Brussell, 3.6.2026

COM(2026) 268 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

OceanEye: Inizjattiva tal-UE għall-Osservazzjoni tal-Oċeani


Introduzzjoni

OceanEye hija inizjattiva tal-UE biex tagħti spinta lill-osservazzjoni tal-oċeani 1 , ittejjeb il-kapaċità tagħna li nifhmu u nimmaniġġaw l-ambjent tal-baħar u l-attivitajiet marittimi u ssaħħaħ l-innovazzjoni u l-bażi industrijali relatati tal-Ewropa.

Filwaqt li tibni fuq l-assi u fuq l-azzjonijiet eżistenti tal-UE, OceanEye sservi bħala mekkaniżmu ewlieni ta’ twettiq tal-Patt Ewropew għall-Oċeani kif ukoll tal-viżjoni tal-Istrateġija Marittima Industrijali tal-UE li tankra t-tmexxija tal-Ewropa f’teknoloġiji u f’segmenti tas-suq emerġenti. Dan ipoġġi lill-UE bħala sieħeb globali affidabbli bl-azzjoni tagħha ankrata sew fuq ix-xjenza u għandu l-għan li jġib l-Oċean fil-qalba tas-soċjetajiet u tal-ekonomija tagħna.

Fl-ispirtu ta’ “Choose Europe 2 , tibni fuq l-ambizzjoni “moonshot” għall-osservazzjoni tal-oċeani deskritta fil-proposta tal-Kummissjoni għall-Programm Orizzont Ewropa tal-2028–2034 3 . L-inizjattiva għandha l-għan li sal-2035, l-UE tipprovdi 35 % tas-sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani, tiżgura 35 % tas-suq għat-teknoloġiji ta’ osservazzjoni tal-oċeani, u ssir il-fornitur ewlieni fid-dinja tal-intelliġenza dwar l-oċeani.

L-oċean ikopri 70 % tal-wiċċ tad-dinja, iżda 5 % biss minnu ġie esplorat u mmappjat. L-osservazzjoni tal-oċeani hija infrastruttura essenzjali, mhux kapaċità fakultattiva.

Irridu nsostnu l-oċean li jsostnina. L-oċean huwa ta’ importanza strateġika, u huwa l-bażi tas-sigurtà, tal-prosperità u tar-reżiljenza tagħna. L-oċean huwa l-akbar bir ta’ karbonju, u għalhekk huwa alleat tagħna fil-ġlieda kontra t-tisħin globali u jiġġenera 50 % tal-ossiġenu li għandna bżonn 4 . Huwa wkoll komponent ċentrali taċ-ċiklu tal-ilma u jipprovdi għadd kbir ta’ riżorsi, b’mod partikolari bħala sors vitali ta’ ikel permezz tas-sajd u l-akkwakultura, li huma wkoll kruċjali għas-sovranità tal-ikel Ewropea, il-koeżjoni territorjali u sistemi tal-ikel sostenibbli. Il-ġestjoni sostenibbli tal-attivitajiet marittimi hija kruċjali biex jinżammu funzjonijiet soċjetali essenzjali f’varjetà ta’ setturi.

L-oċean huwa wkoll spazju ġeopolitiku ewlieni għat-trasport marittimu, għall-infrastruttura tal-enerġija u dik diġitali, għas-sigurtà marittima u għad-difiża. F’era ta’ theddid ibridu li qed jevolvi, ir-reżiljenza ta’ dawn l-infrastrutturi marittimi kritiċi ħarġet bħala prijorità strateġika, li tagħmel l-għarfien sostnut dwar l-oċeani indispensabbli għas-salvagwardja tal-interessi tal-Ewropa, l-awtonomija strateġika u t-tmexxija f’dinja li qed tinbidel malajr. Barra minn hekk, is-Sħubijiet tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża 5  ma’ pajjiżi mhux tal-UE, inklużi r-Renju Unit, in-Norveġja, il-Kanada u l-Indja, jirriflettu l-importanza dejjem akbar tal-osservazzjoni tal-oċeani fit-tisħiħ tal-isforzi konġunti għas-sigurtà marittima.

Għalhekk, sistema ta’ Osservazzjoni tal-Oċeani li taħdem tajjeb hija kruċjali għal:

·il-ġenerazzjoni ta’ data sostnuta u ta’ kwalità għolja dwar il-proċessi fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi tal-oċeani, li hija essenzjali għall-protezzjoni u r-restawr tas-saħħa tal-oċeani, għall-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar, u għaż-żamma tas-servizzi vitali tal-ekosistema li jipprovdi l-oċean;

·il-forniment tal-intelliġenza affidabbli dwar l-oċeani meħtieġa għal operazzjonijiet u oqfsa regolatorji sikuri, effiċjenti u b’impatt baxx fis-setturi kollha bħas-sajd, l-akkwakultura, il-bijoteknoloġija, l-enerġija offshore, it-turiżmu, il-portijiet u t-tbaħħir, il-finanzi jew l-assigurazzjoni, u b’hekk tingħata spinta lill-kompetittività ta’ ekonomija blu, sostenibbli, riġenerattiva, u li għadha fil-biċċa l-kbira mhux utilizzata;

·il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ domanda għall-bażi tal-manifattura marittima tal-Ewropa relatati ma’ bastimenti, tagħmir u teknoloġiji speċjalizzati (eż. bastimenti tar-riċerka oċeanografika, drones, trasportaturi ta’ drones, sensuri, robotika taħt l-ilma) li jrawmu t-tmexxija teknoloġika Ewropea u s-sovranità industrijali;

·it-tisħiħ tal-preparatezza u tar-reżiljenza tar-reġjuni kostali, tal-gżejjer u tal-aktar reġjuni mbiegħda billi jittejbu t-tbassir meteoroloġiku u klimatiku, il-valutazzjonijiet tar-riskju u s-sistemi ta’ twissija bikrija biex jappoġġaw lill-komunitajiet u lill-atturi tal-ekonomija blu fl-adattament għall-effetti tat-tibdil fil-klima u għal perikli naturali u kkawżati mill-bniedem oħra inklużi riskji ġeoloġiċi, tniġġis u skart tal-baħar, inċidenti tat-trasport u tfixkil ġeopolitiku;

·it-titjib tal-għarfien tas-sitwazzjoni marittima, l-intelliġenza tas-sitwazzjoni u l-protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi offshore u ta’ taħt il-baħar, u b’hekk dan jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sigurtà, is-sikurezza u d-difiża marittima.

L-osservazzjoni tal-oċeani hija wkoll settur ekonomiku fih innifsu, b’potenzjal qawwi ta’ tkabbir. Huwa stmat li kull euro investit f’sistemi ta’ osservazzjoni tal-oċeani jiġġenera redditu ta’ EUR 5–6 f’benefiċċji ekonomiċi u soċjetali 6 . L-UNESCO stmat li l-investimenti pubbliċi fl-osservazzjoni globali tal-oċeani in situ huma ta’ EUR 0,85 – 1,3 biljun fis-sena, li jkopru biss minn 60 % sa 70 % tas-sistema meħtieġa 7 . Sorsi oħra jistmaw li l-infiq globali annwali huwa ta’ EUR 2 biljun, li minnhom madwar EUR 500 miljun fl-UE 8 . Fl-istess ħin, l-attivitajiet ekonomiċi kollha tal-Istati Uniti relatati direttament ma’ prodotti u servizzi ta’ osservazzjoni tal-oċeani, ġew stmati li jiswew EUR 7 biljun, u li jaqdu ekosistema tan-negozju ħafna akbar b’valur ta’ EUR 35–80 biljun 9 .

OceanEye għandha l-għan li:

(1)ssaħħaħ l-isforzi u l-istrutturi ta’ koordinazzjoni nazzjonali u Ewropej iffukati fuq l-osservazzjonijiet tal-oċeani in situ,

(2)toħloq alleanza internazzjonali biex issaħħaħ is-Sistema Globali ta’ Osservazzjoni tal-Oċeani,

(3)tistabbilixxi Sistema Diġitali Ewropea tal-Oċeani, li tintegra s-servizzi eżistenti tal-għarfien Ewropew dwar il-baħar u li hija alimentata kemm minn osservazzjonijiet in situ kif ukoll minn osservazzjonijiet bis-satellita, bil-għan li jiġu żgurati servizzi operazzjonali filwaqt li jiġu ffaċilitati l-innovazzjoni u s-servizzi b’valur miżjud u l-ħolqien ta’ swieq ġodda għall-bażi tal-manifattura marittima tal-Ewropa.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha investew b’mod sinifikanti fl-osservazzjoni tal-oċeani matul dawn l-aħħar deċenni. L-UE progressivament assumiet pożizzjoni ta’ tmexxija globali fit-twassil ta’ data integrata dwar l-oċeani, ta’ għarfien u ta’ servizzi ta’ tbassir u għandha katina tal-valur tal-għarfien dwar il-baħar ewlenija fid-dinja sostnuta minn tliet assi strateġiċi:

·Copernicus b’mod partikolari s-Servizz tal-Baħar tiegħu 10 .

