SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

26 ta' Mejju 1982 (*)

"Moviment liberu tal-ħaddiema"

Fil-kawża C-149/79,

li għandha bħala għan rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 48 tat-Trattat KEE, kif ukoll mir-Regolament tal-Kunsill KEE Numru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, billi impona l-kundizzjoni ta' nazzjonalità għall-aċċess għal impjiegi li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 48 (4) tat-Trattat KEE.

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej,

vs

Ir-Renju tal-Belġju,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn, J. Mertens de Wilmars, President, P. Pescatore u T. Koopmans, Presidenti ta' Awla, Mackenzie Stuart, A. O'Keeffe, G. Bosco u A. Touffait, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Mayras,

Reġistratur: A. Van Houtte,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta' Settembru 1979, il-Kummissjoni ressqet, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 169 tat-Trattat KEE, rikors intiż sabiex jiġi ddikjarat li r-Renju tal-Belġju, "billi impona jew ippermetta li jiġi impost il-pussess tan-nazzjonalità Belġjana bħala kundizzjoni għar-reklutaġġ f'impjiegi mhux koperti mill-Artikolu 48 tat-Trattat, naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond l-Artikolu 48 tat-Trattat u r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità " (ĠU Nru l 257, p. 2).

2        Fl-opinjoni motivata u fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni rreferiet b’mod ġenerali għal, "diversi offerti ta' impjieg" ma' Societe Nationale des Chemins de Fer Belges (kumpannija nazzjonali tal-ferroviji Belġjana) (SNCB) u Societe Nationale des Chemins de Fervicinaux (kumpannija nazzjonali tal-ferroviji reġjonali) (SBCV) u li kienu jikkonċernaw postijiet għal ħaddiema mhux ikkwalifikati, kif ukoll offerti ta' impjieg ippubblikati "matul dawn l-aħħar snin" mill-belt ta' Brussell u mill-komun ta' Auderghem, u semmiet b'mod indikattiv biss il-postijiet involuti f'dawn l-offerti. Kien permezz ta' elementi ta' informazzjoni mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja matul il-proċedura bil-miktub u orali u ppreżentata mill-Gvern Belġjan, u wara l-lista li l-Kummissjoni tat matul il-proċedura orali, li ma ġietx ikkontestata mill-imsemmi Gvern, li kien possibbli li tiġi stabbilita l-lista preċiża ta’ l-impjiegi in kwistjoni.

3        Mill-informazzjoni pprovduta u minn din il-lista jirriżulta li l-impjiegi msemmija jikkonċernaw postijiet ta’ sewwieqa ta' lokomottivi li għadhom qed jitħarrġu, nies li jgħabbu, 'plate-layers', nies biex ibiddlu d-direzzjoni tal-ferrovija u biex jagħtu s-sinjali ma' SNCB u ħaddiema mhux ikkwalifikati ma' SNCV, kif ukoll pożizzjonijiet ta' infermiera, infermiera tat-tfal, għassiesa ta’ bil-lejl, plamers, mastrudaxxi, elettriċisti, assistenti-ġardinara, periti u kontrolluri mal-belt ta' Brussell u mal-komun ta' Auderghern. L-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni madankollu ma tippermettix li tittieħed ideà eżatta tat-tip ta' xogħol li jinvolvu dawn l-impjiegi li tagħhom setgħet titħejja lista preċiża.

4        Dawn l-impjiegi kienu ġew effettivament offruti bejn l-1973 u l-1977, permezz ta’ avviż jew reklam fil-gazzetti, mill-impriżi pubbliċi u l-awtoritajiet lokali msemmija hawn fuq, u l-avviżi kienu jeħtieġu, fost kundizzjonijiet oħra għar-reklutaġġ, il-pussess ta' nazzjonalità Belġjana.

5        Permezz ta’ ittra tal-21 ta' Novembru 1978, il-Kummissjoni għarrfet lill-Gvern tar-Renju tal-Belġju li hija tikkunsidra din il-politika bħala inkompatibbli ma' l-Artikolu 48 tat-Trattat tal-KEE u mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Numru 1612/68 KEE dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, u għaldaqstant bdiet, fil-konfront ta' dan l-Istat Membru, il-proċedura ta' l-Artikolu 169 tat-Trattat KEE.

6        Permezz ta' ittra tal-15 ta' Jannar 1979, ir-rappreżentanza permanenti tar-Renju tal-Belġju wieġbet, b'mod partikolari :

–        Li l-kundizzjoni ta' nazzjonalità in kwistjoni tissodisfa d-dispożżjonijiet tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 6, tal-kostituzzjoni Belġjana, li tgħid li "il-Belġjani...biss jistgħu jiġu impjegati maċ-ċivil jew ma' l-armata, ħlief f’eċċezzjonijiet li jistgħu jiġu stabbiliti mil-liġi għall-każijiet partikolari".

–        Li, f’kull każ, l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħti lill-Artikolu 48(4) tat-Trattat tirrendi indispensabbli li ssir distinzjoni fi ħdan kull entità amministrattiva bejn l-impjiegi li huma konnessi ma' l-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali u dawk li mhumiex hekk konnessi, u għalhekk tqajjem problema li għaliha trid tinstab soluzzjoni għall-Istati Membri kollha, fuq livell Komunitarju.

7        Il-Kummissjoni qieset li ma setgħatx taċċetta l-argumentazzjoni mressqa mill-Gvern Belġjan. Fit-2 ta' April 1979 hija ħarġet, skond l-Artikolu 169 tat-Trattat, opinjoni motivata li tenfasizza, fost oħrajn,

–        Li r-Renju tal-Belġju ma setax jinvoka t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 6 tal-kostituzzjoni tiegħu sabiex jirrendi legali l-prattiċi dwar l-aċċess għall-impjieg li qed jiġi akkużat bihom.

–        Li l-klawżola ta' eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 48(4) tat-Trattat, tkopri biss dawk l-impjiegi li l-eżerċizzju tagħhom jinvolvi l-parteċipazzjoni effettiva fl-awtorità pubblika, jiġifieri dawk li jinvolvu setgħa ta' deċiżjoni fir-rigward ta' individwi jew li jagħmlu eżami ta' l-interessi nazzjonali, u, b'mod partikolari, dawk li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà interna u esterna ta' l-Istat.

–        Li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' din il-klawżola ta' eċċezzjoni mhumiex sodisfatti f’dak li jikkonċerna l-impjiegi bħal dawk koperti mill-offerti ta' impjieg in kiwstjoni.

8        Peress li r-Renju tal-Belġju ma kkonformax ruħu ma' din l-opinjoni motivata fiż-żmien mogħti mill-Kummissjoni, fis-27 ta' Settembru 1979, hija ppreżentat ir-rikors preżenti.

9        L-Artikolu 48(4) tat-Trattat jipprovdi li "id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu ma japplikawx għal impjieg ma' l-awtoritajiet pubbliċi."

10      Din id-dispożizzjoni tqiegħed barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-ewwel tliet paragrafi ta' l-Artikolu 48 numru ta’ impjiegi li jinvolvu l-parteċipazzjoni, diretta jew indiretta, fl-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika u fil-funzjonijiet li għandhom bħala għan il-protezzjoni ta' l-interessi ġenerali ta' l-Istat jew ta' awtoritajiet pubbliċi oħra. Fil-fatt, impjiegi ta' dan it-tip jippreżumu, minn dawk li jkunu qed jokkupawhom, l-eżistenza ta' relazzjoni speċjali ta' lealtà lejn l-Istat kif ukoll ta' reċiproċità ta' drittijiet u obbligi li jiffurmaw il-bażi tar-rabta tan-nazzjonalità.

11      Għalhekk, il-portata tad-deroga mill-prinċipji tal-moviment liberu u tat-trattament ugwali stabbiliti fl-ewwel tliet paragrafi ta' l-Artikolu 48 għandha tiġi ddeterminata abbażi ta' l-ghan li jrid jilħaq l-imsemmi Artikolu 48(4). Id-determinazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 48(4) tqajjem madankollu diffikultajiet partikolari minħabba li fl-Istati Membri differenti, l-awtorità pubblika assumiet responsabbiltajiet ta' natura ekonomika u soċjali, jew tipparteċipa f’attivitajiet li mhumiex assimilabbli għall-funzjonijiet tipiċi ta' l-amministrazzjoni pubblika, iżda li minħabba n-natura tagħhom jaqgħu, min-naħa l-oħra, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 48(4) tiġi estiża sabiex tkopri impjiegi li għalkemm jaqgħu taħt l-Istat jew taħt korpi rregolati mid-dritt pubbliku, ma jinvolvux madankollu ebda konnessjoni max-xogħlijiet li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni pubblika fiha nnifisha, ikollu bħala konsegwenza li numru kunsiderevoli ta’ impjiegi jitneħħew mill-applikazzjoni tal-prinċipji tat-Trattat u li jinħolqu inugwaljanzi bejn l-Istati Membri, minħabba d-differenzi li jikkaratterizzaw il-mod li bih l-Istat u u ċerti oqsma tal-ħajja ekonomika huma organizzati.

12      Jaqbel għalhekk li jiġi eżaminat jekk l-impjiegi koperti mir-rikors jistgħux ikunu marbuta mal-kunċett ta' amministrazzjoni pubblika skond l-Artikolu 4(4), li għandu jiġi interpretat u applikat b'mod uniformi fil-Komunità kollha. Għandu jiġi rrikonoxxut li l-applikazzjoni tal-kriterji ta' distinzjoni indikati hawn fuq toħloq problemi ta' evalwazzjoni u delimitazzjoni f’każijiet speċifiċi. Minn dak li għadu kif ingħad, jirriżulta li din il-klassifikazzjoni tiddependi minn jekk l-impjiegi in kwistjoni humiex ikkaratterizzati minn attivitajiet speċifiċi ta' l-amministrazzjoni pubblika safejn hija investita bl-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika u bir-responsabbiltà għall-ħarsien ta' l-interessi ġenerali ta' l-Istat.

13      Filwaqt li, fir-rigward ta' impjiegi li, għalkemm offruti mill-awtoritajiet pubbliċi, ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 48(4) il-ħaddiem ta' Stat Membru ieħor huwa obbligat li jissodisfa, bl-istess mod bħall-ħaddiem nazzjonali, il-kundizzjonijiet l-oħra kollha tar-reklutaġġ, b’mod partikolari f´dak li għandu x’jaqsam mal-kapaċitajiet u l-konoxxenzi professjonali meħtieġa, id-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel tliet paragrafi ta' l-Artikolu 48 u r-Regolament Numru 1612/68 ma jippermettux li huwa jista' jiġi eskluż mill-imsemmija impjiegi sempliċement minħabba n-nazzjonalità tiegħu.

14      Insostenn għall-argument imressaq mill-Gvern Belġjan u sostnut mill-partijiet intervenjenti, li l-klawżola ta' eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 48(4) tat-Trattat għandha portata ġenerali li tkopri l-impjiegi kollha fl-amministrazzjoni ta’ Stat Membru, dan il-Gvern invoka d-dispożizzjonijiet partikolari ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Numru 1612/68, li jgħid li ħaddiem minn Stat Membru ieħor “jista' jiġi eskluż milli jieħu sehem fit-tmexxija ta' korpi ggvernati mill-liġi pubblika u milli jieħu impjieg iggvernat mill-liġi pubblika.”

15      Din id-dispożizzjoni, minflok ma ssostni l-argument tal-Gvern Belġjan, tikkonferma, għall-kuntrarju, l-interpretazzjoni mogħtija hawn fuq ta' l-Artikolu 48(4). Fil-fatt, kif jammetti l-Gvern Belġjan innifsu, l-Artikolu 8 iċċitat iktar 'il fuq, mhuwiex intiż sabiex jeskludi l-ħaddiema ta' Stati Membri oħra minn ċerti impjiegi, iżda jippermetti biss li l-imsemmija ħaddiema jiġu eventwalment esklużi minn ċerti attivitajiet li jinvolvu l-parteċipazzjoni fl-awtorità pubblika, bħal dawk – sabiex wieħed iżomm ma' l-eżempji ċċitati mill-Gvern Belġjan stess – li jinvolvu "il-preżenza tar-rappreżentanti sindakali fuq il-bordijiet ta' amministrazzjoni ta' diversi korpi rregolati mid-dritt pubbliku b'kompetenzi ekonomiċi ".

16      Il-Gvern Belġjan isostni wkoll li d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali ta' ċerti Stati Membri jirreferu espliċitament għall-problema ta' l-impjieg fl-amministrazzjoni pubblika, prinċipalment l-esklużjoni ta' ħaddiema li mhumiex ta' l-istess nazzjonalità, ħlief għal derogi eventwali. Dan huwa wkoll l-effett ta' l-Artikolu 6 tal-kostituzzjoni Belġjana li tgħid li, “il-Belġjani biss jistgħu jiġu impjegati maċ-ċivil jew ma' l-armata", ħlief f´każijiet partikolari fejn tista' ssir eċċezzjoni”. Il-Gvern Belġjan innifsu jiddikjara li huwa ma jikkontestax li “r-regoli komunitarji huma superjuri għar-regoli nazzjonali”, iżda jqis li x-xebh bejn il-liġijiet kostituzzjonali ta' dawn l-Istati Membri għandu jservi bħala element ta' interpretazzjoni intiż sabiex jixħet iktar dawl fuq it-tifsira ta' l-Artikolu 48(4) u sabiex tiġi skartata l-interpretazzjoni mogħtija lil din id-dispożizzjoni mill-Kummissjoni, li jkollha l-effett li toħloq kunflitti mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali li saret referenza għalihom.

17      Il-Gvern Franċiż żviluppa argument b'effett simili billi rrefera għall-prinċipji applikati fid-dritt Franċiż dwar is-servizz pubbliku, li huwa bbażat fuq idea komprensiva bbażata fuq in-neċessità tan-nazzjonalità Franċiża bħala kundizzjoni għal aċċess għall-kull impjieg fis-servizz pubbliku ta' l-Istat, tal-komuni jew ta' stabbilimenti pubbliċi oħra, mingħajr ma jkun possibbli li ssir distinzjoni skond in-natura u l-karatteristiċi ta' l-impjieg in kwistjoni.

18      Huwa veru li l-Artikolu 48(4) huwa intiż, fl-iskema tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, sabiex jikkunsidra l-eżistenza ta' dispożizzjonijiet bħal dawk imsemmija. Iżda, fl-istess ħin, kif huwa ammess fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, id-delimitazzjoni tal-kunċett ta' “amministrazzjoni pubblika”, skond l-Artikolu 48(4) ma tistax titħalla għad-diskrezzjoni totali ta' l-Istati Membri.

19      Indipendentement mill-fatt li d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali Belġjani ma jeskludux il-possibiltà li jsiru eċċezzjonijiet għall-kundizzjoni ġenerali tal-pussess tan-nazzjonalità Belġjana, ta' min ifakkar, kif kostantement enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenża tagħha, li r-rikors għal dispożizzjonijiet tas-sistema legali nazzjonali sabiex tiġi limitata l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju jkollu l-effett li jxekkel l-unità u l-effikaċità ta' dan id-dritt u għalhekk ma jistax jiġi aċċettat. Din ir-regola, fundamentali għall-eżistenza tal-Komunità, trid tiġi applikata wkoll fid-determinazzjoni tal-portata u l-limiti ta' l-Artikolu 48(4) tat-Trattat. Filwaqt li huwa veru li din id-dispożizzjoni tikkunsidra l-interess leġittimu li l-Istati Membri għandhom, li jirriżervaw għaċ-ċittadini tagħhom numru ta' impjiegi konnessi ma' l-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika u mal-ħarsien ta' l-interessi ġenerali, jeħtieġ fl-istess ħin li jiġi evitat li l-effett utli u l-portata tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u t-trattament ugwali taċ-ċittadini ta' l-Istati Membri kollha ma jkunux limitati minn interpretazzjonijiet tal-kunċett ta' amministrazzjoni pubblika bbażati biss fuq id-dritt nazzjonali u li jostakolaw l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji.

20      Fl-aħħar nett, il-Gvern Belġjan u dak Franċiż isostnu li l-esklużjoni ta' ħaddiema barranin minn impjiegi li ma jinvolvux mill-bidu l-parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika ssir partikolarment neċessarja, meta r-reklutaġġ isir fuq il-bażi ta' reġim statutorju, u meta l-individwi li jokkupaw dawn il-postijiet ikunu eliġibbli għal karriera li tinvolvi, fil-gradi l-għolja, funzjonijiet u responsabbiltajiet ta' l-awtorità pubblika. Il-Gvern Ġermaniż u dak Ingliż iżidu li tali esklużjoni tkun meħtieġa wkoll minħabba l-fatt li l-flessibbiltà fid-distribuzzjoni tax-xogħol hija karatteristika ta’ l-amministrazzjoni pubblika u li, konsegwentement, il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet ta' impjegat jistgħu jinbidlu, mhux biss fil-każ ta' promozzjoni, iżda wkoll wara trasferiment fl-istess dipartiment, jew f’dipartiment differenti bi grad ekwivalenti.

21      Madankollu, dawn l-oġġezzjonijiet ma jieħdux in kunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 48(4), meta jirreferi għall-impjiegi li jinvolvu l-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika u l-attribuzzjoni ta' responsabbiltajiet għall-ħarsien ta' l-interessi ġenerali ta' l-Istati, jippermetti lill-Istati Membri jirriżervaw, permezz ta' liġijiet adatti, liċ-ċittadini tagħhom aċċess għall-impjiegi li jinvolvu l-eżerċizzju ta' tali poteri u ta' tali responsabbiltajiet fi ħdan l-istess grad, l-istess dipartiment jew fl-istess kuntest.

22      L-argument imressaq mill-Gvern Ġermaniż rigward dan l-aħħar punt, li l-esklużjoni eventwali ta' ċittadini ta' Stati Membri oħra mill-benefiċċju ta' ċerti promozzjonijiet jew ta' ċerti trasferimenti fl-amministrazzjoni pubblika jkollha bħala effett li toħloq diskriminazzjonijiet ġewwa din l-istess amminsitrazzjoni, ma jieħux in kunsiderazzjoni l-fatt li l-interpretazzjoni li l-imsemmi Gvern jagħti lill-Artikolu 48(4) u li għandha bħala effett li teskludi lil imsemmija ċittadini mill-impjiegi kollha fl-amministrazzjoni pubblika, tinvolvi restrizzjoni għad-drittijiet ta' dawn iċ-ċittadini li teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta' l-għanijiet li din id-dispożizzjoni trid tilħaq, kif interpretata fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq.

23      Il-Qorti tal-Ġustizzja hija tal-fehma li, in ġenerali, għall-impjiegi fil-kawża prinċipali, l-elementi ta' informazzjoni li jinsabu fil-proċess tal-kawża u pprovduti mill-partijiet matul il-proċedura bil-miktub u orali ma jippermettux li tiġi evalwata b'mod suffiċjentement preċiż in-natura vera tal-funzjonijiet li dawn jinvolvu u biex jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, liema huma, fost dawn l-impjiegi, dawk li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta' amministrazzjoni pubblika skond l-Artikolu 48(4) tat-Trattat.

24      F´dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx li, f'dan l-istadju, hija tista' tiddeċiedi dwar in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu li bih qiegħed jiġi akkużat il-Gvern Belġjan. Għalhekk, hija tistieden lill-Kummissjoni u lir-Renju tal-Belġju sabiex jissoktaw bl-analiżi tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq u biex iħejju rapport lill-Qorti tal-Ġustizzja, flimkien jew separatament, fi żmien stipulat, kemm fuq kull soluzzjoni għall-kwistjoni li jkunu rnexxielhom isibu kif ukoll dwar l-opinjonijiet rispettivi tagħhom, b'kunsiderazzjoni għall-elementi ta' dritt li jirriżultaw minn din is-sentenza. L-intervenjenti jkollhom l-opportunità li jippreżentaw lil din il-Qorti l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan jew dawn ir-rapporti, meta jkun il-waqt.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

qabel ma tiddeċiedi jekk tilqax ir-rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Il-Kummissjoni u r-Renju tal-Belġju għandhom jerġgħu jeżaminaw mill-ġdid il-kwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet legali ta' din is-sentenza u għandhom jħejju rapport lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-riżultat ta' dan l-eżami qabel l-1 ta’ Lulju 1981. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament wara din id-data;

Mertens de Wilmars

Pescatore

Koopmans

Mackenzie Stuart

 

      O'KEEffe

Bosco

 

            Touffait

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-17 ta' Diċembru 1980.

A. Van Houtte

 

      J. Mertens de Wilmars

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.