Brussell, 3.6.2026

COM(2026) 501 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan Direzzjonali Strateġiku għad-Diġitalizzazzjoni u għall-IA fis-Settur tal-Enerġija


1.Introduzzjoni

Id-diġitalizzazzjoni qed issawwar mill-ġdid ħajjitna, u s-settur tal-enerġija ma huwiex eċċezzjoni. Ir-rapport ta’ Mario Draghi dwar il-futur tal-Kompetittività Ewropea 1 enfasizza l-fatt li l-Unjoni Ewropea trid tisfrutta r-“rivoluzzjoni diġitali” u tinvesti b’mod deċiżiv fl-Intelliġenza Artifiċjali (IA) u fl-infrastruttura tad-data biex tissalvagwardja l-kompetittività tagħha u tmexxi t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.

Il-prezzijiet għoljin tal-enerġija fl-UE, aggravati mill-kriżi tal-fjuwils fossili li dejjem sejra għall-agħar, u l-pressjoni li joħolqu kemm fuq il-kompetittività industrijali kif ukoll fuq l-unitajiet domestiċi, jagħmlu t-trasformazzjoni diġitali tas-sistema tal-enerġija aktar urġenti minn qatt qabel. Il-kunflitt fil-Lvant Nofsani wassal għal żidiet volatili fil-prezzijiet, li esponew il-fraġilità tad-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet globali. 

Is-sovranità teknoloġika vera tinsab f’sistema tal-enerġija diġitalizzata u interkonnessa li żżid l-elettrifikazzjoni u l-integrazzjoni tal-enerġija nadifa. Is-soluzzjonijiet diġitali jistgħu jagħtu lill-konsumaturi kontroll akbar fuq meta jużaw l-elettriku, u b’hekk ikunu jistgħu jressqu l-konsum għal sigħat orħos u jbaxxu l-kontijiet tagħhom. Għall-industrija, id-diġitalizzazzjoni tista’ tnaqqas il-kostijiet tal-enerġija, ittejjeb l-effiċjenza, tottimizza l-proċessi tal-produzzjoni, u tagħmilha aktar faċli biex wieħed jirrispondi għas-sinjali tal-prezzijiet u jipparteċipa fis-swieq tal-flessibbiltà. Meta l-flessibbiltà minn ħafna apparati, bini u proċessi industrijali tiġi aggregata, din tista’ tnaqqas id-domanda massima, tillimita l-ħtieġa għal ġenerazzjoni għalja mħaddma bil-fjuwils fossili, u tbaxxi l-kostijiet fis-sistema kollha. Fl-istess ħin, l-għodod diġitali u l-IA jistgħu jgħinu lill-operaturi tal-grilji, lill-impjanti tal-enerġija, lill-faċilitajiet tal-ħżin u lis-siti industrijali jaħdmu b’mod aktar effiċjenti u prevedibbli. Ir-riżultat huwa industrija aktar kompetittiva, kontijiet aktar baxxi għall-unitajiet domestiċi, u sistema tal-enerġija aktar reżiljenti u affordabbli b’mod ġenerali. 2  

Il-ħtieġa għal żieda fil-kapaċitajiet tal-computing se twassal għal żieda konsegwenti fil-ħtiġijiet tal-enerġija għad-diġitalizzazzjoni, u b’mod partikolari l-IA u ċ-ċentri tad-data qed iżidu d-domanda għall-enerġija, 3 b’konsegwenzi potenzjali għad-dekarbonizzazzjoni, il-prezzijiet u l-aċċess għall-grilji għall-konsumaturi kollha. Dan jimxi id f’id ma’ pressjoni dejjem akbar fuq ir-riżorsi tal-ilma kif rikonoxxut fl-Istrateġija tal-UE għar-Reżiljenza tal-Ilma. 4 Xi Stati Membri u pajjiżi terzi diġà qed jiffaċċjaw dawn l-isfidi. Jekk ma jiġux indirizzati fil-livell tal-UE issa, dawn l-isfidi jistgħu jikbru b’mod konsiderevoli u jsiru aktar diffiċli biex jissolvew fis-snin li ġejjin, peress li huwa mistenni li l-konsum tal-enerġija tas-settur se jkompli jiżdied. Għalhekk huwa essenzjali li jiġi żgurat li d-diġitalizzazzjoni ma jkollhiex impatt negattiv fuq konsumaturi oħra u fuq l-aġenda tal-elettrifikazzjoni tal-Kummissjoni, iżda pjuttost tiġi ġestita b’mod li jippermetti l-integrazzjoni tas-sistema u li jillimita l-impatt fuq is-sistema tal-enerġija.

Għalhekk, sistema tal-enerġija tal-UE diġitalizzata sostenibbli li tisfrutta l-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali ma għadhiex fakultattiva, iżda saret essenzjali. Madankollu, din mhux se titfaċċa waħedha: teħtieġ grilji intelliġenti, miters intelliġenti, u skambju tad-data bla xkiel fis-sistema tal-enerġija kollha. Id-diġitalizzazzjoni lanqas ma hija se ssaħħaħ awtomatikament lill-Ewropa. Sabiex issaħħaħ il-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-UE, l-UE trid iżżomm kontroll sovran fuq is-soluzzjonijiet diġitali, il-mudelli tal-IA u l-algoritmi li fuqhom tiddependi dejjem aktar is-sistema tal-enerġija tagħha. L-atturi globali diġà qed jieħdu passi deċiżivi f’din id-direzzjoni. 5 Jekk l-UE trid tmexxi t-tranżizzjoni globali lejn l-enerġija nadifa, għandha tiżviluppa pjan direzzjonali ambizzjuż f’dan il-qasam.

6 7 Dan il-Pjan Direzzjonali Strateġiku jistabbilixxi miżuri għal sistema tal-enerġija diġitalizzata tal-UE li fiha l-IA se tappoġġa t-twassil ta’ enerġija sigura, nadifa u kompetittiva għall-konsumaturi kollha. Dan jibni fuq il-prijoritajiet ta’ politika tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Kontinent tal-IA, l-Istrateġija għall-Applikazzjoni tal-IA, il-ħidma tal-Uffiċċju tal-IA, u l-Pjan ta’ Azzjoni għad-Diġitalizzazzjoni tal-Enerġija tal-2022 biex jinkisbu l-benefiċċji ta’ soluzzjonijiet diġitali għas-settur tal-enerġija tal-Ewropa. Jikkomplementa l-Att dwar l-Iżvilupp tal-Cloud u tal-IA (CADA), li se joħloq il-kundizzjonijiet ix-xierqa għall-UE biex tinċentiva investimenti kbar fil-kapaċità tal-cloud u tal-edge.

Sal-2030, il-miżuri stabbiliti f’dan il-Pjan Direzzjonali Strateġiku se jgħinu biex jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli tas-settur diġitali fl-UE, b’impatti pożittivi għall-konsumaturi kollha tal-enerġija. L-iskambju transfruntier u l-ġbir flimkien tad-data dwar l-enerġija se jgħinu wkoll biex l-UE titqiegħed fuq il-mappa internazzjonali tal-IA, billi jippermettu mudelli bażi tal-IA li jirrispettaw ir-regoli u l-valuri tad-data tal-UE.

Dan il-Pjan Direzzjonali Strateġiku huwa strutturat madwar tliet pilastri: il-Pilastru I jindirizza l-integrazzjoni sostenibbli taċ-ċentri tad-data fis-sistema tal-enerġija; il-Pilastru II jistabbilixxi miżuri biex jiġu varati soluzzjonijiet diġitali u tal-IA fis-sistema tal-enerġija kollha; u l-Pilastru III jindirizza l-qafas ta’ governanza tad-data meħtieġ biex jiffaċilita servizzi tal-enerġija intelliġenti u IA fuq skala kbira. Dawn huma kkomplementati minn taqsima trażversali dwar il-fiduċja, iċ-ċibersigurtà, u l-ġlieda kontra t-theddidiet ibridi, il-ħiliet u l-kooperazzjoni internazzjonali, u taqsima konklużiva li tistabbilixxi kif l-implimentazzjoni se tiġi mmonitorjata u rieżaminata.

2.Pilastru I – Enerġija għall-IA

Il-Pilastru I jidentifika azzjonijiet speċifiċi li jiżguraw li l-integrazzjoni sostenibbli taċ-ċentri tad-data fis-sistema tal-enerġija tappoġġa s-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u l-objettivi tal-enerġija nadifa.

