Brussell, 18.5.2026

COM(2026) 1002 final

2026/0120(BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lir-Rumanija għall-għargħar tal-aħħar ta’ Mejju 2025, lil Ċipru għan-nirien fis-selvaġġ ta’ Lulju 2025 u lil Spanja għan-nirien fis-selvaġġ ta’ Awwissu 2025 


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Kuntest tal-proposta

Din id-deċiżjoni tkopri l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-FSUE”) f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 1 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament FSUE”) għal ammont ta’ EUR 144 099 756 biex tingħata assistenza lir-Rumanija għall-għargħar li seħħ fi tmiem Mejju 2025, lil Ċipru għan-nirien fis-selvaġġ f’Lulju 2025 u lil Spanja għan-nirien fis-selvaġġ f’Awwissu 2025.

Din il-mobilizzazzjoni hija akkumpanjata mid-Deċiżjoni Nru 8/2026 li tipproponi t-trasferiment tal-ammont neċessarju mil-linja ta’ riżerva tar-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea (minn hawn ’il quddiem “l-ESR”) lejn il-linja baġitarja operazzjonali tal-FSUE, kemm f’approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll f’approprjazzjonijiet ta’ pagament.

2.Informazzjoni u kundizzjonijiet

2.1Ir-Rumanija - diżastru naturali reġjonali: għargħar li beda fis-27 ta’ Mejju 2025

(1)Fl-14 ta’ Awwissu 2025, ir-Rumanija ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara l-għargħar li beda fis-27 ta’ Mejju 2025. Fis-26 ta’ Settembru 2025 u fl-24 ta’ Marzu 2026, ir-Rumanija ppreżentat kjarifiki addizzjonali rigward id-data u l-informazzjoni li ngħataw fl-applikazzjoni tal-FSUE.

(2)Ir-Rumanija applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE fi żmien l-iskadenza ta’ tnax-il ġimgħa wara li d-diżastru kkaġuna l-ewwel ħsara fis-27 ta’ Mejju 2025. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament FSUE.

(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.

(4)L-awtoritajiet Rumeni ppreżentaw l-applikazzjoni taħt il-kriterju “diżastru naturali reġjonali” kif stabbilit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament FSUE, li jfisser kwalunkwe diżastru naturali f’reġjun tal-livell NUTS 2 ta’ Stat eliġibbli li jirriżulta fi ħsara diretta li taqbeż il-1,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) ta’ dak ir-reġjun. L-awtoritajiet Rumeni jistmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru hija ta’ EUR 573,59 miljun. Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament FSUE, meta d-diżastru naturali jkun jikkonċerna bosta reġjuni tal-livell NUTS 2, il-livell limitu għandu jiġi applikat għall-medja tal-PDG ta’ dawk ir-reġjuni, ponderata skont is-sehem tal-ħsara totali f’kull reġjun. Il-ħsara diretta bħala perċentwal tal-PDG reġjonali ponderat totali tar-reġjuni ta’ Centru, Sud Muntenia u Nord Est tammonta għal 1,8 %. L-ammont jaqbeż il-1,5 % tal-PDG reġjonali ponderat totali tar-reġjuni ta’ Centru, Sud Muntenia u Nord Est 2 .

(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament FSUE.

(6)Ir-Rumanija ma talbitx il-ħlas ta’ pagament antiċipat skont l-Artikolu 4a tar-Regolament FSUE.

(7)Bejn is-26 ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju 2025, fir-Rumanija seħħew diversi jiem ta’ xita qawwija li sussegwentement wasslu għal għargħar fir-reġjuni ta’ Centru, Sud Muntenia u Nord Est. L-akbar ħsara ġiet irreġistrata fis-27 ta’ Mejju fil-Minjiera tal-Melħ ta’ Praid, meta l-ilma tal-għargħar mix-xmara Corund ħall parti mis-sodda tax-xmara u għamel ħsara serja lill-infrastruttura idroteknika taż-żona u daħal fil-minjiera tal-melħ. Il-minjiera tal-melħ kollha ġiet mgħarrqa bl-ilma li kkomprometta l-istabbiltà tal-pilastri tal-appoġġ tal-melħ u pperikola l-integrità strutturali tal-minjiera. F’partijiet oħra tar-reġjuni msemmija hawn fuq, is-silġ u l-irjieħ qawwija kkawżaw ħsara mifruxa fl-infrastruttura. Il-maltempati fixklu wkoll il-funzjonament tas-servizzi pubbliċi u ħallew eluf ta’ unitajiet domestiċi mingħajr elettriku.

(8)L-awtoritajiet Rumeni talbu l-assistenza ta’ tim ta’ esperti relatata ma’ kwistjonijiet strutturali tal-Minjiera tal-Melħ ta’ Praid permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili. Tim ta’ tmien esperti mill-Ġermanja, l-Ungerija, in-Netherlands, Spanja, kif ukoll Uffiċjal ta’ Kuntatt miċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza tal-UE, intbagħtu fil-post għal ġimgħa biex jgħinu fl-analiżi tas-sitwazzjoni tal-Minjiera tal-Melħ ta’ Praid. Is-sejbiet ewlenin tal-esperti ġew ippreżentati lill-awtoritajiet Rumeni fl-10 ta’ Ġunju.

(9)Ir-Rumanija stmat li l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament EUSF laħaq l-EUR 449,71 miljun u ppreżentat kostijiet maqsuma skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura u l-impjanti fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma u d-drenaġġ, it-telekomunikazzjoni, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni u jammonta għal EUR 227,09 miljun. It-tieni l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-kost tal-iżgurar ta’ infrastruttura preventiva u l-protezzjoni tal-wirt kulturali li jammonta għal EUR 177,64 miljun. It-tielet l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna t-tindif taż-żona milquta mid-diżastru u jammonta għal EUR 26,04 miljun. Ir-raba’ l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-kost tas-servizzi ta’ salvataġġ u l-għoti ta’ akkomodazzjoni temporanja, li jammontaw għal EUR 18,94 miljun.

(10)Ir-Rumanija ttrasponiet id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva dwar l-Għargħar) primarjament permezz tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Ġestjoni tar-Riskju tal-Għargħar fuq Terminu Medju u Twil (2010–2035), li ġiet adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Gvern 846 tal-11 ta’ Awwissu 2010.

(11)Fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, ir-Rumanija ma kenitx soġġetta għal proċedimenti ta’ ksur relatati mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rigward in-natura tad-diżastru.

2.2Ċipru – diżastru naturali maġġuri: nirien fis-selvaġġ f’Lulju 2025

(1)Fl-14 ta’ Ottubru 2025, Ċipru ppreżenta applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara n-nirien fis-selvaġġ li seħħew f’Lulju 2025.

(2)Ċipru applika għal kontribuzzjoni mill-FSUE fi żmien l-iskadenza ta’ tnax-il ġimgħa wara li d-diżastru kkaġuna l-ewwel ħsara fit-23 ta’ Lulju 2025. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament FSUE.

(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.

(4)L-awtoritajiet Ċiprijotti stmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru kienet ta’ EUR 253,69 miljun. Il-Kummissjoni aċċettat ammont ta’ EUR 252,68 miljun bħala ħsara diretta totali plawżibbli. Dan l-ammont jaqbeż il-livell limitu ta’ “diżastru naturali maġġuri” ta’ Ċipru li jilħaq iż-0,6 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tagħha, li fl-2025 kien ta’ EUR 170,05 miljun 3 . Għaldaqstant, id-diżastru jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament FSUE.

(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament FSUE.

(6)Ċipru talab il-ħlas ta’ pagament antiċipat skont l-Artikolu 4a tar-Regolament FSUE. Abbażi tal-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għal pagament antiċipat mill-FSUE ġew issodisfati. Għalhekk, ingħata pagament antiċipat ta’ EUR 2 317 465 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2025) 8276 tat-3 ta’ Diċembru 2025. Il-pagament antiċipat tħallas lil Ċipru fid-29 ta’ Diċembru 2025.

(7)Matul is-sajf tal-2025, Ċipru esperjenza taħlita ta’ nixfa fit-tul, mewġiet ta’ sħana estremi u rjieħ qawwija li ħolqu l-kundizzjonijiet għal żewġ nirien bla preċedent fir-reġjuni ta’ Limassol u Pafos f’Lulju. Eluf ta’ residenti kienu mġiegħla jevakwaw minħabba n-nirien fil-foresti ta’ Limassol. Diversi skejjel u stabbilimenti tas-saħħa kellhom inaqqsu s-servizzi tagħhom u nqerdu kważi 900 proprjetà privata. Sadanittant, in-nirien fil-foresti ta’ Pafos ikkawżaw telf ekonomiku serju fis-settur agrikolu, fl-ambjent u heddew l-istabbiltà soċjoekonomika tal-komunitajiet rurali. Ir-nirien fis-selvaġġ wasslu wkoll għal 2 imwiet.

(8)L-awtoritajiet Ċiprijotti talbu għall-għajnuna għan-nirien f’Limassol permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Diversi Stati Membri tal-UE esprimew ir-rieda tagħhom li joffru appoġġ. Fl-24 ta’ Lulju 2025, Ċipru aċċetta l-offerta tal-Greċja li minnufih tat modulu wieħed ta’ Tifi tan-Nar fil-Foresti mill-Art.

(9)Ċipru stima li l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament EUSF laħaq l-EUR 84,25 miljun u ppreżenta kostijiet maqsuma skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost jikkonċerna t-tiswija tal-infrastruttura u l-impjanti fl-oqsma tal-enerġija, tal-ilma, tal-ilma mormi, tat-telekomunikazzjoni, u tat-trasport li jammonta għal EUR 66,9 miljun. It-tieni l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-akkomodazzjoni temporanja u s-servizzi ta’ salvataġġ u jammonta għal EUR 8,77 miljun. It-tielet l-akbar sehem tal-kostijiet jikkonċerna t-tindif taż-żona milquta mid-diżastru u jammonta għal EUR 5,88 miljun. Ir-raba’ l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-iżgurar ta’ infrastruttura preventiva u l-ħarsien tal-wirt kulturali li jammonta għal EUR 2,7 miljun.

(10)Fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni Ċipru ma kienx soġġett għal proċedimenti ta’ ksur fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni marbuta man-natura tad-diżastru.

2.3 Spanja – diżastru naturali maġġuri: nirien fis-selvaġġ f’Awwissu 2025

(1)Fit-30 ta’ Ottubru 2025, Spanja ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara n-nirien fis-selvaġġ f’Awwissu 2025.

(2)Spanja applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE fi żmien l-iskadenza ta’ tnax-il ġimgħa wara li d-diżastru kkaġuna l-ewwel ħsara fit-8 ta’ Awwissu 2025. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament FSUE.

(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.

(4)L-awtoritajiet Spanjoli stmaw il-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru għal EUR 4 318,27 miljun. Dan l-ammont jaqbeż il-livell limitu ta’ “diżastru naturali maġġuri” ta’ Spanja, li fl-2025 kien jilħaq it-EUR 3 958,44 miljun 4 (EUR 3 biljun fi prezzijiet tal-2011). Għaldaqstant, id-diżastru jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament FSUE.

(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament FSUE.

(6)Spanja talbet il-ħlas ta’ pagament antiċipat skont l-Artikolu 4a tar-Regolament FSUE. Abbażi tal-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għal pagament antiċipat mill-FSUE ġew issodisfati. Għalhekk, se jingħata avvanz ta’ EUR 30 137 714 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li qed tiġi adottata bħalissa.

(7)Matul is-sajf tal-2025, fi Spanja kien hemm taħlita ta’ nixfa fit-tul, mewġiet ta’ sħana estremi u tliet mewġiet ta’ nirien fil-foresti severi. Ġew irreġistrati mill-inqas 243 nar fil-foresti f’16-il Komunità Awtonoma. In-nirien ikkawżaw ħsarat ambjentali, soċjali u ekonomiċi sinifikanti, u qerdu l-għajxien ta’ ħafna ċittadini, speċjalment fiż-żoni rurali. Bosta nies kellhom jiġu evakwati minn djarhom. Ir-nirien fis-selvaġġ wasslu wkoll għal 8 imwiet. Din l-applikazzjoni hija relatata mal-ħsara tat-tielet u l-aktar mewġa qerrieda ta’ nirien li bdiet fit-8 ta’ Awwissu.

(8)L-awtoritajiet Spanjoli talbu għall-għajnuna permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Disa’ Stati Membri taw appoġġ fil-forma ta’ ajruplani tat-tifi tan-nar, ħelikopters, ħaddiema tat-tifi tan-nar, vetturi, għodod u makkinarju tqil lil diversi reġjuni Spanjoli.

(9)Spanja stmat li l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament EUSF laħaq l-EUR 121,1 miljun u ppreżentat il-kostijiet maqsuma skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kostijiet jikkonċerna t-tindif taż-żona milquta mid-diżastru li jammonta għal EUR 52,61 miljun. L-akbar sehem tal-kost jikkonċerna t-tiswija tal-infrastruttura u l-impjanti fl-oqsma tal-ilma, tal-ilma mormi, tat-telekomunikazzjoni, tal-edukazzjoni u tat-trasport li jammonta għal EUR 29,44 miljun. It-tielet sehem tal-kost jikkonċerna l-akkomodazzjoni temporanja u s-servizzi ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 39,05 miljun.

(10)Fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, Spanja ma kenitx soġġetta għal proċedimenti ta’ ksur dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata man-natura tad-diżastru.

2.4Konklużjoni

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti hawn fuq u wara l-valutazzjoni tal-informazzjoni ppreżentata, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-diżastri msemmija fl-applikazzjoni ppreżentata mir-Rumanija, Ċipru u Spanja jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament FSUE għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE.

3.Finanzjament

L-FSUE nħoloq fuq il-prinċipju tas-solidarjetà, u għaldaqstant, il-Kummissjoni tapplika approċċ ta’ allokazzjoni tal-għajnuna progressiv. Konsegwentement, il-porzjon tal-ħsara li jaqbeż il-livell limitu biex jiġi mobilizzat l-FSUE għal “diżastru naturali maġġuri” għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE (jiġifieri 0,6 % tal-ING jew EUR 3 biljun bil-prezzijiet tal-2011, skont liema minnhom ikun l-iżgħar ammont, ara l-Artikolu 2(2) tar-Regolament FSUE), jenħtieġ li jwassal għal intensità ta’ għajnuna ogħla mill-porzjon tal-ħsara taħt il-livell limitu. Dan ifisser li l-ammont ta’ għajnuna għal pajjiż milqut minn diżastru li jikkonforma mal-kundizzjonijiet għal “diżastru naturali maġġuri” jiġi kkalkulat billi jingħaddu żewġ ammonti: 2,5 % tal-ħsara diretta taħt il-livell limitu u 6 % għall-parti tal-ħsara diretta totali ’l fuq mil-livell limitu. Ir-rata applikata għad-definizzjoni tal-ammonti ta’ għajnuna għal “diżastru naturali reġjonali”, li tibqa’ taħt il-livell limitu nazzjonali, hija ta’ 2,5 % tal-ħsara diretta totali.

Din il-metodoloġija biex tiġi kkalkulata l-għajnuna mill-FSUE kienet imfassla fir-Rapport Annwali tal-2002-2003 dwar il-FSUE u ġiet aċċettata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-kontribuzzjoni FSUE ma tistax taqbeż il-kost totali stmat tal-operazzjonijiet eliġibbli.

Bl-applikazzjoni tal-metodoloġija deskritta hawn fuq, il-Kummissjoni evalwat l-għajnuna mill-FSUE b’reazzjoni għat-tliet applikazzjonijiet, ippreżentati mir-Rumanija, Ċipru u Spanja, rigward l-għargħar u n-nirien fis-selvaġġ li seħħew fl-2025.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi lill-awtorità tal-baġit biex timmobilizza l-ammonti li ġejjin:

Diżastru

Ħsara diretta totali

Livell limitu applikat

2,5 % tal-ħsara diretta totali [sal-livell limitu tad-diżastri maġġuri]

6 % tal-ħsara diretta totali  [sal-livell limitu tad-diżastri maġġuri]

Proposta għal għajnuna mill-FSUE

Ħlasijiet bil-quddiem

Bilanċ li jrid jitħallas

(EUR)

(EUR)

(EUR)

(EUR)

(EUR)

(EUR)

(EUR)

Ir-Rumanija - għargħar

573,587,000

477,819,000

14,339,675

M/A

14,339,675

mhux mitluba

14,339,675

diżastru reġjonali

Ċipru — nirien fil-foresti

252,680,561

170,046,000

4,251,150

4,958,074

9,209,223

2,317,465

6,891,758

diżastru maġġuri

Spanja — nirien fil-foresti

4,318,268,632

3,958,436,000

98,960,900

21,589,958

120,550,858

30,137,714

90,413,144

diżastru maġġuri

TOTAL

 

 

 

 

144,099,756

32,455,179

111,644,577

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021–2027 5 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament QFP”), jipprevedi l-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-kuntest tar-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza (SEAR). Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 6 (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament QFP emendat) qasam is-SEAR f’żewġ strumenti separati: ir-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea u r-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza.

Ir-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea b’ammont annwali ta’ EUR 1 016 miljun (fi prezzijiet tal-2018, li jikkorrispondi għal EUR 1 190,4 miljun fi prezzijiet tal-2026) se tintuża għal assistenza b’rispons għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza koperti mill-FSUE. Il-punt 10 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 7 , jistabbilixxi l-modalitajiet għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-kuntest tas-SEAR.

Sabiex jiġi evitat tnaqqis bikri tal-allokazzjoni annwali, l-Artikolu 3(7) tar-Regolament FSUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament QFP emendat jistipulaw li 25 % tal-allokazzjoni annwali tal-FSUE irid jibqa’ disponibbli fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena (riżerva ta’ tmiem is-sena). Fl-2026, dan l-ammont jikkorrispondi għal EUR 297,6 miljun.

Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 4a(4) tar-Regolament FSUE, l-ammont ta’ EUR 50 miljun diġà tniżżel fil-Baġit Ġenerali tal-2026 (f’impenji u f’pagamenti) għall-ħlas tal-pagamenti antiċipati li jisgħu jsiru. Kemm Ċipru 8 kif ukoll Spanja talbu u ngħataw pagamenti antiċipati ta’ EUR 2,32 miljun u EUR 30,14 miljun, rispettivament.

F’konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament QFP emendat, kull porzjon tal-ammont annwali mhux użat f’sena partikolari n jista’ jintuża sas-sena n+1. L-ammont ta’ EUR 21,3 miljun ġie riportat mill-2025 għall-2026, li minnu ammont ta’ EUR 20,85 miljun huwa disponibbli għall-ħlas tal-pagamenti antiċipati li jisgħu jsiru 9 .

Bħala konklużjoni, l-ammont totali disponibbli fuq il-linja ta’ riżerva qabel l-1 ta’ Ottubru huwa ta’ EUR 843,25 miljun (mingħajr il-pagamenti antiċipati u r-riżerva ta’ tmiem is-sena), li huwa biżżejjed biex ikopri l-ammont propost għall-mobilizzazzjoni.



Riżorsi disponibbli tal-FSUE fl-2026 (EUR) 

Allokazzjoni annwali totali fl-2026

1,190,405,931

Riporti mill-2025 inklużi pagamenti antiċipati mhux użati (+)

21,304,355

Riżerva ta’ tmiem is-sena, disponibbli wara l-1 ta’ Ottubru (−)

297,601,483

Ammont totali attwalment disponibbli qabel l-1 ta’ Ottubru, li minnu:

914,108,803

oAmmont li għandu jintuża għal pagamenti antiċipati possibbli 10

70,854,849

oAmmont disponibbli għad-deċiżjoni ta’ mobilizzazzjoni attwali

843,253,954

Ammont propost għall-mobilizzazzjoni, għandu jitħallas biss il-bilanċ

111,644,577

Ammont li jifdal għal applikazzjonijiet futuri inklużi pagamenti antiċipati u riżerva ta’ tmiem is-sena 11

1,100,065,709

2026/0120 (BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lir-Rumanija għall-għargħar tal-aħħar ta’ Mejju 2025, lil Ċipru għan-nirien fis-selvaġġ ta’ Lulju 2025 u lil Spanja għan-nirien fis-selvaġġ ta’ Awwissu 2025 

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 12 , u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 13 , u b’mod partikolari l-punt (10) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (“il-Fond”) għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b’mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjonijiet tar-reġjuni milquta minn diżastri naturali reġjonali jew minn emerġenza maġġuri tas-saħħa pubblika.

(2)Il-Fond ma għandux jaqbeż il-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 14 .

(3)Fl-14 ta’ Awwissu 2025, ir-Rumanija ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond wara l-għargħar fl-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju 2025.

(4)Fl-14 ta’ Ottubru 2025, Ċipru ppreżenta applikazzjoni biex jiġi mobilizzat il-Fond wara n-nirien fis-selvaġġ ta’ Lulju 2025.

(5)Fit-30 ta’ Ottubru 2025, Spanja ppreżentat applikazzjoni biex jiġi mobilizzat il-Fond wara n-nirien fis-selvaġġ ta’ Awwissu 2025.

(6)Dawn l-applikazzjonijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(7)Għalhekk il-Fond jenħtieġ li jiġi mobilizzat biex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja lir-Rumanija, lil Ċipru u lil Spanja.

(8)Sabiex jiġi żgurat li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tkun tista’ ssir disponibbli malajr kemm jista’ jkun għall-Istati Membri affettwati u biex jiġi evitat kwalunkwe dewmien fil-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi mobilizzat kif ġej f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament għal diżastri naturali:

(a)l-ammont ta’ EUR 14,339,675 għandu jingħata lir-Rumanija għall-għargħar tal-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju 2025;

(b)l-ammont ta’ EUR 9,209,223 għandu jingħata lil Ċipru għan-nirien fis-selvaġġ ta’ Lulju 2025;

(c)l-ammont ta’ EUR 120,550,858 għandu jingħata lil Spanja għan-nirien fis-selvaġġ ta’ Awwissu 2025.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha].

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President        Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2012/oj).
(2)    L-applikazzjoni ġiet ippreżentata fl-2025 u għalhekk il-livell limitu applikabbli huwa l-livell limitu tal-2025.
(3)    L-applikazzjoni ġiet ippreżentata fl-2025 u għalhekk il-livell limitu applikabbli huwa l-livell limitu tal-2025.
(4)    L-applikazzjoni ġiet ippreżentata fl-2025 u għalhekk il-livell limitu applikabbli huwa l-livell limitu tal-2025.
(5)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj.
(6)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027. ĠU C 433I, 22.12.2020, p. 28.
(7)    ĠU C 433I, 22.12.2020, p. 28
(8)    Il-pagament antiċipat lil Ċipru sar mill-allokazzjoni tal-2025 fid-29 ta’ Diċembru 2025.
(9)    Barra minn hekk, ġew riportati EUR 976 miljun mill-2025, li diġà ġew mobilizzati għas-Slovakkja, il-Moldova, il-Bożnija-Ħerzegovina, Spanja u Franza f’konformità mad- Deċiżjoni (UE) 2025/1525 u d- Deċiżjoni (UE) 2025/2403 . Il-pagamenti korrispondenti se jsiru matul l-2026. Il-pagamenti lis-Slovakkja, lil Spanja u lil Franza huma skedati fit-tieni trimestru tal-2026, u lill-Moldova u lill-Bożnija-Ħerzegovina f’Diċembru 2026.
(10)    Is-EUR 70,85 miljun disponibbli għal pagamenti antiċipati possibbli jinkludu EUR 50 miljun imniżżla fil-Baġit Ġenerali tal-2026 għall-pagamenti antiċipati u EUR 20,85 miljun f’pagamenti antiċipati mhux użati riportati mill-2025 għall-2026. Minn dan l-ammont, se jingħata pagament antiċipat ta’ EUR 30,14 miljun lil Spanja bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li qed tiġi adottata.
(11)    Jinkludi EUR 30,14 miljun għall-pagament antiċipat ta’ Spanja.
(12)    ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2012/oj.
(13)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj.
(14)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj).