Brussell, 3.7.2026

COM(2026) 339 final

2026/0181(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/788 fir-rigward is-setgħa tal-Kummissjoni biex tadotta atti delegati 


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Premessa 35 tar-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej 1(1) tiddikjara li “sabiex dan ir-Regolament jiġi adattat għall-ħtiġijiet tal-ġejjieni, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadottata atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-emendar tal-Annessi ta' dan ir-Regolament”. Għaldaqstant, l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2019/788 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni “li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 biex temenda l-Annessi ta’ dan ir-Regolament fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament rilevanti għal dawk l-Annessi.” 

L-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2019/788 ta din id-delega tas-setgħa lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin, li skada fis-6 ta’ Ġunju 2024. L-abbozz ta’ proposta jemenda l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2019/788 biex jipprevedi setgħa ta’ tul ta’ żmien indeterminat. 

Il-ħtieġa għall-għoti tas-setgħa hija partikolarment rilevanti fir-rigward tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/788, li jistabbilixxi l-għadd minimu ta’ firmatarji għal kull Stat Membru. L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (UE) 2019/788 jiddikjara, bħala waħda mill-kundizzjonijiet għall-validità ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, li: “f'mill-inqas kwart tal-Istati Membri, in-numru ta' firmatarji huwa mill-inqas daqs in-numru minimu stabbilit fl-Anness I, li jikkorrispondi għan-numru ta' Membri tal-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru, multiplikat bin-numru totali ta' Membri tal-Parlament Ewropew, fil-mument tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva.” 

F’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew ibbażati fuq l-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew inbidlet għal kull leġiżlatura parlamentari mill-adozzjoni tal-ewwel Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej fl-2011 2(2). L-atti delegati adottati f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2019/788 u preċedentement l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 intużaw biex jiġi emendat l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/788 u r-Regolament (UE) Nru 211/2011 rispettivament, qabel kull leġiżlatura ġdida. 

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Mhux applikabbli.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet għall-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini skont it-tifsira tal-Artikolu 11 tat-TUE.

•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Is-suġġett ta’ dan ir-Regolament jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 24 TFUE peress li l-Unjoni biss tista’ tadotta r-regoli u l-proċeduri li jirregolaw l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

•Proporzjonalità

Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE peress li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi deskritti hawn fuq.

Din il-proposta tipprevedi emenda limitata u mmirata għar-Regolament (UE) 2019/788.

•Għażla tal-istrument

Ir-Regolament li jemenda Regolament.

L-Artikolu 24 tat-TFUE jipprovdi bażi legali speċifika għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u l-adozzjoni permezz ta’ regolamenti tad-dispożizzjonijiet għall-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini skont it-tifsira tal-Artikolu 11 tat-TUE. Regolament b’applikazzjoni diretta biss jista’ jipprovdi r-regoli u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ strument b’dimensjoni Ewropea bħall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. 

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

•Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta ma hijiex akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt. Din il-proposta ma tibdilx ir-Regolament (UE) 2019/788 u ma timponix obbligi ġodda fuq il-partijiet ikkonċernati. Din hija emenda teknika mmirata li għandha l-għan li tistabbilixxi mill-ġdid is-setgħa tal-Kummissjoni li temenda l-Annessi tar-Regolament (UE) 2019/788 permezz ta’ atti delegati fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament rilevanti għal dawk l-Annessi kif iddikjarat fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2019/788.

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

•Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex impatt fuq il-baġit għall-istituzzjonijiet tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux applikabbli.

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 tar-Regolament propost jissostitwixxi l-paragrafu 2 tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2019/788 biex tiddaħħal setgħa ta’ tul ta’ żmien indeterminat għall-Kummissjoni biex tadotta atti delegati kif imsemmi fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2019/788. Il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni proposta tirriproduċi l-klawżola standard mill-Appendiċi tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet u l-fehim komuni tagħha dwar l-atti delegati. 

2026/0181 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/788 fir-rigward is-setgħa tal-Kummissjoni biex tadotta atti delegati 

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 24 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2019/788 3 (1) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 24 ta’ dak ir-Regolament biex temenda l-Annessi tiegħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament rilevanti għal dawk l-Annessi. L-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2019/788 ta din id-delega tas-setgħa lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin, li skada fis-6 ta’ Ġunju 2024.  

(2)Hemm bżonn li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li temenda l-Annessi tar-Regolament (UE) 2019/788 permezz ta’ atti delegati biex tadattahom għall-ħtiġijiet futuri. B’mod partikolari, l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/788 jistabbilixxi l-għadd minimu ta’ firmatarji għal kull Stat Membru sabiex inizjattiva tkun valida f’konformità mal-Artikolu 3(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2019/788. Dak in-numru minimu ta’ firmatarji għal kull Stat Membru, jeħtieġ li jiġi aġġornat kull meta l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew tinbidel permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew adottata abbażi tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(3)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/788 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2019/788, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 23 għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat minn [is-6 ta’ Ġunju 2019] [id-data tad-dħul fis-seħħ tal-att leġislattiv bażiku jew kwalunkwe data oħra stabbilita mill-koleġislaturi]”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

[...]    [...]

(1) (1)    Ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55).
(2) (2)    Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1).
(3) (1)    Ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj).