Brussell, 1.4.2026

COM(2026) 141 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika tal-Korea għal ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku b’rabta ma’ valutazzjonijiet tal-konformità, ċertifikati u immarkar tal-konformità


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

B’din ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex: jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku dwar valutazjonijiet tal-konformità, ċertifikati u immarkar tal-konformità bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea; jinnomina lill-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-Unjoni; jindirizza direttivi lin-negozjatur; u jaħtar kumitat speċjali li n-negozjati jridu jsiru f’konsultazzjoni miegħu.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-UE kkonkludiet ftehimiet dwar rikonoxximent reċiproku (MRAs, mutual recognition agreements) dwar il-valutazzjonijiet tal-konformità ma’ diversi pajjiżi mhux tal-UE, inklużi l-Awstralja, il-Kanada, Iżrael, il-Ġappun, New Zealand, l-Iżvizzera, u l-Istati Uniti, fejn kull parti taċċetta r-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità prodotti mill-korpi maħtura tal-parti l-oħra biex turi konformità mar-regolamenti tekniċi tagħha 1 .

Taħt dawn l-MRAs, il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità maħtura (CAB, conformity assessment bodies), il-korpi ta’ spezzjoni, u l-entitajiet ta’ ċertifikazzjoni huma rikonoxxuti b’mod reċiproku. Il-listi ta’ dawn il-korpi jinżammu u jsiru aċċessibbli permezz ta’ repożitorji uffiċjali bħall-bażi tad-data NANDO (New Approach Notified and Designated Organisations) tal-UE jew annessi speċifiċi għas-sħab.

MRA dwar il-valutazzjonijiet tal-konformità bejn bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea jiffaċilita aċċess għas-suq billi jippermetti lil kull parti taċċetta r-rapporti tat-testijiet, iċ-ċertifikati u l-immarkar tal-konformità maħruġa mis-CABs maħtura tal-Parti l-oħra għal setturi speċifiċi, u b’hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-proċeduri tal-proċeduri tal-ittestjar u taċ-ċertifikazzjoni.

L-MRAs jgħinu biex jiffaċilitaw il-kummerċ billi jnaqqsu l-ostakli mhux tariffarji. Il-partijiet jaċċettaw ir-rapporti tat-testijiet, iċ-ċertifikati u l-immarkar tal-konformità maħruġa mis-CABs ta’ xulxin, u b’hekk jissimplifikaw l-iżdoganar tal-merkanzija u jnaqqsu d-dewmien proċedurali fil-fruntieri. L-evidenza empirika tindika li l-MRAs jagħtu spinta lill-esportazzjonijiet, iżidu l-għadd ta’ ditti esportaturi u jespandu l-portafolli tal-prodotti għas-swieq sħab, b’mod partikolari f’setturi li jirrappreżentaw madwar 30 % tal-esportazzjonijiet totali tal-EU, u jnaqqsu wkoll il-ħin u l-kostijiet tat-tbaħħir assoċjati mad-duplikazjoni tal-ittestjar 2 .

L-MRAs joħolqu kosteffiċjenzi billi jippermettu lill-kumpaniji jiddependu fuq CABs domestiċi għall-esportazzjonijiet, u b’hekk itaffu l-piż finanzjarju tal-kisba taċ-ċertifikazzjoni f’pajjiż ieħor. Dan il-piż spiss jaqa’ b’mod sproporzjonat fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li jridu jiffaċċjaw ukoll kostijiet ogħla ta’ konformità. L-MRAs irawmu fiduċja reċiproka fis-sistemi ta’ konformità u ma jesiġux armonizzazzjoni regolatorja. Huma jippermettu lill-esportaturi jsegwu proċeduri tal-ittestjar uniformi kemm fis-swieq tal-UE kif ukoll f’dawk mhux tal-UE. Jippromwovu wkoll aċċess usa’ għas-suq filwaqt li jippreservaw l-awtonomija regolatorja sovrana.

Ir-Repubblika tal-Korea iffirmat tali MRAs mal-Kanada, iċ-Ċilì, l-Indoneżja, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, u l-Vjetnam. Billi jippermettu lill-kumpaniji tal-Korea t’Isfel jiddependu fuq ir-riżultati tat-testijiet u ċ-ċertifikazzjonijiet maħruġa fil-pajjiżi sħab, dawn il-ftehimiet jgħinu biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-proċeduri tal-ittestjar u taċ-ċertifikazzjoni fir-Repubblika tal-Korea, u b’hekk inaqqsu b’mod sinifikanti l-ħin, il-piż amministrattiv u l-kostijiet għall-esportaturi tal-Korea t’Isfel. Madankollu, peress li l-kumpaniji tal-UE ma jibbenefikawx minn MRAs ekwivalenti mar-Repubblika tal-Korea f’ħafna setturi, huma spiss jiffaċċjaw kostijiet ogħla ta’ konformità, inkluż ittestjar ripetut jew ċertifikazzjoni lokali. B’riżultat ta’ dan, l-esportaturi tal-UE jinsabu fi żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma’ ditti minn pajjiżi li kkonkludew MRAs mar-Repubblika tal-Korea, speċjalment f’industriji regolati bħall-elettronika.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fid-dominju rilevanti

MRA dwar il-valutazzjonijiet tal-konformità, iċ-ċertifikati u l-immarkar tal-konformità bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea jibni fuq il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) UE-Korea t’Isfel, li diġà elimina 98,7 % tat-tariffi 3 u neħħa l-ostakli mhux tariffarji fl-elettronika, fil-prodotti farmaċewtiċi, fil-vetturi bil-mutur, u fis-sustanzi kimiċi, iżda huwa nieqes minn rikonoxximent reċiproku sħiħ. Konsegwentement, il-kummerċ bilaterali, li laħaq EUR 123,7 biljun f’merkanzija fl-2024, jibbenefika mit-tnaqqis fid-dewmien fil-fruntieri, dokumentazzjoni armonizzata, u integrazzjoni aħjar tal-katina tal-provvista, b’mod partikolari minħabba r-rwol tar-Repubblika tal-Korea bħala t-tmien l-akbar destinazzjoni tal-esportazzjoni tal-EU għall-merkanzija 4 .

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Ir-rakkomandazzjoni hija konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

L-MRAs jappoġġaw il-politika kummerċjali komuni billi jnaqqsu l-ostakli għall-kummerċ u jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq permezz ta’ ftehimiet bilaterali speċifiċi għas-settur ma’ pajjiżi mhux tal-UE li jaċċettaw ittestjar ekwivalenti mwettaq f’pajjiżi oħra, u b’hekk jevitaw id-duplikazzjoni tal-valutazzjonijiet. Il-ftehimiet jevitaw deliberatament li jagħtu mandat għal bidliet fir-regolamenti tekniċi, fl-istandards jew fir-rekwiżiti tal-partijiet, u b’hekk jippreservaw id-dritt ta’ kull parti li tirregola u jippermettu biss li rapporti jew ċertifikati ta’ testijiet barranin jiġu aċċettati bħala prova ta’ konformità.

Din ir-rakkomandazzjoni hija wkoll konformi mal-prinċipji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar il-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ, peress li tippromwovi l-kooperazzjoni regolatorja dwar il-valutazzjoni tal-konformità, tnaqqas l-ostakli mhux tariffarji u tħares ir-rekwiżiti essenzjali tal-UE, bħall-istandards tas-sikurezza u dawk ambjentali.

Fl-aħħar nett, it-twettiq ta’ negozjati tal-MRA jikkostitwixxi azzjoni strateġika allinjata bis-sħiħ mal-prijoritajiet tal-UE biex tissaħħaħ il-kompetittività globali u jitrawmu opportunitajiet ġodda tas-suq għall-kumpaniji tal-UE. Fil-kuntest internazzjonali attwali kkaratterizzat b’ostakli għall-kummerċ u miżuri protezzjonisti fost is-sħab kummerċjali ewlenin, l-MRAs iservu biex ineħħu l-ostakli tekniċi u regolatorji, u b’hekk jiffaċilitaw aċċess aktar faċli għas-suq u jbaxxu l-kostijiet għall-kumpaniji tal-UE. Dan l-approċċ huwa konsistenti mal-aġenda tal-Kummissjoni għall-kompetittività. Kif enfasizzat fir-rapport Draghi dwar il-kompetittività tal-UE u fil-Boxxla għall-Kompetittività tal-Kummissjoni, huwa kruċjali li jingħelbu l-frammentazzjoni u l-ostakli regolatorji biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fl-investiment u fil-produttività li jfixklu t-tkabbir ekonomiku tal-UE. Ir-rapport Draghi jenfasizza wkoll l-importanza ta’ ftehimiet kummerċjali strateġiċi u preferenzjali biex jiġu żgurati ktajjen tal-provvista kritiċi u tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. F’dan il-kuntest, l-MRAs huma għodod essenzjali għall-iffaċilitar tal-kummerċ u t-tnaqqis tal-ostakli fis-swieq esterni. Għalhekk, l-insegwiment tal-MRAs jallinja b’mod qawwi kemm mal-objettivi tal-kompetittività interna tal-UE kif ukoll mal-aġenda tal-politika kummerċjali esterna tagħha.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali proċedurali 

L-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li, meta l-ftehim inkwistjoni ma jkunx jikkonċerna esklużivament jew prinċipalment il-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li tinnomina n-negozjatur tal-Unjoni jew il-kap tat-tim tan-negozjati tal-Unjoni.

L-Artikolu 218(4) TFUE jipprevedi li l-Kunsill jista’ jindirizza direttivi ta’ negozjati lin-negozjatur u jaħtar kumitat speċjali biex jikkonsulta lin-negozjatur. 

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jinfetħu negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea għal ftehim internazzjonali, relatat mar-rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità, iċ-ċertifikati u l-immarkar tal-konformità. Il-Kummissjoni għandha tiġi nnominata bħala negozjatur. 

Il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati tal-ftehim previst hija l-Artikolu 218(3) u (4) tat-TFUE. 

Bażi legali sostantiva 

Il-bażi legali hija l-Artikolu 207(3) u (4) u l-Artikolu 218(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-għażla tan-negozjatur

Peress li l-ftehim previst ikopri esklużivament materji oħra għajr il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, il-Kummissjoni jeħtiġilha tinħatar bħala n-negozjatur skont l-Artikolu 218(3) TFUE.

Kompetenza tal-Unjoni

Dan l-att jaqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni skont l-Artikolu 207 TFUE. B’hekk, jidħol fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 3(1) TFUE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Skont l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax fl-oqsma tal-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Il-politika kummerċjali komuni hija mniżżla fost l-oqsma ta’ kompetenza esklussiva tal-Unjoni fl-Artikolu 3 TFUE. Din il-politika tinkludi n-negozjar ta’ ftehimiet kummerċjali skont l-Artikolu 207 TFUE, fost dispożizzjonijiet oħra.

Proporzjonalità

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità u hija meħtieġa fid-dawl tal-objettiv tal-UE li tuża ftehimiet kummerċjali internazzjonali biex tavvanza l-kompetittività, is-sigurtà, is-sostenibbiltà, u l-kummerċ multilaterali bbażat fuq ir-regoli.

Għażla tal-istrument

Din ir-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill qed issir f’konformità mal-Artikolu 218(3) u (4) TFUE, li jipprevedu l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati u li taħtar in-negozjatur tal-Unjoni. Il-Kunsill jista’ jindirizza wkoll id-direttivi ta’ negozjati lin-negozjatur. Ma hemm l-ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f’din ir-rakkomandazzjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux rilevanti.

Valutazzjoni tal-impatt

Din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jawtorizza lill-Kummissjoni twettaq negozjati bilaterali mar-Repubblika tal-Korea hija pass preparatorju “bl-ebda impatt ekonomiku, ambjentali jew soċjali sinifikanti” skont il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar. Mhux meħtieġ titwettaq valutazzjoni tal-impatt.

Il-ftehim il-ġdid huwa mistenni li jissimplifika l-aċċess għas-suq billi jippermetti lil kull parti taċċetta rapporti tat-testijiet, ċertifikati u immarkar tal-konformità maħruġa mis-CABs maħtura tal-parti l-oħra għal setturi speċifikati, u b’hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-proċeduri tal-ittestjar u taċ-ċertifikazzjoni. Il-Ftehim jibni fuq l-FTA eżistenti UE-Korea t’Isfel, li diġà elimina 98,7 % tat-tariffi u neħħa l-ostakli mhux tariffarji f’setturi bħall-elettronika, il-farmaċewtiċi, il-vetturi bil-mutur, u s-sustanzi kimiċi, iżda huwa nieqes minn rikonoxximent reċiproku sħiħ tar-riżultati tal-konformità.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Ir-rakkomandazzjoni hija konsistenti mat-Trattati tal-UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-MRA dwar il-valutazzjonijiet tal-konformità, iċ-ċertifikati u l-immarkar tal-konformità bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea mhu se jkollu l-ebda impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE. Wieħed jista’ jistenna impatti indiretti pożittivi minn żieda fil-flussi kummerċjali.

5.ELEMENTI OĦRA

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Din il-proposta tirrakkomanda li l-Kunsill jadotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex: tiftaħ negozjati għal MRA dwar valutazzjonijiet, ċertifikati u immarkar tal-konformità bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea; tinnomina lill-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-Unjoni; tindirizza direttivi lin-negozjatur; u taħtar kumitat speċjali li n-negozjati jridu jsiru f’konsultazzjoni miegħu

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika tal-Korea għal ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku b’rabta ma’ valutazzjonijiet tal-konformità, ċertifikati u immarkar tal-konformità

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(3) u (4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea dwar ir-rikonoxximent reċiproku b’rabta mal-valutazzjonijiet tal-konformità, iċ-ċertifikati u l-immarkar tal-konformità,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim internazzjonali dwar ir-rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-konformità, iċ-ċertifikati u l-immarkar tal-konformità bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea huwa b’dan awtorizzat.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni hija b’dan innominata bħala n-negozjatur tal-Unjoni.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4 

In-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Kumitat Speċjali previst fl-Artikolu 207(3), it-tielet subparagrafu, TFUE.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Dawn l-MRAs jinkludu annessi settorjali speċifiċi. Pereżempju, l-MRA UE-Awstralja jinkludi l-prodotti awtomobilistiċi, il-kompatibbiltà elettromanjetika (EMC, electromagnetic compatibility), l-apparat b’vultaġġ baxx, il-makkinarju, l-apparat mediku, l-apparat ta’ pressjoni, it-tagħmir terminali tat-telekomunikazzjonijiet (TTE, telecommunications terminal equipment), u l-prattika tajba ta’ manifattura (GMP, good manufacturing practice). Bl-istess mod, l-MRA UE-Żvizzera jkopri 20 settur, bħall-makkinarju, l-apparat protettiv personali, il-ġugarelli, l-apparat mediku, it-tagħmir li jaħdem bil-gass, ir-reċipjenti taħt pressjoni, l-apparat tar-radju, l-apparat elettriku, il-prodotti tal-kostruzzjoni, il-liftijiet, u l-prodotti bijoċidali. L-MRA UE-Kanada taħt il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) ikopri l-apparat elettriku, il-ġugarelli, il-prodotti tal-kostruzzjoni, il-makkinarju, l-istrumenti tal-kejl, l-apparat għal atmosferi splussivi, eċċ. L-MRA UE-Ġappun japplika għall-prodotti elettriċi, it-tagħmir terminali tar-radju u tat-telekomunikazzjonijiet (R&TTE), il-GMP, u l-prattika tajba tal-laboratorju (GLP, good laboratory practice), filwaqt li l-MRA UE-New Zealand jittratta l-EMC, l-apparat b’vultaġġ baxx, il-makkinarju, l-apparat mediku, l-apparat ta’ pressjoni, it-TTE, u l-GMP. L-MRA UE-Iżrael huwa limitat għall-GLP, u l-MRA UE-Stati Uniti jipprevedi rikonoxximent reċiproku għall-EMC, it-tagħmir tat-telekomunikazzjoni, u t-tagħmir marittimu, u b’hekk tiġi evitata duplikazzjoni tal-valutazzjonijiet għall-prodotti koperti.
(2)    Ara Cernat, L., How important are mutual recognition agreements for trade facilitation?, Policy Brief No 10, European Centre for International Political Economy (ECIPE), 2022.    Ara wkoll: DG TRADE, Survey on Mutual Recognition Agreements (MRAs), Summary Report, Lulju 2023, https://trade.ec.europa.eu/access-to-markets/en/assets/Report%20on%20the%20Survey%20on%20Mutual%20Recognition%20Agreements%202023.pdf .
(3)    Il-Kummissjoni Ewropea, Aċċess għas-swieq, “EU-South Korea Free Trade Agreement”, is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea, aċċessat fil-25 ta’ Frar 2026, https://trade.ec.europa.eu/access-to-markets/en/content/eu-south-korea-free-trade-agreement .
(4)    Il-Kummissjoni Ewropea, Kummerċ u Sigurtà Ekonomika, “South Korea. EU trade relations with the Republic of Korea. Facts, figures and latest developments”, is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea, aċċessat fil-25 ta’ Frar 2026, https://policy.trade.ec.europa.eu/eu-trade-relationships-country-and-region/countries-and-regions/south-korea_en .

Brussell, 1.4.2026

COM(2026) 141 final

ANNESS

tar-

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati mar-Repubblika tal-Korea għal ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku b'rabta ma' valutazzjonijiet tal-konformità, ċertifikati u immarkar tal-konformità


ANNESS

DIRETTIVI GĦAN-NEGOZJAR TA’ FTEHIM TA’ RIKONOXXIMENT REĊIPROKU MAR-REPUBBLIKA TAL-KOREA RIGWARD IL-VALUTAZZJONIJIET TAL-KONFORMITÀ

In-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim

1.Jenħtieġ li l-Ftehim ikun fih dispożizzjonijiet li jiżguraw li kull parti taċċetta, bħala prova suffiċjenti ta’ konformità mal-liġijiet applikabbli speċifikati fl-Anness Settorjali rilevanti, ir-riżultati tal-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità mwettqa mill-korpi rreġistrati ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-parti l-oħra. Dan jinkludi, fost l-oħrajn, iċ-ċertifikati u l-immarkar tal-konformità.

2.Jenħtieġ li l-Ftehim ikun kompletament konsistenti mar-regoli u l-obbligi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

3.Jenħtieġ li l-Ftehim jipprevedi impenji reċiproċi dwar ir-rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-konformità.

Objettivi

4.L-objettiv tan-negozjati huwa li jiffaċilita l-kummerċ bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea u li jiffaċilita l-aċċess għas-suq billi jippermetti li kull parti tkun tista’ taċċetta rapporti tat-testijiet, ċertifikati u immarkar tal-konformità maħruġa mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità (CABs) maħtura tal-parti l-oħra għal setturi speċifikati, u b’hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-proċeduri tal-ittestjar u taċ-ċertifikazzjoni.

Werrej

5.Jenħtieġ li l-Ftehim jesiġi lill-partijiet jaċċettaw attestazzjonijiet ta’ konformità, inklużi rapporti ta’ testijiet, ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u mmarkar tal-konformità, kif meħtieġ mil-leġislazzjoni u r-regolamenti speċifikati fl-Annessi Settorjali tal-Ftehim u kif tali attestazzjonijiet jinħarġu minn CABs maħtura fit-territorji tal-parti l-oħra.

6.Jenħtieġ li l-Ftehim jipprovdi kamp ta’ applikazzjoni settorjali u territorjali tal-applikazjzoni, jispeċifika l-prodotti u s-setturi koperti u t-territorju sħiħ ta’ kull parti biex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ prodotti ċertifikati.

7.Jenħtieġ li kull Anness Settorjali għall-Ftehim għandu jkun fih, fost affarijiet oħra, l-elementi li ġejjin:

·dikjarazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-kopertura tiegħu;

·ir-rekwiżiti leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi rilevanti għall-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità;

·lista tas-CABs maħtura;

·l-awtoritajiet li jinnominaw;

·sett ta’ proċeduri għall-ħatra tas-CABs.

8.Jenħtieġ li l-Ftehim jesiġi lill-partijiet jagħmlu s-CABs maħtura tagħhom disponibbli għall-verifika tal-kompetenza u l-konformità teknika, filwaqt li jagħti lill-parti l-oħra d-dritt li tikkontesta tali korpi biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

9.Jenħtieġ li l-Ftehim ikun fih klawżola li l-ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku (MRAs) ma’ pajjiżi mhux tal-UE ma jkunux jirrikjedu lill-partijiet jaċċettaw valutazzjonijiet tal-konformità minn dawk il-pajjiżi mhux tal-UE, sakemm ma jiġix konkluż ftehim formali.

10.Jenħtieġ li l-partijiet jistabbilixxu Kumitat Konġunt għall-emendar tal-annessi, is-soluzzjoni tat-tilwim, il-verifika tal-kompetenza tas-CAB, u l-espansjoni tal-kopertura.

11.Il-Ftehim jista’ jirrikjedi li l-partijiet jiskambjaw informazzjoni dwar l-elementi li ġejjin, fost affarijiet oħra:

·l-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji u amminstrattivi speċifikati fl-Annessi Settorjali;

·il-bidliet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi li jipprevedu f’konformità mal-obbligi ta’ notifika tal-Membri tad-WTO skont il-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ;

·is-sospensjoni ta’ ħatra ta’ CAB jew it-tneħħija ta’ tali sospensjoni;

·il-proċeduri użati biex jiżguraw li s-CABs maħtura tal-partijiet jikkonformaw mar-rekwiżiti leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi mniżżla fl-Annessi Settorjali u mar-rekwiżiti ta’ kompetenza speċifikati fl-Anness.

12.Jenħtieġ li l-ftehim, kif xieraq, jiddikjara r-relazzjoni tiegħu mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Korea t’Isfel.

13.Jenħtieġ li l-ftehim ikun fih klawżola li tispeċifika li ma jridx jiġi interpretat li jinvolvi aċċettazzjoni reċiproka tal-istandards jew tar-regolamenti tekniċi tal-partijiet.

Dispożizzjonijiet finali

14.Jenħtieġ li l-Ftehim jipprevedi dispożizzjonijiet dwar it-terminazzjoni tal-Ftehim u dwar is-sospensjoni tal-obbligi previsti fil-Ftehim.

15.Jenħtieġ li l-Ftehim ikun awtentiku b’mod ugwali fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE u għandu jinkludi klawżola lingwistika għal dak il-għan.