istat kompetenti ma jkunx jista’ jiggarantixxi iktar illi fit-territorju tiegħu ikun hemm servizz mediku u ta’ sptarijiet ta’ kwalità għolja, ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd, u b’hekk livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.
70 F’dak li jirrigwarda l-argument tal-Gvern Daniż illi l-kompetenza tat-tobba fiha nfisha, li jaħdmu fi kliniċi privati jew fi ħdan sptar, tkun ippreġudikata minħabba l-allegat numru kbir ta’ spostamenti lejn Stati Membri oħra għal raġunijiet mediċi, għandu jiġi kkonstatat illi ma tressqet ebda prova speċifika sabiex issostni dan l-argument.
71 L-għan li jinżamm servizz mediku u ta’ sptarijiet ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd, huwa marbut intrinżikament mal-mod kif tiġi ffinanzjata s-sistema ta’ sigurtà soċjali u mal-kontroll ta’ l-infiq, kwistjonijiet li huma ttrattati iktar ’il quddiem.
Fuq ir-riskju li jiġi ppreġudikat serjament il-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali
72 Għandu jiġi mfakkar qabel kollox illi, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għanijiet li huma ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jiġġustifikaw ostaklu għall-prinċipju fundamentali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SETTG, C-398/95, Ġabra p. I-3091, punt 23, u, Kohll iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).
73 Madankollu, sa fejn b’mod partikolari jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell ġenerali ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, anki riskju ta’ preġudizzju serju għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali jista’ fih innifsu jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li jkun kapaċi jiġġustifika ostaklu ta’ dan it-tip (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Kohll, punt 41, kif ukoll Smits u Peerbooms, punt 72).
74 Huwa evidenti illi l-ħlas ta’ l-ispejjeż ta’ każ wieħed ta’ kura, ipprovduta fi Stat Membru differenti minn dak fejn hu stabbilit il-fond tal-mard li miegħu hi affiljata persuna partikolari, qatt ma jista’ jkollu impatt sinjifikattiv fuq il-finanzjament tas-sistema ta’ sigurtà soċjali. Għalhekk, għandhu jiġi adottat approċċ ġenerali fir-rigward tal-konsegwenzi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi relatati mas-saħħa.
75 F’dan ir-rigward, jista’ jkun diffiċli li ssir distinzjoni bejn is-servizzi pprovduti fi ħdan sptar u dawk ipprovduti barra mill-isptar. B’mod partikolari, ċerti servizzi pprovduti fi ħdan sptar, iżda li jistgħu jiġu pprovduti wkoll minn tabib fil-klinika privata tiegħu jew f’ċentru tas-saħħa jistgħu b’dan il-mod jiġu assimilati ma’ servizzi li ma jingħatawx fi sptar. Madankollu, fil-kawżi prinċipali, il-fatt illi l-kura in kwistjoni ngħatat parzjalment fl-isptar u parzjalment barra mill-isptar ma qajjmet ebda diskussjoni bejn il-partijiet fil-kawżi prinċipali jew mill-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet skond l-Artikolu 20 ta’ l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Ġustizzja jew mill-Kummisjoni.
Fuq is-servizzi pprovduti fi sptar
76 F’dak li jirrigwarda s-servizzi pprovduti fi sptar, bħal dawk ipprovduti lil E. E. M. Van Riet fl-isptar ta’ Deurne, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 76 sa 80 tas-sentenza tagħha Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, għamlet il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.
77 Huwa magħruf illi n-numru ta’ sptarijiet, id-distribuzzjoni ġeografika tagħhom, il-mod li bih huma organizzati u l-faċilitajiet li bihom huma mgħammra, jew anki n-natura tas-servizzi mediċi li huma kapaċi joffru, huma kwistjonijiet li għandhom ikunu jistgħu jiġu ppjanati.
78 Kif jidher, b’mod partikolari, mis-sistema ta’ ftehim in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, dan it-tip ta’ ppjanar ġeneralment jirrispondi għal diversi preokkupazzjonijiet.
79 Minn naħa, huwa jipprova jilħaq l-għan li jiġi assigurat li fit-territorju ta’ l-Istat ikkonċernat ikun hemm aċċess suffiċjenti u permanenti għal firxa bbilanċjata ta’ kura fl-isptarijiet li tkun ta’ kwalità għolja.
80 Min-naħa l-oħra, huwa jikkontribwixxi sabiex tiġi sodisfatta x-xewqa li jkunu kkontrollati l-ispejjeż u li tiġi evitata, kemm jista’ jkun, kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani. Tali ħela tkun ta’ iktar ħsara minħabba l-fatt illi huwa ġeneralment rikonoxxut illi s-settur tal-kura fl-isptarijiet jiġġenera spejjeż kunsiderevoli u għandu jissodisfa ħtiġijiet li dejjem jiżdiedu, filwaqt illi r-riżorsi finanzjarji disponibblli għall-kura tas-saħħa m’humiex illimati, irrispettivament mill-metodu ta’ finanzjament użat.
81 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit li l-assunzjoni ta’ l-ispejjeż mis-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali, ta’ kura mogħtija fi sptar li jinsab fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-persuna hija assigurata, tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel, jidher li huwa miżura li hija kemm neċessarja kif ukoll raġonevoli.
82 F’dak li jirrigwarda speċifikament is-sistema stabbilita miz-ZFW, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet kjarament illi, li kieku l-persuni assigurati jkunu jistgħu liberament, irrispettivament miċ-ċirkustanzi, jirrikorru għal servizzi pprovduti minn sptarijiet li magħhom il-fond tal-mard tagħhom ma jkollu ebda ftehim, kemm jekk dawk l-isptarijiet ikunu stabbiliti fl-Olanda kif ukoll jekk fi Stat Membru ieħor, kull tentattiv ta’ ppjanar li jsir permezz tas-sistema ta’ ftehim, sabiex jiġi ggarantit li s-servizzi ta’ kura pprovduti fl-isptarijiet ikunu razzjonalizzati, stabbli, ibbilanċjati u aċċessibbli, ikun awtomatikament kompromess (sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).
83 Għaldaqstant, għalkemm id-dritt Komunitarju bħala regola ma jipprekludix sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal din il-kategorija ta’ servizzi, il-kundizzjonijiet imposti għall-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni madankollu għandhom ikunu ġġustifikati fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imperattivi msemmija iktar ’il fuq u għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità msemmi fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.
84 Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel ma tistax tilleġittimizza deċiżjonijiet diskrezzjonali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali li huma tali li jipprivaw lid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari dawk relattivi għal libertà fundamentali bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, mill-effettività tagħhom (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1995, Bordessa et, C-358/93 u C-416/93, Ġabra, p. I-361, punt 25; ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Sanz de Lera et, C-163/94, C-165/94 u C-250/94, Ġabra, p. I-4821, punti 23 sa 28, u ta’ l-20 ta’ Frar 2001 Analir et, C-205/99, Ġabra p. I-1271, punt 37).
85 Għaldaqstant, sabiex sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tkun iġġustifikata anki jekk din tidderoga minn tali libertà fundamentali, hija għandha tkun ibbażata fuq kirterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufin minn qabel, b’tali mod illi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali jkun limitat sabiex din ma tintużax b’mod arbitrarju (sentenza Analir et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). Tali sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għandha bl-istess mod tkun ibbażata fuq sistema proċedurali li tkun faċilment aċċessibbli u li tkun kapaċi tiggarantixxi lill-persuni kkonċernati li t-talba tagħhom tkun ittrattata b’mod oġġettiv u imparzjali fi żmien raġonevoli u l-eventwali rifjuti ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu jistgħu jiġu kkontestati fil-kuntest ta’ proċeduri legali (sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90).
86 Fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-kontestazzjonijiet ma jikkonċernawx il-kopertura fiha nfisha, mill-iskema Olandiża ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, tat-trattamenti mediċi u fl-isptar ipprovduti lil V. G. Müller Fauré u E. E. M. Van Riet. F’dawn il-kawżi, dak li huwa kkontestat huwa l-ħtieġa medika li l-kura in kwistjoni tingħata fil-Ġermanja u fil-Belġju rispettivament minflok fl-Olanda. F’dan ir-rigward, fil-punti 99 sa 107 tas-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fuq din il-kundizzjoni marbuta man-natura neċessarja tal-kura proposta u li għaliha hu suġġett l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni.
87 Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, jidher mill-kliem ta’ l-Artikolu 9(4) taz-ZFW u mill-Artikolu 1 tar-Rhbz li, bħala regola, din il-kundizzjoni tapplika indipendentement minn jekk it-talba għal awtorizzazzjoni hijiex relatata ma’ kura li hija pprovduta fi stabbiliment li jinsab fl-Olanda li miegħu il-fond tal-mard m’għandhux ftehim jew fi stabbiliment li jinsab fi Stat Membru ieħor.
88 F’dak li jirrigwarda l-kura mogħtija fi sptar li jinsab barra mill-Olanda, l-imsemmija qorti tindika illi l-kundizzjoni relattiva għan-neċessità tal-kura hija fil-prattika interpretata fis-sens li l-awtorizzazzjoni għal dik il-kura ma tingħatax sakemm ma jidhirx illi kura adegwata ma tistax tingħata fl-Olanda fi żmien xieraq. Il-Gvern Olandiż jispjega illi minn qari ta’ l-Artikolu 9(4) taz-ZFW flimkien ma’ l-Artikolu 1 tar-Rhbz, jirriżulta li l-awtorizzazzjoni għandha tkun irrifjutata biss meta l-kura meħtieġa mill-kundizzjoni tas-saħħa tal-pazjent hija disponibbli mill-fornituri tal-kura kontrattati.
89 Il-kundizzjoni relattiva għan-neċessità tal-kura, prevista mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, tista’ tkun iġġustifikata taħt l-Artikolu 59 tat-Trattat, sakemm din tiġi interpretata fis-sens li l-awtorizzazzjoni biex tingħata kura fi Stat Membru ieħor tista’ tiġi rrifjutata biss jekk kura identika jew kura li tkun daqstant effettiva għall-pazjent, tista’ tingħata fi żmien xieraq minn stabbiliment li miegħu l-fond tal-mard tal-pazjent għandu ftehim (sentenza Smits u Peerbooms, punt 103).
90 Sabiex jiġi evalwat jekk kura li tkun daqstant effettiva għall-pazjent tistax tinkiseb fi żmien xieraq fi stabbiliment li miegħu l-fond tal-mard tal-pazjent għandu ftehim, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ speċifiku billi jieħdu debitament in kunsiderazzjoni mhux biss il-kundizzjoni medika tal-pazjent fiż-żmien meta tkun intalbet l-awtorizzazzjoni, u, jekk ikun il-każ, il-grad ta’ uġigħ jew in-natura tad-diżabbiltà tal-pazjent li tista’, per eżempju tirrendi impossibbli jew estremament diffiċli għalih li jeżerċita l-professjoni tiegħu, iżda wkoll l-istorja medika tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104).
91 Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, fil-punti 105 u 106 tas-sentenza tagħha Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, illi:
– interpretata b’dan il-mod, il-kundizzjoni relattiva għan-neċessità tal-kura tista’ tippermetti li fit-territorju nazzjonali tinżamm kura ta’ livell għoli fl-isptarijiet li tkun suffiċjenti, ibbilanċjata u pprovduta b’mod permanenti, u li tiġi ggarantita l-istabbiltà finanzjarja ta’ l-iskema ta’ assigurazjoni kontra l-mard;
– jekk numru kbir ta’ persuni assigurati jiddeċiedu illi jirċievu kura fi Stati Membri oħra anke jekk l-isptarijiet li għandhom ftehim mal-fond tal-mard tagħhom joffru kura adegwata, identika jew ekwivalenti, tali fluss ta’ pazjenti jkun kapaċi jqiegħed f’riskju kemm il-prinċipju stess tas-sistema ta’ ftehim kif ukoll, konsegwentement, l-isforzi kollha ta’ ppjanar u ta’ razzjonalizzazzjoni magħmula f’dan is-settur importanti sabiex jiġu evitati l-fenomeni ta’ kapaċità eċċessiva ta’ l-isptarijiet, l-iżbilanċ fl-għoti tal-kura medika fl-isptarijiet u l-ħela loġistika u finanzjarja.
