SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
tal-5 ta' Marzu 1996 (*)
"Prinċipju tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għad-dannu kkawżat lill-individwi minn vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju imputabbli lill-Istat - Vjolazzjonijiet imputabbli lil-leġiżlatur nazzjonali - Kundizzjonijiet għar-responsabbiltà ta’ l-Istat – Il-portata tal-kumpens"
Fil-kawżi magħquda C-46/93 u C-48/93,
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, mill-Bundesgerichtshof (C-46/93) u mill-High Court of Justice, Queen's Bench Division, Divisional Court (C-48/93), u intiżi sabiex jiksbu, fil-kawżi pendenti quddiem dawn il-qrati bejn
Brasserie du pêcheur SA
u
Bundesrepublik Deutschland,
u bejn
The Queen
u
Secretary of State for Transport
ex parte: Factortame Ltd et,
deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbilità ta’ l-Istat għad-danni kkawżati lil individwi minn vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju imputabbli lill-Istat,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
komposta minn G.C. Rodríguez Iglesias (Relatur), President, C.N. Kakouris, D.A.O. Edward u G. Hirsch, Presidenti ta’ Awla, G.F. Mancini, F.A. Schockweiler, J.C. Moitinho de Almeida, C. Gulmann u J.L. Murray, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Tesauro,
Reġistraturi: H. von Holstein, Assistent Reġistratur, u H.A. Ruehl, Amministratur Prinċipali
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:
– għal Brasserie du pêcheur SA, minn H. Büttner, avukat f’Karlsruhe,
– għar-rikorrenti 1 sa 36 u 38 sa 84 fil-kawża C-48/93, minn D. Vaughan u G. Barling, QC, u D. Anderson, barrister, inkarigati minn S. Swabey, solicitor,
– għar-rikorrenti 85 sa 97 fil-kawża C-48/93, minn N. Green, barrister, inkarigat minn N. Horton, solicitor,
– għas-37 rikorrent fil-kawża C-48/93, minn N. Forwood, QC, u P. Duffy, barrister, inkarigati minn Holman Fenwick & Willan, solicitors,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn E. Röder, Ministerialrat fil-ministeru federali għall-Ekonomija, bħala aġent, assistit minn J. Sedemund, avukat f’Cologne,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. E. Collins, Assistant Treasury Solicitor, bħala aġent, assistit minn S. Richards, C. Vajda, u R. Thompson, barristers,
– għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, konsulent legali fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, bħala aġent,
– għall-Gvern Spanjol, minn A. J. Navarro González, direttur ġenerali tal-kwistjonijiet legali u istituzzjonali Komunitarji, u R. Silva de Lapuerta u G. Calvo Díaz, abogados del Estado, tas-servizz legali ta’ l-Istat, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn J.-P. Puissochet, direttur tal-kwistjonijiet legali fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, u C. de Salins, viċi-direttur fid-Direttorat tal-kwistjonijiet legali fl-istess Ministeru, bħala aġenti,
– għall-Gvern Irlandiż, minn A. Buckley, Chief State Solicitor, bħala aġent,
– għall-Gvern Olandiż, minn A. Bos, konsulent legali fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Timmermans, Assistent Direttur Ġenerali tas-Servizz Legali, J. Pipkorn, konsulent legali, u C. Docksey, membru tas-Servizz Legali, bħala aġenti,
wara li kkunsidrat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħet l-osservazzjonjiet orali ta’ Brasserie du pêcheur SA, irrappreżentata minn H. Büttner u P. Soler-Couteaux, avukat tal-qorti ta’ Strasbourg, tar-rikorrenti 1 sa 36 u 38 sa 84 fil-kawża C-48/93, irrappreżentati minn D. Vaughan, G. Barling, D. Anderson u S. Swabey, tar-rikorrenti 85 sa 97 fil-kawża C-48/93, irrappreżentati minn N. Green, tas-37 rikorrent fil-kawża C-48/93f, irrappreżentat minn N. Forwood u P. Duffy, tal-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn J. Sedemund, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn Sir N. Lyell, QC, Attorney General, u S. Richards, C. Vajda u J. E. Collins, tal-Gvern Daniż, irrappreżentat minn P. Biering, konsulent legali fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, tal-Gvern Elleniku, irrappreżentat minn F. Georgakopoulos, assistent konsulent legali fl-uffiċju legali ta’ l-Istat, bħala aġent, tal-gvern Spanjol, irrappreżentat minn R. Silva de Lapuerta u G. Calvo Díaz, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn C. de Salins, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn J. W. de Zwaan, assistent konsulent legali fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, bħala aġent, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn C. Timmermans, J. Pipkorn u C. Docksey, fis-seduta tal-25 ta’ Ottubru 1994,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' Novembru 1995,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta’ żewġ digrieti tat-28 ta’ Jannar 1993 u tat-18 ta’ Novembru 1992, li wasslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 1993 u fit-18 ta’ Frar 1993, rispettivament, il-Bundesgerichsthof (fil-kawża C-46/93) u l-High Court of Justice, Queen's Bench Division, Divisional Court (fil-kawża C-48/93) ressqu, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, domandi għal deċiżjoni preliminari dwar il-kundizzjonijiet biex jingħata lok għar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba vjolazzjonijiet tad-dritt Komuntarju li huma imputabbli lilu.
2 Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, il-kumpannija Brasserie du pêcheur (iktar ‘il quddiem “Brasserie du pêcheur”) u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija Factortame Ltd et (ikar ‘il quddiem “Factortame et”) u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq.
Il-Kawża C-46/93
3 Skond l-affermazzjoni tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, Brasserie du pêcheur, kumpannija Franċiża li għandha s-sede tagħha f’Schiltigheim (Alsace), ġiet kostretta, fl-aħħar ta’ l-1981, li twaqqaf l-esportazjoni tagħha ta’ birra fil-Ġermanja, għax l-awtoritaijet Ġermaniżi kompetenti kkunsidraw li l-birra ffabbrikata minnha ma kinitx konformi mal-liġi dwar il-purezza skond l-Artikoli 9 u 10 tal-Biersteuergesetz, ta’ l-14 ta’ Marzu 1952 (liġi fiskali fuq il-birra, BGBl. I, p. 149), fil-verżjoni tagħha ta’ l-14 ta’ Diċembru 1976 (BGBl. I, p. 3341, iktar ‘il quddiem “BStG”).
4 Peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jmorru kontra l-Artikolu 30 tat-Trattat KEE, hija bdiet proċedimenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja li koprew kemm il-projbizzjoni milli jiġu kkummerċjalizzati, taħt l-isem “Bier” (birra), il-birer fabbrikati legalment fi Stati Membri oħra skond metodi differenti u l-projbizzjoni milli jiġu importati birer li kien fihom addittivi. Fis-sentenza tat-12 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (178/84, Ġabra p. 1227), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjoni milli jiġu kkummerċjalizzati birer mhux konformi mad-dispożizzjonijiet in kwistjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, importati minn Stati Membri oħra kienet inkompatibbli ma’ l-Artikolu 40 tat-Trattat.
5 Għaldaqstant, Brasserie du pêcheur fetħet kawża kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal kumpens għad-dannu li hija subiet minħabba din ir-restrizzjoni ta’ l-importazzjonijiet bejn l-1981 u l-1987 u talbet danni għall-ammont ta’ DM 1 800 000, li jikkorrispondi għal parti żgħira mid-dannu realment subit.
6 Il-Bundesgerichtshof invokat, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 839 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili Ġermaniż, iktar ‘il quddiem il-“BGB”) u l-Artikolu 34 tal-Grundgesetz (Liġi Fundamentali, iktar ‘il quddiem il-“GG”). Skond l-ewwel sentenza, ta’ l-Artikolu 839(1) tal-BGB, “Kull uffiċjal li, volontarjament jew bi traskuraġni, jivvjola l-obbligi li timponilu l-kariga tiegħu lejn terza persuna għandu jikkumpensa lil din il-persuna għad-danni li jirriżultaw.” Rigward l-Artikolu 34 tal-GG, dan jipprovdi “Jekk persuna, fl-eżerċizzju ta’ kariga pubblika fdata lilha, tivvjola l-obbligi li timponilha l-kariga tagħha lejn terza persuna, ir-responsabbiltà għal dan taqa’, bħala regola, fuq l-Istat jew l-entità li ġiet ingaġġata minnha.”
7 Minn dawn id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien jirriżulta li r-responsabbiltà ta’ l-Istat hija suġġetta għall-ħtieġa li t-terza persuna tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-benefiċjarja ta’ l-obbligu vvjolat, li jimplika li l-Istat huwa responsabbli biss għall-vjolazzjoni ta’ l-obbligi favur terza persuna. Issa, kif ġie enfasizzat mill-Bundesgerichtshof, il-leġiżlatur nazzjonali, bil-BStG, jassumi kompitu li jikkonċerna biss il-kollettività, mingħajr ma jirreferi għal persuna partikolari jew għal kategorija ta’ persuni b’mod partikolari li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “terzi” skond id-dispożizzjonijiet msemmija iktar ‘il fuq.
8 F’dan il-kuntest, il-Bundesgerichtshof għamlet is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Il-prinċipju tad-dritt Komunitarju li jobbliga lill-Istati Membri jħallsu kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minn vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju li huma imputabbli lilhom japplika wkoll meta l-vjolazzjoni tirriżulta mill-fatt li liġi Parlamentari nazzjonali ma tkunx ġiet adattata għan-normi tad-dritt Komunitarju, li huma superjuri għaliha (f’dan il-każ: in-nuqqas ta’ adattament ta’ l-Artikoli 9 u 10 tal-Biersteuergesetz għall-Artikolu 30 tat-Trattat KEE)?
2) L-ordinament ġuridiku nazzjonali jista’ jissuġġetta dritt għal kumpens eventwali għall-istess restrizzjonijiet bħal dawk applikabbli f‘każ ta’ vjolazzjoni minn liġi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali superjuri, per eżempju f’każ ta’ vjolazzjoni tal-Grundgesetz tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja minn liġi ordinarja Ġermaniża?
3) L-ordinament ġuridiku nazzjonali jista’ jissuġġetta d-dritt għal kumpens għall-eżistenza ta’ ħtija (volontarja jew bi traskuraġni) imputabbli lill-organi Statali responsabbli għan-nuqqas ta’ adattazzjoni ?
4) Jekk ir-riposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv u jekk ir-risposta għat-tieni doamnda hija fin-negattiv:
a) L-obbligu li jingħata kumpens skond il-liġi nazzjonali jista’ jkun limitat għall-ħlas tad-danni kawżati lil ċerti beni individwali protetti minn dispożizzjoni legali, per eżempju dawk ikkawżati lill-proprjetà, jew għandu jingħata kumpens sħiħ għad-danni kollha mġarrba mill-patrimonju, inkluż in-nuqqas ta’ profitt?
b) L-obbligu li jingħata kumpens jestendi għall-ħlas ta’ danni li kienu diġà saru qabel mal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ma kienet ikkonstatat fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Marzu 1987 (kawża 178/84) li l-Artikolu 10 tal- Biersteuergesetz jivvjola xi dispożizzjonijiet Komunitarji superjuri?”
Il-kawża C-48/93
9 Fis-16 ta’ Diċembru 1988, Factortame u oħrajn, li kienu kemm persuni fiżiċi u kumpanniji inkorporati fil-Gran Brittanja, kif ukoll l-amministraturi u l-azzjonisti tagħhom, ressqu azzjoni legali quddiem il-High Court of Justice, Queen's Bench Division, Divisional Court (iktar ‘il quddiem id-“Divisional Court”), sabiex jikkontestaw il-kompatibbiltà tal-Parti II tal-Merchant Shipping Act 1988 (il-liġi tal-1988 dwar il-Bastimenti Merkantili) mad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-Artikolu 52 tat-Trattat KEE. Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1988, b’perijodu tranżitorju li għalaq fil-31 ta’ Marzu 1989. Hija kienet tipprevedi t-twaqqif ta’ reġistru ġdid għad-dgħajjes tas-sajd Britanniċi u ssuġġettat ir-reġistrazzjoni tagħhom, inkluż ta’ dawk li diġà kien rreġistrati f’reġistru preċedenti, għal ċerti kundizzjonijiet ta’ nazzjonalità, ta’ residenza u ta’ domiċilju tal-propjetarji. Id-dgħajjes tas-sajd li ma setgħux jiġu rreġistrati fir-reġistru l-ġdid ġew imċaħħda mid-dritt li jistadu.
10 B’risposta għal xi domandi magħmula mill-qorti nazzjonali involuta, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal-25 ta’ 1991, Factortame II (C-221/89, Ġabra p. I-3905), iddeċidiet li d-dritt Komunitarju jipprekludi rekwiżiti ta' nazzjonalità, ta’ residenza u ta’ domiċilju tal-propjetarji u ta’ l-operaturi ta’ dgħajjes bħal dawk previsti mis-sistema ta’ reġistrazzjoni stabbilita mir-Renju Unit, iżda li, min-naħa l-oħra, ma jipprekludix li jiġi mitlub, bħala kundizzjoni għar-reġistrazzjoni, li d-dgħajjes ikunu mmaniġġati u l-operazzjonijiet tagħhom ikunu diretti u kkontrollati minn ġewwa r-Renju Unit.
11 Fl-4 ta’ Awwissu 1989, il-Kummissjoni kienet ippreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju Unit. Fl-istess ħin, hija ppreżentat talba għal miżuri provviżorji biex tiġi ordnata s-sospensjoni tal-kundizzjonijiet ta' nazzjonalità msemmija iktar ‘il fuq minħabba li dawn kienu jmorru kontra l-Artikoli 7, 52 u 221 tat-Trattat KEE. Permezz ta’ digriet ta’ l-10 ta’ Ottubru 1989, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (246/89 R, Ġabra p. 3125), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba għal sospensjoni. Sabiex jeżegwixxi dan id-digriet, ir-Renju Unit addotta ċerti dispożizzjonijiet li jemendaw is-sistema l-ġdid ta’ reġistrazzjoni, b’effet mit-2 ta’ 1989. Permezz ta’ sentenza ta’ l-4 t’Ottubru 1991, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-246/89, Rec. p. I-4585), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni kkontestati fir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jmorru kontra d-dritt Komunitarju.
12 Sadattant, fit-2 ta’ Ottubru 1991, id-Divisional Court kienet tat digriet bil-għan li teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 1991, iċċitata iktar ‘il fuq, u fl-istess ħin, stiednet lir-rikorrenti jippreċiżaw it-talba tagħhom għal kumpens. għalhekk, ir-rikorrenti ppreżentaw lill-qorti dikjarazzjoni dettaljata tad-diversi pretensjonijiet għal kumpens invokati, li inkludew l-ispejjeż imġarrba u t-telf imġarrab wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni, fl-1 ta’ April 1989, sa l-abrogazzjoni tagħha, fit-2 ta’ Novembru 1989.
13 Fl-aħħar nett, permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Novembru 1992, id-Divisional Court awtorizzat lil Rawlings (Trawling) Ltd, is-37 rikorrent fil-kawża prinċipali C-48/93, biex jemenda t-talba tiegħu għal kumpens sabiex jinkludi talba għal danni “eżemplari” minħabba aġir antikostituzzjonali ta’ l-awtoritajiet pubbliċi (exemplary damages for unconstitutional behaviour).
14 F’dan il-kuntest, id-Divisional Court għamlet is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Fiċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża, jiġifieri meta:
a) il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru imponiet kundizzjonijiet relativi għan-nazzjonalità, id-domiċilju u r-residenza tal-propjetarji u tal-maniġers tad-dgħajjes tas-sajd, kif ukoll ta’ l-azzjonisti u d-diretturi ta’ kumpanniji li huma proprjetarji ta’ dgħajjes jew jimmaniġjawhom,
u
b) kundizzjonijiet bħal dawn ġew ikkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja (kawżi C-221/89 u C-246/89) bħala li jivvjolaw l-Artikoli 5, 7, 52 u 221 tat-Trattat KEE,
id-dritt Komunitarju jagħti lill-propjetarji jew lill-maniġers ta’ dan it-tip ta’ dgħajjes u lid-diretturi u/jew l-azzjonisti ta’ kumpanniji li huma proprjetarji ta’ dgħajjes jew jimmaniġjawhom dritt għal kumpens mill-Istat Membru għat-telf imġarrab minħabba l-vjolazzjonijiet kollha msemmija iktar ‘il fuq, jew uħud minnhom, tat-Trattat KEE?
2) F'każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, x’inhuma l-kriterji li d-dritt Komunitarju jimponi li jiġu applikati, jekk ikun il-każ, mill-qorti nazzjonali sabiex tiddeċiedi dwar talbiet għad-danni relativi għal:
a) l-ispejjeż u/jew it-telf ta’ qligħ u/jew ta’ dħul mġarrba waqt il-perijodu wara li daħlu fis-seħħ il-kundizzjonijet imsemmija, li matulu d-dgħajjes ma setgħux ibaħħru, kellhom jagħmlu arranġamenti oħra għas-sajd u/jew jippruvaw jiksbu r-reġistrazzjoni x’imkien ieħor;
b) it-telf dovut għall-bejgħ tad-dgħajjes jew ta’ ishma fihom jew ta’ ishma fil-kumpanniji li huma proprjetarji ta’ dgħajjes, bi prezz inqas mill-valur tagħhom;
c) it-telf dovut għall-obbligu li jiġu pprovduti garanziji, li jitħallsu multi u spejjeż legali għall-allegati vjolazzjonijiet marbuta mat-tneħħija tad-dgħajjes mir-reġistru nazzjonali;
d) it-telf dovut għall-impossibilità ta’ dawn il-persuni li jkomplu jipposjedu u joperaw dawn id-dgħajjes;
e) it-telf tar-rimunerazzjoni għas-servizzi mogħtija;
f) l-ispejjeż imġarrba fit-tentattiv li jiġi limitat it-telf imsemmi hawn fuq;
g) danni eżemplari, jekk ikun il-każ?”
15 Għal spjegazzjoni iktar wiesgħa tal-fatti tal-kawżi prinċipali, ta’ l-iżvolġiment tal-proċedura kif ukoll ta’ l-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandha ssir referenza għar-rapport għas-seduta. Dawn l-elementi tal-proċess se jiġu riprodotti hawnhekk biss skond ma teħtieġ il-Qorti għall-kunsiderazzjonijiet tagħha.
Fuq ir-responsabbiltà ta’ l-Istat għall-azzjonijiet u l-ommissjonijiet tal-leġiżlatur nazzjonali li jmorru kontra d-dritt Komunitarju (l-ewwel domanda f’kull waħda mill-kawżi C-46/93 u C-48/93)
16 Permezz ta’ l-ewwel domanda, kull waħda mill-qrati nazzjonali tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk il-prinċipju li l-Istati Membri huma obbligati jagħtu kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba vjolazzjonijiet tad-dirtt Komunitarju li huma imputabbli lilhom huwiex applikabbli fejn in-nuqqas li huma akkużati bih huwa attribwibbli lill-leġiżlatur nazzjonali.
17 B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 37), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li d-dritt Komunitarju jimponi l-prinċipju li l-Istati Membri huma obbligati jagħmlu tajjeb għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba vjolazzjonijiet tad-dritt Komnunitarju li huma imputabbi lilhom.
18 Skond il-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ l-Irlanda u ta’ l-Olanda, l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jagħtu kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi jqum biss f’każ ta’ vjolazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li mhumiex direttament applikabbli. Fis-sentenza Francovich et, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet biss tkopri lakuna fis-sistema ta’ garanzija tad-drittijiet ta’ l-individwi. Safejn id-dritt nazzjonali jagħti lill-individwi dritt li jibdew proċedimenti legali biex isostnu d-drittijiet tagħhom li jitnisslu mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li huma direttament applikabbli, mhuwiex neċessarju li jingħatalhom ukoll dritt għal kumpens ibbażat direttament fuq id-dritt Komunitarju f’każ ta’ vjolazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
19 Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.
20 Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, il-fakultà tal-partijiet f’kawża li jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali d-dispożizzjonijiet direttament applikabbli tat-Trattat tikkostitwixxi biss garanzija minima u mhijiex biżżejjed biex tassigura, waħedha, l-applikazzjoni sħiħa u kompleta tat-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1986, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 168/85, Ġabra p. 2945, punt 11; tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-120/88, Ġabra p. I-621, punt 10, u tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-119/89, Ġabra p. I-641, punt 9). Din il-fakultà, maħsuba biex id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali, ma tistax, f’kull każ, tassigura lill-individwu l-benefiċċju tad-drittijiet mogħtija lilu mid-dritt Komunitarju u b’mod partikolari li jiġi evitat li huwa jġarrab dannu minħabba ksur ta’ dan id-dritt imputabbli li Stat Membru. Issa, kif jirriżulta mis-sentenza Francovich et, imsemmija qabel, punt 33, l-effettività sħiħa tad-dritt Komunitarju tiddgħajjef jekk l-individwi ma jkollhomx il-possibilità li jiksbu kumpens meta d-drittijiet tagħhom jiġu leżi minnħabba vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju.
21 Dan jiġri meta individwu, vittma ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, li jsib li huwa impossibbli għalih li jinvoka direttament ċerti dispożizzjonijiet tagħha quddiem il-qorti nazzjonali, minħabba li ma jkunux inkundizzjonati u preċiżi bizzejjed, jibda azzjoni għal kumpens għad-danni kontra l-Istat ħati tan-nuqqas għal vjolazzjoni tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 189 tat-Trattat. F’ċirkustanzi bħal dawn, li kienu dawk tal-kawża Francovich et, iċċitata iktar ‘il fuq, l-għoti ta’ kumpens għandu l-għan li jħassar il-konsegwenzi tad-danni, għall-benefċjarji ta’ direttiva, ikkawżati minn nuqqas ta’ traspożizzjoni tagħha minn Stat Membru.
22 Dan huwa l-każ ukoll meta jiġi vvjolat dritt mogħti direttament minn dispożizzjoni Komunitarja li l-individwi għandhom dritt jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali. F’każ bħal dan, id-dritt għal kumpens jikkostitwixxi konsegwenza neċessarja ta’ l-effett dirett li għandhom id-dispożizzjonijiet Komunitarji li l-vjolazzjoni tagħhom hija l-kawża tad-danni.
23 F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni, jiġifieri L-Artikolu 30 tat-Trattat, fil-kawża C-46/93, u l-Artikolu 52, fil-kawża C-48/93, għandhom effett dirett, fis-sens li huma jagħtu lill-individwi drittijiet li dawn jistgħu jsostnu direttament quddiem il-qrati nazzjonali. Il-vjolazzjoni ta’ dispożizzjonijiet bħal dawn tista’ tagħti lok għal kumpens.
24 Il-Gvern Ġermaniż isostni wkoll li dritt ġenerali għal kumpens għall-individwi jista’ jingħata biss permezz ta’ liġi u jekk dritt bħal dan jiġi rikonoxxut f’deċiżjoni ġudizzjarja, dan ikun inkompatibbli mat-tqassim tal-poteri bejn l-istituzzjonijiet tal-Komuntà u l-Istati Membri, u mal-bilanċ istitutuzzjonali stabbilit mit-Trattat.
