SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

24 ta' Novembru 1993 (*)

"Moviment liberu ta' oġġetti - Projbizzjoni ta' bejgħ mill-ġdid b'telf"

Fil-kawżi magħquda C-267/91 u C-268/91

li għandhom bħala suġġett talbiet skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE mit-Tribunal de grande instance de Strasbourg (Franza) għal deċiżjoni preliminari fil-proċedimenti kriminali pendenti quddiem din il-qorti kontra

Bernard Keck

vs

Daniel Mithouard

rigward l-interpretazzjoni tar-regoli tat-Trattat KEE dwar il-kompetizzjoni u l-moviment liberu fil-Komunità.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn u MM. O. Due, President, G. F. Mancini, J. C. Moitinho de Almeida, M. Díez de Velasco u D. A. O. Edward, Presidenti ta’ Awla, C. N. Kakouris, R. Joliet, F. A. Schockweiler, G. C. Rodríquez Iglesias, F. Grévisse, M. Zuleeg, P. J. G. Kapteyn et J. L. Murray, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Van Gerven,

Reġistratur: D. Louterman-Hubeau, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, 9 ta' Marzu 1993,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' April 1993,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta' żewġ deċiżjonijiet tas-27 ta' Ġunju 1991, ippreżentati fil-Qorti fis-16 ta' Ottubru 1991, it-Tribunal de grande instance ta' Strasburgu ressaq quddiem il-Qorti żewġ domandi preliminari, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat tal-KEE, dwar l-interpretazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni u l-moviment liberu fil-Komunità.

2        Tali mistoqsijiet tressqu fil-mori tal-proċeduri penali mressq kontra B. Keck u D. Mithouard, li qegħdin jiġu mħarrkin għaliex, bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel Artikolu tal-liġi Franċiża numru 63-628 tat-2 ta' Lulju 1963, hekk kif emendata mill-Artikolu 32 ta' l-ordinanza numru 86-1243 ta' l-1 ta' Diċembru 1986, huma biegħu mill-ġdid prodotti, bla ma għamlu ebda alterazzjoni fihom, bi prezzijiet orħos mill-prezz tal-bejgħ oriġinali tagħhom.

3        Bħala difiża, B. Keck u D. Mithouard sostnew li projbizzjoni ġenerali fuq il-bejgħ mill-ġdid b’telf, kif stabbilit mill-imsemmija dispożizzjonijiet, hija inkompatibbli ma' l-Artikolu 30 tat-Trattat kif ukoll mal-prinċipji tal-moviment liberu ta' persuni, servizzi, kapital u tal-kompetizzjoni ħielsa fil-Komunità.

4        Peress li qies li l-interpretazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja kienet meħtieġa, it-Tribunal de grande instance ta' Strasburgu ssosspenda ż-żewġ proċedimenti u għamel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti:

“Il-projbizzjoni fi Franza ta' bejgħ mill-ġdid b’telf, skond l-Artikolu 32 ta' l-ordinanza numru 86-1243 ta' l-1 ta' Diċembru 1986, hija kompatibbli mal-prinċipji tal-moviment liberu ta' persuni, servizzi, kapitali, ta' stabbiliment, ta' kompetizzjoni libera fis-suq komuni u ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità imposti mit-Trattat tal-25 ta' Marzu 1957 li waqqaf il-KEE, u b’mod partikolari mill-Artikoli 3 u 7 ta' l-imsemmi Trattat, peress li l-liġi Franċiża għandha mnejn ixekkel il-kompetizzjoni:

a)       minn naħa, għax tippenalizza biss il-bejgħ mill-ġdid b’telf u teżenta mill-portata tal-projbizzjoni lill-manufattur, li jista' jbigħ il-prodott li jipproduċi, jipproċessa jew itejjeb, anki jekk ftit li xejn, bi prezz aktar baxx mill-prezz li jiswa lilu;

b)      min-naħa l-oħra, peress li jxekkel il-kompetizzjoni, partikolarment fiż-żoni tal-fruntiera, bejn il-varji kummerċjanti, skond in-nazzjonalità tagħhom u l-pajjiż fejn huma stabbiliti?”

5        Qed isir riferiment għall-verbal tas-seduti għal spjegazzjoni aktar dettaljata dwar il-fatti tal-kawża, il-proċedura u l-osservazzjonijiet bil-miktub imressqa quddiem il-Qorti. Tali elementi huma diskussi iktar 'il quddiem biss safejn huwa neċessarju għar-raġunament tal-Qorti.

6        Jeħtieġ li jingħad mill-bidu nett li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-moviment liberu ta' persuni, servizzi u kapital fil-Komunità ma għandhom l-ebda effett fuq projbizzjoni ġenerali ta' bejgħ mill-ġdid b’telf, li tirrigwarda l-kummerċjalizzazzjoni tal-merkanzija. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet m’humiex rilevanti għall-oġġettiv tal-kontestazzjoni in kwistjoni.

7        Wara, f’dak li għandu x’jaqsam mal-prinċipju tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni, skond l-Artikolu 7 tat-Trattat, joħroġ mid-deċiżjoni ta' rinviju li l-qorti nazzjonali għandha dubju dwar il-kompatibbiltà tal-projbizzjoni ta' bejgħ mill-ġdid b’telf ma' din id-dispożizzjoni, peress li impriżi li huma suġġetti għaliha jistgħu jkunu żvantaġġati, meta paragunati mal-kompetituri tagħhom fl-Istati Membri fejn il-bejgħ mill-ġdid b’telf huwa permess.

8        F`dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li impriżi ta' bejgħ fi Stati Membri diversi huma suġġetti għal liġijiet differenti, xi wħud minnhom li jipprojbixxu u oħrajn li jippermettu l-bejgħ mill-ġdid b’telf, ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni skond ta' l-Artikolu 7 tat-Trattat, peress li l-liġi nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika għal kull attività ta' bejgħ li titwettaq fuq territorju nazzjonali, irrispettivament min-nazzjonalità ta' dawk involuti f`tali attività (ara s-sentenza ta' l-14 ta' Lulju 1988, Lambert, Kawża 308/86, Ġabra p. 4369).

9        Fl-aħħar nett, jidher mid-domanda preliminari, li l-qorti nazzjonali qiegħda tfittex li tifhem l-effetti negattivi eventwali tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni fuq il-kompetizzjoni, billi tinvoka l-prinċipji fundamentali tal-Komunità, hekk kif deskritti fl-Artikolu 3 tat-Trattat, mingħajr però ma tagħmel riferiment għar-regoli speċifiċi tat-Trattat li jimplementawhom fil-qasam tal-kompetizzjoni.  

10      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ta' l-argumenti dedotti mill-partijiet kif ukoll tat-trattazzjonijiet li saru quddiem il-Qorti, u bil-għan li tingħata tweġiba utli lill-qorti ta' rinviju, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-projbizzjoni tal-bejgħ mill-ġdid b’telf mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-merkanzija.

11      Skond ta' l-Artikolu 30 tat-Trattat, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u l-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti huma pprojbiti bejn l-Istati Membri. Skond ġurisprudenza kostanti, kull miżura li tista' xxekkel il-kummerċ intraKomunitarju, b’mod dirett jew indirett, effettivament jew potenzjalment, tikkostitwixxi miżura b`effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva.

12      Jeħtieġ li jingħad li liġi nazzjonali li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-bejgħ mill-ġdid b’telf mhix maħsuba sabiex tirregola l-iskambju ta' merkanzija bejn l-Istati Membri .

13      Huwa veru li tali liġi għandha mnejn tnaqqas il-volum tal-bejgħ u, bħala riżultat, il-volum tal-bejgħ ta' prodotti minn Stati Membri oħra, peress li ċċaħħad lin-negozjanti minn mezz ta' promozzjoni tal-bejgħ. Iżda jeħtieġ li wieħed jara jekk din il-possibbiltà hijiex suffiċjenti biex tikkwalifika l-liġi in kwistjoni bħala miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni fuq l-importazzjoni.

