Brussell, 9.3.2026

COM(2026) 122 final

2026/0071(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tielet sessjoni tal-Awtorità Superviżorja stabbilita skont l-Artikolu XII tal-Protokoll tal-Lussemburgu għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tielet sessjoni tal-Awtorità Superviżorja stabbilita skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli (“il-Konvenzjoni ta’ Cape Town”) u l-Artikolu XII tal-Protokoll għall-Konvenzjoni ta’ Cape Town dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji, adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007 (“il-Protokoll tal-Lussemburgu”), b’rabta:

(1)mal-proposta prevista biex tittieħed nota ta’ verżjoni ġdida tar-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji (minn hawn’ il quddiem ukoll “ir-Regoli Mudell”); u

(2)mar-reviżjoni prevista tal-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja.

It-tielet sessjoni tal-Awtorità Superviżorja tal-Protokoll tal-Lussemburgu hija skedata li ssir fl-14 ta’ April 2026 f’Bern, l-Iżvizzera.

2.Kuntest tal-Proposta

2.1.Il-Protokoll tal-Lussemburgu għall-Konvenzjoni ta’ Cape Town

2.1.1.Sfond

Il-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji (“il-Protokoll tal-Lussemburgu”) ġie adottat minn Konferenza diplomatika, li saret fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007, taħt l-awspiċji tal-Istitut Internazzjonali għall-Unifikazzjoni tal-Liġi Privata (UNIDROIT, International Institute for the Unification of Private Law) u tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF, Intergovernmental Organisation for International Carriage by Rail). Daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Marzu 2024.

Il-Protokoll tal-Lussemburgu jistabbilixxi qafas legali dinji għar-rikonoxximent, għall-prijoritajiet u għall-infurzar tad-drittijiet tal-kredituri u tal-lokaturi, li għandhom jiġu rreġistrati f’Reġistru Internazzjonali, skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town.

B’mod importanti, l-Artikolu XIV tal-Protokoll tal-Lussemburgu jipprevedi l-istabbiliment ta’ sistema għall-allokazzjoni tan-numri ta’ identifikazzjoni mir-Reġistratur li tippermetti l-identifikazzjoni unika ta’ oġġetti ta’ vetturi ferrovjarji.

Il-Protokoll joħloq ukoll sistema komuni għall-pussess mill-ġdid 1 tal-assi f’inadempjenza jew f’insolvenza tad-debitur, soġġett għal salvagwardji tal-interess pubbliku. Dan huwa ta’ għajnuna fir-rigward ta’ tagħmir mobbli li jaqsam il-fruntieri, filwaqt li jevita l-inċertezzi legali preżenti meta liġi li taħtha jkun ġie ffinanzjat l-assi tiġi kkontestata fil-qrati ta’ ġuriżdizzjoni oħra, fejn ikun jinsab l-assi. Billi jnaqqas ir-riskji għall-finanzjaturi tat-tagħmir ferrovjarju, il-Protokoll tal-Lussemburgu għandu jattira aktar selliefa privati, u dan jirriżulta f’finanzjament orħos, u joħloq għażliet għall-operaturi fir-rigward tal-kostijiet u tat-tipi ta’ finanzjament.

Dan għandu jinkoraġġixxi wkoll l-investiment kapitali, li min-naħa tiegħu jrawwem il-produzzjoni ta’ vetturi ferrovjarji u jiffaċilita l-lokazzjoni ta’ vetturi ferrovjarji ġodda u moderni. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-3 ta’ Ġunju 2021 2 , il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxa “li huwa meħtieġ investiment kbir mis-settur f’vetturi ferrovjarji internazzjonali ta’ distanzi twal” u “li huwa meħtieġ investiment b’mod urġenti mis-settur privat” filwaqt li jfakkar “lill-Istati Membri bl-eżistenza ta’ ftehimiet u trattati internazzjonali li jiffaċilitaw l-investiment privat, bħall-Protokoll dwar il-Ferroviji tal-Lussemburgu għall-Konvenzjoni ta’ Cape Town [dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli]”.

2.1.2.L-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea

L-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-kompetenzi tagħha, approvat il-Protokoll tal-Lussemburgu skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/888/UE tal-4 ta’ Diċembru 2014 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fuq Tagħmir Mobbli għal Kwistjonijiet Speċifiċi tal-Vetturi Ferrovjarji, adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007 3 , bl-istatus ta’ Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika (skont l-Artikolu XXII tal-Protokoll tal-Lussemburgu).

L-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/888/UE fih Dikjarazzjoni dwar il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fuq kwistjonijiet regolati mill-Protokoll tal-Lussemburgu, li fir-rigward tagħha l-Istati Membri ttrasferew il-kompetenza tagħhom lill-Unjoni. Din tirreferi għal xi oqsma relatati mal-ġuriżdizzjoni u mar-rikonoxximent u mal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, proċedimenti ta’ insolvenza u l-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali, u għal xi oqsma tal-acquis tat-trasport ferrovjarju, b’mod partikolari għall-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja, l-operat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, is-sistema ta’ numerazzjoni tal-vetturi ferrovjarji u r-reġistrazzjoni tal-vetturi fl-UE, koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li ġejja:

id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea 4 ;

ir-Regolament (UE) Nru 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji 5 ;

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/773 tas-16 ta’ Mejju 2019 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika ta’ interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “operat u ġestjoni tat-traffiku” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea 6 ;

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 .

Sal-lum, minbarra l-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, l-Iżvezja u Spanja huma l-uniċi Stati Membri tal-UE li bħalissa huma wkoll partijiet għall-Protokoll tal-Lussemburgu.

2.2.L-Awtorità Superviżorja

L-Awtorità Superviżorja hija stabbilita skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town u skont l-Artikolu XII tal-Protokoll tal-Lussemburgu. Il-kompiti u l-funzjonijiet tagħha, kif derivati mid-dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal-Lussemburgu u tal-Artikolu 17(2) tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town, huma elenkati fl-Artikolu 5 tal-Istatuti tagħha 8 , u essenzjalment jikkonsistu minn kompiti amministrattivi u operazzjonali.

Fis-7 Assemblea Ġenerali (Bern, it-23/l-24 ta’ Novembru 2005) u fit-12-il Assemblea Ġenerali (Bern, id-29/it-30 ta’ Settembru 2015) tagħha 9 , l-OTIF iddeċidiet li tassumi l-kompiti tas-Segretarjat tal-Awtorità Superviżorja, f’konformità mal-Artikolu XII(6) tal-Protokoll tal-Lussemburgu.

Is-sħubija tal-Awtorità Superviżorja hija ddeterminata f’konformità mal-Artikolu XII(1) tal-Protokoll tal-Lussemburgu. Is-subparagrafu (a) jipprevedi li kull Stat Parti għandu jkun membru, bil-possibbiltà li kull wieħed jaħtar rappreżentant wieħed. Is-subparagrafi (b) u (c) jipprevedu li massimu ta’ tliet Stati oħra għandhom jinħatru mill-UNIDROIT u mill-OTIF rispettivament, li t-termini tal-ħatra tagħhom jiskadu mhux aktar tard minn sentejn wara d-data meta l-Protokoll tal-Lussemburgu jidħol fis-seħħ.

2.2.1.Sessjoni inawgurali tal-Kummissjoni ta’ Esperti

Fl-ewwel sessjoni tagħha, l-Awtorità Superviżorja stabbiliet Kummissjoni ta’ Esperti biex tassistiha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, skont l-Artikolu XII(5)(b) tal-Protokoll tal-Lussemburgu u l-Artikolu 6 tal-Istatuti tal-Awtorità Superviżorja. Il-Kummissjoni ta’ Esperti tikkonsisti minn individwi li l-Awtorità Superviżorja jidhrilha li għandhom il-kwalifiki, l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa għal tali pożizzjoni. Dawn jintgħażlu minn persuni nnominati mill-Istati Partijiet, mill-Istati Firmatarji u minn dawk innominati mill-President.

Is-sessjoni inawgurali tal-Kummissjoni ta’ Esperti saret f’Novembru 2025. Matul din is-sessjoni, ġew eletti l-President u ż-żewġ Viċi Presidenti. Il-Kummissjoni ta’ Esperti ddiskutiet ukoll il-qafas operazzjonali tagħha, inkluż il-mandat u l-arranġamenti ta’ ħidma tagħha, irrieżaminat ir-Regolamenti u l-Proċeduri għar-Reġistru Internazzjonali ta’ Interessi fil-Vetturi Ferrovjarji, u kkunsidrat li tqajjem kuxjenza dwar il-Protokoll tal-Lussemburgu.

Matul is-sessjoni inawgurali tagħha, il-Kummissjoni ta’ Esperti nnutat ukoll li l-adozzjoni tar-Reviżjoni 3 tar-Regoli Mudell hija volontarja u qablet li r-Reviżjoni 3 tar-Regoli Mudell trid tiġi ppreżentata lill-Awtorità Superviżorja biex tieħu nota tagħha, peress li qieset li ma kien meħtieġ l-ebda pass formali min-naħa tal-Awtorità Superviżorja fir-rigward ta’ din ir-reviżjoni.

2.3.L-atti previsti tal-Awtorità Superviżorja

Matul din it-tielet sessjoni, u fost punti oħra tal-aġenda, l-Awtorità Superviżorja hija mistennija tieħu nota ta’ verżjoni ġdida tar-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji (Reviżjoni 3) u tirrevedi l-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura tagħha stess, f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Istatuti u l-Artikolu 18 tar-Regoli ta’ Proċedura.

2.3.1.Ir-Regoli Mudell

Dawn ir-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji jistabbilixxu l-metodi u r-responsabbiltajiet għat-twaħħil tal-identifikatur tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Unika tal-Vetturi Ferrovjarji (URVIS, Unique Rail Vehicle Identification System) għall-vetturi ferrovjarji kif previst mill-Protokoll tal-Lussemburgu. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-approvazzjoni tagħhom fil-verżjoni inizjali tagħhom hija stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/851 10 , u fir-rigward tal-approvazzjoni tagħhom fit-tieni verżjoni tagħhom, fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/853 11 .

Dawn ir-regoli huma volontarji ħlief fejn liġijiet speċifiċi jeħtieġu dan; fi kwalunkwe każ, parti trid tikkonferma l-konformità ma’ dawn ir-regoli jekk tixtieq tirreġistra, jew tkun il-benefiċjarju ta’, kwalunkwe interess reġistrat introdott fir-Reġistru Internazzjonali tal-Protokoll tal-Lussemburgu. Skont il-punt 4.2 tar-Regoli Mudell, parti li tixtieq tkun marbuta b’dawn ir-Regoli għandha tagħmel dikjarazzjoni 12 u tinnotifika lir-Reġistratur b’dan.

Ir-Regoli Mudell jinħarġu taħt l-awspiċji tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport Ferrovjarju (SC.2) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE, United Nation Economic Commission for Europe). Fit-tielet sessjoni tiegħu (Settembru 2025), il-Kumitat tar-Reviżjoni għar-Regoli Mudell iddiskuta u qabel dwar iż-żieda ta’ Appendiċi 3 ġdid dwar l-Applikazzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali għall-għoti ta’ informazzjoni lil kreditur ta’ vetturi ferrovjarji b’referenza għall-identifikatur tal-URVIS. Aktar tard, fid-79 sessjoni tiegħu (mit-12 sal-14 ta’ Novembru 2025), il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport Ferrovjarju (SC.2) adotta l-emendi msemmija hawn fuq u qabel li l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tar-rapport tad-79 sessjoni tal-SC.2, u talab lis-segretarjat iħejji Reviżjoni 3 konsolidata li għadha mhux uffiċjali tar-Regoli Mudell.

Il-proposta tas-Segretarjat hija li l-Awtorità Superviżorja tieħu nota ta’ dawn il-bidliet u tagħti struzzjonijiet lir-Reġistratur biex jippubblika r-Reviżjoni 3 tar-Regoli Mudell fuq is-sit web tar-Reġistratur, li b’hekk ikun jinkludi kemm ir-Reviżjoni 2 kif ukoll ir-Reviżjoni 3.

Dan is-suġġett – l-immarkar tal-vetturi ferrovjarji – huwa regolat fil-livell tal-Unjoni mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/773, b’mod partikolari fl-Appendiċi H, In-Numru Ewropew tal-Vettura u l-immarkar alfabetiku fuq il-body. L-approvazzjoni ta’ dawn ir-Regoli Mudell tista’ tinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Għalhekk, kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/851 u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/853, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tar-Regoli Mudell, skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

2.3.2.Reviżjoni tal-Istatuti tal-Awtorità Superviżorja

Matul l-ewwel sessjoni tagħha, il-Kummissjoni ta’ Esperti laħqet ftehimiet dwar il-mandat tagħha u tat struzzjonijiet lis-Segretarjat biex jippreżenta din il-proposta lill-Awtorità Superviżorja għall-approvazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Awtorità Superviżorja tafdaha bl-awtorità li tistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tagħha stess, soġġett għall-approvazzjoni tal-Awtorità Superviżorja ta’ aspetti speċifiċi bħall-kworum, is-sħubija, il-proċessi tal-votazzjoni u l-avviż tal-laqgħat.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, is-Segretarjat ressaq emendi tal-Istatuti tal-Awtorità Superviżorja. Dawn l-emendi jintroduċu mandat komprensiv għall-Kummissjoni ta’ Esperti skont l-Artikolu 6, li jeħtieġ ukoll id-definizzjoni u l-inklużjoni tat-terminu Proċeduri għar-Reġistru fl-Artikolu 1, biex tiġi żgurata ċ-ċarezza, u li t-terminu Regolamenti jinbidel għal Regolamenti għar-Reġistru fl-Istatuti kollha.

L-Artikolu 6 tal-proposta jiddefinixxi l-mandat tal-Kummissjoni ta’ Esperti, li għandha tassisti [lill-Awtorità ta’ Sorveljanza] fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha billi tipprovdi pariri u rakkomandazzjonijiet, inkluż fuq inizjattiva tagħha stess. Dan ikopri pariri u rakkomandazzjonijiet fi kwistjonijiet bħal ilmenti li jikkonċernaw: l-operat tar-Reġistru; il-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Istati kontraenti; reviżjonijiet tar-Regoli Mudell; “kwalunkwe kwistjoni oħra fejn l-Awtorità Superviżorja teħtieġ parir”; jew “kwalunkwe kwistjoni oħra riferuta lill-Kummissjoni mill-President [,] jew [mill-inqas kwart tal-membri li jaġixxu flimkien]”.

Fir-rigward tal-kompożizzjoni u l-operazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-proposta tissuġġerixxi li tiġi stabbilita sħubija minima, ta’ mhux inqas minn tliet jew ħames membri, biex jiġi evitat li l-Kummissjoni jkollha individwu wieħed biss. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha l-kompitu li tistabbilixxi r-Regoli ta’ Proċedura tagħha stess, soġġett għal rekwiżiti statutorji essenzjali dwar il-kworum, il-votazzjoni, in-notifiki tal-laqgħat u r-rappurtar. Jiżdiedu wkoll dispożizzjonijiet biex tiġi żgurata r-rappreżentanza tas-Segretarjat fis-sessjonijiet u biex jingħata status ta’ osservatur lir-Reġistratur u lid-Depożitarju, u b’hekk tiġi promossa governanza inklużiva u komprensiva fil-qafas tal-Kummissjoni.

Il-proposta tinkludi wkoll xi bidliet żgħar oħra, inklużi bidliet fit-terminoloġija, biex tiġi żgurata l-koerenza fit-test, u r-riformulazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet għal finijiet ta’ kjarifika.

2.3.3.Reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja

B’mod simili għall-Istatuti, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni kollu tal-attivitajiet tal-Awtorità Superviżorja, u b’hekk jinkludu kwistjonijiet li għalihom l-Unjoni hija esklużivament kompetenti, skont id-dikjarazzjoni magħmula fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/888/UE, u l-emendi tagħhom se jaffettwaw direttament il-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’dak il-korp.

Bil-qbil tal-President, is-Segretarjat ressaq ċerti emendi tar-Regoli ta’ Proċedura, biex jiżgura l-konformità mal-obbligi kuntrattwali eżistenti u l-proċeduri applikabbli, u biex itejjeb dawn ir-regoli fid-dawl tal-esperjenza miġbura mill-Awtorità Superviżorja. Il-proposta tintroduċi proċedura bil-miktub, li tottimizza l-proċess għat-tħejjija u l-approvazzjoni tal-minuti u d-deċiżjonijiet, u ttejjeb l-effiċjenza u ċ-ċarezza ġenerali tal-metodi ta’ ħidma tal-Awtorità Superviżorja.

Fost il-bidliet ewlenin, ir-Regoli ta’ Proċedura proposti jħassru d-definizzjoni ta’ maġġoranza kwalifikata, li tammonta għal maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti tal-membri preżenti u li jivvutaw, u jnaqqsu l-għadd tad-deċiżjonijiet li huma soġġetti għal dan il-metodu ta’ votazzjoni, billi jiddefinixxu maġġoranza sempliċi bħala l-għażla prestabbilita. Qed jiġi sostnut li r-rekwiżit għal maġġoranza kwalifikata għal kull deċiżjoni jidher sproporzjonat u li l-qafas tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandu jiġi ssimplifikat.

L-Artikolu 3 (qabel Laqgħat u issa bit-titolu propost ta’ Sessjonijiet u konvokazzjoni) ġie abbozzat mill-ġdid bir-reqqa biex isir aktar ċar.

Dwar sessjonijiet straordinarji, it-test rivedut jiċċara li tali sessjonijiet, fil-prinċipju, se jissejħu bl-istess perjodi ta’ avviż bħal sessjonijiet ordinarji. Jekk tali sessjoni tkun ta’ natura urġenti, jistgħu japplikaw skadenzi iqsar. Huwa f’idejn il-President li jiddeċiedi jekk kwistjoni hijiex ta’ natura urġenti jew le.

Rilevanti b’mod speċjali għall-Unjoni huwa l-Artikolu 4 Rappreżentanza tal-membri, fejn il-paragrafu dwar id-drittijiet tal-vot ta’ organizzazzjoni reġjonali (jiġifieri, l-UE) tmexxa għall-Artikolu 14 u ġie rivedut.

Fir-rigward tal-Artikolu 5 (Osservaturi), is-Segretarjat jipproponi kategorija privileġġata ta’ osservaturi li tinkludi entitajiet bi rwol speċifiku skont il-Protokoll tal-Lussemburgu, bħar-Reġistratur, id-Depożitarju u l-Kummissjoni ta’ Esperti. Dawn ikunu osservaturi permanenti, li jkollhom id-dritt li jattendu l-laqgħat kollha tal-Awtorità Superviżorja, dejjem taħt il-kontroll tal-President.

Fir-rigward tal-uffiċjali tal-Awtorità Superviżorja (il-President u ż-żewġ Viċi Presidenti) (l-Artikolu 9), il-proposta tiċċara t-tul tal-mandat tagħhom u telimina r-rekwiżit li n-nomini għal pożizzjonijiet ta’ Uffiċjali għandhom jiġu ssekondati minn membru ieħor, sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura tan-nomina.

L-Artikolu 14 tal-proposta jkopri d-dritt tal-vot. Kull membru għandu vot wieħed. Għal organizzazzjonijiet reġjonali, bħall-Unjoni, huwa propost li “f’materji li jaqgħu fil-kompetenza tagħha, organizzazzjoni reġjonali għandha teżerċita n-numru ta’ voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħha li huma wkoll membri. Meta organizzazzjoni reġjonali tivvota, l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jivvutaw, u viċi versa.

Marbuta mal-eliminazzjoni tad-definizzjoni ta’ maġġoranza kwalifikata hemm il-bidliet proposti għall-kworum (l-Artikolu 15). Skont il-proposta, il-kworum issa jintlaħaq b’maġġoranza sempliċi tal-membri, minflok maġġoranza kwalifikata. Il-proposta tiddikjara wkoll, speċifikament fir-rigward tal-organizzazzjonijiet reġjonali, li “għall-fini tad-determinazzjoni ta’ kworum għal kwistjonijiet fil-kompetenza ta’ organizzazzjoni reġjonali, dik l-organizzazzjoni għandha tingħadd sal-limitu tan-numru ta’ voti li hija intitolata titfa’ f’konformità mal-Artikolu 14(2).

L-Artikolu 16 Votazzjoni u approvazzjoni taċita ikompli jimplimenta l-bidla minn maġġoranza kwalifikata tal-membri preżenti u li jivvutaw għal maġġoranza sempliċi tal-membri preżenti u li jivvutaw 13 . Barra minn hekk, u ta’ sinifikat partikolari, l-Artikolu jintroduċi proċedura dettaljata għall-votazzjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub u approvazzjoni taċita. Huwa sostnut li dawn il-mekkaniżmi jtejbu l-flessibbiltà u l-effiċjenza tal-Awtorità Superviżorja. Il-proċedura ta’ approvazzjoni taċita hija marbuta mal-approvazzjoni tal-abbozz tal-baġit tar-Reġistratur u l-approvazzjoni tal-fattura ppreżentata mis-Segretarjat għall-forniment tal-funzjonijiet tas-segretarjat. Għaż-żewġ proċeduri, l-iskadenza biex tingħata tweġiba hija ta’ mill-inqas ġimagħtejn. Fir-rigward tal-proċedura bil-miktub, jekk ma jintlaħaqx il-kworum rigward l-għadd ta’ tweġibiet, il-proposta tiġi miċħuda. Fir-rigward tal-approvazzjoni taċita, kif jinftiehem minn isimha, jekk sa tmiem l-iskadenza ma jkunx hemm biżżejjed oppożizzjoni, il-proposta titqies adottata.

L-aħħar bidla sostantiva inkluża fil-proposta hija dik li tappartjeni għall-emenda tal-Istatuti u tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja (l-Artikolu 21, Emendar tal-Istatuti u r-Regoli). Għal dawn l-istrumenti legali bażiċi, huwa propost li jinżamm rekwiżit ta’ maġġoranza kwalifikata (żewġ terzi) għall-emenda tagħhom.

Kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/851 u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/853, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja, skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.Dwar l-aħħar verżjoni tar-Regoli Mudell

Kif intqal f’diversi okkażjonijiet preċedenti, il-Protokoll tal-Lussemburgu jeħtieġ li jibbaża fuq sistema ċara ta’ identifikazzjoni u ta’ mmarkar tal-vetturi ferrovjarji bbażata fuq standards internazzjonali. Dan huwa rikonoxxut fl-Artikolu XIV – Identifikazzjoni tal-vetturi ferrovjarji għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni tal-Protokoll tal-Lussemburgu, li fih innifsu jirreferi għall-Artikolu 18(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town. Ir-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji jipprovdu qafas għall-assenjazzjoni tal-identifikatur tal-URVIS u għall-immarkar tiegħu fuq il-vetturi ferrovjarji. L-identifikatur tal-URVIS u l-immarkar tiegħu fuq il-vetturi ferrovjarji huma addizzjonali għas-sistemi eżistenti ta’ numerazzjoni applikati f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar l-ammissjoni jew it-tħaddim ta’ vetturi ferrovjarji, u ma jaffettwawhomx, u lanqas jissostitwixxu s-sistemi eżistenti ta’ reġistrazzjoni jew ta’ informazzjoni użati fi Stati jew fi gruppi ta’ Stati għat-tħaddim ta’ vetturi ferrovjarji, bħal, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, ir-Reġistru Ewropew tal-Vetturi (EVR, European Vehicle Register) u n-numru Ewropew tal-vettura (EVN, European vehicle number) regolati mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614.

L-emendi introdotti fir-Reviżjoni 3 tar-Regoli Mudell jintroduċu l-kunċett ta’ soluzzjoni diġitali bħala sistema fakultattiva li tippermetti lill-kredituri u lid-debituri jinkorporaw l-informazzjoni dwar il-vetturi ferrovjarji f’soluzzjoni diġitali, li tippermetti l-aċċess għall-informazzjoni msemmija. L-intenzjoni tal-emendi hija li jiġi ottimizzat it-traċċar tal-assi ferrovjarji bl-użu ta’ mezzi diġitali. Dawn l-emendi ma għandhom l-ebda impatt fuq il-qafas legali fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea: jistabbilixxu qafas volontarju li jista’ jorbot lill-partijiet privati fil-ftehimiet tagħhom konklużi skont il-Protokoll tal-Lussemburgu, jekk jiddeċiedu hekk.

Madankollu, id-deċiżjoni proposta mis-Segretarjat dwar dan il-punt (li tittieħed nota tagħha u li tiġi ppubblikata 14 ) mhijiex appoġġata mill-qafas legali applikabbli, peress li l-Artikolu 5(8) tal-Istatuti tagħha jagħti struzzjonijiet lill-Awtorità Superviżorja biex “tapprova r-Regoli Mudell u l-emendi tagħha.” Meta jitqies li r-Reviżjoni 3 disponibbli tar-Regoli Mudell għadha mhux uffiċjali, l-Unjoni Ewropea għandha topponi l-proposta li jiġu ppubblikati r-Regoli Mudell u minflok għandha tappoġġa biss it-teħid ta’ nota tar-Reviżjoni 3 il-ġdida u tipproponi li tiġi posposta kwalunkwe azzjoni sa tali żmien li r-Reviżjoni 3 tkun daħlet fis-seħħ. Jekk, madankollu, ir-Reviżjoni 3 tar-Regoli Mudell tidħol fis-seħħ qabel ma ssir it-tielet sessjoni tal-Awtorità Superviżorja u tikkorrispondi għall-verżjoni mhux uffiċjali ppubblikata f’https://unece.org/sites/default/files/2026-02/ECE-TRANS-SC.2-337-Rev.3EFR_Unofficial.pdf, l-Unjoni Ewropea għandha tipproponi l-adozzjoni mill-Awtorità Superviżorja ta’ dawn ir-Regoli Mudell, f’konformità mal-Artikolu 5(8) tal-Istatuti tagħha.

3.2.Reviżjoni prevista tal-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja

Fil-biċċa l-kbira, l-emendi previsti tal-Istatuti ma jmorrux lil hinn minn kjarifika tal-ħidma tal-Kummissjoni ta’ Esperti, bħala korp konsultattiv għall-Awtorità Superviżorja. Tali emendi huma fl-interess tal-Unjoni Ewropea, peress li jiċċaraw ir-rwol ta’ dan il-korp u jiffaċilitaw il-ħidma tal-Awtorità Superviżorja. Għalhekk, qed jiġi propost li dawn l-emendi jiġu appoġġati.

Fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja, il-bidliet proposti huma ħafna u għandhom impatti differenti. Bidliet importanti jinkludu l-eliminazzjoni tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fl-Awtorità Superviżorja bħala l-għażla ta’ votazzjoni prestabbilita, inkluża l-konsegwenza tagħha fuq il-kworum, it-tħassir tar-rekwiżit li uffiċjal tal-Uffiċċju Superviżorju jiġi ssekondat minn mill-inqas membru wieħed ieħor, u r-rilokazzjoni sistematika u l-kjarifika tad-drittijiet tal-vot tal-Unjoni. Il-maġġoranza tal-emendi previsti jidhru li jwasslu għal kjarifiki importanti u jtejbu l-proċeduri ta’ ħidma tal-Awtorità Superviżorja u għalhekk jistgħu jiġu appoġġati.

Madankollu, fir-rigward tal-votazzjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub u approvazzjoni taċita, l-iskadenzi biex tingħata tweġiba (“mill-inqas ġimagħtejn”) mhumiex biżżejjed biex l-Unjoni tilħaq issegwi l-proċeduri interni meħtieġa għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni.

Sa fejn il-proċedura taċita hija limitata għall-approvazzjoni tal-abbozz tal-baġit tar-Reġistratur u tal-fattura relatata mar-remunerazzjoni għall-forniment tal-funzjonijiet ta’ segretarjat, għandu jiġi nnutat li l-Unjoni mhijiex ikkonċernata minn kwistjonijiet baġitarji tal-Awtorità Superviżorja; għalhekk, din hija meqjusa bħala kwistjoni li l-Istati Membri iridu jiddeċiedu dwarha. Min-naħa l-oħra, jekk il-proposta għall-approvazzjoni ta’ deċiżjonijiet taħt approvazzjoni taċita żżomm l-espressjoni “fejn l-Awtorità Superviżorja tiddeċiedi hekk”, l-Unjoni tista’ ssib ruħha kkonfrontata minn deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha li ma kellha l-ebda possibbiltà li tirrifjuta; barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet taħt approvazzjoni taċita għandha tkun limitata għal każijiet eċċezzjonali.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-iskadenzi għall-proċedura bil-miktub għandhom jinbidlu għal “mill-inqas 10 ġimgħat”, u l-possibbiltajiet li d-deċiżjonijiet jiġu adottati b’approvazzjoni taċita jkunu limitati għall-approvazzjoni tal-abbozz tal-baġit tar-Reġistratur u tal-fattura relatata mar-remunerazzjoni għall-forniment tal-funzjonijiet ta’ segretarjat.

Għalhekk qed jiġi propost li tiġi appoġġata l-approvazzjoni tal-emendi tal-Istatuti u tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja, soġġett għall-modifiki deskritti hawn fuq.

4.BAŻI LEGALI

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Il-kunċett ta’ atti li jkollhom effetti legali jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 15 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-Awtorità Superviżorja hija korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Cape Town (l-Artikolu 17) u l-Protokoll tal-Lussemburgu, f’konformità mal-Artikolu XII tagħha.

L-atti li l-Awtorità Superviżorja hija mitluba tadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. L-ewwel nett, kwalunkwe azzjoni dwar ir-Regoli Mudell tista’ tinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/797, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/773 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614. It-tieni, l-approvazzjoni tal-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura riveduti tal-Awtorità Superviżorja se jkollha effetti legali peress li dawn se jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-funzjonament tal-Protokoll tal-Lussemburgu, li tingħata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/888/UE.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas ma jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwarhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettivi ewlieni u l-kontenut tal-atti previsti jirrigwardaw it-trasport bil-ferrovija. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 91 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2026/0071 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tielet sessjoni tal-Awtorità Superviżorja stabbilita skont l-Artikolu XII tal-Protokoll tal-Lussemburgu għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Unjoni approvat il-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji (“il-Konvenzjoni ta’ Cape Town”), adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007 (“il-Protokoll tal-Lussemburgu”), skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/888/UE tal-4 ta’ Diċembru 2014 16 (1), u kisbet l-istatus ta’ Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika skont dak il-Protokoll.

(2)L-Awtorità Superviżorja tal-Protokoll tal-Lussemburgu tista’ tirrevedi l-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura tagħha stess, f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Istatuti u l-Artikolu 18 tar-Regoli ta’ Proċedura. L-awtorità Superviżorja hija meħtieġa wkoll tadotta r-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji, f’konformità mal-Artikolu 5(8) tal-Istatuti tagħha.

(3)Matul it-tielet sessjoni tagħha tal-14 ta’ April 2026, fost punti oħra tal-aġenda, l-Awtorità Superviżorja tal-Protokoll tal-Lussemburgu hija mistennija tirrevedi l-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura tagħha u tieħu nota tar-Regoli Mudell aġġornati (Reviżjoni 3) dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji, żviluppati taħt l-awspiċji tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport Ferrovjarju (SC.2) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE, United Nation Economic Commission for Europe).

(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Awtorità Superviżorja, peress li kull azzjoni li tikkonċerna r-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji li tittieħed mill-Awtorità Superviżorja tista’ tinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea 17 (2), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/773 tas-16 ta’ Mejju 2019 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika ta’ interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “operat u ġestjoni tat-traffiku” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea 18 (3) u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 (4). Barra minn hekk, l-emendi tal-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura li għandhom jiġu adottati mill-Awtorità Superviżorja jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’dak il-korp.

(5)Fir-rigward tad-deċiżjoni proposta mis-Segretarjat li tittieħed nota u li tiġi ppubblikata 20 verżjoni ġdida tar-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji, irid jiġi nnutat li din il-proposta mhijiex appoġġata mill-qafas legali tal-Awtorità Superviżorja, peress li l-Artikolu 5(8) tal-Istatuti tagħha jirrikjedu li l-Awtorità Superviżorja “tapprova r-Regoli Mudell u l-emendi tagħha.” Meta jitqies li r-Reviżjoni 3 tar-Regoli Mudell għadha ma daħlitx fis-seħħ, jenħtieġ li l-proposta li jiġu ppubblikati dawn ir-Regoli Mudell ma tiġix appoġġata. L-Unjoni Ewropea jenħtieġ pjuttost li tappoġġa biss it-teħid ta’ nota tar-Reviżjoni 3 l-ġdida u tipproponi li tiġi posposta kwalunkwe azzjoni sakemm tidħol fis-seħħ ir-Reviżjoni 3. Jekk ir-Reviżjoni 3 tar-Regoli Mudell tidħol fis-seħħ qabel ma ssir it-tielet sessjoni tal-Awtorità Superviżorja u tikkorrispondi għall-verżjoni mhux uffiċjali ppubblikata fuq is-sit web tal-UNECE 21 , l-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tipproponi l-adozzjoni mill-Awtorità Superviżorja ta’ dawn ir-Regoli Mudell.

(6)Fil-biċċa l-kbira, l-emendi proposti tal-Istatuti tal-Awtorità Superviżorja ma jmorrux lil hinn minn kjarifika tal-ħidma tal-Kummissjoni ta’ Esperti, bħala korp konsultattiv għall-Awtorità Superviżorja. Tali emendi huma fl-interess tal-Unjoni Ewropea, peress li jiċċaraw ir-rwol ta’ dan il-korp u jiffaċilitaw il-ħidma tal-Awtorità Superviżorja, u għalhekk jenħtieġ li jiġu appoġġati.

(7)Il-modifiki proposti għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja huma ħafna u għandhom impatti differenti. Bidliet importanti jinkludu l-eliminazzjoni tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fl-Awtorità Superviżorja bħala l-għażla ta’ votazzjoni prestabbilita, inkluża l-konsegwenza tagħha fuq il-kworum, it-tħassir tar-rekwiżit li uffiċjal tal-Uffiċċju Superviżorju jiġi ssekondat minn mill-inqas membru wieħed ieħor, u r-rilokazzjoni sistematika u l-kjarifika tad-drittijiet tal-vot tal-Unjoni. Il-maġġoranza tal-emendi previsti jwasslu għal kjarifiki importanti u jtejbu l-proċeduri ta’ ħidma tal-Awtorità Superviżorja. Madankollu, ir-regoli dwar il-votazzjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub u approvazzjoni taċita jistabbilixxu skadenzi qosra ħafna, li b’mod ċar mhumiex biżżejjed biex jippermettu l-proċeduri interni meħtieġa għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni, u s-suġġetti li fuqhom tista’ tiġi adottata deċiżjoni b’approvazzjoni taċita jenħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar u espliċitu. L-emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja jenħtieġ għalhekk li jiġu appoġġati, soġġetti għal ċerti modifiki fir-rigward tar-regoli dwar il-votazzjoni skont il-proċedura bil-miktub u l-approvazzjoni taċita,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tielet sessjoni tal-Awtorità Superviżorja tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007 hija stabbilita fl-Anness.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-laqgħa tal-Awtorità Superviżorja jistgħu jaqblu fuq xi tibdil minuri fil-pożizzjonijiet imsemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri mill-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Skont il-Kapitolu III tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town u l-Kapitolu II tal-Protokoll tal-Lussemburgu.
(2)    Il-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Trasport), it-3 ta’ Ġunju 2021: “Putting Rail at the Forefront of Smart and Sustainable Mobility” (ST 8790/21).
(3)    ĠU L 353, 10.12.2014, p. 9, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2014/888/oj .
(4)    Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (riformulazzjoni) (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/797/oj ).
(5)    Ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/796/oj ).
(6)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/773 tas-16 ta’ Mejju 2019 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika ta’ interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “operat u ġestjoni tat-traffiku” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni 2012/757/UE (ĠU L 139I, 27.5.2019, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/773/oj ).
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (ĠU L 268, 26.10.2018, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1614/oj ).
(8)    L-Istatuti tal-Awtorità Superviżorja (Protokoll tal-Lussemburgu) adottati mill-Awtorità Superviżorja fl-ewwel sessjoni tagħha fit-8 ta’ Marzu 2024.
(9)    Assemblée générale AG 12/21 30.09.2015 FINAL DOCUMENT – il-punt 7.5 ( https://otif.org/fileadmin/user_upload/otif_verlinkte_files/04_recht/02_Generalversammlung/AG_12_21_document_final_e____add_1-4_.pdf ).
(10)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/851 tal-4 ta’ Marzu 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-12-il sessjoni tal-Kummissjoni Preparatorja għall-istabbiliment tar-Reġistru Internazzjonali għall-Vetturi Ferrovjarji u fl-ewwel sessjoni tal-Awtorità Superviżorja stabbilita skont il-Protokoll tal-Lussemburgu għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji (ĠU L, 2024/851, 11.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/851/oj ).
(11)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/853 tal-14 ta’ April 2025 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tieni sessjoni tal-Awtorità Superviżorja stabbilita skont il-Protokoll tal-Lussemburgu għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji (ĠU L, 2025/853, 5.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/853/oj ).
(12)    “B’dan aħna nimpenjaw rwieħna li nintrabtu bir-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji (l-edizzjoni Ingliża) kif emendati minn żmien għal żmien, maħruġa taħt l-awspiċji tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport Ferrovjarju, fid-data ta’ din id-dikjarazzjoni”.
(13)    Hemm eċċezzjoni għal din ir-regola meta jiġu adottati Statuti jew Regoli ta’ Proċedura ġodda kif stabbilit fl-Artikolu 21.
(14)    L-Awtorità Superviżorja: (1) tieħu nota tal-modifiki għar-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji li jinsabu fir-Reviżjoni 3 ta’ dawk ir-Regoli Mudell u tal-fatt li dawn il-modifiki ma għandhom l-ebda impatt fuq l-operat tar-Reġistru Internazzjonali tal-Interessi fil-Vetturi Ferrovjarji; (2) tagħti struzzjonijiet lir-Reġistratur biex jippubblika fuq is-sit web tiegħu referenzi għat-tieni u għat-tielet verżjoni tar-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji, flimkien ma’ spjegazzjoni li tindika li t-tieni verżjoni ġiet approvata mill-Awtorità Superviżorja fit-tieni sessjoni tagħha u li ttieħdet nota tat-tielet verżjoni fit-tielet sessjoni tagħha, fuq il-bażi li l-modifiki adottati fit-tielet verżjoni ma għandhom l-ebda impatt fuq l-operat tar-Reġistru Internazzjonali tal-Interessi fil-Vetturi Ferrovjarji.
(15)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(16) (1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/888/UE tal-4 ta’ Diċembru 2014 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fuq Tagħmir Mobbli għal Kwistjonijiet Speċifiċi tal-Vetturi Ferrovjarji, adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007, (ĠU L 353, 10.12.2014, p. 9, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2014/888/oj ).
(17) (2)    Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (riformulazzjoni) (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/797/oj ).
(18) (3)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/773 tas-16 ta’ Mejju 2019 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika ta’ interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “operat u ġestjoni tat-traffiku” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni 2012/757/UE (ĠU L 139I, 27.5.2019, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/773/oj ).
(19) (4)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (ĠU L 268, 26.10.2018, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1614/oj ).
(20)    L-Awtorità Superviżorja: (1) tieħu nota tal-modifiki għar-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji li jinsabu fir-Reviżjoni 3 ta’ dawk ir-Regoli Mudell u tal-fatt li dawn il-modifiki ma għandhom l-ebda impatt fuq l-operat tar-Reġistru Internazzjonali tal-Interessi fil-Vetturi Ferrovjarji; (2) tagħti struzzjonijiet lir-Reġistratur biex jippubblika fuq is-sit web tiegħu referenzi għat-tieni u għat-tielet verżjoni tar-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji, flimkien ma’ spjegazzjoni li tindika li t-tieni verżjoni ġiet approvata mill-Awtorità Superviżorja fit-tieni sessjoni tagħha u li ttieħdet nota tat-tielet verżjoni fit-tielet sessjoni tagħha, fuq il-bażi li l-modifiki adottati fit-tielet verżjoni ma għandhom l-ebda impatt fuq l-operat tar-Reġistru Internazzjonali tal-Interessi fil-Vetturi Ferrovjarji.
(21)     https://unece.org/sites/default/files/2026-02/ECE-TRANS-SC.2-337-Rev.3EFR_Unofficial.pdf .

Brussell, 9.3.2026

COM(2026) 122 final

ANNESS

tad-

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tielet sessjoni tal-Awtorità Superviżorja stabbilita skont l-Artikolu XII tal-Protokoll tal-Lussemburgu għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji


Anness

1.Introduzzjoni

It-tielet sessjoni tal-Awtorità Superviżorja tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007 (“il-Protokoll tal-Lussemburgu”) se ssir fl-14 ta’ April 2026.

2.Kompetenza tal-Unjoni

L-Unjoni Ewropea hija parti kontraenti għall-Protokoll tal-Lussemburgu. L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-punti tal-aġenda ta’ din il-laqgħa fejn l-Awtorità Superviżorja se tintalab tadotta l-atti li jkollhom effetti legali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) – jiġifieri l-Punti 9 u 10 tal-Aġenda.

3.Kummenti dwar il-punti tal-aġenda tat-tielet sessjoni tal-Awtorità Superviżorja

Il-punt 9 tal-Aġenda. Ir-Regoli Mudell

Dokument(i)

LUX-26011-SA3-09-Model Rules.pdf

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot

Unjoni Ewropea

Pożizzjoni

Li tinbidel id-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Awtorità Superviżorja kif ġej: “L-Awtorità Superviżorja:

– tinnota l-modifiki għar-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji (Reviżjoni 3) diskussi fit-tielet sessjoni tal-Kumitat tar-Reviżjoni għar-Regoli Mudell għall-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji, li saret f’Settembru 2025;

Jekk ir-Regoli Mudell ma jidħlux fis-seħħ qabel ma ssir it-tielet sessjoni tal-Awtorità Superviżorja:

– tinnota li l-modifiki ta’ dawk ir-Regoli Mudell għandhom jidħlu fis-seħħ biss fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tar-rapport tad-79 sessjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport Ferrovjarju (SC.2) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE);

– tipposponi kwalunkwe azzjoni dwar l-approvazzjoni tar-Reviżjoni 3 ta’ dawk ir-Regoli Mudell sakemm tali regoli jidħlu fis-seħħ.

Jekk ir-Regoli Mudell jidħlu fis-seħħ qabel ma ssir it-tielet sessjoni tal-Awtorità Superviżorja u jikkorrispondu għall-verżjoni mhux uffiċjali ppubblikata fuq is-sit web tal-UNECE 1 :

– tapprova r-Regoli Mudell (Reviżjoni 3)

Il-punt 10 tal-Aġenda. Statuti u Regoli ta’ Proċedura

Dokument(i)

LUX-26012-SA3-10-Statutes and Rules of Procedure (&ad).pdf

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot

Unjoni Ewropea

Pożizzjoni

Favur l-approvazzjoni tal-emendi proposti tal-Istatuti.

Favur l-approvazzjoni tal-emendi proposti tar-Regoli ta’ Proċedura, soġġett għall-emendi li ġejjin:

– fl-Artikolu 16(6), il-punt (c), “ġimagħtejn” huwa sostitwit b’“10 ġimgħat”;

– fl-Artikolu 16(7), il-frażi “jew fejn l-Awtorità Superviżorja tiddeċiedi hekk” titneħħa mill-paragrafu introduttorju.

(1)     https://unece.org/sites/default/files/2026-02/ECE-TRANS-SC.2-337-Rev.3EFR_Unofficial.pdf .