SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Ġunju 2008 ( *1 )

“Rikors għad-danni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Ħalib — Imposta addizzjonali — Kwantità ta’ referenza — Produttur li kien daħal għal impenn ta’ non-kummerċjalizzazzjoni — Rekwiżit ta’ produzzjoni fl-impriża agrikola SLOM inizjali — Artikolu 3a tar-Regolament (KEE) Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1033/89 — Formulazzjoni allegatament ambigwa tad-dispożizzjoni applikabbli — Prinċipju ta’ ċertezza legali”

Fil-Kawża T-94/98,

Alfonsius Alferink, residenti f’Heeten (l-Olanda), u s-67 rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness, inizjalment irrappreżentati minn H. Bronkhorst u E. Pijnacker Hordijk, imbagħad minn H. Bronkhorst, E. Pijnacker Hordijk u J. Sluysmans, u fl-aħħar nett minn E. Pijnacker Hordijk, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. van Rijn, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-kumpens, b’applikazzjoni tal-Artikolu 178 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 235 KE) u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 215 tat-Trattat KE (li sar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE), tad-danni allegatament imġarrba mir-rikorrenti minħabba li l-Kummissjoni, meta adottat ir-Regolament (KEE) Nru 1033/89, tal-20 ta’ April 1989, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1546/88 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 (ĠU L 110, p. 27), li ma jipprevedix b’mod ċar u preċiż li l-produzzjoni tal-ħalib kellha terġa’ tibda mill-impriża agrikola SLOM inizjali, kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. E. Martins Ribeiro (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Settembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1078/77, tas-17 ta’ Mejju 1977, li jistabbilixxi sistema ta’ premiums għan-non-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u għall-konverżjoni ta’ merħliet ta’ baqar li jipproduċu l-ħalib (ĠU L 131, p. 1), kien jipprovdi għall-ħlas ta’ premium ta’ non-kummerċjalizzazzjoni jew ta’ premium ta’ konverżjoni lill-produtturi li jobbligaw ruħhom li ma jikkummerċjalizzawx il-ħalib jew prodotti tal-ħalib għal perijodu ta’ non-kummerċjalizzazzjoni ta’ ħames snin jew li ma jikkummerċjalizzawx il-ħalib jew prodotti tal-ħalib u li jikkonvertu l-merħliet tagħhom li jipproduċu l-ħalib f’merħliet intiżi sabiex jipproduċu l-laħam għal perijodu ta’ konverżjoni ta’ erba’ snin.

2

Il-produtturi tal-ħalib li kienu daħlu għal impenn skont ir-Regolament Nru 1078/77 huma komunement imsejħa l-“produtturi SLOM”, akronimu li ġej mill-espressjoni Olandiża “slachten en omschakelen” (oqtol u kkonverti) li tiddeskrivi l-obbligi tagħhom fil-kuntest tas-sistema ta’ non-kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni.

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 856/84, tal-31 ta’ Marzu 1984, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 804/68 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 90, p. 10), u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) 857/84, tal-31 ta’ Marzu 1984, li jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni tal-imposta prevista fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 90, p. 13), introduċew, mill-1 ta’ April 1984, imposta addizzjonali fuq il-kwantitajiet ta’ ħalib kunsinnati li kienu jaqbżu kwantità ta’ referenza li kellha tiġi ddeterminata, għal kull xerrej, fil-limitu ta’ kwantità globali ggarantita lil kull Stat Membru. Il-kwantità ta’ referenza eżenti mill-imposta addizzjonali kienet ugwali għall-kwantità tal-ħalib jew ta’ ekwivalenti tal-ħalib ikkunsinnata minn produttur jew mixtrija minn maħleb, kif deċiż mill-Istat, matul is-sena ta’ referenza li, fil-każ tar-Renju tal-Olanda, kienet is-sena 1983.

4

Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68, tas-27 ta’ Ġunju 1968, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 148, p. 13), ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1371/84, tas-16 ta’ Mejju 1984 (ĠU L 132, p. 11). Dan l-aħħar regolament kien ġie abrogat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1546/88, tat-3 ta’ Ġunju 1988, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-imposta addizzjonali prevista fl-Artikolu 5c tar-Regolament Nru 804/68 (ĠU L 139, p. 12), li bħala għan għandu, b’mod partikolari, li jagħmel tibdil fil-leġiżlazzjoni applikabbli fis-suġġett (l-ewwel premessa tal-imsemmi regolament).

5

Il-produtturi li ma kkunsinnawx ħalib matul is-sena ta’ referenza adottata mill-Istat Membru kkonċernat, in eżekuzzjoni ta’ impenn assunt skont ir-Regolament Nru 1078/77, kienu esklużi mill-allokazzjoni ta’ kwantità ta’ referenza.

6

Permezz tas-sentenzi tat-28 ta’ April 1988, Mulder (120/86, Ġabra p. 2321, iktar ’il quddiem is-“sentenza Mulder I”) u von Deetzen (170/86, Ġabra p. 2355, iktar ’il quddiem is-“sentenza von Deetzen I”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat invalidu r-Regolament Nru 857/84, kif ikkompletat mir-Regolament Nru 1371/84, sa fejn ma kienx jipprovdi għall-allokazzjoni ta’ kwantità ta’ referenza lill-produtturi li, b’eżekuzzjoni ta’ impenn assunt skont ir-Regolament Nru 1078/77, ma kkonsinnawx ħalib matul is-sena ta’ referenza adottata mill-Istat Membru kkonċernat.

7

Wara s-sentenzi Mulder I u von Deetzen I, iċċitati fil-punt 6 iktar ’il fuq, il-Kunsill adotta, fl-20 ta’ Marzu 1989, ir-Regolament (KEE) Nru 764/89, li jemenda r-Regolament Nru 857/84 (ĠU L 84, p. 2), li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 1989, sabiex jippermetti l-għoti lill-kategorija ta’ produtturi msemmija f’dawn is-sentenzi ta’ kwantità ta’ referenza speċifika li tirrappreżenta 60 % tal-produzzjoni tagħhom matul it-tnax-il xahar li ppreċedew l-impenn tagħhom ta’ non-kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni assunt skont ir-Regolament Nru 1078/77.

8

L-Artikolu 3a(1)(a) sa (d) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, jipprevedi:

“Il-produttur imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12 [(c)]:

[…]

jirċievi provviżorjament, fuq applikazzjoni min-naħa tiegħu, ifformulata f’terminu ta’ tliet xhur li jibdew jgħoddu mid-29 ta’ Marzu 1989, kwantità ta’ referenza speċifika, bil-kundizzjoni li:

a)

ma jkunx waqqaf l-attività tiegħu fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) u (4) tar-Regolament […] Nru 1078/77 jew ma jkunx ċeda għal kollox l-impriża agrikola tal-ħalib tiegħu qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ non-kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni;

b)

jistabbilixxi in sostenn tal-applikazzjoni tiegħu, għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, li huwa jinsab f’pożizzjoni li jipproduċi fl-impriża agrikola tiegħu sal-kwantità ta’ referenza mitluba;

c)

jobbliga ruħu li jbigħ il-ħalib jew prodotti oħra direttament lill-konsumatur u/jew li jikkunsinna l-ħalib lil xerrej;

d)

jobbliga ruħu, f’dak li jikkonċerna l-kwantità ta’ referenza speċifika, li ma jitlobx li jibbenefika minn xi programm ta’ abbandun ta’ kwantitajiet ta’ referenza sa tmiem is-sistema ta’ imposta addizzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

L-Artikolu 3a(3) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, jipprovdi li:

“Jekk fi żmien sentejn mid-29 ta’ Marzu 1989, il-produttur jista’ jipprova, għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, li huwa effettivament reġa’ beda l-bejgħ dirett u/jew il-kunsinni u li dan il-bejgħ dirett u/jew dawn il-kunsinni laħqu matul l-aħħar tnax-il xahar livell ugwali jew superjuri għal 80 % tal-kwantità ta’ referenza provviżorja, il-kwantità ta’ referenza speċifika għandha tiġi definittivament mogħtija lilu. Fil-każ kuntrarju, il-kwantità ta’ referenza provviżorja għandha tirritorna kollha kemm hi fir-riżerva Komunitarja […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

L-Artikolu 12(c) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, jipprevedi li, “għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3a, huwa kkunsidrat bħala produttur l-imprenditur agrikolu, persuna fiżika jew ġuridika jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li l-impriża agrikola tagħhom tinsab fit-territorju ġeografiku tal-Komunità”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

L-Artikolu 12(d) tar-Regolament Nru 857/84 jippreċiża:

“Skont dan ir-regolament:

d)

‘impriża agrikola’ tfisser l-unitajiet ta’ produzzjoni kollha mmexxija mill-produttur u li qegħdin fit-territorju ġeografiku tal-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12

L-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1033/89, tal-20 ta’ April 1989 (ĠU L 110, p. 27), huwa fformulat kif ġej:

“L-applikazzjoni [għal kwantità ta’ referenza speċifika] prevista fl-Artikolu 3a(1) tar-Regolament […] Nru 857/84 tiġi ppreżentata mill-produttur ikkonċernat lill-awtorità kompetenti nnominata mill-Istat Membru, skont il-proċeduri stabbiliti minnha, u bil-kundizzjoni li l-produttur ikun jista’ jipprova li għadu jopera, kollha kemm hi jew in parti, l-istess impriża agrikola li kien jopera fil-mument tal-approvazzjoni, prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1391/78, tal-applikazzjoni tiegħu għall-għoti ta’ premium.

L-awtorità kompetenti għandha tiddikjara li rċeviet l-applikazzjoni, tagħmel verfika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 iċċitat iktar ’il fuq u tirreġistra l-impenji bil-miktub tal-produttur.

Il-provi li jistgħu jistabbilixxu l-kapaċità tal-produttur li jipproduċi sal-kwantità ta’ referenza mitluba jistgħu jkunu b’mod partikolari:

il-bejgħ dirett u/jew il-kunsinni tal-ħalib li diġà saru wara tmiem il-perijodu ta’ non-kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni,

il-merħla tal-ħalib, fis-sens tal-Artikolu 1(1)[(b)] tar-Regolament […] Nru 1391/78, miżmuma fl-impriża agrikola,

l-uċuħ li jkunu dejjem bil-ħaxix u/jew is-superfiċji tal-uċuħ bl-għalf tal-impriża agrikola kif jirriżultaw minn pjan attwat ta’ rotazzjoni jew ta’ żrigħ,

l-investimenti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament […] Nru 857/84.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13

Il-produtturi li kienu daħlu għal impenji ta’ non-kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni u li, skont ir-Regolament Nru 764/89, irċevew kwantità ta’ referenza msejħa “speċifika” jissejħu l-“produtturi SLOM I”.

14

Permezz tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1990, Spagl (C-189/89, Ġabra p. I-4539), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat invalidu l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, sa fejn dan kien jeskludi mill-allokazzjoni ta’ kwantità ta’ referenza speċifika skont din id-dispożizzjoni l-produtturi li l-perijodu ta’ non-kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni tagħhom, in eżekuzzjoni ta’ impenn assunt skont ir-Regolament Nru 1078/77, kien skada qabel il-31 ta’ Diċembru 1983 jew, skont il-każ, qabel it-30 ta’ Settembru 1983.

15

Wara s-sentenza Spagl, iċċitata fil-punt 14 iktar ’il fuq, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 1639/91, tat-13 ta’ Ġunju 1991, li jemenda r-Regolament Nru 857/84 (ĠU L 150, p. 35), li, billi neħħa l-kundizzjonijiet iddikjarati invalidi mill-Qorti tal-Ġustizzja, ippermetta l-allokazzjoni ta’ kwantità ta’ referenza speċifika lill-produtturi kkonċernati. Dawn huma komunement imsejħa l-“produtturi SLOM II”.

16

Permezz ta’ sentenza interlokutorja tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-104/89 u C-37/90, Ġabra p. I-3061, iktar ’il quddiem is-“sentenza Mulder II”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat il-Komunità Ekonomika Ewropea responsabbli għad-danni mġarrba minn ċerti produtturi tal-ħalib li kienu daħlu għal impenji skont ir-Regolament Nru 1078/77 u li sussegwentement ma kinux tħallew jikkummerċjalizzaw il-ħalib minħabba l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 857/84. Fir-rigward tal-ammonti li kellhom jitħallsu, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet sabiex jistabbilixxuhom permezz ta’ ftehim.

17

Permezz tas-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-104/89 u C-37/90, Ġabra p. I-203), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq l-ammont tal-kumpens mitlub mir-rikorrenti fil-kawżi msemmija fis-sentenza Mulder II, iċċitata fil-punt 16 iktar ’il fuq.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

18

Ir-rikorrenti, Alfonsius Alferink u 67 prodotturi oħra tal-ħalib fl-Olanda, kienu daħlu, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1078/77, għal impenn ta’ non-kummerċjalizzazzjoni.

19

Skont il-leġiżlazzjoni rilevanti, ir-rikorrenti ppreżentaw lill-awtoritajiet Olandiżi applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ kwantità ta’ referenza speċifika li tippermettilhom jipproduċu ċerti kwantitajiet ta’ ħalib mingħajr ma jkunu suġġetti għall-imposta addizzjonali. Uħud mir-rikorrenti kisbu kwantità ta’ referenza speċifika provviżorja filwaqt li oħrajn kisbu kwantità ta’ referenza speċifika definittiva.

20

Wara l-għoti tal-kwantitajiet ta’ referenza speċifiċi msemmija iktar ’il fuq, l-awtoritajiet Olandiżi għamlu kontrolli sabiex jivverifikaw jekk ir-rikorrenti pproduċewx il-kwantijiet ta’ referenza skont il-kundizzjonijiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Peress li ġie kkonstatat li l-produzzjoni tal-ħalib ma kinitx reġgħet inbdiet mill-impriża agrikola SLOM inizjali jew mill-istess unità organizzattiva u ekonomika ta’ impriża agrikola li kienet ikkonċernata fid-data ta’ meta ttieħed l-impenn ta’ non-kummerċjalizzazzjoni, peress li r-rikorrenti kienu qegħdin jużaw, għall-produzzjoni tal-ħalib, mezzi ta’ produzzjoni mikrija mingħand terzi, l-awtoritajiet Olandiżi kkunsidraw li r-rekwiżiti li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Komutarja għall-allokazzjoni ta’ kwantità ta’ referenza definittiva ma kinux irrispettati. Huma għalhekk irrifjutaw li jallokaw kwantità ta’ referenza definittiva lir-rikorrenti li kienu kisbu kwantità ta’ referenza provviżorja u rtitraw il-kwantità ta’ referenza definittiva lil dawk li kienu kisbuha.

21

Ir-rikorrenti ressqu rikors quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (Qorti tal-appell tal-kawżi amministrattivi ta’ natura ekonomika, l-Olanda) kontra d-deċiżjonijiet tal-Ministeru tal-Agrikoltura, tal-Patrimonju Naturali u tas-Sajd Olandiż (iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) li jirrifjutaw li jallokawlhom kwantità ta’ referenza definittiva jew li jirtiraw dik li kienet ingħatatilhom. Huma sostnew, b’mod partikolari, li, kuntrarjament għal dak li allega l-istess Ministeru, il-leġiżlazzjoni rilevanti ma kinitx tirrikjedi, għall-għoti ta’ kwantità ta’ referenza speċifika, li l-produduzzjoni tal-ħalib terġa’ tibda mill-impriża agrikola SLOM inizjali jew mill-istess unità orgnizzattiva jew ekonomika ta’ impriża agrikola li kienet ikkonċernata meta ttieħed l-impenn ta’ non-kummerċjalizzazzjoni. Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven ċaħad ir-rikors tagħhom.

22

Wieħed mir-rikorrenti, G. J. Hulter, ressaq rikors għal responsabbiltà quddiem ir-Rechtbank te ‘s-Gravenhage (Qorti distrettwali ta’ The Hague, l-Olanda) fuq il-motiv li la d-deċiżjoni tal-Ministeru u lanqas il-leġiżlazzjoni rilevanti ma kienu jispjegaw, jew għall-inqas ma kinux jispjegaw b’mod suffiċjenti, il-kundizzjonijiet applikabbli għall-konverżjoni ta’ kwantità ta’ referenza provviżorja fi kwantità ta’ referenza definittiva, jew li ma ngħatatx informazzjoni korretta dwar il-kriterji ta’ allokazzjoni definittiva ta’ kwantità ta’ referenza fi żmien utli. Dan ir-rikors ġie miċħud b’sentenza tal-20 ta’ Jannar 1999.

