Brussell, 31.3.2026

COM(2026) 142 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi, dwar il-preżenza ta’ prodotti jew ta’ sustanzi mhux awtorizzati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tal-imsemmi Regolament (UE) 2018/848 għall-użu fil-produzzjoni organika u dwar il-valutazzjoni tar-regoli nazzjonali msemmija
fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 29

{SWD(2026) 95 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi, dwar il-preżenza ta’ prodotti jew ta’ sustanzi mhux awtorizzati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tal-imsemmi Regolament (UE) 2018/848 għall-użu fil-produzzjoni organika u dwar il-valutazzjoni tar-regoli nazzjonali msemmija
fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 29

Abbrevjazzjoni

Spjegazzjoni

AK

awtorità/awtoritajiet kompetenti

CB/(s)

korp(i) ta’ kontroll

CtrlA/(s)

awtorità/awtoritajiet ta’ kontroll

EFSA

Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel

UE

Unjoni Ewropea

MRL

livell massimu ta’ residwi

MU

inċertezza tal-kejl

OFIS

Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Biedja Organika

PF

fattur tal-ipproċessar

LOQ

limitu tal-kwantifikazzjoni

LOD

limitu tad-determinazzjoni

TC

pajjiz terz

I.INTRODUZZJONI

Il-biedja organika hija element ewlieni tal-Politika Agrikola Komuni tal-UE. Il-proporzjon tal-art użata għall-biedja organika qiegħed jiżdied b’mod kostanti biex illum laħaq il-11 % u l-konsumaturi qegħdin jixtru dejjem aktar ikel organiku, li jista’ jingħaraf permezz ta’ logo tal-UE. Il-produzzjoni u t-tikkettar tal-prodotti organiċi huma rregolati bir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament Organiku”), applikabbli minn Jannar 2022, kif ukoll mir-Regolamenti delegati u ta’ implimentazzjoni li ġew adottati abbażi tiegħu u li jistabbilixxu r-regoli dettaljati li jirfdu l-produzzjoni organika.

Skont l-Artikolu 29(4) tar-Regolament Organiku, “sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni [tal-miżuri meħuda] dwar il-preżenza ta’ prodotti u sustanzi mhux awtorizzati […] għall-użu fil-produzzjoni organika u dwar il-valutazzjoni tar-regoli nazzjonali msemmijin [fl-Artikolu 29(5) tar-Regolament Organiku]. Dak ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġiżlattiva għal aktar armonizzazzjoni”.

Il-prodotti organiċi u fil-fażi ta’ konverżjoni huma soġġetti għar-regoli speċifiċi, b’mod partikolari dwar is-sustanzi attivi awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 2 filwaqt li l-preżenza fi kwalunkwe stadju tal-katina tal-provvista ta’ residwi ta’ prodotti jew ta’ sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika trid tiġi investigata kif xieraq bl-għan li tiġi żgurata l-integrità tal-prodotti organiċi.

Barra minn hekk, biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-konsumatur, ir-Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 396/2005 3 u (UE) 2017/625 4 jirregolaw il-kontrolli uffiċjali u r-residwi tal-pestiċidi fl-ikel u fl-għalf. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għall-prodotti organiċi.

Kull sena, l-EFSA tippubblika r-riżultati dwar il-preżenza ta’ residwi fl-ikel, inklużi l-prodotti organiċi 5 . Fl-2023, mis-7 074 kampjun ittikkettati bħala organiċi, 80 % ma kienx fihom residwi kwantifikabbli, 19 % kien fihom residwi fil-livell tal-MRL jew taħtu (li 94,6 % minnhom kienu sustanzi bbażati fuq ir-ram) u f’0,9 % tal-kampjuni biss kien hemm residwi ogħla mill-MRL.

Minn naħa, dan ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jibni fuq ir-rapporti dwar il-kontaminazzjoni ppreżentati mill-Istati Membri matul l-aħħar 3 snin 6 dwar l-investigazzjonijiet uffiċjali tagħhom dwar il-kontaminazzjoni tal-prodotti organiċi u fil-fażi ta’ konverżjoni u min-naħa l-oħra jibni fuq il-konklużjonijiet ta’ studju magħmul apposta mill-EFSA dwar 21 sustanza mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika li fl-2021 u fl-2022 ġew innotifikati fl-OFIS li jseħħu l-aktar ta’ spiss fil-prodotti organiċi 7 . Għal kull sustanza, l-EFSA eżaminat l-informazzjoni rilevanti bl-għan li tidentifika sorsi potenzjali ta’ kontaminazzjoni, bħar-residwi tal-ħamrija, l-ilma tat-tisqija, id-deriva sprejjata mill-biedja konvenzjonali, il-bijoċidi u oħrajn. L-istudju jipprovdi sfond xjentifiku utli biex jiġu mifhuma l-kawżi u s-sorsi possibbli ta’ dawn is-sustanzi meta jkunu preżenti fil-prodotti ttikkettati bħala organiċi.

