IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.2.2026
COM(2026) 85 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar id-delega tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2016/2031 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti (il-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti”)
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar id-delega tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2016/2031 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti (il-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti”)
1.INTRODUZZJONI
Ir-Regolament (UE) 2016/2031 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti (il-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti”) ġie adottat fl-2016. Dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Novembru 2016 u japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.
Dan ir-Regolament jissostitwixxi ħames Direttivi tal-liġi dwar is-saħħa tal-pjanti u jipprevedi approċċ ibbażat fuq ir-riskju u aktar proattiv għall-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni. Jipprevedi stħarriġiet għall-preżenza ta’ pesti, l-identifikazzjoni f’waqtha u n-notifika ta’ tifqigħat u interċettazzjonijiet, regoli dettaljati għall-qerda u l-konteniment, il-prijoritizzazzjoni tal-pesti, l-ippjanar ta’ kontinġenza, l-eżerċizzji ta’ simulazzjoni, ir-regoli ta’ importazzjoni aktar stretti, iċ-ċertifikazzjoni armonizzata u approċċ aktar flessibbli għall-operaturi professjonisti biex iwettqu ċ-ċertifikazzjoni taħt superviżjoni uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti. Dan ir-reġim il-ġdid huwa kkomplementat u appoġġat mir-regoli dwar il-kontrolli uffiċjali introdotti bir-Regolament (UE) 2017/625.
Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta għadd kbir ta’ atti ta’ implimentazzjoni u delegati. Ir-Regolament jimponi wkoll fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tirrapporta lill-koleġiżlaturi fir-rigward tad-delega tas-setgħa mogħtija lilha.
2.BAŻI LEGALI
Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031. Skont din id-dispożizzjoni, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati fir-rigward tal-kwistjonijiet elenkati fih tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin mit-13 ta’ Diċembru 2016, u l-Kummissjoni mitluba tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta’ 5 snin.
Il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel rapport rilevanti fis-27 ta’ Lulju 2021. Dan ir-rapport jikkonċerna t-tieni perjodu ta’ rapportar, jiġifieri dak bejn it-13 ta’ Marzu 2021 u t-13 ta’ Marzu 2026.
Skont dak l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(2), l-Artikolu 7, l-Artikolu 8(5), l-Artikolu 19(7), l-Artikolu 21, l-Artikolu 32(5), l-Artikolu 34(1), l-Artikolu 38, l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 46(2), l-Artikolu 48(5), l-Artikolu 51, l-Artikolu 65(4), l-Artikolu 71(4), l-Artikolu 76(4), l-Artikolu 81(2), l-Artikolu 83(6), l-Artikolu 87(4), l-Artikolu 89(2), l-Artikolu 96(2), l-Artikolu 98(1), l-Artikolu 99(1), l-Artikolu 100(4), l-Artikolu101(5) u l-Artikolu 102(6) ta’ dak ir-Regolament.
L-Artikolu 105(2) ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi li d-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux aktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu, filwaqt li l-Artikolu 105(3) jiddikjara li d-delega tas-setgħa tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
3.EŻERĊITAR TAD-DELEGA
Matul il-perjodu ta’ rapportar, jiġifieri dak bejn it-13 ta’ Marzu 2021 u t-13 ta’ Marzu 2026, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati tagħha, billi adottat l-atti delegati li ġejjin:
·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1456 tal-10 ta’ Ġunju 2022 li jistabbilixxi deroga mill-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-importazzjoni għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, taħt il-kontroll tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti, u mmanifatturati sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru 2007.
·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2404 tal-14 ta’ Settembru 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati għall-istħarriġ dwar pesti ta’ kwarantina f’żona protetta u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/70/KEE.
S’issa l-Kummissjoni użat 7 mis-27 setgħa mogħtija lilha biex tadotta atti delegati kif previst fir-Regolament (UE) 2016/2031. Uħud minn dawn is-setgħat delegati ġew miġbura f’att delegat wieħed fejn ir-regoli huma marbuta b’mod sostanzjali. F’ċerti każijiet, tqies li l-ġabra flimkien f’att wieħed minflok għadd ta’ atti separati b’kontroreferenza kienet meħtieġa għal raġunijiet ta’ sempliċità, ta’ trasparenza, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni effettiva tar-regoli u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet rieżami tas-setgħat mogħtija kollha għall-adozzjoni ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2016/2031, bħala parti mill-objettiv ġenerali tagħha li tissimplifika l-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE.
It-tabella ta’ hawn taħt turi liema atti fihom il-miżuri speċifiċi adottati skont is-setgħat mogħtija rilevanti fir-Regolament (UE) 2016/2031.
|
Att Delegat
|
Setgħat mogħtija fir-Regolament (UE) 2016/2031
|
|
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/827 tat-13 ta’ Marzu 2019 dwar il-kriterji li jeħtieġ jiġu ssodisfati mill-operaturi professjonisti sabiex jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-proċeduri biex jiġi żgurat li dawk il-kriterji jintlaħqu.
|
Artikolu 89(2)
|
|
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/829 tal-14 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti billi jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu derogi temporanji għall-finijiet tal-ittestjar uffiċjali, għal finijiet xjentifiċi jew edukattivi, għall-finijiet ta’ provi, għall-għażliet tal-varjetà jew għat-tnissil.
|
Artikoli 8(5) u 48(5)
|
|
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1702 tal-1 ta’ Awwissu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-lista ta’ pesti ta’ prijorità.
|
Artikolu 6(2)
|
|
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1456 tal-10 ta’ Ġunju 2022 li jistabbilixxi deroga mill-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-importazzjoni għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, taħt il-kontroll tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti, u mmanifatturati sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru 2007.
(m’għadux fis-seħħ)
|
Artikolu 43(2)
|
|
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2404 tal-14 ta’ Settembru 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati għall-istħarriġ dwar pesti ta’ kwarantina f’żona protetta u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/70/KEE.
|
Artikolu 32(5) u Artikolu 34(1)
|
Ċerti setgħat mogħtija tar-Regolament (UE) 2016/2031 ma ntużawx matul il-perjodu ta’ rapportar għar-raġunijiet spjegati hawn taħt:
·S’issa għadhom ma ntużawx is-setgħat mogħtija tal-Artikoli 7, 21, 38, 51, 71(4), 83(6), 100(4), 101(5) u 102(6) fir-rigward tal-emendi tat-Taqsimiet 1 u 4 tal-Anness I, l-Anness II, l-Anness III, l-Anness IV, il-Partijiet A u B tal-Anness V, l-Anness VII u l-Partijiet A, B u C tal-Anness VIII, sabiex jiġu adattati għall-iżvilupp tal-għarfien xjentifiku u teknoloġiku u ta’ standards internazzjonali rilevanti. Madankollu, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li tużahom, ladarba jsir kwalunkwe aġġornament tal-għarfien xjentifiku u tekniku jew tal-istandards internazzjonali rispettivi.
·S’issa għadha ma ntużatx is-setgħa mogħtija tal-Artikolu 19(7) fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-pesti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 6 ta’ dak l-Artikolu u fil-punt (b) tal-Artikolu 16 u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk id-derogi. Madankollu, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti, bil-ħsieb li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi tan-negozju.
·Ma ntużawx is-setgħat mogħtija tal-Artikolu 46(2) fir-rigward tal-wisa’ massima taż-żoni fil-fruntiera tal-pajjiż terz u taż-żoni fil-fruntiera tal-Istat Membru, kif xieraq għall-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra speċifiċi, id-distanza massima tal-moviment tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra kkonċernati fi ħdan iż-żoni fil-fruntiera tal-pajjiż terz u ż-żoni fil-fruntiera tal-Istat Membru; u l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tal-introduzzjoni fiż-żoni fil-fruntiera tal-Istat Membru u l-moviment fi ħdanhom, ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti.
·Ma ntużawx is-setgħat mogħtija tal-Artikolu 65(4) fir-rigward i) taż-żieda ta’ kategoriji oħra ta’ operaturi professjonisti li għandhom jiġu eżentati mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’każ li dik ir-reġistrazzjoni tikkostitwixxi piż amministrattiv li għalihom ikun sproporzjonat għar-riskju baxx ta’ pesti relatat mal-attivitajiet professjonali tagħhom; ii) tar-rekwiżiti partikolari għar-reġistrazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ operaturi professjonisti, filwaqt li titqies in-natura tal-attività jew tal-pjanta, il-prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor ikkonċernat, u iii) tal-istabbiliment taċ-ċifri massimi għal kwantitajiet żgħar ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra partikolari kif imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti bil-ħsieb li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi tan-negozju.
·Ma ntużatx is-setgħa mogħtija tal-Artikolu 76(4) fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà taċ-ċertifikati fitosanitarji. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti.
·Ma ntużatx is-setgħa mogħtija tal-Artikolu 81(2) fir-rigward tal-istabbiliment tal-każijiet fejn, għal pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra partikolari, l-eċċezzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tapplika biss għal kwantitajiet żgħar. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti.
·Ma ntużatx is-setgħa mogħtija tal-Artikolu 87(4) fir-rigward tal-miżuri dettaljati dwar l-eżami viżwali, it-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar, u l-frekwenza u l-ħin ippjanat tal-eżamijiet, imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, fir-rigward ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra speċifiċi, abbażi tar-riskji ta’ pesti partikolari li dawn jistgħu jippreżentaw. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti.
·Ma ntużatx is-setgħa mogħtija tal-Artikolu 96(2) fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sabiex tadattahom għall-iżvilupp ta’ standards internazzjonali u b’mod partikolari għall-ISPM15. Madankollu, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward, ladarba jsir kwalunkwe aġġornament tal-għarfien xjentifiku u tekniku jew tal-istandards internazzjonali rispettivi.
·Ma ntużatx is-setgħa mogħtija tal-Artikolu 98(1) fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni tal-operaturi rreġistrati li japplikaw il-marka tal-materjal tal-injam għall-imballaġġ, fejn xieraq, għall-finijiet tal-iżvilupp tal-għarfien xjentifiku u tekniku u tal-istandard internazzjonali. Madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibqa’ f’pożizzjoni li tużaha, ladarba jsir kwalunkwe aġġornament tal-għarfien xjentifiku u tekniku jew tal-istandards internazzjonali rispettivi.
·Ma ntużawx is-setgħat mogħtija tal-Artikolu 99(1) fir-rigward tar-rekwiżiti i) għall-awtorizzazzjoni ta’ operaturi professjonisti rigward il-ħruġ tal-attestazzjonijiet uffiċjali msemmi fl-Artikolu 99(1); ii) għas-superviżjoni mill-awtorità kompetenti tal-operaturi professjonisti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 99(2), u iii) għall-irtirar ta’ dik l-awtorizzazzjoni msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 99(2). Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġixxi f’dan ir-rigward fid-dawl tal-esperjenza dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti.
4.KONKLUŻJONI
Il-Kummissjoni tara l-ħtieġa ta’ estensjoni tas-setgħat mogħtija kollha tar-Regolament (UE) 2016/2031 biex tadotta atti delegati kif previst f’dak ir-Regolament lil hinn mill-perjodu attwali ta’ 5 snin. Il-ħtieġa li jiġu żviluppati regoli bbażati fuq is-setgħat mogħtija se tibqa’ fil-futur. Dan se jkun xieraq biex dawk ir-regoli jiġu aġġustati regolarment għall-aħħar standards xjentifiċi u biex il-Kummissjoni tingħata l-possibbiltà li taġixxi fl-oqsma fejn tkun għadha ma aġixxietx, iżda fejn jista’ jkollha bżonn tagħmel dan fil-futur.