23

G. J. Hulter appella kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof te ‘s-Gravenhage (Qorti tal-appell ta’ The Hague, l-Olanda) li, permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ Frar 2000, ikkonfermat is-sentenza tar-Rechtbank te ‘s-Gravenhage.

24

G. J. Hulter ressaq appell quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti suprema), li ġie miċħud permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Marzu 2002.

Proċedura

25

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Ġunju 1998, A. Alferink kif ukoll is-67 rikorrenti li isimhom jidher fl-anness ressqu dan ir-rikors.

26

Fit-30 ta’ Settembru 1998 saret laqgħa informali quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li fiha ħadu sehem ir-rappreżentanti tal-partijiet. Matul din il-laqgħa, il-partijiet kellhom l-opportunità jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-klassifikazzjoni analitika, magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-kawżi dwar il-produtturi SLOM.

27

Permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tat-8 ta’ Ottubru 1998, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssospendiet il-proċeduri fil-kawża preżenti.

28

Fis-17 ta’ Mejju 2000, saret it-tieni laqgħa informali quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li fiha ħadu sehem ir-rappreżentanti tal-partijiet.

29

Fis-17 ta’ Jannar 2002, saret it-tielet laqgħa informali quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li fiha ħadu sehem ir-rappreżentanti tal-partijiet. Matul din il-laqgħa ġie deċiż, bi ftehim bejn il-partijiet, li din il-kawża tiġi sospiża fl-istennija tad-deċiżjoni tal-Hoge Raad der Nederlanden.

30

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla tat-30 ta’ Marzu 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza ordnat li terġa’ tibda l-proċedura preżenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ngħatat terminu sabiex tippreżenta r-risposta tagħha. Sussegwentement, il-partijiet ippreżentaw ir-replika u l-kontroreplika tagħhom.

31

Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet fil-bidu tas-sena ġudizzjarja l-ġdida, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

32

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr ma tipproċedi għal miżuri istruttorji preliminari.

33

It-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta li nżammet fil-25 ta’ Settembru 2007.

It-talbiet tal-partijiet

34

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ammonti msemmija f’anness mar-rikors tagħhom bħala kumpens għad-danni li huma ġarrbu minħabba l-formulazzjoni inadegwata tal-Artikolu 3a tar-Regolament Nru 1546/88, miżjuda bl-imgħaxijiet b’rata ta’ imgħax ta’ 8 % fis-sena mit-23 ta’ Frar 1998 sal-ġurnata tal-ħlas sħiħ;

tikkundanna lill-Komunità għall-ispejjeż.

35

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament Nru 1546/88

L-argumenti tal-partjiet

36

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti qajmu motiv ibbażat fuq l-illegalità tar-Regolament Nru 1546/88, peress li dan tal-aħħar joħloq diskriminazzjoni bejn il-produtturi SLOM u l-produtturi l-oħrajn tal-ħalib, u peress li jikser l-aspettattivi leġittimi.

37

Il-Kummissjoni indikat li dan huwa motiv ġdid li għandu, għalhekk, jiġi ddikjarat inammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

38

Għandu jiġi mfakkar li mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(c), flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżutla li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jkollu sunt tal-motivi mressqa u li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jamplifika motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottuburu 1999, Atlanta vs Il-Kummissjoini Ewropea, C-104/97 P, Ġabra p. I-6983, punt 29; digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2001, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, C-430/00 P, Ġabra p. I-8547, punt 17; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T-340/04, Gabra p. II-573, punt 164).

39

F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-motiv ibbażat fuq l-illegalità tar-Regolament Nru 1546/88 huwa motiv ġdid li m’huwa bbażat fuq ebda element ta’ dritt jew ta’ fatt ġdid li ħareġ matul il-proċedura u li ma jistax ikun ikkunsidrat bħala l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew indirettament, fir-rikors promotur jew li għandu rabta mill-qrib miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Novembru 2002, Scan Office Design vs Il-Kummissjoni, T-40/01, Ġabra p. II-5043, punt 96). Ir-rikorrenti barra minn dan bl-ebda mod ma indikaw ir-raġunijiet għaliex din l-eċċezzjoni ta’ illegalità setgħet tiġi invokata biss matul is-seduta. Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq it-talba għad-danni

L-argumenti tal-partijiet

40

Ir-rikorrenti jfakkru li, minħabba d-diversi snin li għaddew bejn meta ġie aċċettat l-impenn ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u l-għoti ta’ kwantità ta’ referenza speċifika provviżorja, l-impriża agrikola tagħhom ma setgħetx terġa’ tibda l-attività ta’ trobbija tal-annimali li jipproduċu l-ħalib li kienet issir qabel, u kienu għalhekk użaw mezzi ta’ produzzjoni mikrija mingħand terzi, bħal maqjel maħleb. Il-kwantitajiet ta’ referenza provviżorji li ngħataw lir-rikorrenti ma kinux għalhekk mibdula fi kwantitajiet definittivi jew dawn il-kwantitajiet definittivi ġew irtirati.

41

Huma jirrilevaw li, skont il-Ministeru, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven u l-Kummissjoni, id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari l-Artikolu 3a tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tingħata kwantità ta’ referenza definittiva, il-kwantità ta’ referenza provviżorja għandha tiġi prodotta mill-istess impriża SLOM inizjali jew mill-istess unità ta’ organizzazzjoni u ekonomika ta’ impriża agrikola li kienet ikkonċernata meta ġie aċċettat l-impenn SLOM. Għalhekk, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kwantità ta’ referenza ma jkunux issodisfati meta l-mezzi ta’ produzzjoni użati jkunu mikirja mingħand terzi.

42

Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Frar 1995, il-Kummissjoni, b’risposta għal ittra tar-rikorrenti tat-13 ta’ Ottubru 1994, ippreċiżat li d-deċiżjoni tal-College van Beroep voor het bedrijfsleven kienet tirrifletti korrettement, fil-fehma tagħha, l-istat tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-konsistenza tal-impriża agrikola li fuqha kellha tiġi prodotta l-kwantità ta’ referenza speċifika, jiġifieri l-impriża agrikola SLOM inizjali, kollha jew in parti, inkluż iż-żidiet kollha sad-data tal-għoti tal-kwantità ta’ referenza provviżorja. Il-Kummissjoni għamlet riferiment, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 1992, O’Brien (C-86/90, Ġabra p. I-6251), b’mod partikolari għall-punti 16 u 17 tagħha li minnhom jirriżulta b’mod ċar li l-impriża agrikola rilevanti hija dik kkostitwita fid-data tal-għoti tal-kwantità ta’ referenza, u dan bil-kundizzjoni li, għall-għanijiet tal-għoti ta’ kwantità ta’ referenza definittiva, il-produttur “għadu jopera, totalment jew parzjalment, l-istess impriża agrikola li huwa kien jopera meta ntlaqgħat l-applikazzjoni tiegħu għall-għoti tal-premium” (punt 17).

43

Il-Kummissjoni żiedet, fl-istess ittra, li mill-elementi ta’ fatt li ġew sottomessi lilha mill-konsulent tar-rikorrenti jirriżulta li dawn tal-aħħar ma kinux jinsabu fil-pożizzjoni msemmija fl-ittra preċedenti peress li jew kienu fil-pussess tal-impriża agrikola SLOM inizjali, iżda ma kinux jużawha għall-produzzjoni tal-kwantità ta’ referenza speċifika, jew l-impriża agrikola li fuqha kienet prodotta l-kwantità ta’ referenza kienet ġiet akkwistata wara l-għoti ta’ kwantità ta’ referenza speċifika provviżorja. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li l-kunsiderazzjonijiet li setgħu jsiru dwar il-post tal-mezzi ta’ produzzjoni tal-kwantitajiet ta’ referenza speċifiċi kellhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti tagħha dwar id-data li fiha kienu akkwistati dawn il-mezzi u dik li fiha dawn il-mezzi ġew miżjuda mal-impriża agrikola SLOM inizjali. Il-Kummissjoni indikat fl-aħħar nett li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 1991, Ballmann (C-341/89, Ġabra p. I-25), ma kinitx tikkonċerna, kuntrarjament għar-rikorrenti li ressqu l-kawża, il-produtturi SLOM.