25 F’dan ir-rigward, għandi jiġi enfasizzat li l-kwistjoni ta’ l-eżistenza u tal-portata tar-responsabbiltà ta’ Stat għad-danni li jitnisslu mill-vjolazzjoni ta’ l-obbligi tiegħu skond id-dritt Komuntarju tikkonċerna l-interpretazzjoni tat-Trattat, li, bħala tali, hija ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
26 F’dan il-każ, bħal fil-kawża Francovich et, iċċitata iktar ‘il fuq, din il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni ġiet ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja minn qrati nazzjonali skond l-Artikolu 177 tat-Trattat.
27 Fin-nuqqas, fit-Trattat, ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw espressament u b’mod preċiz il-konsegwenzi tal-vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju mill-Istati Membri, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tal-kompiti mogħtija lilha mill-Artikolu 164 tat-Trattat li tassigura l-osservanza tal-liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazjoni tat-Trattat, li tiddeċiedi kwistjoni bħal din skond il-metodi ta’ interpretazzjoni ġeneralment ammessi, b’mod partikolari billi tirrikorri għall-prinċipju fundamentali tas-sistema legali Komunitarja u, skond il-każ, għal prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri.
28 It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 215 tat-Trattat jirreferi għall-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-aġenti tagħha fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom.
29 Il-prinċipju hekk espressament stabbilit, fl-Artikolu 215 tat-Trattat, tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità mhuwiex ħlief espressjoni tal-prinċipju ġenerali magħruf fl-ordinamenti ġuridiċi ta’ l-Istati Membri, li azzjoni jew ommissjoni illegali ġġib magħha l-obbligu li jingħata kumpens għad-dannu kkawżat. Din id-dispożizzjoni turi wkoll l-obbligu, għall-awtoritajiet pubbliċi, li jikkumpensaw id-danni kkawżati fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom.
30 Għandu jiġi osservat ukoll li, f’numru kbir ta’ sistemi legali nazzjonali, ir-regoli dwar ir-responsabbiltà ta’ l-Istat ġew żviluppati b’mod determinanti mill-ġurisprudenza.
31 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijeit preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, fis-sentenza Francovich et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 35, li l-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ l-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minn vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju li huma imputabbli lilu huwa inerenti għas-sistema tat-Trattat.
32 Minn dan jirriżulta li l-prinċipju huwa applikabbli għal kull każ ta’ vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju minn Stat Membru, ikun liema jkun l-organu ta’ l-Istat Membru li l-azzjoni jew l-ommissjoni tiegħu tkun il-kawża tan-nuqqas.
33 Barra minn hekk, fid-dawl tar-rekwiżit fundamentali ta’ l-ordinament ġuridku Komunitarju li d-dritt Komunitarju jiġi applikat b’mod uniformi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik, C-143/88 u C-92/89, Ġabra p. I-415, punt 26), l-obbligu li jingħata kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minn vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju ma jistax jiddependi mir-regoli interni dwar it-tqassim tal-poteri bejn is-setgħat Kostituzzjonali
34 Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-ordinament ġuridiku internazzjonali, l-Istat, li huwa responsabbli għall-vjolazzjoni ta’ rbit internazzjonali, ukoll huwa kkunsidrat bħala entità waħda, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-vjolazzjoni li kkawżat id-dannu hijiex imputabbli lill-poter leġislattiv, ġudizzjarju jew eżekuttiv. Dan għandu japplika a fortiori fl-ordinament ġuridiku Komunitarju peress li l-awtoritajiet kollha ta’ l-Istat, inkluż il-poter leġislattiv, huma marbuta, fit-twettiq tal-kompitit tagħhom, li jirrispettaw ir-regoli imposti mid-dritt Komunitarju u li jirregolaw direttmanent is-sitwazzjoni ta’ l-individwi.
35 Bl-istess mod, il-fatt li n-nuqqas allegat huwa, skond ir-regoli interni, imputabbli lil-legislatur nazzjonali ma jistax jaffettwa r-rekwiżiti inerenti għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-individwi li jibbażaw ruħhom fuq id-dritt Komunitarju u, f’dan il-każ, id-dritt li jinkiseb kumpens għad-dannu kkawżat mill-imsemmi nuqqas permezz tal-qrati nazzjonali.
36 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata lill-qrati nazzjonali hija li l-prinċipju li jobbliga lill-Istati Membri jagħtu kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi mill-vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju li huma imputabbli lilhom huwa applikabbli meta n-nuqqas allegat huwa attribwibbli lill-leġiżlatur nazzjonali.
Fuq il-kundizzjonijiet biex jingħata lok għar-responsabbiltà ta’ l-Istat għall-azzjonijiet u l-ommissjoni tal-leġiżlatur nazzjonali jmorru kontra d-dritt Komunitarju (it-tieni domanda fil-kawża C-46/93 u l-ewwel domanda fil-kawża C-48/93)
37 Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qrati nazzjonali jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom huwa ggarantit mid-dritt Komunitarju, skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, dritt għal kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minn vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju imputabbli għal Stat Membru.
38 Rigward dan, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm ir-responsabbiltà ta l-Istat hija imposta mid-dritt Komunitarju, il-kundizzjonijiet li fihom din tagħti dritt għal kumpens jiddependu min-natura tal-vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju li hija l-kawża tad-danni mġarrba (sentenza Francovich et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 38).
39 Sabiex jiġu determinati dawn il-kundizzjonijiet, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, il-prinċipji ta’ l-ordinament ġuridiku Komunitarju li fuqhom hija bbażata r-responsabbiltà ta’ l-Istat, jiġifieri l-effettività sħiħa tar-regoli Komuntarji u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet li dawn jirrikonoxxu, minn naħa, u l-obbligu ta’ kooperazzjoni impost fuq l-Istati Membri skond l-Artikolu 5 tat-Trattat, min-naħa l-oħra (sentenza Francovich et, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 31 sa 36).
40 Barra minn hekk, huwa rilevanti, kif enfasizzaw il-Kummissjoni u l-Gvernijiet differenti li ppreżentaw l-osservazzjonijiet, li ssir referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.
41 Fil-fatt, minn naħa waħda, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 215 tat-Trattat jirreferi, fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, għall-prinċpji ġenerali komuni għal-liġijiet ta’ l-Istati Membri, li l-Qorti tal-Ġustizzja tispira ruħha minnhom ukoll, fin-nuqqas ta’ regoli bil-miktub, f'oqsma oħra tad-dritt Komunitarju.
42 Fit-tieni lok, il-kundizzjonijiet biex jingħata lok għar-responsabbiltà ta’ l-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba l-vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju m’għandhomx, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni partikolari, ikunu differenti minn dawk li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-Komunità f’ċirkustanzi paragunabbli. Fil-fatt, il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jidderivaw mid-dritt Komunitarju m’għandhiex tvarja skond in-natura nazzjonali jew Komunitarja ta’ l-awtorità li kkawżat id-danni.
43 Il-ġabra ta’ regoli żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 215 tat-Trattat, speċjalment fir-rigward tar-responsabbiltà għal miżuri leġiżlattivi, tikkunsidra b’mod partikolari l-komplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu regolati, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew interpretazzjoni tat-testi u, b’mod iktar partikolari, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-awtur ta’ l-att in kwistjoni.
44 B’hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri leġiżlattivi li jinvolvu għażliet ta’ politika ekonomika, ġiet żviluppata billi ttieħdet in kunsiderazzjoni d-diskrezzjoni wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet biex jimplementaw il-politiki Komunitarji.
45 Fil-fatt, l-interpretazzjoni restrittiva tar-responsabbiltà tal-Komunità għall-eżerċizzju ta’ l-attivtitajiet leġiżlattivi tagħha tista’ tiġi spjegata mill-kunsiderazzjoni li, minn naħa, l-eżerċizzju tal-funzjoni leġislattiva, anke fejn isir stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ l-atti, m’għandux ikun ostakolat mill-prospettiva li jsiru azzjonijiet għal danni, kull darba li l-interess ġenerali tal-Komunità jirrikjedi li jittieħdu miżuri leġiżlattivi li jistgħu jkunu ta’ dannu għall-interessi ta’ l-individwi u li, min-naħa l-oħra f’kuntest leġiżlattiv ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ diskrezzjoni wiesgħa, indispensabbli għall-implementazzjoni ta’ politika Komunitarja, jista’ jingħata lok għar-responsabbiltà tal-Komunità biss jekk l-istituzzjoni kkonċernata ma tkunx tat kas, b’mod manifest u gravi l-limiti ta’ l-eżercizzju tas-setgħat tagħha (sentenza tal-25 ta’ Mejju 1978, HNL et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 83/76, 94/76, 4/77, 15/77 u 40/77, Ġabra p. 1209, punti 5 u 6).
46 Għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur nazzjonali, bħal fil-każ ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, m’għandux, sistematikament, diskrezzjoni wiesgħa meta jaġixxi f’qasam irregolat mid-dritt Komunitarju. Dan jista’ jimponi fuqu obbligi li jinkiseb riżultat partikolari jew obbligi li jaġixxi b’ċertu mod jew li ma jaġixxix li jnaqqsu, kultant b’mod kunsiderevoli, il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu. Dan huwa partikolarment il-każ meta, bħal fiċ-ċirkustanzi tas-sentenza Francovich et, imsemmija qabel, l-Istat Membru huwa obbligat, skond l-Artikolu 189 tat-Trattat, jieħu fil-perijodu ta’ żmien preskritt il-miżuri kollha meħtieġa biex jilħaq ir-riżultat preskritt minn direttiva. F’dan il-każ, il-fatt li l-miżuri li jridu jittieħdu għandhom jittieħdu mil-leġiżlatur nazzjonali ma jaffettwax ir-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru li tirriżulta min-nuqqas tiegħu milli jittrasponi d-direttiva.
47 Min-naħa l-oħra, meta Stat Membru jaġixxi f’qasam li fih għandu diskrezzjoni wiesgħa, paragunabbli ma’ dik li għandhom l-istituzzjonijet Komunitarji għall-implementazzjoni tal-politiki Komunitarji, il-kundizzjonijiet li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà ta' l-Istat Membru għandhom ikunu, bħala regola, l-istess bħal dawk li jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Komunità f’sitwazzjoni paragunabbli.
48 Fil-każ li ta lok għall-kawża C-46/93, il-leġiżlatur Ġermaniż illeġiżla fil-qasam tal-prodotti ta’ l-ikel, speċjalment dak tal-birra. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, il-leġiżlatur nazzjonali jiddisponi f’dan il-qasam minn diskrezzjoni wiesgħa biex jadotta leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-birra kkummerċjalizzata.
49 F’dak li jikkonċerna l-fatti tal-kawża C-48/93, il-leġiżlatur tar-Renju Unit ukoll kellu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni kienet tikkonċerna, minn naħa, ir-reġistrazzjoni tad-dgħajjes, qasam li, fid-dawl ta’ l-istat ta’ żvilupp tad-dritt Komunitarju, huwa ta’ kompetenza ta’ l-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, ir-regolamentazzjoni ta’ l-attivitajiet tas-sajd, settur fejn l-implementazzjoni tal-politika komuni tħalli ċerta marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri.
50 Jidher allura li, fiż-żewġ każijiet, il-leġiżlatur Ġermaniż u dak tar-Renju Unit kienu konfrontati b’sitwazzjonijiet li jinvolvu għażliet paragunabbli għal dawk li jagħmlu l-istituzzjonijiet Komunitarji fl-adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi li jaqgħu taħt politika Komunitarja.
51 F’ċirkustanzi bħal dawn, dritt għal kumpens huwa rikonoxxut mid-dritt Komunitarju sakemm ikunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, li huma li r-regola ta' dritt ivvjolata jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li l-vjolazzjoni hija gravi biżżejjed, u fl-aħħar nett, li teżisti rabta ta’ kawżalità diretta bejn il-vjolazzjoni ta’ l-obbligu impost fuq l-Istat u l-ħsara mġarrba mill-persuni leżi.
52 Fil-fatt, dawn il-kundizzjonijiet jissodisfaw, fl-ewwel lok, ir-rekwiżiti ta’ l-effettività sħiħa tar-regoli Komunitarji u tal-protezzjoni effettiva tad-drittijiet li huma jirrikonoxxu.
53 Fit-tieni lok, dawn il-kundizzjonijiet jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet skond l-Artikolu 215 fil-ġurisprudenza tagħha dwar ir-responsabbiltà tal-Komunità għad-danni kkawżati lill-individwi minn miżuri leġiżlattivi illegali ta’ l-istituzzjonijiet tagħha.
54 L-ewwel kundizzjoni hija kjarament sodisfatta f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 30 tat-Trattat, id-dispożizzjoni rilevanti fil-kawża C-46/93, u l-Artikolu 52 tat-Trattat, id-dispożizzjoni rilevanti fil-kawża C-48/93. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 30 jimponi projbizzjoni fuq l-Istati Membri, huwa min-naħa l-oħra jagħti drittijiet lill-individwi, li l-qrati nazzjonali għandhom iħarsu (sentenza tat-22 ta’ Marzu 1977, Iannelli u Volpi, 74/76, Ġabra p. 557, punt 13). Bl-istess mod, l-Artikolu 52 tat-Trattat jagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, 2/74, Ġabra p. 631, punt 25).
55 Rigward it-tieni kundizzjoni, kemm f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-Komunità skond lArtikolu 215 kif ukoll ukoll f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għal vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju, il-kriterju deċiżiv biex vjolazzjoni ta’ liġi Komunitarja tiġi meqjusa gravi biżżejjed huwa dak tan-nuqqas ċar u gravi ta’ Stat membru jew istituzzjoni Komunitarja milli tagħti kas il-limiti imposti fuq id-diskrezzjoni tagħha.
56 F’dan ir-rigward, fost l-elementi li l-qorti kompetenti tista’ tieħu in kunsiderazzjoni, għandhom jiġu enfasizzati ċ-ċarezza u l-preċiżjoni tar-regola miksura, kemm hija wiesgħa d-diskrezzjoni li r-regola miksura tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali jew Komunitarji, in-natura intenzjonali jew involontarja tan-nuqqas imwettaq jew id-dannu kkawżat, in-natura skużabbli jew le ta’ żball eventwali ta’ dritt, il-fatt li l-attitudni ta’ istituzzjoni Komunitarja setgħet tikkontribwixxi għan-nuqqas, l-adozzjoni jew iż-żamma fis-seħħ ta’ miżuri jew ta’ prattiki nazzjonali li jmorru kontra d-dritt Komunitarju.
57 Fi kwalunkwe każ, vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju hija kjarament gravi meta tibqa’ teżisti minkejja li tkun ingħatat sentenza li tikkonstata n-nuqqas allegat, deċiżjoni preliminari jew l-eżistenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita sewwa fil-qasam, li minnhom jirriżulta li l-aġir in kwistjoni jikkostitwixxi vjolazzjoni.
58 F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-kunsiderazzjonijiet tagħha għal dawk tal-qrati nazzjonali, li huma biss huma kompetenti biex jistabbilixxu l-fatti tal-kawżi prinċipali u biex jikkaratterizzaw il-vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju in kwistjoni. Hija madankollu tikkunsidra li jistgħu jiġu indikati ċerti ċirkustanzi li l-qrati nazzjonali jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni.
