Brussell, 28.4.2026

COM(2026) 178 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar ir-Rieżami tar-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali), f’konformità mal-Artikolu 53 tiegħu

{SWD(2026) 123 final}


1.Introduzzjoni

Is-suq uniku diġitali tal-Unjoni Ewropea (UE) huwa wieħed mill-aktar swieq attraenti u li jħallu qligħ fid-dinja għall-operaturi ewlenin tal-pjattaformi diġitali.

Bħala parti mis-suq uniku diġitali, is-settur tal-pjattaformi diġitali huwa xprunatur sinifikanti tal-ekonomija tal-UE, li jiġġenera mijiet ta’ biljuni ta’ euro fi dħul annwali u jsawwar l-interazzjonijiet ekonomiċi u soċjali ta’ kuljum taċ-ċittadini u tan-negozji madwar l-UE. L-Ewropej huma involuti ħafna fl-ekonomija diġitali 1 . Barra minn hekk, għadd sinifikanti ta’ negozji jserrħu fuq is-swieq online u l-app stores biex jilħqu lill-klijenti, filwaqt li ħafna intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jiddependu fuq il-pjattaformi diġitali bħala gateway essenzjali biex jilħqu lill-utenti finali.

Il-pjattaformi diġitali kbar jibbenefikaw b’mod sinifikanti mis-suq uniku diġitali tal-UE, u jiksbu sehem sostanzjali mid-dħul globali tagħhom mill-attivitajiet tagħhom fl-UE. Fl-istess ħin, l-operaturi tal-pjattaformi kbar, bħala l-gwardjani, jistgħu jsawru l-kundizzjonijiet li bihom oħrajn jaċċessaw prodotti u servizzi diġitali, b’implikazzjonijiet għall-ġustizzja u l-kontestabbiltà.

L-Att dwar is-Swieq Diġitali 2  (id-“DMA” jew ir-“Regolament (UE) 2022/1925”) huwa wieħed mill-ewwel għodod regolatorji fid-dinja biex jiġu miġġielda l-prattiki inġusti mill-akbar operaturi tal-pjattaformi diġitali bil-għan li jiġi stabbilit sett immirat ta’ regoli armonizzati applikabbli għall-pjattaformi diġitali b’pożizzjoni ta’ gwardjan. L-iskop tad-DMA huwa li jikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tas-suq intern billi jiżgura l-kontestabbiltà u l-ġustizzja fis-swieq diġitali b’mod ġenerali, u, b’mod partikolari, għall-utenti finali u għall-utenti kummerċjali, inklużi l-SMEs, tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti mill-gwardjani.

L-iskop ta’ dan ir-rapport huwa li jippreżenta s-sejbiet tal-ewwel rieżami tad-DMA mill-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Kif meħtieġ mill-Artikolu 53 tad-DMA, dan ir-rapport jivvaluta: (1) jekk intlaħqux l-għanijiet tad-DMA Diġitali li jiġu żgurati swieq kontestabbli u ġusti; (2) l-impatt tad-DMA fuq l-utenti kummerċjali (speċjalment l-SMEs) u l-utenti finali; (3) jekk id-DMA jeħtieġx jiġi mmodifikat, inkluż fir-rigward (i) tal-lista tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma stabbilita fl-Artikolu 2(2) tad-DMA, (ii) tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7 tad-DMA u (iii) tal-infurzar tagħhom; u (4) jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-DMA dwar l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-messaġġiera għandux jiġi estiż għas-servizzi tan-networking soċjali.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq taħlita ta’ evidenza kwalitattiva u kwantitattiva, inkluż informazzjoni miksuba permezz ta’ proċeduri ta’ deżinjazzjoni u konformità, djalogi regolatorji ma’ gwardjani u partijiet terzi, rapporti ta’ konformità sottomessi minn gwardjani skont ir-Regolament (UE) 2022/1925, attivitajiet ta’ monitoraġġ intern, sessjonijiet ta’ ħidma tal-partijiet ikkonċernati, u involviment strutturat mal-Istati Membri u regolaturi oħra. Il-valutazzjoni tqis ukoll il-kontributi għall-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni li l-Kummissjoni wettqet bħala parti mill-proċess ta’ rieżami (konsultazzjoni pubblika mmirata, kwestjonarju pubbliku li jfittex feedback speċifiku fir-rigward tas-settur tal-intelliġenza artifiċjali (IA), u sejħa għal evidenza) 3 .

Id-DMA daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2022 u beda japplika mit-2 ta’ Mejju 2023. Sussegwentement, fil-5 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni ddeżinjat l-ewwel sett ta’ gwardjani skont id-DMA. Madankollu, peress li l-gwardjani għandhom sitt xhur mid-data tad-deżinjazzjoni biex jikkonformaw mal-obbligi sostantivi skont l-Artikoli 5, 6 u 7 tad-DMA, il-biċċa l-kbira tal-bidliet fl-imġiba tal-gwardjani kienu viżibbli biss minn Marzu 2024. Għaldaqstant, il-perjodu ta’ valutazzjoni kopert minn dan ir-rapport fil-prattika huwa limitat għal sentejn biss.

Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni sabet li d-DMA sa issa kkontribwixxa b’mod effettiv għall-objettiv ewlieni li s-swieq diġitali fl-UE jsiru aktar ġusti u aktar kontestabbli, u b’hekk kiseb impatt pożittiv tanġibbli fi ftit aktar minn sentejn minn meta d-DMA beda japplika bis-sħiħ għall-gwardjani ddeżinjati. Madankollu, f’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tiddeskrivi wkoll xi sfidi ta’ implimentazzjoni u ta’ infurzar li naqqsu r-ritmu tal-progress biex jintlaħqu l-objettivi tad-DMA.

B’mod ġenerali, dan ir-rapport juri li sentejn wara d-dħul fis-seħħ tad-DMA, id-DMA għadu adattat għall-iskop tiegħu u ma għandux bżonn jiġi rivedut. Dan ir-rapport jidentifika wkoll oqsma li jeħtieġu fokus partikolari fil-futur bħal kif id-DMA japplika għas-servizzi tal-IA u tal-cloud computing. Barra minn hekk, ir-rapport jikkonkludi li filwaqt li l-implimentazzjoni tad-DMA miexja fid-direzzjoni t-tajba, hemm bżonn ta’ superviżjoni rigoruża, djalogu regolatorju kontinwu flimkien ma’ gwida mill-Kummissjoni u, fejn meħtieġ, ħtieġa ta’ azzjonijiet tal-infurzar.

Il-ħidma biex tiġi żgurata konformità sħiħa mad-DMA għandha tkun akkumpanjata minn aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-benefiċjarji, speċjalment fil-komunitajiet start-up u tal-SMEs, biex jiġu mħeġġa jaħtfu opportunitajiet ġodda ta’ negozju maħluqa mid-DMA. Tali sensibilizzazzjoni hija daqstant importanti fost il-konsumaturi li, bis-saħħa tad-DMA, qed jibbenefikaw minn servizzi ġodda u innovattivi u jistgħu jeżerċitaw l-għażla tagħhom fir-rigward tas-servizzi diġitali b’mod aktar liberu. F’dan il-kuntest, bħala parti mill-monitoraġġ tagħha tal-miżuri ta’ konformità tal-gwardjani, il-Kummissjoni se tagħmel enfasi saħansitra aktar qawwija fuq is-simplifikazzjoni tal-passi li l-benefiċjarji potenzjali jridu jieħdu biex jibbenefikaw mill-opportunitajiet miftuħa mid-DMA. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tinvolvi ruħha mal-gwardjani u ma’ partijiet terzi bil-ħsieb li tirrazzjonalizza u tissimplifika d-djalogu regolatorju filwaqt li tiżgura konformità effettiva. Il-Kummissjoni hija konxja li l-konformità tiġġenera kostijiet għall-gwardjani u se tkompli tqis dawn il-kostijiet meta tiddiskuti soluzzjonijiet ta’ konformità magħhom. Fil-kuntest tal-objettiv usa’ tas-simplifikazzjoni tar-regoli diġitali tal-UE u potenzjalment tal-“ittestjar tal-istress” tal-acquis diġitali tal-UE (il-Kontroll tal-Idoneità Diġitali), il-Kummissjoni se tanalizza wkoll l-interazzjoni bejn ir-regoli diġitali differenti, inkluż id-DMA jekk rilevanti.

Fl-aħħar nett, dan ir-rapport jiddikjara wkoll li se jsiru sforzi biex tkompli tiżdied it-trasparenza u jittejbu l-proċeduri, u biex ikompli jiġi vvalutat l-impatt tad-DMA hekk kif isir aktar viżibbli maż-żmien.

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta’ akkumpanjament jiġbor evidenza u analiżi f’aktar dettall biex jiġu appoġġati dawn is-sejbiet.

2.Objettivi tad-DMA

Fiż-żmien tal-proposta tal-Kummissjoni għad-DMA f’Diċembru 2020, kien hemm kunsens kemm fl-UE kif ukoll fost is-sħab internazzjonali li s-swieq diġitali kienu kkaratterizzati minn nuqqas ta’ kontestabbiltà. B’riżultat ta’ dan, għadd żgħir ta’ pjattaformi kbar ħafna setgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni inkluż billi jimponu kundizzjonijiet inġusti kemm fuq l-utenti kummerċjali tagħhom kif ukoll fuq l-utenti finali 4 .

Aktar kmieni fl-2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kienu ħeġġew lill-Kummissjoni tesplora l-potenzjal għal regolamentazzjoni ex ante fis-swieq diġitali 5 . Il-Kummissjoni kienet stabbiliet ukoll osservatorju appoġġat minn grupp ta’ esperti, li l-konklużjonijiet tiegħu kkonfermaw il-ħtieġa ta’ għodda regolatorja ex ante ġdida biex tikkomplementa d-dritt tradizzjonali tal-kompetizzjoni 6 . Barra minn hekk, il-proposta għad-DMA kienet tifforma parti mill-istrateġija diġitali usa’ tal-Kummissjoni kif stabbilita fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2020 “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” 7 u ġiet ippreżentata bħala parti minn pakkett leġiżlattiv flimkien mal-Att dwar is-Servizzi Diġitali 8 .

Fiż-żmien tal-proposta għad-DMA u ftit taż-żmien wara, xi wħud mis-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE, inklużi l-Awstralja, il-Brażil, iċ-Ċina, il-Ġappun, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti kienu qed jibdew jikkunsidraw soluzzjonijiet simili għad-DMA 9 . Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Ġappun u r-Renju Unit adottaw liġijiet li jindirizzaw prattiki inġusti minn pjattaformi diġitali, filwaqt li ġuriżdizzjonijiet oħra qed isegwu objettivi simili permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ investigazzjonijiet tal-antitrust u litigazzjoni.

Fil-proposta tagħha għal Regolament, il-Kummissjoni ddefiniet l-objettiv tad-DMA hekk: “ħalli l-utenti finali u l-utenti kummerċjali [tal-pjattaformi diġitali] jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji kollha tal-ekonomija tal-pjattaformi” billi tindirizza fil-livell tal-UE l-aktar inċidenzi importanti ta’ prattiki inġusti u l-kontestabbiltà dgħajfa 10 . Għalhekk, l-objettivi speċifiċi kienu li (i) tiġi indirizzata l-imġiba inġusta tal-gwardjani, (ii) jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq biex jiġu żgurati swieq diġitali kontestabbli u kompetittivi għal aktar innovazzjoni u għażla għall-konsumatur, u (iii) jissaħħu l-koerenza u ċ-ċertezza legali biex jiġi ppreservat is-suq intern (armonizzazzjoni) 11 .

F’dan il-kuntest, il-kontestabbiltà hija relatata mal-kapaċità tal-impriżi li jegħlbu b’mod effettiv l-ostakli għad-dħul u għall-espansjoni u li jisfidaw lill-gwardjani fuq il-merti tal-prodotti u tas-servizzi tagħhom. Il-ġustizzja hija relatata mal-ġlieda kontra żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-utenti kummerċjali li jissarraf fi gwardjani li jisfruttaw il-pożizzjoni tagħhom billi jiksbu vantaġġ sproporzjonat. Il-kontestabbiltà u l-ġustizzja huma wkoll marbutin flimkien. Pereżempju, in-nuqqas ta’ kontestabbiltà jagħti lill-gwardjan is-setgħa li tippermettilu jimponi prattiki inġusti. Nuqqas ta’ kontestabbiltà u ta’ ġustizzja x’aktarx iwassal għal impatt negattiv fuq il-prezzijiet, il-kwalità, il-kompetizzjoni ġusta, l-għażla u l-innovazzjoni fis-settur diġitali.

L-armonizzazzjoni, it-tielet objettiv speċifiku tad-DMA, tinkiseb billi jiġi żgurat li l-utenti kummerċjali u l-utenti finali tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti mill-gwardjani jibbenefikaw minn salvagwardji regolatorji konsistenti madwar l-UE kontra prattiki inġusti tal-gwardjani, u b’hekk jiġi ffaċilitat in-negozju transfruntier fl-UE. L-armonizzazzjoni hija mezz importanti ta’ simplifikazzjoni peress li tiżgura li l-kumpaniji regolati jsegwu ġabra unika tar-regoli fis-suq intern. Kemm l-utenti kummerċjali kif ukoll il-gwardjani nfushom għandhom x’jibbenefikaw mill-armonizzazzjoni peress li din tevita li jkunu soġġetti għal possibbilment 27 regola nazzjonali differenti. Id-DMA huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni li huwa strument komplementari li jiżgura li l-prattiki tradizzjonali dannużi kollha jkunu jistgħu jiġu indirizzati.

3.Sitwazzjoni attwali tad-DMA

Fiż-żmien tal-kitba ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni ddeżinjat seba’ gwardjani li jipprovdu 23 servizz ewlieni tal-pjattaforma 12 .

Kif diġà ssemma, il-biċċa l-kbira tal-bidliet fl-imġiba vvalutati f’dan ir-rapport ma bdewx iseħħu qabel Marzu 2024 (jiġifieri l-punt li fih il-gwardjani kellhom jikkonformaw għall-ewwel darba mal-obbligi sostantivi tad-DMA). Barra minn hekk, f’Marzu 2024, l-ewwel rapporti annwali ta’ konformità tal-gwardjani ġew ippubblikati u ppreżentati f’sessjonijiet ta’ ħidma pubbliċi ddedikati 13 , eżerċizzju li ġie ripetut fl-2025. Dan il-proċess jippermetti lill-partijiet terzi interessati — b’mod partikolari l-utenti kummerċjali — jiddiskutu kwistjonijiet speċifiċi ta’ konformità mal-gwardjani f’forum pubbliku mmoderat mill-Kummissjoni 14 .

Il-metodu primarju għall-infurzar tad-DMA huwa permezz ta’ djalogu regolatorju kostanti bejn il-Kummissjoni, il-gwardjani u l-partijiet terzi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni diġà kellha bosta diskussjonijiet mal-gwardjani, mal-utenti kummerċjali u ma’ partijiet ikkonċernati oħra dwar il-miżuri ta’ konformità tal-gwardjani fis-servizzi u fl-obbligi ewlenin tal-pjattaforma. Dan id-djalogu għen biex titrawwem kultura ta’ konformità li permezz tagħha l-gwardjani jinvolvu ruħhom direttament u b’mod intensiv ma’ partijiet terzi u b’hekk jiżviluppaw prodotti u servizzi konformi. Għal kwistjonijiet kumplessi li jeħtieġu aktar gwida formali, il-Kummissjoni tiftaħ proċedimenti formali biex tispeċifika kif il-gwardjan rilevanti jrid jikkonforma ma’ obbligu partikolari. Sal-lum, inbdew erba’ proċedimenti ta’ speċifikazzjoni, li tnejn minnhom ġew konklużi u tnejn għadhom għaddejjin 15 .

Il-Kummissjoni bdiet ukoll seba’ proċedimenti ta’ nonkonformità 16 . Sal-lum, ġew konklużi żewġ proċedimenti b’sejba ta’ nonkonformità li wasslet biex jiġu imposti multi fuq Apple u Meta 17 , filwaqt li investigazzjoni waħda dwar Apple ġiet konkluża mingħajr sejba ta’ nonkonformità wara djalogu kostruttiv li wassal lil Apple tagħmel il-bidliet 18 . L-erba’ investigazzjonijiet l-oħra ta’ nonkonformità għadhom għaddejjin. Dawn il-proċedimenti jirriflettu sfidi kontinwi fil-kisba ta’ konformità sħiħa ma’ ċerti obbligi tad-DMA, inkluż meta l-gwardjani adottaw approċċi li jistgħu jdewmu jew jillimitaw l-implimentazzjoni effettiva.

4.Sejbiet tar-Rieżami

4.1.Id-DMA għamel is-swieq diġitali fl-UE aktar ġusti u aktar kontestabbli

Impatt pożittiv bikri fuq il-kontestabbiltà u l-ġustizzja

Id-DMA kkontribwixxa b’mod pożittiv għall-objettiv ewlieni li s-swieq diġitali fl-UE jsiru aktar ġusti u aktar kontestabbli. Għalkemm il-gwardjani kienu soġġetti bis-sħiħ biss għall-obbligi stabbiliti mid-DMA għal ftit aktar minn sentejn, jista’ jidher impatt pożittiv tanġibbli fl-obbligi kollha tad-DMA. Dawn jinkludu l-għoti tal-kontroll lura lill-utenti fuq id-data tagħhom, il-ftuħ ta’ ekosistemi li qabel kienu magħluqa, il-promozzjoni ta’ tiftix online ġust u ta’ swieq online u t-titjib tat-trasparenza tar-reklamar 19 .

Dan l-impatt pożittiv bikri kien ta’ benefiċċju kemm għall-utenti kummerċjali, b’mod partikolari l-SMEs, kif ukoll għall-utenti finali.

L-utenti kummerċjali diġà qed igawdu minn għadd ta’ benefiċċji. Pereżempju:

·brawżers alternattivi rrapportaw żieda fl-użu bis-saħħa ta’ skrins tal-għażliet, li jagħtu viżibbiltà lis-servizz differenzjat tagħhom 20 ;

·aktar minn 40 kumpanija, fil-biċċa l-kbira SMEs, inkorporaw soluzzjonijiet ġodda għall-portabbiltà tad-data u ingranaw b’mod attiv l-aċċess għad-data biex iniedu servizzi innovattivi; 21

·diġà tfaċċaw app stores alternattivi, inklużi app stores ipprovduti mill-SMEs, li qegħdin jespandu l-firxa tagħhom kontinwament  22 ;

·is-servizzi tal-messaġġi alternattivi issa jistgħu jinteroperaw ma’ WhatsApp u Facebook Messenger, u dan wassal biex fornituri ġodda, bħal SME Ewropea, jidħlu fis-suq b’funzjonijiet innovattivi ġodda 23 ;

·l-iżviluppaturi issa jistgħu jagħmlu talbiet formalizzati biex jinteroperaw mas-sistemi operatorji tal-gwardjani, u dan ippermetta apps ġodda ta’ partijiet terzi li, pereżempju, jistgħu jattivaw allarm jew jibagħtu messaġġi (SMS) ta’ emerġenza anke meta t-telefown ikun mitfi 24 .

L-opportunitajiet ta’ hawn fuq għall-utenti kummerċjali, b’mod partikolari l-iżviluppaturi, kienu ta’ benefiċċju għall-utenti finali billi offrewlhom għażla akbar u prodotti innovattivi. Ġew osservati wkoll benefiċċji diretti oħra għall-utenti finali. Pereżempju:

·l-utenti finali issa jistgħu jagħżlu b’mod sinifikattiv 25 jekk jippermettux lill-gwardjani jikkombinaw u jużaw b’mod inkroċjat id-data personali tagħhom fis-servizzi kollha, u dan iwassal għal sehem sinifikanti ta’ utenti finali li ma jagħtux il-kunsens, u b’hekk jipprevjenu l-prattika mifruxa tal-gwardjani li jużaw id-data għat-tfassil tal-profili mhux mitlub u jnaqqsu l-vantaġġi relatati tad-data 26 ;

·l-utenti finali issa jistgħu jniżżlu jew jittrasferixxu d-data tagħhom (eż. posts fuq il-media soċjali jew “likes” fuq Facebook, Instagram jew TikTok, rendikont ta’ dak li xtraw minn fuq Amazon, it-tfittxija li saret fuq Google Search) u jawtorizzaw lil kumpaniji oħra jaċċessaw id-data tagħhom biex joffru servizzi innovattivi, u b’hekk iżidu l-libertà tal-għażla għall-utenti finali 27 ;

·l-utenti finali jistgħu jneħħu l-apps installati minn qabel li ma jridux li jkollhom fuq it-telefown tagħhom, jistgħu jissettjaw apparat Android bl-indirizz tal-email tal-għażla tagħhom jew bin-numru tat-telefown tagħhom mingħajr ma jkollhom għalfejn joħolqu kont tal-Gmail, u jistgħu jużaw Facebook Messenger b’mod indipendenti min-network soċjali ta’ Facebook.

Benefiċċji ewlenin oħra huma wkoll benefiċċji li huma mistennija li jimmaterjalizzaw fil-futur qrib għan-negozji u għall-utenti finali, inkluż bħala riżultat tal-ispeċifikazzjoni u tal-azzjonijiet tal-infurzar tal-Kummissjoni. Dawn jinkludu, pereżempju, il-possibbiltà li l-fornituri ta’ apparati konnessi, bħal arloġġi intelliġenti jew ear buds, jaċċessaw karatteristiċi importanti tal-iOS li jippermettulhom ikomplu jtejbu l-prodotti tagħhom. Bl-istess mod, l-utenti finali tal-apparati tal-iPhone u tal-Android dalwaqt se jkunu jistgħu jċaqilqu d-data tagħhom faċilment meta jaqilbu bejn it-tnejn, u b’hekk jintemm l-ostaklu li ilu jeżisti tal-intrappolament tal-utenti finali 28 .

Id-DMA wassal ukoll għal titjib notevoli fir-rigward tat-trasparenza tar-reklamar. Pereżempju, dawk li jirreklamaw u l-pubblikaturi (jiġifieri s-sidien tas-siti web li jipprovdu spazju għar-reklamar) issa jistgħu jaċċessaw informazzjoni dwar il-prezz, it-tariffi, ir-remunerazzjoni u l-prestazzjoni tar-reklami. Dan huwa pass sinifikanti lejn trasparenza akbar f’qasam li qabel kien magħruf bħala “kaxxa sewda” peress li l-pjattaformi ta’ reklamar online tal-gwardjani jżommu din l-informazzjoni għalihom infushom. Ir-riżultat huwa li l-gwardjani introduċew għodod u karatteristiċi ġodda, bħall-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet li permezz tagħhom dawk li jirreklamaw u l-pubblikaturi jistgħu jniżżlu rapporti dettaljati, u b’hekk itejbu b’mod tanġibbli l-prattiki tas-suq meta mqabbla ma’ qabel id-DMA 29 .

Sar ukoll progress tanġibbli addizzjonali f’termini ta’ trasparenza u akkontabbiltà ġenerali. Pereżempju, l-utenti kummerċjali, l-utenti finali u l-pubbliku ġenerali issa jistgħu jaċċessaw informazzjoni ppubblikata mill-gwardjani dwar kif jikkonformaw ma’ kull wieħed mill-obbligi tad-DMA tagħhom, dwar il-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet maħsuba tal-gwardjani, u dwar it-tekniki tat-tfassil tal-profili tal-konsumaturi użati mill-gwardjani. Dawn ir-rapporti pubbliċi jippromwovu t-trasparenza u l-akkontabbiltà billi jippermettu lil kulħadd — mir-riċerkaturi sar-regolaturi — isegwi l-iżviluppi tas-suq diġitali u x-xejriet tal-industrija, kif ukoll il-bidliet fl-imġiba ta’ gwardjani partikolari 30 . Ir-rapporti ġew ikkomplementati wkoll minn sessjonijiet ta’ ħidma annwali dwar il-konformità, fejn il-gwardjani jippreżentaw f’forum pubbliku l-isforzi li saru biex tiġi żgurata l-konformità.

Evidentement, id-deskrizzjonijiet ta’ hawn fuq huma stampa ta’ sitwazzjoni li qed tevolvi kontinwament u l-eżempji pprovduti mhumiex eżawrjenti. Madankollu, l-isforzi ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar tal-Kummissjoni mhumiex limitati għall-eżami tal-impatt pożittiv inizjali tad-DMA meta mqabbel mas-sitwazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-konformità hija proċess kontinwu, xprunat prinċipalment minn djalogu regolatorju bejn il-gwardjani u partijiet terzi. Għalhekk, il-Kummissjoni se jkollha bżonn tkompli timmonitorja l-miżuri ta’ konformità, u fejn meħtieġ, ittejjibhom biex tiżgura li d-DMA jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu.

Kostijiet u benefiċċji

Il-konformità mad-DMA ġġib magħha ċerti kostijiet għall-gwardjani. Xi gwardjani allegaw li d-DMA joħloq kostijiet għoljin għalihom u għal oħrajn, u saħansitra argumentaw li d-DMA għandu jitneħħa jew jiġi modifikat b’mod sostanzjali 31 .

Id-DMA jimponi firxa ta’ obbligi li jaffettwaw il-mudelli kummerċjali eżistenti ta’ għadd żgħir ta’ impriżi kbar ħafna, u b’hekk jiġġeneraw kostijiet tal-konformità għal dawk l-impriżi. Il-Kummissjoni qieset dawn il-kostijiet fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha għall-proposta leġiżlattiva, u dawn tqiesu wkoll mill-koleġiżlaturi. B’kuntrast għal dan, id-DMA ma jimponix kostijiet tal-konformità fuq dawk li mhumiex gwardjani, b’mod partikolari fuq l-SMEs u l-istart-ups.

Fid-diskussjonijiet tagħha mal-gwardjani dwar soluzzjonijiet ta’ konformità, il-Kummissjoni se tkompli tqis il-kostijiet tal-konformità u l-piżijiet amministrattivi safejn dan ikun kompatibbli mal-objettivi tad-DMA. Il-kostijiet tal-konformità huma mistennija wkoll li jonqsu maż-żmien hekk kif il-gwardjani jaqilbu dejjem aktar lejn kultura ta’ konformità mid-disinn, kif previst mid-DMA, u jibdew jinternalizzaw il-konformità fl-istadji bikrija tal-iżvilupp tal-prodotti u tas-servizzi tagħhom. Il-Kummissjoni nnotat sinjali inizjali li qed isseħħ tali bidla u se tinvolvi ruħha mal-gwardjani biex tiżgura li din tkompli.

Il-kostijiet jistgħu jiġġarrbu wkoll mill-utenti finali peress li xi kostijiet ta’ adattament iġġenerati mill-bidliet inizjali instigati mid-DMA jistgħu jkunu inevitabbli. Pereżempju, l-interfaċċi tal-utent ta’ xi servizzi nbidlu u l-utenti finali ġew imħeġġa permezz ta’ skrins tal-għażliet biex jagħmlu bidliet konxji. Madankollu, id-DMA jagħti lill-utenti għażla addizzjonali filwaqt li jippreserva l-kapaċità tagħhom li jkomplu jużaw is-servizzi ta’ gwardjan. Kwalunkwe frizzjoni fl-esperjenza online tal-utenti x’aktarx li tkun temporanja u, f’xi każijiet, tista’ tkun meħtieġa biex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa li jagħmlu għażliet konxji fl-użu tagħhom tas-servizzi diġitali. Min-naħa l-oħra, il-frizzjoni tista’ tkun ukoll ir-riżultat ta’ għażliet tad-disinn mill-gwardjani u tirriżulta f’miżuri ta’ konformità kkumplikati bla bżonn li jiskoraġġixxu lill-utenti milli jiskopru u jużaw alternattivi. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-miżuri ta’ konformità minn din il-perspettiva u tindirizzahom fejn meħtieġ, inkluż permezz tal-użu ta’ evidenza tal-imġiba.

4.2.Il-valur miżjud u l-koerenza tal-UE

Meta jiġi kkunsidrat xenarju mingħajr id-DMA bħala kontrofattwali, kwalunkwe tentattiv biex jinkiseb l-impatt pożittiv imsemmi hawn fuq permezz ta’ intervent każ b’każ skont id-drittijiet tal-kompetizzjoni tal-UE u dawk nazzjonali — jekk ikun possibbli — kien ikun jinvolvi kostijiet ogħla għall-impriżi kkonċernati u kostijiet ogħla tal-infurzar amministrattiv, filwaqt li jkun jeħtieġ perjodu ta’ żmien ferm itwal biex il-benefiċċji jingħataw f’termini ta’ ġustizzja u ta’ kontestabbiltà 32 . Barra minn hekk, in-natura ex ante tad-DMA tippermetti li l-benefiċċji jingħataw mingħajr azzjoni tal-infurzar kontradittorja peress li l-gwardjani għandhom 6 xhur miż-żmien tad-deżinjazzjoni biex jiżguraw il-konformità. Li kieku dan l-impatt pożittiv inkiseb permezz tar-regolamentazzjoni nazzjonali, il-kostijiet tal-konformità kienu jkunu saħansitra ogħla minħabba li l-gwardjani kien ikollhom jikkonformaw ma’ sa 27 obbligu potenzjalment diverġenti. Barra minn hekk, dan seta’ wassal għal frammentazzjoni regolatorja fis-suq intern li kienet toħloq inċertezza u kumplessità regolatorji għad-detriment tal-gwardjani, tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali bl-istess mod.

Id-DMA jaqbel b’mod koerenti ma’ strumenti oħra — inklużi dawk li ġew qabel l-adozzjoni tiegħu — relatati, pereżempju, mal-protezzjoni tad-data, mad-drittijiet tal-awtur, u mad-dritt tal-kompetizzjoni, kif ukoll ma’ għodod li minn dak iż-żmien ’l hawn ġew adottati, pereżempju fl-oqsma tal-IA, tal-cloud computing jew tal-identità diġitali. Il-kooperazzjoni transregolatorja se tkompli tiġi ffaċilitata permezz tal-Grupp ta’ Livell Għoli għall-Att dwar is-Swieq Diġitali, magħmul minn ħames korpi u networks Ewropej ta’ regolaturi diġitali 33 , li se jkompli jrawwem djalogu kollaborattiv fost il-membri tiegħu biex jgħin jiżgura implimentazzjoni koerenti u effettiva tad-DMA u regolamenti oħra speċifiċi għas-settur applikabbli għall-gwardjani.

4.3.Simplifikazzjoni u gwida

Il-Kummissjoni qed tesplora kontinwament il-potenzjal ta’ simplifikazzjoni, mhux biss għan-negozji u għall-utenti finali li qed ifittxu li jagħmlu użu mid-drittijiet il-ġodda tagħhom skont id-DMA, iżda wkoll fir-rigward tal-isforzi ta’ konformità tal-gwardjani 34 . Il-Kummissjoni se tkompli tinvolvi ruħha mal-gwardjani u ma’ partijiet terzi biex issib l-aktar soluzzjonijiet effiċjenti biex tirrazzjonalizza u tissimplifika d-djalogu regolatorju u tiżgura konformità effettiva. Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll diversi mudelli biex tiggwida lill-gwardjani meta jissottomettu informazzjoni lill-Kummissjoni, bħal talbiet għal sospensjoni jew eżenzjoni jew rapporti ta’ konformità. Il-Kummissjoni se tirrieżamina dawn il-mudelli regolarment biex tiżgura r-rilevanza kontinwa tagħhom u tista’ tissimplifikahom aktar jekk ikun meħtieġ 35 .

Bħala għodda addizzjonali biex tipprovdi gwida lill-gwardjani u lil partijiet terzi, il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida skont l-Artikolu 47 tad-DMA. Pereżempju, il-Kummissjoni, flimkien mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, qed taħdem fuq linji gwida konġunti dwar l-interazzjoni bejn id-DMA u r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data 36 .

Il-Kummissjoni lesta tisma’ kwalunkwe tħassib pendenti li jista’ jkollhom il-gwardjani jew partijiet terzi sabiex tipprovdi gwida u tkompli bl-isforzi ta’ simplifikazzjoni tagħha.

4.4.Aġġustament immirat tal-prattiki ta’ infurzar u tal-aspetti proċedurali, iżda ma hemm l-ebda ħtieġa attwali li jiġi rivedut id-DMA

Fis-sentejn mid-dħul fis-seħħ tiegħu, id-DMA kellu impatt pożittiv reali meta jitqies f’termini tal-objettivi sottostanti tiegħu. Madankollu, u mhux l-inqas fid-dawl tal-perjodu qasir ta’ applikazzjoni tiegħu, id-DMA għadu ma laħaqx il-potenzjal sħiħ tiegħu f’termini tal-ilħuq tal-objettivi tal-koleġiżlaturi. Għal dak il-għan, skont il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati li pparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika, id-DMA jeħtieġ li jkompli jiġi infurzat b’mod robust sabiex kemm l-utenti kummerċjali kif ukoll l-utenti finali jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-opportunitajiet il-ġodda offruti mid-DMA.

Bi tweġiba għas-sejħiet minn grupp imdaqqas ta’ partijiet ikkonċernati biex id-DMA jiġi rivedut, b’mod partikolari biex jiġu indirizzati sfidi ġodda dwar il-kontestabbiltà u l-ġustizzja fis-swieq diġitali, il-Kummissjoni temmen li f’dan l-istadju d-DMA huwa adattat għall-iskop tiegħu u ma għandux bżonn jiġi emendat. Madankollu, il-Kummissjoni identifikat oqsma partikolari ta’ fokus fil-futur, jiġifieri l-IA u s-servizzi tal-cloud computing, il-kisba ta’ trasparenza akbar, u t-titjib tal-proċeduri tal-Kummissjoni. L-azzjonijiet attwali u futuri li l-Kummissjoni diġà bdiet jew li qed tippjana li twettaq f’dawn l-oqsma huma miġbura fil-qosor hawn taħt u deskritti f’aktar dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

Kamp ta’ applikazzjoni tad-DMA

L-aktar kwistjonijiet prominenti mqajma fil-konsultazzjoni pubblika kienu jikkonċernaw il-cloud computing u s-servizzi tal-IA. Ir-rispondenti argumentaw li d-DMA jiġi applikat b’mod komprensiv għaż-żewġ servizzi, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jiġi estiż biex ikopri aħjar dawk is-servizzi u li jindirizza għadd ta’ prattiki li jaffettwaw il-ġustizzja u l-kontestabbiltà taż-żewġ servizzi 37 .

F’Novembru 2025, il-Kummissjoni fetħet tliet investigazzjonijiet tas-suq dwar is-servizzi tal-cloud computing. Żewġ investigazzjonijiet tas-suq jivvalutaw jekk Microsoft Azure u Amazon Web Services għandhomx jiġu ddeżinjati bħala gwardjani għas-servizzi tal-cloud computing, filwaqt li t-tielet waħda tivvaluta jekk id-DMA jistax jindirizza b’mod effettiv il-prattiki li jistgħu jillimitaw il-kompetittività u l-ġustizzja għas-servizzi tal-cloud computing 38 . Għalhekk, l-għodod li jibqgħu validi fil-futur li l-koleġiżlaturi inkorporaw fid-DMA qed juru li huma kruċjali u effettivi biex jirreaġixxu għall-iżviluppi fis-swieq u fit-teknoloġiji.

Fir-rigward tas-servizzi tal-IA, il-Kummissjoni bdiet tindirizza diversi kwistjonijiet ta’ ġustizzja u ta’ kontestabbiltà li dehru b’mod prominenti fil-konsultazzjoni pubblika 39 . Pereżempju, il-Kummissjoni ffukat id-djalogu regolatorju tagħha mal-gwardjani fuq il-kwistjoni tal-faċilità tal-bdil tas-settings prestabbiliti u l-iżgurar li s-servizzi tal-IA jkollhom aċċess ugwali għas-sistemi operatorji. F’Jannar 2026 infetħu żewġ proċedimenti ta’ speċifikazzjoni fir-rigward ta’ Alphabet li għandhom ukoll dimensjoni tal-IA (interoperabbiltà u aċċess għad-data tat-tiftix) 40 . Bl-istess mod, il-Kummissjoni ffukat id-djalogu regolatorju tagħha fir-rigward tal-projbizzjoni fuq il-kombinazzjoni ta’ data personali mingħajr kunsens fuq it-taħriġ u l-bażi tal-mudelli tal-IA u tas-sistemi tal-IA. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni diġà qed timmonitorja l-implimentazzjoni tal-għodod tal-IA fis-servizzi ewlenin tal-pjattaforma ddeżinjati biex tivverifika l-konformità mad-DMA.

Id-DMA ma għandux jitqies b’mod iżolat fir-rigward tal-għodod regolatorji li għandhom l-għan li jikkatalizzaw l-IA jew il-katina tal-valur tal-cloud u jippermettu l-innovazzjoni. Liġijiet oħra, bħall-Att dwar l-IA, l-Att dwar id-Data u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, kif ukoll diversi miżuri ta’ investiment fl-IA jirregolaw u jiffaċilitaw aspetti komplementari relatati mal-forniment ta’ servizzi u infrastruttura diġitali fl-UE. Barra minn hekk, meta niġu għall-indirizzar ta’ mġiba antikompetittiva potenzjali, japplika d-dritt tal-kompetizzjoni 41 . Id-diversi għodod li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tirregola l-forniment ta’ servizzi diġitali fl-UE jiġu applikati u infurzati b’mod li jkun koerenti u komplementari, u b’hekk jinħolqu ċarezza u prevedibbiltà. Barra minn hekk, huwa ċar li l-istruttura tad-DMA u r-relazzjoni komplementari tiegħu ma’ strumenti oħra qed jaħdmu b’mod effettiv biex jindirizzaw ukoll it-tħassib emerġenti dwar il-ġustizzja u l-kontestabbiltà.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-iżviluppi fil-qasam tal-IA bħala kwistjoni ta’ prijorità, filwaqt li tiżgura konformità sħiħa mad-DMA fejn it-teknoloġiji jew is-servizzi tal-IA jkunu jew parti integrali mis-servizzi ewlenin tal-pjattaforma ddeżinjati jew servizz distint li potenzjalment jiġġustifika d-deżinjazzjoni. Il-Kummissjoni se tagħmel dan bħala parti mid-djalogu regolatorju kontinwu tagħha mal-gwardjani dwar il-mudelli kummerċjali tagħhom li qed jevolvu u l-implikazzjonijiet għall-konformità mad-DMA. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta jekk xi servizzi tal-IA jeħtiġux li potenzjalment jiġu ddeżinjati bħala assistenti virtwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk l-għodod tad-DMA li jibqgħu validi fil-futur jeħtiġux li jintużaw biex jiġi aġġornat kwalunkwe obbligu fir-rigward tas-servizzi tal-IA.

Obbligi

Fil-qafas diġà stabbilit mid-DMA, il-Kummissjoni ħadet u se tkompli tieħu azzjoni biex tindirizza għadd ta’ kwistjonijiet imqajma fil-konsultazzjoni pubblika relatati mal-adegwatezza tal-obbligi stabbiliti mid-DMA. B’mod partikolari:

·għaddejja investigazzjoni tas-suq biex jiġi vvalutat jekk l-obbligi attwali skont id-DMA humiex effettivi fl-indirizzar ta’ prattiki li jillimitaw il-kompetittività jew li huma inġusti fis-settur tal-cloud computing;

·il-Kummissjoni mistennija tadotta linji gwida konġunti mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data 42 dwar l-interazzjoni bejn id-DMA u r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, inkluża gwida dwar il-portabbiltà tad-data u dwar l-aċċess għad-data tat-tiftix;

·dan l-aħħar tnieda t-tieni ċiklu ta’ proċedimenti ta’ speċifikazzjoni li se jipprovdi miżuri konkreti u kjarifika dwar l-interoperabbiltà tal-Android fir-rigward tas-servizzi tal-IA u dwar l-aċċess għad-data tat-tiftix;

·il-Kummissjoni se tirrieżamina jekk l-obbligu li jiġu pprovduti deskrizzjonijiet awditjati ta’ kwalunkwe teknika għat-tfassil tal-profili tal-konsumaturi jistax jibbenefika minn aktar gwida jew kjarifika permezz ta’ aġġustamenti għall-mudell tar-rapportar;

·l-għodod fis-sett ta’ għodod tad-DMA, li ma jeħtiġux bidliet leġiżlattivi, jistgħu jiġu sfruttati bis-sħiħ biex jgħinu fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti tad-DMA għal sitwazzjonijiet eżistenti jew ġodda, bħal-linji gwida tal-Kummissjoni jew aktar deċiżjonijiet ta’ speċifikazzjoni. Speċjalment għal prattiki ġodda, il-Kummissjoni tista’ sserraħ ukoll fuq id-dritt tal-kompetizzjoni 43 .

L-estensjoni tal-obbligi tal-interoperabbiltà għas-servizzi tan-networking soċjali

Għar-raġunijiet li ġejjin, il-Kummissjoni tikkunsidra li għadu kmieni wisq biex l-obbligi tal-interoperabbiltà imposti bħalissa fuq is-servizzi tal-messaġġi jiġu estiżi għas-servizzi tan-networking soċjali:

·L-ewwel nett, l-istudju ta’ kuntrattur estern assenjat mill-Kummissjoni wera evidenza mħallta u, b’mod partikolari, wera li l-interoperabbiltà għas-servizzi tan-networking soċjali kienet tinvolvi kumplessitajiet tekniċi akbar milli għas-servizzi tal-messaġġi, u li d-domanda għal tali interoperabbiltà orizzontali kemm mill-utenti finali kif ukoll mill-utenti kummerċjali kienet limitata.

·It-tieni, f’dan l-istadju, l-obbligi attwali tal-interoperabbiltà ma applikawx għas-servizzi tal-messaġġi għal żmien twil biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal konklużjonijiet finali dwar jekk l-obbligi tal-interoperabbiltà għandhomx jiġu estiżi għas-servizzi tan-networking soċjali.

Qafas proċedurali u trasparenza

B’mod ġenerali, matul il-perjodu qasir ta’ żmien li fih ir-regoli proċedurali tad-DMA kienu qed jiġu applikati, dawn urew li huma adattati għall-iskop tagħhom.

Jista’ jsir ċertu titjib mingħajr ma jiġi emendat id-DMA. Pereżempju, jistgħu jittieħdu diversi miżuri biex tiżdied it-trasparenza tal-proċessi meħtieġa mid-DMA 44 . F’dan ir-rigward, il-parteċipanti fis-suq, is-soċjetà ċivili u l-akkademiċi appellaw bil-qawwa għal aktar trasparenza, viżibbiltà u akkontabbiltà fil-proċessi ta’ konformità mad-DMA. Hemm lok għal aktar informazzjoni rilevanti li għandha tiġi kondiviża ma’ partijiet terzi dwar id-djalogu regolatorju kontinwu mal-gwardjani u dwar il-bidliet li l-gwardjani jagħmlu fil-miżuri ta’ konformità tagħhom wara tali djalogu.

B’mod partikolari, titjib gradwali fl-għodod ta’ rapportar, monitoraġġ u trasparenza bħar-rapporti annwali ta’ konformità jista’ jikkontribwixxi għal konverżazzjoni pubblika aktar infurmata dwar il-konformità mad-DMA u dwar l-akkontabbiltà tal-gwardjani lejn iċ-ċittadini Ewropej. Il-Kummissjoni osservat li l-utenti finali, l-utenti kummerċjali u, b’mod partikolari, l-SMEs spiss ma jkunux konxji biżżejjed tal-opportunitajiet maħluqa mid-DMA. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se teżamina aktar modi kif iżżid is-sensibilizzazzjoni u xxerred informazzjoni dwar il-miżuri ta’ konformità li qed jevolvu tal-gwardjani u dwar l-opportunitajiet maħluqa mid-DMA.

Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll jekk humiex meħtieġa emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tad-DMA biex jirriflettu t-tagħlimiet meħuda mill-ewwel sentejn ta’ applikazzjoni u biex itejbu l-monitoraġġ u l-infurzar.

F’termini ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri u ma’ regolaturi oħra, il-Kummissjoni se tkompli b’mod partikolari d-diskussjonijiet tagħha mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni dwar kif tista’ tittejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-azzjonijiet tal-infurzar u l-prijoritajiet tal-infurzar skont id-DMA u r-regoli tal-kompetizzjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni beħsiebha żżid il-kooperazzjoni transregolatorja u tesplora mal-Grupp ta’ Livell Għoli tad-DMA liema miżuri jistgħu jittieħdu biex ikomplu jiżdiedu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi diġitali, u b’hekk jiżdied l-impatt tal-Grupp ta’ Livell Għoli.

Fl-aħħar nett, l-infurzar privat tad-DMA għadu fi stadju bikri. Il-Kummissjoni qed timmonitorja każijiet ta’ litigazzjoni li jinvolvu gwardjani fl-Istati Membri, suġġett diskuss regolarment fil-Grupp ta’ Livell Għoli tad-DMA. Il-Kummissjoni se tosserva kif dawn l-azzjonijiet privati (inkluż billi tqis id-Direttiva (UE) 2020/1828 dwar l-Azzjoni Rappreżentattiva) jimxu ’l quddiem u tista’ tiddeċiedi li tieħu miżuri biex tiżgura l-applikazzjoni konsistenti tad-DMA.

5.Konklużjonijiet

Id-DMA diġà kellu impatt pożittiv fuq il-kontestabbiltà u l-ġustizzja tas-swieq diġitali matul il-perjodu qasir li kien qed jiġi applikat. L-implimentazzjoni bikrija tiegħu kienet effettiva u effiċjenti fl-indirizzar tat-tipi ta’ mġiba dannuża identifikati fil-valutazzjoni tal-impatt. Għalhekk għen biex jinħolqu swieq diġitali aktar ġusti u aktar kontestabbli fl-UE. Id-DMA biddel b’mod sinifikanti l-imġiba, l-għażliet tad-disinn tekniku u l-arranġamenti kuntrattwali tal-gwardjani, u dan beda jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-utenti kummerċjali u għall-kompetituri. Id-DMA saħħaħ ukoll l-awtonomija u l-aġenzija tal-utenti finali f’diversi oqsma ewlenin billi ta s-setgħa liċ-ċittadini biex jieħdu lura l-kontroll fuq id-data tagħhom u jagħmlu l-għażliet tagħhom stess.

Fl-istess ħin, mhux l-inqas fid-dawl taż-żmien qasir li ilu japplika, id-DMA għadu ma laħaqx il-potenzjal sħiħ tiegħu f’termini tal-ilħuq tal-objettivi tal-koleġiżlaturi. Biex twettaq dan il-potenzjal, il-Kummissjoni beħsiebha — kif issuġġerit ukoll mill-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati li pparteċipaw fil-konsultazzjoni ssuġġerita — tkompli djalogu regolatorju intensiv u, fejn meħtieġ, tinforza b’mod rigoruż id-DMA sabiex, flimkien ma’ żieda fis-sensibilizzazzjoni, in-negozji u l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-opportunitajiet il-ġodda maħluqa mid-DMA, u b’hekk is-swieq diġitali tal-Ewropa jsiru aktar ġusti u aktar kontestabbli, u jiżdiedu l-għażla u l-innovazzjoni fil-prodotti u fis-servizzi diġitali.

Id-DMA bħala għodda regolatorja fl-UE kollha u infurzata ċentralment iżid il-valur meta mqabbel mal-kontrofattwali tar-regoli nazzjonali frammentati. Id-DMA japplika biss għall-gwardjani ddeżinjati u ma jimponix obbligi diretti fuq l-SMEs. Barra minn hekk, id-DMA jaqbel b’mod koerenti ma’ regolamenti diġitali oħra u, permezz tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar id-DMA, għandu forum iddedikat li fih ir-regolaturi diġitali fl-UE jistgħu jikkoordinaw u jikkooperaw. Il-Kummissjoni se tesplora, flimkien mal-membri tal-Grupp ta’ Livell Għoli, modi biex tkompli żżid il-kooperazzjoni transregolatorja, li qed issir dejjem aktar meħtieġa.

Id-DMA tfassal bħala għodda li tibqa’ valida fil-futur biex tirregola ambjent li qed jinbidel malajr. Fil-forma attwali tiegħu, id-DMA wera li huwa adattat sew għal dan l-ambjent u fil-prinċipju kapaċi jżomm il-pass mal-iżviluppi teknoloġiċi bħall-importanza dejjem akbar tas-servizzi tal-cloud computing u ż-żieda fl-IA, kif muri mill-investigazzjonijiet tas-suq li nfetħu reċentement dwar is-servizzi tal-cloud computing kif ukoll mill-proċedimenti ta’ speċifikazzjoni fil-qasam tal-IA, li għadhom għaddejjin fiż-żmien tal-kitba ta’ dan ir-rapport. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tagħmel użu mid-djalogi regolatorji biex tantiċipa sfidi ġodda ta’ konformità u tiddiskuti mal-gwardjani kwalunkwe ħtieġa potenzjali li jiġu aġġustati l-pjanijiet ta’ konformità hekk kif jevolvu s-soluzzjonijiet tal-IA. Għalhekk, il-Kummissjoni bħalissa ma tara l-ebda ħtieġa li temenda d-DMA.

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li tqis il-feedback mill-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni, il-kunsiderazzjonijiet futuri tal-politika u l-prijoritajiet tal-infurzar se jkopru s-suġġetti li ġejjin: l-iżviluppi fis-servizzi tal-IA u l-lakuni potenzjali fl-infurzar li jistgħu jiġġustifikaw deżinjazzjonijiet addizzjonali, il-modifiki mmirati possibbli tal-qafas proċedurali tad-DMA, il-bidliet potenzjali f’ċerti mudelli użati mill-gwardjani, il-miżuri xierqa biex tiżdied it-trasparenza fir-rigward tal-benefiċjarji, u l-qafas potenzjali li jippermetti valutazzjoni strutturata tal-impatt tad-DMA fil-futur.

(1)      Kważi żewġ terzi taż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-24 sena jużaw b’mod attiv għodod ġenerattivi tal-IA. Fl-2025, madwar 72 % tal-individwi fl-UE użaw l-internet biex isibu informazzjoni dwar oġġetti u servizzi, filwaqt li kważi 4 minn kull 5 individwi xtraw jew ordnaw oġġetti u servizzi online matul l-10 xhur ta’ qabel l-istudju. Barra minn hekk, kważi 64 % tal-intrapriżi tal-UE użaw il-media soċjali bħala parti mill-operazzjonijiet tagħhom, filwaqt li 67 % tal-individwi pparteċipaw fin-networks soċjali, u dan juri l-interdipendenza dejjem tikber bejn in-negozji u l-konsumaturi minn naħa waħda, u l-intermedjarji diġitali min-naħa l-oħra. Sehem sinifikanti tal-intrapriżi jserrħu fuq is-swieq online u l-app stores biex jilħqu lill-klijenti, u proporzjon sostanzjali ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jiddependu fuq il-pjattaformi diġitali bħala gateways essenzjali biex jilħqu lill-utenti finali. (Ara: Eurostat, Digital economy and society statistics - households and individuals; Eurostat, E-commerce statistics for individuals; Eurostat, Digital economy and society statistics - enterprises, disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Category:Digital_economy_and_society&etrans=mt ).
(2)      Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1.
(3)      Konsultazzjoni dwar l-ewwel rieżami tal-Att dwar is-Swieq Diġitali, disponibbli fuq https://digital-markets-act.ec.europa.eu/consultation-first-review-digital-markets-act_en?prefLang=mt .
(4)      Ara r-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (COM(2020) 842 final) (minn hawn ’il quddiem il-valutazzjoni tal-impatt tad-DMA), il-punt 4. Ara wkoll ir-rapport tal-Konsulenti Speċjali għall-Kummissarju Vestager, J. Crémer, Y.-A. de Montjoye & H. Schweitzer (2018), Digital policy for the digital era , il-paġna 70: “Digital policy for the digital era”: “l-ispeċifiċitajiet tal-kompetizzjoni fid-dinja diġitali [...] jagħmlu s-saħħa fis-suq “imwaħħla”, u hemm biża’ leġittima li s-saħħa fis-suq li kisbu[il-pjattaformi kbar] se tkun diffiċli biex tiġi sfidata. Barra minn hekk, huma kienu kapaċi jibnu ekosistemi sħaħ fuq il-kompetenzi ewlenin tagħhom li jagħmluha diffiċli għall-parteċipanti ġodda biex jikkompetu fuq il-mertu, tant li ħafna osservaturi jħossu li dawn il-pjattaformi kbar qed jiffaċċjaw ftit li xejn pressjoni kompetittiva”.
(5)      Ara l-valutazzjoni tal-impatt tad-DMA, il-punti 10–12.
(6)      Ara https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/library/expert-group-eu-observatory-online-platform-economy-final-reports.
(7)      Ara https://commission.europa.eu/publications/communication-shaping-europes-digital-future_en?prefLang=mt .
(8)      Il-valutazzjoni tal-impatt tad-DMA, il-punt 22 et seq.
(9)      Ara, pereżempju, il-ħarsa ġenerali fl-inventarju tal-G7 ta’ regoli ġodda għas-swieq diġitali, Ottubru 2024, disponibbli fuq https://www.oecd.org/content/dam/oecd/en/topics/policy-sub-issues/competition-and-digital-economy/g7-inventory-of-new-rules-for-digital-markets-2024-update.pdf .
(10)      Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali (l-Att dwar is-Swieq Diġitali), COM(2020) 437 final) (minn hawn ’il quddiem il-proposta għad-DMA), il-paġna 2.
(11)      Il-valutazzjoni tal-impatt tad-DMA, il-punt 112.
(12)      Is-seba’ gwardjani huma: Alphabet, Amazon, Apple, Booking, ByteDance, Meta u Microsoft. It-23 servizz ewlenin tal-pjattaforma huma: (1) Network soċjali: TikTok, Facebook, Instagram u LinkedIn; (2) Intermedjazzjoni: Google Maps, Google Play, Google Shopping, Amazon Marketplace, App Store, u Booking.com; (3) Ads: Google, Amazon, u Meta; (4) Servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri: WhatsApp u Messenger; (5) Video-sharing: You Tube; (6) Brawżer: Chrome u Safari; (7) Tiftix: Google Search; (8) Sistema operatorja: Google Android, iOS, iPadOS u Windows PC OS.
(13)      Skont l-Artikolu 11 tad-DMA, il-gwardjani huma obbligati jippubblikaw u jipprovdu r-rapporti ta’ konformità tagħhom kull sena; ara https://digital-markets-act-cases.ec.europa.eu/reports/compliance-reports .
(14)      Ara https://digital-markets-act.ec.europa.eu/events/workshops_en?prefLang=mt .
(15)      Stqarrija għall-Istampa, il-Kummissjoni tipprovdi gwida skont l-Att dwar is-Swieq Diġitali biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ prodotti innovattivi fuq il-pjattaformi ta’ Apple (19.3.2025), disponibbli fuq https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_24_4761 ; Stqarrija għall-Istampa, il-Kummissjoni tiftaħ proċedimenti biex tgħin lil Google tikkonforma mal-obbligi tal-interoperabbiltà u tal-kondiviżjoni tad-data tat-tiftix online skont l-Att dwar is-Swieq Diġitali (27.1.2026), disponibbli fuq https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_26_202 .
(16)      Stqarrija għall-Istampa, il-Kummissjoni tiftaħ investigazzjonijiet ta’ nonkonformità kontra Alphabet, Apple u Meta skont l-Att dwar is-Swieq Diġitali (25.3.2024), disponibbli fuq https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_24_3433 ; Stqarrija għall-Istampa, il-Kummissjoni tibgħat sejbiet preliminari lil Apple u tiftaħ investigazzjoni addizzjonali ta’ nonkonformità kontra Apple skont l-Att dwar is-Swieq Diġitali (24.6.2024); disponibbli fuq https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_24_3433 ; Stqarrija għall-Istampa, il-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni dwar ksur potenzjali tal-Att dwar is-Swieq Diġitali minn Google fid-demostrazzjoni tal-kontenut tal-pubblikaturi tal-media fir-riżultati tat-tiftix (13.11.2025), disponibbli fuq https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_25_2675 .
(17)      Stqarrija għall-Istampa, il-Kummissjoni ssib li Apple u Meta kisru l-Att dwar is-Swieq Diġitali (23.4.2025), disponibbli fuq https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_25_1085 .
(18)      Stqarrija għall-Istampa, il-Kummissjoni tagħlaq l-investigazzjoni dwar l-obbligi tal-għażla tal-utent ta’ Apple u toħroġ sejbiet preliminari dwar ir-regoli għal apps alternattivi skont l-Att dwar is-Swieq Diġitali (23.4.2025), disponibbli fuq https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_25_1086 .
(19)      Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, it-Taqsima 2.
(20)      Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-paġna 13.
(21)      Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-paġna 9.
(22) Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-paġni 20–21.
(23)      Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-paġna 19.
(24) Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-paġni 17–18.
(25)      F’termini ta’ għażla “sinifikattiva” tal-utent finali, id-DMA jinteraġixxi mal-liġi tal-konsumatur, b’mod partikolari mad-Direttiva 2005/29/UE dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali u t-traspożizzjonijiet nazzjonali tagħha mill-Istati Membri.
(26) Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-paġni 7–8.
(27) Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-paġni 8–11.
(28)      Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-paġna 9.
(29)      Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-paġna 34.
(30)      Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-paġni 38 et seq.
(31)      Ara s-sottomissjonijiet disponibbli fuq https://digital-markets-act.ec.europa.eu/consultation-first-review-digital-markets-act_en?prefLang=mt .
(32)      Ara wkoll il-valutazzjoni tal-impatt tad-DMA, il-punt 102 et seq.
(33)      Il-Grupp ta’ Livell Għoli huwa magħmul minn rappreżentanti nominati mill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi ( BEREC ), il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ( EDPB ) u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ( EDPS ), in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni ( ECN ), in-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur ( Network CPC ), u l-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Media ( Bord tal-Media ).
(34)      Bl-istess mod, il-Kummissjoni se tkompli tivverifika jekk is-servizzi ddeżinjati għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti għad-deżinjazzjoni u għalhekk iridu jkunu “mingħajr deżinjazzjoni” u r-reġim regolatorju speċjali impost mid-DMA għalhekk ma għadux iġġustifikat għal dawk is-servizzi.
(35)      Ara d- Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 2025 li tneħħi d-deżinjazzjoni ta’ Meta għas-servizz tagħha ta’ intermedjazzjoni online, Facebook Marketplace — ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-paġna 51.    Ara d- Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 2025 li tneħħi d-deżinjazzjoni ta’ Meta għas-servizz tagħha ta’ intermedjazzjoni online, Facebook Marketplace — ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-paġna 51.
(36)    Ara https://digital-markets-act.ec.europa.eu/commission-services-and-edpb-will-start-joint-work-guidance-interplay-between-dma-and-gdpr-2024-09-10_en?prefLang=mt . Innota li fiż-żmien tal-kitba ta’ dan ir-rapport, l-abbozz tal-linji gwida kien għad irid jiġi adottat.
(37)      Ara s-sommarju tal-Kummissjoni tal-konsultazzjoni tar-rieżami tad-DMA, il-paġni 2–3 u 7–9, disponibbli fuq https://digital-markets-act.ec.europa.eu/consultation-first-review-digital-markets-act_en?prefLang=mt . Fir-rigward ta’ servizzi oħra li ssemmew fil-konsultazzjoni, jekk jogħġbok ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-paġna 48.
(38)      Stqarrija għall-Istampa, il-Kummissjoni tniedi investigazzjonijiet tas-suq dwar is-servizzi tal-cloud computing skont l-Att dwar is-Swieq Diġitali (18.11.2025), disponibbli fuq https://digital-markets-act.ec.europa.eu/commission-launches-market-investigations-cloud-computing-services-under-digital-markets-act-2025-11-18_mt ; ara wkoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-paġna 43.
(39)      Ara s-sommarju u s-sottomissjonijiet għall-konsultazzjoni dwar l-ewwel rieżami tal-Att dwar is-Swieq Diġitali, disponibbli fuq https://digital-markets-act.ec.europa.eu/consultation-first-review-digital-markets-act_en?prefLang=mt ; ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-paġni 47–48.
(40)      Stqarrija għall-Istampa, il-Kummissjoni tiftaħ proċedimenti biex tgħin lil Google tikkonforma mal-obbligi tal-interoperabbiltà u tal-kondiviżjoni tad-data tat-tiftix online skont l-Att dwar is-Swieq Diġitali (27.1.2026), disponibbli fuq https://digital-markets-act.ec.europa.eu/commission-opens-proceedings-assist-google-complying-interoperability-and-online-search-data-sharing-2026-01-27_en?prefLang=mt .
(41)      Pereżempju, dan l-aħħar il-Kummissjoni fetħet żewġ investigazzjonijiet tal-antitrust dwar (i) l-użu minn Google ta’ kontenut online għal skopijiet ta’ IA u (ii) il-politika l-ġdida ta’ Meta li tipprojbixxi lill-fornituri tal-IA milli jikkomunikaw permezz ta’ WhatsApp, permezz ta’ proċedimenti ta’ miżuri interim. Ara l-Istqarrija għall-Istampa, il-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni tal-antitrust dwar il-politika l-ġdida ta’ Meta rigward l-aċċess tal-fornituri tal-IA għal WhatsApp (9.12.2025), disponibbli fuq https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_25_2964 ; u Stqarrija għall-Istampa, il-Kummissjoni tibgħat dikjarazzjoni ġdida tal-impożizzjonijiet lil Meta dwar miżuri interim possibbli biex titreġġa’ lura l-esklużjoni ta’ assistenti tal-IA ta’ partijiet terzi minn WhatsApp (15.4.2026), disponibbli fuq https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_26_805.
(42)      Ara l-abbozz ippubblikat fuq is-sit web tal-EDPB: https://www.edpb.europa.eu/our-work-tools/documents/public-consultations/2025/joint-guidelines-interplay-between-digital_mt .
(43)      Ara, pereżempju, iż-żewġ każijiet ta’ antitrust relatati mal-IA msemmija fin-nota f’qiegħ il-paġna40.
(44)      Għad-dettalji, ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, il-Kapitolu 5.