Brussell, 6.2.2026

COM(2026) 75 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Irlanda


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Irlanda

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)Il-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE 1 għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza, permezz ta’ riformi u investimenti u l-prevenzjoni ta’ defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli.

(2)Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika. Il-pjanijiet iridu jilħqu żewġ objettivi: (i) jiżguraw, fost l-oħrajn, li sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju, u ii) jiżguraw it-twettiq ta’ riformi u ta’ investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak l-għan, kull pjan irid jippreżenta impenn fuq terminu medju għar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta 2 , li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri 4 jew 5 snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru se jiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inklużi dawk li jappartjenu għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi (MIP, macroeconomic imbalances procedure)), u kif l-Istat Membru biħsiebu jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri 4 snin, li jista’ jiġi estiż sa 3 snin jekk l-Istat Membru jintrabat li jwettaq sett ta’ riformi u investimenti rilevanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.

(3)Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu mbagħad jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi r-rati massimi ta’ tkabbir fil-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali.

PROĊESSI RELATATI, INKLUŻ IL-PERKORS TAN-NEFQA NETTA RRAKKOMANDAT QABEL U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU

(5)Fil-15 ta’ Ottubru 2024, l-Irlanda ppreżentat il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tagħha fuq terminu medju, li jkopri l-perjodu mill-2025 sal-2029. Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan ta’ Ottubru 2024 3 . Biex tiġi vvalutata l-konformità fl-2025, ir-rata massima ta’ tkabbir tan-nefqa netta stabbilita mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 tibqa’ rilevanti. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-konformità, abbażi tad-data tal-eżitu, fil-kuntest tal-pakkett tas-Semestru Ewropew tar-rebbiegħa 2026.

(6)Fil-25 ta’ Novembru 2025, bħala parti mill-pakkett tas-Semestru Ewropew tal-Ħarifa 2025, il-Kummissjoni ppubblikat l-aktar valutazzjoni reċenti tagħha tal-konformità tal-Irlanda mar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill f’Jannar 2025 4 . Skont l-istimi tal-Kummissjoni, ir-rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta tal-Irlanda fl-2025 kienet ogħla mill-massimu rakkomandat, li tikkorrispondi għal devjazzjoni mistennija ta’ 0,5 % tal-PDG. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta’ tkabbir kumulattiva tan-nefqa netta kienet ipprojettata wkoll li tkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir kumulattiva rakkomandata, li madankollu tikkorrispondi għal devjazzjoni iżgħar: 0,2 % tal-PDG.

(7)Din il-valutazzjoni qieset l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għas-sena 2026 li l-Irlanda ppreżentat fil-15 ta’ Ottubru 2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju fil-25 ta’ Novembru 2025 5 . Il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-Irlanda kkonforma mal-obbligi tal-politika baġitarja tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, peress li l-pożizzjoni baġitarja għall-2026 kienet ipprojettata li tkun f’surplus, u b’hekk tikkontribwixxi għal tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG. Fl-istess ħin, l-opinjoni tal-Kummissjoni nnotat id-devjazzjoni deskritta hawn fuq, u r-riskji ta’ devjazzjoni, mit-tkabbir massimu tan-nefqa netta fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025.

(8)Fit-8 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill indirizza lill-Irlanda sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 6 .

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAL-IRLANDA

(9)Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2024/1263, fil-każ ta’ gvern maħtur ġdid, Stat Membru jista’ jippreżenta pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju rivedut. Wara l-elezzjonijiet ġenerali f’Novembru 2024, ġie stabbilit gvern ġdid fit-23 ta’ Jannar 2025. Fid-9 ta’ Jannar 2026, l-Irlanda ppreżentat il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut tagħha (minn issa ’l quddiem “il-pjan”) lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-pjan ikopri l-perjodu mill-2026 sal-2030.

Proċess qabel il-preżentazzjoni tal-pjan ta’ Jannar 2026

(10)L-Irlanda kienet eliġibbli biex tirċievi informazzjoni teknika 7 mill-Kummissjoni, iżda ma talbithiex. Fid-19 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni pprovdiet lill-Irlanda, u fit-12 ta’ Jannar 2026 8 ippubblikat, il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni 9 , kif imsemmi fil-Premessa (25) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(11)F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, l-Irlanda u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku matul Ottubru u Diċembru 2025. Id-djalogu tekniku ffoka fuq ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta previsti mill-Irlanda u s-suppożizzjonijiet sottostanti tagħhom, kif ukoll fuq it-twettiq previst ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini ta’ kapaċitajiet ta’ difiża.