Iċ-ċentri tad-data huma kritiċi għall-kompetittività u s-sovranità diġitali tal-UE, billi jipprovdu l-kapaċità tal-computing li tirfed il-biċċa l-kbira tas-servizzi diġitali. Dawn jistgħu wkoll jagħtu spinta lill-ekonomiji lokali u jsaħħu l-ktajjen tal-valur diġitali integrati fl-UE kollha. L-UE għandha l-għan li titripla l-kapaċità taċ-ċentri tad-data tagħha fi żmien 5-7 snin, filwaqt li tiżgura li tissodisfa l-ħtiġijiet tagħha.

Dawn l-opportunitajiet iġibu magħhom sfidi. Iċ-ċentri tad-data bħalissa jammontaw għal madwar 2,5 % tal-konsum tal-elettriku tal-UE, u d-domanda tagħhom hija mistennija li tiżdied b’mod sostanzjali minħabba li l-kapaċità installata tagħhom hija mistennija li tikber minn madwar 12 GW fl-2025 għal madwar 28 GW sal-2030. 8 Id-domanda kurrenti hija kkonċentrata ġeografikament f’għadd limitat ta’ hotspots. 9 Madankollu, it-talbiet għal konnessjoni qed jiżdiedu b’mod drastiku, b’siti individwali li jeħtieġu kapaċitajiet bħal dawk ta’ siti industrijali ewlenin. Din id-domanda addizzjonali se tikkombina ż-żieda usa’ xprunata mill-elettrifikazzjoni tal-ekonomija. Dawn l-iżviluppi jistgħu, jekk ma jiġux ġestiti b’mod proattiv, jimminaw is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-provvista tal-enerġija, jaggravaw il-konġestjoni tal-grilja u jżidu l-prezzijiet tal-elettriku, speċjalment meta titqies il-kapaċità taċ-ċentri tad-data li jikkompetu ma’ konsumaturi tal-enerġija oħrajn għall-aċċess għall-enerġija. F’ċerti reġjuni, l-iskala u r-ritmu tat-tkabbir proġettat fid-domanda jistgħu jirrikjedu wkoll approċċi komplementari għall-provvista tal-enerġija u għall-integrazzjoni tas-sistema, flimkien ma’ tisħiħ f’waqtu tal-grilja, bħall-ġenerazzjoni fuq il-post, kolokalizzata jew “wara l-miter”, li qed tiġi varata dejjem aktar għal kampusijiet taċ-ċentri tad-data fuq skala kbira f’reġjuni oħra globalment.

L-integrazzjoni taċ-ċentri tad-data fis-sistema tal-enerġija tirrikjedi l-ġestjoni effiċjenti tal-konnessjonijiet mal-grilja, l-ippjanar u t-tħaddim koordinati tal-grilji, il-flessibbiltà min-naħa tad-domanda u provvista sostenibbli tal-enerġija, pereżempju permezz ta’ ġenerazzjoni kolokalizzata nadifa qrib iċ-ċentri tad-data li jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tas-sistema u għas-sigurtà tal-provvista. L-operaturi tan-networks jeħtieġu informazzjoni f’waqtha dwar l-iżviluppi taċ-ċentri tad-data biex jippjanaw l-investimenti fil-grilja u jiġġestixxu l-konnessjonijiet b’mod effiċjenti. Is-settur diġitali għandu r-responsabbiltà li jiżgura l-integrazzjoni sostenibbli tiegħu fis-sistema tal-enerġija. Barra minn hekk, l-isfidi relatati mal-ilma jridu jiġu indirizzati biex jitqiesu bis-sħiħ l-implikazzjonijiet tar-rabta bejn l-ilma u l-enerġija. Il-pjan ta’ azzjoni diġitali li jmiss għas-settur tal-ilma huwa mistenni li jappoġġa u jikkomplementa l-iżvilupp tal-integrazzjoni sostenibbli taċ-ċentri tad-data.

Iċ-ċentri tad-data jittrasformaw l-elettriku f’intelliġenza għall-benefiċċju tal-ekonomija u tas-soċjetà kollha, u għandhom il-potenzjal li jesperjenzaw tkabbir bla preċedent fis-snin li ġejjin. F’dan ir-rigward, filwaqt li d-domanda għall-enerġija taċ-ċentri tad-data hija bla preċedent, l-isfidi relatati mal-aċċess u l-flessibbiltà f’waqthom għall-grilja huma kondiviżi ma’ utenti oħra tal-grilja. Sabiex l-UE tibbenefika bis-sħiħ mill-potenzjal tal-cloud u tal-IA, iċ-ċentri tad-data jeħtieġu provvista tal-elettriku u aċċess għall-grilja f’waqthom. Inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni 10 jipprovdu sett ta’ għodod għall-Istati Membri, għall-awtoritajiet regolatorji u għall-operaturi tas-sistema biex jindirizzaw l-aktar ħtiġijiet urġenti relatati mal-aċċess għall-grilja, l-iżvilupp tan-network u l-użu effiċjenti tal-grilji, filwaqt li jibnu fuq il-qafas legali eżistenti. 11

Id-dewmien fl-iżvilupp tan-network jitqies bħala raġuni ewlenija għall-kjuwijiet tal-konnessjoni għall-utenti l-kbar tan-network bħaċ-ċentri tad-data. Il-Kummissjoni ressqet dispożizzjonijiet għall-aċċellerazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi skont il-pakkett dwar il-Grilji Ewropej u tistieden lill-awtoritajiet regolatorji u lill-operaturi tas-sistema biex jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati fl-eżerċizzji tal-ippjanar tan-network tagħhom kmieni biex jiffaċilitaw l-investiment antiċipatorju.

Sabiex jindirizzaw l-ostaklu tal-użu ineffiċjenti tal-grilji, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ l-inċentivi t-tajba għall-operaturi tas-sistema u għall-utenti tas-sistema, li t-tariffi tan-network jitfasslu b’mod effiċjenti u jagħtu flessibbiltà, u li jiġu riflessi l-kostijiet tal-gruppi tal-utenti rispettivi. Il-proposta legali li jmiss għal kontijiet tal-elettriku li jibqgħu validi fil-futur fl-UE se tiċċara dawn il-prinċipji qabel is-sajf.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet regolatorji għandhom joħolqu qafas għal ftehimiet ta’ konnessjoni flessibbli. Meta l-ftehimiet ta’ konnessjoni flessibbli jkunu meħtieġa jew ta’ benefiċċju għas-sistema tal-enerġija, iċ-ċentri tad-data jistgħu jkunu kandidati tajbin. Huma jistgħu jipparteċipaw ukoll f’mekkaniżmi tas-suq li jirremuneraw il-flessibbiltà, bħas-servizzi tal-ibbilanċjar jew anċillari u s-swieq tal-ġestjoni tal-konġestjoni meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet tekniċi.

Fl-aħħar nett, il-proċeduri ta’ konnessjoni mal-grilja jistgħu jkunu aktar effiċjenti billi jitbiegħdu mill-prinċipju ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel lejn kunsiderazzjoni akbar tal-maturità u l-progress fl-iżvilupp tal-proġetti biex jiġi żgurat li l-proġetti spekulattivi ma jimblukkawx l-aċċess għall-grilja. Il-portal tal-kapaċità ta’ hosting tal-grilja fl-Unjoni kollha Capacitypedia 12 għandu jgħin liċ-ċentri tad-data jressqu t-talba għall-konnessjoni tagħhom f’żoni bi żvilupp suffiċjenti jew ippjanat tal-grilji. Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Gwida rilevanti biex tiżgura aċċess f’waqtu għall-grilja għall-utenti kollha.

Hija meħtieġa koordinazzjoni madwar l-UE biex titħaffef l-integrazzjoni sostenibbli taċ-ċentri tad-data fis-sistema tal-enerġija. Inizjattiva mmexxija mill-Kummissjoni tiżviluppa mudell replikabbli għal ftehimiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-operaturi taċ-ċentri tad-data u l-atturi tal-enerġija biex jappoġġaw l-integrazzjoni tal-grilji, il-provvista tal-enerġija nadifa, il-flessibbiltà, ir-rendiment imtejjeb fl-użu tal-enerġija u s-salvagwardja tar-riżorsi tal-ilma u ambjentali. Il-mudell se jiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni tal-miżuri orizzontali dwar l-aċċess sostenibbli għall-grilja msemmija hawn fuq, filwaqt li se jqis bis-sħiħ l-ispeċifiċitajiet taċ-ċentri tad-data. Sabiex tiggwida l-azzjoni, il-Kummissjoni se ttejjeb ukoll il-bażi tal-evidenza dwar l-użu tal-enerġija miċ-ċentri tad-data permezz ta’ għodda ta’ valutazzjoni u monitoraġġ fit-tul tal-UE, billi tibni fuq ir-rapportar tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, l-istatistika tal-UE 13 u l-kooperazzjoni mal-AIE. Dan se jikkomplementa u jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju, inklużi l-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej.

Azzjoni ewlenija 1: Mudell ta’ ftehim tripartitiku għall-integrazzjoni sostenibbli taċ-ċentri tad-data fis-sistema tal-enerġija, għall-introduzzjoni ta’ ftehimiet lokali bejn l-operaturi taċ-ċentri tad-data, il-partijiet relatati mal-enerġija u l-awtoritajiet pubbliċi. Il-mudell jista’ jistabbilixxi azzjonijiet dwar: il-provvista mtejba ta’ informazzjoni għal ippjanar aħjar tal-grilja, l-għoti ta’ informazzjoni aħjar għat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-aħjar post fejn ikunu jinsabu l-proġetti taċ-ċentru tad-data, iż-żieda fit-trasparenza tat-talbiet għall-konnessjoni mal-grilja (inkluż il-prinċipju “tużah jew titilfu” biex tiġi evitata prenotazzjoni spekulattiva tal-kju), l-użu mtejjeb tal-PPAs 14 u t-twassil ta’ ġenerazzjoni addizzjonali ta’ enerġija nadifa, it-twassil ta’ soluzzjonijiet għall-flessibbiltà taċ-ċentri tad-data (permezz ta’ strumenti bbażati fuq is-suq u l-kapitalizzazzjoni fuq il-qafas legali fis-seħħ), l-appoġġ għall-irkupru u għall-użu tas-sħana mormija u t-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, favur l-ksib ta’ ftehimiet ta’ konnessjoni flessibbli bħala mezz biex jiġu aċċessati l-grilji fejn meħtieġ. Il-mudell jista’ sussegwentement jiġi adattat u ppilotat fl-Istati Membri u fir-reġjuni. Il-kwistjonijiet relatati mal-ilma se jiġu indirizzati f’konformità mal-iżvilupp tal-iskema ta’ klassifikazzjoni tal-UE għaċ-ċentri tad-data.

Twaqqit: Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni li tiddikjara r-rieda tal-partijiet ikkonċernati tal-industrija li jikkooperaw fil-qafas ta’ ftehim tripartitiku, u li tidentifika l-oqsma ewlenin għall-azzjoni tagħhom, se tiġi adottata flimkien ma’ dan il-Pjan Direzzjonali Strateġiku; il-mudell tal-ftehim tripartitiku se jiġi ppubblikat u promoss fit-tieni nofs tal-2026. Barra minn hekk, u jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tressaq proposta leġiżlattiva biex tiżgura l-integrazzjoni sostenibbli taċ-ċentri tad-data fis-sistema tal-enerġija tal-UE.

Impatti mistennija: koordinazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-operaturi taċ-ċentri tad-data, l-operaturi tas-sistemi tal-elettriku u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn; integrazzjoni aktar mgħaġġla u sostenibbli tal-grilja taċ-ċentri tad-data; użu akbar ta’ sorsi ta’ enerġija nadifa u soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà; rendiment aħjar fl-użu tal-enerġija; prezzijiet iktar baxxi tal-enerġija: u qafas aktar konsistenti iżda adattabbli fl-Istati Membri kollha. Sinerġiji massimizzati mat-tisħin distrettwali.

Sabiex it-tkabbir tal-infrastruttura diġitali jiġi allinjat mal-għanijiet ambjentali, tal-klima u tal-enerġija, iċ-ċentri tad-data jridu jkunu minn ta’ quddiem fl-effiċjenza enerġetika, fl-effiċjenza tar-riżorsi u fil-flessibbiltà tal-enerġija. Bħala rispons, il-Kummissjoni se tadotta Pakkett dwar l-Effiċjenza Enerġetika taċ-Ċentri tad-Data, inkluż rapport dwar it-titjib tal-effiċjenza enerġetika taċ-ċentri tad-data, Att Delegat li jistabbilixxi skema ta’ klassifikazzjoni tal-UE għas-sostenibbiltà taċ-ċentri tad-data, u t-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika għal standards minimi ta’ prestazzjoni għaċ-ċentri tad-data ġodda u eżistenti fl-UE. L-Inizjattiva ta’ Tmexxija tal-Cloud u tal-IA skont l-Att dwar l-Iżvilupp tal-Cloud u tal-IA se jappoġġa u se jinċentiva l-varar tal-aqwa ċentri tad-data fil-klassi tagħhom madwar l-Unjoni.

Azzjoni ewlenija 2: Skema ta’ klassifikazzjoni tal-UE għaċ-ċentri tad-data li tkopri l-effiċjenza enerġetika, l-effiċjenza fl-użu tal-ilma, l-użu tal-enerġija nadifa, l-użu mill-ġdid u l-flessibbiltà tas-sħana mormija 15  u t-tnedija tal-proċess għal standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-UE.

Twaqqit: skema ta’ klassifikazzjoni adottata fl-2026; l-ewwel tikketti fl-2027; valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-UE sal-2027.

Impatti mistennija: aktar trasparenza u promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli taċ-ċentri tad-data; konsum ipproġettat ottimizzat tal-enerġija u tal-ilma.

3.Pilastru II – Diġitalizzazzjoni u IA għas-sistema tal-enerġija

Il-Pilastru II jidentifika azzjonijiet speċifiċi sabiex is-sistema tal-enerġija ssir aktar intelliġenti u aktar xprunata mid-data bl-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali u tal-IA.

Iktar ma s-settur tal-enerġija javvanza lejn l-elettrifikazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni, il-grilji tal-elettriku qed isiru s-sinsla ta’ sistema tal-enerġija integrata u reżiljenti. Kif enfasizzat fil-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej, il-grilji jridu jsiru aktar intelliġenti u aktar b’saħħithom, iżda wkoll aktar reżiljenti għall-klima u għall-avvenimenti estremi, filwaqt li jisfruttaw id-data ġeospazjali u l-IA biex itaffu r-riskji ta’ diżastri naturali. Il-grilji intelliġenti jipprovdu l-viżibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontroll f’ħin reali meħtieġa biex jiżdied l-użu ta’ sorsi rinnovabbli u jiġi ottimizzat it-tħaddim tas-sistema tal-enerġija, filwaqt li jibbenefikaw mill-IA. Is-sistemi ta’ kejl intelliġenti huma faċilitatur ewlieni tar-rispons għad-domanda u tal-kuntratti dinamiċi tal-prezzijiet tal-elettriku, li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-użu tal-infrastruttura eżistenti tan-network tal-elettriku, inkluż billi jnaqqsu r-restrizzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli u jiffaċilitaw l-elettrifikazzjoni.

Il-grilji intelliġenti jistgħu jnaqqsu l-kostijiet billi jagħmlu użu aħjar mill-assi eżistenti u mill-enerġija rinnovabbli. Huma jtejbu l-affordabbiltà u r-reżiljenza permezz ta’ ġestjoni aħjar tal-grilja u jappoġġaw l-integrazzjoni tas-sistema billi jisfruttaw il-flessibbiltà bejn id-domanda, il-ġenerazzjoni, il-ħżin, it-tisħin u l-mobbiltà. Pereżempju, in-network ta’ kondiviżjoni tal-karozzi mill-vettura għall-grilja ta’ Utrecht juri kif il-vetturi elettriċi jistgħu jaħżnu l-enerġija solari żejda u jfornuha lura lill-grilja fil-ħinijiet l-aktar intensivi, jappoġġaw l-istabbiltà tal-grilja u jnaqqsu r-restrizzjonijiet. 16 L-iċċarġjar intelliġenti u bidirezzjonali jista’ jiġġenera wkoll iffrankar sinifikanti għall-konsumaturi (bejn EUR 450 u EUR 2 900 fis-sena). 17 Eżempju ieħor huwa l-portijiet, fejn il-grilji intelliġenti jistgħu jgħinu fil-ġestjoni tad-domanda għolja għall-elettriku għall-provvista tal-enerġija mix-xatt lill-bastimenti, u jistgħu jiffaċilitaw servizzi ta’ flessibbiltà addizzjonali. 18

L-investiment fi grilji Ewropej aktar b’saħħithom u aktar intelliġenti huwa essenzjali. 19 Madankollu, il-progress għadu mxekkel minn prattiki regolatorji u tal-ippjanar li jiffavorixxu l-espansjoni tradizzjonali tal-grilji fuq soluzzjonijiet intelliġenti, approċċi frammentati għad-diġitalizzazzjoni fl-UE kollha, u inċertezza dwar il-prestazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda.

Il-qafas tal-UE diġà indirizza diversi minn dawn l-ostakli, u appoġġa investiment akbar fil-grilji intelliġenti permezz tad-disinn tas-suq tal-elettriku, 20 il-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej u l-finanzjament tar-riċerka tal-UE. B’mod partikolari, il-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej 21  ressaq proposti biex jiġu promossi soluzzjonijiet diġitali u mingħajr fili fl-ippjanar tan-network, filwaqt li Orizzont Ewropa qed jappoġġa l-innovazzjoni fis-sistemi tal-enerġija, fil-grilji u fil-ħżin. 22  

Biex tkompli tappoġġa l-varar ta’ grilji aktar intelliġenti, il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni biex il-kontijiet tal-elettriku tal-UE jibqgħu validi fil-futur, inklużi dispożizzjonijiet li jippermettu użu aktar effiċjenti tal-assi attwali tal-grilja billi jintużaw soluzzjonijiet intelliġenti u diġitali. Il-proposta tagħti mandat lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) biex tipprovdi rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet regolatorji dwar l-użu ta’ indikaturi tal-grilji intelliġenti biex jitkejlu l-adozzjoni u l-prestazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi u soluzzjonijiet diġitali fin-networks tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni. Ir-rakkomandazzjoni se tibni fuq il-ħidma li għaddejja f’dan il-qasam. L-awtoritajiet regolatorji mbagħad se jistabbilixxu indikaturi tal-prestazzjoni għat-tħaddim u għall-iżvilupp effiċjenti tal-grilja. L-ACER se timmonitorja l-progress, se tidentifika l-aħjar prattiki u se tipproponi aktar miżuri kif meħtieġ. Dawn l-indikaturi għandhom jappoġġaw ukoll il-varar ta’ teknoloġiji li jtejbu l-grilja, li jistgħu jespandu l-kapaċità tan-network sa 40 % u jnaqqsu l-kostijiet tal-espansjoni tal-grilja konvenzjonali sa 35 %. 23

Sabiex tħaffef il-varar, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet doppji diġitali, 24 inkluż permezz ta’ sett ta’ għodod iddedikat biex jittejbu l-interoperabbiltà, l-iskala u l-adozzjoni prattika. B’mod parallel, l-UE se tkompli tappoġġa l-innovazzjoni fis-sistemi tal-enerġija intelliġenti permezz ta’ Orizzont Ewropa, inkluż il-finanzjament għal soluzzjonijiet avvanzati tal-grilji tal-elettriku. 25

L-użu effiċjenti tan-network tal-elettriku jiddependi fuq id-disponibbiltà ta’ data akkurata u granulari dwar il-konsum u fuq il-kapaċità tal-klijenti finali li jaċċessaw tali data u jieħdu azzjoni fir-rigward tagħha. Is-sistemi ta’ kejl intelliġenti huma faċilitatur ewlieni tar-rispons għad-domanda u tal-kuntratti dinamiċi tal-prezzijiet tal-elettriku, li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-użu tal-infrastruttura eżistenti tan-network tal-elettriku, inkluż billi jnaqqsu r-restrizzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli u jiffaċilitaw l-elettrifikazzjoni. Meta titqies il-ħtieġa imperattiva li l-Istati Membri kollha jikkontribwixxu biex is-sistema tal-elettriku ssir intelliġenti, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva biex taċċellera l-introduzzjoni ta’ miters intelliġenti fl-UE, u b’hekk issaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-konsumatur, tiffaċilita flessibbiltà min-naħa tad-domanda u tappoġġa użu aktar effiċjenti tas-sistema tal-elettriku.

Azzjoni ewlenija 3: Żvilupp ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-UE għall-grilji intelliġenti u l-aċċellerazzjoni tal-introduzzjoni tal-miters intelliġenti

Twaqqit: Katalogu tal-indikaturi tal-UE li jrid jiġi ffinalizzat sa nofs l-2026. Proposta leġiżlattiva fl-2026 biex tiġi aċċellerata l-introduzzjoni ta’ miters intelliġenti fl-UE, bl-għan li jkun hemm kopertura minima f’kull Stat Membru, u biex l-ACER tingħata l-kompitu li tipprovdi rakkomandazzjoni dwar l-indikaturi tal-grilja intelliġenti fl-2028 b’monitoraġġ regolari tal-progress wara.

Impatti mistennija: deċiżjonijiet ta’ investiment imtejba fil-grilji intelliġenti u diġitalizzati, użu aktar effiċjenti tal-grilji eżistenti, sorveljanza regolatorja msaħħa mill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali, varar aktar kosteffiċjenti ta’ soluzzjonijiet intelliġenti u diġitali, u integrazzjoni aċċellerata ta’ sorsi rinnovabbli, elettrifikazzjoni, reżiljenza u effiċjenza enerġetika fl-Ewropa kollha.

L-IA qed tinfirex malajr fis-sistema tal-enerġija, filwaqt li l-assi, il-proċessi u s-swieq qed isiru aktar diġitali. Madankollu, id-diġitalizzazzjoni ta’ atturi individwali ma hijiex biżżejjed: il-potenzjal sħiħ ta’ sistema tal-enerġija li taħdem bl-IA se jinkiseb biss bl-użu ta’ soluzzjonijiet tal-IA tul il-katina tal-valur tal-enerġija kollha, mill-ġenerazzjoni tal-provvista u rinnovabbli sal-industrija, il-binjiet u l-mobbiltà.

Peress li għaddejja tellieqa globali tal-IA, 26 l-UE trid tisfrutta s-saħħa tagħha fl-awtomatizzazzjoni industrijali 27 biex tibni mudelli tal-IA sovrani u siguri għas-settur tal-enerġija, imħarrġa fuq id-data Ewropea u żviluppati minn ditti tal-UE, u tmexxi l-mewġa li jmiss ta’ teknoloġiji tal-enerġija intelliġenti. F’settur ta’ tali importanza strateġika bħall-enerġija, hija kwistjoni tas-sovranità teknoloġika tal-UE li jiġu żviluppati u ġestiti mudelli ġodda tal-IA fl-UE. Filwaqt li tibni fuq l-Istrateġija għall-Applikazzjoni tal-IA, u l-Istrateġija tal-IA fix-Xjenza, il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta’ mudelli bażi tal-IA għall-ġestjoni u għall-ippjanar tal-grilji bħala sinsla diġitali għas-sistema tal-enerġija.

Meta jiġu mħarrġa fuq settijiet ta’ data diversi u kbar, inkluż id-data tal-osservazzjoni tad-dinja (pereżempju miċ-Ċentru tal-Enerġija ta’ Copernicus), u rfinati għal każijiet ta’ użu speċifiċi, dawn il-mudelli tal-IA jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti l-funzjonijiet tal-grilja 28 bħat-tbassir, il-ġestjoni tal-konġestjoni, l-identifikazzjoni tal-ħsarat u l-ippjanar tal-investiment u b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur.

Lil hinn mill-grilji, l-IA tista’ ttejjeb il-kontroll tal-impjanti rinnovabbli u tnaqqas ir-restrizzjonijiet, issaħħaħ is-sikurezza u l-effiċjenza nukleari, 29 u tappoġġa l-ippjanar tar-rinnovazzjoni għall-bini u għall-unitajiet domestiċi foqra fl-enerġija. 30 F’konformità mal-Pakkett dwar il-Grilji, il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta’ għodod tal-IA b’sors miftuħ biex tiffaċilita l-istabbiliment ta’ portali diġitali uniċi fil-livell nazzjonali li jaċċelleraw il-proċeduri tal-għoti tal-permessi.

Għall-2026–2027, Orizzont Ewropa se jipprovdi madwar EUR 75 miljun għat-teknoloġiji tal-IA fl-enerġija, b’mod partikolari għall-grilji, l-awtokonsum, il-kondiviżjoni tal-enerġija u l-ħżin fuq skala tal-grilja, flimkien ma’ EUR 190 miljun oħra għal soluzzjonijiet diġitali usa’ fis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, fir-rinnovazzjoni tal-bini u fl-effiċjenza enerġetika. F’konformità mal-istrateġija għall-Ekosistemi Diġitali Miftuħa tal-UE, il-Kummissjoni se tappoġġa approċċi ta’ sors miftuħ fis-sejħiet tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. B’mod parallel, l-innovaturi tal-UE, in-negozji ġodda, il-kumpaniji scale-up u r-riċerkaturi jistgħu jibbażaw fuq strumenti komplementari tul il-katina tal-innovazzjoni, inkluż Fabbriki tal-IA, Ċentri tal-Esperjenza Ewropej għall-IA u RAISE 31 għal aċċess għall-computing, id-data, in-networks u l-finanzjament biex imexxu ’l quddiem avvanzi xjentifiċi xprunati mill-IA, kif ukoll il-Fond Scaleup Europe 32 maħsub biex jagħti spinta lill-investimenti f’teknoloġiji strateġiċi li qed jespandu u jnaqqas id-distakk ma’ dawk li jinsabu fuq quddiem nett fil-livell globali.

Azzjoni ewlenija 4: Żvilupp ta’ mudelli tal-IA tul il-katina tal-valur tal-enerġija

Twaqqit:

·Ftehim ta’ proġett li jniedi Komunità ta’ Prattika għall-iżvilupp ta’ mudelli tal-IA għall-ġestjoni u għall-ippjanar tal-grilja jiġi ffirmat flimkien ma’ dan il-Pjan Direzzjonali Strateġiku; sejħiet iddedikati ta’ Orizzont Ewropa se jiftħu fl-2026 (EUR 30 miljun) u fl-2027 (EUR 20 miljun); il-mudelli tal-IA bi prova tal-kunċett se jiġu żviluppati u ttestjati fl-ewwel trimestru tal-2027; l-ewwel mudelli operazzjonali sa tmiem l-2027.

·Żvilupp ta’ portali diġitali għall-Istati Membri, bl-użu ta’ teknoloġiji tal-IA ġenerattiva biex tirrazzjonalizza r-rieżami tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, tal-ħżin u tal-grilja; disinn fl-2027; introduzzjoni fl-2028 għall-użu mill-awtoritajiet pubbliċi.

Impatti mistennija: osservabbiltà, tbassir, ġestjoni tal-konġestjoni u integrazzjoni tal-flessibbiltà mtejba tal-grilji; aċċess aktar faċli għall-għodod diġitali li jgħinu lill-unitajiet domestiċi jikkontrollaw il-konsum, u parteċipazzjoni aktar inklużiva fl-iskemi ta’ awtokonsum u ta’ kondiviżjoni tal-enerġija, bażi ta’ evidenza mtejba għall-azzjoni pubblika permezz ta’ data aħjar dwar l-istokk tal-bini u l-prestazzjoni; varar aċċellerat tas-sorsi rinnovabbli, tal-ħżin u tal-grilji permezz ta’ proċedura aktar mgħaġġla u aktar trasparenti ta’ ħruġ tal-permessi.

4.Pilastru III – Data għall-IA u għas-sistema tal-enerġija

L-iskambju effettiv tad-data dwar l-enerġija u l-interoperabbiltà huma kritiċi biex jiffaċilitaw servizzi tal-enerġija intelliġenti u l-iżvilupp ta’ mudelli robusti tal-IA. Il-Pilastru III jidentifika azzjonijiet konkreti biex jiġi stabbilit qafas komprensiv għall-iskambju u għall-interoperabbiltà tad-data, filwaqt li tiġi żgurata ekosistema tal-enerġija diġitali bla xkiel.

Il-qafas legali eżistenti 33 jipprovdi elementi importanti għall-iskambju ta’ data dwar l-enerġija iżda għadu frammentat. 34 Il-qafas legali tal-UE diġà jkopri l-użu primarju tad-data dwar l-enerġija, jiġifieri l-iskambji tad-data operazzjonali bejn l-atturi identifikati għal servizzi bħall-kejl, il-kontijiet, il-qlib tal-fornituri, ir-rispons għad-domanda u t-tħaddim tal-grilja. Madankollu, l-implimentazzjoni tvarja b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri, u joħolqu kumplessità, inċertezza legali u ostakli għas-servizzi tal-enerġija intelliġenti transfruntieri. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni orizzontali bħall-Att dwar id-Data, filwaqt li tipprovdi l-prinċipji għall-aċċess għad-data minn prodotti konnessi, ma tindirizzax bis-sħiħ l-ispeċifiċitajiet tad-data dwar l-enerġija regolata u tal-entitajiet regolati. B’riżultat ta’ dan, il-fornituri ta’ servizzi ta’ rispons għad-domanda jew ta’ ċċarġjar intelliġenti tal-vetturi elettriċi, spiss jiddisinjaw mill-ġdid l-interfaċċi tas-software u jinnegozjaw mill-ġdid il-proċeduri ta’ aċċess għad-data għal kull suq nazzjonali, u dan ixekkel it-tkabbir transfruntier tas-servizzi tal-enerġija intelliġenti.

Fl-istess ħin, il-qafas għall-użu sekondarju tad-data dwar l-enerġija, jiġifieri l-ġbir flimkien u l-użu mill-ġdid tad-data dwar l-enerġija lil hinn mill-iskop operazzjonali oriġinali tagħha, pereżempju, għar-riċerka, l-analitika jew l-iżvilupp ta’ mudell tal-IA, huwa inqas żviluppat. Is-settijiet ta’ data pubbliċi għadhom frammentati jew limitati għall-analitika avvanzata. Filwaqt li l-leġiżlazzjoni orizzontali tipprovdi salvagwardji dwar il-protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà, ma hemm l-ebda qafas ċar speċifiku għas-settur għall-ġbir flimkien ta’ data strutturata dwar l-enerġija jew għall-użu tal-mudelli tal-IA. B’riżultat ta’ dan, il-kumpaniji tal-enerġija jew l-operaturi tal-grilja spiss joqogħdu lura milli jikkondividu data dettaljata għal skopijiet ta’ riċerka jew milli jħarrġu l-mudelli tal-IA. Dan jirriżulta fi żvilupp aktar bil-mod tal-IA minħabba settijiet ta’ data limitati jew sintetiċi.

L-isfida ewlenija hija l-assenza ta’ approċċ koerenti tal-UE għall-iskambju affidabbli u transfruntier tad-data dwar l-enerġija. Sabiex tindirizza dawn il-lakuni, tappoġġa s-servizzi transfruntieri tal-enerġija intelliġenti u trawwem IA sovrana, il-Kummissjoni se tikkoordina azzjonijiet biex tirrazzjonalizza u tissimplifika l-iskambju tad-data speċifiku għall-enerġija kemm għall-użu primarju kif ukoll għal dak sekondarju tad-data dwar l-enerġija f’konformità mal-Omnibus Diġitali, l-Att dwar id-Data, il-Kartieri Ewropej tan-Negozju, il-Kartieri tal-Identità Diġitali tal-UE, u l-qafas usa’ tad-data orizzontali tal-UE. 35  

L-objettiv huwa li l-iskambju transfruntier tad-data dwar l-enerġija jsir aktar sempliċi, aktar effiċjenti u prevedibbli billi jiġu pprovduti interfaċċi komuni, regoli armonizzati u servizzi fiduċjarji fil-livell tal-UE.

Fir-rigward tal-użu primarju tad-data dwar l-enerġija, il-prijorità ewlenija se tkun li tittejjeb l-interoperabbiltà tad-data transfruntiera, u b’hekk jiġu appoġġati servizzi tal-enerġija intelliġenti bħall-flessibbiltà min-naħa tad-domanda u l-iċċarġjar bidirezzjonali tal-vetturi elettriċi, filwaqt li jiġu kkoordinati l-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ ċentri tad-data nazzjonali interoperabbli. Skambju aħjar tad-data dwar l-enerġija jista’ jgħin biex tiġi attivata l-flessibbiltà mill-vetturi elettriċi, il-pompi tas-sħana, il-batteriji u d-domanda kontrollabbli, b’soluzzjonijiet iffaċilitati diġitalment li potenzjalment jiftħu madwar 230 GW ta’ flessibbiltà sal-2030 u jnaqqsu l-kostijiet tas-sistema għall-konsumaturi. Il-ħidma se tibni fuq is-sett importanti maqbul ta’ rakkomandazzjonijiet għall-partijiet ikkonċernati tal-enerġija u l-elettromobbiltà fl-UE kollha dwar l-iskambju tad-data għal servizzi tal-enerġija intelliġenti li ġie ppubblikat fl-20 ta’ Mejju, 36  kif ukoll dwar proġetti pilota ewlenin. 37

Fir-rigward tal-użu sekondarju tad-data dwar l-enerġija, l-enfasi se tkun fuq l-iffaċilitar tal-ġbir flimkien tad-data dwar l-enerġija għal mudelli ta’ taħriġ tal-IA u għall-finijiet ta’ interess pubbliku u ta’ riċerka, l-istabbiliment ta’ oqfsa fiduċjarji għall-IA fl-enerġija u l-iżvilupp ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja li jibnu fuq ir-riżultati ta’ proġetti li għaddejjin 38 u l-Komunità ta’ prattika għall-iżvilupp ta’ mudelli bażi tal-IA għall-grilji tal-enerġija. Barra minn hekk, il-proposta legali li ġejja għal kontijiet tal-elettriku fl-UE li jibqgħu validi fil-futur se tipprovdi inċentiv regolatorju għall-operaturi tal-grilji biex jikkooperaw għal dak l-iskop u qafas għall-użu sekondarju speċifiku għas-settur tad-data dwar l-enerġija.

Azzjoni ewlenija 5: Stabbiliment ta’ qafas tal-UE għal skambju transfruntier simplifikat tad-data dwar l-enerġija għal servizzi tal-enerġija intelliġenti u taħriġ fil-mudelli tal-IA

Twaqqit: valutazzjoni fl-2026; żvilupp mill-2027.

Impatti mistennija: frammentazzjoni mnaqqsa fl-iskambju ta’ data dwar l-enerġija; servizzi tal-enerġija intelliġenti transfruntieri ffaċilitati fuq skala kbira; flessibbiltà mtejba tal-grilja u integrazzjoni rinnovabbli; innovazzjoni u mudelli ta’ negozju ġodda; sistema tal-enerġija tal-UE aktar effiċjenti, integrata u kompetittiva; u suq uniku ta’ servizzi tal-enerġija intelliġenti skalabbli madwar l-UE.

5.Żgurar tar-rabta bejn l-enerġija u l-IA: fiduċja, talent u kooperazzjoni globali

L-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali u tal-IA fl-infrastruttura kritika tal-enerġija tista’ ttejjeb il-prestazzjoni, iżda żżid ukoll is-sikurezza, kif ukoll ir-riskji ibridi u għaċ-ċibersigurtà. F’konformità mal-Istrateġija tal-UE għal Unjoni tal-Preparatezza u abbażi tal-għarfien espert tas-settur tal-karozzi u tal-avjazzjoni, grupp Ewropew għat-trasformazzjoni tas-sikurezza tal-enerġija tal-IA se jiffoka fuq it-trasparenza, l-ispjegabbiltà, u s-sorveljanza umana billi:

-javvanza s-sikurezza tal-enerġija tal-IA bħala dixxiplina fil-livell tas-sistema u jgħin biex jiġi żgurat li l-IA ma toħloqx riskji sistemiċi għall-infrastruttura kritika tal-enerġija, u jiġu miġġielda t-theddidiet ibridi.

-jappoġġa l-iskambji dwar l-inċidenti, it-tagħlimiet meħuda, l-aħjar prattiki, u l-mitigazzjoni tar-riskju abbażi tal-Att dwar l-IA;

-jimmonitorja l-każijiet ta’ użu tal-IA ta’ riskju għoli fl-infrastrutturi kritiċi tal-enerġija.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tistabbilixxi ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-IA għall-ittestjar u għall-validazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-IA tal-enerġija biex trawwem l-innovazzjoni u tikkontribwixxi għal apprendiment regolatorju bbażat fuq l-evidenza dwar sistemi tal-IA ta’ riskju għoli u se toħroġ gwida dwar sistemi tal-IA ta’ riskju għoli f’konformità mal-Att dwar l-IA. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippromwovi għodod sovrani ffaċilitati mill-IA għad-detezzjoni tal-vulnerabbiltajiet, il-monitoraġġ kontinwu, id-detezzjoni tal-anomaliji u r-rispons awtomatizzat għall-inċidenti, f’konformità mal-qafas usa’ taċ-ċibersigurtà tal-UE.

Fl-istess ħin, l-elettrifikazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-konnettività dejjem akbar tas-settur tal-enerġija jesponuh għat-theddidiet taċ-ċibersigurtà. 39 Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar it-tisħiħ tas-sigurtà ekonomika tal-UE 40 tidentifika sitt oqsma ta’ riskju għoli għal azzjoni immedjata. Diversi azzjonijiet ta’ prijorità identifikati huma marbuta direttament mas-settur tal-enerġija u jinkludu riskji li jirriżultaw minn dipendenzi strateġiċi, aċċess mhux awtorizzat għal informazzjoni sensittiva jew tfixkil fl-infrastruttura strateġika. L-infrastrutturi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija solari u eolika qed tfaċċaw bħala tħassib prijoritarju dwar iċ-ċibersigurtà f’dawn il-kategoriji, b’riskji għoljin li jinkludu l-manipulazzjoni jew il-prevenzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku, l-aċċess mhux awtorizzat għal data operazzjonali, l-infiltrazzjoni ta’ atturi ewlenin tal-katina tal-provvista u l-possibbiltà li jiġu skattati blackouts remoti.

Sabiex twieġeb għal dawn ir-riskji, il-Kummissjoni qed twettaq valutazzjoni sistemika tar-riskji f’dawn l-oqsma ta’ prijorità, li jinkludu wkoll l-installazzjonijiet solari u eoliċi fl-UE, u dan l-aħħar irrestrinġiet l-użu tal-fondi tal-UE għal proġetti li jinvolvu invertituri minn fornituri ta’ riskju għoli. Il-proposta l-ġdida għal Att dwar iċ-Ċibersigurtà tipprovdi l-qafas biex jiġi pprojbit l-użu ta’ invertituri minn fornituri b’riskju għoli fl-UE, jekk ikun meħtieġ. Fl-aħħar nett, l-UE se tirrieżamina l-qafas tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, possibbilment billi tinkludi miżuri ġodda għal identifikazzjoni u ġestjoni aħjar tar-riskji taċ-ċibersigurtà f’apparati kritiċi tal-enerġija.

Billi s-sigurtà tal-enerġija tiddependi dejjem aktar fuq ktajjen tal-provvista reżiljenti u ċ-ċibersigurtà ta’ komponenti individwali, ir-reviżjoni proposta tal-Kummissjoni tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà tinkludi rekwiżiti tal-katina tal-provvista tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni biex jissaħħu ulterjorment ir-reżiljenza u l-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà tal-UE. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se titlob lill-Grupp Ewropew tal-Kummissjoni dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji Ġodda 41 biex jipprovdi opinjoni dwar il-governanza affidabbli u responsabbli tal-IA fis-sistema tal-enerġija tal-UE u kif għandhom jiġu ssalvagwardjati l-fiduċja pubblika, it-trasparenza u l-ġustizzja.

Azzjoni ewlenija 6: Tisħiħ tas-sikurezza tal-IA u taċ-ċibersigurtà tal-apparati kritiċi

Twaqqit: valutazzjoni tar-riskju tal-installazzjonijiet solari fl-UE fl-2026; rieżami tal-qafas tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-2026.

Impatti mistennija: żgurar tat-trasparenza, tal-ispjegabbiltà u tas-sorveljanza mill-bniedem tat-teknoloġiji tal-IA inkorporati fl-infrastrutturi kritiċi tal-enerġija; żieda fiċ-ċibersigurtà u fir-reżiljenza tal-grilji tal-elettriku b’apparati ta’ riskju għoli bħall-invertituri solari; żgurar tal-allinjament mal-protokolli tal-protezzjoni ċivili u tar-rispons ta’ emerġenza.

Id-diġitalizzazzjoni tal-enerġija tirrikjedi forza tax-xogħol li tgħaqqad l-għarfien espert dwar l-enerġija mal-ħiliet diġitali u tal-IA. L-ispeċjalizzazzjoni tradizzjonali waħedha ma għadhiex biżżejjed: is-settur jeħtieġ talent ibridu, adattabbli u divers li kapaċi jgħaqqad dawn l-oqsma, b’attenzjoni kbira għall-bilanċ bejn il-ġeneri.

Sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa dejjem tikber għall-ħiliet fl-enerġija, diġitali u tal-IA, is-sejħa għall-proposti tal-2026 tas-sottoprogramm LIFE għat-Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa tinkludi azzjoni ta’ EUR 10 miljun fuq il-grilji intelliġenti biex jissaħħu l-ħiliet diġitali u tal-IA interni tal-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni. Fid-dawl tal-possibbiltà ta’ Akkademja b’Emissjonijiet Żero Netti dwar il-grilji intelliġenti, il-proposti għandhom iqisu r-rieżami tal-akkademji mħabbra fil-komunikazzjoni “L-Unjoni tal-Ħiliet”. Il-Kummissjoni se tinvesti wkoll fil-ħiliet u fil-kapaċitajiet permezz ta’ diversi mezzi oħrajn: sħubija estiża tal-Patt għall-Ħiliet dwar id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, b’miri li jridu jiġu adottati fl-2026 u rieżaminati fl-2029; u appoġġ kontinwu permezz tal-Erasmus+ u l-EIT/Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) għal proġetti li jiżviluppaw ħiliet diġitali u tal-IA fl-oqsma u fil-programmi ta’ studju fis-settur tal-enerġija mill-2026 ’il quddiem, filwaqt li jippromwovu riżervi ta’ talent diversi u bbilanċjati bejn il-ġeneri.

Azzjoni kkoordinata tal-UE hija essenzjali biex tissawwar il-governanza globali tal-enerġija u diġitali b’mod li jkun ta’ benefiċċju kemm għall-UE kif ukoll għas-sħab tagħha. F’konformità mal-Istrateġija Diġitali Internazzjonali tal-UE, 42 il-Kummissjoni se tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali dwar ir-rabta bejn l-enerġija u l-IA u se taħdem ma’ sħab tal-istess fehma u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali 43 biex tmexxi ’l quddiem il-Pjan ta’ Ħidma tal-G7 dwar l-Enerġija u l-IA mill-2026 ’il quddiem. Il-Kummissjoni se tniedi flimkien mal-bliet u mas-sħab finanzjarji inizjattiva globali dwar l-għodod diġitali u tal-IA għat-tranżizzjoni tal-enerġija urbana u l-faqar enerġetiku sal-2028, u se tappoġġa t-trasferiment tal-għarfien ta’ soluzzjonijiet tal-IA għall-enerġija lil pajjiżi sħab skont l-inizjattiva tal-IA għall-Ġid Pubbliku, bl-ewwel dimostrazzjonijiet ippjanati għall-2027.

6.Implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Strateġiku

Id-differenzi ġeografiċi fit-tħejjija għall-IA jistgħu jwasslu għal progress mhux uniformi madwar l-UE, għalhekk hija meħtieġa azzjoni mmirata biex jiġu żgurati żvilupp bilanċjat u kapaċitajiet diġitali lokali aktar b’saħħithom. Sabiex tappoġġa t-twettiq tal-Pjan Direzzjonali sal-2030, il-Kummissjoni se tlaqqa’ Forum annwali dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Enerġija mill-2026 biex tirrieżamina l-progress, tidentifika l-ostakli, tikkondividi prattiki tajbin u tindirizza l-iżviluppi emerġenti li jistgħu jeħtieġu azzjoni ulterjuri. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll kif id-diġitalizzazzjoni u l-IA jiġu integrati aħjar fil-qafas ta’ governanza tal-Unjoni tal-Enerġija 44 u se tiżviluppa wkoll objettivi konkreti u miri indikattivi mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati biex timmonitorja l-progress tad-diġitalizzazzjoni u tal-adozzjoni tal-IA fis-sistema tal-enerġija matul id-deċennju li ġej. Dawn l-objettivi għandhom ikunu bbażati fuq l-oqfsa ta’ monitoraġġ eżistenti, u indikaturi tal-grilji intelliġenti, bħall-osservabbiltà tal-grilja u l-integrazzjoni ta’ riżorsi flessibbli u se jiddependu fuq is-sorsi ta’ data disponibbli.

Il-kriżi reċenti tal-enerġija enfasizzat l-importanza ta’ data ta’ kwalità għolja dwar l-enerġija biex tinforma t-tfassil tal-politika u taċċellera t-tranżizzjoni tal-enerġija. Kif enfasizzat fir-rapport ta’ Draghi, hemm lok sinifikanti biex jittejbu l-kwalità, l-interoperabbiltà, u d-disponibbiltà f’waqtha tad-data u tal-istatistika dwar l-enerġija fl-UE. Bħala rispons inizjali, il-Kummissjoni ħabbret Osservatorju tal-Fjuwil 45 biex tintraċċa l-provvista u d-disponibbiltà tal-istokk tal-fjuwils rilevanti tat-trasport. Barra minn hekk, f’konformità mal-Att dwar id-Data, il-Kummissjoni se tniedi inizjattiva għal Data Aħjar dwar l-Enerġija, bil-ħsieb li timmappja u tindirizza l-lakuni fid-disponibbiltà tad-data dwar l-enerġija, filwaqt li tiffoka fuq il-ksib ta’ data aktar komprensiva, dettaljata, interoperabbli u f’waqtha u tiżgura li din tkun faċilment aċċessibbli. Din l-inizjattiva se tinforma l-passi ulterjuri biex tiġi rrazzjonalizzata u ffaċilitata d-data pubblika u miftuħa dwar l-enerġija, inkluż id-data mill-awtoritajiet pubbliċi, mill-operaturi tas-sistema, u mill-ACER, 46 u biex tittejjeb l-istatistika dwar l-enerġija. 47 Dan se jsaħħaħ il-monitoraġġ tal-miri tal-politiki tal-enerġija tal-UE, se jtejjeb it-trasparenza fis-swieq tal-enerġija, u se jappoġġa tranżizzjoni aktar effettiva lejn enerġija nadifa.

Azzjoni ewlenija 7: Traċċar tal-progress tad-diġitalizzazzjoni fl-UE u titjib tad-disponibbiltà tad-data dwar l-enerġija

Twaqqit: jitlaqqa’ Forum annwali dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Enerġija mill-2026; definizzjoni ta’ metriki għall-monitoraġġ tal-progress tad-diġitalizzazzjoni u l-adozzjoni tal-IA fl-2027; ħolqien ta’ Osservatorju tal-Fjuwil fl-2026; tnedija ta’ inizjattiva għal Data Aħjar dwar l-Enerġija fir-raba’ trimestru tal-2026.

Impatti mistennija: tiġi żgurata diġitalizzazzjoni bbilanċjata fost l-Istati Membri, tittejjeb id-disponibbiltà tad-data dwar l-enerġija biex jiġu mmonitorjati l-miri tal-politiki tal-enerġija tal-UE u jiġi appoġġat it-teħid tad-deċiżjonijiet.

(1)   The future of European competitiveness : A Competitiveness Strategy for Europe (Il-futur tal-kompetittività Ewropea: Strateġija għall-Kompetittività għall-Ewropa), M. Draghi, 2024
(2) Id-diġitalizzazzjoni tista’ twassal għal aktar minn EUR 71 biljun f’iffrankar dirett annwali għall-konsumaturi u aktar minn EUR 300 biljun f’benefiċċji usa’ tas-sistema (2030 Demand-side flexibility - Quantification of benefits in the EU , studju mwettaq minn smartEn u DNV). L-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tirrapporta li l-unitajiet domestiċi Żvediżi li jużaw it-tisħin elettriku jistgħu jiffrankaw sa 40 % permezz ta’ flessibbiltà min-naħa tad-domanda, filwaqt li l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) tistma li l-applikazzjonijiet eżistenti tal-IA fl-operazzjonijiet u l-manutenzjoni tal-impjanti tal-enerġija jistgħu jiġġeneraw EUR 95 biljun f’iffrankar annwali globali sal-2035 ( IEA - Energy and AI, World Energy Outlook Special Report, 2025 ).
(3) L-AIE tistma li, f’ekonomiji avvanzati, iċ-ċentri tad-data se jixprunaw aktar minn 20 % tat-tkabbir fid-domanda għall-elettriku bejn issa u l-2030 AIE - Enerġija u IA, Rapport Speċjali ta’ Prospettiva tal-Enerġija Dinjija, 2025
(4)   Strateġija għar-reżiljenza tal-ilma
(5) Fl-Istati Uniti, l-Istrateġija tal-IA ( Id-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti, Artificial Intelligence Strategy, Ottubru 2025 ) u l-Missjoni Genesis ( The White House: Launching the Genesis mission ) jippożizzjonaw l-IA bħala assi strateġiku għas-settur tal-enerġija. Il-Pjan Nazzjonali taċ-Ċina għall-Integrazzjoni tal-IA-Enerġija ( Il-Kunsill tal-Istat: Plan on AI-energy integration u Forbes: China’s new AI Strategy explained ) tistabbilixxi strateġija kkoordinata sabiex l-IA tiġi inkorporata fis-sistema tal-enerġija kollha.
(6)   Pjan ta’ Azzjoni għal Kontinent tal-IA (COM(2025) 165)
(7)   Strateġija għall-Applikazzjoni tal-IA (COM(2025) 723 final)
(8) Study: “Cloud and AI”: Technopolis, Wavestone, Timelex, STL Partners, OpenForum Europe, KAPA Research (2025)
(9) B’mod partikolari madwar Dublin, Frankfurt, Amsterdam u Pariġi, iżda wkoll fi Spanja, fl-Italja, fil-Belġju, fil-Polonja u fir-reġjuni Nordiċi.
(10) Avviż tal-Kummissjoni – Gwida dwar konnessjonijiet tal-grilja effiċjenti u f’waqthom (C/2025/8473), Avviż tal-Kummissjoni dwar Linji Gwida dwar tariffi tan-network li jibqgħu validi fil-futur għal kostijiet imnaqqsa tas-sistema tal-enerġija (C/2025/8574), Avviż tal-Kummissjoni dwar gwida dwar investimenti antiċipatorji għall-iżvilupp ta’ networks tal-elettriku li jħarsu ’l quddiem (C/2025/3291)
(11) B’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku u tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku
(12)   Capacitypedia: Pan-EU Overview on Grid Hosting Capacity Information
(13) L-istatistika Ewropea, inkluża d-data dwar il-konsum tal-enerġija fiċ-ċentri tad-data, tinġabar skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) 1099/2008.
(14) F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tneħħija tal-ostakli għall-iżvilupp ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija u ftehimiet oħra dwar ix-xiri tal-enerġija (ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/917).
(15) L-Artikoli 12 u 33 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (UE) 2023/1791, li jibnu fuq l-iskema ta’ rapportar eżistenti għaċ-ċentri tad-data introdotta fl-2024 mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1364
(16)   Utrecht becomes Europe’s first city with a V2G electric car‑sharing service
(17)   Plugging into potential: unleashing the untapped flexibility of EVs , Eurelectric, 2025
(18)   Port electricity commercial model (project pilot) - Publications Office of the EU
(19)   Aktar minn EUR 1.2 triljun għandhom jiġu investiti matul il-perjodu 2024–2040 , u minnhom, EUR 730 biljun huma previsti għall-grilji tad-distribuzzjoni u EUR 430 biljun għall-grilji tat-trażmissjoni.
(20) Id-Direttiva (UE) 2024/1711 u r-Regolament (UE) 2024/1747.
(21) B’mod aktar speċifiku, fil-Proposta għar-reviżjoni tar-Regolament TEN-E
(22) Fl-2021–2027, ġew allokati madwar EUR 1 biljun għas-sistemi tal-enerġija, il-grilji u l-ħżin.
(23) L-istudju CurrENT: Prospects for innovative power grid technologies , 2024.
(24) In-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E) u l-Entità Ewropea għall-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni (EU DSO) identifikaw sfidi, opportunitajiet u każijiet ta’ użu komuni għal soluzzjonijiet doppji diġitali fil-grilji tal-UE, li jitolbu approċċ kollaborattiv strateġiku għall-implimentazzjoni.
(25) Il-programm ta’ ħidma 2026–2027 jalloka madwar EUR 90 miljun għal soluzzjonijiet avvanzati għall-grilji tal-elettriku.
(26) Il-professur Draghi jenfasizza li fl-2024 l-Istati Uniti pproduċew erbgħin mudell notevoli tal-IA, iċ-Ċina ħmistax, u l-UE tlieta biss.
(27)   AIE - Energy and AI, World Energy Outlook Special Report, 2025
(28)  L-ottimizzazzjoni tal-operazzjonijiet u l-manutenzjoni abbażi tal-IA tista’ tiffranka sa $110 biljun fis-sena sal-2035 f’kostijiet tal-fjuwil u tal-O&M skont ix-xenarju tal-adozzjoni mifruxa tal-IA tal-AIE (2025), Energy and AI , AIE, Pariġi
(29) L-IA tista’ ttejjeb is-sikurezza u l-effiċjenza permezz ta’ manutenzjoni abbażi ta’ previżjonijiet, detezzjoni ta’ anomaliji u mmudellar avvanzat.
(30) L-IA tista’ tiġi mħarrġa fuq data mill- European Building Stock Observatory jew data rilevanti tal-Osservazzjoni tad-Dinja ta’ Copernicus biex tappoġġa l-ippjanar tar-rinnovazzjoni b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi foqra fl-enerġija. L- AIE tistma li sal-2035, l-użu tal-IA fis-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija tal-bini (BEMS) jista’ jiffranka madwar 300 TWh fis-sena globalment.
(31)   RAISE: Resource for AI Science in Europe , istitut ta’ riċerka virtwali għar-riċerka tal-UE dwar l-IA u biha
(32)  Il- Fond Scaleup Europe , fond ta’ tkabbir ta’ diversi biljuni fi stadju avvanzat, li għandu l-għan li jinvesti fl-aktar kumpaniji Ewropej promettenti
(33) Bħar-Regolament (UE) 2023/2854 tal-Att dwar id-Data; id-Direttiva (UE) 2019/944 dwar l-Elettriku; ir-Regolament (UE) 2019/943 dwar l-Elettriku; id-Direttiva (UE) 2024/1275 dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija; id-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar l-Enerġija Rinnovabbli; ir-Regolament (UE) 2023/1804 dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi u l-atti ta’ implimentazzjoni relatati
(34) “Aċċess limitat għal data ta’ kwalità għolja”, “Nuqqas ta’ interoperabbiltà tad-data”, “Ċibersigurtà u, fejn applikabbli, privatezza” ġew identifikati matul il-konsultazzjoni pubblika miftuħa għall-pjan direzzjonali strateġiku bħala l-ostakli ewlenin għall-varar ta’ soluzzjonijiet intelliġenti u tal-IA fl-enerġija; Operational Conclusions and Key Takeaways , it-tielet laqgħa konġunta ta’ D4E, STF u CoW, Berlin, l-4-5 ta’ Novembru 2025
(35) Pereżempju, se tisfrutta l-kapaċitajiet siguri ta’ identifikazzjoni, awtentikazzjoni u skambju tad-data pprovduti mill-Kartieri Ewropej tan-Negozju u mill-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, filwaqt li se tiżgura li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jaċċessaw u jiġġestixxu b’mod sigur u effiċjenti d-data relatata mal-enerġija tagħhom, filwaqt li jżommu kontroll fuq l-informazzjoni personali u sensittiva tagħhom.
(36)   Data exchange for demand-side flexibility and smart and bi-directional charging  imħejji b’mod konġunt minn tliet gruppi ta’ esperti, jiġifieri s-sottogrupp dwar l-Enerġija tad-Data 4 tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Enerġija Intelliġenti, il-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli u l-Koalizzjoni tal-Partijiet Disposti dwar l-Iċċarġjar Bidirezzjonali
(37) Ħames proġetti ta’ Orizzont Ewropa ( EDDIE , Enershare , Data Cellar , Synergies , u Omega-X ) għandhom teknoloġiji spazjali avvanzati tad-data, li attwalment qed jiġu varati f’16-il SM permezz ta’ INSIEME , proġett ta’ varar iffinanzjat mill-Ewropa Diġitali
(38) Tliet proġetti ta’ Orizzont Ewropa ( EnerTEF , AI-Effect , u EnergyGuard ) qed jippilotaw Faċilitajiet għall-Ittestjar u l-Esperimentazzjoni
(39)

  Skont l-AIE , utilità tal-enerġija esperjenzat aktar minn 1,500 attakk kull ġimgħa fl-2024, tliet darbiet aktar milli fl-2020.

(40) Il-Komunikazzjoni Konġunta, Insaħħu s-sigurtà ekonomika tal-UE, JOIN(2025) 977 final
(41)   European Group on Ethics in Science and New Technologies (EGE)
(42)   L-Istrateġija Diġitali Internazzjonali għall-Unjoni Ewropea
(43) Bħall- Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) , l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)
(44) Ir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika
(45) Tħabbar Osservatorju tal-Fjuwil fil-Komunikazzjoni AccelerateEU (COM(2026) 370 final)
(46) Skont ir- REMIT , l-ACER timmonitorja s-swieq tal-enerġija billi tiġbor u tanalizza data dwar it-tranżazzjonijiet biex tidentifika l-manipulazzjoni tas-suq.
(47) Billi tirrevedi r-Regolament (KE) 1099/2008 biex ittejjeb il-monitoraġġ tal-miri ta’ politika tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tesplora wkoll il-produzzjoni ta’ statistika minn data innovattiva u miżmuma privatament, filwaqt li qed issegwi r-Regolament 223/2009 dwar l-istatistika uffiċjali.