IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.6.2026
COM(2026) 504 final
2026/0139(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar qafas ta’ miżuri biex tissaħħaħ l-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni, li jħassar ir-Regolament (UE) 2023/1781 (l-Att dwar iċ-Ċipep 2.0)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2026) 504 final} - {SWD(2026) 504 final} - {SWD(2026) 505 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Is-semikondutturi jirfdu t-teknoloġiji diġitali kollha, minn apparat intelliġenti li jintlibes u karozzi intelliġenti sa tagħmir mediku, tad-difiża u kritiku għall-missjoni, u ċ-ċentri tad-data li jenerġizzaw ir-rivoluzzjoni tal-intelliġenza artifiċjali (IA). Mill-2020, sensiela ta’ skarsezzi fil-provvista u tentattivi ta’ koerċizzjoni ekonomika fuq l-UE ħarġu fid-dieher il-fraġilità tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u l-vulnerabbiltà tal-industrija tal-utenti finali tagħha. Dawn l-interruzzjonijiet ġraw minħabba kriżijiet dinjin bħall-pandemija tal-COVID-19, xokkijiet individwali bħall-każ ta’ Nexperia, u spariġġi strutturali persistenti bejn il-provvista u d-domanda fis-suq dinji. Flimkien, dawn il-fatturi esponew kif dipendenzi esterni eċċessivi jistgħu jħallu swieq sħaħ vulnerabbli.
Fl-istess ħin, ir-rivalità ġeopolitika li qed tikber, inklużi t-tensjonijiet Sino-Amerikani, u l-emerġenza rapida tal-IA komplew jenfasizzaw l-importanza strateġika tas-semikondutturi. Iċ-ċipep mill-aktar avvanzati iżda wkoll dawk mainstream saru dejjem aktar assi ġeopolitiku ewlieni, u tfaċċaw diversi punti ta’ konġestjoni tul il-katina tal-valur globali tas-semikondutturi. Dan aċċellera t-tellieqa biex jiġu kkontrollati partijiet minn dawn il-punti ta’ konġestjoni.
L-iskala dejjem tikber ta’ din l-industrija tirrifletti l-importanza ġeopolitika tagħha. Is-semikondutturi huma t-tielet l-aktar komodità kummerċjalizzata fid-dinja – wara ż-żejt u l-vetturi – u d-dħul globali laħaq is-USD 700,9 biljun fl-2025. Is-suq huwa mistenni jaqbeż it-USD 1 triljun sal-2026 u li jikber għal USD 1,6 triljun sal-2030. Bħala fornitur u faċilitatur kritiku għal kważi l-industriji moderni kollha u għall-infrastruttura li tappoġġahom, is-settur tas-semikondutturi evolva f’riżorsa strateġika. F’ambjent globali aktar tranżazzjonali u assertiv, din il-pożizzjoni tagħmlu wkoll sors potenzjali ta’ ingranaġġ ġeopolitiku. Għalhekk, ir-reġjuni li ma għandhomx kapaċitajiet potenzjali sinifikanti fid-disinn jew il-manifattura tas-semikondutturi jirriskjaw li jsiru dipendenti fuq komponenti li ħaddieħor jista’ jillimita jew jikkundizzjona.
L-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep propost fi Frar 2022 ikkostitwixxa l-ewwel rispons strateġiku tal-UE għall-vulnerabbiltajiet kritiċi fil-katina tal-valur globali tas-semikondutturi, li ġew esposti mill-pandemija tal-COVID-19 u intensifika l-kompetizzjoni globali xprunata mis-sussidji minn pajjiżi terzi. L-UE ddeċidiet li intervent deċiżiv u koordinat kien essenzjali biex jiġu indirizzati d-dipendenzi strutturali fl-ekosistema tas-semikondutturi tagħha u biex tiġi appoġġata l-industrija. Mingħajr investimenti sostanzjali fil-kapaċità tar-riċerka u l-manifattura, u mingħajr mekkaniżmi xierqa ta’ rispons għall-kriżijiet, l-Ewropa tibqa’ strutturalment vulnerabbli. L-Att dwar iċ-Ċipep ħareġ matul perjodu ta’ enfasi qawwija fuq it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u fost kunsens Ewropew dejjem akbar dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kompetittività ekonomika tar-reġjun u titreġġa’ lura l-kapaċità industrijali li qed tonqos. Ir-rapport Draghi ta’ Settembru 2024 spjega dan it-tħassib aktar tard, u appella għal tiġdid industrijali urġenti.
L-evalwazzjoni tal-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep turi li dan wassal għal kisbiet sinifikanti. Pereżempju:
·ġew stabbiliti infrastrutturi li jinkludu ċentri ta’ kompetenza, pjattaforma tad-disinn embrijonali, u ħames linji pilota mill-aktar avvanzati li jirrappreżentaw uħud mill-aktar infrastrutturi teknoloġiċi innovattivi fid-dinja;
·ġew impenjati aktar minn EUR 52 biljun f’investimenti pubbliċi u privati impenjati f’faċilitajiet tal-produzzjoni li għaddejjin skont il-Pilastru II; u
·ġie stabbilit mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u ta’ rispons għall-kriżijiet skont il-Pilastru III permezz tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi (ESB), li jinvolvi lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni.
Minkejja dan il-progress konsiderevoli u l-preġji tal-Unjoni f’segmenti ewlenin tal-katina tal-valur tas-semikondutturi, bħall-produzzjoni tas-semikondutturi mainstream (l-elettronika tal-potenza, il-mikrokontrolluri, il-fotonika, is-sensuri), u t-tagħmir u l-materjali tal-manifattura, għad hemm diskrepanzi ċari fil-kapaċitajiet potenzjali li għad iridu jiġu indirizzati.
L-UE tipproduċi inqas minn 10 % tas-semikondutturi globali u hija kważi kompletament dipendenti fuq l-Istati Uniti u fuq l-Asja għall-aktar ċipep avvanzati u dawk mill-aktar avvanzati ta’ inqas minn 5 nanometri – inklużi ċ-ċipep tal-IA. Dawn id-dipendenzi strutturali jenfasizzaw ir-riskju ta’ interruzzjonijiet tal-provvista, ta’ pressjoni koerċittiva, u ta’ xokkijiet sistemiċi li jaffettwaw lill-industriji ewlenin tal-UE, mill-industrija awtomobilistika u l-enerġija sal-ajruspazju u d-difiża. B’mod ġenerali, is-semikondutturi juru l-urġenza tal-isfida tas-sovranità teknoloġika tal-Ewropa.
Is-sovranità teknoloġika saret imperattiv strateġiku għall-UE. L-għan huwa li titħares l-abbiltà tal-Ewropa li tagħżel il-perkors tagħha stess, li tnaqqas id-dipendenzi żejda u li tiżgura li l-infrastrutturi u t-teknoloġiji diġitali kritiċi jibqgħu siguri, reżiljenti u allinjati mal-valuri Ewropej.
Għalhekk, l-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 se jkun parti mill-Pakkett dwar is-Sovranità Teknoloġika flimkien ma’ inizjattivi oħra bħall-Att dwar l-Iżvilupp tal-Cloud u tal-IA (CADA).
L-approċċ tal-Ewropa għas-sovranità teknoloġika huwa bbażat fuq l-aċċess miftuħ, is-sħubija u l-kompetizzjoni ġusta. It-tisħiħ tal-bażi teknoloġika tal-UE jippermettilha tibqa’ miftuħa u kooperattiva filwaqt li jissalvagwardja l-kapaċità tagħha li taġixxi b’mod indipendenti u tipproteġi l-interessi, is-sigurtà u l-prinċipji demokratiċi tagħha.
F’dan il-kuntest, iż-żewġ problemi ewlenin li r-reviżjoni tal-Att dwar iċ-Ċipep għandha l-għan li tindirizza huma:
(a)id-dipendenza żejda fuq pajjiżi terzi għad-disinn u għall-manifattura tas-semikondutturi;
(b)il-kapaċitajiet potenzjali insuffiċjenti ta’ tħejjija għall-kriżijiet.
Filwaqt li jibnu fuq l-objettivi stabbiliti fl-ewwel Att dwar iċ-Ċipep, u informati minn analiżi ta’ dawn l-isfidi u l-ixprunaturi sottostanti tagħhom, ġew identifikati żewġ objettivi ġenerali għall-Att dwar iċ-Ċipep 2.0:
(1)Żieda fil-kompetittività tal-katina tal-valur Ewropea tas-semikondutturi biex jittejbu s-sovranità teknoloġika u r-reżiljenza tagħha. Dan ifisser li jiġu pprovduti l-kundizzjonijiet neċessarji għall-kompetittività, għas-sovranità teknoloġika u għar-reżiljenza tal-UE fit-teknoloġiji tas-semikondutturi billi: (i) jiġi aċċellerat il-varar industrijali tar-riċerka u tal-innovazzjoni; (ii) tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista; u (iii) jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi f’teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati u maturi.
(2)Tisħiħ tal-preparatezza għall-kriżijiet biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-UE. Dan ifisser titjib tal-funzjonament tas-suq intern billi tissaħħaħ il-preparatezza għall-kriżijiet u jinħoloq qafas legali uniformi biex tiġi protetta s-sigurtà ekonomika tal-Unjoni u jiżdiedu l-indispensabbiltà, ir-reżiljenza u l-prosperità tagħha fil-qasam tat-teknoloġiji tas-semikondutturi.
Aktar kompetittività fil-katina tal-valur Ewropea tas-semikondutturi biex jittejbu s-sovranità teknoloġika u r-reżiljenza tagħha
Hekk kif l-UE qed issir dejjem aktar dipendenti fuq il-provvisti barranin tas-semikondutturi, hija aktar vulnerabbli għall-koerċizzjoni esterna, inkluż l-“istrumentalizzazzjoni” potenzjali tad-dipendenzi tal-katina tal-provvista. Mingħajr bażi industrijali robusta fid-disinn u fil-manifattura tas-semikondutturi, l-UE tista’ tonqos milli ssarraf l-ekosistema b’saħħitha ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tagħha f’kisbiet fil-produttività u fl-industrijalizzazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda fuq skala kbira.
Fl-istess ħin, l-industriji tal-utenti Ewropej jiffaċċjaw inċertezzi sinifikanti fil-katina tal-provvista, li jwasslu għal livelli ogħla ta’ inventarju u jnaqqsu l-investiment. Dan, min-naħa tiegħu, jimmina l-kompetittività ġenerali tal-manifattura fl-UE. Barra minn hekk, id-dipendenzi fil-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi jżidu r-riskji ġeopolitiċi u dawk għas-sigurtà, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi meta l-aċċess għal teknoloġiji kritiċi jista’ jiġi ristrett jew jistgħu jiġu ddevjati lejn reġjuni oħra.
F’dan l-isfond, l-Att inizjali dwar iċ-Ċipep kien fil-biċċa l-kbira xprunat mill-provvista, iżda l-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 jixħet enfasi akbar fuq il-miżuri min-naħa tad-domanda. Iż-żewġ dimensjonijiet isaħħu lil xulxin b’mod reċiproku: it-trawwim ta’ domanda lokali robusta jgħin biex tissaħħaħ il-provvista lokali tas-semikondutturi. B’dan il-mod, l-espansjoni kkombinata tad-domanda u tal-provvista tikkontribwixxi għal reżiljenza industrijali akbar, għal ktajjen tal-provvista iqsar u aktar siguri, għal awtonomija strateġika msaħħa, u għal allinjament aħjar bejn il-kapaċità tal-produzzjoni Ewropea u l-ħtiġijiet tal-industriji ewlenin.
Dan l-approċċ huwa marbut mill-qrib ma’ inizjattivi usa’ tal-UE, speċjalment is-CADA, li jinkludi azzjonijiet biex tiġi stimulata d-domanda għal ċipep tal-IA mill-aktar avvanzati billi jiġu żviluppati ċentri tad-data ġodda madwar l-Unjoni. Dawn il-miżuri huma mistennija jiġġeneraw domanda addizzjonali għas-semikondutturi li tista’ tappoġġa l-għanijiet u l-objettivi tal-Att rivedut dwar iċ-Ċipep. Il-Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għal Kontinent tal-IA tiddeskrivi kif, bħala parti mill-isforz usa’ biex jiġu żviluppati Gigafabbriki tal-IA, l-Unjoni għandha l-għan li tikseb awtonomija strateġika fid-disinn u fil-produzzjoni tas-semikondutturi tal-IA, tnaqqas id-dipendenzi fuq teknoloġiji kritiċi, u ssaħħaħ is-sovranità f’semikondutturi mill-aktar avvanzati.
It-tisħiħ tal-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-Ewropa – inkluż f’oqsma kritiċi għall-IA – huwa essenzjali biex jiġu appoġġati l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni. Fl-istess ħin, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-produzzjoni tas-semikondutturi mainstream tal-Ewropa jibqa’ indispensabbli. In-nodi maturi u speċjalizzati huma vitali għall-ekosistemi industrijali Ewropej bħall-industrija awtomobilistika, l-ajrunawtika, id-difiża, it-telekomunikazzjoni, u l-cloud, fejn id-domanda għal ċipep affidabbli u speċifiċi għall-applikazzjoni qed tkompli tikber. Għalhekk, it-tisħiħ tar-reżiljenza f’dawn is-segmenti huwa essenzjali għas-salvagwardja tal-bażi industrijali tal-Ewropa u għat-tnaqqis tad-dipendenzi eċċessivi. Hu daqstant importanti li jittejbu l-kapaċitajiet potenzjali tad-disinn taċ-ċipep tal-Ewropa u li titrawwem kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn id-disinjaturi, il-manifatturi u l-industriji tal-utenti finali, inkluż b’approċċi ta’ kodisinn li jiżguraw li s-soluzzjonijiet tas-semikondutturi jiġu ottimizzati għall-applikazzjonijiet industrijali u strateġiċi.
Filwaqt li jibni fuq il-ħtieġa li jissaħħu kemm il-provvista kif ukoll id-domanda fl-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi, l-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 jipprevedi wkoll l-użu ta’ proġetti strateġiċi biex jissaħħu s-segmenti ewlenin tal-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni. Dawn il-proġetti se jiġu prijoritizzati u se jiġu appoġġati permezz ta’ taħlita koordinata ta’ investiment pubbliku u privat, li tkopri l-manifattura sovrana u avvanzata, id-disinn avvanzat taċ-ċipep, u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista. Dan l-approċċ jikkomplementa l-miżuri deskritti hawn fuq, isaħħaħ l-integrazzjoni transfruntiera tul il-katina tal-valur, u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-awtonomija strateġika u tas-sovranità teknoloġika tal-Ewropa.
F’dan il-kuntest, u skont l-Għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività (CCT), proġett strateġiku dwar il-manifattura avvanzata se jiġi ttrattat bl-ogħla prijorità biex jappoġġa l-produzzjoni taċ-ċipep tal-IA u ta’ semikondutturi oħra. L-inizjattiva għandha l-għan li tistabbilixxi l-ewwel faċilità tas-semikondutturi fl-Unjoni li tikkombina l-manifattura ta’ nodi mill-aktar avvanzati mal-integrazzjoni ta’ ċippletti u l-kapaċitajiet potenzjali avvanzati ta’ ippakkjar 3D. Il-produzzjoni pilota tista’ tiġi prevista fil-perjodu 2030-2033.
Biex tkompli tiżdied ir-reżiljenza tal-ekosistema, qed jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-ewwel inizjattivi tat-tip tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet ikopru l-katina tal-valur kollha tas-semikondutturi, inklużi attivitajiet tad-disinn ta’ ċipep iċċentrati fuq il-manifattura, materjali ta’ speċjalità, tagħmir tal-manifattura, bordijiet ta’ ċirkwiti stampati, imballaġġ u assemblaġġ avvanzati. Il-valutazzjoni li hija l-ewwel tat-tip tagħha se tapplika wkoll għall-kofinanzjament nazzjonali għal proġetti strateġiċi f’każ li l-proġetti strateġiċi jiġu identifikati wkoll bħala l-ewwel tat-tip tagħhom, f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni.
L-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 jenfasizza industrijalizzazzjoni aktar malajr tal-linji pilota, li tittrasforma l-faċilitajiet pilota tal-manifattura ta’ suċċess f’kapaċitajiet potenzjali ta’ manifattura vijabbli kummerċjalment. Dan iżid ukoll il-fotonika u ċ-ċirkwiti integrati fotoniċi mal-Inizjattiva msaħħa Ċipep għall-Ewropa 2.0, peress li huma teknoloġiji abilitanti ewlenin għal firxa wiesgħa ta’ setturi strateġiċi, inklużi t-telekomunikazzjoni, iċ-ċentri tad-data, l-IA, il-kura tas-saħħa, is-settur tal-karozzi u l-kwantum. Hekk kif l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa wriet ir-rwol vitali tagħha fit-tisħiħ tat-tmexxija tal-Unjoni fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fil-varar industrijali tas-semikondutturi. Għalhekk, huwa essenzjali li din titkompla. Billi ssostni strumenti pprovati – bħal linji pilota, in-network ta’ ċentri ta’ kompetenza, il-Pjattaforma tad-Disinn, u l-attivitajiet taċ-ċipep kwantistiċi – l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 għandha l-għan li tiżgura li l-Ewropa żżomm il-vantaġġ kompetittiv tagħha, taċċellera l-produzzjoni fuq skala kummerċjali, u timmassimizza l-kontribut tat-teknoloġiji tas-semikondutturi għas-sostenibbiltà u għas-sovranità teknoloġika.
Se jiġu mobilizzati wkoll miżuri komplementari min-naħa tad-domanda biex tiġi aċċellerata l-adozzjoni tat-teknoloġiji Ewropej mis-suq. L-akkwist tal-innovazzjoni u sfidi kbar se jgħinu biex tiġi ġġenerata domanda bikrija, jippermettu l-varar ta’ referenza u jiffaċilitaw id-dħul aktar mgħaġġel fis-suq għaċ-ċipep avvanzati żviluppati fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-akkwist pubbliku li jinvolvi s-semikondutturi f’infrastrutturi, f’tagħmir jew f’sistemi jista’ jintegra kriterju relatat mas-sigurtà tal-provvista flimkien ma’ kunsiderazzjonijiet tal-prezzijiet, fejn tali teknoloġiji jiġu varati f’servizzi essenzjali jew f’infrastrutturi kritiċi. Billi jisfruttaw id-domanda pubblika b’mod koordinat, dawn il-miżuri jikkomplementaw l-istrumenti min-naħa tal-provvista, jippromwovu l-adozzjoni ta’ teknoloġiji siguri madwar l-Unjoni, u jsaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza tas-setturi strateġiċi downstream. F’konformità mal-objettivi tal-Unjoni dwar il-klima, l-ambjent u l-enerġija, il-produzzjoni u t-tħaddim effiċjenti fl-użu tal-enerġija u sostenibbli taċ-ċipep għandhom jiġu prijoritizzati. Il-proċessi tal-ħruġ tal-permessi se jkollhom jiġu simplifikati wkoll biex jitħaffef il-varar industrijali u tinżamm il-kompetittività internazzjonali, b’mod partikolari abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament biex jitħaffu l-valutazzjonijiet ambjentali. B’mod parallel mal-implimentazzjoni tal-Att dwar iċ-Ċipep, u b’antiċipazzjoni tar-reviżjoni tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà se tevalwa kemm il-vulnerabbiltajiet tekniċi kif ukoll il-fatturi mhux tekniċi li jaffettwaw iċ-ċibersigurtà tas-semikondutturi użati fl-akkwist pubbliku għal setturi kritiċi speċifiċi.
Sabiex tiġi inċentivata t-tmexxija reġjonali fil-katina tal-valur tas-semikondutturi, din il-proposta toħloq tikketta tar-Reġjun ta’ Eċċellenza Ewropew tas-Semikondutturi għar-reġjuni bi pjan ta’ investiment reġjonali robust għas-semikondutturi li jkun allinjat mal-prijoritajiet strateġiċi. Dawn jinkludu ż-żieda fil-manifattura tas-semikondutturi, il-kollaborazzjoni fir-R&Ż, l-iżvilupp tal-ħiliet, u l-infrastruttura sostenibbli. Dan jindika lill-investituri internazzjonali li r-reġjun għandu ekosistema b’potenzjal għoli għan-negozju relatat mas-semikondutturi.
Tisħiħ tal-preparatezza għall-kriżijiet biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-UE
Minkejja l-għodod tal-monitoraġġ u tar-rispons għall-kriżijiet maħluqa skont il-Pilastru III tal-ewwel Att dwar iċ-Ċipep, għad hemm diskrepanzi sinifikanti fl-abbiltà tal-Unjoni li tindirizza b’mod effettiv kriżijiet fil-provvista tas-semikondutturi. L-UE għad m’għandhiex mekkaniżmi, għodod u kapaċitajiet istituzzjonali żviluppati biżżejjed biex tantiċipa u tivvaluta l-interruzzjonijiet fil-ħin u b’mod ikkoordinat.
Biex ittejjeb il-preparatezza fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi, il-Kummissjoni se tappoġġa l-istabbiliment ta’ Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju (“il-Pjattaforma”), fejn il-kumpaniji jkunu jistgħu jikkondividu informazzjoni mhux kummerċjalment sensittiva f’forma aggregata. Dan se jgħin biex jinħoloq mudell diġitali tal-katina tal-provvista, tiżdied il-viżibbiltà tal-interdipendenzi strutturali, tkun tista’ ssir identifikazzjoni sistematika tar-riskji u tissaħħaħ ir-reżiljenza għall-interruzzjonijiet. Fil-każ ta’ allerti, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni minn impriżi individwali u mill-Pjattaforma. Dawn it-talbiet għall-informazzjoni jridu jkunu strettament limitati għal dak meħtieġ u jkunu proporzjonati. L-impriżi parteċipanti fil-Pjattaforma se jkunu eżentati mill-obbligu li jwieġbu t-talbiet għall-informazzjoni. B’mod parallel mal-Att dwar iċ-Ċipep 2.0, sat-tieni trimestru tal-2027 il-Kummissjoni se tiżviluppa Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet tas-semikondutturi. Il-Pjan ta’ Azzjoni se jistabbilixxi proċeduri, rwoli u responsabbiltajiet ċari qabel il-kriżijiet u waqt il-kriżijiet, u se jibni fuq l-ewwel eżerċizzju ta’ simulazzjoni fuq l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi mwettaq mal-Istati Membri fl-2025. Dawn l-isforzi se jkunu koerenti mal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Is-semikondutturi huma faċilitaturi kritiċi tat-tranżizzjonijiet nodfa u diġitali. L-importanza strateġika tagħhom għall-UE hija amplifikata ulterjorment mit-tensjonijiet ġeopolitiċi, mid-dipendenza żejda kurrenti tal-Unjoni fuq il-manifattura u fuq id-disinn avvanzati, u mill-istrumentalizzazzjoni dejjem akbar ta’ dawn id-dipendenzi minn pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, l-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 huwa indispensabbli biex jintlaħqu l-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni, speċjalment “Pjan ġdid għall-prosperità u l-kompetittività sostenibbli tal-Ewropa” u “Era ġdida għad-difiża u s-sigurtà Ewropea”.
Il-proposta tal-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 tista’ titqies bħala rispons għall-ħtieġa ta’ azzjoni urġenti dwar is-semikondutturi biex jiġi ssalvagwardjat il-futur tal-UE bħala mutur ekonomiku, destinazzjoni għall-investiment u ċentru tal-manifattura, kif rikonoxxut fil-Patt għal Industrija Nadifa, fil-Boxxla għall-Kompetittività tal-UE u fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar it-Tisħiħ tas-Sigurtà Ekonomika tal-UE.
Il-proposta hija konsistenti mal-viżjoni, mal-miri u mal-approċċi diġitali ġenerali għat-trasformazzjoni diġitali ta’ suċċess tal-Unjoni Ewropea sal-2030 kif ippreżentat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali (il-“Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali”) u fid-Deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjonidwar il-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali, bil-mira partikolari fuq is-semikondutturi. Din il-proposta hi maħsuba biex tgħin lill-UE tkun attrezzata bil-kapaċitajiet potenzjali li se jkollha bżonn biex tilħaq il-mira tagħha għall-2030. Ir-rieżami tal-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali huwa ppjanat għal Ġunju 2026.
Din il-proposta tgħin fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Koalizzjoni għas-Semikondutturi, li ġiet iffirmata mill-ministri rispettivi tas-27 Stat Membru fid-29 ta’ Settembru 2025 u tappella għal Att dwar iċ-Ċipep 2.0 imsaħħaħ u li jħares ’il quddiem biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa fil-katina tal-valur globali tas-semikondutturi.
Il-proposta tikkondividi wkoll uħud mill-objettivi tal- Att għall-Aċċellerazzjoni Industrijali, li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE, titħaffef id-dekarbonizzazzjoni industrijali, u tingħata spinta lill-kapaċitajiet potenzjali strateġiċi tal-manifattura.
Il-proposta hija ġeneralment konsistenti mal-inizjattivi tal-UE li jsegwu objettivi relatati, speċjalment il-Programm Ewropa Diġitali (DEP), Orizzont Ewropa (HE), l-Att dwar il-Materja Prima Kritika (CRMA), kif ukoll il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), InvestEU u Erasmus+.
Mill-inizjattivi msemmija hawn fuq, il-proposta hija partikolarment konsistenti mad-DEP u ma’ HE, li jservu bħala ż-żewġ sfondi ta’ finanzjament tal-Pilastru I fil-qafas finanzjarju pluriennali kurrenti. Id-DEP jipprovdi appoġġ għall-infrastrutturi diġitali, filwaqt li HE jappoġġa r-riċerka upstream, il-pilotaġġ u d-dimostrazzjoni.
Barra minn hekk, il-proposta tikkomplementa wkoll is-CRMA, billi t-tnejn li huma jsegwu awtonomija strateġika billi jindirizzaw segmenti differenti tal-katina tal-valur: l-Att dwar iċ-Ċipep jiffoka fuq id-disinn u l-manifattura tas-semikondutturi, filwaqt li s-CRMA jimmira l-materja prima kritika.
L-Att dwar iċ-Ċipep huwa konsistenti mal-aġendi tal-UE dwar l-awtonomija strateġika, is-sigurtà ekonomika u l-kompetittività. Dan jallinja mal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà Ekonomika, il-kontrolli tal-esportazzjonijiet b’użu doppju, ir-Regolament dwar is-Sussidji Barranin u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP). Flimkien, dawn l-istrumenti jnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi u jsaħħu l-kapaċità industrijali u jindirizzaw id-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin fis-Suq Uniku.
Il-proposta hija konsistenti mal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar iċ-ċibersigurtà. Ċerti kategoriji ta’ ċipep jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika (CRA), u l-investimenti skont l-Att dwar iċ-Ċipep se jkollhom l-għan li javvanzaw l-objettivi tiegħu billi jibnu fuq is-saħħa tal-industrija Ewropea fis-segment tas-suq taċ-ċipep siguri. Il-proposta se tikkomplementa wkoll ir-reviżjoni proposta tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, billi żżid dimensjoni tas-sigurtà tal-provvista għall-akkwist pubbliku tas-semikondutturi minn entitajiet kritiċi.
Il-Pjan ta’ Azzjoni Industrijali Ewropew għas-settur awtomobilistiku enfasizza l-importanza tal-industrija tas-semikondutturi għal settur awtomobilistiku innovattiv u diġitalizzat.
L-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 huwa mfassal ukoll f’komplementarjetà ma’ inizjattivi oħra bħall-Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI). Hawnhekk, it-tħejjija tal-kandidat tal-IPCEI li jmiss dwar it-Teknoloġiji tas-Semikondutturi Avvanzati hija kompletament allinjata mal-ispirtu tal-Att dwar iċ-Ċipep billi tindirizza l-ewwel varar industrijali ta’ innovazzjonijiet trasformattivi.
L-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 huwa mfassal biex ikun kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) kurrenti (2021-2027) u l-QFP li jmiss (2028-2034), inkluż il-Fond Ewropew għall-Kompetittività (FEK), l-għaxar Programm Qafas (PQ10), u l-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali (PSNR). L-arkitettura tiegħu tippermetti azzjoni u impatt immedjati skont il-QFP kurrenti, filwaqt li tiżgura l-kontinwità u l-iskalabbiltà skont il-QFP li jmiss. Il-proposta la tantiċipa u lanqas ma tippreġudika l-eżitu tal-proċess leġiżlattiv li għaddej dwar il-QFP.
Barra minn hekk, l-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u tal-kompetizzjoni, inkluż il-Qafas tar-R&Ż&I u l-Komunikazzjoni IPCEI, filwaqt li jippreserva l-objettivi distinti tagħhom. L-IPCEIs u l-Qafas tar-R&Ż&I għandhom rwol ċentrali fl-appoġġ tar-riċerka, tal-iżvilupp, tal-innovazzjoni u tal-ewwel varar industrijali, speċjalment għal proġetti innovattivi ħafna u transfruntiera b’effetti konsegwenzjali qawwija.
Il-miżuri skont l-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 se jibnu fuq din l-arkitettura billi jiċċaraw u jirfinaw aktar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas li huwa l-ewwel tat-tip tiegħu skont il-Pilastru II, filwaqt li jiżguraw li tkun koperta l-katina tal-valur kollha.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija konsistenti mal-istrateġija tal-kompetizzjoni u industrijali tal-UE, kif riflessa fl-istrateġiji industrijali u fir-Rapport Draghi, u tikkomplementa l-oqfsa tat-tranżizzjoni diġitali u nadifa.
Din il-proposta se tkun parti mill-Pakkett dwar is-Sovranità Teknoloġika flimkien mal-Att dwar l-Iżvilupp tal-Cloud u tal-IA (CADA) u Pjan Direzzjonali Strateġiku għad-Diġitalizzazzjoni u għall-IA fl-Enerġija. Il-Pakkett jistinka biex jiżgura li l-Unjoni żżomm il-kapaċità li tiddeċiedi b’mod awtonomu, taġixxi b’mod effettiv, u ssawwar l-iżviluppi teknoloġiċi globali, filwaqt li tibqa’ miftuħa, kompetittiva, u impenjata favur il-kooperazzjoni u r-regoli internazzjonali.
Se tkun meħtieġa koordinazzjoni bejn l-Att dwar iċ-Ċipep u l-Fond Ewropew għall-Kompetittività (FEK) propost u l-Att Kwantistiku li jmiss. Il-konsistenza mal-Att Kwantistiku se tipprovdi opportunità biex jiġi stabbilit qafas komprensiv ta’ politika kwantistika Ewropea li jagħmel l-aħjar użu mis-sinerġiji f’diversi strumenti.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Bħal fil-każ tal-ewwel Att dwar iċ-Ċipep, il-bażijiet legali għall-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 huma l-Artikolu 173(3) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Unjoni trid tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 173(1) permezz tal-politiki u l-attivitajiet li ssegwi. L-Artikolu 173(1) tat-TFUE jinnota li l-objettivi huma li jiġi żgurat li jkun hemm il-kundizzjonijiet neċessarji għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni. F’konformità ma’ sistema ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, din l-azzjoni għandha l-għan li: (i) tħaffef l-aġġustament tal-industrija għall-bidliet strutturali; (ii) tħeġġeġ ambjent favorevoli għall-inizjattiva u għall-iżvilupp tal-impriżi fl-Unjoni kollha, b’mod partikolari impriżi żgħar u ta’ daqs medju; (iii) tħeġġeġ ambjent favorevoli għall-kooperazzjoni bejn l-impriżi; u (iv) trawwem sfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-politiki ta’ innovazzjoni, ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku. L-objettiv tal-Artikolu 114 tat-TFUE huwa l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern bl-adozzjoni ta’ miżuri għall-approssimazzjoni tar-regoli nazzjonali.
L-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 jibni fuq l-objettivi tal-Att kurrenti dwar iċ-Ċipep. L-ewwel objettiv speċifiku tal-Att dwar iċ-Ċipep 2.0, il-Pilastru I sottostanti, qed joħloq kapaċitajiet kbar ta’ innovazzjoni u l-kapaċitajiet potenzjali teknoloġiċi adegwati fl-industrija tas-semikondutturi biex titħaffef u tiġi aġġustata skont l-innovazzjoni. Barra minn hekk, billi jirfed il-Pilastri II u III, ir-Regolament għandu l-għan li jżid ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tas-semikondutturi billi jappoġġa u jikkoordina l-investiment fil-manifattura tas-semikondutturi avvanzata (Pilastru II) u jippermetti monitoraġġ u rispons koordinati għall-kriżijiet (Pilastru III).
Il-bażi legali xierqa għall-ewwel objettiv hija l-Artikolu 173(3) tat-TFUE. Fil-każ tal-Artikolu 173(3) tat-TFUE, l-azzjonijiet meħuda ma għandhomx jinvolvu l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti nazzjonali iżda jsaħħu l-kompetittività u r-reżiljenza tal-bażi industrijali tas-semikondutturi. L-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 għandu l-għan li jżid il-qawwa u r-reżiljenza tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u tax-xenarju industrijali Ewropej, filwaqt li jixpruna l-potenzjal tal-innovazzjoni tal-ekosistema tas-semikondutturi madwar l-UE. Dan jinkludi t-tnaqqis tad-dipendenza fuq sett żgħir ta’ kumpaniji u reġjuni mhux tal-UE u l-espansjoni tal-abbiltà tal-UE li tiddisinja u timmanifattura semikondutturi avvanzati. L-inizjattiva Ċipep għall-Ewropa (Pilastru I), li se tkompli tiġi appoġġata permezz tal-azzjoni leġiżlattiva l-ġdida, hija maħsuba biex tgħin sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet billi tnaqqas id-distakk bejn l-eċċellenza fir-riċerka tal-UE u l-varar industrijali effettiv u sostenibbli tagħha.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri waħedhom, peress li l-problemi huma ta’ natura transfruntiera, u ma humiex limitati għal Stati Membri individwali jew għal subsett ta’ Stati Membri. L-azzjonijiet proposti jiffukaw fuq oqsma li juru valur miżjud b’azzjoni fil-livell tal-Unjoni minħabba l-iskala, il-ħeffa u l-ambitu tal-isforzi meħtieġa.
L-għoti ta’ rispons komprensiv għall-kriżi tas-semikondutturi jirrikjedi azzjoni konġunta rapida u koordinata minn varjetà ta’ partijiet ikkonċernati, u f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. L-ebda Stat Membru ma jista’ jikseb dan waħdu. Barra minn hekk, peress li l-kumplessità tal-ekosistema tas-semikondutturi, il-konsegwenza tad-dipendenzi strutturali tal-Unjoni u l-iskarsezzi fid-domanda u l-provvista huma tant estensivi, intervent min-naħa tal-UE hu l-aħjar mod kif jistgħu jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet.
L-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija b’mod ċar l-aktar adatta biex tixpruna lill-atturi Ewropej lejn viżjoni u strateġija ta’ implimentazzjoni komuni. Din hija kruċjali biex jiġu ġġenerati ekonomiji ta’ skala u ta’ firxa u biex tiġi prodotta massa kritika neċessarja għal kapaċitajiet mill-aktar avvanzati. Se tillimita wkoll, jekk mhux tipprevjeni, il-frammentazzjoni tal-isforzi, it-tlielaq għas-sussidji, u s-soluzzjonijiet nazzjonali subottimali.
Hija meħtieġa azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma li din il-proposta tindirizza permezz tat-tliet pilastri tagħha.
·Fir-rigward tal-ewwel pilastru (l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0), l-Inizjattiva msaħħa Ċipep għall-Ewropa 2.0 se tkompli tappoġġa l-attivitajiet tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa stabbilita skont l-ewwel Att dwar iċ-Ċipep. Dan ifisser il-bini tal-kapaċitajiet teknoloġiċi fuq skala kbira u l-innovazzjoni madwar l-Unjoni biex ikunu jistgħu jiġu żviluppati u varati teknoloġiji tas-semikondutturi u kwantistiċi mill-aktar avvanzati u tal-ġenerazzjoni li jmiss u jiġu indirizzati dgħjufijiet strutturali kroniċi tal-Ewropa fid-disinn u fil-produzzjoni. Wara żewġ Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEIs) ta’ suċċess dwar il-mikroelettronika, li jappoġġaw proġetti innovattivi transfruntiera tul il-katina tal-valur tal-mikroelettronika, qed jitfassal it-tielet IPCEI possibbli f’dan il-qasam. Dawn l-inizjattivi huma ta’ importanza strateġika għas-settur. Madankollu, f’dan l-istadju, x’aktarx li waħedhom ma jindirizzawx biżżejjed il-bini tal-kapaċitajiet fil-forma ta’ linji pilota u ta’ infrastrutturi tad-disinn. Dawn jeħtieġ li jsiru disponibbli b’mod wiesa’ għall-partijiet terzi interessati kollha madwar l-Ewropa u se jippermettu wkoll lill-Unjoni jkollha rwol aktar b’saħħtu f’ekosistema globali u interdipendenti. Dawn il-faċilitajiet fuq skala kbira jistgħu jitwasslu biss fil-livell tal-Unjoni minħabba l-iskala tal-investimenti u l-għarfien espert neċessarju.
·Fir-rigward tat-tieni pilastru (Sigurtà tal-provvista u tad-domanda), l-azzjonijiet immirati lejn l-aċċellerazzjoni tal-investiment fil-manifattura tas-semikondutturi jistgħu jitfasslu u jiġu implimentati b’mod adegwat biss fil-livell tal-Unjoni. Dan minħabba l-iskala tal-investimenti meħtieġa u minħabba li, skont id-definizzjoni, dawn il-faċilitajiet ta’ manifattura se jaqdu lis-suq intern kollu, isaħħu l-ekosistema kollha, u jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista fi kriżijiet. Barra minn hekk, jiġu żviluppati miżuri strateġiċi tal-proġetti billi titrawwem taħlita ta’ investiment pubbliku u privat b’ingranaġġ privat għoli.
·Fir-rigward tat-tielet pilastru (Monitoraġġ u Rispons għall-Kriżijiet), il-kooperazzjoni msaħħa tal-Unjoni se tiżgura l-ġbir tal-intelligence neċessarja u komparabbli. Flimkien, l-Istati Membri u l-Kummissjoni se jkunu jistgħu jantiċipaw l-iskarsezzi, jiskattaw il-fażi ta’ kriżi waqt xi skarsezza serja, u jistabbilixxu l-miżuri neċessarji biex jindirizzaw kriżi bħal dik b’modi aktar effettivi milli bi frammentazzjoni ta’ miżuri nazzjonali.
•Proporzjonalità
Il-proposta hija mfassla biex issaħħaħ l-ekosistema tas-semikondutturi tal-Ewropa permezz ta’ dawn: (i) it-tħejjija u l-monitoraġġ fuq terminu qasir biex tiżdied it-trasparenza tal-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi; (ii) azzjonijiet ta’ sigurtà tal-provvista ta’ nofs it-terminu biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-produzzjoni tas-semikondutturi fl-Ewropa; u (iii) azzjonijiet ta’ tmexxija aktar fit-tul fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni biex jiġu stabbiliti faċilitajiet tad-disinn u tal-produzzjoni għal teknoloġiji avvanzati u emerġenti tas-semikondutturi.
F’dan il-kuntest, il-proposta tiffoka fuq dawk il-partijiet tal-ekosistema tas-semikondutturi li jikkontribwixxu l-aktar għar-reżiljenza tal-katina tal-provvista tal-Unjoni. L-enfasi fuq l-ekosistema tas-semikondutturi nnifisha – aktar milli d-dominju akbar tal-komponenti u tas-sistemi elettroniċi, jew l-oqsma ta’ applikazzjoni li jużaw is-semikondutturi u/jew komponenti u sistemi elettroniċi – hija maħsuba biex tillimita l-azzjonijiet għal wieħed mill-aktar punti problematiċi kruċjali tal-lum għall-ekonomija u għas-soċjetà Ewropej b’mod ġenerali.
L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 tistabbilixxi l-mekkaniżmi neċessarji biex jiġu żgurati l-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni fit-tul tal-industrija Ewropea permezz ta’ dawn: (i) il-kapaċitajiet potenzjali tar-riċerka u d-disinn, (ii) il-linji pilota għall-ittestjar u l-esperimentazzjoni, (iii) il-kapaċitajiet għaċ-ċipep kwantistiċi u ċ-ċirkwiti integrati fotoniċi, (iv) iċ-ċentri ta’ kompetenza, u (v) fond għan-negozji ġodda, il-kumpaniji li qed jespandu u l-SMEs.
L-azzjonijiet il-ġodda tas-sigurtà tal-provvista li jsaħħu l-kapaċità tal-produzzjoni tas-semikondutturi tal-Unjoni fil-Pilastru II jistgħu jirrikonoxxu faċilità bħala Inizjattiva Ewropea tat-Teknoloġiji tas-Semikondutturi. Abbażi ta’ dan ir-rikonoxximent, l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li l-permessi għal dawn il-faċilitajiet u l-fonderiji jingħataw permezz ta’ proċeduri rapidi.
L-azzjonijiet il-ġodda ta’ tħejjija fil-Pilastru III huma bbażati fuq il-monitoraġġ u l-iskambju tal-informazzjoni mill-Istati Membri u mill-Unjoni biex jiġu antiċipati l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista. F’każ ta’ interruzzjonijiet (antiċipati), jistgħu jittieħdu miżuri kkoordinati li jtaffu jew jevitaw l-iskarsezzi tas-semikondutturi u interruzzjonijiet oħra.
•Għażla tal-istrument
Regolament hu meqjus l-aktar strument xieraq għax ikunu jistgħu jiġu stabbiliti rekwiżiti li japplikaw direttament għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-operaturi ekonomiċi rilevanti. Dan se jgħin biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti jiġu implimentati fil-ħin u b’mod armonizzat, li jwassal għal ċertezza legali akbar u jiżgura l-kontinwità mal-ewwel Att dwar iċ-Ċipep.
Il-proposta tieħu l-forma ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dan huwa l-aktar strument legali xieraq għall-Pilastru I tal-proposta li tistabbilixxi l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0. Dan għaliex regolament biss, bid-dispożizzjonijiet legali direttament applikabbli tiegħu, jista’ jipprovdi l-grad ta’ uniformità meħtieġ biex titkompla u titħaddem inizjattiva tal-Unjoni mmirata lejn l-appoġġ ta’ settur industrijali fis-suq intern kollu. L-għażla ta’ regolament bħala strument legali għall-Pilastru II hi ġġustifikata minħabba l-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tar-regoli l-ġodda, b’mod partikolari d-definizzjoni ta’ inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u ta’ proġetti strateġiċi, u għal proċedura uniformi għar-rikonoxximent u l-appoġġ tagħhom. Barra minn hekk, Regolament hu l-aktar strument xieraq għall-Pilastru III għax din il-parti għandha tipprevedi mekkaniżmu li jantiċipa u jindirizza l-interruzzjonijiet serji fil-provvista tas-semikondutturi fl-Unjoni. Barra minn hekk, dan il-mekkaniżmu ma għandux jirrikjedi traspożizzjoni permezz ta’ miżuri nazzjonali u se jkun applikabbli direttament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
F’konformità mal-Artikolu 40 tal-Att dwar iċ-Ċipep, il-Kummissjoni ssottomettiet l-ewwel rapport dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami tar-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-20 ta’ Settembru 2026. L-evalwazzjoni saret bl-iskop li tasal għal ġudizzju kritiku, imparzjali u bbażat fuq l-evidenza tal-progress tal-Att dwar iċ-Ċipep u l-abbiltà tiegħu li jsaħħaħ l-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni.
L-evalwazzjoni kopriet it-tliet pilastri tal-Att dwar iċ-Ċipep u l-elementi bejn il-pilastri. Din eżaminat l-impatt tal-Att dwar iċ-Ċipep fuq l-ekonomija, fuq il-governanza u fuq il-fatturi soċjali, u inkludiet valutazzjoni tal-impatt fuq l-Att dwar iċ-Ċipep 2.0. Hija identifikat u kkwantifikat il-kostijiet u l-benefiċċji tal-Att dwar iċ-Ċipep skont kull pilastru. Iddeskriviet ukoll it-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tiegħu u enfasizzat kwistjonijiet persistenti u emerġenti li jaffettwaw il-funzjonament tar-Regolament. Hija kopriet il-perjodu mid-dħul fis-seħħ tal-Att dwar iċ-Ċipep fil-21 ta’ Settembru 2023 sal-aħħar ta’ Novembru 2025.
L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-Att dwar iċ-Ċipep kien kruċjali għall-ħolqien ta’ qafas regolatorju u ta’ politika Ewropew għas-semikondutturi li ma kienx jeżisti qabel u li dan sar f’perjodu ta’ żmien qasir. Dan immobilizza investiment pubbliku u privat sostanzjali, introduċa infrastrutturi mill-aktar avvanzati fil-livell tal-UE u stabbilixxa mekkaniżmi ta’ governanza għall-koordinazzjoni u t-tħejjija għall-kriżijiet. Il-fiduċja tal-partijiet ikkonċernati fid-direzzjoni strateġika ġenerali għadha għolja, u l-Att huwa perċepit b’mod wiesa’ bħala rispons neċessarju għall-pressjonijiet ġeopolitiċi, teknoloġiċi u ekonomiċi.
Fl-istess ħin, it-tranżizzjoni mit-twassil tal-outputs għar-riżultati u għall-impatti fis-sistema kollha għadha għaddejja. Ir-restrizzjonijiet ewlenin huma strutturali u ekonomiċi aktar milli operazzjonali. Dawn huma relatati mal-abbiltà tal-Unjoni li tindustrijalizza l-innovazzjoni, tiffinanzja lil kumpaniji li qed jespandu, issaħħaħ ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista, u tiġġenera intelligence fil-livell tas-sistema.
L-Att kien strumentali fil-bini ta’ infrastrutturi tat-teknoloġija u ta’ kapaċità tal-manifattura fi stadju bikri. Il-ħolqien ta’ linji pilota, ta’ ċentri ta’ kompetenza u ta’ infrastrutturi kondiviżi fil-livell tal-UE żgura sforz koordinat. Dawn l-inizjattivi diġà qed itejbu l-aċċess għal għodod avvanzati u jappoġġaw kollaborazzjoni transfruntiera b’saħħitha. L-impatt ta’ komponenti oħra (jiġifieri linji pilota taċ-ċipep kwantistiċi u l-pjattaforma tad-disinn) se jsir evidenti biss fi stadju aktar tard. Fi kwalunkwe każ, firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati jirrikonoxxu l-kontribut tal-Att għat-tisħiħ tal-bażi tar-R&I tal-Ewropa u għat-titjib tal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri.
B’kuntrast ma’ dan, il-progress fil-varar tal-manifattura u ż-żieda sussegwenti fl-awtonomija strateġika għadhom fi stadju bikri, parzjalment minħabba żminijiet twal meħtieġa għall-eżekuzzjoni bejn id-deċiżjonijiet ta’ investiment u l-produzzjoni reali fil-fabs. L-Ewropa għadha strutturalment dipendenti fuq fornituri mhux tal-UE f’segmenti kritiċi, b’mod partikolari f’nodi teknoloġiċi avvanzati. It-telf jew id-dewmien ta’ proġetti kbar ta’ investiment juri wkoll li s-sovranità għadha ma tjibitx materjalment.
Fost il-kriterji ta’ evalwazzjoni, id-distakk lab sa fab jirriżulta bħala sfida ewlenija. L-Att diġà rnexxielu jċaqlaq it-teknoloġiji lejn livelli ogħla ta’ tħejjija, u – meta jitqies id-dħul fis-seħħ reċenti tiegħu – fis-snin li ġejjin mistennija jimmaterjalizzaw perkorsi stabbli għall-manifattura ta’ volum kbir. Ħafna outputs joperaw b’mod effettiv f’livell tekniku u se jiġġeneraw il-kapaċitajiet industrijali meħtieġa biex tiġi żgurata l-provvista Ewropea aktar tard. L-isfida li qed tiffaċċja l-UE ma għadhiex primarjament il-ġenerazzjoni tal-innovazzjoni, iżda l-industrijalizzazzjoni u l-iskala.
L-evalwazzjoni sabet ukoll li l-kapital privat limitat ikompli jirrestrinġi l-iskalar tad-ditti Ewropej tas-semikondutturi. L-Att immobilizza livelli bla preċedent ta’ finanzjament pubbliku, iżda l-investiment privat (b’mod partikolari investiment fi stadju avvanzat u istituzzjonali) għadu insuffiċjenti meta mqabbel mar-reġjuni kompetituri. L-appoġġ għall-kumpaniji li qed jespandu huwa ristrett minn karatteristiċi strutturali tas-sistema finanzjarja Ewropea, inkluż in-nuqqas ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali reali, ir-regoli eżistenti għall-fondi ta’ pensjoni u l-prattiki ta’ investiment konservattivi. Dan idgħajjef il-qbid tal-valur Ewropew u jinċentiva lill-kumpaniji li qed jespandu jirrilokaw jew ibigħu n-negozju lil ditti mhux tal-UE. L-Att tejjeb il-kapaċità tal-innovazzjoni fi stadju bikri, iżda l-baġit allokat għall-Fond għaċ-Ċipep (il-parti tal-Aċċelleratur tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) tiegħu) intuża fl-ewwel sentejn tiegħu u wera li ma huwiex biżżejjed. L-istrumenti tematiċi b’kapital paċenzjuż huma neċessarji biex jgħinu lin-negozji ġodda tas-semikondutturi jespandu, u jridu jitfasslu miżuri usa’ biex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jitfaċċaw negozji tat-teknoloġija b’potenzjal għoli.
Barra minn hekk, l-evalwazzjoni sabet li l-istrumenti kurrenti fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet tas-sigurtà tal-provvista u tas-sigurtà ekonomika huma utli, iżda għandhom jissaħħu aktar. Minn naħa waħda, il-varar tal-manifattura huwa msawwar primarjament minn deċiżjonijiet ta’ investiment tal-industrija appoġġati permezz ta’ oqfsa ta’ finanzjament nazzjonali. Id-dgħjufijiet min-naħa tad-domanda jkomplu jimminaw ir-reżiljenza. Min-naħa l-oħra, swieq frammentati, volumi baxxi f’setturi ewlenin u koordinazzjoni limitata tal-akkwist inaqqsu l-vijabbiltà kummerċjali tal-produzzjoni Ewropea. Mingħajr l-aggregazzjoni tad-domanda u sinjali tas-suq affidabbli, hemm riskju li l-kapaċità l-ġdida ma tintużax biżżejjed.
Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni kkonkludiet li l-informazzjoni intuwittiva tal-UE dwar il-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi tal-UE u dawk globali hija limitata wisq biex tappoġġa tħejjija b’saħħitha għall-kriżijiet. Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi (ESB) tejjeb sostanzjalment il-koordinazzjoni, u nbdew mekkaniżmi tat-twissija bikrija. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat approċċ aktar integrat għall-monitoraġġ tal-materjali, tat-tagħmir, tal-għodod tad-disinn u tal-utenti downstream. Il-ġbir tad-data għadu frammentat u sensittiv, u jillimita l-abbiltà li jiġu antiċipati l-interruzzjonijiet. Għalhekk, il-Pilastru III jipprovdi biss viżibbiltà parzjali fil-livell tas-sistema.
B’mod ġenerali, l-Att dwar iċ-Ċipep laħaq malajr u b’mod kredibbli l-għan inizjali tiegħu li jibni l-kapaċità Ewropea. Madankollu, l-effettività f’termini ta’ awtonomija u ta’ reżiljenza tiddependi minn jekk l-Ewropa issa tistax tikkonverti l-infrastrutturi f’output industrijali, l-innovazzjoni fi skala u l-koordinazzjoni f’intelliġenza azzjonabbli.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
F’konformità mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni wettqet proċess komprensiv ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, biex tiġbor informazzjoni affidabbli b’diversi metodi, partijiet ikkonsultati u għodod.
Il-Kummissjoni wettqet diversi attivitajiet: konsultazzjoni pubblika bejn il-5 ta’ Settembru 2025 u t-28 ta’ Novembru 2025 (105 tweġibiet u 39 dokument ta’ pożizzjoni sottomessi); sejħa għal evidenza għall-valutazzjoni tal-impatt (209 tweġibiet u 85 dokument ta’ pożizzjoni sottomessi); stħarriġ immirat tal-partijiet ikkonċernati (64 tweġiba); intervisti (ma’ rispondenti li jirrappreżentaw spettru wiesa’ u magħżul b’mod strateġiku ta’ organizzazzjonijiet involuti fl-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi jew affettwati minnha); 16-il sessjoni tematiku mwettqa bejn Settembru u Diċembru 2025 bil-parteċipazzjoni ta’ diversi partijiet ikkonċernati fl-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi kollha; sitt workshops mal-Istati Membri mwettqa bejn Jannar u Marzu 2026.
Il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw dipendenza żejda fuq fornituri mhux Ewropej, b’mod partikolari għal ċipep ta’ prestazzjoni għolja. Fost l-ostakli ewlenin għall-iżvilupp ta’ katina tal-valur tal-UE għaċ-ċipep tal-IA hemm in-nuqqas ta’ kapaċità biżżejjed tal-manifattura, strumenti tal-investiment limitati, skarsezzi tal-ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati, u domanda domestika dgħajfa min-naħa tal-iperskalaturi u l-kumpaniji tal-IA. Ġew innutati żvantaġġi tal-kostijiet strutturali wkoll tul il-katina tal-valur: il-fabs ibbażati fl-UE jiffaċċjaw kostijiet ogħla tal-kostruzzjoni u operatorji, skedi taż-żmien itwal għall-ħruġ tal-permessi u għall-bini u l-ikkummissjonar, u effetti ta’ agglomerazzjoni aktar dgħajfa meta mqabbla mal-kompetituri fl-Asja tal-Lvant.
Ir-restrizzjonijiet fuq il-finanzjament ikomplu jaggravaw dawn l-isfidi. In-nuqqas ta’ kapital tar-riskju u ta’ finanzjament tar-riskju ġie identifikat bħala ostaklu ewlieni għall-kumpaniji tad-disinn, filwaqt li l-manifatturi tal-apparati integrati u kumpaniji oħra orjentati lejn il-produzzjoni indikaw proċeduri twal tal-ħruġ tal-permessi u kostijiet għoljin tal-enerġija bħala ostakli sinifikanti. Barra minn hekk, għad hemm ostakli sistemiċi fil-forma ta’ lakuni tal-finanzjament fi stadju avvanzat, ta’ governanza frammentata, u ta’ dipendenza fuq fonderiji mhux tal-UE, li jfixklu l-abbiltà tal-kumpaniji li jsarrfu l-prototipi fi prodotti kummerċjali – kwistjoni kkonfermata waqt il-konsultazzjoni pubblika.
L-iskarsezzi tal-ħiliet kien tħassib trażversali għall-partijiet ikkonċernati. Ġie enfasizzat li l-ġabriet ta’ ħiliet fis-semikondutturi jeħtieġu perjodi ta’ investiment ta’ għaxar snin, iżda ħafna programmi rilevanti joperaw fuq ċikli baġitarji iqsar, li jillimitaw l-impatt fit-tul tagħhom. Il-partijiet ikkonċernati indikaw ukoll lok għal titjib f’termini ta’ koordinazzjoni bejn il-livelli tal-UE u dawk nazzjonali.
Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika huma miġburin fil-qosor fir-rapport ta’ sinteżi fattwali ppubblikat bit-tweġibiet għas-sejħa għall-evidenza fuq il-portal “Semma’ leħnek”.
•Valutazzjoni tal-impatt
F’konformità mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, din il-proposta regolatorja hija bbażata fuq valutazzjoni tal-impatt li tanalizza l-problema u s-sottoproblemi relatati mal-ħtieġa li tissaħħaħ il-kompetittività tal-ekosistemi tas-semikondutturi tal-UE. Il-valutazzjoni tal-impatt tidentifika għażliet ta’ politika possibbli biex jiġu indirizzati l-fatturi ewlenin tal-problemi u tivvaluta l-impatti probabbli tagħhom. Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet strutturata biex tirrifletti l-konsultazzjoni tal-Grupp ta’ Tmexxija Interservizzi tal-Kummissjoni dwar l-Att dwar iċ-Ċipep 2.0.
Il-valutazzjoni tal-impatt irċeviet opinjoni negattiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fit-28 ta’ Jannar 2026. Il-Bord irrakkomanda:
·l-iżvilupp ulterjuri tal-analiżi tal-problema, inkluż valutazzjoni aktar komprensiva tal-kapaċitajiet potenzjali attwali u futuri tal-UE u tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni fejn jidħlu l-elementi kritiċi kollha tal-katina tal-valur tas-semikondutturi, kemm għaċ-ċipep maturi kif ukoll għal dawk mill-aktar avvanzati;
·il-kjarifika u d-definizzjoni aħjar tal-objettivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell u l-ambitu tas-sovranità teknoloġika mfittxija għal tipi differenti ta’ ċipep;
·it-tisħiħ tal-loġika ta’ intervent billi jintwera b’mod ċar kif miżuri differenti huma relatati ma’ xulxin, inklużi strumenti min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, u kif dawn jikkontribwixxu kollettivament għall-kisba tal-livell mixtieq ta’ sovranità;
·id-definizzjoni tal-miżuri proposti f’aktar dettall biex l-impatt tagħhom ikun jista’ jiġi vvalutat kif xieraq, inkluża informazzjoni aktar ċara dwar il-kostijiet ġenerali tal-intervent, id-distribuzzjoni tagħhom ta’ dawk il-kostijiet u r-riskji relatati mal-ineffiċjenzi potenzjali fl-allokazzjoni tar-riżorsi; u
·it-titjib tat-trasparenza fir-rigward tal-inċertezzi marbuta mal-QFP li jmiss u li tiġi pprovduta analiżi aktar bir-reqqa tal-konsistenza tal-miżuri mal-inizjattivi ta’ politika eżistenti u futuri.
Il-punti kollha msemmija hawn fuq ġew indirizzati bl-aktar mod sħiħ possibbli. Meta ġiet sottomessa mill-ġdid il-valutazzjoni tal-impatt riveduta, il-Bord ħareġ opinjoni pożittiva b’riżervi fit-30 ta’ Marzu 2026. Ir-riżervi tal-Bord kienu relatati mal-aspetti li ġejjin:
·il-miżura biex jiġu inċentivati ċipep fdati ma hijiex deskritta f’dettall suffiċjenti biex l-impatt tagħha jiġi vvalutat kif xieraq;
·ir-rapport ma janalizzax biżżejjed il-konsistenza mal-inizjattivi u mal-istrumenti ta’ politika eżistenti u futuri u ma jispjegax b’mod ċar kif l-interazzjoni bejn il-miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda se tiżgura s-sinerġiji;
·l-analiżi tar-riskju tal-allokazzjoni tar-riżorsi b’mod ineffiċjenti ma hijiex żviluppata biżżejjed.
L-opinjonijiet tal-Bord, il-valutazzjoni tal-impatt finali u s-sommarju eżekuttiv huma ppubblikati flimkien ma’ din il-proposta.
Il-valutazzjoni tal-impatt hija mibnija fuq sett ta’ tliet objettivi speċifiċi li jindirizzaw il-fatturi ewlenin tal-problemi identifikati. Din tistabbilixxi tliet għażliet ta’ politika għal kull objettiv speċifiku, abbażi tal-livell ta’ intervent ta’ politika, il-kamp ta’ applikazzjoni, l-effiċjenza u l-koerenza, kif ukoll il-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà.
L-għażla ta’ politika 0 (PO0) tinvolvi t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Att kurrenti dwar iċ-Ċipep mingħajr ebda modifika. Din iżżomm il-programm eżistenti tar-R&Ż&I skont il-Pilastru I u żżomm l-istess approċċ għall-appoġġ għall-investimenti permezz ta’ għajnuna mill-Istat (bl-użu tal-qafas “l-ewwel tat-tip tiegħu” skont ir-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat). Ma jkun hemm l-ebda baġit addizzjonali tal-Unjoni skont il-Pilastru II. Skont il-Pilastru III, din iżżomm il-mekkaniżmu kurrenti ta’ rispons għall-kriżijiet, li jopera bl-użu ta’ reġim volontarju għall-ġbir tad-data mis-settur privat (ħlief fi kriżi). Din l-għażla ta’ politika ma tinkludi l-ebda miżura ta’ politika li tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att eżistenti dwar iċ-Ċipep.
L-għażla ta’ politika 1 (PO1) – l-approċċ ta’ politika orizzontali (“abilitanti għas-suq”) – tiffoka fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet qafas ġenerali. Dan jinvolvi aktar appoġġ għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni, għall-investiment fil-ħiliet u għall-ħolqien ta’ ambjent ta’ investiment favorevoli. Ma jiġi introdott l-ebda finanzjament addizzjonali fil-livell tal-Unjoni għall-manifattura u għad-disinn fuq skala tal-massa, b’mod partikolari għaċ-ċipep tal-IA. Skont dan l-approċċ, fit-tul, l-UE tibbaża fuq l-attrazzjoni ta’ fornituri mhux tal-UE li kapaċi jiffabbrikaw ċipep mill-aktar avvanzati, u kumpaniji globali tad-disinn.
Għażla ta’ politika 2 (PO2) – l-approċċ vertikali (“proattiv”) tal-politika industrijali – tibni fuq il-miżuri orizzontali iżda tikkomplementahom b’interventi finanzjarji mmirati, b’mod partikolari permezz ta’ proġetti strateġiċi li jistgħu jiġu appoġġati taħt il-Fond Ewropew għall-Kompetittività propost. Dan l-approċċ jibni fuq l-assi teknoloġiċi Ewropej maħluqa skont l-ewwel Att dwar iċ-Ċipep, b’mod partikolari l-linji pilota, u jsarrafhom f’varar industrijali. Billi jintroduċi dimensjoni ċara fil-livell tal-UE għall-finanzjament ta’ proġetti industrijali u jippermetti investimenti transfruntiera u fil-katina tal-valur kollha, dan l-approċċ ikollu l-għan li jnaqqas il-frammentazzjoni filwaqt li jsaħħaħ il-kompetittività, ir-reżiljenza u s-sovranità teknoloġika tal-Ewropa. Il-valur miżjud ikun fit-tentattiv li tinħoloq teknoloġija “made in Europe”.
B’mod ġenerali, l-għażla ppreferuta hija l-PO2, peress li tipprovdi l-aktar rispons effettiv u proporzjonat għall-problemi identifikati, filwaqt li tirrispetta s-sussidjarjetà u timminimizza l-piż amministrattiv. Din twieġeb għas-sejbiet tal-evalwazzjoni li jappellaw għal integrazzjoni aktar b’saħħitha bejn ir-R&I u l-attivitajiet ta’ varar industrijali, perkorsi ta’ industrijalizzazzjoni aktar rapidi u mekkaniżmi ta’ intelligence tal-katina tal-provvista aktar effettivi.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
L-għażla ta’ politika ppreferuta (PO2) twassal għal simplifikazzjoni billi tintroduċi qafas koordinat fil-livell tal-UE għal proġetti strateġiċi. Riżerva unika ta’ proġetti għal investimenti fis-semikondutturi fuq skala kbira tipprevjeni d-duplikazzjoni tal-passi amministrattivi u d-dokumentazzjoni ripetittiva. Il-kjarifika tal-kamp ta’ applikazzjoni “l-ewwel tat-tip tiegħu” tkompli tissimplifika l-proċeduri li huma l-ewwel tat-tip tagħhom kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-kumpaniji. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura relatata maċ-Ċipep (“ECIC”) jitħassar skont l-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, peress li qatt ma ntuża skont l-Att kurrenti. Titjib ieħor fl-effiċjenza jirriżulta minn proċessi tal-ħruġ tal-permessi aktar rapidi u aktar prevedibbli. Il-fażijiet tal-ħruġ tal-permessi u tad-disinn għall-faċilitajiet avvanzati tas-semikondutturi fl-UE huma bħala medja 7,5 xhur itwal milli f’ġuriżdizzjonijiet kompetituri ewlenin. Jekk wieħed jassumi li kull sena ta’ dewmien iżżid madwar 5 % mal-kost totali tal-proġett, dan jimplika kost addizzjonali ta’ madwar 3,125 % tal-investiment ġenerali. Pereżempju, dan ikun jikkorrispondi għal madwar EUR 625 miljun għal impjant ta’ fabbrikazzjoni avvanzat ta’ EUR 20 biljun. Billi tnaqqas l-iskambji iterattivi mal-awtoritajiet u tiċċara l-perkorsi tal-ħruġ tal-permessi, il-PO2 tiġġenera ffrankar impliċitu sostanzjali tal-kostijiet li jisboq il-kostijiet relatati mal-konformità. Benefiċċju ieħor tas-simplifikazzjoni jinħoloq billi t-talbiet għall-informazzjoni ad hoc xprunati mill-kriżi jiġu sostitwiti bi Pjattaforma tal-Ktajjen tal-Provvista tas-Semikondutturi strutturata minn Negozju għal Negozju. Dan inaqqas id-duplikazzjoni u jtejjeb il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri.
Skont l-approċċ “one-in-one-out”, il-PO2 toħloq piż amministrattiv addizzjonali limitat u fil-biċċa l-kbira hija kkumpensata minn simplifikazzjoni strutturali. L-“INs” il-ġodda għan-negozji jikkonsistu primarjament fi żvelar tal-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista. Dawn huma stmati għal massimu ta’ 10 persuni-jiem għal kull talba, li jikkorrispondu għal madwar EUR 2783 għal kull ditta kbira, b’kostijiet totali sa EUR 1,34 miljun għal kull talba f’xenarju ta’ kopertura sħiħa. Dan il-piż huwa kontrobilanċjat minn “OUTs” fil-forma ta’ inqas sejħiet għad-data urġenti u duplikati relatati mal-kriżi, skambju simplifikat ta’ informazzjoni u sforz imnaqqas ta’ monitoraġġ intern minħabba li l-attivitajiet ta’ intelligence tas-suq jiġu parzjalment esternalizzati lill-Pjattaforma. In-negozji jiffaċċjaw piż amministrattiv nett, li jikkonsisti minn bidu ta’ parteċipazzjoni fil-Pjattaforma u żvelar. Madankollu, dawn se jkunu fil-biċċa l-kbira kkumpensati mis-sigurtà tal-provvista li se ġġib magħha din il-kondiviżjoni tad-data. Barra minn hekk, fl-ewwel stadju, il-valutazzjonijiet se jsiru biss b’mod kwalitattiv sakemm ma jkunx hemm kriżi formali.
•Drittijiet fundamentali
L-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) jipprevedi l-libertà ta’ intrapriża. Il-miżuri skont il-Pilastri I u II ta’ din il-proposta joħolqu kapaċità għall-innovazzjoni u jippromwovu s-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi, li jistgħu jsaħħu l-libertà ta’ intrapriża f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali. Madankollu, xi miżuri skont il-Pilastru III kienu meħtieġa biex jindirizzaw il-fatt li l-interruzzjonijiet serji fil-provvista tas-semikondutturi fl-Unjoni jista’ jillimita temporanjament il-libertà ta’ intrapriża u l-libertà kuntrattwali, imħarsa mill-Artikolu 16, u d-dritt għal proprjetà, imaħres mill-Artikolu 17 tal-Karta. Kwalunkwe limitazzjoni ta’ dawk id-drittijiet f’din il-proposta, f’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, se tkun prevista mid-dritt, tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet, u tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità.
L-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni speċifika lill-Kummissjoni, diment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, jirrispetta l-essenza tal-libertà ta’ intrapriża u ma jaffettwax b’mod sproporzjonat il-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta). Kwalunkwe talba għall-informazzjoni taqdi l-objettiv ta’ interess ġenerali tal-Unjoni għax ikunu jistgħu jiġu identifikati miżuri potenzjali li jtaffu kriżi ta’ skarsezzi tas-semikondutturi. Dawn it-talbiet għall-informazzjoni huma xierqa u effettivi biex jintlaħaq l-objettiv għax jipprovdu l-informazzjoni neċessarja biex tiġi vvalutata l-kriżi inkwistjoni. Fil-prinċipju, il-Kummissjoni titlob biss informazzjoni minn organizzazzjonijiet rappreżentattivi. Barra minn hekk, hija tista’ toħroġ talbiet lil impriżi individwali biss jekk dan ikun neċessarju. Fid-dawl tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjetali serji li jakkaġunaw l-iskarsezzi tas-semikondutturi, u l-importanza rispettiva tal-miżuri tal-mitigazzjoni, it-talbiet għall-informazzjoni huma proporzjonati mal-għan mixtieq. Barra minn hekk, il-limitazzjoni fuq il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà huma kkumpensati b’salvagwardji xierqa. Kull talba għall-informazzjoni tista’ titnieda biss waqt kriżi meta l-Kummissjoni tkun skattat il-fażi tal-kriżi b’att ta’ implimentazzjoni.
L-obbligu li jiġu aċċettati u jiġu pprijoritizzati ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità jirrispetta l-essenza tal-libertà ta’ intrapriża u l-libertà kuntrattwali (l-Artikolu 16 tal-Karta), u d-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17 tal-Karta), u mhux se jaffettwahom b’mod sproporzjonat. Dan l-obbligu jaqdi l-objettiv ta’ interess ġenerali tal-Unjoni għax jiżgura li s-setturi kritiċi affettwati minn interruzzjonijiet fil-provvista minħabba skarsezzi tas-semikondutturi jkunu jistgħu jibqgħu joperaw. L-obbligu huwa xieraq u effettiv sabiex jintlaħaq dan l-objettiv peress li jiżgura li r-riżorsi disponibbli jintużaw b’mod preferenzjali għall-prodotti forniti lil dawn is-setturi. L-ebda miżura oħra ma hija daqstant effettiva. F’sitwazzjoni ta’ kriżi, huwa proporzjonat li ċerti impriżi jiġu obbligati jaċċettaw u jipprijoritizzaw lil ċerti ordnijiet. Dawk l-impriżi jinkludu faċilitajiet tal-manifattura tas-semikondutturi li applikaw biex jiġu rikonoxxuti bħala “inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi”; faċilitajiet oħra tal-manifattura tas-semikondutturi li jkunu aċċettaw dik il-possibbiltà talli jirċievu xi appoġġ pubbliku; jew impriżi tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi li jkunu ġew soġġetti għal ordni kklassifikata bħala prijorità minn pajjiż terz sal-punt li tiġi affettwata s-sigurtà tal-provvista għal setturi kritiċi. Salvagwardji xierqa jiżguraw li kwalunkwe impatt negattiv tal-obbligu ta’ prijoritizzazzjoni fuq il-libertà ta’ intrapriża, il-libertà kuntrattwali jew id-dritt għall-proprjetà ma jammontax għal ksur ta’ dawk id-drittijiet. Kwalunkwe obbligu għall-prijoritizzazzjoni ta’ ċerti ordnijiet jista’ jiskatta biss waqt kriżi, meta l-Kummissjoni tkun attivat l-istadju ta’ kriżi permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. L-impriża kkonċernata tista’ titlob lill-Kummissjoni tirrieżamina l-ordni kklassifikata bħala prijorità jekk ma tkunx tista’ twettaq l-ordni jew jekk it-twettiq tal-ordni jpoġġi piż ekonomiku mhux raġonevoli fuqha u jinvolvi diffikultà partikolari. Barra minn hekk, is-suġġett tal-obbligu huwa eżentat minn kull responsabbiltà għad-danni għall-ksur tal-obbligi kuntrattwali li jirriżultaw mill-konformità ma’ dan l-obbligu.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-implikazzjonijiet baġitarji huma relatati mal-persunal tad-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-appoġġ għall-istabbiliment ta’ Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju. Il-proposta teħtieġ riżorsi umani għall-kompiti fil-proposta li jkunu taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni. Xi wħud mill-kompiti jistgħu jiġu implimentati billi jiġi riallokat il-persunal eżistenti li bħalissa qed jaħdem fuq kompiti simili, eż. relatati mas-superviżjoni tal-programm, il-kollegament mal-partijiet ikkonċernati, u r-rapportar għar-riċerka u għall-iżvilupp u l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet skont il-Pilastru I. Se jkun meħtieġ persunal addizzjonali biex jitwettqu kompiti oħra, eż. is-superviżjoni ta’ proġetti strateġiċi, inkluż il-monitoraġġ tal-objettivi intermedji u r-riżultati tanġibbli; kontrolli tal-konformità (għajnuna mill-Istat, akkwist); il-koordinazzjoni transfruntiera mal-Istati Membri; is-sorveljanza amministrattiva (mhux fiskali); u r-rapportar lill-Kunsill/lill-Parlament. Barra minn hekk, il-proposta timplika kompiti addizzjonali relatati mal-Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju, eż. il-monitoraġġ tal-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi; funzjonijiet ta’ analiżi u ta’ tħejjija għall-kriżijiet; it-trattament tat-talbiet għall-informazzjoni (RFIs) u l-verifika u l-aggregazzjoni tad-data fil-fażi ta’ qabel il-kriżi; u l-koordinazzjoni transsettorjali mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija.
L-appoġġ għall-istabbiliment u t-tħaddim ta’ Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju jeħtieġ nefqa operazzjonali ta’ madwar EUR 70 miljun. Il-Kummissjoni tipprovdi l-appoġġ għall-pjattaforma.
Huma pprovduti aktar dettalji dwar l-implikazzjonijiet baġitarji fid-Dikjarazzjoni Leġiżlattiva, Finanzjarja u Diġitali annessa ma’ din il-proposta.
Minbarra l-implikazzjonijiet baġitarji msemmija hawn fuq, il-baġits operazzjonali u amministrattivi għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 u l-proġetti strateġiċi fil-QFP 2028-2034 jistgħu jintalbu biss fi stadju aktar tard.
5.ASPETTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-Kummissjoni se tkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-intervent b’mod regolari. Dan jista’ jiġi appoġġat minn studji esterni u minn data tal-Istati Membri u tas-suq. Il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni komprensiva tal-effettività, tal-effiċjenza, tal-koerenza, tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà tal-Att dwar iċ-Ċipep 2.0. Rapport ta’ evalwazzjoni li jippreżenta s-sejbiet ewlenin se jiġi sottomess lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni fi żmien erbgħa sa ħames snin mid-data tal-applikazzjoni tal-att leġiżlattiv. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’ takkumpanja dan ir-rapport bi proposti għat-titjib jew għall-adattament tal-Att dwar iċ-Ċipep 2.0.
Dan il-mekkaniżmu ta’ rieżami jsegwi l-approċċ stabbilit skont l-ewwel Att dwar iċ-Ċipep. Dan jiżgura l-kontinwità, il-komparabbiltà tar-riżultati, u perspettiva fit-tul dwar ir-riżultati tal-politika. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, se timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-effettività tal-miżuri adottati. L-attivitajiet ta’ monitoraġġ jiddependu fuq indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi, abbażi tad-data pprovduta mill-partijiet ikkonċernati tul il-katina tal-valur tas-semikondutturi, l-Istati Membri, u l-korpi rilevanti tal-UE. Is-suċċess ġenerali tal-inizjattiva se jiġi vvalutat bl-użu ta’ evidenza tas-sigurtà tal-provvista msaħħa. Dan se jinkludi progress f’aspetti rilevanti li jistgħu jitkejlu bħas-sehem tal-UE tal-produzzjoni globali tas-semikondutturi u l-bidliet fil-konċentrazzjoni tas-suq. L-implimentazzjoni tal-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 u l-miżuri ta’ akkumpanjament tiegħu se jippermettu li l-objettivi speċifiċi, il-benefiċċji mistennija u l-impatti relatati jiġu segwiti b’mod sistematiku.
Sabiex iwettqu l-evalwazzjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti se jipprovdu l-informazzjoni neċessarja u rilevanti lill-Kummissjoni fuq talba tagħha.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
1.1.Kapitolu I – Dispożizzjonijiet Ġenerali
Il-Kapitolu I jistabbilixxi s-suġġett tar-Regolament. Dan jistabbilixxi wkoll id-definizzjonijiet użati fl-istrument kollu. Ir-Regolament ikompli u jiżviluppa aktar l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa (issa l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0). Skont il-Pilastru I huwa joħloq il-kundizzjonijiet neċessarji biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni għall-innovazzjoni industrijali u jistabbilixxi miżuri ta’ stimulazzjoni tad-domanda. Skont il-Pilastru II, dan jistabbilixxi l-kriterji għar-rikonoxximent tal-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi li huma l-ewwel inizjattivi tat-tip tagħhom u l-proġetti strateġiċi li jrawmu s-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni. Skont il-Pilastru III jistabbilixxi miżuri għat-titjib tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, li oriġinarjament ġie stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2023/1781 (l-Att dwar iċ-Ċipep).
1.2.Kapitolu II – Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0
Il-Kapitolu II jiffoka fuq l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kompetittività, ir-reżiljenza u l-kapaċità għall-innovazzjoni tal-Unjoni. Billi tinvesti fl-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0, l-Unjoni għandha ssir aktar effettiva fit-tibdil tal-iżviluppi tar-riċerka u tat-teknoloġija tagħha f’teknoloġiji tas-semikondutturi orjentati lejn id-domanda, xprunati mill-applikazzjoni, siguri u effiċjenti fl-użu tal-enerġija tal-ogħla kwalità. Fl-istess ħin, l-Unjoni għandha tipprovdi opportunità lill-industrija tal-provvista tagħha biex tibbenefika minn dawk l-investimenti.
Għal dan l-għan, dan il-Kapitolu jinkludi d-dispożizzjonijiet u l-objettivi ġenerali tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa, li oriġinarjament ġiet stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2023/1781. L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 għandha l-għan li tappoġġa l-bini tal-kapaċitajiet fuq skala kbira madwar l-Unjoni fit-teknoloġiji tas-semikondutturi eżistenti mill-aktar avvanzati u tal-ġenerazzjoni li jmiss. L-inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 issa tinkludi sitt komponenti: (1) il-kapaċitajiet tad-disinn għat-teknoloġiji integrati tas-semikondutturi; (2) il-linji pilota għat-tħejjija ta’ faċilitajiet innovattivi tal-produzzjoni, u tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni; (3) il-kapaċitajiet avvanzati tat-teknoloġija u tal-inġinerija għall-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp taċ-ċipep kwantistiċi; (4) network ta’ ċentri ta’ kompetenza u l-iżvilupp tal-ħiliet; (5) l-attivitajiet tal-“Fond għaċ-Ċipep” għall-aċċess għall-kapital minn negozji ġodda, minn kumpaniji li qed jespandu u minn SMEs; u (6) il-bini u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet avvanzati tad-disinn, tal-prototipar u tal-varar industrijali għat-teknoloġiji taċ-ċirkwiti integrati fotoniċi madwar l-Unjoni. L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 tpoġġi enfasi qawwija fuq l-industrijalizzazzjoni u titlob miżuri li jistimulaw bħall-Isfidi l-Kbar, il-Forum tad-Domanda u l-Aċċelleraturi tad-Domanda.
L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 għandha tiġi appoġġata minn finanzjament minn HE u mid-DEP skont il-QFP kurrenti, b’mod partikolari l-Objettiv Speċifiku 6 il-ġdid tad-DEP u tiġi implimentata f’konformità mar-Regolamenti li jistabbilixxu dawk il-programmi u, fejn rilevanti u mingħajr preġudizzju għan-negozjati tal-QFP, is-suċċessuri tagħhom.
Ir-Regolament jipprevedi qafas proċedurali biex jiffaċilita l-finanzjament kombinat mill-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għall-baġit tal-Unjoni u għall-investiment privat.
Il-Kapitolu jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni. L-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 se tiġi fdata wkoll primarjament lill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep u, meta applikabbli, lill-impriża konġunta jew lil kwalunkwe entità jew inizjattiva simili oħra li tiġi warajha stabbilita mil-liġi tal-Unjoni skont Qafas Finanzjarju Pluriennali sussegwenti. Id-deskrizzjoni teknika tal-azzjonijiet hija pprovduta fl-Anness I. L-Anness III jinkludi indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u għar-rapportar dwar il-progress tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 lejn l-ilħuq tal-objettivi tagħha. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda l-lista ta’ indikaturi li jistgħu jitkejlu. L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 tibni fuq il-punti b’saħħithom eżistenti tal-Ewropa fil-katina tal-valur globali tas-semikondutturi u żżid is-sinerġiji mal-azzjonijiet li bħalissa huma appoġġati mill-Unjoni u mill-Istati Membri. Għalhekk, sabiex jiġu mmassimizzati l-impatti pożittivi tagħha, l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 għandha tippermetti li jinħolqu sinerġiji mal-programmi tal-Unjoni deskritti fl-Anness IV.
1.3.Kapitolu III – Sigurtà tal-Provvista u tad-Domanda
It-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tistabbilixxi l-qafas għal inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u għal proġetti strateġiċi. Il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi proġetti fil-katina tal-valur tas-semikondutturi fl-Unjoni jew f’pajjiż terz bħala proġetti strateġiċi, meta l-proġetti jissodisfaw il-kriterji li ġejjin: joħolqu valur miżjud tal-UE billi jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-objettivi ta’ interess komuni tal-Unjoni; ikollhom dimensjoni transfruntiera ċara; jikkontribwixxu għat-titjib tal-indispensabbiltà, tar-reżiljenza u tal-prosperità tal-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni; u jikkontribwixxu għal żieda sinifikanti fis-sovranità teknoloġika u fit-tmexxija teknoloġika Ewropej.
L-oqsma teknoloġiċi identifikati bħala oqsma potenzjali għar-rikonoxximent ta’ proġetti strateġiċi huma stabbiliti fl-Anness II.
It-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu tistabbilixxi dispożizzjonijiet għal proċeduri malajr tal-ħruġ tal-permessi għal inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u proġetti strateġiċi. Din tiddeskrivi wkoll l-użu tal-Kartieri Ewropej tan-Negozju bħala portali tal-aċċess uniku għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni unika għall-permess għal inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u għal proġetti strateġiċi.
It-Taqsima 3 tal-Kapitolu III tiddeskrivi l-objettivi tat-tikketta ta’ Reġjun ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi, u tistabbilixxi l-viżjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għal Reġjun Ewropew tas-Semikondutturi.
It-Taqsima 4 tal-Kapitolu III tiffoka fuq miżuri biex tiżdied ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista, jiġifieri għall-akkwist pubbliku ta’ infrastrutturi kritiċi u f’ċerti setturi tal-ekonomija identifikati bħala setturi suxxettibbli għar-riskju.
1.4.Kapitolu IV – Monitoraġġ u Rispons għall-Kriżijiet
Il-Kapitolu IV fih mekkaniżmu għal monitoraġġ ikkoordinat tal-katina tal-valur tas-semikondutturi u għal rispons f’każ ta’ interruzzjonijiet fil-provvista tas-semikondutturi li jħallu impatt fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern.
It-Taqsima 1 tistabbilixxi sistema komprensiva tal-immeppjar strateġiku għas-settur tas-semikondutturi tal-UE, imfassla biex tidentifika l-vulnerabbiltajiet, id-dipendenzi u l-ħtiġijiet futuri ħalli żżid ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista. Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-ESB, għandha twettaq analiżi fil-fond li tkopri l-aspetti kritiċi. Dawn jinkludu industriji u infrastrutturi ewlenin dipendenti fuq is-semikondutturi (eż. is-setturi tal-kura tas-saħħa, tad-difiża u diġitali), segmenti tal-katina tal-provvista (mid-disinn sal-manifattura u l-materjali), dipendenzi teknoloġiċi (b’mod partikolari fuq il-pajjiżi terzi), skarsezzi tal-ħiliet, u riskji potenzjali, inkluż dawk ikkaġunati minħabba nuqqas ta’ investimenti jew interruzzjonijiet ġeopolitiċi. L-immeppjar jivvaluta wkoll l-impatti possibbli tal-interventi fil-każ ta’ kriżi (eż. ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità jew kontrolli tal-esportazzjoni skont l-Artikoli 41-43). Ir-riżultati jiġu kondiviżi b’mod regolari mal-ESB biex jinfurmaw id-deċiżjonijiet ta’ politika.
Biex timmonitorja b’mod proattiv ir-riskji, il-Kummissjoni trid tiżviluppa u taġġorna regolarment lista ta’ indikaturi tat-twissija bikrija (eż. konġestjonijiet fil-provvista, żidiet fid-domanda, jew tensjonijiet ġeopolitiċi) abbażi tas-sejbiet tal-immeppjar. Il-proċess jiddependi primarjament minn data disponibbli għall-pubbliku u minn inputs mhux kunfidenzjali tal-industrija. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni volontarja addizzjonali minn ditti tas-semikondutturi jekk jeżistu lakuni, bl-użu ta’ mezzi standardizzati u siguri biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità. Id-data kollha miġbura tiġi ttrattata skont regoli stretti ta’ kunfidenzjalità (l-Artikolu 50), u l-Kummissjoni tipprovdi gwida biex tiżgura kondiviżjoni konsistenti u sigura tal-informazzjoni. Il-qafas u l-metodoloġija għall-immeppjar jiġu wkoll rieżaminati minn żmien għal żmien biex jadattaw għall-isfidi settorjali evolventi. Fl-aħħar mill-aħħar, din is-sistema hi maħsuba biex tantiċipa l-interruzzjonijiet, tiggwida l-investimenti strateġiċi u ssaħħaħ l-awtonomija tas-semikondutturi tal-UE.
It-Taqsima 1 tiddeskrivi wkoll l-istabbiliment u l-objettivi tal-Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju. Il-Pjattaforma se tkun tewmi diġitali tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi bl-objettiv li żżid it-trasparenza u r-reżiljenza tagħha. Ir-rappreżentant legali tal-Pjattaforma se jinforma lill-Kummissjoni dwar l-interruzzjonijiet attwali jew mistennija fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi.
It-Taqsima 2 tipprovdi r-regoli għall-attivazzjoni tal-fażi ta’ kriżi tas-semikondutturi u tagħti dettalji dwar il-miżuri ta’ emerġenza li jistgħu jintużaw bħala rispons għall-kriżi.
L-ewwel aspett huwa l-obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jwissu lill-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun jekk jidentifikaw riskju ta’ interruzzjoni serja fil-provvista jew theddid kredibbli ieħor għad-disponibbiltà tas-semikondutturi. Dan jiskatta fażi preventiva, fejn il-Kummissjoni trid taġixxi malajr billi ssejjaħ laqgħa straordinarja tal-ESB. Ir-rwol tal-ESB jinkludi l-valutazzjoni tas-severità tal-interruzzjonijiet, inkluż billi joħroġ talbiet preventivi għall-informazzjoni u jiddiskuti jekk għandhiex tinbeda proċedura formali ta’ kriżi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta ma’ pajjiżi terzi biex tfittex soluzzjonijiet kooperattivi u titlob lill-awtoritajiet nazzjonali jevalwaw it-tħejjija tal-atturi ewlenin tas-suq.
Jekk l-akkwist konġunt jitqies neċessarju, dan irid jikkonforma mar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku (id-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE), filwaqt li jiżgura t-trasparenza u l-kompetizzjoni. Il-ġbir ta’ informazzjoni huwa għodda kritika oħra. Il-Kummissjoni tista’ toħroġ talbiet preventivi għall-informazzjoni mill-Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju, b’salvagwardji għall-informazzjoni kummerċjali sensittiva. Il-Kummissjoni tista’ toħroġ ukoll talbiet preventivi għall-informazzjoni lil kumpaniji individwali jekk ma jkunux parteċipanti fil-Pjattaforma. It-tweġibiet jiġu kondiviżi mal-ESB u mal-Istati Membri rilevanti, filwaqt li tiġi żgurata sensibilizzazzjoni kollettiva.
Il-qafas jeskala għal fażi ta’ kriżi biss jekk jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet: (1) interruzzjonijiet serji fil-katina tal-provvista li jikkaġunaw skarsezzi sinifikanti; u (2) impatti severi fuq setturi kritiċi (eż. il-kura tas-saħħa, id-difiża, jew l-infrastruttura diġitali) li jheddu l-istabbiltà tas-soċjetà, ekonomika jew tas-sigurtà. Wara li tikkonsulta mal-ESB, il-Kummissjoni tista’ tipproponi l-attivazzjoni tal-fażi ta’ kriżi lill-Kunsill, li jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata. Il-fażi ta’ kriżi ddum sa 12-il xahar, b’estensjonijiet possibbli jekk ikunu ġustifikati, u tirrikjedi rapportar regolari lill-ESB u lill-Parlament Ewropew. Matul din il-fażi, l-Istati Membri jridu jikkoordinaw il-miżuri nazzjonali permezz tal-ESB biex jevitaw risponsi frammentati. Ladarba tintemm il-kriżi, il-Kummissjoni trid taġġorna l-monitoraġġ tal-katina tal-provvista fi żmien sitt xhur, filwaqt li tinkorpora t-tagħlimiet meħuda. Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-attivazzjoni tal-fażi ta’ kriżi jibqgħu l-istess bħal dawk stabbiliti fl-Att dwar iċ-Ċipep, bħala riżultat tal-ftehim tal-koleġiżlaturi, u jibqgħu adegwati għall-użu.
It-Taqsima 3 tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-semikondutturi fl-Unjoni.
Skont l-Artikolu 41, il-Kummissjoni tista’ titlob data dwar il-produzzjoni u l-interruzzjonijiet mill-kumpaniji tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi biex tivvaluta l-kriżi u s-soluzzjonijiet potenzjali. It-talbiet iridu jkunu strettament neċessarji u ma jistgħux jikkompromettu s-sigurtà nazzjonali.
L-Artikolu 42 jippermetti lill-Kummissjoni tobbliga lill-manifatturi tas-semikondutturi jipprijoritizzaw l-ordnijiet għal prodotti kritiċi għall-kriżijiet, filwaqt li jipprevalu fuq il-kuntratti eżistenti.
L-Artikolu 43 jintroduċi x-xiri komuni, biex il-Kummissjoni tkun xerrej ċentrali għal diversi Stati Membri li jġarrbu skarsezzi serji. Dan il-mekkaniżmu jsaħħaħ is-saħħa tan-negozjar u jevita li l-pajjiżi tal-UE joqogħdu jikkompetu għal provvisti limitati.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tattiva l-fażi ta’ kriżi permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni meta jkun hemm evidenza konkreta, serja u affidabbli ta’ kriżi tas-semikondutturi. Kriżi tas-semikondutturi tiġri meta jkun hemm interruzzjonijiet serji fil-provvista tas-semikondutturi, li jwasslu għal skarsezzi sinifikanti. Dawn iwasslu għal effetti negattivi sinifikanti fuq settur importanti wieħed jew aktar tal-Unjoni, jew jipprevjenu l-provvista, it-tiswija u l-manutenzjoni ta’ prodotti essenzjali użati minn setturi kritiċi. L-att ta’ implimentazzjoni għandu jispeċifika t-tul tal-fażi tal-kriżi jew tal-estensjoni tagħha. Qabel ma tiskadi l-fażi ta’ kriżi, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-ESB, jekk il-fażi ta’ kriżi għandhiex tiġi estiża. Matul il-fażi ta’ kriżi, l-ESB jorganizza laqgħat straordinarji biex jippermetti lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni u jikkoordinaw kwalunkwe miżura nazzjonali meħuda fir-rigward tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi.
1.5.Kapitolu V – Governanza
Il-Kapitolu V jistabbilixxi l-qafas għall-kontinwazzjoni tal-ESB, li huwa magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri u huwa ppresedut mill-Kummissjoni. L-ESB jipprovdi pariri dwar l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 lill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep (Pilastru I). Dan se jipprovdi pariri u assistenza lill-Kummissjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għal inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u għal proġetti strateġiċi (il-Pilastru II). Huwa jkollu skambju tal-fehmiet mal-Kummissjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investimenti għar-Reġjun tas-Semikondutturi; jiddiskuti u jħejji għall-identifikazzjoni ta’ setturi u ta’ teknoloġiji kritiċi speċifiċi; u jindirizza kwistjonijiet ta’ monitoraġġ u ta’ rispons għall-kriżijiet (Pilastru III). Fl-aħħar nett, se jipprovdi appoġġ sabiex ir-Regolament propost jiġi applikat b’mod konsistenti u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri. L-ESB se jappoġġa lill-Kummissjoni fil-kooperazzjoni internazzjonali u s-sħubijiet strateġiċi dwar is-semikondutturi. Se jikkoordina u jiskambja wkoll informazzjoni ma’ strutturi ta’ kriżi rilevanti stabbiliti skont il-liġi tal-Unjoni. L-ESB se jiltaqa’ f’kompożizzjonijiet differenti u jorganizza laqgħat separati għall-kompiti tiegħu skont il-Pilastru I u għall-kompiti tiegħu skont il-Pilastri II u III. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi sottogruppi permanenti jew temporanji tal-ESB u tistieden lil organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-industrija tas-semikondutturi u lil partijiet ikkonċernati oħra għal tali sottogruppi bħala osservaturi. L-ESB għandu jiżgura li l-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Alleanza Industrijali għas-Semikondutturi, li se jieħu f’idejh l-operazzjonijiet tal-Alleanza Industrijali dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi, jiġi mistieden jippreżenta aġġornamenti mill-inqas kull sena.
Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri se jaħtru awtorità nazzjonali kompetenti waħda jew aktar u, fosthom, punt uniku tal-kuntatt nazzjonali għall-finijiet tal-implimentazzjoni tar-Regolament.
1.6.Kapitoli VI, VII, VIII – Dispożizzjonijiet Finali
Il-Kapitolu VI jenfasizza li l-partijiet kollha huma obbligati jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva u sigrieti kummerċjali. L-obbligu japplika għall-Kummissjoni, għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u għal awtoritajiet oħra tal-Istati Membri, kif ukoll għar-rappreżentanti u l-esperti kollha li jattendu l-laqgħat tal-ESB u tal-Kumitat. Il-Kapitolu jistabbilixxi wkoll regoli dwar penali u multi effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament, soġġett għal salvagwardji xierqa. Il-Kummissjoni tista’ timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali jekk l-impriżi rilevanti jonqsu milli jaċċettaw u jipprijoritizzaw ċerti ordnijiet fi kriżi tas-semikondutturi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq impriża li tipprovdi informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa, jew li ma tipprovdix informazzjoni fit-terminu stipulat.
Il-Kapitolu VII jistabbilixxi regoli u kundizzjonijiet għall-eżerċitar tas-setgħat ta’ delega u ta’ implimentazzjoni. Il-proposta tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta, fejn xieraq, atti ta’ implimentazzjoni biex tippermetti li jiġu speċifikati proċeduri u tiżgura l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament, u atti delegati biex temenda l-Anness I (l-attivitajiet stabbiliti fih b’mod konsistenti mal-objettivi tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0) u l-Anness III (l-indikaturi li jistgħu jitkejlu u d-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni biex jissupplimenta dan ir-Regolament).
Il-Kapitolu VIII jobbliga lill-Kummissjoni tħejji rapporti regolari għall-evalwazzjoni u għar-rieżami tar-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
2026/0139 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar qafas ta’ miżuri biex tissaħħaħ l-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni, li jħassar ir-Regolament (UE) 2023/1781 (l-Att dwar iċ-Ċipep 2.0)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 173(3) u l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2023/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (l-Att dwar iċ-Ċipep) stabbilixxa qafas komprensiv fil-livell tal-Unjoni biex jappoġġa l-ekosistema tas-semikondutturi, biex isaħħaħ il-kapaċità teknoloġika tal-Unjoni, isaħħaħ ir-reżiljenza u jiżgura s-sigurtà tal-provvista.
(2)L-evalwazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1781 turi li dan fetaħ il-bibien għal mobilizzazzjoni ta’ investimenti pubbliċi u privati sinifikanti, għal varar ta’ infrastrutturi avvanzati u għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u ta’ preparatezza għall-kriżijiet, u b’hekk għen biex titjieb il-kooperazzjoni fl-Istati Membri u għall-funzjonament tas-suq intern. L-evalwazzjoni ħarġet fid-dieher li r-Regolament (UE) 2023/1781 kien katalist għal approċċ ikkoordinat tal-Unjoni għas-semikondutturi, saħħaħ il-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, fetaħ aċċess għall-infrastrutturi teknoloġiċi, u stabbilixxa qafas għall-kapaċità tal-manifattura u mekkaniżmu ta’ kriżi u rispons li jantiċipa l-interruzzjonijiet potenzjali. Fl-istess ħin, l-evalwazzjoni identifikat nuqqasijiet strutturali u sfidi persistenti li jillimitaw l-effettività tagħha li tindirizza l-ħtiġijiet industrijali u ekonomiċi li qed jevolvu.
(3)Filwaqt li l-qafas stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/1781 kien effettiv fl-appoġġ għall-innovazzjoni u l-kapaċità fi stadju bikri, it-tranżizzjoni mill-iżvilupp teknoloġiku għall-varar industrijali fuq skala kbira għadha fi stadju bikri. Ċikli twal ta’ investiment, dipendenzi strutturali f’segmenti kritiċi tal-katina tal-valur, u restrizzjonijiet fl-espansjoni tal-produzzjoni qed ikomplu jaffettwaw il-kapaċità tal-Unjoni li tikseb ekosistema tas-semikondutturi reżiljenti u kompetittiva.
(4)Barra minn hekk, l-evalwazzjoni ħarġet fid-dieher ukoll li d-disponibbiltà limitata tal-kapital privat, b’mod partikolari għal finanzjament fi stadju aktar tard, u l-karatteristiċi strutturali tas-swieq finanzjarji jillimitaw it-tkabbir u l-iskalar tal-impriżi tas-semikondutturi tal-Unjoni. Fl-istess ħin, il-frammentazzjoni tad-domanda fis-setturi industrijali, l-iskala limitata tas-suq, u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni biżżejjed fost ix-xerrejja jnaqqsu l-vijabbiltà kummerċjali tal-investimenti fil-manifattura u jirriskjaw li l-kapaċitajiet emerġenti ma jintużawx biżżejjed.
(5)Barra minn hekk, is-settur tas-semikondutturi sar pedament tal-istabbiltà ekonomika, tas-sovranità teknoloġika u tas-sigurtà tal-Unjoni. L-integrazzjoni malajr tat-teknoloġiji diġitali avvanzati, b’mod partikolari l-intelliġenza artifiċjali (IA), żiedet b’mod sinifikanti d-domanda dinjija għas-semikondutturi, u fl-istess ħin intensifikat il-kompetizzjoni fis-swieq internazzjonali. Dawk l-iżviluppi wrew vulnerabbiltajiet strutturali fil-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi tal-Unjoni, fosthom id-dipendenzi fuq għadd limitat ta’ fornituri esterni, in-nuqqas ta’ kapaċità tal-produzzjoni domestika suffiċjenti, u frammentazzjoni bejn l-Istati Membri.
(6)Il-prominenza dejjem akbar tal-applikazzjonijiet tal-IA, b’mod partikolari, wasslet biex żdiedet id-domanda għal ċipep speċjalizzati ħafna, bħas-semikondutturi avvanzati tal-loġika u tal-memorja, tant kritiċi għat-taħriġ u għat-tħaddim ta’ mudelli kumplessi tal-IA. Din ix-xejra mistennija tissokta, u tkompli tamplifika l-iżbilanċi eżistenti bejn il-provvista u d-domanda u tixħet pressjoni addizzjonali fuq il-ktajjen tal-provvista dinjin li diġà huma fraġli. Fl-istess ħin, it-tensjonijiet ġeopolitiċi, ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet, u l-interruzzjonijiet marbuta mal-kriżijiet dinjin komplew juru r-riskji assoċjati ma’ dipendenza żejda fuq manifattura fil-pajjiżi terzi u diversifikazzjoni limitata.
(7)Fid-dawl ta’ dawk l-iżviluppi, il-qafas stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/1781 jeħtieġ jissaħħaħ u jiġi komplementat biex jappoġġa t-tranżizzjoni mill-innovazzjoni għall-iskala industrijali, jissaħħu r-reżiljenza u s-sigurtà ekonomika, u jkun żgurat funzjonament effettiv tas-suq intern. Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2023/1781 jenħtieġ li jitħassar u jiġi ssostitwit b’dan ir-Regolament.
(8)Peress li dan ir-Regolament isaħħaħ u jikkomplementa l-qafas stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/1781 mingħajr ma jbiddel l-objettivi fundamentali tiegħu, il-bażijiet legali li jirfdu dak il-qafas jibqgħu l-istess.
(9)Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun ibbażat ukoll fuq l-Artikolu 173(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex l-Unjoni tkun tista’ tieħu miżuri li jkomplu jżommu u jibnu l-kapaċità u jsaħħu l-ekosistema tas-semikondutturi tagħha. Dawk il-miżuri jenħtieġ li ma jkunux jinvolvu l-armonizzazzjoni ta’ liġijiet u regolamenti nazzjonali. F’dak ir-rigward, l-Unjoni jenħtieġ li ssaħħaħ il-kompetittività u r-reżiljenza tal-bażi teknoloġika u industrijali tas-semikondutturi, u ssaħħaħ il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-ekosistema tas-semikondutturi tagħha madwar l-Unjoni, tnaqqas id-dipendenza fuq għadd limitat ta’ impriżi minn pajjiżi terzi u ta’ ġeografiji, u ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiddisinja u tipproduċi, tippakkja, tuża mill-ġdid u tirriċikla s-semikondutturi avvanzati. L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa stabbilita għall-ewwel darba bir-Regolament (UE) 2023/1781 tkompli tappoġġa dawk l-għanijiet skont dan ir-Regolament billi tkompli żżid l-isforzi lil hinn mit-tnaqqis tad-diskrepanza bejn il-kapaċitajiet potenzjali avvanzati tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni u l-isfruttament industrijali sostenibbli tagħhom, u billi tiżgura li dawn il-kapaċitajiet potenzjali jissarrfu b’mod effettiv fi produzzjoni fuq skala industrijali u varar fis-suq fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 tkompli tippromwovi l-bini tal-kapaċitajiet biex tippermetti l-integrazzjoni tad-disinn, tal-produzzjoni u tas-sistemi fit-teknoloġiji tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss, u jenħtieġ li tkompli tappoġġa l-kollaborazzjoni fost l-atturi ewlenin madwar l-Unjoni, issaħħaħ il-ktajjen tal-provvista u tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni, taqdi setturi industrijali ewlenin u toħloq swieq ġodda.
(10)Barra minn hekk, u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern, jenħtieġ li dan ir-Regolament jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ qafas koerenti tal-Unjoni li jqarreb ċerti kundizzjonijiet u mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 114 tat-TFUE. Tali qafas hu neċessarju biex jiġu evitati ostakli għall-funzjonament tas-suq intern, tonqos il-frammentazzjoni u jkun żgurat rispons konsistenti u effettiv għar-riskji tal-katina tal-provvista, filwaqt li jibqa’ konsistenti mal-liġi tal-Unjoni u mal-obbligi internazzjonali. Dan huwa partikolarment kritiku meta jitqies li s-semikondutturi huma teknoloġija fundamentali li tirfed firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ekonomiċi u infrastrutturi kritiċi madwar l-Unjoni. F’kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi aktar qawwija,ta’ kompetizzjoni globali strateġika u ta’ kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà ekonomika dejjem akbar, l-ekosistema tas-semikondutturi saret fattur ewlieni għall-istabbiltà u għall-funzjonament tas-suq intern. Is-settur tas-semikondutturi huwa kkaratterizzat minn interdipendenzi transfruntiera kumplessi tul il-katina tal-valur, b’attivitajiet speċjalizzati ħafna kkonċentrati f’ġeografiji differenti, filwaqt li l-industriji tal-utenti downstream huma distribwiti b’mod wiesa’ madwar l-Unjoni. Dawk il-karatteristiċi jfissru li interruzzjonijiet, restrizzjonijiet jew distorsjonijiet li jaffettwaw il-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi aktarx ikollhom effetti transfruntieri sinifikanti u jħallu impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern. Miżuri nazzjonali diverġenti mmirati biex jindirizzaw tali riskji jistgħu joħolqu frammentazzjoni, ifixklu l-kompetizzjoni u jimminaw il-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern, b’mod partikolari minħabba n-natura integrata tan-networks tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni. Għalhekk, l-objettivi li jiġu żgurati r-reżiljenza, is-sigurtà u l-funzjonament xieraq tal-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi fl-Unjoni ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaġixxu waħedhom, iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, minħabba l-iskala u l-effetti transfruntiera tagħhom.
(11)Jenħtieġ li l-kisba ta’ dawk l-objettivi tkompli tiġi appoġġata mill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut mill-Kummissjoni, biex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni bla xkiel, effettiva u armonizzata ta’ dan ir-Regolament, il-kooperazzjoni, u l-iskambju ta’ informazzjoni. Jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jipprovdi pariri u jassisti lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi, inklużi l-implimentazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament, l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jagħti pariri wkoll lill-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni internazzjonali relatata mas-semikondutturi, inkluż sħubijiet strateġiċi dwar is-semikondutturi u dwar kompiti ta’ ġbir ta’ informazzjoni. Il-laqgħat jistgħu jinkludu sottogruppi differenti.
(12)Minħabba n-natura globalizzata tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi, il-kooperazzjoni internazzjonali ma’ pajjiżi terzi hija element importanti biex tinkiseb reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni. L-azzjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jippermettu wkoll lill-Unjoni taqdi rwol aktar b’saħħtu, bħala ċentru ta’ eċċellenza, f’ekosistema ta’ semikondutturi globali u interdipendenti li taħdem aħjar. Fejn rilevanti, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati l-fehmiet tal-Alleanza Industrijali għas-Semikondutturi, li tieħu f’idejha l-operazzjonijiet tal-Alleanza Industrijali dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi, u ta’ partijiet ikkonċernati oħra. F’konformità mal-obbligi internazzjonali, l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jinvolvu ruħhom, inkluż diplomatikament, ma’ sħab strateġiċi internazzjonali li għandhom vantaġġi fl-industrija tas-semikondutturi, biex isibu soluzzjonijiet li jsaħħu s-sigurtà tal-provvista u jindirizzaw interruzzjonijiet futur fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi, bħal dawk ikkaġunati minn restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi, u biex jidentifikaw id-disponibbiltà ta’ materja prima u prodotti intermedji. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkoordinaw l-isforzi internazzjonali tagħhom, b’mod partikolari bl-appoġġ tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Dan jista’ jinvolvi, fejn xieraq, il-koordinazzjoni fil-fora internazzjonali rilevanti, il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ investiment u kummerċjali, jew sforzi diplomatiċi oħra jew involviment mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.
(13)It-tisħiħ tal-infrastruttura kritika, tas-sigurtà, tal-bażi industrijali u tat-tmexxija teknoloġika tal-Unjoni jeħtieġ aċċess sigur u affidabbli għal teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati u għal dawk mainstream, inkluż għal proċessuri u għal ċipep tal-memorja, analogi, tal-enerġija, tas-sensuri, tal-frekwenza tar-radju u tal-konnettività, li hemm bżonn biex is-setturi strateġiċi bħall-enerġija, id-difiża, is-settur awtomobilistiku, l-avjazzjoni, it-telekomunikazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-cloud computing, u l-awtomatizzazzjoni industrijali jibqgħu rilevanti fil-ġejjieni. L-Unjoni għandha kapaċitajiet potenzjali sodi f’firxa wiesgħa ta’ nodi maturi, inkluż f’ċipep ta’ grad awtomobilistiku, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u siguri, u jenħtieġ li tkompli ssaħħaħ il-kompetittività, ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tagħha tul il-katina tal-valur tas-semikondutturi.