(12)F’Ġunju 2025, f’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Irlanda fil-pjan tagħha, l-Irlanda kienet involuta fi proċess ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, mas-sħab soċjali, mal-awtoritajiet reġjonali u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Irlanda fil-pjan tagħha, il-Gvern ospita d-Djalogu Ekonomiku Nazzjonali (NED, National Economic Dialogue), avveniment annwali li jipprovdi forum għall-partijiet ikkonċernati biex jiskambjaw mal-Gvern dwar il-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali. Id-diskussjonijiet fl-NED 2025 ġew inkwadrati madwar is-suġġett ta’ ppjanar baġitarju fuq terminu medju fil-kuntest tal-obbligi tal-Irlanda skont il-qafas fiskali rivedut tal-UE.

(13)Il-Kunsill Konsultattiv Fiskali Irlandiż (IFAC) ta opinjoni dwar it-tbassir makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-perkors tan-nefqa netta fil-pjan. Il-pjan huwa bbażat fuq il-previżjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-baġit nazzjonali għall-2026 li jkopri s-snin mill-2025 sal-2030, li ġew approvati mill-IFAC fis-26 ta’ Settembru 2025. L-IFAC kien sodisfatt li l-previżjonijiet kienu “f’firxa li tista’ tiġi approvata”.

(14)Il-pjan ġie adottat mill-gvern fid-19 ta’ Diċembru 2025 u ppreżentat lill-parlament nazzjonali fid-9 ta’ Jannar 2026.

SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI

(15)F’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan ta’ Jannar 2026 kif ġej:

Kuntest: is-sitwazzjoni makroekonomika u fiskali u l-prospetti

(16)Il-PDG reali fl-Irlanda żdied bi 2,6 % fl-2024, xprunat mit-tkabbir fl-esportazzjoni, prinċipalment f’setturi speċifiċi ddominati minn multinazzjonali. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija li tkun kibret b’10,7 % fl-2025, bis-saħħa ta’ esportazzjonijiet farmaċewtiċi b’saħħithom, li parzjalment jirriflettu frontloading qabel il-bidliet mistennija fil-politika tariffarja tal-Istati Uniti. Id-domanda domestika modifikata, li tirrifletti aħjar l-attività ekonomika domestika fl-Irlanda, hija mistennija li tkun żdiedet bi 3,4 %. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied b’0,2 %, affettwat b’mod negattiv mit-tnaqqis tal-frontloading fl-2025, iżda appoġġat mit-tkabbir fl-esportazzjoni tas-servizzi u d-domanda domestika. Fl-2027, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 2,9 %, li jirrifletti kontribuzzjonijiet pożittivi kemm mill-esportazzjonijiet kif ukoll mid-domanda domestika. Matul il-perjodu ta’ tbassir (jiġifieri, 2025-2027), it-tkabbir tal-PDG potenzjali fl-Irlanda huwa mistenni li jonqos gradwalment minn 4,5 % fl-2025 għal 3,5 % fl-2027, xprunat primarjament minn kontribuzzjoni mix-xogħol li qed tonqos. Ir-rata ta’ qgħad kienet ta’ 4,3 % fl-2024. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni, huwa stmat li kien ta’ 4,6 % fl-2025, u huwa pprojettat li jkun 4,7 % fl-2026 u fl-2027. L-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) hija stmata li naqset minn 4,5 % fl-2024 għal 2,1 % fl-2025, u hija pprojettata li tilħaq 2,0 % fl-2026 u 1,8 % fl-2027.

(17)Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2024 is-surplus tal-amministrazzjoni pubblika tal-Irlanda ammonta għal 4,0 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa stmat li jkun 1,5 % tal-PDG fl-2025, ipprojettat li jkompli jonqos għal 1,0 % tal-PDG fl-2026 u, fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politika, għal 0,8 % fl-2027. It-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni Ewropea iqis l-abbozz tal-baġit tal-Irlanda għall-2026 li l-gvern ippropona f’Ottubru 2025, u li sadattant ġie adottat mill-parlament nazzjonali. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 38,3 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jkun naqas għal 33,1 % tal-PDG fi tmiem l-2025. Dan huwa pprojettat li jonqos għal 32,5 % tal-PDG fi tmiem l-2026 u għal 31,3 % fi tmiem l-2027.

Ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan ta’ Jannar 2026

(18)Il-pjan ikopri l-perjodu 2026-2030 u jippreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq erba’ snin.

(19)Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(20)Il-pjan jimpenja ruħu għar-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta indikati fit-Tabella 1 hawn taħt, li jikkorrispondu għal tkabbir medju fin-nefqa netta ta’ 6,7 % matul is-snin 2026-2030.

Tabella 1: Tkabbir massimu tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tal-Irlanda

2026

2027

2028

2029

2030

Medja matul il-perjodu ta’ validità tal-pjan

2026-2030

Medja matul il-perjodu ta’ aġġustament

2026 – 2029

Tkabbir tan-nefqa netta 
(annwali, %)

6,6

6,0

7,6

6,7

6,4

6,7

6,7

Tkabbir tan-nefqa netta 
(kumulattiv, mis-sena bażi 2024(*), %)

16,5

23,5

32,9

41,7

50,9

Tkabbir tal-PDG potenzjali (%)

1,0

4,6

3,6

3,6

3,6

3,3

3,2

Inflazzjoni (tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

2,0

2,1

2,2

2,2

2,3

2,2

2,1

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Irlanda (Jannar 2026) u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

(*) Ir-rati ta’ tkabbir kumulattivi huma kkalkulati b’referenza għas-sena bażi tal-2024, l-aħħar sena li għaliha jkun hemm data fiskali tal-eżitu ppubblikata mill-istitut nazzjonali tal-istatistika u mill-Eurostat. Għall-2025, il-pjan jipprojetta tkabbir tan-nefqa netta ta’ 9,3 %. Il-bilanċ kumulattiv tal-kont ta’ kontroll għall-ewwel sena (2026) u għas-snin sussegwenti tal-pjan ta’ Jannar 2026 se jinkludi d-differenza bejn dik il-projezzjoni u d-data tal-eżitu għall-2025.

(21)Il-pjan jistma li r-rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta fl-2025 kienet ta’ 9,3 %. Din ir-rata ta’ tkabbir hija rilevanti għad-definizzjoni tar-rati ta’ tkabbir kumulattivi tan-nefqa netta għall-2026-2030 murija fit-Tabella 1, billi s-sena bażi tal-pjan hija l-2024, l-aħħar sena li għaliha ġiet ippubblikata data tal-eżitu mill-istitut nazzjonali tal-istatistika u mill-Eurostat. Jekk id-data tal-eżitu għall-2025 disponibbli fir-rebbiegħa tal-2026 tkun konformi mar-rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta stmata fil-pjan, dan ikun ifisser li, meta mqabbla mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025, l-Irlanda tirreġistra devjazzjoni annwali ta’ 0,8 % tal-PDG u devjazzjoni kumulattiva ta’ 0,5 % tal-PDG (ara t-Tabella 2). Fl-istess ħin, jekk il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta’ 60 % tal-PDG fl-2025, kif irrapportat fil-pjan, il-Kummissjoni ma tippreparax rapport f’konformità mal-Artikolu 126(3) TFUE 10 . Skont l-awtoritajiet, tkabbir ogħla tan-nefqa netta fl-2025 meta mqabbel mal-istima tal-Kummissjoni ppubblikata fl-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-2026 tal-Irlanda huwa spjegat mir-riżultati aktar reċenti tal-infiq stmat fl-2025, kif ippubblikati fid-dokument “Revised Estimates Volume for Public Services 2026” (stimi riveduti għas-servizzi pubbliċi 2026).

Tabella 2: Tkabbir tan-nefqa netta fl-2025

 

Rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta, %

Devjazzjonijiet mistennija fil-konfront tar-Rakkomandazzjoni ta’ Jannar 2025, % tal-PDG

 

2024

2025

2025

Rata massima ta’ tkabbir, annwali (Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025)

9,8(*)

5,1

-

Rata massima ta’ tkabbir, kumulata (Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025)

-

15,4

-

Annwali (Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni)

8,0

7,7

0,5

Kumulati (Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni)

 -

16,3

0,2

Annwali (Stima fil-pjan rivedut ta’ Jannar 2026)

7,9

9,3

0,8

Kumulati (fuq il-bażi tal-istima tat-tkabbir tan-nefqa netta fil-pjan rivedut ta’ Jannar 2026)

 -

17,9

0,5

Sors: Tbassir tal-ħarifa 2025 tal-Kummissjoni, Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Irlanda (Jannar 2026) u l-kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.

(*) Ir-rata ta’ tkabbir tal-2024 li hija impliċita fir-rata ta’ tkabbir kumulata.

(22)Ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta impenjati fil-pjan huma rrapportati li jwasslu għal bilanċ primarju strutturali ta’ 0,9 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin (2029), u ta’ 1,1 % tal-PDG fl-2030. Dan huwa ogħla mill-proporzjon għall-PDG tal-bilanċ primarju strutturali fl-2029 li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263 11 .

(23)Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali jiżdied minn 1 % fl-2026 għal 4,6 % fl-2027, u li jistabbilizza għal 3,6 % mill-2028. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta’ tkabbir tad-deflatur tal-PDG tonqos gradwalment għal 2,3 % fl-2030, minn 2,0 % fl-2026.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż

(24)Fuq il-bażi tar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta u tas-suppożizzjonijiet, is-surplus tal-gvern estiż jonqos gradwalment minn 1,5 % tal-PDG fl-2025 għal 0,5 % tal-PDG fl-2029. Għalhekk, skont il-pjan, ma hemm l-ebda defiċit tal-gvern estiż li jaqbeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2029). Barra minn hekk, fl-10 snin wara l-perjodu ta’ aġġustament (jiġifieri sal-2039), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta mressqa fil-pjan huma konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan tad-dejn tal-gvern estiż

(25)Jekk jimmaterjalizzaw ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta impenjati fil-pjan fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jonqos gradwalment minn 33,0 % fl-2025 għal 30,0 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2029), skont it-tabella li ġejja. Wara l-perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin, fuq terminu medju (jiġifieri sal-2039), il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jkompli jonqos u li jkun sew taħt is-60 % tal-PDG biex jilħaq 23,7 % tal-PDG sal-2039. Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jibqa’ taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 60 % tal-PDG fuq terminu medju. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta mressqa fil-pjan huma konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 3: Żviluppi fid-dejn u fil-bilanċ tal-gvern estiż fil-pjan tal-Irlanda

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2039

Dejn tal-gvern

(% tal-PDG)

38,3

33,0

32,4

31,5

30,7

30,0

28,8

23,7

Bilanċ tal-gvern

(% tal-PDG)

4,0

1,5

0,8

1,0

0,7

0,5

0,5

-0,8

Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Irlanda (Jannar 2026).

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan

(26)Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta’ suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni mibgħuta lill-Irlanda fid-19 ta’ Diċembru 2025. B’mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal tmien varjabbli, jiġifieri l-punt tat-tluq (il-bilanċ primarju strutturali fl-2025), it-tkabbir tal-PDG potenzjali, it-tkabbir tal-PDG reali u l-għeluq tad-distakk fl-output, it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG, l-aġġustament bejn l-istokk u l-flussi u r-rati tal-imgħax impliċiti nominali. Hija meħtieġa valutazzjoni bir-reqqa ta’ dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet, speċjalment peress li t-tkabbir medju massimu fin-nefqa netta fil-pjan huwa ogħla minn dak li jirriżulta mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq il-limitu massimu tat-tkabbir medju fin-nefqa netta huma elenkati u vvalutati hawn taħt.

·Il-pjan jassumi bilanċ primarju strutturali ogħla għall-2025, jiġifieri surplus ta’ 1,1 % tal-PDG, filwaqt li kien mistenni li jkun bilanċjat (0 % tal-PDG) fit-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni. Fl-istess ħin, il-bilanċ nominali stmat għall-2025 fil-pjan, jiġifieri surplus ta’ 1,5 % tal-PDG, huwa konformi mat-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni. Is-suppożizzjoni tal-punt tat-tluq aktar favorevoli fil-pjan f’termini ta’ bilanċ primarju strutturali hija spjegata mid-dipendenza tal-pjan fuq kunċett nazzjonali ta’ distakk fl-output, li hija differenti mill-metodoloġija maqbula b’mod komuni tal-UE u jimplika kontribuzzjoni ċiklika iżgħar. Filwaqt li l-valutazzjoni nazzjonali tad-distakk fl-output kunċettwalment tiddevja mill-metodoloġija maqbula b’mod komuni tal-UE, hemm indikazzjonijiet qawwija li d-distakk fl-output pożittiv li jirriżulta mill-metodoloġija maqbula b’mod komuni tal-UE huwa kbir eċċessivament. Il-PDG tal-Irlanda huwa mistenni li jkun irreġistrat bħala rata ta’ tkabbir eċċezzjonali ta’ aktar minn 10 % fl-2025, parzjalment minħabba żieda qawwija fl-esportazzjonijiet relatati ma’ farmaċewtiċi wara t-tħabbira ta’ tariffi ogħla li daħlu mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti( 12 ). L-istimi tal-laxkezza fis-suq tax-xogħol u l-pressjonijiet fl-ekonomija ( 13 ), flimkien mat-tnaqqis tal-inflazzjoni domestika ( 14 ), mhumiex konsistenti mad-distakk fl-output pożittiv kbir. Barra minn hekk, meta jitqies il-bilanċ primarju strutturali fl-2024 (3,1 %) u fl-2026 (1,4 %) fit-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni, is-suppożizzjoni tal-pjan ta’ surplus primarju strutturali ta’ 1,1 % tal-PDG fl-2025 tista’ titqies bħala suppożizzjoni konservattiva. Konsegwentement, din id-differenza f’din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq. Meħuda waħedha, din iżżid il-limitu massimu tat-tkabbir medju tan-nefqa netta matul il-perjodu ta’ aġġustament apparagun tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.

·Fil-pjan, it-tkabbir tal-PDG potenzjali matul il-perjodu tal-pjan huwa aktar baxx b’medja ta’ 0,5 pp. meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-pjan jassumi wkoll li t-tkabbir tal-PDG reali huwa aktar baxx. Il-pjan jassumi l-għeluq tad-distakk fl-output sal-2031, jiġifieri sena qabel milli fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Konsegwentement, dawn is-suppożizzjonijiet jitqiesu prudenti u għalhekk ġustifikati kif xieraq. Flimkien, dawn jikkontribwixxu għal tkabbir medju aktar baxx tan-nefqa netta fil-pjan matul il-perjodu ta’ aġġustament milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.

·Il-pjan jassumi li t-tkabbir tad-deflatur tal-PDG huwa ogħla b’0,3 pp. matul il-perjodu 2027-2030 meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Id-differenza fit-tbassir tat-tkabbir tad-deflatur tal-PDG fl-2027 (2,1 % fil-pjan meta mqabbel ma’ 1,8 % fit-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni) tidher li hija primarjament xprunata minn rata ogħla ta’ tkabbir tad-deflatur għall-konsum tal-gvern. Dan jirrifletti prinċipalment informazzjoni aktar reċenti dwar il-fatturi ewlenin tal-kostijiet tat-twassil tas-servizz pubbliku, inklużi l-livelli mistennija tal-persunal u l-paga, li jirriżulta fi tkabbir ogħla tan-nefqa tal-gvern fuq il-kumpens tal-impjegati minn dak preżunt fit-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni. Din is-suppożizzjoni titqies li hija debitament ġustifikata. Għall-perjodu 2028-2030, it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG huwa wkoll ogħla b’0,3 punti perċentwali meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni u b’0,1 punti perċentwali minn dak li jkun meħtieġ skont il-qafas komuni għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tad-dejn (DSA, debt sustainability assessment) bl-użu ta’ tbassir aġġornat għall-2027 f’konformità mal-pjan (jiġifieri, bis-suppożizzjoni ta’ konverġenza lineari mir-rata ta’ tkabbir tad-deflatur tal-pjan fl-2027 lejn aspettattivi tal-inflazzjoni bbażati fuq is-suq għall-2036). Fit-tbassir makroekonomiku tal-pjan, tkabbir ogħla tad-deflatur tal-PDG huwa xprunat minn xejriet fit-tkabbir tad-deflatur tal-konsum privat u tal-gvern, kif ukoll mill-attività domestika b’saħħitha mistennija fuq terminu medju. B’mod ġenerali, is-suppożizzjonijiet għall-perjodu 2028-2030 mhumiex konsistenti mal-qafas komuni tad-DSA. Meħuda waħedhom, dawn jikkontribwixxu għal tkabbir medju ogħla fin-nefqa netta matul il-perjodu ta’ aġġustament milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.

·Il-pjan jassumi elastiċitajiet ogħla tad-dħul għat-tkabbir tal-PDG potenzjali nominali milli fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan jirrifletti d-differenzi fil-metodoloġiji użati. Is-suppożizzjonijiet tal-pjan huma prodotti abbażi ta’ approċċ minn isfel għal fuq b’valutazzjoni dettaljata tal-iżviluppi mistennija fid-dħul tal-gvern, filwaqt li l-projezzjonijiet fuq terminu medju tal-Kummissjoni jassumu elastiċità unitarja tad-dħul. Fl-istess ħin, il-gvern beħsiebu jkompli jagħmel trasferimenti fiż-żewġ fondi ta’ tfaddil stabbiliti fl-2024 (il-Future Ireland Fund u l-Infrastructure, Climate and Nature Fund). Dan huwa rifless fl-aġġustamenti ogħla bejn l-istokk u l-flussi milli fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Meħuda flimkien, dawn is-suppożizzjonijiet tad-dħul jitqiesu li huma ġustifikati kif xieraq.

Id-differenzi li jifdal (is-suppożizzjonijiet dwar ir-rata tal-imgħax impliċita nominali) ma għandhomx impatt sinifikanti fuq il-limitu massimu tat-tkabbir medju fin-nefqa netta meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.

B’mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meħuda flimkien iwasslu għal limitu massimu teoretiku tat-tkabbir medju tan-nefqa netta li huwa ogħla minn dak li jkun meħtieġ għall-konformità mar-regoli fiskali applikabbli abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2025. Kollox ma’ kollox, l-impatt konġunt ta’ suppożizzjonijiet aktar kawti u differenzi fis-suppożizzjonijiet li jitqiesu bħala debitament ġustifikati jegħleb l-impatt konġunt tad-differenzi fis-suppożizzjonijiet li mhumiex konsistenti mal-qafas tad-DSA. Barra minn hekk, l-Irlanda timpenja ruħha fil-pjan tagħha għal perkors tan-nefqa netta li huwa aktar baxx min dan il-limitu massimu teoretiku.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-pjan jissodisfa r-rekwiżiti legali tapplika anke meta tiġi injorata s-suppożizzjoni tal-pjan li l-bilanċ primarju strutturali (SPB) jiżdied b’0,2 punti perċentwali tal-PDG fl-2030, li jikkostitwixxi devjazzjoni mis-suppożizzjoni ta’ “ebda bidla fil-politika fiskali” tal-qafas komuni tad-DSA (li skontu l-SPB jibqa’ kostanti fil-livell tiegħu fl-aħħar sena tal-perjodu ta’ aġġustament, 2029).

Il-Kummissjoni se tqis il-valutazzjoni ta’ hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan fil-valutazzjonijiet futuri tal-konformità mar-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta.

Strateġija fiskali tal-pjan

(27)Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta huma konsistenti ma’ żidiet ulterjuri fin-nefqa tal-gvern, b’mod partikolari biex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi addizzjonali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ popolazzjoni li qed tespandi malajr u biex tiżdied b’mod sinifikanti r-rata ta’ investiment tas-settur pubbliku, b’mod li jallinja aktar mill-qrib it-tkabbir tal-infiq mat-tkabbir ekonomiku u tad-dħul mit-taxxa fuq terminu medju u twil. Dan se jiġi kkomplementat minn riformi strutturali biex jitnaqqas id-dewmien u jittejjeb it-twettiq ta’ proġetti infrastrutturali ewlenin, kif deskritt fil-“Pjan ta’ Azzjoni għall-Aċċellerazzjoni tal-Infrastruttura”. Sabiex tibni buffers fiskali, l-Irlanda qed tippjana li tkompli tagħmel trasferimenti għaż-żewġ vetturi ta’ tfaddil stabbiliti fl-2024 imsemmija hawn fuq. Filwaqt li l-pjan ma jiddeskrivi l-ebda miżura ta’ dħul, il-bilanċ nominali huwa pprojettat li jibqa’ f’surplus matul il-perjodu ta’ żmien tal-pjan bis-saħħa tal-impatt sinifikanti tad-dħul mhux mistenni mit-taxxa korporattiva fuq l-introjtu. L-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta’ politika li se jiġu adottati għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Fl-istess ħin, hemm riskji għax-xenarju makroekonomiku u fiskali li jirfed l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, li jirriżultaw mil-livell għoli ta’ ftuħ tal-ekonomija Irlandiża u l-konċentrazzjoni tagħha fi ftit setturi ddominati mill-kumpaniji multinazzjonali, li jagħmluha vulnerabbli għal żviluppi internazzjonali negattivi, bħal tibdil fil-politiki kummerċjali u tat-taxxa tal-Istati Uniti jew ir-regoli globali tat-taxxa. Il-Baġit tal-Irlanda għall-2026 jispeċifika l-miżuri ta’ politika li permezz tagħhom se jinkiseb l-impenn tan-nefqa netta għall-2026 15 .

Intenzjonijiet ta’ riformi u investimenti fil-pjan li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni

(28)Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta’ politika dwar ir-riformi u l-investimenti li jindirizzaw l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, kif stabbiliti b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 u f’konformità mal-prijoritajiet tal-Komunikazzjoni “Boxxla għall-kompetittività tal-UE” 16 . Il-pjan jiddeskrivi 20 qasam ta’ riforma u investiment, li minnhom 12 huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u 10 mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni.

(29)Fir-rigward tal-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inkluż l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jiddeskrivi sett konsistenti ta’ riformi u investimenti. Il-miżuri dwar l-ilma u l-ilma mormi jinkludu proġetti ta’ infrastruttura kritika kif ukoll azzjonijiet deskritti fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ilma 2024. Il-pjan jirreferi għal miżuri dwar l-immaniġġjar tal-iskart u biex tingħata spinta lill-ekonomija ċirkolari li se jiġu stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Iskart għal Ekonomija Ċirkolari li jmiss, kif ukoll l-Istrateġija ta’ Gvern Sħiħ għal Ekonomija Ċirkolari 2026-2028 li jmiss. Il-miżuri relatati mat-trasport sostenibbli jinkludu azzjonijiet fil-Politika dwar il-Fjuwil Rinnovabbli għat-Trasport 2025-2027 kif ukoll proġetti ta’ investiment kapitali taħt il-Pjan ta’ Żvilupp Nazzjonali. Il-miżuri dwar l-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar pubbliċi għal vetturi b’emissjonijiet żero huma inklużi fil-Pjan Nazzjonali dwar l-Iċċarġjar tal-Vetturi Elettriċi fin-Network tat-Toroq 2024-2030 u fil-pjanijiet reġjonali korrispondenti.

(30)Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jiddeskrivi miżuri biex tiżdied il-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-provvista tal-akkomodazzjoni u l-ħolqien ta’ komunitajiet 2025-2030 (Delivering Homes, Building Communities plan 2025-2030). Barra minn hekk, il-miżuri biex jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet tal-kapaċità fis-settur tal-kostruzzjoni residenzjali jinkludu r-riforma tal-ippjanar li għaddejja, żieda fl-investiment skont il-Pjan ta’ Żvilupp Nazzjonali aġġornat, mandat estiż tal-aġenzija għall-iżvilupp tal-art (xi azzjonijiet huma inklużi fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) tal-Irlanda), l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq l-art residenzjali allokata kif ukoll riforma tas-settur tal-kiri. Il-miżuri li jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni jinkludu azzjonijiet fl-istrateġija Impatt 2030, li bħalissa tinsab taħt rieżami strateġiku biex tiggwida t-twettiq futur tagħha, flimkien ma’ miżuri oħra fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Kompetittività u l-Produttività. Rigward il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jiddeskrivi miżuri biex jissaħħu s-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali tal-persuni b’diżabilità u tal-ġenituri waħedhom. Il-miżuri jinkludu azzjonijiet deskritti fl-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-Persuni b’Diżabilità 2025-2030, sussidji pprovduti permezz tal-Iskema Nazzjonali għall-Indukrar tat-Tfal u impenn biex jiġi introdott limitu massimu fuq it-tariffi għat-tagħlim bikri u s-servizzi għall-indukrar tat-tfal.

(31)Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jiddeskrivi miżuri dwar l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inkluża Skema ta’ Appoġġ għall-Elettriku Rinnovabbli, l-istabbiliment tat-Taskforce għall-Forniment tal-Enerġija mir-Riħ lil hinn mill-Kosta, azzjonijiet fil-Qafas Futur għall-Enerġija Rinnovabbli lil hinn mill-Kosta kif ukoll it-tħejjija tal-Pjan Nazzjonali għaż-Żona Marittima Maħtura. Il-pjan jiddeskrivi wkoll miżuri biex tittejjeb il-flessibbiltà tal-grilja tal-elettriku u tiġi modernizzata u estiża l-kapaċità biex jiġi limitat it-tnaqqis permezz tal-installazzjoni ta’ konnetturi tal-grilja mal-Irlanda ta’ Fuq u ma’ Franza. Il-pjan ikompli jiddeskrivi investimenti kapitali fl-iżvilupp tal-grilja fil-perjodu 2026-2030. Il-miżuri dwar l-effiċjenza enerġetika jinkludu azzjonijiet deskritti fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima u fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni dwar il-Klima.

(32)Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta’ difiża, il-pjan jiddeskrivi miżuri biex jissaħħu l-infiq u t-tħejjija ġenerali għad-difiża u s-sigurtà permezz ta’ Pjan ta’ Implimentazzjoni Dettaljat Aġġornat biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet li fadal inklużi fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Forzi tad-Difiża kif ukoll azzjonijiet li jappoġġaw ir-reklutaġġ u ż-żamma tal-persunal tad-difiża u jtejbu l-ambjent tax-xogħol fiżiku u t-tagħmir.

(33)Barra minn hekk, il-pjan jiddeskrivi miżuri ta’ politika oħra li jmorru lil hinn mill-prijoritajiet komuni tal-UE, inkluż biex is-sistema tal-kura tas-saħħa ssir aktar kosteffettiva billi jiġu implimentati miżuri ta’ ffrankar u produttività inklużi fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni tat-Taskforce għall-Produttività u t-Tfaddil u t-Taskforce għas-Sostenibbiltà tal-Mediċini, ikomplu jiġu ddiġitalizzati s-sistemi tar-rekords tal-kura tas-saħħa u tal-informazzjoni, jiżviluppaw kura primarja u komunitarja aħjar (xi azzjonijiet inklużi fl-RRP) u jiġi ristrutturat l-eżekuttiv tas-servizz tas-saħħa f’sitt reġjuni tas-saħħa operazzjonali. Il-pjan isemmi wkoll miżuri li jtejbu s-sostenibbiltà tal-fond tal-assigurazzjoni soċjali u jwessgħu il-kopertura tal-pensjonijiet. Barra minn hekk, għalkemm ma tissemma l-ebda miżura reċenti ta’ twessigħ tal-bażi għat-taxxa, il-pjan jiddeskrivi miżuri preliminari biex jiġu rieżaminati l-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tan-nefqiet tat-taxxa billi jiġu ppubblikati linji gwida biex jittejbu t-trasparenza u r-rapportar tan-nefqiet tat-taxxa.

(34)Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-RRP tal-Irlanda. Il-pjan jinkludi informazzjoni dwar id-daqs u l-objettivi tal-fondi differenti tal-politika ta’ koeżjoni. Il-pjan jinkludi wkoll tabella li tiddeskrivi liema riformi strutturali u prijoritajiet ta’ investiment se jiġu indirizzati parzjalment permezz ta’ miżuri inklużi fl-RRP tal-Irlanda jew fil-fondi tal-politika ta’ koeżjoni.

(35)Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku tal-Irlanda relatati mal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. L-ammonti tal-investiment pubbliku huma bbażati fuq l-aġġornament tal-2025 tal-Pjan ta’ Żvilupp Nazzjonali. Fir-rigward tal-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, il-pjan jagħti deskrizzjoni ġenerali tal-kapital ta’ investiment li għandu jsir disponibbli sal-2030 għall-infrastruttura tal-ilma u tal-ilma mormi kif ukoll għat-trasport. Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, il-pjan jagħti deskrizzjoni ġenerali tal-kapital ta’ investiment li għandu jsir disponibbli sal-2030 għall-akkomodazzjoni kif ukoll għall-miri tal-akkomodazzjoni wara valutazzjoni tal-ħtiġijiet. Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jagħti deskrizzjoni ġenerali tal-kapital ta’ investiment li għandu jsir disponibbli sal-2030 għall-infrastruttura tal-enerġija u tal-elettriku. Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta’ difiża, il-pjan jinkludi mira għat-tkabbir tan-nefqa fid-difiża.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni

(36)B’mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tal-Irlanda ta’ Jannar 2026 jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI

(37)Din ir-rakkomandazzjoni tieħu post ir-Rakkomandazzjoni tal-21 ta’ Jannar 2025. Madankollu, ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta għall-2025, f’termini annwali u kumulattivi, fl-Anness I tar-Rakkomandazzjoni tal-21 ta’ Jannar 2025 għadhom rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità sa u inkluża l-2025.

(38)F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta impenjati fil-pjan ta’ Jannar 2026 għandhom jiġu rrakkomandati mill-Kunsill lill-Irlanda.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Irlanda:

1.Tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.



ANNESS I

Rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta
(rati ta’ tkabbir annwali u kumulattivi, f’termini nominali)

Irlanda

Snin

2026

2027

2028

2029

2030

Rati ta’ tkabbir (%)

Annwali

6,6

6,0

7,6

6,7

6,4

Kumulattivi (*)

16,5

23,5

32,9

41,7

50,9

(*) Ir-rati ta’ tkabbir kumulattivi huma kkalkulati b’referenza għas-sena bażi tal-2024. Ir-rati ta’ tkabbir kumulattivi jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta’ kontroll.

Nota: Għall-2025, ir-rati massimi annwali u kumulattivi ta’ tkabbir tan-nefqa netta stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 jibqgħu rilevanti u se jkunu soġġetti għal valutazzjonijiet tal-konformità mill-Kummissjoni abbażi tad-data tal-eżitu

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ), flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 209, 2.8.1997, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/2024-04-30 ) u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 306, 23.11.2011, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/2024-04-30).
(2)    In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(3)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Irlanda, ĠU C/2025/667, 10.2.2025.
(4)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Li tirrifletti l-qafas ta’ governanza ekonomika fil-politika fiskali nazzjonali” tal-25 ta’ Novembru 2025, COM(2025)951 final.
(5)    L-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-Irlanda, 25.11.2025, C(2025) 9059 final.
(6)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Irlanda, ĠU C/2025/3981, 20.8.2025.
(7)    Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament 2024/1263, “informazzjoni teknika” tfisser il-gwida trażmessa mill-Kummissjoni, fuq talba, lill-Istati Membri b’dejn tal-gvern li ma jaqbiżx is-60 % tal-PDG u b’defiċit tal-gvern li ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG qabel ma l-Istati Membri jfasslu l-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali tagħhom fuq terminu medju.
(8)    https://economy-finance.ec.europa.eu/document/download/3b78cf93-fed7-419c-bb9a-ed6b74913733_en?filename=Commission_prior_guidance-2025-ireland_en.pdf
(9)    Il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti huma konformi mal-metodoloġija deskritta fid-Debt Sustainibility Monitor 2023 tal-Kummissjoni ( https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en ). Dawn huma bbażati fuq it-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-ispejjeż tat-tixjiħ huma konformi mar-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill 2024 Ageing Report ( https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en ).
(10)    Skont l-Artikolu 2(2), it-tieni paragrafu, tar-Regolament 1467/97 “Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE meta l-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG jaqbeż il-valur referenzjarju, il-pożizzjoni baġitarja ma tkunx qrib il-bilanċ jew f’surplus u meta d-devjazzjonijiet irreġistrati fil-kont ta’ kontroll tal-Istat Membru jaqbżu (a) jew 0,3 punti perċentwali tal-PDG kull sena, (b) inkella 0,6 punti perċentwali tal-PDG b’mod kumulattiv.”
(11)    Fix-xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.
(12)    Bħala ekonomija miftuħa żgħira b’rabtiet kummerċjali u ta’ investiment b’saħħithom mal-Istati Uniti, l-Irlanda hija sensittiva ħafna għall-kundizzjonijiet ekonomiċi globali, b’mod partikolari l-iżviluppi fl-ekonomija tal-Istati Uniti.
(13)    L-istaġnar fis-suq tax-xogħol, miżura wiesgħa ta’ sottoutilizzazzjoni tal-ħaddiema, żdied fl-Irlanda matul l-ewwel tliet trimestri tal-2025, li jindika moderazzjoni fil-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. L-użu tal-kapaċità fl-industrija tal-manifattura baqa’ ġeneralment stabbli fl-2025, u dan jindika li ma kien hemm l-ebda żieda materjali fil-pressjonijiet tal-kapaċità.
(14)    Dan huwa sostnut mill-inflazzjoni tal-HICP tas-servizzi, li naqset fl-2025. L-inflazzjoni tal-HICP tas-servizzi tkopri l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet domestiċi b’mod aktar preċiż mid-deflatur tal-PDG, li jista’ jiġi distort mill-attività tal-kumpaniji multinazzjonali fl-Irlanda.
(15)    Ara l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-Irlanda, 25.11.2025, C(2025)9059 final.
(16)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Boxxla għall-Kompetittività tal-UE” tad-29 ta’ Jannar 2025, COM(2025) 30 final.