44

Ir-rikorrenti jqisu madankollu li mill-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, jirriżulta li m’għadux meħtieġ li l-applikant ta’ kwantità ta’ referenza provviżorja jkollu fil-pussess tiegħu l-impriża agrikola SLOM inizjali. Fil-fatt, sa fejn ikun biżżejjed li parti biss minn din l-impriża agrikola, anki jekk imnaqqsa, tkun għadha użata, il-kwantità ta’ referenza provviżorja tkun neċessarjament prodotta billi jintużaw mezzi oħrajn ta’ produzzjoni. Skont ir-rikorrenti, huwa għalhekk biżżejjed li l-produttur ikun għad għandu fil-pussess tiegħu parti mill-unitajiet ta’ produzzjoni li huwa kien jopera meta ttieħed l-impenn ta’ non-kummerċjalizzazzjoni.

45

Barra minn dan, id-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-Artikolu 3a tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, jikkonfermaw li l-kwantità ta’ referenza mogħtija setgħet fil-biċċa l-kbira tagħha tiġi prodotta billi jintużaw mezzi ta’ produzzjoni li ma jagħmlux parti mill-impriża agrikola SLOM inizjali. Ir-rikorrenti jirrilevaw, f’dan ir-rigward, li, sabiex issir il-prova li l-produttur jista’ jipproduċi sal-kwantità ta’ referenza mitluba, huma aċċettati bħala provi l-uċuħ li jkunu dejjem bil-ħaxix u/jew is-superfiċji tal-uċuħ bl-għalf tal-impriża agrikola kif jirriżulta mill-pjan attwat ta’ rotazzjoni jew ta’ żrigħ. L-Artikolu 3a ċċitat iktar ’il fuq ma jsemmi ebda kundizzjoni li dawn l-uċuħ li jkunu dejjem bil-ħaxix jew dawn is-superfiċji l-oħra għandhom ikunu tal-impriża agrikola SLOM inizjali. L-istess prinċipju japplika għall-investimenti msemmija fl-aħħar inċiż tal-Artikolu 3a, li jirrigwardaw in ġenerali l-perijodu li jestedni wara l-iskadenza tal-ftehim SLOM (jiġifieri l-investimenti magħmula fil-kuntest ta’ pjan ta’ żvilupp ippreżentat qabel l-1 ta’ Ottubru 1984).

46

Barra minn hekk, la r-Regolament Nru 1078/77 u lanqas ir-regoli ta’ implementazzjoni bbażati fuq dan tal-aħħar ma jipprevedu l-obbligu li tinżamm fl-istess stat l-impriża agrikola li għaliha kien ġie aċċettat impenn SLOM. Li kieku l-leġiżlatur xtaq li l-produzzjoni tal-ħalib terġa’ tibda mill-impriża agrikola SLOM inizjali jew permezz tal-istess unità organizzattiva u ekonomika ta’ impriża agrikola li kienet ikkonċernata meta ttieħed l-impenn SLOM, huwa kien imissu indika dan b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

47

Għalhekk, minn qari flimkien tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, u tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, jirriżulta li l-produttur kellu jkun jista’ jipproduċi l-kwantitajiet ta’ referenza mitluba billi juża l-unitajiet ta’ produzzjoni li huwa kien jopera, fejn mill-inqas parti minn dawn l-imsemmija unitajiet ta’ produzzjoni użati għal dan il-għan għandhom jikkorrispondu għal dawk li kellu meta daħal għall-impenn ta’ non-kummerċjalizzazzjoni. Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, dawn ir-regolamenti bl-ebda mod ma jipprevedu li l-produzzjoni għandha terġa’ tibda mill-impriża agrikola SLOM inizjali, jew mill-istess unità ta’ impriża agrikola, mil-lat organizzattiv u ekonomiku, li kienet ikkonċernata fil-mument tal-konklużjoni tal-impenn ta’ non-kummerċjalizzazzjoni.

48

Għalhekk, meta adottat leġiżlazzjoni li ma tistabbilixxix b’mod espliċitu r-restrizzjoni msemmija iktar ’il fuq u li hija għalhekk inadegwata, ambigwa u nieqsa minn kjarezza, il-Kummissjoni wettqet nuqqas li jinvolvi r-responsabbiltà tagħha, peress li kisret il-prinċipju ta’ prekawzjoni li japplika wkoll fir-rigward tal-metodu ta’ elaborazzjoni tal-leġiżlazzjoni u li jirrikjedi li din tal-aħħar tkun adegwata. Ir-rikorrenti jirreferu, f’dan ir-rigward, għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 1993, dwar il-kwalità ta’ abbozzar tal-leġiżlazzjoni Komunitarja (ĠU C 166, p. 1).

49

Fir-rigward tad-dannu u tar-rabta kawżali bejn in-nuqqas u d-dannu, ir-rikorrenti jsostnu li hemm nuqqas, imputabbli lill-Kummissjoni, li kkawżalhom danni. Huwa jallegaw li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti għall-għoti ta’ kwantità ta’ referenza provviżorja, jiġifieri setgħu jipproduċu l-kwantità ta’ referenza fl-impriża agrikola tagħhom kif din kienet teżisti meta saret l-applikazzjoni. Il-pożizzjoni tal-awtoritajiet Olandiżi, li, skont il-Kummissjoni, ikkunsidraw li r-rikorrenti ma reġgħux bdew il-produzzjoni tal-ħalib mill-impriża agrikola SLOM inizjali jew ma reġgħux bdew il-produzzjoni b’mod indipendenti, bir-riskji u l-profitti għalihom, turi biss li r-rikorrenti, minħabba l-ambigwità tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, ma kinux reġgħu bdew għal kollox il-produzzjoni mill-impriża agrikola SLOM inizjali. Li kieku l-leġiżlazzjoni Komunitarja kienet iktar ċara, huma kienu jkunu jistgħu jagħżlu li jipproduċu permezz ta’ mezzi ta’ produzzjoni differenti minn dawk li bihom kabbru l-impriża agrikola tagħhom u għalhekk jagħżlu mod ta’ produzzjoni ieħor mill-impriża agrikola SLOM inizjali tagħhom.

50

Ir-rikorrenti, bl-eċċezzjoni ta’ H. J. ten Have, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Frar 1998, talbu lill-Kummissjoni sabiex tikkumpenshom għad-dannu li batew, talba li l-Kummissjoni ċaħdet permezz ta’ ittra tas-17 ta’ April 1998. Huma jippreċiżaw li huma lesti jressqu provi addizzjonali li jsostnu l-pożizzjoni tagħhom.

51

Preliminarjament, minn naħa, il-Kummissjoni tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbilità mhux kuntrattwali tal-Komunità tkun involuta biss jekk ikunu ssodisfati tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit, imqajjem mir-rikorrenti, li l-leġiżlazzjoni għandha tkun adegwata huwa korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li fid-dawl tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni li timponi obbligi fuq individwi għandha tkun ċara u preċiża, sabiex dawn ikunu jistgħu jagħrfu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jkunu jistgħu jimxu skont dan it-tagħrif (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Jannar 2003, Cipra u Kvasnicka, C-439/01, Ġabra p. I-745, punt 49) u li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha. L-Artikolu 3a tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, jissodisfa dan il-kriterju.

52

Il-Kummissjoni tistqarr li, peress li r-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, huwa regolament ta’ applikazzjoni li hija adottat skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, li oriġina mill-Kunsill, huwa għandu jinqara in konnessjoni ma’ dan tal-aħħar. L-obbligu prinċipali jinsab fir-Regolament tal-Kunsill u r-Regolament ta’ applikazzjoni jista’ jimponi biss ċerti kriterji jew kundizzjonijiet iktar dettaljati.

53

Filwaqt li tfakkar il-kontenut tal-Artikoli 3a(1)(b) u 3(3) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, il-Kummissjoni tikkunsidra li qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jimplika li l-allokazzjoni definittiva tal-kwantità ta’ referenza speċifika tista’ ssir biss jekk il-bejgħ dirett u/jew il-kunsinni jkunu effettivament reġgħu bdew mill-impriża agrikola inizjali tal-produttur SLOM. Din hija r-raġuni għaliex kull produttur SLOM iżid mal-applikazzjoni tiegħu għal kwantità ta’ referenza speċifika dikjarazzjoni solenni li huwa kien “f’pożizzjoni li jipproduċi effettivament fl-impriża agrikola tiegħu sal-kwantità ta’ referenza speċifika allokata”.

54

Il-Kummissjoni tirrileva, barra dan, li l-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, jirreferi espressament għall-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, u jiddisponi, fit-tielet subparagrafu tiegħu, li “[i]l-provi li jistgħu jistabbilixxu l-kapaċità tal-produttur li jipproduċi sal-livell tal-kwantità ta’ referenza mitluba jistgħu jkunu b’mod partikolari […]”. Din id-dispożizzjoni, li għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, hija indirizzata fl-ewwel lok lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ implementazzjoni li għandhom jevalwaw jekk produttur SLOM jissodisfax il-kundizzjoni, stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill, li huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jipproduċi l-kwantità ta’ referenza fl-impriża agrikola tiegħu. Il-Kummissjoni tosserva li din id-dispożizzjoni għandha lista mhux eżawrjenti (“jistgħu”) ta’ provi li jistgħu jiġu aċċettati mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest ta’ din il-kundizzjoni, liema provi għandhom jitressqu “skont ir-regoli dettaljati li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru”.

55

Il-Kummissjoni tippreċiża li r-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, jistabbilixxi b’mod ċar li l-produttur SLOM għandu jkun jista’ juri li huwa jista’ jipproduċi fl-impriża agrikola tiegħu l-kwantità ta’ referenza mitluba, kundizzjoni li għandha tiġi evalwata mill-awtoritajiet Olandiżi u li huma interpretawha, kif ikkonfermat mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven, bħala li tfisser li l-produzzjoni kellha terġa’ tibda mill-impriża agrikola SLOM inizjali jew mill-istess unità organizzattiva u ekonomika li kienet ikkonċernata d-data meta ġie miftiehem l-impenn ta’ non-kummerċjalizzazzjoni. Ir-rikorrenti ma jistgħux iżommu lill-Kummissjoni responsabbli għal din l-interpetazzjoni tal-awtoritajiet Olandiżi, li, wara kollox, ma ssuġġerrewx l-idea li l-leġiżlazzjoni Komunitarja hija ambigwa.

56

Il-Kummissjoni tikkonstata li r-rikorrenti ma invokaw ebda argument sabiex juru li l-Artikolu 3a tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, mhuwiex ċar u preċiż u ma ppermettilhomx li jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u li jimxu skont dan it-tagħrif. Fir-rigward tar-Regolament tagħha, il-Kummissjoni tqis li dan huwa ċar u jindika bi preċiżjoni l-provi li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jevalwaw jekk produttur issodisfax il-kundizzjoni stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill li hija dik li jkun f’pożizzjoni li jipproduċi fl-impriża agrikola tiegħu sal-kwantità ta’ referenza mitluba. Il-Kummissjoni tippreċiża, barra minn dan, fil-kontroreplika tagħha, li r-rikorrenti stess irrikonexxew (ara l-punt 47 iktar ’il fuq) li l-produtturi kellhom ikunu f’pożizzjoni fejn jistgħu jipproduċu, permezz tal-unitajiet ta’ produzzjoni li kienu joperaw, il-kwantitajiet ta’ referenza mitluba, peress li huwa ppreċiżat, skonthom, li parti mill-unitajiet ta’ produzzjoni użati kellha tikkorrispondi għall-unitajiet ta’ produzzjoni li huma kellhom meta daħħlu għall-impenn ta’ non-kummerċjalizzazzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 3a tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, li għandu l-uniku għan li jassigura l-implementazzjoni tal-Artikolu 3a tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, huwa, kif ukoll hija d-dispożizzjoni tal-aħħar, ċar għar-rikorrenti u s-sens tiegħu huwa dak mogħti mill-Kummissjoni, hekk li ma tistax tiġi kkritikata li aġixxiet illegalment. Ir-rikors għal kumpens għandu għalhekk jiġi miċħud.

57

F’dak li jikkonċerna d-dannu u r-rabta’ kawżali, il-Kummissjoni ssostni li, minkejja li r-rikorrenti jistqarru li huma kienu kollha f’pożizzjoni fejn setgħu jipproduċu l-kwantità ta’ referenza fl-impriża agrikola tagħhom, kif kienet fid-data ta’ meta għamlu l-applikazzjoni tagħhom għall-għoti ta’ tali kwantità, mir-rikors tagħhom ma jistax jiġi stabbilit b’mod ċar jekk kinux f’pożizzjoni li jipproduċu l-imsemmija kwantità fl-impriża agrikola SLOM inizjali. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet Olandiżi kkunsidraw li ma kinux reġgħu bdew il-produzzjoni tal-ħalib mill-impriża agrikola SLOM inizjali jew li ma reġgħux bdew din il-produzzjoni b’mod indipendenti kif ukoll għal rashom u għar-riskji tagħhom stess, u dan ġie barra minn dan ikkonfermat mill-qrati Olandiżi. Peress li r-rikorrenti ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet imposti mir-Regolament tal-Kunsill, huma ma jistgħux isostnu li hemm rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab u n-natura allegatament inkorretta tar-Regolament tal-Kummissjoni.

58

Rigward, fl-aħħar nett, il-portata tad-dannu, il-Kummissjoni tqis li r-rikors m’għandux elementi suffiċjenti sabiex hija tkun tista’ tiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha. Ir-rikorrenti ma ppreċiżawx biżżejjed sa fejn kienu f’pożizzjoni li jipproduċu l-kwantità ta’ referenza indikata fl-impriża agrikola SLOM inzjali. Il-Kummissjoni tindika li tirriżerva d-dritt li terġa’ tirreferi għan-natura u l-portata tad-dannu fi stadju ulterjuri tal-proċeduri.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

59

Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal danni kkawżati mill-istituzzjonijiet, prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 215 tat-Trattat KE (li sar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE), iridu jiġu ssodisfati numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs Il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Mejju 2006, Blom et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-87/94, Ġabra p. II-1385, punt 102, u l-ġurisprudenza ċcitata).

60

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza Komunitarja stabbilita, hija r-rikorrenti li għandha ġġib il-provi lill-qorti Komumitarja sabiex tistabbilixxi l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu mġarrab (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Mejju 1976, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, 26/74, Ġabra p. 677, punti 22 sa 24, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il-Kummissjoni, T-271/04, Ġabra p. II-1375, punt 159).

61

Għandu jiġi mfakkar ukoll li meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi ma tkunx issodisafata, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-146/91, Ġabra p. I-4199, punti 19 u 81, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-170/00, Ġabra p. II-515, punt 37).

62

Rigward l-ewwel kundizzjoni msemmija li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-ġurisprudenza teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 42). Fir-rigward tar-rekwiżit li l-ksur għandu jkun suffiċjentement serju, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi meqjus li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfat huwa dak ta’ ksur manifest u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-limiti li huma imposti fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C-312/00 P, Ġabra p. I-11355, punt 54, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T-198/95, T-171/96, T-230/97, T-174/98 u T-225/99, Ġabra p. II-1975, punt 134).

63

F’din il-kawża, ir-rikorrenti jallegaw li l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-Kummissjoni jikkonsisti fil-ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. F’dan il-każ, għalkemm ir-rikorrenti qed jallegaw li hemm responsabbiltà tal-Kummissjoni minħabba li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ prekawzjoni, huma qed jirreferu fil-fatt għall-prinċipju ta’ ċertezza legali peress li qed jilmentaw li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod ċar u preċiż, fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-kundizzjonijiet applikabbli għall-għoti ta’ kwantità ta’ referenza speċifika.

64

Għandu mill-ewwel jiġi rrilevat li, l-istess bħalma l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi jikkostiwixxi regola ta’ dritt li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi u li l-ksur tiegħu jista’ jwassal għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Emesa Sugar vs Il-Kunsill, T-43/98, Ġabra p. II-3519, punt 64; ara wkoll is-sentenza Mulder II, iċċitata fil-punt 16 iktar ’il fuq, punt 15), dak taċ-ċertezza legali jikkostiwixxi wkoll regola ta’ dritt li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi.

65

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidew li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jeżiġi, b’mod partikolari, li liġi tkun ċara u preċiża, sabiex dawk li huma suġġetti għaliha jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jkunu jistgħu jimxu skont dan it-tagħrif (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand u Garancini, 169/80, Ġabra p. 1931 punt 17; tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten, C-143/93, Ġabra p. I-431, punt 27; tas-16 ta’ Ottubru 1997, Banque Indosuez et, C-177/96, Ġabra p. I-5659, punt 27; tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 30, u tal-21 ta’ Ġunju 2007, ROM-projecten, C-158/06, Ġabra p. I-5103, punt 25; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Lulju 1997, Interhotel vs Il-Kummissjoni, T-81/95, Ġabra p. II-1265, punt 61, u tas-7 ta’ Novembru 2002, Vela u Tecnagrind vs Il-Kummissjoni, T-141/99, T-142/99, T-150/99 u T-151/99, Ġabra p. II-4547, punt 391).

66

Dan ir-rekwiżit imperattiv ta’ ċertezza legali japplika b’ċerta rigorożità fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi konsegwenzi finanzjarji (sentenza ROM-projecten, iċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, punt 26).

67

Hemm lok, għalhekk, li jiġi ddeterminat jekk il-formulazzjoni tal-Artikolu 3a tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, kienx ċar dwar il-kundizzjonijiet applikabbli għall-għoti ta’ kwantità ta’ referenza speċifika.

68

Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza konstanti, fl-intepretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem, il-kuntest u l-għanijiet tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C-84/95, Ġabra p. I-3953, punt 11, u Banque Indosuez et, iċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, punt 18).

69

F’din il-perspettiva, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, peress li r-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, huwa regolament ta’ applikazzjoni, sa fejn jimplementa r-Regolament Nru 857/84, huwa għandu jiġi interpretat b’mod konsistenti ma’ dan tal-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 2006, Kibler, C-275/05 Ġabra p. I-10569, punt 20; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 1991, von Deetzen, C-44/89, Ġabra p. I-5119, punt 14), li l-validità tiegħu, mhijiex, barra minn dan, ikkontestata fil-kawża preżenti.

70

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, jipprevedi li l-produtturi li l-perijodu ta’ non-kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni tagħhom, in eżekuzzjoni tal-impenn meħud skont ir-Regolament Nru 1078/77, jiskadi wara l-31 ta’ Diċembru 1983 jew, skont il-każ, wara t-30 ta’ Settembru 1983 għandhom jirċievu provviżorjament kwantità ta’ referenza speċifika taħt ċerti kundizzjonijiet li huwa jiddetermina. B’mod partikolari, l-Artikolu 3a(1)(a) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-għoti ta’ kwantità ta’ referenza speċifika provviżorja huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata ma waqqfitx l-attività tagħha jew ma ċedietx għal kollox l-impriża agrikola tal-ħalib tagħha qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ non-kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 1994, Herbrink, C-98/91, Ġabra p. I-223, punt 11).

71

Fit-tieni lok, l-Artikolu 3a(1)(b) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, jippreċiża bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ kwantità ta’ referenza speċifika provviżorja li l-produttur jistabbilixxi, in sostenn tal-applikazzjoni tiegħu, li huwa jinsab f’pożizzjoni li jipproduċi fl-impriża agrikola tiegħu sal-kwantità ta’ referenza mitluba.

72

Fit-tielet lok, għandu jiġi mfakkar li s-sistema ta’ kwantitajiet ta’ referenza speċifiċi taħt l-Artikolu 3a tar-Regolament Nru 857/84, li ġiet introdotta permezz tar-Regolament Nru 764/89 wara s-sentenzi Mulder I u von Deetzen I, iċċitati fil-punt 6 iktar ’il fuq, sabiex jiġi ggarantit l-għoti ta’ kwantità ta’ referenza speċifika lill-produtturi li, skont l-impenn meħud taħt ir-Regolament Nru 1078/77, ma kinux ikkunsinnaw ħalib matul is-sena ta’ referenza, tistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li kull kwantità ta’ referenza għandha tibqa’ marbuta mal-artijiet li taw lok għall-allokazzjoni tagħha (sentenza Herbrink, punt 70 ċċitata iktar ’il fuq, punt 12).

73

Għalhekk, mir-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, jirriżulta li l-produttur li daħal għal impenn ta’ non-kummerċjalizzazzjoni, sabiex ikun jista’ jikseb kwantità ta’ referenza speċifika, għandu jibqa’ fil-pussess, għal kollox jew in parti, tal-impriża agrikola SLOM inizjali tiegħu u juri li huwa f’pożizzjoni li jipproduċi l-imsemmija kwantità fl-impriża agrikola tiegħu.

74

Għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, bl-ebda mod ma jitbiegħed mis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89.

75

Fil-fatt, l-Artikolu 3a tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, kull ma jagħmel huwa li japplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 857/84, kif emdendat bir-Regolament Nru 764/89, għall-għoti ta’ kwantità ta’ referenza speċifika billi jfakkar li l-produttur għandu jagħmel il-prova, quddiem l-awtorità kompetenti maħtura mill-Istat Membru, li huwa għadu jopera, għal kollox jew in parti, l-istess impriża li huwa kien jopera meta ntlaqgħat l-applikazzjoni tiegħu għall-għoti ta’ premium. Sussegwentement, din id-dispożizzjoni tispeċifika, b’mod mhux eżawrjenti, il-provi li jistgħu jiġu aċċettati sabiex tintwera l-kapaċità tal-prodottur li jipproduċi sal-kwantità ta’ referenza mitluba, b’mod partikolari, il-bejgħ dirett jew il-kunsinni tal-ħalib li jkunu diġà saru minn tmiem il-perijodu ta’ non-kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni, il-merħla tal-ħalib miżmuma fl-impriża agrikola, l-uċuħ li jkunu dejjem bil-ħaxix jew is-superfiċji tal-uċuħ bl-għalf tal-impriża agrikola, kif jirriżultaw minn pjan attwat ta’ rotazzjoni u ta’ żrigħ, u l-investiment li saru mingħajr pjan ta’ żvilupp.

76

Għalhekk, meta l-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, jipprevedi, fit-tielet inċiż tat-tielet subparagrafu tiegħu, li l-provi li jistgħu jistabbilixxu l-kapaċità tal-produttur li jipproduċi sal-kwantità ta’ referenza mitluba jistgħu jikkonsistu fl-uċuħ li jkunu dejjem bil-ħaxix u/jew fis-superfiċji tal-uċuħ bl-għalf “ta’ l-impriża agrikola”, din l-espressjoni tista’ tinftiehem biss bħala li tirreferi għall-impriża agrikola operata mill-produttur, li, għal kollox jew in parti, tikkostitwixxi l-istess impriża agrikola li huwa kien jopera meta ntlaqgħat l-applikazzjoni tiegħu għall-għoti tal-premium. Ma tistax għalhekk tiġi interpretata fis-sens li l-uċuħ jew is-superfiċji msemmija iktar ’il fuq jistgħu jkunu ta’ impriża agrikola oħra li ma tkunx dik operata mill-produttur.

77

Din l-istess interpretazzjoni għandha tingħata fir-rigward tat-tieni inċiż tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, li jirrikjedi li l-merħla tal-ħalib, li tikkostitwixxi wkoll waħda mill-provi li jistgħu jitressqu sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità tal-produttur li jipproduċi sal-kwantità ta’ referenza speċifika miltuba, tinżamm fuq l-“impriża agrikola”, espressjoni li wkoll tista’ tinftiehem biss bħala li tirreferi għall-impriża agrikola operata mill-produttur li, għal kollox jew in parti, tikkostitwixxi l-istess impriża agrikola li huwa kien jopera meta ntlaqgħat l-applikazzjoni tiegħu għall-għoti tal-premium. Għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha preċiżament l-għan li tevita li l-kwantità ta’ referenza speċifika tkun prodotta minn produttur b’annimali miżmuma fuq impriża agrikola li ma tkunx dik operata minnu.

78

Dan jgħodd ukoll għall-investimenti msemmija fir-raba’ inċiż tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, li, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 76 u 77 iktar ’il fuq, għandu jkollhom relazzjoni mal-impriża agrikola operata mill-produttur ikkonċernat u ma jistgħux għalhekk ikunu distakkati minn din tal-aħħar.