L-istudju tal-EFSA juri li r-residwi tal-pestiċidi huma anqas probabbli fil-prodotti organiċi milli fil-prodotti konvenzjonali korrispondenti; il-probabbiltà li l-21 sustanza eżaminati li ma humiex awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika jkunu preżenti fil-prodotti ttikkettati bħala organiċi kienet tvarja minn 0,04 sa 3,95 %, meta mqabbla ma’ 0,18 sa 17,5 % għall-oġġetti mhux organiċi. Dan jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jinfetħu b’mod sistematiku investigazzjonijiet dwar l-użu attiv possibbli ta’ sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika u jirrakkomanda li jitwettqu testijiet addizzjonali (eż. analiżijiet tal-ħamrija, tal-ilma jew analiżijiet oħra) skont is-sustanza identifikata.

Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah jelenka s-sejbiet ġenerali mir-rapporti dwar il-kontaminazzjoni dwar dawk il-21 sustanza.

II.INVESTIGAZZJONIJIET UFFIĊJALI

L-Artikolu 29(1) tar-Regolament Organiku jistabbilixxi l-miżuri li għandhom jittieħdu jekk ikunu preżenti prodotti jew sustanzi li ma humiex awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika fi prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni. Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li titwettaq investigazzjoni uffiċjali minnufih meta AK, jew, fejn xieraq, CtrlA jew CB (i) tkun irċeviet informazzjoni sostanzjata dwar il-preżenza ta’ prodotti jew ta’ sustanzi li ma humiex awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika; (ii) tkun ġiet infurmata minn operatur li suspett ġie ssostanzjat jew ma setax jiġi eliminat; jew (iii) hija stess issib prodotti jew sustanzi li ma jkunux awtorizzati fi prodott organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni.

Filwaqt li l-kunċett ta’ informazzjoni sostanzjata seta’ ġie interpretat b’modi differenti bejn l-Istati Membri, ir-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju għandhom it-tendenza li jkunu l-punt tat-tluq biex jinbdew l-investigazzjonijiet uffiċjali.

Kwistjonijiet tekniċi rigward ir-riżultati analitiċi

L-interpretazzjoni tar-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju dwar il-preżenza ta’ residwi tibbaża fuq sett komprensiv ta’ regoli legalment vinkolanti li huwa stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 396/2005 – sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-għalf u tal-ikel. Il-bażi tad-data tal-UE dwar il-pestiċidi 8 sservi bħala sors ta’ informazzjoni ta’ referenza flimkien mal-linji gwida tekniċi rilevanti disponibbli fil-livell tal-UE 9 .

Huma disponibbli metodi li jinvolvu aktar minn residwu wieħed biex jiġu analizzati r-residwi tal-biċċa l-kbira tas-sustanzi attivi użati fil-pestiċidi skont id-definizzjoni ta’ residwu ta’ pestiċida stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 396/2005. Ħafna mill-metodi disponibbli għandhom LOQ 10 li jinżel saħansitra sa 0,001 mg/kg. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ MRL speċifiku, jiġi applikat valur prestabbilit ta’ 0,01 mg/kg, ħlief għal ċerti kombinamenti ta’ sustanzi attivi u ta’ prodotti tal-ikel li għalihom huma stabbiliti LOQs speċifiċi.

Huwa essenzjali li l-laboratorji jsegwu l-proċeduri analitiċi tal-kontroll tal-kwalità u tal-validazzjoni tal-metodu għall-analiżi tar-residwi ta’ pestiċidi fl-ikel u fl-għalf 11 u li r-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju fuq ir-residwi ta’ pestiċidi jkunu akkumpanjati mill-MU korrispondenti.

Għal ċerti prodotti organiċi li kienu soġġetti għall-ipproċessar, bħat-tnixxif jew id-distillazzjoni, jista’ jintuża PF biex jiġu aġġustati r-riżultati tar-residwi tal-laboratorju. Il-PF huma speċifiċi għall-proċess, għall-prodott u għas-sustanza attiva kkonċernata. L-EFSA ilha minn Ottubru 2018 tippubblika lista komprensiva ta’ PF b’valuri indikattivi għal ħafna kombinamenti ta’ pestiċidi/komoditajiet/proċessi 12 . Hija disponibbli wkoll nota ta’ informazzjoni dwar l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 fir-rigward tal-PF u tal-ikel u tal-għalf ipproċessati u komposti 13 .

Tnedija ta’ investigazzjonijiet uffiċjali

Meta AK jew, fejn xieraq, CtrlA jew CB tikkonkludi, wara li ttemm il-proċeduri rilevanti, li teżisti informazzjoni sostanzjata dwar il-preżenza ta’ sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika fi prodott organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni, din trid twettaq investigazzjoni uffiċjali minnufih bl-għan li tiddetermina s-sors u l-kawża ta’ tali preżenza.

Anke għal sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika li jistgħu jseħħu b’mod naturali, l-okkorrenza naturali ma tistax tiġi preżunta bħala r-raġuni għall-preżenza tagħhom u hija meħtieġa investigazzjoni bl-għan li tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ użu attiv intenzjonat. Jiġi applikat l-istess approċċ għal sustanzi li ma jseħħux b’mod naturali li l-preżenza tagħhom tista’ tkun minħabba l-kontaminazzjoni ta’ sfond, id-deriva, it-trasport bl-ajru fuq distanzi twal, it-tisqija, l-emissjonijiet industrijali jew raġunijiet oħra. Għalhekk, il-kontaminazzjoni ambjentali ta’ sfond ma tistax tiġi preżunta bħala s-sors u għaldaqstant hija meħtieġa investigazzjoni uffiċjali. F’każijiet fejn investigazzjonijiet preċedenti jkunu kkonkludew li kontaminazzjonijiet identiċi ripetuti ma kinux relatati ma’ użu attiv intenzjonat, u jekk l-operatur ħa l-miżuri ta’ prekawzjoni biex jevita tali kontaminazzjoni, jistgħu ma jkunux meħtieġa investigazzjonijiet addizzjonali għal okkorrenzi futuri.

III: IMPLIMENTAZZJONI TAL-ARTIKOLU 29 TAR-REGOLAMENT ORGANIKU

Dan il-Kapitolu huwa bbażat fuq it-tweġibiet tal-Istati Membri għal kwestjonarju li jiġbor informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 29 tar-Regolament Organiku, kif ukoll fuq elementi tal-istudju tal-EFSA.

Twaqqit għall-iskattar tal-investigazzjonijiet uffiċjali

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kkonfermaw li l-investigazzjonijiet uffiċjali jitwettqu minnufih meta jirċievu informazzjoni sostanzjata, bl-intervalli li jvarjaw minn “dakinhar stess” sa “fi żmien 7 ijiem” skont iċ-ċirkostanzi prevalenti, bħad-disponibbiltà tal-persunal, il-volum ta’ xogħol jew il-kompletezza tal-informazzjoni disponibbli.

Xi ftit Stati Membri indikaw li jagħtu prijorità lill-prodotti friski, lill-prodotti b’ħajja fuq l-ixkaffa iqsar u lill-prodotti li diġà jkunu fis-suq meta jibdew investigazzjoni.

Identifikazzjoni tas-sors u tal-kawża tal-kontaminazzjoni

L-Istati Membri rrapportaw li l-eżiti tal-investigazzjonijiet ivarjaw, iżda l-maġġoranza stmaw li aktar minn nofs l-investigazzjonijiet uffiċjali kollha (li jvarjaw minn 60 % sa 80 %, skont is-sustanza kkonċernata) jidentifikaw is-sors u l-kawża tal-kontaminazzjoni. Ftit Stati Membri rrapportaw rati estremi ferm taħt jew ogħla minn dawk il-meded.

Ftit Stati Membri rrapportaw li, għall-produzzjoni primarja domestika, il-kawża u s-sors tal-kontaminazzjoni normalment ikunu jistgħu jiġu identifikati, filwaqt li r-rata ta’ suċċess tkompli tonqos aktar ’l isfel fil-katina tal-provvista. Huma enfasizzaw li għall-prodotti li joriġinaw minn TCs, spiss jiġi ddikjarat li d-deriva tkun il-kawża tal-kontaminazzjoni.

Durata tal-investigazzjoni uffiċjali

Id-durata tal-investigazzjonijiet uffiċjali tvarja b’mod sinifikanti. Aktar minn nofs l-Istati Membri wieġbu li d-durata medja ta’ investigazzjoni uffiċjali tvarja minn 20 sa 30 jum, filwaqt li oħrajn irrapportaw durata medja li tvarja minn 40 sa 90 jum. Stat Membru wieħed biss irrapporta li l-investigazzjonijiet jieħdu medja ta’ bejn jumejn u 5 ijiem. L-Artikolu 29(1), il-punt (a), tar-Regolament Organiku jipprevedi li ż-żmien meħtieġ biex titlesta l-investigazzjoni għandu jqis id-durabbiltà tal-prodott.

L-Istati Membri semmew il-fatturi li ġejjin bħala raġunijiet għaliex ikun meħtieġ aktar żmien biex jitlestew l-investigazzjonijiet uffiċjali: (i) il-ħtieġa għal kampjunar addizzjonali; (ii) rapporti mhux kompluti; (iii) il-kumplessità tal-katina tal-provvista (it-tip u l-għadd ta’ operaturi involuti); (iv) il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet differenti; u (v) raġunijiet oħra.

Status tal-prodotti matul investigazzjoni uffiċjali

L-Istati Membri wieġbu li, f’konformità mal-Artikolu 29(1), il-punt (b), tar-Regolament Organiku, il-prodotti kkonċernati normalment ikunu pprojbiti milli jiġu introdotti fis-suq bħala prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni sakemm isiru magħrufa r-riżultati tal-investigazzjoni. Ftit Stati Membri wieġbu li l-implimentazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni tista’ tkun problematika għal prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni friski b’ħajja fuq l-ixkaffa qasira.

Uħud mill-Istati Membri indikaw ukoll li fil-każ ta’ livelli baxxi ħafna ta’ sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika ferm taħt l-MRL stabbilit għall-pestiċidi, jew fil-każ ta’ sustanzi li jistgħu jseħħu b’mod naturali, l-AK, is-CtrlA jew is-CB jista’ jikkunsidra li ma jipprojbixxix b’mod provviżorju l-introduzzjoni fis-suq tal-prodotti kkonċernati bħala prodotti organiċi. Dawn il-prattiki jistgħu jirrikjedu investigazzjoni ulterjuri.

Ladarba l-investigazzjoni tiġi konkluża

L-Istati Membri daħħlu fis-seħħ diversi sistemi adattati għall-istrutturi amministrattivi u ta’ kontroll proprji tagħhom biex jinfurmaw lil korpi ta’ kontroll oħra u lill-AK, kif ukoll lill-operaturi downstream, dwar id-deċiżjoni tagħhom wara l-konklużjoni tal-investigazzjoni.

Opportunità għall-operaturi kkonċernati biex jikkummentaw

L-Istati Membri kollha kkonfermaw li l-operaturi b’mod sistematiku jingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet uffiċjali u li jiġu infurmati dwar l-iskadenzi biex jitolbu t-tieni opinjoni esperta skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2017/625.

Żamma ta’ rekords

L-Istati Membri kollha wieġbu li, f’konformità mal-Artikolu 29(3) tar-Regolament (UE) 2018/848, l-AK rilevanti tagħhom, jew, fejn xieraq, is-CtrlAs jew is-CBs iżommu rekords tal-investigazzjonijiet uffiċjali mwettqa.

Miżuri korrettivi biex tiġi evitata kontaminazzjoni futura

L-Istati Membri indikaw, abbażi tal-verifiki annwali tal-ispezzjonijiet ta’ segwitu, li f’aktar minn 90 % tal-każijiet l-operaturi ħadu miżuri korrettivi biex jevitaw kontaminazzjoni futura. Meta ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni korrettiva, l-Istati Membri indikaw li fil-każ ta’ nuqqasijiet ta’ konformità kritiċi, is-CtrlAs jew is-CBs jissospendu jew jirtiraw iċ-ċertifikat skont l-arranġamenti uniformi stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/279 14 .

Regoli nazzjonali skont l-Artikolu 29(5) u (7)

L-Artikolu 29(5) tar-Regolament Organiku jippermetti lill-Istati Membri li, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 15 , jistabbilixxu livelli għal sustanzi li ma humiex awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika li meta jinqabżu, il-prodotti ma jkunux jistgħu jiġu kkummerċjalizzati bħala organiċi, biex ikomplu japplikaw dawk ir-regoli dment li ma jfixklux l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti minn Stati Membri oħra prodotti f’konformità mar-Regolament Organiku.

Erba’ Stati Membri (il-Belġju, l-Italja, ir-Rumanija u s-Slovenja) irrapportaw li żammew dawn il-livelli nazzjonali u kkonfermaw li ma japplikawhomx għal prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni minn Stati Membri oħra. Huma kkonfermaw ukoll li l-investigazzjonijiet jiġu skattati b’mod sistematiku fil-każijiet kollha.

·Il-Belġju (Wallonia biss) avża li japplika limitu stabbilit għal darba u nofs l-LOD eżistenti tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 għal prodotti manifatturati jew ipproċessati fil-Wallonia biss jew importati minn TCs. Dejjem titnieda investigazzjoni uffiċjali meta jinstabu sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika u l-grad jitnaqqas (jiġifieri ma jkunx hemm awtorizzazzjoni biex il-prodott jiġi kkummerċjalizzat bħala organiku) meta s-sejbiet ikunu ogħla mil-limitu nazzjonali.

·L-Italja avżat li tapplika limitu ġenerali ta’ 0,01 mg/kg għal sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika (ħlief għall-aċidu fosfoniku, li għalih huwa permess limitu ogħla b’mod temporanju). Il-prodotti li jaqbżu dak il-limitu ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati bħala organiċi, irrispettivament minn jekk il-kontaminazzjoni kinitx intenzjonata.

·Ir-Rumanija avżat li tapplika limitu nazzjonali ta’ 0,01 mg/kg għal sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika. Id-detezzjonijiet pożittivi kollha jiġu investigati.

·Is-Slovenja avżat li tuża l-LOQ tal-metodu analitiku iżda b’kunsiderazzjoni tal-MU. Meta jinqabeż dan il-limitu nazzjonali, tiskatta investigazzjoni uffiċjali. Meta l-kontaminazzjoni tkun intenzjonata, iċ-ċertifikat jiġi rtirat għall-prodotti kollha tal-operatur. Fejn il-kontaminazzjoni kienet aċċidentali jew il-preżenza ta’ tali sustanzi ma kinitx intenzjonata, l-operatur irid jieħu miżuri preventivi u ta’ prekawzjoni xierqa biex jevita kontaminazzjoni ripetuta fil-futur.

B’mod simili, l-Artikolu 29(7) tar-Regolament Organiku jippermetti lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa fit-territorju tagħhom biex jevitaw il-preżenza mhux intenzjonata ta’ sustanzi li ma humiex awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika fi prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni. Jistgħu jagħmlu dan jekk tali miżuri ma jfixklux l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti minn Stati Membri oħra prodotti f’konformità mar-Regolament Organiku u jekk jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra li qed jagħmlu użu mill-Artikolu 29(7). L-erba’ Stati Membri msemmija hawn fuq infurmaw lill-Kummissjoni li huma jieħdu miżuri bħal dawn fit-territorji rispettivi tagħhom.

IV. SOMMARJU TAR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONIJIET UFFIĊJALI U TAL-AĦJAR PRATTIKI

Rapporti uffiċjali dwar il-kontaminazzjoni

F’konformità mal-Artikolu 29(9) tar-Regolament Organiku, l-Istati Membri jridu jirrapportaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena r-riżultati tal-investigazzjonijiet uffiċjali dwar każijiet ta’ kontaminazzjoni bi prodotti jew sustanzi li ma humiex awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika li jkunu nstabu matul is-sena preċedenti.

Għall-2022 u għall-2023 wieġbu 27 SM, u għall-2024 wieġbu 25. Il-Kummissjoni ffukat l-analiżi tagħha ta’ dawk ir-rapporti dwar il-kontaminazzjoni fuq l-istess 21 sustanza eżaminati fl-istudju tal-EFSA msemmi fit-Taqsima I. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport fih tabella sommarja, kif ukoll tabelli individwali għal kull waħda minn dawk il-21 sustanza, li jindikaw: (i) il-kategoriji ta’ prodott li fihom instab l-aktar spiss il-prodott jew is-sustanza mhux awtorizzata għall-użu fil-produzzjoni organika; (ii) l-istadju rilevanti fil-katina tal-provvista; (iii) is-sors u l-kawża identifikati tal-kontaminazzjoni; u (iv) il-miżuri li ttieħdu fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti investigati.

Fir-rigward tal-istadju tal-katina tal-provvista li fih ikunu nstabu s-sustanzi, ir-riżultati medji konsolidati huma kif ġej: 66,2 % tas-sustanzi nstabu fil-produzzjoni, 10,2 % fil-preparazzjoni, 9,5 % fil-ħżin, 
5,9 % fid-distribuzzjoni, 3,3 % fl-importazzjoni, 2,5 % fl-introduzzjoni fis-suq (eż. għall-bejgħ bl-imnut) u 0,1 % fl-esportazzjoni 16 .

Fir-rigward tal-kawżi tal-kontaminazzjoni, id-deriva ġiet stabbilita bħala l-kawża ewlenija, u bħala medja hija responsabbli għal 24,1 % tal-każijiet. F’16,7 % tal-każijiet, l-operatur ma adottax il-miżuri ta’ prekawzjoni msemmija fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Organiku, fi 15,9 % l-operatur uża prodotti jew sustanzi li ma humiex awtorizzati fil-produzzjoni organika, filwaqt li f’10,6 % il-kontaminazzjoni kienet seħħet fl-istadju preċedenti tal-katina tal-provvista. F’1,6 % tal-każijiet, it-taħlit ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni ma’ prodotti mhux organiċi ġie stabbilit bħala l-kawża u f’0,6 % il-kawża kienet in-nuqqas ta’ traċċabbiltà. Fl-aħħar nett, f’14,8 % tal-każijiet ġew stabbiliti sorsi u kawżi oħra u f’14,9 % ma setgħux jiġu identifikati s-sors u l-kawża tal-kontaminazzjoni.

Minkejja differenzi konsiderevoli bejn is-sustanzi, ta’ min jenfasizza xi xejriet komuni fir-rigward tas-sors u tal-kawża tal-kontaminazzjoni. Fi kważi l-każijiet kollha fejn l-investigazzjonijiet ikkonkludew li l-kontaminazzjoni kienet dovuta jew għall-użu attiv tas-sustanza mill-operatur jew għan-nuqqas ta’ miżuri ta’ prekawzjoni, il-prodott ma setax jiġi kkummerċjalizzat bħala organiku, kif previst fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Organiku. Fil-każijiet l-oħra, is-sitwazzjoni kienet aktar varjata.

L-aħjar prattiki

F’konformità mal-Artikolu 29(6) tar-Regolament Organiku, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri pprovdew feedback dwar l-aħjar prattiki. L-aħjar prattika ewlenija tibqa’ li tiġi enfasizzata mal-operaturi l-importanza tal-konformità stretta mal-miżuri ta’ prekawzjoni, inklużi: (i) is-separazzjoni tal-prodotti organiċi u dawk mhux organiċi, kemm fl-istadju tal-produzzjoni kif ukoll fl-istadju tal-ipproċessar; (ii) l-użu ta’ żoni ta’ lqugħ adegwati u tal-kultivazzjoni assoċjata; u (iii) li joqogħdu attenti biex jipprevjenu l-kontaminazzjoni billi jnaddfu t-tagħmir u jisseparaw il-prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi. Hija meħtieġa wkoll valutazzjoni tar-riskju xierqa, ibbażata fuq il-karatteristiċi tal-prodotti u tal-metodi tal-produzzjoni kif ukoll fuq l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni preċedenti tal-operaturi, biex jiġu identifikati l-aħjar operazzjonijiet ta’ kampjunar (l-għadd ta’ prodotti, l-għadd ta’ operaturi, l-istadju tal-produzzjoni, eċċ.).

L-Istati Membri enfasizzaw l-importanza li ssir eħfef l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ prekawzjoni u tal-kontrolli tal-kwalità (imwettqa mill-operaturi nfushom), kif ukoll ir-rwol tal-pjanijiet ta’ azzjoni biex jikkoreġu u jipprevjenu każijiet rikorrenti ta’ nuqqas ta’ konformità.

Xi Stati Membri enfasizzaw il-ħtieġa li l-operaturi jiġu megħjuna billi jiġu żviluppati dokumenti ta’ informazzjoni u billi jiġi pprovdut taħriġ kontinwu għall-partijiet ikkonċernati tul il-katina tal-provvista, inkluż billi jingħata taħriġ lis-CBs. Dan jista’ jinvolvi proġetti ta’ riċerka u stħarriġiet biex jiġu promossi approċċi armonizzati fost l-AK u, fejn xieraq, is-CtrlAs u s-CBs.

L-Istati Membri jużaw ukoll l-istħarriġiet biex jidentifikaw id-differenzi fl-approċċi tal-korpi ta’ kontroll, li jistgħu jwasslu għal suġġerimenti għal titjib. B’mod ġenerali, is-simplifikazzjoni tal-komunikazzjoni fil-livelli kollha hija enfasizzata bħala prattika importanti biex jiġi żgurat li l-kwistjonijiet fi ħdan is-sistema ta’ kontroll organiku jiġu identifikati u indirizzati malajr u jittieħdu tagħlimiet minnhom.

V    KONKLUŻJONIJIET

Il-prodotti organiċi u fil-fażi ta’ konverżjoni jgħaddu minn sett komprensiv ta’ verifiki u ta’ proċeduri ta’ ċertifikazzjoni biex tiġi vverifikata l-konformità tagħhom mar-Regolament Organiku u mal-leġiżlazzjoni sekondarja korrispondenti. Is-sistema ta’ kontroll organiku wriet li hija affidabbli u li hija waħda mill-pedamenti tas-suċċess tas-settur organiku fl-UE, fejn iċ-ċittadini jistennew li l-prodotti organiċi ma jkollhomx traċċi ta’ sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika.

Ir-Regolament Organiku jistabbilixxi r-regoli biex jiġu ttrattati l-każijiet fejn ikun hemm informazzjoni sostanzjata (tipikament ir-riżultat ta’ testijiet tal-laboratorju) li tindika l-preżenza ta’ sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika. F’każijiet bħal dawn, trid tinfetaħ minnufih investigazzjoni uffiċjali biex jiġu identifikati s-sors u l-kawża tal-preżenza tas-sustanza mhux awtorizzata għall-użu fil-produzzjoni organika bl-għan li tiġi żgurata l-integrità tal-prodotti. L-AK nazzjonali jew, fejn xieraq, is-CtrlAs u s-CBs joperaw is-sistema f’konformità ma’ metodoloġija armonizzata stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/279.

L-istudju tal-EFSA rrapporta varjetà kbira ta’ sorsi u ta’ kawżi possibbli tal-preżenza ta’ sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika fir-rigward tal-21 sustanza pestiċida analizzati, iżda enfasizza wkoll li, mingħajr investigazzjoni xierqa, ma huwiex possibbli li jiġi eskluż l-użu intenzjonat jew nuqqas tal-miżuri preventivi neċessarji. L-istudju wera wkoll li l-okkorrenza tar-residwi hija ferm inqas probabbli fil-prodotti organiċi milli fil-prodotti konvenzjonali rispettivi. Dawn is-sejbiet jikkonfermaw il-livell għoli ta’ garanzija li tipprovdi s-sistema ta’ kontroll organiku tal-UE, il-ħtieġa li jinżammu protokolli stretti ta’ kontroll u ta’ kampjunar u r-rilevanza tal-investigazzjonijiet uffiċjali sistematiċi.

Dan ir-rapport jirrikonoxxi li l-AK u, fejn xieraq, is-CtrlAs u s-CBs, jiffaċċjaw xi sfidi operazzjonali meta jiġu biex jiddeterminaw is-sors u l-kawża tal-kontaminazzjoni, speċjalment meta dan isir fi stadju downstream tal-katina tal-provvista fejn l-għadd tal-investigazzjonijiet inkonklużivi għadu kwistjoni ta’ tħassib. Dan jikkonferma wkoll li r-regoli dwar l-investigazzjonijiet uffiċjali sistematiċi f’każ ta’ nuqqasijiet ta’ konformità sostanzjati huma neċessarji biex tiġi żgurata l-integrità tal-prodotti organiċi.

Xi operaturi kkritikaw iż-żmien meħtieġ biex jinbdew u jiġu konklużi l-investigazzjonijiet, il-kumplessità ta’ dawn il-proċeduri, l-approċċi diverġenti fost l-AK, is-CtrlAs u s-CBs nazzjonali, il-kostijiet addizzjonali, kif ukoll l-impatti possibbli fuq il-ktajjen tal-provvista.

Il-Kummissjoni hija lesta li trawwem implimentazzjoni aktar armonizzata tal-Artikolu 29 billi tikkomunika b’mod attiv mal-AK u, fejn xieraq, mas-CtrlAs u mas-CBs permezz ta’ workshops maħsuba apposta għall-iskambju tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki bl-għan li jitnaqqsu l-piżijiet għall-operaturi fil-katina tal-provvista organika.

Fl-istess ħin, dan ir-rapport jipprovdi evidenza li l-investigazzjonijiet uffiċjali, b’mod ġenerali, jinbdew malajr u spiss jiġu konklużi fi żmien raġonevoli. B’mod simili, il-miżuri biex tiġi evitata l-kummerċjalizzazzjoni mhux xierqa bħala prodotti organiċi tal-prodotti investigati jidhru li jaħdmu b’mod sodisfaċenti, għalkemm għad hemm sfidi bil-prodotti friski b’ħajja fuq l-ixkaffa qasira.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-sistema attwali qed taħdem tajjeb b’mod raġonevoli, u ma huwa meħtieġ l-ebda aġġustament f’dan l-istadju bikri tal-implimentazzjoni. Filwaqt li tibni fuq il-proċess tal-apprendiment tad-diversi atturi, il-Kummissjoni tistenna li tara aktar titjib fl-operat tas-sistema u tinsab lesta li tirfed dan il-proċess billi trawwem aktar djalogu u skambju ta’ esperjenzi fost il-partijiet ikkonċernati kollha.

(1)

.    Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007  
(ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/848/2025-03-25 ).

(2)

   Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 tal-15 ta’ Lulju 2021 li jawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u li jistabbilixxi l-listi tagħhom (ĠU L 253, 16.7.2021, p. 13, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1165/oj ).

(3)

. Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/396/oj ).

(4)

. Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj ).

(5)

. The 2023 European Union report on pesticide residues in food https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/9398 .

(6)

. Skont l-Artikolu 29(9) tar-Regolament Organiku u abbażi tal-mudell stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1195 tal-20 ta’ Ġunju 2023 li jistabbilixxi r-regoli għad-dettalji u l-format tal-informazzjoni li għandha ssir disponibbli mill-Istati Membri dwar ir-riżultati ta’ investigazzjonijiet uffiċjali li jikkonċernaw każijiet ta’ kontaminazzjoni bi prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika (ĠU L 158, 21.6.2023, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1195/oj ).

(7)

. “Findings of not authorised substances in food and feed certified as organic”, Pubblikazzjoni ta’ sostenn tal-EFSA 2025: EN-9524: https://www.efsa.europa.eu/en/supporting/pub/en-9524 .

(8)

. Il-bażi tad-data tal-UE dwar il-Pestiċidi .

(9)

. https://webgate.ec.europa.eu/dyna2/pgd/ .

(10)

. L-LOQ huwa sinonimu tal-LOD, li għalih hija stabbilita definizzjoni fl-Artikolu 3(2), il-punt (f) ta’ dak ir-Regolament kif ġej: “(f) ‘‘Il-Limitu ta’ Determinazzjoni’ (Limit of Determination: LOD): tfisser il-konċentrazzjoni konvalidata ta’ residwu l-aktar baxxa li tista’ tiġi kwantifikata u rapportata permezz ta’ monitoraġġ ta’ rutina b’metodi ta’ kontroll konvalidati;”.

(11)

  Analytical quality control and method validation procedures for pesticide residues analysis in Food and Feed -SANTE 11312/2021 v2026

(12)

. Il-bażi tad-data Ewropea tal-fatturi tal-ipproċessar għar-residwi ta’ pestiċidi fl-ikel .

(13)

. https://food.ec.europa.eu/document/download/071dce96-d916-4615-87fa-148f1491bfc8_en?filename=pesticides_mrl_guidelines_proc_imp_sante-2021-10704.pdf .

(14)

. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/279 tat-22 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli u miżuri oħra li jiżguraw it-traċċabilità u l-konformità fil-produzzjoni organika u fit-tikkettar ta’ prodotti organiċi (ĠU L 62, 23.2.2021, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/279/oj ).

(15)

. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/834/oj ).

(16)

Il-paġna 49 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja.