IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.1.2026
COM(2026) 42 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rieżmi ta’ nofs it-terminu għall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero
“It-twassil ta’ arja, oċean, ilma ħelu u ħamrija nodfa”
1Introduzzjoni
Ir-rapport “Europe’s Environment 2025” fih evidenza xjentifika li t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali jkomplu jaffettwaw il-kompetittività, l-ekonomija u r-reżiljenza tal-Ewropa. Hemm ħtieġa urġenti li tiżdied l-implimentazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet fit-tul li jippermettu s-sostenibbiltà li diġà ġew miftiehma skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Azzjonijiet bħal dawn huma konformi mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea stabbiliti fil-Boxxla għall-Kompetittività u fil-Patt għal Industrija Nadifa f’termini ta’ innovazzjoni, ta’ dekarbonizzazzjoni u ta’ sigurtà.
Ambjent nadif huwa prerekwiżit għal ekonomija kompetittiva u sostenibbli li taħdem kemm għall-persuni kif ukoll għall-pjaneta. Huwa muri bil-provi li l-arja nadifa tnaqqas l-għadd ta’ jiem ta’ mard li n-nies jieħdu mix-xogħol. Tnaqqas il-kostijiet tal-kura tas-saħħa wkoll. L-oċeani u l-ilma ħelu nodfa huma meħtieġa għal ħafna attivitajiet ekonomiċi, bħall-agrikoltura, is-sajd u l-akkwakultura, l-ipproċessar tal-ikel jew il-produzzjoni industrijali. L-aċċess għall-ilma tax-xorb sikur u għas-sanitazzjoni huwa essenzjali għas-saħħa u għall-benesseri pubbliku wkoll. Ħamrija nadifa u f’saħħitha hija essenzjali għal agrikoltura sostenibbli, għandha impatt pożittiv fuq ir-rendimenti u tiżgura s-sigurtà u s-sikurezza alimentari. Ir-regolamentazzjoni tal-użu ta’ sustanzi kimiċi perikolużi fil-prodotti tnaqqas ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, tħeġġeġ prattiki tal-immaniġġjar tal-iskart konformi mal-ġerarkija tal-iskart u twassal għal ekonomija kompetittiva u ċirkolari billi tippermetti soluzzjonijiet nodfa innovattivi. Il-Forum Ekonomiku Dinji identifika t-tniġġis fost l-akbar 10 riskji globali fl-2025.
L-Ewropa stabbiliet trajettorja biex l-ambjent isir aktar nadif. Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero tal-2021 jistabbilixxi l-ambizzjoni fit-tul għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi u huwa pilastru ewlieni tal-aġenda għall-kompetittività nadifa u ċirkolari tal-UE. L-ambizzjoni għall-2050 ġiet minquxa wkoll f’liġijiet reċenti biex isservi ta’ gwida għat-tranżizzjoni ekoloġika. L-objettivi intermedji ewlenin huma l-miri tal-2030 użati biex jitkejjel il-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero. Flimkien mal-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà, il-Pjan ta’ Azzjoni ħabbar azzjonijiet konkreti biex l-UE titqiegħed f’perkors lejn il-kisba ta’ tniġġis żero bħala komplement għall-għanijiet tagħha ta’ restawr tal-klima u tan-natura, u b’hekk tindirizza l-kriżi planetarja tripla. Li tibqa’ perseveranti biex tilħaq l-għanijiet ambizzjużi ambjentali hija l-aġenda tal-awtonomija strateġika tal-Ewropa fi żminijiet ta’ inkwiet ġeopolitiku.
Twettqu azzjonijiet trasformattivi u dawn se jkomplu matul is-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni għamlitha ċara li l-objettivi ta’ tniġġis żero huma ankrati sew fil-prijoritajiet għal Ewropa kompetittiva u reżiljenti. Il-fokus se jkun fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni miftiehma, b’attenzjoni partikolari ddedikata biex issir aktar faċli biex l-Istati Membri u l-kumpaniji jirrispettawha. Dan se jkun prerekwiżit biex nimxu lejn tniġġis żero. Skont il-Linji Gwida Politiċi tal-2024 – 2029, diversi politiki ewlenin bħall-Patt għal Industrija Nadifa, il-Boxxla għall-Kompetittività, l-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma, il-Patt Ewropew għall-Oċeani, il-Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Industrija tas-Sustanzi Kimiċi kif ukoll l-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija ħabbru azzjonijiet ulterjuri biex jgħinu fil-kisba tat-tniġġis żero. Inizjattivi strateġiċi ewlenin bħall-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari li ġej, ir-reviżjoni tar-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH, Registration, Evaluation, Authorisation and Restriction of Chemicals), u azzjonijiet marbuta mal-aġenda “Saħħa Waħda”, bħas-saħħa preventiva, se jkunu kruċjali wkoll biex jiġu indirizzati xi wħud min-nuqqasijiet identifikati.
Huwa meħtieġ it-tisħiħ tal-potenzjal mhux sfruttat tal-innovazzjoni għal tniġġis żero. L-ekonomija ambjentali tal-UE kompliet tikber b’mod aktar b’saħħtu fl-2022 mill-ekonomija ġenerali f’termini ta’ impjiegi u ta’ valur miżjud. Billi jappoġġaw l-industriji ekoloġiċi, it-tiġdid tal-ħiliet tal-forzi tax-xogħol, id-definizzjoni mill-ġdid tal-mudelli ta’ negozju u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u għall-mikrointrapriżi, is-soċjetajiet jistgħu jiksbu prosperità u kompetittività sostenibbli. Matul dawn l-aħħar ftit snin, il-finanzjament ta’ Orizzont Ewropa u ta’ LIFE għen biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet trasformattivi. Dan wassal għal ħafna stejjer ta’ suċċess, inklużi xi eżempji magħżula msemmija f’dan id-dokument. L-ekoinnovazzjoni tal-UE hija żviluppata ħafna. Din trid tiġi sfruttata aktar fl-UE f’applikazzjonijiet kummerċjali biex tappoġġa l-kompetittività fit-teknoloġija avvanzata tal-ekonomija ekoloġika tal-UE.
Regolamenti ambjentali aktar stretti jagħtu wkoll spinta lin-negozji biex jinnovaw. Il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE tista’ tappoġġa l-varar ta’ soluzzjonijiet innovattivi ekoloġiċi u nodfa. L-innovazzjoni ekoloġika u nadifa tista’ tixpruna l-produttività u toħloq swieq ġodda. L-OECD indikat li s-setturi ekoloġiċi qegħdin joħolqu ktajjen tal-valur ġodda u soluzzjonijiet ġodda li joħolqu effiċjenza akbar u jipprovdu ffrankar tal-kostijiet. Il-Forum Ekonomiku Dinji jemmen li l-pajjiżi li jmexxu fit-teknoloġija ekoloġika jistgħu jiddominaw is-swieq emerġenti. Indika wkoll li 80 % tal-kumpaniji globali issa jintegraw is-sostenibbiltà fl-istrateġiji tal-innovazzjoni. Reċentement, l-OECD ikkonfermat li anke titjib modest fil-kwalità tal-arja jista’ jagħti spinta lill-produttività.
L-investiment huwa essenzjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-innovazzjoni. Bħalissa, id-diskrepanza potenzjali fl-investiment għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE hija ta’ EUR 58 biljun fis-sena (0,4 % tal-PDG tal-UE). Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid joffri opportunitajiet ġodda biex jiżgura l-finanzjament pubbliku inizjali. Huma meħtieġa wkoll l-investimenti privati, u l-inizjattivi pubbliċi-privati jistgħu jgħinu biex jisfruttawhom. Ir-redditi fuq l-investiment mill-indirizzar tat-tniġġis huma ħafna ogħla mill-kostijiet. Fil-każ tal-indirizzar tat-tniġġis tal-arja, dawn huma stmati għal 700 % bis-saħħa ta’ nefqa aktar baxxa fuq il-kura tas-saħħa, inqas telf fir-rendiment tal-għelejjel minħabba l-ożonu, inqas assenzi mix-xogħol minħabba mard u produttività ogħla fuq il-post tax-xogħol.
Aktar u aktar negozji, bliet u reġjuni qegħdin jieħdu t-tmexxija f’idejhom. Dawn qegħdin juru li t-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża t-tranżizzjoni lejn tniġġis żero, hija possibbli u ġġib magħha vantaġġi tanġibbli. Dan ir-rapport għandu l-għan li juri b’mod mhux eżawrjenti xi wħud mill-mexxejja.
Wasal iż-żmien li nieħdu rendikont tal-progress u li nfasslu l-passi li jmiss. Dan ir-rapport jippreżenta r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni mħabbar fl-2021. Dan jibni fuq is-sejbiet tal-aħħar Rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) “Europe’s Environment 2025” li ġie infurmat mit-tieni Rapport dwar il-Monitoraġġ u l-Prospettiva ta’ Tniġġis Żero tal-2025.
2Progress lejn ambjent nadif (mill-2021)
Il-progress fl-ilħuq tal-miri ta’ tniġġis żero huwa inkoraġġanti, għalkemm ma huwiex uniformi. L-aħħar valutazzjoni sabet li t-tniġġis tal-arja, l-użu tal-pestiċidi u r-riskju, il-bejgħ tal-antimikrobiċi u t-tniġġis mill-plastik fil-baħar (immonitorjati permezz tal-iskart fil-bajjiet) naqsu b’mod sinifikanti. Għat-tniġġis akustiku u tan-nutrijenti tal-ilmijiet, kif ukoll għall-iskart, ix-xejriet huma stabbli, filwaqt li t-tniġġis mill-mikroplastiks ġie stmat li żdied fis-snin reċenti. F’xi oqsma, il-progress limitat jew in-nuqqas tiegħu jista’ jiġi parzjalment spjegat mill-perjodu latenti bejn l-implimentazzjoni ta’ miżuri ġodda u l-osservazzjoni tal-effetti tagħhom, kif ukoll mil-limitazzjonijiet tad-data.
Il-qafas legali għal tniġġis żero huwa fil-biċċa l-kbira fis-seħħ. Matul l-aħħar 6 snin, ir-regoli tal-UE ġew riveduti biex jiżdied il-livell ta’ ambizzjoni biex tinkiseb il-viżjoni tal-2050 u jintlaħqu l-miri tal-2030. F’xi oqsma, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE ġie estiż biex ikopri aktar attivitajiet li jniġġsu. Ġew miftiehma wkoll miżuri għar-restawr tan-natura. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma meħtieġa jagħmlu sforzi biex jimmonitorjaw liċenzji u jagħtu dawk aġġornati (pereżempju għall-emissjonijiet tal-arja, tal-ilma u industrijali) sabiex ikunu jistgħu jinkisbu riżultati inkoraġġanti fil-prattika. Ladarba jiġu implimentati l-miżuri li jirriżultaw, dawn jipprevjenu jew inaqqsu t-tniġġis.
L-azzjonijiet ta’ appoġġ u preparatorji wittew it-triq għall-futur. Pereżempju, l-evalwazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina wasslet għat-tħabbir tar-reviżjoni li jmiss tagħha, bħala komponent ewlieni tal-varar tal-Patt għall-Oċeani. Evalwazzjonijiet oħra, pereżempju tal-ilma għall-għawm, tal-emissjonijiet tal-arja u tal-ħama tad-dranaġġ, identifikaw oqsma fejn hija meħtieġa implimentazzjoni aħjar. Id-dokument ta’ sostenn dwar il-kwalità tal-arja ta’ ġewwa jidentifika diversi normi tal-UE li jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jagħmlu titjib imfassal apposta. Id-disa’ inizjattivi ewlenin fil-Pjan ta’ Azzjoni rnexxielhom ukoll, sa grad akbar jew iżgħar, jintegraw it-tniġġis żero f’oqsma ta’ politika oħrajn.
Għad iridu jiġu implimentati xi azzjonijiet ta’ tniġġis żero. Għadhom kif daħlu fis-seħħ jew waslu biex jidħlu fis-seħħ proposti legali ewlenin, bħal dawk dwar is-sustanzi niġġiesa tal-ilma, ħamrija f’saħħitha u “Sustanza Waħda, Valutazzjoni Waħda”, wara negozjati twal. Għad iridu jitlestew xi evalwazzjonijiet, b’mod partikolari l-Kontroll tal-Idoneità tal-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas jew l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali. Evalwazzjonijiet oħra li għaddejjin bħalissa huma dwar il-plastiks li jintużaw darba biss u dwar in-nitrati. L-azzjonijiet immirati biex jgħinu lill-bdiewa jadottaw prattiki ta’ ġestjoni tan-nutrijenti li jniġġsu anqas ġew imdewma minħabba l-posponiment tal-Pjan Integrat għall-Ġestjoni tan-Nutrijenti. Sadanittant, xi azzjonijiet rilevanti ġew inklużi fl-Istrateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma. Il-proposta għal Regolament dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ġiet irtirata mill-Kummissjoni, peress li ma kienx appoġġ politiku mill-koleġiżlaturi.
L-UE ħadet il-viżjoni ta’ tniġġis żero tagħha għal-livell li jmiss. L-iżvilupp tal-Qafas ta’ Monitoraġġ u Prospettiva ta’ Tniġġis Żero u l-preżentazzjoni ta’ żewġ rapporti ta’ valutazzjoni sadanittant ipprovdew ħarsa ġenerali integrata, komprensiva u li tħares ’il quddiem lejn it-tipi kollha ta’ tniġġis u l-effett tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq il-bijodiversità. Din il-ħidma hija mirfuda minn ħidma tematika konsiderevoli, bħall-immudellar għall-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa li tivvaluta l-implikazzjonijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja f’termini tal-impatti tagħhom u tal-kostijiet tagħhom għas-soċjetà u tal-benefiċċji tagħhom għaliha, jew il-qafas il-ġdid tal-UE ta’ indikaturi għas-sustanzi kimiċi li jħares lejn il-kawżi u l-impatti tat-tniġġis kimiku.
Il-lakuni fl-għarfien u fid-data għadhom jippersistu. Xi wħud mill-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress fl-ilħuq tal-miri ta’ tniġġis żero huma inadegwati biex jindikaw tnaqqis tat-tniġġis fl-ilma jew fil-ħamrija (pereżempju f’termini tal-użu tal-pestiċidi u tal-antimikrobiċi) jew ma għandhomx flussi ta’ data regolari biex jivvalutawhom (pereżempju dwar it-telf tan-nutrijenti u l-mikroplastiks). Id-data xi drabi tkun tard jew inkompluta jew tkun nieqsa fil-kwalità. Lakuni oħra huma d-disponibbiltà ta’ data dwar il-preżenza ta’ sustanzi ta’ tħassib kemm fil-prodotti kif ukoll fil-flussi ta’ skart. Użu aħjar tad-diġitalizzazzjoni u ta’ tekniki ta’ monitoraġġ aktar ġodda, inklużi l-osservazzjoni tad-dinja bis-satelliti u l-monitoraġġ f’ħin reali (online) bl-użu ta’ sensuri xierqa, jistgħu jgħinu biex jingħelbu dawn l-isfidi. Teżisti lakuna partikolari fl-għarfien fir-rigward tal-impatti ta’ ċerti sustanzi niġġiesa fuq is-saħħa u fuq il-bijodiversità, jiġifieri l-mikroplastiks, l-istorbju antropoġeniku u t-tniġġis tad-dawl. Barra minn hekk, hemm nuqqas ta’ fehim tal-effetti fuq is-saħħa tal-esponiment tal-bniedem għal diversi sustanzi niġġiesa, inkluż l-“effett cocktail” li jseħħ meta l-individwi jiġu esposti għal diversi sustanzi kimiċi fl-istess ħin. L-Istrateġija tal-UE għar-Reżiljenza tal-Ilma kif ukoll l-Istrateġiji tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar l-Oċeani se jivvalutaw il-lakuni fl-għarfien li fadal fir-reżiljenza tal-ilma u fil-protezzjoni tal-oċeani, filwaqt li jidentifikaw il-prijoritajiet rilevanti għall-kisba ta’ tniġġis żero wkoll.
Il-Kummissjoni se
-
tkompli tikkondividi l-aħjar prattiki u tippromwovi soluzzjonijiet innovattivi,
-
tistabbilixxi sistema ta’ twissija u ta’ azzjoni bikrija (EWAS, Early Warning and Action System) (bl-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni dwar “Sustanza Waħda, Valutazzjoni Waħda”),
-
tħejji Strateġiji għar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar ir-reżiljenza tal-ilma u l-protezzjoni tal-oċeani u
-
tinvesti aktar fit-titjib tal-bażi tal-evidenza għal data, għal indikaturi, għal valutazzjonijiet u għal immudellar aħjar.
3Prospettiva għal ambjent nadif sal-2030 u lil hinn
Il-progress magħmul fl-ilħuq tal-miri tal-2030 se jiddependi l-aktar fuq l-isforzi nazzjonali ta’ implimentazzjoni. Anke jekk il-prospettiva indikat li l-ilħuq sħiħ tal-miri kollha sal-2030 ma huwiex probabbli, xorta jista’ jsir progress sinifikanti jekk l-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali jimplimentaw il-leġiżlazzjoni u l-politiki miftiehma malajr u b’livell għoli ta’ ambizzjoni. Pereżempju, fil-każ ta’ storbju mit-trasport (mira li l-proporzjon ta’ persuni disturbati b’mod kroniku mit-trasport jitnaqqas bi 30 % sal-2030), xenarju pożittiv b’miżuri addizzjonali jista’ jirriżulta fi tnaqqis sa 23 %. B’mod simili, għad-depożizzjoni atmosferika tan-nitroġenu (mira ta’ tnaqqis ta’ 25 % għall-2030), huwa previst tnaqqis ta’ 19 % jekk l-Istati Membri jwettqu l-impenji kurrenti tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet b’mod tempestiv. Jekk l-Istati Membri jieħdu xi miżuri tekniċi ulterjuri, dan it-tnaqqis jista’ jiżdied għal 31 %. Il-projezzjonijiet sal-2030 bl-Impronta tal-Konsum ukoll juru li l-UE għandha l-potenzjal li tnaqqas l-impatti f’diversi dimensjonijiet ambjentali. Dawn l-eżempji juru li jista’ jsir progress simili fil-każ ta’ miri oħra.
Ħafna bliet u reġjuni qegħdin jieħdu l-inizjattiva. L-inizjattivi urbani u reġjonali ekoloġiċi tal-UE jattiraw għadd dejjem akbar ta’ ċittadini lokali u reġjonali u ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Sal-2030, 112-il belt fl-UE u 8 pajjiżi ġirien jixtiequ jsiru newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju fil-Missjoni tal-UE dwar il-Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti. It-Tikketta tal-Missjoni tal-UE ngħatat lil 103 ibliet. Dawn l-ibliet ippreżentaw il-kuntratti tagħhom ta’ belt klimatika, li jiddeskrivu objettivi konkreti biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja, tal-ilma u akustiku, b’kobenefiċċji sinifikanti għat-tnaqqis tat-tniġġis. Skont il-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi, 123 belt impenjaw ruħhom li jnaqqsu l-impronta tat-tniġġis tagħhom sal-2030, billi jieħdu azzjoni dwar il-kwalità tal-arja, l-istorbju u l-kwalità tal-ilma flimkien ma’ sforzi dwar l-ekonomija ċirkolari tal-immaniġġjar tal-iskart u l-ekoloġizzazzjoni urbana. Mill-2010, il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet l-ibliet bl-aħjar prestazzjoni u impenn bil-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa u bil-Premju Ewropew Green Leaf.
Bliet u reġjuni ekoloġiċi fl-UE jimxu lejn tniġġis żero
Iż-
Zero Pollution Dashboard
turi li l-biċċa l-kbira tar-reġjuni rnexxielhom inaqqsu t-tniġġis matul dawn l-aħħar ftit snin. Fil-
Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi
, ħafna bliet implimentaw strateġiji komprensivi biex jimmitigaw it-tniġġis u jtejbu l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien urban għar-residenti. Eżempju tajjeb huwa l-programm
Limp.AR
ta’ Guimarães (firmatarju tal-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi u l-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa fl-2026). Limp.AR jiffoka fuq it-titjib tal-kwalità tal-arja u tal-istorbju fiċ-ċentri urbani billi jippromwovi l-integrazzjoni tal-veġetazzjoni, is-soluzzjonijiet ta’ mobbiltà attiva u s-sensibilizzazzjoni ambjentali. Eżempju tajjeb ieħor huwa l-belt ta’ Lahti (il-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa fl-2021). Il-belt implimentat diversi azzjonijiet ambjentali żgħar u fuq skala kbira, inkluż it-tindif tal-lag imniġġes ħafna (il-proġett tal-
Lag Vesijärvi
). Lahti ħarġet bħala waħda mill-bliet l-aktar progressivi u ekoloġiċi fl-Ewropa. Ħafna bliet huma wkoll minn ta’ quddiem nett fl-ekoloġizzazzjoni u fir-restawr urbani. Pereżempju, Madrid, Bologna u Milan qegħdin jimplimentaw il-proġett
LIFE VEG GAP
li jħares lejn kif l-ekosistemi tal-veġetazzjoni jistgħu jikkontribwixxu kemm bħala sors kif ukoll bħala bir għat-tniġġis tal-arja u jaffettwaw it-temperatura tal-arja. Il-bażi tad-data
Green Going Local:
best practices
tal-Kumitat tar-Reġjuni tipprovdi aktar eżempji tajbin.