79

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, dwar it-trasferiment tal-impriża agrikola permezz ta’ ċessjoni jew permezz tal-għoti lura fl-iskadenza tal-kera, li s-sistema kollha tal-kwantitajiet ta’ referenza hija kkaratterizzata mill-prinċipju li l-kwantità ta’ referenza hija ttrasferita mal-artijiet li taw lok għall-allokazzjoni tagħha u li huwa għalhekk bil-għan li dan il-prinċipju jiġi stabbilit ukoll fir-rigward tal-kwantitajiet speċifiċi li l-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, isaħħaħ il-kundizzjoni magħmula mill-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 857/84, meta jirrikjedi li l-produttur ikun għadu jopera, għal kollox jew in parti, l-istess impriża agrikola (sentenza Herbrink, iċċitata fil-punt 70 iktar ’il fuq, punt 13).

80

Huwa għalhekk li r-Regolament Nru 1033/89 jippreċiża, fit-tielet premessa tiegħu, li “applikazzjoni [għal kwantità ta’ referenza speċifika] tista’ tiġi biss minn produttur f’sitwazzjoni li jopera għall-inqas in parti l-istess unitajiet ta’ produzzjoni li huwa kien jopera meta saret l-applikazzjoni għall-għoti tal-premium ta’ non-kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni” u li “fil-każ fejn il-produttur fil-fatt ma jkollux iktar din l-istess impriża agrikola huwa b’hekk ikun wera, fil-loġika tas-sistema ta’ premiums, l-intenzjoni tiegħu li jwaqqaf il-produzzjoni tal-ħalib”.

81

Barra minn hekk, għalkemm il-produttur, sabiex jikseb kwantità ta’ referenza speċifika, għandu jkun għadu jopera, għal kollox jew in parti, l-istess impriża agrikola li huwa kien jopera meta ntlaqgħat l-applikazzjoni għall-għoti tal-premium, l-impriża agrikola hija kkostitwita, fis-sens tal-Artikolu 12(d) tar-Regolament Nru 857/84, mill-“unitajiet ta’ produzzjoni kollha mmexxija mill-produttur u li qegħdin fit-territorju ġeografiku tal-Komunità”.

82

Id-definizzjonijiet tal-kunċett ta’ “produttur” u, għalhekk, ta’ “impriża agrikola” li hemm fl-Artikolu 12(c) u (d) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, juru li l-kunċett ta’ produttur ifisser biss imprenditur agrikolu li, sabiex jipproduċi l-ħalib, jopera numru ta’ unitajiet ta’ produzzjoni li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1992, Maier, C-236/90, Ġabra p. I-4483, punt 11, u tat-23 ta’ Jannar 1997, St. Martinus Elten, C-463/93, Ġabra p. I-255, punt 17).

83

Mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 857/84, kif emednat bir-Regolament Nru 764/89, u tal-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, jirriżulta għalhekk b’mod ċar li l-allokazzjoni, b’mod provviżorju, ta’ kwantità ta’ referenza speċifika hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-produttur ikkonċernat jipprova li għadu jopera, għal kollox jew in parti, l-istess impriża agrikola li huwa kien jopera meta ntlaqgħat l-applikazzjoni tiegħu għall-għoti tal-premium, jiġifieri dik l-impriża agrikola li kienet is-suġġett tal-impenn tiegħu ta’ non-kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni (sentenza O’Brien, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 12; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Herbrink, iċċitata fil-punt 70 iktar ’il fuq, punti 12 u 13, u tat-28 ta’ Ottubru 2004, van den Berg vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-164/01 P, Ġabra p. I-10225, punt 71; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Werners vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-373/94, Ġabra p. II-4631, punt 81), u li jistabbilixxi l-kapaċità tiegħu li jipproduċi sal-kwantità ta’ referenza mitluba fl-imsemmija impriża agrikola.

84

Fis-sentenza O’Brien, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 17, li, sabiex tingħata l-allokazzjoni definittiva ta’ kwantità ta’ referenza speċifika, l-Artikolu 3a(3) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, għandu jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-bejgħ jew il-kunsinni tal-ħalib li ġejjin minn unitajiet ta’ produzzjoni li ġew miżjuda mal-impriża agrikola inkwistjoni bejn id-data tal-iskadenza tal-perijodu ta’ non-kummerċjalizzazzjoni jew ta’ konverżjoni u d-data tal-allokazzjoni provviżorja tal-kwantità ta’ referenza speċifika, sakemm il-produttur ikkonċernat ikun għadu jopera, għal kollox jew in parti, l-istess impriża agrikola li kien jopera meta ntlaqgħat l-applikazzjoni tiegħu għall-għoti tal-premium.

85

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta għalhekk li l-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, jipprovdi li l-produzzjoni tal-ħalib għandha ssir mill-impriża agrikola SLOM inzjali (sentenza Werners vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq, punt 81; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi O’Brien, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punti 11 u 12; Herbrink, iċċitata fil-punt 70 iktar ’il fuq, punti 12 u 13, u van den Berg vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq, punt 71), li tista’ tinkludi, jekk ikun il-każ, l-unitajiet ta’ produzzjoni li l-produtturi kienu joperaw taħt ir-responsabbiltà tagħhom meta ngħatat il-kwantità ta’ referenza speċifika, unitajiet li għandhom jinkludu l-impriża agrikola SLOM inizjali kollha kemm hi jew in parti.

86

Din l-interpretazzjoni hija konformi mar-raison d’être tas-sistema. Fil-fatt, l-ewwel nett, hija tieħu inkunsiderazzjoni li m’hemmx lok li tingħata kwantità ta’ referenza speċifika lil produttur li ma jkunx għad għandu l-impriża agrikola SLOM inizjali, peress li b’hekk huwa jkun wera l-intenzjoni tiegħu li ma jikkummerċjalizzax iktar il-ħalib, intenzjoni li fin-nuqqas tagħha l-allokazzjoni ta’ kwantità ta’ referenza ma tkunx iktar il-konsegwenza tal-implementazzjoni tas-sistema. It-tieni nett, din l-interpretazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, peress li l-kwantitajiet ta’ referenza huma marbuta mal-artijiet li jagħtu lok għall-allokazzjoni tagħhom, il-produzzjoni tagħhom għandha ssir minn dawn l-artijiet. Fl-aħħar nett hija tieħu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza O’Brien, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq (Ġabra p. I-6266), li jgħid li, matul il-perijodu li fih il-produtturi kkonċernati kienu esklużi mill-produzzjoni tal-ħalib, l-impriża agrikola tagħhom ċertament sarilha xi tibdil, fatt dan li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat meta ddeċidiet li l-bejgħ jew il-kunsinni tal-ħalib ġejjin minn unitajiet ta’ produzzjoni li kienu miżjuda mal-impriża agrikola inkwistjoni bejn id-data tal-iskadenza tal-perijodu ta’ non-kummerċjalizzazzjoni u d-data tal-allokazzjoni provviżorja tal-kwantità ta’ referenza speċifika għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sakemm il-produttur ikkonċernat ikun għadu jopera, għal kollox jew in parti, l-istess impriża agrikola li huwa kien jopera meta ntlaqgħat l-applikazzjoni tiegħu għall-għoti tal-premium.

87

Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti li spjegaw huma stess fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħhom ma jidhrux li jitbiegħdu mis-sens mogħti lid-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-punti 70 sa 86 iktar ’il fuq, u li hija pjuttost l-interpretazzjoni li saret mill-qrati nazzjonali tad-dispożizzjonijiet Komunitarji msemmija u l-applikazzjoni tagħhom għal dawn il-każijiet li huma jqajmu b’mod iktar partikolari fil-kuntest tal-kritika tagħhom fil-konfront tal-imsemmija dispożizzjonijiet Komunitarji.

88

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 44 u 47 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jiddikjaraw li mill-Artikolu 3a(1) tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, jirriżulta li l-applikant għal kwantità ta’ referenza provviżorja ma kienx għadu meħtieġ li jkollu f’idejh l-impriża agrikola SLOM inizjali kollha. Skonthom, il-kwantitajiet ta’ referenza speċifiċi kellhom ikunu prodotti permezz ta’ unitajiet ta’ produzzjoni li huma kienu joperaw, fejn parti minnhom kellhom jikkorrispondu għall-unitajiet ta’ produzzjoni li huma kellhom meta daħlu għall-impenn ta’ non-kummerċjalizzazzjoni.

89

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ċertezza legali, b’tali mod li r-rikors għandu jiġi miċħud.

90

Sussidjarjament, anki jekk jitqies li l-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-suġġett għandha titqies bħala li għandha ċerta ambigwità jew ċerta impreċiżjoni f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom kellhom jiġu prodotti l-kwantitajiet ta’ referenza speċifiċi mogħtija għall-għanjiet tal-għoti definittiv ta’ dawn il-kwantitajiet, għandu jiġi mfakkar li, sabiex tiġi involuta r-responsabbilità tal-Komunità, għandu jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, u dan skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 62 iktar ’il fuq.

91

Huwa filwaqt li ttieħed inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-istituzzjonijiet sabiex jimplementaw politika Komunitarja li ġiet elaborata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbilità mhux kuntrattwali tal-Komunità, b’mod partikolari fir-rigward ta’ atti normattivi li jimplikaw għażliet ta’ politika ekonomika (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punt 44).

92

Fil-fatt l-approċċ ristrett adottat fil-konfront tar-responsabbilità tal-Komunità fl-eżerċizzju tal-attivitajiet leġiżlattivi tagħha huwa dovut għall-kunsiderazzjoni li, minn naħa, l-eżerċizzju tal-funzjoni leġiżlattiva, anki fejn jeżisti stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti, m’għandux jiġi ostakolat mill-prospett ta’ kawżi għad-danni kull meta l-interess ġenerali tal-Komunità jitlob li jittieħdu miżuri leġiżlattivi li jistgħu jippreġudikaw l-interessi ta’ individwi, u li, min-naħa l-oħra, f’kuntest leġiżlattiv ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, li huwa indispensabbli għall-implementazzjoni ta’ politika Komunitarja, il-Komunità ma tistax tkun responsabbli ħlief meta l-istituzzjoni kkonċernata tkun marret lil hinn b’mod manifest u gravi mil-limiti imposti fuq l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Mejju 1978, HNL et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 83/76, 94/76, 4/77, 15/77 u 40/77, Ġabra p. 1209, punti 5 u 6, u Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, punt 45).

93

Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-approċċ meħud minnha fejn tidħol ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi u, b’mod iktar partikolari, is-setgħa diskrezzjonali li għandu l-awtur tal-att inkwistjoni (sentenzi Brasserie du pêcheur u Factortame, punt 91 aktar ’il, punt 43; Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, punt 62 aktar ’il, punt 40, u Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, punt 62 iktar ’il fuq, punt 52).

94

F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni għandha biss marġni ta’ diskrezzjoni limitat ħafna sa fejn, kif ġie indikat fil-punt 69 iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, huwa regolament ta’ applikazzjoni li sempliċement jimplementa r-Regolament Nru 857/84.

95

Issa, diġà ġie kkonstatat fil-punti 69 sa 78 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni applikat biss id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, in konformità mar-rekwiżiti hemmhekk stabbiliti, hekk li ma tistax tinżamm responsabbli għal ksur eventwali tad-dritt Komunitarju.

96

Għalhekk, l-eventwali impreċiżjoni jew nuqqas ta’ ċarezza tar-Regolament Nru 1546/88, kif emendat bir-Regolament Nru 1033/89, ma tistax tkun attribwita lill-Kummissjoni, peress li hija sempliċement ikkonformat ruħha mar-Regolament tal-Kunsill Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89.

97

F’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 857/84, kif emendat bir-Regolament Nru 764/89, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma kkontestaw, fil-kuntest tar-rikors preżenti, il-validità tal-imsemmi regolament minħabba li dan tal-aħħar jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

98

Peress li r-rikorrenti ma ppruvawx l-allegata illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni, ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra tar-responsabbiltà humiex issodisfati.

99

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

100

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Alfonsius Alferink u s-67 rikorrenti l-oħra li l-lista tagħhom tidher fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ġunju 2008.

E. Coulon

Reġistratur

M. Vilaras

President

ANNESS

L-eredi ta’ G. Vloedgraven,

W. L. A. van der Arend, residenti f’Harmelen (l-Olanda),

H. W. Bakker, residenti f’Middelstum (l-Olanda),

B. M. J. B. Beusmans, residenti f’Noorbeek (l-Olanda),

P. J. M. Biermans, residenti f’Herkenbosch (l-Olanda),

J. A. A. de Bont, residenti f’Rutten (l-Olanda),

H. Boskma, residenti f’Zwaagwesteinde (l-Olanda),

B. A. Bouma, residenti f’Berlikum (l-Olanda),

E. A. M. Bouma, residenti f’Rutten,

J. A. Bouma, residenti f’Ried (l-Olanda),

H. Buwalda, residenti fi Franeker (l-Olanda),

M. V. van Diederen, residenti f’Doenrade (l-Olanda),

R. Dusselaar, residenti f’Wier (l-Olanda),

J. van Duynhoven, residenti f’Rijkevoort (l-Olanda),

H. J. Frederiks, residenti f’Laag Keppel (l-Olanda),

G. J. M. Frieling, residenti f’Deurningen (l-Olanda),

T. de Groot, residenti fi Creil (l-Olanda),

H. J. ten Hagen, residenti f’Winterswijk (l-Olanda),

H. J. ten Have, residenti f’Beltrum (l-Olanda),

P. A. J. N. Hendriks, residenti f’Valkenburg (l-Olanda),

H. Heringa, residenti f’Leens (l-Olanda),

O. Hoekstra, residenti f’Oosternijkerk (l-Olanda),

J. Hoekstra, residenti f’Oosternijkerk,

W. H. C. M. Holtslag, residenti f’Lelystad (l-Olanda),

J. H. A. Huijsmans, residenti f’Weert (l-Olanda),

M. Huizinga, residenti f’Firdgum (l-Olanda),

G. J. Hulter, residenti f’Den Velde (l-Olanda),

P. J. M. Janssen, residenti f’Wanssum (l-Olanda),

G. C. de Jongh, residenti f’Marknesse (l-Olanda),

C. de Keijzer, residenti f’Noordgouwe (l-Olanda),

P. Kemp, residenti fi Breukelen (l-Olanda),

W. Koopmans-Hut, residenti f’Ezinge (l-Olanda),

H. J. Leemkuil, residenti f’Winterswijk-Miste (l-Olanda),

J. A. J. Leijten, residenti f’Bant (l-Olanda),

G. J. Loozeman, residenti f’Callantsoog (l-Olanda),

A. Lukens Folkers, residenti f’Vlagtwedde (l-Olanda),

P. L. Marinussen, residenti fi Grijpskerke (l-Olanda),

G. J. Meijer, residenti f’Usquert (l-Olanda),

W. H. J. Mulder, residenti f’Haarzuilens (l-Olanda),

Th. Neelen, residenti f’Nunhem (l-Olanda),

G. J. Nijboer, residenti f’Ane (l-Olanda),

A. Nijboer, residenti f’Ane,

B. Oude Kotte, residenti fi Fleringen (l-Olanda),

J. H. M. Roebroek, residenti f’Schimmert (l-Olanda),

F. M. C. Rommens, residenti f’Rijsbergen (l-Olanda),

J. A. C. M. Soffers, residenti f’Rijsbergen,

J. G. Rompelberg, residenti f’Noorbeek,

M. J. Scheele, residenti f’Mensingeweer (l-Olanda),

J. van Sinderen, residenti f’Ternaard (l-Olanda),

J. W. M. Smeets, residenti f’Papenhoven (l-Olanda),

W. C. G. M. Stoffelen, residenti f’Ottersum (l-Olanda),

J. H. Thomassen, residenti f’Bemelen (l-Olanda),

J. H. van Til, residenti f’Eppenhuizen (l-Olanda),

K. J. Veenkamp, residenti f’Thesinge (l-Olanda),

J. T. F. J. op’ t Veld, residenti f’Vlodrop (l-Olanda),

J. P. W. Vrencken, residenti f’Beek (l-Olanda),

O. Vries, residenti f’Engwierum (l-Olanda),

K. Vries, residenti f’Engwierum,

M. W. de Weerd, residenti f’Tollebeek (l-Olanda),

A. M. Weijenberg-Pleijers, residenti f’Wittem (l-Olanda),

H. F. W. M. Wennekers, residenti fi Creil,

R. W. Werners, residenti f’Meppel (l-Olanda),

C. H. L. Wijnen, residenti f’Maasbree (l-Olanda),

L. G. H. Willems, residenti f’Ulestraten (l-Olanda),

J. G. Wilman, residenti f’Engwierum,

D. Wilman, residenti f’Engwierum,

J. M.P. Wolfs, residenti fi Gronsveld (l-Olanda).


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.