Brussell, 23.2.2026

COM(2026) 89 final

2026/0055(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi lista ta’ individwi li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-bord ta’ esperti stabbilit taħt l-Artikolu 409 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), dwar deċiżjoni li tistabbilixxi lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-bord ta’ esperti stabbilit skont l-Artikolu 409 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni konkluż bejn l-UE u r-Renju Unit jistabbilixxi arranġamenti preferenzjali f’oqsma bħall-kummerċ tal-oġġetti u s-servizzi, il-kummerċ diġitali, il-proprjetà intellettwali, l-akkwist pubbliku, l-avjazzjoni u t-trasport bit-triq, l-enerġija, is-sajd, il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, il-kooperazzjoni u l-parteċipazzjoni fi programmi tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Kapitoli 6, 7 u 8 tat-Titolu XI tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jinkludu dispożizzjonijiet dwar Standards tax-Xogħol u Soċjali, Ambjent u Klima, u strumenti oħra għall-Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli.

2.2.Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli

Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli stabbilit skont l-Artikolu 8(1)(j) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jinkludi rappreżentanti tal-Unjoni u tar-Renju Unit. Huwa kopresedut mill-Unjoni u mir-Renju Unit. L-Anness 1 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli. Il-kompiti tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli huma stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u jikkonsistu prinċipalment fi:

·monitoraġġ u rieżami tal-implimentazzjoni u żgurar tal-funzjonament tajjeb ta’ dan il-Ftehim jew ta’ xi ftehim supplimentari;

·adozzjoni tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-materji kollha fejn dan il-Ftehim jew xi ftehim supplimentari jkunu jipprevedu dan.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli

F’konformità mal-Artikolu 408 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, għal xi kwistjoni li tirriżulta skont l-Artikolu 355(3) u l-Kapitoli 6, 7, 8 tat-Titolu XI tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, Parti tista’ titlob konsultazzjoni bil-għan li tintlaħaq riżoluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku.

L-Artikolu 409(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li, jekk tali kwistjoni ma tkunx ġiet indirizzata b’mod sodisfaċenti permezz ta’ konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 408 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, Parti tista’ titlob li jitlaqqa’ bord ta’ esperti biex jeżamina l-kwistjoni.

F’konformità mal-Artikolu 409(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli għandu jistabbilixxi lista ta’ mill-inqas 15-il individwu li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-bord.

Kull Parti għandha tinnomina mill-inqas ħames persuni mil-lista biex iservu bħala membri tal-bord. Il-Partijiet għandhom ukoll jinnominaw mill-inqas ħames persuni li ma jkunu ċittadini tal-ebda Parti u li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala president ta’ bord ta’ esperti.

Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Iżvilupp Sostenibbli għandu jiżgura li l-lista tinżamm aġġornata u li n-numru ta’ esperti jinżamm għal tal-inqas 15-il individwu.

Skont il-paragrafu 4 tal-Artikolu 409 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-esperti li jkunu ġew proposti bħala membri tal-bord irid ikollhom għarfien speċjalizzat jew kompetenzi fil-qasam tal-liġi tax-xogħol jew ambjentali, fi kwistjonijiet oħra indirizzati fil-Kapitolu jew fil-Kapitoli rilevanti, jew fir-riżoluzzjoni ta’ tilwimiet li jinqalgħu taħt ftehimiet internazzjonali.

L-esperti li jkunu ġew proposti bħala membri tal-bord għandhom iservu fil-kapaċitajiet individwali tagħhom u ma jiħdux struzzjonijiet mingħand xi organizzazzjoni jew gvern fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mat-tilwima. Ma jistgħux ikunu affiljati ma’ xi waħda mill-Partijiet jew jieħdu struzzjonijiet mingħandha u ma għandhomx ikunu persuni li jkunu membri, uffiċjali jew aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-Gvern ta’ Stat Membru, jew tal-Gvern tar-Renju Unit.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

F’konformità mal-Artikolu 783 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.

Abbażi tal-proposti rispettivi tagħhom, l-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jaqblu b’mod konġunt dwar

is-sublista ta’ individwi stabbilita fuq il-bażi ta’ proposti mill-Unjoni;

is-sublista ta’ individwi stabbilita fuq il-bażi ta’ proposti mir-Renju Unit;

sublista waħda ta’ individwi li ma humiex ċittadini ta’ xi waħda mill-Partijiet u li għandhom jaġixxu bħala president tal-bord ta’ esperti

Il-pożizzjoni tal-Unjoni, għalhekk, għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta skont l-Artikolu 409 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni li jistabbilixxi lista ta’ individwi li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-bord taħt il-Ftehim u għal kwistjonijiet li jirriżultaw taħt l-Artikolu 355 (3) u l-Kapitoli 6, 7, 8 tat-Titolu XI tal-Ftehim dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, f’konformità mal-abbozz ta’ deċiżjoni mehmuż ma’ din il-proposta.

4.Bażi legali

Il-bażijiet legali fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma dawk li jirregolaw l-oqsma li fihom tista’ tiġi applikata l-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim, jiġifieri

·l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, it-TFUE (politika kummerċjali komuni),

flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE li jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta att li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Id-deċiżjoni li huwa mitlub jadotta l-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli, tikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti fuq il-liġi tal-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 10(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

L-objettiv u l-kontenut tal-att previst jirrigwardjaw l-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-lista ta’ persuni li huma lesti u kapaċi li jservu bħala membri tal-bord taħt it-Titlu ta’ Kundizzjonijiet Ekwi tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-għan tad-deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u l-Iżvilupp Sostenibbli huwa li tiġi stabbilita lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ bord ta’ esperti skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, huwa xieraq li d-deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha.

2026/0055 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi lista ta’ individwi li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-bord ta’ esperti stabbilit taħt l-Artikolu 409 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 409 (3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli għandu jistabbilixxi lista ta’ mill-inqas 15-il individwu li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-bord dwar kwistjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 355(3) u mill-Kapitoli 6, 7, u 8 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(2)Kull Parti jenħtieġ li tinnomina mill-anqas ħames individwi biex iservu ta’ membri tal-bord. Jenħtieġ li l-Partijiet jinnominaw ukoll mill-inqas ħames persuni li ma jkunu ċittadini tal-ebda Parti u li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala president ta’ bord ta’ esperti.

(3)Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u l-Iżvilupp Sostenibbli jenħtieġ li jiżgura li l-lista tinżamm aġġornata u li n-numru ta’ esperti jinżamm għal tal-inqas 15-il individwu.

(4)F’konformità mal-Artikolu 409(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-esperti proposti bħala membri tal-bord jenħtieġ li jkollhom għarfien speċjalizzat jew għarfien espert fil-liġi tax-xogħol jew ambjentali, fi kwistjonijiet oħra indirizzati fil-Kapitolu jew Kapitoli rilevanti, jew fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim li jinqala’ taħt ftehimiet internazzjonali.

(5)Barra minn hekk, jenħtieġ li l-esperti proposti bħala membri tal-bord iservu fil-kapaċitajiet individwali tagħhom u ma jiħdux struzzjonijiet mingħand xi organizzazzjoni jew gvern fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mat-tilwima. Jenħtieġ li ma jkunux affiljati ma’ xi wieħed mill-Partijiet jew jieħdu struzzjonijiet mingħandu u jenħtieġ li ma jkunux persuni li jkunu membri, uffiċjali jew aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-Gvern ta’ Stat Membru, jew tal-Gvern tar-Renju Unit.

(6)Fuq il-bażi tal-proposti tal-Unjoni u tar-Renju Unit, huwa xieraq li l-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli jaqbel dwar iż-żewġ sublisti, għall-pożizzjoni tal-membri tal-bord, u dwar is-sublista għall-pożizzjoni ta’ president tal-bord ta’ esperti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u l-Iżvilupp Sostenibbli stabbilit mill-Artikolu 8(1) j) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President


Brussell, 23.2.2026

COM(2026) 89 final

ANNESS

tal-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi lista ta’ individwi li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-bord ta’ esperti stabbilit taħt l-Artikolu 409 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni


DOKUMENT MEHMUŻ

Abbozz

Id-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra

ta’ XXX 2025

li tistabbilixxi lista ta’ individwi li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ bord ta’ esperti taħt it-Titolu XI tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni

IL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT GĦALL-KUMMERĊ DWAR KUNDIZZJONIJIET EKWI GĦAL KOMPETIZZJONI MIFTUĦA U ĠUSTA U ŻVILUPP SOSTENIBBLI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra 1 (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), u b’mod partikolari l-Artikolu 409 tiegħu,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 409(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli għandu jistabbilixxi lista ta’ mill-inqas 15-il individwu li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-bord ta’ esperti dwar kwistjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 355(3) u mill-Kapitoli 6, 7 u 8 tat-Titolu XI tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(2)Kull Parti jenħtieġ li tinnomina mill-inqas ħames individwi biex iservu bħala membri tal-bord ta’ esperti. Il-Partijiet jenħtieġ ukoll li jinnominaw mill-anqas ħames persuni li ma jkunu ċittadini tal-ebda Parti u li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala president ta’ bord ta’ esperti.

(3)Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli jenħtieġ li jiżgura li l-lista tinżamm aġġornata u li n-numru ta’ esperti jinżamm għal tal-inqas 15-il individwu.

(4)F’konformità mal-Artikolu 409(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-esperti li jkunu ġew proposti bħala membri tal-bord jenħtieġ li jkollhom għarfien speċjalizzat jew kompetenzi fil-qasam tal-liġi tax-xogħol jew ambjentali, fi kwistjonijiet oħra indirizzati fil-Kapitolu jew fil-Kapitoli rilevanti, jew fir-riżoluzzjoni ta’ tilwimiet li jinqalgħu taħt ftehimiet internazzjonali.

(5)F’konformità mal-Artikolu 409(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-esperti proposti bħala membri tal-bord jenħtieġ li jservu fil-kapaċitajiet individwali tagħhom u ma jiħdux struzzjonijiet mingħand xi organizzazzjoni jew gvern fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mat-tilwima. Jenħtieġ li ma jkunux affiljati ma’ xi waħda mill-Partijiet jew jieħdu struzzjonijiet mingħandha u li ma jkunux persuni li jkunu membri, uffiċjali jew aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-Gvern ta’ Stat Membru, jew tal-Gvern tar-Renju Unit.

(6)Fuq il-bażi tal-proposti tal-Unjoni u tar-Renju Unit, huwa xieraq li l-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli jaqbel dwar iż-żewġ sublisti, għall-pożizzjoni tal-membri tal-bord, u dwar is-sublista għall-pożizzjoni ta’ president tal-bord ta’ esperti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista ta’ individwi li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ bord ta’ esperti fl-Artikolu 409 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, hija stabbilita fl-Anness. 

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Għall-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli

Il-Kopresidenti



ANNESS

(a)sublista ta’ individwi stabbilita fuq il-bażi ta’ proposti mill-Unjoni;

Giovanna ADINOLFI

Irina BUGA

Maria GAVOUNELI

Ursula KRIEBAUM

Peter-Tobias STOLL

Geert VAN CALSTER

(b)sublista ta’ individwi stabbilita fuq il-bażi ta’ proposti mir-Renju Unit;

Juliet BLANCH

Hugh CHEETHAM

Kathleen CLAUSSEN

Patrick PEARSALL

Janet WHITTAKER

(c)sublista ta’ individwi li jenħtieġ li jservu bħala president tal-bord ta’ esperti

Ujal BHATIA

Zachary DOUGLAS

Eduardo MOTTA

Penelope RIDINGS

Thomas COTTIER

Christine KADDOUS

Anne TREBILCOCK

(1)    ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.