(14)L-industrija tas-semikondutturi tinvolvi rekwiżiti ta’ investiment sostanzjali, kemm għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp u ta’ innovazzjoni kif ukoll għall-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet mill-aktar avvanzati iddedikati għall-ittestjar u għall-validazzjoni b’appoġġ għall-produzzjoni fuq skala industrijali. Dawk il-karatteristiċi intensivi fil-kostijiet għandhom impatt dirett fuq il-kapaċità tal-Unjoni li tikkompeti u tkun innovattiva, u jaffettwaw is-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza ġenerali tal-ekosistema tas-semikondutturi tagħha. Fl-istess ħin, il-kompetittività u r-reżiljenza tal-Unjoni jiddependu mid-disponibbiltà u mill-iżvilupp kontinwi ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi mainstream u maturi, inklużi ċ-ċipep analogi, tal-enerġija, tas-sensuri, tal-konnettività, ta’ grad awtomobilistiku u ta’ grad ajrunawtiku, li jibqgħu indispensabbli fil-ktajjen tal-valur industrijali strateġiċi u fl-infrastrutturi kritiċi. Fil-kuntest kurrenti ta’ żieda fil-kompetizzjoni globali, ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi, u ta’ vulnerabbiltajiet strutturali tal-katina tal-provvista, is-semikondutturi saru assi strateġiku li jirfed is-sigurtà ekonomika, it-tmexxija teknoloġika u r-reżiljenza industrijali tal-Unjoni. Fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda minn skarsezzi u interruzzjonijiet fi ktajjen tal-provvista li ġraw fil-passat fl-Unjoni u madwar id-dinja, kif ukoll minn restrizzjonijiet fuq esportazzjonijiet jew azzjonijiet regolatorji minn pajjiżi terzi u l-evoluzzjoni mgħaġġla tal-isfidi tat-teknoloġija u taċ-ċikli tal-innovazzjoni li tant taffettwa l-katina tal-valur tas-semikondutturi, l-Unjoni jeħtieġ issaħħaħ il-preġji tagħha, fosthom il-pożizzjoni mexxejja tagħha f’diversi segmenti tas-semikondutturi mainstream, u b’hekk iżżid l-adozzjoni mis-suq, il-kompetittività, ir-reżiljenza, il-kapaċità tar-riċerka u l-innovazzjoni billi tkompli tissaħħaħ l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa.
(15)Jenħtieġ li l-Inizjattiva mtejba Ċipep għall-Ewropa 2.0 tqis l-esperjenza diġà miksuba bl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa biex tkompli fuqha u ssaħħaħha ħalli jingħelbu d-dgħjufijiet strutturali pendenti u li jkun hemm rispons għall-ħtiġijiet strateġiċi emerġenti. B’mod partikolari, jeħtieġ jiżdiedu l-isforzi biex ikun żgurat li l-kapaċitajiet potenzjali avvanzati tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni jissarrfu b’mod effettiv f’varar, espansjoni u produzzjoni industrijali fuq skala kummerċjali fl-Unjoni.
(16)L-Istati Membri huma primarjament responsabbli għas-sostenn ta’ bażi industrijali, kompetittiva, sostenibbli u innovattiva b’saħħitha tal-Unjoni. Iżda n-natura u l-iskala tal-isfidi tar-riċerka u l-innovazzjoni fis-semikondutturi jeħtieġu azzjoni li trid tittieħed b’mod kollaborattiv fil-livell tal-Unjoni. Biex l-Unjoni jkollha l-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni meħtieġa fit-teknoloġiji tas-semikondutturi ħalli tibqa’ fuq quddiem tagħha fir-riċerka u fl-investimenti industrijali mill-aktar avvanzati tagħha, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza miksuba u t-tagħlimiet meħuda bl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa, dawk il-kapaċitajiet jeħtieġ jibqgħu jissaħħu u jitwessgħu ħalli jkunu żgurati l-varar industrijali effettiv tagħhom, l-espansjoni u l-produzzjoni fuq skala kummerċjali fl-Unjoni. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri jkomplu jikkoordinaw l-isforzi tagħhom u jikkoinvestu.
(17)Fid-dawl taż-żieda fil-kompetizzjoni dinjija, it-tensjonijiet ġeopolitiċi, u r-riskju ta’ interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi, inkluż dawk minħabba miżuri regolatorji adottati minn pajjiżi terzi li jistgħu jaffettwaw l-aċċess għal teknoloġiji kritiċi tas-semikondutturi u għall-inputs relatati, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni li tiżviluppa, tipproduċi u tvara tali teknoloġiji fit-territorju tagħha sar prijorità strateġika għall-kompetittività, għas-sigurtà ekonomika u għas-sovranità teknoloġika tal-Unjoni, kif jenfasizza r-rapport ta’ Mario Draghi “Il-futur tal-kompetittività tal-Ewropa”. Dawn l-isfidi tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni jitolbu l-kisba ta’ kapaċità fuq skala kbira u jirrikjedu sforz kollettiv mill-Istati Membri, bl-Unjoni li tappoġġa l-iżvilupp u l-varar ta’ kapaċità fuq skala kbira tul il-katina tal-valur industrijali u tal-innovazzjoni sħiħa, inklużi l-linji pilota, l-espansjoni tal-manifattura, u l-varar kummerċjali, u b’hekk tiżgura t-traduzzjoni effettiva tal-eċċellenza fir-riċerka fit-tmexxija industrijali u fil-kapaċità tal-produzzjoni sostenibbli fl-Unjoni.
(18)Kif konkluż fl-evalwazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1781, l-istrumenti stabbiliti mill-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa previsti minn dak ir-Regolament, jiġifieri l-pjattaforma tad-disinn, il-linji pilota, il-proġetti pilota taċ-ċipep kwantistiċi, u d-diffużjoni tal-għarfien, l-Akkademja tal-UE għall-Ħiliet fiċ-Ċipep skont l-Alleanzi għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet u l-Patt għall-Ħiliet, u l-kompetenzi għall-benefiċċju tal-ekosistema kollha tas-semikondutturi huma adegwati għall-użu u jenħtieġ li jkomplu jiġu appoġġati skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk l-isforzi jikkontribwixxu wkoll għall-objettiv usa’ tal-Unjoni li ssaħħaħ il-kompetittività fit-tul, il-kapaċità tal-innovazzjoni u l-bażi industrijali tagħha, inkluż permezz ta’ sinerġiji ma’ programmi futuri tal-Unjoni li jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-varar industrijali, bħall-programm qafas suċċessur propost għal Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Orizzont Ewropa) (FP10), u l-Fond Ewropew għall-Kompetittività propost, filwaqt li jenħtieġ li l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 fil-komponenti u fl-azzjonijiet kollha, sa fejn ikun possibbli, tintegra u timmassimizza l-benefiċċji tal-applikazzjoni tat-teknoloġiji tas-semikondutturi bħala faċilitaturi b’saħħithom, pereżempju, għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà li tista’ twassal għal prodotti ġodda u għal użu aktar effiċjenti, effettiv, nadif u durabbli tar-riżorsi, inkluż l-enerġija u l-materjali neċessarji għall-produzzjoni u għall-użu taċ-ċiklu tal-ħajja kollu tas-semikondutturi.
(19)Sabiex tilħaq l-objettiv ġenerali tagħha u tindirizza kemm l-isfidi min-naħa tal-provvista kif ukoll dawk min-naħa tad-domanda tal-ekosistema kurrenti tas-semikondutturi, u filwaqt li tibni fuq l-esperjenza miksuba u fuq it-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1781, li wrew il-ħtieġa kontinwa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni mhux biss fir-riċerka u fl-innovazzjoni iżda wkoll fil-varar industrijali u fl-espansjoni tal-manifattura, jenħtieġ li l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 tkompli tappoġġa u ssaħħaħ aktar il-ħames objettivi operazzjonali stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2023/1781. Jenħtieġ li tintroduċi wkoll objettiv operazzjonali ġdid maħsub biex issaħħaħ il-kapaċitajiet potenzjali tal-Unjoni fit-teknoloġiji fotoniċi u tappoġġa “sfidi kbar” bħala strumenti li jappoġġaw inizjattivi transsettorjali fuq skala kbira li jindirizzaw sfidi teknoloġiċi u industrijali kbar ta’ rilevanza strateġika għall-Unjoni. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni primarja tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 tkompli tiġi fdata lill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep u, meta applikabbli, lill-impriża konġunta jew lil kwalunkwe entità jew inizjattiva simili oħra li tiġi warajha stabbilita mil-liġi tal-Unjoni skont Qafas Finanzjarju Pluriennali sussegwenti.
(20)L-ewwel nett, jenħtieġ li l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 ssaħħaħ il-kapaċità tad-disinn tal-Unjoni. Għal dak l-għan, jenħtieġ li tkompli tappoġġa l-pjattaforma tad-disinn virtwali stabbilita skont l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa biex tgħaqqad il-komunitajiet tad-djar tad-disinn, tan-negozji ġodda, tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u tal-fornituri tal-PI u tal-għodod u tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija biex tipprovdi soluzzjonijiet ta’ prototip virtwali bbażati fuq il-kożvilupp tat-teknoloġija, u biex tiffaċilita t-tranżizzjoni mid-disinn għall-produzzjoni industrijali u l-varar kummerċjali fl-Unjoni.
(21)It-tieni, sabiex tipprovdi l-bażi għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista u l-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 tkompli tappoġġa t-tisħiħ tal-linji pilota avvanzati eżistenti u l-iżvilupp tagħhom biex tippermetti l-iżvilupp u l-varar ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati u ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss. Jenħtieġ li l-linji pilota jipprovdu lill-industrija b’faċilità għall-ittestjar, għall-esperimentazzjoni u għall-validazzjoni tat-teknoloġiji tas-semikondutturi kif ukoll kunċetti tad-disinn tas-sistema, filwaqt li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti ambjentali, sabiex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni tagħhom għall-manifattura tas-semikondutturi fuq skala industrijali fl-Unjoni. L-investimenti mill-Unjoni, flimkien mal-Istati Membri u mas-settur privat, f’linji pilota jibqgħu neċessarji biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali persistenti u l-fallimenti tas-suq, inkluża d-disponibbiltà insuffiċjenti ta’ kapaċitajiet ta’ espansjoni tal-ittestjar, tal-validazzjoni u tal-manifattura tas-semikondutturi fuq skala industrijali fl-Unjoni, li jkomplu jfixklu l-innovazzjoni, il-varar industrijali, u l-kompetittività globali.
(22)It-tielet, sabiex jiġi aċċellerat l-iżvilupp innovattiv taċ-ċipep kwantistiċi u tat-teknoloġiji tas-semikondutturi assoċjati, inklużi dawk ibbażati fuq materjal semikonduttur jew integrati mal-fotonika, li jwasslu għall-iżvilupp tas-settur tas-semikondutturi, jenħtieġ li l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 tappoġġa azzjonijiet, inkluż dwar il-libreriji tad-disinn għaċ-ċipep kwantistiċi, linji pilota għall-bini ta’ ċipep kwantistiċi u faċilitajiet għall-ittestjar u għall-validazzjoni taċ-ċipep kwantistiċi prodotti mil-linji pilota bil-ħsieb li tippermetti l-varar industrijali tagħhom u ssaħħaħ it-tmexxija teknoloġika tal-Unjoni fit-teknoloġiji emerġenti tas-semikondutturi.
(23)Ir-raba’, sabiex jiġi promoss l-użu ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi, jiġi pprovdut aċċess għall-faċilitajiet tad-disinn u tal-linji pilota, u jiġu indirizzati d-diskrepanzi fil-ħiliet madwar l-Unjoni, jenħtieġ li l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 tkompli tipprovdi lill-Istati Membri bil-possibbiltà li jappoġġaw mill-inqas ċentru ta’ kompetenza wieħed dwar is-semikondutturi f’kull Stat Membru, billi jsaħħu ċ-ċentri eżistenti jew joħolqu faċilitajiet ġodda.
(24)Il-ħames, il-fotonika u ċ-ċirkwiti integrati fotoniċi huma teknoloġiji abilitanti ewlenin għal firxa wiesgħa ta’ setturi strateġiċi, inklużi t-telekomunikazzjoni, iċ-ċentri tad-data, l-intelliġenza artifiċjali, ir-rilevament, il-kura tas-saħħa, is-settur awtomobilistiku, it-teknoloġiji ajrunawtiċi u dawk kwantistiċi. Dawn jippermettu t-trażmissjoni tad-data b’veloċità qawwija, ipproċessar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u kapaċitajiet potenzjali avvanzati ta’ rilevament, u għalhekk huma kritiċi għat-tmexxija teknoloġika, għall-kompetittività u għas-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni. L-Unjoni stabbiliet kapaċitajiet potenzjali sodi tar-riċerka u l-innovazzjoni u għandha pożizzjonijiet ewlenin f’diversi segmenti tal-katina tal-valur tal-fotonika. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni li tiddisinja, toħloq prototipi, tindustrijalizza u timmanifattura ċirkwiti integrati fotoniċi u teknoloġiji tas-semikondutturi fotoniċi assoċjati fuq skala. Għalhekk, sabiex jiġi avvanzat l-iżvilupp tat-teknoloġija fil-fotonika u fiċ-ċirkwiti integrati fotoniċi, huwa neċessarju li jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ libreriji tad-disinn u ta’ għodod tad-disinn, jissaħħu t-teknoloġiji tal-produzzjoni u l-pjattaformi tal-materjali, u jissaħħu l-linji pilota u l-faċilitajiet tal-manifattura b’aċċess miftuħ f’diversi pjattaformi tal-materjali. Dawk l-azzjonijiet jenħtieġ li jiffaċilitaw il-prototipar, l-ittestjar, il-validazzjoni u l-adozzjoni industrijali, inkluż permezz ta’ teknoloġiji avvanzati tal-integrazzjoni u tal-ippakkjar, u jikkontribwixxu biex tissaħħaħ l-ekosistema tal-fotonika tal-Unjoni, filwaqt li jsaħħu s-sovranità teknoloġika tagħha, u jħaffu l-varar industrijali ta’ teknoloġiji fotoniċi innovattivi madwar l-Unjoni.
(25)Is-sitt, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tappoġġa l-“Fond għaċ-Ċipep”, jiġifieri, faċilità ta’ investiment dedikata għas-semikondutturi mfassla biex issaħħaħ l-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi billi tappoġġa lin-negozji ġodda, lill-kumpaniji li qed jespandu, u lill-SMEs li jipproponu soluzzjonijiet kemm ta’ ekwità kif ukoll ta’ dejn, inkluża faċilità ta’ taħlit skont il-Fond InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u, jekk applikabbli, kwalunkwe skema ta’ investiment rilevanti oħra skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028-2034, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u flimkien ma’ sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni bħall-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali. Jenħtieġ li l-attivitajiet tal-Fond għaċ-Ċipep jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ekosistema tas-semikondutturi dinamika u reżiljenti billi jipprovdu opportunitajiet għal disponibbiltà akbar ta’ fondi biex jappoġġaw it-tkabbir ta’ negozji ġodda u ta’ SMEs kif ukoll investimenti tul il-katina tal-valur tas-semikondutturi, inkluż għal kumpaniji oħra fil-katina tal-valur tas-semikondutturi. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jingħataw appoġġ u gwida ċara, b’mod partikolari lill-SMEs, biex jgħinuhom fil-proċess tal-applikazzjoni. F’dak il-kuntest, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni huwa mistenni jipprovdi aktar appoġġ iddedikat permezz ta’ għotjiet u investimenti ta’ ekwità lil innovaturi b’riskju għoli li joħolqu s-swieq.
(26)Sabiex jissaħħu aktar it-tmexxija teknoloġika u l-kompetittività industrijali tal-Unjoni fis-semikondutturi, huwa xieraq li jiġi introdott il-kunċett ta’ “sfidi kbar” bħala parti mill-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0. Jenħtieġ li dawk l-isfidi l-kbar jiffukaw fuq l-iżvilupp, fuq l-integrazzjoni u fuq il-varar industrijali ta’ teknoloġiji promettenti u kritiċi tas-semikondutturi u ta’ teknoloġiji relatati ta’ importanza ewlenija għall-Unjoni. Jenħtieġ li l-isfidi l-kbar jappoġġaw attivitajiet avvanzati ta’ riċerka u ta’ żvilupp li għandhom l-għan li jippermettu l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi, inklużi dawk li jirfdu l-IA, il-cloud, iċ-ċentri tad-data u l-infrastrutturi tal-edge, b’enfasi partikolari fuq it-tisħiħ tal-effiċjenza enerġetika, l-iżgurar tal-kapaċitajiet f’teknoloġiji mill-aktar avvanzati u t-tisħiħ tal-punti b’saħħithom tal-manifattura tal-Unjoni. Jenħtieġ li jindirizzaw ukoll l-ostakli teknoloġiċi ewlenin, inklużi l-isfidi relatati mal-minjaturizzazzjoni, l-effiċjenza enerġetika, is-sostenibbiltà, l-integrazzjoni eteroġena, is-sigurtà, l-affidabbiltà u l-manifatturabbiltà. Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tagħhom, jenħtieġ li l-isfidi l-kbar jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-ekosistema tas-semikondutturi madwar l-Unjoni billi jrawmu kollaborazzjoni tul il-katina tal-valur tas-semikondutturi, inkluż mas-setturi vertikali rilevanti. B’mod partikolari, jenħtieġ li jappoġġaw kooperazzjoni strutturata bejn l-iżviluppaturi tas-semikondutturi u l-industriji tal-utenti, bil-ħsieb li jinkiseb vantaġġ kompetittiv fl-applikazzjonijiet kritiċi għas-sovranità teknoloġika u għall-bażi industrijali tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-isfidi l-kbar ikomplu jiżguraw l-integrazzjoni u l-allinjament tal-isforzi fost l-infrastrutturi eżistenti, inklużi l-linji pilota, u jippromwovu l-orjentazzjoni tagħhom lejn l-użu industrijali. Jenħtieġ li jiffaċilitaw it-trasferiment, il-maturazzjoni u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji żviluppati skont l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0, inkluż permezz ta’ attivitajiet relatati mal-ħolqien ta’ prototipi, mal-ittestjar, mal-validazzjoni, mad-dimostrazzjoni, mal-varar industrijali inizjali u mal-integrazzjoni fl-ambjenti tal-produzzjoni.
(27)Iċ-ċentri ta’ kompetenza jenħtieġ li jikkontribwixxu għaż-żamma tat-tmexxija tal-Unjoni fir-rigward tal-kapaċitajiet potenzjali tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u tad-disinn taċ-ċipep. Il-promozzjoni tal-potenzjal u tal-ħiliet tal-bniedem permezz tal-edukazzjoni fis-suġġetti tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika sal-livell postdottorali hija kruċjali biex jintlaħaq dak l-objettiv. B’mod partikolari, iċ-ċentri ta’ kompetenza jenħtieġ li jipprovdu servizzi lill-partijiet ikkonċernati tas-semikondutturi, inkluż lin-negozji ġodda u lill-SMEs. Eżempji jinkludu l-faċilitazzjoni tal-aċċess għal-linji pilota u għall-pjattaforma tad-disinn virtwali, l-għoti ta’ taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet, l-appoġġ biex jinstabu l-investituri, l-użu tal-kompetenzi lokali eżistenti jew l-ilħuq tal-vertikali rilevanti. Is-servizzi jenħtieġ li jingħataw b’mod miftuħ, trasparenti u nondiskriminatorju. Kull ċentru ta’ kompetenza jenħtieġ li jikkonnettja u jkun parti min-network Ewropew taċ-ċentri ta’ kompetenza fis-semikondutturi u jenħtieġ li jaġixxi bħala punt tal-aċċess għal nodi oħra tan-network. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li jiġu mmassimizzati s-sinerġiji ma’ strutturi simili eżistenti, bħall-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej stabbiliti skont il-Programm Ewropa Diġitali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jaħtru lil Ċentru Ewropew tal-Innovazzjoni Diġitali eżistenti ffukat fuq is-semikondutturi bħala ċentru ta’ kompetenza għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, diment li ma tinkisirx il-projbizzjoni tal-finanzjament doppju.
(28)Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-għarfien espert tekniku u jiġi żgurat it-tixrid tal-għarfien madwar l-Unjoni, kif ukoll l-appoġġ għal inizjattivi ta’ ħiliet diversi, jenħtieġ li n-network ta’ ċentri ta’ kompetenza stabbilit skont l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa jkompli jiġi appoġġat skont l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tistabbilixxi l-proċedura għat-tkomplija tal-appoġġ għaċ-ċentri ta’ kompetenza, inklużi l-kriterji tal-għażla, kif ukoll aktar dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-kompiti u l-funzjonijiet imsemmija f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li ċ-ċentri ta’ kompetenza li jiffurmaw in-network jintgħażlu mill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep u jenħtieġ li jkollhom awtonomija ġenerali sostanzjali biex jistabbilixxu l-organizzazzjoni, il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li l-organizzazzjoni, il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tagħhom jikkonformaw mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u jikkontribwixxu għalihom.
(29)Il-ħidma relatata mal-ħiliet u mal-edukazzjoni li qed titwettaq mill-Unjoni hija fundamentali biex tkompli tiffjorixxi l-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Pjan Strateġiku għall-Edukazzjoni STEM u l-azzjonijiet tiegħu jiġu ingranati, u inizjattivi bħall-Patt għall-Ħiliet, l-Akkademji għall-Ħiliet, il-programmi ta’ studju Ewropej konġunti, l-Inizjattiva dwar it-Trasferibbiltà tal-Ħiliet u l-Alleanzi tal-Universitajiet Ewropej jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ azzjonijiet speċifiċi għas-settur tas-semikondutturi. B’mod simili, sabiex jiġi attirat talent estern lejn l-Unjoni, jenħtieġ li jiġu esplorati sinerġiji ma’ inizjattivi li jiffaċilitaw ir-reklutaġġ internazzjonali bħar-Riżerva ta’ Talenti tal-UE.
(30)L-aċċess għall-infrastruttura ffinanzjata pubblikament, bħall-faċilitajiet pilota u tal-ittestjar, u għaċ-ċentri ta’ kompetenza, jenħtieġ li jkun miftuħ għal firxa wiesgħa ta’ utenti u jenħtieġ li jingħata b’mod trasparenti u nondiskriminatorja u skont it-termini tas-suq (jew abbażi tal-kost u marġni raġonevoli) għal impriżi kbar, filwaqt li l-SMEs u l-istituti akkademiċi jistgħu jibbenefikaw minn aċċess preferenzjali jew prezzijiet orħos ħalli tkun iffaċilitata parteċipazzjoni usa’ fl-innovazzjoni tas-semikondutturi u jkunu appoġġati l-iżvilupp u d-diffużjoni tal-kapaċitajiet potenzjali industrijali madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni skont l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0, inklużi l-infrastrutturi tat-teknoloġija, jenħtieġ li jkunu wkoll għall-benefiċċju tas-settur tad-difiża, mingħajr preġudizzju għal attivitajiet ulterjuri għall-iżvilupp ta’ prodotti u ta’ teknoloġiji tad-difiża li jistgħu jseħħu skont ir-Regolament (UE) 2025/2643.
(31)Is-suċċess tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 jista’ jinbena biss fuq sforz kollettiv tal-Istati Membri u tal-Unjoni biex jappoġġaw il-kostijiet kapitali sinifikanti, biex iwessgħu d-disponibbiltà tar-riżorsi għad-disinn virtwali, l-ittestjar u l-pilotaġġ, u d-diffużjoni tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi. Fejn xieraq, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-azzjonijiet ikkonċernati, l-objettivi tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0, b’mod partikolari l-attivitajiet tal-Fond għaċ-Ċipep, jenħtieġ li jiġu appoġġati wkoll permezz ta’ faċilità ta’ taħlit skont il-Fond InvestEU. Jenħtieġ li l-appoġġ mill-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 jintuża biex jindirizza, b’mod proporzjonat u kosteffettiv, il-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali bħala konsegwenza ta’ intensità kapitali għolja, riskju għoli, u xenarju kumpless tal-ekosistema u l-azzjonijiet tas-semikondutturi jenħtieġ li ma jidduplikawx jew jeskludu l-finanzjament privat jew ifixklu l-kompetizzjoni fis-suq intern. L-azzjonijiet jenħtieġ li jkollhom valur miżjud ċar madwar l-Unjoni kollha.
(32)Barra minn hekk, l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 tkompli jenħtieġ li tibni fuq il-bażi tal-għarfien soda u ttejjeb is-sinerġiji ma’ azzjonijiet li bħalissa huma appoġġati mill-Unjoni u l-Istati Membri bi programmi u azzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni fis-semikondutturi u fl-iżviluppi ta’ parti mill-katina tal-valur, b’mod partikolari Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali ħalli l-Unjoni tissaħħaħ bħala attur dinji fit-teknoloġiji tas-semikondutturi u fl-applikazzjonijiet tagħha, b’sehem dinji dejjem akbar fil-manifattura, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”. Barra minn hekk, l-investimenti privati huma mistennija jiġu mmobilizzati biex jikkomplementaw il-finanzjament tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tagħha. Filwaqt li tikkomplementa dawk l-attivitajiet, l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 tikkollabora mill-qrib ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inkluż mal-Alleanza Industrijali għas-Semikondutturi.
(33)Ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) fl-Unjoni huma dejjem aktar esposti għal prattiki li għandhom l-għan li jimmiżapproprjaw informazzjoni kunfidenzjali, sigrieti kummerċjali, u data protetta, bħas-serq tal-PI, it-trasferimenti furzati tat-teknoloġija u l-ispjunaġġ ekonomiku. Biex jiġu evitati impatti negattivi fuq l-interessi tal-Unjoni u fuq l-objettivi tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0, jeħtieġ jiġi adottat approċċ li jiżgura li l-aċċess għall-informazzjoni jew għar-riżultati kummerċjalment sensittivi u l-użu tagħhom ikunu protetti, inkluż id-data u l-għarfien espert, is-sigurtà u t-trasferiment tas-sjieda tar-riżultati kif ukoll kontenut protett mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ġġenerati b’rabta ma’ azzjonijiet appoġġati mill-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 jew b’riżultat tagħhom. Sabiex tiġi żgurata dik il-protezzjoni, jenħtieġ li kwalunkwe azzjoni appoġġata mill-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 u ffinanzjata minn Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali, kif ukoll is-suċċessuri tagħhom skont Qafas Finanzjarju Pluriennali sussegwenti, issegwi d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk il-programmi, bħal dwar il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet stabbiliti f’pajjiżi terzi assoċjati mal-programm, il-ftehimiet ta’ għotja, is-sjieda u l-protezzjoni, is-sigurtà, l-isfruttament u d-disseminazzjoni, it-trasferiment u l-liċenzjar, u d-drittijiet ta’ aċċess. Huwa possibbli li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi meta jiġu implimentati dawk il-programmi, b’mod partikolari fir-rigward tal-limitazzjonijiet għat-trasferimenti u għal-liċenzjar f’konformità mal-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) 2021/695, u l-limitazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiżi terzi assoċjati jew oħrajn speċifikati minħabba raġunijiet ibbażati fuq l-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2021/695 u mal-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE) 2021/694. Barra minn hekk, it-trattament tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità, il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jenħtieġ li jkunu rregolati mil-liġi tal-Unjoni, inklużi d-Direttivi (UE) 2004/48/KE u (UE) 2016/943 u tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u mil-liġi nazzjonali. Huwa possibbli li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jipproteġu t-trasferimenti tat-teknoloġija għal raġunijiet relatati mal-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni u nazzjonali fir-rigward ta’ investimenti magħmula f’faċilitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(34)Sabiex jissaħħaħ l-adozzjoni tas-semikondutturi ddisinjati fl-Unjoni, manifatturati fl-Unjoni, jew fit-tnejn li huma, tul il-ktajjen tal-valur industrijali, huwa neċessarju li jiġu promossi rabtiet aktar mill-qrib bejn il-provvista tas-semikondutturi u d-domanda industrijali downstream, filwaqt li jibqgħu konsistenti mal-obbligi internazzjonali u mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-koordinazzjoni aħjar bejn il-fornituri u l-utenti tat-teknoloġiji tas-semikondutturi jenħtieġ li tiffaċilita l-identifikazzjoni tad-domanda aggregata, l-iżvilupp ta’ rekwiżiti tekniċi komuni, u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet imfassla apposta skont il-ħtiġijiet industrijali tal-Unjoni. Tali koordinazzjoni hija partikolarment rilevanti f’setturi ewlenin bħall-cloud computing, is-settur awtomobilistiku, l-ajrunawtika, it-telekomunikazzjoni, id-difiża u r-robotika, li huma kkaratterizzati minn rekwiżiti ta’ prestazzjoni għolja, ta’ sigurtà, ta’ affidabbiltà u ta’ effiċjenza enerġetika, u meta s-semikondutturi jikkostitwixxu teknoloġija abilitanti kritika għall-innovazzjoni, għat-trasformazzjoni diġitali, u għall-awtonomija strateġika. F’dawk is-setturi, l-involviment bikri tal-utenti fil-fażi tad-disinn u tal-iżvilupp jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti ż-żmien għas-suq, itejjeb l-integrazzjoni tas-sistema, u jiżgura li s-soluzzjonijiet tas-semikondutturi jkunu adegwati għall-użu u allinjati mal-istandards industrijali u mar-restrizzjonijiet operazzjonali li dejjem jevolvu. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet neċessarji biex l-Alleanza għas-Semikondutturi tiffaċilita t-tlaqqigħ industrijali, l-attivitajiet ta’ kodisinn u l-inizjattivi kollaborattivi, inkluż permezz ta’ forum tad-domanda, bil-ħsieb li jitnaqqas id-distakk bejn il-provvista u d-domanda, jitrawmu ekosistemi tal-innovazzjoni u jiġi aċċellerat il-varar ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq is-semikondutturi fl-Unjoni, f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u b’mod konsistenti mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Għas-semikondutturi użati fis-setturi tad-difiża u tal-ispazju, li huma speċjalizzati ħafna u jridu joperaw b’mod affidabbli f’ambjenti estremi u ostili, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tikkoordina l-attivitajiet fi ħdan l-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi tal-UE għall-ispazju u għad-difiża.
(35)Fis-settur tal-ispazju u tad-difiża, l-attivitajiet immirati lejn l-identifikazzjoni tal-lakuni, tal-vulnerabbiltajiet u tal-ħtiġijiet se jkomplu fi ħdan l-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi (OCT) tal-UE diġà stabbilit. Pjanijiet direzzjonali speċifiċi tat-teknoloġija tal-UE għall-ispazju u għad-difiża, inklużi s-semikondutturi, li jirrispondu għall-OCT u jkopru r-riċerka, l-innovazzjoni u l-industrijalizzazzjoni, se jinfurmaw il-programm ta’ ħidma tal-UE għall-attivitajiet tal-iżvilupp tal-ispazju u tad-difiża.
(36)Il-forum tad-domanda jenħtieġ li jippermetti lill-offtakers potenzjali tat-teknoloġiji tas-semikondutturi jesprimu l-ħtiġijiet u l-ispeċifikazzjonijiet mistennija tagħhom minn perspettiva aggregata jew tal-industrija kollha, filwaqt li jippermetti lill-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u lill-proġetti strateġiċi jippreżentaw il-kapaċitajiet potenzjali teknoloġiċi tagħhom u s-soluzzjonijiet proposti. Jenħtieġ li l-miżuri tal-aċċelleratur tad-domanda jiffaċilitaw il-pjattaformi kollaborattivi, il-proġetti pilota u s-sħubijiet tad-disinn, filwaqt li jippermettu l-validazzjoni bikrija u l-varar ta’ soluzzjonijiet innovattivi tas-semikondutturi fl-Unjoni. Dawn jistgħu jikkontribwixxu wkoll għat-tkabbir ta’ ekosistemi innovattivi u jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ swieq pilota f’setturi ewlenin, u b’hekk isaħħu l-kompetittività industrijali u s-sovranità teknoloġika tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-attivitajiet kollha mwettqa skont il-forum tad-domanda u l-miżuri tal-aċċelleratur tad-domanda jiġu implimentati f’konformità sħiħa mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u ma’ dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-liġi tal-Unjoni, filwaqt li jkun żgurat li l-kooperazzjoni bejn l-impriżi ma twassalx għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jew għall-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.
(37)Sabiex jitrawwem il-varar mifrux ta’ sistemi li jintegraw teknoloġiji tas-semikondutturi avvanzati fl-Unjoni, huwa neċessarju li jiġu appoġġati azzjonijiet immirati li jsaħħu l-kooperazzjoni u l-innovazzjoni. B’mod partikolari, l-iffaċilitar tal-formazzjoni ta’ arranġamenti ta’ akkwist konġunt transfruntier bejn l-awtoritajiet jew l-entitajiet kontraenti jista’ jgħin biex tiġi aggregata d-domanda, titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq, u jippermetti investiment aktar effiċjenti f’sistemi kumplessi u għaljin ibbażati fuq is-semikondutturi. Fl-istess ħin, l-appoġġ għall-integrazzjoni u għall-varar ta’ teknoloġiji innovattivi tas-semikondutturi huwa essenzjali biex tiġi aċċellerata l-adozzjoni tagħhom f’setturi ewlenin, inklużi l-infrastruttura diġitali, l-intelliġenza artifiċjali, u l-applikazzjonijiet industrijali, u b’hekk jissaħħu l-kapaċità teknoloġika u l-kompetittività tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ tali azzjonijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi gwida teknika u legali lill-awtoritajiet kontraenti. Jenħtieġ li din il-gwida tappoġġa lill-awtoritajiet kontraenti fl-użu tas-sigurtà tal-provvista, taċ-ċibersigurtà, tar-reżiljenza, tal-effiċjenza enerġetika, tal-prestazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja, tat-trasparenza tal-katina tal-provvista u tal-kriterji tal-valur miżjud tal-Unjoni meta jakkwistaw sistemi li jintegraw disinn u soluzzjonijiet innovattivi tas-semikondutturi, f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni u mal-obbligi internazzjonali. B’mod partikolari, jenħtieġ li tippromwovi l-akkwist prekummerċjali, is-sħubijiet għall-innovazzjoni u l-akkwist konġunt ta’ proċeduri li kapaċi joħolqu domanda bikrija għal teknoloġiji tas-semikondutturi fdati żviluppati, prodotti, jew it-tnejn li huma, fl-Unjoni.
(38)Fid-dawl tal-importanza tagħhom biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista u jkollna ekosistema tas-semikondutturi reżiljenti, l-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u l-proġetti strateġiċi jenħtieġ li jitqiesu li huma fl-interess pubbliku. Li tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi hi importanti wkoll għad-diġitalizzazzjoni, għax tippermetti t-tranżizzjoni ekoloġika ta’ ħafna setturi oħrajn. Biex jattiraw l-investimenti lejn is-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni u jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi u għar-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri ta’ appoġġ, inkluż inċentivi, u jipprevedu appoġġ amministrattiv fil-proċeduri nazzjonali tal-ħruġ tal-permessi għall-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi. Fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028-2034, il-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali jistgħu jikkostitwixxu parti mill-appoġġ, soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dawk il-pjanijiet. Il-possibbiltà ta’ appoġġ mill-Istati Membri jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE, meta rilevanti. Biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta u effiċjenti tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-komunikazzjoni tagħha “Att dwar iċ-Ċipep għall-Ewropa”, il-Kummissjoni diġà għarfet il-bżonn ta’ valutazzjoni każ b’każ rigward l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-faċilitajiet tal-produzzjoni tas-semikondutturi biex jitħarsu s-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista tal-Unjoni filwaqt li jiġu ġġenerati impatti pożittivi sinifikanti fuq l-ekonomija usa’. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-proċeduri għar-rikonoxximent bħala inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, fejn applikabbli, jitwettqu b’mod parallel sabiex jiġi aċċellerat il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw l-istabbiliment ta’ inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. Meta jipprovdu miżuri ta’ appoġġ għal inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw l-istabbiliment ta’ rekwiżiti nondiskriminatorji relatati mal-protezzjoni u s-sigurtà tal-proprjetà intellettwali, inkluż iċ-ċibersigurtà, u l-kunfidenzjalità u jistgħu jirrakkomandaw miżuri ta’ mitigazzjoni li jindirizzaw riskji speċifiċi relatati mal-interferenza, it-trasferimenti sfurzati tat-teknoloġija, u mas-serq tal-proprjetajiet intellettwali minn entitajiet minn pajjiżi terzi.
(39)Biex iħeġġu l-istabbiliment tal-kapaċitajiet potenzjali tad-disinn relatati meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu appoġġ għal tali attivitajiet f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, inkluż permezz tal-qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni jew ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014.
(40)Biex jitħeġġeġ l-istabbiliment tal-kapaċitajiet potenzjali meħtieġa tal-manifattura u d-disinn relatati, u b’hekk tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista u tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni, l-appoġġ pubbliku jaf ikun xieraq, diment li dan ma jwassalx għal distorsjonijiet fis-suq intern. F’dak ir-rigward, ċerti kundizzjonijiet għall-operaturi jeħtieġ jiġu armonizzati ħalli jwettqu proġetti speċifiċi fil-livell tal-Unjoni li jikkontribwixxu ħalli jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u jistabbilixxu qafas għar-rikonoxximent ta’ inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi.
(41)L-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi jenħtieġ li jipprovdu kapaċitajiet potenzjali li jkunu “l-ewwel tat-tip tagħhom” fl-Unjoni u jikkontribwixxu għall-indispensabbiltà, għar-reżiljenza, għall-prosperità, għall-kompetittività u għas-sigurtà tal-provvista tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni. Il-fattur kwalifikanti biex tkun inizjattiva “l-ewwel tat-tip tagħha” huwa li ġġib element innovattiv fis-suq intern fir-rigward tal-proċessi tal-manifattura jew tal-prodott finali, li jista’ jkun ibbażat fuq nodi teknoloġiċi ġodda jew eżistenti, inklużi dawk maturi u mill-aktar avvanzati. Inizjattiva li tipprovdi innovazzjoni b’rabta mal-proċess tal-manifattura jew tal-prodott finali li tkun simili għal innovazzjoni diġà eżistenti jew diġà ppjanata fl-Unjoni xorta tista’ tiġi rikonoxxuta bħala l-ewwel tat-tip tagħha jekk ikun jista’ jintwera li l-inizjattiva hemm bżonnha biex ikunu żgurati r-reżiljenza u s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni billi jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi żejda fuq l-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi. Jenħtieġ li kwalunkwe inizjattiva bħal din tiġi vvalutata abbażi tal-merti tagħha stess, filwaqt li jitqiesu, pereżempju, l-analiżi rilevanti tas-suq, il-grad ta’ konċentrazzjoni tad-dipendenzi u r-riskju li tinħoloq sitwazzjoni ta’ kapaċità żejda.
(42)L-elementi tal-innovazzjoni rilevanti fl-ewwel inizjattivi tat-tip tagħhom jistgħu jkunu relatati man-nodu tat-teknoloġija jew mal-materjal tas-substrat, jew ma’ approċċi li jwasslu għal titjib fil-qawwa komputazzjonali jew f’attributi oħra tal-prestazzjoni, fl-effiċjenza enerġetika, fil-livell tas-sigurtà, tas-sikurezza jew tal-affidabbiltà, kif ukoll fl-integrazzjoni ta’ funzjonalitajiet ġodda, bħall-IA, il-kapaċità tal-memorja jew oħrajn. L-integrazzjoni ta’ proċessi differenti li jwasslu għal kisbiet fl-effiċjenza jew l-awtomazzjoni tal-inkapsulament u l-assemblaġġ huma wkoll eżempji ta’ innovazzjoni. Fir-rigward tal-kisbiet ambjentali, l-elementi ta’ innovazzjoni jinkludu t-tnaqqis b’mod kwantifikabbli tal-ammont ta’ enerġija, ilma jew sustanzi kimiċi użati, jew it-titjib tar-riċiklabbiltà.
(43)Biex ikun żgurat li l-investimenti pubbliċi f’inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u proġetti strateġiċi jwasslu għal żieda reali fis-sigurtà tal-provvista u fir-reżiljenza tal-Unjoni, l-impriżi li japplikaw għar-rikonoxximent jew l-appoġġ skont dan ir-Regolament jenħtieġ li juru li se jiffurmaw il-katina tal-provvista tagħhom b’modi li jnaqqsu d-dipendenza tal-katina tal-provvista fuq l-impriżi mhux domestiċi. Jenħtieġ li tali informazzjoni tinkludi, fejn applikabbli għall-attivitajiet tal-inizjattiva, l-oriġini tat-tagħmir u tas-substrati essenzjali għall-manifattura tas-semikondutturi u l-punt sa fejn l-akkwist minn impriżi ta’ pajjiżi terzi huwa neċessarju minħabba kunsiderazzjonijiet tekniċi tal-prestazzjoni. Fil-każ tal-manifattura tas-semikondutturi front-end jew back-end, jenħtieġ li l-impriżi jindikaw ukoll il-proċessi tal-manifattura front-end jew back-end rilevanti l-oħra minn qabel jew wara marbuta mal-investiment li jseħħ fl-Unjoni u barra minnha.
(44)Sabiex jiġu ffaċilitati l-investimenti fil-manifattura tas-semikondutturi, jenħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jqisu l-kundizzjonijiet abilitanti neċessarji għat-tħaddim sostenibbli ta’ tali faċilitajiet, inkluż l-aċċess għall-enerġija, l-ilma u riżorsi infrastrutturali kritiċi oħra. Sabiex jiġu appoġġati r-reżiljenza u s-sostenibbiltà fit-tul tal-ekosistema tas-semikondutturi fl-Unjoni, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-ħtiġijiet mistennija tar-riżorsi u tal-impatti ambjentali assoċjati ma’ tali investimenti.
(45)Meta inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi toffri kapaċità tal-produzzjoni lil impriżi mhux relatati mal-operatur tal-faċilità, din jenħtieġ li tistabbilixxi, timplimenta u żżomm separazzjoni funzjonali adegwata u effettiva biex tevita l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn il-produzzjoni interna u esterna. Dan jenħtieġ li japplika għal kull informazzjoni miksuba waqt id-disinn u l-proċessi tal-manifattura front-end u back-end.
(46)Biex tikkwalifika bħala inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi, l-istabbiliment tal-inizjattiva minn impriża domestika jenħtieġ li jkollu impatt pożittiv ċar b’effetti konsegwenzjali lil hinn mill-impriża jew l-Istat Membru kkonċernat fuq il-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni fi żmien medju u fit-tul biex jissaħħu r-reżiljenza, il-kompetittività u l-innovazzjoni tal-ekosistema tas-semikondutturi, inkluż it-tkabbir ta’ negozji ġodda u SMEs, u jingħata kontribut għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali tal-Unjoni. Barra minn hekk, bl-istess raġunament, jenħtieġ li l-parteċipazzjoni fil-Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju (“il-Pjattaforma”) tkun obbligatorja għall-faċilitajiet tal-produzzjoni – bħall-faċilitajiet tal-produzzjoni front-end u back-end, iżda wkoll faċilitajiet oħra tal-produzzjoni bħall-produzzjoni ta’ tagħmir, ta’ substrati jew ta’ materjali tal-manifattura tas-semikondutturi. Dan l-impenn iservi għat-tisħiħ tar-reżiljenza, tal-kompetittività u tal-innovazzjoni tal-ktajjen tal-provvista tal-ekosistema tas-semikondutturi. Għall-fini ta’ kwalifikazzjoni bħala inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi jistgħu jiġu kkunsidrati bosta attivitajiet ta’ impriżi domestiċi li huma maħsuba biex joħolqu effetti konsegwenzjali pożittivi. L-eżempji jinkludu l-għoti ta’ aċċess għal faċilitajiet tal-manifattura bil-ħlas ta’ tariffa tas-suq; l-għoti ta’ kits tad-disinn tal-proċess lil kumpaniji iżgħar tad-disinn jew lill-pjattaforma tad-disinn virtwali; id-disseminazzjoni tar-riżultati mill-attivitajiet tagħhom tar-R&Ż; l-involviment f’kollaborazzjoni ta’ riċerka ma’ universitajiet u ma’ istituti ta’ riċerka Ewropej; il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali jew mal-istituzzjonijiet edukattivi u vokazzjonali biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ħiliet; il-kontribut għal proġetti ta’ riċerka fl-Unjoni kollha; jew l-offerta ta’ opportunitajiet ta’ appoġġ dedikati għal negozji ġodda u għal SMEs. L-impatt fuq diversi Stati Membri, inkluż fir-rigward tal-objettivi ta’ koeżjoni, jenħtieġ li jitqies bħala wieħed mill-indikaturi ta’ impatt pożittiv ċar ta’ inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi fuq il-katina tal-valur tas-semikondutturi fl-Unjoni.
(47)Biex jiġu żgurati ċ-ċarezza legali u l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament, huwa neċessarju li jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet li fihom impriża tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi. L-esperjenza bl-implimentazzjoni tal-qafas għall-faċilitajiet tal-produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE skont ir-Regolament (UE) 2023/1781 uriet li nħolqu inċertezzi fost l-impriżi u l-Istati Membri dwar jekk l-istatus ta’ faċilità tat-teknoloġiji tas-semikondutturi hux kundizzjonali fuq ir-riċevuta ta’ appoġġ pubbliku. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat b’mod espliċitu li, filwaqt li applikazzjoni għal tali status tkun relatata mal-ewwel inizjattiva tat-tip tagħha, l-għoti tal-istatus jenħtieġ li ma jkunx dipendenti fuq il-kisba ta’ miżuri ta’ appoġġ jew ta’ assistenza amministrattiva. Għalhekk, l-ewwel inizjattivi tat-tip tagħhom jistgħu jiksbu l-istatus ta’ inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi irrispettivament minn jekk ikunux jibbenefikaw minn finanzjament pubbliku, diment li dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti f’dan ir-Regolament.
(48)Hu importanti li l-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi ma jkunux soġġetti għal applikazzjoni ekstraterritorjali ta’ obbligi tas-servizz pubbliku imposti minn pajjiżi terzi li jistgħu jimminaw l-abbiltà tagħhom li jużaw jew jerġgħu jesportaw il-prodott finali li jirriżulta mill-infrastruttura, mis-software, mis-servizzi, mill-faċilitajiet, mill-assi, mir-riżorsi, mill-PI jew mill-għarfien espert tagħhom meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk relatati mas-sigurtà tal-provvista.
(49)Fid-dawl tal-iżvilupp malajr tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u biex tissaħħaħ il-kompetittività industrijali futura tal-Unjoni, jenħtieġ li l-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi jinvestu fl-Unjoni f’innovazzjoni kontinwa biex jinkisbu avvanzi konkreti fit-teknoloġiji tas-semikondutturi jew fit-tħejjija ta’ teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss. Jenħtieġ li tali inizjattivi jkunu jistgħu jittestjaw u jesperimentaw żviluppi ġodda permezz ta’ aċċess preferenzjali għal-linji pilota stabbiliti skont l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa fir-Regolament (UE) 2023/1781 u l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 permezz ta’ applikazzjonijiet rapidi. Jenħtieġ li kull aċċess preferenzjali bħal dan la jkun jeskludi u lanqas jipprevjeni aċċess effettiv b’termini ġusti għal-linji pilota minn impriżi interessati oħra, b’mod partikolari negozji ġodda u SMEs. Filwaqt li titqies l-importanza ta’ forza tax-xogħol kwalifikata u b’ħiliet speċjalizzati biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi jappoġġaw il-pipeline ta’ talenti tal-Unjoni billi jiżviluppaw u jużaw taħriġ edukattiv u tal-ħiliet u billi jżidu r-riżerva ta’ forza tax-xogħol kwalifikata u b’ħiliet speċjalizzati.
(50)Għal proċedura uniformi u trasparenti biex jinkiseb l-istatus bħala inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi, id-deċiżjoni għall-għoti ta’ dan l-istatus jenħtieġ li tadottaha l-Kummissjoni wara l-applikazzjoni minn impriża individwali jew minn konsorzju ta’ diversi impriżi. Jenħtieġ li l-istatus ikun miftuħ kemm għall-installazzjoni ta’ inizjattiva ġdida għall-manifattura tas-semikondutturi kif ukoll għall-espansjoni sinifikanti jew għat-trasformazzjoni innovattiva ta’ inizjattiva eżistenti għall-manifattura tas-semikondutturi. Sabiex titqies l-importanza ta’ implimentazzjoni koordinata u kooperata tal-faċilità ppjanata, fejn rilevanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis fil-valutazzjoni tagħha t-tħejjija ta’ Stat Membru wieħed jew aktar fejn l-applikant ikun beħsiebu jistabbilixxi l-inizjattivi tiegħu biex jappoġġa l-istabbiliment ta’ tali inizjattivi. Barra minn hekk, meta tivvaluta l-vijabbiltà tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju, il-Kummissjoni tista’ tqis ir-rekord ġenerali tal-applikant kif ukoll l-eżistenza ta’ miżuri xierqa biex tipproteġi l-proprjetà intellettwali u l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.
(51)Fid-dawl tad-drittijiet marbuta mar-rikonoxximent bħala inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi, il-Kummissjoni jenħtieġ li timmonitorja jekk l-inizjattivi mogħtija dak l-istatus għadhomx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jekk dan ma jibqax il-każ, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha d-dritt li teżamina mill-ġdid u, jekk ikun neċessarju, tħassar l-istatus u, għaldaqstant, id-drittijiet marbuta ma’ dak l-istatus. Jenħtieġ li kwalunkwe deċiżjoni li jitħassar dak l-istatus tittieħed biss wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u jenħtieġ li tkun motivata kif xieraq. B’mod korrispondenti, l-impriża li topera inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà li titlob b’mod proattiv rieżami tat-tul tal-perjodu tal-istatus jew tal-pjanijiet tal-implimentazzjoni meta ċirkostanzi esterni mhux previsti, bħal disturbi serji b’impatt ekonomiku dirett fuq l-inizjattiva rikonoxxuta, jista’ jkollhom impatt fuq l-abbiltà tagħha li tikkonforma mal-kriterji applikabbli.
(52)Sabiex jissaħħu s-sovranità teknoloġika, ir-reżiljenza, l-indispensabbiltà, il-kompetittività u l-prosperità tal-Unjoni fis-settur tas-semikondutturi, huwa neċessarju li jiġu identifikati u appoġġati proġetti ta’ importanza strateġika minn impriżi domestiċi tul il-katina tal-valur tas-semikondutturi. Jenħtieġ li l-proġetti strateġiċi dwar is-semikondutturi jingħataw appoġġ mill-programmi, mill-fondi u mill-istrumenti finanzjarji tal-Unjoni, f’konformità mal-objettivi stabbiliti fir-regolament li jistabbilixxi dawk il-fondi u l-programmi u mingħajr preġudizzju għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (2028-2034). B’mod partikolari, jenħtieġ li dawk il-proġetti strateġiċi jingħataw is-siġill tal-kompetittività meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2026/XXX [dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività] (FEK) ([1]), bħala proġetti ta’ kwalità għolja li jikkontribwixxu għall-objettiv tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività. Jenħtieġ li l-proġetti strateġiċi jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ interess komuni tal-Unjoni u jsaħħu l-kapaċità tal-Unjoni li tiddisinja, timmanifattura u tintegra teknoloġiji tas-semikondutturi avvanzati u juru valur miżjud ċar tal-Unjoni u dimensjoni transfruntiera, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jew permezz ta’ appoġġ pubbliku koordinat. Jenħtieġ li dawn jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-reżiljenza u tar-robustezza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni, inkluż billi jindirizzaw il-konġestjonijiet, isaħħu l-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi u jsaħħu l-innovazzjoni u l-varar industrijali. Il-parteċipazzjoni tal-SMEs u tal-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja (SMCs) innovattivi fi proġetti strateġiċi għandha titħeġġeġ.
(53)Jenħtieġ li kemm il-proġetti strateġiċi kif ukoll l-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi jkunu jistgħu jiffukaw mhux biss fuq nodi tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati, iżda anki fuq nodi teknoloġiċi innovattivi eżistenti u maturi meta dan ikun meħtieġ biex jitħarsu u jissaħħu l-kompetittività, ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni fost teknoloġiji tas-semikondutturi u applikazzjonijiet industrijali strateġikament importanti. Biex jiġi żgurat li l-proġetti strateġiċi jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-kompetittività fit-tul tal-Unjoni, jenħtieġ li tali proġetti jappoġġaw l-iżvilupp jew l-varar ta’ kapaċitajiet, teknoloġiji jew kapaċitajiet potenzjali kritiċi fl-Unjoni. Jenħtieġ li dan jinkludi, b’mod partikolari, attivitajiet li jnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi u jsaħħu t-tmexxija teknoloġika tal-Unjoni f’segmenti ewlenin tal-katina tal-valur tas-semikondutturi, inkluż billi jippermettu, javvanzaw jew jiżguraw teknoloġiji u kapaċitajiet potenzjali kritiċi fl-Unjoni.
(54)Meta l-proġetti strateġiċi jiġu implimentati f’diversi siti, jenħtieġ li dawn jitwettqu minn konsorzju wieħed u jiffunzjonaw bħala entità integrata, sabiex jiġu żgurati l-koerenza, l-effiċjenza u l-koordinazzjoni effettiva tal-attivitajiet.
(55)Fid-dawl tan-natura strateġika tas-settur tas-semikondutturi u tar-rilevanza tiegħu għas-sigurtà, jenħtieġ li l-parteċipazzjoni fi proġetti strateġiċi tkun soġġetta għal kundizzjonijiet xierqa. F’konformità mal-Artikolu 136 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ikun possibbli li tiġi ristretta jew eskluża l-parteċipazzjoni ta’ ċerti entitajiet meta dan imur kontra l-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tal-Unjoni. Bħala regola ġenerali, jenħtieġ li l-parteċipazzjoni fi proġetti strateġiċi tkun limitata għal entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni. Madankollu, b’deroga u fejn debitament ġustifikat, il-parteċipazzjoni tista’ tiġi estiża għal entitajiet stabbiliti f’pajjiżi terzi, dment li tali parteċipazzjoni tikkonforma mal-kundizzjonijiet u mas-salvagwardji applikabbli u ma timminax l-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tal-Unjoni.
(56)Sabiex tiġi żgurata l-flessibbiltà u jiġu riflessi l-iżviluppi teknoloġiċi u l-ħtiġijiet tas-suq li qed jevolvu, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi lista ta’ oqsma teknoloġiċi indikattivi għal proġetti strateġiċi. Jenħtieġ li s-setgħa li tiġi emendata dik il-lista tiġi ddelegata lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE sabiex jiġu aġġornati dawk l-oqsma fid-dawl tal-bidla teknoloġika u tal-iżviluppi tas-suq rilevanti għas-settur tas-semikondutturi. Biex jiġu żgurati identifikazzjoni u għażla koerenti u effiċjenti tal-proġetti strateġiċi, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, jenħtieġ li tidentifika oqsma prijoritarji u tistabbilixxi lista ta’ suġġetti ta’ proġetti strateġiċi potenzjali. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet li jappoġġaw dawk il-proġetti ssir, meta xieraq, permezz tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep, f’konformità mar-Regolament regolatorju u mal-programmi ta’ ħidma tagħha. Biex tissaħħaħ is-sovranità tal-Unjoni u tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista f’semikondutturi mill-aktar avvanzati, jixraq tingħata prijorità lill-istabbiliment ta’ fonderija miftuħa għall-kapaċitajiet potenzjali tal-manifattura tas-semikondutturi avvanzati fl-Unjoni, li jenħtieġ li topera, meta rilevanti, abbażi ta’ aċċess miftuħ għal utenti differenti. Dak il-proġett strateġiku jista’ jiġi kkomplementat minn proġetti strateġiċi oħra dwar pereżempju l-memorja, id-disinn, u teknoloġiji oħra tas-semikondutturi.
(57)Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep timplimenta azzjonijiet li jappoġġaw proġetti strateġiċi permezz tal-programm ta’ ħidma tagħha, inkluż permezz ta’ sejħiet għal proposti f’konformità mar-regoli applikabbli tagħha. Jenħtieġ li l-proposti jiġu evalwati f’konformità mal-proċeduri u mal-kriterji stabbiliti fil-qafas regolatorju tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep. Biex tkun żgurata l-effiċjenza u tkun evitata d-duplikazzjoni tal-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ li tibbaża fuq l-eżitu tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep meta tiddeżinja proġetti strateġiċi. Jenħtieġ li l-proġetti magħżula għall-finanzjament mill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep u li jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament ikunu eliġibbli għad-deżinjazzjoni bħala proġetti strateġiċi.
(58)Jenħtieġ li d-deżinjazzjoni ta’ proġett bħala proġett strateġiku tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu tad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament meħuda fil-qafas tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep. Madankollu, jenħtieġ li l-proġetti mhux magħżula għall-finanzjament tal-Unjoni jkunu jistgħu jiksbu l-istatus ta’ proġett strateġiku, soġġetti għall-kunsens tal-applikant, sabiex jibbenefikaw mid-drittijiet u mill-obbligi marbuta ma’ dak l-istatus skont dan ir-Regolament. Id-drittijiet jinkludu l-inklużjoni ta’ proġetti strateġiċi fil-forum tad-domanda, il-kisba possibbli ta’ appoġġ pubbliku u ta’ appoġġ amministrattiv, u l-kisba ta’ status ta’ interess pubbliku prevalenti u possibbilment ta’ status tal-akbar sinifikanza nazzjonali rilevanti għall-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi, u l-obbligi applikabbli wkoll għall-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi, bħall-parteċipazzjoni fil-Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju u l-obbligu li jiġu aċċettati ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità. Il-proġetti strateġiċi jenħtieġ li jibbenefikaw mill-istess drittijiet u jkunu soġġetti għall-istess obbligi bħall-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi, meta jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti, biex ikun żgurat qafas regolatorju koerenti u jiġi massimizzat il-kontribut tagħhom għall-objettivi tal-Unjoni fis-settur tas-semikondutturi. Meta rilevanti, tali deżinjazzjoni jenħtieġ li tikkonferma wkoll l-istatus tagħhom bħala l-ewwel inizjattivi tat-tip tagħhom u tiddefinixxi t-tul tal-perjodu ta’ dak l-istatus abbażi tal-ħajja mistennija tal-proġett.
(59)Biex ikun żgurat li l-proġetti strateġiċi jibqgħu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tirtira d-deżinjazzjoni ta’ proġett meta dawk il-kriterji ma jibqgħux jiġu ssodisfati jew meta d-deżinjazzjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni skorretta. Qabel ma tadotta tali deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-impriżi kkonċernati jingħataw l-opportunità li jinstemgħu, f’konformità mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u jenħtieġ li tqis l-opinjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Meta d-deżinjazzjoni ta’ proġett strateġiku tiġi rtirata, jenħtieġ li dak il-proġett jitlef id-drittijiet u l-obbligi kollha assoċjati ma’ dak l-istatus skont dan ir-Regolament. Madankollu, jenħtieġ li tali proġetti jibqgħu soġġetti, għal perjodu limitat, għal obbligi speċifiċi marbuta mas-sigurtà tal-provvista, fejn previst f’dan ir-Regolament.
(60)Biex jiġi ggarantit ħruġ sempliċi u malajr tal-permessi, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi għal inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u għal proġetti strateġiċi jiġu organizzati bi proċedura unika bbażata fuq applikazzjoni unika. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru punt uniku tal-kuntatt li jaġixxi bħala punt uniku tal-kuntatt għall-proġett, biex jiffaċilita u jikkoordina l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet b’mod effiċjenti, trasparenti u fil-ħin.
(61)L-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u l-proġetti strateġiċi jeħtieġ jiġu stabbiliti malajr kemm jista’ jkun, filwaqt li l-piż amministrattiv jinżamm f’livell minimu. Għal dik ir-raġuni, l-Istati Membri jenħtieġ li jipproċessaw l-applikazzjonijiet relatati mal-ippjanar, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ tali faċilitajiet malajr kemm jista’ jkun. Biex ikompli jitħaffef il-varar tal-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u tal-proġetti strateġiċi, jenħtieġ li jiġu stabbiliti limiti taż-żmien ċari u vinkolanti għall-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi. B’mod partikolari, it-tul ġenerali ta’ dawk il-proċessi jenħtieġ li ma jkunx iżjed mill-perjodu definit ta’ 12-il xahar mis-sottomissjoni tal-applikazzjoni kompluta, mingħajr preġudizzju għall-perjodi iqsar stabbiliti mill-Istati Membri.
(62)Minħabba n-natura transfruntiera potenzjali tal-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u tal-proġetti strateġiċi, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu l-aħjar sforzi biex jikkooperaw u jikkoordinaw b’mod effettiv fil-livell tal-awtoritajiet rilevanti, inkluż bejn il-punti uniċi tas-servizz maħtura, ħalli jgħinu għal proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet koerenti u fil-ħin.
(63)Id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi hija essenzjali biex jissaħħu t-trasparenza, l-effiċjenza u ċ-ċertezza legali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu portali tal-aċċess uniku fil-livell nazzjonali li jippermettu lill-applikanti jissottomettu u jmexxu l-applikazzjonijiet tagħhom f’ambjent kompletament diġitali. L-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali interoperabbli, inklużi l-Kartieri Ewropej tan-Negozju, jenħtieġ li jiffaċilita l-iskambju sigur tad-data, l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni eżistenti u l-interazzjoni bla xkiel bejn l-applikanti u l-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ ċibersigurtà u ta’ integrità tad-data. Biex jittejbu t-trasparenza u l-prevedibbiltà għall-applikanti, il-portal tal-aċċess uniku jenħtieġ li jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar l-istatus tal-applikazzjonijiet, il-proċeduri u l-iskadenzi applikabbli, kif ukoll in-notifiki tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti.
(64)B’mod simili, sabiex jappoġġaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment u jnaqqsu l-asimmetriji tal-informazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu l-informazzjoni rilevanti dwar il-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi, l-opportunitajiet ta’ finanzjament, is-servizzi ta’ appoġġ għan-negozju u r-rekwiżiti regolatorji applikabbli disponibbli online b’mod ċentralizzat u faċilment aċċessibbli. Jenħtieġ li jiżguraw ukoll l-użu xieraq ta’ studji, ta’ permessi u ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti relatati mal-ippjanar, mal-kostruzzjoni u mat-tħaddim ta’ inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u ta’ proġetti strateġiċi, meta kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u jitnaqqas id-dewmien. Minħabba l-importanza strateġika u s-sensittività għaż-żmien tal-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u tal-proġetti strateġiċi, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji relatati mal-ħruġ tal-permessi jiġu ttrattati bħala urġenti, meta u sa fejn previst skont il-liġi nazzjonali, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet ta’ difiża u d-drittijiet tal-individwi u l-komunitajiet affettwati.
(65)Ir-Regolament (UE) [202X/XX] ta’ […] jistabbilixxi qafas komuni ta’ aċċellerazzjoni għall-valutazzjonijiet ambjentali sabiex tingħata spinta lill-introduzzjoni mill-Unjoni ta’ teknoloġiji ewlenin, jitnaqqsu d-dipendenzi u tissaħħaħ il-kompetittività. Il-proċeduri marbuta mal-valutazzjonijiet ambjentali jenħtieġ li jitħaffu u jiġu simplifikati għall-pjanijiet, il-programmi u l-proġetti fis-setturi kollha tal-ekonomija filwaqt li jinżammu livelli għoljin ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Madankollu, xi setturi jaf ikunu jeħtieġu valutazzjonijiet ambjentali ferm aktar malajr. Għalhekk, u biex tiġi ssalvagwardjata l-koerenza tal-qafas legali tal-valutazzjonijiet ambjentali, filwaqt li jiġu permessi l-ħtiġijiet addizzjonali għall-aċċellerazzjoni f’ċerti setturi strateġiċi, ir-Regolament (UE) [202X/XX] jistabbilixxi sett ta’ għodod iddedikat li, għalhekk, jenħtieġ li jintuża fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament. Minħabba r-rwol essenzjali tat-teknoloġiji tas-semikondutturi biex ikun żgurat li jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni bl-introduzzjoni ta’ teknoloġiji, proċessi tal-produzzjoni ġodda u aktar sostenibbli, l-integrazzjoni tas-semikondutturi f’teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, u l-kontribut tagħhom għar-reżiljenza u għas-sigurtà ekonomika tal-Unjoni, jenħtieġ li l-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u l-proġetti strateġiċi skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament jitqiesu wkoll bħala proġetti strateġiċi skont it-tifsira tar-Regolament (UE) [202X/XX] u, għalhekk, jibbenefikaw mis-sett ta’ għodod iddedikat stabbilit skont dak ir-Regolament.
(66)Fis-settur tas-semikondutturi, l-impriżi jistagħnaw f’distretti lokali speċjalizzati li jistgħu jattiraw l-investiment, irawmu l-innovazzjoni, u jibnu ekosistemi industrijali reżiljenti. Ir-reġjuni u r-raggruppamenti industrijali reġjonali huma strumentali fl-iżvilupp u fl-iffaċilitar tal-istabbiliment ta’ ekosistemi bħal dawn. Jenħtieġ li tiġi stabbilita tikketta ta’ Reġjun Ewropew ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi biex jiġu identifikati, rikonoxxuti u jitrawmu reġjuni fl-Unjoni li juru strateġija koordinata fit-tul biex jospitaw, jattiraw u jespandu l-investimenti relatati mas-semikondutturi u mal-ktajjen tal-valur tas-semikondutturi. Jenħtieġ li f’Reġjun Ewropew ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi l-investituri internazzjonali jkunu jistgħu jsibu l-ambjent ideali biex jiżviluppaw negozju relatat mas-semikondutturi. Jenħtieġ li tali tikketta tingħata mill-Kummissjoni wara applikazzjonijiet mill-awtoritajiet reġjonali, abbażi tal-koerenza u tal-kredibbiltà tal-Pjan ta’ Investiment għar-Reġjun tas-Semikondutturi u l-livell ta’ impenn mill-awtoritajiet rilevanti, u jenħtieġ li l-applikazzjoni tiġi approvata mill-Istat Membru rilevanti sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni politika bejn il-livelli differenti tal-gvern.
(67)Ir-reġjuni li japplikaw għandhom jiżviluppaw Pjan ta’ Investiment għar-Reġjun tas-Semikondutturi. Jenħtieġ li l-miżuri proposti f’dak il-pjan jindirizzaw b’mod partikolari l-kundizzjonijiet qafas biex jissaħħu l-manifattura tas-semikondutturi, il-kollaborazzjoni fir-R&Ż, l-iżvilupp tal-ħiliet, jew l-infrastruttura sostenibbli u jindikaw it-tħejjija tagħhom li jospitaw investimenti fis-semikondutturi.
(68)Meta jirċievi t-tikketta, reġjun għandu jikseb aċċess għal opportunitajiet, inklużi sħubijiet aktar b’saħħithom mal-industrija u mal-istituzzjonijiet tar-riċerka, u aktar attraenza għall-investituri internazzjonali li jfittxu postijiet affidabbli u b’potenzjal għoli. Jenħtieġ li r-reġjuni rikonoxxuti jkunu jistgħu jissieħbu f’Network ta’ Reġjuni Ewropej ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi, li jippermettilhom jikkondividu l-għarfien, joħolqu alleanzi, u jamplifikaw l-impatt tagħhom madwar l-Unjoni, filwaqt li r-rikonoxximent internazzjonali tal-istrateġiji tagħhom isaħħaħ ir-reputazzjoni tagħhom bħala destinazzjonijiet ewlenin għall-innovazzjoni u l-investiment fis-semikondutturi.
(69)Is-semikondutturi huma komponenti essenzjali inkorporati fl-infrastrutturi, fit-tagħmir u fis-sistemi użati mill-entitajiet kritiċi, inklużi dawk koperti mid-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-funzjonament, is-sigurtà u l-kontinwità ta’ tali entitajiet kritiċi jiddependu dejjem aktar fuq id-disponibbiltà, l-integrità u l-affidabbiltà tal-komponenti tas-semikondutturi u tal-fornituri tagħhom. Biex jitnaqqas l-esponiment tal-Unjoni għal xokkijiet u dipendenzi fil-katina tal-provvista fuq għadd limitat ta’ fornituri ta’ pajjiżi terzi, jeħtieġ jiżdiedu t-trasparenza u r-reżiljenza waqt l-issorsjar tas-semikondutturi użati fl-akkwist pubbliku ta’ infrastrutturi u servizzi kritiċi. L-akkwist pubbliku rregolat bid-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE, 2014/25/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jirrappreżenta sehem sinifikanti mid-domanda tal-Unjoni u jista’ jkollu rwol strateġiku fil-promozzjoni ta’ ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi affidabbli u reżiljenti. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti li jakkwistaw infrastruttura kritika jintegraw il-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà tal-provvista matul il-proċess tal-akkwist, u jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll kif is-semikondutturi inkorporati fit-tagħmir jew fis-sistemi akkwistati jżidu l-valur għar- reżiljenza tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi tal-Unjoni bil-passi tad-disinn u tal-manifattura tagħhom. Tali kunsiderazzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar iċ-ċibersigurtà.
(70)It-tħeġġiġ tal-awtoritajiet kontraenti u tal-entitajiet kontraenti biex jirrikjedu lill-operaturi ekonomiċi jipprovdu dikjarazzjoni tas-sigurtà tal-provvista b’rabta mal-issorsjar tas-semikondutturi jtejjeb it-trasparenza tul il-ktajjen tal-provvista u jippermetti teħid tad-deċiżjonijiet infurmat fil-proċeduri tal-akkwist, mingħajr ma jimponi piżijiet amministrattivi sproporzjonati u jħalli d-diskrezzjoni lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti dwar jekk jitolbux tali dikjarazzjoni fil-proċeduri kollha tal-akkwist. Meta meħtieġ, dikjarazzjoni bħal dik jenħtieġ li jkun fiha elementi ewlenin li jippermettu valutazzjoni tar-robustezza tal-katina tal-provvista, inkluż l-identifikazzjoni tal-impriżi involuti, id-diversità tal-fornituri, il-valur miżjud għar-reżiljenza tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi tal-Unjoni, l-istrateġiji biex tiżdied ir-reżiljenza bħal pereżempju bi ssorsjar ta’ provvisti doppji mingħand impriżi domestiċi, u l-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà għal interruzzjonijiet potenzjali u, meta applikabbli, il-valutazzjonijiet tar-riskju rilevanti mwettqa skont dan ir-Regolament. Biex ikun żgurat li l-kunsiderazzjonijiet tar-reżiljenza, tas-sigurtà u tal-valur miżjud tal-katina tal-provvista Ewropea jiġu integrati b’mod effettiv fid-deċiżjonijiet tal-akkwist, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jistgħu jispeċifikaw fid-dokumenti tal-akkwist ir-rekwiżiti relatati mas-sigurtà tal-provvista relatati mal-issorsjar tas-semikondutturi inkorporati fl-infrastrutturi, fit-tagħmir jew fis-sistemi koperti mill-kuntratt tal-akkwist pubbliku. Għal dak l-għan, huma jistgħu jinkludu speċifikazzjonijiet tekniċi, kriterji għall-għażla, kriterji għall-aġġudikazzjoni jew klawżoli dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
Il-qafas tal-akkwist pubbliku stabbilit bid-Direttivi 2014/24/UE, 2014/25/UE u 2009/81/KE fih dispożizzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti jeskludu operaturi ekonomiċi li kienu ħatja ta’ rappreżentazzjoni ħażina serja, li żammew informazzjoni rilevanti, jew li pprovdew informazzjoni falza jew qarrieqa fil-kuntest tal-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ akkwist. Dawk id-dispożizzjonijiet jibqgħu applikabbli għall-proċeduri ta’ akkwist imwettqa mill-awtoritajiet kontraenti nazzjonali koperti minn dan ir-Regolament.
(71)F’dan il-kuntest, minħabba li l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, l-unjonijiet doganali, il-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku fihom impenji dwar l-aċċess għall-akkwist pubbliku, jenħtieġ li l-impriżi minn pajjiżi terzi li kkonkludew tali ftehimiet internazzjonali mal-Unjoni li jiggarantixxu tali aċċess jitqiesu li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ impriżi domestiċi. Barra minn hekk, dawn il-ftehimiet internazzjonali, kif ukoll is-sħubijiet strateġiċi dwar is-semikondutturi, jirriflettu impenn reċiproku bejn l-Unjoni u s-sħab tagħha biex jiġu żgurati ktajjen tal-provvista internazzjonali tas-semikondutturi, u huwa għalhekk li l-impriżi minn dawn is-sħab tal-Unjoni jingħataw ekwivalenza għall-impriżi domestiċi.
(72)Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-valutazzjoni dwar jekk impriża hijiex domestika jew ekwivalenti, jew le, jenħtieġ li teżamina l-istruttura tas-sjieda u l-kontroll ta’ tali impriża. Għall-valutazzjoni tal-kontroll, jenħtieġ li l-impriżi jitqiesu li huma kkontrollati minn pajjiż terz jew minn entità ġuridika ta’ pajjiż terz, meta dak il-pajjiż terz jew dik l-entità ġuridika jkunu jistgħu jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjonijiet strateġiċi tagħhom, kemm direttament kif ukoll indirettament, inkluż b’mod partikolari, billi jkollhom id-dritt jew jeżerċitaw is-setgħa li jaħtru jew ineħħu l-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża li tkun qed tiġi vvalutata; billi jkunu ħatru biss, bħala riżultat tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot, il-maġġoranza tal-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji tal-impriża li tkun qed tiġi vvalutata li kellhom kariga matul is-sena finanzjarja preżenti u dik preċedenti; billi jikkontrollaw waħedhom, skont ftehim ma’ azzjonisti oħra fl-impriża li tkun qed tiġi vvalutata, ma’ jew membri tagħha, maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’dik l-impriża li tkun qed tiġi vvalutata; billi jkollhom id-dritt li jeżerċitaw influwenza dominanti fuq l-impriża li tkun qed tiġi vvalutata, skont ftehim li jkun sar ma’ dik l-impriża li tkun qed tiġi vvalutata jew skont dispożizzjoni fil-Memorandum jew fl-Istatut ta’ Assoċjazzjoni tagħha, meta d-dritt li jirregola dik l-impriża li tkun qed tiġi vvalutata jippermetti li tkun soġġetta għal tali ftehim jew dispożizzjoni; billi jkollhom is-setgħa li jeżerċitaw de facto d-dritt li jeżerċitaw influwenza dominanti fuq l-impriża li tkun qed tiġi evalwata, mingħajr ma jkunu d-detentur ta’ dak id-dritt; billi jkollhom id-dritt li jużaw l-assi kollha tal-impriża li tkun qed tiġi vvalutata jew parti minnhom; billi jmexxu n-negozju tal-impriża li tkun qed tiġi vvalutata b’mod unifikat, filwaqt li jippubblikaw il-kontijiet konsolidati; jew billi jikkondividu b’mod konġunt u in solidum l-obbligazzjonijiet finanzjarji tal-impriża li tkun qed tiġi vvalutata, jew billi jiggarantuhom.
(73)Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jippermetti lill-Unjoni tissospendi jew tirtira konċessjonijiet jew obbligi oħra skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali sabiex tirrispondi għal ksur minn pajjiżi terzi ta’ regoli kummerċjali internazzjonali li jaffettwaw l-interessi kummerċjali tal-Unjoni. Jenħtieġ li kwalunkwe eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/167 jiġi rifless ukoll fl-interpretazzjoni tad-definizzjoni ta’ impriża domestika skont dan ir-Regolament.
(74)Minbarra l-isfidi relatati mas-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi, inġibdet aktar attenzjoni għar-riskji taċ-ċibersigurtà assoċjati mal-issorsjar mingħand ċerti fornituri għal infrastrutturi, tagħmir jew sistemi kritiċi. Jenħtieġ li tali riskji għaċ-ċibersigurtà ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni sottomessa mill-operaturi ekonomiċi fi proċeduri ta’ akkwist li jinvolvu l-forniment jew l-użu ta’ semikondutturi u huma rregolati mill-qafas legali applikabbli tal-Unjoni dwar iċ-ċibersigurtà. Minkejja dan, l-operaturi ekonomiċi jeħtiġilhom jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar iċ-ċibersigurtà u jaġixxu f’konformità magħha.
(75)Minħabba l-kumplessità u n-natura li qed tevolvi tal-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi, jenħtieġ li, fejn neċessarju, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u mal-partijiet ikkonċernati industrijali rilevanti, toħroġ rakkomandazzjonijiet li jidentifikaw l-infrastrutturi, it-tagħmir jew is-sistemi speċifiċi li għalihom ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista hija partikolarment importanti fid-dawl tar-riskji potenzjali tal-katina tal-provvista, u jenħtieġ li t-tali rakkomandazzjonijiet jitqiesu mill-awtoritajiet kontraenti u mill-entitajiet kontraenti meta jħejju u jwettqu l-proċeduri ta’ akkwist, u b’hekk tiġi appoġġata l-implimentazzjoni konsistenti madwar l-Unjoni.
(76)Biex titħares il-flessibbiltà u jkunu evitati restrizzjonijiet bla bżonn fuq il-proċeduri tal-akkwist, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jenħtieġ li ma jitħallewx japplikaw ir-rekwiżit, inkluż dawk relatati mal-issorsjar ta’ provvisti doppji li jinvolvi impriżi domestiċi f’każijiet debitament ġustifikati, inkluż meta jkun hemm nuqqas ta’ kompetizzjoni, nuqqas ta’ offerenti xierqa, jew meta l-applikazzjoni tagħhom twassal għal kostijiet sproporzjonati jew inkompatibbiltajiet tekniċi. Jenħtieġ li derogi bħal dawn jiġu interpretati b’mod ristrett u applikati b’mod trasparenti, filwaqt li jiġi żgurat li l-objettivi tat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi u s-salvagwardja tal-funzjonament tal-entitajiet kritiċi ma jiġux imminati.
(77)Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u konsistenti tal-miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tar-reżiljenza u s-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi fl-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi gwida u tiffaċilita l-koordinazzjoni fost l-atturi rilevanti. Tali gwida jenħtieġ li tkun tappoġġa l-użu ta’ rakkomandazzjonijiet li jidentifikaw infrastrutturi, tagħmir jew sistemi li għalihom il-provvista tas-semikondutturi minn impriżi domestiċi tkun partikolarment rilevanti, kif ukoll it-tħejjija u l-valutazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tas-sigurtà tal-provvista, inkluż elementi relatati mal-immeppjar tal-katina tal-provvista, il-proporzjon tal-impriżi domestiċi involuti, l-istrateġiji tar-reżiljenza bħall-issorsjar ta’ provvista doppji, u l-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà u tar-riskju. Jenħtieġ li l-gwida tiffaċilita wkoll l-applikazzjoni ta’ metodoloġiji komuni għall-valutazzjoni tar-riskji tal-katina tal-provvista, b’mod partikolari f’setturi esposti għal vulnerabbiltajiet akbar, u tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki u ta’ informazzjoni rilevanti, bil-ħsieb li jiġi żgurat approċċ koerenti madwar l-Unjoni u jiġi appoġġat il-funzjonament effettiv tas-suq intern.
(78)Sabiex tiżdied it-trasparenza u tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi għas-setturi kritiċi, huwa neċessarju li tiġi prevista l-possibbiltà ta’ azzjoni ulterjuri tal-Unjoni meta r-riskji identifikati ma jiġux indirizzati b’mod adegwat. Meta, wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri rakkomandati lill-awtoritajiet kontraenti jew lill-entitajiet kontraenti biex jindirizzaw tali riskji ma humiex biżżejjed, jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni dwar liema awtoritajiet pubbliċi għandhom jirrikjedu li l-operaturi ekonomiċi jissottomettu dikjarazzjoni dwar is-sigurtà tal-provvista u għal liema proċeduri u prodotti.
(79)Il-katina tal-provvista tas-semikondutturi ġġarrab interruzzjonijiet li jistgħu jagħmlu ħsara ekonomika lil ċerti setturi downstream. Is-setturi kritiċi marbuta mas-sigurtà pubblika, bħall-enerġija, id-difiża jew l-amministrazzjoni pubblika, u s-setturi fejn is-semikondutturi jirrappreżentaw persentaġġ qawwi tal-valur tal-prodott finali, bħall-karozzi, iċ-ċentri tad-data jew l-awtomatizzazzjoni industrijali, huma partikolarment esposti għal interruzzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi. Għalhekk, il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà li tidentifikahom bħala setturi suxxettibbli għar-riskju.
(80)Biex tiċċarata l-informazzjoni meħtieġa li trid tiġi inkluża, il-Kummissjoni, meta xieraq, jenħtieġ li toħroġ gwida metodoloġika dwar kif għandhom isiru l-valutazzjonijiet tar-riskju li jindirizzaw il-ħolqien ta’ strateġija għall-issorsjar ta’ provvista doppji, immeppjar tal-katina tal-provvista upstream u downstream, u analiżi tal-vulnerabbiltà u s-sensittività għal interruzzjonijiet fil-provvista. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet metodoloġiċi dwar kif għandhom jitwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju għal dawk is-setturi.
(81)Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ reżiljenza tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi tal-Unjoni, huwa neċessarju li tiġi prevista l-possibbiltà ta’ azzjoni ulterjuri tal-Unjoni meta r-riskji identifikati ma jiġux indirizzati b’mod adegwat. Meta, wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri rakkomandati biex jiġu indirizzati tali riskji ma jkunux biżżejjed, jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskju. Tali miżuri jistgħu jinkludu, meta ġustifikat u proporzjonat, rekwiżiti għad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista, inkluż l-issorsjar ta’ provvista doppji, jew l-akkumular ta’ stokkijiet strateġiċi. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jkunu mmirati, proporzjonati, u jqisu l-ispeċifiċitajiet tas-setturi u tal-kumpaniji kkonċernati, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi ppreżervat il-funzjonament tas-suq intern u jiġi evitat piż amministrattiv żejjed. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tar-riskji għall-katina tal-provvista tas-semikondutturi tkun ibbażata fuq evidenza oġġettiva u affidabbli. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li fost l-oħrajn tikkunsidra l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, id-data miġbura b’talbiet għall-informazzjoni, u l-indikazzjonijiet ta’ interruzzjonijiet ripetuti jew persistenti fil-katina tal-provvista. Jenħtieġ li l-użu ta’ tali evidenza jiżgura li kwalunkwe miżura adottata tkun fondata sew, trasparenti u proporzjonata għar-riskji identifikati, filwaqt li jissalvagwardja l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva.
(82)Filwaqt li jżommu f’moħħhom l-interess tal-kontinwità tal-provvista u l-affidabbiltà, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom is-setgħa li jitolbu valutazzjonijiet tar-riskju fuq il-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi tal-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku jew fi proċeduri oħra tal-finanzjament pubbliku li jikkonċernaw setturi suxxettibbli għar-riskju.
(83)Jenħtieġ li l-objettiv ta’ mmeppjar strateġiku tas-settur tas-semikondutturi jkun biex jipprovdi analiżi tal-preġji u tad-dgħjufijiet tal-Unjoni fis-setturi dinji tas-semikondutturi biex tingħata bażi għal miżuri li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-immeppjar strateġiku jidentifika fatturi bħall-prodotti ewlenin u l-infrastrutturi kritiċi fis-suq intern li jiddependu mill-provvista tas-semikondutturi, l-industriji tal-utenti ewlenin u l-ħtiġijiet kurrenti u mistennija tagħhom, is-segmenti ewlenin tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi tal-Unjoni, il-karatteristiċi teknoloġiċi, id-dipendenzi fuq teknoloġija u fuq fornituri ta’ pajjiżi terzi, u l-konġestjonijiet tas-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni, il-ħtiġijiet kurrenti u mistennija għall-ħiliet u l-aċċess għal forza tax-xogħol kwalifikata filwaqt li jibni fuq il-ħidma tal-Osservatorju Ewropew tal-Ħiliet stabbilit skont l-Unjoni tal-Ħiliet u, meta xieraq, l-impatt potenzjali tal-miżuri tas-sett ta’ għodod ta’ emerġenza. Jenħtieġ li l-immeppjar strateġiku jkun ibbażat fuq data disponibbli pubblikament u kummerċjalment.
(84)Biex tħejji għal interruzzjonijiet futuri tal-istadji differenti tal-katina tal-valur tas-semikondutturi fl-Unjoni u tal-kummerċ fl-Unjoni, il-Kummissjoni, assistita mill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u abbażi tal-eżitu tal-immeppjar strateġiku, jenħtieġ li tidentifika u tiżviluppa lista ta’ indikaturi tat-twissija bikrija. Tali indikaturi jistgħu jinkludu żidiet atipiċi fiż-żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni, id-disponibbiltà ta’ materja prima, il-prodotti intermedji u l-kapital uman meħtieġa għall-manifattura tas-semikondutturi, jew it-tagħmir tal-manifattura xieraq, id-domanda mbassra għas-semikondutturi fis-swieq tal-Unjoni u dawk globali, iż-żidiet fil-prezzijiet li jisbqu l-fluttwazzjoni normali fil-prezzijiet, l-effett ta’ inċidenti, ta’ attakki, ta’ diżastri naturali jew ta’ avvenimenti serji oħra, l-effett tal-politiki kummerċjali, tat-tariffi, tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, tal-ostakli għall-kummerċ u ta’ miżuri oħra relatati mal-kummerċ, u l-effett tal-għeluq tan-negozju, tad-delokalizzazzjoni jew tal-akkwiżizzjonijiet ta’ atturi ewlenin tas-suq. Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni jiffukaw fuq dawk l-indikaturi tat-twissija bikrija.
(85)Minħabba ktajjen tal-valur tas-semikondutturi kumplessi, li qed jevolvu malajr u tant interkonnessi ma’ diversi atturi, jeħtieġ jitħaddem approċċ ikkoordinat għall-monitoraġġ biex tiżdied l-abbiltà li jittaffew ir-riskji li jistgħu jaffettwaw ħażin il-provvista tas-semikondutturi u jinftiehmu aħjar id-dinamiċi tal-katina tal-valur tas-semikondutturi. Il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, jenħtieġ li timmonitorja l-katina tal-valur tas-semikondutturi filwaqt li tiffoka fuq l-indikaturi tat-twissija bikrija u tidentifika l-aqwa prattiki għall-mitigazzjoni tar-riskju u trasparenza akbar fil-katina tal-valur tas-semikondutturi, b’tali mod li ma tkunx tixħet piż amministrattiv eċċessiv fuq l-impriżi, b’mod partikolari l-SMEs u l-SMCs. Is-sejbiet rilevanti, inkluża l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati rilevanti u mill-assoċjazzjonijiet tal-industrija, jenħtieġ li jiġu pprovduti lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi biex ikun jista’ jsir skambju regolari ta’ informazzjoni mal-Bord u għall-integrazzjoni tal-informazzjoni f’ħarsa ġenerali ta’ monitoraġġ tal-ktajjen tal-valur tas-semikondutturi.
(86)Jenħtieġ li l-Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju (“il-Pjattaforma”) tkun tewmi diġitali tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi bl-objettiv li tiżdied it-trasparenza tal-katina tal-provvista u li l-impriżi jiġu infurmati aħjar biex iżidu r-reżiljenza tagħhom. Din jenħtieġ li tkun azzjoni mmexxija mill-industrija li tkun ta’ ġid għall-impriżi parteċipanti billi ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom għal interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi u tnaqqas il-kostijiet tagħhom tal-intelligence tas-suq. Jenħtieġ li l-inċentiv għall-impriżi biex jissieħbu fil-Pjattaforma u jipprovdu data tal-input ta’ kwalità għolja jkun il-valur miżjud li jiksbu mill-output tal-Pjattaforma. Tali output jista’ jinkludi gwida minn parti terza indipendenti bbażata fuq analiżi tas-suq, fuq l-informazzjoni intuwittiva aggregata dwar ir-riskji tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi, fuq ir-riżultati tat-testijiet tal-istress tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi, fuq twissijiet bikrija u fuq gwida dwar miżuri proattivi bl-għan uniku li jissaħħaħ it-tnaqqis tar-riskji tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi. Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni fil-Pjattaforma tħeġġeġ lill-impriżi jieħdu azzjonijiet proattivi biex itejbu r-reżiljenza tal-katina tal-provvista tagħhom mingħajr intervent tas-settur pubbliku. Għall-Kummissjoni, settur privat proattiv u reżiljenti jiżgura riskju aktar baxx ta’ attivazzjoni tal-fażi ta’ kriżi u l-varar tas-sett ta’ għodod ta’ emerġenza.
(87)Jenħtieġ li, permezz ta’ sejħa għal proposti, il-Kummissjoni tipprovdi l-finanzjament inizjali għall-Pjattaforma, filwaqt li tappoġġa l-istabbiliment tagħha u tkopri l-kostijiet tal-istabbiliment. Jenħtieġ li s-sejħa tistabbilixxi biss sett minimu ta’ rekwiżiti mingħajr ma tippreskrivi soluzzjonijiet tekniċi speċifiċi jew rekwiżiti preċiżi għall-ġbir tad-data. Jenħtieġ li jkun f’idejn il-benefiċjarju tas-sejħa għal proposta u l-impriżi parteċipanti li jimplimentaw mudell ta’ finanzjament ibbażat fuq argument għall-vijabbiltà li jippermetti lill-Pjattaforma ssir awtosuffiċjenti fit-terminu medju. Il-mertu u l-utilità ta’ dan it-tip ta’ pjattaforma jistgħu jitkejlu permezz tas-suċċess ta’ inizjattivi simili li diġà jeżistu jew reġjonalment, internazzjonalment jew f’setturi oħra.
(88)Jenħtieġ li l-Pjattaforma titfassal b’tali mod li tiżgura l-akbar kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva u l-konformità [tal-Pjattaforma] mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Pjattaforma tistabbilixxi salvagwardji adegwati biex tiżgura li l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-impriżi parteċipanti jkun strettament limitat għal dak li huwa oġġettivament neċessarju u proporzjonat biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament u biex jiġi evitat skambju antikompetittiv ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva fost il-kompetituri. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-impriżi parteċipanti jkollhom aċċess biss għad-data tagħhom stess u għar-rapporti aggregati anonimizzati.
(89)Jenħtieġ li l-laqgħat, id-diskussjonijiet jew l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-impriżi parteċipanti fil-qafas tal-Pjattaforma jkunu limitati għal dak li huwa indispensabbli biex jintlaħqu l-objettivi tal-Pjattaforma u jenħtieġ li dawn jiġu ddokumentati b’mod xieraq. Jenħtieġ li l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn il-parteċipanti – inkluża informazzjoni relatata mal-prezzijiet, mal-kostijiet, mal-marġnijiet, mal-volumi tal-bejgħ, mal-livelli tal-produzzjoni, mal-kapaċitajiet jew mal-ishma mis-suq attwali jew futuri tal-impriżi individwali – jiġi eskluż. Jenħtieġ li l-pjattaforma topera b’mod li jippreserva l-indipendenza tal-impriżi parteċipanti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet kummerċjali tagħhom. Jenħtieġ li l-impriżi parteċipanti jibqgħu responsabbli biex jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u dawk nazzjonali, inkluż l-Artikolu 101 TFUE.
(90)Jenħtieġ li l-Pjattaforma tħeġġeġ bil-qawwa l-parteċipazzjoni tas-setturi ewlenin tal-utenti finali tas-semikondutturi abbażi tal-valur miżjud sinifikanti li se ġġibilhom il-parteċipazzjoni. Il-benefiċċji għall-impriżi tas-settur tal-utenti finali parteċipanti jistgħu jinkludu li jsiru dejjem aktar infurmati dwar ir-riskji tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi tagħhom stess u għalhekk, li jingħataw is-setgħa li jieħdu miżuri proattivi ta’ ġestjoni tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi. Jenħtieġ li l-lista ta’ setturi tal-utenti finali ewlenin tas-semikondutturi tirrifletti s-setturi kurrenti li jkunu qegħdin jixtru s-semikondutturi sabiex jipproduċu l-prodotti tagħhom b’mod dirett jew indirett permezz tal-komponenti tagħhom. Jenħtieġ li l-fornituri u d-distributuri tas-servizzi tal-manifattura elettronika jiġu inklużi fil-lista minħabba r-rwol importanti li għandhom fl-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni.
(91)Mill-perspettiva tas-settur pubbliku u biex ikun żgurat il-fluss malajr tal-informazzjoni f’każ ta’ interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jżommu lista tal-kuntatt aġġornata tal-impriżi rilevanti li joperaw tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi stabbiliti fit-territorju nazzjonali tagħhom. Jenħtieġ li dik il-lista tippermetti l-identifikazzjoni tar-rispondenti xierqa għal talbiet volontarji għall-informazzjoni. Jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ li l-lista tkun eżawrjenti, u jenħtieġ li tiġi ttrattata b’mod li jirrispetta bis-sħiħ ir-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli.
(92)Għadd ta’ impriżi li jipprovdu servizzi jew prodotti tas-semikondutturi huma preżunti essenzjali għal katina tal-provvista tas-semikondutturi effikaċi fl-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni, meta wieħed iqis l-għadd ta’ impriżi tal-Unjoni li jiddependu fuq il-prodotti tagħhom, is-sehem tagħhom mis-suq tal-Unjoni jew dinji, l-importanza tagħhom li jiżguraw livell suffiċjenti ta’ provvista, jew l-impatt possibbli tal-interruzzjoni fil-provvista tal-prodotti jew tas-servizzi tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jidentifikaw u jżommu lista aġġornata ta’ dawk l-atturi ewlenin tas-suq fit-territorji tagħhom. Bħala parti mill-monitoraġġ, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw speċifikament l-integrità tal-attivitajiet imwettqa minn atturi ewlenin tas-suq. Kwistjonijiet bħal dawn jistgħu jitressqu għall-attenzjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi mill-Istat Membru kkonċernat.
(93)Biex ikunu jistgħu jantiċipaw l-iskarsezzi potenzjali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jenħtieġ li jwissu lill-Kummissjoni jekk isiru jafu b’xi riskji ta’ interruzzjonijiet serji fil-provvista tas-semikondutturi jew ikollhom informazzjoni konkreta u affidabbli li jista’ jimmaterjalizza xi fattur tar-riskju jew avveniment rilevanti ieħor. Biex ikun żgurat approċċ ikkoordinat, meta ssir taf b’riskju ta’ interruzzjoni serja fil-provvista tas-semikondutturi jew ikollha informazzjoni konkreta jew affidabbli li jista’ jimmaterjalizza xi fattur tar-riskju jew avveniment rilevanti ieħor, wara twissija jew mingħand xi sħab internazzjonali, il-Kummissjoni jenħtieġ li ssejjaħ laqgħa straordinarja tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi biex jiġu diskussi s-severità tal-interruzzjonijiet u l-bidu possibbli tal-proċedura biex tiskatta l-fażi tal-kriżi u jekk ikunx xieraq, meħtieġ u proporzjonat li l-Istati Membri jwettqu akkwist konġunt ikkoordinat bħala miżura preventiva, kif ukoll biex tidħol fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati biex jiġu identifikati, jitħejjew u possibbilment jiġu kkoordinati tali miżuri preventivi. Jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u l-Kummissjoni, fi ħdan dak id-djalogu, iqisu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati tal-katina tal-valur tas-semikondutturi. Jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar jekk għandhiex toħroġ talba preventiva għall-informazzjoni lill-Pjattaforma. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta lil pajjiżi terzi rilevanti u tikkoopera magħhom biex tindirizza b’mod konġunt interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi, f’konformità mal-obbligi internazzjonali.
(94)Wara li tirċievi parir mingħand il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ toħroġ talbiet għall-informazzjoni lill-impriżi u lill-Pjattaforma. Kif turi l-esperjenza b’diversi interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista fil-passat u bid-diffikultajiet biex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa ħalli jissewwew dawk l-interruzzjonijiet, l-iskop ta’ talbiet preventivi għall-informazzjoni fl-istadju ta’ twissija hu biex jissewwew kif xieraq l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista qabel ma tiskatta l-fażi tal-kriżi u biex jingħata kontribut għal valutazzjonijiet preċiżi ta’ kriżi possibbli tas-semikondutturi.
(95)L-impriżi li jipparteċipaw b’mod attiv fil-Pjattaforma jenħtieġ li jitqiesu li ssodisfaw l-obbligu tagħhom li jikkondividu l-informazzjoni mal-Kummissjoni waqt interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista u għalhekk jenħtieġ li jiġu eżentati milli jirċievu direttament talba għall-informazzjoni qabel il-fażi tal-kriżi. Billi jipparteċipaw b’mod attiv fil-Pjattaforma, dawk l-impriżi qed juru impenn qawwi biex inaqqsu r-riskji b’mod proattiv fil-katina tal-provvista tagħhom. Għalhekk, l-impriżi li jipparteċipaw b’mod attiv fil-Pjattaforma jenħtieġ li jiġu protetti mill-piż amministrattiv miżjud potenzjali li jkollhom iwieġbu talbiet tal-Kummissjoni għall-informazzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta s-sejbiet ewlenin tat-tweġibiet tat-talbiet għall-informazzjoni qabel il-fażi tal-kriżi lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi mingħajr dewmien. Sabiex l-impriżi parteċipanti fil-Pjattaforma jiġu protetti minn influwenza barranija indebita u jiġu salvagwardjati s-sigrieti kummerċjali, jenħtieġ li l-Pjattaforma tkun ipprojbita milli twieġeb talbiet għall-informazzjoni, għajr dawk maħruġa mill-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħha skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali.
(96)Jenħtieġ li l-fażi ta’ kriżi tas-semikondutturi tiġi attivata fil-preżenza ta’ evidenza konkreta, serja u affidabbli ta’ kriżi bħal din. Kriżi tas-semikondutturi tiġri meta jkun hemm interruzzjonijiet serji fil-provvista tas-semikondutturi jew ostakli serji fil-kummerċ tas-semikondutturi fl-Unjoni li jakkuġinaw skarsezzi sinifikanti tas-semikondutturi, tal-prodotti intermedji jew tal-materja prima jew ipproċessata, u dawk l-iskarsezzi sinifikanti jwaqqfu l-forniment, it-tiswija u l-manutenzjoni tal-prodotti essenzjali użati minn setturi kritiċi, pereżempju t-tagħmir mediku u dijanjostiku, sa punt li dik il-kriżi tħalli effetti detrimentali serji fuq il-funzjonament tas-setturi kritiċi minħabba l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà, fuq l-ekonomija u fuq is-sigurtà tal-Unjoni.
(97)Sabiex jiġi żgurat rispons aġli u effettiv għal tali kriżi tas-semikondutturi, meta l-Kummissjoni ssir konxja ta’ kriżi potenzjali tas-semikondutturi, jenħtieġ li tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-fażi ta’ kriżi jkunux issodisfati. Jekk din il-valutazzjoni tipproduċi evidenza konkreta, serja u affidabbli ta’ kriżi tas-semikondutturi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tippreżenta proposta lill-Kunsill biex jiskatta l-fażi tal-kriżi għal perjodu b’tul predeterminat li ma jaqbiżx it-12-il xahar, filwaqt li titqies l-opinjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa ta’ estensjoni jew terminazzjoni bikrija tal-fażi ta’ kriżi u tibda tali proċedura, jekk tali ħtieġa tiġi aċċertata, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi.
(98)Jenħtieġ li s-sinerġiji bejn il-mekkaniżmi tas-sigurtà tal-provvista stabbiliti skont il-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2025/2643 u dan ir-Regolament jipprovdu lis-settur tad-difiża tal-Unjoni l-flessibbiltà u l-firxa ta’ azzjoni neċessarji biex jirreaġixxi u jiżgura s-sigurtà tal-provvista. B’mod partikolari, il-possibbiltà li l-Kummissjoni, skont dan ir-Regolament u skont il-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2025/2643, tipprijoritizza l-produzzjoni tad-difiża skont id-dispożizzjonijiet tal-ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità taż-żewġ Regolamenti, jenħtieġ li timminimizza l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista fis-settur tad-difiża waqt kriżi.
(99)Minħabba n-natura sensittiva tal-attivazzjoni tal-fażi ta’ kriżi u tal-miżuri potenzjali li jistgħu jittieħdu b’reazzjoni għalihom, inkluż l-impatt sinifikanti li tali miżuri jista’ jkollhom fuq l-impriżi privati fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Kunsill jingħata s-setgħa li jadotta att ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-attivazzjoni, l-estensjoni u t-tmiem tal-fażi ta’ kriżi fi kriżi tas-semikondutturi.
(100)Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u l-koordinazzjoni ta’ kull miżura nazzjonali meħuda fir-rigward tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi huma indispensabbli waqt kriżi ħalli jissewwew l-interruzzjonijiet bil-koerenza, bir-reżiljenza u bl-effettività meħtieġa. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jorganizza laqgħat straordinarji kif meħtieġ. Kull miżura meħuda jenħtieġ li tkun strettament limitata għat-tul tal-fażi tal-kriżi.
(101)Għal rispons rapidu, effiċjenti u koordinat min-naħa tal-Unjoni għal kriżi tas-semikondutturi, huwa neċessarju li tiġi pprovduta informazzjoni f’waqtha u aġġornata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri permezz tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi dwar is-sitwazzjoni operazzjonali li qiegħda tiżviluppa kif ukoll biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jittieħdu miżuri effettivi biex tiġi żgurata l-provvista ta’ semikondutturi lis-setturi kritiċi affettwati. Jenħtieġ li jiġu identifikati u implimentati miżuri xierqa, effettivi u proporzjonati meta tiġi attivata l-fażi ta’ kriżi, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ involviment internazzjonali kontinwu mas-sħab rilevanti bil-ħsieb li tiġi mmitigata s-sitwazzjoni ta’ kriżi li tkun qed tevolvi. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni titlob informazzjoni mingħand l-impriżi tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi. Barra minn hekk, meta meħtieġ u proporzjonat, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ teżiġi li l-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi jaċċettaw u jipprijoritizzaw ordni tal-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet, u taġixxi bħala korp ċentrali għall-akkwist meta tingħata mandat mill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tillimita dawk il-miżuri għal ċerti setturi kritiċi. Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jista’ jivvaluta u jagħti pariri wkoll dwar miżuri xierqa u effettivi. Barra minn hekk, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jista’ jagħti pariri dwar il-ħtieġa li jiġu introdotti miżuri ta’ protezzjoni skont ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Jenħtieġ li l-użu tal-miżuri ta’ emerġenza kollha jkun proporzjonat u ristrett għal dak li huwa meħtieġ biex tiġi indirizzata l-kriżi tas-semikondutturi fl-aqwa interess tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-miżuri meħuda u r-raġunijiet sottostanti. Il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, toħroġ gwida ulterjuri dwar l-implimentazzjoni u l-użu tal-miżuri ta’ emerġenza.
(102)Għadd ta’ setturi huma kritiċi għall-funzjonament xieraq tas-suq intern. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li dawk is-setturi kritiċi jiġu elenkati f’Anness ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dik il-lista tkun limitata għas-setturi u għas-subsetturi elenkati fl-Anness tad-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biż-żieda tas-setturi tad-difiża u tas-sigurtà, abbażi tar-rwol importanti tagħhom fl-iżgurar tal-funzjonijiet vitali tas-soċjetà. Jenħtieġ li ċerti miżuri jittieħdu biss bl-għan li tiġi żgurata l-provvista lejn setturi kritiċi. Il-Kummissjoni tista’ tillimita l-miżuri ta’ emerġenza għal uħud minn dawk is-setturi jew għal ċerti partijiet minnhom meta l-kriżi tas-semikondutturi tkun iddisturbat jew tkun qed thedded li tħarbat it-tħaddim tagħhom.
(103)L-għan tat-talbiet għall-informazzjoni mingħand l-impriżi tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi stabbiliti fl-Unjoni fil-fażi tal-kriżi hu biex ikunu jistgħu jsiru valutazzjonijiet preċiżi tal-kriżi tas-semikondutturi jew biex jiġu identifikati u jitħejjew miżuri potenzjali tal-mitigazzjoni jew ta’ emerġenza fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali. Dik l-informazzjoni tista’ tinkludi l-kapaċità potenzjali tal-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, u l-interruzzjonijiet u l-konġestjonijiet primarji attwali. Dawk l-aspetti jistgħu jinkludu l-istokk reali tipiku u attwali ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet f’faċilitajiet tal-produzzjoni fl-Unjoni u f’faċilitajiet tal-produzzjoni f’pajjiżi terzi fejn joperaw dawk l-impriżi, li magħhom jikkuntrattaw jew li mingħandhom jixtru provvisti, iż-żmien medju reali tipiku u attwali meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-aktar prodotti komuni manifatturati, l-output tal-produzzjoni mistenni fit-tliet xhur ta’ wara għal kull faċilità tal-produzzjoni fl-Unjoni, jew raġunijiet li jwaqqfu l-issodisfar tal-kapaċità tal-produzzjoni. Jenħtieġ li tali informazzjoni tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-valutazzjoni tan-natura tal-kriżi tas-semikondutturi jew tal-miżuri potenzjali ta’ mitigazzjoni jew ta’ emerġenza fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali. Jenħtieġ li t-talbiet għall-informazzjoni ma jkunux jinvolvu l-għoti ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħha jkun imur kontra l-interessi tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri. L-informazzjoni konkreta li trid tintalab tista’ tiġi żviluppata fuq tweġibiet preċedenti ta’ talbiet għall-informazzjoni qabel il-fażi tal-kriżi, jew fuq pariri ta’ għadd rappreżentattiv ta’ impriżi rilevanti waqt konsultazzjoni volontarja, b’kooperazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Jenħtieġ li kwalunkwe talba tkun proporzjonata, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet leġittimi tal-impriża u l-kost u l-isforz meħtieġa biex id-data ssir disponibbli, kif ukoll jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien xierqa għall-għoti tal-informazzjoni mitluba. Jenħtieġ li l-impriżi jkunu meħtieġa jikkonformaw mat-talba u jistgħu jkunu soġġetti għal penali jekk jonqsu milli jikkonformaw jew jipprovdu informazzjoni skorretta. Jenħtieġ li kwalunkwe informazzjoni miksuba tintuża biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u tkun soġġetta għal regoli ta’ kunfidenzjalità. Biex ikun żgurat l-involviment sħiħ tal-Istat Membru fejn l-impriża jkollha s-sit tal-produzzjoni tagħha, il-Kummissjoni jenħtieġ li tibgħat kopja tat-talba għall-informazzjoni mingħajr dewmien lill-awtorità nazzjonali kompetenti u, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti titlob dan, tikkondividi l-informazzjoni miksuba ma’ dik l-awtorità nazzjonali kompetenti b’mezzi siguri. Jekk impriża tirċievi talba għall-informazzjoni relatata mal-attivitajiet tagħha fil-qasam tas-semikondutturi mingħand pajjiż terz, din jenħtieġ li tinforma lill-Kummissjoni biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk hux ġustifikat li ssir talba għall-informazzjoni mill-Kummissjoni.
(104)Bħala strument tal-aħħar istanza biex ikun żgurat li s-setturi kritiċi jkunu jistgħu jibqgħu joperaw waqt kriżi u biss meta jkun meħtieġ u proporzjonat għal dak il-għan, l-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi jistgħu jintalbu mill-Kummissjoni biex jaċċettaw u jipprijoritizzaw ordnijiet ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet. Il-benefiċjarji potenzjali ta’ ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità jenħtieġ li jkunu entitajiet minn setturi kritiċi jew impriżi li jfornu lil setturi kritiċi u li l-attivitajiet tagħhom jitfixklu jew ikunu f’riskju li jitfixklu minħabba l-iskarsezza. Biex ikun żgurat li l-ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità jintużaw biss meta jkun meħtieġ, dawn jenħtieġ li jkunu ristretti għall-benefiċjarji li, għalkemm ikunu implimentaw miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskji, ma setgħux jevitaw l-iskarsezza, ngħidu aħna bil-prattiki tal-akkwist tagħhom, u ma setgħux itaffu l-impatt tal-iskarsezza b’mezzi oħra, bħal pereżempju jużaw xi ħażniet eżistenti. L-obbligu li jiġu aċċettati u prijoritizzati l-ordnijiet ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet jista’ jiġi estiż ukoll għal proġetti strateġiċi u għal faċilitajiet tal-manifattura tas-semikondutturi li jkunu aċċettaw dik il-possibbiltà talli jirċievu xi appoġġ pubbliku, jekk dak l-appoġġ pubbliku jkollu l-għan li jrawwem l-abbiltà ta’ aktar kapaċità tal-produzzjoni. Id-deċiżjoni dwar ordni kklassifikata bħala prijorità jenħtieġ li tittieħed f’konformità mal-obbligi legali applikabbli kollha tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ. Jenħtieġ li l-obbligu għal ordnijiet kklassifikati bħala prijorità jieħu preċedenza fuq kwalunkwe obbligu ta’ prestazzjoni skont il-liġi privata jew pubblika filwaqt li jenħtieġ li jqis ukoll l-għanijiet leġittimi tal-impriżi u l-kost u l-isforz meħtieġa għal kwalunkwe bidla fis-sekwenza tal-produzzjoni. Jenħtieġ li kull ordni kklassifikata bħala prijorità titqiegħed bi prezz ġust u raġonevoli. Il-kalkolu ta’ tali prezz jista’ jitwettaq fuq il-bażi tal-prezzijiet medji tas-suq matul dawn l-aħħar snin, soġġett għall-għoti ta’ raġunijiet għal kwalunkwe żieda, pereżempju billi titqies l-inflazzjoni jew iż-żieda fl-ispejjeż tal-enerġija. L-impriżi jistgħu jkunu soġġetti għal penali jekk jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligu għal ordnijiet klassifikati bħala prijorità.
(105)Għal faċilitajiet li jwettqu ordni kklassifikata bħala prijorità, jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-Kummissjoni, assistita mill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, u għall-Istati Membri li jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-eżekuzzjoni ta’ dawk l-ordnijiet, inkluż l-aħjar prattiki amministrattivi.
(106)Jenħtieġ li l-impriża kkonċernata tkun meħtieġa taċċetta u tipprijoritizza ordni kklassifikata bħala prijorità. Bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità jallinjaw mal-kapaċitajiet u mal-portafoll tal-produzzjoni ta’ faċilità, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi lill-faċilità kkonċernata bl-opportunità li tinstema’ dwar il-fattibbiltà u d-dettalji tal-ordni kklassifikata bħala prijorità. Il-Kummissjoni jenħtieġ li ma toħroġx l-ordni kklassifikata bħala prijorità meta l-faċilità ma tkunx tista’ tissodisfa l-ordni anke jekk tingħata prijorità, kemm jekk minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità potenzjali tal-produzzjoni jew ta’ kapaċità tal-produzzjoni biżżejjed jew minħabba raġunijiet tekniċi, jew meta l-prodott ma jiġix fornit jew is-servizz ma jitwettaqx mill-faċilità jew minħabba li dan ikun joħloq piż ekonomiku mhux raġonevoli u jinvolvi tbatija partikolari għall-impriża, inkluż riskju sostanzjali relatat mal-kontinwità tal-operat.
(107)Sabiex jiġi żgurat qafas trasparenti u ċar għall-implimentazzjoni ta’ ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità. Jenħtieġ li dak l-att ta’ implimentazzjoni jkun fih salvagwardji biex jiġi żgurat li l-ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità jiġu implimentati f’konformità mal-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità, bħal mekkaniżmu li jqis l-ordnijiet eżistenti u mekkaniżmu li jiżgura li l-volumi ta’ ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità ma jaqbżux dak li huwa meħtieġ.
(108)Fiċ-ċirkostanza eċċezzjonali li impriża li topera tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi fl-Unjoni tirċievi talba għal ordni kklassifikata bħala prijorità minn pajjiż terz, jenħtieġ li tinforma lill-Kummissjoni b’tali talba, sabiex tinforma valutazzjoni dwar jekk, meta jkun hemm impatt sinifikanti fuq is-sigurtà tal-provvista għal setturi kritiċi, u r-rekwiżiti l-oħra ta’ neċessità, ta’ proporzjonalità u ta’ legalità jiġu ssodisfati fiċ-ċirkostanzi tal-każ, jenħtieġ li l-Kummissjoni bl-istess mod timponi obbligu ta’ ordni kklassifikat bħala prijorità.
(109)Fid-dawl tal-importanza li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista għal setturi kritiċi li jwettqu funzjonijiet vitali tas-soċjetà, jenħtieġ li l-konformità mal-obbligu li titwettaq ordni kklassifikata bħala prijorità ma tinvolvix responsabbiltà għad-danni lejn partijiet terzi għal kwalunkwe ksur tal-obbligi kuntrattwali li jista’ jirriżulta mill-bidliet temporanji neċessarji tal-proċessi operazzjonali tal-manifattur ikkonċernat, limitati sal-punt sa fejn il-ksur tal-obbligi kuntrattwali kien neċessarju għall-konformità mal-prijoritizzazzjoni obbligatorja. Jenħtieġ li l-impriżi potenzjalment fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ordni kklassifikata bħala prijorità jantiċipaw dik il-possibbiltà fil-kundizzjonijiet tal-kuntratti kummerċjali tagħhom. Mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet oħra, ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi, prevista mid-Direttiva tal-Kunsill85/374/KEE, jenħtieġ li ma tiġix affettwata minn din l-eżenzjoni mir-responsabbiltà. F’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il- “Karta”), l-obbligu li tingħata prijorità lill-produzzjoni ta’ ċerti prodotti jirrispetta l-essenza tal-libertà ta’ intrapriża u l-libertà kuntrattwali stabbiliti fl-Artikolu 16 u d-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta u ma jaffettwahomx b’mod sproporzjonat.
(110)Meta tiġi attivata l-fażi ta’ kriżi u biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista lil setturi kritiċi li jwettqu funzjonijiet vitali tas-soċjetà, żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jagħtu mandat lill-Kummissjoni biex taggrega d-domanda u taġixxi f’isimhom għall-akkwist pubbliku tagħhom fl-interess pubbliku, f’konformità mar-regoli u mal-proċeduri eżistenti tal-Unjoni, filwaqt li tisfrutta l-kapaċità tal-akkwist tagħha. Ix-xiri komuni jenħtieġ li jintuża biss biex jissewwew interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi waqt kriżi. Il-mandat jista’ jawtorizza lill-Kummissjoni tagħmel ftehimiet għal xiri ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet għal ċerti setturi kritiċi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li, għal kull talba, tivvaluta l-utilità, in-neċessità u l-proporzjonalità f’konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Meta l-Kummissjoni tkun beħsiebha ma ssegwix it-talba, jenħtieġ li tinforma lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u tagħti r-raġunijiet tagħha. Id-dettalji proċedurali jenħtieġ li jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti, inkluż ir-raġunijiet għall-użu tal-mekkaniżmu tax-xiri komuni u r-responsabbiltajiet li jridu jintrefgħu. Ftehim bħal dak jista’ jinkludi l-għadd ta’ kuntratti li jridu jiġu konklużi u l-kundizzjonijiet tax-xiri komuni, bħall-prezzijiet, iż-żmien għat-twassil, il-kwantitajiet u l-klawżoli ta’ inklużjoni fakultattiva jew ta’ esklużjoni fakultattiva. Ix-xiri komuni jista’ jwassal għall-iffirmar ta’ kuntratt wieħed li jkopri l-ħtiġijiet tal-Istati Membri kollha jew ta’ diversi kuntratti li kull wieħed ikun ikopri l-ħtiġijiet ta’ Stat Membru wieħed jew aktar. Barra minn hekk, l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jkunu intitolati jaħtru rappreżentanti biex jipprovdu gwida u pariri matul il-proċeduri ta’ akkwist u fin-negozjar tal-ftehimiet ta’ xiri. Jenħtieġ li t-tħejjija għall-użu, l-użu jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti mixtrija jibqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri parteċipanti.
(111)Waqt kriżi ta’ skarsezza tas-semikondutturi, l-Unjoni jaf ikun jeħtiġilha tikkunsidra miżuri protettivi. Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jenħtieġ li jkun jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu biex jagħti tagħrif għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk is-sitwazzjoni tas-suq tikkostitwix skarsezza sinifikanti ta’ prodotti essenzjali skont ir-Regolament (UE) 2015/479.
(112)Jenħtieġ li l-qafas istituzzjonali għall-gruppi ta’ esperti, inkluż ir-regoli dwar it-trasparenza għall-entità u għas-sottogruppi tagħha, japplika għall-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, mingħajr preġudizzju għal dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jipprovdi pariri u jassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta’ politika komprensiva dwar is-semikondutturi u dwar kwistjonijiet tekniċi speċifiċi. Dawk il-mistoqsijiet jistgħu jinkludu l-għoti ta’ pariri dwar l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 lill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-funzjonament ta’ inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u ta’ proġetti strateġiċi, id-diskussjoni u t-tħejjija tal-identifikazzjoni ta’ setturi u teknoloġiji speċifiċi b’impatt soċjali qawwi potenzjali u b’sinifikanza għas-sigurtà li jeħtieġu ċertifikazzjoni għal prodotti fdati, u biex jiġi indirizzat il-monitoraġġ ikkoordinat u r-rispons għall-kriżijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament, jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jiskambja wkoll fehmiet mal-Kummissjoni dwar l-aħjar modi biex jiġu żgurati protezzjoni u infurzar effettivi tad-drittijiet tal-PI, informazzjoni kunfidenzjali u sigrieti kummerċjali bl-involviment dovut tal-partijiet ikkonċernati fir-rigward tas-settur tas-semikondutturi. Jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jappoġġa lill-Kummissjoni fil-kooperazzjoni internazzjonali f’konformità mal-obbligi internazzjonali. Jenħtieġ li jservi bħala forum għall-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali dwar is-semikondutturi u l-investimenti rilevanti, tal-involviment internazzjonali, ta’ kif tissaħħaħ il-kooperazzjoni tul il-katina tal-valur globali tas-semikondutturi, b’mod partikolari b’enfasi fuq ir-riċerka, fuq l-iżvilupp u fuq l-innovazzjoni (R&Ż&I) u l-programmi ta’ skambju tal-ħiliet, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’konformità mat-Trattati. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jqis il-fehmiet tal-Alleanza Industrijali għas-Semikondutturi u ta’ partijiet ikkonċernati oħra. Barra minn hekk, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jenħtieġ li jikkoordina, jikkoopera u jiskambja informazzjoni ma’ strutturi oħrajn tal-Unjoni ta’ rispons għall-kriżijiet u ta’ tħejjija għall-kriżijiet bl-għan li jiġi żgurat approċċ koerenti u kkoordinat tal-Unjoni fir-rigward ta’ miżuri ta’ rispons għall-kriżijiet u ta’ tħejjija għall-kriżijiet, għall-kriżijiet tas-semikondutturi.
(113)Rappreżentant tal-Kummissjoni jenħtieġ li jippresjedi l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Jenħtieġ li kull Stat Membru jaħtar rappreżentant wieħed ta’ livell għoli u sostitut wieħed għall-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Dawn jistgħu jaħtru wkoll sa tliet rappreżentanti tekniċi fir-rigward ta’ kompiti differenti tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, pereżempju, skont liema parti ta’ dan ir-Regolament tiġi diskussa fil-laqgħat tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jiżguraw kooperazzjoni effikaċi u effiċjenti fil-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jindikaw punt uniku tal-kuntatt biex jiżguraw l-iskambju affidabbli u fil-ħin ta’ informazzjoni dwar it-tħaddim tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Biex jirċievi pariri importanti dwar l-attivitajiet tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u jippermetti l-parteċipazzjoni xierqa tal-partijiet ikkonċernati, il-President jenħtieġ li jkun jista’ jistabbilixxi sottogruppi u jkun intitolat jistabbilixxi arranġamenti ta’ ħidma billi jistieden esperti u osservaturi biex jieħdu sehem fil-laqgħat abbażi ad hoc jew jistieden lil partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-industrija tas-semikondutturi tal-Unjoni, bħall-Alleanza Industrijali għas-Semikondutturi, għas-sottogruppi tagħha bħala osservaturi.
(114)Jenħtieġ li l-President ikun jista’ jiffaċilita l-iskambji bejn il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi u ta’ esperti oħrajn tal-Unjoni. Fid-dawl tal-importanza tal-provvista tas-semikondutturi għal setturi oħra u l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni li tirriżulta minnha, jenħtieġ li l-President jiżgura l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi fejn rilevanti u xieraq fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u ta’ rispons għall-kriżijiet stabbilit f’dan ir-Regolament.
(115)Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom rwol ewlieni fl-applikazzjoni u fl-infurzar ta’ dan ir-Regolament. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li kull Stat Membru jaħtar awtorità nazzjonali kompetenti waħda jew aktar responsabbli għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament u jiżgura li dawk l-awtoritajiet jingħataw is-setgħa u r-riżorsi adegwati. L-Istati Membri jistgħu jaħtru awtorità jew awtoritajiet eżistenti. Biex tiżdied l-effiċjenza tal-organizzazzjoni fl-Istati Membri u biex jiġi stabbilit punt tal-kuntatt uffiċjali għall-pubbliku u kontropartijiet oħrajn fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inkluż il-Kummissjoni u l-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, kull Stat Membru jenħtieġ li jaħtar, f’xi waħda mill-awtoritajiet maħtura bħala awtorità kompetenti skont dan ir-Regolament, punt uniku tal-kuntatt nazzjonali wieħed responsabbli għall-koordinazzjoni tal-materji relatati ma’ dan ir-Regolament u l-kooperazzjoni transfruntiera mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra.
(116)Jenħtieġ li l-Unjoni tagħmel ħilitha biex tikkonkludi sħubijiet strateġiċi dwar is-semikondutturi ma’ sħab internazzjonali stabbiliti jew emerġenti sabiex ittejjeb is-sigurtà tal-provvista u l-kooperazzjoni tal-Unjoni tul il-katina tal-valur tas-semikondutturi. Dawk is-sħubijiet jenħtieġ li jindirizzaw bl-almu kollu tagħhom l-iskarsezzi tal-għarfien u tal-ħiliet relatati mas-semikondutturi li jeżisti fl-Unjoni billi jattiraw talent ġdid lejn l-Unjoni, u jimmobilizzawh u jżommuh fl-Unjoni. Għas-sħab li magħhom l-Unjoni għandha kooperazzjoni dwar is-semikondutturi stabbiliti permezz ta’ Sħubija Diġitali, Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jew Djalogu Diġitali, jenħtieġ li s-sħubija strateġika dwar is-semikondutturi tirrifletti d-direzzjoni politika u l-prijoritajiet miftiehma f’dawk il-fora.
(117)Sabiex jiġi żviluppat u żgurat qafas koerenti għall-konklużjoni ta’ sħubijiet strateġiċi futuri dwar is-semikondutturi, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni, bħala parti mill-interazzjoni tagħhom fuq il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, jiddiskutu, fost affarijiet oħra, jekk is-sħubijiet eżistenti jilħqux l-għanijiet maħsuba tagħhom, il-prijoritizzazzjoni tas-sħab għal sħubijiet ġodda, il-kontenut ta’ tali sħubijiet u l-konsistenza u s-sinerġiji potenzjali tagħhom ma’ oqfsa oħra ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-Kummissjoni u mal-kooperazzjoni bilaterali tal-Istati Membri mas-sħab strateġiċi internazzjonali rilevanti. Dan jenħtieġ li jsir mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kunsill f’konformità mat-Trattati. Jenħtieġ li l-Unjoni tfittex sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku ma’ swieq emerġenti u ma’ ekonomiji li qed jiżviluppaw, f’koerenza mal-istrateġija Global Gateway tagħha u mal-Istrateġija Diġitali Internazzjonali tagħha, li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi tagħha kif ukoll iżidu l-valur lil dawk is-sħab strateġiċi internazzjonali.
(118)Sabiex jissaħħu l-awtonomija strateġika u t-tmexxija tal-Unjoni fit-teknoloġiji tas-semikondutturi, jenħtieġ li l-Alleanza Industrijali dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi ma tibqax teżisti u jenħtieġ li l-operazzjonijiet tagħha jittieħdu mill-Alleanza Industrijali għas-Semikondutturi (l-“Alleanza”), stabbilita b’dan ir-Regolament, taħt is-sorveljanza tal-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-membri u l-parteċipanti kollha tal-Alleanza Industrijali eżistenti dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi isiru membri u parteċipanti tal-Alleanza awtomatikament. Jenħtieġ li t-termini ta’ referenza li skonthom jiġu spjegati f’dettall il-funzjonament, il-kompiti u l-kompożizzjoni tal-Alleanza, jiġu ppubblikati fuq sit web tal-Kummissjoni għal kjarifika. Jenħtieġ li l-Alleanza tlaqqa’ flimkien lil partijiet ikkonċernati mill-katina tal-valur kollha, inkluż l-industrija, SMEs, organizzazzjonijiet tar-riċerka, u s-setturi ewlenin tal-utenti, biex tidentifika lakuni kritiċi fil-kapaċitajiet potenzjali tal-Unjoni u tixpruna l-avvanzi teknoloġiċi u industrijali meħtieġa biex tissaħħaħ il-kompetittività. Billi trawwem il-kollaborazzjoni u l-innovazzjoni, jenħtieġ li l-Alleanza tgħin biex jitnaqqsu d-dipendenzi, tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista u tappoġġa l-iskalar ta’ atturi iżgħar tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza mal-istrateġija u mal-prijoritajiet tas-semikondutturi tal-Unjoni, u biex tiġi ffaċilitata implimentazzjoni bla xkiel u effettiva ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Alleanza jżomm djalogu regolari mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, filwaqt li l-gruppi ta’ ħidma tiegħu jistgħu jippreżentaw aġġornamenti fuq talba. Jenħtieġ li dan l-involviment strutturat jippermetti lill-Bord jintegra l-informazzjoni intuwittiva dwar l-industrija fid-deċiżjonijiet ta’ politika, filwaqt li jiżgura li l-isforzi pubbliċi u privati jibqgħu allinjati fl-avvanz tas-sovranità teknoloġika tal-Unjoni.
(119)Sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni ta’ fiduċja u kostruttiva tal-awtoritajiet kompetenti fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, jenħtieġ li l-partijiet kollha involuti fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u tad-data li jiksbu huma u jwettqu dmirijiethom biex jipproteġu b’mod partikolari d-drittijiet tal-PI, l-informazzjoni kummerċjali sensittiva u s-sigrieti kummerċjali. Kwalunkwe informazzjoni miksuba fl-applikazzjoni għar-rikonoxximent bħala inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi, fil-kuntest ta’ talbiet għall-informazzjoni jew ta’ obbligi ta’ notifika skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li tintuża biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u jenħtieġ li tkun koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 339 tat-TFUE, kif ukoll mar-regoli interni tal-Kummissjoni dwar it-trattament sigur tad-data, b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-uffiċjali, l-impjegati tagħhom u persuni oħra li jaħdmu taħt is-superviżjoni ta’ dawk l-awtoritajiet kif ukoll l-uffiċjali u l-impjegati taċ-ċivil ta’ awtoritajiet oħra tal-Istati Membri jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba fit-twettiq tal-kompiti u tal-attivitajiet tagħhom. Jenħtieġ li dan japplika wkoll għall-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u għall-Kumitat tas-Semikondutturi. Meta xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-arranġamenti prattiċi għat-trattament tal-informazzjoni kunfidenzjali fil-kuntest tal-ġbir ta’ informazzjoni.
(120)Jenħtieġ li l-konformità mal-obbligi imposti skont dan ir-Regolament tkun infurzabbli permezz ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli xierqa ta’ multi għal nonkonformità mat-talbiet għall-informazzjoni u mal-obbligi ta’ notifika skont dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu l-livelli differenti tal-gravità tan-nonkonformità bejn iż-żewġ obbligi u b’limiti massimi differenti għall-SMEs. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti pagamenti perjodiċi ta’ penali għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li jiġu aċċettati u mwettqa ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità, li jenħtieġ li jkunu proporzjonati u jirriflettu l-livelli tal-prezzijiet fis-suq matul l-aħħar 90 jum, b’limiti massimi differenti għall-SMEs. Jenħtieġ li japplikaw perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjonijiet ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali, minbarra l-perjodi ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-penali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti lill-impriża jew lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-impriżi kkonċernati d-dritt li jinstemgħu.
(121)Sabiex jiġu riflessi l-bidla teknoloġika u l-iżviluppi tas-suq rilevanti għas-settur tas-semikondutturi, biex jiġu żgurati implimentazzjoni u evalwazzjoni effettivi tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE bil-ħsieb li temenda dan ir-Regolament fir-rigward tal-azzjonijiet appoġġati mill-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 b’mod konsistenti mal-objettivi tagħha u fir-rigward tal-indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 u għar-rapportar dwar il-progress tagħha lejn il-kisba tal-objettivi tagħha, u bil-ħsieb li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjonijiet u r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet għall-għoti, għall-monitoraġġ u għall-irtirar tat-tikketta taċ-ċentri tad-disinn ta’ eċċellenza. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.
(122)Mingħajr preġudizzju għall-proċedura baġitarja u għall-awtonomija amministrattiva tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi biex tiżgura li tkun tista’ twettaq id-dmirijiet tagħha b’mod effettiv u teżerċita s-setgħat tagħha skont dan ir-Regolament.
(123)Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi stabbilit qafas għat-tisħiħ tal-ekosistema tas-semikondutturi fil-livell tal-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.
(124)Għalhekk ir-Regolament (UE) 2023/1781 jenħtieġ li jitħassar,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Kapitolu I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas li jsaħħaħ l-ekosistema tas-semikondutturi u li jindirizza u jipprevjeni d-dipendenzi li jistgħu jheddu s-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari bil-miżuri li ġejjin:
(a)il-kontinwazzjoni u aktar żvilupp tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa, oriġinarjament stabbilita bir-Regolament (UE) 2023/1781 u li f’dan ir-Regolament tissejjaħ “Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0;
(b)l-istabbiliment tal-kriterji biex jiġu rikonoxxuti u appoġġati inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi li jkunu l-ewwel inizjattivi tat-tip tagħhom u proġetti strateġiċi li jrawmu l-indispensabbiltà, ir-reżiljenza u l-prosperità tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni;
(c)it-tisħiħ tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni li oriġinarjament kien stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/1781 u li jikkonċerna l-immeppjar u l-monitoraġġ tas-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni, il-prevenzjoni tal-kriżijiet u r-rispons għall-iskarsezzi tas-semikondutturi u, meta rilevanti, it-talbiet għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati mill-katina tal-provvista tas-semikondutturi.
1.L-ewwel objettiv ġenerali ta’ dan ir-Regolament hu li jiżgura l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Unjoni fit-teknoloġiji tas-semikondutturi u li jiżgura l-aġġustament tal-industrija għall-bidliet strutturali.
2.It-tieni objettiv ġenerali, distint mill-ewwel objettiv ġenerali stabbilit fil-paragrafu 2 għalkemm jikkomplementah, hu li jsħaħħa it-tħejjija għall-kriżijiet ħalli tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-UE u b’hekk jitjieb il-funzjonament tas-suq intern billi jiġi stabbilit qafas legali uniformi tal-Unjoni ħalli jiżdiedu l-indispensabbiltà, ir-reżiljenza u l-prosperità tal-Unjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tas-semikondutturi.
3.Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-proċeduri speċifiċi tal-akkwist u għall-istandards tal-kwalifiki applikabbli fis-settur tad-difiża msemmija fir-Regolament (UE) 2025/2643.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“semikonduttur” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:
(a)materjal elementali jew kompost, inkluż il-materjali avvanzati, li l-konduttività elettrika tiegħu tkun tista’ tiġi modifikata;
(b)komponent li jikkonsisti f’serje ta’ saffi ta’ materjali semikondutturi, insulanti u konduttivi definiti skont disinn predeterminat, u maħsub biex iwettaq funzjonijiet elettroniċi jew fotoniċi definiti sew jew it-tnejn;
(2)“ċippa” tfisser apparat elettroniku li jinkludi diversi elementi funzjonali fuq biċċa waħda ta’ materjal semikonduttiv, li tipikament tieħu l-forma ta’ apparati ta’ memorja, loġika, proċessuri, ottoelettroniċi u analogi;
(3)“ċippa kwantistika” tfisser apparat li jipproċessa l-informazzjoni fil-livell ta’ sistemi kwantistiċi individwali, b’livell li jvarja ta’ integrazzjoni tal-komponenti fuq iċ-ċippa skont il-pjattaforma kwantistika użata, inkluż il-pjattaformi għall-computing kwantistiku, għall-komunikazzjoni, għar-rilevament jew għall-metroloġija;
(4)“nodu tat-teknoloġija” tfisser proċess speċifiku tal-manifattura tas-semikondutturi u r-regoli tad-disinn tiegħu;
(5)“katina tal-provvista tas-semikondutturi” tfisser is-sistema ta’ attivitajiet, organizzazzjonijiet, atturi, teknoloġiji, informazzjoni, riżorsi u servizzi involuti fil-produzzjoni tas-semikondutturi, inkluż il-materja prima u l-materjali proċessati, bħal gassijiet, tagħmir għall-manifattura tas-semikondutturi, disinn, inkluż l-iżvilupp tas-software relatat, fabbrikazzjoni, assemblaġġ, ittestjar u ippakkjar;
(6)“katina tal-valur tas-semikondutturi” tfisser is-sett ta’ attivitajiet relatati ma’ prodott semikunduttur mill-konċepiment tiegħu sal-użu finali tiegħu, inkluż il-materja prima u l-materjali proċessati, bħal -gassijiet, tagħmir għall-manifattura tas-semikondutturi, riċerka, żvilupp u innovazzjoni, disinn, inkluż l-iżvilupp tas-software relatat, fabbrikazzjoni, ittestjar, assemblaġġ u ppakkjar, sal-inkorporazzjoni u l-integrazzjoni fil-prodotti finali, kif ukoll il-proċessi ta’ tmiem il-ħajja, bħall-użu mill-ġdid, iż-żarmar u r-riċiklaġġ;
(7)“linja pilota” tfisser faċilità tal-ittestjar u l-esperimentazzjoni li tindirizza livelli ogħla ta’ tħejjija teknoloġika sal-adozzjoni industrijali biex jiġu ttestjati, jintwerew, jiġu vvalidati u kkalibrati l-prodotti, it-tagħmir, il-proċessi jew is-sistemi;
(8)“intrapriżi żgħar u medji” jew “SMEs” tfisser intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju kif definiti fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE;
(9)“intrapriża żgħira b’kapitalizzazzjoni medja” tfisser intrapriża żgħira b’kapitalizzazzjoni medja kif definita fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2025/1099/KE;
(10)“l-ewwel inizjattiva tat-tip tagħha” tfisser xi waħda mill-inizjattivi li ġejjin, li tipprovdi innovazzjoni fl-Unjoni fir-rigward tal-proċess tal-manifattura jew tal-prodott finali sal-punt li din l-innovazzjoni tkun għadha mhix preżenti jew impenjata biżżejjed li tinbena fl-Unjoni biex ikunu żgurati r-reżiljenza u s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni, inkluż l-innovazzjoni b’rabta ma’ titjib fil-qawwa komputazzjonali jew fil-livell tas-sigurtà, tas-sikurezza jew tal-affidabbiltà, tal-prestazzjoni enerġetika u ambjentali, tan-nodu tat-teknoloġija jew tal-materjali tas-substrat, jew fl-implimentazzjoni ta’ proċessi tal-produzzjoni li jwasslu għal titjib fl-effiċjenza, jew li ttejjeb ir-riċiklabbiltà, jew li tnaqqas l-inputs tal-produzzjoni:
(a)faċilità tal-manifattura tas-semikondutturi ġdida jew aġġornata sostanzjalment;
(b)faċilità jew proċess ġodda jew aġġornati sostanzjalment għall-produzzjoni tat-tagħmir;
(c)faċilità jew proċess ġodda jew aġġornati sostanzjalment għall-produzzjoni ta’ komponenti ewlenin għal dak it-tagħmir jew produzzjoni oħra ta’ inputs użati b’mod predominanti fil-manifattura tas-semikondutturi, bħal materjali;
(d)faċilità ġdida jew aġġornata sostanzjalment għall-manifattura jew l-integrazzjoni tal-elettronika;
(e)attivitajiet ġodda tad-disinn taċ-ċipep iċċentrati fuq il-manifattura;
(11)“attivitajiet tad-disinn taċ-ċipep iċċentrati fuq il-manifattura” tfisser it-tħejjija ta’ disinji għall-fabbrikazzjoni, il-koottimizzazzjoni tal-proċess tad-disinn, u l-eżekuzzjoni tat-tape-out finali, li jkun l-istadju li matulu disinn ta’ ċippa jiġi impenjat għall-fabbrikazzjoni fil-forma ta’ prototip fiżiku għall-validazzjoni qabel il-produzzjoni tal-volum;
(12)“teknoloġiji tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss” tfisser teknoloġiji tas-semikondutturi li jmorru lil hinn mill-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku fejn jidħol it-titjib sinifikanti li dawn joffru mil-lat ta’ prestazzjoni funzjonali, qawwa komputazzjonali jew effiċjenza enerġetika kif ukoll mil-lat ta’ titjib sinifikanti ieħor relatat mal-enerġija u l-ambjent;
(13)“teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati” tfisser innovazzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku fit-teknoloġiji taċ-ċipep u tas-semikondutturi meta jitwettqu l-proġetti;
(14)“manifattura tas-semikondutturi” tfisser xi wieħed mill-istadji tal-produzzjoni u tal-ipproċessar tal-wafers tas-semikondutturi, inkluż id-disinn, il-materjali tas-substrati, front-end u back-end, meħtieġa biex jinkiseb prodott semikonduttur lest;
(15)“front-end” tfisser l-ipproċessar kollu ta’ wafer ta’ semikonduttur;
(16)“back-end” tfisser l-ippakkjar, l-assemblaġġ u l-ittestjar ta’ prodott semikonduttur;
(17)“manifattura u integrazzjoni tal-elettronika” tfisser il-manifattura jew l-integrazzjoni ta’ bordijiet taċ-ċirkwiti stampati, substrati avvanzati tal-ippakkjar u l-manifattura elettronika li jikkonċernaw l-assemblaġġ, l-ittestjar jew l-integrazzjoni tas-sistema ta’ semikondutturi jew ta’ prodotti bbażati fuq is-semikondutturi;
(18)“utent tas-semikondutturi” tfisser impriża li tipproduċi prodotti li fihom jiġu inkorporati semikondutturi;
(19)“atturi ewlenin tas-suq” tfisser impriżi fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi tal-Unjoni, li l-funzjonament affidabbli tagħhom hu essenzjali għall-provvista tas-semikondutturi;
(20)“settur kritiku” tfisser kwalunkwe settur imsemmi fl-Anness V;
(21)“prodott rilevanti għall-kriżijiet” tfisser wieħed mill-prodotti li ġejjin li jkunu affettwati minn kriżi tas-semikondutturi u rilevanti biex ikunu żgurati funzjonijiet kruċjali ta’ settur kritiku:
(a)semikondutturi jew ċipep li jiġu varati direttament minn setturi kritiċi jew li jintużaw biex jipproduċu apparati użati minn setturi kritiċi;
(b)prodotti intermedji meħtieġa għall-produzzjoni ta’ semikondutturi jew ċipep;
(c)materja prima u pproċessata meħtieġa għall-produzzjoni ta’ semikondutturi jew ċipep jew ta’ prodotti intermedji.
(22)“kapaċità potenzjali tal-produzzjoni” tfisser l-abbiltà ta’ faċilità li tipproduċi ċerti tipi ta’ prodotti;
(23)“kapaċità tal-produzzjoni” tfisser l-output potenzjali massimu ta’ faċilità;
(24)“sigriet kummerċjali” tfisser sigriet kummerċjali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/943;
(25)“proċeduri tal-ħruġ tal-permessi” tfisser proċess li jkopri l-permessi rilevanti kollha għall-bini, l-espansjoni, l-konverżjoni u t-tħaddim ta’ proġetti industrijali tal-manifattura tas-semikondutturi, inkluż il-permessi għall-bini, tal-kimiċi u ta’ konnessjoni mal-grilja kif definiti fl-Artikolu 1 tal-[Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttivi (UE) 2018/2001, (UE) 2019/944, (UE) 2024/1788 fir-rigward tal-aċċellerazzjoni tal-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi], u li jinvolvi l-valutazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet ambjentali meta meħtieġ, u li jinkludi l-applikazzjonijiet u l-proċeduri kollha mir-rikonoxximent li l-applikazzjoni tkun kompluta san-notifika tad-deċiżjoni komprensiva dwar l-eżitu tal-proċedura;
(26)“kuntratt” tfisser kuntratti pubbliċi kif definiti fl-Artikolu 2(1), il-punt (5), tad-Direttiva 2014/24/UE, kuntratti ta’ provvista, ta’ xogħlijiet u ta’ servizzi kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [insert footnote], u kuntratti ta’ konċessjoni kif definiti fl-Artikolu 5, il-punt (1), tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(27)“awtorità kontraenti” tfisser awtorità kontraenti kif definita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 2(1), il-punt (1), tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/25/UE;
(28)“entità kontraenti” tfisser entità kontraenti kif definita fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/23/UE u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE;
(29)“ambjent tal-ipproċessar sigur” tfisser l-ambjent fiżiku jew virtwali u l-mezzi organizzazzjonali biex tkun żgurata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, b’mod partikolari fir-rigward ta’ drittijiet tas-suġġetti tad-data, ir-regoli dwar l-antitrust, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u l-kunfidenzjalità, l-integrità u l-aċċessibbiltà kummerċjali u tal-istatistika, kif ukoll mal-liġi nazzjonali applikabbli, u biex l-entità li tipprovdi l-ambjent tal-ipproċessar sigur tkun tista’ tiddetermina u tissorvelja l-azzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data, inkluż il-wiri, il-ħżin, it-tniżżil u l-esportazzjoni tad-data u l-kalkolu tad-data derivattiva b’algoritmi komputazzjonali;
(30)“rappreżentant legali” tfisser persuna fiżika jew ġuridika domiċiljata jew stabbilita fl-Unjoni u ddeżinjata biex taġixxi f’isem il-Pjattaforma stabbilita f’konformità mal-Artikolu 34 ta’ dan ir-Regolament;
(31)“impriża domestika” tfisser:
(a)impriża fil-katina tal-valur tas-semikondutturi li għandha s-sede tagħha fl-Unjoni u li tkun proprjetà u fil-kontroll ta’ impriża tal-Unjoni;
(b)impriża fil-katina tal-valur tas-semikondutturi li tissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin, irrispettivament minn jekk is-sede tagħha tkunx fl-Unjoni:
(c)impriża li tkun proprjetà u fil-kontroll ta’ impriża tal-Unjoni, u li jkollha s-sede tagħha barra mill-Unjoni;
(d)impriża li tkun proprjetà u fil-kontroll ta’ impriża stabbilita f’pajjiż terz jew f’territorju li miegħu l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim li jistabbilixxi żona ta’ kummerċ ħieles, unjoni doganali, jew sħubija strateġika dwar is-semikondutturi, f’konformità mal-Artikolu 49;
(e)impriża li tkun proprjetà u fil-kontroll ta’ impriża stabbilita f’firmatarju tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku.
(32)“sjieda” jew “proprjetà ta’” tfisser il-pussess ta’ 50% jew aktar tad-drittijiet proprjetarji ta’ persuna ġuridika, ta’ entità jew ta’ korp, jew li jkollhom sehem maġġoritarju fihom;
(33)“kontroll” tfisser kontroll kif definit fl-Artikolu 2(6) tar-Regolament (UE) 2021/697;
(34)“impriża tal-Unjoni” tfisser impriża stabbilita skont il-liġijiet ta’ Stat Membru;
(35)“sħubija strateġika dwar is-semikondutturi” tfisser impenn bejn l-Unjoni u pajjiż terz jew territorju biex tiżdied il-kooperazzjoni relatata mal-katina tal-valur tas-semikondutturi li tkun stabbilita bi strument mhux vinkolanti li jistabbilixxi azzjonijiet konkreti ta’ interess reċiproku;
(36)“proġett strateġiku” tfisser proġett li jipprovdi valur miżjud sinifikanti lill-Unjoni billi jikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-objettivi ta’ interess komuni tal-Unjoni, ikollu dimensjoni transfruntiera ċara, b’mod partikolari b’kooperazzjoni teknika jew appoġġ pubbliku li jinvolvi aktar minn Stat Membru wieħed, u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-indispensabbiltà, tar-reżiljenza u tal-prosperità tal-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni u tas-sovranità teknoloġika u tat-tmexxija teknoloġika tal-Unjoni billi jippermetti, javvanza jew jiżgura kapaċijiet, teknoloġiji jew kapaċitajiet potenzjali kritiċi fl-Unjoni, inkluż billi jnaqqas id-dipendenzi strateġiċi.
(37)“Impriża Konġunta taċ-Ċipep” tfisser l-impriża konġunta stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 u, fejn applikabbli, kwalunkwe entità jew inizjattiva suċċessur stabbilita skont il-liġi tal-Unjoni skont Qafas Finanzjarju Pluriennali sussegwenti.
Kapitolu II
L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0
Artikolu 3
L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0
1.L-inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 għandha tiġi appoġġata skont it-tul tal-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093.
2.L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 għandha tiġi appoġġata b’finanzjament minn Orizzont Ewropa u mill-Programm Ewropa Diġitali f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2021/694 u (UE) 2021/695, u b’finanzjament nazzjonali u privat.
Artikolu 4
Objettiv tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0
3.L-objettiv ġenerali tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 għandu jkun li tibni kapaċitajiet teknoloġiċi fuq skala kbira u tappoġġa l-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni relatati tul il-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni, biex:
(a)issaħħaħ is-sovranità teknoloġika, is-sigurtà ekonomika, ir-reżiljenza, il-prosperità, l-indispensabbiltà u l-kompetittività industrijali tal-Unjoni, billi tipprevedi t-trasferiment u l-adozzjoni industrijali tat-teknoloġiji żviluppati bl-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0;
(b)tistimula d-domanda tal-Unjoni għas-semikondutturi, inkluż bi proċeduri tal-akkwist li jippromwovu, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, l-adozzjoni u l-integrazzjoni tat-teknoloġiji, tal-komponenti u tas-sistemi tas-semikondutturi ddisinjati, żviluppati jew manifatturati fl-Unjoni;
(c)tippermetti l-innovazzjoni, l-iżvilupp u l-varar ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati, inkluż il-fotonika bħala teknoloġija trażversali u abilitanti, b’mod partikolari dawk kritiċi għall-intelliġenza artifiċjali (IA), inkluż l-IA edge, u għal setturi ewlenin tal-applikazzjonijiet bħas-saħħa, l-enerġija, l-awtomatizzazzjoni industrijali, ir-robotika, it-trasport, id-difiża, is-sistemi awtomobilistiċi u ajrunawtiċi, u ċ-ċentri tad-data u l-infrastruttura tal-cloud;
(d)tikkontribwixxi għall-kisba tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, b’mod partikolari billi tnaqqas l-impatt enerġetiku, ambjentali u klimatiku tas-sistemi elettroniċi, ittejjeb is-sostenibbiltà taċ-ċipep tal-ġenerazzjoni li jmiss u ssaħħaħ il-proċessi tal-ekonomija ċirkolari, tikkontribwixxi għal impjiegi ta’ kwalità fl-ekosistema tas-semikondutturi, u tindirizza l-prinċipji tas-sigurtà sa mit-tfassil li jipprovdu protezzjoni mit-theddid għaċ-ċibersigurtà.
4.L-inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 għandu jkollha s-sitt objettivi operazzjonali li ġejjin:
(a)objettiv operazzjonali 1: tappoġġa kapaċitajiet avvanzati tad-disinn għat-teknoloġiji tas-semikondutturi;
(b)objettiv operazzjonali 2: issaħħaħ il-linji pilota avvanzati eżistenti u tiżviluppa oħrajn ġodda madwar l-Unjoni biex jippermettu l-iżvilupp u l-varar industrijali ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati u tal-ġenerazzjoni li jmiss, u ambjenti tat-testijiet pilota biex jivvalidaw u juru l-integrazzjoni u l-użu ta’ dawk it-teknoloġiji f’applikazzjonijiet ewlenin u fl-industriji tal-utenti;
(c)objettiv operazzjonali 3: issaħħaħ il-kapaċitajiet avvanzati fit-teknoloġija u fl-inġinerija biex jitħaffef l-iżvilupp innovattiv ta’ ċipep kwantistiċi mill-aktar avvanzati u t-teknoloġiji tas-semikondutturi assoċjati;
(d)objettiv operazzjonali 4: tappoġġa network ta’ ċentri ta’ kompetenza madwar l-Unjoni billi ssaħħaħ il-faċilitajiet eżistenti jew tiftaħ oħrajn ġodda;
(e)objettiv operazzjonali 5: tibni u ssaħħaħ kapaċitajiet avvanzati tad-disinn, tal-prototipar u tal-varar industrijali għal teknoloġiji ta’ ċirkwiti integrati fotoniċi u għal teknoloġiji fotoniċi oħra madwar l-Unjoni;
(f)objettiv operazzjonali 6: twettaq attivitajiet, li jridu jiġu deskritti b’mod kollettiv bħala attivitajiet tal-“Fond għaċ-Ċipep”, biex tiffaċilita l-aċċess għall-finanzi, inkluż billi tipprovdi gwida ċara, b’mod partikolari lin-negozji ġodda, lill-kumpaniji li qed jespandu, lill-SMEs u lill-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja fil-katina tal-valur tas-semikondutturi, bi strumenti finanzjarji u b’mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-investiment li jappoġġaw l-ekwità, id-dejn jew il-finanzjament imħallat permezz tal-Aċċelleratur tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, il-Fond InvestEU u, meta applikabbli, strumenti oħra tal-Unjoni u, jekk applikabbli, is-suċċessuri tagħhom skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028-2034.
5.L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 għandha tappoġġa inizjattivi transsettorjali fuq skala kbira li jindirizzaw sfidi teknoloġiċi u industrijali ewlenin ta’ rilevanza strateġika għall-Unjoni (“sfidi kbar”).
6.L-objettivi operazzjonali tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 jistgħu jinkludu attivitajiet biex jinbnew il-kapaċitajiet u attivitajiet relatati tar-riċerka u l-innovazzjoni. Skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, l-attivitajiet kollha biex jinbnew il-kapaċitajiet għandu jiffinanzjahom il-Programm Ewropa Diġitali u l-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni relatati għandu jiffinanzjahom Orizzont Ewropa.
Artikolu 5
Objettivi operazzjonali tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0
L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 għandha:
(a)skont l-objettiv operazzjonali 1 tagħha:
(i)tħaddem u twessa’ pjattaforma virtwali tad-disinn, disponibbli madwar l-Unjoni, li tintegra firxa wiesgħa ta’ assi, għodod u servizzi tad-disinn ġodda u eżistenti, tiffaċilita l-aċċess, b’mod partikolari, għall-akkademja, għan-negozji ġodda, għall-kumpaniji li qed jespandu u għall-SMEs, biex issaħħaħ it-tkabbir u l-espansjoni tal-impriżi fabless fl-Unjoni;
(ii)testendi l-kapaċitajiet potenzjali tad-disinn tal-Unjoni, inkluż fil-fotonika u t-teknoloġiji kwantistiċi, billi trawwem żviluppi innovattivi fid-disinn u l-arkitetturi avvanzati taċ-ċipep u, għal dak il-għan, tappoġġa proġetti ambizzjużi ta’ disinn strateġiku ta’ rilevanza kbira għall-awtonomija strateġika u għall-kompetittività tal-Unjoni;
(b)skont l-objettiv operazzjonali 2 tagħha:
(i)issaħħaħ il-kapaċitajiet potenzjali fit-teknoloġiji tal-produzzjoni taċ-ċipep tal-ġenerazzjoni li jmiss u fit-tagħmir tal-manifattura tas-semikondutturi, billi tintegra l-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u tħejji l-iżvilupp ta’ nodi teknoloġiċi u ta’ proċessi tal-manifattura tas-semikondutturi futuri;
(ii)tappoġġa l-innovazzjoni fuq skala kbira b’aċċess għal linji pilota ġodda jew eżistenti għall-esperimentazzjoni, l-ittestjar, il-kontroll tal-proċessi, il-karatterizzazzjoni finali tal-apparat, l-ittestjar u għall-validazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, u kunċetti tad-disinn ġodda li jintegraw funzjonalitajiet ewlenin;
(iii)tappoġġa l-innovazzjoni b’aċċess għal ambjenti tat-testijiet pilota ġodda jew estiżi fejn it-teknoloġiji jew il-prodotti innovattivi differenti jiġu kkombinati u integrati għall-iżvilupp u l-validazzjoni ta’ apparati ġodda f’applikazzjonijiet ewlenin u fl-industriji tal-utenti qabel jiġu varati għalkollox fuq skala industrijali, ħalli jiġu identifikati r-riskji, tiġi vvalidata l-prestazzjoni, u tkun żgurata l-fattibbiltà f’kundizzjonijiet tad-dinja reali;
(iv)tipprovdi appoġġ għall-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi b’aċċess preferenzjali għal linji pilota ġodda jew eżistenti, u tiżgura aċċess b’termini ġusti għal linji pilota ġodda u ambjenti tat-testijiet pilota lil firxa wiesgħa ta’ utenti tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni;
(v)tħejji għat-trasferiment u l-adozzjoni industrijali ta’ teknoloġiji żviluppati skont dan l-objettiv operazzjonali;
(c)skont l-objettiv operazzjonali 3 tagħha:
(i)tappoġġa l-iżvilupp ta’ linji pilota ġodda jew eżistenti, ta’ spazji nodfa u fonderiji għall-prototipar u l-produzzjoni ta’ ċipep kwantistiċi għall-integrazzjoni ta’ ċirkwiti kwantistiċi u elettronika tal-kontroll;
(ii)tiżviluppa faċilitajiet għall-ittestjar u l-validazzjoni ta’ ċipep kwantistiċi avvanzati prodotti mil-linji pilota, biex jingħalaq iċ-ċirku tar-rispons dwar l-innovazzjoni bejn id-disinjaturi, il-produtturi u l-utenti tal-komponenti kwantistiċi;
(iii)tiżviluppa libreriji tad-disinn innovattivi għaċ-ċipep kwantistiċi b’rabta mill-qrib mal-objettiv operazzjonali 1;
(d)skont l-objettiv operazzjonali 4 tagħha:
(i)issaħħaħ il-kapaċitajiet u toffri firxa wiesgħa ta’ għarfien espert lill-partijiet ikkonċernati, inkluż lin-negozji ġodda, lill-kumpaniji li qed jespandu u lill-SMEs tal-utenti finali, filwaqt li tiffaċilita l-aċċess għall-kapaċitajiet u l-faċilitajiet imsemmija f’dan l-Artikolu u l-użu effettiv tagħhom;
(ii)tindirizza l-iskarsezza tal-għarfien u tal-ħiliet u l-ispariġġ tal-għarfien u tal-ħiliet billi tattira, timmobilizza u żżomm talent ġdid fir-riċerka, fid-disinn u fil-produzzjoni, inkluż b’taħriġ mill-ġdid u b’titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema;
(e)skont l-objettiv operazzjonali 5 tagħha:
(i)issaħħaħ il-kapaċitajiet potenzjali fit-teknoloġiji tal-produzzjoni, fit-tagħmir tal-manifattura tas-semikondutturi u fil-pjattaformi tal-materjali għaċ-ċirkwiti integrati fotoniċi billi tintegra l-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni;
(ii)issaħħaħ il-linji pilota eżistenti u tiżviluppa linji pilota ġodda u faċilitajiet tal-manifattura tas-semikondutturi b’aċċess miftuħ għall-prototipar u l-produzzjoni ta’ ċirkwiti integrati fotoniċi u t-teknoloġiji fotoniċi assoċjati;
(iii)tiżviluppa u żżomm libreriji tad-disinn u għodod ta’ awtomatizzazzjoni tad-disinn għaċ-ċirkwiti integrati fotoniċi u t-teknoloġiji fotoniċi assoċjati, u metodi għall-integrazzjoni tagħhom f’moduli disponibbli skont termini miftuħa u nondiskriminatorji madwar l-Unjoni;
(iv)tħejji għat-trasferiment u l-adozzjoni industrijali ta’ teknoloġiji żviluppati skont dan l-objettiv operazzjonali;
(f)skont l-objettiv operazzjonali 6 tagħha:
(i)tipprovdi appoġġ lin-negozji ġodda u lill-kumpaniji li qed jespandu tul il-katina tal-valur tas-semikondutturi huma u jaċċessaw il-finanzjament fl-istadji kollha tat-tkabbir, b’enfasi partikolari fuq it-tnaqqis tal-lakuni tal-finanzjament li jwaqqfuhom milli jiksbu l-iskala meħtieġa biex jikkompetu globalment;
(ii)tħaffef u ttejjeb l-aċċessibbiltà għall-investiment fil-katina tal-valur tas-semikondutturi, b’mod partikolari billi timmobilizza l-kapital tar-riskju u l-kapital għall-espansjoni, u tingrana l-finanzjament mis-settur pubbliku u mis-settur privat, filwaqt li żżid l-indispensabbiltà, ir-reżiljenza u l-prosperità tal-ekosistema tas-semikondutturi fl-Unjoni.
Dawk l-objettivi għandhom jiġu implimentati, meta xieraq, f’konformità mad-deskrizzjoni teknika stabbilita fl-Anness I.
Artikolu 6
Network Ewropew taċ-ċentri ta’ kompetenza fis-semikondutturi
1.Għall-finijiet tal-objettiv operazzjonali 4 tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 għandu jingħata appoġġ lin-network Ewropew taċ-ċentri ta’ kompetenza fis-semikondutturi, fl-integrazzjoni u fid-disinn tas-sistema (in-“network”) stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2023/1781. In-network għandu jkun magħmul miċ-ċentri ta’ kompetenza magħżula mill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep f’konformità mal-paragrafu 3.
2.Iċ-ċentri ta’ kompetenza għandhom iwettqu l-attivitajiet kollha li ġejjin jew uħud minnhom għall-benefiċċju tal-industrija tal-Unjoni u b’kooperazzjoni mill-qrib mal-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari ma’ SMEs u intrapriżi b’kapitalizzazzjoni medja, u ma’ organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija, universitajiet, is-settur pubbliku u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fil-katina tal-valur kollha tas-semikondutturi:
(a)jiżguraw allinjament bejn l-attivitajiet taċ-ċentru ta’ kompetenza u, meta applikabbli, l-istrateġija tas-semikondutturi tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit iċ-ċentru ta’ kompetenza;
(b)ixerrdu għarfien u jipprovdu għarfien prattiku, għarfien espert u l-ħiliet neċessarji lill-partijiet ikkonċernati biex jgħinuhom iħaffu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda tas-semikondutturi, il-manifattura tas-semikondutturi, it-tagħmir, l-għażliet tad-disinn u l-kunċetti tas-sistemi, u l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda tas-semikondutturi, billi jużaw b’mod effettiv l-infrastruttura u riżorsi oħra disponibbli tan-network;
(c)jagħtu aċċess għal servizzi tad-disinn u għodod tad-disinn skont l-objettiv operazzjonali 1 tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0, kif ukoll għal-linji pilota appoġġati skont l-objettiv operazzjonali 2 tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0;
(d)ixerrdu għarfien u jagħtu jew jiżguraw aċċess għal għarfien espert, għarfien prattiku u servizzi, inkluż it-tħejjija ta’ disinji tas-sistemi, linji pilota ġodda u eżistenti u appoġġ għal azzjonijiet neċessarji biex jinkisbu l-ħiliet u l-kompetenzi appoġġati mill-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0;
(e)jiffaċilitaw it-trasferiment ta’ għarfien espert u għarfien prattiku bejn l-Istati Membri u r-reġjuni li jħeġġu l-iskambji ta’ ħiliet, għarfien u prattiki tajbin u jħeġġu programmi konġunti;
(f)jiżviluppaw u jmexxu azzjonijiet speċifiċi ta’ taħriġ, titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid fit-teknoloġiji tas-semikondutturi u l-applikazzjonijiet tagħhom ħalli jappoġġaw l-iżvilupp tar-riżerva tat-talenti, u biex iżidu l-għadd ta’ studenti u l-kwalità tal-edukazzjoni fl-oqsma rilevanti tal-istudji, fl-iskejjel u fl-universitajiet madwar l-Unjoni, sal-livell ta’ dottorat;
(g)jiffaċilitaw il-konnessjonijiet bejn l-istudenti u l-impriżi tas-semikondutturi madwar l-Unjoni, u jagħtu attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni tan-nisa u l-gruppi sottorappreżentati, filwaqt li jibnu fuq inizjattivi eżistenti li jappoġġaw l-edukazzjoni jew it-taħriġ, jew it-tnejn li huma, u l-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema fl-Unjoni u minn barra l-Unjoni.
3.L-Istati Membri għandhom jaħtru ċentri ta’ kompetenza kandidati f’konformità mal-proċeduri, l-istrutturi amministrattivi u istituzzjonali nazzjonali tagħhom bi proċess miftuħ u kompetittiv.
Il-programm ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep għandu jistabbilixxi l-proċedura għall-appoġġ taċ-ċentri ta’ kompetenza li jiffurmaw in-network, inkluż il-kriterji tal-għażla u dettalji oħra fuq l-implimentazzjoni tal-kompiti u tal-funzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu
L-Impriża Konġunta taċ-Ċipep għandha tagħżel iċ-ċentri ta’ kompetenza li jiffurmaw in-network.
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jimmassimizzaw is-sinerġiji maċ-ċentri ta’ kompetenza eżistenti stabbiliti skont inizjattivi oħra tal-Unjoni bħaċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali msemmija fir-Regolament (UE) 2021/694.