59 B’hekk, fil-kawża C-46/93, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni taż-żamma fis-seħħ, mil-leġiżlatur Ġermaniż, tad-dispożizzjonijiet tal-Biersteuergesetz dwar il-purezza tal-birra li jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni taħt l-isem “Bier” ta’ birer importati minn Stati Membri oħra u fabbrikati legalment skond regoli differenti, u dk taż-żamma fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess liġi li tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ birer li jkollhom l-addittivi. Fil-fatt, il-vjolazzjoni ta’ l-Artikolu 30 tat-Trattat mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet dwar id-denominazzjoni tal-prodott ikkummerċjalizzat, diffiċilment tista’ tiġi kkunsidrata bħala żball skużabbli, peress li l-inkompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni ma’ l-Artikolu 30 tat-Trattat kienet evidenti fid-dawl tal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari, tas-sentenzi ta’ l-20 ta’ Frar 1979, magħrufa bħala “Cassis de Dijon”, Rewe-Zentral (120/78, Ġabra p. 649), u tad-9 ta’ Diċembru 1981, Il-Kummisjoni vs L-Italja (193/80, Ġabra p. 3019). Min-naħa l-oħra, l-elementi li seta’ jevalwa l-leġiżlatur nazzjonali, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti, biex jiddeċiedi l-kwistjoni jekk il-projbizzjoni li jintużaw addittivi kinitx tmur kontra d-dritt Komunitarju jidhru li kienu konsiderevolment inqas konklużivi sas-sentenza tat-12 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ‘il fuq, li biha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-projbizzjoni kienet inkompatibbli ma’ l-Artikolu 30.
60 Bl-istess mod, diversi osservazzjonijiet jistgħu jsiru għal dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża C-48/93.
61 Id-deċiżjoni tal-leġiżlatur tar-Renju Unit li jdaħħal fil-Merchant Shipping Act 1988 dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tad-dgħajjes tas-sajd għandha tiġi kkunsidrata b’mod differenti skond jekk ikunux qed jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet li jisuġġettaw ir-reġistrazzjoni għal kundizzjoni ta' nazzjonalità, li jikkostitwixxu diskriminazzjoni diretta li kjarament tmur kontra d-dritt Komunitarju, jew id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ residenza u ta' domiċilju tal-propjetarji u ta’ l-operaturi tad-dgħajjes.
62 Dawn il-kundizzjonijiet ta’ l-aħħar mill-ewwel kienu jidhru li kienu inkompatibbli b’mod partikolari ma’ l-Artikolu 52 tat-Trattat, iżda r-Renju Unit ried jiġġustifikahom fuq il-bażi ta’ l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd. Fis-sentenza Factortame II, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet din il-ġustifikazzjoni.
63 Biex tiddeċiedi jekk il-vjolazzjoni ta’ l-Artikolu 52 b’hekk imwettqa mir-Renju Unit hijiex gravi biżżejjed, il-qorti nazzjonali tista’ tqis, fost affarijiet oħra, il-kontroversji ġuridiċi marbuta mal-partikolaritajiet tal-politika komuni tas-sajd, l-attitudni tal-Kummissjoni, li għarrfet lir-Renju Unit bil-pożizzjoni tagħha fil-ħin, u l-kunsiderazzjonijiet dwar l-istat ta’ ċertezza tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qrati nazzjonali fil-kuntest tal-proċeduri sommarji mibdija mill-individwi milquta mill-applikazzjoni tal- Merchant Shipping Act.
64 Fl-aħħar nett, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni wkoll l-affermazzjoni ta’ Rawlings (Trawling) Ltd, is-37 rikorrent fil-kawża C-48/93, li r-Renju Unit m’adottax mill-ewwel il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-digriet tal-president tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Ottubru 1989, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitat iktar ‘il fuq, ħaġa li żiedet bla bżonn id-danni li hija ġarrbet. Dan il-fatt, li ċertament ġie kkontestat mill-Gvern tar-Renju Unit waqt is-seduta għandu, jekk jirriżulta li huwa veru, jiġi kkunsidrat mill-qorti nazzjonali li jikkostitwixxi fih innifsu vjolazzjoni ċara u allura gravi biżżejjed tad-dritt Komunitarju.
65 Rigward it-tielet kundizzjoni, hija ta’ kompetenza tal-qrati nazzjonali li jivverifikaw jekk teżistix rabta ta’ kawżalità diretta bejn il-vjolazzjoni ta’ l-obbligu ta’ l-Istat u d-danni mġarrba mill-persuni leżi.
66 It-tliet kundizzjonijiet imsemmija iktar ‘il fuq huma neċessarji u suffiċjenti biex jagħtu, favur l-individwi, dritt biex jinkiseb kumpens, mingħajr madankollu ma jiġi eskluż li jista’ jingħata lok għar-responsabbiltà ta’ l-Istat f'kundizzjonijiet inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali.
67 Kif jirriżulta mill-punti 41 sa 43 tas-sentenza Francovich et, iċċitata iktar ‘il fuq, bla ħsara għad-dritt għal kumpens għad-danni li huwa msejjes direttament fuq id-dritt Komunitarju, meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet identifikati fil-punt preċedenti, l-Istat għandu jagħti kumpens għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat skond id-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk dwar talbiet simili ta’ natura domestika u ma jistgħux ikunu tali li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika (ara, ukoll, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, Rec. p. 3595).
68 F’dan ir-rigward, ir-restrizzjonijiet li jeżistu fl-ordinamenti ġuridiċi interni fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ l-Istat bħala riżultat ta’ l-eżerċizzju tal-funzjoni leġislattiva jistgħu jkunu ta’ tali natura li fil-prattika jrendu impossibbli jew diffiċli ħafna l-eżerċizzju min-naħa ta’ l-individwi tad-dritt għal kumpens, kif iggarantit mid-dritt Komunitarju, għad-danni kkawżati mill-vjolazzjoni tiegħu.
69 Fil-kawża C-46/93, il-qorti nazzjonali tistaqsi b’mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk id-dritt nazzjonali jistax jissuġġetta dritt eventwali għal kumpens għad-danni għall-istess restrizzjonijiet bħal dawk applikabbi f’każ ta’ vjolazzjoni minn liġi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ livell superjuri, per eżempju f'każ ta’ vjolazzjoni tal-GG tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja minn sempliċi liġi federali.
70 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-impożizzjoni ta’ tali restrizzjonijiet tidher konformi mal-ħtieġa li ma jiġux imposti kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk dwar talbiet simili ta’ natura domestika, jibqa’ l-fatt li għandu jiġi eżaminat jekk restrizzjonijiet bħal dawn humiex qed jagħmlu l-ksib ta’ kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika.
71 Il-kundizzjoni imposta mid-dritt Ġermaniż f'każ ta’ vjolazzjoni minn liġi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ livell superjuri, li tissuġġetta l-kumpens għall-fatt li l-att jew l-ommissjoni tal-leġiżlatur jirrigwardaw sitwazzjoni individwali, tagħmel il-ksib ta’ kumpens effettiv għad-danni li jirriżultaw minn vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju impossibli jew diffiċli ħafna fil-prattika, peress li l-kompiti tal-leġiżlatur nazzjonali jikkonċernaw, bħala regola, il-kollettività mingħajr ma jirrigwardaw ebda persuna jew kategorija ta’ persuni li jistgħu jiġu kkunsidrati individwalment.
72 Kundizzjoni bħal din, peress li tostakola l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jassiguraw l-effettività sħiħa tad-dritt Komunitarju billi jiggarantixxu protezzjoni effettiva tad-drittijiet ta’ l-individwi, għandha tiġi eliminata f’każ li vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju tkun imputabbli għal-leġiżlatur nazzjonali.
73 Bl-istess mod, kwlaunkwe kundizzjoni li jista’ jimponi d-dritt Ingliż biex jingħata lok għar-responsabbiltà ta’ l-Istat, li tirrikjedi li tingħata prova ta’ abbuż tal-poter fil-qadi ta’ funzjoni pubblika (misfeasance in public office), filwaqt li huwa inkonċepibbli li dan l-abbuż isir mil-leġiżlatur, tagħmel ugwalment impossibbli fil-prattika l-kisba ta’ kumpens għad-danni kkawżati mill-vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju meta din hija imputabbli għal-leġiżlatur nazzjonali.
74 Għalhekk, ir-risposta għad-domani magħmula mill-qrati nazzjonali għandha tkun li meta vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju minn Stat Membru tkun imputabbli lill-leġiżlatur nazzjonali li jaġixxi f’qasam li fih għandu marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni biex jagħmel għażliet leġiżlattivi, l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens meta r-regola tad-dritt Komunitarju vvjolata jkollha l-għan li tagħtihom drittijiet, meta l-vjolazzjoni tkun gravi biżżejjed u meta teżisti rabta ta kawżalità diretta bejn din il-vjolazzjoni u d-dannu mġarrab mill-individwi. B’din ir-riżerva, l-Istat għandu jagħti kumpens għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat mill-vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju imputabbli lilu skond id-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk dwar talbiet simili ta’ natura domestika u ma jkunux tali li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika.
Fuq il-possibilità li l-għoti tal-kumpens jiġi suġġettat għall-eżistenza ta’ ħtija (it-tielet domanda fil-kawża C-46/93)
75 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-Bundesgerichtshof essenzjalment tistaqsi jekk il-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija tapplika, tistax tissuġġetta l-kumpens għad-dannu għall-eżistenza ta’ ħtija intenzjonali jew b’negliġenza min-naħa ta’ l-organu Statali li lilu hija imputabbli l-vjolazzjoni.
76 Għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li, kif jirriżulta mill-proċess, il-kunċett ta’ ħtija mhuwiex l-istess fis-sistemi legali differenti.
77 Għandu jiġi mfakkar ukoll li, kifjirriżulta mir-risposta għad-domanda preċedenti, meta vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju hija imputabbli għal Stat Membru li jkun qed jaġixxi f’qasam li fih għandu diskrezzjoni wiesgħa biex jagħmel għażliet leġiżlattivi, ir-rikonoxximent ta’ dritt għal kumpens abbażi tad-dritt Komunitarju huwa suġġett, fost affarijiet oħra, għall-kundizzjoni li l-vjolazzjoni in kwistjoni tkun gravi biżżejjed
78 Ċerti elementi oġġettivi u suġġettivi li, fil-kuntest ta’ sistema legali nazzjonali, jistgħu jkunu marbuta mal-kunċett ta' ħtija, b’hekk huma rilevanti biex jiġi stabbilit jekk vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju hijiex gravi jew le (ara l-elementi msemmija fil-punti 56 u 57 iktar ‘il fuq).
79 Minn dan jirriżulta li l-obbligu li jingħata kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi ma jistax jiġi suġġettat għal kundizzjoni bbażata fuq il-kunċett ta’ ħtija li jmur oltri l-vjolazzjoni gravi biżżejjed tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ kundizzjoni supplimentari bħal din tkun tfisser li qed jitqajmu dubji dwar id-dritt għal kumpens li huwa bbażat fuq l-ordinament ġuridiku Komunitarju.
80 Konsegwentement, ir-risposta lill-qorti nazzjonali għandha tkun li hija ma tistax, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija tapplika, tissuġġetta l-kumpens għad-danni għall-eżistenza ta’ ħtija intenzjonali jew b’negliġenza min-naħa ta’ l-organu Statali li lilu hija imputabbli l-vjolazzjoni, li tmur oltri l-vjolazzjoni gravi biżżejjed tad-dritt Komunitarju.
Fuq il-portata materjali tal-kumpens [id-domanda 4(a) tal-kawża C-46/93 u tieni domanda fil-kawża C-48/93]
81 Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qrati nazzjonali jistaqsu essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tidentifika l-kriterji li jippermettu li tiġi determinata l-portata tal-kumpens li għandu jagħti l-Istat Membru li lilu hija imputabbli l-vjolazzjoni.
82 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minn vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju għandu jkun proporzjonat mad-dannu mġarrab, b’mod li tiġi assigurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tagħhom.
83 Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji f’dan il-qasam, huwa f’idejn l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi l-kriterji biex tiġi ddeterminata l-portata tal-kumpens, li ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għal talbiet simili bbażati fuq il-liġi domestika u li, f'ebda każ, ma jistgħu jkunu tali li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika.
84 Għandu jiġi speċifikat b’mod partikolari li, biex jiġi ddeterminat id-dannu li għalih għandu jingħata kumpens, il-qorti nazzjonali tista’ jivverifika jekk il-persuna leża tatx prova ta’ diliġenza raġjonevoli biex tevita d-dannu jew tillimita l-portata tiegħu u jekk, b’mod partikolari, hija użatx fil-ħin ir-rimedji legali kollha li kellha.
85 Fil-fatt, skond prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri, il-persuna leża, biex ma tbatix hi stess id-danni, trid tagħti prova li eżerċitat diliġenza raġjonevoli biex tillimita l-portata tad-dannu (sentenza tad-19 ta’ Marzu 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, Ġabra p. I-3061, punt 33).
86 Il-Bundesgerichtshof tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tistax tillimita b’mod ġenerali l-obbligu ta’ l-għoti ta’ kumpens għad-danni kkawżati lil ċerti beni individwali protetti b’mod speċifiku, per eżempju dawk ikkawżati lill-propjetà, jew jekk hija għandhiex tkopri wkoll in-nuqqas ta’ profitt imġarrab mir-rikorrenti. Hija tippreċiża li l-opportunità li jiġu kkummerċjalizzati prodotti li jiġu minn Stati Membri oħra mhijiex ikkunsidrata mid-dritt Ġermaniż bħala parti mill-assi protetti ta’ l-impriżi.
87 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-esklużjoni totali tan-nuqqas ta’ profitt, bħala dannu li għalih jista’ jingħata kumpens f’każ ta’ vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju, ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, speċjalment f’kawżi ta’ natura ekonomika jew kummerċjali, esklużjoni totali bħal din ta’ nuqqas ta’ profitt tagħmel il-ksib ta’ kumpens għad-danni impossibbli.
88 Dwar id-diversi tipi ta’ danni previsti fit-tieni domanda tad-Divisional Court, id-dritt Komunitarju ma jimponix kriterji speċifiċi. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi dwar dawn it-tipi ta’ danni skond id-dritt nazzjonali li hija tapplika, bla ħsara għar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 83 iktar ‘il fuq.
89 Rigward, b’mod partikolari, l-għoti ta’ danni “eżemplari” (exemplary damages), għandu jiġi speċifikat li dan it-tip ta’ kumpens huwa bbażat, fid-dritt nazzjonali, kif indikat il-qorti nazzjonali, fuq il-konstatazzjoni li l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati aġixxew b’mod oppressiv, arbitrarju jew antikostituzzjonali. Safejn dan l-aġir jista’ jikkostitwixxi vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju jew jaggravaha, ma jistax jiġi eskluż li jingħataw danni eżemplari fil-kuntest ta’ talba jew azzjoni bbażata fuq id-dritt Komunitarju meta danni bħal dawn jistgħu jingħataw fil-kuntest ta’ talba jew azzjoni simili bbażata fuq il-liġi domestika.
90 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata lill-qrati nazzjonali għandha tkun li l-kumpens li għandhom jagħtu l-Istati Membri, għad-danni li jkunu kkawżaw lill-indvidwi minħabba vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju għandu jkun proporzjonat għad-dannu mġarrab. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji f’dan il-qasam, huwa f’idejn l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi l-kriterji biex tiġi ddeterminata l-portata tal-kumpens, li ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għal talbiet jew azzjonijiet simili bbażati fuq il-liġi domestika u li, f' ebda każ, ma jistgħu jkunu tali li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita, b’mod ġenerali, id-danni li għalihom jista’ jingħata kumpens biss għad-danni kkawżati lil ċerti beni individwali protetti b’mod speċifiku, bl-esklużjoni tan-nuqqas ta’ profitt imġarrab mill-individwi, mhijiex kompatibbli mad-dritt Komuitarju. Barra minn hekk, danni partikolari, bħad-danni “eżemplari” previsti mid-dritt Ingliż, għandhom ikunu jistgħu jingħataw fil-kuntest ta’ talbiet jew azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt Komunitarju, jekk tali danni jistgħu jingħataw fil-kuntest ta’ talba jew azzjoni simili bbażata fuq il-liġi domestika.
Fuq it-tul tal-perijodu kopert mill-kumpens [id-domanda 4(b), fil-kawża C-46/93]
91 Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk id-danni li għalihom jista’ jingħata kumpens jestendux għad-danni mġarrba qabel ma tkun ingħatat sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-eżistenza ta’ vjolazzjoni.
92 Kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għat-tieni domanda, id-dritt għal kumpens skond id-dritt Komunitarju jeżisti meta l-kundizzjonijiet indikati fil-punt 51 iktar ‘il fuq ikunu sodisfatti.
93 Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija li l-vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju tkun gravi biżżejjed. L-eżistenza ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata minn qabel il-vjolazzjoni huwa element ċertament determinanti, iżda mhux indispensabbli għall-verifika li l-imsemmija kundizzjoni hija sodisfatta (ara l-punti 55 sa 57 ta’ din is-sentenza).
94 Li kieku l-obbligu ta’ l-Istat Membru kkonċernat li jagħti kumpens għad-danni jista’ jiġi limitat biss għad-danni mġarrba wara li tkun ingħatat sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-vjolazzjoni in kwistjoni, dan ikun ifisser li jkun qed jiġi ddubitat id-dritt għal kumpens irrikonoxxut mill-ordinament ġuridiku Komunitarju.
95 Barra minn hekk, li kieku l-kumpens għad-danni jiġi suġġettat għall-bżonn ta’ konstatazzjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju imputabbli lil Stat Membru dan imur kontra l-prinċipju ta’ l-effettività tad-dritt Komunitarju, peress li jeskludi kwalunkwe dritt għal kumpens għad-danni sakemm il-vjolazzjoni preżunta ma tiġix ikkontestat mill-Kummissjoni permezz ta’ rikors skond l-Artikolu 179 tat-Trattat u sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkonstatax l-eżistenza ta’ vjolazzjoni. Id-drittijiet ta’ l-individwi, li jitnisslu mid-dispożizzjonijiet Komunitarji u li għandhom effet dirett fuq l-ordinament ġuridiku intern ta’ l-Istati Membri, ma jistgħux jiddependu mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk jaqblilhiex taġixxi skond l-Artikolu 169 tat-Trattat kontra Stat Membru u lanqas ma jistgħu jiddependu mill-eventwali għoti mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ sentenza li tiddikjara nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu (ara, f’dan il-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 1982, Waterkeyn et, 314/81, 315/81, 316/81 u 83/82, Ġabra p. 4337, punt 16).
96 Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-obbligu, ta’ l-Istati Membri, li jagħtu kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi mill-vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju li huma imputabbli lilhom ma jistax jiġi limitat biss għad-danni mġarrba wara li tkun ingħatat sentenza tal-Qorti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-vjolazzjoni allegata.
Fuq it-talba li l-effetti tas-sentenza jiġu limitati fiż-żmien
97 Il-Gvern Ġermaniż jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tillimita d-danni li għalihom għandu eventwalment jingħata kumpens mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biss għal dawk id-danni li ġġarrbu wara d-data tas-sentenza f’din il-kawża, sakemm il-vittmi ma jkunux għamlu azzjoni legali jew talba ekwivalenti qabel. Huwa jikkunsidra li tali limitazzjoni fiż-żmien ta’ l-effetti tas-sentenza hija neċessarja minħabba l-konsegwenzi finanzjarji kunsiderevoli tagħha għar-Repubblika Federali.
98 Jekk il-qorti nazzjonali tasal biex tikkonstata li l-kundizzjonijiet biex jingħata lok għar-responsabbiltà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huma sodisfatti f’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li huwa fil-kuntest tad-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà li l-Istat għandu jagħti kumpens għad-dannu kkawżat. Il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali, stabbiliti mid-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni, jistgħu jikkunsidraw ir-rekwiżiti tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.
99 Madankollu, għandu jiġi mfakkar li dawn il-kundizzjonaijiet m’għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ talbiet simili ta’ natura domestika u lanqas ma għandhom ikunu tali li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika (sentenza Francovich et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 43).
100 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, m’hemmx għalfejn li l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ta’ din is-sentenza fiż-żmien.
Fuq l-ispejjeż
101 L-ispejjeż sostnuti mill-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Greċja, ta’ Spanja, ta’ Franza, ta’ l-Irlanda, ta’ l-Olanda u tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati nazzjonali, huma dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
fuq it-talbiet magħmula lilha mill-Bundesgerichtshof, permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Jannar 1993, u mill-High Court of Justice, Queen's Bench Division, Divisional Court, permezz ta’ digreit tat-18 ta’ Novembru 1992, taqta’ u tiddeċiedi:
1) Il-prinċipju li jobbliga lill-Istati Membri jagħtu kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi mill-vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju li huma imputabbli lilhom huwa applikabbli meta n-nuqqas allegat huwa attribwibbli lill-leġiżlatur nazzjonali.
2) Meta vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju minn Stat Membru tkun imputabbli lill-leġiżlatur nazzjonali li jaġixxi f’qasam li fih għandu marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni biex jagħmel għażliet leġiżlattivi, l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens meta r-regola tad-dritt Komunitarju vvjolata jkollha l-għan li tagħtihom drittijiet, meta l-vjolazzjoni tkun gravi biżżejjed u meta teżisti rabta ta' kawżalità diretta bejn din il-vjolazzjoni u d-dannu mġarrab mill-individwi. B’din ir-riżerva, l-Istat għandu jagħti kumpens għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat mill-vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju imputabbli lilu skond id-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk dwar talbiet simili ta’ natura domestika u ma jkunux tali li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika.
3) Il-qorti nazzjonali ma tistax, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija tapplika, tissuġġetta l-kumpens għad-danni għall-eżistenza ta’ ħtija intenzjonali jew b’negliġenza min-naħa ta’ l-organu Statali li lilu hija imputabbli l-vjolazzjoni, li tmur oltri l-vjolazzjoni gravi biżżejjed tad-dritt Komunitarju.
4) Il-kumpens li għandhom jagħtu l-Istati Membri, għad-danni li jkunu kkawżaw lill-indvidwi minħabba vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju għandu jkun proporzjonat għad-dannu mġarrab. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji f’dan il-qasam, huwa f’idejn l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi l-kriterji biex tiġi ddeterminata l-portata tal-kumpens, li ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għal talbiet jew azzjonijiet simili bbażati fuq il-liġi domestika u li, f'ebda każ, ma jistgħu jkunu tali li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita, b’mod ġenerali, id-danni li għalihom jista’ jingħata kumpens biss għad-danni kkawżati lil ċerti beni individwali protetti b’mod speċifiku, bl-esklużjoni tan-nuqqas ta’ profitt imġarrab mill-individwi, mhijiex kompatibbli mad-dritt Komuitarju. Barra minn hekk, danni partikolari, bħad-danni “eżemplari” previsti mid-dritt Ingliż, għandhom ikunu jistgħu jingħataw fil-kuntest ta’ talbiet jew azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt Komunitarju, jekk tali danni jistgħu jingħataw fil-kuntest ta’ talba jew azzjoni simili bbażata fuq il-liġi domestika.
5) L-obbligu, ta’ l-Istati Membri, li jagħtu kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi mill-vjolazzjonijiet tad-dritt Komunitarju li huma imputabbli lilhom ma jistax jiġi limitat biss għad-danni mġarrba wara li tkun ingħatat sentenza tal-Qorti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-vjolazzjoni allegata.
Rodríguez Iglesias | Kakouris | Edward |
Hirsch | Mancini | Schockweiler |
Moitinho de Almeida | Gulmann | Murray |
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Marzu 1996.
G. C. Rodríguez Iglesias | R. Grass |
President | Reġistratur |
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż u l-Ingliż.