IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.3.2026
COM(2026) 123 final
2023/0112(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
li tikkonċerna
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-miżuri ta’ intervent bikri, tal-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u tal-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni u d-Direttiva 2014/24/UE fir-rigward tas-servizzi ta’ valwazzjoni f’riżoluzzjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
2023/0112 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
li tikkonċerna
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-miżuri ta’ intervent bikri, tal-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u tal-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni u d-Direttiva 2014/24/UE fir-rigward tas-servizzi ta’ valwazzjoni f’riżoluzzjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
1.Sfond
|
Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(dokument COM(2023) 227 final – 2023/0112 COD):
|
19 ta’ April 2023.
|
|
Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:
|
13 ta’ Lulju 2023.
|
|
Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari:
|
24 ta’ April 2024.
|
|
Data li fiha ntbagħtet il-proposta emendata:
|
mhux applikabbli.
|
|
Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:
|
5 ta’ Marzu 2026.
|
2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ erba’ atti emendatorji biex tirriforma l-qafas għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet u l-Assigurazzjoni tad-Depożiti (CMDI). L-emendi proposti għad-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward ta’ ċerti aspetti tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (COM/2023/229 final) ġew adottati separatament mill-koleġiżlaturi bħala d-Direttiva (UE) 2024/1174. It-tliet atti li jifdal ipproponew emendi, rispettivament, għad-Direttiva 2014/59/UE, għar-Regolament (UE) Nru 806/2014, u għad-Direttiva 2014/49/UE.
L-objettivi ġenerali tal-proposta dwar is-CMDI kienu li jipproteġu aħjar l-istabbiltà finanzjarja u l-flus tal-kontribwenti, ikunu ta’ tarka għall-ekonomija reali mill-impatt tal-fallimenti tal-banek u jsaħħu aktar il-protezzjoni tad-depożitanti. Il-proposta għandha l-għan li tilħaq dawk l-objettivi billi ttejjeb l-għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet użati għall-ġestjoni tal-falliment ta’ banek iżgħar u ta’ daqs medju. L-għodda ewlenija biex jintlaħaq dak l-għan hija li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jużaw fondi minn skemi ta’ garanzija tad-depożiti biex jiffinanzjaw l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ trasferiment f’każijiet li fihom il-kapaċità interna ta’ assorbiment tat-telf ta’ tali bank ma tkunx biżżejjed biex jaċċessa l-fond ta’ riżoluzzjoni.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-emendi proposti għad-Direttiva 2014/59/UE, kif adottata fl-ewwel qari, tirrifletti bis-sħiħ il-qbil politiku li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-25 ta’ Ġunju 2025. Il-Kummissjoni tappoġġa dan il-ftehim. Il-punti ewlenin ta’ dan il-ftehim rigward id-Direttiva 2014/59/UE huma dawn li ġejjin:
·Il-valutazzjoni tal-interess pubbliku hija emendata billi l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jeħtieġu jirriżolvu bank jekk kwalunkwe wieħed mill-objettivi ta’ riżoluzzjoni jkun f’riskju u l-istralċ tal-bank skont proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jilħaqx l-objettivi ta’ riżoluzzjoni b’mod aktar effettiv.
·It-test tal-inqas kost għall-użu tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti (SGD) f’riżoluzzjoni huwa simplifikat. Il-mod kif dan qed isir hu li l-interventi tas-SGD ma jistgħux jeċċedu l-ammont gross tad-depożiti koperti, filwaqt li s-superpreferenza eżistenti ta’ depożiti koperti hija ppreservata fil-qafas ta’ ġerarkija tal-kredituri simplifikata, bi tliet livelli.
·Ir-regoli dwar l-użu tal-SGD għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni huma soġġetti għal rekwiżiti espliċiti ta’ sekwenzjar, ta’ salvagwardji u ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet, filwaqt li jiġi żgurat li l-kapaċità interna ta’ assorbiment tat-telf tal-banek tibqa’ l-ewwel linja ta’ difiża u l-flus tal-kontribwenti jkunu protetti sew.
4.Konklużjoni
Il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk tista’ taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.