Xi sfidi tat-tniġġis jirrikjedu azzjoni addizzjonali tal-UE. L-Istrateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma u l-Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel identifikaw it-tniġġis tan-nutrijenti bħala sfida ta’ prijorità kontinwa, u tħabbru diversi azzjonijiet għall-indirizzar tal-kwistjoni. L-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-Impenji Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet u l-evalwazzjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar in-Nitrati janalizzaw jekk dawn l-istrumenti ewlenin għat-tnaqqis tat-tniġġis tan-nutrijenti għadhomx “adegwati għall-użu”. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tal-PAK se tkompli tappoġġa wkoll it-tnaqqis tat-tniġġis tan-nutrijenti u ta’ tniġġis ieħor. F’termini tal-akkwakultura, it-tnaqqis tat-tniġġis tan-nutrijenti (u ta’ tniġġis ieħor) qiegħed jiġi promoss permezz tal-Linji Gwida Strateġiċi dwar l-Akkwakultura tal-UE. F’termini ta’ emissjonijiet mill-bhejjem, il-Kummissjoni qed taħdem fuq strateġija komprensiva li se tindirizza l-aspetti kollha tat-trobbija tal-bhejjem, inkluża s-sostenibbiltà ambjentali u klimatika tas-settur. Il-Kummissjoni se tippreżenta r-rapport tagħha f’konformità mal-Artikolu 73 sal-31 ta’ Diċembru 2026. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-bdiewa u lil benefiċjarji oħra fl-oqsma ta’ prijorità ambjentali u klimatiċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tħejji Sett ta’ Għodod ta’ Assistenza biex l-Istati Membri jappoġġaw azzjonijiet ħalli jitnaqqas it-tniġġis tan-nutrijenti inkluż appoġġ għall-bdiewa għall-estensifikazzjoni tas-sistemi tal-bhejjem jew għad-diversifikazzjoni għal attivitajiet agrikoli oħrajn. It-tneħħija tal-pestiċidi u tal-metaboliti tagħhom mill-ilma ta’ taħt l-art u mill-ilma tax-xorb qiegħda ssir dejjem aktar diffiċli, b’mod partikolari f’ambjenti rurali minħabba attivitajiet agrikoli qrib il-baċiri idrografiċi. Minbarra li tiġi żgurata l-konformità mal-istandards tal-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art, tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma tax-xorb li ġew riveduti reċentement, l-implimentazzjoni tad-Direttiva riformulata dwar l-Ilma tax-Xorb tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li titwettaq valutazzjoni tar-riskju tal-baċiri idrografiċi għall-punti tal-estrazzjoni tal-ilma u li tiġi stabbilita ġestjoni tar-riskju xierqa l-aktar tard sa Lulju tal-2027.
Xmajjar u lagi nodfa - tniġġis żero għall-ilma
Ir-raggruppament ta’ riċerka Tniġġis Żero għall-Ilma (
ZP4Water
) iħares lejn it-tniġġis fiċ-ċiklu idriku.
32 studju tal-każ
qegħdin iħarsu lejn soluzzjonijiet għal ilma tax-xorb u ilma ta’ taħt l-art bi tniġġis żero u jipprovdu
rakkomandazzjonijiet ta’ politika
(
MAR2PROTECT
,
NINFA
,
UPWATER
,
H2OforAll
,
intoDBP
,
SafeCREW
,
ToDrinQ
WATERPROTECT
,
NIAGARA
,
D4RUNOFF
,
LIFE ELEKTRA
,
LIFE PRISTINE
,
LIFE CASCADE
).
Fokus speċifiku u trażversali se jindirizza t-tniġġis tal-oċeani. It-tniġġis tal-arja, tal-ilma ħelu u tal-ħamrija jispiċċa fl-oċean, kif turi l-problema mifruxa tal-iskart tal-baħar. Filwaqt li tibni fuq l-approċċ mis-sors għall-baħar stabbilit fl-Istrateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma u fil-Patt Ewropew għall-Oċeani, ir-reviżjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina flimkien mal-proposta għal Att dwar l-Oċeani se tirrieżamina l-qafas legali biex tagħmlu aktar effettiv u ssimplifikat sabiex jinkiseb aħjar ambjent tal-baħar nadif u b’saħħtu, fost affarijiet oħra. Il-miri ta’ tniġġis żero għall-2030 u l-viżjoni globali għall-2050, li huma komplementari għall-għanijiet tan-newtralità klimatika u tal-bijodiversità, se jiggwidaw dan il-proċess ta’ reviżjoni. L-Istati Membri jeħtieġ li jagħmlu aktar biex jimmonitorjaw u jiżguraw il-kwalità taż-żoni fejn iseħħu s-sajd u t-trobbija tal-frott tal-baħar bil-qoxra, peress li t-tniġġis tal-ilma jwassal għal telf sinifikanti għal dan is-settur.
Oċeani nodfa - tniġġis tal-baħar żero
L-oċeani huma mniġġsa, u l-iskart huwa wieħed mill-aktar problemi viżibbli. Iżda r-regolamentazzjoni qiegħda tibda tagħmel differenza. Ir-rapport
European Coastline Macro Litter Trends tal-JRC
wera li l-ammont ta’ makroskart tal-baħar fuq il-kosta tal-UE naqas b’29 % bħala riżultat tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Diversi proġetti għandhom rwol importanti biex jgħinu fit-tindif tar-reġjuni tal-baħar Ewropej bħall-Atlantiku tal-Grigal (
Free LitterAT
), il-Baltiku (
Circular Ocean
), u l-Mediterran (
Marine Litter MED PLUS
). L-akkwakultura teħtieġ l-ilma nadif jew tgħin biex tnaddaf l-ilma, iżda tista’ tkun ukoll sors ta’ tniġġis. It-teknoloġiji innovattivi jistgħu joħolqu opportunitajiet ta’ negozju filwaqt li jnaqqsu l-impatt ambjentali tal-akkwakultura u jgħinu biex jikkontribwixxu għall-bijorimedju (
Baltic MUPPETS
,
OLAMUR
,
ASTRAL
,
REMEDIA LIFE
). L-osservazzjoni tad-dinja qiegħed ikollha rwol dejjem akbar fil-prevenzjoni tat-tniġġis. Id-data ta’ Copernicus qiegħda tintuża biex tottimizza r-rotot tal-bastimenti, u b’hekk jitnaqqsu l-konsum tal-fjuwil u t-tniġġis u jiġu pprevenuti inċidenti ta’ tniġġis aċċidentali filwaqt li jżidu l-effiċjenza u s-sikurezza għas-sidien tal-bastimenti u għall-awtoritajiet tal-port, inklużi l-kumpaniji tal-assigurazzjoni (
OHB LuxSpace
,
SeaCras
,
EOMAP
). Fil-qasam tal-protezzjoni ċivili, il-proġetti li għaddejjin bħalissa jindirizzaw l-analiżi tar-riskju fit-tul għat-tniġġis taż-żejt u tas-sustanzi perikolużi minn aċċidenti tat-tbaħħir fl-ambjent tal-baħar fil-Baħar Baltiku (
BRISK II
) u l-impatti u l-għażliet ta’ rispons rigward it-tixrid taż-żejt fjuwil marin b’livell baxx ta’ kubrit (
IMAROS II
).
F’termini ta’ tniġġis mill-plastiks u mill-iskart, diversi biċċiet riveduti tad-dritt tal-UE dwar l-iskart se jikkontribwixxu għal tniġġis żero (pereżempju r-Regolament il-ġdid dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli, id-Direttiva Qafas riveduta dwar l-Iskart, ir-Regolament il-ġdid dwar Vjeġġi ta’ Skart, id-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss, ir-Regolament il-ġdid dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ u r-Regolament il-ġdid dwar il-Pellets tal-Plastik). Biex tikkomplementa dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni ppubblikat l-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija u qiegħda taħdem fuq l-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari li se jappoġġaw il-pilastri ewlenin tal-Boxxla għall-Kompetittività.
F’termini ta’ tniġġis akustiku, qegħdin isiru azzjonijiet biex titjieb l-affidabbiltà stradali tal-flotta tal-vetturi tal-UE bl-għan li jiġi indirizzat ukoll l-istorbju minn dawk il-modi tat-trasport. Fir-rigward tal-ferroviji, l-introduzzjoni ta’ vaguni tal-merkanzija silenzjużi biex joperaw esklużivament fuq “rotot aktar silenzjużi” kienet pass ewlieni lejn it-tnaqqis tal-istorbju fis-settur. L-emendi futuri ta’ dan ir-Regolament huma mistennija sal-2029. Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll il-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta’ miri u ta’ limiti tal-UE għat-tnaqqis tal-istorbju fid-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Il-politiki dwar l-ambjent u s-saħħa huma marbuta ma’ xulxin mill-qrib – bl-applikazzjoni ta’ “Saħħa Waħda” fil-prattika. Id-dimensjonijiet ambjentali u klimatiċi fl-approċċ “Saħħa Waħda” huma kritiċi minħabba r-rwol tagħhom fil-medjazzjoni tal-eżiti tas-saħħa u fl-influwenzar tal-formazzjoni u tat-tixrid tal-mard fl-annimali u fil-bnedmin. Il-Kummissjoni se tkompli tiffoka fuq is-saħħa preventiva billi tibni fuq l-eżempju ta’ suċċess tal-Pjan ta’ Azzjoni Biex Jingħeleb il-Kanċer u tal-Pjan tal-UE l-ġdid dwar is-Saħħa Kardjovaskulari. Il-Kummissjoni qiegħda żżid ukoll l-isforzi biex tintroduċi governanza ta’ Saħħa Waħda u tiżgura li jiġu inkorporati l-kunsiderazzjonijiet ambjentali fl-inizjattivi tal-UE mmirati lejn il-prevenzjoni ta’ mard mhux komunikabbli.
Ambjent aktar f’saħħtu – tniġġis tal-arja u akustiku żero
L-arja nadifa u ż-żoni kwieti huma fattur ewlieni għal għajxien f’saħħtu. Ħafna proġetti wrew kif il-kwalità tal-arja reġjonali tista’ tittejjeb (
LIFE Małopolska
,
LIFE Prepair
,
LIFE Sirius
) u li ambjenti urbani nodfa huma ta’ benefiċċju għall-benesseri, inkluż għas-saħħa kardjovaskulari, respiratorja u mentali. (
eMOTIONAL Cities
,
EXPANSE
u
LongITools
). Dawn juru wkoll kif is-sħana estrema tista’ taggrava t-tniġġis tal-arja (
EXHAUSTION
) u kif l-ekoloġizzazzjoni urbana tnaqqas dawn l-effetti filwaqt li toħloq argument għall-vijabbiltà għat-tħawwil ta’ siġar ġodda (
100KTREES
,
LIFE AIRFRESH
).
It-taħlitiet ta’ sustanzi niġġiesa inklużi dawk emerġenti, bħal interferenti endokrinali u farmaċewtiċi, qegħdin isiru dejjem aktar ta’ tħassib. Il-bijomonitoraġġ uman qiegħed juri eżempji ta’ effetti ta’ sustanzi kimiċi multipli fuq is-saħħa tal-bniedem u xi rapporti juru li l-effetti tal-esponiment għal ċerti sustanzi kimiċi jista’ jkollhom kostijiet sinifikanti għas-saħħa. Fl-istess ħin, din id-data turi li r-regolamentazzjoni effettiva tnaqqas l-esponiment u tista’ twassal għal titjib li jista’ jitkejjel fi żmien qasir. Ċerti sustanzi kimiċi perikolużi qegħdin jaffettwaw ukoll il-bijodiversità tal-organiżmi selvaġġi. Mill-2019, l-Approċċ Strateġiku għall-Farmaċewtiċi fl-Ambjent introduċa approċċ aktar olistiku għall-indirizzar tal-preżenza tal-farmaċewtiċi fl-ambjent. Il-miżuri għall-prevenzjoni tal-emissjonijiet ta’ sustanzi kimiċi perikolużi upstream jistgħu jnaqqsu l-kostijiet ta’ rimedju, eż. għat-trattament tal-ilma.
Ambjent aktar nadif - tniġġis żero mill-farmaċewtiċi
Qegħdin jitfaċċaw approċċi aktar innovattivi biex jimminimizzaw l-impronta ambjentali billi jintużaw teknoloġiji mill-aktar avvanzati biex jiddetossifikaw l-ilma mormi farmaċewtiku b’aktar minn 80 % bl-użu ta’ metodu ekonomikament vijabbli u kosteffettiv (
LIFE PHARMA-DETOX
). Barra minn hekk, il-proġett
RECOPHARMA
żviluppa soluzzjonijiet avvanzati għat-trattament tal-ilma li huma versatili, rapidi, effiċjenti u b’kost baxx.
Tniġġis mirut u persistenti, il-problema sottovalutata. Minkejja s-sensibilizzazzjoni dejjem akbar dwar ir-riskji u l-konċentrazzjonijiet ambjentali għoljin tas-sustanzi kimiċi “dejjiema”, issa biss qegħdin nibdew nifhmu l-kobor sħiħ u l-konsegwenzi serji tat-tniġġis mifrux minn sustanzi per- u polifluworoalkilati (PFAS, Per- and Polyfluoroalkyl Substances) u minn sustanzi kimiċi persistenti oħra. B’mod partikolari, id-dehra mifruxa tat-trifluworoaċetat (TFA, Trifluoroacetate), prodott ta’ degradazzjoni komuni ta’ xi PFAS, għadha ma ġietx indirizzata b’mod adegwat mill-Qafas ta’ Monitoraġġ u Prospettiva ta’ Tniġġis Żero. Madankollu, deċiżjonijiet reċenti dwar is-sustanzi niġġiesa tal-ilma, ir-restrizzjoni tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar u l-ħidma li ġejja dwar is-sustanzi kimiċi (inkluża l-ħidma fuq ir-“restrizzjoni universali tal-PFAS”) u dwar leġiżlazzjoni oħra maqbula reċentement se jagħtu idea aħjar tal-iskala u tal-firxa tal-problema fl-UE. Fir-rigward tal-PFAS fl-ilma tax-xorb, il-Kummissjoni ffirmat ftehim mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex tivvaluta l-aktar evidenza xjentifika reċenti dwar l-effetti potenzjali fuq is-saħħa tal-PFAS rilevanti, inkluż it-TFA, fl-ilma tax-xorb. Fl-istess ħin, bħalissa għaddej studju biex janalizza t-tekniki ta’ trattament u l-kostijiet relatati tagħhom għat-tneħħija tal-PFAS (inkluż it-TFA) mill-ilma tax-xorb. Għaddej ukoll studju dwar il-PFAS fil-flussi ta’ skart filwaqt li titqies il-projbizzjoni tal-PFAS fl-imballaġġ u fl-iskart mill-imballaġġ. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-aqwa linja ta’ azzjoni. Barra minn hekk, l-azzjonijiet dwar il-mitigazzjoni tal-PFAS, ir-rimedju u l-appoġġgħal alternattivi mħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Industrija tas-Sustanzi Kimiċi u fl-Istrateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma se jindirizzaw il-kwistjoni b’mod olistiku fi sħubija ma’ dawk kollha kkonċernati.
Innadfu l-ambjent - tniġġis żero permezz ta’ rimedju
Il-prevenzjoni tat-tniġġis trid tkun il-prijorità iżda mhux dejjem ikun possibbli li jsir hekk. Modi innovattivi u kosteffettivi ta’ detezzjoni u ta’ rimedju ta’ sustanzi niġġiesa persistenti u mobbli bħall-PFAS qegħdin isiru dejjem aktar disponibbli fis-suq (
SCENARIOS
,
ZeroPM
,
LIFE SOuRCE
,
CHROMOFORA
u
PROMISCES
). Is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura jistgħu jgħinu wkoll biex inaqqsu t-tniġġis tan-nutrijenti jew biex jitneħħa t-tniġġis mirut tal-metall fis-sediment tax-xmajjar u fil-ħamrija (
LIFE NARMENA
,
LIFE BELINI
,
LIFE POPWAT
). Is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għar-rimedju tal-ħamrija qegħdin isiru dejjem aktar innovattivi biex inaqqsu t-tniġġis iżda wkoll biex inaqqsu l-kostijiet tad-dekontaminazzjoni (
POSIDON
,
ARAGON
,
EDAPHOS
).
L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka se jkomplu jaġġornaw il-Qafas ta’ Monitoraġġ u Prospettiva ta’ Tniġġis Żero kull sentejn. L-edizzjonijiet futuri se jibbenefikaw dejjem aktar mill-qafas leġiżlattiv ta’ “Sustanza Waħda, Valutazzjoni Waħda” miftiehem reċentement. Dan se jgħin biex itejjeb il-ġbir tad-data, l-analiżi integrata u t-twissija bikrija tat-tniġġis kimiku kif ukoll biex jiġi stabbilit eżerċizzju permanenti ta’ bijomonitoraġġ uman madwar l-UE kollha biex jiġi pprovdut sett ta’ data siewi. Il-qafas ta’ monitoraġġ u prospettiva se jiffoka biex isegwi l-progress fl-ilħuq tal-miri għall-2030, iżda l-edizzjonijiet li ġejjin se jipproġettaw il-progress sal-2040 u sal-2050 u jirrieżaminaw il-miri eżistenti minn perspettiva xjentifika biex jiddeterminaw jekk humiex meħtieġa miri aktar stretti jew addizzjonali għall-2040. Il-ħidma fuq il-Qafas ta’ Monitoraġġ u Prospettiva ta’ Tniġġis Żero se tkun ukoll aktar allinjata mill-qrib mal-monitoraġġ nazzjonali kontinwu jew ippjanat. L-integrazzjoni tad-data u tal-valutazzjonijiet, bħal dawk minn Copernicus, tista’ tgħin ukoll fis-simplifikazzjoni bl-użu ta’ għodod diġitali u tal-intelliġenza artifiċjali biex tinġabar data disponibbli għall-pubbliku minflok ma jkun meħtieġ esklużivament li l-Istati Membri jirrapportaw.
Permezz tal-aġenda politika dwar it-tniġġis żero, il-Kummissjoni se tfittex il-potenzjal għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv u regolatorju. Dan mhux biss jiggwida r-reviżjonijiet leġiżlattivi, bħar-reviżjoni tar-Regolament REACH jew ir-reviżjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, iżda wkoll il-ħidma fuq atti delegati u ta’ implimentazzjoni. Il-proposti Omnibus dwar is-Sustanzi Kimiċi u l-Ambjent identifikaw ukoll xi miżuri ta’ simplifikazzjoni marbuta mal-ħidma dwar it-tniġġis żero. Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel test tal-istress fuq id-dritt tal-UE wkoll minn perspettiva ta’ tniġġis żero, permezz ta’, pereżempju, ftit evalwazzjonijiet u djalogi li ġejjin.
Il-Kummissjoni se
-
tkompli tappoġġa lill-bliet u lir-reġjuni fl-azzjonijiet ta’ tniġġis żero tagħhom,
-
tirrevedi r-Regolament REACH biex tissimplifikah u taġġornah, filwaqt li tiżgura l-ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem,
-
tevalwa d-Direttiva dwar in-Nitrati u d-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss,
-
tippreżenta strateġija olistika dwar il-bhejjem u tippubblika rapport dwar l-emissjonijiet industrijali f’konformità mal-Artikolu 73 tal-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED, Industrial Emissions Directive) [sal-2026]
-
tivvaluta l-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta’ miri tal-UE għat-tnaqqis tal-istorbju u ta’ limiti tal-istorbju fid-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali [sal-2029]
-
timplimenta l-azzjonijiet relatati mat-tniġġis fl-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma u fil-Patt għall-Oċeani,
- timplimenta l-azzjonijiet relatati mal-PFAS imħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Industrija tas-Sustanzi Kimiċi,
-
tgħin fl-implimentazzjoni tal-Pjan tal-UE dwar is-Saħħa Kardjovaskulari u l-Pjan biex Jingħeleb il-Kanċer permezz ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero,
-
tippubblika dokument ta’ ħidma tal-persunal dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-akkwakultura tal-UE [sal-2026] u dwar il-promozzjoni tal-benefiċċji ambjentali tal-akkwakultura [sal-2027], tagħti taħriġ relatat lill-Istati Membri u lill-industrija tal-akkwakultura.
4Appoġġ għat-tranżizzjoni lejn tniġġis żero
Il-Kummissjoni se tkompli tgħin lill-Istati Membri fl-isforzi ta’ implimentazzjoni tagħhom, u tiffoka fuq l-faċilitaturi ewlenin: l-integrazzjoni, l-investimenti u l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi wkoll il-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis, filwaqt li tinvolvi ruħha fi sforzi ta’ kooperazzjoni internazzjonali kemm multilaterali kif ukoll bilaterali.
4.1L-implimentazzjoni, l-investimenti u l-integrazzjoni biex tingħata spinta lill-bidla
L-implimentazzjoni trid tkun il-prijorità. L-aħħar Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR, Environmental Implementation Review)
, rapport perjodiku dwar l-istat tal-implimentazzjoni tad-dritt u tal-politiki ambjentali tal-UE, jidentifika l-oqsma ta’ politika bi sfidi ewlenin fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, jiġifieri: l-ekonomija ċirkolari u l-iskart; it-tniġġis żero inklużi s-sustanzi kimiċi; in-natura u l-bijodiversità; u l-azzjoni klimatika. Jidentifika prattiki tajbin u l-isfidi fl-Istati Membri. Jirrakkomanda titjib u soluzzjonijiet kif ukoll “azzjonijiet ta’ prijorità”. L-EIR tal-2025 jidentifika ħames fatturi ewlenin li jagħmlu d-differenza bejn implimentazzjoni tajba u implimentazzjoni ħażina. Dawn huma: (1) l-integrazzjoni tal-objettivi ambjentali fil-politiki pubbliċi, permezz ta’ djalogu politiku u dwar il-kondiviżjoni tal-kost tal-implimentazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati; (2) il-finanzjament; (3) il-kapaċità amministrattiva, speċjalment biex jiġu żgurati ppjanar u koordinazzjoni xierqa; (4) id-data diġitali; u (5) ir-rwol tal-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali flimkien ma’ aċċess aħjar għall-ġustizzja u għall-mezzi ta’ rimedju.
Il-partijiet ikkonċernati kollha, mill-Kummissjoni sal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-settur privat, u s-soċjetà ċivili u l-unitajiet domestiċi, għandhom rwol x’jaqdu fl-implimentazzjoni ambjentali. Biex tappoġġa implimentazzjoni u infurzar aħjar, il-Kummissjoni se twettaq djalogi ta’ implimentazzjoni bbażati fuq valutazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u rakkomandazzjonijiet ta’ azzjoni ta’ prijorità fl-EIR u fil-valutazzjonijiet speċifiċi għall-politika. Il-Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati b’Rabta mat-Tniġġis Żero se jkollha wkoll rwol importanti peress li hija kopreseduta mal-Kumitat tar-Reġjuni u tiddiskuti b’mod partikolari sfidi ta’ implimentazzjoni fil-livell reġjonali u lokali. Barra minn hekk, id-djalogi mal-partijiet ikkonċernati inklużi n-negozji u s-soċjetà ċivili se jkomplu u se jduru madwar il-“verifiki tar-realtà” ta’ jekk il-leġiżlazzjoni tal-UE tistax tiġi applikata b’mod effettiv fil-prattika. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tappoġġa lill-Istati Membri billi tipprovdi kapaċità teknika u finanzjament, kif ukoll billi tissimplifika l-oqfsa regolatorji kkomplementati, fejn xieraq, b’azzjonijiet ta’ infurzar. Il-programm LIFE, l-istrument ta’ finanzjament tal-UE għall-ambjent, għall-azzjoni klimatika u għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, għen biex inaqqas id-diskrepanza fl-implimentazzjoni, billi pprovda kofinanzjament immirat u assistenza teknika biex jappoġġa miżuri speċifiċi (pereżempju dwar l-ilma mormi, l-emissjonijiet industrijali u agrikoli u l-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi), saħħaħ il-kapaċità amministrattiva u l-għodod diġitali u kkatalizza l-governanza f’diversi livelli.
Il-finanzjament huwa faċilitatur ewlieni għall-implimentazzjoni. L-EIR tal-2025 jippreżenta analiżi dettaljata tal-ħtiġijiet ta’ investiment għall-implimentazzjoni tad-dritt ambjentali tal-UE u tad-diskrepanzi fiha, li jammontaw għal EUR 122 biljun fis-sena fl-UE, jiġifieri 0,8 % tal-PDG tal-UE. Studju reċenti juri li l-kost ta’ nuqqas ta’ azzjoni jisboq bil-kbir il-kost tal-investiment, b’diskrepanza fl-implimentazzjoni stmata ta’ EUR 180 biljun fis-sena, ħafna aktar mill-kost biex titnaqqas id-diskrepanza fl-implimentazzjoni. Id-diskrepanzi fl-investiment stmati għall-prevenzjoni u għall-kontroll tat-tniġġis kif ukoll għall-protezzjoni tal-ilma (fil-biċċa l-kbira marbuta mal-infrastruttura tal-ilma u tal-ilma mormi) huma ta’ EUR 58 biljun fis-sena (jew 48 % tad-diskrepanza totali). Il-finanzjament tal-UE għandu rwol importanti x’jaqdi biex jgħin biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fl-implimentazzjoni. Pereżempju, fir-rieżami reċenti ta’ nofs it-terminu tal-politika ta’ koeżjoni, il-Kummissjoni pproponiet miżuri addizzjonali biex tħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni jinvestu fir-reżiljenza tal-ilma. Ir-Regolament miftiehem jinkludi 10 % addizzjonali tal-finanzjament tal-UE u massimu ta’ 20 % tal-prefinanzjament għall-investimenti fir-reżiljenza tal-ilma, inklużi investimenti biex jgħinu fit-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilma.
Ambjent aktar nadif – finanzjament tat-tniġġis żero
L-investimenti tal-UE kkontribwew direttament jew indirettament għal azzjonijiet marbuta mal-kisba tal-objettiv tal-arja nadifa. Il-finanzjament tal-UE tqiegħed għad-dispożizzjoni għall-Istati Membri u ntuża b’suċċess minnhom b’appoġġ dirett għal proġetti tal-arja nadifa jew bl-inkorporazzjoni ta’ objettivi tal-arja nadifa f’investimenti oħra (bħall-infrastruttura). Mill-2007, l-UE investiet EUR 84 għal kull persuna fl-infrastruttura kbira tal-ilma. L-investimenti fir-reġjuni tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kienu ħafna akbar, u varjaw minn EUR 100 għal aktar minn EUR 300 għal kull persuna. Dan wassal għal tnaqqis sinifikanti fit-tniġġis u b’hekk għal titjib fil-kwalità tal-ilma. Id-
dashboard
“Towards zero pollution in regions” jagħti ħarsa ġenerali lejn dan it-titjib.
Il-finanzjament tal-UE għal ambjent aktar nadif se jkun ukoll disponibbli fil-futur. Skont il-proposti għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid, l-investimenti relatati mat-tniġġis żero huma parti mill-mira ta’ 35 % għall-infiq fuq il-klima u fuq l-ambjent. Dan joffri l-potenzjal għal sinerġiji kontinwi u saħansitra aktar b’saħħithom bejn l-infiq fuq in-newtralità klimatika u/jew il-protezzjoni tal-bijodiversità u fuq it-tniġġis żero. Il-Fond Ewropew għall-Kompetittività propost u l-Fond Ewropew għal Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali kif ukoll għall-Agrikoltura u l-Qasam Rurali, għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, għall-Prosperità u għas-Sigurtà propost li skont dawn l-Istati Membri għandhom iħejju Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali se jikkontribwixxu għall-protezzjoni, għar-restawr u għat-titjib tal-kwalità tal-ambjent, inkluż l-ilma ħelu, il-kosta, l-oċeani u l-ħamrija, għat-tnaqqis tat-tniġġis, għat-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità u għall-indirizzar tad-degradazzjoni tal-ekosistemi terrestri u tal-baħar, filwaqt li jiżdiedu r-reżiljenza għall-klima u r-reżiljenza tal-ilma. Il-proposti ta’ Orizzont Ewropa għall-perjodu 2028-2034 indikaw li l-integrazzjoni tax-xjenza ambjentali fl-attivitajiet hija neċessarja biex tipprevjeni ħsara lill-ambjent, biex iżżommu nadif u biex tirrestawra ekosistemi f’saħħithom. Dawn identifikaw ukoll “Lejn tniġġis żero għall-ilma fl-UE” bħala waħda mill-oqsma moonshot possibbli. Barra minn hekk, il-Politika Agrikola Komuni, il-Politika Komuni tas-Sajd u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u l-Fondi għall-Iżvilupp Reġjonali u ta’ Koeżjoni se jkomplu jikkontribwixxu għall-kisba ta’ tniġġis żero.
Peress li l-finanzjament tal-UE ma huwiex biżżejjed, hemm bżonn ukoll ta’ finanzjament nazzjonali sostanzjali. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu aħjar mit-taxxi, mill-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur u minn mekkaniżmi oħra biex jimplimentaw aħjar il-prinċipjuta’ min iniġġes iħallas. L-Istati Membri bħalissa ma jagħmlux ħafna użu mit-tassazzjoni ambjentali. Il-pakkett tal-EIR tal-2025 u l-pakkett tas-Semestru Ewropew tal-2024 jirrakkomandaw ir-riforma tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent (EHS, Environmentally Harmful Subsidies). L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw ukoll kif jiggwidaw l-għażliet tan-negozji u tal-konsumaturi filwaqt li jġibu dħul mit-taxxa li jista’ jintuża biex jindirizza d-diskrepanza fl-investiment. Il-Kontroll tal-Idoneità tal-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas jipprovdi xi informazzjoni intuwittiva siewja dwar x’ħadem u jsib li l-fatt li min iniġġes jiġi mġiegħel iħallas huwa mod effettiv ħafna kif jiġu pprovduti sinjali tal-prezzijiet li jagħmlu l-politika ambjentali aktar effiċjenti dment li t-tranżizzjoni ġusta, il-kompetittività, is-sigurtà alimentari u l-kostijiet ġenerali jitqiesu kif xieraq fit-tfassil tiegħu.
Se jkun essenzjali l-isfruttar tal-investimenti privati biex tiżdied it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Il-Kummissjoni qiegħda tikkoopera mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex jiżdiedu l-investimenti pubbliċi u privati fl-ambjent (pereżempju skont l-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma) kemm fl-UE kif ukoll globalment. Il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji tista’ tingrana aktar finanzjament privat permezz ta’ approċċi ta’ finanzjament imħallta u mudelli innovattivi bħal ekosistemi strutturati għal bonds ekoloġiċi u blu. Il-qafas tal-finanzi sostenibbli tal-UE simplifikat u l-implimentazzjoni tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti għandhom ukoll l-għan li jżidu l-opportunitajiet ta’ finanzjament għan-negozji tal-UE. Iċ-ċifri juru li t-tassonomija tal-UE għall-finanzi sostenibbli qiegħda tiġi implimentata minn għadd dejjem akbar ta’ investituri f’xi setturi. Il-Patt għal Industrija Nadifa se jkompli jimmobilizza l-investiment nadif billi jsaħħaħ il-Fond għall-Innovazzjoni u jipproponi bank għad-dekarbonizzazzjoni industrijali. Ir-Regolament Omnibus II se jemenda r-Regolament InvestEU biex jiżdied l-ammont ta’ garanziji finanzjarji li InvestEU jista’ jipprovdi biex jappoġġa l-investimenti għall-varar tat-teknoloġija nadifa, għall-mobbiltà nadifa u għall-prevenzjoni, it-tnaqqis u r-riċiklaġġ tal-iskart. Dawn l-isforzi inevitabbilment se joħolqu kobenefiċċji għal tniġġis żero. Bħala parti mill-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma, il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll Aċċelleratur tal-Investiment għar-Reżiljenza tal-Ilma u se tvara inizjattiva ta’ Kurituri Ħodor u Blu biex tappoġġa r-restawr. Dan se jappoġġa investiment f’ilmijiet aktar nodfa.
L-integrazzjoni trid tkun aktar rapida u trid tagħmel aktar. L-esperjenza tal-implimentazzjoni turi li huwa kruċjali li tiġi żgurata integrazzjoni suffiċjenti tal-politika ambjentali fl-iżvilupp u fl-eżekuzzjoni tal-politiki pubbliċi, upstream u b’mod sistematiku u trażversali. Huwa wkoll kruċjali li jitqiesu l-implikazzjonijiet tal-ambjent għall-politiki pubbliċi, għall-baġit u għall-ekonomija. Din hija r-raġuni għaliex approċċ aktar integrat u olistiku – pereżempju, li jgħaqqad flimkien l-awtoritajiet f’oqsma ta’ politika jew f’reġjuni differenti – għandu t-tendenza li jipproduċi riżultati aħjar fit-tul u jkun aktar inklużiv, konsistenti, effettiv u effiċjenti. Din hija r-raġuni għaliex il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero tal-2021 stabbilixxa l-inizjattiva ewlenija “Kooperazzjoni fl-infurzar ta’ tniġġis żero”, bil-ħidma inizjali mwettqa f’kooperazzjoni man-Network tal-UE għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL, Implementation and Enforcement of Environmental Law). Dan se jkompli fl-2026. Id-djalogi strutturati previsti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma se jfittxu li jinvolvu l-partijiet rilevanti kollha tal-gvernijiet nazzjonali (u reġjonali).
Trasport aktar nadif – mobbiltà bi tniġġis żero
Id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport iġġib ukoll benefiċċji f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tal-arja u mal-istorbju. Prototipi mħejjija għas-suq għad-detezzjoni ta’ vetturi storbjużi u li jniġġsu u għall-għajnuna fit-tnaqqis tat-tniġġis permezz ta’ lqugħ multifunzjonali u bankini speċjalizzati (
NEMO
). L-ippjanar urban aħjar u l-organizzazzjoni tal-loġistika tal-aħħar mil jgħinu wkoll biex inaqqsu s-CO2, it-tniġġis tal-arja u l-istorbju (
SENATOR
,
LIFE ASPIRE
). Teknini innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u fjuwils fit-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni jgħinu biex jitnaqqsu t-tniġġis tal-arja u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’kundizzjonijiet tal-ħajja reali (
LIFE CLINSH
).
Agrikoltura aktar nadifa – biedja bi tniġġis żero
It-tibdil tal-prattiki agrikoli jista’ jnaqqas it-tniġġis b’mod sinifikanti. It-tniġġis tal-arja mit-trobbija intensiva ta’ bhejjem għal-laħam (majjal u pollam) u ta’ bhejjem tal-ħalib jista’ jitnaqqas b’teknoloġiji u bi prattiki ta’ ġestjoni innovattivi bħas-separazzjoni tal-flussi ta’ skart u l-użu tar-robots, bit-tnaqqis tal-emissjonijiet u bit-trasformazzjoni tad-demel maħżun f’fertilizzant kummerċjali li jagħmilha possibbli li jingħalaq iċ-ċiklu tan-nitroġenu ta’ farm (
LIFE CMCD
,
LIFE Green Ammonia
,
LIFE Clean Air Farming
,
Econutri
,
SOLACE
). Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tħejji wkoll Pjan ta’ Azzjoni għall-fertilizzanti, li fost l-oħrajn se jeżamina l-użu effiċjenti tal-fertilizzanti u tan-nutrijenti riċiklati li min-naħa tagħhom se jkunu ta’ benefiċċju għall-isforzi biex jitnaqqas it-tniġġis mill-użu tal-fertilizzanti. Perkorsi ta’ tranżizzjoni innovattivi lejn protezzjoni tal-pjanti aktar sostenibbli jistgħu jnaqqsu l-kostijiet tal-protezzjoni tal-għelejjel, filwaqt li jnaqqsu t-tniġġis mill-pestiċidi tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija u jipproduċu ikel aktar tajjeb għas-saħħta (
SPRINT
). Permezz ta’ ħidma mal-bdiewa u mal-organizzazzjonijiet biex jiġu identifikati prattiki sostenibbli għall-ġestjoni tal-mikroplastiks u tan-nanoplastiks, kien possibbli li fl-istess ħin tittejjeb il-produttività ambjentali u agrikola (
PAPILLONS
,
MINAGRIS
).
Għajxien aktar nadif – bini bi tniġġis żero
L-iżvilupp urban b’infrastruttura nadifa u ċirkolari jista’ jnaqqas il-gassijiet serra, jimminimizza l-iskart u jippromwovi l-konsum sostenibbli filwaqt li jnaqqas it-tniġġis. Billi tintuża sistema tad-drenaġġ ta’ “tliet pajpijiet” b’separazzjoni, dan jippermetti r-riċiklaġġ tal-ilma u tal-iskart u l-irkupru tal-enerġija u tan-nutrijenti (
RecoLab
). L-użu ta’ materjali naturali u l-iżvilupp ta’ tewmi diġitali tal-binjiet, mgħammra b’sensuri għall-monitoraġġ ta’ parametri vitali bħall-kontenut ta’ ndewwa, se jippermettu manutenzjoni predittiva u jagħtu indikazzjoni tal-effetti ta’ alterazzjonijiet tekniċi fuq ir-rendiment tal-bini (
Build-in-Wood
).
Il-Kummissjoni se
-
tindirizza l-isfidi tat-tniġġis speċifiċi għall-pajjiżi fid-djalogi strutturati mal-Istati Membri kollha mħabbra fl-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma,
-
flimkien mal-IMPEL, tkompli l-iskambju tal-aħjar prattiki u tħeġġeġ azzjonijiet ta’ konformità transsettorjali.
4.2Innovazzjoni u ħiliet biex tissaħħaħ il-kompetittività
L-innovazzjoni qiegħda tixpruna t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Fil-kriżi ekonomika kurrenti, se jkun importanti li jiġi pprovdut appoġġ immirat lill-industrija biex tibqa’ kompetittiva fil-kostijiet u biex tinżamm il-produzzjoni kritika fl-UE. Is-simplifikazzjoni tal-qafas regolatorju se tkun kruċjali biex l-UE tibqa’ attraenti għall-kumpaniji. Madankollu, kif imsemmi fil-Boxxla għall-Kompetittività, il-kawża ewlenija għall-kriżi kurrenti hija n-nuqqas ta’ innovazzjoni matul l-aħħar żewġ deċennji. Miżuri mfassla bir-reqqa biex jippromwovu t-tranżizzjoni għal mudell ta’ ekonomija nadifa u ċirkolari jistgħu mhux biss jikkontribwixxu biex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, iżda wkoll joħolqu l-opportunitajiet kummerċjali neċessarji għal teknoloġija innovattiva u orjentata lejn il-futur biex tissaħħaħ il-kompetittività globali fit-tul tal-UE. Il-Patt għal Industrija Nadifa qiegħed jappoġġa dan l-ixprunar tal-innovazzjoni permezz tal-finanzjament (permezz tal-Fond għall-Innovazzjoni u InvestEU) jew inizjattivi speċifiċi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up. F’termini ta’ tniġġis, iċ-Ċentru l-ġdid tal-Innovazzjoni għat-Trasformazzjoni u l-Emissjonijiet Industrijali (INCITE, Innovation Centre on Industrial Transformation and Emissions) se jidentifika u jevalwa l-livell ta’ maturità ta’ tekniki innovattivi biex juri l-potenzjal tagħhom u jippromwovi l-adozzjoni tagħhom fuq skala akbar. INCITE se janalizza wkoll id-dekarbonizzazzjoni, l-effiċjenza fir-riżorsi, inklużi l-enerġija, il-materja prima u l-ilma, użu anqas u aktar sikur ta’ sustanzi kimiċi perikolużi u l-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari ta’ teknoloġiji innovattivi f’valutazzjoni ambjentali ta’ 360 grad. B’ispirazzjoni minn INCITE, il-Kummissjoni se toħloq ukoll “Hub(s) tal-UE għall-Innovazzjoni u s-Sostituzzjoni” biex tegħleb l-ostakli għall-innovazzjoni u taċċellera l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet aktar sikuri u sostenibbli b’attenzjoni speċifika għall-ħtiġijiet tal-SMEs. Se tesplora wkoll approċċi kollaborattivi għas-sostituzzjoni ta’ sustanzi kimiċi mmirati. Il-qafas tas-sustanzi kimiċi “Sikuri u Sostenibbli mid-Disinn” (SSbD, Safe and Sustainable by Design) se jkun inkorporat fil-hubs tal-innovazzjoni, u jipprovdi gwida teknika dwar l-istadji bikrin tal-innovazzjoni.
Prodotti u proċessi aktar nodfa - innovazzjonijiet bi tniġġis żero
Innovazzjonijiet tal-bijoekonomija bħall-imballaġġ tal-plastik bijodegradabbli, prodotti assorbenti tal-iġjene bijodegradabbli jew alternattivi b’bażi bijoloġika għal trejs tal-ikel kif ukoll mudelli ta’ networking ġodda tul il-katina tal-valur kollha tal-plastik fis-settur agroalimentari jnaqqsu b’mod sinifikanti l-iskart tal-plastik u, b’hekk, ir-rimi f’landfill u t-tniġġis (
Circpack
,
EMBRACED
,
FRESH
,
LIFE CLOOVER2
). Prattika innovattiva tat-tessuti tbiddel it-tessuti antiki tal-qoton f’fibra sostenibbli u ta’ kwalità għolja bl-użu ta’ sustanzi kimiċi li jniġġsu inqas (
TeKiDe
). Il-prattiki ta’ innovazzjoni fir-riċiklaġġ ta’ skart perikoluż ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE, Waste Electrical and Electronic Equipment) jagħmluha possibbli li jiġu rkuprati b’mod sikur il-polimeri nodfa, il-bromu u t-triossidu tal-antimonju mill-plastiks, filwaqt li jappoġġaw sistema ta’ riċiklaġġ f’ċirkwit magħluq u b’hekk jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-antimonju importat (
PLAST2bCLEANED
). It-teknoloġiji innovattivi jirkupraw ir-riżorsi mill-ilma mormi (bħall-bijofertilizzanti, iċ-ċelluloża, il-bijoplastiks, il-bijometan u varjetà ta’ addittivi tal-ikel u tax-xorb) li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-kostijiet operatorji u l-impatt ambjentali tal-faċilitajiet għat-trattament tal-ilma mormi u b’hekk joħolqu opportunitajiet ta’ negozju u impjiegi ġodda (
AFTERLIFE
,
INCOVER
,
SMART-Plant
,
LIFE ENRICH
,
24Water
). Il-ġeneraturi innovattivi fil-kostruzzjoni u fil-kura ekoloġika urbana jnaqqsu l-emissjonijiet filwaqt li jipprovdu provvisti tal-enerġija portabbli iżgħar, eħfef u aktar b’saħħithom li jattiraw ammonti sinifikanti ta’ finanzjament mingħand investituri privati (
LIFE CLEANAIRMM
). Sistemi ta’ propulsjoni innovattivi joffru teknoloġiji tal-illanċjar tas-satelliti aktar nodfa u aktar ċirkolari (
HyImpulse
,
Pangea
).
Ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE ilhom jirfdu din it-tranżizzjoni għal ħafna snin u se jkomplu jagħmlu dan. Tradizzjonalment, ir-riċerka ambjentali u l-proġetti ta’ dimostrazzjoni dwar il-prevenzjoni, il-kontroll u r-rimedju tat-tniġġis kienu prijoritajiet tal-programmi ta’ riċerka u LIFE tal-UE.
Matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali kurrenti, l-UE żiedet l-appoġġ tagħha permezz tal-programmi ta’ finanzjament Orizzont Ewropa u LIFE. Għar-riċerka u għall-innovazzjoni, destinazzjoni speċifika ta’ “Ambjent nadif u tniġġis żero” bl-istrumenti dedikati bħall-missjonijiet u s-sħubijiet tal-UE, huma partikolarment impattanti, u hekk ukoll id-destinazzjoni “Għajxien u xogħol f’ambjent li jippromwovi s-saħħa” li tindirizza l-impatti tal-esponimenti ambjentali fuq is-saħħa tal-bniedem. Ir-riċerka u l-innovazzjoni li jindirizzaw it-tniġġis huma inkorporati fil-programm kollu wkoll.
Ħafna proġetti ta’ Orizzont 2020 u ta’ Orizzont Ewropa appoġġaw u jkomplu jappoġġaw l- isforzi ta’ tniġġis żero, b’mod partikolari l-prevenzjoni tal-mard u l-promozzjoni tas-saħħa, l-użu u l-ġestjoni tal-ilma, il-kwalità tal-arja, tal-ilma ħelu u tal-ħamrija, il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, l-iżvilupp ta’ sustanzi kimiċi u materjali sikuri u sostenibbli mid-disinn, iċ-ċirkolarità, l-agrikoltura, is-sistemi tal-ikel (inkluż permezz tal-inizjattiva Food 2030 u l-perkors tas-sistemi tal-ikel bi tniġġis żero), l-innovazzjoni industrijali, il-bijoekonomija, it-trasport, l-enerġija, il-monitoraġġ u l-osservazzjoni ambjentali. Il-kobenefiċċji ambjentali tar-riċerka u tal-innovazzjoni fl-azzjoni klimatika spiss jirriżultaw fi prevenzjoni u fi tnaqqis tat-tniġġis, b’hekk jipproteġu l-bijodiversità u l-ekosistemi naturali. Eżempju ta’ dan huwa sejħa ddedikata tal-2024 taħt il-missjoni tal-UE “Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti” li tiffoka fuq il-ħolqien ta’ bliet bi tniġġis żero, li attirat aktar minn 100 proposta.
Il-programm LIFE kompla jkun l-ixprunatur tad-dimostrazzjoni, tal-varar u tal-adozzjoni tal-politika ta’ soluzzjonijiet nodfa fl-Istati Membri. LIFE jikkomplementa lil Orizzont Ewropa billi jnaqqas ir-riskji ta’ soluzzjonijiet kważi lesti għas-suq u jappoġġa l-adozzjoni tagħhom mill-awtoritajiet, mill-utilitajiet u mill-SMEs. Permezz ta’ proġetti pilota u dimostrazzjonijiet fuq skala kbira, it-titjib tal-governanza, il-bini tal-kapaċitajiet u appoġġ politiku mmirat, LIFE jgħin biex jibdel l-innovazzjoni ekoloġika fi prattiki replikabbli u investibbli ta’ tniġġis żero fl-UE u fil-viċinat tagħha. Mill-2014, aktar minn 170 proġett ta’ LIFE b’EUR 400 miljun f’finanzjament tal-UE indirizzaw it-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija u wasslu riżultati li jistgħu jitkejlu fil-prattika u li kkontribwew għal-leġiżlazzjoni u għall-istandards tal-UE. Barra minn hekk, fil-futur, il-finanzjament tal-UE se jkollu rwol importanti peress li l-karatteristiċi ewlenin kollha ta’ LIFE huma inklużi fil-proposta tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività.
Suġġett tal-innovazzjoni ewlieni fil-futur se jkun ir- rimedju tat-tniġġis mirut. Il-monitoraġġ tal-ilma u tal-ħamrija juri l-għadd kbir ta’ hotspots ta’ tniġġis fl-UE. L-implimentazzjoni tal-Liġi l-ġdida dwar il-Monitoraġġ tal-Ħamrija u r-Regolament dwar ir-Restawr tan-Natura se jagħmlu ħafna mix-xogħol biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni. F’dan il-kuntest, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-bijorimedju għandhom il-potenzjal li jipprovdu soluzzjonijiet kosteffettivi. L-inizjattiva pubblika-privata biex tinkiseb teknoloġija trasformattiva f’metodi fattibbli u affordabbli għad-detezzjoni u għar-rimedju tal-PFAS u ta’ sustanzi kimiċi persistenti oħra se jkollha l-għan li tippromwovi l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet bħal dawn.
Jeżistu soluzzjonijiet diġitali għal tniġġis żero iżda jeħtieġ li jingħelbu l-ostakli għall-varar tagħhom. In-Network Ewropew tal-Laboratorji Ħajjin (ENoLL, European Network of Living Labs) ħareġ xi rakkomandazzjonijiet dwar il-laboratorji ħajjin għal tniġġis żero li jistgħu jgħinu biex tiżdied l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali. Jirriżultaw opportunitajiet ġodda mill-kombinazzjoni tad-data, pereżempju mill-osservazzjoni tad-dinja, bl-intelliġenza artifiċjali u bl-immudellar. Is-Satelliti Sentinel il-ġodda ta’ Copernicus se jipprovdu data aktar akkurata u tempestiva, pereżempju dwar il-kwalità tal-arja u l-emissjonijiet. Destinazzjoni d-Dinja u , f’ sinerġija mill-qrib mal-Inizjattiva għall-Osservazzjoni tal-Oċeani u l-Att dwar l-Oċeani li jmiss, it-Tewmi Diġitali tal-Oċean għandhom l-għan li jappoġġaw dawn l-għodod mill-aktar avvanzati biex, fost affarijiet oħra, jindirizzaw kwistjonijiet relatati mat-tniġġis. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea qiegħed jikkontribwixxi wkoll għall-ħidma f’dan il-qasam, b’mudelli ta’ tniġġis tal-baħar użati fil-Prospettiva ta’ Tniġġis Żero.
Ambjent aktar nadif - tniġġis żero permezz ta’ osservazzjoni tad-dinja u tewmin diġitali
Copernicus
, il-komponent ta’ osservazzjoni tad-dinja tal-programm spazjali tal-UE, ippermetta l-iżvilupp ta’ diversi soluzzjonijiet għan-negozju bi tniġġis żero. L-isfruttar tal-osservazzjoni tad-dinja, tal-intelliġenza artifiċjali u tal-apprendiment awtomatiku jista’ jtejjeb b’mod sinifikanti l-monitoraġġ ambjentali tal-arja, tal-oċeani u tal-ilma ħelu u tal-kwalità tal-ħamrija, tad-degradazzjoni tal-art u tad-deforestazzjoni u tal-impatti fuq il-ktajjen tal-provvista (
Orbify
). Ippermetta wkoll l-iżvilupp ta’ Pjattaforma għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tat-Tniġġis li timmonitorja x-xmajjar, il-ġibjuni u ż-żoni urbani, li tgħin lill-awtoritajiet lokali jittraċċaw it-tniġġis u jirrispondu malajr għal eventi ta’ tniġġis (
Azulfy
). Pjattaformi diġitali oħra jimmobilizzaw liċ-ċittadini biex jidentifikaw u jirrapportaw siti ta’ skart illegali fil-komunitajiet tagħhom f’ħin reali li jgħinu biex iqajmu sensibilizzazzjoni u jappoġġaw l-azzjoni lokali rapida (
WasteNoTime
). Dawn l-għodod jgħinu wkoll lill-operaturi ekonomiċi biex jimxu lejn tniġġis żero. L-applikazzjonijiet tal-biedja intelliġenti jistgħu jnaqqsu t-tniġġis u jiffrankaw il-kostijiet billi jgħinu lill-bdiewa jqabblu l-inputs agrikoli (il-fertilizzanti, il-pestiċidi, l-ilma) ma’ dak li l-għelejjel fil-fatt jeħtieġu (
SQAT
,
DINOSAR
,
TerraMetallum
). L-ottimizzazzjoni tal-operat tal-ajruporti u tat-trajjettorji tat-titjiriet tgħin biex jitnaqqsu l-istorbju, il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tal-arja u ta’ gassijiet serra (
EDGAR
,
VITOLMINS
). Is-servizzi għal monitoraġġ ġeotekniku u ambjentali aħjar tal-attivitajiet tal-estrazzjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja mill-esplorazzjoni sal-għeluq jgħinu biex jittejbu s-sikurezza u l-effiċjenza operazzjonali, filwaqt li jippermettu lill-operaturi tal-estrazzjoni jillimitaw it-tniġġis u l-iskart u jagħmlu użu aktar ċirkolari tal-materjali (
MOSMIN
,
TerraEye
).
Id-diġitalizzazzjoni tibbaża fuq id-disponibbiltà u fuq l-utilizzabilità ta’ data ta’ kwalità għolja. Diversi proġetti jippromwovu servizzi bbażati fuq id-data ambjentali, b’enfasi fuq l-importanza tat-tniġġis żero biex titħaffef l-implimentazzjoni. Ġew varati wkoll diversi proġetti pilota tal-komunità intelliġenti fi sforz biex tinġabar data dwar it-tniġġis żero fil-bliet. Strument ewlieni għat-titjib tad-disponibbiltà tad-data dwar it-tniġġis huwa l-qafas legali l-ġdid “Sustanza Waħda, Valutazzjoni Waħda” li jistabbilixxi, fost affarijiet oħra, pjattaforma komuni tad-data u “punt uniku ta’ servizz” għall-aċċess tad-data dwar is-sustanzi kimiċi. Il-Kummissjoni qiegħda tħejji wkoll “Pjan ta’ Azzjoni għad-Diġitalizzazzjoni tas-Settur tal-Ilma” biex toħloq sensibilizzazzjoni dwar dawn l-iżviluppi u tappoġġahom b’mod aktar sistematiku. L-għodod diġitali jistgħu jgħinu wkoll lill-konsumaturi u liċ-ċittadini jagħmlu għażliet ekoloġiċi li jappoġġaw l-objettivi ta’ tniġġis żero. Iċ-ċittadini saru jridu jkunu jafu dejjem aktar kemm hija nadifa l-arja li jieħdu man-nifs, jew jekk ċerti prodotti fihomx sustanzi kimiċi perikolużi.
Prodotti nodfa – nagħmlu għażliet għat-tniġġis żero
Għadd ta’ applikazzjonijiet tal-konsumaturi faċli għall-utent jagħmluha possibbli li jiġu identifikati prodotti li jevitaw l-użu ta’ sustanzi kimiċi bi proprjetajiet perikolużi (
Yuka
,
ToxFox
,
KEMILUPPEN
,
CheckED yourself
,
SIN List
). Xi applikazzjonijiet jiffokaw fuq firxa ta’ prodotti ta’ kuljum bħal prodotti tal-ikel, kożmetiċi, prodotti tal-kura personali, ġugarelli, għamara, twapet, żraben sportivi, tessuti u apparati elettroniċi. Oħrajn iħarsu lejn il-proprjetajiet perikolużi inklużi sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali u jipproponu possibbiltajiet ta’ sostituzzjoni jew jagħmlu rakkomandazzjonijiet personalizzati għall-ambjent domestiku, għall-istil tal-ħajja u għad-drawwiet ta’ kuljum. Dawn l-applikazzjonijiet jgħinu l-innovazzjoni u jżidu s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi (u konsegwentement tan-negozji) dwar sustanzi kimiċi mhux mixtieqa.
In-nuqqas ta’ ħiliet u ta’ taħriġ qiegħed iżomm lura t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Hemm nuqqas mifrux ta’ ħiliet ekoloġiċi, speċjalment fl-SMEs u fis-setturi ewlenin bħall-kostruzzjoni, it-trasport, l-immaniġġjar tal-iskart, l-enerġija u l-inġinerija. It-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, li tixpruna x-xejriet tal-impjiegi sal-2035, tirrikjedi li l-persuni ta’ kull età u f’dixxiplini differenti jiżviluppaw ħiliet ġodda. In-nuqqas ta’ ħiliet ekoloġiċi fil-forza tax-xogħol huwa ta’ tħassib dejjem akbar. It-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid għadhom ma humiex qegħdin jirnexxielhom ilaħħqu mad-domanda. Minbarra l-azzjonijiet ġenerali għall-appoġġ tal-ħiliet ekoloġiċi permezz tal-Patt għall-Ħiliet (eż. is-sħubija reġjonali mmexxija min-Network Ewropew tar-Reġjuni tas-Sustanzi Kimiċi skont il-Patt għall-Ħiliet), il-Kummissjoni qiegħda tvara inizjattivi ddedikati fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma (bħall-Alleanza Industrijali Intelliġenti fl-Użu tal-Ilma u l-Akkademja Ewropea tal-Ilma) li se jinkludu l-ħiliet meħtieġa biex jinkiseb tniġġis żero.
Il-kapaċitajiet fl-amministrazzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri diġà huma baxxi, u din is-sitwazzjoni se tmur għall-agħar sakemm ma titteħidx azzjoni. Is-settur pubbliku qiegħed jiffaċċja forza tax-xogħol li qed tixjieħ u diskrepanza fil-ħiliet, b’mod partikolari f’oqsma tekniċi bħall-kontroll tat-tniġġis u t-trattament u l-ġestjoni tal-ilma u f’termini ta’ ħiliet diġitali. L-EIR enfasizza li dan se jkun kruċjali għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-prattika.
Il-Kummissjoni se
-
tiffinanzja proġetti ta’ prijorità fil-programmi ta’ ħidma tal-2026 u tal-2027 ta’
Orizzont Ewropa
u ta’ LIFE,
-
tħaffef u tiskala l-innovazzjoni kimika bl-użu ta’ hubs volontarji tal-UE għall-innovazzjoni fis-sustanzi kimiċi (kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Industrija tas-Sustanzi Kimiċi),
-
tħejji “Pjan ta’ Azzjoni għad-Digitalzzazzjoni għas-settur tal-ilma” [sal-2026] kif imħabbar fl-Istrateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma.
4.3Kooperazzjoni internazzjonali - il-promozzjoni tal-bidla madwar id-dinja għal tniġġis żero
L-isforzi multilaterali internazzjonali biex nimxu jimxi lejn dinja ħielsa mit-tniġġis għamlu progress sinifikanti u kostanti, għalkemm xi drabi bil-mod. Deċiżjoni storika hija l-istabbiliment tal-Bord Intergovernattiv tal-Politika tax-Xjenza dwar is-Sustanzi Kimiċi, l-Iskart u biex jiġi miġġieled it-Tniġġis (ISPCWP, Intergovernmental Science-Policy Panel on Chemicals, Waste and Pollution) f’Lulju 2025. Dan, flimkien ma’ ftehimiet reċenti bħall-Qafas Globali għas-Sustanzi Kimiċi u l-ftehimiet ambjentali multilaterali (MEA, Multilateral Environmental Agreement), ikompli jgħolli l-livell fl-indirizzar tat-tniġġis, u jpoġġi l-indirizzar tiegħu fl-istess livell mal-isforzi għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima u tat-telf tal-bijodiversità. In-negozjati tat-Trattat Globali dwar il-Plastik se jkomplu u l-UE se timmira għal ftehim ambizzjuż li jmur lil hinn mill-immaniġġjar tal-iskart tindirizza ċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-plastik. L-istrumenti globali u/jew tan-NUKEE eżistenti bħall-Konvenzjonijiet ta’ Minamata, ta’ Basel, ta’ Rotterdam u ta’ Stokkolma kif ukoll il-Protokoll ta’ Gothenburg qegħdin jiġu implimentati b’mod kostanti, biex joħolqu kundizzjonijiet ekwi għal għadd dejjem akbar ta’ sustanzi kimiċi u ta’ sorsi ta’ tniġġis.
Il-Qafas Globali tal-Bijodiversità jistabbilixxi l-mira li jitnaqqas it-tniġġis għal livelli li ma humiex ta’ ħsara għall-bijodiversità. Il-miri nazzjonali tal-UE kkomunikati lill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika fl-2024 biex jiġi implimentat il-qafas globali tal-bijodiversità jibnu fuq il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero. Il-progress li sar fl-ilħuq ta’ dawn il-miri u l-miżuri meħuda biex isir dan se jiġu rrapportati mill-partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni fl-2026.
Dwar it-tniġġis tal-arja, il-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan tgħaqqad 159 pajjiż parteċipanti u l-Kummissjoni Ewropea flimkien sabiex jintlaħaq għan li l-emissjonijiet tal-metan jitbaxxew għal 30 % taħt il-livelli tal-2020 sal-2030.
Pjaneta aktar nadifa – tniġġis żero permezz tal-kooperazzjoni
Il-
Konvenzjoni ta’ Minamata
kellha suċċess kbir fl-eliminazzjoni tat-tniġġis tal-merkurju madwar id-dinja. Fl-2023, il-Konferenza tal-Partijiet qablet li tipprojbixxi ħames kategoriji ta’ fanali li fihom il-merkurju kif ukoll batteriji, swiċċijiet, rilejs u kożmetiċi. Fl-2025, kien possibbli li jintlaħaq qbil dwar projbizzjoni globali fuq il-merkurju fl-amalgama dentali. Dawn id-deċiżjonijiet globali jkomplu jappoġġaw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ambjent mill-effetti dannużi tal-merkurju.
Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex dawn il-ftehimiet multilaterali jiġu implimentati b’suċċess. B’mod partikolari għall-istabbiliment tal-ISPCWP, se jkun importanti li dan isir operazzjonali u li jintlaħaq qbil dwar programm ta’ ħidma li jaqbel mal-ambizzjoni tiegħu u li jikkomplementa l-ħidma tal-Bordijiet Intergovernattivi għat-Tibdil fil-Klima u l-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema. Perspettiva globali dwar it-tniġġis tkun il-punt tat-tluq ideali biex jiġu identifikati l-iskala u l-oqsma ta’ prijorità għal azzjoni globali. L-UE se tkompli wkoll taħdem mill-qrib mal-ġirien li magħhom tikkondividi reġjun tal-baħar jew xmajjar transkonfinali. F’dan il-kuntest, huwa kruċjali li jiġi enfasizzat l-appoġġ tal-UE
lill-Balkani tal-Punent u lil pajjiżi tat-tkabbir oħrajn, peress li ħafna minn dawn l-ekonomiji għandhom industriji li jniġġsu ħafna u infrastrutturi tal-ġestjoni tal-ilma u tal-immaniġġjar tal-iskart bi prestazzjoni agħar minn dik mistennija. Dawn l-isfidi jirriżultaw ukoll fi tniġġis transkonfinali, li jaffettwa direttament il-kapaċità tal-Istati Membri ġirien tal-UE li jiksbu l-miri tagħhom.
Il-Kummissjoni se tkompli taħdem ukoll fuq il-prevenzjoni u fuq il-kontroll tat-tniġġis f’diskussjonijiet bilaterali mas-sħab tagħha madwar id-dinja. F’dan il-kuntest, is-sħubijiet għal kummerċ u għal investimenti nodfa joffru opportunità biex jinħolqu sinerġiji bejn il-politiki dwar il-klima u t-tniġġis.
Il-Kummissjoni se
-
tkompli taħdem fuq l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali (MEAs) li l-UE hija firmatarja għalihom u
-
tieħu rwol ta’ mexxejja fl-implimentazzjoni tal-Bord Intergovernattiv tal-Politika tax-Xjenza dwar is-Sustanzi Kimiċi, l-Iskart u biex jiġi miġġieled it-Tniġġis.
5Konklużjonijiet u l-passi li jmiss
F’Mejju 2021, l-UE bdiet vjaġġ pijunier lejn it-tniġġis żero li jikkontribwixxi għall-kompetittività u għar-reżiljenza sostenibbli fit-tul tal-Ewropa. Dan ir-rieżami ta’ nofs it-terminu jenfasizza l-progress li sar fl-ilħuq tal-miri tal-2030, bi tnaqqis sinifikanti fit-tniġġis tal-arja, fl-użu tal-pestiċidi u fit-tniġġis tal-baħar mill-plastik. Madankollu, għadhom jippersistu l-isfidi, b’mod partikolari fl-immaniġġjar tal-iskart u fit-tniġġis mill-mikroplastiks, akustiku u tan-nutrijenti.
It-tranżizzjoni lejn ekonomija bi tniġġis żero hija kemm fattibbli fit-tul kif ukoll ekonomikament ta’ benefiċċju – jekk tkun iggwidata minn politiki inklużivi u li jħarsu ’l quddiem u appoġġata minn finanzjament suffiċjenti minn firxa ta’ sorsi.
Bħala parti mill-aġenda politika għall-2024-2029, il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politiki li jirfdu t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali li fiha d-dekarbonizzazzjoni, l-adattament għat-tibdil fil-klima, iċ-ċirkolarità, il-protezzjoni tal-bijodiversità, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tniġġis żero jmorru id f’id mal-approċċ “Saħħa Waħda” appoġġati minn ekonomija ċirkolari kompetittiva, reżiljenti u inklużiva.
Bħala l-passi li jmiss, il-Kummissjoni se tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki miftiehma inklużi l-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma, il-Patt għall-Oċeani u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Industrija tas-Sustanzi Kimiċi.
Il-Pjan tal-UE dwar is-Saħħa Kardjovaskulari l-ġdid jippromwovi azzjoni preventiva f’konformità ma’ Saħħa Waħda, u b’hekk jikkontribwixxi għal riżultati aħjar fil-qasam tas-saħħa għall-persuni u għall-ekosistemi. L-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijoekonomija u l-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari ppjanat huma parti minn sforzi usa’ biex il-prinċipji taċ-ċirkolarità jiġu integrati aħjar fil-politiki pubbliċi, biex tiġi żgurata tranżizzjoni kompetittiva fil-kostijiet, effiċjenti fir-riżorsi u ġusta.
Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Patt għal Industrija Nadifa u l-Boxxla għall-Kompetittività, il-Kummissjoni se torbot mill-qrib l-objettivi klimatiċi mal-kobenefiċċji tat-tnaqqis tat-tniġġis, filwaqt li tiżgura ambjent mingħajr tossiċità, tippromwovi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u toħloq suq uniku għall-materja prima sekondarja u għall-iskart.
Il-Kummissjoni se tieħu rendikont tal-progress b’aġġornamenti regolari tal-Qafas ta’ Monitoraġġ u Prospettiva ta’ Tniġġis Żero (bħalissa ppjanati għall-2026 u għall-2028) u se tanalizza t-trajettorji possibbli biex it-tranżizzjoni nadifa timxi ’l quddiem lejn l-2040 billi tikkomplementa l-miri klimatiċi tal-2040 b’miri tat-tniġġis realistikament ambizzjużi, b’appoġġ b’saħħtu tal-aġenda ta’ implimentazzjoni leġiżlattiva tagħha.
Li nimxu ’l quddiem fit-tniġġis żero huwa pass vitali lejn futur aktar f’saħħtu, aktar sostenibbli u reżiljenti. Billi nagħtu prijorità lil kompetittività nadifa u ċirkolari u nippromwovu prattiki ekoloġiċi, huwa possibbli li niżguraw Ewropa reżiljenti u prospera għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.