IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.1.2026
COM(2026) 38 final
2026/0024(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC), fir-rigward tal-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“IOC”, International Olive Council), b’rabta mal-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda (“il-Ftehim”).
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda
Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda (“il-Ftehim”) għandu l-għan (i) li jfittex li tinkiseb l-uniformità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali b’rabta mal-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa, taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ, u taż-żebbuġ tal-mejda, sabiex jiġi evitat kull ostaklu għall-kummerċ, (ii) li jwettaq attivitajiet fil-qasam tal-ittestjar fiżikokimiku u organolettiku sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-karatteristiċi tal-kompożizzjoni u tal-kwalità tal-prodotti taż-żebbuġ, bil-ħsieb li jiġu kkonsolidati l-istandards internazzjonali, u (iii) li jsaħħaħ ir-rwol tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ bħala forum ta’ eċċellenza għall-komunità xjentifika internazzjonali fil-qasam taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa.
Il-verżjoni mġedda tal-Ftehim daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017.
L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim.
2.2.Il-Kunsill tal-Membri
Il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“il-Kunsill tal-Membri”) huwa l-ogħla awtorità u korp tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-IOC u għandu jeżerċita s-setgħat kollha u jwettaq il-funzjonijiet kollha meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan il-Ftehim. Bħala Parti għall-Ftehim, l-Unjoni Ewropea hija membru tal-IOC u hija rappreżentata fil-Kunsill tal-Membri. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Membri li jikkonċernaw l-adeżjoni ta’ membru ġdid għandhom jittieħdu b’konsensus. Skont l-Artikolu 10(4)(b) tal-Ftehim, il-Membri għandhom jivvutaw jekk ma jintlaħaqx konsensus fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-President tal-Kunsill tal-Membri. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata meta mill-inqas maġġoranza tal-membri li jirrappreżentaw mill-inqas 86 fil-mija tal-ishma ta’ parteċipazzjoni tal-membri jkunu favuriha.
Bħalissa hemm 21 membru fl-IOC u l-Unjoni Ewropea għandha 647 sehem ta’ parteċipazzjoni minn total ta’ 1000.
2.3.L-att previst tal-Kunsill tal-Membri
Wara l-applikazzjoni formali tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan biex taderixxi mal-Ftehim bid-data tal-25 ta’ Awwissu 2025, huwa mistenni li l-Kunsill tal-Membri jadotta, matul sessjoni futura tal-Kunsill tal-Membri, jew fi ħdan il-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, deċiżjoni dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan.
L-iskop tal-att previst huwa li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan skont l-Artikolu 29 tal-Ftehim.
L-att previst se jkun vinkolanti għall-partijiet billi jbiddel il-bilanċ deċiżjonali fil-Kunsill tal-Membri meta d-deċiżjonijiet ma jiġux adottati b’konsensus f’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Ftehim.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Għalkemm fir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan il-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa għadha modesta, teżisti tradizzjoni twila ta’ produzzjoni u ta’ konsum taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda. Ġie rapportat li l-art agrikola fir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan fl-2023 kienet 46,7 % tal-erja tal-art totali, b’konsum annwali medju taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda ta’ madwar 5 000 tunnellata u 2 100 tunnellata rispettivament.
Meta titqies it-tradizzjoni li ilha teżisti fil-Pakistan fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa, l-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan f’ċerti kundizzjonijiet se ssaħħaħ l-IOC, b’mod partikolari fir-rigward tal-kisba tal-uniformità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali b’rabta mal-karatteristiċi tal-prodotti taż-żebbuġ għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe ostaklu għall-kummerċ. Din l-adeżjoni taqbel mal-objettivi tal-politika tal-Unjoni fir-rigward tal-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli kif previst fit-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Kunsill tal-Membri se tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan fir-rigward tal-ishma ta’ parteċipazzjoni fl-IOC u l-limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrument ta’ adeżjoni.
L-ishma ta’ parteċipazzjoni tal-Membri li jintużaw biex jiġu ffissati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji u d-drittijiet tal-vot huma kkalkulati skont formula speċifikata fl-Artikolu 11 tal-Ftehim. L-Unjoni se tiżgura li din il-formula tintuża meta jiġu definiti l-ishma ta’ parteċipazzjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan.
L-Unjoni se tappoġġa kull limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrument tal-adeżjoni li permezz tiegħu l-Pakistan jista’ jaderixxi malajr mal-Ftehim. Jekk id-depożitu tal-istrument jiddewwem, f’deċiżjonijiet sussegwenti li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill tal-Membri, l-Unjoni tista’ tappoġġa l-estensjoni tal-perjodu għad-depożitu tal-istrument.
Meta jitqies il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-IOC, il-pożizzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kunsill tal-Membri huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda.
L-att li l-Kunsill tal-Membri mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst għandu effetti legali b’mod partikolari minħabba l-fatt li se jaffettwa l-bilanċ deċiżjonali fi ħdan il-Kunsill tal-Membri meta d-deċiżjonijiet ma jiġux adottati b’konsensus f’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Ftehim.
L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 207 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.KONFORMITÀ MAL-PRINĊIPJU DIĠITALI B’MOD AWTOMATIKU
Skont il-valutazzjoni diġitali mwettqa, il-proposta attwali ma għandha l-ebda dimensjoni diġitali billi ma hemm l-ebda rilevanza diġitali. Il-proposta tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-UE fir-rigward tal-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015.
Il-mezzi diġitali jew l-iskambju tad-data mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta.
2026/0024 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC), fir-rigward tal-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 fit-18 ta’ Novembru 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod provviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu u ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019.
(2)Skont l-Artikolu 29 tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“il-Kunsill tal-Membri”) għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni ta’ Gvern mal-Ftehim.
(3)Ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan applikat formalment biex taderixxi mal-Ftehim. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kunsill tal-Membri jiġi mistieden, matul sessjoni futura tiegħu, jew fi ħdan il-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan, fir-rigward tal-ishma ta’ parteċipazzjoni fl-IOC u l-limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrument ta’ adeżjoni.
(4)Billi l-Pakistan qed jiżviluppa s-setturi taż-żebbuġ tiegħu fir-rigward tal-konsum u beħsiebu jiżviluppa l-produzzjoni tiegħu, l-adeżjoni tiegħu f’ċerti kundizzjonijiet se ssaħħaħ l-IOC, b’mod partikolari fir-rigward tal-kisba tal-uniformità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali b’rabta mal-karatteristiċi tal-prodotti taż-żebbuġ għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe ostaklu għall-kummerċ.
(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri, billi d-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati se jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni billi jolqtu l-bilanċ deċiżjonali fil-Kunsill tal-Membri meta d-deċiżjonijiet ma jkunux adottati b’konsensus f’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Ftehim,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ matul sessjoni futura tiegħu, jew fi ħdan il-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan mal-Ftehim, hija stabbilita fl-Anness.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.1.2026
COM(2026) 38 final
ANNESS
tal-Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC), fir-rigward tal-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015
ANNESS
L-Unjoni għandha tappoġġa l-adeżjoni tal-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan għall-Ftehim, f’sessjoni futura tal-Kunsill tal-Membri jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, diment li l-ishma ta’ parteċipazzjoni tal-Pakistan jiġu kkalkulati skont il-formula speċifikata fl-Artikolu 11 tal-Ftehim u l-limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrument tal-adeżjoni ma jaqbiżx sena u nofs wara d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Membri. Jekk id-depożitu tal-istrument jiddewwem, f’deċiżjonijiet sussegwenti li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill tal-Membri, l-Unjoni tista’ tappoġġa l-estensjoni tal-perjodu għad-depożitu tal-istrument.