92 Madankollu, rifjut li tingħata awtorizzazzjoni minn qabel ibbażat mhux fuq il-biża’ ta’ ħela li tirriżulta mill-kapaċità eċċessiva ta’ l-isptarijiet, iżda biss fuq l-eżistenza ta’ listi ta’ stennija fit-territorju nazzjonali għal kura fl-isptarijiet in kwistjoni, mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kundizzjoni medika tal-pazjent, ma jistax jikkostitwixxi restrizzjoni ġġustifikata validament fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-fatt, mill-argumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li tali żmien ta’ stennija huwa neċessarji, barra mill-kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ekonomika li ma jistgħux, bħala tali, jiġġustifikaw restrizzjoni fuq il-prinċipju fundamentali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Għall-kuntrarju ta’ dan, żmien ta’ stennija li jkun twil wisq jew li ma jkunx normali jkun pjuttost tali li jirrestrinġi l-aċċess għal kura fl-isptarijiet li tkun ta’ kwalità għolja u bbilanċjata.
Fuq is-servizzi li mhumiex ipprovduti fi sptar
93 F’dak li jirrigwarda servizzi mediċi li mhumiex ipprovduti fi sptar, bħal dawk ipprovduti lil V. G. Müller Fauré, u, parzjalment lil E. E. M. Van Riet, ebda prova speċifika ma tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mill-fondi ta’ Zwijndrecht u ta’ Amsterdam jew mill-Gvern Olandiż, sabiex issosstni l-affermazzjoni li jekk persuni jkunu liberi li jmorru fi Stati Membri oħra differenti minn dawk fejn huwa stabbilit il-fond tal-mard tagħhom mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, sabiex jirċievu dawk is-servizzi mingħand fornitur li miegħu mhemmx ftehim, jista’ jiġi ppreġudikat serjament il-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurta soċjali Olandiża.
94 Huwa veru illi t-tneħħijja tal-kundizzjoni li għandu jkun hemm sistema ta’ ftehim fir-rigward ta’ dawk is-servizzi pprovduti barra mill-pajjiż taffettwa l-mod li bih jistgħu jiġu kkontrollati l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa fl-Istat Membru fejn il-persuna hija assigurata.
95 Madankollu, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li t-tneħħija tal-ħtieġa ta’ l-awtorizzazzjoni minn qbael għal dan it-tip ta’ kura toħloq kwantità tali ta’ spostamenti ta’ pazjenti lejn pajjiżi oħra, minkejja l-ostakli lingwistiċi, d-distanza ġeografika, l-ispejjeż ta’ l-alloġġ f’pajjiż barrani u n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar in-natura tal-kura mogħtija hemmhekk, li l-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà sociali Olandiża jintilef u li, minħabba f’hekk, il-livell ġenerali ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblica jiġi mhedded, ħaġa li tista’ validament tiġġustifika ostaklu għall-prinċipju fondamentali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
96 Madankollu, il-kura ġeneralment tingħata f’post li jinsab viċin il-post fejn jirrisjedi l-pazjent, f’ambjent kulturali li huwa familjari għalih u li jagħtih il-possibbiltà li jibni relazzjoni ta’ fiduċja mat-tabib li jkun qiegħed jikkurah. Minbarra f’każijiet ta’ emerġenza, l-aktar każijiet komuni ta’ pazjenti li jivvjaġġaw barra mill-pajjiż jiġru f’żoni li jinsabu mal-fruntiera jew għall-kura ta’ kundizzjoni speċifika. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa speċifikament f’dawk iż-żoni jew fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ kura illi l-fondi tal-mard Olandiżi normalment jidħlu fi ftehim ma’ tobba barranin.
97 Dawn id-diversi ċirkustanzi x’aktarx jillimitaw l-impatt finanzjarju eventwali fuq is-sistema ta’ sigurtà soċjali Olandiża kkawżat mit-tneħħija tal-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel f’dak li jirrigwarda l-kura pprovduta fi kliniċi ta’ tobba barranin.
98 F’kull każ, għandu jiġi mfakkar illi l-Istati Membri biss jistgħu jiddeterminaw il-portata tal-kopertura tal-mard disponibbli għall-persuni assigurati, b’mod li, meta l-persuni assigurati jmorru fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-fond tal-mard tagħhom huwa stabbilit mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, sabiex jirċievu l-kura hemmhekk, huma jistgħu jitolbu l-assunzjoni ta’ l-ispejjeż tal-kura mogħtija lilhom biss fil-limiti tal-kopertura ggarantita lilhom mill-iskema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard fl-Istat Membru fejn huma assigurati.
Fuq l-argument ibbażat fuq il-karatteristiċi essenzjali ta’ l-iskema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard Olandiża
99 Il-fond ta’ Zwijndrecht u l-Gvernijiet ta’ l-Olanda, ta’ Spanja u tan-Norveġja enfasizzaw il-fatt illi l-Istati Membri huma ħielsa li jistabbilixxu s-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-għażla tagħhom. F’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, il-persuni assigurati jkunu jistgħu liberament jirrivolġu ruħhom għal entitajiet li jipprovdu l-kura li magħhom ma jeżistix ftehim, bir-riżultat li l-eżistenza tas-sistema ta’ benefiċċji in natura ta’ l-Olanda, li l-operat tagħha jiddipendi mis-sistema ta’ ftehim, tiġi mhedda. Barra minn hekk, l-awtoritajiet ta’ l-Olanda jkunu obbligati jintroduċu mekkaniżmi ta’ rimbors fil-metodi tagħhom ta’ organizzazzjoni ta’ aċċess għall-kura tas-saħħa, peress illi minflok ma tirċievi kura bla ħlas fit-territorju nazzjonali, il-persuna assigurata jkollha tavvanza l-ammonti meħtieġa għall-ħlas tas-servizzi li tkun irċevet u mbagħad tistenna għal xi zmien qabel ma tikseb il-ħlas lura. Għaldaqstant, l-Istati Membri jkunu obbligati jirrinunċjaw għall-prinċipji u l-istruttura ta’ l-iskema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard tagħhom.
100 F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt Komunitarju ma jnaqqasx mill-poter li l-Istati Membri għandhom li jorganizzaw is-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1984, Duphar et, 238/82, Ġabra p.523, punt 16, u tas-17 ta’ Ġunju 1997, Sodemare et, C-70/05, Ġabra p. I-3395, punt 27). Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell Komunitarju, kull Stat Membru għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji fil-qasam tas-sigurtà soċjali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-24 ta’ April 1980, Coonan, 110/79, Ġabra p. 1445, punt 12; ta’ l-4 ta’ Ottubru 1991, Paraschi, C-349/87, Ġabra p. I-4501, punt 15, u tat-30 ta’ Jannar 1997, Stöber u Piosa Pereira, C-4/95 u C-5/95, Ġabra p. I-511, punt 36). Madankollu, xorta waħda jibqa’ l-fatt illi l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt Komunitarju meta jeżerċitaw dan il-poter (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Decker, punt 23 u Kohll, punt 19).
101 F’dan ir-rigward, għandhom isiru żewġ osservazzjonijiet preliminari.
102 Minn naħa waħda, sabiex jinkisbu l-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat bla dubju ta’ xejn jeħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu xi ftit tibdiliet fis-sistemi ta’ sigurtà soċjali nazzjonali tagħhom. Dan ma jfissirx illi għandu jiġi kompromess il-poter sovran tagħhom f’dan il-qasam. F’dan ir-rigward, biżżejjed issir referenza għat-tibdiliet illi huma kellhom jagħmlu fil-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom sabiex jikkonformaw ruħhom mar-Regolament Nru 1408/71, b’mod partikolari mal-kundizzjonijiet stipulatai fl-Artikolu 69 ta’ dan l-istess regolament fir-rigward tal-ħlas tal-benefiċċji li jingħataw lill-persuni li ma jaħdmux li jirrisjedu fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, meta ebda sistema nazzjonali ma kienet tipprovdi għall-għoti ta’ tali benefiċċji għal dawn il-persuni li ma jaħdmux irreġistrati ma’ aġenzija ta’ impjieg ta’ Stat Membru ieħor.
103 Min-naħa l-oħra, kif diġà jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, servizz mediku ma jitlifx il-kwalità tiegħu ta’ provvista ta’ servizzi minħabba l-fatt li jkun imħallas minn servizz tas-saħħa nazzjonali jew minn skema li tipprovdi benefiċċji in natura. Il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet, b’mod partikolari f’dan ir-rigward illi, servizz mediku pprovdut fi Stat Membru u mħallas mill-pazjent ma jistax jieqaf milli jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mit-Trattat, sempliċiment minħabba l-fatt illi r-rimbors ta’ l-ispejjeż tal-kura in kwistjoni jintalab taħt leġiżlazzjoni fuq l-assigurazzjoni kontra l-mard ta’ Stat Membru ieħor li tipprovdi essenzjalment għal benefiċċji in natura (sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55). Hija preċiżament il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel sabiex persuna tkun tista’ sussegwentement tikseb rimbors ta’ l-ispejjeż tal-kura li tikkostitwixxi, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jiġifieri għall-possibbiltà għall-pazjent li jirrikorri għall-fornitur ta’ servizz mediku tal-għażla tiegħu fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih huwa assigurat. Għaldaqstant, mill-perspettiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, m’hemmx bżonn li ssir distinzjoni skond jekk il-pazjent iħallasx huwa stess l-ispejjeż li huwa jkun sostna, u sussegwentement jitlob ir-rimbors tagħhom, jew jekk il-fond tal-mard jew il-baġit nazzjonali jħallasx lill-fornitur tas-servizz direttament hu.
104 Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet illi għandu jiġi eżaminat jekk it-tneħħija tal-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mogħtija mill-fondi tal-mard sabiex tkun tista’ tingħata kura mhux ipprovduta fi sptar, mogħtija fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-persuna hija assigurata, hijiex tali li tqajjem dubji dwar il-karatteristiċi essenzjali tas-sistema ta’ aċċess għall-kura tas-saħħa fl-Olanda.
105 L-ewwel nett, fil-kuntest stess ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, dawk l-Istati Membri li stabbilixxew sistema ta’ benefiċċji in natura, jew servizz nazzjonali tas-saħħa, għandhom jipprovdu mekkaniżmi għar-rimbors a posteriori għall-kura pprovduta fi Stat Membru differenti minn dak kompetenti. Dan per eżempju huwa l-każ fejn ma jkunx possibbli li jiġu kkompletati l-formalitajiet kollha matul is-soġġorn tal-persuna kkonċernata f’dan l-aħħar Stat [ara l-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill KEE Nru 547/72 tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71], jew fejn l-Istat kompetenti jkun awtorizza, skond l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71, l-aċċess għal kura barra mill-pajjiż.
106 It-tieni nett, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 98 ta’ din is-sentenza, il-persuni assigurati li jmorru mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel fi Stat Membru differenti minn dak fejn huwa stabbilit il-fond tal-mard tagħhom sabiex jirċievu kura hemmhekk, jistgħu jitolbu l-assunzjoni ta’ l-ispejjeż tal-kura mogħtija lilhom biss fil-limiti tal-kopertura ggarantita lilhom mill-iskema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard fl-Istat Membru fejn huma assigurati. Għaldaqstant, f’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li, fir-rigward tal-EUR 3 806.35 imħallsa minn V. G. Müller-Fauré lil fornitur ta’ servizz stabbilit fil-Ġermanja, il-fond ta’ Zwijndrecht ikollu, fi kwalunkwe każ, minħabba l-portata tal-kopertura ta’ assigurazzjoni ggarantita mill-fond, jikkontribwixxi biss sa ammont massimu ta’ EUR 221.03. Bl-istess mod, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji, in kwantu la huma diskriminatorji u lanqas ma jikkostitwixxu ostaklu għall-moviment liberu tal-persuni, jibqgħu applikabbli fejn il-kura tiġi pprovduta fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-persuna hija assigurata. Dan japplika b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li jiġi kkonsultat tabib ġeneralista qabel ma jiġi kkonsultat speċjalista.
107 It-tielet nett, xejn ma jwaqqaf lill-Istat Membru kompetenti li għandu sistema ta’ benefiċċji in natura, milli jiddetermina l-ammonti ta’ rimbors li pazjenti li jkunu ngħataw kura fi Stat Membru ieħor jistgħu jitolbu, sakemm dawk l-ammonti jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u trasparenti.
108 Bħala konsegwenza ta’ dan, fid-dawl tal-provi u l-argumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li t-tneħħija tal-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mill-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard lill-persuni assigurati magħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jirċievu kura, b’mod partikolari mhux fi sptar, ipprovduta fi Stat Membru differenti minn dak fejn huma assigurati, hija tali li tippreġudika l-karatteristiċi essenzjali ta’ l-iskema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard Olandiża.
109 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun illi:
– l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li, minn naħa, tissuġġetta l-assunzjoni ta’ l-ispejjeż tal-kura mogħtija fi sptar fi Stat Membru differenti minn dak li fih hu stabbilit il-fond tal-mard li miegħu hija affiljata l-persuna assigurata, minn fornitur ta’ servizz li miegħu l-imsemmi fond ma jkollux ftehim, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mogħtija mill-imsemmi fond u, min-naħa l-oħra, tissuġġetta l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni għall-kundizzjoni li l-kura medika hija neċessarja għas-saħħa tal-persuna assigurata. Madankollu, l-awtorizzazzjoni ma tistax tiġi rrifjutata, għal din ir-raġuni, ħlief jekk kura identika jew kura li tkun daqstant effettiva għall-pazjent tista’ tingħata fi żmien xieraq fi stabbiliment li miegħu l-imsemmi fond tal-mard ikun ikkonkluda ftehim;
– min-naħa l-oħra, l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat jipprekludu din l-istess leġiżlazzjoni meta hija tissuġġetta l-assunzjoni ta’ l-ispejjeż tal-kura li ma tingħatax fi sptar fi Stat Membru ieħor, minn persuna jew stabbiliment li magħhom il-fond tal-mard tal-persuna assigurata ma jkunx ikkonkluda ftehim, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mogħtija mill-fond, anki meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni tistabbilixxi sistema ta’ benefiċċji in natura li taħtha l-persuni assigurati mhumiex intitolati għar-rimbors ta’ l-ispejjeż sostnuti għall-kura medika, iżda għall-kura fiha nifisha, li tingħata b’xejn.
Fuq l-ispejjeż
110 L-ispejjeż sostnuti mill-Gvernijiet ta’ l-Olanda, tal-Belġju, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, ta’ Spanja, ta’ l-Irlanda, tal-Finlandja ta’ l-Iżvezja, tar-Renju Unit, tal-Islanda u tan-Norveġja, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma qudddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
b’risposta għad-domandi magħmula lilha mis-Centrale Raad van Beroep, permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Ottubru 1999, taqta’ u tiddeċiedi:
– l-Artikoli 59 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 49 KE) u 60 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 50 KE) għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li, minn naħa, tissuġġetta l-assunzjoni ta’ l-ispejjeż tal-kura mogħtija fi sptar fi Stat Membru differenti minn dak li fih hu stabbilit il-fond tal-mard li miegħu hija affiljata l-persuna assigurata, minn fornitur ta’ servizz li miegħu l-imsemmi fond ma jkollux ftehim, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mogħtija mill-imsemmi fond u, min-naħa l-oħra, tissuġġetta l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni għall-kundizzjoni li l-kura medika hija neċessarja għas-saħħa tal-persuna assigurata. Madankollu, l-awtorizzazzjoni ma tistax tiġi rrifjutata, għal din ir-raġuni, ħlief jekk kura identika jew kura li tkun daqstant effettiva għall-pazjent tista’ tingħata fi żmien xieraq fi stabbiliment li miegħu l-imsemmi fond tal-mard ikun ikkonkluda ftehim;
– min-naħa l-oħra, l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat jipprekludu din l-istess leġiżlazzjoni meta hija tissuġġetta l-assunzjoni ta’ l-ispejjeż tal-kura li ma tingħatax fi sptar fi Stat Membru ieħor, minn persuna jew stabbiliment li magħhom il-fond tal-mard tal-persuna assigurata ma jkunx ikkonkluda ftehim, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mogħtija mill-fond, anki meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni tistabbilixxi sistema ta’ benefiċċji in natura li taħtha l-persuni assigurati mhumiex intitolati għar-rimbors ta’ l-ispejjeż sostnuti għall-kura medika, iżda għall-kura fiha nifisha, li tingħata b’xejn.
|
Rodríguez Iglesias |
Wathelet |
Schintgen |
|
Timmermans |
Edward |
La Pergola |
|
Jann |
Macken |
Colneric |
|
von Bahr |
Cunha Rodrigues |
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Mejju 2003.
|
R. Grass |
G. C. Rodríguez Iglesias |
|
Reġistratur |
President |
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż