Brussell, 30.4.2026

COM(2026) 175 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI











L-introduzzjoni tal-ewro fil-Bulgarija


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-introduzzjoni tal-ewro fil-Bulgarija

Taqsira eżekuttiva

Fl-1 ta’ Jannar 2026, il-Bulgarija saret il-21 Stat Membru tal-UE li qaleb għall-ewro. 62 % tan-nies fil-Bulgarija ħassew li l-bidla kienet bla xkiel u effiċjenti. 78 % qiesu lilhom infushom bħala infurmati sew dwar il-munita unika. Kampanja ta’ komunikazzjoni mfassla apposta, li ġiet kofinanzjata mill-UE, ikkontribwiet għall-għoti ta’ informazzjoni f’waqtha, immirata u konċiża lill-individwi, lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet dwar l-aspetti prattiċi tal-bidla għall-ewro.

It-tħejjijiet għall-bidla tal-flus marru skont kif kienu ppjanati. Il-Bank Nazzjonali Bulgaru forna minn qabel lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li min-naħa tagħhom fornew minn qabel lill-klijenti korporattivi bi flus kontanti tal-ewro xahrejn qabel il-bidla. Numru suffiċjenti ta’ starter kits tal-muniti tal-ewro ngħataw lill-pubbliku. In-negozji setgħu jordnaw flus kontanti tal-ewro minn istituzzjonijiet finanzjarji ferm minn qabel.

Il-perjodu ta’ xahar għaċ-ċirkolazzjoni doppja tal-lev u tal-ewro mexa bla xkiel. Fl-1 ta’ Jannar, 99 % tad-distributuri awtomatiċi (ATMs) kollha fil-pajjiż kienu qed iqassmu l-karti tal-flus tal-ewro. Il-banek kummerċjali jridu jibdlu l-flus tal-lev sal-aħħar tal-2026, mingħajr ħlas sat-30 ta’ Ġunju u soġġetti għal tariffi possibbli minn hemm ’il quddiem. Il-karti tal-flus u l-muniti tal-lev jistgħu jiġu skambjati fil-Bank Nazzjonali Bulgaru mingħajr ħlas u mingħajr ebda limitu ta’ żmien. Il-flus kontanti tal-lev jistgħu jiġu skambjati wkoll fl-uffiċċji postali Bulgari mingħajr ħlas, b’limitu ta’ kuljum ta’ 1 000 lev u eċċezzjonalment sa 10 000 lev f’postijiet deżinjati f’żoni popolati.

Bħal fil-każ ta’ bidliet preċedenti għall-ewro, kien hemm tħassib pubbliku dwar l-impatt possibbli tal-bidla għall-ewro fuq il-prezzijiet fil-Bulgarija. Għall-kuntrarju ta’ bidliet reċenti oħra għall-ewro fi Stati Membri oħra, il-Bulgarija ma għażlitx kodiċi ta’ kondotta volontarju għan-negozji biex jimpenjaw ruħhom għal konverżjonijiet korretti tal-prezzijiet u wiri doppju tal-prezzijiet qabel il-bidla. Minflok, l-awtoritajiet Bulgari ħadu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu prattiki abbużivi u jimmonitorjaw l-evoluzzjoni tal-prezzijiet, inkluża l-pubblikazzjoni online tal-prezzijiet ta’ oġġetti mixtrija ta’ spiss u sanzjonijiet għal żidiet abbużivi fil-prezzijiet. Jidher li l-impatt ta’ żidiet mhux ġustifikati fil-prezzijiet fuq l-inflazzjoni aggregata kien relattivament żgħir u ġeneralment konformi ma’ dak li ġie osservat fil-bidliet preċedenti, abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tal-evidenza disponibbli. Fost ir-rakkomandazzjonijiet għal bidliet futuri, ir-rapport jissuġġerixxi li jsir monitoraġġ intensiv tal-prezzijiet fuq perjodu twil biżżejjed fir-rigward tas-setturi l-aktar f’riskju.

1.Introduzzjoni

Fit-8 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill iddeċieda li l-Bulgarija ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-ewro u li d-deroga tagħha mill-parteċipazzjoni fil-munita unika kellha titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2026 1 .

Il-Bulgarija saret il-21 Stat Membru tal-UE li qaleb għall-ewro. Dan segwi l-prattika tal-Istati Membri kollha li adottaw l-ewro mill-ewwel mewġa ta’ bidla (1999-2002) u uża x-xenarju ta’ bidla “big-bang”, jiġifieri l-karti tal-flus u l-muniti tal-ewro akkwistaw status ta’ valuta legali fil-jum tal-adozzjoni tal-ewro 2 . Perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja ta’ xahar, li matulu kemm il-karti tal-flus kif ukoll il-muniti tal-ewro kif ukoll tal-lev Bulgaru ċċirkolaw b’mod parallel, ippermetta l-irtirar gradwali tal-flus kontanti tal-lev. Il-bidla b’suċċess għal darba oħra wriet li perjodu qasir ta’ ċirkolazzjoni doppja huwa biżżejjed jekk il-bidla titħejja sew 3 .

Skont stħarriġ tal-Kummissjoni dwar jekk l-ewro hijiex ħaġa tajba, kemm għall-Bulgarija kif ukoll għall-UE, ir-riżultati juru kuntrast ċar bejn il-valutazzjonijiet nazzjonali u dawk fil-livell tal-UE. Fil-livell nazzjonali, l-opinjonijiet huma maqsuma. 49 % jikkunsidraw l-ewro bħala ħaġa tajba għall-Bulgarija, filwaqt li 43 % huma tal-fehma opposta. Dan jindika opinjoni pubblika relattivament polarizzata fil-perjodu immedjat ta’ wara l-bidla. B’kuntrast ma’ dan, il-fehmiet huma ferm aktar pożittivi meta r-rispondenti jivvalutaw l-ewro fil-livell tal-UE. 67 % jqisu l-ewro bħala ħaġa tajba għall-UE, filwaqt li 17 % ma jaqblux. 12 % oħra jgħidu li ma jistgħux jiddeċiedu u 4 % ma esprimewx opinjoni.

Dan ir-Rapport ikopri l-iżjed aspetti importanti tal-proċess tal-bidla minn perspettiva ex post li tiffoka fuq it-tħejjijiet għall-bidla tal-flus, il-perjodu taċ-ċirkolazzjoni doppja, il-miżuri meħuda biex jiġu evitati l-prattiki abbużivi tal-prezzijiet u biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-perċezzjoni tal-inflazzjoni, ix-xejriet tal-prezzijiet u l-perċezzjonijiet tal-prezzijiet, u l-komunikazzjoni dwar l-ewro. Fejn rilevanti, ir-rapport jistabbilixxi wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar azzjoni ulterjuri possibbli li għandha tittieħed mill-awtoritajiet Bulgari u jasal għal konklużjonijiet li jistgħu jkunu ta’ valur għal bidliet futuri.

2.L-aspetti prattiċi tal-bidla

Il-maġġoranza tal-Bulgari (62 %) ħassew li l-bidla kienet bla xkiel u effiċjenti 4 . F’dan l-isfond, għandhom jiġu eżaminati tliet aspetti prattiċi tal-bidla għall-ewro f’aktar dettall: it-tħejjijiet għall-bidla tal-flus kontanti, il-prontezza għall-użu prattiku tal-ewro u l-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja kif ukoll l-irtirar miċ-ċirkolazzjoni ta’ karti tal-flus u muniti tal-lev Bulgaru.

2.1.    Tħejjijiet għall-bidla tal-flus

Il-bidla tal-flus hija l-aktar element viżibbli tal-adozzjoni tal-munita unika minħabba li tinvolvi l-istituzzjonijiet finanzjarji, in-negozji u l-individwi kollha. Il-faċilità u l-effiċjenza ta’ din l-operazzjoni jiddependu fuq provvista adattata ta’ flus kontanti tal-ewro għall-partijiet kollha involuti u fuq li l-banek u n-negozji jitħejjew sew għal ammont kbir ta’ xogħol żejjed.

Biex tħejji għall-bidla, iz-Zekka Bulgara, flimkien maz-Zekka Slovakka bħala sottokuntrattur, ipproduċew madwar 528 miljun munita tal-ewro bin-naħat nazzjonali Bulgari sal-31 ta’ Jannar 2026. Din is-sena se jiġu prodotti 190 miljun munita oħra. Il-Bulgarija akkwistat ukoll 15-il miljun munita taż-EUR 2 mill-istokks żejda ta’ Stati Membri oħra taż-żona tal-ewro, u qed tippjana li takkwista wkoll muniti tal-EUR 1 fil-futur skont it-tbassir u d-domanda tas-suq.

It-testijiet tal-idoneità prattika tal-muniti kampjun fil-magni tal-bejgħ użati fiż-żona tal-ewro ma indikaw l-ebda tħassib. Intużaw 27,7 miljun munita biex jitħejjew starter kits għall-pubbliku, li kien fihom 42 munita tal-ewro tad-denominazzjonijiet kollha tal-muniti tal-ewro Bulgari b’valur ta’ EUR 10,23. Barra minn hekk, iz-Zekka Bulgara ħejjiet starter kits kummerċjali għan-negozji, magħmula minn 10 starter kits normali kull wieħed, li fihom 420 munita tal-ewro tad-denominazzjonijiet kollha b’valur ta’ EUR 102,30. Fl-aħħar nett, il-Bank Nazzjonali Bulgaru ssellef aktar minn 557 miljun karta tal-flus tal-ewro tad-denominazzjonijiet kollha minn banek ċentrali nazzjonali oħra taż-żona tal-ewro.

Fit-3 ta’ Novembru 2025, il-Bank Nazzjonali Bulgaru beda jipprovdi lill-istituzzjonijiet finanzjarji, jiġifieri lil 1 520 fergħa ta’ banek kummerċjali, bi flus kontanti tal-ewro (frontloading). Minħabba r-riskji għas-sigurtà relatati mal-frekwenza u l-volum għoli ta’ trasport ta’ flus kontanti tal-ewro, il-Bank Nazzjonali Bulgaru organizza t-trasport ta’ flus kontanti bl-użu tat-trakkijiet tiegħu stess. Il-banek kummerċjali użaw vetturi ta’ kumpaniji għat-tranżitu ta’ flus. Sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-karti tal-flus tal-ewro b’valur ta’ EUR 1,18 biljun u l-muniti tal-ewro b’valur ta’ EUR 59 miljun kienu ġew fornuti minn qabel.

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu bdew jipprovdu 2 230 uffiċċju postali Bulgaru u l-klijenti kummerċjali kbar tagħhom b’karti tal-flus u muniti tal-ewro (“subfrontloading”) mit-3 ta’ Novembru 2025. Klijenti kummerċjali iżgħar jistgħu jagħmlu użu minn proċedura simplifikata ta’ subfrontloading u jirċievu flus kontanti tal-ewro minn banek kummerċjali fid-29 u t-30 ta’ Diċembru 2025.

Sal-31 ta’ Diċembru 2025, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kellhom karti tal-flus tal-ewro mqassmin minn qabel b’valur ta’ madwar EUR 102 miljun lill-klijenti tagħhom. Sal-istess data, il-muniti tal-ewro b’valur ta’ EUR 30 miljun ġew tqassmu minn qabel lill-klijenti.

Fil-31 ta’ Diċembru 2025 il-livell ta’ subfrontloading kien biss ta’ 10,7 % tal-valur totali tal-frontloading. Dan wassal għal xi kjuwijiet sporadiċi iżda żgħar għand il-kaxxiera tal-banek fl-ewwel jiem bankarji ta’ Jannar 2026, meta ħafna bejjiegħa bl-imnut u negozji, fil-biċċa l-kbira żgħar, bdew jirtiraw il-flus kontanti tal-ewro. Skont l-awtoritajiet Bulgari, ir-raġuni għal xi subfrontloading tard ta’ dan il-grupp ta’ bejjiegħa bl-imnut u negozji x’aktarx kienet in-nuqqas ta’ rieda li jipprovdu kollateral lill-banek fl-aħħar kwart tal-2025 biex jiffinanzjaw ix-xiri ta’ karti tal-flus u muniti tal-ewro fi kwantitajiet suffiċjenti. Madankollu, minbarra xi kjuwijiet fil-banek kummerċjali fil-bidu ta’ Jannar, ma ġie rrapportat l-ebda inċident ta’ negozji, bejjiegħa bl-imnut jew il-pubbliku li kellhom problemi biex jiġbdu l-flus kontanti tal-ewro, anke minħabba li 99 % tal-ATMs kollha madwar il-pajjiż kienu qed jipprovdu karti tal-flus tal-ewro mill-1 ta’ Jannar 2026.

Il-bejgħ ta’ starter kits għall-pubbliku kien sodisfaċenti ħafna. 94 % tas-660 000 kit disponibbli nbiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2025, u xi wħud mill-popolazzjoni diġà kellhom flus kontanti tal-ewro qabel il-bidla, minn vjaġġ barra mill-pajjiż jew minn skambju f’bank fil-Bulgarija. Barra minn hekk, inbiegħu l-istarter kits kollha għall-bejjiegħa bl-imnut. Dan għen biex ikun possibbli li l-bidla tiġi pprovduta f’ewro malajr mill-ewwel jiem ta’ Jannar 2026. Fl-ewwel każ għal bidla għall-ewro, il-Bank Nazzjonali Bulgaru offra lill-bejjiegħa bl-imnut il-possibbiltà li jakkwistaw rollijiet tal-muniti tal-ewro skont id-denominazzjoni mill-banek, peress li l-bejjiegħa bl-imnut sabuhom aktar prattiċi biex jużawhom mill-istarter kits.

Bħal kull bidla għall-ewro, il-banek kummerċjali u l-uffiċċji postali kellhom jimmaniġġjaw ammonti kbar ta’ flus kontanti fil-bidu tas-sena minħabba s-subfrontloading tal-bejjiegħa bl-imnut u n-negozji, il-bejgħ ta’ starter kits u l-ikkreditar tal-flus kontanti tal-lev irritornati. Il-banek kummerċjali, il-Bank Nazzjonali Bulgaru u l-Kumpanija tas-Servizz tal-Flus Kontanti AD saħħew il-persunal tagħhom matul il-bidla u fetħu wkoll kaxxiera addizzjonali apposta biex jiffaċilitaw l-operazzjonijiet tal-flus kontanti. Bis-saħħa tal-għadd akbar ta’ kaxxiera, ma kienx hemm bżonn ta’ ħinijiet tal-ftuħ estiżi u itwal lil hinn mis-sigħat żejda nhar ta’ Sibt li matulhom il-Bank Nazzjonali Bulgaru, l-uffiċċji reġjonali tal-Kumpanija tas-Servizzi tal-Flus AD u xi banek kummerċjali kienu miftuħa f’Jannar. Il-persunal tal-bank u tal-uffiċċju postali li jimmaniġġja l-flus kontanti rċieva taħriġ personalment jew permezz ta’ tagħlim elettroniku ferm minn qabel, kif promoss u ggwidat mill-Bank Nazzjonali Bulgaru biex iħejji għal trattament bla xkiel tal-flus kontanti tal-ewro u l-iskambju ta’ karti tal-flus u muniti tal-lev.

2.2.    Tħejjija għall-użu prattiku tal-ewro u l-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja

Il-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja li matulu l-ewro u l-lev Bulgaru kienu qed jiċċirkolaw b’mod parallel dam mill-1 sal-31 ta’ Jannar 2026.

Kif ippjanat u mħejji sew, it-terminals kollha tal-punti tal-bejgħ (POS) fil-Bulgarija qalbu istantanjament għall-ewro fl-1 ta’ Jannar 2026. Il-biċċa l-kbira tad-distributuri awtomatiċi kienu lesti u disponibbli għall-ġbid tal-karti tal-flus tal-ewro fl-1 ta’ Jannar 2026. Fl-aħħar ta’ Diċembru 2025, distributuri awtomatiċi kienu mtlew b’karti tal-flus ta’ EUR 10 u 20 u aktar tard parzjalment ukoll b’karti tal-flus ta’ EUR 50, lesti għall-irtirar mill-1 ta’ Jannar 2026. Rekord għoli ta’ 99 % tal-5 691 ATM Bulgara kollha kienu lesti li joħorġu karti tal-flus tal-ewro sa mill-1 ta’ Jannar 2026, u laħqu 100 % ftit jiem wara.

Skont l-unika data parzjali disponibbli, il-valur tal-flus miġbuda matul il-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja meta mqabbel ma’ sena qabel baqa’ kważi l-istess, għalkemm il-bejjiegħa bl-imnut ippromwovew l-użu ta’ metodi ta’ pagament elettroniku matul il-perjodu tal-bidla. Fl-istess ħin, l-użu tal-pagamenti bil-kard żdied bi ftit b’madwar 12 % meta mqabbel ma’ Jannar 2025.

Minħabba tħejjijiet bir-reqqa, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu finanzjarju u l-uffiċċji postali laħħqu tajjeb mal-ammont ta’ xogħol żejjed matul il-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja. Il-banek il-kbar ipprovdew kaxxiera addizzjonali għal servizzi ta’ flus kontanti f’fergħat magħżula. Mill-inqas bank kummerċjali wieħed stieden lill-klijenti b’aktar minn 200 munita biex iżuru “Eurohubs” apposta, li kienu mgħammra b’magni li jgħoddu l-muniti biex jipproċessaw il-muniti tal-lev u jikkreditawhom f’ewro. Barra minn hekk, ħafna fergħat ta’ banek kummerċjali fetħu wkoll is-Sibtijiet matul ix-xahar ta’ Jannar 2026.

Il-lev Bulgaru jista’ jiġi skambjat għall-ewro f’ 1 520 fergħa bankarja, 2 230 uffiċċju postali u l-Bank Nazzjonali Bulgaru. Soġġett għal ċerti limiti (sa EUR 5 000 għal kull tranżazzjoni, għal kull persuna), il-lev Bulgaru jista’ jiġi skambjat mingħajr ħlas fil-ħames ċentri reġjonali tal-flus kontanti tal-Kumpanija tas-Servizzi tal-Flus Kontanti AD, sussidjarja tal-Bank Nazzjonali Bulgaru. Il-valur totali tal-flus kontanti tal-lev skambjati sal-31 ta’ Jannar 2026 permezz ta’ dawn il-kanali kien ta’ EUR 11,17 biljun.

Skont stħarriġ tal-Kummissjoni li sar bejn it-2 u d-9 ta’ Jannar 2026 fil-Bulgarija 5 , 71 % ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ ma skambjawx jew irtiraw flus kontanti tal-lev jew tal-ewro mill-banek fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar. Din iċ-ċifra kienet aktar baxxa minn dawk irreġistrati matul xi bidliet preċedenti iżda xorta waħda hija riżultat sodisfaċenti 6 . Dan wera li l-individwi u n-negozji segwew ir-rakkomandazzjoni li jagħmlu pagamenti bl-ewro fl-ewwel jiem jew saħansitra ġimgħat preferibbilment b’mezzi elettroniċi, biex jevitaw kjuwijiet twal fil-banek kummerċjali matul l-ewwel jiem tal-ewro.

Il-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja għadda mingħajr inċidenti kbar għall-konsumaturi. Fl-ewwel jum tax-xogħol tal-bidla (5 ta’ Jannar 2026), 6 % tal-pubbliku kienu qed jagħmlu ħlasijiet fi flus kontanti bl-ewro biss. Sad-9 ta’ Jannar, 10 % tal-individwi mistħarrġa għamlu pagamenti fi flus kontanti f’ewro biss.

Skont stħarriġ tal-Kummissjoni li sar fil-Bulgarija bejn t-2 u d-9 ta’ Frar 2 026 7 , 62 % ta’ dawk li wieġbu sabu li t-trattament tal-muniti tal-ewro huwa faċli, u 77 % sabu li t-trattament tal-karti tal-flus tal-ewro huwa faċli; 79 % fehmu l-valuri f’ewro faċilment; 63 % sabu li l-wiri ta’ prezzijiet doppji kien utli, b’kuntrast ma’ 35 % li ma sabuhomx utli; meta wieħed iħares lura, 52 % ma rrapportaw l-ebda problema fl-ewwel ġimgħa tal-bidla, filwaqt li dawk li rrapportaw problemi rreferew prinċipalment għal kjuwijiet itwal (11 %) u kwistjonijiet relatati mal-ATM (11 %). Sehem żgħir ħafna ta’ rispondenti rrapportaw li l-ATMs ma kinux qed jaħdmu temporanjament (7 %) jew li ma kienx hemm biżżejjed flus kontanti tal-ewro disponibbli għand il-kaxxiera tal-bank (4 %).

B’mod ġenerali, is-settur tal-bejgħ bl-imnut laħħaq tajjeb mal-isfidi tal-proċess tal-bidla u l-amministrazzjoni ta’ żewġ muniti fl-istess ħin. Il-bejjiegħa bl-imnut kellhom provvista tajba ta’ flus tal-ewro u ma kinux rapportati problemi kbar ta’ kjus. Fil-5 ta’ Jannar, 26 % tan-nies irċevew il-bqija f’ewro biss.

2.3.    Irtirar miċ-ċirkolazzjoni ta’ karti tal-flus u muniti tal-lev Bulgaru

Peress li l-Bulgarija għandha ekonomija li tuża ħafna flus kontanti, l-irtirar tal-flus kontanti tal-lev miċ-ċirkolazzjoni ppreżenta sfida loġistika.

Il-banek kummerċjali u l-uffiċċji postali jridu jibdlu l-flus kontanti tal-lev għall-ewro sa tmiem l-2026, mingħajr ħlas sat-30 ta’ Ġunju. Il-banek kummerċjali jistgħu jiddeċiedu li jitolbu tariffa mill-1 ta’ Lulju 2026. Il-karti tal-flus u l-muniti tal-lev jistgħu jiġu skambjati fil-Bank Nazzjonali Bulgaru mingħajr ħlas u mingħajr limitu ta’ żmien, u fil-ħames ċentri reġjonali tal-flus kontanti tal-Kumpanija tas-Servizzi tal-Flus Kontanti AD, mingħajr ħlas. Fi Frar 2026, il-valur tal-lev fiċ-ċirkolazzjoni naqas b’mod kostanti meta mqabbel mal-flus kontanti tal-lev fiċ-ċirkolazzjoni fi Frar 2025. 36 % tal-ammont totali ta’ flus kontanti tal-lev fiċ-ċirkolazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2024 8 inġibdu miċ-ċirkolazzjoni qabel l-1 ta’ Jannar 2026. Sa tmiem il-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja fil-31 ta’ Jannar 2026, madwar 75 % tal-flus kontanti kollha tal-lev li kien għad fadal fiċ-ċirkolazzjoni ġew irtirati.

Permezz ta’ kanali ta’ komunikazzjoni differenti u l-media, il-kumpaniji u l-individwi ġew mistiedna jużaw pagamenti mhux fi flus kontanti fejn xieraq matul il-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja, peress li hemm biżżejjed żmien biex jiġu skambjati l-flus kontanti tal-lev, inkluż wara t-tmiem tal-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja. Dan l-approċċ evita kjuwijiet twal fil-Bank Nazzjonali Bulgaru u fl-uffiċċji reġjonali tal-Kumpanija tas-Servizzi tal-Flus AD, u f’banek kummerċjali u uffiċċji tal-posta fl-ewwel jiem jew ġimgħat tal-ewro. Is-sigħat speċjali ta’ tmiem il-ġimgħa implimentati mill-bank ċentrali tal-Bulgarija, jiġifieri l-Bank Nazzjonali Bulgaru, u f’aktar minn 100 fergħa tal-bank kellhom impatt sinifikanti fuq il-kambju tal-munita u għenu biex jitnaqqsu l-kjuwijiet.

L-irtirar tal-karti tal-flus u l-muniti tal-lev miċ-ċirkolazzjoni beda fil-ħin u qed jipproċedi b’suċċess. Matul il-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja tal-ewro u l-flus kontanti tal-lev li ntemm fil-31 ta’ Jannar 2026, il-karti tal-flus u l-muniti tal-lev b’valur ta’ EUR 5,7 biljun kienu diġà ġew skambjati, bil-maġġoranza kbira tiġi skambjata mal-banek kummerċjali.

Il-Bank Nazzjonali Bulgaru beda d-demonetizzazzjoni tal-muniti tal-lev rritornati gradwalment minn Awwissu 2025. Il-muniti demonetizzati jinbiegħu bħala ruttam tal-metall, li se jiddewweb. Id-demonetizzazzjoni tal-karti tal-flus tal-lev rritornati bdiet ukoll fir-raba’ trimestru tal-2025 u ġiet introdotta gradwalment.

3.L-ittondjar, il-korrettezza perċepita tal-konverżjoni tal-prezzijiet u l-wiri doppju tal-prezzijiet

Bħal fil-każ ta’ bidliet preċedenti għall-ewro, kien hemm tħassib pubbliku dwar l-impatt possibbli tal-bidla għall-ewro fuq il-prezzijiet fil-Bulgarija. Għalhekk kien kruċjali għal bidla trasparenti u ġusta li l-awtoritajiet Bulgari jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jipprevjenu prattiki abbużivi.

Il-wiri doppju obbligatorju tal-prezzijiet (fil-lev u fl-ewro) beda fit-8 ta’ Awwissu 2025 u se jintemm fit-8 ta’ Awwissu 2026.

Skont stħarriġ tal-Kummissjoni 9 , dawk li wieġbu għamlu distinzjoni ċara bejn l-aspetti differenti tal-prattiki tal-ipprezzar matul u wara l-bidla. Fir-rigward tal-konverżjoni tal-prezz, 54 % rawha bħala dejjem jew spiss korretta (28 % dejjem, 26 % spiss). Dan ir-riżultat huwa ogħla mill-firxa tar-riżultati tal-aħħar bidliet għall-ewro (l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Kroazja). B’kuntrast, 32 % rawha bħala rarament jew qatt ma tkun korretta (20 % rarament, 12 % qatt), filwaqt li 14 % ma esprimewx opinjoni.

Il-valutazzjonijiet huma aktar kritiċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-ittondjar tal-prezzijiet. 41 % biss ta’ dawk mistħarrġa jemmnu li l-ittondjar huwa dejjem jew spiss korrett (17 % dejjem, 24 % spiss). 47 % jemmnu li l-ittondjar huwa ħaġa li rarament jew qatt ma hija korretta (25 % rarament, 22 % qatt), u 12 % oħra ma esprimewx opinjoni. Dan jagħmel l-ittondjar l-aspett l-aktar ikkontestat tal-iffissar tal-prezzijiet matul il-bidla.

Il-perċezzjonijiet huma aktar pożittivi dwar l-implimentazzjoni tal-wiri doppju tal-prezzijiet. 64 % jemmnu li dejjem jew ta’ spiss huwa implimentat b’mod korrett (36 % dejjem, 28 % ta’ spiss). B’kuntrast, 25 % jemmnu li rarament jew qatt ma jiġi implimentat b’mod korrett (18 % rarament, 7 % qatt), filwaqt li 11 % ma esprimewx opinjoni.

4.Prevenzjoni ta’ prattiki abbużivi tal-prezzijiet

Għall-kuntrarju ta’ bidliet reċenti oħra għall-ewro fi Stati Membri oħra, il-Bulgarija ma għażlitx kodiċi ta’ kondotta volontarju għan-negozji biex jimpenjaw ruħhom għal konverżjonijiet korretti tal-prezzijiet u wiri doppju tal-prezzijiet qabel il-bidla. Il-Bulgarija ddeċidiet li ma tintroduċix kodiċi ta’ kondotta bħal dan minħabba l-perċezzjonijiet negattivi tal-pubbliku dwar mekkaniżmi bħal dawn, u għaliex il-Liġi Bulgara dwar l-Introduzzjoni tal-Ewro tistabbilixxi sett komprensiv u dettaljat ta’ obbligi vinkolanti għan-negozjanti. Pereżempju, tistabbilixxi regoli dwar it-tqegħid, id-daqs u l-kulur tat-tipa tal-prezzijiet matul il-perjodu ta’ wiri doppju, u tirrikjedi li l-bejjiegħa bl-imnut jistabbilixxu l-prezzijiet b’mod trasparenti u jiġġustifikaw kwalunkwe żieda b’fatturi ekonomiċi oġġettivi. L-aderenza tal-bejjiegħa bl-imnut ma’ dawn ir-regoli hija mmonitorjata mill-qrib mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur u tad-dħul. B’riżultat ta’ dan, il-liġi tħalli lok limitat għal kodiċi volontarju biex iżid standards sinifikanti jew komplementari.

Madankollu, l-awtoritajiet Bulgari żviluppaw u ppubblikaw linji gwida dettaljati għan-negozji dwar il-wiri doppju tal-prezzijiet u l-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja. Dawn il-linji gwida jinkludu numru ta’ rakkomandazzjonijiet addizzjonali u mhux obbligatorji, bħal (matul il-perjodu ta’ wiri doppju) li l-prezzijiet jintwerew fil-lev l-ewwel sal-31 ta’ Diċembru 2025, u sussegwentement tingħata prominenza lill-prezzijiet f’ewro. Dan l-approċċ kien meqjus bħala aktar effettiv biex jiżgura ċarezza għall-konsumaturi filwaqt li jevita r-riskji assoċjati ma’ skemi ta’ tikkettar jew ċertifikazzjoni volontarji.

Il-Kummissjoni Bulgara għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CCP), l-Aġenzija Nazzjonali għad-Dħul (NRA) u l-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni (CPC) huma responsabbli għall-prevenzjoni u s-sanzjonar ta’ prattiki abbużivi tal-prezzijiet fir-rigward tal-ewro. Il-konsumaturi jistgħu jsegwu l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ oġġetti mixtrija b’mod komuni u jressqu lmenti lil punti ta’ kuntatt pubbliċi apposta tal-awtoritajiet rispettivi. It-tħassib espress mill-membri tal-pubbliku kien prinċipalment relatat ma’ kwistjonijiet bħall-wiri tal-prezzijiet u l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-ittondjar. Il-mistoqsijiet u l-ilmenti kollha qed jiġu ttrattati b’diliġenza mill-awtoritajiet kompetenti. Mill-bidu tal-ipprezzar doppju sal-31 ta’ Jannar 2026, it-tliet awtoritajiet irċevew total ta’ 23 449 ilment.

L-ilmenti u r-rapporti ppreżentati lis-CCP kienu jikkonċernaw operaturi ekonomiċi f’firxa wiesgħa ta’ setturi u koprew kemm oġġetti kif ukoll servizzi. Dawn inkludew fornituri ta’ oġġetti u servizzi tal-konsumatur ta’ kuljum, bħal bejgħ bl-imnut tal-ikel u mhux tal-ikel, kif ukoll diversi servizzi personali, tat-trasport, tal-karozzi, tal-isports u relatati mal-kura tas-saħħa. Dan l-ambitu wiesa’ juri li l-isfidi assoċjati mal-indikazzjoni doppja tal-prezzijiet ma kinux limitati għal settur wieħed iżda affettwaw diversi oqsma tal-infiq tal-konsumatur matul il-bidla għall-ewro.

Il-biċċa l-kbira tal-ilmenti li rċieva s-CCP jikkonċernaw ktajjen tal-bejgħ bl-imnut (supermarkets), kif ukoll żidiet fil-prezzijiet tas-servizzi tat-trasport, servizzi kożmetiċi (sbuħija), servizzi ta’ pjattaformi online u servizzi oħra għall-utenti finali.

Fis-CCP, inħarġu 383 rapport ta’ ksur amministrattiv. Dawn il-każijiet iġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Sal-lum, aktar minn 50 % tal-każijiet kollha rreġistrati fis-CCP ġew solvuti. Dan ir-riżultat jirrifletti l-effettività ta’ intervent bikri u miżuri korrettivi, partikolarment f’sitwazzjonijiet fejn il-ksur ma kienx intenzjonat u l-operaturi ekonomiċi ħadu azzjoni fil-pront biex iġibu l-prattiki tagħhom konformi mar-rekwiżiti legali.

Madwar 80 każ ġew konklużi mis-CCP bi twissijiet formali maħruġa lill-operaturi ekonomiċi. Il-ksur indirizzat permezz ta’ twissijiet kien prinċipalment jikkonċerna indikazzjonijiet tal-prezzijiet neqsin f’ewro, l-użu ta’ daqsijiet jew kuluri differenti tat-tipa għall-prezzijiet murija fil-lev Bulgaru u fl-ewro, kif ukoll l-użu ta’ tipa sproporzjonatament żgħira għad-denominazzjoni tal-munita. Il-mekkaniżmu ta’ twissija wera li huwa strument preventiv effettiv, li jippermetti konformità rapida mingħajr il-ħtieġa ta’ sanzjonijiet immedjati.

Fl-NRA, il-biċċa l-kbira tal-ilmenti li waslu kienu jikkonċernaw prattiki abbużivi fi ħwienet tal-merċa, supermarkets, parkeġġi tal-karozzi, parrukkiera u ħwienet tas-sbuħija. Inħarġu madwar 400 ordni ta’ sanzjoni amministrattiva, li minnhom 102 ingħalqu, inklużi tmien proċedimenti li ngħalqu bi twissijiet mill-ARN. Ingħalqu erbgħa u disgħin proċediment bl-impożizzjoni ta’ multa.

Sal-lum, is-CPC irċeviet madwar 30 ilment dwar żidiet mhux ġustifikati fil-prezzijiet, speċjalment mill-1 ta’ Jannar 2026. Uħud mill-ilmenti kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta’ konformità mal-liġi f’termini ta’ indikazzjoni mhux ċara tal-prezzijiet f’ewro u fil-lev u r-ritorn tal-bidla f’ewro matul il-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja tal-munita. L-ilmenti kollha ntbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti - l-NRA u s-CCP.

Il-Bulgari ġeneralment qiesu l-wiri doppju tal-prezzijiet bħala għodda utli biex tiffaċilita t-tqabbil tal-prezzijiet u biex jidraw jaħsbu fil-munita l-ġdida tagħhom. Skont stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea li sar f’Jannar 2026 10 , kważi żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu fil-Bulgarija (63 %) qalu li sabu l-wiri doppju tal-prezzijiet utli matul il-bidla. Dan il-perċentwal huwa konformi mal-aħħar bidla għall-ewro (il-Kroazja). Barra minn hekk, 64 % tal-Bulgari mistħarrġa f’Jannar 2026 spiss jew spiss ħafna ħassew li l-wiri doppju tal-prezzijiet kien implimentat b’mod korrett, li huwa ċarament ogħla mill-medja tal-aħħar bidliet għall-ewro (l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Kroazja).

B’mod ġenerali, l-impatt tal-ewro fuq il-prezzijiet u l-iffissar abbużiv tal-prezzijiet jibqgħu ta’ tħassib għan-nies fil-Bulgarija 11 . Għalhekk, huwa rrakkomandat li titkompla s-superviżjoni tal-wiri doppju tal-prezzijiet, l-applikazzjoni korretta tar-regoli dwar il-konverżjoni u l-ittondjar u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet b’mod metikoluż sat-8 ta’ Awwissu 2026, li huwa meta jintemm il-wiri doppju tal-prezzijiet.

5.Xejriet u perċezzjonijiet tal-prezzijiet

Bħal kull bidla għall-ewro, l-aspettattivi ta’ impatt fuq il-prezzijiet huma mifruxa fil-perjodu immedjatament wara l-bidla u jgħinu biex jispjegaw il-prominenza kontinwa tat-tħassib relatat mal-prezzijiet ġeneralment osservat fl-istħarriġ.

Meta ġew mistoqsija jekk jaħsbux li l-ewro se jgħin biex tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet fil-Bulgarija jew, għall-kuntrarju, tiżdied l-inflazzjoni, ir-riżultati juru predominanza ċara ta’ tħassib dwar l-inflazzjoni. 66 % jemmnu li l-ewro se jżid l-inflazzjoni fil-Bulgarija, perċentwal kemxejn ogħla minn dak ta’ bidliet preċedenti għall-ewro 12 . B’kuntrast ma’ dan, 21 % tal-Bulgari jqisu li l-ewro se jgħin biex tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet, li hija perċentwal fil-medda tal-aħħar bidliet għall-ewro 13 .

F’dan l-isfond, l-ewwel data disponibbli tissuġġerixxi li l-introduzzjoni tal-ewro kellha biss impatt żgħir fuq l-inflazzjoni. L-inflazzjoni ta’ kull xahar, imwettqa f’Jannar 2026, kienet ta’ 0,6 %, madwar 0,1 punti perċentwali biss ogħla milli mistenni fiż-żmien tat-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea, li ma kienet tinkludi l-ebda żieda speċifika minn Jannar minħabba l-bidla għall-ewro. Jekk inneħħu l-effett ta’ inflazzjoni aktar baxxa milli mistenni għall-ikel mhux ipproċessat, dan jindika effett ġenerali ta’ 0,2 punti perċentwali, f’konformità mal-effetti fuq medda qasira ta’ żmien osservati f’bidliet preċedenti. Jannar huwa x-xahar bl-ogħla inflazzjoni medja minn xahar għal xahar fil-Bulgarija u, kif inhu l-każ storikament, anke f’Jannar 2026 l-inflazzjoni kienet l-aktar immexxija minn fatturi staġjonali, bħal żidiet fil-prezzijiet amministrattivi, prezzijiet tal-kera, utilitajiet u abbonamenti oħra. Fil-fatt, fost is-sottokategoriji, is-servizzi rreġistraw tkabbir notevoli ta’ kull xahar fil-prezzijiet ta’ 1,4 % f’Jannar 2026, iżda nofs biss minn dan it-tkabbir fil-prezzijiet tas-servizzi jaqbeż l-aspettattivi fiż-żmien tat-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea 14 .

Il-bidliet għall-ewro fil-passat urew li n-negozji u l-fornituri tas-servizzi lokali huma s-setturi l-aktar suxxettibbli għal żidiet abbużivi fil-prezzijiet matul il-bidla għall-ewro. Filwaqt li l-oġġetti u s-servizzi tagħhom ma jikkostitwixxux proporzjon kbir tal-basket standardizzat tal-konsumatur użat biex titkejjel l-inflazzjoni, għandhom it-tendenza li jinxtraw jew jiġu kkunsmati ta’ spiss u ħafna drabi individwalment, u dan jagħti viżibilità għolja lill-bidliet fil-prezzijiet għal dawn l-oġġetti u servizzi. Fl-istess ħin, żviluppi oħra aktar favorevoli fil-prezzijiet ta’ oġġetti mixtrija inqas ta’ spiss jistgħu ma jkunux daqshekk prominenti mal-konsumaturi. B’riżultat ta’ dan, l-inflazzjoni perċepita ħafna drabi taqbeż l-inflazzjoni reali.

L-impatt ġenerali apparentement żgħir taż-żidiet mhux ġustifikati fil-prezzijiet fuq l-inflazzjoni huwa dovut ukoll għar-rispons politiku rapidu tal-awtoritajiet Bulgari. Fil-fatt, l-ispezzjonijiet irriżultaw fil-korrezzjoni ta’ xi prezzijiet inflazzjonati u aġixxew bħala deterrent għal aktar żidiet mhux ġustifikati fil-prezzijiet.

F’konformità mal-prattika stabbilita wara l-adozzjoni tal-euro fi Stati Membri oħra, l-Eurostat se jivvaluta l-iżviluppi fil-prezzijiet wara l-bidla għall-euro fil-Bulgarija. Ir-rapport tal-Eurostat jista’ jkun mistenni fit-tieni nofs tal-2026.

6.Il-perċezzjoni tal-ewro u l-komunikazzjoni dwaru

Il-Bulgarija bdiet kampanja ta’ komunikazzjoni ambizzjuża wara d-deċiżjoni favorevoli tal-Kunsill fit-8 ta’ Lulju 2025, f’konformità mal-istrateġija ta’ komunikazzjoni nazzjonali 15 . L-għan tal-kampanja kien li tiżgura li l-popolazzjoni tal-Bulgarija, inklużi gruppi vulnerabbli u nies li jgħixu f’żoni remoti, tkun infurmata b’mod ċar, oġġettiv, preċiż, fil-pront u kif suppost dwar l-impatt u l-bidliet prattiċi relatati mal-bidla mil-lev għall-ewro. Din kienet iktar u iktar meħtieġa peress li l-appoġġ pubbliku għall-adozzjoni tal-ewro kien modest, b’49,2 % biss tan-nies fil-Bulgarija favur f’Ġunju 2025.

L-awtoritajiet Bulgari aġixxew b’ħeġġa, fost affarijiet oħra, billi nedew websajt ( http://evroto.bg ), organizzaw serje ta’ avvenimenti u roadshows madwar il-pajjiż, kampanja ta’ reklamar fis-subway ta’ Sofia u fuq billboards tul it-toroq ewlenin, ħejjew materjal stampat għall-pubbliku u n-negozji, poġġew siltiet ta’ reklamar fuq it-TV u r-radjijiet, mexxew kampanja diġitali, u ħadu miżuri mmirati lejn persuni vulnerabbli. Il-Bank Nazzjonali Bulgaru kellu wkoll sezzjoni speċjali fuq il-websajt tiegħu ( Българска народна банка ) fejn l-aktar Mistoqsijiet u Tweġibiet rilevanti dwar l-adozzjoni tal-euro kienu jiġu ppubblikati regolarment.

Il-kampanja ta’ informazzjoni nazzjonali konġunta mill-Bank Nazzjonali Bulgaru u l-Ministeru tal-Finanzi, kienet ikkoordinata mill-Ministeru tal-Finanzi u appoġġata minn istituzzjonijiet u partijiet ikkonċernati oħra, bħall-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Muniċipalitajiet fir-Repubblika tal-Bulgarija, il-banek, l-uffiċċji postali u l-bejjiegħa bl-imnut. Huwa interessanti li dan kien appoġġat ukoll mit-trade unions, u l-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Bulgarija kellu rwol ewlieni biex jintlaħqu l-persuni vulnerabbli. Il-kampanja kienet appoġġata wkoll b’mod attiv mill-Bank Ċentrali Ewropew permezz ta’ diversi avvenimenti u inizjattivi, bħal seminar għall-ġurnalisti fi Frankfurt u kampanja diġitali).

Fil-qafas ta’ Ftehim ta’ Sħubija u Ftehim ta’ Għotja sussegwenti ffirmat bejn il-Ministeru tal-Finanzi tal-Bulgarija u l-Kummissjoni Ewropea, il-kampanja ta’ komunikazzjoni hija kofinanzjata mill-Kummissjoni (f’konformità mal-bidliet preċedenti, il-Kummissjoni qed tiffinanzja sa 50 % tal-ispejjeż eliġibbli, li huma limitati għal ewro għal kull abitant; fil-każ tal-Bulgarija, l-ammont massimu miftiehem huwa ta’ EUR 2,6 miljun).

Il-kampanja kkontribwiet għal bidla bla xkiel għall-ewro, kif ikkonfermat minn stħarriġ tal-Ewrobarometru li juri li 78 % tan-nies fil-Bulgarija ħassewhom infurmati sew dwar l-introduzzjoni tal-ewro; 62 % qiesu l-proċess bħala bla xkiel u effiċjenti; u 52 % qalu li ma esperjenzaw l-ebda problema meta skambjaw flus kontanti tal-lev għal ewro jew meta rtiraw flus kontanti mill-banek fl-ewwel ġimgħa 16 .

Il-media (kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali) għenet biex iżżid l-għarfien dwar l-implikazzjonijiet prattiċi tal-bidla għall-ewro għall-ħajjiet tan-nies. It-ton tal-media madwar l-1 ta’ Jannar 2026, il-jum tal-bidla, kien ġeneralment fattwali u pożittiv, bl-aġenziji nazzjonali jenfasizzaw il-bidla għall-ewro bħala kisba storika li se tagħti spinta lir-rwol tal-Bulgarija fl-UE.

Kif innutat hawn fuq, madankollu, l-opinjoni pubblika tidher li għadha maqsuma dwar il-benefiċċji tal-ewro, b’49 % tan-nies fil-Bulgarija jqisu li l-ewro hija ħaġa tajba għal pajjiżhom, u 43 % li għandhom l-opinjoni opposta 17 . Dan jista’ jiġi spjegat mill-biżgħat ta’ żidiet sinifikanti fil-prezzijiet, li kienu mifruxa għal xhur qabel il-bidla, bħala riżultat ta’ dak li l-partijiet interessati jqisu bħala kampanja ta’ diżinformazzjoni organizzata sew. Ta’ min jinnota li l-fehmiet huma ferm aktar pożittivi meta n-nies fil-Bulgarija jivvalutaw l-ewro minn perspettiva tal-UE, b’67 % ta’ dawk li wieġbu jqisu li l-ewro hija ħaġa tajba għall-UE.

Biex jgħin iżid l-għarfien dwar il-bidla u jippromwovi narrattiva pożittiva, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Kummissjoni Ewropea appoġġja l-kampanja nazzjonali mhux biss b’attivitajiet għall-istampa, seminars għall-ġurnalisti fi Brussell u f’Sofia u prodotti viżwali (inklużi banners fuq il-bini Charlemagne li jilqgħu lill-Bulgarija fiż-żona tal-ewro) iżda wkoll, flimkien mad-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, b’kampanja viżibbli ħafna fuq il-midja soċjali biex turi l-benefiċċji tal-ewro (madwar 1,9 miljun utent intlaħqu fuq Instagram u 3,7 miljun fuq Facebook).

7.Konklużjonijiet dwar il-bidla għall-ewro Bulgara u rakkomandazzjonijiet għal bidliet futuri għall-ewro

Il-bidla għall-ewro fil-Bulgarija kienet imħejjija tajjeb u organizzata tajjeb u mxiet bla xkiel. L-istituzzjonijiet finanzjarji, in-negozji u l-individwi ġew fornuti b’mod adegwat bi flus kontanti tal-ewro qabel il-bidla.

Fost tħassib pubbliku persistenti dwar iż-żidiet fil-prezzijiet, l-awtoritajiet Bulgari għandhom ikomplu bl-ispezzjonijiet intensivi tal-prezzijiet biex jiżguraw li l-prezzijiet ikunu indikati b’mod korrett, irażżnu ż-żidiet mhux ġustifikati u, fejn applikabbli, jinfurzaw id-dmirijiet stipulati fil-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur u tal-kompetizzjoni.

Kif qed isir fil-Bulgarija, il-monitoraġġ tal-prezzijiet fil-bidliet għall-ewro futuri għandu jkun intens u jitwettaq fuq perjodu twil biżżejjed fir-rigward tas-setturi li huma l-aktar f’riskju, sabiex iż-żidiet mhux ġustifikati fil-prezzijiet ikunu jistgħu jiġu identifikati u indirizzati malajr. Dan jagħmilha possibbli li l-ispezzjonijiet u l-politika jiġu ffukati aħjar fuq dawk li x’aktarx iwettqu r-reati, filwaqt li titnaqqas ukoll il-prominenza tal-evidenza aneddotali u jitneħħa tħassib bla bażi fid-diskors pubbliku.

F’bidliet għall-ewro futuri, għandha tingħata attenzjoni lill-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jkun hemm kodiċi ta’ kondotta kummerċjali mhux vinkolanti minflok l-applikazzjoni rigoruża tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetizzjoni. Dawn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-esperjenza tal-Bulgarija, minn naħa waħda, u dik ta’ Stati Membri oħra li biddlu għall-ewro u għandhom kodiċi ta’ dan it-tip, min-naħa l-oħra.

Billi l-indikazzjoni doppja tal-prezz tiġi bi prezz u n-nies isiru familjari mal-munita unika relattivament malajr, il-perjodu obbligatorju ta’ indikazzjoni doppja tal-prezz jista’ jibqa’ jinżamm għal sena.

Fir-rigward tas-subfrontloading ta’ muniti lin-negozji, l-Istati Membri li jaderixxu mal-ewro fil-futur jistgħu jikkunsidraw li jsegwu l-eżempju tal-Bulgarija billi jipprovdu lin-negozji rollijiet tal-muniti ta’ denominazzjonijiet differenti aktar milli diversi starter kits tal-muniti, peress li r-rollijiet tal-muniti wrew li huma aktar konvenjenti u inqas ta’ piż għan-negozji milli huma l-istarter kits.

L-esperjenza tal-Bulgarija tikkonferma li l-komunikazzjoni u kampanja ta’ sensibilizzazzjoni pubblika huma importanti għal bidla bla xkiel għall-ewro.

Minħabba ż-żmien relattivament qasir bejn rapport ta’ konverġenza pożittiv u d-data tal-bidla, l-Istati Membri li għadhom ma qalbux għall-ewro għandhom jibnu fuq l-esperjenza tal-Bulgarija fl-akkwist tal-bżonnijiet ta’ komunikazzjoni tagħhom billi jaqsmu l-kuntratt għas-servizzi ta’ komunikazzjoni f’lottijiet sabiex ilaħħqu bl-aħjar mod mad-dewmien possibbli u jdaħħlu fis-seħħ pjanijiet ta’ kontinġenza.

(1)          Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1407 tat-8 ta’ Lulju 2025 dwar l-adozzjoni tal-ewro mill-Bulgarija fl-1 ta’ Jannar 2026, ELI: http://data.ewropa.eu/eli/dec/2025/1407/oj
(2)

     L-Istati Membri li kienu fl-ewwel grupp ta’ bidla adottaw l-ewro skont ix-“Xenarju ta’ Madrid”, li kien jinvolvi perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 3 snin (sena għall-Greċja).

(3)      Malta u Ċipru kellhom perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja ta’ xahar, filwaqt li fil-Litwanja, fil-Latvja, fl-Estonja, fis-Slovakkja u fis-Slovenja dan kien ta’ ġimagħtejn.
(4)          Ewrobarometru Flash 575, xogħol fuq il-post imwettaq mit-2 sad-9 ta’ Frar 2026.
(5)      Ewrobarometru Flash 573.
(6)      Iċ-ċifri korrispondenti kienu 95 % fl-Estonja, 90 % fis-Slovakkja, 88 % f’Ċipru, 85 % f’Malta u 96 % fis-Slovenja.
(7)      Ewrobarometru Flash 575.
(8)      L-aħħar data disponibbli tal-lev fiċ-ċirkolazzjoni qabel ma beda l-irtirar hija mill-31 ta’ Diċembru 2024.
(9) Eurobarometru Flash 575.
(10)      Ewrobarometru Flash 575.
(11)      Ewrobarometru Flash 575.
(12)      Il-Kroazja 62 %, il-Litwanja 58 % u l-Latvja 57 %.
(13)      Il-Kroazja 25 %, il-Litwanja 26 % u l-Latvja 19 %.
(14)    Fil-kategorija tas-servizzi, il-kategoriji ta’ rikreazzjoni, sport u kultura (1,1 %) u ristoranti u akkomodazzjoni (1,7 %) irreġistraw żidiet notevoli. Fost kategoriji oħra, l-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku rreġistraw żieda ta’ 0,9 % f’Jannar, u l-kategorija tal-kura personali, il-protezzjoni soċjali u oġġetti u servizzi varji rreġistrat żieda ta’ 3,1 %.
(15)       https://www.minfin.bg/en/1570
(16)      Ewrobarometru Flash 575
(17)      Ewrobarometru Flash 575, xogħol fuq il-post imwettaq mit-2 sad-9 ta’ Frar 2026