4.Iċ-ċentri ta’ kompetenza għandu jkollhom awtonomija ġenerali sostanzjali biex jistabbilixxu l-organizzazzjoni, il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tagħhom. L-organizzazzjoni, il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma taċ-ċentri ta’ kompetenza għandhom jikkonformaw mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u mal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 u jikkontribwixxu għalihom.
Artikolu 7
Sfidi kbar
1.L-isfidi kbar għandhom jiżviluppaw, jintegraw u jiżguraw il-varar industrijali ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi promettenti u kritiċi u t-teknoloġiji relatati, li għandhom importanza ewlenija għall-Unjoni u, meta xieraq, jiġu implimentati f’konformità mad-deskrizzjoni teknika stabbilita fl-Anness I.
2.L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 għandha tappoġġa l-isfidi kbar billi:
(a)tippromwovi R&Ż avvanzati li jagħtu pożizzjoni ta’ tmexxija fejn jidħlu ċ-ċipep tal-IA tal-ġenerazzjoni li jmiss, biex isostnu l-cloud, iċ-ċentri tad-data u l-infrastrutturi tal-IA edge b’livelli ta’ effiċjenza enerġetika bla preċedent, jiżguraw il-kapaċitajiet tal-Unjoni f’teknoloġiji mill-aktar avvanzati, u jżidu l-preġji tal-manifattura tas-semikondutturi tal-Unjoni;
(b)tindirizza ostakli ewlenin fl-iżvilupp ulterjuri tat-teknoloġiji tas-semikondutturi, bħall-minjaturizzazzjoni, l-effiċjenza enerġetika, is-sostenibbiltà, l-integrazzjoni eteroġenja, is-sigurtà u l-affidabbiltà, u l-manifatturabbiltà.
(c)tkabbar l-ekosistema tas-semikondutturi b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ setturi tas-suq vertikali;
(d)tikseb vantaġġ kompetittiv f’applikazzjonijiet speċifiċi kritiċi għas-sovranità teknoloġika u l-kompetittività industrijali tal-Unjoni billi tistruttura l-kollaborazzjoni bejn l-iżviluppaturi tas-semikondutturi u l-industriji tal-utenti;
(e)tintegra l-isforzi ta’ diversi linji pilota u torjentahom lejn l-użu industrijali billi jiżdiedu l-effiċjenza enerġetika u l-kapaċitajiet potenzjali tas-semikondutturi avvanzati;
(f)tiżgura t-trasferiment u l-adozzjoni industrijali ta’ teknoloġiji żviluppati bl-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0, inkluż attivitajiet maħsuba għall-maturazzjoni tat-teknoloġija, il-kwalifika, il-prototipar, id-dimostrazzjoni, l-ewwel varar industrijali, u t-trasferiment f’ambjenti tal-produzzjoni.
3.L-isfidi kbar għandhom jiġu implimentati b’koordinazzjoni mal-isfidi kbar kif stabbilit skont ir-Regolament (UE) XX/XX [l-Att dwar l-Iżvilupp tal-Cloud u tal-IA (CADA)], kif ukoll ma’ inizjattivi mwettqa mill-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173.
Artikolu 8
Aċċelleraturi tad-domanda
1.Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jistimulaw l-adozzjoni ta’ semikondutturi ddisinjati jew manifatturati fl-Unjoni, b’mod partikolari fi swieq ewlenin bħall-cloud, is-settur awtomobilistiku, l-ajrunawtika, it-telekomunikazzjoni, id-difiża u l-bqija.
2.L-aċċelleraturi tad-domanda għandha timplimentahom l-Alleanza Industrijali għas-Semikondutturi.
3.B’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati industrijali rilevanti, u f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista’:
(a)tiffaċilita lill-utenti potenzjali, b’mod partikolari lill-off-takers tat-teknoloġiji tas-semikondutturi, biex jiddiskutu r-rekwiżiti u l-ispeċifikazzjonijiet teknoloġiċi tal-prodotti relatati mas-semikondutturi li l-industrija tagħhom aktarx tkun teħtieġ.
(b)tippermetti l-iżvilupp ta’ pjanijiet direzzjonali tekniċi komuni, u tappoġġa u tistimola attivitajiet tal-kodisinn bejn il-manifatturi tas-semikondutturi stabbiliti fl-Unjoni u l-utenti industrijali downstream, inkluż l-integraturi tas-sistema u l-manifatturi tat-tagħmir, ħalli jiġu żviluppati komponenti tas-semikondutturi mfassla għall-applikazzjonijiet industrijali tal-Unjoni;
(c)tiffaċilita pjattaformi kollaborattivi, proġetti pilota jew sħubijiet tad-disinn li jippermettu l-involviment bikri tal-utenti industrijali fid-disinn ta’ teknoloġiji innovattivi tas-semikondutturi żviluppati fl-Unjoni.
Artikolu 9
Forum tad-domanda
1.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi forum tad-domanda biex tiffaċilita l-viżibbiltà tat-teknoloġiji tas-semikondutturi, b’mod partikolari b’inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u proġetti strateġiċi, kif ukoll faċilitajiet tal-produzzjoni integrati u fonderiji miftuħa tal-UE rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) 2023/1781 f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni.
2.Il-forum tad-domanda għandha timplimentah l-Alleanza Industrijali għas-Semikondutturi.
Artikolu 10
Akkwist tal-innovazzjoni taċ-ċipep
1.Għall-finijiet ta’ appoġġ lill-awtoritajiet kontraenti jew lill-entitajiet kontraenti u lill-operaturi ekonomiċi li jaġixxu bħala entitajiet tal-akkwist fl-akkwist, fl-integrazzjoni, fil-kwalifikazzjoni u fl-ewwel varar ta’ sistemi li jintegraw is-semikondutturi, l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep għandha:
(a)tappoġġa l-formazzjoni, meta rilevanti, ta’ arranġamenti tal-akkwist konġunt transfruntier bejn l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti;
(b)tappoġġa l-integrazzjoni u l-varar ta’ teknoloġiji innovattivi tas-semikondutturi.
Artikolu 11
Sinerġiji ma’ programmi oħra
1.L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 għandha titwettaq f’sinerġija mal-programmi tal-Unjoni f’konformità mal-Anness IV. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kisba tal-objettivi tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 imsemmija fl-Artikolu 4 ma tixxekkilx meta jiġi ingranat il-karattru komplementari tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 għall-programmi tal-Unjoni.
Artikolu 12
Implimentazzjoni
1.L-objettivi operazzjonali 1 sa 5 tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 u l-isfidi kbar għandhom jiġu fdati lill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep u jiġu implimentati b’azzjonijiet stabbiliti fil-programm ta’ ħidma tagħha.
2.Biex tirrifletti l-bidla teknoloġika u l-iżviluppi tas-suq rilevanti għas-settur tas-semikondutturi, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 55 biex temenda l-Anness I fir-rigward tal-azzjonijiet stabbiliti fih b’mod konsistenti mal-objettivi tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 kif stabbilit fl-Artikolu 4.
3.Biex tiżgura implimentazzjoni u evalwazzjoni effettivi tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 u tirrifletti l-bidla teknoloġika u l-iżviluppi tas-suq, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 55 biex temenda l-Anness III fir-rigward tal-indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u biex tirrapporta dwar il-progress tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 favur il-kisba tal-objettivi tagħha kif stabbiliti fl-Artikolu 4.
4.Biex jiżgura implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni effettivi tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0, ir-rapport annwali tal-attività tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep għandu jinkludi informazzjoni dwar materji relatati mal-objettivi operazzjonali 1 sa 5 tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 u l-isfidi kbar, abbażi tal-indikaturi li jistgħu jitkejlu stabbiliti fl-Anness III.
5.Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi fuq il-progress fl-implimentazzjoni tal-objettiv operazzjonali 6 tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 b’mod regolari.
Kapitolu III
Sigurtà tal-provvista u tad-domanda
Taqsima 1
Kapaċitajiet potenzjali tal-manifattura tas-semikondutturi
Artikolu 13
Interess pubbliku u sostenn pubbliku
1.L-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u l-proġetti strateġiċi għandhom jitqiesu bħala kontribut għas-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi u għar-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni, u għalhekk li huma fl-interess pubbliku.
2.Biex jiksbu s-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE, japplikaw miżuri ta’ appoġġ u jipprevedu appoġġ amministrattiv għal proġetti strateġiċi f’konformità mar-Regolament (UE) XX/XX [Fond Ewropew għall-Kompetittività] u leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni u inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi .
3.Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tapplika miżuri ta’ appoġġ, inkluż iżda mhux limitati għal għotjiet, għal proġetti strateġiċi f’konformità mar-Regolament (UE) XX/XX [il-Fond Ewropew għall-Kompetittività] u leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni.
Artikolu 14
Inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi
1.L-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi għandhom iwettquhom impriżi domestiċi.
2.L-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi għandhom juru li dawn se jiffurmaw il-katina tal-provvista tagħhom b’modi li jnaqqsu d-dipendenza tal-katina tal-provvista fuq l-impriżi mhux domestiċi u jsaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni.
3.L-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi għandhom ikunu l-ewwel inizjattivi tat-tip tagħhom li jikkontribwixxu għall-indispensabbiltà, għar-reżiljenza u għall-prosperità u għas-sigurtà tal-provvista tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni.
4.Waqt is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 15(1), inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi għandha tintalab tikkwalifika bħala l-ewwel inizjattiva tat-tip tagħha.
5.L-ewwel inizjattivi tat-tip tagħhom ma għandhomx għalfejn ikunu kisbu miżuri ta’ appoġġ jew appoġġ amministrattiv kif imsemmi fl-Artikolu 13 biex japplikaw għall-istatus ta’ inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi.
6.Inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:
(a)l-istabbiliment tagħha jkollu impatt pożittiv ċar b’effetti konsegwenzjali lil hinn minnu jew mill-Istat Membru/i kkonċernati, fuq il-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni u s-swieq finali tal-Unjoni fi żmien medju u fit-tul, biex ikunu żgurati l-indispensabbiltà, ir-reżiljenza u l-prosperità tal-ekosistema tas-semikondutturi, inkluż it-tkabbir ta’ negozji ġodda u SMEs, u jingħata kontribut għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-Unjoni u, meta rilevanti, għall-mudell kummerċjali tal-faċilità, filwaqt li jitqies il-punt sa fejn din toffri kapaċità tal-produzzjoni front-end jew back-end, jew it-tnejn li huma, lil impriżi li mhumiex relatati mal-faċilità, jekk ikun hemm domanda biżżejjed;
(b)tipprovdi assigurazzjoni li ma tkunx soġġetta għall-applikazzjoni ekstraterritorjali ta’ obbligi tas-servizz pubbliku ta’ pajjiżi terzi b’mod li jista’ jimmina l-abbiltà tal-impriża li tikkonforma mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 43(1) u timpenja ruħha li tinforma lill-Kummissjoni meta jinqala’ obbligu bħal dan;
(c)tinvesti fl-innovazzjoni kontinwa ġol-Unjoni biex jinkisbu avvanzi konkreti fit-teknoloġiji tas-semikondutturi jew fit-tħejjija tat-teknoloġiji tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss;
(d)tappoġġa l-pipeline tat-talenti tal-Unjoni billi tiżviluppa u tvara taħriġ edukattiv u tal-ħiliet u żżid ir-riżerva ta’ forza tax-xogħol kwalifikata u b’ħiliet speċjalizzati;
(e)jekk tkun faċilità tal-produzzjoni, tipparteċipa fil-Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju kif imsemmi fl-Artikolu 34.
7.Biex ikun jista’ jsir investiment fl-innovazzjoni kontinwa f’konformità mal-paragrafu 6, il-punt (c) ta’ dan l-Artikolu, l-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi għandu jkollhom aċċess preferenzjali għal-linji pilota stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 5, il-punt (b). Kull aċċess preferenzjali bħal dan la għandu jeskludi u lanqas jipprevjeni aċċess effettiv b’termini ġusti għal-linji pilota minn impriżi oħra interessati, b’mod partikolari negozji ġodda u SMEs.
8.Meta inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi toffri kapaċità tal-produzzjoni lil impriżi mhux relatati mal-inizjattiva, l-inizjattiva għandha tistabbilixxi u żżomm separazzjoni funzjonali adegwata u effettiva tal-proċessi tal-manifattura tad-disinn u tas-semikondutturi ħalli tiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni miksuba f’kull stadju.
Artikolu 15
Applikazzjoni għall-istatus ta’ inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi
1.Kwalunkwe impriża jew konsorzju ta’ impriżi jistgħu jissottomettu applikazzjoni lill-Kummissjoni biex proġett jingħata l-istatus ta’ inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi.
2.Filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni bi proċess ġust u trasparenti abbażi tal-elementi kollha li ġejjin:
(a)il-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14(2) u mal-impenn għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(6);
(b)pjan direzzjonali tan-negozju li jevalwa l-vijabbiltà finanzjarja u teknika tal-proġett u jqis it-tul tal-ħajja kollha tiegħu, inkluż informazzjoni dwar kull sostenn pubbliku ppjanat;
(c)l-esperjenza ppruvata tal-applikant fit-tħaddim ta’ inizjattivi simili;
(d)l-għoti ta’ dokument ta’ sostenn xieraq li juri t-tħejjija tal-Istat Membru/i fejn l-applikant ikun beħsiebu jistabbilixxi l-faċilità tiegħu biex jappoġġa l-istabbiliment ta’ tali inizjattiva;
(e)l-eżistenza ta’ politiki xierqa u ftehimiet ta’ liċenzjar xierqa, inkluż protezzjoni teknika u miżuri ta’ implimentazzjoni, biex tkun żgurata l-protezzjoni ta’ informazzjoni mhux żvelata u tad-drittijiet tal-proprjetajiet intellettwali, b’mod partikolari biex ikun evitat l-iżvelar mhux awtorizzat ta’ sigrieti kummerċjali jew ir-rilaxx malizzjuż ta’ teknoloġiji emerġenti sensittivi.
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida dwar l-informazzjoni meħtieġa skont l-ewwel subparagrafu u l-format rilevanti tagħha.
3.Il-Kummissjoni għandha tipproċessa l-applikazzjonijiet, tadotta d-deċiżjonijiet tagħha u tinnotifika lill-applikanti fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi applikazzjoni kompluta. Meta l-Kummissjoni jkun jidhrilha li l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni ma tkunx kompluta, din għandha tagħti l-opportunità lill-applikant biex jissottometti l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa ħalli l-applikazzjoni tkun kompluta mingħajr dewmien. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiddetermina t-tul tal-perjodu tal-istatus abbażi tal-ħajja mbassra tal-proġett.
4.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-progress miksub waqt l-istabbiliment u t-tħaddim tal-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u għandha tinforma lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi b’mod regolari.
5.L-operatur tal-inizjattiva jista’ jitlob lill-Kummissjoni tirrieżamina t-tul tal-perjodu tal-istatus jew timmodifika l-pjanijiet tal-implimentazzjoni tagħha fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(6) meta jqis li dak ir-rieżami jkun debitament ġustifikat minħabba ċirkostanzi esterni mhux previsti. Abbażi ta’ dak ir-rieżami, il-Kummissjoni tista’ tirrevedi t-tul tal-perjodu tal-istatus mogħti f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew taċċetta l-modifika tal-pjanijiet tal-implimentazzjoni.
6.Meta l-Kummissjoni ssib li inizjattiva ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(6), din għandha tagħti l-opportunità lill-operatur tal-inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi biex jikkummenta u jipproponi miżuri xierqa.
7.Il-Kummissjoni tista’ tħassar deċiżjoni li tirrikonoxxi l-istatus ta’ inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi jekk ir-rikonoxximent kien ibbażat fuq applikazzjoni li kien fiha informazzjoni żbaljata jew meta, minkejja t-tlestija tal-proċedura tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, l-inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(6). Qabel ma tieħu tali deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi wara li tipprovdilu r-raġunijiet għat-tħassir propost. Kwalunkwe deċiżjoni li tħassar l-istatus ta’ inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi għandha tkun motivata kif xieraq u soġġetta għal dritt ta’ appell mill-operatur.
8.L-inizjattivi li l-istatus tagħhom bħala inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi jkunu tħassru skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitilfu d-drittijiet kollha marbuta mar-rikonoxximent ta’ dan l-istatus li joħorġu minn dan ir-Regolament. Madankollu, dawk l-inizjattivi għandhom jibqgħu soġġetti għall-obbligu stabbilit fl-Artikolu 42(1) għal perjodu ekwivalenti għal dak li kien inizjalment stabbilit meta l-istatus ikun ingħata f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew, meta l-istatus ikun ġie rieżaminat, għat-tul applikabbli f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 16
Proġetti strateġiċi
1.Il-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi bħala Proġetti Strateġiċi l-proġetti tas-semikondutturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li:
(a)jipprovdu valur miżjud sinifikanti lill-Unjoni billi jikkontribwixxu ġmielhom għall-objettivi ta’ interess komuni tal-Unjoni;
(b)jitwettqu minn impriżi domestiċi;
(c)juru li se jiffurmaw il-katina tal-provvista tagħhom b’modi li jnaqqsu d-dipendenza tal-katina tal-provvista fuq l-impriżi mhux domestiċi u jsaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni;
(d)ikollhom dimensjoni transfruntiera ċara, b’mod partikolari b’kooperazzjoni teknika jew appoġġ pubbliku li jinvolvu aktar minn Stat Membru wieħed;
(e)jikkontribwixxu għar-reżiljenza u r-robustezza tal-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni;
(f)jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sovranità teknoloġika u t-tmexxija teknoloġika tal-Unjoni billi jippermettu, javvanzaw jew jiżguraw kapaċitajiet, teknoloġiji jew kapaċitajiet potenzjali kritiċi fl-Unjoni, inkluż billi jnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi.
2.Il-proġetti strateġiċi f’diversi siti għandu jħaddimhom konsorzju wieħed u għandhom jiffunzjonaw bħala entità legali u teknika integrata.
3.Il-parteċipazzjoni fi proġetti strateġiċi għandha tkun limitata għall-entitajiet tal-Unjoni.
4.B’deroga mill-paragrafu 3, il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiżi terzi hi permessa diment li dik il-parteċipazzjoni tkun konsistenti mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet rilevanti relatati mas-sigurtà tal-programmi applikabbli tal-Unjoni.
Artikolu 17
Identifikazzjoni ta’ oqsma prijoritarji għal proġetti strateġiċi
1.Deskrizzjoni teknika tal-oqsma prijoritarji għal proġetti strateġiċi potenzjali f’ċerti oqsma teknoloġiċi indikattivi hija stabbilita fl-Anness II. Biex jiġu aġġornati d-deskrizzjonijiet teknoloġiċi u l-oqsma teknoloġiċi indikattivi elenkati fl-Anness II ħalli jkunu jirriflettu bidla teknoloġika u żviluppi tas-suq rilevanti għas-settur tas-semikondutturi, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 55 biex temenda l-Anness II.
2.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(1) u l-oqsma teknoloġiċi indikattivi msemmija fl-Anness II, fuq l-oqsma prijoritarji għal proġetti strateġiċi potenzjali.
Artikolu 18
Deżinjazzjoni ta’ proġetti strateġiċi
1.L-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet li jappoġġaw lil proġetti strateġiċi potenzjali għandha tiġi fdata lill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep u titwettaq b’azzjonijiet stabbiliti fil-programm ta’ ħidma tagħha.
2.Filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, il-Kummissjoni, permezz ta’ deċiżjoni, għandha tiddeżinja bħala proġetti strateġiċi dawk il-proposti magħżula għall-finanzjament mill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep li jkunu konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(1) u dik it-talba biex jiġu ddeżinjati bħala tali.
3.Soġġetti għall-kunsens tal-applikant/i, il-proposti mhux magħżula għall-finanzjament mill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep jistgħu jiġu ddeżinjati wkoll bħala proġetti strateġiċi meta jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-evalwazzjoni applikabbli stabbiliti fis-sejħa għall-proposti u jkunu jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(1). Il-possibbiltà li tinkiseb dik id-deżinjazzjoni għandha tkun indikata b’mod ċar fis-sejħiet għall-proposti u fil-proċeduri tal-applikazzjoni relatati u jenħtieġ li tintalab mill-proġett.
4.Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tindika jekk proġett strateġiku jikkwalifikax bħala l-ewwel inizjattiva tat-tip tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u għandha tiddetermina t-tul tal-perjodu tal-istatus tal-ewwel inizjattiva tat-tip tagħha abbażi tal-ħajja prevista tal-proġett.
5.Il-proġetti ddeżinjati bħala proġetti strateġiċi għandhom jibbenefikaw mid-drittijiet u jkunu soġġetti għall-obbligi applikabbli għall-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi skont dan ir-Regolament meta jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(6).
6.Il-proġett strateġiku jista’ jitlob lill-Kummissjoni tirrieżamina t-tul tal-perjodu tal-istatus tal-proġett strateġiku jew timmodifika l-pjanijiet tal-implimentazzjoni tal-operatur fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16(1), meta l-operatur ikun jidhirlu li dak ir-rieżami jkun debitament ġustifikat minħabba ċirkostanzi esterni mhux previsti. Abbażi ta’ dak ir-rieżami, il-Kummissjoni tista’ tirrevedi t-tul tal-perjodu tal-istatus tal-proġett strateġiku mogħti jew taċċetta l-modifika tal-pjanijiet tal-implimentazzjoni.
7.Mingħajr preġudizzju għal sospensjoni jew terminazzjoni tal-ftehimiet tal-finanzjament bejn l-operatur li jimplimenta l-proġett strateġiku u l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep, meta l-Kummissjoni ssib li proġett iddeżinjat bħala proġett strateġiku ma jibqax jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16 jew li d-deżinjazzjoni tiegħu kienet ibbażata fuq applikazzjoni b’informazzjoni skorretta li taffettwa l-konformità ma’ dawk il-kriterji, din tista’, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, tirtira d-deżinjazzjoni ta’ dak il-proġett permezz ta’ deċiżjoni.
8.Qabel tadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-operatur li jimplimenta l-proġett strateġiku r-raġunijiet għall-irtirar previst u għandha tagħtih l-opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet fi żmien xieraq. Il-Kummissjoni għandha tqis dawk l-osservazzjonijiet kif xieraq. Kull deċiżjoni li tirtira l-istatus ta’ proġett strateġiku għandha tkun motivata kif xieraq u soġġetta għal dritt ta’ appell.
9.Il-proġetti li għalihom tkun ġiet irtirata d-deżinjazzjoni bħala proġett strateġiku għandhom jitilfu d-drittijiet u l-obbligi kollha marbuta mal-istatus ta’ proġett strateġiku skont dan ir-Regolament. Iżda tali proġetti għandhom jibqgħu soġġetti għall-obbligu stabbilit fl-Artikolu 43(1) għal perjodu ekwivalenti għal dak li kien inizjalment previst meta ngħata l-istatus.
Artikolu 19
Manifattura ta’ semikondutturi avvanzati
1.Biex tissaħħaħ is-sovranità tal-Unjoni u tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista fis-semikondutturi, il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 17(1), għandha tittratta proġett strateġiku għal fonderija miftuħa bbażata fl-Unjoni għall-manifattura ta’ semikondutturi avvanzati bl-akbar prijorità.
2.Il-fonderija miftuħa għall-manifattura ta’ semikondutturi avvanzati msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkostitwixxi faċilità jew network ikkoordinat ta’ faċilitajiet b’diversi siti li jkunu jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, li jkunu kapaċi jimmanifatturaw u jippakkjaw teknoloġiji tas-semikondutturi avvanzati f’konformità ma’ kapaċitajiet potenzjali industrijali mill-aktar avvanzati.
3.Il-fonderija miftuħa għall-manifattura ta’ semikondutturi avvanzati għandha tqis ir-rekwiżiti u l-objettivi stabbiliti mill-off-takers potenzjali kif stabbilit fl-Artikolu 8.
Artikolu 20
Koordinazzjoni tal-finanzjament
1.Il-Kummissjoni tista’ twettaq attivitajiet, meta xieraq b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex toħloq effett ta’ attrazzjoni għall-investimenti għal inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u għal proġetti strateġiċi. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE, tali attivitajiet jistgħu jinkludu l-għoti u l-koordinazzjoni tal-appoġġ għal inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u għal proġetti strateġiċi li jsibu diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament, f’sinerġija mal-programmi tal-Unjoni.
2.Meta jintalab minn inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi jew minn proġett strateġiku, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jagħti pariri dwar il-finanzjament tal-inizjattiva jew tal-proġett, filwaqt li jqis il-finanzjament diġà garantit u mqar l-elementi li ġejjin:
(a)sorsi pubbliċi u privati addizzjonali tal-finanzjament, inkluż l-ekwità;
(b)appoġġ b’riżorsi mill-Bank Ewropew tal-Investiment jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra;
(c)strumenti u programmi eżistenti tal-Istati Membri, inkluż minn aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni, minn banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali;
(d)finanzjament tal-Unjoni u l-programmi tal-finanzjament rilevanti tal-Unjoni.
Taqsima 2
Proċeduri tal-ħruġ tal-permessi
Artikolu 21
Inħaffu l-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet amministrattivi relatati mal-ippjanar, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u ta’ proġetti strateġiċi jiġu pproċessati b’mod effiċjenti, trasparenti u fil-ħin.
2.Il-proċedura tal-ħruġ tal-permessi għal inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi jew għal proġetti strateġiċi ma għandhiex taqbeż it-12-il xahar, minn meta tiġi ppreżentata applikazzjoni kompluta lill-punt uniku tas-servizz.
3.Il-limitu taż-żmien stabbilit fil-paragrafu 2 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal limitu taż-żmien iqsar stabbilit mill-Istati Membri.
4.Meta tali status ikun jeżisti fil-liġi nazzjonali, l-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u l-proġetti strateġiċi għandhom jiġu allokati l-istatus tal-akbar sinifikanza nazzjonali possibbli u jiġu ttrattati bħala tali fil-proċessi tal-ħruġ tal-permessi. Dan il-paragrafu għandu japplika biss meta dak l-istatus ikun jeżisti fil-liġi nazzjonali u m’għandux joħloq obbligu għall-Istati Membri biex jintroduċu tali status.
Artikolu 22
Punt uniku tas-servizz għall-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi
1.L-Istati Membri għandhom jaħtru punt uniku tas-servizz responsabbli għaċ-ċentralizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-applikazzjoni ta’ inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u ta’ proġetti strateġiċi skont dan l-Artikolu.
2.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċedura unika tal-ħruġ tal-permessi bbażata fuq applikazzjoni unika lill-punt uniku tas-servizz maħtur skont l-Artikolu 22(1), li tkopri l-permessi kollha meħtieġa għall-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u għall-proġetti strateġiċi.
3.Il-punt uniku tas-servizz għandu jservi bħala punt uniku tal-kuntatt għall-inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi jew għall-proġett strateġiku.
4.Mhux aktar tard minn 45 jum mill-wasla tal-applikazzjoni unika, il-punt uniku tas-servizz maħtur għandu jirrikonoxxi li l-applikazzjoni hija kompluta jew jitlob l-informazzjoni nieqsa meħtieġa biex tiġi pproċessata l-applikazzjoni.
5.Meta, wara s-sottomissjoni tal-informazzjoni nieqsa, l-applikazzjoni xorta titqies mhux kompluta, il-punt uniku tas-servizz jista’, fi żmien 30 jum mis-sottomissjoni tal-informazzjoni nieqsa mitluba, jagħmel it-tieni talba għall-informazzjoni li tkun għadha nieqsa. Il-punt uniku tas-servizz m’għandux jitlob informazzjoni f’oqsma mhux koperti fl-ewwel talba għal informazzjoni addizzjonali u għandu jitlob aktar informazzjoni biss kif neċessarju biex ikopri l-informazzjoni nieqsa.
6.Jekk l-istabbiliment ta’ inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi tkun teħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet f’żewġ Stati Membri jew aktar, il-punti uniċi tas-servizz rilevanti għandhom jieħdu l-passi neċessarji kollha għal kooperazzjoni u koordinazzjoni effiċjenti u effettivi bejniethom.
Artikolu 23
Niffaċilitaw il-proċess amministrattiv u l-proċess tal-ħruġ tal-permessi
1.L-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u l-proġetti strateġiċi skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala proġetti strateġiċi li jikkontribwixxu għar-reżiljenza u d-dekarbonizzazzjoni jew għall-effiċjenza tar-riżorsi għall-finijiet tal-Artikolu 14(1) tal-[Proposta għal Regolament dwar it-tħaffif tal-valutazzjoni ambjentali]. Għandhom ikunu japplikaw il-punti 1, 2 u 3 tal-Anness f’dak ir-Regolament.
2.Mingħajr preġudizzju għall-[Proposta għal Regolament dwar it-tħaffif tal-valutazzjoni ambjentali], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull studju mwettaq, jew permess jew awtorizzazzjoni maħruġa, relatati mal-ippjanar, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u ta’ proġetti strateġiċi jitqiesu u li ma jkun meħtieġ l-ebda studju, permess jew awtorizzazzjoni duplikata, sakemm ma jkunx meħtieġ mod ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali.
Artikolu 24
Użu tal-Kartieri Ewropej tan-Negozju mill-portal tal-aċċess uniku
1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu portal tal-aċċess uniku fil-livell nazzjonali għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni unika għall-permess għall-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u għall-proġetti strateġiċi msemmija fl-Artikolu 22(2).
Il-portal tal-aċċess uniku għandu jattribwixxi awtomatikament l-applikazzjonijiet għall-permessi lill-awtorità rilevanti, jinforma lill-applikant dwar il-passi kollha tal-proċedura tal-ħruġ tal-permessi, l-istatus tal-proċess u tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet, u jippermetti lill-applikant jivverifika l-konformità mal-iskadenzi applikabbli.
2.Il-portal tal-aċċess uniku għandu juża l-Kartieri Ewropej tan-Negozju stabbiliti skont [Proposta għal Regolament dwar l-istabbiliment ta’ Kartieri Ewropej tan-Negozju].
3.Bl-użu tal-Kartieri Ewropej tan-Negozju, il-portal tal-aċċess uniku għandu jippermetti:
(a)l-interoperabbiltà u l-iskambju awtomatizzat tad-data bejn l-awtoritajiet rilevanti;
(b)l-użu mill-ġdid tad-data u tad-dokumenti diġà miżmuma mill-awtoritajiet rilevanti;
(c)livell għoli ta’ ċibersigurtà, u integrità tal-informazzjoni;
(d)it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-proċedura tal-ħruġ tal-permessi.
4.Meta jistabbilixxu portali tal-aċċess uniku, l-Istati Membri għandhom, meta xieraq, jużaw l-infrastruttura diġitali, il-katalgi u l-elementi kostitwenti eżistenti tal-Unjoni stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni.
5.Il-punt uniku tas-servizz maħtur kif imsemmi fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament għandu jkollu aċċess għad-data u għall-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli fil-portal tal-aċċess uniku, biex iwettaq dmirijietu.
Artikolu 25
Aċċessibbiltà online tal-informazzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jipprovdu aċċess għall-informazzjoni li ġejja dwar il-proċessi rilevanti għall-iżvilupp ta’ inizjattivi Ewropej potenzjali tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u ta’ proġetti strateġiċi, online u b’mod ċentralizzat u aċċessibbli faċilment:
(a)il-Kartieri Ewropej tan-Negozju msemmija fl-Artikolu 24;
(b)il-proċedura tal-ħruġ tal-permessi, inkluż informazzjoni dwar is-soluzzjoni tat-tilwim;
(c)servizzi ta’ finanzjament u ta’ investiment;
(d)possibbiltajiet tal-finanzjament fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri;
(e)servizzi ta’ appoġġ għan-negozji, inkluż id-dikjarazzjoni tat-taxxa korporattiva, il-liġijiet lokali dwar it-taxxa jew il-liġi tax-xogħol.
2.B’mod ċentralizzat u aċċessibbli faċilment, il-Kummissjoni għandha tirreferi għall-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri fuq is-sit web tagħha biex tiżgura ħarsa ġenerali komprensiva u ċara tal-informazzjoni rilevanti kollha għal kull Stat Membru.
Taqsima 3
Reġjuni Ewropej ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi
Artikolu 26
Tikketta lir-Reġjuni Ewropej ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi
1.Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tagħti t-tikketta ta’ Reġjun Ewropew ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. It-tikketta tista’ tingħata wara applikazzjoni minn awtorità reġjonali u għandha tiġi approvata b’mod espliċitu mill-Istat Membru rilevanti.
2.L-applikazzjoni għandha tinkludi Pjan ta’ Investiment għal Reġjun tas-Semikondutturi, li juri viżjoni strateġika kondiviża mill-awtoritajiet rilevanti kollha.
3.Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli li jirregolaw il-programmi u l-istrumenti tal-Unjoni, it-tikketta ta’ Reġjuni Ewropej ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi tista’ titqies meta jkunu qed jiġu vvalutati u jintgħażlu l-operazzjonijiet proposti skont il-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni.
Artikolu 27
Pjan ta’ Investiment għal Reġjun Ewropew tas-Semikondutturi
1.Il-Pjan ta’ Investiment għal Reġjun Ewropew tas-Semikondutturi kif imsemmi fl-Artikolu 26(2) għandu jinkludi deskrizzjoni tar-reġjun, inkluż l-ambitu ġeografiku tiegħu u mqar l-elementi li ġejjin:
(a)viżjoni strateġika u ambitu:
(i)valutazzjoni tal-ekosistema industrijali u tas-semikondutturi eżistenti fir-reġjun, inkluż il-faċilitajiet eżistenti tal-manifattura tas-semikondutturi; is-setturi rilevanti tal-utenti finali; il-pożizzjoni tiegħu fil-ktajjen tal-valur tas-semikondutturi, b’attenzjoni partikolari għall-karatteristiċi uniċi tiegħu u l-kontribut potenzjali tiegħu għar-reżiljenza u għal tkabbir fil-katina tal-valur Ewropea tas-semikondutturi;
(ii)viżjoni strateġika għall-iżvilupp relatat mas-semikondutturi tar-reġjun matul l-għaxar snin ta’ wara, inkluż, meta rilevanti, it-trasformazzjoni ta’ attivitajiet industrijali eżistenti lejn attivitajiet relatati mas-semikondutturi, jew l-irbit bejniethom;
(b)id-disponibbiltà u l-iżvilupp ulterjuri ta’ kundizzjonijiet u ta’ infrastruttura abilitanti fir-reġjun ikkonċernat:
(i)deskrizzjoni tal-miżuri li jiżguraw aċċess għal enerġija suffiċjenti, affidabbli u nadifa, inkluż il-kapaċità tal-grilja u l-perkorsi tad-dekarbonizzazzjoni f’konformità mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima;
(ii)deskrizzjoni tad-disponibbiltà tal-art u tal-faċilitajiet xierqa għall-attivitajiet relatati mal-katina tal-valur tas-semikondutturi, inkluż iż-żonar, l-ippjanar tal-użu tal-art u s-siti industrijali;
(iii)deskrizzjoni tat-trasport, tan-networks tal-komunikazzjoni u tal-infrastruttura tal-ilma rilevanti għall-attivitajiet relatati mal-katina tal-valur tas-semikondutturi fir-reġjun;
(iv)deskrizzjoni tal-miżuri li jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi, tal-liċenzjar u amministrattivi, inkluż r-rabta mal-punt uniku tas-servizz kif imsemmi fl-Artikolu 22;
(c)appoġġ għall-attivitajiet tal-innovazzjoni u r-riċerka fir-reġjun ikkonċernat:
(i)deskrizzjoni tal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-appoġġ ulterjuri tagħhom relatat mal-katina tal-valur tas-semikondutturi fir-reġjun, inkluż sinerġiji ma’ programmi tar-riċerka u l-innovazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni;
(ii)deskrizzjoni tal-kooperazzjoni ma’ universitajiet, organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija, inkluż, mtea rilevanti, rabtiet mal-attivitajiet tal-linji pilota kif imsemmi fl-Artikolu 5, il-punt (b) u ċ-ċentri ta’ kompetenza kif imsemmi fl-Artikolu 6;
(d)appoġġ għall-edukazzjoni, il-ħiliet u l-forza tax-xogħol u għall-iżvilupp ulterjuri tagħha fir-reġjun ikkonċernat:
(i)deskrizzjoni tal-miżuri li jiżguraw id-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati relatata mal-industrija tas-semikondutturi fil-livelli kollha, b’sinerġiji tal-benefiċċji pprovduti mill-Patt għall-Ħiliet;
(ii)deskrizzjoni tas-sħubijiet bejn l-industrija, il-fornituri tal-edukazzjoni u l-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam tas-semikondutturi;
(iii)deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jattiraw, iżommu u jtejbu t-talent relatat mal-industrija tas-semikondutturi, inkluż it-talent internazzjonali meta xieraq;
(e)appoġġ għall-attraenza industrijali u tal-investiment, u l-iżvilupp ulterjuri tagħha fir-reġjun ikkonċernat:
(i)deskrizzjoni tal-miżuri li jattiraw u jżommu l-investimenti privati rilevanti għall-katina tal-valur tas-semikondutturi;
(ii)deskrizzjoni tal-miżuri li jintegraw l-intrapriżi żgħar u medji u l-intrapriżi żgħar b’kapitalizzazzjoni medja fl-ekosistema reġjonali.
Artikolu 28
Valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għat-tikketta ta’ Reġjun Ewropew ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi
1.Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjonijiet għat-tikketta ta’ Reġjun Ewropew ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi abbażi tal-koerenza u tal-kredibbiltà tal-Pjan ta’ Investiment għar-Reġjun tas-Semikondutturi u l-livell ta’ impenn mill-awtoritajiet rilevanti.
2.Il-Kummissjoni għandha tipproċessa l-applikazzjonijiet, tadotta d-deċiżjoni tagħha msemmija fl-Artikolu 26(1) u tinnotifika lir-reġjun, lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi applikazzjoni kompluta.
3.Meta l-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni ma tkunx kompluta, din għandha tinforma lill-awtorità reġjonali u lill-Istat Membru kkonċernat mingħajr dewmien u tipprovdi l-opportunità li tiġi sottomessa l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa għal applikazzjoni kompluta.
4.Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 26(1) għandha tiddetermina t-tul tal-perjodu tat-tikketta tar-Reġjun Ewropew ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi, li għandha tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għar-Reġjun tas-Semikondutturi ppreżentat.
5.L-awtorità reġjonali u l-Istat Membru kkonċernat għandhom jimmonitorjaw il-progress tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għar-Reġjun tas-Semikondutturi u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi mqar darba fis-sena.
6.Sommarju tal-Pjan ta’ Investiment għar-Reġjun tas-Semikondutturi, minbarra informazzjoni kummerċjalment sensittiva u mfassla biex tattira l-investiment, għandu jkun disponibbli għall-pubbliku biż-żewġ mezzi li ġejjin:
(a)sit web tal-Kummissjoni;
(b)sit web tal-Istat Membru, tar-reġjun u/jew tal-awtoritajiet rilevanti kkonċernati.
Artikolu 29
Network ta’ Reġjuni Ewropej ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi
1.Għandu jiġi stabbilit Network ta’ Reġjuni Ewropej ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi (“in-Network”).
2.In-Network għandu jorganizza l-ħidma tiegħu b’mod awtonomu. Dan jista’ jistabbilixxi l-metodi tal-ħidma tiegħu stess, inkluż l-organizzazzjoni tal- laqgħat, id-deżinjazzjoni ta’ President b’mod rotazzjonali fost ir-reġjuni parteċipanti, u l-adozzjoni ta’ arranġamenti informali li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni.
3.In-network għandu jlaqqa’ flimkien reġjuni li jkunu ngħataw it-tikketta ta’ Reġjun Ewropew ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi skont l-Artikolu 26.
4.L-għanijiet tan-Network għandhom jinkludu dawn li ġejjin:
(a)jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aqwa prattiki fost ir-Reġjuni Ewropej ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi;
(b)jippromwovi n-Network u l-attivitajiet tiegħu fost ir-reġjuni membri u mhux membri b’tixrid tal-għarfien u attivitajiet tal-komunikazzjoni u tad-disseminazzjoni li jżidu l-viżibbiltà u l-parteċipazzjoni.
(c)jippromwovi sinerġiji u komplementarjetajiet bejn l-ekosistemi reġjonali tas-semikondutturi madwar l-Unjoni, inkluż f’segmenti differenti tal-katina tal-valur tas-semikondutturi;
(d)iżid il-viżibbiltà u l-attraenza tar-Reġjuni Ewropej ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi għal investimenti privati u sħubijiet internazzjonali.
5.Il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita l-funzjonament tan-Network u tista’ torganizza laqgħat, sessjonijiet ta’ ħidma jew attivitajiet oħra biex tappoġġa l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni fost ir-reġjuni parteċipanti.
Taqsima 4
Reżiljenza fil-ktajjen tal-provvista
Artikolu 30
Akkwist pubbliku
1.Għall-proċeduri tal-akkwist li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2024/23/UE, 2014/24/UE jew 2014/25/UE u mnedija fil-[OP please insert date one year after entry into force] jew wara, b’rabta ma’ infrastrutturi, tagħmir jew sistemi f’setturi ta’ kritikalità għolja, kif elenkati fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2022/2555, u f’setturi kritiċi oħra, kif elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jistgħu jeżiġu li l-operaturi ekonomiċi jissottomettu, flimkien mad-dokumenti tal-offerta tagħhom, dikjarazzjoni tas-sigurtà tal-provvista b’rabta mal-issorsjar tas-semikondutturi inkorporati fl-infrastrutturi, fit-tagħmir jew fis-sistemi koperti mill-kuntratt.
2.Id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
(a)ħarsa ġenerali lejn l-impriżi involuti fil-provvista tas-semikondutturi inkorporati fil-prodott, inkluż il-proporzjon tal-impriżi domestiċi;
(b)il-valur miżjud tal-Unjoni, kif juri l-kontribut tal-offerta biex tissaħħaħ il-katina tal-provvista Ewropea tas-semikondutturi, bħall-inklużjoni ta’ inizjattivi li jkunu l-ewwel inizjattivi tat-tip tagħhom u ta’ proġetti strateġiċi bħala fornituri;
(c)l-istrateġija tar-reżiljenza u d-diversifikazzjoni tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi tal-offerent, bħall-istrateġija tal-offerent għall-issorsjar ta’ provvisti doppji, inkluż, meta fattibbli u xieraq, l-inklużjoni ta’ mqar impriża domestika waħda;
(d)meta applikabbli, kull rakkomandazzjoni jew obbligu msemmi fl-Artikolu 31;
(e)meta applikabbli, il-valutazzjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-provvista mwettqa f’konformità mal-Artikolu 32.
3.Meta tkun meħtieġa dikjarazzjoni dwar is-sigurtà tal-provvista mingħand l-operaturi ekonomiċi, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jistgħu jispeċifikaw, fid-dokumenti tal-akkwist, ir-rekwiżiti relatati mas-sigurtà tal-provvista relatati mal-issorsjar tas-semikondutturi inkorporati fl-infrastrutturi, fit-tagħmir jew fis-sistemi koperti mill-kuntratt tal-akkwist pubbliku. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jistgħu jinkludu speċifikazzjonijiet tekniċi, kriterji tal-għażla, kriterji għall-aġġudikazzjoni jew klawżoli dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
4.Ir-rekwiżiti meħuda skont il-paragrafu 3 għandhom ikunu:
(a)marbuta mas-suġġett tal-kuntratt;
(b)ma jagħtux libertà tal-għażla mingħajr restrizzjonijiet lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontraenti;
(c)stabbiliti espressament fid-dokumenti tal-akkwist jew fl-avviż dwar kuntratt;
(d)anċillari u mhux deċiżivi fl-aġġudikazzjoni tal-kuntratt;
(e)imfassla f’konformità mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni.
5.L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jinnotifikaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħhom skont l-Artikolu 48 ta’ dan ir-Regolament bil-lista tal-impriżi domestiċi identifikati fid-dikjarazzjonijiet tas-sigurtà tal-provvista maħruġa mill-operaturi ekonomiċi.
6.L-awtorità nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 48 ta’ dan ir-Regolament għandha tiġbor lista verifikata tal-impriżi domestiċi kollha identifikati fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku fl-Istat Membru. Il-listi jistgħu jiġu skambjati parzjalment jew kompletament bejn l-Istati Membri skont ir-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità neċessarji, skont l-Artikolu 50.
Artikolu 31
Azzjonijiet ulterjuri dwar l-akkwist pubbliku
1.Meta l-Kummissjoni tidentifika riskju potenzjali għall-katina tal-provvista fil-kuntest tal-monitoraġġ imwettaq skont l-Artikolu 35, din tista’, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti rigward il-provvista tas-semikondutturi minn impriżi domestiċi għall-proċeduri tal-akkwist imsemmija fl-Artikolu 30(1).
2.Meta l-Kummissjoni tistabbilixxi li r-riskji tal-katina tal-provvista kif identifikati fil-paragrafu 1 jippersistu, din tista’, wara li tikkonsulta mal-Bord Ewropew tas-semikondutturi u fir-rigward tal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità, tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tispeċifika għal liema infrastrutturi, tagħmir jew sistemi speċifiċi kif imsemmi fl-Artikolu 30 l-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti għandhom jeżiġu dikjarazzjoni tas-sigurtà tal-provvista mingħand l-operaturi ekonomiċi.
3.L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-rekwiżiti previsti mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu meta tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)il-prodotti jew is-servizzi meħtieġa jkunu jistgħu jiġu fornuti biss minn operaturi ekonomiċi speċifiċi u ma tkun teżisti l-ebda alternattiva jew sostitut raġonevoli, u n-nuqqas ta’ kompetizzjoni ma jkunx minħabba tnaqqis artifiċjali tal-parametri tal-proċedura tal-akkwist;
(b)ma tkun ġiet sottomessa l-ebda offerta xierqa jew l-ebda talba xierqa għal parteċipazzjoni, inkluż bi tweġiba għal proċedura tal-akkwist preċedenti simili mnedija mill-istess awtorità kontraenti jew entità kontraenti fis-sentejn ta’ qabel il-bidu tal-proċedura tal-akkwist il-ġdida ppjanata;
(c)meta jitqiesu l-elementi ddikjarati f’konformità mal-Artikolu 31, il-paragrafu 2, il-punt (d), awtorità kontraenti jew entità kontraenti jkun jeħtiġilha takkwista prodotti, servizzi jew xogħlijiet li jkollhom kostijiet sproporzjonati jew li jwasslu għal inkompatibbiltà teknika fit-tħaddim u fil-manutenzjoni tagħhom.
(d)Għall-finijiet tal-punt (c), id-differenzi fil-kostijiet stmati li jaqbżu l-25% tal-valur tal-offerta, abbażi ta’ data oġġettiva u trasparenti, jistgħu jiġu preżunti li huma sproporzjonati mill-awtoritajiet kontraenti u mill-entitajiet kontraenti;
Artikolu 32
Setturi suxxettibbli għar-riskju
1.Wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, u abbażi ta’ evidenza tar-riskji tal-katina tal-provvista, il-Kummissjoni tista’ tidentifika settur wieħed jew aktar minn fost dawk elenkati fl-Anness V jew fl-Anness VI, jew is-subsetturi tagħhom, bħala setturi suxxettibbli għar-riskju permezz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.
2.Il-Kummissjoni tista’ toħroġ gwida metodoloġika dwar kif għandhom isiru l-valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà tal-provvista u tirrakkomanda miżuri tal-mitigazzjoni possibbli għal dawk is-setturi identifikati bħala setturi suxxettibbli għar-riskju. Din il-gwida għandha tindirizza l-elementi li ġejjin:
(a)strateġija għall-issorsjar ta’ provvista doppji, inkluż imqar mingħand impriża domestika waħda;
(b)l-immeppjar tal-katina tal-provvista upstream u downstream;
(c)analiżi tal-vulnerabbiltà u s-sensittività għal interruzzjonijiet fil-provvista.
3.Il-valutazzjonijiet tar-riskju għas-sigurtà tal-provvista msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jitolbuhom l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti fil-proċeduri tal-akkwist kif imsemmi fl-Artikolu 30(1).
4.Jekk, wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri tal-mitigazzjoni rakkomandati kif imsemmi fil-paragrafu 2 u li hemm bżonn biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista ta’ semikondutturi jew ta’ prodotti li jintegraw is-semikondutturi ma jittiħdux b’mod adegwat mis-settur identifikat bħala settur suxxettibbli għar-riskju, din tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni dwar miżuri speċifiċi tal-mitigazzjoni tar-riskju li s-setturi jew is-subsetturi għandhom jieħdu għal prodotti semikondutturi speċifikati, jiġifieri miżuri tal-mitigazzjoni relatati ma’:
(a)it-twettiq ta’ valutazzjoni tar-riskju;
(b)l-akkwist tas-semikondutturi;
(c)l-issorsjar ta’ provvista doppji;
(d)l-akkumular ta’ riżervi;
(e)id-diversifikazzjoni tal-provvista tas-semikondutturi jew ta’ komponenti relatati.
5.Wara l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-paragrafu 4, il-Kummissjoni, abbażi tal-evidenza tar-riskji identifikati tal-katina tal-provvista li jkunu ġew indirizzati u wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, tista’ tirrevoka d-deżinjazzjoni ta’ settur suxxettibbli għar-riskju.
6.Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-valutazzjonijiet tagħha mwettqa f’konformità ma’ dan l-Artikolu fuq evidenza, inkluż informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, informazzjoni miġbura b’talbiet għall-informazzjoni skont l-Artikolu 38, jew l-eżistenza ta’ interruzzjonijiet ripetuti fil-katina tal-provvista.
Kapitolu IV
Monitoraġġ u rispons għall-kriżijiet
Taqsima 1
Monitoraġġ
Artikolu 33
Immeppjar strateġiku tas-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni
1.Il-Kummissjoni għandha twettaq immeppjar strateġiku tas-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni b’kooperazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. L-immeppjar strateġiku għandu jipprovdi analiżi tal-preġji u d-dgħjufijiet tal-Unjoni fis-settur dinji tas-semikondutturi u jidentifika fatturi bħal:
(a)il-prodotti ewlenin u l-infrastrutturi kritiċi fis-swieq interni li jiddependu fuq il-provvista tas-semikondutturi;
(b)l-industriji tal-utenti ewlenin fl-Unjoni u l-ħtiġijiet u d-dipendenzi attwali u mistennija tagħhom, inkluż analiżi tar-riskji possibbli għas-sigurtà tal-provvista marbuta wkoll ma’ nuqqas ta’ investiment biżżejjed;
(c)is-segmenti ewlenin tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi tal-Unjoni, inkluż id-disinn, is-software għad-disinn, il-materjali, it-tagħmir għall-manifattura, il-manifattura tas-semikondutturi, u l-manifattura back-end esternalizzata;
(d)il-karatteristiċi teknoloġiċi, id-dipendenzi fuq teknoloġija u fornituri ta’ pajjiżi terzi, u l-konġestjonijiet tas-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni, inkluż l-aċċess għall-inputs;
(e)il-ħtiġijiet attwali u mistennija tal-ħiliet, u aċċess effettiv għal forza tax-xogħol kwalifikata fis-settur tas-semikondutturi;
(f)meta xieraq, l-impatt potenzjali tal-miżuri ta’ kriżi msemmija fl-Artikoli 41, 42 u 43 fuq is-settur tas-semikondutturi.
2.Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi dwar ir-riżultati aggregati tal-immeppjar strateġiku b’mod regolari.
3.Il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-eżitu tal-immeppjar strateġiku mwettaq skont il-paragrafu 1 u wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, tiżviluppa lista ta’ indikaturi tat-twissija bikrija. Wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-lista tal-indikaturi tat-twissija bikrija b’mod regolari.
4.Wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa qafas u metodoloġija għal immeppjar strateġiku tas-settur tas-semikondutturi. Il-Kummissjoni għandha taġġorna l-qafas u l-metodoloġija, meta meħtieġ.
5.L-immeppjar strateġiku għandu jkun ibbażat, b’mod partikolari, fuq data disponibbli pubblikament u kummerċjalment u fuq informazzjoni mhux kunfidenzjali rilevanti mingħand l-impriżi, ir-riżultat ta’ analiżi simili mwettqa, kif ukoll l-evalwazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 57(1). Meta dan ma jkunx biżżejjed biex jiġi żviluppat l-immeppjar strateġiku skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ toħroġ talbiet volontarji għall-informazzjoni lill-atturi fil-katina tal-valur tas-semikondutturi fl-Unjoni, wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Il-Kummissjoni għandha tuża l-mezzi standardizzati u siguri għall-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 50, għall-finijiet ta’ tali talbiet għall-informazzjoni.
6.Kull informazzjoni miksuba skont dan l-Artiklu għandha tiġi trattata f’konformità mal-obbligi tal-kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 50.
7.Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, tadotta gwida għall-għoti tal-informazzjoni skont il-paragrafu 5. Il-Kummissjoni għandha taġġorna dik il-gwida, meta meħtieġ.
Artikolu 34
Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju
1.Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-istabbiliment tal-Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju (“il-Pjattaforma”), li għandha taġixxi bħala tewmi diġitali tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi biex issaħħaħ it-trasparenza u r-reżiljenza tagħha. Il-Pjattaforma għandha mqar:
(a)tiġbor informazzjoni dwar is-suq u data aggregata biex isservi bħala osservatorju tas-suq tas-semikondutturi;
(b)tiġbor data mingħand l-impriżi parteċipanti b’format interoperabbli;
(c)tipprovdi lill-impriżi parteċipanti informazzjoni intwittiva aggregata dwar ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi tul il-katina tal-valur tas-semikondutturi, mingħajr ma dik l-informazzjoni intwittiva tkun attribwibbli għal kumpaniji individwali;
(d)tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ impriżi li joperaw tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi u l-utenti tas-semikondutturi, b’mod partikolari fis-setturi msemmija fl-Anness VI;
(e)tkun kapaċi twettaq testijiet tal-istress tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi;
(f)toħroġ twissijiet bikrija u gwida għal miżuri proattivi lill-impriżi parteċipanti biex ineħħu riskji mill-katina tal-provvista tas-semikondutturi tagħhom;
(g)tiżviluppa indikaturi biex tivvaluta r-reżiljenza tal-katina tal-provvista Ewropea tas-semikondutturi u tippreżentahom bħala dashboard;
(h)toffri ambjent għal ipproċessar sigur.
2.Il-parteċipazzjoni fil-Pjattaforma għandha tkun miftuħa għall-impriżi domestiċi biss.
3.Ir-rappreżentant legali tal-Pjattaforma għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar l-interruzzjonijiet attwali jew antiċipati fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi mingħajr dewmien.
Artikolu 35
Monitoraġġ u antiċipazzjoni
1.B’konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ regolari tal-katina tal-valur tas-semikondutturi biex tidentifika fatturi li jistgħu jfixklu, jikkompromettu jew jaffettwaw ħażin lill-provvista tas-semikondutturi jew il-kummerċ tas-semikondutturi. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-monitoraġġ għandu jikkonsisti fl-attivitajiet li ġejjin:
(a)il-monitoraġġ tal-indikaturi tat-twissija bikrija identifikati skont l-Artikolu 33;
(b)il-monitoraġġ mill-Istati Membri tal-integrità tal-attivitajiet imwettqa mill-atturi ewlenin tas-suq identifikati skont l-Artikolu 36 u r-rappurtar mill-Istati Membri tal-avvenimenti kbar li jistgħu jfixklu l-operazzjonijiet regolari ta’ dawk l-attivitajiet;
(c)l-identifikazzjoni tal-aqwa prattiki għal mitigazzjoni preventiva tar-riskji u għal aktar trasparenza fis-settur tas-semikondutturi.
Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, għandha tiddefinixxi l-frekwenza tal-monitoraġġ abbażi tal-ħtiġijiet tas-settur tas-semikondutturi.
Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-attivitajiet relatati mal-monitoraġġ tas-settur tas-semikondutturi, abbażi tal-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 33, l-Artikolu 34(3) jew mingħand sorsi oħra, bħal sħab internazzjonali.
2.Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-atturi ewlenin tas-suq, sett rappreżentattiv ta’ utenti tas-semikondutturi mis-setturi kritiċi, organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-katina tal-valur tas-semikondutturi u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex b’mod volontarju jipprovdu informazzjoni għall-fini tat-twettiq tal-attivitajiet tal-monitoraġġ f’konformità mal-paragrafu 1, il-punt (a).
Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-SMEs u lill-SMCs biex tnaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv tal-ġbir tal-informazzjoni.
3.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), l-Istati Membri jistgħu jitolbu informazzjoni b’mod volontarju mingħand atturi ewlenin tas-suq, meta meħtieġ u proporzjonat.
4.Għall-finijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, maħtura f’konformità mal-Artikolu 48, għandhom jistabbilixxu u jżommu lista tal-kuntatti tal-impriżi rilevanti kollha li joperaw tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi stabbiliti fit-territorju tagħhom. Dik il-lista għandha tintbagħat lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi format standardizzat għal-lista tal-kuntatti biex tiżgura l-interoperabbiltà.
5.Kwalunkwe informazzjoni miksuba skont dan l-Artikolu għandha tiġi trattata f’konformità mal-Artikolu 50.
6.Abbażi tal-informazzjoni miġbura waqt l-attivitajiet skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport tas-sejbiet aggregati lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi fil-forma ta’ aġġornamenti regolari. Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jiltaqa’ biex jivvaluta r-riżultati tal-monitoraġġ. Il-Kummissjoni għandha tistieden lil organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-settur tas-semikondutturi għal dawk il-laqgħat. Meta rilevanti, il-Kummissjoni tista’ tistieden atturi ewlenin tas-suq, utenti tas-semikondutturi mis-setturi kritiċi, awtoritajiet jew organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ pajjiżi terzi sħab, u esperti mill-akkademja u s-soċjetà ċivili għal dawk il-laqgħat.
Artikolu 36
Atturi ewlenin tas-suq
B’kooperazzjoni mal-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 35, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-atturi ewlenin tas-suq tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi stabbiliti fit-territorju tagħhom, filwaqt li jqisu l-elementi li ġejjin:
(a)l-għadd ta’ impriżi tal-Unjoni li jiddependu fuq is-servizz jew fuq il-prodott ipprovdut minn attur tas-suq;
(b)is-sehem mis-suq tal-Unjoni jew dinji ta’ attur tas-suq fis-suq ta’ dawk is-servizzi jew il-prodotti;
(c)l-importanza ta’ attur tas-suq biex jinżamm livell biżżejjed ta’ provvista ta’ servizz jew ta’ prodott fl-Unjoni, filwaqt li titqies id-disponibbiltà ta’ mezzi alternattivi għall-forniment ta’ dak is-servizz jew ta’ dak il-prodott;
(d)l-impatt li interruzzjoni fil-provvista tas-servizz jew tal-prodott ipprovdut mill-attur tas-suq jista’ jkollha fuq il-katina tal-provvista tas-semikondutturi u fuq is-swieq dipendenti tal-Unjoni.
Taqsima 2
Twissijiet u attivazzjoni tal-fażi tal-kriżi
Artikolu 37
Twissijiet u azzjoni preventiva
1.Meta awtorità nazzjonali kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 48 issir konxja ta’ riskju ta’ interruzzjoni serja fil-provvista tas-semikondutturi jew ikollha informazzjoni konkreta u affidabbli dwar il-materjalizzazzjoni ta’ xi fattur tar-riskju jew avveniment rilevanti ieħor, din għandha twissi lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.
2.Meta l-Kummissjoni ssir taf b’riskju ta’ interruzzjoni serja fil-provvista tas-semikondutturi jew ikollha informazzjoni konkreta u affidabbli li ser jimmaterjalizza xi fattur tar-riskju jew avveniment rilevanti ieħor, inkluż abbażi ta’ indikaturi tat-twissija bikrija, wara twissija skont il-paragrafu 1 jew minn sħab internazzjonali, din għandha twettaq l-azzjonijiet preventivi li ġejjin mingħajr dewmien:
(a)issejjaħ laqgħa straordinarja tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi biex tikkoordina l-azzjonijiet li ġejjin:
(i)diskussjoni dwar is-severità tal-interruzzjoni fil-provvista tas-semikondutturi;
(ii)diskussjoni dwar jekk il-bidu tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 39 jistax ikun meħtieġ u proporzjonat;
(iii)diskussjoni dwar jekk ikunx xieraq, meħtieġ u proporzjonat għall-Istati Membri li jixtru s-semikondutturi u l-prodotti intermedji tal-materja prima b’mod konġunt bħala miżura preventiva (akkwist konġunt);
(iv)jinbeda djalogu mal-partijiet ikkonċernati tal-katina tal-valur tas-semikondutturi biex jiġu identifikati, jitħejjew u possibbilment jiġu kkoordinati miżuri preventivi;
(v)jingħataw pariri lill-Kummissjoni dwar jekk għandhiex toħroġ talba għall-informazzjoni lill-Pjattaforma skont l-Artikolu 38.
(b)f’isem l-Unjoni, tibda konsultazzjonijiet jew kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rilevanti biex issib soluzzjonijiet kooperattivi ħalli ssewwi interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista skont l-obbligi internazzjonali, u dawn jistgħu jinvolvu, meta xieraq, it-twettiq ta’ koordinazzjoni fil-fora internazzjonali rilevanti;
(c)titlob lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 48 jivvalutaw it-tħejjija tal-atturi ewlenin tas-suq.
3.Kull akkwist konġunt imwettaq wara d-diskussjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a)(iii), għandu jsir mill-Istati Membri f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 38 u 39 tad-Direttiva 2014/24/UE u fl-Artikoli 56 u 57 tad-Direttiva 2014/25/UE.
Artikolu 38
Ġbir preventiv tal-informazzjoni
1.Il-Kummissjoni tista’ toħroġ talbiet għall-informazzjoni biex tivvaluta r-riskju ta’ interruzzjoni serja fil-provvista tas-semikondutturi, lill-Pjattaforma jew lil impriżi individwali li joperaw tul il-katina tal-valur tas-semikondutturi li jipprovdu servizzi fl-Unjoni jew joffru prodotti fis-suq tal-Unjoni, jekk ma jkunux parteċipanti fil-Pjattaforma, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi fil-laqgħa straordinarja msemmija fl-Artikolu 37(2), il-punt (a).
2.Qabel tniedi talba għall-informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ twettaq konsultazzjoni volontarja ma’ għadd rappreżentattiv ta’ impriżi rilevanti biex tidentifika l-kontenut xieraq u proporzjonat ta’ dik it-talba.
3.Talba għall-informazzjoni lil impriża individwali għandha tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tat-talba, tkun limitata għal dak meħtieġ, u tkun proporzjonata mil-lat ta’ volum tad-data u frekwenza tal-aċċess għad-data mitluba. Għandha tistabbilixxi perjodu li matulu għandha tingħata l-informazzjoni, u l-penali possibbli għall-għoti ta’ informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa skont l-Artikolu 51. Id-data għandha tiġi anonimizzata u aggregata kif xieraq. Meta impriża tal-Unjoni tkun soġġetta għal talba għall-informazzjoni skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tinforma b’dik it-talba lill-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-impriża individwali.
4.Talba għall-informazzjoni lir-rappreżentant legali tal-Pjattaforma għandha tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tagħha, tkun limitata għal dak meħtieġ, u tkun proporzjonata mil-lat ta’ volum tad-data u frekwenza tal-aċċess għad-data mitluba, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet leġittimi tal-Pjattaforma. Din għandha tistabbilixxi l-limitu taż-żmien sa meta għandha tingħata l-informazzjoni, u tkun tinkludi informazzjoni dwar il-penali possibbli skont l-Artikolu 51.
5.Is-sidien tal-impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ tal-persuni ġuridiċi jew l-assoċjazzjonijiet li ma jkollhomx personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom skont il-liġi jew skont il-kostituzzjoni tagħhom għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba f’isem l-impriża jew l-assoċjazzjoni tal-impriżi kkonċernati.
6.Il-Kummissjoni għandha tippreżenta informazzjoni aggregata mit-tweġibiet tat-talbiet għall-informazzjoni lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi.
7.Ir-rappreżentant legali tal-Pjattaforma m’għandu jwieġeb l-ebda talba għall-informazzjoni li ma tinħariġx mill-Kummissjoni, sakemm ma jkollux obbligu legali li jagħmel dan f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali.
8.Kull informazzjoni miksuba skont dan l-Artikolu għandha tiġi trattata f’konformità mal-Artikolu 50.
Artikolu 39
Tiskatta l-fażi tal-kriżi
1.Kriżi tas-semikondutturi għandha titqies li tiġri meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)ikun hemm interruzzjonijiet serji fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi jew ostakli serji fil-kummerċ tas-semikondutturi fl-Unjoni li jikkawżaw skarsezzi sinifikanti tas-semikondutturi, tal-prodotti intermedji jew tal-materja prima jew ipproċessata;
(b)tali skarsezzi sinifikanti jwaqqfu l-forniment, it-tiswija jew il-manutenzjoni ta’ prodotti essenzjali użati minn setturi kritiċi sal-punt li jkollhom effett detrimentali serju fuq il-funzjonament tas-setturi kritiċi minħabba l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà, fuq l-ekonomija u fuq is-sigurtà tal-Unjoni.
2.Meta l-Kummissjoni ssir konxja ta’ kriżi potenzjali tas-semikondutturi skont l-Artikolu 37(2), din għandha tivvaluta jekk ikunux qed jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dik il-valutazzjoni għandha tqis l-impatti u l-konsegwenzi pożittivi u negattivi potenzjali tal-fażi tal-kriżi fuq l-industrija tas-semikondutturi u fuq is-setturi kritiċi tal-Unjoni. Meta dik il-valutazzjoni tipprovdi evidenza konkreta u affidabbli, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, tipproponi lill-Kunsill biex jiskatta l-fażi tal-kriżi.
3.Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiskatta l-fażi tal-kriżi b’att ta’ implimentazzjoni. It-tul tal-fażi tal-kriżi għandu jiġi speċifikat fl-att ta’ implimentazzjoni u ma jkunx iżjed minn 12-il xahar.
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta b’mod regolari u fi kwalunkwe każ mill-inqas kull tliet xhur lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u lill-Parlament Ewropew dwar l-istat tal-kriżi.
4.Qabel jiskadi l-perjodu tal-fażi tal-kriżi skattata, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk mhux xieraq li tiġi estiża l-fażi tal-kriżi. Meta tali valutazzjoni tipprovdi evidenza konkreta u affidabbli li l-kondizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-kriżi jkun għadhom issodisfati, u wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill biex itawwal il-fażi tal-kriżi.
Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jtawwal il-fażi tal-kriżi b’att ta’ implimentazzjoni. It-tul tal-estensjoni għandu jkun limitat u speċifikat f’dak l-att ta’ implimentazzjoni.
Il-Kummissjoni tista’ tipproponi li ttawwal il-fażi tal-kriżi darba waħda jew b’mod aktar frekwenti meta jkun debitament ġustifikat.
5.Tul il-fażi tal-kriżi, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, tivvaluta l-adegwatezza ta’ terminazzjoni bikrija tal-fażi tal-kriżi. Jekk il-valutazzjoni tindika hekk, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill biex itemm il-fażi tal-kriżi.
Il-Kunsill jista’ jtemm il-fażi tal-kriżi b’att ta’ implimentazzjoni.
6.Tul il-fażi ta’ kriżi, il-Kummissjoni għandha, meta tintalab minn Stat Membru jew b’izjattiva tagħha stess, tlaqqa’ laqgħat straordinarji tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi kif meħtieġ.
L-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni, jinfurmaw fil-ħin lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi dwar kull miżura nazzjonali li jieħdu fir-rigward tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi, u jikkoordinaw dawk il-miżuri.
7.Malli jgħaddi l-perjodu tal-fażi tal-kriżi jew meta ssir terminazzjoni bikrija skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, il-miżuri meħuda f’konformità mal-Artikoli 41, 42 u 43 għandhom jieqfu japplikaw minnufih.
8.Il-Kummissjoni għandha taġġorna l-immeppjar u l-monitoraġġ tal-ktajjen tal-valur tas-semikondutturi skont l-Artikoli 33 u 35 filwaqt li tqis l-esperjenza mill-kriżi, fi żmien sitt xhur minn meta tiskadi l-fażi tal-kriżi.
Taqsima 3
Rispons għall-iskarsezzi
Artikolu 40
Sett ta’ għodod ta’ emerġenza
1.Meta tiskatta l-fażi tal-kriżi skont l-Artikolu 39 u, meta meħtieġ, biex tiġi indirizzata kriżi tas-semikondutturi fl-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżura prevista fl-Artikoli 41, 42 u 43, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom.
2.Wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, il-Kummissjoni għandha tillimita l-applikazzjoni tal-miżuri previsti mill-Artikoli 42 u 43 għas-setturi kritiċi li t-tħaddim tagħhom jiġi disturbat jew ikun mhedded li jiġi disturbat minħabba l-kriżi tas-semikondutturi. L-użu tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun proporzjonat u ristrett għal dak meħtieġ biex jissewwew interruzzjonijiet serji li jaffettwaw lil setturi kritiċi fl-Unjoni, u jrid ikun fl-aqwa interess tal-Unjoni. L-użu ta’ dawk il-miżuri għandu jevita li jixteħet piż amministrattiv sproporzjonat b’mod partikolari fuq l-SMEs u l-SMCs.
3.Meta tiskatta l-fażi tal-kriżi skont l-Artikolu 39 u, meta xieraq, biex tiġi indirizzata kriżi tas-semikondutturi fl-Unjoni, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jista’:
(a)jivvaluta u jagħti pariri dwar miżuri ta’ emerġenza xierqa u effettivi;
(b)jivvaluta l-impatt mistenni tal-impożizzjoni possibbli ta’ miżuri protettivi fuq is-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni, filwaqt li tqis jekk is-sitwazzjoni tas-suq tikkorrispondix għal skarsezza sinifikanti ta’ prodott essenzjali skont ir-Regolament (UE) 2015/479 u jagħti opinjoni lill-Kummissjoni.
4.Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kull miżura meħuda f’konformità mal-paragrafu 1 u tispjega r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.
5.Il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, toħroġ gwida dwar l-implimentazzjoni u l-użu tal-miżuri ta’ emerġenza.
Artikolu 41
Ġbir ta’ informazzjoni fil-fażi tal-kriżi
1.Meta tiskatta fażi tal-kriżi skont l-Artikolu 39, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-impriżi kollha li joperaw tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kapaċitajiet potenzjali tal-produzzjoni, il-kapaċitajiet tal-produzzjoni u l-interruzzjonijiet primarji attwali tagħhom. L-informazzjoni mitluba għandha tkun limitata għal dak meħtieġ biex tiġi vvalutata n-natura tal-kriżi tas-semikondutturi jew biex jiġi identifikati u vvalutati miżuri potenzjali tal-mitigazzjoni jew ta’ emerġenza fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali. It-talbiet għall-informazzjoni m’għandhomx jinvolvu l-għoti ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħha jkun imur kontra l-interessi tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri.
2.Qabel tniedi talba għall-informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ twettaq konsultazzjoni volontarja ma’ għadd rappreżentattiv ta’ impriżi rilevanti biexi tidentifika l-kontenut xieraq u proporzjonat ta’ talba bħal dik. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa t-talba għall-informazzjoni b’kooperazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi.
3.Il-Kummissjoni għandha tuża mezzi siguri u tittratta kull informazzjoni miksuba f’konformità mal-Artikolu 50 biex tniedi t-talba għall-informazzjoni. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 48 għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-lista tal-kuntatti stabbilita skont l-Artikolu 35(4).
Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tibgħat kopja tat-talba għall-informazzjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 48 tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab is-sit tal-produzzjoni tal-impriża indirizzata. Jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti titlob dan, il-Kummissjoni għandha tibgħat l-informazzjoni miksuba mingħand l-impriża rilevanti f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.
4.It-talba għall-informazzjoni għandha tiddikjara l-bażi legali tagħha, tkun limitata għal dak meħtieġ, u tkun proporzjonata mil-lat ta’ granularità u volum tad-data u frekwenza tal-aċċess għad-data mitluba, tqis l-għanijiet leġittimi tal-impriża u l-kost u l-isforz meħtieġa biex id-data ssir disponibbli, u tistabbilixxi l-limitu taż-żmien sa meta għandha tingħata l-informazzjoni. Għandha tiddikjara wkoll il-penali previsti fl-Artikolu 51.
5.Is-sidien tal-impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet li ma jkollhomx personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom skont il-liġi jew skont il-kostituzzjoni tagħhom għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba f’isem l-impriża jew l-assoċjazzjoni tal-impriżi kkonċernati.
6.Jekk impriża tipprovdi informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa bi tweġiba għal talba magħmula skont dan l-Artikolu, jew ma tipprovdix l-informazzjoni saż-żmien stipulat, din għandha tkun soġġetta għal multi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 51, ħlief meta l-impriża jkollha raġunijiet biżżejjed biex ma tipprovdix l-informazzjoni mitluba.
7.Jekk impriża tal-Unjoni jew sussidjarja proprjetà ta’ dik l-impriża u kkontrollata minnha tkun soġġetta għal talba għall-informazzjoni mingħand pajjiż terz relatata mal-attivitajiet tagħha fil-qasam tas-semikondutturi, din għandha tikkondividi mal-Kummissjoni mingħajr dewmien l-informazzjoni mitluba mill-pajjiż terz u pprovduta lilu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi fuq l-eżistenza ta’ tali talba mingħand pajjiż terz u fuq l-informazzjoni kondiviża mill-impriża.
Artikolu 42
Ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità
1.Meta tiskatta l-fażi tal-kriżi skont l-Artikolu 39, il-Kummissjoni tista’ teżiġi li inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u proġetti strateġiċi jaċċettaw u jipprijoritizzaw ordni ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet (ordni kklassifikata bħala prijorità). Dak l-obbligu għandu jieħu preċedenza fuq kull obbligu ta’ prestazzjoni skont il-liġi privata jew pubblika.
2.Meta applikabbli, l-obbligu skont il-paragrafu 1 jista’ jiġi impost fuq impriżi oħra tas-semikondutturi li jkunu aċċettaw dik il-possibbiltà talli jirċievu xi appoġġ pubbliku.
3.Meta impriża tas-semikondutturi stabbilita fl-Unjoni tkun soġġetta għal miżura ta’ ordni kklassifikata bħala prijorità ta’ pajjiż terz, din għandha tinforma lill-Kummissjoni. Jekk dak l-obbligu jkollu impatt sinifikanti fuq it-tħaddim ta’ ċerti setturi kritiċi, il-Kummissjoni tista’ teżiġi li dik l-impriża, meta meħtieġ u proporzjonat, taċċetta u tipprijoritizza ordnijiet ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet f’konformità mal-paragrafi 5, 6, u 7.
4.L-ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità għandhom ikunu ristretti għall-benefiċjarji li jkunu utenti tas-semikondutturi minn setturi kritiċi jew impriżi li jfornu lil setturi kritiċi li l-attivitajiet tagħhom jitfixklu jew ikunu f’riskju li jitfixklu u li, wara li jkunu implimentaw miżuri xierqa tal-mitigazzjoni tar-riskju, ma setgħux jevitaw l-iskarsezza u jtaffu l-impatt tal-iskarsezza. Il-Kummissjoni tista’ titlob lil benefiċjarju biex jissottometti evidenza xierqa ta’ din.
5.L-obbligi skont il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu promulgati bħala miżura tal-aħħar istanza mill-Kummissjoni permezz ta’ deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta dik id-deċiżjoni wara li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u f’konformità mal-obbligi legali applikabbli kollha tal-Unjoni, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanza tal-każ, inkluż il-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità. Id-deċiżjoni għandha, b’mod partikolari, tqis l-għanijiet leġittimi tal-impriża kkonċernata u l-kost, l-isforz u l-aġġustamenti tekniċi meħtieġa għal kull bidla fis-sekwenza tal-produzzjoni. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi legali tal-ordni klassifikata bħala prijorità, tistabbilixxi l-limitu taż-żmien sakemm għandha titwettaq l-ordni u, meta applikabbli, tispeċifika l-prodott u l-kwantità u, meta applikabbli, tiddikjara l-penali previsti fl-Artikolu 51 f’każ ta’ nonkonformità ma’ tali obbligu. L-ordni kklassifikata bħala prijorità għandha ssir bi prezz ġust u raġonevoli.
6.Qabel ma toħroġ ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità f’konformità mal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tagħti lir-riċevitur ta’ ordni kklassifikata bħala prijorità l-opportunità ta’ smigħ dwar il-fattibbiltà u d-dettalji tal-ordni. Il-Kummissjoni ma għandhiex toħroġ l-ordni kklassifikata bħala prijorità meta:
(a)l-impriża ma tkunx tista’ twettaq l-ordni kklassifikata bħala prijorità minħabba nuqqas ta’ kapaċità potenzjali tal-produzzjoni jew kapaċità tal-produzzjoni, jew abbażi ta’ raġunijiet tekniċi, anki jekk l-ordni tingħata trattament preferenzjali;
(b)l-aċċettazzjoni tal-ordni tixħet piż ekonomiku mhux raġonevoli u tkun tinvolvi diffikultà partikolari għall-impriża, inkluż riskji sostanzjali relatati mal-kontinwità tal-operat.
7.Meta impriża tkun meħtieġa taċċetta u tipprijoritizza ordni kklassifikata bħala prijorità, din m’għandha tkun responsabbli għall-ebda ksur tal-obbligi kuntrattwali li jkun meħtieġ biex tikkonforma mal-ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità. Ir-responsabbiltà kuntrattwali għandha tiġi eskluża biss sa fejn il-ksur tal-obbligi kuntrattwali kien meħtieġ għall-konformità mal-prijoritizzazzjoni obbligatorja.
8.Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament tal-ordnijiet kklassifikati bħala prijorità. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(6).
Artikolu 43
Xiri komuni
1.Meta tiskatta l-fażi tal-kriżi skont l-Artikolu 39, il-Kummissjoni tista’, meta tintalab minn żewġ Stati Membri jew aktar, taġixxi bħala korp ċentrali tal-akkwist f’isem l-Istati Membri kollha li jixtiequ jipparteċipaw (Stati Membri parteċipanti) fl-akkwist pubbliku biex jixtru prodotti rilevanti għall-kriżijiet għas-setturi kritiċi (xiri komuni). Il-parteċipazzjoni fix-xiri komuni għandha tkun mingħajr preġudizzju għal proċeduri oħra tal-akkwist. It-talba għal xiri komuni għandha tistabbilixxi r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata u għandha tintuża b’mod esklużiv biex issewwi interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi li wasslu għall-kriżi.
2.Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-utilità, in-neċessità u l-proporzjonalità tat-talba, filwaqt li tqis il-fehmiet tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Meta l-Kummissjoni jkun beħsiebha ma ssegwix it-talba, din għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u tagħti r-raġunijiet għar-rifjut tagħha.
3.Il-Kummissjoni għandha tfassal proposta għal ftehim li jrid jiġi ffirmat mill-Istati Membri parteċipanti. Ftehim bħal dak għandu jorganizza fid-dettall ix-xiri komuni msemmi fil-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-użu tal-mekkaniżmi tax-xiri komuni u r-responsabbiltajiet li jridu jintrefgħu, u jkun jistabbilixxi l-mandat għall-Kummissjoni biex taġixxi f’isem l-Istati Membri parteċipanti.
4.L-akkwist skont dan ir-Regolament għandha tagħmlu l-Kummissjoni f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 għall-akkwist tagħha stess. Il-Kummissjoni jista’ jkollha l-abbiltà u r-responsabbiltà, f’isem l-Istati Membri parteċipanti kollha, li tagħmel kuntratti ma’ operaturi ekonomiċi, inkluż ma’ produtturi individwali ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet, għax-xiri ta’ tali prodotti jew dwar il-finanzjament tal-produzzjoni jew l-iżvilupp ta’ tali prodotti bi skambju għal dritt ta’ prijorità għar-riżultat.
5.Meta l-akkwist ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet ikun jinkludi finanzjament mill-baġit tal-Unjoni, jistgħu jiġu stabbiliti kondizzjonijiet speċifiċi fi ftehimiet speċifiċi mal-operaturi ekonomiċi.
6.Il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċeduri tal-akkwist u tikkonkludi l-kuntratti mal-operaturi ekonomiċi f’isem l-Istati Membri parteċipanti. Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri parteċipanti jaħtru rappreżentanti biex jieħdu sehem fit-tħejjija tal-proċeduri tal-akkwist. It-tħejjija għall-varar, l-użu jew l-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti mixtrija għandhom jibqgħu r-responsabbiltà tal-Istati Membri parteċipanti, f’konformità mal-ftehim msemmi fil-paragrafu 3.
7.L-użu tax-xiri komuni skont dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal strumenti oħra previsti fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
Kapitolu V
Governanza
Taqsima 1
Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi
Artikolu 44
Kompti tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi
1.Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jassisti lill-Kummissjoni f’materji tal-politika tal-Unjoni dwar is-semikondutturi, b’mod partikolari billi:
(a)jagħti pariri dwar l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 lill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep;
(b)jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar oqsma teknoloġiċi strateġiċi fil-katina tal-valur tas-semikondutturi;
(c)jagħti pariri lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għal inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u għal proġetti strateġiċi;
(d)jinvolvi ruħu fi djalogu strutturat mal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Alleanza Industrijali għas-Semikondutturi biex tiġi definita strateġija komuni dwar is-semikondutturi;
(e)jaqsam fehmiet mal-Kummissjoni dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Investiment tar-Reġjuni ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi;
(f)jaqsam il-fehmiet tiegħu mal-Kummissjoni dwar l-aqwa modi li jiżguraw, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, il-protezzjoni u l-infurzar effettivi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-informazzjoni kunfidenzjali u s-sigrieti kummerċjali, bl-involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati, fir-rigward tas-settur tas-semikondutturi;
(g)jiddiskuti u jħejji l-identifikazzjoni ta’ setturi u teknoloġiji speċifiċi b’impatt soċjali jew ambjentali potenzjali qawwi, jew b’sinifikanza mil-lat ta’ sigurtà, u li għalhekk jeħtieġu ċertifikazzjoni bħala prodotti ekoloġiċi, fdati u siguri;
(h)jindirizza materji relatati mal-immeppjar strateġiku, mal-monitoraġġ, mat-twissija, u mal-azzjoni preventiva u r-rispons għall-kriżijiet;
(i)jagħti pariri dwar l-għodod tal-fażi ta’ kriżi previsti fl-Artikoli 40 sa 43;
(j)jagħti pariri u rakkomandazzjonijiet fuq l-implimentazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament, u jiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u l-iskambju tal-informazzjoni dwar materji relatati ma’ dan ir-Regolament;
(k)jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar materji ta’ kooperazzjoni internazzjonali b’rabta mas-semikondutturi.
2.Il-Bord għandu jagħti pariri u jinforma lill-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet tal-Istati Membri fis-settur tas-semikondutturi, b’mod partikolari billi jipprovdi aġġornamenti regolari dwar:
(a)il-politiki nazzjonali tagħhom dwar is-semikondutturi;
(b)l-investimenti pubbliċi u privati rilevanti fit-territorju tal-Istat Membru li jirrappreżentaw;
(c)l-impenji internazzjonali, inkluż il-programmi tar-riċerka u l-iżvilupp, tal-innovazzjoni u tal-iskambju tal-ħiliet mal-pajjiżi terzi.
3.Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jiżgura l-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, meta xieraq, mal-istrutturi rilevanti ta’ rispons għall-kriżijiet u tħejjija għall-kriżijiet stabbiliti skont il-liġi tal-Unjoni.
Artikolu 45
L-istruttura tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi
1.Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha. Rappreżentant tal-Kumissjoni għandu jkun il-President tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi.
2.Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant ta’ livell għoli fil-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Meta rilevanti fir-rigward ta’ funzjoni u għarfien espert, Stat Membru jista’ jkollu aktar minn rappreżentant wieħed fir-rigward ta’ kompiti differenti tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Kull membru tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jkollu sostitut. L-Istati Membri biss għandu jkollhom drittijiet tal-vot. Kull Stat Membru għandu jkollu vot wieħed biss irrispettivament min-numru ta’ rappreżentanti li jkollu.
3.Il-President jista’ jistabbilixxi sottogruppi permanenti jew temporanji biex jiġu mistħarrġa kwistjonijiet speċifiċi.
Meta xieraq, il-President għandu jistieden lil organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-katina tal-valur tas-semikondutturi, lill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Alleanza Industrijali għas-Semikondutturi u lil gruppi ta’ ħidma rilevanti tagħha, lil trade unions u lil utenti tas-semikondutturi fil-livell tal-Unjoni biex jipprovdu kontribut għat-tali sottogruppi bħala osservaturi.
Artikolu 46
L-operat tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi
1.Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jkollu laqgħat ordinarji mqar darba fis-sena. Jista’ jkollu laqgħat straordinarji meta jintalab mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, u kif imsemmi fl-Artikoli 37 u 39.
2.Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jkollu laqgħat separati skont il-kompiti tiegħu msemmija fl-Artikolu 44(1).
3.Il-President għandu jsejjaħ il-laqgħat u jħejji l-aġenda, f’konformità mal-kompiti tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi skont dan ir-Regolament u mar-regoli ta’ proċedura tiegħu.
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ amministrattiv u analitiku għall-attivitajiet tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi skont l-Artikolu 44.
4.Meta xieraq, il-President għandu jinvolvi lil organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-settur tas-semikondutturi u għandu jistieden lil esperti b’għarfien espert speċifiku fuq is-suġġett, inkluż minn organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati bħan-Network tar-Reġjuni Ewropej ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi, u jaħtar osservaturi biex jieħdu sehem fil-laqgħat, inkluż wara suġġeriment ta’ xi membri. Il-President jista’ jiffaċilita l-iskambji bejn il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi esperti u konsultattivi oħra tal-Unjoni, inkluż mal-Alleanza Industrijali għas-Semikondutturi. Il-President għandu jiżgura li l-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Alleanza Industrijali għas-Semikondutturi jiġi mistieden jippreżenta aġġornamenti u jiddiskuti aspetti rilevanti tal-approċċ strateġiku Ewropew għas-semikondutturi mqar darba fis-sena.
5.Il-President għandu jistieden rappreżentant tal-Parlament Ewropew bħala osservatur permanenti fil-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, b’mod partikolari għal-laqgħat li jikkonċernaw il-Kapitolu IV dwar il-monitoraġġ u r-rispons għall-kriżijiet. Il-President għandu jiżgura l-parteċipazzjoni ta’ istituzzjonijiet u korpi rilevanti oħra tal-Unjoni bħala osservaturi fil-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi meta jkun hemm laqgħat li jikkonċernaw il-Kapitolu IV dwar il-monitoraġġ u r-rispons għall-kriżijiet.
L-osservaturi u l-esperti m’għandux ikollhom drittijiet tal-vot u m’għandhomx jipparteċipaw fil-formulazzjoni ta’ opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u tas-sottogruppi tiegħu. Meta xieraq, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jista’ jistieden lil dawk l-osservaturi u l-esperti biex jikkontribwixxu bl-informazzjoni u bl-għarfien.
6.Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura trattament u pproċessar sikur tal-informazzjoni kunfidenzjali, f’konformità mal-Artikolu 50.
Artikolu 47
Kooperazzjoni internazzjonali u sħubijiet strateġiċi dwar is-semikondutturi
1.Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar materji relatati mal-kooperazzjoni internazzjonali b’rabta mas-semikondutturi. Għal dak l-għan, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għandu jiddiskuti minn żmien għal żmien dawn li ġejjin:
(a)il-punt sa fejn il-kooperazzjoni internazzjonali tal-Unjoni dwar is-semikondutturi, inkluż is-sħubijiet strateġiċi dwar is-semikondutturi, tikkontribwixxi biex:
–jitjiebu l-indispensabbiltà, ir-reżiljenza u l-prosperità tal-Unjoni;
–titjieb il-kooperazzjoni tul il-katina tal-valur tas-semikondutturi bejn l-Unjoni u s-sħab internazzjonali, inkluż fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni;
–jissewwew l-iskarsezzi u l-ispariġġi tal-għarfien u fil-ħiliet billi jiġi attirat u mobilizzat talent ġdid lejn l-Unjoni u jinżamm fl-Unjoni;
(b)il-konsistenza u s-sinerġiji potenzjali bejn il-kooperazzjoni bilaterali tal-Istati Membri mas-sħab internazzjonali rilevanti, u l-azzjonijiet fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali tagħha dwar is-semikondutturi, inkluż sħubijiet strateġiċi dwar is-semikondutturi;
(c)liema sħab internazzjonali jenħtieġ li jingħataw prijorità għall-konklużjoni ta’ sħubijiet strateġiċi dwar is-semikondutturi, filwaqt li jitqiesu l-kriterji li ġejjin:
–il-kontribut potenzjali għas-sigurtà tal-provvista, l-indispensabbiltà, ir-reżiljenza u l-prosperità, meta jitqiesu l-kapaċitajiet potenzjali ta’ sieħeb fejn jidħlu s-semikondutturi, id-diversifikazzjoni u d-dipendenzi;
–jekk il-qafas regolatorju ta’ sieħeb jiżgurax il-monitoraġġ u l-minimizzazzjoni tal-impatti ambjentali, l-użu ta’ prattiki soċjalment responsabbli, l-użu ta’ prattiki kummerċjali trasparenti, u l-prevenzjoni tal-impatti negattivi fuq il-funzjonament xieraq tal-amministrazzjoni pubblika u fuq l-istat tad-dritt;
–jekk hemmx ftehimiet ta’ kooperazzjoni eżistenti bejn pajjiż jew territorju terz u l-Unjoni u, għas-swieq emerġenti u l-ekonomiji li qed jiżviluppaw, il-potenzjal ta’ varar ta’ proġetti tal-investiment tal-Global Gateway;
–jekk il-qafas regolatorju tas-sieħeb, jew il-qafas applikabbli rilevanti, jipprevedix l-applikazzjoni ta’ kontrolli fuq l-esportazzjonijiet tat-teknoloġija li jistgħu jillimitaw l-aċċess għall-prodotti u t-teknoloġija meħtieġa għad-disinn, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu tal-prodotti fl-UE jew għall-esportazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġiji ddisinjati, żviluppati jew prodotti fl-UE.
2.Il-Kummissjoni għandha tippermetti u tappoġġa l-kooperazzjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi ma’ fora ta’ koordinazzjoni rilevanti oħra, inkluż dawk stabbiliti bħala parti mill-qafas tal-Global Gateway.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konsistenza waqt il-kooperazzjoni bilaterali tagħhom mas-sħab internazzjonali, u waqt il-kooperazzjoni internazzjonali tal-Unjoni dwar is-semikondutturi, inkluż is-sħubijiet strateġiċi mhux vinkolanti. Għandhom jappoġġaw ukoll lill-Kummissjoni biex timplimenta l-miżuri ta’ kooperazzjoni stabbiliti fil-kooperazzjoni internazzjonali tal-Unjoni dwar is-semikondutturi, inkluż sħubijiet strateġiċi dwar is-semikondutturi.
Taqsima 2
Awtoritajiet nazzjonali kompetenti
Artikolu 48
Ħatra ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ta’ punti uniċi tal-kuntatt nazzjonali
1.Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità nazzjonali kompetenti waħda jew aktar biex jiżgura l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-livell nazzjonali.
2.Meta l-Istat Membru jaħtar aktar minn awtorità kompetenti nazzjonali waħda, huwa għandu jistabbilixxi b’mod ċar ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-awtoritajiet ikkonċernati u għandu jiżgura li jikkooperaw b’mod effettiv u effiċjenti sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-ħatra u l-attivitajiet tal-punt uniku tal-kuntatt nazzjonali msemmi fil-paragrafu 3.
3.Kull Stat Membru għandu jaħtar punt uniku tal-kuntatt nazzjonali wieħed biex jeżerċita funzjoni ta’ kollegament u jiżgura l-kooperazzjoni transfruntiera mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ Stati Membri oħra, mal-Kummissjoni u mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi. Meta Stat Membru jaħtar awtorità nazzjonali kompetenti waħda biss, dik l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tkun ukoll il-punt uniku tal-kuntatt nazzjonali.
4.Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-awtorità nazzjonali kompetenti waħda jew aktar maħtura, u l-punt uniku tal-kuntatt nazzjonali, inkluż il-kompiti u r-responsabbiltajiet preċiżi tagħhom skont dan ir-Regolament, l-informazzjoni tal-kuntatt tagħhom u kull bidla sussegwenti fihom. Il-punt uniku tal-kuntatt nazzjonali għandu jipprovdi kaxxa postali funzjonali elettronika lill-Kummissjoni.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inkluż il-punt uniku tal-kuntatt nazzjonali maħtur, jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u fil-ħin, u li jingħataw is-setgħat u r-riżorsi tekniċi, finanzjarji u umani adegwati biex jaqdu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.
6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kull meta jkun xieraq, u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, jikkonsultaw u jikkooperaw ma’ awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra, kif ukoll mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.
Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju tal-esperjenza bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
Taqsima 3
Alleanza Industrijali
Artikolu 49
Alleanza Industrijali għas-Semikondutturi
1.B’dan qed tiġi stabbilita Alleanza Industrijali għas-Semikondutturi (“l-Alleanza”).
2.L-Alleanza għandha tlaqqa’ lill-partijiet ikkonċernati rilevanti biex tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri f’materji rilevanti għall-industrija tas-semikondutturi tal-Unjoni, fosthom:
(f)xejriet attwali tas-suq u tal-industrija;
(g)il-kapaċità tad-disinn u l-manifattura tas-semikondutturi tal-Unjoni;
(h)teknoloġiji emerġenti tas-semikondutturi u l-impatt tagħhom;
(i)l-identifikazzjoni u rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati l-preġji u d-dgħjufijiet industrijali tal-Unjoni;
(j)strateġiji biex titħaffef l-industrijalizzazzjoni tal-innovazzjoni;
(k)żviluppi ġeopolitiċi li jaffettwaw l-industrija;
(l)it-tisħiħ tal-kompetittività dinjija tal-Unjoni;
(m)kontribut għall-funzjonament tal-aċċelleraturi tad-domanda;
(n)kontribut għall-funzjonament tal-forum tad-domanda.
3.Il-membri tal-Alleanza għandhom ikunu rappreżentanti tal-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-Unjoni, inkluż intrapriżi, negozji ġodda, organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija, u setturi tal-utenti, li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:
(a)ikunu wrew esperjenza, għarfien u kapaċitajiet potenzjali fis-semikondutturi;
(b)jikkontribwixxu jew ikunu impenjati li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi tal-Unjoni;
(c)ikollhom preżenza rilevanti fis-suq Ewropew jew ikunu impenjati li jibnu tali preżenza fl-Unjoni.
4.Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membri tal-Alleanza, f’konformità mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 4.
5.Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkun il-President tal-Alleanza.
6.L-Alleanza għandha torganizza Assemblea Ġenerali mqar darba fis-sena. Din tista’ torganizza laqgħat straordinarji meta tintalab mill-President tal-Alleanza jew minn xi membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija, soġġetti għall-approvazzjoni tal-President.
7.Il-President għandu jsejjaħ il-laqgħat u jħejji l-aġenda, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tiegħu u mal-kompiti tal-Alleanza skont dan ir-Regolament.
8.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Kumitat ta’ Tmexxija fi ħdan l-Alleanza. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkollu djalogu strateġiku mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi mqar darba fis-sena, kif speċifikat fl-Artikolu 44.
9.Il-President tal-Alleanza jew il-Kumitat ta’ Tmexxija, soġġett għall-approvazzjoni tal-President, jista’ jistabbilixxi Gruppi ta’ Ħidma permanenti jew temporanji biex jiġu mistħarrġa kwistjonijiet speċifiċi.
Kapitolu VI
Kunfidenzjalità u penali
Artikolu 50
Trattament tal-informazzjoni kunfidenzjali
1.L-informazzjoni miksuba waqt l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għandha tiġi protetta mil-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali relevanti.
2.L-informazzjoni mhux kunfidenzjali miġbura skont dan ir-Regolament għandha tintbagħat lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u lill-Eurostat għall-finijiet tal-kompilazzjoni tal-istatistika f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/3018 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
3.L-informazzjoni miksuba skont l-Artikoli 14, 33, 35, 38, 41, u l-Artikolu 46 għandha tkun soġġetta għas-segretezza professjonali u għandha tgawdi l-protezzjoni mogħtija mir-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u mil-liġi nazzjonali rilevanti, inkluż l-iskattar tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ksur ta’ dawk ir-regoli.
4.Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-uffiċjali, l-impjegati tagħhom u persuni oħra li jaħdmu bis-superviżjoni ta’ dawk l-awtoritajiet għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u tad-data miksuba waqt il-qadi tal-kompiti tagħhom u b’tali mod li jipproteġu b’mod partikolari d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva jew is-sigrieti kummerċjali. Dan l-obbligu għandu japplika għar-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri, għall-osservaturi, għall-esperti u għall-parteċipanti l-oħra kollha li jattendu l-laqgħat tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi skont l-Artikolu 44 u għall-membri tal-Kumitat tas-Semikondutturi skont l-Artikolu 56(1).
5.Il-Kummissjoni għandha tipprovdi mezzi standardizzati u siguri għall-ġbir, l-ipproċessar u l-ħżin tal-informazzjoni miksuba skont dan ir-Regolament.
6.Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jiskambjaw, meta meħtieġ, l-informazzjoni miksuba skont l-Artikoli 35, 38 u 39 biss b’forma aggregata li tevita l-iżvelar ta’ kull konklużjoni dwar is-sitwazzjoni speċifika ta’ kumpanija fi Stat Membru mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi li magħhom ikunu qablu fuq arranġamenti bilaterali jew multilaterali ta’ kunfidenzjalità biex jipprovdu livell adegwat ta’ kunfidenzjalità. Qabel ma l-Kummissjoni jew l-Istati Membri jinvolvu ruħhom fi skambju tal-informazzjoni, dawn għandhom jinnotifikaw lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi bl-informazzjoni li tkun trid tiġi kondiviża u bl-arranġament tal-kunfidenzjalità rilevanti.
Meta tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi, il-Kummissjoni għandha taħtar u tuża punt uniku tal-kuntatt fl-Unjoni biex tiffaċilita t-trasferiment ta’ dik l-informazzjoni jew id-data b’mod kunfidenzjali skont il-proċeduri rilevanti tal-Kummissjoni.
7.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni, abbażi tal-esperjenza miksuba fil-ġbir tal-informazzjoni, biex tispeċifika l-arranġamenti prattiċi għat-trattament tal-informazzjoni kunfidenzjali fil-kuntest ta’ skambju tal-informazzjoni skont dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 56(2).
Artikolu 51
Penali
1.Il-Kummissjoni tista’, meta tqis meħtieġ u proporzjonat, tadotta deċiżjoni biex:
(a)timponi multi, meta impriża, intenzjonalment jew b’negliġenza serja, tipprovdi informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa bi tweġiba għal talba magħmula skont l-Artikolu 38 jew 41, jew ma tipprovdix l-informazzjoni saż-żmien stipulat;
(b)timponi multi, meta impriża, intenzjonalment jew b’negliġenza serja, ma tikkonformax mal-obbligu li tinforma lill-Kummissjoni dwar obbligu ta’ pajjiż terz skont l-Artikoli 38 (8), 41(7) u l-Artikolu 42(3);
(c)timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali, meta impriża, intenzjonalment jew b’negliġenza serja, ma tikkonformax ma’ obbligu li tingħata prijorità lill-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet skont l-Artikolu 42.
2.Qabel ma tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tipprovdi opportunità ta’ smigħ lill-impriżi f’konformità mal-Artikolu 54. Għandha tqis kull ġustifikazzjoni debitament ġustifikata li jippreżentaw dawk l-impriżi biex tiddetermina jekk il-multi jew il-pagamenti perjodiċi ta’ penali jitqisux meħtieġa u proporzjonati.
3.Il-multi imposti fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ma għandhomx jaqbżu t-EUR 300 000.
Il-multi imposti fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), ma għandhomx jaqbżu l-EUR 150 000.
Meta l-impriża kkonċernata tkun SME, il-multi imposti ma għandhomx jaqbżu l-EUR 50 000.
4.Il-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (c), ma għandhomx jaqbżu l-1,5% tal-fatturat attwali ta’ kuljum għal kull jum tax-xogħol tan-nonkonformità mal-obbligu skont l-Artikolu 43 ikkalkolat mid-data stabbilita fid-deċiżjoni meta tkun inħarġet l-ordni kklassifikata bħala prijorità.
Meta l-impriża kkonċernata hija SME, il-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti ma għandhomx jaqbżu ż-0,5% tal-fatturat attwali ta’ kuljum.
5.Meta tiffissa l-ammont tal-multa jew tal-pagament perjodiku tal-penali, il-Kummissjoni għandha tqis in-natura, il-gravità u kemm dam għaddej il-ksur, inkluż f’każijiet ta’ nonkonformità mal-obbligu li tiġi aċċettata u prijoritizzata ordni kklassifikata bħala prijorità kif stabbilit fl-Artikolu 43, u jekk l-impriża tkunx ikkonformat parzjalment mal-ordni kklassifikata bħala prijorità, filwaqt li tqis kif xieraq il-prinċipji tal-proporzjonalità u tal-adegwatezza.
6.Meta l-impriża tkun issodisfat ir-rekwiżiti li l-pagament perjodiku ta’ penali kien maħsub li jinforza, il-Kummissjoni tista’ tiffissa l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penali għal ċifra aktar baxxa minn dik fid-deċiżjoni oriġinali.
7.Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġuriżdizzjoni bla limitu biex tirrevedi d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun stabbiliet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Din tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament perjodiku impost.
Artikolu 52
Perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni tal-penali
1.Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 51 għandhom ikunu soġġetti għall-perjodi ta’ limitazzjoni li ġejjin:
(a)sentejn fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet dwar talbiet għall-informazzjoni skont l-Artikolu 38 jew 41;
(b)sentejn fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 38(8), l-Artikolu 41(7) u l-Artikolu 42(3);
(c)tliet snin fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu li tingħata prijorità lill-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet skont l-Artikolu 42.
2.Il-perjodi ta’ limitazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jibdew mill-jum meta jsir il-ksur. F’każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, il-perjodi ta’ limitazzjoni għandhom jibdew mill-jum meta jsir l-aħħar ksur.
3.Kul azzjoni meħuda tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri biex tkun żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni.
4.L-interruzzjoni tal-perjodu ta’ limitazzjoni għandha tapplika għall-partijiet kollha li jinżammu responsabbli għall-parteċipazzjoni fil-ksur.
5.Kull interruzzjoni għandha tibda l-perjodu mill-bidu. Iżda l-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jiskadi mhux aktar tard mill-jum meta jgħaddi perjodu daqs il-perjodu ta’ limitazzjoni jew darbtejn, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-perjodu ta’ limitazzjoni jiġi sospiż għax id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun soġġetta għal proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Artikolu 53
Perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-penali
1.Is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 51 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ tliet snin.
2.Iż-żmien għandu jibda mill-jum meta d-deċiżjoni ssir finali.
3.Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-multi u tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi interrott:
(a)b’notifika ta’ deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali jew li tirrifjuta applikazzjoni għal varjazzjoni
(b)b’azzjoni tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, li jaġixxi kif mitlub tal-Kummissjoni, li tkun imfassla biex tinforza l-ħlas tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali.
4.Kull interruzzjoni għandha treġġa’ l-perjodu tal-preskrizzjoni lura mill-bidu.
5.Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-multi u tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm:
(a)ikun permess iż-żmien għall-ħlas;
(b)jiġi sospiż l-infurzar tal-pagament b’Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Artikolu 54
Dritt ta’ smigħ qabel l-impożizzjoni ta’ penali
1.Qabel tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 51, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opportunità lill-impriża kkonċernata ta’ smigħ fuq:
(a)is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, inkluż fuq xi materja li l-Kummissjoni tkun ħadet oġġezzjonijiet dwarha;
(b)miżuri li l-Kummissjoni jaf ikun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari msemmija fil-punt (a).
2.L-impriżi kkonċernati jistgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom għas-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1, il-punt (a), matul perjodu taż-żmien li għandha tiffissa l-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha u li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.
3.Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li l-impriżi kkonċernati setgħu jikkummentaw dwarhom.
4.Id-drittijiet ta’ difiża tal-impriża kkonċernata għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ f’kull proċediment. L-impriża kkonċernata għandha tkun intitolata għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont it-termini tal-iżvelar negozjati, soġġett għall-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl m’għandux jestendi għall-informazzjoni kunfidenzjali u għal dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess m’għandux jestendi għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Xejn f’dan il-paragrafu m’għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tiżvela u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tagħti prova ta’ ksur.
Kapitolu VII
Delega tas-setgħa u proċedura ta’ kumitat
Artikolu 55
Eżerċizzju tad-delega
1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 12 u fl-Artikolu 17 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu taż-żmien indeterminat minn [OP please insert date of entry into force].
3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12 u fl-Artikolu 17 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva mill-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.Qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 12 jew l-Artikolu 17 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn b’inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 56
Proċedura ta’ Kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat (il-“Kumitat tas-Semikondutturi”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.
Kapitolu VIII
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 57
Evalwazzjoni u rieżami
1.Sa [OP please insert date for four years after date of entry into force] u mbagħad kull erba’ snin, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapporti għandhom isiru pubbliċi.
2.Għall-finijiet tal-evalwazzjoni u r-rieżami ta’ dan ir-Regolament, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni lill-Kummissjoni meta jintalbu.
3.Hi u twettaq l-evalwazzjoni u r-rieżami ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tqis il-pożizzjonijiet u s-sejbiet tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, u ta’ korpi jew sorsi rilevanti oħra.
Artikolu 58
Tħassir
1.Ir-Regolament (UE) 023/1781 hu mħassar.
2.Ir-referenzi għar-Regolament (UE) 2023/1781 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness VII.
Artikolu 59
Dispożizzjonijiet transizzjonali
1.Ir-Regolament (UE) 2023/1781 għandu jkompli japplika għall-faċilitajiet tal-produzzjoni integrati u l-fonderiji miftuħa tal-UE msemmija fl-Artikoli 13 u 14 ta’ dak ir-Regolament rispettivament li ngħataw dak l-istatus f’konformità mal-Artikolu 15(3) ta’ dak ir-Regolament, għall-perjodu tal-istatus jew għall-perjodu taż-żmien applikabbli skont l-Artikolu 15(8), it-tieni sentenza, ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 60
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA U DIĠITALI LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA3
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva3
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)3
1.3.Objettiv(i)3
1.3.1.Objettiv(i) ġenerali3
1.3.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi3
1.3.3.Riżultat(i) u impatt mistennija3
1.3.4.Indikaturi tal-prestazzjoni3
1.4.Il-proposta/L-inizjattiva hija relatata ma’:4
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva4
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva4
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-UE (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, pereż. gwadanji mill-koordinazzjoni, ċertezza legali, aktar effettività jew komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, “valur miżjud tal-involviment tal-UE” huwa l-valur li jirriżulta mill-azzjoni tal-UE, li huwa addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.4
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi4
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra5
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni5
1.6.Tul tal-proposta/tal-inizjattiva u tal-impatt finanzjarju tagħha6
1.7.Metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i)6
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI8
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar8
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll8
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta8
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom8
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon bejn il-kostijiet tal-kontroll u l-valur tal-fondi relatati ġestiti) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (mal-ħlas u fl-għeluq)8
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet9
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA10
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i10
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet12
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali12
3.2.1.1.Approprjazzjonijiet mill-baġit ivvutat12
3.2.1.2.Approprjazzjonijiet minn dħul assenjat estern17
3.2.2.Output stmat iffinanzjat minn approprjazzjonijiet operazzjonali22
3.2.3.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi24
3.2.3.1. Approprjazzjonijiet mill-baġit ivvutat24
3.2.3.2.Approprjazzjonijiet minn dħul assenjat estern24
3.2.3.3.Total tal-approprjazzjonijiet24
3.2.4.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani25
3.2.4.1.Iffinanzjati mill-baġit ivvutat25
3.2.4.2.Iffinanzjati minn dħul assenjat estern26
3.2.4.3.Rekwiżiti totali ta’ riżorsi umani26
3.2.5.Ħarsa ġenerali lejn l-impatt stmat fuq l-investimenti relatati mat-teknoloġija diġitali28
3.2.6.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali28
3.2.7.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi28
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul29
4.Dimensjonijiet diġitali29
4.1.Rekwiżiti ta’ rilevanza diġitali30
4.2.Data30
4.3.Soluzzjonijiet diġitali31
4.4.Valutazzjoni tal-interoperabbiltà31
4.5.Miżuri li jappoġġaw l-implimentazzjoni diġitali32
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi, li jħassar ir-Regolament (UE) 2023/1781 (l-Att dwar iċ-Ċipep 2)
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
Pjan ġdid għall-prosperità u l-kompetittività sostenibbli tal-Ewropa
1.3.Objettiv(i)
1.3.1.Objettiv(i) ġenerali
L-Att dwar iċ-Ċipep 2.0 għandu żewġ objettivi ġenerali, kif speċifikati fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni:
1. Iżid il-kompetittività tal-katina tal-valur Ewropea tas-semikondutturi biex itejjeb is-sovranità teknoloġika u r-reżiljenza tagħha billi jaċċellera l-varar industrijali tar-riċerka u tal-innovazzjoni, jiżgura s-sigurtà tal-provvista u jnaqqas id-dipendenzi strateġiċi f’teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati u maturi.
2. Isaħħaħ it-tħejjija għall-kriżijiet biex jiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-UE billi jżid ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi Ewropej u jipproteġi s-sigurtà ekonomika tal-UE.
1.3.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
Objettiv speċifiku Nru 1
Tisħiħ tal-kapaċità, tas-sigurtà tal-provvista u tal-kompetittività tal-industrija tas-semikondutturi tal-UE tul il-katina tal-valur, inklużi ċ-ċipep tal-IA mill-aktar avvanzati
Objettiv speċifiku Nru 2
L-iżvilupp ta’ suq tal-utenti b’saħħtu fis-setturi ewlenin tal-industrija
Objettiv speċifiku Nru 3
Żieda fil-kapaċitajiet potenzjali ta’ intelligence għal tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet
1.3.3.Riżultat(i) u impatt mistennija
Speċifika l-effetti li l-proposta/l-inizjattiva jenħtieġ li jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.
L-industrija tas-semikondutturi tal-Unjoni jenħtieġ li tibbenefika minn appoġġ għall-bini ta’ kapaċità teknoloġika fuq skala kbira fl-aktar teknoloġiji tas-semikondutturi avvanzati u fit-teknoloġiji tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss li se jsaħħu l-kapaċitajiet potenzjali avvanzati tal-UE fejn jidħlu d-disinn, l-integrazzjoni tas-sistemi, u l-produzzjoni taċ-ċipep. Jenħtieġ li l-industrija tibbenefika wkoll minn proġetti strateġiċi fid-disinn u fil-manifattura. Il-faċilitajiet tas-semikondutturi se jibbenefikaw minn proċessi tal-ħruġ tal-permessi aktar effettivi.
L-utenti tas-semikondutturi tal-Unjoni fis-setturi kollha jenħtieġ li jibbenefikaw minn aktar sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi mingħajr interruzzjonijiet. u minn sforzi biex jiġu promossi relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-industrija tas-semikondutturi. Barra minn hekk, is-setturi kritiċi jenħtieġ li jibbenefikaw minn sigurtà mtejba tal-provvista tas-semikondutturi.
L-utenti finali ta’ prodotti b’semikondutturi jenħtieġ li jibbenefikaw minn żieda fis-sigurtà tal-provvista, kontra prezzijiet tas-suq aktar attraenti.
Il-kompetittività tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi se titjieb.
1.3.4.Indikaturi tal-prestazzjoni
Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet.
|
L-indikaturi tal-prestazzjoni huma l-aktar rilevanti għall-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0. L-Anness III jagħti l-ewwel verżjonijiet ta’ indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u għar-rapportar dwar il-progress tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 lejn l-ilħuq tal-objettivi ġenerali tagħha:
1.L-influssi totali ta’ IDB relatati mas-semikondutturi fl-UE.
2.Forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati fis-semikondutturi u fil-fotonika, inkluża forza tax-xogħol imħarrġa/imħarrġa mill-ġdid permezz tal-inizjattivi taċ-ċentri nazzjonali ta’ kompetenza taċ-ċipep.
3.Appoġġ pubbliku għan-negozji ġodda u għall-kumpaniji li qed jespandu.
4.Żieda fil-finanzjament permezz ta’ ekwità privata u Kapital ta’ Riskju.
|
1.4.Il-proposta/L-inizjattiva hija relatata ma’:
azzjoni ġdida
azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja
l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
fużjoni jew ridirezzjonar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn azzjoni oħra/ġdida
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
|
Ir-Regolament jenħtieġ li jkun applikabbli bis-sħiħ ftit wara l-adozzjoni tiegħu, jiġifieri fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Ir-Regolament jibni fuq id-dispożizzjonijiet attwalment fis-seħħ skont ir-Regolament tal-UE 2023/1781 (l-Att dwar iċ-Ċipep).
|
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-UE (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, pereż. gwadanji mill-koordinazzjoni, ċertezza legali, aktar effettività jew komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, “valur miżjud tal-involviment tal-UE” huwa l-valur li jirriżulta mill-azzjoni tal-UE, li huwa addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
L-objettivi tat-tisħiħ tal-kapaċità tad-disinn u tal-manifattura tas-semikondutturi tal-UE u t-titjib tat-tħejjija għall-kriżijiet jistgħu jintlaħqu b’mod aktar effettiv fil-livell tal-Unjoni minħabba li l-iskala u n-natura sistemika tal-isfidi jaqbżu l-kapaċità tal-Istati Membri individwali li jaġixxu waħedhom. Jinħolqu ekonomiji ta’ skala sinifikanti meta jiġi kkoordinat l-investiment f’faċilitajiet ta’ manifattura fuq skala kbira, infrastruttura kondiviża tar-R&Ż, u sistemi transfruntiera tat-twissija bikrija u ta’ monitoraġġ, li jfisser li l-azzjoni fil-livell tal-UE tista’ tiġbor flimkien ir-riżorsi, tnaqqas id-duplikazzjoni, u twassal l-eżiti b’mod aktar effiċjenti minn sforzi nazzjonali frammentati. Miżuri bħaż-żieda fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni, it-tħaffif tal-proċessi tal-ħruġ permessi, l-ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità u x-xiri komuni għandhom l-għan li jiżguraw rispons koerenti għal kriżijiet futuri.
Qafas komuni jġib ukoll benefiċċji ċari, peress li jissostitwixxi inċentivi, protokolli ta’ rispons għall-kriżijiet, u rapportar nazzjonali diverġenti b’approċċi komuni li jiżguraw il-koerenza, inaqqsu l-piżijiet amministrattivi, u jevitaw tlielaq għas-sussidji jew rekwiżiti regolatorji inkonsistenti. Il-funzjonament tas-suq intern jittejjeb peress li l-azzjoni koordinata tal-UE timminimizza d-distorsjonijiet, tiżgura kompetizzjoni ġusta biex tattira proġetti tas-semikondutturi, tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni bla xkiel ta’ inputs u ta’ ċipep kritiċi, u ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista transfruntiera li jiddependu fuq l-integrazzjoni bla xkiel madwar l-Istati Membri.
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
Mill-evalwazzjoni tal-Att kurrenti dwar iċ-Ċipep joħorġu diversi tagħlimiet. L-ewwel nett, it-trasformazzjoni tal-innovazzjoni f’kapaċità industrijali teħtieġ mekkaniżmi ta’ politika li jgħaqqdu b’mod espliċitu l-infrastrutturi tal-linja pilota u l-investimenti fil-manifattura. Filwaqt li l-Att dwar iċ-Ċipep ħoloq b’suċċess faċilitajiet tar-riċerka u l-validazzjoni ta’ klassi dinjija, l-esperjenza turi li l-produzzjoni fuq skala tas-suq ma toħroġx awtomatikament mill-kapaċità potenzjali teknoloġika waħedha. Inizjattivi futuri jibbenefikaw mill-inkorporazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ tranżizzjoni li jiffaċilitaw il-moviment minn linji pilota għal varar industrijali b’mod aktar sistematiku.
It-tieni, jenħtieġ li l-orjentazzjoni tad-domanda tiġi inkorporata fl-istrumenti tal-politika industrijali. L-evalwazzjoni tenfasizza li l-investiment min-naħa tal-provvista waħdu mhux neċessarjament jiġġenera skala jew kompetittività fin-nuqqas ta’ adozzjoni affidabbli mis-suq. Għalhekk, jenħtieġ li l-istrumenti li jappoġġaw il-varar ikunu akkumpanjati minn miżuri li jżidu d-domanda, bħall-koordinazzjoni tal-akkwist jew l-inċentivi għall-konsum.
It-tielet, l-aċċess għal finanzjament irid jibqa’ ċentrali għall-politika industrijali. L-evalwazzjoni turi li l-qafas li huwa l-ewwel tat-tip tiegħu tejjeb iċ-ċertezza legali għal investimenti kbar, iżda l-partijiet ikkonċernati għadhom jiffaċċjaw dewmien mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, notifiki twal, u inċertezza fil-livell tal-proġetti. Restrizzjonijiet fuq il-kapital tar-riskju u l-investiment istituzzjonali fi stadju avvanzat jillimitaw b’mod simili l-finanzjament lill-kumpaniji li qed jespandu. Dawn il-fatturi jdgħajfu l-kompetittività tal-Ewropa u jnaqqsu t-tkabbir ta’ ditti globalment kompetittivi.
Fl-aħħar nett, it-tħejjija għall-kriżijiet tiddependi fuq intelliġenza tas-sistemi ta’ kwalità għolja. L-evalwazzjoni turi li monitoraġġ effettiv jeħtieġ viżibbiltà aġġornata tul il-katina tal-valur kollha, li tkopri mhux biss il-fabbrikazzjoni, iżda anki l-materjali, l-ippakkjar, l-għodod tad-disinn u l-utenti downstream. L-oqfsa futuri jistgħu jipprijoritizzaw il-ġbir imtejjeb tad-data, l-infrastrutturi kondiviżi tad-data, u r-rapportar integrat sabiex jippermettu d-detezzjoni f’waqtha tar-riskju u risponsi koordinati.
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
Sabiex timmassimizza l-impatti pożittivi tagħha, l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 (pilastru I) se tkompli tibni fuq il-bażi b’saħħitha ta’ għarfien u ssaħħaħ is-sinerġiji ma’ azzjonijiet attwalment appoġġati mill-Unjoni u mill-Istati Membri permezz ta’ programmi u azzjonijiet fir-riċerka u fl-innovazzjoni fis-semikondutturi u fl-iżviluppi ta’ parti mill-katina tal-provvista. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, il-Programm Qafas Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali, biex l-Ewropa tissaħħaħ bħala attur globali fit-teknoloġiji tas-semikondutturi u fl-applikazzjonijiet tagħha, b’sehem dinji dejjem akbar fil-manifattura sal-2030. Filwaqt li tikkomplementa dawk l-attivitajiet, l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 se tikkollabora aktar mill-qrib mal-Alleanza Industrijali għas-Semikondutturi.
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
|
Mingħajr preġudizzju għall-eżitu tan-negozjati dwar il-QFP li jmiss, l-approprjazzjonijiet previsti mill-2028 ’il quddiem huma strettament indikattivi.
|
1.6.Tul tal-proposta/tal-inizjattiva u tal-impatt finanzjarju tagħha
tul limitat
–fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi (l-Att dwar iċ-Ċipep 2)
–impatt finanzjarju mill-2028 sal-2034 għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u mill-2028 sal-2038 għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.
tul mhux limitat
–
Implimentazzjoni b’perjodu ta’ bidu minn SSSS sa SSSS,
–
segwita minn operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.7.Metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i)
Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
–
mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
– mill-aġenziji eżekuttivi
Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit:
–
lill-pajjiżi terzi jew lill-korpi ddeżinjati minnhom
–
lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (għandhom jiġu speċifikati)
–
lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Fond Ewropew tal-Investiment
–
lill-korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Finanzjarju
–
lill-korpi tal-liġi pubblika
–
lill-korpi regolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn ikollhom garanziji finanzjarji adegwati
–
lill-korpi regolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika privata u li jkollhom garanziji finanzjarji adegwati
–
lill-korpi jew lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni skont it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u identifikati fl-att bażiku rilevanti
–lill-korpi stabbiliti fi Stat Membru regolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru jew mil-liġi tal-Unjoni u eliġibbli biex jiġu fdati, f’konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur, bl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni jew ta’ garanziji baġitarji, sa fejn tali korpi jkunu kkontrollati minn korpi tal-liġi pubblika jew minn korpi regolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku, u jkunu pprovduti garanziji finanzjarji adegwati fil-forma ta’ responsabbiltà in solidum mill-korpi kontrollanti jew garanziji finanzjarji ekwivalenti, li jistgħu, għal kull azzjoni, ikunu limitati għall-ammont massimu tal-appoġġ tal-Unjoni.
Kummenti
Bl-eċċezzjoni ta’ a) attivitajiet u baġits relatati mal-Fond għaċ-Ċipep u b) attivitajiet u baġits allokati skont il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 se tkompli tiġi implimentata taħt ġestjoni indiretta billi l-implimentazzjoni tal-kompiti tiġi fdata lill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep u, fejn applikabbli, lill-impriża konġunta jew lil kwalunkwe entità jew inizjattiva simili oħra li tiġi warajha stabbilita mil-liġi tal-Unjoni skont Qafas Finanzjarju Pluriennali sussegwenti. L-Istati Membri u Stati Parteċipanti oħra qed jikkofinanzjaw azzjonijiet indiretti.
Partijiet oħra, bħall-attivitajiet tal-pilastru 2 u 3, huma b’ġestjoni diretta. Dawn jikkonċernaw kompiti fdati lill-Kummissjoni biex tissorvelja lill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep, biex tirrieżamina u tiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għall-Faċilitajiet tat-Teknoloġiji tas-Semikondutturi, biex tappoġġa lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, biex tappoġġa lil Pjattaforma għall-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju, u – flimkien mal-Istati Membri – biex timmonitorja l-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi u tiddeċiedi dwar azzjonijiet, meta xieraq.
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
Din id-Dikjarazzjoni tinkludi nefqiet għall-persunal tal-Kummissjoni. Japplikaw regoli standard għal dan it-tip ta’ nefqa. Il-Kummissjoni se tevalwa l-output, ir-riżultati u l-impatt ta’ din il-proposta kull 4 snin wara d-data li fiha ssir applikabbli.
Barra minn hekk, bħala korp tal-Unjoni, l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep tiffunzjona skont regoli stretti ta’ monitoraġġ. Il-monitoraġġ isir permezz ta’:
-
il-kapaċità tal-awditjar intern tagħha stess u s-servizz tal-awditjar tal-Kummissjoni;
-
is-superviżjoni tal-Bord tat-Tmexxija. Id-Direttur Eżekuttiv se jissorvelja l-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta internament;
-
sett ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi tal-prestazzjoni li huma stabbiliti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programm u għall-kejl tal-impatt tiegħu;
-
evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu u finali tal-programm min-naħa ta’ esperti esterni, fis-superviżjoni tal-Kummissjoni;
-
il-Programm ta’ Ħidma tal-Impriża Konġunta u r-Rapport Annwali tal-attività tagħha.
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
Ir-Regolament jintroduċi qafas ta’ politika rivedut biex ikun jista’ jiġi attirat investiment fil-manifattura tas-semikondutturi avvanzati fl-Unjoni u tissaħħaħ, u biex jistimula d-domanda, u jintroduċi regoli riveduti għal approċċ ikkoordinat għall-monitoraġġ u t-tħejjija għal skarsezzi tas-semikondutturi. L-istrumenti tal-isfidi kbar, il-proġetti strateġiċi, il-Forum tad-Domanda, l-Aċċelleraturi tad-Domanda, u l-Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju huma elementi ġodda, u hekk ukoll ir-rikonoxximent ta’ Reġjuni Ewropej ta’ Eċċellenza fis-Semikondutturi.
Dawn ir-regoli jirrikjedu mekkaniżmu ta’ konsistenza għall-applikazzjoni transfruntiera tal-obbligi skont dan ir-Regolament u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-Kummissjoni permezz tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi.
Sabiex jiġu ffaċċjati l-kompiti li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, huwa neċessarju li s-servizzi tal-Kummissjoni jingħataw ir-riżorsi xierqa.
Għal partijiet oħra, il-ġestjoni indiretta hija ġustifikata minħabba li l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep hija sħubija pubblika-privata b’parti mill-kofinanzjament li jiddaħħal permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti u permezz ta’ kontribuzzjonijiet in natura minn membri privati.
Kull sena, id-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-UE lill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep se tittieħed bis-saħħa tal-baġit tal-UE adottat għal dik is-sena.
Ftehim Qafas ta’ Sħubija Finanzjarja ffirmat bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep se jindika li għall-kompiti li jridu jitwettqu kull sena, il-Kummissjoni se tħallas kontribuzzjoni mal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni mal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep, u mal-ħruġ, mill-Impriża Konġunta, ta’ talbiet għall-pagament korrispondenti lill-membri għajr l-Unjoni.
Il-Kummissjoni se tiżgura li r-regoli applikabbli għall-Impriża Konġunta taċ-Ċipep jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju. F’konformità mal-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, l-Impriża Konġunta se tirrispetta l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. L-Impriża Konġunta taċ-Ċipep għandha tikkonforma wkoll mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju Mudell applikabbli għall-Impriża Konġunta. Kwalunkwe devjazzjoni minn dan il-mudell tar-Regolament Finanzjarju, meħtieġa għall-finijiet tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-Impriża Konġunta, għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.
L-arranġamenti ta’ monitoraġġ, inkluż permezz tar-rappreżentanza tal-Unjoni fil-Bord ta’ Tmexxija u fil-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep, kif ukoll l-arranġamenti ta’ rapportar se jiżguraw li s-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ responsabbiltà kemm għall-Kulleġġ kif ukoll għall-Awtorità Baġitarja.
Il-qafas ta’ kontroll intern għall-Impriża Konġunta taċ-Ċipep huwa mibni fuq:
-
l-implimentazzjoni tal-Istandards ta’ Kontroll Intern li tal-anqas joffru garanziji ekwivalenti għal dawk tal-Kummissjoni;
-
proċeduri għall-għażla tal-aħjar proġetti permezz ta’ evalwazzjoni indipendenti, u għat-traduzzjoni tagħhom fi strumenti legali;
-
l-immaniġġjar tal-proġetti u tal-kuntratti matul il-ħajja ta’ kull proġett;
-
kontrolli ex ante fuq 100 % tat-talbiet, inklużi r-riċevuta ta’ ċertifikati tal-awditjar u ċ-ċertifikazzjoni ex ante tal-metodoloġiji tal-kostijiet;
-
awditi ex post fuq kampjun ta’ talbiet bħala parti mill-awditi ex post ta’ Orizzont Ewropa;
-
evalwazzjoni xjentifika tar-riżultati tal-proġetti.
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
Din il-proposta hija akkumpanjata minn rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt, li jipprovdi l-analitika li tirfed l-approċċ ta’ politika magħżul. It-tħejjija tal-inizjattiva kienet ibbażata wkoll fuq konsultazzjoni pubblika kif ukoll fuq konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija, mal-Istati Membri u mal-assoċjazzjonijiet kummerċjali, li żguraw il-ġbir ta’ data, ta’ informazzjoni u ta’ feedback rilevanti. Madankollu, xorta jistgħu jseħħu konsegwenzi mhux intenzjonati jew impatti mhux previsti matul l-implimentazzjoni. Dawn se jiġu identifikati permezz tal-proċeduri ta’ monitoraġġ stabbiliti fir-Regolament, li jippermettu lill-Kummissjoni tindirizzahom b’mod xieraq u f’waqtu.
Barra minn hekk, ġew stabbiliti diversi miżuri biex jiġi mmitigat ir-riskju inerenti ta’ kunflitt ta’ interess fi ħdan l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep, speċjalment:
-
għat-teħid ta’ deċiżjonijiet standard, voti ugwali (terz) għall-Kummissjoni, għall-Istati Parteċipanti (kollettivament) u għall-membri privati (kollettivament) fil-Bord ta’ Tmexxija; voti ugwali (nofs) għall-Kummissjoni u għall-Istati Parteċipanti (kollettivament) fil-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi;
-
deċiżjonijiet ta’ livell għoli dwar l-attivitajiet/il-baġits iddedikati għall-attivitajiet tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 2.0 (il-bini tal-kapaċitajiet fil-programmi ta’ ħidma li jmiss) jittieħdu mill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi mal-Istati Membri biss,
-
il-parti tal-programm ta’ ħidma li tittratta l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet hija adottata mill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi mal-Istati Membri biss,
-
l-għażla tad-Direttur Eżekuttiv mill-Bord ta’ Tmexxija fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni,
-
indipendenza tal-persunal,
-
evalwazzjonijiet minn esperti indipendenti bbażati fuq kriterji ta’ evalwazzjoni ppubblikati flimkien ma’ mekkaniżmi ta’ appell u ma’ dikjarazzjonijiet sħaħ ta’ kwalunkwe interess,
-
rekwiżit biex il-Bord ta’ Tmexxija jadotta regoli għall-prevenzjoni, għall-evitar u għall-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess fl-Impriża Konġunta f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta u mar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-persunal.
Il-kontinwazzjoni tal-valuri etiċi u organizzazzjonali eżistenti se tkun wieħed mir-rwoli ewlenin tal-Impriża Konġunta, u se tiġi mmonitorjata mill-Kummissjoni.
Id-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep, bħala Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni, huwa meħtieġ jintroduċi sistema kosteffettiva ta’ kontroll u ta’ ġestjoni interni. L-Uffiċċju tal-Impriża Konġunta huwa meħtieġ jirrapporta lill-Kummissjoni dwar il-qafas ta’ kontroll intern adottat.
Il-Kummissjoni se timmonitorja r-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità permezz tas-sistema ta’ rapportar li se tiżviluppa, kif ukoll billi ssegwi r-riżultati tal-awditi ex post dwar ir-riċevituri tal-fondi tal-UE mill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep, bħala parti mill-awditi ex post li jkopru Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali kollha.
Hemm ħtieġa ċara li l-baġit jiġi ġestit b’mod effiċjenti u effettiv, u li jiġu evitati l-frodi u l-ħela. Madankollu, is-sistema ta’ kontroll jeħtieġ li ssib bilanċ ġust bejn il-kisba ta’ rata ta’ żball aċċettabbli u l-piż ta’ kontroll meħtieġ u tevita li tnaqqas l-attraenza tal-programmi tal-Unjoni.
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon bejn il-kostijiet tal-kontroll u l-valur tal-fondi relatati ġestiti) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (mal-ħlas u fl-għeluq)
Peress li r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ Orizzont Ewropa u l-programm Ewropa Diġitali applikabbli għall-Impriża Konġunta taċ-Ċipep huma simili għal dawk li l-Kummissjoni se tuża fil-programmi ta’ ħidma tagħha, u b’popolazzjoni ta’ benefiċjarji bi profil tar-riskju simili għal dawk tal-programmi b’ġestjoni diretta, jista’ jkun mistenni li l-marġni tal-errur ikun simili għal dak previst mill-Kummissjoni għal Orizzont Ewropa u l-programm Ewropa Diġitali, jiġifieri li tingħata assigurazzjoni raġonevoli li r-riskju tal-errur waqt il-perjodu tan-nefqa pluriennali ikun, b’mod annwali, f’firxa ta’ 2-5%, bl-għan aħħari li tinkiseb rata tal-errur residwu kemm jista’ jkun qrib it-2% fl-għeluq tal-programmi pluriennali, ladarba jkun tqies l-impatt finanzjarju tal-awditi, tal-korrezzjonijiet u tal-miżuri tal-irkupru kollha.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Il-Kummissjoni se tiżgura li l-proċeduri għall-ġlieda kontra l-frodi fl-istadji kollha tal-proċess ta’ ġestjoni jiġu applikati mill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep.
Il-Kummissjoni se tiżgura li jkun hemm fis-seħħ miżuri xierqa biex jiġi żgurat li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interess finanzjarju tal-Unjoni jkun protett mill-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effikaċi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball u, fejn xieraq, permezz ta’ penali effikaċi, proporzjonati u deterrenti.
Il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa tal-awditjar, abbażi ta’ dokumenti u kontrolli fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni permezz tal-Programm.
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati direttament jew indirettament minn tali finanzjament f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 bl-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim ta’ għotja jew ma’ deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt li jikkonċerna l-finanzjament tal-Unjoni. L-Impriżi Konġunti se jkollhom bżonn ukoll jaderixxu mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista’ jwettaq investigazzjonijiet f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/193923, bl-għan li jinvestiga reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
·Linji baġitarji eżistenti
Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’ nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
|
Numru
|
Diff./Mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
minn pajjiżi kandidati u minn kandidati potenzjali
|
Minn pajjiżi terzi oħra
|
dħul assenjat ieħor
|
|
|
[XX.YY.YY.YY]
|
Diff./Mhux diff.
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
|
|
[XX.YY.YY.YY]
|
Diff./Mhux diff.
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
|
|
[XX.YY.YY.YY]
|
Diff./Mhux diff.
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
·Linji baġitarji ġodda mitluba
Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’ nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
|
Numru
|
Diff./Mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
minn pajjiżi kandidati u minn kandidati potenzjali
|
minn pajjiżi terzi oħra
|
dħul assenjat ieħor
|
|
|
[XX.YY.YY.YY]
|
Diff./Mhux diff.
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
|
|
[XX.YY.YY.YY]
|
Diff./Mhux diff.
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
|
|
[XX.YY.YY.YY]
|
Diff./Mhux diff.
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
–
Il-proposta/L-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali
–
Il-proposta/L-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt
3.2.1.1.Approprjazzjonijiet mill-baġit ivvutat
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Numru
|
2
|
|
DĠ CNECT
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Wara
|
TOTAL QFP 2028-2034
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
2034
|
|
|
|
Approprjazzjonijiet operazzjonali
|
|
Linja baġitarja [ECF]
|
Impenji
|
(1a)
|
30.000
|
|
20.000
|
|
10.000
|
|
10.000
|
|
70.000
|
|
|
Pagamenti
|
(2 a)
|
18.000
|
6.000
|
15.000
|
7.000
|
8.000
|
4.000
|
7.000
|
5.000
|
70.000
|
|
|
Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi
|
|
Linja baġitarja
|
|
(3)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
0
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet għad-DĠ CNECT
|
Impenji
|
=1a+1b+3
|
30.000
|
|
20.000
|
|
10.000
|
|
10.000
|
|
70.000
|
|
|
Pagamenti
|
=2 a+2b+3
|
18.000
|
6.000
|
15.000
|
7.000
|
8.000
|
4.000
|
7.000
|
5.000
|
70.000
|
|
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Wara
|
TOTAL QFP 2028-2034
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
2034
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet operazzjonali
|
Impenji
|
(4)
|
30.000
|
|
20.000
|
|
10.000
|
|
10.000
|
|
70.000
|
|
|
Pagamenti
|
(5)
|
18.000
|
6.000
|
15.000
|
7.000
|
8.000
|
4.000
|
7.000
|
5.000
|
70.000
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett għal programmi speċifiċi
|
(6)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
0
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet skont l-INTESTATURA 2
|
Impenji
|
=4+6
|
30.000
|
|
20.000
|
|
10.000
|
|
10.000
|
|
70.000
|
|
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Pagamenti
|
=5+6
|
18.000
|
6.000
|
15.000
|
7.000
|
8.000
|
4.000
|
7.000
|
5.000
|
70.000
|
|
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Wara
|
TOTAL QFP 2028-2034
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
2034
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet operazzjonali
|
Impenji
|
(4)
|
30.000
|
0.000
|
20.000
|
0.000
|
10.000
|
0.000
|
10.000
|
|
70.000
|
|
|
Pagamenti
|
(5)
|
18.000
|
6.000
|
15.000
|
7.000
|
8.000
|
4.000
|
7.000
|
5.000
|
70.000
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett għal programmi speċifiċi
|
(6)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet skont l-INTESTATURA 2
|
Impenji
|
=4+6
|
30.000
|
0.000
|
20.000
|
0. 000
|
10.000
|
0.000
|
10.000
|
|
70.000
|
|
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Pagamenti
|
=5+6
|
18. 000
|
6.000
|
15.000
|
7.000
|
8.000
|
4.000
|
7.000
|
5.000
|
70.000
|
|
|
|
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Wara
|
TOTAL QFP 2028-2034
|
|
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
2034
|
|
|
• TOTAL tal-approprjazzjonijiet operazzjonali (l-intestaturi operazzjonali kollha)
|
Impenji
|
(4)
|
30.000
|
0.000
|
20.000
|
0.000
|
10.000
|
0.000
|
10.000
|
0.000
|
70.000
|
|
|
Pagamenti
|
(5)
|
18.000
|
6.000
|
15.000
|
7.000
|
8.000
|
4.000
|
7.000
|
5.000
|
70.000
|
|
• TOTAL tal-approprjazzjonijiet ta' natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett għal programmi speċifiċi (l-intestaturi operazzjonali kollha)
|
(6)
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet skont l-Intestaturi 1 sa 3 tal-qafas finanzjarju pluriennali (ammont ta’ referenza)
|
Impenji
|
=4+6
|
30.000
|
0.000
|
20.000
|
0. 000
|
10.000
|
0.000
|
10.000
|
|
70.000
|
|
|
Pagamenti
|
=5+6
|
18.000
|
6.000
|
15.000
|
7.000
|
8.000
|
4.000
|
7.000
|
5.000
|
70.000
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
4
|
“Nefqa amministrattiva”
|
|
DĠ: CNECT
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL QFP 2028-2034
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
|
|
Riżorsi umani
|
1.972
|
1.972
|
1.972
|
1.972
|
1.972
|
1.972
|
1.972
|
13.804
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL TAD-DĠ CNECT
|
|
1.972
|
1.972
|
1.972
|
1.972
|
1.972
|
1.972
|
1.972
|
13.804
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
DĠ: COMP
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL QFP 2028-2034
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
|
|
Riżorsi umani
|
0.881
|
0.881
|
0.881
|
0.881
|
0.881
|
0.881
|
0.881
|
6.167
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL TAD-DĠ COMP
|
Approprjazzjonijiet
|
0.881
|
0.881
|
0.881
|
0.881
|
0.881
|
0.881
|
0.881
|
6.167
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet skont l-INTESTATURA 4 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
(Total tal-impenji = Total tal-pagamenti)
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
19.971
|
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Wara
|
TOTAL QFP 2028-2034
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
2034
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet skont l-INTESTATURI 1 sa 4 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
32.853
|
2.853
|
22.853
|
2.853
|
12.853
|
2.853
|
12.853
|
0.000
|
89.971
|
|
|
Pagamenti
|
20.853
|
8.853
|
17.853
|
9.853
|
10.853
|
6.853
|
9.853
|
5.000
|
89.971
|
L-impatt stmat fuq in-nefqa u l-persunal għall-2028 u lil hinn qiegħed jiżdied għal skopijiet illustrattivi biss u ma jippreġudikax il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Is-sors tal-finanzjament u l-ambitu tal-impenn finanzjarju tal-Unjoni fil-perjodu ta’ wara l-2027 jibqgħu soġġetti għall-eżitu tan-negozjati interistituzzjonali dwar il-QFP 2028-2034, u wara għandhom jiġu ddeterminati bil-proċedura baġitarja annwali. L-approprjazzjonijiet u l-allokazzjonijiet tal-persunal kollha mill-2028 huma indikattivi.
3.2.2.Output stmat iffinanzjat mill-approprjazzjonijiet operazzjonali (din it-taqsima ma għandhiex timtela mill-aġenziji deċentralizzati)
Approprjazzjonijiet ta’ impenn f’miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Indika l-objettivi u l-outputs
|
|
|
Sena 2028
|
Sena 2029
|
Sena 2030
|
Sena 2031
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi t-tul tal-impatt (ara t-Taqsima 1.6)
|
TOTAL
|
|
|
OUTPUTS
|
|
|
Tip
|
Kost medju
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru totali
|
Kost totali
|
|
OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 1…
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Output
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Output
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Output
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 1
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 2 ...
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Output
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 2
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTALI
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.2.3.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi
–
Il-proposta/L-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–
Il-proposta/L-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt
3.2.3.1. Approprjazzjonijiet mill-baġit ivvutat
|
APPROPRJAZZJONIJIET IVVUTATI
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL 2028 - 2034
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
|
|
INTESTATURA 4
|
|
Riżorsi umani
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
19.971
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
|
Subtotal tal-INTESTATURA 4
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
19.971
|
|
Barra mill-INTESTATURA 4
|
|
Riżorsi umani
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
|
Nefqa oħra ta’ natura amministrattiva
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
|
Subtotal barra mill-INTESTATURA 4
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
0.000
|
|
|
|
TOTAL
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
2.853
|
19.971
|
Biex jappoġġa l-ħidma tal-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-kriżijiet, id-DĠ CNECT jista’ jikkonkludi Ftehim Amministrattiv maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) għal madwar 2 FTEs kuntrattwali (CA), soġġetti għad-disponibbiltà tar-riżorsi u l-għarfien espert. Din id-Dikjarazzjoni Finanzjarja u Diġitali Leġiżlattiva (LFDS) ma fihiex baġit għal tali Ftehim Amministrattiv possibbli.
L-impatt stmat fuq in-nefqa u l-persunal għall-2028 u lil hinn qiegħed jiżdied għal skopijiet illustrattivi biss u ma jippreġudikax il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Is-sors tal-finanzjament u l-ambitu tal-impenn finanzjarju tal-Unjoni fil-perjodu ta’ wara l-2027 jibqgħu soġġetti għall-eżitu tan-negozjati interistituzzjonali dwar il-QFP 2028-2034, u wara għandhom jiġu ddeterminati bil-proċedura baġitarja annwali. L-approprjazzjonijiet u l-allokazzjonijiet tal-persunal kollha mill-2028 huma indikattivi.
3.2.4.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani
–
Il-proposta/L-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani
–
Il-proposta/L-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt
3.2.4.1.Iffinanzjati mill-baġit ivvutat
L-istima għandha tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għall-full-time (FTEs, Full-Time Equivalent)
|
APPROPRJAZZJONIJIET IVVUTATI
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
|
Pożizzjonijiet fit-tabella tal-persunal (uffiċjali u persunal temporanju)
|
|
20 01 02 01 (Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)
|
12
|
12
|
12
|
12
|
12
|
12
|
12
|
|
20 01 02 03 (Delegazzjonijiet tal-UE)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
(Riċerka indiretta)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
(Riċerka diretta)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
• Persunal estern (f’FTEs)
|
|
20 02 01 (AC, END mill-“pakkett globali”)
|
5
|
5
|
5
|
5
|
5
|
5
|
5
|
|
20 02 03 (AC, AL, END u JPD fid-Delegazzjonijiet tal-UE)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
Ammin. Linja ta’ appoġġ [XX.01.YY.YY]
|
·fil-Kwartieri Ġenerali
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
|
·fid-Delegazzjonijiet tal-UE
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
(AC, END - Riċerka indiretta)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
(AC, END - Riċerka diretta)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika) - Intestatura 4
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika) - Barra mill-Intestatura 4
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
TOTAL
|
17
|
17
|
17
|
17
|
17
|
17
|
17
|
L-impatt stmat fuq in-nefqa u l-persunal għall-2028 u lil hinn qiegħed jiżdied għal skopijiet illustrattivi biss u ma jippreġudikax il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Is-sors tal-finanzjament u l-ambitu tal-impenn finanzjarju tal-Unjoni fil-perjodu ta’ wara l-2027 jibqgħu soġġetti għall-eżitu tan-negozjati interistituzzjonali dwar il-QFP 2028-2034, u wara għandhom jiġu ddeterminati bil-proċedura baġitarja annwali. L-approprjazzjonijiet u l-allokazzjonijiet tal-persunal kollha mill-2028 huma indikattivi.
Il-persunal meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-proposta (f’FTEs):
|
|
Għandu jiġi kopert mill-persunal attwali disponibbli fis-servizzi tal-Kummissjoni
|
Persunal addizzjonali eċċezzjonali*
|
|
|
|
Għandu jiġi ffinanzjat skont l-Intestatura 4 jew mir-Riċerka
|
Għandu jiġi ffinanzjat mil-linja BA
|
Għandu jiġi ffinanzjat mit-tariffi
|
|
Pożizzjonijiet fit-tabella tal-persunal
|
5
|
7
|
M/A
|
|
|
Persunal estern (CA, SNEs, INT)
|
2
|
3
|
|
|
Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu minn:
|
Uffiċjali u persunal temporanju
|
Xi kompiti jistgħu jitwettqu permezz ta’ riallokazzjoni tal-persunal li bħalissa qed jaħdem fuq kompiti simili, eż. relatati mas-superviżjoni tal-programm, mal-kollegament mal-partijiet ikkonċernati, u mar-rapportar għall-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp u ta’ bini tal-kapaċitajiet skont il-Pilastru I.
Jenħtieġ li l-kompiti addizzjonali skont il-proposta jitwettqu minn persunal addizzjonali, eż. id-definizzjoni u s-superviżjoni tal-Proġetti Strateġiċi, inkluż il-monitoraġġ tal-objettivi intermedji u tar-riżultati tanġibbli; kontrolli tal-konformità (għajnuna mill-Istat, akkwist); il-koordinazzjoni transfruntiera mal-Istati Membri; id-definizzjoni tal-isfidi l-kbar u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni tagħhom; il-koordinazzjoni tas-sorveljanza amministrattiva (mhux fiskali); il-valutazzjoni tal-pjanijiet tal-investiment reġjonali; il-valutazzjoni tas-sjieda u tal-kontroll ta’ impriżi domestiċi; il-konsultazzjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi dwar proġetti strateġiċi, ir-rakkomandazzjonijiet ta’ ċipep minn impriżi domestiċi fl-akkwist pubbliku, konsultazzjonijiet mal-Alleanza bil-ħsieb li tiġi ddefinita strateġija komuni dwar it-teknoloġiji tas-semikondutturi, pariri dwar is-setturi suxxettibbli għar-riskju; l-istabbiliment ta’ sħubijiet strateġiċi ma’ pajjiżi terzi; l-għoti ta’ gwida dwar l-akkwist pubbliku lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kontraenti; l-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet metodoloġiċi dwar it-twettiq ta’ valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà tal-provvista; it-twettiq ta’ eżerċizzji ta’ tħejjija għall-kriżijiet; l-istabbiliment u l-iffaċilitar ta’ fora tad-domanda; l-appoġġ għall-attivitajiet ta’ kodisinn bejn il-manifatturi tas-semikondutturi u l-utenti industrijali downstream; l-għoti ta’ gwida teknika u legali għall-akkwist ta’ sistemi li jintegraw id-disinn u soluzzjonijiet innovattivi tas-semikondutturi; l-iżgurar tal-koerenza bejn l-Inizjattiva 2.0 u l-istrateġiji nazzjonali/reġjonali; is-superviżjoni tal-organizzazzjoni u r-rapportar lill-Kunsill/lill-Parlament.
Barra minn hekk, il-proposta timplika kompiti addizzjonali relatati mal-Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju, eż. il-monitoraġġ tal-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi; funzjonijiet ta’ analiżi u ta’ tħejjija għall-kriżijiet; il-ħruġ u t-trattament tat-Talbiet għall-Informazzjoni (RFIs) u l-verifika u l-aggregazzjoni tad-data fil-fażi ta’ qabel il-kriżi; u l-koordinazzjoni transsettorjali mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija.
Parti konsiderevoli mill-kompiti addizzjonali msemmija hawn fuq tista’ tiġi implimentata permezz tar-riallokazzjoni tal-persunal eżistenti.
|
|
Persunal estern
|
Idem
|
3.2.5.Ħarsa ġenerali lejn l-impatt stmat fuq l-investimenti relatati mat-teknoloġija diġitali
Obbligatorju: fit-tabella ta’ hawn taħt għandha tiġi inkluża l-aħjar stima tal-investimenti relatati mat-teknoloġija diġitali li jirriżultaw mill-proposta/mill-inizjattiva.
B’mod eċċezzjonali, meta jkun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-proposta/tal-inizjattiva, l-approprjazzjonijiet skont l-Intestatura 4 għandhom jiġu ppreżentati fil-linja ddeżinjata.
L-approprjazzjonijiet skont l-Intestaturi 1 sa 3 għandhom jiġu riflessi bħala “Nefqa tal-IT marbuta mal-politika fil-qafas ta’ programmi operazzjonali”. Din in-nefqa tirreferi għall-baġit operazzjonali li għandu jintuża għall-użu mill-ġdid/għax-xiri/għall-iżvilupp ta’ pjattaformi/għodod tal-IT marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-inizjattiva u tal-investimenti assoċjati tagħhom (eż. liċenzji, studji, ħżin tad-data eċċ.). L-informazzjoni pprovduta f’din it-tabella għandha tkun konsistenti mad-dettalji ppreżentati fit-Taqsima 4 “Dimensjonijiet diġitali”.
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet diġitali u tal-IT
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL QFP 2028 - 2034
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
|
|
INTESTATURA 4
|
|
Nefqa tal-IT (korporattiva)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
Subtotal tal-INTESTATURA 4
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
Barra mill-INTESTATURA 4
|
|
Nefqa tal-IT marbuta mal-politika fil-qafas ta’ programmi operazzjonali
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
Subtotal barra mill-INTESTATURA 4
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
|
|
TOTAL
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
3.2.6.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
Il-proposta/L-inizjattiva:
–
tista’ tiġi ffinanzjata kompletament permezz ta’ riallokazzjoni fl-intestatura rilevanti tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP)
–
tirrikjedi l-użu tal-marġni mhux allokat skont l-intestatura rilevanti tal-QFP u/jew l-użu tal-istrumenti speċjali kif definiti fir-Regolament QFP
–
tirrikjedi reviżjoni tal-QFP
L-impatt stmat fuq in-nefqa u l-persunal għall-2028 u lil hinn qiegħed jiżdied għal skopijiet illustrattivi biss u ma jippreġudikax il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Is-sors tal-finanzjament u l-ambitu tal-impenn finanzjarju tal-Unjoni fil-perjodu ta’ wara l-2027 jibqgħu soġġetti għall-eżitu tan-negozjati interistituzzjonali dwar il-QFP 2028-2034, u wara għandhom jiġu ddeterminati bil-proċedura baġitarja annwali. L-approprjazzjonijiet u l-allokazzjonijiet tal-persunal kollha mill-2028 huma indikattivi.
3.2.7.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
Il-proposta/L-inizjattiva:
–
ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi
–
tipprevedi l-kofinanzjament minn partijiet terzi kif stmat hawn taħt:
Approprjazzjonijiet f’miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Total
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
|
|
Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.3.
Impatt stmat fuq id-dħul
–
Il-proposta/L-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–
Il-proposta/L-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
–
fuq ir-riżorsi proprji
–
fuq dħul ieħor
–
indika jekk id-dħul huwiex assenjat għal-linji tan-nefqa
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Linja baġitarja tad-dħul:
|
Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja kurrenti
|
Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva
|
|
|
|
Sena 2028
|
Sena 2029
|
Sena 2030
|
Sena 2031
|
Sena 2032
|
Sena 2033
|
Sena 2034
|
|
Artikolu ………….
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Għal dħul assenjat, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.
Rimarki oħra (eż. il-metodu/il-formula li ntużaw biex jiġi kkalkolat l-impatt fuq id-dħul jew kwalunkwe informazzjoni oħra).
4.Dimensjonijiet diġitali
Din it-Taqsima tqis is-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej u r-rekwiżiti tal-interoperabbiltà transfruntiera tagħhom.
4.1.Rekwiżiti ta’ rilevanza diġitali
Deskrizzjoni ta’ livell għoli tar-rekwiżiti ta’ rilevanza diġitali u tal-kategoriji relatati (data, diġitalizzazzjoni & awtomatizzazzjoni tal-proċessi, soluzzjonijiet diġitali u/jew servizzi pubbliċi diġitali):
|
Referenza għar-rekwiżit
|
Deskrizzjoni tar-rekwiżit
|
Attur(i) affettwati jew ikkonċernati mir-rekwiżit
|
Proċessi ta’ Livell Għoli
|
Kategoriji
|
|
Artikolu 15
|
Applikazzjoni għall-istatus ta’ inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Applikazzjoni
|
Data
|
|
Artikolu 22
|
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċedura unika tal-ħruġ tal-permessi bbażata fuq applikazzjoni unika li tkopri l-permessi kollha meħtieġa għall-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u għall-proġetti strateġiċi
|
Stati Membri
Awtoritajiet nazzjonali kompetenti
|
Ħruġ tal-permessi
|
Data
Soluzzjoni Diġitali
Diġitalizzazzjoni u awtomatizzazzjoni tal-proċess
|
|
Artikolu 24
|
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu portal tal-aċċess uniku fil-livell nazzjonali, għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni unika għall-permess għall-faċilitajiet Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u l-proġetti strateġiċi
|
Stati Membri
Awtoritajiet nazzjonali kompetenti
|
Ħruġ tal-permessi
|
Diġitalizzazzjoni u awtomatizzazzjoni tal-proċess
|
|
Artikolu 33
|
Immeppjar strateġiku tas-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Monitoraġġ
|
Data
|
|
Artikolu 34
|
Stabbiliment tal-Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju
|
Operaturi privati
|
Kondiviżjoni tad-data
|
Soluzzjoni Diġitali
Data
|
|
Artikolu 35
|
F’konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ regolari tal-katina tal-valur tas-semikondutturi bil-ħsieb li tidentifika fatturi li jistgħu jfixklu, jikkompromettu jew jaffettwaw b’mod negattiv il-provvista tas-semikondutturi jew il-kummerċ tas-semikondutturi
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Monitoraġġ
|
Data
|
|
Artikolu 38
|
Ġbir preventiv ta’ informazzjoni
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Rapportar
|
Data
|
|
Artikolu 41
|
Ġbir ta’ informazzjoni fil-fażi ta’ kriżi
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Rapportar
|
Data
|
4.2.Data
Deskrizzjoni ta’ livell għoli tad-data fil-kamp ta’ applikazzjoni.
|
Tip ta’ data
|
Referenza għar-rekwiżit(i)
|
Standard u/jew speċifikazzjoni (jekk applikabbli)
|
|
Data fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-istatus ta’ inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi
|
Artikolu 15
|
M/A
|
|
Applikazzjonijiet għall-ħruġ tal-permessi
|
Artikolu 22
|
M/A
|
|
Data meħtieġa għal immeppjar strateġiku tas-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni
|
Artikolu 33
|
M/A
|
|
Data fil-kuntest tal-Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju
|
Artikolu 34
|
M/A
|
|
Data meħtieġa għall-monitoraġġ tal-katina tal-valur tas-semikondutturi
|
Artikolu 35
|
M/A
|
|
Ġbir preventiv ta’ informazzjoni
|
Artikolu 38
|
M/A
|
|
Ġbir ta’ informazzjoni fil-fażi ta’ kriżi
|
Artikolu 41
|
M/A
|
Flussi tad-data
Deskrizzjoni ta’ livell għoli tal-flussi ta’ data
|
Tip ta’ data
|
Referenza/i għad-dokument
|
Atturi li jipprovdu d-data
|
Atturi li jirċievu d-data
|
Skattatur tal-iskambju tad-data
|
Frekwenza (jekk applikabbli)
|
|
Data fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-istatus ta’ inizjattiva Ewropea tat-teknoloġiji tas-semikondutturi
|
Artikolu 15
|
Industrija
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
M/A
|
M/A
|
|
Applikazzjonijiet għall-ħruġ tal-permessi
|
Artikolu 22
|
Industrija
|
Stati Membri
|
M/A
|
M/A
|
|
Data meħtieġa għal immeppjar strateġiku tas-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni
|
Artikolu 33
|
Industrija
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
M/A
|
M/A
|
|
Data fil-kuntest tal-Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju
|
Artikolu 34
|
Industrija
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
M/A
|
M/A
|
|
Data meħtieġa għall-monitoraġġ tal-katina tal-valur tas-semikondutturi
|
Artikolu 35
|
Industrija
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
M/A
|
M/A
|
|
Ġbir preventiv ta’ informazzjoni
|
Artikolu 38
|
Industrija
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Fażi ta’ qabel il-kriżi
|
M/A
|
|
Ġbir ta’ informazzjoni fil-fażi ta’ kriżi
|
Artikolu 41
|
Industrija
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Fażi ta’ kriżi
|
M/A
|
Allinjament mal-Istrateġija Ewropea għad-Data
Spjegazzjoni ta’ kif ir-rekwiżit(i) huma allinjati mal-Istrateġija Ewropea għad-Data:
|
Din l-inizjattiva leġiżlattiva hija konformi mal-użu ta’ data miżmuma privatament mill-awtoritajiet tal-gvern (min-negozji għall-gvern – B2G, Business-to-Government) sabiex jiġu żgurati deċiżjonijiet ta’ politika xprunati mill-evidenza. Is-sistema diġitali tal-ħruġ tal-permessi għandha titfassal b’mod li jiżgura l-interoperabbiltà u l-iskambju awtomatizzat tad-data bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-użu mill-ġdid tad-data u tad-dokumenti diġà miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi, livell għoli ta’ ċibersigurtà u integrità tal-informazzjoni, kif ukoll it-trasparenza u l-akkontabilità fil-proċedura tal-ħruġ tal-permessi.
|
Allinjament mal-prinċipju ta’ darba biss
|
L-Artikolu 22 jipprevedi l-istabbiliment ta’ proċedura unika tal-ħruġ tal-permessi, abbażi ta’ applikazzjoni unika li tkopri l-permessi kollha meħtieġa għall-inizjattivi Ewropej tat-teknoloġiji tas-semikondutturi u għall-proġetti strateġiċi.
|
4.3.Soluzzjonijiet diġitali
For each digital solution, please provide the reference to the requirement(s) of digital relevance concerning it, a description of the digital solution’s mandated functionality, the body that will be responsible for it, and other relevant aspects such as reusability and accessibility. Fl-aħħar nett, spjega jekk is-soluzzjoni diġitali għandhiex il-ħsieb li tagħmel użu mit-teknoloġiji tal-IA.
|
Soluzzjoni diġitali
|
Referenza għar-rekwiżit(i)
|
Funzjonalitajiet obbligatorji ewlenin
|
Korp responsabbli
|
Kif tiġi koperta l-aċċessibbiltà?
|
Kif jitqies l-użu mill-ġdid?
|
Użu tat-teknoloġiji tal-AI
|
|
Sistema Diġitali tal-Ħruġ tal-Permessi
|
Artikolu 22 u Artikolu 24
|
Il-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi jsiru b’mezzi kompletament diġitali.
Is-sistema għandha tipprovdi interfaċċa tal-utenti waħda li tippermetti interazzjoni mas-servizzi pubbliċi rilevanti.
Is-sistema diġitali tal-ħruġ tal-permessi għandha tippermetti s-sottomissjoni mingħajr karti, traċċar, u teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-permessi.
|
Stati Membri
Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti
|
Jenħtieġ li s-sistema diġitali tal-ħruġ tal-permessi titfassal b’mod li tiżgura l-faċilità għall-utenti u l-aċċessibbiltà għall-applikanti kollha, inkluż għall-persuni b’diżabbiltà
|
Jenħtieġ li s-sistema diġitali tal-ħruġ tal-permessi titfassal b’mod li jiżgura l-użu mill-ġdid tad-data u tad-dokumenti diġà miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi
|
//
|
|
Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju
|
Artikolu 34
|
Jenħtieġ li l-pjattaforma tiġbor data mingħand l-impriżi parteċipanti biex iżżid it-trasparenza u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi
|
Operaturi privati
|
Jenħtieġ li l-pjattaforma titfassal b’tali mod li tiżgura l-faċilità għall-utenti u l-aċċessibbiltà għall-applikanti kollha, inklużi l-persuni b’diżabilità.
|
|
//
|
Sistema Diġitali tal-Ħruġ tal-Permessi
|
Politika diġitali u/jew settorjali (meta dawn ikunu applikabbli)
|
Spjegazzjoni dwar kif tallinja
|
|
Qafas taċ-Ċibersigurtà tal-UE
|
Jenħtieġ li s-Sistema Diġitali nazzjonali tal-Ħruġ tal-Permessi titfassal b’mod li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-data, ċibersigurtà, u integrità tal-informazzjoni.
|
|
Kartieri Ewropej tan-Negozju
|
Il-punt uniku tal-aċċess ta’ Sistema Diġitali nazzjonali tal-Ħruġ tal-Permessi għandu juża l-Kartieri Ewropej tan-Negozju.
|
Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju
|
Politika diġitali u/jew settorjali (meta dawn ikunu applikabbli)
|
Spjegazzjoni dwar kif tallinja
|
|
Qafas taċ-Ċibersigurtà tal-UE
|
Il-Pjattaforma tal-Katina tal-Provvista tas-Semikondutturi minn Negozju għal Negozju għandha tkun imfassla biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-data, ta’ ċibersigurtà, u ta’ integrità tal-informazzjoni.
|
4.4.Valutazzjoni tal-interoperabbiltà
M/A
4.5.Miżuri li jappoġġaw l-implimentazzjoni diġitali
M/A