14      Peress li n-negozjanti qegħdin dejjem iktar jinvokaw l-Artikolu 30 tat-Trattat bħala mezz biex jikkontestaw kull tip ta' leġiżlazzjoni li l-effett tagħha huwa li jillimita d-dritt tagħhom għal kummerċ liberu, anki jekk tali leġiżlazzjoni ma tirrigwardax il-prodotti ta' Stati Membri oħra, il-Qorti hi tal-fehma li jeħtieġ li teżamina mill-ġdid u tiċċara l-ġurisprudenza tagħha f’dan ir-rigward.

15      Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, skond il-kawża Cassis de Dijon (sentenza ta' l-20 ta' Frar 1979, Rewe-Zentral, kawża 120/78, Ġabra p. 649), jikkostitwixxu miżuri b`effett ekwivalenti, hekk kif ipprojbit mill-Artikolu 30, l-ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija li, fil-każ ta' nuqqas ta' armonizzazzjoni tal-liġijiet, jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' regoli li jimponu rekwiżiti (bħal dawk li għandhom x’jaqsmu ma' l-isem, il-forma, id-daqs, il-piż, il-kompożizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikketti u l-ippakkjar) fuq merkanzija dieħla minn Stati Membri oħra fejn dawn huma prodotti u kummerċjalizzati legalment. Dan anki jekk tali regoli huma applikabbli bla ebda distinzjoni għall-prodotti kollha, sakemm applikazzjoni ta' dan it-tip ma tistax tiġi ġġustifikata bħala li hija ta' interess pubbliku li tieħu preċedenza fuq id-dritt għall-moviment liberu tal-merkanzija.

16      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, kontrarjament għal dak kollu li kien ġie deċiż sa issa, l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta' bejgħ għal prodotti minn Stati Membri oħra, mhix tali li tostakola, direttament jew indirettament, effettivament jew potenzjalment, il-kummerċ bejn Stati Membri skond il-kawża Dassonville (sentenza tal-11 ta' Lulju 1974, kawża 8/74, Ġabra. p. 837), sakemm tali dispożizzjonijiet huma applikabbli għan-negozjanti kollha li joperaw fit-territorju nazzjonali, u sakemm jaffettwaw bl-istess mod, bid-dritt u bil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti nazzjonali u ta' dawk minn Stati Membri oħra.

17      Fil-fatt, meta tali kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni ta' dan it-tip għall-bejgħ ta' prodotti minn Stat membru ieħor li jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti mill-Istat in kwistjoni mhijiex tali li timpedixxi l-aċċess tagħhom għas-suq jew li timpedilhom l-aċċess iżjed milli timpedixxi l-aċċess ta' prodotti nazzjonali. Għalhekk, tali regolamenti jaqgħu barra mill-portata ta' l-Artikolu 30 tat-Trattat.

18      Ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali għandha għalhekk tkun li l-Artikolu 30 tat-Trattat tal-KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li mhuwiex applikabbli għal liġi ta' Stat membru li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-bejgħ mill-ġdid b’telf.

 Fuq l-ispejjeż

19      L-ispejjeż inkorsi mill-gvern Franċiż u minn dak Grieg kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ppreżentaw xi osservazzjonijiet quddiem il-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajjma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

Tiddeċiedi dwar il-domandi ppreżentati lilha mit-Tribunal de grande instance de Strasbourg, permezz ta' żewġ sentenzi tas-27 ta' Ġunju 1991, u tiddikjara li:

1)      L-Artikolu 30 tat-Trattat tal-KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li mhuwiex applikabbli għal liġi ta' Stat membru li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-bejgħ mill-ġdid b’telf.


Due

Mancini

Moitinho de Almeida

Díez de Velasco

Edward

Kakouris

Joliet

Schockweiler

Rodríguez Iglesias

Grévisse

 

      Zuleeg

Kapteyn

 

      Murray

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-24 ta’ Novembru 1993.

J. G- Giraud

 

      O. Due

Reġistratur                                                                         President



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.