·In-Network Ewropew ta’ Osservazzjoni u Data Marittima (EMODnet) 11  

·WISE-Marine u WISE Freshwater 12

Dawn l-assi, kif ukoll pjattaformi ta’ data u għarfien aktar speċifiċi 13 , u t-Tewmi Diġitali Ewropew tal-Oċean 14 li ġej, jagħtu s-setgħa lill-UE biex timmonitorja l-istat tal-oċeani kemm lokalment kif ukoll globalment. Dawn jiddependu fuq flussi tad-data kontinwi, ta’ kwalità għolja dwar l-oċeani, in situ kif ukoll dawk ibbażati fl-ispazju, u globali.

Madankollu, l-osservazzjoni tal-oċeani fl-Ewropa u globalment hija frammentata u nieqsa minn impenn u effiċjenza operazzjonali sistemiċi, u qed tiffaċċa restrizzjonijiet estremi ta’ finanzjament, li huma aggravati ulterjorment mill-bidliet ġeopolitiċi. Id-dipendenza fuq sistemi ta’ osservazzjoni li ma humiex iffinanzjati biżżejjed u li qed isiru dejjem aktar fraġli tesponi l-assi u s-servizzi tal-għarfien tal-UE u dawk globali għal tfixkil, lakuni fid-data u ingranaġġ politiku, u b’hekk toħloq riskji ta’ dipendenza strateġika.

L-inizjattiva OceanEye hija mfassla biex tappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistema komprensiva operazzjonali ta’ osservazzjoni tal-oċeani, li tgħaqqad il-livelli nazzjonali, Ewropej u internazzjonali b’mod dinamiku u strutturali abbażi ta’ sistema operazzjonali li tikkonsisti f’osservazzjonijiet mill-ispazju (Copernicus, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u aġenziji spazjali nazzjonali) u in situ (l-aktar minn infrastrutturi nazzjonali iżda wkoll minn infrastrutturi Ewropej); kif ukoll sistemi diġitali: sistemi tad-data nazzjonali u Ewropej (ċentri nazzjonali tad-data oċeanografika, EMODnet), infrastrutturi tal-ipproċessar u tal-immudellar (eż. is-Servizz tal-Baħar Copernicus, it-Tewmi Diġitali Ewropew tal-Oċean, il-qafas ta’ mmudellar EC Blue2) u t-twassil ta’ servizzi operazzjonali. 

Billi jsegwu l-mudell ta’ monitoraġġ u tbassir meteoroloġiku operazzjonali, dawn l-elementi se joħolqu sistema li fiha l-pajjiżi jistrutturaw u jikkoordinaw il-kontribut tagħhom ta’ osservazzjonijiet dwar l-oċeani in situ u, min-naħa tagħhom, jottimizzaw il-benefiċċji tagħhom mill-ogħla kwalità ta’ monitoraġġ, tbassir u servizzi speċifiċi għas-settur tal-oċeani fuq skala lokali, reġjonali u globali.

L-inizjattiva OceanEye hija sostnuta minn erba’ pilastri strateġiċi:

·il-Pilastru I, jiffoka fuq it-tisħiħ tal-osservazzjoni tal-oċeani in situ, il-kondiviżjoni u l-użu aħjar tad-data billi jiġi stabbilit qafas ta’ governanza tal-UE, li huwa relatat b’mod xieraq mal-komponenti l-oħra tas-Sistema Ewropea ta’ Osservazzjoni tal-Oċeani.

·Il-Pilastru II jiffoka fuq id-dimensjoni internazzjonali, b’mod partikolari billi jniedi alleanza internazzjonali biex tappoġġa s-Sistema Globali ta’ Osservazzjoni tal-Oċeani 15 .

·Il-Pilastru III jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ swieq u ta’ setturi innovattivi relatati mal-osservazzjonijiet tal-oċeani, inkluż permezz tat-Tewmi Diġitali Ewropew tal-Oċean.

·Il-Pilastru IV jiffoka fuq it-trawwim tal-involviment, il-fehim, il-fiduċja, u konnessjoni emozzjonali mal-oċean permezz ta’ sħubijiet strateġiċi, is-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, il-kultura u s-sjieda soċjetali.

Pilastru I: Il-governanza tal-UE – l-appoġġ għas-Sistema Ewropea ta’ Osservazzjoni tal-Oċeani

Filwaqt li l-infrastrutturi kurrenti u dawk ippjanati għall-osservazzjoni spazjali huma organizzati tajjeb (permezz tal-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Aġenzija Spazjali Ewropea, l-Organizzazzjoni Ewropea għall-Esplojtazzjoni ta’ Satelliti Meteoroloġiċi, l-aġenziji spazjali nazzjonali u internazzjonali), huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex id-diversi infrastrutturi u programmi ta’ osservazzjoni in situ jiġu organizzati aħjar, b’mod aktar effiċjenti. Dan jinkludi t-titjib tal-integrazzjoni tal-assi tal-għarfien dwar il-baħar tal-UE mal-assi nazzjonali, li jsaħħaħ ukoll is-sistemi diġitali korrispondenti.

Bl-istess mod, l-infrastrutturi diġitali, b’mod partikolari l-IA, il-computing ta’ prestazzjoni għolja u s-sistemi tal-cloud, huma abilitanti fundamentali għall-osservazzjonijiet tal-oċeani u ttrasformaw il-potenzjal tagħhom. Madankollu, illum, l-entitajiet Ewropej u nazzjonali jiddependu fuq infrastrutturi bbażati fuq ir-riċerka li ma humiex imfassla biex joffru servizzi operazzjonali, siguri u kontinwi.

In-nuqqas ta’ koordinazzjoni u governanza, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew, iwassal għal ineffiċjenzi, kostijiet finanzjarji, u lakuni kritiċi fil-monitoraġġ, li jillimitaw il-benefiċċji li l-Istati Membri jirċievu mill-investimenti tagħhom.

1.1 L-istabbiliment ta’ qafas ta’ governanza Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Oċeani

Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita struttura ta’ governanza għall-osservazzjoni tal-oċeani Ewropea. Din se tiġi stabbilita fl-Att dwar l-Oċeani (skedat sa tmiem l-2026) u se tibni fuq strutturi eżistenti bħall-Bord Ewropew tal-Oċeani 16 . Id-dashboard tal-Patt għall-Oċeani li għandu jitnieda fi tmiem l-2026 se jgħin ukoll biex jiġi mmonitorjat il-progress.

L-għan ta’ dan il-qafas ta’ governanza tal-Osservazzjoni tal-Oċeani huwa li jikkonsolida l-katina tal-valur tal-għarfien marittimu kollha kemm hi billi jipprovdi interfaċċa strutturata bejn il-ħtiġijiet ta’ osservazzjoni u l-fornituri tal-għarfien fis-setturi u fil-politiki kollha. Dan se jappoġġa d-definizzjoni u l-ftehim tar-rekwiżiti operazzjonali tas-sistema, filwaqt li jtejjeb l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni ġenerali tagħha. Biex jikseb dan, se jlaqqa’ flimkien l-atturi rilevanti kollha, b’mod strutturat:

L-ewwel nett, l-UE u l-Istati Membri appoġġati minn korpi tekniċi fil-livell nazzjonali u Ewropew biex jiffokaw fuq l-adozzjoni ta’ standards komuni u kejl operazzjonali in situ. It-tieni, se jinteraġixxi ma’ atturi oħra fil-livell Ewropew u nazzjonali responsabbli għal komponenti oħra. It-tielet, se jilħaq lill-utenti, bħall-komunità tar-riċerka, kif ukoll partijiet ikkonċernati u utenti oħra (bħas-setturi tal-enerġija marittima u offshore, l-atturi kulturali, il-professjonisti tal-edukazzjoni, eċċ.). Fl-aħħar nett, se jistabbilixxi interfaċċa rilevanti u pożizzjonijiet Ewropej u nazzjonali komuni lejn il-komunitajiet internazzjonali espressi permezz ta’ djalogu mal-EuroGOOS 17 .

Il-linji ta’ ħidma jistgħu jinkludu:

·l-istabbiliment konġunt tal-prijoritajiet, l-identifikazzjoni tal-oqsma ta’ interess strateġiku għall-iżvilupp teknoloġiku, il-ftehimiet dwar il-pjanijiet direzzjonali u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi abbażi tal-ħtiġijiet komuni;

·il-koordinazzjoni tal-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka. Pereżempju, dan jista’ jinkludi bastimenti tar-riċerka (li jibnu fuq l-esperjenza tal-EuroFleets 18 ), kif ukoll kollaborazzjoni potenzjali mal-industrija (eż. permezz ta’ bastimenti tas-sajd b’ħafna sensuri) biex jiġu indirizzati l-lakuni kurrenti fil-ġbir tad-data dwar il-baħar;

·id-disinn tas-sistema, il-metroloġija, il-ħidma fuq standards komuni (eż. l-istandards dwar il-metodi ta’ osservazzjoni u kejl, id-data u l-metadata, l-ipproċessar tad-data, l-infrastrutturi diġitali, u r-rekwiżiti ta’ rapportar, eċċ.), l-istrateġiji tal-ippjanar u l-għodod;

·il-faċilitazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ kofinanzjament pluriennali, sinerġiji bejn il-programmi u l-fondi;

·azzjoni koordinata fix-xenarju globali (fi ħdan korpi globali bħall-IOC, l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija jew il-konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar);

·il-politiki dwar id-data, li għandhom jiġu dettaljati ulterjorment bħala parti mill-proposta li ġejja dwar Att dwar l-Oċeani, filwaqt li jitqiesu diversi elementi kritiċi bħall-impenji nazzjonali, tal-UE u dawk internazzjonali, il-kompetenzi tal-Istati Membri, l-awtonomija Ewropea u nazzjonali, il-ftehimiet internazzjonali eżistenti, ir-restrizzjonijiet relatati mas-sigurtà, il-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva u ta’ sigurtà relatata mal-attivitajiet ekonomiċi u mal-attivitajiet ta’ ġestjoni tar-riżorsi, u kunsiderazzjonijiet legali u operazzjonali rilevanti oħra. Minħabba n-natura sensittiva tal-osservazzjoni tal-oċeani fil-kuntest tas-sigurtà marittima, huwa essenzjali li jiġi stabbilit approċċ bilanċjat u maqbul b’mod reċiproku għall-kondiviżjoni tad-data fost il-partijiet rilevanti fejn meħtieġ

·opportunitajiet għal kondiviżjoni mtejba tad-data peress li l-aċċess għal data in situ ta’ kwalità għolja huwa kruċjali għas-Sistema Diġitali Ewropea tal-Oċeani u għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tat-Tewmi Diġitali Ewropew tal-Oċean, speċjalment dawk ta’ natura lokali u settorjali.

L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu struttura nazzjonali ta’ koordinazzjoni, immirata biex iżżid l-effiċjenza u l-effettività tal-attivitajiet nazzjonali u Ewropej ta’ osservazzjoni tal-oċeani.

1.2. L-istabbiliment ta’ Sistema Diġitali Ewropea tal-Oċeani

L-integrazzjoni tas-Servizz tal-Baħar Copernicus u l-EMODnet f’sistema diġitali Ewropea tal-oċeani, u bl-interfaċċi xierqa ma’ WISE-Marine, WISE freshwater u assi oħra, se tkompli tisfrutta l-potenzjal tagħhom, tnaqqas il-frammentazzjoni u tiżgura fluss operazzjonali bla xkiel ta’ informazzjoni mill-osservazzjoni għas-servizzi tal-għarfien. Din is-simplifikazzjoni, appoġġata minn operazzjoni fuq skala industrijali, se tiġġenera gwadanji mil-lat ta’ riżorsi u produttività, se toħloq punt ta’ dħul uniku u affidabbli għall-partijiet ikkonċernati filwaqt li timmassimizza l-valur u l-impatt tal-assi tal-għarfien dwar il-baħar tal-UE.

Billi ttejjeb il-ġbir, l-aċċess, il-kondiviżjoni, u l-interoperabbiltà tad-data tal-oċeani, is-sistema se trawwem l-innovazzjoni fost l-ekonomija blu, se ssaħħaħ il-kompetittività tal-industriji u tal-fornituri tas-servizzi Ewropej. Dan se jaċċellera l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet diġitali ġodda, kapaċitajiet ta’ tbassir, u soluzzjonijiet xprunati mid-data kemm għall-utenti pubbliċi kif ukoll għal dawk privati, u b’hekk se jappoġġa l-iżvilupp ta’ suq xprunat mid-data.

Din l-infrastruttura diġitali se tagħmilha possibbli li jiġi mmonitorjat l-użu tal-infrastruttura tal-osservazzjoni tal-oċeani li se tgħin biex jittejbu l-koerenza u l-koordinazzjoni fost il-kontributuri differenti fil-livell Ewropew u globali.

Din is-sistema diġitali operazzjonali emerġenti tista’ tibbenefika minn governanza integrata ma’ Copernicus, li bħalissa tinkludi l-Kumitat għall-Konfigurazzjoni ta’ Copernicus u l-Forum tal-Utenti ta’ Copernicus. Fil-perspettiva wiesgħa ta’ appoġġ effettiv għall-użi ambjentali, tal-ekonomija blu u tas-sigurtà, il-governanza integrata se tippermetti li jinbnew interazzjonijiet dinamiċi mas-servizzi kollha ta’ Copernicus, inklużi s-servizzi tal-klima, tal-emerġenza, tas-sigurtà u tas-sorveljanza marittima u b’segwitu għas-Servizz Governattiv għall-Osservazzjoni tad-Dinja (EOGS) propost 19 .

L-utenti tad-difiża u s-sigurtà għandhom bżonnijiet operazzjonali u ta’ sigurtà speċifiċi. Għaldaqstant, jista’ jkun hemm bżonn li jiġu stabbiliti ċentri/tarki tematiċi ddedikati għall-produzzjoni u għad-distribuzzjoni ta’ data u informazzjoni ddedikati u siguri li jikkontribwixxu kif meħtieġ għal inizjattivi ewlenin tad-difiża nazzjonali u Ewropea u strutturi oħra (eż. Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni jew SEAs).

B’segwitu għall-mudell ta’ monitoraġġ u tbassir meteoroloġiku operazzjonali, din is-sistema diġitali Ewropea tal-oċeani se tipprovdi servizzi affidabbli u operazzjonali lill-utenti f’firxa wiesgħa ta’ setturi u applikazzjonijiet. Din l-integrazzjoni hija prerekwiżit biex it-Tewmi Diġitali Ewropew tal-Oċean isir operazzjonali b’suċċess sal-2030 u jiffunzjona bħala servizz pubbliku komprensiv u fdat għall-għarfien, għat-tbassir, u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-oċeani, inkluż approċċ mis-sors għall-baħar biex jirrifletti l-prijoritajiet tal-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma.

Fil-preżent, Mercator Ocean International hija fdata mill-Kummissjoni Ewropea bl-implimentazzjoni tas-Servizz tal-Baħar ta’ Copernicus u hija waħda mill-iżviluppaturi ewlenin tat-Tewmi Diġitali Ewropew tal-Oċean. It-trasformazzjoni kontinwa tagħha f’organizzazzjoni intergovernattiva se tipprovdi l-istabbiltà fit-tul u s-sjieda kondiviża meħtieġa mir-rwol strateġiku tagħha u se tgħin biex tiżgura konnessjoni effettiva tas-sistema diġitali Ewropea tal-oċeani ma’ infrastrutturi u sistemi diġitali nazzjonali, u dipendenza fuqhom. Permezz tal-involviment tagħha f’Copernicus, Mercator Ocean International se tikkontribwixxi wkoll għal Ocean Eye.

Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li tiġbor flimkien l-assi eżistenti tal-ġestjoni tal-għarfien Ewropew dwar il-baħar f’sistema diġitali Ewropea tal-oċeani, permezz tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-Servizz tal-Baħar ta’ Copernicus.

Pilastru II: Id-dimensjoni internazzjonali

2.1 Alleanza internazzjonali għas-sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani

Il-GOOS (Sistema Globali ta’ Osservazzjoni tal-Oċeani) tikkoordina sistema globali ta’ osservazzjonijiet sostnuti tal-oċeani in situ, ibbażati fuq Varjabbli Essenzjali tal-Oċeani (EOVs) fil-fiżika, fil-bijoġeokimika, fil-bijoloġija u fl-ekosistemi. Permezz ta’ infrastruttura integrata globalment ta’ networks ta’ osservazzjoni tal-oċeani u inizjattivi ta’ osservazzjoni nazzjonali u reġjonali, din tipprovdi l-bażi li twassal informazzjoni essenzjali dwar l-oċeani li tappoġġa l-ġestjoni, l-ekonomiji u l-komunitajiet ibbażati fuq l-ekosistema madwar id-dinja.

Minkejja r-rwol essenzjali tal-osservazzjoni tal-oċeani in situ, is-sistema tibqa’ vulnerabbli għal tfixkil finanzjarju u ġeopolitiku. Għadha tiddependi ħafna fuq għadd żgħir ta’ kontributuri ewlenin u ma għandhiex biżżejjed kapaċità ta’ appoġġ biex tiżgura stabbiltà fit-tul 20 . 

Komponenti ewlenin, bħal irmiġġi Argo u tropikali 21 , jinsabu f’riskju ta’ degradazzjoni, bi projezzjonijiet li jindikaw telf ta’ 35 % tal-kapaċità ta’ Argo sal-2030 jekk ma titteħidx azzjoni korrettiva. Għad hemm lakuni sinifikanti fl-Emisfera tan-Nofsinhar, fl-Artiku, fir-reġjuni tal-baħar fond u fiż-żoni kostali.

L-UE hija dipendenti ħafna fuq is-sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani. Is-servizzi ewlenin bħal dawk offruti minn Copernicus (prinċipalment is-servizzi tal-Baħar, tas-Sorveljanza Marittima u tal-Klima) u mit-Tewmi Diġitali Ewropew tal-Oċean jeħtieġu data globali kontinwa u ta’ kwalità għolja dwar l-oċeani li għandha impatt kritiku fuq is-servizzi ta’ monitoraġġ u ta’ tbassir tal-prestazzjoni. Partijiet kbar minn din id-data globali dwar l-oċeani jinsabu lil hinn mill-kontroll dirett tal-UE.

Sabiex jindirizzaw dawn l-isfidi, l-UE u l-Istati Membri tagħha jenħtieġ li jsaħħu d-diplomazija tal-oċeani, is-sensibilizzazzjoni u s-sħubijiet strateġiċi tagħhom ma’ pajjiżi terzi tal-istess fehma dwar id-data tal-osservazzjoni tal-oċeani, kif ukoll għandhom iżidu u jikkoordinaw aħjar l-appoġġ tagħhom għas-sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani. Jenħtieġ li jassumu rwol ta’ tmexxija globali aktar b’saħħtu u jitolbu lis-sħab internazzjonali jingħaqdu mal-UE biex iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom u jikkondividu r-responsabbiltà għas-sostenn tas-sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani. Min-naħa l-oħra, il-pajjiżi jibbenefikaw minn aktar osservazzjonijiet miġbura mill-pari tagħhom, li jiġġeneraw għarfien tal-baħar ta’ kwalità għolja.

Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li:

·titnieda Alleanza Internazzjonali biex tappoġġa s-sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani.

L-objettivi tal-Alleanza Internazzjonali se jkunu:

-it-twessigħ tal-appoġġ għas-sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani, inkluż permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji jew in natura;

-it-titjib tal-approċċ ta’ governanza tas-sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani biex din issir aktar strutturata, effettiva, u ffinanzjata b’mod ġust, filwaqt li tiżgura l-ġbir u l-aċċess kontinwi għad-data;

-is-sostenn tal-infrastruttura eżistenti għall-osservazzjoni tal-oċeani (gliders, bagi, osservatorji, sufruni Argo, eċċ.);

-l-għeluq tal-lakuni kritiċi tal-osservazzjoni in situ, it-tlestija tan-networks globali, l-espansjoni tagħhom f’oqsma kostali u l-indirizzar tal-punti mhux viżibbli;

-l-appoġġ għall-impenji internazzjonali u multilaterali, inkluża l-implimentazzjoni tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14 u l-Ftehim dwar il-BBNJ (Bijodiversità Lil Hinn mill-Ġuriżdizzjonijiet Nazzjonali) 22 , billi jiġi permess teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza.

Il-membri tal-alleanza internazzjonali għas-sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani jistgħu jinkludu pajjiżi, organizzazzjonijiet filantropiċi u sħab privati. Jenħtieġ li jagħmlu impenji f’konformità mal-kapaċitajiet rispettivi tagħhom. Dawn l-impenji jistgħu jinkludu l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, l-għoti ta’ aċċess għall-kapaċitajiet ta’ osservazzjoni (bħal bastimenti ta’ osservazzjoni, sensuri, droni u kejbils ta’ taħt il-baħar), l-investiment fl-infrastrutturi ta’ osservazzjoni u dawk diġitali u/jew l-għoti ta’ aċċess għalihom, id-dedikazzjoni ta’ kapaċità umana u teknika lill-IOC jew lill-GOOS, u d-disponibbiltà ta’ data rilevanti. Il-parteċipazzjoni fl-Alleanza Internazzjonali se tiżgura koordinazzjoni aħjar tal-isforzi globali għall-osservazzjoni tal-oċeani u b’hekk l-użu tal-infrastruttura u tal-assi jsir aktar effettiv.

·tiġi stabbilita sħubija strateġika mal-IOC

Bħala l-korp intergovernattiv li jikkoordina l-GOOS u l-Iskambju Internazzjonali ta’ Data u Informazzjoni Oċeanografiċi, l-IOC tipprovdi l-qafas istituzzjonali li fih jissawru l-prijoritajiet strateġiċi, l-istandards u l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni.

Permezz tal-governanza strutturata ta’ OceanEye fil-livell Ewropew, l-UE se tkun tista’ tistabbilixxi pożizzjonijiet Ewropej komuni dwar kwistjonijiet importanti bħall-iffissar ta’ prijoritajiet, l-identifikazzjoni ta’ lakuni, standards, u l-iżvilupp ulterjuri tas-sistema.

Għalhekk, il-Kummissjoni se tipproponi Memorandum ta’ Ftehim bejn l-UE u l-IOC li se jiżgura allinjament aktar mill-qrib bejn il-GOOS, il-governanza Ewropea proposta u l-alleanza internazzjonali.

·bħala punt tat-tluq, isir kontribut għall-Alleanza b’żewġ modi:

Permezz tas-servizz tad-Data Globali tal-EMODnet, 23 billi jiġi estiż il-mandat tal-EMODnet biex jikkontribwixxi b’mod attiv għal flussi internazzjonali ta’ data marina in situ aktar reżiljenti;

Permezz ta’ azzjoni ddedikata ta’ EUR 50 miljun skont il-Programm Orizzont Ewropa kurrenti biex tissaħħaħ is-sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani in situ.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se tesplora kif l-UE tista’ tappoġġa ulterjorment l-osservazzjoni globali tal-oċeani permezz ta’ koordinazzjoni mtejba u prevedibbiltà finanzjarja akbar, fit-tul.

2.2 L-appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċità globali

Sistema globali robusta ta’ osservazzjoni tal-oċeani hija vitali għall-pajjiżi u għar-reġjuni l-aktar vulnerabbli għall-bidliet klimatiċi u oċeaniċi, b’mod partikolari l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS) u l-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) li huma fuq quddiem nett fir-riskji relatati mat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, u li jeħtieġu l-aktar ekonomiji tal-oċeani sostenibbli.

Il-parteċipazzjoni tal-SIDS u tal-LDCs fl-Alleanza Internazzjonali se tiżgura li dawn ikunu jistgħu jsawru b’mod sinifikanti t-tfassil u l-prijoritajiet tas-sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani, mingħajr ma jagħmlu l-involviment tagħhom kontinġenti fuq il-kapaċità domestika tagħhom li jiffinanzjaw u joperaw l-infrastrutturi ta’ osservazzjoni.

Barra minn hekk, l-UE se tikkunsidra firxa ta’ strumenti (inklużi strumenti finanzjarji) li jistgħu jiġu mobilizzati mill-UE u minn atturi oħra biex tiġi appoġġata ulterjorment l-osservazzjoni globali tal-oċeani, f’konformità mal-istrateġija Global Gateway u mal-Patt għall-Mediterran, fejn rilevanti, biex:

·jiġu appoġġati l-isforzi tal-SIDS u l-LDCs fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ osservazzjoni tagħhom stess, pereżempju billi jibnu fuq it-teknoloġiji tal-UE, u jikkontribwixxu għas-sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani;

·jiġu kożviluppati għodod diġitali flimkien mal-Istati u mar-reġjuni b’kapaċitajiet limitati, u għalihom, filwaqt li jiġi żgurat li dawn ikollhom aċċess għal appoġġ imfassal apposta u għal inizjattivi ta’ bini tal-kapaċitajiet.

Pilastru III: Id-dimensjoni operazzjonali u industrijali

3.1 It-tħaddim tal-infrastruttura diġitali

It-Tewmi Diġitali Ewropew tal-Oċean għandu l-għan li jagħmel l-għarfien dwar l-oċeani disponibbli faċilment għall-pubbliku, għall-imprendituri, għax-xjenzjati u għal dawk li jfasslu l-politika. Soġġett għall-politika dwar id-data li għandha tiġi definita ulterjorment fl-Att dwar l-Oċean, dan jitqies bħala ġid pubbliku u għalhekk qed jiġi propost li jkun proprjetà tal-Unjoni Ewropea. Permezz tal-infrastruttura ewlenija tiegħu, EDITO 24 , huwa jipprovdi rappreżentazzjoni virtwali tal-oċean, li tippermetti aċċess bla xkiel għal informazzjoni dwar il-baħar integrata u azzjonabbli.

It-Tewmi Diġitali Ewropew tal-Oċean jeħtieġ li jisfrutta kapaċitajiet diġitali operazzjonali mingħajr preċedent, inkluż il-computing ta’ prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali u infrastrutturi avvanzati tal-cloud, biex jipproċessa u janalizza volumi kbar ta’ data dwar l-oċeani u jagħmel simulazzjonijiet kumplessi u skalabbli fl-oqsma kollha, minn proċessi tal-fiżika għal sistemi soċjoekonomiċi. Huwa jintegra data storika u f’ħin reali minn diversi sorsi, inklużi satelliti, sensuri, mudelli numeriċi u saħansitra apparati personali bħall-applikazzjonijiet tal-ismartphones. Ferm lil hinn mill-monitoraġġ, huwa jippermetti lill-utenti jesploraw xenarji ta’ “x’jiġri jekk” permezz tas-simulazzoni tal-impatti potenzjali ta’ għażliet ta’ politika differenti, xenarji/trajettorji ta’ tisħin klimatiku jew ta’ attivitajiet ekonomiċi qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet. Madankollu, l-infrastrutturi diġitali ddedikati li jipprovdu l-kapaċitajiet tal-computing li jissodisfaw ir-rekwiżiti operazzjonali tas-servizzi diġitali tal-oċeani bħalissa huma nieqsa.

Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li:

·jiġi appoġġat l-iżvilupp ulterjuri tat-Tewmi Diġitali Ewropew tal-Oċean (DTO) sabiex ikun kompletament operazzjonali sa mhux aktar tard mill-2030, bħala servizz pubbliku għall-Ewropej u bħala offerta għall-bqija tad-dinja, possibbilment permezz tal-integrazzjoni tiegħu fis-Servizz tal-Baħar ta’ Copernicus u tal-iżgurar tal-interoperabbiltà u s-sinerġija ma’ Destinazzjoni d-Dinja, mal-HPC, mal-infrastrutturi tal-cloud u tal-IA;

·jiġi żviluppat pjan konġunt ma’ inizjattivi rilevanti (b’mod partikolari Copernicus u Destinazzjoni d-Dinja) għall-akkwist ta’ kapaċitajiet xierqa ta’ computing ta’ prestazzjoni għolja, imfassla biex jindirizzaw ir-rekwiżiti operazzjonali tagħhom u jikkontribwixxu għas-Sistema Diġitali tal-Oċean u l-ekosistema usa’ tal-immudellar tas-sistema tad-Dinja;

·jiġi pprovdut appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet Ewropej immirati tad-DTO għall-politika, kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat, anke billi jsir użu minn komponenti eżistenti tad-DTO, bħall-applikazzjonijiet tal-qafas ta’ mmudellar Blue2 tal-KE;

·jiġi żviluppat in-nodu tematiku tal-baħar tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (EOSC) 25 , bħala komponent ta’ EDITO, filwaqt li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tad-data dwar l-oċeani ma’ nodi tematiċi oħra tal-EOSC;

·sal-2030, issir l-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tal-continuum diġitali mis-sors għall-baħar li tirfed kemm il-Patt għall-Oċeani kif ukoll l-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma, billi jiġu żviluppati mudelli akkoppjati fost Copernicus, it-Tewmi Diġitali Ewropew tal-Oċean u Destinazzjoni d-Dinja u billi jiġu stabbiliti konnetturi standardizzati ta’ sors miftuħ biex jitnaqqas id-distakk mas-sistemi diġitali tal-ilmijiet interni lokali;

·jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tas-servizzi downstream għall-partijiet ikkonċernati pubbliċi u lokali, b’mod partikolari billi jiġu appoġġati d-dimostraturi, il-prototipi, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni u t-taħriġ sabiex jiġu appoġġati l-istrateġiji ta’ reżiljenza, jiġu informati l-pjanijiet ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità u jiġu ffaċilitati l-kontribuzzjonijiet tad-data ġġenerata lokalment, inkluż permezz tax-xjenza taċ-ċittadini;

·tibqa’ konxja tal-ħtiġijiet tar-reġjuni u tal-gżejjer ultraperiferiċi tal-UE, il-pajjiżi bi dħul baxx u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, u tesplora l-iżvilupp ta’ servizzi mfassla apposta, taħriġ immirat, u appoġġ għall-aċċess u għall-użu tal-infrastrutturi tal-UE għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom stess.

3.2 It-tisħiħ tal-innovazzjoni u tal-bażi industrijali tal-Ewropa għall-osservazzjoni tal-oċeani

L-għarfien huwa assi ewlieni. Fil-kuntest ta’ riskji klimatiċi, interdipendenza marittima u kompetizzjoni ġeopolitika dejjem akbar, il-kapaċità li jiġi esplorat l-oċean saret assi strateġiku.

Għalkemm l-ebda studju awtorevoli wieħed ma jikkonsolida l-attivitajiet rilevanti kollha taħt kategorija waħda ta’ osservazzjoni tal-oċeani, studji differenti jindikaw li s-suq globali annwali tal-osservazzjoni tal-oċeani jiswa bejn EUR 10 u 20 biljun, b’rata ta’ tkabbir annwali komposta ta’ madwar 5–10 %. Dan iservi ekosistema tan-negozju ħafna akbar li tiswa bejn EUR 40 u 90 biljun, li fiha l-Istati Uniti għandhom l-akbar sehem 26 ., 27

Għalhekk, għall-UE, li ssir mexxejja globali fit-teknoloġiji tal-osservazzjoni tal-oċeani hija għażla ekonomika u ġeopolitika fundamentali u imperattiv strateġiku għar-reżiljenza u għall-kompetittività f’kuntest ġeopolitiku li qed jinbidel malajr.

Se tingħata attenzjoni partikolari lill-istartups u lill-iscale-ups tat-teknoloġija profonda li qed jiżviluppaw soluzzjonijiet trasformattivi fis-sensuri, fis-sistemi awtonomi, fis-servizzi b’valur miżjud ibbażati fuq id-data u l-prodotti tad-data, fl-intelliġenza artifiċjali, u fit-tewmin diġitali. F’konformità mal-istrateġija tagħha għall-istartups u għall-iscale-ups, il-Kummissjoni se taħdem biex tappoġġa t-tranżizzjoni mir-riċerka għas-suq, ittejjeb l-aċċess għall-finanzi u tuża l-akkwist pubbliku biex tistimula d-domanda u taċċellera l-implimentazzjoni, possibbilment permezz ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja 28 .

Għalhekk, il-politika dwar l-innovazzjoni se tgħaqqad l-ispinta teknoloġika mal-iżvilupp xprunat mid-domanda. It-teknoloġiji tal-osservazzjoni tal-oċeani jridu jirrispondu għal ħtiġijiet industrijali, ta’ politika u regolatorji stabbiliti b’mod ċar, inkluż l-adattament u l-mitigazzjoni tal-klima, il-konformità ambjentali, is-sigurtà u d-difiża, is-sajd u l-akkwakultura, il-monitoraġġ tal-bijodiversità, iż-żoni protetti tal-baħar, il-protezzjoni tal-infrastruttura lil hinn mill-kosta, is-sikurezza marittima, it-trasport, it-turiżmu u l-enerġija lil hinn mill-kosta. L-allinjament tar-riċerka, tar-regolamentazzjoni u tad-domanda tas-suq jaċċellera l-implimentazzjoni u jgħin lill-kumpaniji Ewropej jaqbdu s-swieq emerġenti f’monitoraġġ kosteffettiv u awtonomu, intelliġenza tal-oċeani xprunata mill-IA, u sistemi integrati tal-ispazju u tal-oċean.

Il-kunsiderazzjonijiet dwar l-użu doppju u s-sigurtà sa mit-tfassil se jkunu integrali għal dan l-approċċ. Biex jissaħħaħ l-għarfien dwar id-dominju marittimu, partikolarment fis-sigurtà marittima, il-mobilità militari, u r-rabta bejn il-klima u d-difiża - filwaqt li tiġi protetta l-infrastruttura kritika ta’ taħt l-ilma u jiġu żviluppati arkitetturi tad-data siguri, huwa neċessarju li jkun hemm teknoloġiji reżiljenti u fdati. Billi ċ-ċibersigurtà, il-konformità u l-interoperabbiltà jiġu inkorporati fit-tfassil tas-sistema, l-UE tista’ tippożizzjona lilha nnifisha bħala fornitur globali ta’ soluzzjonijiet siguri u responsabbli tal-intelliġenza dwar l-oċeani, li jindirizzaw fost oħrajn ħtiġijiet mis-Sħubijiet għas-Sigurtà u d-Difiża.

Peress li atturi malizzjużi qed jisfruttaw dejjem aktar tattiċi taż-żona l-griża, li jvarjaw minn attakki ċibernetiċi u sabotaġġ għall-manipulazzjoni u għall-interferenza ta’ informazzjoni barranija, inkluża d-diżinformazzjoni, kapaċitajiet robusti ta’ osservazzjoni tal-baħar - mill-ispazju sa qiegħ il-baħar - huma essenzjali biex jinstabu, jiġu skoraġġuti u jiġu mmitigati r-riskji qabel ma dawn jeskalaw fi tfixkil sistemiku. Billi ttejjeb il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni f’ħin reali, l-UE tista’ ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha filwaqt li tiġġieled kontra l-interferenza ibrida li tfittex li tisfrutta l-vulnerabbiltajiet fil-qasam marittimu u ttejjeb ir-reżiljenza kontra theddid kinetiku u mhux kinetiku.

Il-Fond Ewropew għall-Kompetittività l-ġdid, li jaħdem f’sinerġija mal-programm Orizzont Ewropa li jmiss, se jipprovdi appoġġ mingħajr xkiel lill-innovaturi Ewropej, mir-riċerka u l-innovazzjoni sal-implimentazzjoni, ukoll għat-teknoloġiji rilevanti għall-osservazzjoni tal-oċeani, f’konformità mal-ambizzjoni proposta “Moonshot”. Is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet ta’ miżuri skont il-programmi ta’ nfiq rilevanti tal-UE għall-politika ta’ osservazzjoni tal-oċeani se jiġu segwiti f’konformità mal-objettivi ta’ politika u l-governanza rispettivi tagħhom.

Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi:

·il-promozzjoni ta’ perkors koerenti mill-innovazzjoni għall-investiment f’konformità mal-ambizzjoni proposta “Moonshot”;

·l-istabbiliment ta’ prijoritajiet għall-osservazzjoni tal-oċeani fl-istrateġija tagħha għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-Oċeani u l-Ilmijiet u t-tisħiħ tal-perkors ta’ investiment, mir-riċerka fundamentali sal-innovazzjoni u l-espansjoni;

·l-użu tal-Prospettiva Strateġika tal-KE 29 biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ sistema robusta u reżiljenti;

·li jiġu impenjati EUR 30 miljun għal sfida tematika tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni dwar it-teknoloġiji tal-osservazzjoni tal-oċeani, taħt il-programm ta’ ħidma Orizzont Ewropa għall-2027, biex jitħejjew perkorsi ewlenin ta’ innovazzjoni biex jiġi sfruttat l-investiment fid-dawl ta’ OceanEye.

Pilastru IV: Sħubijiet strateġiċi, edukazzjoni u ħiliet, kultura u sjieda soċjetali

4.1 It-tisħiħ tal-kollaborazzjoni ma’ inizjattivi privati, nazzjonali u internazzjonali

Lil hinn mill-alleanza internazzjonali, l-inizjattiva OceanEye se tibni b’mod proattiv sħubijiet strateġiċi ma’ atturi privati, programmi nazzjonali u inizjattivi internazzjonali biex issaħħaħ il-koerenza u l-impatt globali tal-osservazzjoni tal-oċeani; inkluż fil-kuntest ta’ Sħubijiet għas-Sigurtà u d-Difiża li għandhom komponent ta’ sigurtà marittima, jew f’reġjuni ewlenin bħall-Artiku.

Billi tallinja l-investimenti u l-prijoritajiet, l-inizjattiva se tisfrutta l-kapaċitajiet u l-infrastrutturi tar-riċerka nazzjonali filwaqt li trawwem l-involviment mal-industrija. Eżempju partikolari huwa l-Missjoni Neptune, inizjattiva internazzjonali; imnedija reċentement mill-gvern Franċiż, biex iħaffef l-esplorazzjoni tal-profondità tal-oċeani.

Barra minn hekk, il-Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni dwar l-Ilma 30 (EIT Water) li tnediet dan l-aħħar taħt l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija qed tibni ekosistema tal-innovazzjoni Ewropea b’saħħitha madwar l-innovazzjoni fl-ilma u fl-oċeani. Din se tikkontribwixxi għall-objettivi tal-inizjattiva billi tiġbor flimkien l-aqwa negozji, iċ-ċentri tar-riċerka, u l-universitajiet biex jipprovdu edukazzjoni intraprenditorjali, riċerka xprunata mill-innovazzjoni u attivitajiet ta’ appoġġ għan-negozju.

L-attivitajiet filantropiċi eżistenti li jippromwovu l-protezzjoni u/jew il-konservazzjoni tal-oċeani, pereżempju permezz ta’ żoni protetti tal-baħar, jistgħu jissaħħu b’komponent ta’ osservazzjoni u/jew ta’ esplorazzjoni biex ikunu magħmulin aktar effettivi u strateġiċi. L-inizjattiva OceanEye se tkompli timmobilizza l-filantropi, tippromwovi l-involviment soċjali u ssaħħaħ il-viżibilità internazzjonali, b’mod partikolari permezz ta’ branding komuni, filwaqt li tirrikonoxxi li l-osservazzjoni sostnuta tal-oċeani teħtieġ appoġġ soċjetali wiesa’ kif ukoll investiment pubbliku. Biex tiżdied il-viżibilità ta’ OceanEye, se tiġi żviluppata tikketta għall-infrastruttura kollha li tikkontribwixxi għall-inizjattiva. Permezz ta’ mekkaniżmi ta’ koinvestiment u programmazzjoni koordinata, l-inizjattiva OceanEye se toħloq ekosistema affidabbli li fiha l-atturi pubbliċi u privati se jaħdmu flimkien biex jipprovdu osservazzjonijiet, innovazzjoni u servizzi operazzjonali sostnuti.

4.2 Konnessjoni tal-Ewropej mal-oċean: l-osservazzjoni tal-oċeani bħala perkors biex in-nies tingħaqad u biex jiġu ispirati l-involviment u l-azzjoni ċiviċi

Meta tiġi tradotta f’azzjoni sinifikanti, l-osservazzjoni tal-oċeani tista’ tfassal mill-ġdid il-mod kif l-Ewropej jifhmu, japprezzaw u jirrelataw mal-oċean. Biex trawwem sjieda soċjetali kollettiva, l-inizjattiva OceanEye se tiżviluppa dimensjoni edukattiva, kulturali u ta’ sensibilizzazzjoni b’saħħitha, li tgħaqqad ix-xjenza, l-intraprenditorija, l-arti, l-edukazzjoni u s-soċjetà. Il-Kummissjoni se tesplora – pereżempju taħt il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida - l-iżvilupp ta’ linji ta’ azzjoni li jgħaqqdu l-arti, il-kultura u x-xjenza tal-oċeani sabiex l-osservazzjoni tal-oċeani tinħareġ mil-laboratorji offshore jew mid-dashboards diġitali u titwassal fl-ispazji pubbliċi, fil-portijiet, fil-mużewijiet u fil-bliet kostali madwar l-Ewropa. L-għan mhux se jkun biss li tiġi kkomunikata x-xjenza, iżda wkoll li jiġu kkultivati l-immaġinazzjoni, l-empatija u l-intendenza kondiviża.

L-osservazzjoni tal-oċeani hija wkoll sors ta’ impjiegi u innovazzjoni ta’ kwalità għolja. Billi turi perkorsi ta’ karriera u tgħaqqad l-edukazzjoni mal-industrija, il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol kwalifikata li kapaċi ssostni t-tmexxija tal-Ewropa fl-ekonomiji blu u diġitali, inkluż permezz ta’ strateġija ta’ tiġdid ġenerazzjonali blu fl-2027. Se ssir enfażi fuq il-ħiliet interdixxiplinarji li jgħaqqdu x-xjenza, it-teknoloġiji diġitali, l-inġinerija u l-komunikazzjoni.

L-inizjattiva OceanEye se ssaħħaħ ulterjorment il-litteriżmu dwar l-oċeani billi tisfrutta l-koalizzjoni EU4Ocean 31 , li tejbet l-għarfien tal-Ewropej dwar l-oċeani u l-ilmijiet tagħna mill-2020, u networks xjentifiċi u edukattivi oħra bħan-Network ta’ Skejjel Blu Ewropej, il-Forum Youth4Ocean, l-Atlas Ewropew tal-Ibħra, il-Koalizzjoni ta’ Edukazzjoni għall-Klima, u n-network tal-eTwinning fuq il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel.

Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi:

·it-tnedija tal-Laboratorju tal-Komunitajiet tal-Oċean, tal-Kosta u tal-Gżejjer tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, li jfittex li jgħaqqad l-osservazzjoni tal-oċeani mal-arti, mad-disinn u mal-involviment ċiviku u li jġib l-għarfien dwar l-oċeani eqreb lejn is-soċjetà. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ installazzjonijiet itineranti, avvenimenti pubbliċi jew kollaborazzjonijiet ma’ mużewijiet, artisti, istituzzjonijiet tar-riċerka, networks kulturali u s-soċjetà ċivili, filwaqt li jittraduċi d-data dwar l-oċeani f’esperjenzi aċċessibbli u sinifikanti u jrawwem rabta aktar b’saħħitha bejn l-Ewropej u l-baħar u jittrasforma l-osservazzjoni tal-oċeani f’għodda ċivika u kulturali;

·li l-osservazzjoni tal-oċeani tinġieb fl-edukazzjoni, b’mod partikolari, lit-tfal u liż-żgħażagħ permezz tal-EU4Ocean billi tagħmel l-osservazzjoni tal-oċeani t-tema ġenerali tal-attivitajiet tal-EU4Ocean fl-2027 u b’hekk tappoġġa l-objettivi tal-inizjattiva OceanEye. Permezz ta’ Ġimgħa ta’ Osservazzjoni tal-Oċeani fl-iskejjel, Skejjel Blu Ewropej u proġetti taż-żgħażagħ, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, grupp ta’ ħidma tematiku u premjijiet dedikati #MakeEUBlue, EU4Ocean se tappoġġa u se tirrikonoxxi inizjattivi li jikkombinaw id-data dwar l-oċeani mal-edukazzjoni u mal-involviment pubbliku. B’kollaborazzjoni mal-UNESCO, EU4Ocean se tospita skola tas-sajf fejn żgħażagħ mill-Ewropa u lil hinn minnha jistgħu jitgħallmu dwar l-osservazzjoni tal-oċeani u jinvolvu ruħhom direttament fiha;

·il-promozzjoni ta’ impjiegi u ħiliet ibbażati fuq l-għarfien marbuta mat-teknoloġiji tal-oċeani, ix-xjenza tad-data, l-operazzjonijiet marittimi u l-monitoraġġ ambjentali, b’enfażi partikolari fuq l-appoġġ ta’ professjonisti tal-oċeani fil-bidu tal-karriera tagħhom, inkluż permezz tal-edukazzjoni vokazzjonali marittima. Dawn l-isforzi se jiġu kkomplementati minn skemi ta’ mentoraġġ u traineeship tal-EU4Ocean għal żgħażagħ interessati f’karrieri relatati mal-oċean, kif ukoll workshops dedikati f’avvenimenti ewlenin Ewropej bħall-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Jiem Ewropej tal-Oċeani u l-Jum Marittimu Ewropew.

·it-tnedija ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni annwali f’kollaborazzjoni mal-flotta tal-bastimenti tar-riċerka tal-UE, biex il-bastimenti tar-riċerka jinfetħu għall-pubbliku fil-portijiet Ewropej.

V. Aċċess għall-finanzi u l-investiment

Il-finanzjament annwali meħtieġ biex jintlaħaq il-livell ta’ ambizzjoni għall-inizjattiva OceanEye ġie stmat li huwa minn tlieta sa erba’ darbiet il-livell kurrenti ta’ investiment. Ġew identifikati ħtiġijiet sinifikanti ta’ investiment biex isostnu u jtejbu n-network ta’ osservazzjoni tal-oċeani in situ, jiżviluppaw għodod diġitali għall-integrazzjoni tal-għarfien u jappoġġaw investimenti kontinwi fir-riċerka biex jiżviluppaw is-servizzi ulterjorment.

L-issodisfar ta’ dawn il-ħtiġijiet ta’ investiment jirrikjedi l-użu koordinat tal-finanzjament kurrenti u futur tal-UE, tal-miżuri nazzjonali, u tal-azzjonijiet biex jiġi attirat il-kapital privat tul il-perkors kollu mill-innovazzjoni għall-investiment. Għodod dedikati ta’ konsulenza, tqabbil u riżerva ta’ proġetti, bħal BlueInvest 32 u l-Konsulenza tal-BEI taħt iċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU 33 , jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess għar-riżorsi u joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-finanzjament ta’ proġetti.

Madankollu, għad hemm lakuni ewlenin:

·L-infrastrutturi tal-osservazzjonijiet in situ jenħtieġ li jsiru operazzjonali, kondiviżi u konformi mal-istandards ta’ kwalità u mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni. Hemm ukoll il-ħtieġa għal infrastrutturi diġitali operazzjonali dedikati.

·Is-sistemi ta’ osservazzjoni tal-oċeani huma kkaratterizzati minn finanzjament ibbażat fuq proġetti ta’ riċerka fuq perjodu ta’ żmien qasir, filwaqt li l-investimenti sostanzjali meħtieġa għall-bini tal-kapaċitajiet teknoloġiċi ma humiex frekwenti u ma għandhomx perjodi ta’ żmien definiti sew. Huwa meħtieġ finanzjament operazzjonali fit-tul biex jiġi żgurat it-tħaddim kontinwu tas-sistemi u biex jissaħħu n-networks ta’ osservazzjoni (eż. irmiġġi fil-baħar fond u monitoraġġ bijoloġiku).

·Il-finanzjament tal-UE huwa frammentat b’regoli u bi skedi ta’ żmien distinti, li jwasslu għal prevedibbiltà limitata u koerenza strateġika insuffiċjenti. Il-proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għandha l-għan li tindirizza tali frammentazzjoni.

·L-involviment tas-settur privat huwa limitat, b’mod partikolari f’oqsma b’infiq kapitali għoli bħall-inġenji sommerġibili awtonomi u l-kostellazzjonijiet satellitari, u appoġġ insuffiċjenti għall-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà tad-data, li jfixkel l-ambizzjoni tat-Tewmi Diġitali Ewropew tal-Oċean.

Mill-2026 u l-2027, il-Kummissjoni se timmobilizza r-riżorsi disponibbli u l-istrumenti eżistenti b’appoġġ għall-inizjattiva OceanEye.

Biex tappoġġa l-perkors mill-innovazzjoni għall-investiment, il-Kummissjoni se tesplora kif il-firxa sħiħa tal-istrumenti tagħha tista’ taħdem bl-aħjar mod flimkien f’sinerġija u f’komplementarjetà. Orizzont Ewropa se jkollu l-għan li jkompli jappoġġa r-riċerka u d-dimostrazzjoni rivoluzzjonarji u, skont il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, se jappoġġa lill-innovaturi b’riskju għoli u b’impatt għoli.

Il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss jista’ jgħin biex jiġu appoġġati l-objettivi tal-inizjattiva OceanEye, inkluż permezz tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività (FEK) propost. Il-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali jistgħu jappoġġaw is-sajd, l-akkwakultura, l-attivitajiet tal-baħar u l-Patt Ewropew għall-Oċeani.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għall-osservazzjoni tal-oċeani u jallinjaw il-baġits nazzjonali mal-prijoritajiet tal-UE, filwaqt li jiżguraw finanzjament stabbli għal sensiela ta’ osservazzjonijiet imtejba fit-tul.

L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll biex:

·jespandu l-programmi nazzjonali ta’ osservazzjoni tal-oċeani, jallinjaw il-baġits nazzjonali tar-riċerka tal-baħar mal-prijoritajiet tal-UE u jiżguraw finanzjament stabbli għal sensiela ta’ osservazzjonijiet fit-tul;

·jippromwovu l-akkwist pubbliku ta’ servizzi ta’ osservazzjoni tal-oċeani, pereżempju permezz ta’ akkwist prekummerċjali biex jistimulaw l-innovazzjoni fit-twassil ta’ data dwar il-baħar f’ħin reali għall-aġenziji pubbliċi;

·irawmu sħubijiet bejn l-industrija u l-akkademja pereżempju billi jħeġġu l-aġenziji nazzjonali tal-innovazzjoni biex jappoġġaw l-inkubaturi tat-teknoloġija tal-oċeani u l-laboratorji ħajjin, inkluż l-ittestjar ta’ gliders awtonomi f’kundizzjonijiet tad-dinja reali.

Konklużjonijiet

L-osservazzjoni tal-oċeani u l-katina tal-valur tal-għarfien dwar il-baħar huma kruċjali għas-sostenibbiltà, għall-kompetittività, għar-reżiljenza, għall-awtonomija strateġika u għas-sigurtà. Madankollu, fl-Ewropa u globalment, l-osservazzjoni tal-oċeani hija frammentata, tiffaċċa restrizzjonijiet ta’ finanzjament u lakuni fid-data, u hija nieqsa mill-effiċjenza u mill-impenn operazzjonali. Dawn l-isfidi huma aggravati minn kuntest ġeopolitiku li qed jinbidel, u dan joħloq riskji ta’ dipendenza strateġika.

L-inizjattiva OceanEye hija sforz strateġiku tal-UE biex twassal sistema Ewropea komprensiva u operazzjonali għall-osservazzjoni tal-oċeani.

Billi tkompli tiżviluppa u timmobilizza l-firxa sħiħa ta’ sħubijiet, l-infrastruttura u l-assi tal-għarfien dwar il-baħar għad-dispożizzjoni tagħha, l-UE tista’ tiżgura l-awtonomija strateġika tagħha fl-osservazzjoni tal-oċeani, fl-infrastruttura, fid-data u fis-servizzi tal-informazzjoni filwaqt li tirrikonoxxi wkoll l-użu doppju tagħha, u tippożizzjona lilha nnifisha bħala sieħeb globali affidabbli u mexxej xprunat mill-valur fil-kooperazzjoni internazzjonali.

Il-proposta leġiżlattiva li ġejja għal Att dwar l-Oċeani se tiżviluppa katina tal-valur Ewropea tal-għarfien dwar il-baħar li hija robusta, integrata u multidixxiplinari — filwaqt li tibdel id-data f’azzjoni, u x-xjenza f’soluzzjonijiet għal kulħadd. Dan se jsaħħaħ il-kompetittività tal-ekosistema industrijali Ewropea għat-teknoloġiji tal-osservazzjoni tal-oċeani u s-servizzi ċċentrati fuq l-utent.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE, mal-Istati Membri, mal-partijiet ikkonċernati, u mas-sħab internazzjonali biex twassal din is-sistema operazzjonali, is-sħubijiet u l-governanza li jinsabu fil-qalba tal-inizjattiva OceanEye.

(1)      L-osservazzjoni tal-oċeani tista’ tiġi definita bħala s-somma tal-kapaċitajiet użati biex jiġu osservati l-oċeani, kemm minn satellita, in situ jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor. Dawn il-kapaċitajiet jiġu implimentati permezz ta’ attivitajiet permanenti u ad hoc, bl-użu ta’ sistemi ta’ monitoraġġ stabbiliti, pjattaformi ta’ osservazzjoni, strumenti, bastimenti tal-baħar, vetturi awtonomi u għodod oħra.
(2)       https://commission.europa.eu/topics/research-and-innovation/choose-europe_mt
(3)    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment tal-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-perjodu 2028-2034, li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni skont dak il-Programm, u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2021/764, COM/2025/544 final
(4)       The ocean – the world’s greatest ally against climate change | Nazzjonijiet Uniti
(5)       https://www.eeas.europa.eu/eeas/eu-security-and-defence-partnerships_en?etrans=mt  
(6)       https://cdn.ioos.noaa.gov/media/2017/12/ioos_devplan.pdf u https://www.oecd.org/content/dam/oecd/en/publications/reports/2021/07/value-chains-in-public-marine-data_ec9a528e/d8bbdcfa-en.pdf  
(7)       https://www.unesco.org/sites/default/files/medias/files/2022/02/en-ocean-presskit.pdf  
(8)      Data miġbura permezz tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Osservazzjoni tal-Oċeani u minn rapporti oħra
(9)      NOAA, 2021. The Ocean Enterprise 2015 – 2020: A study of U.S. New Blue Economy business activity.
(10)       https://marine.copernicus.eu/
(11)       https://emodnet.ec.europa.eu
(12)       https://water.europa.eu
(13)      bħal dawk għat-trasport marittimu u s-sajd tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC)
(14)       https://www.edito.eu/european-digital-twin-ocean-about/
(15)      It-test juża t-terminu sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani b’mod sħiħ biex jirreferi għas-sistema globali għal osservazzjonijiet sostnuti tal-oċeani u l-akronimu GOOS biex jirreferi għall-programm immexxi mill-Kummissjoni Oċeanografika Intergovernattiva (IOC) tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO). ( https://goosocean.org/who-we-are/ ).
(16)      Il-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għall-Oċeani
(17)       https://eurogoos.eu/
(18)      L-għan tal-Eurofleets, stabbilita bl-għajnuna ta’ proġetti ta’ Riċerka Ewropej suċċessivi, huwa li ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-flotot oċeanografiċi Ewropej sabiex jiġi ottimizzat u jiġi ffaċilitat l-użu ta’ dawn il-faċilitajiet marittimi nazzjonali, ara https://www.eurofleets.eu/  
(19)       https://defence-industry-space.ec.europa.eu/developing-reconnaissance-capabilities-eu-level-2024-01-23_en?prefLang=mt&etrans=mt
(20)      Ara r-Rapport dwar l-istatus tal-2025, disponibbli fuq https://www.ocean-ops.org/goosreport/goosreport2025.pdf  
(21)      Is-sufruni Argo huma strumenti awtonomi mitluqin għal riħhom li tipikament ikejlu t-temperatura u s-salinità fil-kolonna tal-ilma kollha, u jitilgħu fil-wiċċ perjodikament biex jittrażmettu d-data permezz tas-satellita. L-irmiġġi huma sistemi fissi ta’ osservazzjoni tal-oċeani ankrati f’posthom li jkejlu kontinwament il-kundizzjonijiet tal-oċean u dawk atmosferiċi bħat-temperatura, ir-riħ, u l-kurrenti.
(22)       https://www.un.org/bbnjagreement/en  
(23)      akkwist pubbliku ta’ EUR 12-il miljun. https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/docs/2021-2027/horizon/wp-call/2026-2027/wp-9-food-bioeconomy-natural-resources-agriculture-and-environment_horizon-2026-2027_en.pdf
(24)       https://www.edito.eu/  
(25)       https://research-and-innovation.ec.europa.eu/strategy/strategy-research-and-innovation/our-digital-future/open-science/european-open-science-cloud-eosc_en?prefLang=mt&etrans=mt
(26)      Studju tal-2021 “Uptake of new technology for ocean observation”, Kuntratt ta’ Servizz EASME/FEMS/2020/3.1.16/SI2.833154-SC08. Ċifri aġġornati u mtejba se joħorġu mill-istudju li għadu għaddej “Study on the competitiveness of EU sustainable blue economy sectors: focus on ocean observation technologies” Kuntratt ta’ Servizz CINEA/FEMSA/2025/3.5/Lot2/02/SC10/4500128122 li jimplimenta l-kuntratt qafas Nru CINEA/2021/OP/0011 – LOT 2.
(27)      The Ocean Enterprise 2015–2020: A study of U.S. New Blue Economy business activity
(28)      Pereżempju, billi jiġu ċċarati u permessi attivitajiet ta’ osservazzjoni tal-oċeani b’riskju baxx fiż-ŻEE, jitnaqqsu l-ostakli amministrattivi, b’rispett sħiħ għad-drittijiet sovrani u l-ġuriżdizzjoni tal-Istati kostali skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (ir-reġim tar-Riċerka Xjentifika Marina)
(29)       https://joint-research-centre.ec.europa.eu/strategic-foresight-eu_en?prefLang=mt
(30)      Fokus fuq is-Setturi u l-Ekosistemi tal-Ilma, Marini u Marittimi
(31)       https://maritime-forum.ec.europa.eu/theme/ocean-literacy-and-blue-skills/ocean-literacy/eu4ocean-coalition_en?prefLang=mt&etrans=mt
(32)       https://maritime-forum.ec.europa.eu/theme/investments/blueinvest_en?prefLang=mt&etrans=mt
(33)       https://investeu.europa.eu/investeu-programme/investeu-advisory-hub_en