Brussell, 6.3.2026

COM(2026) 124 final

2023/0115(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

li tikkonċerna

pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/49/UE fir-rigward tal-ambitu tal-protezzjoni tad-depożiti, tal-użu tal-fondi ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti, tal-kooperazzjoni transfruntiera, u tat-trasparenza

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


2023/0115 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


li tikkonċerna

pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/49/UE fir-rigward tal-ambitu tal-protezzjoni tad-depożiti, tal-użu tal-fondi ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti, tal-kooperazzjoni transfruntiera, u tat-trasparenza

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1.Sfond

Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(dokument COM(2023) 228 final – 2023/0115 COD):

id-19 ta’ April 2023.

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

it-13 ta’ Lulju 2023.

Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari:

l-24 ta’ April 2024.

Data li fiha ntbagħtet il-proposta emendata:

mhux applikabbli.

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

il-5 ta’ Marzu 2026.

2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ erba’ atti emendatorji biex tirriforma l-qafas għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet u l-Assigurazzjoni tad-Depożiti (CMDI). L-emendi proposti għad-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward ta’ ċerti aspetti tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (COM/2023/229 final) ġew adottati separatament mill-koleġiżlaturi bħala d-Direttiva (UE) 2024/1174. It-tliet atti li jifdal ipproponew emendi, rispettivament, għad-Direttiva 2014/59/UE, għar-Regolament (UE) Nru 806/2014, u għad-Direttiva 2014/49/UE.

L-objettivi ġenerali tal-proposta dwar is-CMDI kienu li jipproteġu aħjar l-istabbiltà finanzjarja u l-flus tal-kontribwenti, ikunu ta’ tarka għall-ekonomija reali mill-impatt tal-fallimenti tal-banek u jsaħħu aktar il-protezzjoni tad-depożitanti. Il-proposta għandha l-għan li tilħaq dawk l-objettivi billi ttejjeb l-għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet użati għall-ġestjoni tal-falliment ta’ banek iżgħar u ta’ daqs medju. L-għodda ewlenija biex jintlaħaq dak l-għan hija li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jużaw fondi minn skemi ta’ garanzija tad-depożiti biex jiffinanzjaw l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ trasferiment f’każijiet li fihom il-kapaċità interna ta’ assorbiment tat-telf ta’ tali bank ma tkunx biżżejjed biex jaċċessa l-fond ta’ riżoluzzjoni.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-emendi proposti għad-Direttiva 2014/49/UE, kif adottata fl-ewwel qari, tirrifletti bis-sħiħ il-qbil politiku li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-25 ta’ Ġunju 2025. Il-Kummissjoni tappoġġa dan il-ftehim. Il-punti ewlenin ta’ dan il-ftehim rigward id-Direttiva 2014/49/UE huma dawn li ġejjin:

·L-emendi miftiehma jinkwadraw aktar l-użu tal-fondi ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti (SGD) barra mir-riżoluzzjoni. L-użu tal-fondi tal-SGD għal miżuri preventivi jibqa’ fakultattiv għall-Istati Membri, iżda l-użu tagħhom isir soġġett għal kundizzjonijiet u salvagwardji addizzjonali, b’mod partikolari għat-test tal-inqas kost (LCT), li huwa l-istess bħal dak għall-użu tal-fondi tal-SGD f’riżoluzzjoni, jiġifieri li jillimita l-intervent għall-ammont gross tad-depożiti koperti.

·Bl-istess mod, l-użu ta’ fondi tal-SGD għal miżuri alternattivi f’insolvenza jsir soġġett għall-istess LCT u għal regoli ulterjuri li jirregolaw liema tipi ta’ trasferimenti mill-bank li qed ifalli jistgħu jiġu ffinanzjati mill-SGD bħala parti minn dawk il-miżuri.

·L-iskemi ta’ protezzjoni istituzzjonali (SPI) rikonoxxuti bħala SGD huma meħtieġa jżommu livell fil-mira ex ante ta’ 0,8 % tad-depożiti koperti. Huma jistgħu jittrasferixxu temporanjament fondi bl-għan li jappoġġaw il-likwidità u s-solvenza tal-istituzzjonijiet affiljati, sa ċertu limitu u soġġett għal salvagwardji. Dawk il-fondi għandhom jitħallsu lura fi żmien 7 ijiem tax-xogħol f’każ ta’ żborż jew kontribuzzjoni għar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu affiljata ma’ tali SPI rikonoxxuta bħala SGD.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk tista’ taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.