Brussell, 5.3.2026

COM(2026) 110 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija dwar l-Ekwità Interġenerazzjonali

{SWD(2026) 80 final}


1.Introduzzjoni

L-istrateġija dwar l-ekwità interġenerazzjonali tesprimi l-ambizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiżgura li l-għażliet tal-lum jikkontribwixxu b’mod pożittiv anki għall-opportunitajiet ta’ għada, u li kemm il-benefiċċji kif ukoll ir-responsabbiltajiet jinqasmu b’mod ġust bejn il-gruppi ta’ età. Għandha l-għan li tippromwovi approċċi strateġiċi li jikkombinaw il-prosperità ekonomika u l-benesseri, ir-responsabbiltà ambjentali, il-koeżjoni soċjali u territorjali, is-sostenibbiltà fiskali, u l-parteċipazzjoni demokratika. Għan ieħor tagħha huwa li tamplifika l-ilħna taż-żgħażagħ bħala l-futur tal-UE u tiggarantixxi s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.

Globalment, l-UE laħqet wieħed mill-aktar livelli avvanzati ta’ opportunitajiet indaqs, li hu sostnut minn ekonomija tas-suq kompetittiva, mudelli soċjali b’saħħithom, u servizzi pubbliċi inklużivi. F’dinja kkaratterizzata minn instabbiltà li qed tikber u bidla globali li qed taċċellera, fejn ix-xejriet demografiċi, teknoloġiċi, ekonomiċi, u ambjentali fit-tul qed isawru mill-ġdid il-mod kif jinħolqu u jiġu kondiviżi l-opportunitajiet, huwa essenzjali li nagħtu attenzjoni mġedda għat-tema tal-ekwità interġenerazzjonali. Dan se jgħin biex jiġi żgurat li l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ — li huma l-pedament tal-Ewropa tal-ġejjieni — ikomplu jespandu u li l-UE tkun tista’ tipprovdi benesseri sostenibbli u inklużiv lil niesha.

L-istrateġija hija proġett ta’ fiduċja u ta’ kooperazzjoni, mibni permezz ta’ proċess ta’ kodisinn 1 li kien jinkludi Panel taċ-Ċittadini Ewropej speċifiku dwar l-Ekwità Interġenerazzjonali 2 . Tirrifletti l-ideat u r-rakkomandazzjonijiet taċ-ċittadini, tal-partijiet ikkonċernati, u tal-komunitajiet madwar l-Ewropa. Nies ta’ kull età, minn kuntesti u reġjuni differenti, ikkollaboraw fl-esplorazzjoni ta’ kif l-UE jkollha dak kollu li teħtieġ biex taffronta aħjar l-isfidi dejjem jikbru u interkonnessi hekk kif naħdmu għal futur aħjar.

Fis-Summit tan-NU dwar il-Futur, li sar l-2024, l-UE u l-Istati Membri tagħha approvaw il-Patt għall-Futur u d-Dikjarazzjoni dwar il-Ġenerazzjonijiet Futuri 3 . Aktar minn terz tal-Istati Membri tal-UE jsemmu l-ġenerazzjonijiet futuri fil-Kostituzzjonijiet tagħhom u/jew stabbilew oqfsa istituzzjonali apposta li jenfasizzaw l-importanza li jiġu ssalvagwardjati l-opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan huwa marbut bil-kbir mal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, li jirrappreżentaw il-pjan ta’ azzjoni kondiviż globalment għall-paċi u l-prosperità għan-nies u għall-pjaneta, issa u fil-futur.

B’din l-istrateġija, il-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-impenn qawwi tal-UE li tibni fuq dan il-momentum globali, iggwidata mill-għarfien tal-fatt li s-salvagwardja tal-paċi, tad-drittijiet tal-bniedem, u tal-pjaneta, filwaqt li ttejjeb il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri kif ukoll tavvanza s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet attwali, hija parti mill-identità, mill-valuri, u mill-interessi strateġiċi fit-tul tal-Ewropa 4 .

L-istrateġija, li hija msejsa fuq ir-responsabbiltà fit-tul, is-solidarjetà interġenerazzjonali, u l-ekwità territorjali, tfittex li tikkontribwixxi biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi, li ssawwar futur sostenibbli u ekwu, u li tiżgura li l-progress tal-lum isaħħaħ il-pedamenti għal għada.

2.L-orizzont tal-opportunitajiet qed jinbidel

Megatendenzi li għandhom impatt fuq il-bilanċ interġenerazzjonali:

Iż-żgħażagħ Ewropej qed isiru adulti fi żmien ta’ trasformazzjoni mgħaġġla, filwaqt li qed jiffaċċjaw sfidi fundamentali. It-tibdil demografiku u l-migrazzjoni, it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u ambjent ġeopolitiku li qed jinbidel qed jiddefinixxu mill-ġdid kif l-opportunitajiet, inkluż fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-impjiegi, u tal-akkomodazzjoni, jinħolqu u jiġu kondiviżi bejn il-ġenerazzjonijiet 5 . Dawn il-bidliet jaffettwaw lin-nies fl-istadji kollha tal-ħajja u joħolqu orizzont kondiviż ta’ responsabbiltà li joffri opportunità b’saħħitha biex jiġġedded il-mudell soċjali, ekonomiku, u demokratiku tal-UE b’modi li jkunu ta’ benefiċċju kemm għall-ġenerazzjonijiet preżenti kif ukoll għal dawk futuri 6 .

Minn perspettiva interġenerazzjonali, il-kwistjoni ewlenija mhijiex il-bidla fiha nnifisha, iżda jekk l-għażliet li nagħmlu llum itejbux il-possibbiltajiet li n-nies imorru tajjeb fil-ħajja, u jekk iżidux jew jillimitawx l-opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet futuri. Ħajjiet itwal, il-progress teknoloġiku, u t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u sostenibbli fl-użu tar-riżorsi jistgħu jsaħħu l-prosperità u l-benesseri tul il-ħajja. Biex naslu għal dan neħtieġu viżjoni fit-tul minquxa fil-liġi, investiment upstream, appoġġ għall-parteċipazzjoni attiva matul il-ħajja tax-xogħol, u ekwità sostnuta bejn il-ġenerazzjonijiet.

It-tranżizzjoni demografika qed issawwar mill-ġdid is-soċjetajiet b’implikazzjonijiet għall-aċċess tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ għall-akkomodazzjoni, għax-xogħol u għall-introjtu, kif ukoll għas-servizzi ta’ assistenza fit-tul u għas-servizzi tas-saħħa. Fl-istess ħin, it-tixjiħ attiv, it-trasferiment tal-għarfien interġenerazzjonali, u l-parteċipazzjoni ekonomika u soċjali estiża, jistgħu jkunu ta’ sostenn għal ħajja itwal u aktar sana. Bl-investiment fit-tagħlim tul il-ħajja, fix-xogħol flessibbli, u fil-komunitajiet adatti għall-anzjani, it-tibdil demografiku jista’ jsir opportunità għall-ġenerazzjonijiet kollha.

Il-klima u n-natura huma eżempju ċar ieħor. Meta nieħdu azzjoni deċiżiva dwar il-protezzjoni tal-klima u tal-ambjent nevitaw kostijiet ferm akbar għall-ġenerazzjonijiet iżgħar u futuri u nkunu qed ninvestu fis-saħħa, fis-sigurtà u fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ġenerazzjonijiet iżgħar u futuri, filwaqt li fl-istess ħin nagħtu benefiċċji tanġibbli lin-nies ta’ kull età permezz ta’ ambjenti aktar nodfa, saħħa pubblika mtejba, sigurtà tal-enerġija, u komunitajiet aktar reżiljenti. B’kuntrast ma’ dan, in-nuqqas ta’ azzjoni jkollu impatt sinifikanti fuq il-prosperità tal-ġenerazzjonijiet futuri. Meta tiġi ġestita b’mod inklużiv, it-tranżizzjoni ekoloġika tikkontribwixxi għal impjiegi ta’ kwalità, kundizzjonijiet tal-għajxien aħjar, u affordabbiltà, u ssaħħaħ ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-enerġija tal-UE.

Id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, u t-teknoloġija bbażata fl-ispazju qed isawru mill-ġdid l-edukazzjoni, ix-xogħol, l-istili tal-ħajja, u l-parteċipazzjoni demokratika tul il-ħajja. Filwaqt li dawn it-tranżizzjonijiet jitolbu adattament, iwessgħu wkoll l-opportunitajiet. It-tagħlim tul il-ħajja, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, u l-innovazzjoni ċċentrata fuq il-bniedem jistgħu jiżguraw li l-progress teknoloġiku jkun ta’ benefiċċju għall-ġenerazzjonijiet kollha u jippermettu li ż-żgħażagħ jirnexxu f’suq tax-xogħol li qed jinbidel, u jappoġġaw il-parteċipazzjoni u l-awtonomija matul ħajja itwal. Il-mod kif tinbidel in-natura tax-xogħol qed isawwar mill-ġdid l-impjiegi, il-mudelli tal-karriera, u l-istrutturi organizzattivi, u potenzjalment jaggrava l-inugwaljanzi jekk ma jiġix ġestit kif suppost, u dan jesponi liż-żgħażagħ għal karrieri inqas lineari u aktar inċerti.

Fil-kuntest ta’ dawn il-bidliet, l-għażliet li jsiru llum dwar l-investiment, il-finanzi pubbliċi, is-sistemi fiskali, u r-regolamentazzjoni, li jaffettwaw l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, is-servizzi ta’ assistenza għat-tfal u fit-tul, ix-xogħol u d-distribuzzjoni tal-ġid, se jiddeterminaw jekk il-ġenerazzjonijiet futuri jirtux restrizzjonijiet dejjem akbar jew kapaċità akbar li jaġixxu 7 .

Għalhekk, approċċ interġenerazzjonali jitlob determinazzjoni msejsa fuq responsabbiltà kondiviża u solidarjetà sabiex il-ġenerazzjonijiet kollha, l-ewwel u qabel kollox iż-żgħażagħ, ma jkunux sempliċement ippreparati għall-futur iżda jkunu f’qagħda li jsawruh, sostnuti mill-esperjenza, il-kontribut, u s-solidarjetà tal-ġenerazzjonijiet kollha.

L-opportunitajiet u r-riskji jinbidlu meta n-nies jgħaddu minn stadji differenti tal-ħajja u, b’riżultat ta’ dan, qed jitfaċċaw lakuni importanti bejn il-ġenerazzjonijiet fl-aċċess għall-edukazzjoni, għal ambjent sikur, għal xogħol stabbli, għall-akkomodazzjoni, għas-servizzi ta’ assistenza, għall-ġid, u għas-sigurtà fit-tul. Dan jitlob approċċ unifikanti li jlaqqa’ flimkien il-ġenerazzjonijiet madwar għanijiet kondiviżi għall-futur.

It-tfal u ż-żgħażagħ illum għandhom aċċess għal opportunitajiet dejjem akbar biex jitgħallmu, jivvjaġġaw, jivvolontarjaw, u jsemmgħu leħinhom 8 . Dawn huma l-aktar ġenerazzjoni edukata u diġitalment kompetenti li qatt kellna, u jinsabu fuq quddiem nett tal-innovazzjoni teknoloġika 9 , bi stennija tal-għomor ta’ 81.7 snin, skont stima tal-2024. Madankollu, iż-żgħażagħ illum huma wkoll aktar esposti għal tfixkil fis-suq tax-xogħol u għal forom ġodda ta’ nuqqas ta’ sigurtà marbuta ma’ bidla teknoloġika rapida u mal-espansjoni ta’ forom ta’ xogħol mhux standard. Minkejja l-livell għoli ġenerali tal-edukazzjoni li għandhom, ħafna minnhom isegwu perkorsi edukattivi li mhux dejjem jallinjaw mal-ħtiġijiet tal-ħiliet li qed jevolvu u mas-setturi emerġenti. Ħafna minnhom huma esposti għal tnaqqis qawwi fil-ħiliet bażiċi. Dan jista’ jikkomplika t-tranżizzjonijiet mill-edukazzjoni għal impjieg stabbli, u jikkontribwixxi għal trajettorji bikrija tal-karriera frammentati u riskju akbar ta’ instabbiltà fl-impjiegi. Dawn il-pressjonijiet ekonomiċi jikkoinċidu ma’ sfidi soċjali u psikoloġiċi usa’, inklużi livelli għoljin ta’ stress, ansjetà, u solitudni fost iż-żgħażagħ, li jirriflettu l-inċertezza, il-pressjoni finanzjarja, u l-intensifikazzjoni tat-tqabbil soċjali fl-ambjenti diġitali. L-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni hija wkoll sfida, li tagħmilha aktar diffiċli għaż-żgħażagħ biex isiru sidien ta’ darhom u biex jitilqu mid-dar tal-ġenituri tagħhom, u b’hekk itawlu t-tranżizzjoni tagħhom lejn l-awtonomija.

Anki l-anzjani qed jiffaċċjaw orizzont ta’ opportunitajiet trasformat minn ħajjiet itwal u aktar sani, kif ukoll aktar ħtiġijiet ta’ assistenza fit-tul u riskji ta’ faqar aktar tard fil-ħajja. Il-kapaċità tagħhom li jibqgħu attivi, siguri, u konnessi tvarja ħafna. B’mod partikulari għan-nisa, l-inugwaljanzi akkumulati matul il-ħajja jissarrfu f’riskju ogħla ta’ faqar u ta’ insigurtà finanzjarja. Ħafna anzjani jixtiequ jkomplu jikkontribwixxu għas-soċjetà u għas-suq tax-xogħol iżda huma mxekklin minn diġitalizzazzjoni rapida 10 , li ġġib ir-riskju li dawk b’ħiliet diġitali aktar baxxi jiġu esklużi 11 . L-etaiżmu huwa mifrux: 52% taċ-ċittadini tal-UE jqisu l-età bħala l-akbar żvantaġġ għal min japplika għal impjieg, u l-ħaddiema anzjani spiss jitqiesu bħala inqas adattabbli u inqas kompetenti diġitalment 12 . In-nuqqas ta’ servizzi u infrastrutturi bażiċi, inkluż il-broadband, għandu impatt speċjalment fuq xi territorji rurali b’età medja ogħla.

Is-sigurtà ekonomika f'età avvanzata tiddependi wkoll fuq l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet, li għandhom rwol ċentrali fit-tiswir tal-ekwità interġenerazzjonali billi jibbilanċjaw is-sigurtà tal-introjtu għall-anzjani mar-reżiljenza fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Id-distakki territorjali fis-servizzi tas-saħħa, is-servizzi ta’ assistenza fit-tul, l-aċċess għal faċilitajiet għal attivitajiet fiżiċi regolari, u l-mobbiltà, ikomplu jaffettwaw l-indipendenza, is-sentiment ta’ solitudni, l-eżiti tas-saħħa, u l-kwalità tal-ħajja fix-xjuħija 13 . L-anzjani tal-futur se jgħixu aktar fit-tul, u dan jitlob servizzi bbażati fid-dar u aġġustamenti biex jibqgħu jgħixu fi djarhom. Irrispettivament mill-età, l-attività fiżika tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-benesseri ġenerali u tal-funzjonijiet konjittivi.

Il-ġeneru jibqa’ fattur ewlieni fir-rigward tal-inugwaljanza tal-opportunitajiet u tad-diskriminazzjoni. Fl-2023, fl-UE, in-nisa qalgħu bejn wieħed u ieħor 12% inqas fis-siegħa mill-irġiel, u fl-2024 ir-rata ta’ impjieg tagħhom kienet 70.8% meta mqabbla ma’ 80.8% fost l-irġiel 14 . In-nisa jġorru fuqhom ukoll il-piż primarju tar-responsabbiltà tal-assistenza. Ħafna jiffaċċjaw diskriminazzjoni u fastidju sesswali, b’madwar wieħed minn kull tlieta jesperjenzaw vjolenza fiżika jew sesswali, inkluż fil-post tax-xogħol. Maż-żmien, dawn l-inugwaljanzi fl-impjiegi, fil-pagi, u fir-responsabbiltajiet ta’ assistenza jakkumulaw, u jwessgħu d-differenzi bejn il-ġeneri fis-sigurtà tal-introjtu, fil-pensjonijiet, u fl-indipendenza ekonomika aktar tard fil-ħajja.

Il-gruppi żvantaġġati jesperjenzaw diffikultajiet addizzjonali li jeħtieġu approċċ intersezzjonali. Bħala medja, aktar minn kwart tal-inugwaljanza fid-dħul tas-suq fl-Ewropa jista’ jiġi traċċat għal fatturi li jintirtu, bħall-istatus soċjoekonomiku 15 jew il-post ġeografiku tal-ġenituri. Iż-żgħażagħ b’diżabilità spiss ibatu meta jaslu għall-età adulta minħabba nuqqasijiet fil-perkorsi bejn l-edukazzjoni u l-impjieg. It-tfal għadhom f’riskju ogħla ta’ faqar mill-popolazzjoni ġenerali. Id-distakki territorjali, b’mod partikulari għaż-żoni rurali u remoti, jillimitaw l-aċċess għal taħriġ, akkomodazzjoni, trasport, u konnettività ta’ kwalità, jintensifikaw l-eżodu tal-imħuħ, u jżidu r-rata ta’ individwi żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg, jew taħriġ (NEET).

L-ostakli strutturali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u fl-impjiegi, il-faqar, il-kostijiet għoljin tal-akkomodazzjoni, u l-aċċess għas-servizzi jakkumulaw u spiss jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra, u jinħassu b’mod partikulari minn persuni li jiffaċċjaw diskriminazzjoni, inklużi dawk bi sfond ta’ migrazzjoni, ir-Rom, u l-persuni LGBTIQ+.

Perspettiva li tqis il-ħajja kollha testendi lil hinn mill-ġenerazzjonijiet tal-lum. Billi neżaminaw ix-xejriet demografiċi, teknoloġiċi, ambjentali, klimatiċi, u soċjoekonomiċi fit-tul, nistgħu nantiċipaw l-opportunitajiet u r-riskji li se jiffaċċjaw il-ġenerazzjonijiet futuri. Għalkemm bħalissa ma jistgħux jivvutaw jew jitkellmu għalihom infushom, l-għażliet tal-lum se jsawru l-orizzont ta’ opportunità tagħhom. L-ekwità interġenerazzjonali, għalhekk, titlob li jiġu indirizzati l-lakuni attwali filwaqt li jinħoloq futur li fih dawk li għadhom ma twildux ikunu jistgħu jirnexxu.

3.X’jiġri jekk ma niħdux azzjoni: il-prezz tan-nuqqas ta’ azzjoni

L-ekwità interġenerazzjonali hija għażla strateġika għall-UE. Iċ-ċikli elettorali spiss ikollhom perjodi ta’ żmien qosra, li jżidu l-inċentivi biex wieħed jiffavorixxi perspettiva fuq terminu qasir. Meta l-politiki ma jqisux biżżejjed l-impatti tagħhom fuq il-ġenerazzjonijiet kollha, il-kostijiet ekonomiċi, ambjentali, soċjali, u demokratiċi jakkumulaw gradwalment. Jekk wieħed iqis biss it-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta’ azzjoni jiswa lill-UE tnaqqis ta’ bejn 7% u perċentwali b’żewġ ċifri tal-PDG tagħha sa tmiem is-seklu 16 . It-telf ekonomiku relatat mal-klima qed ikompli jaċċellera 17 .

Fejn l-opportunitajiet huma distribwiti b’mod mhux uniformi bejn il-ġenerazzjonijiet, it-territorji, u l-gruppi soċjali, hemm ir-riskju li l-gwadanji ekonomiċi jsiru dejjem aktar ikkonċentrati. Il-mobbiltà soċjali tista’ tiddgħajjef, l-inugwaljanza tista’ tikber, u l-fiduċja fl-ekwità tal-opportunitajiet tal-ħajja tonqos. Inqas minn nofs l-Ewropej huma tal-fehma li għandhom opportunitajiet indaqs biex javvanzaw fil-ħajja, u 38% biss jipperċepixxu li l-biċċa l-kbira tal-eżiti f’ħajjithom iseħħu b’mod ġust, u dan jenfasizza perċezzjoni dejjem akbar li l-ħajja mhijiex ġusta 18 . Din il-perċezzjoni tenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati d-disparitajiet emerġenti, li jwasslu għat-trażmissjoni ta’ żvantaġġi ekonomiċi minn ġenerazzjoni għal oħra, qabel ma jsiru strutturali. 

In-nuqqas ta’ azzjoni jista’ jaffettwa wkoll ir-reżiljenza demokratika. Meta l-politiki jitqiesu bħala li ma jirrispondux biżżejjed għall-bidla ġenerazzjonali, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tista’ tonqos. Filwaqt li l-fiduċja fl-UE għadha komparattivament għolja, huwa essenzjali li nibnu fuq din il-fiduċja biex insaħħu l-involviment taċ-ċittadini u r-reżiljenza demokratika. L-iżolament soċjali jista’ jikkorrelata ma’ parteċipazzjoni ċivika aktar baxxa, parteċipazzjoni aktar baxxa fl-elezzjonijiet, u impenn politiku iċken b’mod ġenerali 19 . Id-diżinformazzjoni tista’ tnawwar il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u fil-midja, tpoġġi l-elezzjonijiet f’riskju, u xxekkel il-kapaċità taċ-ċittadini li jieħdu deċiżjonijiet infurmati 20 . Dan jagħmel lis-soċjetajiet aktar esposti għax-xokkijiet, aktar dipendenti fuq risponsi reattivi, u inqas kapaċi jinvestu b’mod kunfidenti fil-futur.

Għalhekk, il-prezz tan-nuqqas ta’ azzjoni fuq l-ekwità interġenerazzjonali mhuwiex biss ekonomiku; huwa wkoll demokratiku, soċjali, u ambjentali. L-indirizzar tal-pressjonijiet tal-lum fuq l-akkomodazzjoni, il-ħiliet, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, il-finanzi pubbliċi, ir-riżorsi naturali, is-sistemi tal-assistenza u tal-protezzjoni soċjali, u l-aċċess għas-servizzi joffri opportunità sinifikanti biex il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ jiġu responsabbilizzati, filwaqt li jiġu affermati mill-ġdid is-solidarjetà u l-ekwità fl-etajiet kollha. L-ekwità interġenerazzjonali, għalhekk, mhijiex objettiv addizzjonali, iżda kundizzjoni għall-istabbiltà, għal-leġittimità, kif ukoll għat-tkabbir sostenibbli u nadif għad-deċennji li ġejjin.

4.Nibnu sisien ġodda għall-ekwità: “Kuntratt” Interġenerazzjonali ġdid

L-ekwità interġenerazzjonali tiddependi fuq il-konsolidament tas-sisien li fuqhom hija bbażata s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Din l-istrateġija tippreżenta “kuntratt” interġenerazzjonali ġdid, mibni b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet tal-panel taċ-Ċittadini Ewropej, li jirrifletti l-ħtieġa li jiġu estiżi l-opportunitajiet maż-żmien, li jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn it-territorji, u li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’perspettiva aktar fit-tul. Tipprovdi qafas komuni għall-allinjament tal-prospettiva, l-ekwità, u r-responsabbiltà, sabiex l-għażliet tal-lum isaħħu l-opportunitajiet kemm għall-ġenerazzjoni attwali kif ukoll għal dawk futuri, u għat-tisħiħ tan-nisġa soċjali tal-UE billi l-ġenerazzjonijiet jitlaqqgħu flimkien madwar għanijiet komuni, responsabbiltà kondiviża, u investiment kollettiv fil-futur.

Il- “kuntratt” interġenerazzjonali l-ġdid huwa msejjes fuq tliet dimensjonijiet: 1) Tfassil ekwu tal-politika, li jintegra l-ħsieb fit-tul u l-perspettiva taż-żgħażagħ; 2) Opportunitajiet ekwi li jgħaqqdu lill-ġenerazzjonijiet madwar għanijiet komuni għal futur aħjar, u 3) Kuntesti territorjali ekwi li jrawmu l-ekwità interġenerazzjonali fit-territorji kollha.

4.1.It-tfassil ekwu tal-politika — nintegraw il-ħsieb fit-tul u l-perspettiva taż-żgħażagħ

It-tfassil ekwu tal-politika jirrikjedi li l-impatti fit-tul tad-deċiżjonijiet jitqiesu b’mod sistematiku flimkien ma’ objettivi fuq terminu qasir. Il-liġijiet, il-baġits, u r-riformi jsawru l-opportunitajiet maż-żmien, u l-għażliet li jsiru llum jistgħu joħolqu benefiċċji — jew kostijiet — dejjiema għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-applikazzjoni ta’ perspettiva aktar fit-tul u sistemika tgħin biex jiġi żgurat li s-soluzzjonijiet fuq terminu qasir ma jiġġenerawx riskji jew piżijiet evitabbli.

Dan jimplika approċċi ta’ governanza antiċipatorji u bbażati fuq l-evidenza. Permezz tal-aġenda tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar, l-UE hija minn ta’ quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mal-governanza tajba u t-teħid ta’ deċiżjonijiet antiċipatorji 21 . Din tuża diversi għodod bħall-prospettiva strateġika, il-valutazzjonijiet tal-impatt, u konsultazzjonijiet pubbliċi biex tagħmel kunsiderazzjoni bbażata fuq l-evidenza tal-kompromessi li jgħinu fl-identifikazzjoni bikrija tar-riskji u jorjentaw l-għażliet politiċi. Dawn l-approċċi jappoġġaw politiki aktar reżiljenti u sodi fis-setturi kollha.

It-tfassil ekwu tal-politika jiddependi wkoll fuq l-iżgurar li l-perspettivi ta’ dawk l-aktar affettwati minn deċiżjonijiet b’impatt fit-tul ikollhom siġġu mal-mejda tad-diskussjoni. Dan ifisser li jinħolqu opportunitajiet sinifikanti u proporzjonati biex iż-żgħażagħ jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet politiċi li jsawru l-futur tagħhom.

Id-deċiżjonijiet tal-lum spiss jimplikaw impatti sinifikanti fuq il-ġenerazzjonijiet futuri, mil-lat ekonomiku, soċjali, jew ambjentali. L-azzjonijiet ta’ hawn taħt se jkomplu jiżguraw li l-kunsiderazzjonijiet fit-tul jiġu integrati b’mod koerenti fit-tfassil tal-politiki.

Biex tappoġġa t-tfassil ekwu tal-politika, il-Kummissjoni se:

1.Tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċità antiċipatorja (futures literacy) fl-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri kollha tal-UE billi tippubblika pakkett multilingwi dwar it-Tfassil ta’ Politika Orjentata lejn il-Futur.

2.Tissoda l-użu tal-prospettiva strateġika fit-tfassil tal-politika, pereżempju billi tappoġġja l-Futures Balance Tool, għodda bbażata fuq l-IA għal analiżi progressiva dwar il-politika, li bħalissa qiegħda fil-fażi tal-iżvilupp fi sħubija mal-Beyond Lab tan-NU.

3.Tissokta bl-applikazzjoni sistematika tal-Verifika taż-Żgħażagħ, inklużi d-Djalogi ta’ Politika maż-Żgħażagħ, għall-inizjattivi ewlenin tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni biex jiġi eżaminat l-impatt potenzjali ta’ politiki ġodda fuq iż-żgħażagħ.

4.Tinkariga lill-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Teknoloġiji l-Ġodda (GEE) biex jipprovdi analiżi u rakkomandazzjonijiet dwar Futuri Diġitali Ekwi, l-IA, u l-Beni Pubbliċi Diġitali.

5.Tippubblika rapport ta’ progress dwar l-istrateġija dwar l-ekwità interġenerazzjonali fil-bidu tal-2028 biex torjenta l-kontributi tal-UE għall-passi li jmissha tieħu n-NU fuq il-bażi tad-Dikjarazzjoni dwar il-Ġenerazzjonijiet Futuri.

6.Tippubblika Pjan Direzzjonali għal-Lonġevità, maħsub biex jidentifika l-kwistjonijiet strateġiċi speċifiċi marbutin mal-età għall-gruppi tal-età kollha sabiex jiġu identifikati opportunitajiet strateġiċi għat-tiswir attiv ta’ ħajjiet itwal, aktar sana, u finanzjarjament siguri.

Prattiki fl-Istati Membri tal-UE li jservu ta’ ispirazzjoni

·F’ħafna Stati Membri tal-UE wieħed isib eżempji tal-istituzzjonalizzazzjoni tal-ħsieb fit-tul f’forom differenti: Fil-Finlandja (il-Kumitat għall-Futur 22 ), fi Spanja (L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Prospettiva u tal-Istrateġija 23 ), u f’Malta (il-Gwardjan ta’ Ġenerazzjonijiet Futuri 24 ).

·Ħafna Stati Membri tal-UE għandhom Valutazzjonijiet tal-Impatt Regolatorju speċifiċi fuq iż-żgħażagħ u/jew fuq il-ġenerazzjonijiet futuri: L-Awstrija (Wirkungsorientierte Folgenabschätzung), il-Belġju/Flanders (JoKER), il-Finlandja (Lapsivaikutusten arviointi), Franza (Clause d'impact jeunesse), il-Ġermanja (Jugend-Check), l-Italja (Valutazione di Impatto Generazionale), in-Netherlands (Generatietoets), u l-Iżvezja (Barnkonsekvensanalys).

4.2.L-Opportunitajiet Ekwi — ngħaqqdu l-ġenerazzjonijiet madwar għanijiet komuni għal futur aħjar

L-opportunitajiet ekwi jirrikjedu li t-tfal u ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jibnu ħajjithom fuq pedamenti sodi. Il-kundizzjonijiet fil-fażijiet bikrin tal-ħajja jiddeterminaw bil-kbir dak li jseħħ aktar tard, filwaqt li l-iżvantaġġi li ma jiġux indirizzati kmieni għandhom it-tendenza li jakkumulaw maż-żmien. Għalhekk, approċċ interġenerazzjonali jagħti prijorità lill-prevenzjoni bikrija, lill-appoġġ immirat, u lit-tranżizzjonijiet ġestiti tajjeb għall-ħajja adulta, u jirrikonoxxi li l-opportunitajiet ekwi jinbnew tul il-ħajja kollha kemm hi.

Il-politiki li jiffukaw fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, b’mod partikulari dawk minn kuntest żvantaġġat u/jew li qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni, huma essenzjali biex tiġi żgurata l-ekwità bejn il-ġenerazzjonijiet. Dan jinkludi investiment kostanti fl-iżvilupp bikri tat-tfal, fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fil-ħiliet, fl-aċċess kulturali, fil-parteċipazzjoni u fl-infrastruttura, fl-attivitajiet rikreattivi, fl-aċċess għas-saħħa, fl-aċċess għall-akkomodazzjoni, għat-trasport, u għal servizzi essenzjali oħrajn, kif ukoll appoġġ immirat għal punti ta’ tranżizzjoni ewlenin fil-ħajja bħat-tluq mill-iskola, id-dħul fis-suq tax-xogħol, u l-formazzjoni ta’ familja indipendenti. Jinkludi wkoll il-promozzjoni tal-litteriżmu finanzjarju, li huwa essenzjali biex iż-żgħażagħ ikunu kapaċi jiggarantixxu l-indipendenza finanzjarja u l-inklużjoni finanzjarja tagħhom 25 . Bil-fatt li jindirizzaw ir-riskji kmieni u jappoġġaw lit-tfal fil-bżonn, 26 dawn il-miżuri jgħinu biex jiġi evitat li l-inugwaljanzi jrabbu l-għeruq u jnaqqsu l-pressjoni fuq is-sistemi soċjali fit-tul. Sabiex ikunu effettivi, dawn il-miżuri jeħtieġ li jmorru lil hinn mill-enfasi fuq l-età u jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-gruppi vulnerabbli u żvantaġġati.

L-ekwità interġenerazzjonali tista’ teżisti biss meta jkun hemm distribuzzjoni ekwa tal-ġid maħluq mis-soċjetà. L-inugwaljanzi fid-distribuzzjoni tal-ġid, u d-differenzi fit-tassazzjoni fuq il-ġid u fuq il-wirt fis-soċjetajiet tagħna jiddeterminaw il-mod kif ir-riskji u l-opportunitajiet jiġu trażmessi bejn il-ġenerazzjonijiet. L-iżmantellar tal-ħitan strutturali li jaffettwaw b’mod sproporzjonat liż-żgħażagħ huwa kruċjali wkoll biex titkisser it-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-iżvantaġġi, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu siguri, inklużi, u kapaċi jikkontribwixxu waqt li jixjieħu. L-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni, l-aċċess għall-edukazzjoni u għat-taħriġ, perkorsi ta’ impjieg stabbli u ta’ sodisfazzjon, servizzi tas-saħħa ta’ kwalità għolja — inklużi s-servizzi tas-saħħa mentali — u l-kapaċità li wieħed jikkombina x-xogħol, it-tagħlim, u l-ħajja privata u tal-familja jiddeterminaw jekk iż-żgħażagħ ikunux jistgħu jikkontribwixxu bis-sħiħ għas-soċjetà u jippjanaw b’fiduċja għall-futur. Fil-biċċa l-kbira, dan kollu jippermetti wkoll viċinati, parteċipazzjoni, u djalogu interġenerazzjonali.

It-tħaddim ta’ dawn il-prinċipji fil-prattika jeħtieġ azzjonijiet immirati u bbażati fuq l-evidenza. F’dan il-kuntest, l-istrateġija tiffoka fuq it-tisħiħ tal-bażi analitika għall-ekwità interġenerazzjonali permezz tal-kompilazzjoni ta’ Indiċi tal-Ekwità Interġenerazzjonali apposta. Dan se jitfassal biex jidentifika l-inugwaljanzi fl-opportunitajiet bejn il-ġenerazzjonijiet attwali u maż-żmien billi jimmonitorja l-metrika li hija assoċjata mill-qrib mal-ekwità interġenerazzjonali. L-istrateġija se tagħti spinta wkoll lill-involviment taċ-ċittadini billi tgħaqqad il-ġenerazzjonijiet madwar għanijiet komuni, issaħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni interġenerazzjonali, tamplifika l-ilħna tat-tfal u taż-żgħażagħ, u tiġġieled id-diskriminazzjoni abbażi tal-età billi taqsam l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri.

Sabiex tappoġġa l-opportunitajiet ekwi, il-Kummissjoni se:

1.Tfassal Indiċi tal-Ekwità Interġenerazzjonali biex jiġu identifikati l-opportunitajiet u l-lakuni, jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi, u tiġi promossa l-ekwità bejn il-ġenerazzjonijiet.

2.Tappoġġa l-iżvilupp ta’ kompendju tal-aħjar prattiki dwar l-ugwaljanza fir-rigward tal-età mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar in-Nondiskriminazzjoni, l-Ugwaljanza, u d-Diversità li jibni fuq l-istudju li jmiss dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-età fl-UE li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-pjanijiet ta’ azzjoni jew il-miżuri nazzjonali dwar l-ugwaljanza fir-rigward tal-età.

3.Tħeġġeġ attivitajiet ta’ riċerka kollaborattiva li jippromwovu l-ekwità interġenerazzjonali fl-ambitu tal-Orizzont Ewropa.

4.Torganizza Forum Demografiku bħala post għall-iskambju u t-tagħlim reċiproku dwar l-indirizzar tal-iżviluppi demografiċi.

5.Tagħti spinta lill-involviment taċ-ċittadini — b’mod partikulari taż-żgħażagħ — billi tappoġġa proċessi parteċipattivi u konsultattivi, inkluż billi:

a.Tippromwovi d-djalogi interġenerazzjonali, l-ibbaġitjar parteċipattiv, il-prospettiva parteċipattiva, il-panels taċ-ċittadini, u għodod innovattivi tat-teknoloġija ċivika online.

b.Torganizza l-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ 2026 iddedikata għas-solidarjetà u għall-ekwità.

c.Tissensibilizza, b’mod partikulari b’rabta mas-16 ta’ Novembru bħala jum meta niċċelebraw l-Ekwità Interġenerazzjonali.

6.Issaħħaħ id-dimensjoni tal-ekwità interġenerazzjonali fil-politiki tal-UE dwar iż-żgħażagħ u l-isport permezz tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għall-perjodu wara l-2027 u l-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport, filwaqt li ssaħħaħ sehem it-tfal fit-tfassil tal-politika tal-UE, billi ssostni d-drittijiet tat-tfal fil-politiki kollha rilevanti tal-UE 27 u tibni fuq il-Pjattaforma tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal 28 .

Prattiki fl-Istati Membri tal-UE li jservu ta’ ispirazzjoni

·Fin-Netherlands, il-programm ta’ azzjoni Promising Start jappoġġa lit-tfal u lill-ġenituri tagħhom fl-ewwel 1,000 jum.

·Fil-Belġju, CALICO huwa proġett ta’ akkomodazzjoni ffinanzjat mill-UE fi Brussell li jappoġġa s-solidarjetà interġenerazzjonali, l-akkomodazzjoni għan-nisa, u s-sjieda affordabbli.

·Fil-Polonja, il-workshops Together with Seniors — Gardening jippromwovu r-rabtiet interġenerazzjonali u l-integrazzjoni tal-komunità bħala parti minn proġett tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

4.3.Kuntesti Territorjali Ekwi — niżguraw l-ekwità interġenerazzjonali fit-territorji kollha

L-ekwità interġenerazzjonali ma tiddependix biss mil-età, mill-ġeneru, u mill-kuntest soċjoekonomiku, iżda wkoll mill-post. Fejn jgħixu n-nies jinfluwenza b’mod qawwi l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni, għall-kultura, għall-impjiegi, għall-akkomodazzjoni, għas-servizzi, għall-infrastruttura diġitali, għall-mobbiltà, u għall-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni fid-demokrazija u fis-soċjetà. Maż-żmien, id-disparitajiet territorjali — bejn żoni urbani u rurali, reġjuni transfruntieri, u viċinati żvantaġġati — jistgħu jamplifikaw l-inugwaljanzi.

Perspettiva territorjali dwar l-ekwità interġenerazzjonali tiffoka fuq l-iżgurar li ġenerazzjonijiet differenti ma jkunux żvantaġġati kaġun tal-ġeografija. Dan jirrikjedi politiki li jqisu l-kundizzjonijiet lokali u l-impatt klimatiku, u li jinvestu fil-kapaċità fit-tul tal-postijiet biex isostnu l-opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet kollha. L-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli, għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità, inklużi servizzi soċjali u tal-assistenza, għat-trasport, għall-konnettività diġitali, għall-infrastruttura soċjali, u għal faċilitajiet ta’ rikreazzjoni huma ċentrali għal jekk in-nies ikunux jistgħu jibqgħu, jirritornaw, jew jibnu l-futur tagħhom fil-komunitajiet tagħhom. Fl-istess ħin, il-mobbiltà edukattiva u l-moviment liberu tal-ħaddiema jtejbu l-opportunitajiet b’mod partikulari għaż-żgħażagħ, jippermettu t-trasferiment tal-ħiliet u tal-għarfien, u jsostnu it-tkabbir sostenibbli fit-tul.

It-tisħiħ tal-konnessjonijiet interġenerazzjonali fil-livell lokali jikkontribwixxi wkoll għar-reżiljenza u għall-koeżjoni soċjali. Il-faċilitajiet komunitarji, l-ispazji pubbliċi kondiviżi, u s-servizzi lokali jistgħu jappoġġaw l-interazzjoni bejn il-gruppi ta’ età, inaqqsu l-iżolament, u jrawmu appoġġ reċiproku — b’mod partikulari f’żoni li qed jiffaċċjaw tibdil demografiku jew tranżizzjoni ekonomika. It-tisħiħ tal-aċċess tan-nies għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha jrawwem valuri komuni u koeżjoni soċjali, li jirresponsabbilizza lill-ġenerazzjonijiet kollha.

Li niggarantixxu kuntesti territorjali ekwi jfisser azzjonijiet immirati u bbażati fuq it-territorju — imwettqin flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali — li jsaħħu l-opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, isostnu t-tixjiħ san u attiv fil-komunitajiet lokali, irawmu l-iskambju ta’ esperjenzi fit-territorji kollha, u jippromovu inizjattivi li jsaħħu l-konnessjonijiet interġenerazzjonali fil-komunitajiet.

Sabiex tappoġġa l-kuntesti territorjali ekwi, il-Kummissjoni se:

1.Tniedi l-inizjattiva Voices of the Future flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni, filwaqt li tistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jinvolvu ruħhom fit-tiswir tal-futur tar-reġjuni tagħhom (imħabbra fit-Tarka Ewropea għad-Demokrazija).

2.Trawwem l-ispirazzjoni, il-konnessjoni, u l-assistenza reċiproka billi tibni sħubijiet interġenerazzjonali ma’ libreriji, mużewijiet, organizzazzjonijiet sportivi, u ċentri komunitarji, kif ukoll programmi kulturali, akkademiċi, kreattivi, u li jħarsu ’l quddiem, fosthom:

a.Il-promozzjoni tal-iskambji kulturali interġenerazzjonali u l-inklużjoni f’konformità mal-Boxxla Kulturali għall-Ewropa.

b.Enfasi fuq soluzzjonijiet tat-trasport inklużivi, aċċessibbli, u sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet kollha permezz tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2026.

c.Il-promozzjoni ta’ attivitajiet interġenerazzjonali permezz tal-isport, b’mod partikulari inizjattivi li jgħaqqdu l-ġenerazzjonijiet u jipprovdu aċċess aktar faċli għall-isport u għall-attività fiżika għall-etajiet kollha — bi premju #BeActive EU Sport għall-kategorija “interġenerazzjonali”.

3.Is-salvagwardja u r-riġenerazzjoni tal-ispazji pubbliċi għal koeżjoni soċjali u sostenibbiltà msaħħin permezz tal-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u l-attivitajiet tagħha mmexxijin mill-komunità u permezz ta’ għarfien dwar ir-rwol tal-ispazji pubbliċi għar-reżiljenza demokratika.

Prattiki fl-Istati Membri tal-UE li jservu ta’ ispirazzjoni

·Madwar l-Ewropa, il-proġett Phōnē — Giving Minority Languages a Voice huwa ffukat fuq il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika billi jgħaqqad il-kelliema tal-lingwi minoritarji madwar l-Ewropa, irawwem ir-rakkontar tal-istejjer interġenerazzjonali u l-produzzjonijiet tat-teatru tal-komunità.

·Fis-Slovenja, The Pulse of European Literature tittraduċi u tippromwovi xogħlijiet Ewropej kontemporanji biex trawwem l-identità u l-inklużività Ewropej, filwaqt li tinvolvi udjenzi ta’ kull età permezz tal-kollaborazzjoni interġenerazzjonali u tal-midja diġitali.

·Madwar l-Ewropa, il-programm European Heritage Volunteers jagħti ħajja ġdida lis-siti ta’ patrimonju permezz ta’ korsijiet ta’ taħriġ “Traditional Crafts in Practice”, li jgħaqqdu l-ġenerazzjonijiet u l-kulturi, u juru prattiki ta’ wirt sostenibbli għar-reżiljenza għall-klima.

·Fi Franza, “La république des hyper voisins” tiġbor flimkien l-abitanti ta’ viċinat ta’ Pariġi biex darba fis-sena jorganizzaw avveniment fejn in-nies jiġu mistednin jibni l-kuntatti billi jieklu flimkien fit-triq.

5.L-integrazzjoni tal-ekwità interġenerazzjonali fil-politiki kollha tal-UE

L-ekwità interġenerazzjonali mhijiex qasam ta’ politika ġdid. Hija stedina biex wieħed iħares b’mod aktar ċar lejn il-konsegwenzi fit-tul tal-għażliet eżistenti u biex jiġi żgurat li l-kost, ir-riskji, jew ir-restrizzjonijiet tad-deċiżjonijiet li nieħdu llum ma jiġux trasferiti minn ġenerazzjoni għal oħra.

L-integrazzjoni tal-ekwità interġenerazzjonali fit-tfassil tal-politika hija waħda mill-objettivi ewlenin ta’ din l-istrateġija. Sakemm ma titqiesx b’mod sistematiku fit-tfassil, fl-implimentazzjoni, u fl-evalwazzjoni tal-politiki, ma tistax tkun effettiva. L-ekwità interġenerazzjonali, għalhekk, m’għandhiex tiġi ttrattata bħala fergħa ta’ politika separata, iżda bħala prinċipju gwida li jirfed il-politiki u l-infiq kollha tagħna. Dan jirrikjedi, fost affarijiet oħra, li nipproteġu liż-żgħażagħ mhux biss permezz ta’ investiment intelliġenti, iżda billi niżguraw li ma jitħallewx iħallsu d-djun tal-passat. Jirrikjedi għodod biex jiġi żgurat li r-riformi li nibdew illum jitfasslu bil-ħsieb tal-impatt fit-tul tagħhom. Jirrikjedi wkoll li jiġi żgurat li l-interessi tal-anzjani jiġu integrati fit-tfassil tal-politika. Dan l-approċċ huwa rifless fil-Qafas finanzjarju pluriennali (b’mod partikulari permezz tal-Fond Soċjali Ewropew+ 29 ) jew fis-Semestru Ewropew, li huwa l-qafas għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-UE, billi jiġu adottati riformi fit-tul li jkunu kemm adegwati kif ukoll sostenibbli. F’dan il-qafas, il-Kummissjoni Ewropea — bħala impjegatur — tista’ tagħti l-eżempju, billi ssaħħaħ l-impenn tagħha għal tolleranza żero tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u billi trawwem kollaborazzjoni interġenerazzjonali fil-post tax-xogħol.

L-UE diġà taġixxi f’ħafna oqsma bl-idea li jkun hemm effetti sinifikanti fit-tul. Għalhekk, l-għan ta’ din it-taqsima huwa li tenfasizza fejn l-integrazzjoni ta’ perspettiva interġenerazzjonali żżid valur ċar, issaħħaħ il-koerenza, u tappoġġja d-durabbiltà u l-leġittimità tal-azzjoni min-naħa tal-UE fid-dawl tal-impenji tagħha għall-Patt tal-Futur u għad-Dikjarazzjoni dwar il-Ġenerazzjonijiet Futuri.

... billi nibnu l-kompetittività mingħajr ma neżawrixxu r-riżorsi

L-ekwità interġenerazzjonali tiddependi fuq il-kapaċità tal-Ewropa li tibqa’ kompetittiva, innovattiva, u ekonomikament reżiljenti maż-żmien. Sabiex jiġi ssalvagwardjat il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri, it-tkabbir irid isir b’mod li ma jnaqqasx ir-riżorsi li fuqhom jiddependi l-benesseri tagħhom. L-investiment f’industriji orjentati lejn il-futur joħloq impjiegi ta’ kwalità fl-Ewropa, isaħħaħ il-kompetittività sostenibbli, u jappoġġa awtonomija strateġika ewlenija u ekonomija robusta u kompetittiva. Politiki ekonomiċi u industrijali sostenibbli u li jibqgħu validi fil-futur u li jrawmu swieq kompetittivi huma vitali għal impjiegi ta’ kwalità u finanzi pubbliċi sostenibbli. L-investiment fl-infrastruttura u fil-kumpaniji innovattivi huwa ugwalment essenzjali għat-twessigħ tal-opportunitajiet kemm għall-ġenerazzjonijiet attwali kif ukoll għal dawk futuri. 30 Għax issostni l-produttività, l-awtonomija strateġika, u l-iżvilupp ta’ industriji orjentati lejn il-futur, il-kompetittività tikkontribwixxi għall-ekwità interġenerazzjonali billi tiżgura li l-ġenerazzjonijiet futuri jirtu assi kapitali, soċjali, u ambjentali b’saħħithom, kif ukoll bażi ekonomika robusta u adattabbli.

... Ninvestu fin-nies u nippromwovu mudell soċjali Ewropew b’saħħtu

L-ekwità interġenerazzjonali hija b’saħħitha fejn il-politiki jżidu l-kapaċità tan-nies li jipparteċipaw, jadattaw, u jippjanaw tul ħajjithom kollha. Dan ifisser sistemi b’saħħithom ta’ protezzjoni soċjali u ta’ assistenza, fejn kulħadd, f’kull stadju tal-ħajja, ikun jista’ jiddependi fuq l-appoġġ meta jkun meħtieġ 31 . 

Il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja huma ċentrali biex jiġi żgurat li l-ġenerazzjonijiet kollha jkunu jistgħu jadattaw għall-bidla ekonomika u teknoloġika, filwaqt li jippermettu lill-ħaddiema akbar fl-età jibqgħu attivi. Inizjattivi tal-UE bħall-Unjoni tal-Ħiliet u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni jappoġġaw lill-Istati Membri biex jantiċipaw u jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-ħiliet, jippromwovu t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid biex itawlu l-ħajja tax-xogħol, inaqqsu d-diskrepanza fil-ħiliet diġitali, jimmodernizzaw is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u fejn ikun meħtieġ jattiraw talent minn barra l-Ewropa 32 . L-inizjattiva Blue Carpet inkluża fl-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up tappoġġa l-attrazzjoni u ż-żamma ta’ professjonisti, studenti, u riċerkaturi b’livell għoli ta’ ħiliet fl-ambitu tal-inizjattiva Agħżel l-Ewropa.

Il-politiki kulturali u sportivi b’saħħithom għandhom rwol ċentrali fl-avvanz tal-ekwità interġenerazzjonali, fit-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali, u fit-tisħiħ tas-sostenibbiltà fit-tul billi jrawmu l-parteċipazzjoni, is-solidarjetà, u l-valuri komuni fost il-gruppi ta’ età differenti.

Programmi tal-UE bħall-Erasmus+ jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet, iċ-ċittadinanza attiva u t-tagħlim tul il-ħajja għall-gruppi tal-etajiet kollha, jgħinu biex jitrawwem l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku, u l-litteriżmu medjatiku, u (b’mod partikulari permezz tal-fergħa taż-żgħażagħ tiegħu) jippromwovu l-ekwità u t-tagħlim interġenerazzjonali. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 33 jappoġġja timijiet interġenerazzjonali ta’ voluntieri fil-livell lokali u f’dak reġjonali biex jiksbu ħiliet, kompetenzi fundamentali, u valuri Ewropej, u b’hekk jikkontribwixxi għas-solidarjetà u l-ekwità interġenerazzjonali.

L-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni ħarġet bħala sfida interġenerazzjonali partikularment viżibbli 34 . Iż-żgħażagħ qed isibu ma’ wiċċhom dejjem aktar ħitan li ma jħalluhomx jaċċessaw akkomodazzjoni soċjali, b’konnessjonijiet tajbin u bi prezzijiet aċċessibbli, filwaqt li ħafna anzjani jgħixu f’kundizzjonijiet inadegwati jew iżolati. L-azzjoni min-naħa tal-UE tikkontribwixxi permezz ta’ investimenti, miżuri abilitanti, il-promozzjoni ta’ riformi, u inizjattivi mmirati li jtejbu l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u adegwata, filwaqt li tikkomplementa l-isforzi fil-livelli nazzjonali, reġjonali, u lokali.

Soċjetajiet li qed jixjieħu jqajmu wkoll mistoqsijiet interġenerazzjonali dwar l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet, is-saħħa, u l-assistenza fit-tul, fejn l-ekwità interġenerazzjonali tfisser l-ibbilanċjar tal-adegwatezza mas-sostenibbiltà fiskali 35 . Biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw mit-trasformazzjonijiet demografiċi u tas-suq tax-xogħol hemm bżonn taħlita wiesgħa ta’ politiki, inkluż it-tisħiħ tal-pensjonijiet supplimentari biex jiġi pprovdut introjtu addizzjonali fix-xjuħija għall-persuni rtirati 36 .

L-Istrateġija Ewropea għal Unjoni tal-Preparatezza 37 — f’konformità mar-rapport ta’ Niinistö “Safer Together — A path towards a fully prepared Union” 38 — tippromwovi approċċ min-naħa tas-soċjetà kollha għall-preparatezza u s-sigurtà b’azzjonijiet diretti lejn ġenerazzjonijiet iżgħar u akbar fl-età u lejn persuni vulnerabbli. 39

It-Tarka Ewropea għad-Demokrazija u l-istrateġija tal-UE għas-soċjetà ċivili għandhom l-għan li jsaħħu r-reżiljenza demokratika billi jadottaw approċċ min-naħa tas-soċjetà kollha, fost l-oħrajn billi jsaħħu l-parteċipazzjoni ċivika u l-konnessjonijiet interġenerazzjonali 40 . Is-salvagwardja tal-integrità tas-sistema demokratika tal-lum tikkontribwixxi biex jiġi żgurat li l-ġenerazzjonijiet futuri jirtu ambjent politiku bbażat fuq it-trasparenza, il-parteċipazzjoni, u r-responsabbiltà, li huwa prerekwiżit fundamentali għall-ekwità interġenerazzjonali.

... L-avvanz tat-tranżizzjoni doppja b’rispett lejn il-limiti tal-pjaneta

It-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-UE għandha implikazzjonijiet interġenerazzjonali ċari. Dawn jirrikjedu bidla fil-mod kif l-UE tuża r-riżorsi, tipproteġi l-ekosistemi tagħha, tħejji lill-ħaddiema, negozji, u ċittadini, iġġib il-kompetittività, u tirrispetta l-limiti ekoloġiċi li fihom iridu jgħixu l-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-politiki tal-UE dwar il-klima u dwar l-ambjent qegħdin fil-qalba tal-azzjoni min-naħa tal-UE biex tissalvagwardja l-pjaneta għal dawk li għad iridu jiġu. L-aspetti interġenerazzjonali huma intrinsiċi għall-politika dwar il-klima peress li kwalunkwe dewmien biex tittieħed azzjoni jimplika kostijiet ogħla għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-inizjattivi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Patt Ewropew għall-Oċeani għandhom l-għan li naslu għan-newtralità klimatika, innaqqsu l-emissjonijiet u l-użu ta’ riżorsi limitati, inaqqsu t-tniġġis, inżidu ċ-ċirkolarità, nipproteġu l-bijodiversità, u nappoġġaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi fis-setturi kollha biex tinbena ekonomija kompetittiva. L-assi spazjali li huma proprjetà tal-UE, bħall-Copernicus u l-Galileo, jipprovdu data bi preċiżjonijiet liema bħalhom u jippermettu l-monitoraġġ u t-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmat. Il-Patt Klimatiku Ewropew ilaqqa’ flimkien komunitajiet, individwi, organizzazzjonijiet mill-UE kollha u ta’ diversi ġenerazzjonijiet biex jiskambjaw l-aħjar prattiki, jiżviluppaw soluzzjonijiet klimatiċi, u jgħinu fil-bini ta’ Ewropa nadifa u prospera. L-Istrateġija Ewropea għal Unjoni tal-Preparatezza tirrikjedi l-issudar tal-volontarjat u t-tisħiħ taċ-ċittadinanza u tal-ħiliet tal-preparatezza. Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, inklużi l-Fond u l-Pjattaforma għal Tranżizzjoni Ġusta, kif ukoll il-Fond Soċjali għall-Klima jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta’ inugwaljanzi ġodda billi joffru sostenn lir-reġjuni, lill-komunitajiet, lill-familji vulnerabbli, lil min juża t-trasport, u lin-negozji żgħar li l-aktar li huma affettwati mit-tranżizzjoni, u b’hekk jiġi żgurat li ħadd ma jaqa’ lura 41 . Inizjattivi bħar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar l-Oċean Atlantiku u l-Programm Interġenerazzjonali Blu tal-Alleanza tal-Innovazzjoni, u l-Programm tal-Ambaxxaturi taż-Żgħażagħ tal-UE għall-Bijoekonomija jirresponsabbilizzaw liż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet politiċi dwar l-oċeani u l-ilma, dwar sistemi tal-ikel sostenibbli, u dwar l-bijoekonomija. Il-Pjattaforma imminenti tal-UE għall-Partijiet Ikkonċernati dwar ir-Reżiljenza tal-Ilma għandha postijiet merfugħin għar-rappreżentanti taż-żgħażagħ, f’konformità mal-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma.

It-trasformazzjoni diġitali u l-miġja tal-intelliġenza artifiċjali (IA) jippreżentaw opportunitajiet ċari għall-Ewropa biex ittejjeb il-benesseri ta’ niesha, trawwem l-innovazzjoni sostenibbli, issaħħaħ is-sistema xjentifika Ewropea, u tissoda l-kompetittività tagħha. L-inizjattivi tal-UE b’rabta mat-teknoloġiji diġitali u mal-ħiliet jikkontribwixxu billi jappoġġaw il-litteriżmu diġitali, it-tranżizzjonijiet ekwi tax-xogħol, u l-użu responsabbli tal-IA b’modi li se jkunu kruċjali biex tinbena l-forza tax-xogħol ta’ għada. L-UE qed tibni wkoll ekosistema favorevoli biex tħeġġeġ l-innovazzjoni rivoluzzjonarja f’teknoloġiji ġodda bħall-IA, in-newroteknoloġija, u kwantum li tkun iċċentrata fuq il-bniedem, etika, u bbażata fuq id-drittijiet 42 . L-ekwità interġenerazzjonali fl-era diġitali, għalhekk, tirrikjedi li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-infrastruttura diġitali, l-iżvilupp inklużiv tal-ħiliet fl-etajiet kollha u, b’mod partikulari, għall-anzjani, kif ukoll l-użu tal-IA li jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru u innovazzjonijiet li jespandu l-opportunitajiet aktar milli napprofondixxu l-firdiet 43 . F’konformità ma’ dan, il-Kummissjoni nediet programm pilota ta’ għotjiet żgħar għal proġetti ta’ tagħlim tal-litteriżmu medjatiku interġenerazzjonali.

It-teknoloġija spazjali tirfed l-aċċess għal servizzi essenzjali, it-tkabbir ekonomiku, u r-reżiljenza ambjentali. Bħalissa, il-qasam spazjali qed isir dejjem aktar konġestjonat — u qed jespandi r-riskji għall-assi u s-sigurtà spazjali tagħna. Inizjattivi bħall-Att tal-UE dwar l-Ispazju u l-Viżjoni għall-Ekonomija Spazjali huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-ispazju jkun sikur, sigur, u sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.

... Noħolqu impatt permezz ta’ azzjoni lokali u globali

L-ekwità interġenerazzjonali hija partikularment tanġibbli fejn l-aċċess għall-għajxien, għall-assi, u għall-opportunitajiet jkun fil-periklu. Fis-setturi tal-agrikoltura, tas-sajd, u rurali, il-fatt li l-forzi tax-xogħol qed jixjieħu u l-ħitan għoljin li jimblukkaw id-dħul qed jheddu l-vijabbiltà fit-tul. Il-politiki tal-UE jappoġġjaw it-tiġdid ġenerazzjonali billi jtejbu l-aċċess għall-art u l-baħar, għall-finanzi, għat-taħriġ, u għat-trasferiment tal-għarfien, u billi jsaħħu ż-żoni rurali u kostali bħala postijiet fejn iż-żgħażagħ jistgħu jibnu futur vijabbli 44 .

