Brussell, 11.6.2026

COM(2026) 275 final

2026/0142(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Belġju japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati f’port f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

It-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku fl-Unjoni hija rregolata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 1 (id-“Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew id-“Direttiva”).

Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru sabiex jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li l-Belġju jitħalla japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti, minbarra dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment 2 , irmiġġati fil-portijiet (“elettriku mix-xatt”) għal 6 snin. Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Jannar 2026, l-awtoritajiet Belġjani infurmaw lill-Kummissjoni bit-talba tagħhom għal din l-awtorizzazzjoni.

Il-Belġju qiegħed jitlob awtorizzazzjoni biex japplika rata ta’ taxxa mnaqqsa ta’ EUR 0,50/MWh, ugwali għar-rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għal użu kummerċjali kif stabbilit fid-Direttiva, għall-provvista tal-elettriku mix-xatt lil bastimenti li joperaw esklużivament għal skopijiet kummerċjali fl-ibħra u fl-ilmijiet interni tal-Unjoni (inkluż is-sajd).

Il-perjodu ta’ validità mitlub huwa għal 6 snin mill-ewwel jum tax-xahar wara x-xahar li fih id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Belġju jintroduċi rata mnaqqsa għall-elettriku mix-xatt se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa fil-perjodu massimu permess mill-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija.

Dan it-tnaqqis għandu l-għan li jippromwovi l-użu tal-enerġija mix-xatt bħala alternattiva sostenibbli għall-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord bl-użu ta’ ġeneraturi li jaħdmu bil-fjuwils fossili. Il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija mix-xatt hija pass essenzjali biex it-trasport fuq l-ilma u l-portijiet Belġjani jsiru aktar ekoloġiċi. Barra minn hekk, użu akbar tal-enerġija mix-xatt fil-futur se jkollu impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-arja fiż-żoni portwarji Belġjani, kif meħtieġ mid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent 3 . Il-Belġju jistenna wkoll li din il-miżura se tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, it-tniġġis akustiku u l-emissjonijiet tan-nitroġenu f’konformità mad-Direttiva dwar il-Ħabitats 4 u mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 5 .

Bil-miżura mitluba, il-Belġju jfittex li joħloq kundizzjonijiet ekwi xierqa għat-tranżizzjoni mill-fjuwil tal-bastimenti (ġeneraturi abbord) għall-enerġija mix-xatt, kif ukoll li joħloq inċentivi sostenibbli. Il-miżura se tkun kruċjali biex il-Belġju jkun jista’ jilħaq il-miri tal-UE dwar id-disponibbiltà u l-użu tal-enerġija mix-xatt, kif stabbilit fir-Regolament FuelEU Maritime 6 u fir-Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi 7 .

Il-Belġju għandu l-ħsieb li din l-iskema tagħti spinta lill-kompetizzjoni ġusta, kif ukoll lill-opportunitajiet ambjentali u tal-enerġija, mingħajr ma tfixkel il-funzjonament xieraq tas-suq intern. Il-Belġju jrid jinċentivizza l-użu tal-elettriku mix-xatt li huwa kkunsidrat bħala alternattiva li tniġġes inqas mill-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord il-bastimenti li jkunu rmiġġati f’port. Kif indikat fit-talba, ir-rata standard Belġjana tat-taxxa fuq l-elettriku hija kkalkolata permezz tal-użu tal-faxex ta’ konsum li ġejjin.

Faxxa ta’ konsum

Dazju tas-sisa (EUR/MWh)

0 sa 20 MWh

14,21

20 sa 50 MWh

12,09

50 sa 1 000 MWh

11,39

1 000 sa 25 000 MWh

10,69

25 000 sa 100 000 MWh

2,73

100 000 MWh u aktar

0,50

Il-benefiċċju fuq it-taxxa jiddependi mill-ammonti għad-differenza bejn ir-rati kurrenti tad-dazju tas-sisa applikabbli għall-elettriku għall-użu kummerċjali u r-rata mnaqqsa applikabbli għall-enerġija mix-xatt ta’ EUR 0,5 għal kull MWh. Dan ifisser li l-benefiċjarji jintalbu jħallsu r-rata minima tat-taxxa applikabbli tal-UE għall-elettriku skont id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija ta’ EUR 0,50 għal kull MWh (kif speċifikat fl-Artikolu 10(1) u t-Tabella C tal-Anness I tad-Direttiva, għall-użu kummerċjali). Il-Belġju esklużivament jippermetti li l-benefiċċju fuq it-taxxa jiġi pprovdut bħala dazju tas-sisa mnaqqas applikabbli għall-elettriku fornut lil installazzjonijiet tal-enerġija mix-xatt. L-operaturi ta’ installazzjonijiet tal-enerġija mix-xatt li jixtiequ li r-rata mnaqqsa tiġi applikata għall-elettriku fornut lill-installazzjonijiet tal-enerġija mix-xatt tagħhom iridu jippreżentaw dikjarazzjoni lill-fornitur tal-elettriku tagħhom li tindika liema mill-konnessjonijiet tal-grilja tagħhom huma maħsuba esklużivament għall-provvista tal-elettriku lil installazzjonijiet tal-enerġija mix-xatt li jipprovdu l-elettriku lil bastimenti għajr dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment. Imbagħad, il-fornitur tal-elettriku japplika biss ir-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq l-enerġija għall-elettriku fornut lil dawk il-konnessjonijiet.

L-awtoritajiet Belġjani indikaw li l-miżura għalhekk se tapplika għall-operaturi ta’ installazzjonijiet tal-enerġija mix-xatt fil-portijiet Belġjani. Huwa mistenni li dawk l-operaturi jgħaddu l-vantaġġ finanzjarju lill-utenti tal-enerġija mix-xatt, jiġifieri s-sidien ta’ bastimenti tan-navigazzjoni bil-passaġġi fuq l-ilma interni u dawk marittimi.

Bħalissa ma hemm l-ebda installazzjoni tal-enerġija mix-xatt disponibbli għat-trasport fuq l-ilma marittimu. Sal-2030 huma mistennija 40 installazzjoni bħal dawn u madwar 70 sal-2035. Barra minn hekk, il-bastimenti huma mistennija li jidħlu fl-installazzjonijiet disponibbli 4 600 darba sal-2030 u madwar 7 400 darba sal-2035. Għan-navigazzjoni bil-passaġġi fuq l-ilma interni bħalissa hemm madwar 200 installazzjoni li jfornu madwar 400 bastiment.

Bħala stima tal-infiq tat-taxxa mill-miżura, l-awtoritajiet Belġjani kkalkulaw l-impatt baġitarju stmat mill-2027 sal-2032:

2027

EUR 0,14 miljun

2028

EUR 0,41 miljun

2029

EUR 0,62 miljun

2030

EUR 1,00 miljun

2031

EUR 1,09 miljun

2032

EUR 1,12 miljun

Bit-tnaqqis fit-taxxa, il-Belġju jixtieq jippromwovi l-użu tal-enerġija mix-xatt bħala alternattiva sostenibbli għall-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord bl-użu ta’ ġeneraturi li jaħdmu bil-fjuwils fossili. L-inkoraġġiment ta’ din il-forma ta’ enerġija alternattiva huwa konformi mal-isforzi biex tiġi promossa u appoġġata ulterjorment it-tranżizzjoni sostenibbli, kif stabbilit ukoll fil-Patt għal Industrija Nadifa.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

It-taxxa fuq l-elettriku hija rregolata mid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, b’mod partikolari l-Artikolu 10. L-Artikolu 14(1)(c) jipprevedi eżenzjoni ta’ taxxa obbligatorja fuq l-elettriku prodott abbord bastiment. L-Artikoli 5, 15 u 17 jipprevedu l-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw divrenzjar tat-taxxi, inklużi eżenzjonijiet u tnaqqis, għal ċerti użi tal-elettriku. Madankollu, fil-verità, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux tnaqqis fit-tassazzjoni għall-elettriku mix-xatt.

Dispożizzjonijiet fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija

L-Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva jgħid dan li ġej:

Flimkien ma dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli ta’ qabel, b’mod partikolari l-Artikolu 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għal konsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

Permezz ta’ dan it-tnaqqis fit-taxxa, l-awtoritajiet Belġjani qegħdin isegwu l-għan li jippromwovu mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent sabiex il-bastimenti jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom tal-elettriku waqt li jkunu rmiġġati fil-portijiet u b’hekk itejbu l-kwalità tal-arja lokali u jnaqqsu l-istorbju.

Il-Kummissjoni diġà rrakkomandat l-użu tal-elettriku mix-xatt bħala alternattiva għall-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord il-bastimenti li jkunu rmiġġati u b’hekk irrikonoxxiet il-vantaġġi ambjentali tiegħu 8 .

Il-benefiċjarji huma mitluba jħallsu r-rata minima tat-taxxa tal-UE għall-elettriku skont id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija ta’ EUR 0,50/MWh minflok ir-rata standard ogħla tad-dazju tas-sisa tal-elettriku Belġjan u għalhekk dan jista’ jikkontribwixxi għall-objettiv ta’ politika ddikjarat.

Il-possibilità ta’ introduzzjoni ta’ trattament favorevoli tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt tista’ tkun prevista skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva minħabba li l-għan tagħha huwa li tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu eżenzjonijiet jew tnaqqis ulterjuri għal kunsiderazzjonijiet speċifiċi tal-politika.

Il-Belġju talab li l-miżura għandha tapplika għal matul il-perjodu massimu permess mill-Artikolu 19(2), jiġifieri 6 snin. Fil-prinċipju, il-miżura trid tibqa’ fis-seħħ għal perjodu twil biżżejjed biex ikollha impatt pożittiv fuq id-deċiżjonijiet ta’ investiment għall-investimenti f’faċilitajiet tal-elettriku mix-xatt mill-operaturi tal-port u f’tagħmir abbord mill-operaturi tal-bastimenti.

Madankollu, id-deroga ma għandhiex iddgħajjef l-iżviluppi futuri tal-qafas legali eżistenti u għandha tqis ir-reviżjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u l-adozzjoni possibbli mill-Kunsill ta’ att legali bbażat fuq proposta tal-Kummissjoni għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija 9 .

B’mod partikolari, bħala parti mir-riformulazzjoni proposta tad-Direttiva dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku, il-Kummissjoni, fost l-oħrajn, ipprevediet li l-Istati Membri kollha japplikaw eżenzjoni, eżenzjoni parzjali jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti rmiġġati fil-portijiet, sabiex jiġi stabbilit inċentiv għall-iżvilupp u l-użu tagħha.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, jidher xieraq li tingħata l-awtorizzazzjoni għall-perjodu inkwistjoni.

Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

Ir-rata ta’ taxxa mnaqqsa ta’ EUR 0,50 għal kull MWh prevista mill-awtoritajiet Belġjani hija ugwali għal-livell minimu ta’ tassazzjoni tal-UE fuq l-elettriku għal użu kummerċjali skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

L-Artikolu 44 tar-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE jistipula l-kundizzjonijiet li bihom l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali skont id-Direttiva 2003/96/KE tista’ tiġi eżentata mir-rekwiżiti ta’ notifika ta’ għajnuna mill-Istat.

Il-proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill ma tippreġudikax l-obbligu tal-Istat Membru li jiżgura l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari, mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 651/2014 fil-każ ta’ kategoriji ta’ għajnuna b’eżenzjoni ta’ kategorija, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament. Il-proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill hija wkoll mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istat Membru li jinnotifika l-għajnuna lill-Kummissjoni qabel ma din tidħol fis-seħħ, jekk l-għajnuna l-ġdida ma tkunx eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Politika dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima 

Il-miżura mitluba tikkonċerna primarjament il-politika dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima tal-UE. Sa fejn din se tgħin biex jitnaqqas il-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti abbord il-bastimenti fil-portijiet, il-miżura se tikkontribwixxi għall-objettiv li tittejjeb il-kwalità tal-arja lokali u jitnaqqas l-istorbju. Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent 10 tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-livelli ta’ diversi sustanzi li jniġġsu l-arja ma jaqbżux il-valuri ta’ limitu, il-valuri fil-mira u standards oħra tal-kwalità tal-arja ambjentali stabbiliti fid-Direttiva. Dan l-obbligu jirrikjedi li l-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet għal problemi bħall-emissjonijiet mill-bastimenti rmiġġati fil-portijiet fejn dan ikun rilevanti u huwa probabbli li fil-portijiet li għandhom dawn il-problemi, l-użu tal-elettriku mix-xatt se jkun imħeġġeġ ulterjorment bħala element wieħed mill-istrateġija globali għall-kwalità tal-arja. L-użu tal-elettriku mix-xatt huwa mħeġġeġ ukoll skont id-Direttiva (UE) 2016/802 11 li tirregola l-kontenut tal-kubrit fi fjuwils marini.

Bl-applikazzjoni tal-miżura mitluba, il-Belġju beħsiebu jinċentivizza l-użu tal-elettriku mix-xatt bħala alternattiva li tiffavorixxi aktar l-ambjent għall-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord il-bastimenti waqt li jkunu rmiġġati f’port.

Kif jisħqu l-awtoritajiet Belġjani, l-użu tal-elettriku mix-xatt minflok ġeneraturi abbord jista’ jirriżulta f’effetti ta’ benefiċċju għall-ambjent. Il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija mix-xatt hija pass essenzjali biex it-trasport fuq l-ilma u l-portijiet Belġjani jsiru aktar ekoloġiċi. Barra minn hekk, użu akbar tal-enerġija mix-xatt fil-futur se jkollu impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-arja fiż-żoni portwarji Belġjani, permezz tat-tnaqqis tas-sustanzi niġġiesa tal-arja, tal-materja partikolata u tan-nugrufun. Il-Belġju jistenna wkoll li din il-miżura se tnaqqas it-tniġġis akustiku u l-emissjonijiet tan-nitroġenu. Il-miżura x’aktarx li twassal ukoll għal tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2. Dan minħabba li t-taħlita tal-elettriku mill-grilja fuq l-art fil-Belġju hija b’intensità inqas qawwija ta’ karbonju mill-elettriku prodott abbord billi jinħarqu l-fjuwils tal-bastimenti, minħabba effiċjenza ogħla fis-sistema tal-enerġija u d-differenza fil-fjuwils tal-input użati.

Din il-miżura hija kompatibbli mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni tal-elettriku mix-xatt għall-użu mill-bastimenti rmiġġati fil-portijiet Komunitarji 12 , li tispeċifika li t-tnaqqis tat-tassazzjoni fuq l-elettriku fornut lill-bastimenti rmiġġati jżid l-attraenza tal-elettriku mix-xatt.

Politika dwar l-enerġija

Il-miżura hija konformi mar-Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi 13 , li tindirizza l-kwistjoni tal-installazzjoni ta’ faċilitajiet għall-provvista tal-elettriku mix-xatt f’portijiet fejn hemm domanda għal tali faċilitajiet u l-kostijiet ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji ambjentali. Miżura simili ġiet ivvalutata wkoll bħala li tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għandhom l-għan li jnaqqsu l-impronta ambjentali tat-trasport marittimu u għall-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE 14 .

Ta’ min ifakkar f’dan il-punt li raġuni importanti għall-pożizzjoni kompetittiva mhux favorevoli tal-elettriku mix-xatt tinsab fil-fatt li l-elettriku prodott abbord il-bastimenti waqt li jkunu fil-portijiet marittimi bħalissa jgawdi minn eżenzjoni sħiħa mit-taxxa: mhux talli l-fjuwil tal-bastimenti li jinħaraq biex jiġġenera l-elettriku huwa eżentat mit-tassazzjoni, li jikkorrispondi għal sitwazzjoni normali skont l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, iżda wkoll l-elettriku nnifsu prodott abbord il-bastimenti huwa eżentat 15 . Minkejja li l-eżenzjoni tal-aħħar tista’ bħala tali titqies diffiċli biex tiġi rrikonċiljata mal-objettivi ambjentali tal-Unjoni, l-oriġini tagħha tirriżulta minn kunsiderazzjonijiet ta’ prattikabbiltà. Dan huwa minħabba l-fatt li t-tassazzjoni tal-elettriku prodott abbord tirrikjedi dikjarazzjoni mis-sid jew mill-operatur tal-bastiment dwar l-ammont ta’ elettriku prodott u kkunsmat. Id-dikjarazzjoni jkollha tiddetermina ulterjorment dak is-sehem tal-elettriku kkunsmat fl-ibħra territorjali tal-Istat Membru speċifiku fejn tkun dovuta t-taxxa. Dan joħloq piż amministrattiv eċċessiv għas-sidien tal-bastimenti jekk ikollhom jagħmlu tali dikjarazzjonijiet għal kull Stat Membru li jkunu għaddew mill-ibħra territorjali tiegħu. Kunsiderazzjonijiet analogi japplikaw għan-navigazzjoni bil-passaġġi fuq l-ilma interni u għat-trattament fakultattiv tat-taxxa f’konformità mal-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva. Minħabba l-eżenzjoni tar-rotta fossili tal-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord il-bastimenti, ma jistax jiġi ġġustifikat li tiġi ppenalizzata l-alternattiva tal-elettriku mix-xatt li tniġġes inqas u jkun mistħoqq li l-Belġju japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni.

Politika dwar it-trasport

Il-miżura hija konformi mal-għanijiet tar-Regolament Fuel EU Maritime 16 . Dan ir-Regolament jiddikjara li mill-2030 ’il quddiem il-bastimenti kklassifikati bħala bastimenti tal-kruċieri, laneċ u bastimenti tal-kontejners ta’ aktar minn 5 000 tunnellaġġ gross huma meħtieġa jużaw sistemi ta’ Provvista tal-Elettriku mix-Xatt, ħlief f’każijiet fejn teknoloġija b’emissjonijiet żero hija disponibbli għalihom. L-applikazzjoni usa’ tar-rata mnaqqsa, jiġifieri għan-navigazzjoni bil-passaġġi fuq l-ilma interni u għall-bastimenti b’tunnellaġġ gross aktar baxx, xorta tiġġustifika l-miżura. Kif saħqu l-awtoritajiet Belġjani, l-awtorizzazzjoni se tkun kruċjali biex il-Belġju jkun jista’ jilħaq il-miri tal-UE msemmija hawn fuq dwar id-disponibbiltà u l-użu tal-enerġija mix-xatt.

Suq intern u kompetizzjoni ġusta

Mill-perspettiva tas-suq intern u tal-kompetizzjoni ġusta, il-miżura tnaqqas biss id-distorsjoni li teżisti fit-taxxa bejn żewġ sorsi tal-elettriku f’kompetizzjoni bejniethom għad-dgħajjes irmiġġati, jiġifieri l-ġenerazzjoni abbord u l-elettriku mix-xatt, ikkawżata mill-eżenzjoni tat-taxxa għall-fjuwils tal-bastimenti.

L-awtoritajiet Belġjani josservaw li f’dan l-istadju, il-possibbiltà tat-tnaqqis propost fit-taxxa li jiffavorixxi lill-fornituri tal-elettriku u, indirettament, lis-sidien tal-bastimenti użati għat-tbaħħir kummerċjali, ma tistax tiġi eskluża. Madankollu, l-aċċess għall-elettriku mix-xatt se jkun disponibbli għall-bastimenti kkonċernati, irrispettivament mill-bandiera tagħhom, bla ma jwassal għal trattament tat-taxxa aktar vantaġġuż ta’ operaturi ekonomiċi nazzjonali fuq il-kompetituri tagħhom minn Stati Membri oħra tal-UE.

Rigward il-kompetizzjoni bejn il-portijiet, kwalunkwe impatt potenzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri li jista’ jirriżulta jekk il-bastimenti jbiddlu r-rotot tagħhom, minħabba l-possibbiltà ta’ konsum ta’ elettriku mix-xatt b’rata ta’ taxxa mnaqqsa, huwa mistenni li se jkun negliġibbli. F’sitwazzjoni fejn, kif iddikjarat hawn fuq, minkejja t-tnaqqis fit-taxxa l-użu tal-elettriku mix-xatt ma huwiex probabbli, tal-inqas f’terminu ta’ żmien qasir, li jsir iktar ekonomiku mill-ġenerazzjoni abbord, dan it-tnaqqis fit-taxxa għall-elettriku mix-xatt ma huwiex probabbli li joħloq distorsjoni sinifikanti fil-kompetizzjoni bejn il-portijiet billi jġiegħel lill-bastimenti jbiddlu l-itinerarju tagħhom skont id-disponibbiltà ta’ din l-alternattiva.

L-awtoritajiet Belġjani jargumentaw li fatturi oħra (bħat-tip ta’ bastiment u merkanzija, il-konnessjonijiet maż-żoni interni disponibbli jew fatturi ekonomiċi oħra) għandhom rwol fl-għażla tal-portijiet, sabiex is-sempliċi disponibbiltà tal-elettriku mix-xatt ma tidhirx li hija deċiżiva. 

Il-perjodu ta’ żmien li għalih qiegħed jiġi propost li tagħti l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata rata tat-taxxa mnaqqsa, sakemm ma jkunx hemm bidliet sinifikanti fil-qafas u fis-sitwazzjoni kurrenti, jagħmilha improbabbli li l-analiżi mwettqa fil-paragrafi preċedenti tinbidel qabel id-data ta’ skadenza tal-miżura.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE fih innifsu ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-TFUE.

Madankollu, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill ingħata kompetenza esklużiva, bħala kwistjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, biex jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi eżenzjonijiet jew tnaqqis ulterjuri skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill. B’riżultat ta’ dan, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma huwiex applikabbli għal din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Fi kwalunkwe każ, peress li dan l-att ma huwiex abbozz ta’ att leġiżlattiv, ma għandux jintbagħat lill-Parlamenti nazzjonali skont il-Protokoll Nru 2 tat-Trattati għal rieżami ta’ konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

•Proporzjonalità

Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis tat-taxxa ma jeċċedix dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv inkwistjoni.

•Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE jipprevedi dan it-tip ta’ miżura biss.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-miżura ma tirrikjedix l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta hija bbażata fuq talba magħmula mill-Belġju u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru. Għalhekk, ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

•Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess u ma tirrikjedix valutazzjoni tal-impatt.

Madankollu, kif imsemmi qabel, l-informazzjoni pprovduta mill-Belġju tissuġġerixxi li l-miżura se jkollha impatt limitat fuq id-dħul mit-taxxa, u r-rata tat-taxxa għal elettriku mix-xatt xorta se tibqa’ ogħla mil-livell minimu ta’ tassazzjoni stabbilit fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Il-Belġju jistenna li l-miżura jkollha impatt pożittiv fuq il-kisba tal-għanijiet ambjentali tiegħu. Barra minn hekk, użu akbar tal-enerġija mix-xatt fil-futur se jkollu impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-arja fiż-żoni portwarji Belġjani, kif meħtieġ mid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent 17 . Il-Belġju jistenna wkoll li din il-miżura se tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, it-tniġġis akustiku u l-emissjonijiet tan-nitroġenu f’konformità mad-Direttiva dwar il-Ħabitats 18 u mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 19 .

F’aktar dettall, bħala stima tal-infiq tat-taxxa mill-miżura, skont l-awtoritajiet Belġjani, huma mistennija l-ispejjeż li ġejjin matul l-applikazzjoni tal-miżura:

2027

EUR 0,14 miljun

2028

EUR 0,41 miljun

2029

EUR 0,62 miljun

2030

EUR 1,00 miljun

2031

EUR 1,09 miljun

2032

EUR 1,12 miljun

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-miżura ma tipprevedix simplifikazzjoni. Din hija r-riżultat tat-talba li għamel il-Belġju u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

•Drittijiet fundamentali

Il-miżura ma tħalli l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżura ma tinvolvi ebda piż finanzjarju jew amministrattiv għall-Unjoni. Għalhekk, il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Ma huwa meħtieġ l-ebda pjan ta’ implimentazzjoni. Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal tnaqqis fit-taxxa mogħtija lil Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess. Din hija pprovduta għal perjodu limitat ta’ 6 snin. Ir-rata tat-taxxa li se tapplika se tkun ugwali għal-livell minimu ta’ tassazzjoni stabbilit mid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Il-miżura tista’ tiġi evalwata f’każ li jkun hemm talba għal tiġdid wara li l-perjodu tal-validità jkun skada.

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Il-proposta ma tirrikjedix dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jistipula li l-Belġju se jitħalla japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti, għajr dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, irmiġġati fil-portijiet Belġjani (“elettriku mix-xatt”). Ir-rata ta’ taxxa ma għandhiex tkun inqas minn EUR 0,50 għal kull MWh, jiġifieri l-livell minimu ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għal użu kummerċjali kif stipulat fid-Direttiva. Mhux se jkun possibbli li jiġi fornut elettriku b’rata mnaqqsa għad-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment kif definit fl-Artikolu 14(1)(c), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija.

L-Artikolu 2 jistipula li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-ewwel jum tax-xahar ta’ wara x-xahar li fih id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Belġju jintroduċi rata mnaqqsa għall-elettriku mix-xatt tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fil-perjodu massimu permess mid-Direttiva ta’ 6 snin, kif mitlub mill-Belġju.

2026/0142 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Belġju japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati f’port f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 20 , u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Permezz tal-ittra tat-8 ta’ Jannar 2026, il-Belġju talab l-awtorizzazzjoni biex japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port (“elettriku mix-xatt”), skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(2)Permezz tar-rata tat-taxxa mnaqqsa li beħsiebu japplika, il-Belġju għandu l-għan li jippromwovi l-użu tal-elettriku mix-xatt. L-użu ta’ tali elettriku huwa meqjus bħala mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti rmiġġati f’port milli l-ħruq ta’ fjuwils tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti.

(3)Sa fejn l-użu tal-elettriku mix-xatt jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li joriġinaw mill-ħruq ta’ fjuwils tal-bastimenti minn bastimenti li jkunu rmiġġati f’port, dan itejjeb il-kwalità tal-arja lokali fiż-żoni portwarji. B’kont meħud tal-intensità tal-karbonju tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-Belġju, l-użu tal-elettriku mix-xatt minflok l-elettriku ġġenerat permezz tal-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti huwa wkoll mistenni li jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, sustanzi oħra li jniġġsu l-arja u l-istorbju. Għalhekk, l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt hija mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.

(4)Li jingħata permess lill-Belġju biex japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiżdied l-użu ta’ tali elettriku, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet il-ġenerazzjoni abbord tal-elettriku se tibqa’ l-iżjed alternattiva kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba l-penetrazzjoni fis-suq kurrenti relattivament baxxa tat-teknoloġija rilevanti, huwa improbabbli li l-applikazzjoni ta’ dik ir-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha u għalhekk mhux se jkollha effett negattiv fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(5)F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 19(1) ta’ dik id-Direttiva trid tkun għal żmien strettament limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu ta’ awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed biex l-operaturi ekonomiċi rilevanti ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata għal perjodu ta’ 6 snin. Madankollu, jenħtieġ li dik l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika fid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt li tkun adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat, jekk tali dispożizzjonijiet isiru applikabbli matul il-perjodu tal-awtorizzazzjoni.

(6)Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Belġju huwa awtorizzat japplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti, għajr dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, irmiġġati f’port (“elettriku mix-xatt”), dment li jiġu rrispettati l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perjodu ta’ 6 snin mill-ewwel jum tax-xahar wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jadotta kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt, li ssir applikabbli matul il-perjodu stabbilit fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika meta jsiru applikabbli dawk id-dispożizzjonijiet ġenerali.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
(2)    It-terminu “dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment” huwa definit fl-Artikolu 14(1)(c), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2003/96/KE.
(3)    Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa.
(4)    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.
(5)    Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.
(6)    Ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE.
(8)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/339/KE tat-8 ta’ Mejju 2006 dwar il-promozzjoni tal-elettriku mix-xatt għall-użu mill-bastimenti rmiġġati fil-portijiet tal-Komunità (ĠU L 125, 12.5.2006).
(9)    COM/2021/563 final: Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tirriforma l-istruttura tal-Unjoni dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku (riformulazzjoni).
(10)    Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1).
(11)    Id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58–78).
(12)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2006 dwar il-promozzjoni tal-elettriku mill-art għall-użu mill-bastimenti sorġuti fil-portijiet tal-Komunità.
(13)    Ir-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE.
(14)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2024) 3934 final tas-17.06.2024 fil-każ tal-għajnuna mill-Istat SA.105117 (ĠU C/2024/5376, 03.09.2024).
(15)    L-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2003/96/KE.
(16)    Ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE.
(17)    Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa.
(18)    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.
(19)    Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.
(20)    ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.