Fil-livell lokali u f’dak reġjonali, komunitajiet b’saħħithom u konnessi jgħinu biex il-politiki fit-tul jissarrfu f’esperjenza ħajja, jappoġġjaw il-kooperazzjoni bejn il-gruppi ta’ età, itejbu l-inklużjoni u jnaqqsu l-iżolament, b’mod partikulari f’kuntesti ta’ tibdil demografiku, 45 urbanizzazzjoni, 46 u żvantaġġ territorjali. L-aċċess għas-servizzi, għall-mobbiltà, għall-ispazji pubbliċi kondiviżi, u għall-infrastruttura soċjali u kulturali lokali, jinfluwenza jekk persuni ta’ ġenerazzjonijiet differenti jkunux jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja ekonomika, soċjali, u demokratika. L-azzjoni min-naħa tal-UE, b’mod partikulari permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni u Agrikola, tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, u lokali fit-tisħiħ tar-reżiljenza fil-livell tal-komunità permezz ta’ investiment territorjali, żvilupp urban, kostali, u rurali inklużiv, 47 u aċċess imtejjeb għas-servizzi. Għandha l-għan li tiggarantixxi dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju u jirnexxi f’postijiet li n-nies isejħulhom darhom.

Fil-livell globali, l-approċċ tal-UE huwa ankrat bl-impenji multilaterali reċenti. Fis-Summit tan-NU dwar il-Futur, l-UE u l-Istati Membri tagħha approvaw il-Patt għall-Futur u d-Dikjarazzjoni dwar il-Ġenerazzjonijiet Futuri, li jissottolinjaw l-importanza tal-multilateraliżmu u l-promozzjoni ta’ ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, bin-NU fil-qalba tiegħu, biex tiġi promossa l-paċi 48 . L-aħħar stħarriġiet kif ukoll il-panels taċ-Ċittadini Ewropej juru li s-sigurtà u d-difiża tal-UE huma fost l-aktar tħassib urġenti tal-Ewropej, speċjalment taż-żgħażagħ. Il-kisba ta’ awtonomija strateġika fl-UE li tipprovdi sigurtà u paċi għaċ-ċittadini tagħha, li mhumiex ristretti mill-instabbiltà, id-dipendenza, u l-kunflitti, hija investiment għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri kollha. Il-Global Gateway, l-istrateġija tal-UE għall-investiment estern, tiżgura li l-investimenti fit-tul jikkontribwixxu biex jingħata sostenn lill-objettivi tal-politika pubblika fil-pajjiżi sħab ankrati fl-ekwità interġenerazzjonali, billi tippromwovi l-ħiliet lokali, l-involviment taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u impjiegi deċenti, u b’hekk tikkontribwixxi għal soċjetajiet aktar ekoloġiċi u aktar sani u jitnaqqsu l-inugwaljanzi multidimensjonali. L-azzjoni globali min-naħa tal-UE dwar il-klima għandha l-għan li timmobilizza l-kooperazzjoni internazzjonali biex jitwettaq il-Ftehim ta’ Pariġi u jiġi żgurat ambjent sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.

It-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-viċinat usa’ tal-UE u l-bini tal-prontezza u l-kapaċitajiet tad-difiża permezz tal-istrument SAFE huma investimenti għal futur paċifiku. Oqfsa ta’ kooperazzjoni bħall-Patt għall-Mediterran jagħtu sostenn lil inizjattivi bi sjieda konġunta li jippromwovu l-investiment fil-ħiliet, fl-iżvilupp ekonomiku, fir-reżiljenza, u fil-koeżjoni soċjali fir-reġjun kollu, b’mod li jirrikonoxxi r-rwol tan-nies — partikularment taż-żgħażagħ — bħala muturi tal-innovazzjoni u tal-prosperità kondiviża. 

It-tkabbir tal-UE huwa wkoll wieħed mill-aktar investimenti fit-tul konsegwenzjali tal-UE. Proċess ta’ tkabbir kredibbli, ġust, u bbażat fuq il-mertu jsaħħaħ il-paċi, l-istabbiltà, u l-opportunità, u jespandi l-prospetti għaż-żgħażagħ kemm fl-Istati Membri attwali kif ukoll fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali. F’dan is-sens, it-tkabbir huwa impenn interġenerazzjonali daqskemm huwa wieħed ġeopolitiku. F’konformità mal-objettivi tal-Kummissjoni, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali se jiġu mistiedna jipparteċipaw fl-azzjonijiet ippreżentati f’din l-istrateġija flimkien mal-Istati Membri tal-UE kull fejn ikun possibbli u fattibbli.

6.Il-passi li jmiss — kollaborazzjoni għall-ekwità interġenerazzjonali

L-ekwità interġenerazzjonali mhijiex politika unika, iżda mod kif titfassal politika li tqis b’mod konsistenti l-impatti fit-tul u tfittex li tiżgura li d-deċiżjonijiet meħudin illum ma jdgħajfux, iżda pjuttost itejbu, il-benesseri futur.

Il-promozzjoni tal-ekwità interġenerazzjonali tirrikjedi sforz intenzjonat u sostnut fuq tul ta’ żmien, aktar milli riforma ta’ darba. Titlob approċċi iterattivi, riflessivi, u adattivi li jistgħu jevolvu mat-tibdil fil-ħtiġijiet, fl-evidenza, u fiċ-ċirkustanzi, u li huma inkorporati fil-proċessi eżistenti tat-tfassil tal-politika. 

Fi ħdan dan il-proċess, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tmexxi bl-eżempju, billi tapplika l-prinċipji li tippromwovi u billi tagħmel użu effettiv mill-għodod eżistenti biex tintegra aħjar il-kunsiderazzjonijiet fit-tul fil-ħidma tagħha. Il-progress se jiddependi fuq il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u mal-Istati Membri, kif ukoll fuq l-involviment fil-livell reġjonali u lokali.

L-ekwità interġenerazzjonali diġà hija riflessa f’firxa ta’ inizjattivi, prattiki, u għażliet politiċi tal-UE. Din l-istrateġija tibni fuq dik ir-realtà billi tappoġġa aktar konsistenza, viżibbiltà, u skambju ta’ esperjenza, u billi tinkoraġġixxi riflessjoni dwar kif il-perspettivi fit-tul jistgħu jissaħħu fi ħdan l-oqfsa eżistenti.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-UE biex jikkunsidraw, fi ħdan ir-rwoli rispettivi tagħhom, kif l-aspetti interġenerazzjonali jistgħu jitqiesu aktar fit-tfassil tal-politika. L-Istati Membri tal-UE huma mħeġġin ikomplu jintegraw il-ħsieb fit-tul fit-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi, f’konformità mal-kuntesti u l-kompetenzi nazzjonali, u jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar diversi aspetti tal-ekwità interġenerazzjonali.

Bit-tisħiħ ta’ dawn l-approċċi, l-UE tista’ tgħaddi mill-prinċipji għal prattika aktar konsistenti, u b’hekk ittejjeb il-kapaċità tal-politiki pubbliċi li jibbilanċjaw il-ħtiġijiet attwali mar-responsabbiltajiet futuri, u biex tippromwovi riżultati aħjar għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri.

(1)

  Supporting materials for the design of the Strategy

(2)

  Il-panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-Ekwità Interġenerazzjonali

(3)

  Declaration on Future Generations — in-NU

(4)

 It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi, fl-Artikolu 3(3), li l-Unjoni għandha tippromwovi s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tenfasizza li t-tgawdija tad-drittijiet fundamentali tinvolvi responsabbiltà fir-rigward tal-ġenerazzjonijiet futuri. Fost inizjattivi oħrajn, eżempji ewlenin bħas-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv (2012) u s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) jixhdu l-enfasi tal-Unjoni fuq il-koeżjoni interġenerazzjonali. Il-Komunikazzjoni tal-2023 dwar it-Tibdil Demografiku tpoġġi l-ekwità bejn il-ġenerazzjonijiet fil-qalba tal-politika, u r-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2025 isemmiha bħala waħda minn tmien prijoritajiet ewlenin.

(5)

   Il-Kummissjoni Ewropea identifikat u qed timmonitorja 14-il megatendenza, li huma kruċjali għall-futur tal-UE, permezz tal-Hub tal-Megatendenzi tagħha.

(6)

    Id-Dokument ta’ Prospettiva tal-ESPA dwar l-Ekwità Interġenerazzjonali, li ħareġ fl-2025 , joffri ħarsa ġenerali ċara lejn l-isfidi u l-opportunitajiet tal-megatendenzi li jikkonċernaw l-Ekwità Interġenerazzjonali.

(7)

   Ir-rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2025 jippreżenta tmien oqsma ewlenin fejn l-UE tista’ taġixxi biex tittrasforma sfidi speċifiċi għall-Ewropa f’opportunitajiet.

(8)

  Ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2022-2024)  — L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE 

(9)

   Skont  l-Eurostat , fl-2025 mill-inqas 75% taż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u d-29 sena kellhom almenu l-ħiliet diġitali bażiċi.

(10)

  Ħiliet għall-era diġitali — Statistika Spjegata — Eurostat  

(11)

  Il-ħiliet diġitali fl-2023: l-impatt tal-edukazzjoni u tal-età

(12)

  Id-Diskriminazzjoni fl-Unjoni Ewropea - Diċembru 2023 - Stħarriġ tal-Ewrobarometru

(13)

  Statistika dwar id-diżabilità — ħtiġijiet tal-anzjani għal għajnuna jew assistenza

(14)

  Is-sitwazzjoni tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fl-UE — il-Kummissjoni Ewropea ;  Diskrepanzi fl-impjiegi għan-nisa u għall-persuni b’diżabilità — Eurostat

(15)

OECD (2025), To Have and Have Not – How to Bridge the Gap in Opportunities, OECD Publishing, Pariġi, https://doi.org/10.1787/dec143ad

(16)

  Valutazzjoni tal-impatt għall-mira klimatika għall-2040, SWD (2024) 63 finali, il-Parti 2/5, l-Anness 7, it-Taqsima 3

(17)

  It-telf ekonomiku minn avvenimenti estremi relatati mat-temp u mal-klima fl-Ewropa | Indikaturi | L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) . Mit-telf ekonomiku ta’ €822 biljun li seħħ f’dawn l-aħħar 45 sena b’rabta mal-klima, 25% seħħ f’dawn l-aħħar 4 snin

(18)

  Ekwità, Inugwaljanza, u Mobbiltà Interġenerazzjonali — Frar 2023 — - Stħarriġ tal-Ewrobarometru

(19)

  Fatturi ta’ riskju u konsegwenzi tas-solitudni — Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka : Iċ-Ċentru tax-Xjenza tal-UE

(20)

  Il-Kodiċi ta’ Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni | Il-Kummissjoni Ewropea . 63% taż-żgħażagħ Ewropej jiltaqgħu ma’ aħbarijiet foloz aktar minn darba fil-ġimgħa filwaqt li 51% tal-Ewropej jaħsbu li ġew esposti għad-diżinformazzjoni online

(21)

OECD (2025), Better Regulation Practices across the European Union 2025, OECD Publishing, Pariġi,  https://doi.org/10.1787/6f007516

(22)

 “ Il-Kumitat għall-Futur ” Finlandiż huwa korp parlamentari permanenti li jintegra l-prospettiva fil-governanza.

(23)

 “ L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Prospettiva u tal-Istrateġija ” Spanjol jikkoordina l-pjan direzzjonali “Spanja 2050”, filwaqt li jintegra l-prospettiva strateġika fil-governanza sabiex il-politiki attwali jiġu allinjati mal-miri tal-ekwità interġenerazzjonali fit-tul.

(24)

 “ Il-Gwardjan ta’ Ġenerazzjonijiet Futuri ” Malti huwa kummissjoni ta’ livell għoli li tawditja s-setturi governattivi biex tiżgura li l-politiki dwar l-iżvilupp sostenibbli ma jikkompromettux liċ-ċittadini futuri.

(25)

   L-azzjonijiet għall-promozzjoni tal-litteriżmu finanzjarju ġew spjegati  fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2025) dwar Strateġija ta’ Litteriżmu Finanzjarju għall-UE , COM (2025) 681 finali.

(26)

 Skont il-prinċipji tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal,  il-Garanzija Ewropea għat-Tfal — Impjiegi, Affarijiet Soċjali, u Inklużjoni .

(27)

  L-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal , COM(2021) 142 final.

(28)

  Il-Pjattaforma tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal | L-Unjoni Ewropea .

(29)

 Il-Fond Soċjali + jista’ jappoġġja bosta azzjonijiet li jtaffu l-impatt tat- tibdil demokratiku, bħall-aċċess għall-impjieg (inkluż għall-anzjani, għaż-żgħażagħ, u għan-nisa ), l-aċċess għaċ-childcare u għal servizzi ta’ assistenza fit-tul, għall-edukazzjoni u l-ħiliet, u t-twettiq tal-Garanziji għat-Tfal u għaż-Żgħażagħ. Dan il-punt importanti huwa msaħħaħ aktar fil-proposti tal-Kummissjoni għall-QFP li jmiss, li jintroduċu artikolu speċifiku ddedikat għall-FSE dwar it-tibdil demografiku.

(30)

 Ara, pereżempju,  l-Istrateġija Industrijali Ewropea , il-Boxxla għall-Kompetittività , jew  l-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up

(31)

   Programmi tal-UE  bħall-UE għas-Saħħa , jew inizjattivi bħall-Pjan Direzzjonali għal Impjiegi ta’ Kwalità , l-Istrateġija imminenti Kontra l-Faqar, il-Garanzija għat-Tfal imsaħħa, l-Istrateġija Ewropea għall-Kura, u  r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja  għandhom l-għan li jsaħħu l-aċċess għall-assistenza u li joffru sostenn lill-indokraturi, irawmu l-impjiegi ta’ kwalità, jiżguraw l-aċċess għal servizzi u protezzjonijiet fundamentali, u jkissru ċ-ċikli tal-faqar.

(32)

  L-Unjoni tal-ħiliet  adottata mill-Kummissjoni fl-2025 għandha l-għan li tappoġġa l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ edukazzjoni, taħriġ, u ħiliet ta’ kwalità, inklużivi, u adattabbli biex in-nies madwar l-Ewropa jiġu responsabbilizzati bil-ħiliet li jeħtieġu biex jirnexxu, u tiżdied il-kompetittività tal-UE, b’inizjattivi bħal Skema ta’ Appoġġ għall-Ħiliet Bażiċi, Aġenda tal-UE għall-Għalliema u għall-Ħarrieġa, Alleanzi Ewropej tal-Iskejjel, u Pjan Direzzjonali tal-2030 dwar il-futur tal-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali.

(33)

  Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà | Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ

(34)

 Il-panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-Ekwità Interġenerazzjonali enfasizza l-importanza ta’ akkomodazzjoni sikura, komunitajiet b’saħħithom, u għajxien dinjituż għall-ġenerazzjonijiet kollha.

(35)

 Fl-2027, il-Kummissjoni se tippubblika diversi rapporti dwar is-sistemi tal-protezzjoni soċjali. Ir-Rapport dwar il-Protezzjoni Soċjali Adegwata fl-Età Anzjana se janalizza b’mod integrat kif is-sistemi Ewropej tal-protezzjoni soċjali jgħinu biex nipproteġu l-istandards tal-għajxien tal-popolazzjoni anzjana permezz tal-pensjonijiet, tal-assistenza fit-tul, u ta’ politiki relatati, filwaqt li r-Rapport dwar it-Tixjiħ li se joħroġ fl-2027 se jiffoka fuq projezzjonijiet li juru l-impatt fit-tul ekonomiku u baġitarju ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ, sal-2080.

(36)

 F’Novembru 2025, il-Kummissjoni ħarġet sett ta’ inizjattivi biex tippromwovi l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-pensjonijiet supplimentari fl-Istati Membri, inkluża  r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sistemi ta’ trekkjar tal-pensjonijiet, id-dashboards tal-pensjonijiet, u l-awtoreġistrazzjoni , C/2025/9300 finali.

(37)

  L-istrateġija tal-UE għal unjoni tal-preparatezza

(38)

  Safer together: A path towards a fully prepared Union - Il-Kummissjoni Ewropea

(39)

 Ara, pereżempju, l-Azzjoni 29 dwar il-kurrikuli tal-iskejjel, l-Azzjoni 30 dwar il-programmi taż-żgħażagħ, u l-Azzjoni 27 dwar is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u t-theddid, li għandha komponent dwar il-persuni vulnerabbli.

(40)

  It-Tarka Ewropea għad-Demokrazija u l-Istrateġija tal-UE għas-Soċjetà Ċivili

(41)

 Il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel  rakkomandazzjoni tagħha dwar l-indirizzar tal-faqar tat-trasport  f’Mejju 2025. Fiha enfasizzat ir-rwol vitali tat-trasport fil-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, il-benesseri, u l-ġustizzja soċjali billi jsostni l-aċċess għal impjiegi ta’ kwalità, inkluż għal persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali u ċerti gruppi vulnerabbli tas-soċjetà, kif ukoll il-kontribut tiegħu għat-tisħiħ tal-ekwità u s-solidarjetà interġenerazzjonali.

(42)

 Ara, pereżempju, ir-Regolament (UE) 2024/1689  li jiżgura li s-sistemi tal-IA jkunu sikuri, affidabbli, u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali filwaqt li jippromwovu l-innovazzjoni.

(43)

 Il-panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-Ekwità Interġenerazzjonali enfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti limiti għall-użu tal-IA biex jiġu żgurati aċċess responsabbli u standards etiċi, u jittaffew ir-riskji potenzjali.

(44)

  L-Istrateġija għat-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura  hija maħsuba biex tirdoppja l-persentaġġ ta’ bdiewa żgħażagħ u ġodda, biex jiġi żgurat li l-agrikoltura tibqa’ innovattiva, kompetittiva, u reżiljenti. Tirrifletti wkoll il-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-Ekwità Interġenerazzjonali, li enfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-biedja sostenibbli b’aktar appoġġ finanzjarju min-naħa tal-UE, u s-sigurtà u s-sovranità tal-ikel. It-tiġdid ġenerazzjonali fl-impjiegi relatati mal-oċeani se jiġi indirizzat fil-Viżjoni 2040 għas-sajd u għall-akkwakultura (2026) u fl-Istrateġija ta’ Tiġdid Ġenerazzjonali Blu (2027).

(45)

  Is-sett ta' għodod tad-demografija  tal-2023 jenfasizza r-riskji ta’ popolazzjoni tal-UE li qed tixjieħ għall-kompetittività fit-tul tal-UE. Jabbina l-għodod tal-UE mal-politiki nazzjonali u reġjonali biex jirresponsabbilizza lill-ġenerazzjonijiet kollha sabiex iwettqu l-għażliet tal-ħajja tagħhom, u joħorġu l-potenzjal tagħhom fl-ekonomija u fis-soċjetà inġenerali.

(46)

  L-aġenda tal-UE għall-Ibliet 2025  issaħħaħ id-dimensjonijiet territorjali u urbani tal-politiki tal-UE u tissimplifika l-appoġġ eżistenti għaż-żoni urbani. Barra minn hekk, il-Missjoni dwar il-Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti tal-Orizzont Ewropa  ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-soċjetà u l-innovazzjoni permezz tal-enfasi espliċita tagħha fuq l-involviment taċ-ċittadini u l-governanza b’diversi partijiet ikkonċernati.

(47)

 Sabiex jiġi żgurat li ż-żoni rurali jkunu jistgħu jkomplu jaqdu dawn ir-rwoli essenzjali, fl-2025 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat  il-viżjoni fit-tul tagħha għaż-żoni rurali tal-UE  sal-2040. Strateġiji simili għall-komunitajiet kostali u l-gżejjer huma mistennija fl-2026.

(48)

 Il-panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-Ekwità Interġenerazzjonali enfasizza l-importanza tat-tisħiħ tad-diplomazija u r-rwol tal-UE għaż-żamma tal-paċi bħala l-għodda primarja għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti